IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 10.3.2026
COM(2026) 116 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Strateġija għall-Investiment fl-Enerġija Nadifa
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52026DC0116
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS Clean Energy Investment Strategy
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġija għall-Investiment fl-Enerġija Nadifa
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġija għall-Investiment fl-Enerġija Nadifa
COM/2026/116 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 10.3.2026
COM(2026) 116 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Strateġija għall-Investiment fl-Enerġija Nadifa
1Introduzzjoni
It-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa hija vitali għall-awtonomija strateġika, għall-kompetittività u għall-prosperità sostenibbli tal-Ewropa. Id-dekarbonizzazzjoni hija opportunità għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi madwar l-Ewropa. Kif jenfasizza r-rapport ta’ Draghi 1 , biex l-ambizzjonijiet tagħna jinbidlu f’realtà hemm bżonn ta’ livelli bla preċedent ta’ investiment u b’mod partikolari ta’ approċċ aktar integrat għall-mobilizzazzjoni tal-kapital pubbliku u privat.
Il-Kummissjoni tistma 2 li biex nilħqu l-objettivi tagħna tat-tranżizzjoni tal-enerġija u niżguraw enerġija affordabbli, effiċjenti u nadifa għall-Ewropej kollha, il-livelli ta’ investiment fis-settur tal-enerġija jridu jilħqu madwar EUR 660 biljun fis-sena bejn l-2026 u l-2030, li jiżdiedu għal EUR 695 biljun fis-sena mill-2031 sal-2040. Din hija żieda sostanzjali meta mqabbla mal-medja annwali ta’ EUR 240 biljun osservata bejn l-2011 u l-2021. Dawn l-investimenti jeħtieġ li jinkludu n-naħa tal-provvista (ġenerazzjoni), id-domanda (effiċjenza enerġetika), u l-infrastruttura (grilji).
Il-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) huwa finanzjatur fundamentali tat-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn enerġija nadifa, li jgħaqqad is-self, il-garanziji, l-investiment u l-appoġġ konsultattiv biex titħaffef il-bidla lejn sistema tal-enerġija sigura, kompetittiva u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. F’dan il-kuntest, il-Grupp beħsiebu jipprovdi aktar minn EUR 75 biljun ta’ finanzjament matul it-3 snin li ġejjin b’appoġġ għall-objettivi tat-tranżizzjoni tal-enerġija u din l-Istrateġija għall-Investiment fl-Enerġija Nadifa, abbażi tal-firxa sħiħa ta’ prodotti finanzjarji u servizzi ta’ konsulenza għad-dispożizzjoni tiegħu.
Barra minn hekk, inizjattivi Ewropej bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa — Enerġija (FNE), il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF, Recovery and Resilience Facility) u l-kapitoli tar-REPowerEU, għenu biex jiġu aċċellerati l-investimenti. Madankollu, għad hemm ostakli għall-pass u l-iskala tal-mobilizzazzjoni tal-kapital privat fis-segmenti tal-enerġija nadifa. Filwaqt li l-Ewropa tipprovdi prevedibbiltà regolatorja u stabbiltà tal-politika għall-mobilizzazzjoni tal-kapital istituzzjonali fit-tul, il-proċessi twal għall-ħruġ tal-permessi u għall-konnessjoni mal-grilja jnaqqsu l-varar u jżidu r-riskji. Is-swieq frammentati — b’regoli, bi standards u bi prattiki ta’ ppjanar diverġenti — iżidu l-kostijiet tat-tranżazzjoni u jxekklu l-espansjoni. F’ħafna oqsma, il-valur sħiħ tas-sistema tal-investimenti fl-enerġija nadifa ma huwiex rifless, u dan inaqqas l-attraenza tagħhom għall-investituri privati. Evidenza reċenti tissuġġerixxi li f’ċerti setturi t-tkabbir tal-investiment qed jonqos u saħansitra qed jitreġġa’ lura.
Il-kapital privat huwa disponibbli u jrid jiġi mmobilizzat
Madanakollu, l-iskala ta’ investiment meħtieġa għat-tranżizzjoni tal-enerġija taqbeż bil-kbir il-kapaċità ta’ finanzjament pubbliku mill-baġits nazzjonali, mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) u mill-Grupp tal-BEI. Il-fondi pubbliċi jridu jintużaw mhux bħala sors primarju ta’ finanzjament, iżda bħala lieva strateġika biex tiġi attirata din it-taħlita usa’ ta’ finanzjament bankarju u tas-suq kapitali biex fl-aħħar mill-aħħar jonqos il-kost globali tat-tranżizzjoni. Dan huwa partikolarment importanti f’sistema tal-enerġija dejjem aktar xprunata min-nefqa kapitali bil-quddiem. Barra minn hekk, l-appoġġ pubbliku jista’ jgħin biex il-kostijiet tat-tranżizzjoni jitqassmu tul il-ħajja tal-assi, u b’hekk jiġu evitati l-ogħla livelli tal-prezzijiet fuq terminu qasir.
L-ilħuq tal-iskala u tal-ambitu tal-ħtiġijiet ta’ investiment jiddependi fuq id-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ finanzjament biex jiġu mmobilizzati bis-sħiħ il-kapital istituzzjonali, il-kapital ta’ riskju, u l-ekwità privata kif ukoll is-sorsi tradizzjonali. Meta wieħed iħares ’il quddiem, is-suċċess tal-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti se jkun essenzjali għall-istabbiliment tas-swieq kapitali profondi u likwidi meħtieġa għal dan l-għan.
Din l-istrateġija għandha l-għan li tiffaċilita l-mobilizzazzjoni tal-investiment privat fis-settur tal-enerġija billi ttejjeb ir-rabta bejn il-kapital privat disponibbli u r-riżerva ta’ proġetti tal-enerġija tal-Ewropa. Madwar EUR 33,7 triljun f’assi huma taħt ġestjoni privata fl-Ewropa 3 . L-investituri istituzzjonali (eż. assiguraturi u fondi ta’ pensjoni) jikkontrollaw aktar minn EUR 12-il triljun 4 ta’ assi fl-Ewropa u jfittxu r-redditi stabbli u fit-tul li l-proġetti tal-enerġija jistgħu jipprovdu, b’qafas xieraq fis-seħħ.
L-Istrateġija għall-Investiment fl-Enerġija Nadifa tikkomplementa inizjattivi tal-UE, kif ukoll l-azzjonijiet tal-Istati Membri mmirati biex inaqqsu r-riskju u l-inċertezza, u joħolqu kundizzjonijiet ta’ investiment stabbli u attraenti, u b’hekk isaħħu l-kompetittività u s-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa.
2L-isfruttar tal-kapital privat fuq l-iskala meħtieġa biex titwettaq it-tranżizzjoni tal-enerġija
Għalhekk, din l-Istrateġija għall-Investiment fl-Enerġija Nadifa hija mfassla biex tippromwovi l-mobilizzazzjoni tal-kapital privat, it-tnaqqis immirat tar-riskji tal-investimenti, u kooperazzjoni strutturata mal-komunità finanzjarja.
APPOĠĠ GĦALL-AĊĊESS GĦAS-SWIEQ KAPITALI GĦALL-INFRASTRUTTURA TAL-ENERĠIJA
Investimenti akbar u aċċellerati fil-grilji u n-networks, is-sinsla tas-sistema tal-enerġija, huma essenzjali għall-kompetittività u s-sigurtà Ewropej. Ir-rapport ta’ Draghi jwissi li sempliċiment l-investiment fil-ġenerazzjoni tal-elettriku nadif ma huwiex biżżejjed; sforzi paralleli biex tissaħħaħ u biex tiġi mmodernizzata l-infrastruttura tan-network u l-integrazzjoni tas-sistema, inkluż permezz ta’ soluzzjonijiet innovattivi u diġitali, huma essenzjali biex tiġi żgurata tranżizzjoni tal-enerġija b’suċċess. Madankollu, il-mekkaniżmi ta’ finanzjament kurrenti jonqsu milli jimmobilizzaw il-kapital fuq l-iskala u bil-veloċità meħtieġa.
Sabiex jitnaqqsu dawn id-diskrepanzi, u b’mod li jikkomplementa l-Pakkett dwar il-Grilji Ewropej, il-Kummissjoni, f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Grupp tal-BEI, se timplimenta strateġija mmirata biex tittrasforma d-drittijiet finanzjarji għal flussi ta’ flus futuri assoċjati mal-assi tal-enerġija f’titoli likwidi u ta’ grad ta’ investiment.
Barra minn hekk, il-programmi leġiżlattivi, kif ukoll ir-riformi għall-qafas prudenzjali għall-assiguraturi mwettqa skont ir-rieżami tar-Regolament Delegat ta’ Solvenza II, se jkollhom rwol ċentrali fl-iżblukkar tal-kapital privat. Billi jnaqqsu l-kost tal-investimenti fl-ekwità u tat-titolizzazzjonijiet fit-tul u jirrikonoxxu l-effett ta’ tnaqqis tar-riskju tal-garanziji tal-UE jew nazzjonali fir-rekwiżiti kapitali, dawn ir-riformi jistgħu jinkoraġġixxu l-investimenti fl-enerġija nadifa. L-assiguraturi se jkunu meħtieġa jintegraw xenarji klimatiċi li jħarsu’ l quddiem fil-ġestjoni tar-riskju tagħhom, li għandhom ikomplu jappoġġaw bidla gradwali tal-investimenti lejn enerġija nadifa.
Azzjoni 1: Tisħiħ tal-Karti tal-Bilanċ tal-Operatur tal-Grilja
Sabiex jiġi żgurat li l-operaturi (DSOs u TSOs) ikunu jistgħu jiffinanzjaw titjib massiv fl-infrastruttura filwaqt li jżommu klassifikazzjonijiet tal-kreditu għoljin, se jintużaw sett ta’ faċilitajiet imfassla għall-ħtiġijiet differenti tal-operaturi:
a) Fond ta’ Investiment għall-Infrastruttura Strateġika (Fond SII, Strategic Infrastructure Investment Fund)
Ħafna proġetti kruċjali għat-tranżizzjoni tal-enerġija jonqsu milli jilħqu għeluq finanzjarju minħabba lakuni fl-ekwità li l-fondi speċjalizzati, jew l-investituri privati ma jistgħux ikopru waħedhom. Biex jindirizza dan, il-Fond ta’ Investiment għall-Infrastruttura Strateġika (Fond SII) se jaġixxi bħala Pjattaforma ta’ Ekwità li tiffaċilita l-Koinvestiment immirat tal-Proġetti flimkien mal-fondi tal-infrastruttura.
Il-Grupp tal-BEI se jimpenja ruħu b’ammont indikattiv sa EUR 500 miljun, filwaqt li jipprovdi l-kapital ta’ ankraġġ meħtieġ biex jinvesti fi proġetti speċifiċi tal-infrastruttura tal-enerġija. Dan il-mudell kollaborattiv jippermetti lill-maniġers privati jisfruttaw il-perjodu ta’ investiment fit-tul u l-għarfien espert tekniku tal-BEI, filwaqt li jiżguraw li l-ekwità privata fuq skala kbira tiġi mmobilizzata fl-aktar segmenti kritiċi tan-network Ewropew tal-enerġija.
Koinvestimenti jippermettu appoġġ immirat għal dawk il-proġetti jew il-kumpaniji li ma għandhomx finanzjament jew li jbatu biex jiġbru biżżejjed kapital biex ilestu l-pjanijiet ta’ investiment tagħhom. Dan jiżgura l-massimizzazzjoni tal-impatt tal-Grupp tal-BEI, permezz ta’ strateġiji mmirati li jindirizzaw oqsma ta’ prijorità ta’ politika definiti b’mod ċar, li jkun diffiċli li jiġu mqabbla permezz tal-istrateġiji ġeneralisti tradizzjonali disponibbli fis-suq.
b) Il-Faċilità ta’ Titolizzazzjoni għall-Operaturi
Filwaqt li jibnu fuq ir-rwol stabbilit tal-Grupp tal-BEI fil-finanzjament tal-infrastruttura tal-enerġija Ewropea, il-Kummissjoni u l-Grupp tal-BEI beħsiebhom jikkollaboraw fuq Faċilità tat-Titolizzazzjoni għall-Operaturi (OSF, Operator Securitisation Facility). Din l-inizjattiva jkollha l-għan li tikkomplementa l-istrumenti eżistenti tal-BEI billi tevalwa l-istrutturi ta’ finanzjament li ma jidhrux fil-karta tal-bilanċ li jistgħu jikkonvertu flussi ta’ dħul regolati futuri f’likwidità immedjata. L-objettiv primarju huwa li jiġi evalwat kif il-kapital istituzzjonali jista’ jiġi mobilizzat b’mod effettiv filwaqt li jiġi żgurat li l-assi fiżiċi jibqgħu taħt sjieda pubblika. Bl-allinjament ta’ durati ta’ finanzjament maċ-ċiklu tal-ħajja twil tal-assi tal-grilja, l-OSF tista’ tgħin fit-tnaqqis tar-riskji ta’ rifinanzjament u tal-kost totali tal-kapital, filwaqt li jiġi appoġġat l-iżvilupp tal-grilja mingħajr pressjoni żejda fuq it-tariffi tal-enerġija. Sabiex jiġu akkomodati l-ħtiġijiet differenti tas-suq u l-profili tal-operaturi, il-qafas propost jibqa’ flessibbli. Filwaqt li l-operaturi tal-grilja fuq skala kbira jistgħu jużaw ħruġ awtonomu, il-faċilità hija miftuħa wkoll biex tesplora l-ġbir flimkien ta’ operaturi differenti tal-grilja bħala għażla potenzjali waħda fost l-oħrajn, b’mod partikolari għal entitajiet iżgħar.
c) Bonds Ibridi
Il-BEI jappoġġa investimenti minn utilitajiet regolati permezz tax-xiri ta’ bonds ibridi 5 . Il-parteċipazzjoni tal-Grupp tal-BEI bħala investitur ta’ appoġġ tipprovdi sinjal pożittiv lil investituri oħra u tagħti spinta lill-interess fil-proċess tal-ġbir ta’ fondi. Dan isaħħaħ ukoll il-pożizzjoni finanzjarja tal-operaturi minħabba li l-istrumenti użati huma ttrattati bħala ekwità, u dan huwa ta’ benefiċċju għall-karti tal-bilanċ tagħhom.
Azzjoni 2: Appoġġ għall-aċċess għall-finanzjament għall-operaturi permezz tat-titolizzazzjoni tas-self u s-self intermedjat għall-operaturi ż-żgħar
Il-Kummissjoni se tesplora, flimkien mal-BIE, kif jista’ jingħata appoġġ aħjar għall-aċċess għall-finanzjament għall-operaturi tal-grilja billi tillibera l-kapaċità ta’ self tal-banek, tippermettilhom jagħtu self ġdid lill-operaturi tal-grilja mingħajr dipendenza diretta fuq is-sussidji pubbliċi jew il-baġits tal-Istat, filwaqt li jiġi attirat il-kapital istituzzjonali privat.
L-għan huwa li l-banek kummerċjali jiġu inċentivati jagħtu self ġdid lill-operaturi tal-grilja, inkluż billi jipprovdu appoġġ għall-promozzjoni tat-titolizzazzjoni tal-portafolli tas-self eżistenti, f’konformità mal-qafas tat-titolizzazzjoni tal-UE, sabiex il-banek parteċipanti jużaw il-kapaċità tal-karta tal-bilanċ illiberata biex jestendu self ġdid lill-operaturi tal-grilja. Il-Grupp tal-BEI jista’ jikkontribwixxi għall-inizjattiva permezz tal-prodotti eżistenti tiegħu, inkluża t-titolizzazzjoni — kontinġenti fuq domanda li tintwera.
Barra minn hekk, filwaqt li jiġi rikonoxxut li x-xenarju tad-DSO tal-UE jikkonsisti f’għadd kbir u varjat ta’ operaturi b’daqsijiet, ambjenti legali u reġimi regolatorji differenti, il-banek kummerċjali reġjonali u lokali jista’ jkollhom rwol importanti biex tingħeleb il-frammentazzjoni tas-settur u tiġi appoġġata l-aggregazzjoni tal-proġetti għall-operaturi ż-żgħar. Wara t-tħabbira reċenti tal-ewwel operazzjoni tat-Tkabbir għall-Enerġija 6 , il-BEI se jkabbar l-skala ta’ din l-inizjattiva, abbażi tal-ispeċifiċitajiet u l-ħtiġijiet ta’ kull Stat Membru. Din il-faċilità se ssaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jsellfu lil operaturi żgħar.
Tnaqqis tar-riskji permezz tal-Użu strateġiku tal-Fondi Pubbliċi
Il-kapital pubbliku għandu rwol vitali fit-tnaqqis tar-riskji u fil-mobilizzazzjoni tal-finanzjament privat għat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa. Il-QFP kien għodda ewlenija biex jitnaqqsu r-riskji ta’ investimenti fl-enerġija nadifa, li jipprovdi finanzjament pubbliku kruċjali, inkluż permezz tal-programm InvestEU, il-programm ta’ investiment ewlieni tal-Unjoni Ewropea. InvestEU jappoġġa l-investimenti fl-enerġija nadifa b’mod trażversali permezz ta’ garanziji, li jippermettu l-investiment fi proġetti u f’intrapriżi li jimmiraw l-istadji kollha tal-iżvilupp, inklużi kumpaniji start-up sa stadju ta’ scale-up kif ukoll l-implimentazzjoni. Sa issa, InvestEU mmobilizza aktar minn EUR 57 biljun f’investimenti relatati mal-enerġija.
Il-proposta tal-Kummissjoni għall-QFP li jmiss tafferma mill-ġdid l-appoġġ kontinwat għall-manifattura tat-teknoloġija nadifa u l-katina tal-provvista tagħha 7 u l-proġetti ta’ tranżizzjoni tal-enerġija, inkluż fl-istadju tar-riċerka u innovazzjoni (R&I), fost l-oħrajn billi ssaħħaħ l-istrumenti finanzjarji biex timmobilizza l-investiment privat. Il-finanzjament għall-investimenti fl-enerġija huwa disponibbli b’mod partikolari taħt il-PSNR, il-FEK, Orizzont Ewropa u taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) – Enerġija li l-baġit tagħha żdied b’ħames darbiet għal madwar EUR 30 biljun. Il-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Euratom se jkompli jkun strument ewlieni biex jappoġġa r-riċerka u l-innovazzjoni nukleari.
F’Ġunju 2025, il-Kummissjoni adottat il-Qafas għall-Għajnuna mill-Istat tal-Patt għal Industrija Nadifa (CISAF, Clean Industrial Deal State aid Framework) 8 li jistabbilixxi l-kriterji li l-Kummissjoni se tapplika għall-valutazzjoni tal-proposti ta’ għajnuna tal-Istati Membri għall-appoġġ finanzjarju biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt għal Industrija Nadifa u t-tranżizzjoni b’emissjonijiet żero netti. Is-CISAF se jippermetti l-għoti ta’ għajnuna rapida għal proġetti. Dan jikkontribwixxi għar-reżiljenza tal-UE billi jaċċellera l-indipendenza mill-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili, id-dekarbonizzazzjoni tal-industrija u investimenti ġodda fil-manifattura tat-teknoloġija nadifa, filwaqt li jippreserva l-integrità tas-Suq Uniku.
Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu użu mis-CISAF biex jaċċelleraw l-enerġija nadifa, il-miżuri ta’ flessibbiltà mhux fossili u l-mekkaniżmi tal-kapaċità, il-miżuri ta’ dekarbonizzazzjoni industrijali, u jikkontribwixxu għat-tnaqqis tar-riskji mill-investiment f’dawn l-oqsma prijoritarji permezz ta’ fondi ta’ investiment iddedikati. Il-Kummissjoni tistma li s-CISAF jista’ jimmobilizza investimenti fil-firxa ta’ biljuni bi tliet ċifri jekk l-Istati Membri jkomplu jistabbilixxu skemi simili bħal dawk stabbiliti taħt il-Qafas Temporanju ta’ Kriżi u ta’ Tranżizzjoni (TCTF, Temporary Crisis and Transition Framework). 9
Bħala parti mill-Patt għal Industrija Nadifa, il-Kummissjoni stabbiliet ukoll Rakkomandazzjoni għat-tfassil ta’ miżuri tat-taxxa kosteffettivi, sempliċi u f’waqthom li jistimulaw l-investiment f’teknoloġiji nodfa u d-dekarbonizzazzjoni industrijali. 10
Azzjoni 3: Tnaqqis tar-riskji tat-teknoloġiji innovattivi għall-ġenerazzjoni tal-enerġija nadifa u l-ħżin fit-tul
L-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija tistma li madwar 35 % tat-tnaqqis tal-emissjonijiet meħtieġ sal-2050 se jiddependi fuq teknoloġiji li għadhom ma humiex disponibbli fis-suq. 11 Is-suċċess tat-tranżizzjoni huwa strutturalment dipendenti fuq l-innovazzjoni — fuq it-tmexxija ’l quddiem ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ teknoloġiji tal-enerġija nadifa li kapaċi jwasslu enerġija affordabbli, affidabbli u dekarbonizzata fuq skala kbira. Il-Kummissjoni tipproponi l-azzjonijiet li ġejjin biex tappoġġa l-innovazzjoni:
a)Inwasslu l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ teknoloġiji tal-enerġija nadifa għall-kummerċjalizzazzjoni
Il-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-Grupp tal-BEI se żżid l-appoġġ għal investimenti privati f’teknoloġiji innovattivi tal-enerġija nadifa (eż. il-ħżin tal-enerġija fit-tul (LDES), teknoloġija eolika lil hinn mill-kosta galleġġanti li żżomm f’wiċċ l-ilma, installazzjoni fotovoltajka solari galleġġanti, l-enerġija mill-oċeani (mewġ u marea), u l-enerġija eolika fl-ajru; forom ġodda ta’ varar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bħall-agrivoltajċi, is-soluzzjonijiet rinnovabbli avvanzati b’bażi bijoloġika, il-qbid u l-ħżin tal-karbonju (CCS) u l-qbid, l-użu u l-ħżin tal-karbonju (CCUS)) u għall-espansjoni ta’ teknoloġiji stabbiliti fi swieq ġodda b’riskji speċifiċi ta’ żvilupp (eż. inċertezzi ġeofiżiċi għal proġetti ġeotermali). Dan jista’ jinkludi t-tisħiħ jew l-estensjoni tal-mekkaniżmi eżistenti, bħall-operazzjonijiet ta’ dejn ta’ riskju u ta’ ekwità li jistgħu jkunu eliġibbli għal appoġġ mill-programm InvestEU. Se tesplora wkoll l-investiment f’fondi b’enfasi fuq it-teknoloġiji tal-enerġija nadifa, inkluż il-ħżin tal-enerġija għal durata twila (LDES, Long-Duration Energy Storage).
Barra minn hekk, it-tnaqqis tar-riskji ta’ teknoloġiji nodfa, speċjalment fejn niddependu fuq fornituri ta’ pajjiżi terzi b’riskju għoli, bħal pereżempju għal invertituri solari, jeħtieġ li jissaħħaħ fil-livell nazzjonali u tal-UE. Huwa essenzjali li titwettaq analiżi bir-reqqa tar-riskji taċ-ċibersigurtà għall-użi kollha kkunsidrati għall-finanzjament, u li jiġu ddefiniti miżuri xierqa ta’ mitigazzjoni tar-riskju, meta jkun meħtieġ.
Is-Sistema msaħħa u estiża għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet se żżid l-inċentivi ekonomiċi għat-teknoloġiji tal-enerġija nadifa u b’hekk tnaqqas ir-rekwiżiti ta’ appoġġ finanzjarju. Il-programm Orizzont Ewropa u l-Fond għall-Innovazzjoni se jkomplu jipprovdu appoġġ ta’ għotja rilevanti. Pereżempju, taħt il-programm ta’ ħidma 2026-27 ta’ Orizzont Ewropa, il-Kummissjoni qed tniedi Sejħa ewlenija ta’ EUR 600 miljun biex tappoġġa l-Patt għal Industrija Nadifa u qed taċċellera l-maturità teknoloġika u t-tħejjija tas-suq ta’ dimostraturi avvanzati ta’ teknoloġija nadifa u dekarbonizzazzjoni industrijali. Barra minn hekk, skont il-Pjan Direzzjonali Strateġiku li jmiss għad-Diġitalizzazzjoni u l-IA fl-Enerġija, il-Kummissjoni se tniedi azzjoni dwar id-diġitalizzazzjoni tal-ħruġ ta’ permessi biex tappoġġa l-iżvilupp ta’ portal pilota għall-ħruġ ta’ permessi diġitali b’għodod tal-IA Ġenerattiva.
b)Reatturi Modulari Żgħar / Reatturi Modulari Avvanzati (SMRs/AMRs, Small Modular Reactors/Advanced Modular Reactors)
Diversi kunċetti tal-SMR, inklużi disinji modulari u tal-Ġenerazzjoni IV avvanzati, qed jimxu ’l quddiem lejn dimostrazzjoni f’dan id-deċennju. Il-Kummissjoni llum qed tadotta Strateġija għall-iżvilupp u għall-varar tal-SMRs fl-Ewropa 12 . Jekk dawn it-teknoloġiji jridu jilħqu l-istadju tal-kummerċjalizzazzjoni kmieni fis-snin 2030, jeħtiġilna nindirizzaw l-isfidi ta’ finanzjament minħabba r-riskji ogħla tat-teknoloġija u tal-varar.
Il-Grupp tal-BEI se jappoġġa, permezz ta’ dejn ta’ riskju u prodotti finanzjarji oħra, it-tnaqqis tar-riskji ta’ investimenti allinjati mal-istrateġija tal-SMR u l-faċilitajiet taċ-ċiklu tal-fjuwil u l-katina tal-provvista assoċjati, li jistgħu jkunu eliġibbli għall-appoġġ ukoll taħt il-programm InvestEU 13 .
c)Appoġġ għal scale-up ta’ teknoloġiji ġodda tal-enerġija nadifa permezz tal-Fond Scale-up Europe
Bħala parti mill-Istrateġija tal-UE għall-Kumpaniji Start-up u Scale-up ippubblikata f’Mejju 2025, il-Kummissjoni nediet Fond Scale-up Europe ġestit u kofinanzjat privatament biex titnaqqas id-diskrepanza fil-finanzjament għal kumpaniji scale-up ta’ teknoloġija profonda u rivoluzzjonarja. Il-fondi ta’ riskju korporattivi tal-enerġija u investituri interessati potenzjali oħra fl-enerġija nadifa innovattiva diġà jistgħu jingħaqdu man-Network ta’ Investituri Fdati eżistenti billi jsiru sħab ta’ investiment fil-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni, li se jkun ikkomplementat mill-Fond Scale-up Europe.
d)Tisħiħ tal-finanzjament għall-effiċjenza enerġetika
Il-Kummissjoni flimkien mal-Grupp tal-BEI qed taħdem fuq it-tisħiħ tal-Prodott ta’ Garanzija tas-Sostenibbiltà ta’ InvestEU, ġestit mill-FEI. Din iż-żieda fil-kapaċità, flimkien mal-introduzzjoni ta’ opportunitajiet ġodda permezz ta’ koinvestimenti, konsegwentement se jippermettu aċċess ulterjuri għall-prodott għad-dekarbonizzazzjoni u għall-effiċjenza enerġetika tal-intrapriżi żgħar u medji (SMEs, small and medium-sized enterprises).
F’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Enerġija Affordabbli, fl-2026 il-Kummissjoni u l-Grupp tal-BEI se jniedu skema pilota bl-għan li jisfruttaw EUR 500 miljun ta’ finanzjament biex jaċċelleraw ukoll l-offerta u l-adozzjoni tal-mudelli tal-“effiċjenza enerġetika bħala servizz”, flimkien ma’ fondi ta’ investiment speċjalizzati u bl-appoġġ potenzjali taċ-Ċentru ta’ Konsulenza tal-InvestEU. Dan se jikkomplementa l-appoġġ kurrenti tal-Grupp tal-BEI għas-servizzi tal-enerġija, u għas-soluzzjonijiet ta’ dekarbonizzazzjoni għall-SMEs.
Fil-QFP li jmiss, l-objettivi dwar l-effiċjenza enerġetika għandhom jiġu appoġġati taħt il-Fond Ewropew għall-Kompetittività il-ġdid. Strument li Jaċċellera l-effiċjenza enerġetika jista’ juża l-għodod tal-FEK (eż. kombinazzjoni ta’ għotjiet, appoġġ ripagabbli, servizzi ta’ konsulenza bħall-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti). Dan se jappoġġa l-aggregazzjoni ta’ proġetti ta’ investiment, inkluż għat-tisħin u t-tkessiħ, biex jiżdied l-aċċess tagħhom għas-swieq kapitali, filwaqt li jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ suq kummerċjabbli tal-effiċjenza enerġetika.
Il-Grupp tal-BEI jista’ jkollu rwol ewlieni billi jipproponi offerta konsolidata ta’ finanzjament (eż. self, garanziji u għotjiet), inkluż permezz tar-riżorsi proprji tiegħu.
L-appoġġ tal-Unjoni jista’ jingħata permezz tal-Istrument InvestEU tal-FEK u strumenti bħall-Inizjattiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika għall-SMEs, u jista’ jieħu l-forma ta’ appoġġ ripagabbli, appoġġ konsultattiv u għotjiet.
e)L-iżgurar ta’ sinerġiji u l-massimizzazzjoni ta’ finanzjament pubbliku effettiv għat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa
L-Istati Membri jużaw ukoll fondi nazzjonali biex inaqqsu r-riskji ta’ investimenti fl-enerġija nadifa; madankollu, in-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejniethom jista’ jwassal għal ineffiċjenzi. Bl-isfruttar ta’ oqfsa eżistenti bħat-Task Force għall-Unjoni tal-Enerġija u l-Kunsill ta’ Investiment għat-Tranżizzjoni tal-Enerġija (ara l-Azzjoni 4), il-Kummissjoni se tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni fost l-Istati Membri rigward il-varar tal-iskemi nazzjonali ta’ finanzjament pubbliku tagħhom (eż. permezz ta’ banek promozzjonali nazzjonali). L-għan huwa li tiġi pprovduta gwida politika dwar prijoritajiet komuni u li jiġu ottimizzati l-użi tar-riżorsi, tiġi evitata d-duplikazzjoni fir-riċerka u l-iżvilupp u fi proġetti transfruntiera u tiġi mħeġġa l-kooperazzjoni transfruntiera, il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u proġetti pilota.
Djalogu dwar l-Investiment u Finanzjament Strateġiku Mtejba
Azzjoni 4: L-istabbiliment ta’ Kunsill ta’ Investiment għat-Tranżizzjoni tal-Enerġija
Il-Kummissjoni se tistabbilixxi l-Kunsill ta’ Investiment għat-Tranżizzjoni tal-Enerġija, li jinkludi rappreżentanti mill-istituzzjonijiet tal-investiment (inklużi investituri istituzzjonali) u istituzzjonijiet finanzjarji oħra, Stati Membri u uffiċjali ta’ livell għoli tal-Kummissjoni. Dan se jservi bħala pjattaforma ddedikata ffukata fuq l-enerġija għal feedback strateġiku, li tgħin biex jiġi żgurat li l-politiki u l-finanzjament tal-UE jallinjaw mal-ħtiġijiet tal-investituri u jappoġġaw l-investiment privat fit-tul fis-settur tal-enerġija, filwaqt li jibnu fuq l-esperjenza tad-Djalogu mal-Investituri dwar l-Enerġija stabbilit fl-2022. Se tiżgura li l-attivitajiet tagħha jipproċedu mingħajr ma jikkoinċidu jew jaffettwaw l-istrutturi ta’ governanza futuri tal-FEK. Dan se jinkludi wkoll dimensjoni ta’ innovazzjoni u ta’ adozzjoni mis-suq f’koordinazzjoni mal-Pjan SET u se jesplora sinerġiji potenzjali mal-Pjattaforma ta’ Investiment T-Med.
Il-Kunsill ta’ Investiment għat-Tranżizzjoni tal-Enerġija se jkollu sottogrupp magħmul minn rappreżentanti tal-Grupp tal-BEI, Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (IFIs, International Financial Institutions), Banek u Istituzzjonijiet Promozzjonali Nazzjonali (NBPIs, National Promotional Banks and Institutions) u banek pubbliċi nazzjonali oħra biex jiddiskutu r-rwol ta’ dawn l-istituzzjonijiet fit-tisħiħ tal-flussi ta’ finanzjament għal proġetti tal-enerġija u fit-tisħiħ tal-mobilizzazzjoni tal-kapital privat.
3Konklużjonijiet u t-triq ’il quddiem
L-investiment fit-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa jfisser investiment fis-sigurtà, fil-kompetittività u fis-sostenibbiltà tagħna. Din l-Istrateġija u l-azzjonijiet fil-mira tagħha għandhom l-għan li jgħinu fil-mobilizzazzjoni tal-kapital privat istituzzjonali fuq skala kbira, abbażi tar-rikonoxximent li huwa meħtieġ investiment privat addizzjonali fit-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa għall-kompetittività, is-sigurtà u d-dekarbonizzazzjoni Ewropej.
L-Istrateġija tibni fuq il-politika u l-qafas finanzjarju eżistenti. L-Unjoni Ewropea għandha qafas legali robust u prevedibbli u l-aġenda politika tagħha hija stabbilita b’mod ċar. Il-qafas futur dwar l-enerġija u l-klima għad-deċennju li ġej se jkompli jiċċara l-ambitu u n-natura tal-investimenti meħtieġa. Il-Kummissjoni se tippreżenta Valutazzjoni tal-Ħtiġijiet tas-Sistema tal-Enerġija għat-Tranżizzjoni lejn Enerġija Nadifa (ENACT) u l-pakkett leġiżlattiv ta’ wara l-2030 fil-Q4 2026, li se jkunu bbażati fuq valutazzjoni tal-impatt komprensiva, biex taġġorna d-daqs u n-natura tal-ħtiġijiet ta’ investiment u tipprovdi aktar granularità u għarfien biex tappoġġa t-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-investituri u tal-amministrazzjonijiet pubbliċi.
Il-Pjanijiet Nazzjonali Futuri għall-Enerġija u l-Klima jenħtieġ li jiddistingwu b’mod ċar il-kontribuzzjoni tal-finanzjament pubbliku u l-opportunità għal investimenti privati. Dan se jgħin biex jittejjeb il-fehim tal-opportunitajiet ta’ finanzjament pubbliku u tal-investiment privat madwar l-Istati Membri, filwaqt li jiġi żgurat użu mmirat tar-riżorsi. Il-QFP 2028-2034 u l-iskemi nazzjonali ta’ appoġġ pubbliku se jkunu kritiċi bħala lieva biex jiġi sfruttat il-finanzjament privat.
L-implimentazzjoni b’suċċess tal-Istrateġija għall-Investiment fl-Enerġija Nadifa teħtieġ l-allinjament strateġiku tal-fondi tal-UE u l-politiki abilitanti, flimkien mal-involviment kollettiv tal-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, il-kapital istituzzjonali u l-entitajiet finanzjarji privati. Il-Grupp tal-BEI huwa sieħeb ewlieni fl-implimentazzjoni ta’ din l-Istrateġija li għandu l-ħsieb li jagħmel impenn ġenerali ta’ EUR 75 biljun ta’ finanzjament matul it-3 snin li ġejjin b’appoġġ għall-objettivi tat-tranżizzjoni tal-enerġija u l-istrateġija. Il-programm InvestEU se jamplifika l-kapaċità tal-Grupp tal-BEI u ta’ sħab ta’ implimentazzjoni oħrajn fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ riskju għoli.
L-Istrateġija twassal għar-riżultati mixtieqa biss meta tiġi implimentata bis-sħiħ u b’mod effettiv. Il-Kummissjoni se teżegwixxi u se timmonitorja l-progress lejn l-għanijiet tal-Istrateġija permezz tal-Kunsill ta’ Investiment għat-Tranżizzjoni tal-Enerġija li jipprovdi sħubija strutturata mal-komunità ta’ investiment. L-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta’ Investiment għat-Tranżizzjoni tal-Enerġija se tissejjaħ mill-Kummissjoni Ewropea fil-Q2 2026. Il-progress se jiġi mmonitorjat ukoll fil-kuntest tat-Task Force għall-Unjoni tal-Enerġija.
L-iskala tal-isfida tal-investiment hija sinifikanti. Iżda l-istess huwa l-kapital privat disponibbli li jista’ jiġi mmobilizzat għat-tranżizzjoni tal-enerġija. L-aċċellerazzjoni tal-pass tal-investiment hija importanti ħafna għall-UE biex iżżid il-kompetittività tagħha u twettaq il-Patt għal Industrija Nadifa u l-Pjan ta’ Azzjoni għal Enerġija Affordabbli.
https://commission.europa.eu/topics/eu-competitiveness/draghi-report_en .
Iċ-ċifri kollha relatati mal-ħtiġijiet ta’ investiment f’dan id-dokument, sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor, huma bbażati fuq l-immudellar għall-Valutazzjoni tal-Impatt tal-2040 (SWD/2024/63 final).
EFAMA, Asset Management in Europe (16th Edition, 2024) & EFAMA: Our Industry in Numbers (Paġna ta’ Data Diretta)
EIOPA: EIOPA and the EU Institutions - European Insurance and Occupational Pensions Authority
Il-Bonds Ibridi huma ttrattati parzjalment bħala ekwità u jippermettu lill-operaturi jżidu l-kapaċità tad-dejn tagħhom, u għalhekk il-kapaċità ta’ investiment, mingħajr ma jiksru l-limiti ta’ kreditu jew mingħajr ma jnaqqsu s-sjieda u l-kontroll eżistenti.
F’din l-operazzjoni, il-BEI jkopri perċentwal tal-iskopertura għar-riskju tal-bank kummerċjali għal self għal proġetti tal-enerġija eliġibbli fil-livell ta’ utilità muniċipali, biex jippermetti lill-bank jalloka inqas kapital għal kull self, u b’hekk iżid il-kapaċità ta’ self tiegħu, ara https://www.eib.org/en/press/all/2025-469-eib-and-commerzbank-join-forces-for-eur1-2-billion-energy
F’konformità mal-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti u r-Regolamenti tal-Att dwar il-Materja Prima Kritika
Għal aktar sfond ara: https://competition-policy.ec.europa.eu/about/contribution-clean-just-and-competitive-transition/clean-industrial-deal-state-aid-framework-cisaf_en .
Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-Qafas għall-Għajnuna mill-Istat tal-Patt għal Industrija Nadifa, (SWD(2025) 850 final, 4.11.2025), p.22.
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-2.7.2025 dwar inċentivi tat-taxxa biex jiġi appoġġat il-Patt għal Industrija Nadifa u fid-dawl tal-Qafas għall-Għajnuna mill-Istat tal-Patt għal Industrija Nadifa (C(2025 4319 final)
L-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, Net Zero by 2050 – A Roadmap for the Global Energy Sector, 2021.
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “L-iżvilupp u l-użu fil-futur ta’ reatturi modulari żgħar (SMRs) fl-Ewropa”, COM (2026) 117.
Il-garanzija tal-InvestEU ma tistax tintuża għal operazzjonijiet li jiffukaw fuq id-dekummissjonar, l-operat, l-adattament jew il-kostruzzjoni ta’ impjanti tal-enerġija nukleari.