IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 20.1.2026
COM(2026) 33 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
Li tippermetti lill-Awstrija tiddevja mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill skont ir-Regolament (UE) 2024/1263
(Attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali)
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
Li tippermetti lill-Awstrija tiddevja mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill skont ir-Regolament (UE) 2024/1263
(Attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, u b’mod partikolari l-Artikolu 26 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) 2024/1263, flimkien mar-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, kif emendat, u mad-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri, kif emendata, huma l-elementi ewlenin tal-qafas riformat tal-governanza ekonomika tal-UE. L-għan tal-qafas hu li jiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv permezz ta’ riformi u investimenti. Huwa jippromwovi s-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar effettiv u koerenti tar-regoli.
(2)Ir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti f’rakkomandazzjoni tal-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 17(1), 19 jew 20 tar-Regolament (UE) 2024/1263 huma r-referenza operazzjonali unika għas-sorveljanza fiskali annwali ta’ kull Stat Membru u huma fiċ-ċentru tal-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika. Ir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti minn dik ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill jistabbilixxu restrizzjoni baġitarja għal 4 jew 5 snin, li hija bbażata fuq perjodu ta’ aġġustament ta’ 4 snin li jista’ jiġi estiż b’perjodu addizzjonali ta’ massimu ta’ 3 snin.
(3)Il-qafas jipprevedi flessibbiltà fl-applikazzjoni tar-regoli fil-każ ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali li ma jkunux fil-kontroll tal-Istati Membri, u li għandhom impatt kbir fuq il-finanzi pubbliċi, f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2024/1263. Fil-każ tal-aħħar, wara talba minn Stat Membru u fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni bbażata fuq l-analiżi tagħha, fi żmien 4 ġimgħat mir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill jista’ jadotta Rakkomandazzjoni li tippermetti lil Stat Membru jiddevja mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta tiegħu kif stabbilit mill-Kunsill, fejn (i) ċirkostanzi eċċezzjonali barra mill-kontroll tal-Istat Membru, (ii) ikollhom impatt kbir fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru kkonċernat, u (iii) dment li tali devjazzjoni ma tkunx ta’ periklu għas-sostenibbiltà fiskali fuq it-terminu medju. Il-Kunsill għandu jispeċifika limitu ta’ żmien għal tali devjazzjoni.
(4)Il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE, li ltaqgħu f’Versailles fl-10 u fil-11 ta’ Marzu 2022, impenjaw ruħhom li jsaħħu l-kapaċitajiet Ewropej tad-difiża fid-dawl tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna. Dawn l-għanijiet ġew imtennija fil-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża. Fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar id-difiża Ewropea tas-6 ta’ Marzu 2025, il-Kunsill Ewropew laqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrakkomanda l-attivazzjoni, b’mod ikkoordinat u bħala miżura immedjata, tal-klawżola liberatorja nazzjonali skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.
(5)Fil-Komunikazzjoni tagħha tad-19 ta’ Marzu 2025, il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri kollha biex jagħmlu użu mill-flessibbiltà pprovduta mill-klawżola liberatorja nazzjonali b’mod ikkoordinat bil-ħsieb li jiġi massimizzat l-impatt fuq il-kapaċitajiet ta’ difiża tal-UE. Din il-flessibbiltà għandha l-għan li tiffaċilita t-tranżizzjoni lejn livelli ogħla ta’ nfiq fid-difiża dment li ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju. Dik il-Komunikazzjoni tispjega li l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali tippermetti lill-Istati Membri jiddevjaw mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill meta japprova l-pjanijiet fiskali-strutturali fuq terminu medju jew meta jistabbilixxi l-perkorsi korrettivi fil-qafas tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, sakemm id-devjazzjoni tkun iġġustifikata minn żieda fl-infiq fid-difiża meta mqabbel mas-sena ta’ referenza, u li l-eċċess annwali sal-2028 ma jaqbiżx il-1,5 % tal-PDG. Żidiet lil hinn minn dak l-ammont ikunu soġġetti għall-valutazzjonijiet normali tal-konformità. Massimu bħal dan huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li s-sostenibbiltà fiskali ma tiġix ipperikolata, filwaqt li l-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-flessibbiltà hekk kif jimxu lejn livell ogħla ta’ nefqa fid-difiża. L-ammonti eżatti se jiġu ddeterminati meta tkun disponibbli data tal-eżitu, biex jiġi żgurat li l-flessibbiltà addizzjonali tintuża biss għall-iskop maħsub.
(6)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Lulju 2025 approvat il-perkors tan-nefqa netta tal-Awstrija. Barra minn hekk, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) adottata fl-istess jum stabbiliet perkors korrettiv għall-Awstrija biex id-defiċit eċċessiv jiġi kkoreġut, bl-istess rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta annwali u kumulattivi. Il-flessibbiltà pprovduta mill-klawżola liberatorja nazzjonali se titqies ukoll fl-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, u meta jiġi vvalutat jekk l-Awstrija ħaditx azzjoni effettiva. Għalhekk, sal-2028, il-perkors korrettiv tan-nefqa netta stabbilit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-8 ta’ Lulju 2025 huwa kkomplementat mill-flessibbiltà li hija permessa miż-żieda fin-nefqa fid-difiża skont il-klawżola liberatorja nazzjonali.
(7)Fil-11 ta’ Diċembru 2025, l-Awstrija ppreżentat talba lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, biex tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali.
(8)Fit-talba tagħha, l-Awstrija tistabbilixxi li, f’kuntest ta’ tensjonijiet ġeopolitiċi akbar, il-gwerra ta’ aggressjoni kontinwa tar-Russja kontra l-Ukrajna u t-theddida tagħha għas-sigurtà Ewropea jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni, li tirrikjedi żieda sinifikanti fl-infiq fid-difiża. Din hija sitwazzjoni eċċezzjonali barra mill-kontroll ta’ kull Stat Membru. B’mod speċifiku, l-Awstrija tissottolinja x-xiri ta’ tagħmir militari fl-2025 minħabba d-deterjorament tas-sitwazzjoni ġeopolitika matul is-sena. Fid-dawl ta’ dan, l-Awstrija qiegħda titlob l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali għall-perjodu mill-2025 sal-2028, f’konformità mal-Istati Membri l-oħra li l-Kunsill diġà attiva l-klawżola liberatorja nazzjonali għad-difiża għalihom.
(9)Fit-talba tagħha, l-Awstrija tirrapporta data dwar in-nefqa totali fid-difiża sal-2026 (it-Tabella 1). Barra minn hekk, l-Awstrija biħsiebha tissalvagwardja l-kapaċitajiet ta’ difiża fit-tul tagħha anki wara l-2026. Għalhekk, iż-żieda fin-nefqa fid-difiża għandha impatt kbir fuq il-finanzi pubbliċi tal-Awstrija.
Tabella 1: L-infiq totali fid-difiża fl-Awstrija
|
|
2021 a
|
2022 a
|
2023 a
|
2024 a
|
2025 b
|
2026 b
|
|
Nefqa totali fid-difiża tal-gvern estiż
(% tal-PDG)
|
0,6
|
0,6
|
0,6
|
0,7
|
0,8
|
1,0
|
Sors: a: L-Eurostat; b: Informazzjoni mogħtija lill-Kunsill u lill-Kummissjoni mill-Awstrija.
(10)L-Awstrija tistma li ż-żieda fin-nefqa totali fid-difiża bħala proporzjon mal-PDG mill-2021 sal-2025 kienet bejn wieħed u ieħor ta’ 0,2 punti perċentwali u għalhekk tikkontribwixxi għad-deterjorament tal-bilanċ tal-gvern u għaż-żieda tad-dejn tal-gvern.
(11)Jekk kollox jibqa’ kif inhu, żieda fin-nefqa matul il-perjodu kopert mill-klawżola liberatorja nazzjonali se twassal għal dejn ogħla tal-gvern u għal defiċit ogħla sa tmiem dak il-perjodu. Il-projezzjonijiet indikattivi tal-Kummissjoni u s-suppożizzjoni li sal-2028 jkun hemm adozzjoni lineari taż-żieda sħiħa fin-nefqa tal-gvern permessa minn din ir-Rakkomandazzjoni jissuġġerixxu li l-proporzjon tad-defiċit għall-PDG u l-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2028 jkunu 1,2 pp u 1,7 pp ogħla, rispettivament, milli kieku n-nefqa netta tikber skont il-perkors stabbilit mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill C/2025/3958. Dan x’aktarx ikun jeħtieġ aġġustament fiskali addizzjonali wara l-perjodu ta’ attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-qafas fiskali, inkluż biex jiġi żgurat li l-proporzjon tad-dejn jitqiegħed jew jibqa’ fuq perkors ta’ tnaqqis plawżibbli, jew jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-PDG fuq terminu medju u li d-defiċit jibqa’ jew jitniżżel taħt it-3 % tal-PDG u jinżamm taħt il-valur referenzjarju fuq terminu medju. L-Awstrija tirrikonoxxi li, fil-futur, nefqa strutturali ogħla fid-difiża tista’ tirrikjedi politiki li jippreservaw is-sostenibbiltà fiskali u l-konformità mar-regoli fiskali fuq terminu medju. Iż-żieda limitata projettata fil-livelli tad-defiċit u tad-dejn ikkawżata mill-klawżola liberatorja nazzjonali, flimkien mal-impenn tal-Awstrija li timplimenta l-aġġustament meħtieġ biex tissodisfa r-rekwiżiti kollha tal-qafas fiskali fil-pjan li jmiss, tiżgura li s-sostenibbiltà fiskali tiġi ppreservata fuq terminu medju.
(12)Id-data dwar in-nefqa fid-difiża tal-gvern estiż tiġi kkompilata u rrilaxxata mill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika u mill-Eurostat skont il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Funzjonijiet tal-Gvern (Classification of the Functions of Government, COFOG) fil-qafas tas-Sistema Ewropea tal-Kontijiet Nazzjonali (European System of National Accounts, ESA2010). Din id-data hija xierqa biex jiġi vvalutat l-impatt tal-infiq fid-difiża fuq id-defiċit tal-gvern, id-dejn tal-gvern u n-nefqa netta tal-gvern, u fuq il-kunċetti relatati. L-Eurostat, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika, qiegħed jistabbilixxi proċess ta’ ġbir tad-data. Il-proċess ta’ ġbir tad-data jeħtieġ li jiġi allinjat mar-rekwiżiti ta’ rapportar stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 479/2009.
(13)Barra minn hekk, xi wħud mill-kuntratti għal tagħmir militari ffirmati matul il-perjodu ta’ attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali jistgħu jinvolvu konsenji li jaslu aktar tard, u b’hekk ikollhom impatt fuq il-finanzi pubbliċi biss wara l-perjodu ta’ attivazzjoni tal-klawżola. Sabiex tiġi indirizzata din l-eventwalità, il-flessibbiltà mogħtija skont il-klawżola liberatorja nazzjonali għandha tapplika wkoll għan-nefqa fid-difiża marbuta ma’ tali konsenji li jaslu aktar tard, dment li l-kuntratti korrispondenti jkunu ġew iffirmati matul il-perjodu ta’ attivazzjoni tal-klawżola u li din in-nefqa ttardjata fid-difiża tibqa’ fil-limitu massimu kumplessiv imsemmi hawn fuq.
(14)In-nefqa ffinanzjata mis-self ipprovdut taħt ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/1106 tas-27 ta’ Mejju 2025 li jistabbilixxi l-Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (Security Action for Europe, SAFE) permezz tat-tisħiħ tal-industrija Ewropea tad-difiża, se tibbenefika awtomatikament mill-flessibbiltà msemmija hawn fuq. Għal dan l-għan, l-Istati Membri jirrapportaw lill-Eurostat in-nefqiet kollha relatati mad-difiża li jsiru skont l-Istrument SAFE skont il-kategoriji “prodotti tad-difiża” u “prodotti oħra għall-finijiet tad-difiża” kif definit fir-Regolament (UE) 2025/1106.
(15)Din ir-Rakkomandazzjoni ma timmodifikax id-definizzjonijiet ta’ defiċit tal-gvern, dejn tal-gvern u nefqa netta tal-gvern, u tal-kunċetti relatati. Id-data bbażata fuq dawn il-kunċetti trid tiġi kkumpilata u rrapportata mill-Awstrija f’konformità mar-Regolamenti (UE) 2024/1263, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 u r-Regolament (UE) Nru 549/2013.
B’DAN JIRRAKKOMANDA:
1. Matul il-perjodu 2025-2028, l-Awstrija titħalla tiddevja mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill C/2025/3958, u taqbiżhom, sa fejn in-nefqa netta li taqbeż dawn ir-rati massimi ta’ tkabbir ma tkunx aktar minn:
(i)
iż-żieda fin-nefqa fid-difiża f’perċentwal tal-PDG mill-2021;
(ii)
dment li d-devjazzjoni li taqbeż ir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta ma taqbiżx il-1,5 % tal-PDG.
2.
Fis-snin wara l-2028, l-Awstrija xorta tista’ tiddevja mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti minn Rakkomandazzjoni tal-Kunsill f’konformità mal-Artikoli 17, 19 jew 20 tar-Regolament (UE) 2024/1263, u taqbiżhom, sa fejn in-nefqa netta li taqbeż dawn ir-rati massimi ta’ tkabbir tkun relatata mal-konsenji ta’ tagħmir militari kkuntrattat qabel tmiem l-2028 u tibqa’ fil-limitu massimu kumplessiv imsemmi hawn fuq.
3.
F’konformità mal-Artikolu 22(7) tar-Regolament (UE) 2024/1263, id-devjazzjonijiet mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill li huma permessi b’din ir-Rakkomandazzjoni mhumiex se jiġu rreġistrati bħala debiti fil-kont ta’ kontroll tal-Awstrija.
4.
Sabiex tiġi żgurata r-reġistrazzjoni korretta tan-nefqa addizzjonali, l-Awstrija għandha tinkludi data attwali u ppjanata dwar in-nefqa totali fid-difiża (id-diviżjoni 02 tal-COFOG), inkluż dwar l-investiment fid-difiża (id-diviżjoni 02 P.51 tal-COFOG) u kwalunkwe nefqa li għandha tiġi ffinanzjata mis-self SAFE li mhijiex koperta fil-COFOG-02:
(a)
għas-snin T-4, T-3, T-2 u T-1 (bis-sena T tkun is-sena kurrenti) fir-rapportar lill-Kummissjoni (l-Eurostat) f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 479/2009;
(b) għas-snin 2021 sas-sena T (is-sena kurrenti), fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju u fir-rapporti ta’ progress annwali f’konformità mal-Artikolu 11(1), mal-Artikolu 15, u mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) 2024/1263;
(c) għas-snin T (is-sena attwali) u T+1 fl-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Awstrija.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President