This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52025XC05885
COMMISSION NOTICE on the interpretation and implementation of certain legal provisions of the European Green Bond Regulation
AVVIŻ TAL-KUMMISSJONI dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet legali tar-Regolament dwar il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej
AVVIŻ TAL-KUMMISSJONI dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet legali tar-Regolament dwar il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej
C/2025/7378
ĠU C, C/2025/5885, 6.11.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5885/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/5885 |
6.11.2025 |
AVVIŻ TAL-KUMMISSJONI
dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet legali tar-Regolament dwar il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
(C/2025/5885)
Dan id-dokument ta’ Mistoqsijiet Frekwenti (FAQs, Frequently Asked Questions) għandu l-għan li jipprovdi kjarifiki dwar ċerti rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2023/2631 (1). L-objettiv ta’ dan l-Avviż huwa li jappoġġa lill-partijiet ikkonċernati mill-implimentazzjoni tal-istandard volontarju ġdid għall-Bonds Ekoloġiċi Ewropej u li jikkontribwixxi għall-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex tagħmel il-qafas ta’ finanzi sostenibbli tal-UE aktar faċli għall-utent.
L-FAQs li jinsabu f’dan id-dokument jiċċaraw ċerti dispożizzjonijiet eżistenti fil-leġiżlazzjoni applikabbli. Bl-ebda mod ma jestendu d-drittijiet u l-obbligi li joriġinaw mit-tali leġiżlazzjoni u lanqas ma jintroduċu rekwiżiti addizzjonali għall-operaturi kkonċernati u għall-awtoritajiet kompetenti. L-FAQs huma maħsuba biex jgħinu lill-impriżi jinterpretaw u jimplimentaw ċerti dispożizzjonijiet legali. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biss hija kompetenti sabiex tinterpreta b’mod awtorevoli d-dritt tal-UE. Il-fehmiet espressi f’dan l-Avviż ma jistgħux jippreġudikaw il-pożizzjoni li tista’ tieħu l-Kummissjoni Ewropea quddiem il-qrati tal-UE u dawk nazzjonali.
Werrej
| Lista tal-leġiżlazzjoni applikabbli | 3 |
|
Taqsima 1 – |
Użu tad-deżinjazzjoni “Bond Ekoloġiku Ewropew” | 4 |
|
Taqsima 2 – |
Użu tar-rikavati | 5 |
|
Taqsima 3 – |
Użu tar-rikavati/Tassonomija tal-UE | 6 |
|
Taqsima 4 – |
Skedi informattivi u divulgazzjonijiet oħra/Prospett/Elenkar | 9 |
|
Taqsima 5 – |
Rieżami estern | 12 |
Leġiżlazzjoni applikabbli
Ir-Regolament (UE) 2023/2631 dwar il-bonds ekoloġiċi Ewropej (“ir-Regolament EuGB”)
Ir-Regolament (UE) 2017/1129 (“ir-Regolament dwar il-Prospett”) (2)
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/980 (“l-Att Delegat dwar il-Prospett”) (3)
Ir-Regolament (UE) 2017/2402 (“ir-Regolament dwar it-Titolizzazzjoni”) (4)
Ir-Regolament (UE) 2020/852 (“ir-Regolament dwar it-Tassonomija”) (5)
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2139 (“l-Att Delegat dwar il-Kriterji Tekniċi tal-Iskrinjar”) (6)
Id-Direttiva 2013/34/UE (“id-Direttiva dwar il-Kontabilità”) (7)
Id-Direttiva 2014/65/UE (“id-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji”) (8)
TAQSIMA 1
Użu tad-deżinjazzjoni “Bond Ekoloġiku Ewropew”
1. “Bond ekoloġiku” eżistenti, li huwa kompletament allinjat mat-Tassonomija tal-UE, jista’ jiġi kkonvertit f’Bond Ekoloġiku Ewropew (EuGB, European Green Bond), pereżempju billi jiġi ttikkettat b’mod retroattiv bħala EuGB? Xi ngħidu dwar ir-rifinanzjament?
Iva, fil-prinċipju huwa possibbli li “bond ekoloġiku” eżistenti li jkun kompletament allinjat mat-Tassonomija tal-UE jiġi kkonvertit f’EuGB, dment li jiġu ssodisfati rekwiżiti stretti.
L-Artikolu 3 tar-Regolament EuGB jipprovdi li d-deżinjazzjoni “Bond Ekoloġiku Ewropew” jew “EuGB” għandha tintuża biss għal bonds li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fit-Titolu II ta’ dak ir-Regolament. Dawn ir-rekwiżiti jinkludu dispożizzjonijiet dwar ir-rekwiżiti relatati mal-bonds, inklużi l-użu tar-rikavati, it-trasparenza u r-rieżamijiet esterni.
L-Artikolu 10(1) tar-Regolament EuGB jipprovdi li l-emittenti tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej għandhom jikkompletaw skeda informattiva dwar l-EuGB, kif stabbilit fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament, u jiksbu opinjoni pożittiva minn rieżaminatur estern għaliha qabel il-ħruġ tal-EuGB. Barra minn hekk, l-Artikolu 14(1) jirrikjedi li l-emittent jippubblika prospett, skont ir-Regolament dwar il-Prospett (f’każijiet li fihom ikun meħtieġ prospett), u jistabbilixxi ċerti kundizzjonijiet inkluż li l-bonds jiġu deżinjati bħala “Bonds Ekoloġiċi Ewropej” jew “EuGB” fil-prospett.
Biex “bond ekoloġiku” eżistenti li jkun kompletament allinjat mat-Tassonomija tal-UE jiġi kkonvertit f’EuGB, ikollhom jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tar-Regolament EuGB, inklużi dawk imsemmija hawn fuq, qabel ma tkun tista’ tidħol fis-seħħ konverżjoni bħal din. Qabel kwalunkwe tikkettar mill-ġdid, l-emittent jeħtieġlu, fost l-oħrajn: (i) jikkompleta l-iskeda informattiva u jikseb rieżami estern pożittiv ta’ dak id-dokument; (ii) jaġġorna l-prospett eżistenti maħruġ skont ir-Regolament dwar il-Prospett; u (iii) jiżgura li l-investituri jiġu informati dwar il-konverżjoni b’mod li jkun f’waqtu, ċar u bir-reqqa. L-emittent jeħtieġlu jiżgura wkoll li l-investituri jkunu konxji mill-informazzjoni kollha dwar l-istatus tal-bond u mid-dokumentazzjoni l-ġdida u aġġornata marbuta miegħu, u li jkollhom aċċess għal dawn. Dan huwa essenzjali biex tiġi evitata l-konfużjoni u biex jiġi evitat li l-investituri jitqarrqu.
Kif iddikjarat mill-Kummissjoni Ewropea fi tweġiba għall-mistoqsijiet u tweġibiet sottomessi mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA, European Securities and Markets Authority) (9), huwa possibbli għall-emittenti li jikkomunikaw u jirreklamaw l-użu ppjanat tagħhom tad-deżinjazzjoni ta’ “Bond Ekoloġiku Ewropew” jew “EuGB” skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament dwar il-Prospett qabel il-ħruġ ta’ tali bond. Minn dan isegwi li jkun possibbli wkoll li dan isir qabel konverżjoni, sakemm l-emittenti ma jqarrqux bl-investituri fir-rigward tal-eżitu possibbli tar-rieżami estern u tal-eżami tal-aġġornament tal-prospett mill-awtoritajiet kompetenti.
Fir-rigward tar-rifinanzjament, huwa possibbli li emittent joħroġ Bond Ekoloġiku Ewropew biex jissostitwixxi tip eżistenti ieħor ta’ “bond ekoloġiku”, dment li dan isir f’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament EuGB.
2. Xi jkunu l-konsegwenzi jekk l-emittent jikkonforma mar-Regolament EuGB mal-ħruġ ta’ EuGB, iżda jinstab li jkun qed imur kontra dan ir-Regolament f’punt aktar tard matul il-ħajja tal-bond? Pereżempju, x’jiġri jekk rieżami ta’ wara l-ħruġ jikkonkludi li l-allokazzjoni tar-rikavati ma hijiex qed tikkonforma mal-Artikoli 4 sa 8 tar-Regolament EuGB?
Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament EuGB, jekk emittent jinstab li jkun qed jikser dispożizzjoni skont it-Titolu II, dan jitlef id-dritt li juża d-deżinjazzjoni “Bond Ekoloġiku Ewropew” jew “EuGB” u jista’ jiffaċċja penali wkoll. Is-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti f’dan ir-rigward huma stabbiliti fl-Artikoli 45 u 49 tar-Regolament EuGB.
L-Artikolu 3 tar-Regolament EuGB jiddikjara li d-deżinjazzjoni “Bond Ekoloġiku Ewropew” jew “EuGB” għandha tintuża biss għal bonds li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fit-Titolu II ta’ dak ir-Regolament. Dan japplika matul il-ħajja tal-bond. Konsegwentement, jekk emittent jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fih, il-bond inkwistjoni ma jistax jibqa’ jiġi ddeżinjat bħala “Bond Ekoloġiku Ewropew” jew “EuGB”. Dan ikun il-każ, pereżempju, jekk rieżami ta’ wara l-ħruġ tkun sabet li l-allokazzjoni tar-rikavati ma tikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 8.
Barra minn hekk, ir-Regolament EuGB jagħti s-setgħa lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari, deżinjata skont l-Artikolu 31 tar-Regolament dwar il-Prospett, li timponi penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra fuq l-emittenti ta’ Bonds Ekoloġiċi Ewropej għall-ksur tal-obbligi tagħhom, fost l-oħrajn, skont it-Titolu II, il-Kapitolu 2, u l-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament EuGB (ħlief f’każijiet li fihom l-emittent ikun kopert mill-Artikolu 1(2), il-punti (b) u (d) tar-Regolament dwar il-Prospett). F’każijiet ta’ bonds ta’ titolizzazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti deżinjati f’konformità mal-Artikolu 29(5) tar-Regolament dwar it-Titolizzazzjoni għandhom jissorveljaw il-konformità tal-oriġinaturi mal-obbligi tagħhom skont it-Titolu II, il-Kapitolu 2, u l-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament EuGB.
TAQSIMA 2
Użu tar-rikavati
3. Ir-rikavati tal-EuGB skont l-“approċċ gradwali” jistgħu jiġi allokat għall-iżborżi ta’ self (assi finanzjarji) li jsiru qabel il-ħruġ tal-EuGB?
L-“approċċ gradwali” skont l-Artikolu 4(1)(d) tar-Regolament EuGB jippermetti lill-emittenti tal-EuGB jallokaw ir-rikavati għall-assi finanzjarji li nħolqu mhux aktar minn 5 snin wara l-ħruġ tal-Bond Ekoloġiku Ewropew, bil-kundizzjoni li jiġu allokati f’konformità mar-rekwiżiti tat-Tassonomija. Id-dispożizzjoni ma tipprevjenix lill-emittenti milli jallokaw ir-rikavati għall-assi finanzjarji li nħolqu qabel il-ħruġ tal-Bond Ekoloġiku Ewropew, sakemm dawn l-assi jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-Tassonomija.
4. EuGB jista’ jintuża biex jappoġġa l-assi finanzjarji eżistenti tal-emittent skont l-“approċċ ta’ portafoll”?
L-“approċċ ta’ portafoll” skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament EuGB jippermetti lill-emittenti tal-EuGB jallokaw rikavati minn Bond Ekoloġiku Ewropew pendenti wieħed jew aktar għal portafoll ta’ assi fissi jew ta’ assi finanzjarji f’konformità mar-rekwiżiti tat-Tassonomija. Id-dispożizzjoni ma żżommx lill-emittenti milli jallokaw ir-rikavati għall-assi li nħolqu qabel il-ħruġ tal-Bond Ekoloġiku Ewropew, sakemm dawn l-assi jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-Tassonomija.
5. Fil-kuntest tal-Artikolu 4 tar-Regolament EuGB, ir-Regolament EuGB jippermetti lill-istess emittent jadotta “approċċ gradwali” għal ċertu ħruġ tal-EuGB u “approċċ ta’ portafoll” għal ħruġ ieħor tal-EuGB? Jista’ emittenti jikkombina ż-żewġ approċċi fi ħruġ wieħed?
Ir-Regolament EuGB ma jipprevjenix lil emittent tal-EuGB milli jagħżel l-“approċċ gradwali” għal xi ħruġ tal-EuGB u l-“approċċ ta’ portafoll” għal ħruġ ieħor. Madankollu, ma huwiex possibbli li ż-żewġ approċċi jiġu kkombinati fi ħruġ wieħed. L-Artikolu 4(1) tar-Regolament EuGB jistabbilixxi kif emittent ta’ Bond Ekoloġiku Ewropew għandu jalloka r-rikavati ta’ bond bħal dan skont l-“approċċ gradwali”. Skont l-Artikolu 4(2), u l-Premessi 12 u 16, l-“approċċ ta’ portafoll” jista’ jintuża għal Bond Ekoloġiku Ewropew wieħed jew aktar (iżda mhux neċessarjament għal kollha) maħruġ(a) mill-istess emittent. Dan ifisser li l-emittenti jistgħu jagħżlu wkoll li jallokaw ir-rikavati minn Bond Ekoloġiku Ewropew pendenti wieħed jew aktar għal portafoll ta’ assi fissi jew ta’ assi finanzjarji skont l-“approċċ ta’ portafoll”.
L-“approċċ ta’ portafoll” għandu jinftiehem bħala alternattiva għall-“approċċ gradwali”, minħabba d-differenzi fundamentali bejn it-tnejn: skont l-“approċċ gradwali”, ir-rikavati jiġu allokati gradwalment sakemm l-ammont sħiħ miġbur mill-bond ikun ġie allokat għall-assi eliġibbli u/jew għan-nefqa. Kull rapport tal-allokazzjoni annwali jrid jiddeskrivi r-rikavati kollha allokati sa dak iż-żmien għal kull EuGB, sabiex jekk emittent joħroġ diversi EuGBs skont l-“approċċ gradwali”, kull wieħed minnhom jiġi allokat għall-assi u għan-nefqa rispettivi tiegħu. Min-naħa l-oħra, l-“approċċ ta’ portafoll” huwa bbażat fuq l-ibbilanċjar tal-istokk totali tal-assi eliġibbli mal-valur tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej pendenti, aktar milli fuq l-allokazzjoni ta’ rikavati ta’ bonds speċifiċi għal assi speċifiċi. Għalhekk, il-mudelli għall-iskeda informattiva dwar l-EuGB u għar-rapporti tal-allokazzjoni annwali, stabbiliti fl-Annessi I u II tar-Regolament EuGB, rispettivament, jirrikjedu li l-emittenti jiddikjaraw liema approċċ ikunu għażlu għal ħruġ partikolari.
6. Skont l-“approċċ ta’ portafoll”, il-valur totali tal-assi fissi jew tal-assi finanzjarji fil-portafoll jeħtieġ li jaqbeż il-valur totali tal-EuGBs f’kull ħin matul il-ħajja tal-bond, jew l-emittenti tal-EuGB jistgħu jużaw il-perjodu sal-ewwel rapport tal-allokazzjoni, jew il-perjodi bejn ir-rapporti tal-allokazzjoni, biex jissupplimentaw l-assi tagħhom u jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-allokazzjoni?
F’konformità mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament EuGB, meta l-emittenti jallokaw ir-rikavati ta’ EuGB f’konformità mal-“approċċ ta’ portafoll”, jeħtiġilhom juru fir-rapport tal-allokazzjoni mfassal għal kull perjodu ta’ 12-il xahar skont l-Artikolu 11 li l-valur totali tal-assi jaqbeż il-valur totali tal-EuGBs. Dan jipprovdi lill-emittenti bi flessibbiltà, meta jkunu meħtieġa jaġġornaw lill-investituri darba fis-sena biss. Għalhekk, jidher li huwa possibbli li l-valur tal-portafoll tal-assi jaqa’ taħt dak tal-EuGBs pendenti temporanjament matul il-perjodu ta’ rapportar. Fl-istess ħin, varjazzjonijiet sinifikanti jistgħu jindikaw problemi, pereżempju bl-għażla u bil-ġestjoni tal-assi eliġibbli jew nuqqas ta’ impenn min-naħa tal-emittent.
Ir-rapporti tal-allokazzjoni għandhom jiġu ppubblikati għal kull perjodu ta’ 12-il xahar sad-data tal-allokazzjoni sħiħa tar-rikavati tal-Bond Ekoloġiku Ewropew. Fil-każ ta’ bonds li jużaw l-“approċċ ta’ portafoll”, il-portafoll kollu tal-bonds jitqies bħala “allokat mill-ġdid” kull sena, li jirrifletti n-natura dinamika li jista’ jkollu portafoll bħal dan. Fi kwalunkwe mument, jistgħu jiżdiedu assi ġodda, filwaqt li oħrajn aktar antiki jistgħu jitħallsu lura (fil-każ ta’ self) jew jitneħħew mill-portafoll (pereżempju, minħabba li ma għadhomx jitqiesu bħala allinjati mat-Tassonomija). Għal din ir-raġuni, kull rapport tal-allokazzjoni ppubblikat skont l-“approċċ ta’ portafoll” jirrikjedi rieżami estern, ħlief f’każijiet li fihom ma ssir ebda bidla fl-allokazzjoni fil-portafoll tal-assi. F’konformità mal-Artikolu 11(6), ir-rieżaminatur estern għandu jagħti attenzjoni partikolari lil dawk l-assi li ma kienu inklużi f’ebda rapport tal-allokazzjoni ppubblikat qabel.
7. Jekk il-portafoll ma jkunx inbidel, iżda l-valur tal-portafoll tal-assi jkun naqas minħabba l-ħlasijiet lura, ikun meħtieġ rieżami ta’ wara l-ħruġ?
Le, jekk ma jkun hemm ebda bidla fil-portafoll, iżda l-valur tal-portafoll tal-assi jkun naqas minħabba l-ħlasijiet lura, ma jkun meħtieġ ebda rieżami estern tar-rapport tal-allokazzjoni. L-Artikolu 11(6) tar-Regolament EuGB jipprovdi li r-rieżami estern tar-rapporti tal-allokazzjoni tal-EuGBs maħruġa skont l-“approċċ ta’ portafoll”, ma għandux ikun meħtieġ meta, matul il-perjodu kopert mir-rapport tal-allokazzjoni, ma tkun saret ebda bidla fl-allokazzjoni fil-portafoll tal-assi u ebda assi fil-portafoll ma jkun inbidel jew hu stess ikun soġġett għal bidla fl-allokazzjoni, meta mqabbel mal-perjodu kopert mir-rapport tal-allokazzjoni preċedenti.
Skont l-Artikolu 11(6), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament EuGB, f’każ bħal dan, l-emittent għandu jinkludi dikjarazzjoni fir-rapport tal-allokazzjoni tiegħu li tispeċifika li ma hemm ebda rieżami ta’ wara l-ħruġ minħabba n-nuqqas ta’ bidliet fil-portafoll. Il-ħlasijiet lura ma jistgħux iwasslu għal sitwazzjoni li fiha r-rapport tal-allokazzjoni juri valur aggregat tal-assi li jkun anqas mill-valur aggregat tal-EuGBs pendenti, kif meħtieġ mill-Artikolu 4(2), it-tieni subparagrafu.
TAQSIMA 3
Użu tar-rikavati/Tassonomija tal-UE
8. Skont l-“approċċ gradwali”, ma hemm ebda perjodu retrospettiv għan-nefqa kapitali (CapEx, Capital Expenditure). Dan ifisser li hija biss CapEx ġdida mġarrba wara l-ħruġ ta’ EuGB li tkun eliġibbli?
L-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament EuGB ma jipprevedix perjodu retrospettiv għall-CapEx. Dan ifisser li hija biss CapEx ġdida mġarrba wara l-ħruġ ta’ EuGB li tkun eliġibbli. F’kull sena wara l-ħruġ tal-EuGB u sal-maturità tiegħu, l-emittent jista’ jalloka r-rikavati miġbura minn dak l-EuGB biex jiffinanzja n-nefqa kapitali.
9. X’jista’ jiġi kopert mill-marġni ta’ flessibbiltà ta’ 15 %?
Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament EuGB, l-emittenti tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej jistgħu jallokaw sa 15 % tar-rikavati għal attivitajiet ekonomiċi li għalihom ma jkun daħal fis-seħħ ebda kriterju tekniku tal-iskrinjar tat-Tassonomija sad-data tal-ħruġ tal-Bond Ekoloġiku Ewropew, jew għal attivitajiet fil-kuntest tal-appoġġ internazzjonali inklużi l-finanzjament għall-klima u l-assistenza uffiċjali għall-iżvilupp. Dawk l-attivitajiet ekonomiċi jridu jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-Regolament dwar it-Tassonomija. B’mod partikolari, dawk l-attivitajiet iridu jagħtu kontribut sostanzjali għal wieħed mis-sitt objettivi ambjentali kif speċifikat fl-Artikoli 10 sa 16 tar-Regolament dwar it-Tassonomija, ma jridu jagħmlu ebda ħsara sinifikanti għal xi wieħed mill-objettivi li jifdal kif speċifikat fl-Artikolu 17 tar-Regolament dwar it-Tassonomija u jridu jitwettqu f’konformità mas-salvagwardji minimi f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament dwar it-Tassonomija.
Skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament EuGB, l-attivitajiet ekonomiċi li għalihom ma hemm ebda kriterju tekniku tal-iskrinjar jridu jikkonformaw ukoll meta jkun applikabbli mal-kriterji ġeneriċi għal “la tagħmilx ħsara sinifikanti” stabbiliti fl-Appendiċijiet A, B, C u D tal-Anness I tal-Att Delegat dwar il-Kriterji Tekniċi tal-Iskrinjar.
L-attivitajiet ekonomiċi li għalihom ma jkun daħal fis-seħħ ebda kriterju tekniku tal-iskrinjar għandhom jinftiehmu bħala attivitajiet mhux koperti mill-Atti Delegati eżistenti rilevanti li jissupplimentaw ir-Regolament dwar it-Tassonomija, jiġifieri attivitajiet li ma humiex eliġibbli għat-Tassonomija fiż-żmien tal-ħruġ tal-EuGB. Il-finanzjament internazzjonali għall-klima jinkludi, iżda mhux biss, l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament EuGB.
10. L-attivitajiet ekonomiċi inklużi taħt il-marġni ta’ flessibbiltà għandhom juru li jikkontribwixxu sostanzjalment għal wieħed jew aktar mill-objettivi ambjentali u li ma jagħmlux ħsara sinifikanti lil kwalunkwe wieħed minn dawk l-objettivi ambjentali. Fin-nuqqas ta’ Kriterji Tekniċi tal-Iskrinjar, din il-valutazzjoni kif għandha titwettaq minn rieżaminaturi esterni?
Il-mudelli għad-divulgazzjonijiet relatati mal-EuGBs, stabbiliti fl-Annessi 1 sa 3 tar-Regolament EuGB, jistabbilixxu li meta emittent jalloka r-rikavati f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament, dawn għandhom jiddeskrivu tali nonallinjament, l-attivitajiet ikkonċernati u, meta jkun disponibbli, il-perċentwal stmat tar-rikavati maħsuba biex jiffinanzjaw it-tali attivitajiet bħala total u fuq bażi ta’ kull attività, inkluż tqassim li jiddeskrivi liema punt(i) tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament EuGB qed jintuża(w). Barra minn hekk, l-emittenti għandhom jispjegaw għaliex il-kriterji tekniċi tal-iskrinjar ma jistgħux jiġu applikati u l-mod li bih biħsiebhom jiżguraw li dawk l-attivitajiet jikkonformaw mal-Artikolu 5(3) u (4) tar-Regolament EuGB u mal-Artikolu 3, il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament dwar it-Tassonomija.
Għalhekk, l-emittenti u r-rieżaminaturi esterni għandhom jivvalutaw l-attivitajiet ikkonċernati skont ir-rekwiżiti fir-rigward tal-kontribut sostanzjali u tal-ħsara sinifikanti għal objettivi ambjentali differenti, stabbiliti rispettivament fl-Artikoli 10 sa 16 u fl-Artikolu 17 tar-Regolament dwar it-Tassonomija. Għall-finijiet ta’ din il-valutazzjoni, l-emittenti u r-rieżaminaturi esterni jistgħu jkunu jixtiequ jirreferu għall-gwida teknika ppubblikata mill-Kummissjoni Ewropea għall-applikazzjoni tal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” skont programmi speċifiċi ta’ finanzjament tal-UE (10).
Barra minn hekk, l-emittenti u r-rieżaminaturi esterni jistgħu jkunu jixtiequ jqisu l-gwida teknika u l-għodod mhux uffiċjali li huma disponibbli għall-pubbliku. Pereżempju, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea ppubblika żewġ rapporti li jiddeskrivu l-modi differenti li bihom huwa possibbli li jsir kontribut sostanzjali għall-objettivi differenti tat-Tassonomija (11). Il-Kummissjoni segwiet l-approċċ stabbilit hawnhekk fl-Atti Delegati dwar it-Tassonomija.
Fl-aħħar nett, l-emittenti u r-rieżaminaturi esterni jistgħu jqisu r-rakkomandazzjonijiet tal-valutazzjoni maħruġa mill-gruppi ta’ esperti konsultattivi, indipendenti u rilevanti tal-Kummissjoni, bħall-Grupp ta’ Esperti Tekniċi dwar il-finanzi sostenibbli u l-Pjattaforma dwar il-Finanzi Sostenibbli.
11. Is-sovrani kif għandhom jallinjaw mas-salvagwardji minimi?
Ir-rekwiżiti tat-Tassonomija tal-UE japplikaw mingħajr ma jiddistingwu bejn it-tip ta’ operatur tal-attività. Għalhekk, l-emittenti sovrani huma meħtieġa japplikaw is-salvagwardji minimi. Il-Pjattaforma dwar il-Finanzi Sostenibbli ħarġet rakkomandazzjonijiet tekniċi mhux uffiċjali dwar l-applikazzjoni ta’ salvagwardji minimi fil-Final Report on Minimum Safeguards (12) tagħha, inkluża gwida speċifika għas-sovrani, kif ukoll għall-muniċipalitajiet u għall-awtoritajiet reġjonali.
12. L-infiq għas-sovrani jista’ jinkludi sussidji. Peress li l-investiment minnu nnifsu jinżamm minn parti terza, sovran kif għandu juri l-allinjament mal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” fuq is-sussidji?
L-Artikolu 4(3) tar-Regolament EuGB jipprovdi li sovran jista’ jalloka r-rikavati mill-Bonds Ekoloġiċi Ewropej li jkun ħareġ għal tipi speċifiċi ta’ nefqa pubblika, bħas-sussidji, dment li r-rikavati jiġu allokati f’konformità mar-rekwiżiti tat-Tassonomija, jiġifieri s-sussidji jkollhom ikunu dedikati b’mod ċar għal skopijiet allinjati mat-Tassonomija. Pereżempju, dan jista’ jikkonċerna s-sussidji allokati għal unitajiet domestiċi li jinstallaw pannelli solari jew pompi tas-sħana. Is-sovran ikollu bżonn jivvaluta l-konformità tal-benefiċjarju tas-sussidju mas-salvagwardji minimi meta jagħti dak is-sussidju. Is-sovran ikollu jiżgura li s-sussidji inkwistjoni jintużaw biss għal dawk l-għanijiet u juri dan kif xieraq fid-divulgazzjonijiet tiegħu relatati mal-Bond (jew Bonds) Ekoloġiku Ewropew rilevanti. Għalhekk, id-deroga fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament EuGB ma tapplikax għas-sussidji ġenerali.
13. Il-pjanijiet ta’ tranżizzjoni fl-iskeda informattiva kif għandhom jiġu interpretati minn sovran? Il-pjan huwa volontarju għal sovran? Pjan nazzjonali dwar il-Klima jkun fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni?
Is-sovrani ma humiex soġġetti għad-Direttiva dwar il-Kontabilità. Peress li l-Pjanijiet Nazzjonali dwar il-Klima tal-Istati Membri huma ekwivalenti funzjonali għall-pjanijiet ta’ tranżizzjoni tal-korporattivi skont it-tifsira tal-Artikoli 19a u 29a tad-Direttiva dwar il-Kontabilità, dawn jistgħu jikkwalifikaw bħala pjanijiet ta’ tranżizzjoni ppubblikati volontarjament, kif imsemmi fil-komponent ta’ informazzjoni rispettiv “Rabta mal-pjanijiet ta’ tranżizzjoni” tal-iskeda informattiva dwar l-EuGB.
14. Fil-kuntest tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament EuGB, skont l-“approċċ ta’ portafoll”, tkun tapplika l-anterjorità anki jekk bond wieħed jew aktar ikunu nħarġu wara d-data li fiha ġew immodifikati l-Kriterji Tekniċi tal-Iskrinjar rilevanti?
L-anterjorità tapplika skont l-“approċċ ta’ portafoll” anki jekk jinħareġ bond wieħed jew aktar wara d-data li fiha ġew immodifikati l-kriterji tekniċi tal-iskrinjar rilevanti, minħabba li d-data tal-ħruġ tal-bond hija irrilevanti skont dan l-approċċ.
L-Artikolu 4(2) tar-Regolament EuGB jipprovdi li l-emittenti jistgħu jallokaw ir-rikavati minn Bond Ekoloġiku Ewropew pendenti wieħed jew aktar skont l-“approċċ ta’ portafoll”, jiġifieri għal portafoll ta’ assi fissi jew assi finanzjarji. Dawn l-assi jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-Tassonomija, inklużi l-kriterji tekniċi tal-iskrinjar applikabbli stabbiliti fl-Atti Delegati adottati skont l-Artikolu 10(3), 11(3), 12(2), 13(2), 14(2) jew 15(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija.
Filwaqt li jitqies il-fatt li l-kriterji tekniċi tal-iskrinjar applikabbli jistgħu jiġu emendati, l-Artikolu 8 tar-Regolament EuGB jintroduċi grad ta’ flessibbiltà. Għall-emittenti li jużaw l-approċċ ta’ portafoll, l-Artikolu 8(2) jipprovdi li l-emittenti għandhom jinkludu fil-portafoll tagħhom biss dawk l-assi li l-attività ekonomika sottostanti tagħhom tkun allinjata ma’ kwalunkwe kriterju tekniku tal-iskrinjar li kien applikabbli fi kwalunkwe punt matul is-7 snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni tar-rapport tal-allokazzjoni. Konsegwentement, kif stabbilit fil-Premessa 18 tar-Regolament EuGB, jekk kwalunkwe assi ffinanzjat minn Bond Ekoloġiku Ewropew ma jkunx allinjat mal-kriterji tekniċi tal-iskrinjar emendati, għandu jkun jista’ jkompli jkun parti mill-grupp ta’ assi ffinanzjati sa 7 snin.
Dan ifisser li l-emittent ikollu 7 snin biex ineħħi mill-portafoll tal-assi eliġibbli tal-EuGB dawk l-assi kollha li ma jkunux allinjati mal-kriterji tekniċi tal-iskrinjar emendati. Jekk l-emittent diġà jkun qed jisfrutta bis-sħiħ il-portafoll tiegħu ta’ assi ekoloġiċi biex joħroġ EuGBs, dak l-emittent jista’ jkollu bżonn joħroġ anqas EuGBs jew joħloq assi ekoloġiċi ġodda allinjati mal-kriterji riveduti matul is-7 snin biex jiżgura li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4(2), it-tieni subparagrafu tar-Regolament EuGB.
TAQSIMA 4
Skedi informattivi u divulgazzjonijiet oħra/Prospett/Elenkar
15. Ir-Regolament EuGB jipprovdi li l-emittenti tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej għandhom jużaw il-mudelli fl-Annessi I, II u III għall-iskeda informattiva dwar l-EuGB, ir-rapporti tal-allokazzjoni u r-rapporti tal-impatt tagħhom, rispettivament. Min-naħa l-oħra, ir-rieżamijiet esterni ta’ dawn id-dokumenti huma meħtieġa biss li jinkludu “l-elementi” tal-Anness IV. Meta jitqiesu dawn ir-rekwiżiti differenti, kemm għandhom jiġu segwiti b’mod strett il-mudelli tal-Annessi I, II, III u IV? Pereżempju, id-dokument ippubblikat għandu jsegwi s-sekwenza u l-intestaturi eżatti ta’ kull Anness rilevanti jew huwa biżżejjed li jkun fih l-elementi meħtieġa, irrispettivament mis-sekwenza jew mill-ifformattjar?
L-Artikoli 10(1)(a), 11(1) u 12(1) tar-Regolament EuGB jirrikjedu li l-emittenti tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej jużaw il-mudelli stabbiliti fl-Anness I, II, u III għad-diversi divulgazzjonijiet ta’ qabel il-ħruġ u ta’ wara l-ħruġ relatati ma’ dawn il-bonds. Kif tenfasizza l-Premessa 21 tar-Regolament EuGB, il-mudelli ġew inklużi fil-qafas legali biex jiġi żgurat li l-investituri jkunu jistgħu jaċċessaw l-informazzjoni kollha li hija neċessarja biex jiġi evalwat l-użu intenzjonat u reali tar-rikavati mill-Bonds Ekoloġiċi Ewropej u biex dawn il-bonds jitqabblu ma’ xulxin. Għalhekk, l-emittenti huma mħeġġa jsegwu l-istruttura tal-mudelli bl-istess intestaturi u sekwenza. Il-bidliet fis-sekwenza jistgħu jkunu possibbli, iżda jekk emittent jagħżel li jiddevja mis-sekwenza, l-intestaturi u l-elementi individwali kollha xorta jeħtieġ li jiġu inklużi fid-dokument ta’ divulgazzjoni rispettiv, u l-informazzjoni trid tiġi ppreżentata b’mod li jkun koerenti, ċar u mhux qarrieqi.
Fir-rigward tar-rieżamijiet esterni, l-Artikoli 10(3)(b), 11(8)(c) u 12(3)(c) tar-Regolament EuGB jirrikjedu li r-rieżamijiet esterni tal-iskeda informattiva, tar-rapport tal-allokazzjoni u tar-rapport tal-impatt, rispettivament, jinkludu l-“elementi stabbiliti fl-Anness IV”. L-intestatura tal-Anness IV tirreferi għall-“kontenut” tar-rieżamijiet ta’ qabel il-ħruġ, ta’ wara l-ħruġ jew tar-rapport tal-impatt. Minn dan isegwi li sakemm ir-rieżaminaturi esterni jinkludu l-elementi stabbiliti fl-Anness IV fir-rieżamijiet tagħhom, huma jkunu liberi li jippreżentawhom kif jixtiequ.
16. Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament EuGB, ir-rieżaminatur estern għandu (għall-kuntrarju tar-rapport tal-allokazzjoni u tal-impatt) jivvaluta wkoll jekk l-iskeda informattiva tkunx kompluta f’konformità mal-Anness I, iżda l-Anness IV ma jippreskrivix dikjarazzjoni f’dak ir-rigward. Madankollu, rieżaminatur estern jista’ jinkludi dikjarazzjoni dwar il-konformità tal-iskeda informattiva mal-Anness I?
Minħabba li l-konformità tal-iskeda informattiva dwar l-EuGB mal-Anness I hija parti mill-valutazzjoni tar-rieżaminatur estern, minn dan isegwi li r-rieżaminatur estern jista’ jinkludi dikjarazzjoni dwarha fir-rieżami tiegħu. L-Artikolu 10(3)(a) u (b) tar-Regolament EuGB jipprovdi li r-rieżami ta’ qabel il-ħruġ ta’ skeda informattiva dwar l-EuGB għandu jkun fih valutazzjoni ta’ jekk l-emittent ikkompletax l-iskeda informattiva f’konformità mal-Artikoli 4 sa 8 u mal-Anness I kif ukoll mal-elementi stabbiliti fl-Anness IV ta’ dak ir-Regolament.
17. Hemm limitazzjoni fuq it-tul tal-perjodu ta’ ħruġ ippjanat li għandu jiġi inkluż fl-iskeda informattiva? Jekk ma jkun hemm ebda ħruġ, kemm iddum valida l-iskeda informattiva?
Ma hemm ebda rekwiżit fir-Regolament EuGB biex skeda informattiva dwar l-EuGB ikollha data ta’ skadenza.
Skont l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament EuGB, entità li tfittex li toħroġ EuGB għandha, qabel il-ħruġ, tikkompleta l-iskeda informattiva dwar l-EuGB kif stabbilit fil-mudell fl-Anness I tar-Regolament. Dan il-mudell jipprevedi li l-emittent jindika, meta tkun disponibbli, id-data jew il-perjodu tal-ħruġ ippjanat. Ir-Regolament EuGB ma jispeċifika ebda limitazzjoni għat-tul ta’ perjodu ta’ ħruġ, u lanqas għat-tul ta’ żmien li matulu l-iskeda informattiva tibqa’ valida. Madankollu, l-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament EuGB jirrikjedi li l-emittent jippubblika l-iskeda informattiva kkompletata qabel il-ħruġ, flimkien mar-rieżami ta’ qabel il-ħruġ ta’ dik l-iskeda informattiva u iperlink għas-sit web fejn jista’ jiġi kkonsultat il-prospett (f’każijiet li fihom prospett jiġi ppubblikat skont ir-Regolament dwar il-Prospett).
Ladarba l-iskeda informattiva dwar l-EuGB tiġi ppubblikata u/jew tintuża għal skopijiet ta’ reklamar, hija r-responsabbiltà tal-emittent li jiżgura li l-informazzjoni fl-iskeda informattiva tkun ċara, akkurata u aġġornata, inkluża kwalunkwe informazzjoni possibbli dwar id-data jew il-perjodu tal-ħruġ ippjanati, kif ukoll l-istatus tal-bond u d-dokumentazzjoni meħtieġa għall-ħruġ.
Kwalunkwe dokument ippubblikat qabel il-ħruġ tal-bonds ma għandux iqarraq bl-investituri fir-rigward ta’ aspetti bħat-twaqqit tal-ħruġ, l-eżitu possibbli tar-rieżami estern tal-iskeda informattiva u l-eżami tal-abbozz tal-prospett mill-awtoritajiet kompetenti (f’każijiet fejn ikun meħtieġ prospett). Hija r-responsabbiltà tal-emittent li jiżgura li l-investituri jkunu jistgħu jieħdu d-deċiżjoni dwar l-investiment tagħhom abbażi tad-dokumentazzjoni relatata mal-EuGB, inkluża l-iskeda informattiva dwar l-EuGB.
18. Kemm idum validu r-rieżami ta’ qabel il-ħruġ? Ikun validu għall-perjodu kollu ta’ ħruġ inkluż fl-iskeda informattiva? F’każijiet li fihom skeda informattiva tkopri ħruġ multiplu, ikun meħtieġ rieżami separat jew aġġornat?
Ir-rieżami ta’ qabel il-ħruġ għandu jkun fih valutazzjoni ta’ jekk l-emittent ikkompletax l-iskeda informattiva dwar l-EuGB, u l-elementi stabbiliti fl-Anness IV tar-Regolament EuGB. Minkejja r-rieżami ta’ qabel il-ħruġ ta’ skeda informattiva, l-emittenti jeħtiġilhom ikomplu jikkonformaw mal-obbligi relatati magħha, inklużi dawk li jinvolvu l-allinjament mat-Tassonomija.
L-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament EuGB jirrikjedi li l-emittenti jiżguraw, qabel il-ħruġ, li l-iskeda informattiva dwar l-EuGB ikkompletata tkun ġiet soġġetta għal rieżami ta’ qabel il-ħruġ b’opinjoni pożittiva minn rieżaminatur estern. Skont l-Artikolu 15(1)(b), l-emittent jeħtieġlu jippubblika dan ir-rieżami ta’ qabel il-ħruġ qabel ma jinħareġ il-bond, flimkien ma’ dokumentazzjoni oħra. L-Artikolu 38(1)(a) jipprevedi li r-rieżaminaturi esterni jippubblikaw ir-rieżami ta’ qabel il-ħruġ li jkunu ħarġu, fi żmien raġonevoli qabel il-ħruġ tal-bond ikkonċernat.
Ir-Regolament EuGB ma jispeċifikax tul ta’ żmien li matulu r-rieżami ta’ qabel il-ħruġ jibqa’ validu. Għalhekk, jista’ jiġi preżunt li jkopri l-perjodu kollu ta’ ħruġ indikat fl-iskeda informattiva dwar l-EuGB, meta jkun ġie indikat perjodu ta’ ħruġ. Madankollu, jekk tinbidel l-informazzjoni materjali bejn l-ikkompletar tar-rieżami ta’ qabel il-ħruġ u l-ħruġ, kemm l-iskeda informattiva dwar l-EuGB kif ukoll ir-rieżami ta’ qabel il-ħruġ għandhom jirriflettu dan b’mod li jkun ċar u li jinftiehem mill-investituri. Il-mudell għall-kontenut tar-rieżamijiet ta’ qabel il-ħruġ fl-Anness IV tar-Regolament EuGB jipprevedi speċifikament li r-rieżaminaturi esterni jiddivulgaw, meta jkun rilevanti, id-data li fiha ġie aġġornat l-aħħar rieżami u spjegazzjoni li tiddeskrivi r-raġuni għall-aġġornament.
Bl-istess mod, meta skeda informattiva dwar l-EuGB tkopri ħruġ multiplu f’konformità mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament EuGB, kemm l-iskeda informattiva kif ukoll ir-rieżami ta’ qabel il-ħruġ għandhom jipprovdu lill-investituri b’informazzjoni aġġornata, ċara u akkurata għal kull ħruġ. Jekk dan ma jkunx jista’ jinkiseb b’mod affidabbli bid-dokumentazzjoni inizjali, għandhom jiġu riveduti kemm l-iskeda informattiva kif ukoll ir-rieżami ta’ qabel il-ħruġ flimkien ma’ kwalunkwe bidla kkomunikata lill-investituri b’mod li jkun ċar u mhux qarrieqi.
19. Is-sovrani għandhom it-tendenza li jużaw il-ħruġ “tap” għall-bonds. L-iskeda informattiva dwar l-EuGB kif tista’ taħseb għal ħruġ “tap” ta’ EuGBs? Emittent jista’ juża l-istess skeda informattiva meta jagħmel “tapping” ta’ EuGB eżistenti?
Iva, emittent jista’ juża l-istess skeda informattiva dwar l-EuGB waqt “tapping” ta’ EuGB eżistenti sakemm kull “tap” jirrispetta l-informazzjoni stabbilita fl-iskeda informattiva (u r-Regolament EuGB). Skeda informattiva tista’ tkopri ħruġ ta’ bond wieħed jew aktar.
Il-ħruġ “tap” jippermetti lis-sovrani jbigħu aktar bonds minn ħarġa eżistenti. Dawn jistgħu jitqiesu li huma koperti mill-Artikolu 10(2) tar-Regolament EuGB, li jfisser li emittent li jagħmel “tapping” ta’ bond eżistenti jista’ juża l-istess skeda informattiva bħal dik għall-ħruġ eżistenti ta’ EuGB. Madankollu, jekk tinbidel l-informazzjoni materjali bejn l-ikkompletar tar-rieżami ta’ qabel il-ħruġ u l-ħruġ, kemm l-iskeda informattiva kif ukoll ir-rieżami ta’ qabel il-ħruġ għandhom jirriflettu dan b’mod li jkun ċar u li jinftiehem mill-investituri. Dan jista’ jirrikjedi aġġornament jew reviżjoni tal-iskeda informattiva u tar-rieżami ta’ qabel il-ħruġ.
20. Sa liema punt emittent jista’ jikkombina divulgazzjonijiet speċifiċi tal-EuGB, pereżempju l-iskeda informattiva dwar l-EuGB, ma’ divulgazzjonijiet oħra, bħal qafas usa’ ta’ bonds ekoloġiċi? Jista’ emittent jirrapporta dwar numru ta’ bonds ekoloġiċi pendenti li jinkludu bonds li ma humiex EuGBs f’rapport tal-allokazzjoni wieħed?
Id-divulgazzjonijiet tal-EuGB jistgħu jiġu kkomplementati minn divulgazzjonijiet oħra, sakemm l-investituri jkunu jistgħu jidentifikaw b’mod ċar l-informazzjoni relatata mar-Regolament EuGB u l-informazzjoni tirrispetta r-rekwiżiti kollha tar-Regolament EuGB. Kwalunkwe informazzjoni mhux meħtieġa mir-Regolament EuGB ma għandhiex toskura d-divulgazzjonijiet obbligatorji tal-EuGB, ma għandhiex titħejja fuq bażi li tikkontradixxi r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament EuGB u ma għandhiex tintwera b’mod aktar prominenti mid-divulgazzjonijiet li huma obbligatorji għall-EuGBs u speċifiċi għalihom.
L-oqfsa tal-bonds ekoloġiċi huma għodda użata b’mod mifrux mill-emittenti ta’ “bonds ekoloġiċi” biex tinħoloq it-trasparenza. Dawn l-oqfsa jservu biex jinformaw lill-investituri dwar kif jintużaw ir-rikavati minn bond ekoloġiku jew minn programm ta’ bonds ekoloġiċi, u għandhom it-tendenza li jinkludu informazzjoni dwar ir-rapportar u r-rwol li l-bonds jew il-programm ta’ bonds għandhom fl-istrateġija ta’ sostenibbiltà ġenerali tal-emittent. Spiss, dawn l-oqfsa jkunu soġġetti għal rieżami indipendenti. Madankollu, dawn l-oqfsa ġeneralment ma ġewx żviluppati f’konformità ma’ qafas regolat u għalhekk ma jikkostitwixxux dokumenti regolati.
L-iskeda informattiva dwar l-EuGB, filwaqt li hija simili għal oqfsa bħal dawn f’xi aspetti, hija dokument separat li huwa meħtieġ għall-ħruġ ta’ Bond Ekoloġiku Ewropew, kif stabbilit fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament EuGB. Billi jipprevedi mudell komuni għall-iskedi informattivi dwar l-EuGB fl-Anness I tar-Regolament, il-qafas tal-EuGB ifittex li jistandardizza l-informazzjoni pprovduta għal bonds bħal dawn. L-objettiv huwa li jiġi żgurat li l-investituri jkollhom aċċess faċli għal informazzjoni faċilment komparabbli. It-Taqsima 8 tal-mudell toffri lill-emittenti l-opportunità li jżidu informazzjoni rilevanti oħra mal-iskeda informattiva dwar l-EuGB. Din tista’ tinkludi referenzi għal tipi oħra ta’ dokumentazzjoni, bħal qafas ta’ bonds ekoloġiċi, strateġija ta’ sostenibbiltà ġenerali jew rapporti dwar is-sostenibbiltà tal-emittent. L-għoti ta’ aċċess għal tali informazzjoni addizzjonali jista’ jkun utli għall-investituri meta jieħdu deċiżjonijiet dwar l-investiment. Dan jirrifletti wkoll il-fatt li l-EuGBs se jeżistu flimkien mal-istandards tas-suq u mal-bonds ekoloġiċi jew sostenibbli l-oħrajn tal-emittenti.
Madankollu, hija r-responsabbiltà tal-emittenti li jiżguraw li l-informazzjoni kollha pprovduta lill-investituri tkun ċara u tippermettilhom jieħdu deċiżjonijiet infurmati. Għalhekk, l-informazzjoni marbuta speċifikament ma’ EuGB jew ma’ serje ta’ ħruġ tal-EuGB ma għandhiex tiġi kkombinata ma’ divulgazzjonijiet oħra, bħal qafas ta’ bonds ekoloġiċi, b’mod li jista’ jqarraq bl-investituri. Pereżempju, dan japplika għall-pubblikazzjoni u għall-preżentazzjoni tad-diversi dokumenti fuq is-siti web tal-emittenti, fejn għandu jkun ċar u jinftiehem faċilment mill-investituri ma’ xiex tkun relatata kull biċċa dokumentazzjoni. Is-sempliċi inklużjoni ta’ skedi informattivi dwar l-EuGB, ta’ rieżamijiet esterni jew ta’ dokumenti oħra marbuta speċifikament ma’ ħruġ ta’ Bond Ekoloġiku Ewropew wieħed jew aktar f’qafas ta’ bonds ekoloġiċi relatat ma’ tipi oħra ta’ bonds ekoloġiċi mingħajr spjegazzjoni suffiċjenti toħloq riskju ta’ konfużjoni għall-investituri. Għalhekk, l-emittenti għandhom iżommu lura milli jagħmlu dan. Għandhom iżommu lura wkoll milli jikkombinaw l-isem “Bond Ekoloġiku Ewropew” jew “EuGB” ma’ ismijiet ta’ tipi oħra ta’ bonds ekoloġiċi.
Barra minn hekk, l-iskedi informattivi dwar l-EuGBs u r-rapporti tal-allokazzjoni u tal-impatt kif meħtieġ mir-Regolament EuGB huma maħsuba biex jipprovdu divulgazzjonijiet speċifikament għall-EuGBs, bl-użu tal-mudelli fl-Annessi I sa III. Dan huwa ċar mit-titoli rispettivi ta’ dawn il-mudelli (“Skeda Informattiva dwar il-Bond Ekoloġiku Ewropew”, “Rapport Annwali dwar l-Allokazzjoni tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej”, “Rapport dwar l-Impatt tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej”). Dan ifisser li l-emittenti ma għandhomx jużaw il-mudelli fl-Annessi I, II, u III tar-Regolament EuGB għad-divulgazzjonijiet korrispondenti ta’ qabel jew ta’ wara l-ħruġ fuq bonds li ma humiex EuGBs.
21. Huwa possibbli li EuGB jiġi elenkat f’faċilità multilaterali tan-negozjar (MTF, Multilateral Trading Facility) jew li l-EuGBs jistgħu jiġu elenkati biss fi swieq regolati?
L-emittenti jistgħu jelenkaw EuGB fuq MTF dment li jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet.
L-Artikolu 14(1) tar-Regolament EuGB jistipula li, biex tintuża d-denominazzjoni “Bond Ekoloġiku Ewropew” jew “EuGB”, emittent għandu jippubblika prospett skont ir-Regolament dwar il-Prospett (l-Artikolu 14(2) jeżenta bonds koperti mill-Artikolu 1(2), il-punti (b) u (d), tar-Regolament dwar il-Prospett minn dan ir-rekwiżit).
L-Artikolu 3(1) u (3) tar-Regolament dwar il-Prospett jipprovdi li prospett huwa meħtieġ meta l-emittent ikollu l-intenzjoni li joffri titoli lill-pubbliku jew ifittex ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat fl-UE. L-Artikolu 1(4) tar-Regolament dwar il-Prospett jipprevedi eżenzjonijiet minn dan ir-rekwiżit, b’mod partikolari meta emittent joffri titoli biss lil investituri kwalifikati jew meta joffri titoli mingħajr ekwita b’denominazzjoni minima ta’ EUR 100 000 għal kull unità. Dawn l-eżenzjonijiet, b’mod partikolari d-denominazzjoni minima ta’ EUR 100 000, huma l-eżenzjonijiet tipiċi użati fis-swieq kapitali tad-dejn biex jiġi żgurat li l-bonds ma jiġux offruti lill-investituri fil-livell tal-konsumatur. Il-bonds ekoloġiċi tipikament jinbiegħu biss lil investituri professjonali.
Ir-Regolament dwar il-Prospett jiddefinixxi suq regolat b’referenza għall-Artikolu 4(1)(21) tad-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji u “faċilità multilaterali tan-negozjar” jew “MTF” (Multilateral Trading Facility) billi jirreferi għall-Artikolu 4(1)(22) ta’ dik id-Direttiva.
Fir-rigward tal-MTFs, il-Premessa 14 tar-Regolament dwar il-Prospett tistabbilixxi li s-sempliċi ammissjoni ta’ titoli għall-kummerċ f’MTF jew il-pubblikazzjoni tal-prezzijiet tal-offerta ma għandhomx jitqiesu fihom infushom bħala offerta ta’ titoli lill-pubbliku u għaldaqstant ma għandhomx ikunu soġġetti għall-obbligu tat-tfassil ta’ prospett skont dak ir-Regolament. L-Artikolu 4 tar-Regolament dwar il-Prospett jipprovdi li emittent jista’ jkun intitolat li jfassal prospett fuq bażi volontarja fil-każ ta’ eżenzjoni. B’mod partikolari, l-Artikolu 4 jiċċara li meta offerta ta’ titoli lill-pubbliku tkun eżentata mill-obbligu ta’ pubblikazzjoni ta’ prospett f’konformità mal-Artikolu 1(4), emittent għandu jkun intitolat li jippubblika prospett fuq bażi volontarja.
Peress li l-emittenti tal-EuGBs għandhom joħorġu prospett skont ir-Regolament dwar il-Prospett (f’każijiet fejn ikun meħtieġ prospett), jirriżulta li jridu jew jagħmlu offerta pubblika ta’ dawn l-EuGBs jew ifittxu ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat ta’ dawk l-EuGBs jew ikunu f’sitwazzjoni fejn ikunu eżentati skont ir-Regolament dwar il-Prospett mill-pubblikazzjoni ta’ prospett iżda minkejja dan jiddeċiedu li jippubblikaw wieħed volontarjament. Dan ikun ifisser li EuGB jista’ jiġi elenkat f’MTF jekk l-emittent joffrih biss lil investituri kwalifikati jew jintroduċi denominazzjoni minima ta’ EUR 100 000 għal kull unità. F’każ bħal dan, l-emittent ifassal prospett fuq bażi volontarja, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar il-Prospett. Barra minn hekk, jekk l-emittent jagħżel l-opzjoni tad-denominazzjoni minima ta’ EUR 100 000, dak l-emittent jista’ jibbenefika wkoll mill-format tal-prospett imtejjeb għat-titoli mingħajr ekwità fil-livell ta’ operatur f’konformità mal-Artikoli 8 u 16 tal-Att Delegat dwar il-Prospett.
F’konformità mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar il-Prospett u b’kunsiderazzjoni tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament EuGB, jekk emittent ta’ EuGB jfassal prospett b’mod volontarju, dak il-prospett ikun soġġett għad-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament dwar il-Prospett, fosthom li l-prospett ikun jiġi approvat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari kif stipulat fil-punt (m) tal-Artikolu 2 tar-Regolament dwar il-Prospett, u għandu jaqa’ taħt is-superviżjoni ta’ dik l-awtorità kompetenti.
TAQSIMA 5
Rieżami estern
22. F’konformità mal-mudell tal-iskeda informattiva dwar l-EuGB, kif jinsab fl-Anness I tar-Regolament EuGB, l-emittent għandu jipprovdi informazzjoni “meta tkun disponibbli”. Meta tali informazzjoni ma tkunx disponibbli, dan kif għandu jiġi ttrattat mill-emittent u/jew mir-rieżaminatur estern, pereżempju, meta skeda informattiva waħda tkopri ħruġ multiplu? Fir-rigward tad-data tal-ħruġ, din għandha tiġi inkluża mill-emittent “meta tkun disponibbli”, iżda l-Anness IV jirrikjedi li d-“data tal-ħruġ” konkreta tiġi inkluża fir-rapport tar-rieżami relatat ma’ kull skeda informattiva. X’informazzjoni trid tiġi inkluża fir-rapport tar-rieżami f’każ li d-data tal-ħruġ ma tkunx disponibbli? Barra minn hekk, jekk l-informazzjoni ma tkunx disponibbli fiż-żmien tal-ħruġ, iżda tkun disponibbli fiż-żmien tar-rapportar: ikun korrett li wieħed jassumi li r-referenza għall-informazzjoni disponibbli fir-rapport tal-allokazzjoni tkun biżżejjed?
Il-mudell għall-iskeda informattiva dwar l-EuGB fl-Anness I tar-Regolament EuGB jipprovdi l-possibbiltà li jitħallew barra xi punti ta’ data meta dawn ma jkunux disponibbli fiż-żmien meta jinħareġ il-bond. Dan jista’ jkun il-każ pereżempju meta skeda informattiva waħda tkopri ħruġ multiplu u ċerta informazzjoni relatata ma’ ħruġ aktar tard tkun għadha ma hijiex magħrufa.
Peress li l-iskeda informattiva dwar l-EuGB hija dokument importanti ta’ divulgazzjoni maħsub biex jippermetti lill-investituri jagħmlu għażliet infurmati, huwa kritiku li l-emittenti jagħmlu l-aħjar li jistgħu biex jipprovdu kemm jista’ jkun informazzjoni. Dan jista’ jinkludi li jiġi ddikjarat li l-informazzjoni nieqsa tiġi ddivulgata fid-divulgazzjonijiet ta’ wara l-ħruġ, jiġifieri fir-rapporti tal-allokazzjoni u tal-impatt.
Ir-rieżaminaturi esterni għandhom ir-responsabbiltà li jivvalutaw jekk l-emittenti għamlux l-aħjar sforzi biex jipprovdu kemm jista’ jkun informazzjoni meta jwettqu r-rieżami ta’ qabel il-ħruġ imsemmi fl-Artikolu 10(1) u (3) tar-Regolament EuGB. Għandhom jagħmluha ċara wkoll, f’dettall suffiċjenti, kif waslu għall-konklużjoni li ċerta informazzjoni ma kinitx disponibbli fiż-żmien tar-rieżami u l-pubblikazzjoni tal-iskeda informattiva dwar l-EuGB. Dan jista’ jinkludi dikjarazzjoni li l-informazzjoni dwar id-data tal-ħruġ ma kinitx disponibbli fiż-żmien meta ġie kkompletat ir-rieżami estern.
23. X’tip ta’ opinjonijiet jistgħu jiġu pprovduti dwar id-divulgazzjonijiet tal-EuGB? Hemm livell mistenni ta’ aċċertament?
Hija prattika komuni għall-emittenti ta’ bonds ekoloġiċi u ta’ tipi oħra ta’ bonds sostenibbli li jiksbu opinjoni jew verifika mingħand parti oħra b’rabta mad-divulgazzjonijiet tagħhom relatati ma’ bonds bħal dawn. Diversi tipi ta’ fornituri joffru tipi differenti ta’ opinjonijiet, filwaqt li xi atturi speċifiċi jipprovdu aċċertament limitat jew raġonevoli. Nuqqas ta’ regoli jew ta’ standards armonizzati rigward il-governanza, l-organizzazzjoni u l-ħidma ta’ tali entitajiet jista’ jagħmilha diffiċli għall-investituri biex iqabblu l-bonds ma’ asserzjoni ta’ sostenibbiltà.
Għalhekk, sabiex jissaħħu ċ-ċertezza, il-fiduċja u l-komparabbiltà, ir-Regolament EuGB jistabbilixxi rekwiżiti u superviżjoni fil-livell tal-UE għal tali opinjonijiet indipendenti għall-Bonds Ekoloġiċi Ewropej. L-għan huwa li jiġi żgurat li n-negozji li joffru rieżamijiet indipendenti jkunu organizzati tajjeb u kapaċi jipproduċu xogħol ta’ kwalità. F’dan il-kuntest, ir-rieżaminaturi esterni huma kumpaniji li jwettqu servizzi speċifiċi għall-EuGBs, jiġifieri li jirrieżaminaw id-divulgazzjonijiet li l-emittenti ta’ dawn il-bonds jeħtiġilhom jagħmlu skont ir-Regolament EuGB. Filwaqt li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-organizzazzjoni u l-imġiba tar-rieżaminaturi esterni, ir-Regolament EuGB ma jipprovdix jew ma jirrikjedix livell speċifiku ta’ aċċertament, jew tabilħaqq kwalunkwe aċċertament. Għalhekk, ir-rieżamijiet esterni kollha prodotti taħt il-qafas tal-EuGB għandhom l-istess valur.
Barra minn hekk, it-Taqsima 2 tal-mudell dwar il-kontenut tar-rieżamijiet ta’ qabel il-ħruġ, ta’ wara l-ħruġ jew tar-rapport tal-impatt fl-Anness IV tar-Regolament EuGB tipprevedi l-inklużjoni ta’ “dikjarazzjoni li dan ir-rieżami jirrappreżenta opinjoni indipendenti tar-rieżaminatur estern, u li għandu jiġi fdat biss sa ċertu punt”.
24. Sa liema punt tista’ titqies l-opinjoni ta’ awditur dwar l-allinjament mat-Tassonomija tal-UE (skont ir-Regolament dwar it-Tassonomija) għar-rieżami ta’ qabel il-ħruġ jew għar-rieżami tad-divulgazzjonijiet ta’ wara l-ħruġ? Ir-rieżaminatur estern xorta jkollu bżonn jipprovdu valutazzjoni sħiħa u separata? Ir-rieżaminatur estern li jipprovdi r-rieżami(jiet) tad-divulgazzjonijiet ta’ wara l-ħruġ se jkun jista’ jiddependi fuq il-valutazzjoni inizjali tal-allinjament mistenni mir-rieżaminatur estern tal-iskeda informattiva jew irid jagħmel “valutazzjoni ta’ wara” ġdida tal-allinjament tan-nefqiet?
L-Artikoli 10 sa 12 tar-Regolament EUGB jistabbilixxu r-rekwiżiti għall-emittenti biex iħejju divulgazzjonijiet ewlenin dwar l-EuGBs – l-iskeda informattiva, ir-rapporti tal-allokazzjoni u tal-impatt – kif ukoll l-obbligu li jinkiseb rieżami estern tal-ewwel tnejn (pożittiv fil-każ tal-iskeda informattiva). Dawn ir-rekwiżiti jipprovdu wkoll il-punti ewlenin li r-rieżamijiet esterni rispettivi għandu jkun fihom, flimkien mal-kontenut għar-rieżamijiet esterni stabbiliti fl-Anness IV tar-Regolament EuGB. Għalhekk, ir-rieżaminatur estern jeħtieġlu jipprovdi valutazzjoni sħiħa ta’ kull dokument ta’ divulgazzjoni mħejji mill-emittent.
Meta jwettaq ir-rieżamijiet, ir-rieżaminatur estern huwa liberu li jikkonsulta u li jqis firxa ta’ informazzjoni, li tista’ tinkludi, pereżempju, opinjoni tal-awditur dwar l-allinjament tal-emittent mat-Tassonomija tal-UE. Madankollu, id-divulgazzjonijiet speċifiċi meħtieġa mir-Regolament EuGB iridu jiġu pprovduti f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti fir-Regolament u kull divulgazzjoni trid tiġi vvalutata fuq il-merti tagħha stess.
Dan ifisser ukoll li r-rieżami estern ta’ rapport tal-allokazzjoni jew tal-impatt ma jistax sempliċiment jibbaża fuq ir-rieżami estern tal-iskeda informattiva. Hija meħtieġa valutazzjoni separata għal kull divulgazzjoni (ħlief għall-każijiet koperti mill-Artikolu 11(6), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament EuGB). Skont l-Artikolu 11(8)(b) ta’ dak ir-Regolament, ir-rieżami estern ta’ rapport tal-allokazzjoni għandu jinkludi valutazzjoni ta’ jekk l-emittent ikunx alloka r-rikavati mill-bonds kif stabbilit fl-iskeda informattiva dwar l-EuGB imsemmija fl-Artikolu 10, li turi b’mod ċar li ma jkunx possibbli li rieżaminatur estern sempliċiment jiddependi fuq ir-rieżami estern ta’ dik l-iskeda informattiva li tkun tħejjiet qabel il-ħruġ u għalhekk qabel l-allokazzjoni.
(1) Ir-Regolament (UE) 2023/2631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Novembru 2023 dwar il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej u d-divulgazzjonijiet fakultattivi għall-bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli u għall-bonds marbuta mas-sostenibbiltà (ĠU L, 2023/2631, 30.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2631/oj).
(2) Ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE (ĠU L 168, 30.6.2017, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1129/oj).
(3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/980 tal-14 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-format, il-kontenut, l-iskrutinju u l-approvazzjoni tal-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 809/2004 (ĠU L 166, 21.6.2019, p. 26, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/980/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 347 28.12.2017, p. 35, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/2402/oj).
(5) Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/852/oj).
(6) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2139 tal-4 ta’ Ġunju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-kriterji tekniċi tal-iskrinjar sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li fihom attività ekonomika tikkwalifika bħala attività li tikkontribwixxi sostanzjalment għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jew għall-adattament għat-tibdil fil-klima u sabiex jiġi ddeterminat jekk dik l-attività ekonomika tikkawżax ħsara sinifikanti lil xi wieħed mill-objettivi ambjentali l-oħra (ĠU L 442, 9.12.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/2139/oj).
(7) Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/34/oj).
(8) Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (riformulazzjoni) (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/65/oj).
(9) Mistoqsija u Tweġiba tal-ESMA dwar l-interazzjoni bejn ir-Regolament dwar il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej (EuGBR) u dwar ir-Regolament dwar il-Prospett, datat is-6 ta’ Ġunju 2025 (ESMA_QA_2254).
(10) F’dan ir-rigward, ara l-gwida teknika dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” skont ir-Regolament dwar il-Fond Soċjali għall-Klima disponibbli hawnhekk: C_202501596EN.000101.fmx.xml.
(11) F’dan ir-rigward, ara r-Repożitorju tal-Pubblikazzjonijiet taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC, Joint Research Centre) - Substantial contribution to climate change mitigation – a framework to define technical screening criteria for the EU taxonomy, u r-Repożitorju tal-Pubblikazzjonijiet tal-JRC - Development of the EU Sustainable Finance Taxonomy - A framework for defining substantial contribution for environmental objectives 3-6.
(12) F’dan ir-rigward, ara l-Final Report on Minimum Safeguards.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5885/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)