Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52025XC04990

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji Gwida tal-Kummissjoni u mudell ta’ rapportar żviluppati skont l-Artikoli 5(5), 6(6) u 7(3) tad-Direttiva (UE) 2022/2557 dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi

C/2025/6094

ĠU C, C/2025/4990, 12.9.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/4990/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/4990/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/4990

12.9.2025

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Linji Gwida tal-Kummissjoni u mudell ta’ rapportar żviluppati skont l-Artikoli 5(5), 6(6) u 7(3) tad-Direttiva (UE) 2022/2557 dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi

(C/2025/4990)

I.   INTRODUZZJONI

1.

Id-Direttiva (UE) 2022/2557 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi (“id-Direttiva”) għandha l-għan li tiżgura li s-servizzi essenzjali għaż-żamma tal-funzjonijiet tas-soċjetà jew l-attivitajiet ekonomiċi vitali jiġu pprovduti bla ostakoli fis-suq intern. Id-Direttiva ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi li jipprovdu tali servizzi u toħloq qafas ġenerali ta’ reżiljenza tal-entitajiet kritiċi fir-rigward tal-perikli kollha (naturali u kkawżati mill-bniedem, aċċidentali jew intenzjonali).

2.

Biex jinkiseb livell għoli ta’ reżiljenza, l-Istati Membri għandhom obbligi skont id-Direttiva. Il-Kummissjoni ngħatat il-mandat tiżviluppa rakkomandazzjonijiet, linji gwida mhux vinkolanti u mudell ta’ rapportar komuni volontarju biex tappoġġahom fl-issodisfar ta’ xi wħud minn dawn l-obbligi. B’mod speċifiku, din il-Komunikazzjoni tagħti effett lill-Artikolu 5(5) tad-Direttiva rigward l-iżvilupp ta’ mudell għall-għoti ta’ ċerta informazzjoni lill-Kummissjoni, lill-Artikolu 6(6) tad-Direttiva rigward l-iżvilupp ta’ rakkomandazzjonijiet u linji gwida biex l-Istati Membri jiġu appoġġati fl-identifikazzjoni ta’ entitajiet kritiċi, u lill-Artikolu 7(3) tad-Direttiva rigward l-adozzjoni ta’ linji gwida biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-kriterji għad-determinazzjoni tas-sinifikat ta’ effett ta’ tfixkil, filwaqt li titqies l-informazzjoni li l-Istati Membri jridu jippreżentaw f’konformità mal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva.

3.

Qabel l-adozzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni, f’konformità mad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq, l-Istati Membri ġew ikkonsultati f’workshop li sar bejn it-3 u l-4 ta’ Ottubru 2024 u l-Grupp għar-Reżiljenza tal-Entitajiet Kritiċi (CERG, Critical Entities Resilience Group) ġie kkonsultat fit-12 ta’ Frar 2025. Konsultazzjonijiet bilaterali ulterjuri tad-delegati tas-CERG saru bil-miktub f’Marzu 2025 u verżjoni aġġornata ġiet kondiviża mas-CERG fis-7 ta’ April 2025.

4.

Din il-Komunikazzjoni ma hijiex legalment vinkolanti u ma taffettwax l-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

II.   MUDELL TA’ RAPPORTAR KOMUNI VOLONTARJU

5.

Il-mudell ta’ rapportar komuni volontarju għall-Istati Membri biex jipprovdu ċerta informazzjoni relatata mal-valutazzjoni tar-riskju lill-Kummissjoni, kif previst fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva, huwa stabbilit fl-Anness.

6.

Għalkemm dan il-mudell ta’ rapportar huwa ta’ natura volontarja, l-Istati Membri huma mħeġġa jużawh meta jipprovdu informazzjoni skont l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva.

III.   LINJI GWIDA MHUX VINKOLANTI LI JAPPOĠĠAW L-IDENTIFIKAZZJONI TA’ ENTITAJIET KRITIĊI

Illustrazzjoni 1

Il-proċess għall-identifikazzjoni tal-entitajiet kritiċi  (2)

Image 1

7.

B’rabta mal-appoġġ għall-identifikazzjoni tal-entitajiet kritiċi, fid-dawl tal-premessi 3 (3) u 16 (4) tad-Direttiva, dawn il-linji gwida mhux vinkolanti għandhom l-għan, b’mod partikolari, li jappoġġaw l-applikazzjoni konsistenti, fil-livell tal-UE, tal-kriterji għall-identifikazzjoni tal-entitajiet kritiċi.

8.

F’konformità mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva, “meta Stat Membru jidentifika entitajiet kritiċi, skont id-Direttiva, huwa għandu jqis ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju tal-Istat Membru u l-istrateġija tiegħu u japplika l-kriterji kollha li ġejjin:

(a)

l-entità tipprovdi servizz essenzjali wieħed jew aktar;

(b)

l-entità topera, u l-infrastruttura kritika tagħha tinsab, fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru; u

(c)

inċident ikollu effetti ta’ tfixkil sinifikanti, kif determinat f’konformità mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva, fuq il-forniment mill-entità ta’ servizz essenzjali, wieħed jew aktar jew fuq il-forniment ta’ servizzi essenzjali oħra fis-setturi stabbiliti fl-Anness li jiddependu fuq dak jew dawk is-servizzi essenzjali”.

9.

Minn dan ta’ hawn fuq jirriżulta li fil-proċess tal-identifikazzjoni tal-entitajiet kritiċi mill-Istati Membri għandhom jiġu kkunsidrati tliet elementi ewlenin: ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju, l-eżitu tal-istrateġija nazzjonali, u l-applikazzjoni kumulattiva tal-kriterji msemmija fil-punt 8 hawn fuq.

III.1.   Eżitu tal-valutazzjoni tar-riskju

10.

Il-premessa 15 tad-Direttiva tispjega li “l-azzjonijiet tal-Istati Membri biex jidentifikaw u jgħinu jiżguraw ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi jenħtieġ li jsegwu approċċ ibbażat fuq ir-riskju li jiffoka fuq l-entitajiet l-aktar rilevanti għat-twettiq tal-funzjonijiet tas-soċjetà jew l-attivitajiet ekonomiċi vitali”.

11.

L-Istati Membri huma mħeġġa joperazzjonalizzaw l-eżitu tal-valutazzjoni tar-riskju mwettqa f’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva għall-identifikazzjoni ta’ entitajiet kritiċi f’termini ta’:

(a)

il-kobor tat-telf jew tat-tfixkil (impatt għoli meta mqabbel ma’ impatt baxx) tal-forniment ta’ servizz essenzjali minn entità partikolari; u

(b)

l-probabbiltà tat-telf jew tat-tfixkil (probabbiltà għolja meta mqabbla ma’ probabbiltà baxxa) tal-forniment ta’ servizz essenzjali minn entità partikolari.

12.

Ir-riskji li huma ta’ natura transsettorjali jew transfruntiera għandhom jingħataw piż partikolari fil-proċess tal-identifikazzjoni tal-entitajiet kritiċi, minħabba l-potenzjal tagħhom ta’ effetti kaskata usa’ fuq il-forniment ta’ servizzi essenzjali minn entitajiet oħra fis-setturi stabbiliti fl-Anness tad-Direttiva.

III.2.   L-istrateġija għat-tisħiħ tar-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi

13.

Il-premessa 13 tad-Direttiva tispjega li, “bl-għan li jiġi żgurat approċċ komprensiv għar-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi, kull Stat Membru jenħtieġ li jkollu stabbilit strateġija sabiex tiġi mtejba r-reżiljenza ta’ entitajiet kritiċi” . L-istess premessa tiċċara x’għandha tkopri l-istrateġija, jiġifieri “l-objettivi strateġiċi u l-miżuri ta’ politika li għandhom jiġu implimentati. Fl-interessi tal-koerenza u l-effiċjenza, l-istrateġija għandha titfassal biex tintegra bla xkiel il-politiki eżistenti, filwaqt li, kull fejn ikun possibbli, tibni fuq strateġiji nazzjonali u settorjali, pjanijiet jew dokumenti simili eżistenti rilevanti”. L-istrateġija għandha tiġi adottata f’konformità mal-Artikolu 4 tad-Direttiva.

14.

Sabiex jinkiseb approċċ komprensiv fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ entitajiet kritiċi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istrateġiji tagħhom jipprevedu qafas ta’ politika għal koordinazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva u l-awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) fil-kuntest tal-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar riskji ċibernetiċi, theddid ċibernetiku u inċidenti ċibernetiċi u riskji, theddid u inċidenti mhux ċibernetiċi u fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ kompiti superviżorji (6). Peress li dan jista’ jkollu effett fuq l-identifikazzjoni ta’ entitajiet kritiċi f’setturi partikolarment esposti għal theddid ibridu, l-Istati Membri għandhom iqisu kif xieraq in-natura ibrida tat-theddid għal entitajiet kritiċi meta jistabbilixxu l-istrateġiji tagħhom u meta jibnu fuqhom għall-fini tal-identifikazzjoni ta’ entitajiet kritiċi. L-Istati Membri huma mħeġġa jikkunsidraw standards Ewropej u internazzjonali rilevanti għall-miżuri ta’ sigurtà u reżiljenza applikabbli għall-entitajiet kritiċi li jistgħu jinfluwenzaw l-istrateġiji tal-Istati Membri u sussegwentement il-proċessi u d-deċiżjonijiet ta’ deżinjazzjoni tagħhom.

15.

Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva, l-istrateġija jrid ikun fiha ċerti elementi, bħall-objettivi u l-prijoritajiet strateġiċi għat-tisħiħ tar-reżiljenza ġenerali tal-entitajiet kritiċi u deskrizzjoni tal-proċess li bih jiġu identifikati l-entitajiet kritiċi. L-objettivi u l-prijoritajiet strateġiċi jistgħu jinfluwenzaw b’mod utli l-proċess tal-identifikazzjoni tal-entitajiet kritiċi. Pereżempju, bħala parti mill-iffissar tal-prijoritajiet fl-istrateġija, jistgħu jiġu stabbiliti limiti għal riskji aċċettabbli, tollerabbli u inaċċettabbli. Dan jista’ jappoġġa l-proċess tal-identifikazzjoni tal-entitajiet kritiċi mill-awtoritajiet kompetenti u jinfluwenza d-determinazzjoni tas-sinifikat tal-effetti ta’ tfixkil.

III.3.   Kriterji għall-identifikazzjoni tal-entitajiet kritiċi

16.

Mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva jirriżulta li t-tliet kriterji stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni jridu jiġu applikati b’mod kumulattiv, jiġifieri entità li tissodisfa t-tliet kriterji kollha biss tista’ tiġi identifikata bħala entità kritika skont id-Direttiva.

17.

Għalhekk, u filwaqt li titqies ukoll in-nonapplikazzjoni tad-Direttiva prevista fl-Artikolu 1(6), 5(1) kif ukoll fl-Artikoli 7(1) ta’ dik id-Direttiva, il-ħames passi li ġejjin għandhom jitqiesu fl-identifikazzjoni tal-entitajiet kritiċi (ara l-Illustrazzjoni 1):

(a)

L-entità tappartjeni lil wieħed mis-setturi jew mis-sottosetturi u mill-kategoriji tal-entitajiet elenkati fl-Anness tad-Direttiva?

(b)

L-entità tipprovdi servizz essenzjali wieħed jew aktar?

(c)

L-entità topera fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, u l-infrastruttura kritika tagħha tinsab fih?

(d)

Inċident ikollu effetti ta’ tfixkil sinifikanti (7) fuq il-forniment mill-entità, ta’ servizz essenzjali wieħed jew aktar jew fuq il-forniment ta’ servizzi essenzjali oħra fis-setturi stabbiliti fl-Anness li jiddependu minn dak jew dawk is-servizzi essenzjali?

(e)

L-entità hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (8)?

18.

L-Istati Membri jistgħu jagħżlu l-ordni li biha jindirizzaw dawn il-passi. Id-Direttiva ma tirrikjedix li tiġi segwita xi ordni partikolari.

19.

Meta, wara li jkunu ġew segwiti dawn il-passi, jirriżulta li entità tissodisfa t-tliet kriterji b’mod kumulattiv, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, din trid tiġi identifikata mill-Istat Membru bħala entità kritika. Il-premessa 16 tad-Direttiva tiċċara li “jekk ma jkun hemm l-ebda entità li tissodisfa dawk il-kriterji fi Stat Membru, dak l-Istat Membru jenħtieġ li ma jkun taħt l-ebda obbligu li jidentifika entità kritika fis-settur jew fis-sottosettur korrispondenti”.

(a)   L-entità tappartjeni lil wieħed mis-setturi jew mis-sottosetturi u mill-kategoriji tal-entitajiet elenkati fl-Anness tad-Direttiva?

20.

L-Anness tad-Direttiva jelenka fit-tielet kolonna tiegħu l-kategoriji ta’ entitajiet li jikkorrispondu mal-lista ta’ setturi u sottosetturi koperti mid-Direttiva. Kważi l-kategoriji kollha jirreferu lura għal-leġiżlazzjoni settorjali rilevanti tal-UE li tiddefinixxi dik il-kategorija ta’ entità. Tali leġiżlazzjoni għandha titqies bir-reqqa fil-proċess ta’ identifikazzjoni, sabiex tinftiehem il-kategorija ta’ entità li hija koperta f’dak is-settur jew is-sottosettur partikolari.

21.

Il-partikolaritajiet f’ċerti setturi għandhom jitqiesu fil-proċess ta’ identifikazzjoni. Fir-rigward tas-settur tal-enerġija, il-premessa 5 tad-Direttiva tiċċara li “fir-rigward ta’, partikolarment, il-metodi tal-ġenerazzjoni u t-trażmissjoni tal-elettriku (fir-rigward tal-forniment tal-elettriku), huwa mifhum li, fejn meqjus xieraq, il-ġenerazzjoni tal-elettriku tista’ tinkludi l-partijiet ta’ impjanti tal-enerġija nukleari li jittrasmettu l-elettriku iżda teskludi l-elementi nukleari speċifiċi koperti bit-trattati u l-liġi tal-Unjoni, inkluż atti legali rilevanti tal-Unjoni li jikkonċernaw l-enerġija nukleari”.

22.

Fir-rigward tas-settur tal-ikel, l-istess premessa 5 tad-Direttiva tiċċara li, “sabiex jiġi żgurat li jkun hemm approċċ proporzjonat u biex jiġu riflessi b’mod adegwat ir-rwol u l-importanza ta’ dawk l-entitajiet fil-livell nazzjonali, l-entitajiet kritiċi għandhom jiġu identifikati biss fost in-negozji tal-ikel, kemm jekk għall-profitt kif ukoll jekk le u kemm jekk pubbliċi jew privati, li huma involuti esklużivament fil-loġistika u d-distribuzzjoni bl-ingrossa u l-produzzjoni u l-ipproċessar industrijali fuq skala kbira b’sehem sinifikanti mis-suq kif osservat fil-livell nazzjonali”.

23.

Meta jidentifikaw entitajiet kritiċi, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-importanza partikolari ta’ ċerti setturi bħat-trasport, fir-rigward tar-rwol ewlieni tal-portijiet tal-baħar jew tal-portijiet interni, it-toroq, l-ajruporti u l-ferroviji, b’mod partikolari meta jservu użu doppju għall-mobbiltà militari u għal skopijiet ċivili, l-ilma, l-enerġija u l-infrastruttura diġitali għall-forniment ta’ servizzi essenzjali f’setturi oħra, għar-rwol strateġiku tagħhom fl-iżgurar tar-reżiljenza tal-katina tal-provvista u għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu u l-kriminalità organizzata.

24.

Fir-rigward tal-entitajiet fis-settur bankarju, fis-settur tal-infrastruttura tas-swieq finanzjarji u fis-settur tal-infrastruttura diġitali, skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva u l-ispjegazzjonijiet fil-premessi 20 u 21 tagħha, l-Istati Membri jridu jidentifikaw, abbażi tal-istess kriterji u permezz tal-istess proċedura prevista fid-Direttiva, l-entitajiet kritiċi li jappartjenu għal dawn is-setturi. L-awtoritajiet kompetenti rilevanti għandhom jinfurmaw u jikkonsultaw lil xulxin kif xieraq fl-identifikazzjoni tal-entitajiet f’dawn it-tliet setturi, f’konformità mal-obbligu ġenerali tagħhom li jikkooperaw b’mod effettiv biex iwettqu l-kompiti tagħhom skont id-Direttiva kif stabbilit fl-Artikolu 9(1) tagħha.

25.

L-Istati Membri, meta jidentifikaw entitajiet kritiċi f’konformità mal-Artikolu 6 tad-Direttiva, għandhom jikkunsidraw kif xieraq l-entitajiet li jipprovdu servizzi essenzjali għall-komunikazzjonijiet elettroniċi u t-trażmissjoni tal-elettriku taħt il-baħar (9).

(b)   L-entità tipprovdi servizz essenzjali wieħed jew aktar?

26.

Filwaqt li l-għan primarju tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni 2023/2450 (10) (“ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni”) huwa li jistabbilixxi lista ta’ servizzi essenzjali fis-setturi u fis-sottosetturi stabbiliti fl-Anness tad-Direttiva, li għandha tintuża mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tat-twettiq ta’ valutazzjonijiet tar-riskju, l-istess lista għandha tintuża wkoll sussegwentement fil-proċess ta’ identifikazzjoni sabiex jiġi deċiż jekk l-entità tissodisfax l-ewwel kriterju, jiġifieri jekk l-entità tipprovdix servizz essenzjali wieħed jew aktar.

27.

Il-premessa 4 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tindika li “jenħtieġ li l-lista ta’ servizzi essenzjali tintuża fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti kollha tad-Direttiva”. Dan jinkludi d-definizzjoni ta’ servizzi essenzjali bħala servizzi li huma kruċjali għaż-żamma tal-funzjonijiet vitali tas-soċjetà, l-attivitajiet ekonomiċi, is-saħħa u s-sikurezza pubbliċi, jew l-ambjent, kif ukoll id-definizzjoni ta’ entità tal-amministrazzjoni pubblika (11) u d-dispożizzjonijiet dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (12), li huma rilevanti, inter alia, meta jiġi applikat l-ewwel kriterju msemmi hawn fuq.

28.

Madankollu, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva jgħid b’mod ċar li l-lista li tinsab fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni ma hijiex eżawrjenti. Għalhekk, jista’ jkun hemm servizzi essenzjali oħra li huma koperti mid-Direttiva iżda li ma humiex elenkati fiha. Konsegwentement, filwaqt li huma punt importanti ta’ referenza, is-servizzi essenzjali elenkati ma humiex neċessarjament l-uniċi li għandhom jitqiesu meta l-Istati Membri japplikaw l-Artikolu 6(2)(a) tad-Direttiva. Dik id-dispożizzjoni tirreferi għal “servizzi essenzjali”, kif definiti fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva, b’mod ġenerali, mingħajr ma neċessarjament ikunu limitati biss għas-servizzi essenzjali elenkati fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni.

(c)   L-entità topera fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, u l-infrastruttura kritika tagħha tinsab fih?

29.

Skont dan il-pass, l-Istati Membri għandhom jivverifikaw jekk l-entitajiet fil-fatt joperawx fit-territorju tagħhom, fis-sens li jwettqu l-attivitajiet tagħhom, u jekk għandhomx infrastruttura kritika fih, fis-sens li jkunu fiżikament jinsabu hemmhekk. Dawn iż-żewġ elementi (l-operazzjoni mill-entità kritika u l-post tal-infrastruttura kritika) huma spjegati fil-premessa 16 tad-Direttiva, li tindika li entità għandha titqies li topera fit-territorju ta’ Stat Membru jekk dik l-entità twettaq l-attivitajiet tagħha meħtieġa għas-servizz jew għas-servizzi essenzjali inkwistjoni fi Stat Membru partikolari u, jekk l-infrastruttura kritika ta’ dik l-entità, li tintuża biex tipprovdi dak is-servizz jew dawk is-servizzi, tkun tinsab fiżikament f’dak l-Istat Membru.

30.

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2)(b) tad-Direttiva, it-territorju ta’ Stat Membru għandu jitqies li jkopri, soġġett għal-limiti li jirriżultaw mill-Artikolu 355 tat-TFUE, it-territorju fuq l-art u l-passaġġi fuq l-ilmijiet interni ta’ dak l-Istat Membru kif ukoll il-baħar territorjali (u l-qiegħ u s-sottoswol tiegħu) stabbilit minn dak l-Istat Membru f’konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS, UN Convention on the Laws of the Seas). Barra minn hekk, ikopri ż-żona ekonomika esklużiva (ŻEE) stabbilita minn dak l-Istat Membru u l-blata kontinentali, iżda biss sa fejn ikun hemm konnessjoni bejn l-infrastruttura kritika li tinsab fiż-ŻEE tagħhom jew fuq il-blata kontinentali u d-drittijiet sovrani jew il-ġuriżdizzjoni li Stat kostali jeżerċita f’konformità mal-UNCLOS f’dawk il-partijiet tal-baħar, mingħajr ma jinterferixxi mad-drittijiet u l-libertajiet ta’ Stati oħra ggarantiti mill-UNCLOS. Għalhekk, meta japplikaw l-Artikolu 6(2)(b) tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom, meta jkun rilevanti, jagħmlu valutazzjoni każ b’każ biex jiddeterminaw sa liema punt hija koperta l-infrastruttura kritika li tinsab fiż-ŻEE tagħhom u fuq il-blata kontinentali.

31.

Pereżempju, fil-każ ta’ kejbils jew pipelines taħt il-baħar imqiegħda minn Stati oħra, fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom skont l-Artikoli 58(1) u 79(1) tal-UNCLOS, u li jgħaddu miż-ŻEE jew mill-blata kontinentali ta’ Stat Membru kostali, dak l-Istat Membru ma għandux ikun marbut li jagħti effett lill-obbligi tiegħu skont id-Direttiva fir-rigward ta’ dik l-infrastruttura kritika, sa fejn ma taqax taħt is-sovranità funzjonali u l-ġuriżdizzjoni tiegħu fiż-ŻEE u l-blata kontinentali skont l-UNCLOS. B’kuntrast għal dan, kejbils jew pipelines li jinsabu fiż-ŻEE jew fil-blata kontinentali ta’ Stat Membru kostali għandhom ikunu soġġetti, f’dak l-Istat, għall-obbligi stabbiliti mid-Direttiva fejn din l-infrastruttura kritika tkun konnessa mal-attivitajiet li bis-saħħa tagħhom dak l-Istat ikun eżerċita s-sovranità jew il-ġuriżdizzjoni tiegħu fiż-ŻEE jew fil-blata kontinentali skont l-Artikoli 56 u 77 tal-UNCLOS.

32.

Peress li dan ma huwiex imsemmi fl-Artikolu 6(2)(b) tad-Direttiva, il-post tal-istabbiliment tal-entità ma għandux jitqies bħala parti minn dan il-kriterju. Għalhekk, dan l-element għandu jitqies bħala irrilevanti għall-proċess tal-identifikazzjoni tal-entitajiet kritiċi skont id-Direttiva.

(d)   Inċident ikollu effetti ta’ tfixkil sinifikanti fuq il-forniment mill-entità ta’ servizz essenzjali, wieħed jew aktar jew fuq il-forniment ta’ servizzi essenzjali oħra fis-setturi stabbiliti fl-Anness li jiddependu minn dak jew dawk is-servizzi essenzjali?

33.

Il-kwistjoni tad-determinazzjoni tas-sinifikat ta’ effett ta’ tfixkil hija elaborata ulterjorment fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva, li jelenka l-kriterji li għandhom jitqiesu għal dak il-għan. Dawn il-kriterji huma spjegati aktar fit-Taqsima IV ta’ dawn il-linji gwida.

(e)   L-entità hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva?

34.

Jekk entità tappartjeni għal waħda mill-kategoriji ta’ entitajiet li d-Direttiva ma tapplikax għalihom kif stabbilit fl-Artikolu 1(6) tad-Direttiva, ma hemm l-ebda obbligu li tiġi identifikata bħala entità kritika skont id-Direttiva.

35.

Minkejja r-rekwiżit legali għall-Istati Membri biex japplikaw il-kriterji previsti mid-Direttiva kif spjegat fit-Taqsima III.3 (A-D) ta’ dawn il-Linji Gwida, dawn jistgħu japplikaw ukoll, skont id-dritt nazzjonali u filwaqt li jaġixxu f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, obbligi relatati ma’ entitajiet kritiċi għal entitajiet li joperaw f’setturi oħra meqjusa kritiċi skont id-dritt nazzjonali, li ma humiex imsemmija fl-Anness tad-Direttiva.

36.

Kif spjegat fil-punt 28 hawn fuq, filwaqt li r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni huwa punt ta’ referenza importanti, l-Istati Membri jista’ jkollhom iqisu servizzi essenzjali oħra minbarra dawk elenkati fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu, skont id-dritt nazzjonali u filwaqt li jaġixxu f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, jiddeċiedu li jimponu obbligi li jsaħħu r-reżiljenza fuq entitajiet li jipprovdu servizzi oħra minbarra servizzi essenzjali koperti mid-Direttiva.

37.

Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jidentifikaw, skont id-dritt nazzjonali u filwaqt li jaġixxu f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, entitajiet kritiċi oħra apparti dawk identifikati abbażi tad-Direttiva (13). Konsegwentement, minħabba li tali entitajiet jiġu identifikati abbażi tad-dritt nazzjonali, ma għandhomx għalfejn jissodisfaw il-kriterji kumulattivi msemmija fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva u spjegati hawn fuq.

IV.   LINJI GWIDA MHUX VINKOLANTI BIEX TIĠI FFAĊILITATA L-APPLIKAZZJONI TAL-KRITERJI BIEX JIĠI DDETERMINAT IS-SINIFIKAT TA’ EFFETT TA’ TFIXKIL

38.

Filwaqt li jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva li jridu jitqiesu l-kriterji kollha meta jiġi ddeterminat is-sinifikat ta’ effett ta’ tfixkil, l-Istati Membri jistgħu jivvalutaw aktar ir-rilevanza konkreta ta’ dawn il-kriterji fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ inkwistjoni.

IV.1.   L-għadd ta’ utenti li jiddependu fuq is-servizz essenzjali

39.

L-Istati Membri huma mħeġġa jqisu dan li ġej meta japplikaw dan il-kriterju:

(a)

persuni fiżiċi u ġuridiċi bħala utenti;

(b)

entitajiet kritiċi oħra bħala utenti;

(c)

l-għadd totali ta’ utenti li jiddependu b’mod dirett fuq is-servizz essenzjali u/jew, sa fejn ikun possibbli li ssir stima tagħhom, tal-utenti indiretti tas-servizz essenzjali, jiġifieri persuni li ma jiddependux b’mod dirett fuq is-servizz iżda li jkunu affettwati mit-tfixkil tiegħu.

40.

Meta jintuża limitu biex jiġi vvalutat l-għadd ta’ utenti, il-limitu magħżul għandu jqis jekk:

(a)

l-utenti jkunux ikkonċentrati f’żona partikolari jew mifruxa f’reġjun;

(b)

l-utenti humiex gruppi vulnerabbli pereżempju, anzjani, persuni b’diżabilità jew tfal;

(c)

hemmx dipendenza kritika marbuta mal-ħin fuq is-servizz essenzjali rispettiv, pereżempju minn operaturi ta’ infrastruttura spazjali bbażata fuq l-art;

(d)

l-għadd ta’ utenti għas-servizz essenzjali inkwistjoni ma huwiex għoli iżda dawk l-utenti jiddependu bil-qawwa fuq is-servizz essenzjali, pereżempju fornitur tal-kura tas-saħħa.

IV.2.   Il-punt sa fejn setturi u sottosetturi oħra stabbiliti fl-Anness tad-Direttiva jiddependu fuq is-servizz essenzjali inkwistjoni

41.

L-entitajiet kritiċi ta’ spiss ikunu konnessi ħafna u jiddependu b’mod reċiproku b’modi kumplessi. Id-dipendenzi u l-interdipendenzi huma multiplikatur tar-riskju li jista’ jżid is-sinifikat ta’ effett ta’ tfixkil.

42.

L-Istati Membri huma mħeġġa jqisu dan li ġej meta japplikaw dan il-kriterju:

(a)

jekk żewġ setturi jew aktar jiddependux mis-servizz essenzjali inkwistjoni;

(b)

jekk l-entitajiet kritiċi li joperaw f’setturi u f’sottosetturi oħra għajr dak inkwistjoni għandhomx alternattivi għal dak is-servizz essenzjali;

(c)

jekk l-effett ta’ tfixkil ta’ inċident relatat mal-forniment tas-servizz essenzjali jkunx jippropaga malajr u jwassal għal effetti kaskata f’setturi u sottosetturi l-oħra.

43.

Il-premessa 18 tad-Direttiva tispjega li “l-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw ukoll l-effetti fuq il-katina tal-provvista, sa fejn ikun possibbli, meta jiddeterminaw sa fejn setturi u sottosetturi oħra jiddependu fuq is-servizz essenzjali fornit minn entità kritika” .

44.

Sabiex jindirizzaw dawn l-effetti fuq il-katina tal-provvista, l-Istati Membri huma mħeġġa jużaw l-immappjar eżistenti jew iwettqu mmappjar tal-ktajjen tal-forniment għal servizzi essenzjali pprovduti minn entitajiet fis-setturi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, bħal fornituri u klijenti diretti, fornituri u klijenti indiretti, dipendenzi transsettorjali u transfruntieri, inklużi dawk barra mill-UE.

IV.3.   L-impatt li l-inċidenti jista’ jkollhom, f’termini ta’ grad u durata, fuq l-attivitajiet ekonomiċi u tas-soċjetà, l-ambjent, is-sikurezza u s-sigurtà pubbliċi, jew is-saħħa tal-popolazzjoni

45.

Sabiex jiġu vvalutati l-grad u d-durata ta’ inċident, kull wieħed mill-elementi msemmija fl-Artikolu 7(1)(c) tad-Direttiva għandu jitqies separatament. Aktar ma tkun twila d-durata ta’ inċident u aktar ma tkun qawwija l-intensità tiegħu, aktar għandu jitqies li jkun sinifikanti l-impatt fuq l-attivitajiet ekonomiċi u tas-soċjetà, fuq l-ambjent, fuq is-sikurezza u s-sigurtà pubbliċi jew fuq is-saħħa tal-popolazzjoni.

46.

L-Istati Membri huma mħeġġa jqisu dawn l-elementi li ġejjin meta japplikaw dan il-kriterju:

47.

Fir-rigward tal-impatt li l-inċidenti jista’ jkollhom fuq l-attivitajiet ekonomiċi, l-Istati Membri huma mħeġġa jqisu:

(a)

il-kostijiet diretti stmati relatati mal-ħsara fiżika kkawżata mit-tfixkil, il-firxa u d-durata tal-interruzzjoni tan-negozju wara t-twaqqif tal-operazzjonijiet, it-telf fid-dħul, l-għeluq potenzjali u l-kostijiet tal-assigurazzjoni, meta l-effetti tagħhom ikunu sostanzjali biżżejjed biex potenzjalment jaffettwaw il-makroekonomija;

(b)

il-kostijiet stmati kkawżati minn interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista li jwasslu għal dewmien u nuqqas fil-forniment ta’ servizzi essenzjali, tnaqqis fl-infiq mill-konsumatur u telf ta’ fiduċja mill-pubbliku;

(c)

il-kostijiet stmati kkawżati mill-impatt fuq l-investiment, il-kummerċ u t-tkabbir ekonomiku fit-tul.

48.

Fir-rigward tal-impatt li l-inċidenti jista’ jkollhom fuq l-attivitajiet tas-soċjetà, l-Istati Membri huma mħeġġa jivvalutaw is-sinifikat tat-tfixkil tal-attivitajiet tal-gvern fil-livell ċentrali, reġjonali jew lokali u tat-tfixkil fl-attivitajiet tas-settur privat li jxekklu l-kapaċità ġenerali li jiġu pprovduti servizzi essenzjali, inkluż it-tfixkil fil-ħajja ta’ kuljum.

49.

Fir-rigward tal-impatt li l-inċidenti jista’ jkollhom fuq l-ambjent, l-Istati Membri huma mħeġġa jqisu:

(a)

il-ħsara stmata lill-ekosistemi u d-disponibbiltà tas-servizzi tal-ekosistema kif definiti fl-Artikolu 2(14) tar-Regolament 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli;

(b)

l-impatt fuq il-kwalità tal-arja (il-konċentrazzjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa tal-arja, l-indiċijiet tal-kwalità tal-arja, il-bidliet fl-ekosistema akkwatiċi), il-kwalità tal-ilma (il-bidliet fil-konċentrazzjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa tal-ilma u tal-baħar, il-kwalità tal-ilma, l-impatt fuq is-saħħa tal-bniedem, il-ħsara għall-bijodiversità), l-art (il-ħamrija, id-deforestazzjoni, l-urbanizzazzjoni, l-agrikoltura, il-bidliet fil-bijodiversità);

(c)

l-impatt fuq it-tibdil fil-klima, inkluż it-tibdil fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra;

(d)

il-materjalizzazzjoni ta’ riskji klimatiċi akuti jew kroniċi.

50.

Il-valutazzjoni tal-impatt li l-inċidenti jista’ jkollhom fuq l-ambjent għandha tkun ibbażata fuq approċċ komprensiv li jqis kemm l-impatti diretti kif ukoll dawk indiretti, kif ukoll il-konsegwenzi fuq perjodu ta’ żmien qasir u fit-tul. L-Istati Membri huma mħeġġa jużaw il-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali eżistenti jew li jwettqu tali valutazzjonijiet jew valutazzjonijiet ambjentali strateġiċi, jew valutazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja.

51.

Fir-rigward tal-impatt li l-inċidenti jista’ jkollhom fuq is-sikurezza u s-sigurtà pubblika, l-Istati Membri huma mħeġġa jqisu:

(a)

l-effetti ta’ tipi differenti ta’ inċidenti u l-konsegwenzi fuq il-forniment ta’ servizzi essenzjali, f’termini tal-grad u tad-durata, fuq id-disponibbiltà u l-effettività tas-servizzi tal-gvern iddedikati għas-sikurezza u s-sigurtà pubbliċi bħas-servizzi tal-pulizija, is-servizzi tal-protezzjoni kontra n-nirien, il-qrati u l-ħabsijiet, ir-rata tal-kriminalità, il-potenzjal ta’ inkwiet soċjali minħabba l-iskarsezza ta’ servizzi jew oġġetti essenzjali, jew bidliet fil-perċezzjoni tal-komunità dwar is-sikurezza u s-sigurtà;

(b)

l-impatt fuq id-disponibbiltà u l-effettività tal-kapaċitajiet ta’ rispons tas-servizzi tal-gvern iddedikati għas-sikurezza u s-sigurtà pubbliċi.

52.

Sabiex jiġi vvalutat l-impatt li l-inċidenti jista’ jkollhom fuq is-sikurezza u s-sigurtà pubbliċi, l-Istati Membri huma mħeġġa jużaw ir-riżultati tal-valutazzjonijiet tar-riskju, tat-theddid u tal-vulnerabbiltà, tal-analiżijiet u tal-immappjar tal-kriminalità, tal-ippjanar u tal-eżerċizzji tal-ġestjoni tal-emerġenzi, u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati.

53.

Fir-rigward tal-impatt li l-inċidenti jista’ jkollhom fuq is-saħħa tal-popolazzjoni, l-Istati Membri huma mħeġġa jqisu:

(a)

telf ta’ aċċess għall-kura tas-saħħa minħabba dewmien fit-trattament, inkapaċità li jintlaħqu l-faċilitajiet mediċi, nuqqas ta’ persunal, inkapaċità li jiġu indirizzati emerġenzi tas-saħħa pubblika, pressjoni fuq il-manifattura ta’ prodotti farmaċewtiċi bażiċi, ta’ preparazzjonijiet farmaċewtiċi bażiċi, ta’ kontromiżuri mediċi u ta’ apparati mediċi li jitqiesu bħala kritiċi matul emerġenza tas-saħħa pubblika, jew telf tagħhom, nuqqas ta’ prodotti mediċinali, konsegwenzi fuq is-saħħa mentali, morbidità u mortalità akbar (rata ogħla ta’ mard kroniku, tixrid ta’ mard infettiv, korrimenti, fatalitajiet);

(b)

tfixkil fil-katina tal-provvista tal-ikel, tfixkil jew kontaminazzjoni tal-provvisti tal-ilma (tax-xorb);

(c)

effetti fuq is-saħħa ta’ gruppi vulnerabbli (anzjani, tfal, persuni b’introjtu baxx, pazjenti b’kundizzjonijiet diġà eżistenti).

54.

Sabiex jiġi vvalutat l-impatt li l-inċidenti jista’ jkollhom fuq is-saħħa tal-popolazzjoni, l-Istati Membri huma mħeġġa jużaw is-sorveljanza tas-saħħa pubblika li għandha l-għan li tintraċċa tifqigħat ta’ mard u bidliet fil-mortalità u fil-monitoraġġ ambjentali; stħarriġiet u intervisti li għandhom l-għan li jiġbru data dwar l-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-esperjenza miġbura qabel u wara t-tfixkil; u analiżi ġeospazjali li għandha l-għan li timmappja gruppi u żoni vulnerabbli b’aċċess limitat għall-kura tas-saħħa.

IV.4.   Is-sehem mis-suq tal-entità fis-suq tas-servizz essenzjali jew tas-servizzi essenzjali kkonċernati

55.

Is-sehem mis-suq jirrifletti l-pożizzjoni relattiva tal-fornituri fis-suq u huwa ġeneralment ibbażat fuq il-bejgħ jew ix-xiri tal-prodotti rilevanti fiż-żona ġeografika rilevanti. Ġeneralment, kemm il-valur tal-bejgħ kif ukoll tax-xiri u l-volum tal-bejgħ jew tax-xiri jipprovdu informazzjoni utli (15). L-Istati Membri huma mħeġġa jikkonsultaw ukoll data statistika speċifika għas-settur jew li jwettqu riċerka dwar is-suq biex jiddeterminaw is-sehem mis-suq ta’ entità.

56.

Il-kriterju tas-sehem mis-suq għandu dejjem jiġi kkunsidrat flimkien ma’ kriterji oħra peress li livell baxx ta’ dipendenza fuq is-servizz essenzjali jew id-disponibbiltà ta’ fornituri ta’ servizzi alternattivi jistgħu jnaqqsu b’mod konsiderevoli s-sinifikat ta’ effett ta’ tfixkil. Id-dipendenza tista’ tkun fattur ewlieni fl-evalwazzjoni tal-impatt tas-sehem mis-suq peress li tista’ tispjega kemm is-soċjetà, is-setturi speċifiċi, jew entitajiet oħra jibbażaw fuq servizz essenzjali partikolari. Fil-valutazzjoni tal-impatt tas-sehem mis-suq, id-dipendenza tipprovdi għarfien dwar l-importanza sistemika relattiva u l-kritikalità tar-rwol tal-entità fis-suq għas-servizz jew għas-servizzi essenzjali inkwistjoni.

57.

It-tfixkil tas-servizzi essenzjali pprovduti minn entità b’sehem mis-suq għoli x’aktarx li jippreżenta potenzjal ta’ riskju ogħla għal effetti kaskata fuq il-forniment ta’ servizzi essenzjali oħra, b’mod partikolari jekk is-servizz essenzjali kkonċernat jiġi pprovdut f’settur li jippreżenta ħafna interdipendenzi ma’ setturi oħra, bħas-setturi tal-enerġija jew tat-trasport. L-effetti ta’ tfixkil ta’ inċident li jaffettwa l-forniment ta’ servizz essenzjali minn entità b’sehem mis-suq baxx jistgħu wkoll ikunu sinifikanti jekk din l-entità tkun tipprovdi servizz essenzjali uniku jew mhux sostitwibbli li settur ikun jiddependi fuqu.

58.

F’termini ta’ mudelli jew ta’ metodoloġiji għall-valutazzjoni tas-suq, jistgħu jintużaw diversi tekniki ta’ analiżi tan-negozju, bħall-Porter’s Five Forces (16), l-Analiżi SWOT (17), PESTLE (18), l-istrateġija tas-segmentazzjoni tas-suq (19), il-customer journey mapping (20) u l-mudell kummerċjali Canvas (21).

IV.5.   Iż-żona ġeografika li tista’ tiġi affettwata minn inċident, inkluż kwalunkwe impatt transfruntier

59.

L-Istati Membri huma mħeġġa jqisu l-vulnerabbiltà assoċjata mal-grad ta’ iżolament ta’ ċerti tipi ta’ żoni ġeografiċi, bħal reġjuni insulari, reġjuni mbiegħda jew żoni muntanjużi, f’konformità mal-Artikolu 7(1)(e) tad-Direttiva. Dawn it-tip ta’ żoni ġeografiċi għandhom it-tendenza li jkollhom ħtiġijiet speċifiċi f’termini ta’ servizzi essenzjali u kapaċitajiet limitati biex jindirizzaw it-tfixkil.

60.

Barra minn hekk, elementi oħra jistgħu jkunu rilevanti għall-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju:

(a)

l-impatt dirett jew indirett tal-inċident f’żona ġeografika espressa f’termini tal-erja tas-superfiċe;

(b)

l-impatt dirett jew indirett tal-inċident fuq iż-żona affettwata, jiġifieri, jekk huwiex lokali, reġjonali, nazzjonali jew transfruntier;

(c)

il-karatteristiċi taż-żona ġeografika, bħall-art, l-ispazju tal-ajru, l-ilma, l-ambjent urban, l-ambjent rurali jew il-foresti.

61.

Sabiex jivvalutaw iż-żona ġeografika li tista’ tiġi affettwata minn inċident, l-Istati Membri huma mħeġġa jwettqu osservazzjonijiet fuq il-post, jiġbru data minn immaġnijiet mis-satelliti u mill-ajru, jużaw data taċ-ċensimenti, mapep tal-infrastruttura tat-trażmissjoni tal-enerġija, mapep tal-infrastruttura tat-trasport, networks ta’ monitoraġġ ambjentali u bażijiet tad-data tal-GIS (22).

IV.6.   L-importanza tal-entità biex jinżamm livell suffiċjenti tas-servizz essenzjali, filwaqt li titqies id-disponibbiltà ta’ mezzi alternattivi

62.

Dan il-kriterju huwa rilevanti, fost l-oħrajn, b’rabta mal-forniment ta’ servizzi li jsostnu l-ħajja, bħall-ilma tax-xorb, l-ilma mormi, l-enerġija, is-saħħa, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-ikel, u t-trasport, inklużi s-servizzi tal-ġestjoni tat-traffiku, peress li mingħajr dawn is-servizzi l-ekonomija u s-soċjetà jikkollassaw. Meta jivvalutaw l-importanza tal-entità fiż-żamma ta’ livell suffiċjenti tas-servizz essenzjali, l-Istati Membri, skont l-Artikolu 7(1)(f) tad-Direttiva, iridu jqisu d-disponibbiltà ta’ mezzi alternattivi possibbli għall-forniment ta’ dak is-servizz essenzjali. F’dan il-kuntest, huma mħeġġin jikkunsidraw alternattivi bħal dawn f’termini ta’ aċċessibbiltà, il-ħeffa li biha tista’ tintuża l-alternattiva, il-kwalità tas-servizz alternattiv u l-kostijiet addizzjonali mġarrba. Jekk l-utenti ma jkollhom l-ebda alternattiva vijabbli għas-servizz essenzjali, l-impatt tal-effett ta’ tfixkil ġeneralment ikun aktar sinifikanti irrispettivament mill-għadd ta’ utenti affettwati mit-tfixkil. Barra minn hekk, għandha tiġi kkunsidrata n-natura tas-servizz essenzjali f’termini tal-kritikalità tiegħu, il-karatteristiċi tiegħu u l-iskop primarju tiegħu.

(1)  Id-Direttiva (UE) 2022/2557 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 164, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2022/2557/oj).

(2)  Ma hemm l-ebda ordni obbligatorja tal-passi ta’ identifikazzjoni.

(3)   “Is-suq intern huwa kkaratterizzat minn frammentazzjoni fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ entitajiet kritiċi minħabba li s-setturi u l-kategoriji ta’ entitajiet rilevanti ma humiex rikonoxxuti b’mod konsistenti bħala kritiċi fl-Istati Membri kollha. Għalhekk din id-Direttiva għandha tikseb livell sod ta’ armonizzazzjoni f’termini tas-setturi u l-kategoriji tal-entitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.”

(4)   “Sabiex jiġi żgurat li l-entitajiet rilevanti kollha jkunu soġġetti għar-rekwiżiti ta’ reżiljenza ta’ din id-Direttiva u biex jitnaqqsu d-diverġenzi f’dak ir-rigward, huwa importanti li jiġu stabbiliti regoli armonizzati li jippermettu identifikazzjoni konsistenti tal-entitajiet kritiċi madwar l-Unjoni, filwaqt li jippermettu wkoll lill-Istati Membri jirriflettu b’mod adegwat ir-rwol u l-importanza ta’ dawk l-entitajiet fil-livell nazzjonali.”

(5)  Id-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li temenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 u d-Direttiva (UE) 2018/1972, u li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 (Direttiva NIS 2) (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 80, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2022/2555/oj).

(6)  L-istrateġiji għadhom ikunu kkoordinati u jkunu konsistenti mal-Istrateġiji u l-Pjanijiet Nazzjonali ta’ Adattament għat-Tibdil fil-Klima skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1119/oj).

(7)  Kif iddeterminat f’konformità mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva.

(8)  L-Artikolu 1(6) tad-Direttiva, li jipprevedi li d-Direttiva ma tapplikax għall-entitajiet tal-amministrazzjoni pubblika li jwettqu l-attivitajiet tagħhom fl-oqsma tas-sigurtà nazzjonali, tas-sigurtà pubblika, tad-difiża jew tal-infurzar tal-liġi, inkluż l-investigazzjoni, id-detezzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali.

(9)  Ara wkoll il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar is-sigurtà tal-kejbils (JOIN (2025) 9 final).

(10)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2450 tal-25 ta’ Lulju 2023 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2022/2557 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi lista ta’ servizzi essenzjali (ĠU L, 2023/2450, 30.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/2450/oj). Dan l-att delegat ġie adottat skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva.

(11)  L-Artikolu 2(10) tad-Direttiva.

(12)  L-Artikolu 1(6) u (7) tad-Direttiva.

(13)  Ara l-Artikolu 3 tad-Direttiva, li jindika li d-Direttiva ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali bil-għan li jiksbu livell ogħla ta’ reżiljenza tal-entitajiet kritiċi, dment li tali dispożizzjonijiet ikunu konsistenti mal-obbligi tal-Istati Membri stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni.

(14)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/852/oj).

(15)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Avviż tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-iskopijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (C/2024/1645) (ĠU C, C/2024/1645, 22.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1645/oj) para. 105-107.

(16)  Approċċ għall-analiżi tax-xenarju tal-kompetittività ta’ industrija abbażi ta’ ħames fatturi: rivalità, parteċipanti ġodda, fornituri, klijenti u sostituti.

(17)  Approċċ biex jiġu kkaratterizzati l-forzi interni u esterni li jistgħu joħolqu opportunitajiet jew riskji għal organizzazzjoni. Iqis il-punti pożittivi u d-dgħufijiet tal-organizzazzjoni, u l-opportunitajiet u t-theddid esterni.

(18)  L-analiżi PESTLE tqis fatturi politiċi, ekonomiċi, soċjali, teknoloġiċi, legali u ambjentali u tivvaluta l-impatti ta’ dawn il-fatturi esterni fuq il-profittabbiltà ta’ organizzazzjoni.

(19)  Teknika biex is-suq jinqasam f’segmenti speċifiċi abbażi tal-karatteristiċi u tal-preferenzi tal-klijenti.

(20)  Teknika biex jiġu mifhuma u vviżwalizzati l-karatteristiċi u l-preferenzi tal-klijenti.

(21)  Teknika għall-valutazzjoni u għall-viżwalizzazzjoni ta’ diversi elementi essenzjali ta’ negozju.

(22)  Il-kapaċitajiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni Ġeografika (GIS, Geographic Information System) jistgħu jintużaw biex jiġu identifikati l-perikli u jiġu vviżwalizzati l-impatti potenzjali li jirriżultaw mill-okkorrenza ta’ inċident. Dawn huma utli wkoll biex jitfasslu miżuri ta’ mitigazzjoni u kapaċitajiet ta’ reżiljenza biex jindirizzaw l-impatti potenzjali.


ANNESS

MUDELL TA’ RAPPORTAR KOMUNI VOLONTARJU

I.   KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

L-Artikolu 5 tad-Direttiva jipprevedi li l-Istati Membri jwettqu valutazzjoni tar-riskju li se tintuża mill-Istati Membri għall-finijiet tal-identifikazzjoni ta’ entitajiet kritiċi skont id-Direttiva.

F’konformità mal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva, l-Istati Membri jridu jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni rilevanti dwar it-tipi ta’ riskji identifikati wara l-valutazzjoni tar-riskju ta’ dak l-Istat Membru u l-eżiti tagħha, għal kull settur u sottosettur stabbiliti fl-Anness tad-Direttiva.

L-Artikolu 5(5) tad-Direttiva jipprevedi li l-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, tiżviluppa mudell ta’ rapportar komuni volontarju għall-finijiet tal-konformità mal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva.

Filwaqt li huwa ta’ natura volontarja, l-Istati Membri huma mħeġġin jużaw dan il-mudell ta’ rapportar komuni meta jipprovdu informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva. Il-mudell ta’ rapportar komuni huwa maħsub biex jintuża sabiex isir rapportar dwar kull settur separatament u, f’setturi b’sottosetturi, anke fuq bażi ta’ sottosettur. Pereżempju, fis-settur tal-enerġija b’ħames sottosetturi, il-mudell ta’ rapportar jintuża ħames darbiet.

Dan il-mudell huwa mfassal biex jiġbor, b’mod armonizzat, ħarsa ġenerali tal-informazzjoni meqjusa rilevanti għar-rapportar lill-Kummissjoni, kemm jekk ma hijiex klassifikata kif ukoll jekk hi klassifikata. Madankollu, jekk l-Istati Membri jagħżlu li jużaw dan il-mudell bħala bażi għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni aktar dettaljata jew klassifikata, dan għandu dejjem iseħħ permezz tal-kanali ta’ komunikazzjoni xierqa.

Dan il-mudell ma għandux jitqies bħala dokument ta’ gwida, u lanqas bħala sostitut, għall-valutazzjonijiet tar-riskju li jridu jitwettqu mill-Istati Membri skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva.

II.   KUNSIDERAZZJONIJIET META JIMTELA L-MUDELL

Fl-ewwel taqsima, l-Istati Membri għandhom jivverifikaw it-tipi ta’ riskji identifikati li jistgħu jaffettwaw il-forniment ta’ servizzi essenzjali għas-settur u għas-sottosettur soġġetti għal rapportar. Jekk jiġu identifikati, jistgħu jiġu vverifikati diversi tipi ta’ riskji. Jekk jiġu identifikati, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jelaboraw dwar it-tip ta’ riskju rilevanti.

Fit-tieni taqsima, l-Istati Membri għandhom jivverifikaw il-lista ta’ vulnerabbiltajiet u impatti potenzjali meqjusa rilevanti biex jikkwalifikaw l-eżitu tal-valutazzjoni tar-riskju. Sussegwentement, meta jirrapportaw dwar l-eżitu, l-Istati Membri għandhom jipprovdu wkoll valutazzjoni ġenerali tal-impatt tat-tfixkil tal-forniment ta’ servizzi essenzjali għas-settur u għas-sottosettur soġġetti għal rapportar. Fl-aħħar nett, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jelaboraw fuq it-tweġiba dwar l-eżitu tal-valutazzjoni tar-riskju b’kontribut bil-miktub.

Fit-tielet taqsima, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jikkondividu għarfien addizzjonali relatat mat-tipi ta’ riskji identifikati wara l-valutazzjoni tar-riskju u l-eżiti tagħha, f’kontribut bil-miktub, fir-rigward tal-approċċ metodoloġiku, l-aħjar prattiki jew it-tagħlimiet meħuda mill-proċess tal-valutazzjoni tar-riskju. F’dan il-kuntest, il-valutazzjoni tar-riskju hija mifhuma li tfisser il-proċess ġenerali sabiex jiġu ddeterminati n-natura u l-firxa ta’ riskju billi jiġu identifikati u analizzati t-theddid, il-vulnerabbiltajiet u l-perikli rilevanti potenzjali li jistgħu jwasslu għal inċident u billi jiġi evalwat it-telf jew it-tfixkil potenzjali tal-forniment ta’ servizz essenzjali kkawżat minn dak l-inċident, kif definit fl-Artikolu 2(7) tad-Direttiva.

Fir-raba’ u l-aħħar taqsima, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-ħtieġa ta’ informazzjoni komplementari marbuta mal-obbligu ta’ rapportar tagħhom skont l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva permezz ta’ kontribut bil-miktub addizzjonali.

PARAMETRI TA’ IDENTIFIKAZZJONI

Stat Membru:

 

Awtorità kompetenti:

 

Perjodu ta’ rapportar:

 

Settur:

Sottosettur:

Enerġija

Elettriku

Tisħin u tkessiħ distrettwali

Żejt

Gass

Idroġenu

Trasport

Bl-ajru

Bil-ferrovija

Bl-ilma

Bit-triq

Trasport pubbliku

Settur bankarju

 

Infrastrutturi tas-swieq finanzjarji

 

Saħħa

 

Ilma tax-xorb

 

Ilma mormi

 

Infrastruttura diġitali

 

Amministrazzjoni pubblika

 

Spazju

 

Produzzjoni, ipproċessar u distribuzzjoni tal-ikel

 

_______________________

______________________________________________


1.

TIPI TA’ RISKJU IDENTIFIKATI

1.1.

Riskji naturali

Bijoloġiċi (eż. relatati mas-saħħa, epidemiji, pandemiji, eċċ.)

Ġeofiżiċi (eż. terremoti, attività vulkanika, uqigħ tal-art, eċċ.)

Idrometeoroloġiċi (eż. eventi ta’ temp estrem, irwiefen, preċipitazzjoni, għargħar, skarsezza tal-ilma, nixfiet, nirien mhux ikkontrollati, mewġiet tas-sħana, perjodi ta’ kesħa, eċċ.)

Ekstraterrestri (eż. eruzzjonijiet solari, eċċ.)

Riskji naturali akuti jew kroniċi oħra marbuta mat-tibdil fil-klima jew mal-ambjent naturali (eż. żieda fil-livell tal-baħar, tniġġis eċċ. Jekk jogħġbok elabora):

Riskji kkawżati mill-bniedem

Kimiċi

Radjoloġiċi jew nukleari

Riskji ibridi (1)

Sabotaġġ

Riskji terroristiċi (eż. permezz tal-użu ta’ splussivi, teħid ta’ ostaġġi, eċċ.)

Atti kriminali oħra (eż. ħruq doluż, korruzzjoni, sgass, aggressjoni, vandaliżmu, eċċ.)

Riskji ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata (eż. intenzjoni malizzjuża, żball tal-bniedem, negliġenza, eċċ.)

Riskji ċibernetiċi

Riskji militari

Investiment dirett barrani li jaffettwa b’mod negattiv is-sigurtà jew l-ordni pubbliku

Spjunaġġ bħala tħejjija għal riskji oħra kkawżati mill-bniedem (eż. sorveljanza mill-ajru bid-droni, serq ta’ data, eċċ.)

Riskji għas-soċjetà (eż. irvellijiet, strajkjar, eċċ.)

Riskji oħra kkawżati mill-bniedem (jekk jogħġbok elabora):

Riskji tekniċi/teknoloġiċi

Aċċidentali (eż. żball, ħsara, nuqqas ta’ funzjonament, kolliżjoni, tixrid ta’ materjal perikoluż, radjazzjoni, eċċ.)

Deterjorament strutturali (jiġifieri d-deterjorament tal-infrastruttura fiżika maż-żmien u taħt stress)

Użu ta’ teknoloġiji (diġitali) emerġenti (eż. l-użu tal-IA, eċċ.)

Riskji aggravati

Riskji transsettorjali

Riskji transfruntieri

Riskji intra-settorjali

Riskji kaskata oħra, wara t-tfixkil ta’ servizz essenzjali (eż. NaTech (2), residwi spazjali, eċċ.)

Riskji uniċi għas-settur u s-sottosettur (jekk jogħġbok elabora):

Oħrajn (jekk jogħġbok elabora):

Kontribut bil-miktub…


2.

EŻITU TAL-VALUTAZZJONI TAR-RISKJU

2.1.

Vulnerabbiltajiet

Dipendenzi transsettorjali (f’konformità mas-setturi stabbiliti fl-Anness tad-Direttiva) (jekk jogħġbok elabora)

Dipendenzi settorjali jew sottosettorjali (f’konformità mas-setturi u mas-sottosetturi stabbiliti fl-Anness tad-Direttiva) (jekk jogħġbok elabora)

Dipendenzi fuq kategoriji ta’ entitajiet (f’konformità mal-kategoriji ta’ entitajiet stabbiliti fl-Anness tad-Direttiva) (jekk jogħġbok elabora)

Dipendenza fuq entitajiet fi Stati Membri oħra (jekk jogħġbok elabora)

Dipendenza fuq entitajiet f’pajjiżi terzi (jekk jogħġbok elabora)

Dipendenzi tal-katina ta’ provvista

Sigurtà u għarfien tal-impjegati

Vulnerabbiltajiet uniċi għas-settur u għas-sottosettur (jekk jogħġbok elabora)

Oħrajn (jekk jogħġbok elabora):

Kontribut bil-miktub…

2.2.

Impatt potenzjali ta’ inċident ta’ tfixkil sinifikanti

Attivitajiet ekonomiċi (eż. dannu/telf finanzjarju, qgħad, dannu għar-reputazzjoni, restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, tnaqqis fir-ritmu tal-investiment barrani, tnaqqis fit-turiżmu, eċċ.)

Attivitajiet tas-soċjetà (eż. tfixkil mill-gvern, eċċ.)

Ambjent (eż. ħsara lill-ekosistemi, tniġġis, eċċ.)

Sikurezza pubblika (eż. impatt fuq is-servizzi ta’ emerġenza, spostament, evakwazzjoni, eċċ.)

Sigurtà (eż. integrità territorjali, impatt fuq is-servizzi tal-infurzar tal-liġi, difiża, eċċ.)

Saħħa tal-popolazzjoni (eż. mard, nuqqas ta’ persunal, nuqqas ta’ mediċini, tagħmir mediku jew kontromiżuri mediċi, eċċ.)

Relazzjonijiet u sħubijiet internazzjonali jew diplomatiċi (eż. ma’ pajjiżi mhux tal-UE, organizzazzjonijiet internazzjonali, kummerċ, eċċ.)

Fis-settur ikkonċernat fuq setturi oħra stabbiliti fl-Anness tad-Direttiva

Fuq il-pubbliku (eż. mewt, korriment, eċċ.)

Fuq is-suq intern

Fuq servizzi essenzjali lil jew f’sitt Stati Membri jew aktar

Impatt uniku għas-settur u għas-sottosettur (jekk jogħġbok elabora)

Oħrajn (jekk jogħġbok elabora):

Kontribut bil-miktub…

2.3.

Severità tal-impatt ta’ inċident ta’ tfixkil

Relattivament insinifikanti

Kemxejn sinifikanti

Moderatament sinifikanti

Sinifikanti ħafna

Severament sinifikanti

Kontribut bil-miktub…


3.

GĦARFIEN ADDIZZJONALI RELATAT MAT-TIPI TA’ RISKJI IDENTIFIKATI U L-EŻITI TAL-VALUTAZZJONI TAR-RISKJU

3.1.

Approċċ metodoloġiku

Kontribut bil-miktub…

3.2.

L-aħjar prattiki

Kontribut bil-miktub…

3.3.

Tagħlimiet meħuda

Kontribut bil-miktub…


4.

INFORMAZZJONI KOMPLEMENTARI

4.1.

Kontribut bil-miktub…


(1)  It-terminu “theddid ibridu” jirreferi għal meta l-atturi tat-theddid, statali jew mhux statali, ifittxu li jisfruttaw il-vulnerabbiltajiet tal-UE għall-vantaġġ tagħhom stess billi jużaw taħlita ta’ miżuri (jiġifieri diplomatiċi, militari, ekonomiċi, teknoloġiċi) b’mod ikkoordinat, filwaqt li jibqgħu taħt il-limitu ta’ gwerra formali. Din il-kategorija, skont id-definizzjoni, ġeneralment tirreferi għal aktar minn riskju wieħed u għalhekk għandha tintgħażel flimkien mar-riskji l-oħra, kif xieraq.

(2)  Effetti teknoloġiċi tat-tieni ordni kkawżati minn perikli naturali.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/4990/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)


Top