|
Skeda ta’ Sommarju Eżekuttiv
|
|
Valutazzjoni tal-impatt dwar ir-reviżjoni tar-Regolament dwar il-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri
|
|
A. Il-ħtieġa li tittieħed azzjoni
|
|
X’inhi l-problema u għalfejn hi problema fil-livell tal-UE?
|
|
Ir-Regolament (UE) 2023/956 li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri (CBAM) daħal fis-seħħ f’Ottubru 2023. Qed fil-fażi tranżitorja tiegħu sa tmiem l-2025. Ir-reġim definittiv, li se jinkludi obbligi finanzjarji, se japplika mill-2026 ’il quddiem.
Is-CBAM jiżgura li l-importazzjonijiet ikunu soġġetti għal prezz tal-karbonju ekwivalenti għal dak li jiffaċċjaw il-produtturi domestiċi skont is-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (EU ETS). Huwa strument ewlieni biex jiġi żgurat li ż-żieda fl-ambizzjoni klimatika tal-UE ma tiġix imminata mir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, li tista’ sseħħ meta l-kumpaniji bbażati fl-UE jmexxu l-produzzjoni ta’ oġġetti intensivi fil-karbonju lejn pajjiżi b’politiki klimatiċi inqas stretti, jew meta l-prodotti tal-UE jiġu sostitwiti b’importazzjonijiet aktar intensivi fil-karbonju. Is-CBAM għandu wkoll rwol ewlieni biex jgħin fit-trażżin tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG,Greenhouse gases) lil hinn mill-fruntieri tal-UE. Dan jinkiseb billi l-esportaturi barranin jiġu mħeġġa jiddekarbonizzaw il-produzzjoni tagħhom u, peress li s-CBAM inaqqas il-prezz tal-karbonju effettivament imħallas fil-pajjiż ta’ oriġini, billi jinċentiva lill-pajjiżi terzi jimplimentaw jew isaħħu s-sistemi tal-ipprezzar tal-karbonju tagħhom stess. Madanakollu, id-disinn tas-CBAM mhux effettiv biżżejjed biex jipprevjeni r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, l-inċentivazzjoni tad-dekarbonizzazzjoni u wassal għal xi diffikultajiet fl-implimentazzjoni. B’mod aktar speċifiku, dan ma jindirizzax ir-riskji ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju downstream, ir-riskju ta’ evitar tas-CBAM, u ma jqisx biżżejjed l-isforzi ta’ dekarbonizzazzjoni tal-produtturi tal-elettriku ta’ pajjiżi terzi.
|
|
X’għandu jinkiseb?
|
|
L-objettiv ġenerali tal-proposta leġiżlattiva huwa li tissaħħaħ l-effettività tas-CBAM, inkluż billi jiġi indirizzat ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju downstream u titħeġġeġ id-dekarbonizzazzjoni b’mod fattibbli u kosteffettiv, u b’hekk jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima globalment.
B’mod aktar speċifiku, għandha l-għan li (i) ittaffi r-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju downstream, (ii) issaħħaħ l-infurzar tas-CBAM u tiskoraġġixxi l-prattiki ta’ evitar, u (iii) tħeġġeġ id-dekarbonizzazzjoni tal-importazzjonijiet tal-elettriku.
|
|
X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà)?
|
|
It-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra huwa fundamentalment kwistjoni transfruntiera li teħtieġ azzjoni effettiva fl-akbar skala possibbli. L-UE bħala organizzazzjoni supranazzjonali tinsab f’pożizzjoni tajba biex tistabbilixxi politika effettiva dwar it-tibdil fil-klima fit-territorju, kif diġà għamlet bl-introduzzjoni tas-CBAM u l-EU ETS. L-uniku mod sinifikanti biex tiġi żgurata l-ekwivalenza bejn il-politika tal-ipprezzar tal-karbonju applikata fis-suq intern tal-UE u l-politika tal-ipprezzar tal-karbonju applikata fuq l-importazzjonijiet huwa li tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-ħtieġa għal kostijiet amministrattivi minimi tinkiseb l-aħjar permezz ta’ regoli konsistenti għas-suq uniku kollu. Għalhekk, kwalunkwe reviżjoni tas-CBAM jenħtieġ li ssir fil-livell tal-UE.
|
|
B. Soluzzjonijiet
|
|
X’inhuma d-diversi għażliet biex jintlaħqu l-objettivi? Hemm għażla li hi ppreferuta jew le? Jekk le, għalfejn?
|
|
Hemm tliet problemi distinti iżda interrelatati. Għal kull waħda minnhom, ġew ivvalutati diversi għażliet, u ġiet identifikata għażla ppreferuta.
Rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju downstream: Ġew eżaminati tliet għażliet, li kull waħda minnhom tirrifletti livell differenti ta’ kopertura fl-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni għal prodotti downstream. Dawn huma bbażati fuq (i) filtri li jirriflettu r-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju (jiġifieri l-ispinta tal-kost tal-karbonju u l-intensità tal-kummerċ) flimkien ma’ (ii) limitu minimu tal-emissjonijiet tal-produzzjoni tal-UE biex tiġi limitata l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni għal prodotti downstream b’rilevanza klimatika sinifikanti. Ġiet ikkunsidrata wkoll il-fattibbiltà teknika tal-attribuzzjoni tal-emissjonijiet għal oġġetti downstream magħżula. Il-proposta tiffoka fuq oġġetti li huma downstream għas-setturi tal-azzar u dawk intensivi fl-aluminju, kif imħabbar ukoll fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Azzar u l-Metalli.
L-Għażla 1 hija estensjoni mmirata għall-oġġetti downstream li għandhom l-ogħla riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u rilevanza klimatika sinifikanti. L-Għażla 2 hija estensjoni bbilanċjata għall-merkanzija downstream f’riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u b’rilevanza klimatika sinifikanti. L-Għażla 3 hija estensjoni wiesgħa għall-oġġetti downstream kollha meqjusa f’riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju.
Il-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa: Ġew ikkunsidrati żewġ għażliet biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta’ evitar bħad-dikjarazzjoni ħażina tal-emissjonijiet u l-prattiki abbużivi.
L-Għażla 1 tipprevedi l-inklużjoni tar-ruttam ta’ qabel il-konsumatur bħala prekursur tas-CBAM. Dan jipprovdi wkoll setgħa lill-Kummissjoni biex titlob, f’każ li jiġu ddikjarati emissjonijiet reali, evidenza addizzjonali biex tagħti prova tal-post tal-produzzjoni. Din is-setgħa biex tittejjeb it-traċċabbiltà tal-merkanzija tkun limitata għal subsett ta’ kodiċijiet NM u oriġini bl-ogħla riskju ta’ dikjarazzjoni ħażina tal-intensitajiet tal-emissjonijiet.
L-Għażla 2 tipprevedi l-inklużjoni kemm tar-ruttam ta’ qabel kif ukoll ta’ wara l-użu mill-konsumatur bħala prekursuri tas-CBAM. Barra minn hekk, is-setgħa li tintalab evidenza addizzjonali dwar il-post tal-produzzjoni tkun tapplika għall-kodiċijiet NM u l-oriġini kollha.
Iż-żewġ għażliet jikkondividu wkoll żewġ miżuri ta’ politika komuni: 1) li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tagħti aktar dettalji dwar il-kodiċijiet NM biex tkopri aħjar il-kompożizzjoni materjali speċifika tal-prodotti differenti li jaqgħu fi ħdan kwalunkwe kodiċi NM partikolari fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-CBAM, 2) li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li torbot kundizzjonijiet addizzjonali mal-użu tal-emissjonijiet reali għall-oġġetti identifikati f’riskju għoli ta’ prattiki abbużivi.
Elettriku
Ġew ikkunsidrati erba’ għażliet. Dawn ivarjaw fir-rigward tal-metodoloġija għall-kalkolu tal-fattur ta’ emissjoni u l-kundizzjonijiet għad-dikjarazzjoni tal-valuri attwali. Dawn ikopru l-erba’ kombinazzjonijiet possibbli ta’ żewġ għażliet ta’ politika ewlenin: (i) iż-żamma tal-fattur ta’ emissjoni tas-CO2 tal-pajjiż esportatur jew il-bidla għal fattur medju ta’ emissjoni tal-grilja tal-pajjiż esportatur; (ii) il-modifika tal-kriterju relatat mal-konġestjoni billi ssir referenza għan-nuqqas ta’ konġestjoni strutturali jew it-tneħħija totali tagħha. L-għażliet kollha jinkludu kriterju modifikat relatat mal-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija (PPAs, power purchase agreements) li jiċċara li dan jinkludi biss PPAs fiżiċi filwaqt li jwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu wkoll għall-PPAs indiretti. L-għażliet kollha jinkludu wkoll bidliet fil-kondizzjoni relatata man-nomini tal-kapaċità, li jenħtieġ li japplikaw biss f’każ ta’ allokazzjoni espliċita tal-kapaċità.
Għażliet ippreferuti
Din il-valutazzjoni tal-impatt tappoġġa taħlita tal-għażla 2 għall-estensjoni downstream, l-Għażla 1 għall-fergħa kontra l-evitar u l-Għażla 4 għall-elettriku (bidla għal fattur medju tal-emissjonijiet tal-grilja tal-pajjiż esportatur, kriterji modifikati relatati mal-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija u n-nomina tal-kapaċità, u t-tneħħija tal-kriterju relatat mal-konġestjoni) peress li huma mistennija li jwasslu għal kisbiet ambjentali ċari meta mqabbla mad-disinn attwali tas-CBAM, filwaqt li jibqgħu proporzjonati għall-iskala tal-problemi u jżommu l-piż amministrattiv addizzjonali għal minimu.
|
|
X’inhuma l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati differenti? Liema alternattiva u min jappoġġaha?
|
|
Il-konsultazzjoni pubblika ssuġġeriet li r-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju downstream huwa rikonoxxut b’mod wiesa’ bħala kwistjoni, li jeħtieġ li tiġi indirizzata permezz tal-inklużjoni ta’ merkanzija downstream fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-CBAM. Bl-istess mod, maġġoranza ċara kkonfermat li hemm riskji ta’ ċirkomvenzjoni li jeħtieġu tisħiħ ulterjuri tar-regolament CBAM. Barra minn hekk, kien hemm appoġġ għal granularità akbar fl-informazzjoni dwar il-kompożizzjoni materjali ta’ prodotti differenti fi ħdan il-kodiċijiet NM. Għall-elettriku, maġġoranza kbira tal-partijiet ikkonċernati indikaw fil-konsultazzjoni pubblika li l-valuri prestabbiliti attwali użati fis-CBAM huma inadegwati u appoġġaw l-emendar tal-kundizzjonijiet għall-użu tal-emissjonijiet reali. Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, il-konsultazzjoni rriżultat ukoll f’rakkomandazzjonijiet speċifiċi biex jiġu riveduti l-kriterji dwar il-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija, il-konġestjoni tan-network, in-nomini tal-interkonnetturi, li jitqiesu bħala mhux prattiċi jew allinjati ħażin mar-realtajiet tas-suq. L-eżitu tal-konsultazzjoni pubblika kkonferma l-feedback tal-partijiet ikkonċernati li wasal permezz ta’ fora oħra.
|
|
C. Impatti tal-għażla ppreferuta
|
|
X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?
|
|
L-għażla ppreferuta hija taħlita tal-Għażla 2 biex jiġu indirizzati r-riskji ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju downstream, l-Għażla 1 biex jiġi indirizzat l-evitar u l-Għażla 4 biex jiġi indirizzat l-elettriku. Dan il-pakkett ta’ politika jipprovdi benefiċċji ambjentali ċari, inaqqas ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, u jinkoraġġixxi d-dekarbonizzazzjoni b’mod fattibbli u kosteffettiv. B’mod aktar speċifiku għall-estensjoni downstream, taħt l-Għażla 2, it-tnaqqis stmat f’emissjonijiet GHG annwali huwa approssivament ta’ 0,7 Mt ta’ CO2 emissjonijiet ekwivalenti (Co2) sal-2030. Din l-għażla hija stmata wkoll li tnaqqas b’mod sinifikanti r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. L-għażla ppreferuta biex jiġi indirizzat l-evitar tas-CBAM tipprovdi s-salvagwardji meħtieġa biex jiġi żgurat li l-effettività u l-benefiċċji ambjentali tas-CBAM ma jiġux imminati. Fir-rigward tal-elettriku, l-għażla ppreferuta se tiżgura riflessjoni aħjar tal-isforzi ta’ dekarbonizzazzjoni tal-pajjiżi esportaturi filwaqt li tissimplifika r-rapportar tal-valuri reali tal-emissjonijiet.
L-impatti makroekonomiċi huma minimi u jirriżultaw l-aktar mill-estensjoni downstream. Hija mistennija żieda żgħira fil-produzzjoni tal-UE f’xi setturi downstream. Fir-rigward tal-impatti soċjali, għall-estensjoni downstream, l-għażla ppreferuta tipprevedi żieda żgħira fl-impjiegi b’0,05 % fis-setturi downstream koperti.
|
|
X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?
|
|
Il-kostijiet makroekonomiċi huma negliġibbli, b’bidla stmata fil-PDG tal-UE ta’ inqas minn -0,001 %. Bl-istess mod, l-impatt fuq il-prezzijiet tal-konsum privat huwa wkoll marġinali.
Il-kostijiet amministrattivi u tal-konformità huma mistennija għan-negozji u għall-awtoritajiet (l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-awtoritajiet doganali) li jirriżultaw l-aktar mill-estensjoni downstream. Filwaqt li huwa diffiċli li dawn il-kostijiet jiġu vvalutati bi preċiżjoni, l-istimi bbażati fuq stħarriġiet tal-partijiet ikkonċernati juru li skont l-għażla ppreferuta għal estensjoni downstream, il-kostijiet rikorrenti aggregati għan-negozji jistgħu jammontaw għal EUR 8 sa 43 miljun fis-sena, minbarra l-kostijiet ta’ darba ta’ EUR 31 miljun. Il-kostijiet rikorrenti stmati tal-infurzar għall-awtoritajiet ivarjaw bejn EUR 1,3 u 10,0 miljun għall-Istati Membri kollha flimkien. L-għażla ppreferuta biex jiġi indirizzat l-evitar tirriżulta f’kost amministrattiv addizzjonali negliġibbli għall-awtoritajiet u l-impatt tagħha fuq in-negozju huwa limitat ukoll. L-għażla ppreferuta għall-fergħa tal-elettriku mhijiex mistennija li tinvolvi kostijiet amministrattivi u ta’ konformità addizzjonali għall-importaturi tal-UE jew għall-produtturi tal-elettriku ta’ pajjiżi terzi iżda pjuttost tnaqqashom bħala riżultat tas-simplifikazzjoni tal-kundizzjonijiet biex jiġu ddikjarati l-emissjonijiet reali.
|
|
X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività?
|
|
F’Ottubru 2025, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew adottaw ir-Regolament (UE) 2025/2083 dwar is-simplifikazzjoni tas-CBAM, li, fost titjib ieħor, introduċa eżenzjoni ta’ limitu de minimis ta’ massa ta’ 50 tunnellata li żżomm 99 % tal-emissjonijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-CBAM, filwaqt li teżenta madwar 90 % tal-importaturi. Dan jillimita b’mod sinifikanti l-piż amministrattiv għall-SMEs u huwa ta’ benefiċċju għall-importaturi downstream iżgħar. L-estensjoni downstream tas-CBAM għandha impatt moderat fuq l-għadd assolut ta’ importaturi SMEs li jiddaħħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-CBAM. Il-proporzjon ta’ importaturi SMEs huwa madwar 50 % tal-importaturi addizzjonali fil-kamp ta’ applikazzjoni. Dan jammonta għal 3800–3900 importatur SME addizzjonali. Il-pakkett ta’ politika ppreferut għandu impatti marġinalment pożittivi fuq il-kompetittività b’mod ġenerali. Fost it-tliet fergħat, l-estensjoni downstream ikollha l-aktar implikazzjonijiet sinifikanti għall-kompetittività minħabba li toħloq kundizzjonijiet ekwi għal prodotti downstream prodotti domestikament u importati b’intensità għolja ta’ azzar u aluminju fir-rigward tal-kostijiet tal-karbonju li jiffaċċjaw.
|
|
Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?
|
|
L-estensjoni downstream taħt l-Għażla 2 hija stmata li tiġġenera madwar EUR 0,58 biljun ta’ dħul fl-2030, filwaqt li l-miżuri kontra l-evitar tat-taxxa se jikkontribwixxu biex jiġi żgurat li d-dħul fil-fatt jinġabar.
|
|
Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra?
|
|
L-ebda impatt sinifikanti ieħor.
|
|
Proporzjonalità?
|
|
L-għażla ppreferuta tissodisfa l-objettivi tal-inizjattiva b’mod proporzjonat.
|
|
D. Segwitu
|
|
Meta se tiġi rieżaminata l-politika?
|
|
Is-CBAM se jkun soġġett għal rieżamijiet regolari kif previst fir-Regolament CBAM. L-applikazzjoni tal-bidliet proposti għar-Regolament ivvalutati skont din il-valutazzjoni tal-impatt se tiġi rieżaminata fil-kuntest tar-rapporti ta’ rieżami biannwali dwar l-implimentazzjoni tas-CBAM previsti skont l-Artikolu 30 tar-Regolament CBAM.
|