IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 31.10.2025
COM(2025) 655 final
2025/0332(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, dwar emenda tal-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informazzjoni) tal-Ftehim ŻEE
(L-ipproċessar ta’ data personali — il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE b’rabta mal-adozzjoni prevista tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt dwar emenda tal-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informazzjoni) tal-Ftehim ŻEE
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Ftehim ŻEE
Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (‘‘il-Ftehim ŻEE’’) jiggarantixxi drittijiet u obbligi ugwali fi ħdan is-Suq Intern għaċ-ċittadini u l-operaturi ekonomiċi fiż-ŻEE. Dan jipprevedi l-inklużjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-UE li tkopri l-erba’ libertajiet fi 30 Stat taż-ŻEE li jinkludu l-Istati Membri tal-UE, in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein. Barra minn hekk, il-Ftehim ŻEE jkopri l-kooperazzjoni f’oqsma importanti oħra bħar-riċerka u l-iżvilupp, l-edukazzjoni, il-politika soċjali, l-ambjent, il-protezzjoni tal-konsumatur, it-turiżmu u l-kultura, li kollettivament huma magħrufin bħala l-politiki “ta’ appoġġ u orizzontali”. Il-Ftehim ŻEE daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994. L-Unjoni flimkien mal-Istati Membri tagħha hija parti għall-Ftehim ŻEE.
2.2.Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa responsabbli mill-ġestjoni tal-Ftehim ŻEE. Huwa forum għall-iskambju ta’ fehmiet b’rabta mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE. Id-deċiżjonijiet tiegħu jittieħdu b’kunsens u huma vinkolanti fuq il-Partijiet. Ir-responsabbiltà għall-koordinazzjoni tal-kwistjonijiet taż-ŻEE min-naħa tal-UE hija tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea.
2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mistenni jadotta d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (“l-att previst”) rigward l-emenda tal-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informazzjoni) tal-Ftehim ŻEE.
L-għan tal-att previst huwa li jinkorpora r-Regolament (UE) 2021/1232 dwar deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58/KE fir-rigward tal-użu ta’ teknoloġiji minn fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri għall-ipproċessar ta’ data personali u data oħra għall-fini tal-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online fil-Ftehim ŻEE u r-Regolament (UE) 2024/1307 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1232 dwar deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58/KE fir-rigward tal-użu ta’ teknoloġiji minn fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri għall-ipproċessar ta’ data personali u data oħra għall-fini tal-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online.
L-atti previsti se jsiru vinkolanti għall-partijiet f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim ŻEE.
3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Il-Kummissjoni tippreżenta l-abbozz ta’ Deċiżjoni anness tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għall-adozzjoni mill-Kunsill bħala l-pożizzjoni tal-Unjoni. Ladarba tiġi adottata, il-pożizzjoni jenħtieġ li tiġi ppreżentata fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mal-ewwel opportunità possibbli.
L-abbozz tad-Deċiżjoni anness tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jikkonċerna d-definizzjonijiet fl-Artikolu 2(2)(a) u (b) li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ŻEE. Bħala soluzzjoni, id-definizzjonijiet kif iddikjarati fl-att rispettiv tal-UE huma introdotti direttament fl-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE. Dan jippermetti l-istess definizzjoni fl-Istati taż-ŻEE-EFTA mingħajr ma japplika att rilevanti mhux taż-ŻEE direttament fl-Istati taż-ŻEE-EFTA. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(3) u 3 (1) (h) (v) fih referenzi għal attivitajiet kriminali kif regolati f’att li ma huwiex rilevanti għaż-ŻEE. Għalhekk, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati taż-ŻEE-EFTA issir referenza għall-attivitajiet korrispondenti. Barra minn hekk, peress li l-att se jidħol fis-seħħ fl-Istati taż-ŻEE-EFTA wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni rispettiva tal-Kumitat Konġunt, l-iskadenzi jiġu aġġustati skont dan. Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mit-twaqqif ta’ żewġ pilastri tal-Ftehim ŻEE, il-fornituri fl-Istati taż-ŻEE-EFTA għandhom jirrapportaw lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u mhux lill-Kummissjoni. Peress li l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA se tkun responsabbli biex tirċievi l-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 7, l-adattament (e) jiddeskrivi kif għandha tiġi organizzata l-komunikazzjoni bejn l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u l-Kummissjoni.
Dawn l-adattamenti jmorru lil hinn minn dak li jista’ jitqies bħala sempliċi adattamenti tekniċi fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 2894/94. Għalhekk il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill.
4.Bażi legali
4.1.Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp ikkonċernat. Jinkludi wkoll l-istrumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa korp stabbilit minn ftehim, jiġifieri l-Ftehim ŻEE. L-att li l-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa mitlub jadotta, jikkostitwixxi att li għandu effetti legali. L-att previst isir vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim ŻEE.
L-att previst ma jissupplimentax jew ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim. Għaldaqstant, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE flimkien mal-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94.
4.2.Bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE, flimkien mal-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94, tiddependi primarjament fuq il-bażi legali sostantiva tal-att legali tal-UE li għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.
Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tkun ibbażata fuq bażi legali sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Peress li d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt tinkorpora r-Regolament (UE) 2021/1232 u r-Regolament (UE) 2024/1307 fil-Ftehim ŻEE, huwa xieraq li din id-deċiżjoni tal-Kunsill tiġi bbażata fuq l-istess bażi legali sostantiva bħall-atti li huma inkorporati. Għaldaqstant, il-bażi legali sostantiva tad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 16(2) u l-Artikolu 114(1) TFUE.
4.3.Konklużjoni
Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 16(2) TFUE, flimkien mal-Artikoli 114(1) u 218(9) TFUE u l-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94.
5.Pubblikazzjoni tal-att previst
Billi l-att tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE se jemenda l-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informazzjoni) tal-Ftehim ŻEE, huwa xieraq li, wara l-adozzjoni tiegħu, jiġi ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2025/0332 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, dwar emenda tal-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informazzjoni) tal-Ftehim ŻEE
(L-ipproċessar ta’ data personali — il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2) TFUE, flimkien mal-Artikoli 114(1) u 218(9) tiegħu.
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (‘‘il-Ftehim ŻEE’’) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.
(2)Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, l-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informazzjoni) għall-Ftehim ŻEE.
(3)Ir-Regolament (UE) 2021/1232 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) 2024/1307 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jenħtieġ li jiġu inkorporati fil-Ftehim ŻEE.
(4)L-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informazzjoni) tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ għalhekk li jiġi emendat skont dan.
(5)Għaldaqstant, il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni mehmuż,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f ’isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta fl-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informazzjoni) għall-Ftehim ŻEE, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President