IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 16.7.2025
COM(2025) 559 final
2025/0235(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-appoġġ tal-Unjoni għall-Politika Komuni tas-Sajd, għall-Patt Ewropew għall-Oċeani u għall-politika marittima u għall-politika tal-akkwakultura tal-Unjoni bħala parti mill-Fond għas-Sħubijiet Nazzjonali u Reġjonali stabbilit fir-Regolament (UE) [il-Fond SNR] għall-perjodu mill-2028 sal-2034
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Fis-16 ta’ Lulju 2025, il-Kummissjoni adottat proposta għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss (QFP) għall-perjodu 2028–2034. Dan jinkludi appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd, għall-Patt Ewropew għall-Oċeani u għall-politika marittima u għall-politika tal-akkwakultura tal-Unjoni bħala parti mill-Fond għas-Sħubijiet Nazzjonali u Reġjonali (il-Fond).
Tali finanzjament huwa faċilitatur ewlieni għat-tiġdid ġenerazzjonali u t-tranżizzjoni enerġetika tas-sajd, l-attivitajiet tal-akkwakultura sostenibbli, u l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, l-ekonomija blu sostenibbli fiż-żoni kostali, insulari u interni, l-għarfien tal-baħar, it-taħriġ f’attivitajiet relatati mal-ekonomija blu, ir-reżiljenza tal-komunitajiet kostali u b’mod partikolari tas-sajd kostali fuq skala żgħira, it-tisħiħ tal-governanza u l-osservazzjoni internazzjonali tal-oċeani u jippermetti li l-ibħra u l-oċeani jkunu sikuri, b’sigurtà, nodfa u ġestiti b’mod sostenibbli.
Il-Fond se jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-PKS kif imsemmi fl-Artikolu 43(2) tat-TFUE, u l-Artikolu 2 tar-Regolament PKS kif ukoll għall-attivitajiet stabbiliti skont il-Patt Ewropew għall-Oċeani.
L-Unjoni, li hija attur dinji fil-qasam tal-oċeani u l-ħames fost l-akbar produtturi ta’ frott tal-baħar, għandha responsabbiltà kbira ta’ protezzjoni, ta’ konservazzjoni u ta’ użu sostenibbli tal-oċeani u r-riżorsi tagħhom.
Barra minn hekk, ibħra u oċeani sikuri u b’sigurtà huma essenzjali għall-kontroll tal-fruntieri u għall-ġlieda dinjija kontra l-kriminalità marittima, u dan jippermettilna nindirizzaw it-tħassib taċ-ċittadini dwar is-sigurtà.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat
Ir-Regolament dwar il-PKS, il-Patt Ewropew għall-Oċeani, il-politika marittima u l-politika tal-akkwakultura se jitħaddem fi ħdan il-Pjan ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali (Pjan SNR) u l-ġabra unika tar-regoli tiegħu. Dan se jibni fuq il-viżibbiltà u l-effettività tal-FEMSA, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura li qed jgħin biex jinkiseb sajd sostenibbli u jiġu kkonservati r-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar. Dan jgħin ukoll biex jintlaħaq l-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 14 tan-NU (“il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani, tal-ibħra u tar-riżorsi tal-baħar”), li għalih hija impenjata l-UE. Għalhekk, filwaqt li huwa marbut mill-qrib mal-Pjan SNR, ir-Regolament dwar il-PKS, il-Patt għall-Oċeani, il-politika marittima u l-politika tal-akkwakultura se jżomm il-bażi legali indipendenti tiegħu kif stabbilit fl-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
L-implimentazzjoni effiċjenti u effettiva tal-azzjonijiet appoġġati mill-Pjan SNR, inkluż għas-sajd u l-attivitajiet relatati mal-oċeani, tiddependi fuq governanza tajba u sħubija bejn l-atturi kollha tas-settur, filwaqt li jintuża b’mod effettiv l-appoġġ biex tiġi ggwidata t-tranżizzjoni enerġetika tas-settur fis-snin li ġejjin, u jiġi rikonoxxut ir-rwol kritiku tal-oċeani u l-ekosistemi tagħhom fl-għoti ta’ servizzi lil hinn mis-settur tas-sajd — fejn il-funzjonijiet tal-bjar tal-karbonju għandhom jiġu rikonoxxuti sew u mtejba.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-PKS, il-Patt għall-Oċeani, u l-politiki marittimi u tal-akkwakultura għandhom l-għan li jtejbu s-sinerġiji u l-koerenza ma’ miżuri oħra li jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-ikel, il-preservazzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u tal-ekosistemi akkwatiċi, u d-dimensjonijiet kollha tal-Oċean fil-kuntest tas-Sħubija Nazzjonali u Reġjonali (Pjan SNR), b’mod partikolari fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni, l-appoġġ tal-politika agrikola, kif ukoll flimkien mal-Fond Ewropew għall-Kompetittività u l-Fond Ewropa Globali. Il-komplementarjetajiet bejn il-politiki koperti minn dan ir-Regolament huma relatati l-aktar ma’ investimenti fl-appoġġ għall-komunitajiet kostali, l-appoġġ għall-ħiliet, it-taħriġ, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-attrazzjoni tas-settur.
Din il-proposta hija konsistenti wkoll mal-objettivi tal-Politika Agrikola Komuni fir-rigward tal-forniment tal-ikel u hija kontributur vitali għall-ambizzjonijiet ġenerali tas-sigurtà tal-ikel, filwaqt li jinżammu suq intern li jiffunzjona tajjeb għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura u s-sostenibbiltà (Organizzazzjoni Komuni tas-Suq, simili għall-agrikoltura). Fir-rigward tal-iżvilupp rurali, is-sinerġiji u elementi ta’ duplikazzjoni huma possibbli meta jkunu involuti l-attivitajiet tal-akkwakultura u/jew iż-żoni kostali, iżda tali appoġġ għadu limitat u huma meħtieġa aktar sforzi biex jissaħħu dawn is-sinerġiji.
Il-proposta u l-objettivi tagħha huma konsistenti mal-politiki tal-Unjoni, speċjalment mal-politiki ambjentali, dwar il-klima, ta’ koeżjoni, tal-agrikoltura, soċjali, tas-suq u dawk kummerċjali.
Din il-proposta hija konsistenti mal-inizjattivi stabbiliti fil-Patt għall-Oċeani bħala approċċ integrat għall-finanzjament u għall-politiki rilevanti għall-oċeani li jkopru firxa wiesgħa ta’ elementi: il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar bħala waħda mill-ħames kompetenzi esklużivi tal-UE, ir-restawr tal-bijodiversità tal-baħar, il-ġestjoni tal-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura sostenibbli u l-innovazzjoni fihom, l-attivitajiet dwar l-implimentazzjoni tal-PKS, l-għarfien dwar l-oċeani, is-sigurtà marittima, is-sigurtà tal-ikel, l-iżvilupp u l-espansjoni ta’ ekonomija blu kompetittiva u sostenibbli, inkluż l-enerġija lil hinn mill-kosta u mill-oċeani, il-bijoteknoloġija u d-desalinazzjoni, is-salvagwardja tal-wirt kulturali ta’ taħt l-ilma, l-appoġġ għal setturi u industriji oħra tal-ekonomija blu biex isiru newtrali għall-klima, l-użu ta’ soluzzjonijiet intelliġenti, kif ukoll l-appoġġ għall-ippjanar tal-ispazju marittimu.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
L-Artikoli 42, 43(2), 91(1), 100(2), 173(3), 175, 188, 192(1), 194(2), 195(2) u 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari:
L-Artikoli 38 u l-Artikolu 42(3) tat-TFUE jagħtu s-setgħa lill-Unjoni biex tiddefinixxi u timplimenta politika agrikola komuni (PAK) u politika komuni tas-sajd (PKS). L-Artikolu 39 tat-TFUE jistabbilixxi l-objettivi tal-PAK, li jinkludu ż-żieda fil-produttività agrikola, standard ta’ għajxien ġust għall-komunità agrikola, stabbilizzazzjoni tas-swieq, l-iżgurar tad-disponibbiltà tal-provvisti u li dawn il-provvisti jaslu għand il-konsumaturi bi prezzijiet raġonevoli. L-Artikolu 42 tat-TFUE jippermetti lill-Unjoni tiddetermina sa liema punt ir-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat japplikaw għall-produzzjoni u l-kummerċ fi prodotti agrikoli elenkati fl-Anness I tat-TFUE.
L-Artikolu 175 tat-TFUE jelenka l-Fondi Strutturali, li għandhom jappoġġaw il-kisba tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali — il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija, Taqsima Gwida; il-Fond Soċjali Ewropew; il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. L-Artikolu 177 tat-TFUE jipprevedi li “l-Parlament Ewropew u l-Kunsill [...] għandhom jagħtu definizzjoni tal-kompiti, tal-għanijiet prioritarji u tal-organizzazzjoni tal-Fondi Strutturali, li jistgħu jinvolvu l-istabbiliment tal-Fondi.”
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-konservazzjoni tar-riżorsi tal-baħar, peress li hija kompetenza esklużiva tal-UE, tpoġġi responsabbiltà fuq l-Unjoni f’termini ta’ tfassil tal-politika u ta’ finanzjament. Id-dispożizzjonijiet tal-proposta huma implimentati fl-oqfsa tal-ġestjoni kondiviża, tal-ġestjoni diretta, u tal-ġestjoni indiretta, f’konformità mar-Regolament Finanzjarju.
Ir-Regolament dwar il-PKS, il-Patt għall-Oċeani, il-politika marittima u l-politika tal-akkwakultura jibbaża fuq il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Meta tintuża ġestjoni kondiviża, il-Kummissjoni tiddelega l-kompiti tal-programmazzjoni u l-implimentazzjoni strateġiċi lill-Istati Membri u lir-reġjuni tal-UE. Tillimita wkoll l-azzjoni tal-UE għal dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi kif stabbiliti fit-Trattati. Il-ġestjoni kondiviża għandha l-għan li tiżgura li d-deċiżjonijiet jittieħdu kemm jista’ jkun viċin iċ-ċittadini u li l-azzjoni fil-livell tal-UE tkun ġustifikata fid-dawl tal-possibilitajiet u l-ispeċifiċitajiet fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali. Il-ġestjoni kondiviża tqarreb l-Ewropa lejn iċ-ċittadini tagħha u tgħaqqad il-bżonnijiet lokali mal-objettivi Ewropej. Barra minn hekk, din iżżid l-appartenenza tal-objettivi tal-UE għaliex l-Istati Membri u l-Kummissjoni jkunu qed jikkondividu s-setgħa u r-responsabbiltà fit-teħid tad-deċiżjonijiet.
•Proporzjonalità
F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, ir-Regolament propost ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi msemmija fir-Regolament propost (UE) [...] għal Fond għas-Sħubijiet Nazzjonali u Reġjonali.
Id-dispożizzjonijiet proposti huma konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità billi huma xierqa u meħtieġa, filwaqt li ma hemm l-ebda miżura inqas restrittiva oħra disponibbli biex jintlaħqu l-objettivi ta’ politika mixtieqa.
Il-proposta għandha l-għan li ssaħħaħ l-isforzi preċedenti ta’ simplifikazzjoni, billi tkompli tgħaqqad u tikkonsolida r-regoli.
•Għażla tal-istrument
L-istrument propost: Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-PKS, għall-Patt Ewropew għall-Oċeani, għall-politika marittima u għall-akkwakultura. Il-Fond futur għandu jkompli jkun l-istrument ewlieni biex jipprovdi finanzjament biex jappoġġa l-implimentazzjoni u t-twettiq ambizzjużi skont il-PKS, filwaqt li jkompli l-ispinta għal twettiq konkret tal-objettivi tal-Unjoni, kemm fl-UE kif ukoll fil-livell internazzjonali. Il-PKS tikkostitwixxi pedament fundamentali bħala waħda mill-5 politiki esklużivi tal-Unjoni: it-tgħaqqid tal-qafas regolatorju tagħha, flimkien mal-appoġġ għat-tranżizzjoni, wera li huwa effettiv biex l-istokkijiet tal-ħut jinżammu jew jinġiebu lura għal livelli f’saħħithom — speċjalment fejn il-progress kien aktar bil-mod — u biex tiġi promossa l-akkwakultura sostenibbli. Il-konservazzjoni tar-riżorsi tal-baħar, peress li hija kompetenza esklużiva tal-UE, tpoġġi responsabbiltà fuq l-Unjoni f’termini ta’ tfassil tal-politika u ta’ finanzjament. Dan se jirrikjedi appoġġ kontinwu biex tiġi pprovduta bażi ta’ evidenza għall-miżuri ta’ konservazzjoni u l-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut, il-ġbir tad-data, u l-għoti ta’ pariri u għarfien xjentifiku, kif ukoll biex jingħata kontribut għall-implimentazzjoni tar-Regolament ta’ Kontroll rivedut. Peress li l-esternalitajiet negattivi u l-fatturi ambjentali li jvarjaw huma n-norma għas-settur tas-sajd, huwa partikolarment importanti li jkun hemm fis-seħħ il-mezzi finanzjarji xierqa biex jappoġġaw l-adattament meta jkun meħtieġ, kif ukoll jipprovdu ppjanar aktar strateġiku f’termini ta’ innovazzjoni u l-promozzjoni tal-aġenda ta’ sostenibbiltà għas-sajd u għall-akkwakultura. Dan għandu jiġi ggwidat u appoġġjat kif xieraq. Is-sajd u l-akkwakultura jikkostitwixxu parti integrali mill-produzzjoni tal-ikel tal-UE.
L-Istati Membri tal-UE flimkien għandhom l-akbar Żona Ekonomika Esklużiva fid-dinja; għandna obbligu u opportunità biex inkunu fuq quddiem. Għalhekk jeħtieġ li nippromwovu l-ambizzjonijiet u l-azzjonijiet ewlenin tagħna lil hinn mill-Ewropa. Huwa għalhekk li neħtieġu finanzjament kontinwu biex niffinanzjaw il-kooperazzjoni internazzjonali: Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli (SFPAs), u Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs), li joħolqu xprunaturi xierqa u jippermettu eżiti kif ukoll jippromwovu standards globali għoljin u javvanzaw l-aġenda tal-UE dwar il-governanza tal-oċeani. Il-Komunitajiet kostali tal-UE huma l-aktar esposti u vulnerabbli għat-tibdil fil-klima, u għalhekk jeħtieġu l-appoġġ u l-gwida tagħna — ir-reżiljenza kostali u soċjali hija kruċjali (speċjalment f’termini ta’ mitigazzjoni/adattament għat-tibdil fil-klima). In-negozji li joperaw fl-ekonomija blu, kemm jekk fis-setturi tat-trasport, tal-enerġija jew tat-turiżmu għandhom bżonnijiet komuni.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Ir-riżultati preliminari tal-evalwazzjoni ex post tar-Regolament dwar il-FEMS (201407–201420) u l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tar-Regolament tal-FEMSA (2021–2027) juru li l-fondi preċedenti tal-UE mmirati lejn oqsma simili ta’ appoġġ għandhom impatti pożittivi fuq is-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura, ikkontribwew għall-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd, inkluża l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, speċjalment permezz ta’ titjib fil-kontroll u l-infurzar tas-sajd, kif ukoll il-ġbir tad-data. Dawn ukoll kkontribwew b’mod pożittiv għall-politika marittima, għall-Governanza Internazzjonali tal-Oċeani u għall-iżvilupp tal-komunitajiet kostali u l-ekonomija blu sostenibbli.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-Kummissjoni involviet ruħha b’mod attiv mal-partijiet ikkonċernati fil-proċess tal-inizjattiva, b’mod partikolari permezz ta’ avvenimenti apposta u attivitajiet ta’ konsultazzjoni pubblika apposta, kif dettaljat fil-kapitolu korrispondenti tal-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għal Regolament (UE) [...] għal Fond għas-Sħubijiet Nazzjonali u Reġjonali.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Informazzjoni dwar l-użu mill-Kummissjoni ta’ għarfien espert estern hija pprovduta fil-kapitolu korrispondenti tal-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għal Regolament (UE) [...] għal Fond għas-Sħubijiet Nazzjonali u Reġjonali.
•Valutazzjoni tal-impatt
Informazzjoni dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni hija pprovduta fil-kapitolu korrispondenti tal-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għal Regolament (UE) [...] għal Fond għas-Sħubijiet Nazzjonali u Reġjonali.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
L-inizjattiva hija mistennija li tikkontribwixxi għal tnaqqis sinifikanti fil-piż u fil-kostijiet amministrattivi, kif ukoll għal effiċjenza mtejba fl-implimentazzjoni tal-appoġġ tal-Unjoni, ara wkoll il-kapitolu korrispondenti tal-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għal Regolament (UE) [...] għal Fond għas-Sħubijiet Nazzjonali u Reġjonali.
•Drittijiet fundamentali
L-appoġġ tal-Unjoni se jiġi implimentat f’konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mal-prinċipju tal-istat tad-dritt, kif stabbilit fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092, ara wkoll it-taqsima korrispondenti fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għal Regolament (UE) (Ir-Regolament SNR).
Flimkien mar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità li se jkompli japplika għall-baġit kollu tal-UE, dan ir-Regolament jinkludi salvagwardji b’saħħithom biex jiġi żgurat li l-fondi jiġu implimentati f’konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipji tal-istat tad-dritt, kif stabbilit fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092. L-inklużjoni fil-Pjanijiet futuri ta’ riformi marbuta, fost l-oħrajn, mar-rakkomandazzjonijiet mir-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt hija mistennija wkoll li ssaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u ssaħħaħ il-konformità mal-Karta.
Din l-inizjattiva se tirrispetta wkoll il-prinċipji tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar
L-appoġġ tal-Unjoni skont din il-proposta se jiġi implimentat permezz ta’ ġestjoni kondiviża mill-Istati Membri u ġestjoni diretta/indiretta mill-Kummissjoni. L-implimentazzjoni tal-appoġġ tal-Unjoni se tiġi mmonitorjata permezz tal-qafas ta’ prestazzjoni applikabbli għall-qafas finanzjarju pluriennali 2028–2034, li huwa stabbilit fil-proposta għal Regolament (UE) [...] [Qafas ta’ prestazzjoni]
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
Il-maġġoranza tar-regoli ta’ twettiq u ta’ implimentazzjoni ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd, għall-Patt Ewropew għall-Oċeani u għall-politika marittima u għall-politika tal-akkwakultura bħala parti mill-Fond għas-Sħubijiet Nazzjonali u Reġjonali huma koperti fir-Regolament (UE) [Ir-Regolament SNR].
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
2025/0235 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-appoġġ tal-Unjoni għall-Politika Komuni tas-Sajd, għall-Patt Ewropew għall-Oċeani u għall-politika marittima u għall-politika tal-akkwakultura tal-Unjoni bħala parti mill-Fond għas-Sħubijiet Nazzjonali u Reġjonali stabbilit fir-Regolament (UE) [il-Fond SNR] għall-perjodu mill-2028 sal-2034
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42, l-Artikolu 43(2), l-Artikolu 91(1), l-Artikolu 100(2), l-Artikolu 173(3), l-Artikolu 175, l-Artikolu 188, l-Artikolu 192(1), l-Artikolu 194(2), l-Artikolu 195(2) u l-Artikolu 349 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Dan l-appoġġ tal-Unjoni se jiġi pprovdut fil-qafas tal-Fond għas-Sħubijiet Nazzjonali u Reġjonali, f’konformità mar-regoli li jirregolaw dak il-Fond u stabbiliti fir-[Regolament (UE) [il-Fond SNR].
(2)L-appoġġ tal-Unjoni għandu jikkontribwixxi wkoll għall-attivitajiet kif stabbiliti fil-Patt Ewropew għall-Oċeani u jikkontribwixxi għall-objettiv tal-Unjoni tas-sostenibbiltà tal-oċeani tagħna, u l-mira tan-newtralità klimatika, is-sostenibbiltà, il-kompetittività u r-reżiljenza tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura tal-Unjoni Ewropea, is-sostenibbiltà, ir-reżiljenza u l-kompetittività tal-ekonomija blu Ewropea, ir-reżiljenza tal-komunitajiet kostali u tal-gżejjer, kif ukoll ir-reġjuni ultraperiferiċi, u t-titjib tal-governanza tal-oċeani u l-osservazzjoni tal-oċeani, inkluż permezz ta’ Copernicus, u tal-Programm ta’ Osservazzjoni tad-Dinja tal-Unjoni u s-servizzi tiegħu relatati mal-baħar.
(3)Il-Fond għas-Sħubijiet Nazzjonali u Reġjonali jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi ambjentali, ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), kif stabbilit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Dan l-appoġġ jenħtieġ li jiżgura li l-attivitajiet tas-sajd ikunu sostenibbli fit-tul u jkunu ġestiti b’mod li jkun konsistenti mal-objettivi kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-PKS.
(4)L-inizjattivi stabbiliti fil-qafas tal-Patt Ewropew għall-Oċeani jeħtieġ li jiġu appoġġati u promossi b’investimenti u finanzjament minn sorsi privati u pubbliċi. Approċċ integrat għall-finanzjament u għall-politiki rilevanti għall-oċeani se jkopri firxa wiesgħa ta’ elementi bħalma huma: il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar bħala waħda mill-ħames kompetenzi esklużivi tal-UE, il-konservazzjoni u r-restawr tal-bijodiversità tal-baħar, il-ġestjoni u l-innovazzjoni fl-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura mmirati lejn is-sostenibbiltà u r-reżiljenza ta’ dawn is-setturi, l-attivitajiet dwar l-implimentazzjoni tal-PKS, it-tiġdid ġenerazzjonali, l-għarfien u l-osservazzjoni tal-oċeani, is-sigurtà marittima, is-sigurtà tal-ikel, l-iżvilupp u l-espansjoni ta’ ekonomija blu kompetittiva u sostenibbli, inkluż iżda mhux limitati għall-enerġija lil hinn mill-kosta u tal-oċeani, il-bijoteknoloġija u d-desalinazzjoni, is-salvagwardja tal-wirt kulturali ta’ taħt l-ilma u kostali, l-appoġġ għal setturi u industriji oħra tal-ekonomija blu biex isiru newtrali għall-klima, l-użu ta’ soluzzjonijiet intelliġenti u b’emissjonijiet żero, l-ibbażar fuq ix-xjenza u l-Istrateġija għar-Riċerka u l-Innovazzjoni dwar l-Oċeani kif ukoll l-appoġġ għall-ippjanar tal-ispazju marittimu u l-kooperazzjoni reġjonali marittima fil-livell tal-baċiri tal-baħar kif ukoll l-iżvilupp territorjali sostenibbli u reżiljenti tal-komunitajiet kostali, tal-gżejjer u tar-reġjuni ultraperiferiċi.
(5)Is-sajd kostali fuq skala żgħira jitwettaq minn bastimenti tas-sajd tal-baħar u tal-ilmijiet interni b’tul totali ta’ inqas minn 12-il metru u li ma jużawx irkaptu rmunkat, u mis-sajjieda tal-miexi, inkluż dawk li jiġbru l-frott tal-baħar bil-qoxra. Dak is-settur jirrappreżenta kważi 75 % tal-bastimenti tas-sajd kollha rreġistrati fl-Unjoni u kważi nofs l-impjiegi kollha fis-settur tas-sajd u jikkostitwixxi parti importanti min-nisġa ekonomika taż-żoni kostali. L-operaturi tas-sajd kostali fuq skala żgħira jiddependu b’mod partikolari fuq stokkijiet tal-ħut f’saħħithom għall-introjtu ewlieni tagħhom. Għalhekk, il-bżonnijiet partikolari tas-sajd kostali fuq skala żgħira, u l-kontribut għas-sostenibbiltà ambjentali, ekonomika u soċjali tal-operazzjonijiet tas-sajd, kif definiti fir-Regolament tal-PKS 1380/2013 jenħtieġ jiġu indirizzati fil-Pjanijiet ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali (SNR), kif stabbilit fl-Artikolu 22 tar-[Regolament SNR].
(6)Bl-għan li titħeġġeġ prattika tas-sajd sostenibbli, l-Istati Membri jenħtieġ jimmiraw li jagħtu lill-operaturi tas-sajd kostali fuq skala żgħira trattament preferenzjali, permezz ta’ rata massima ta’ intensità tal-għajnuna ta’ 100 %.
(7)Fil-Pjan SNR tagħhom, l-Istati Membri jenħtieġ iqisu l-attivitajiet stabbiliti fil-Patt Ewropew għall-Oċeani għall-konservazzjoni u r-restawr tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, ir-restawr tal-bijodiversità tal-baħar, il-ġestjoni tal-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura sostenibbli u l-innovazzjoni fihom, filwaqt li jibbażaw fuq soluzzjonijiet innovattivi prodotti mir-riċerka u x-xjenza, is-sigurtà marittima, l-iżvilupp ta’ ekonomija blu kompetittiva u sostenibbli, il-protezzjoni u l-għoti tas-setgħa lill-komunitajiet kostali u lill-gżejjer u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali marittima fil-livell tal-baċiri tal-baħar.
(8)Għandu jkun possibbli li jiġu appoġġati azzjonijiet relatati mas-sajd, mal-akkwakultura u mal-ekonomija blu li jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi ambjentali u ta’ mitigazzjoni tal-Unjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, inkluża t-tranżizzjoni enerġetika għas-setturi kollha.
(9)L-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq (OKS) għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, kif stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1379/2013, hija pilastru ewlieni tal-Politika Komuni tas-Sajd u għandha rwol vitali fl-iżgurar tal-istabbiltà u t-trasparenza tas-swieq tas-sajd u tal-akkwakultura tal-UE. Għal dan l-għan, l-Istati Membri għandhom iqisu l-appoġġ tal-Pjan SNR tagħhom, b’mod partikolari għall-istabbiliment u t-tisħiħ tal-Organizzazzjonijiet tal-Produtturi, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni, il-ġbir u d-disseminazzjoni tad-data tas-suq fil-livell nazzjonali.
(10)Il-Politika Komuni tas-Sajd hija bbażata fuq it-teħid ta’ deċiżjonijiet ibbażat fuq ix-xjenza u t-twettiq ta’ kontrolli adegwati u fuq l-ebda tolleranza għas-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat. L-Istati Membri jenħtieġ jiġu appoġġati biex jimplimentaw il-leġiżlazzjoni korrispondenti tal-UE u jiżguraw li l-attivitajiet f’dawn l-oqsma jkunu ppjanati.
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
1.Dan ir-Regolament jistabbilixxi kundizzjonijiet speċifiċi għall-implimentazzjoni tal-appoġġ tal-Unjoni skont l-objettivi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament XX [il-Fond SNR], u b’mod partikolari l-punt (d) tiegħu. L-appoġġ tal-Unjoni għandu jikkontribwixxi għall-attivitajiet kif stabbiliti fil-Patt Ewropew għall-Oċeani u għall-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd.
Dan l-appoġġ tal-Unjoni għandu jiġi pprovdut fil-qafas tal-Fond għas-Sħubijiet Nazzjonali u Reġjonali, inkluż il-Faċilità tal-UE f’konformità mar-regoli li jirregolaw dak il-Fond u stabbiliti fir-Regolament (UE) [...] [il-Fond għas-Sħubijiet Nazzjonali u Reġjonali].
Artikolu 2
Appoġġ għall-Politika Komuni tas-Sajd, għall-Patt Ewropew għall-Oċeani u għall-politika marittima u għall-politika tal-akkwakultura tal-Unjoni
1.L-appoġġ għall-Politika Komuni tas-Sajd, għall-Patt Ewropew għall-Oċeani u għall-politika marittima u għall-politika tal-akkwakultura tal-Unjoni għandu jappoġġa l-objettivi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 2(d) tar-[Regolament SNR].
Artikolu 3
Appoġġ għall-Politika Komuni tas-Sajd, għall-Patt Ewropew għall-Oċeani u għall-politika marittima u għall-politika tal-akkwakultura tal-Unjoni
1.Fil-Pjan SNR tagħhom, l-Istati Membri għandhom iqisu l-bżonnijiet speċifiċi tas-sajd, tal-akkwakultura u tal-komunitajiet kostali u b’mod partikolari tas-sajd kostali fuq skala żgħira f’konformità mal-Artikolu 22(2)(i) tar-[Regolament SNR].
2.Fil-Pjan SNR tagħhom, l-Istati Membri għandhom iqisu l-kontribut għas-sostenibbiltà ambjentali, ekonomika u soċjali tal-operazzjonijiet tas-sajd u l-bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd tal-flotot u l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli kif irrappurtati kull sena mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 22(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
3.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu fil-Pjan SNR tagħhom ir-rati massimi ta’ intensità tal-għajnuna għall-kategoriji differenti ta’ operazzjonijiet appoġġati fil-qafas tal-Pjan SNR. Għall-operazzjonijiet relatati mas-sajd kostali fuq skala żgħira, l-Istati Membri jistgħu jagħtu rata massima ta’ intensità tal-għajnuna ta’ 100 %.
4.Applikazzjoni għall-appoġġ sottomessa minn applikant għandha tkun inammissibbli għal mill-inqas iż-żmien kif definit fl-att delegat kif imsemmi fl-Artikolu XX tar-Regolament XX [il-Fond SNR] (Sistema ta’ kontroll għall-intendenza tal-azjendi agrikoli) jekk ikun ġie ddeterminat mill-awtorità kompetenti li l-applikant ikkonċernat:
(a)ikun wettaq ksur serju skont l-Artikolu 42 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008(30) jew l-Artikolu 90 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jew skont leġiżlazzjoni oħra adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-qafas tal-PKS;
(b)kien involut fl-operazzjoni, fil-ġestjoni jew fis-sjieda ta’ bastiment tas-sajd inkluż fil-lista ta’ bastimenti IUU tal-Unjoni kif stipulat fl-Artikolu 40(3) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, jew ta’ bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ pajjiżi identifikati bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx kif stipulat fl-Artikolu 33 ta’ dak ir-Regolament; jew
(c)ikun wettaq kwalunkwe reat ambjentali stabbilit fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(31), meta l-applikazzjoni għall-appoġġ tkun ġiet sottomessa għall-interventi speċifiċi tal-akkwakultura.
Għall-finijiet tal-verifika msemmija fl-ewwel subparagrafu (a) ta’ dan il-paragrafu, Stat Membru għandu jipprovdi, wara talba minn Stat Membru ieħor, l-informazzjoni li tkun tinsab fir-reġistru nazzjonali tiegħu tal-ksur imsemmi fl-Artikolu 93 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.
Artikolu 4
Regoli għall-għoti ta’ appoġġ
1.L-appoġġ għall-flotta tas-sajd jew għall-operaturi tas-sajd li ma jikkonformax mal-ftehim tad-WTO dwar is-sussidji tas-sajd u mal-objettivi tal-PKS kif imsemmi fl-Artikolu 43(2) tat-TFUE, u fl-Artikolu 2 tar-Regolament dwar il-PKS ma għandux jiġi appoġġat.
2.Il-benefiċjarji għandhom ikunu meħtieġa jkomplu jikkonformaw mal-PKS u ma jwettqu l-ebda ksur u reat elenkat fl-Artikolu 3(4), il-punti (a) sa (c) fi żmien 5 snin.
3.It-trasferiment jew il-bdil tal-bandiera ta’ bastimenti tas-sajd lejn pajjiżi terzi, inkluż permezz tal-ħolqien ta’ impriżi konġunti ma’ sħab ta’ pajjiżi terzi u t-trasferiment tas-sjieda ta’ negozju mhumiex eliġibbli biex jirċievu appoġġ.
4.L-estrazzjoni minerarja f’baħar fond ma għandhiex tiġi appoġġata.
Artikolu 5
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) [...] li jistabbilixxi l-Fond għas-Sħubijiet Nazzjonali u Reġjonali għall-perjodu 2028–2034.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President