Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52025PC0540

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jistabbilixxi l-appoġġ tal-Unjoni għall-ażil, il-migrazzjoni u l-integrazzjoni għall-perjodu mill-2028 sal-2034

COM/2025/540 final

Brussell, 16.7.2025

COM(2025) 540 final

2025/0540(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi l-appoġġ tal-Unjoni għall-ażil, il-migrazzjoni u l-integrazzjoni għall-perjodu mill-2028 sal-2034


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi

Il-Linji Gwida Politiċi tal-Kummissjoni 2024-2029 jenfasizzaw li l-migrazzjoni hija sfida Ewropea li trid tiġi indirizzata b’soluzzjoni Ewropea. Il-kuntest ġeopolitiku tal-Ewropa nbidel b’mod sinifikanti, u affettwa b’mod profond il-ġestjoni tal-migrazzjoni u tal-ażil tal-Unjoni, li ġiet affettwata aktar mill-użu tal-migrazzjoni bħala arma. L-Istati Membri jeħtieġu jkunu jistgħu jirrispondu malajr u b’mod effettiv għall-iżviluppi tal-flussi migratorji u jirċievu l-appoġġ tal-Unjoni għal dak l-għan.

Bl-adozzjoni tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil (il-“Patt”), l-Unjoni għamlet progress sinifikanti lejn approċċ komprensiv lejn l-ażil, il-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri, inkluża d-dimensjoni esterna tiegħu. Il-Patt jistabbilixxi sistema rregolata mill-prinċipju tas-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabbiltà, inklużi l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħha, bejn l-Istati Membri. Is-suċċess tas-sistema l-ġdida maħluqa mill-Patt jiddependi fuq kemm l-Istati Membri kollha huma lesti — bl-azzjonijiet ta’ waħda jkollhom implikazzjonijiet għal kulħadd. L-implimentazzjoni tal-Patt għandha tkun maniġġabbli għal kulħadd u tiġi ġestita flimkien.

Il-Patt jirrikjedi li l-Istati Membri jiżviluppaw Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali bbażati fuq il-Pjan ta’ Implimentazzjoni Komuni tal-Kummissjoni. Huwa ċar minn dawk il-pjanijiet li se jkunu meħtieġa riżorsi finanzjarji sinifikanti fis-snin li ġejjin. Jeħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu r-riformi meħtieġa biex jiżguraw li s-sistemi nazzjonali jkunu effiċjenti u adatti għall-iskop tagħhom f’konformità mal-obbligi tal-Patt u li s-sistema Ewropea maħluqa mill-Patt tiffunzjona kif suppost.

Dan jimplika wkoll li jiġu pprovduti fondi adegwati tal-UE biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tagħha. Minbarra l-ħtiġijiet immedjati li se jiġu ffinanzjati taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali 2021–2027, l-Istati Membri se jkollhom bżonn ikomplu jinvestu u jtejbu s-sistemi tagħhom. Pereżempju, kull tliet snin il-Kummissjoni se tivvaluta mill-ġdid l-obbligi ta’ “kapaċità adegwata” tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-proċedura fuq il-fruntiera. Din il-valutazzjoni mill-ġdid tista’ tirrikjedi li l-Istati Membri jagħmlu aktar investimenti biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom.

Barra minn hekk, il-ħtieġa li jiġu żviluppati sistemi nazzjonali integrati ta’ ġestjoni tal-każijiet li jiġbru flimkien l-ażil, l-akkoljenza u r-ritorn ġiet identifikata mill-Kummissjoni bħala prijorità ewlenija fi kważi l-Istati Membri kollha. Il-bidliet sinifikanti meħtieġa f’ħafna Stati Membri biex jinbnew dawn is-sistemi integrati u titħaddan l-aġenda tad-diġitalizzazzjoni se jirrikjedu investimenti sinifikanti fuq terminu medju sa twil. Din id-diġitalizzazzjoni, inkluża l-evoluzzjoni tat-teknoloġija bbażata fuq l-intelliġenza artifiċjali (IA), hija wkoll komponent ewlieni għas-simplifikazzjoni u ż-żieda fl-effiċjenza tas-sistema li eventwalment tista’ twassal għall-ħolqien ta’ sistemi Ewropej ta’ ġestjoni tal-każijiet.

Filwaqt li jenħtieġ li tiġi appoġġata l-aktar permezz tar-Regolament (UE) […] [Ewropa Globali], id-dimensjoni esterna u s-soluzzjonijiet innovattivi għall-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-ażil se jkomplu fis-snin li ġejjin ikollhom rwol importanti fir-rispons tal-UE. L-Istati Membri u l-UE għandu jkollhom ukoll ċertu marġni biex ikunu jistgħu jappoġġaw attivitajiet speċifiċi f’pajjiżi terzi.

Fl-aħħar nett, l-obbligi tal-Patt ħolqu ħtiġijiet sinifikanti f’termini ta’ persunal, inklużi ħaddiema tal-każijiet, konsulenti legali, osservaturi għad-drittijiet fundamentali, rappreżentanti għal minorenni mhux akkumpanjati, esperti tal-vulnerabbiltà u oħrajn, kif ukoll obbligi ġodda rigward l-akkoljenza b’kostijiet operazzjonali sinifikanti. Dawn huma komponenti ewlenin li jiżguraw li s-sistema Ewropea taħdem fil-prattika. In-nuqqasijiet sistemiċi f’dawn l-oqsma fi Stat Membru wieħed għandhom impatt fuq l-Istati Membri kollha. Għalhekk huwa fundamentali li l-UE tappoġġa lill-Istati Membri f’dan l-isforz. Barra minn hekk, il-ħtiġijiet tal-Istati Membri se jkollhom jiġu vvalutati mill-ġdid regolarment abbażi tal-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni migratorja. L-objettiv aħħari huwa li jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jkollhom kontinwament “sistema mħejjija sew”.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-appoġġ tal-Unjoni jenħtieġ li jkun koerenti mal-prijoritajiet ta’ politika u flessibbli, sabiex ikunu jistgħu jitqiesu żviluppi ġodda. Filwaqt li tibni fuq ir-riżultati u l-investimenti fl-oqsma tal-ażil u l-migrazzjoni mill-perjodi ta’ programmazzjoni preċedenti, din il-proposta tipprovdi l-appoġġ meħtieġ tal-Unjoni biex jintlaħqu l-objettivi tal-approċċ komprensiv għall-migrazzjoni u l-ażil. Joffri wkoll appoġġ għall-migrazzjoni legali u l-integrazzjoni bikrija ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi kif ukoll miżuri orizzontali li jappoġġaw il-kapaċitajiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-integrazzjoni.

Barra minn hekk, l-appoġġ tal-Unjoni jenħtieġ li jkun disponibbli għall-approċċ komuni l-ġdid u l-qafas leġiżlattiv proposti mill-Kummissjoni 1 bi proċeduri ta’ ritorn aktar rapidi, aktar sempliċi u aktar effettivi madwar l-UE u soluzzjonijiet innovattivi għall-ġestjoni tal-migrazzjoni. Dan il-qafas legali ġdid għar-ritorni jikkostitwixxi biċċa ewlenija biex tikkomplementa l-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil.

Il-proposta għandha l-għan li tindirizza l-ħtieġa għal flessibbiltà akbar fil-ġestjoni tal-appoġġ tal-Unjoni, inkluża orjentazzjoni tal-prestazzjoni aktar b’saħħitha, kif ukoll simplifikazzjoni msaħħa għall-atturi kollha involuti fl-implimentazzjoni tagħha. Għal dan l-għan, qed tiġi infurzata komplementarjetà stretta mal-proposta għal Regolament (UE) […] li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, l-agrikoltura u ż-żoni rurali, is-sajd u s-settur marittimu, il-prosperità u s-sigurtà, li jintroduċi mekkaniżmi ġodda għall-allokazzjoni ta’ finanzjament għal ġestjoni kondiviża, diretta u indiretta. Peress li l-isfidi fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil qed jevolvu b’mod kostanti, hemm ukoll il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet u l-bidliet urġenti fil-politika u l-prijoritajiet tal-Unjoni, u li l-finanzjament jiġi orjentat lejn azzjonijiet b’livell għoli ta’ valur miżjud tal-Unjoni, b’mod partikolari permezz ta’ Faċilità tal-UE li toffri flessibbiltà fil-ġestjoni tal-appoġġ tal-Unjoni.

Din il-proposta, flimkien mal-proposta għal Regolament (UE) […] li jistabbilixxi l-appoġġ tal-Unjoni għaż-żona Schengen, għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri u għall-politika komuni dwar il-viżi u l-proposta għal Regolament (UE) […] li jistabbilixxi l-Appoġġ tal-Unjoni għas-sigurtà interna, jipprovdu l-qafas legali speċifiku għall-azzjoni tal-Unjoni fl-oqsma tal-ġestjoni effiċjenti tal-migrazzjoni u l-ażil, il-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri esterni, iż-żona Schengen li tiffunzjona tajjeb u l-politika Ewropea dwar il-viżi, u s-sigurtà interna. Ir-regoli li jirregolaw il-parteċipazzjoni ta’ xi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea fir-regoli stabbiliti f’konformità mat-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-TFUE (ara t-taqsima tal-ġeometrija varjabbli) jiġġustifikaw il-ħtieġa li jkun hemm tliet strumenti speċifiċi biex jipprovdu appoġġ f’dawn l-oqsma. Dawn it-tliet Regolamenti jikkumplimentaw lil xulxin u l-proposta għar-Regolament (UE) […] li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, l-agrikoltura u ż-żoni rurali, is-sajd u s-settur marittimu, il-prosperità u s-sigurtà, li permezz tagħhom se jiġu implimentati.

Ir-Regolament propost jibni fuq ir-Regolament (UE) 2021/1147 2 , filwaqt li jqis żviluppi ġodda ta’ politika u l-ħtieġa li jiġi pprovdut rispons aġli għall-isfidi tal-migrazzjoni u l-ażil li qed jevolvu kemm fl-UE kif ukoll f’kooperazzjoni ma’ pajjiżi oħra.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti tal-politika

L-appoġġ tal-Unjoni għall-ażil, il-migrazzjoni u l-integrazzjoni se jaħdem f’komplementarjetà mal-politiki l-oħra fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta għall-istabbiliment tal-Fond Ewropew għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, l-agrikoltura u ż-żoni rurali, tas-sajd u marittimi, il-prosperità u s-sigurtà, u b’hekk jitrawmu sinerġiji bejn dawn il-politiki. Madankollu, politika tal-UE b’saħħitha u komprensiva dwar il-migrazzjoni u l-ażil teħtieġ azzjoni fl-ispettru sħiħ tal-għodod għad-dispożizzjoni tagħha, inklużi l-attivitajiet tal-aġenziji deċentralizzati rilevanti tal-Unjoni.

Is-sitt Aġenziji deċentralizzati għall-Affarijiet Interni (il-Frontex, l-Europol, l-EUAA, l-eu-LISA, l-EUDA u s-Cepol) għandhom rwol importanti u dejjem akbar fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-Affarijiet Interni. Huwa essenzjali li tiġi żgurata l-koerenza bejn l-istrateġiji ta’ politika stabbiliti fil-livell tal-UE u l-attivitajiet operazzjonali tal-aġenziji deċentralizzati, u b’hekk jiġi massimizzat ukoll il-kontribut għall-objettivi ta’ politika tal-UE mill-finanzjament tal-UE pprovdut lill-aġenziji deċentralizzati. Ir-rwol operazzjonali tal-aġenziji deċentralizzati jista’ jeħtieġ aktar tisħiħ, akkumpanjat minn żieda korrispondenti fil-finanzjament.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-politika tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni tiddependi fuq is-sinerġiji u l-koerenza mal-politiki rilevanti tal-UE bħall-ġestjoni tal-fruntieri, is-sigurtà interna, u l-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Barra minn hekk, il-konsistenza u l-komplementarjetà se jiġu żgurati wkoll mal-politiki esterni tal-Unjoni li jappoġġaw pajjiżi terzi permezz tar-Regolament (UE) […] [Ewropa Globali] f’firxa wiesgħa ta’ oqsma b’rabtiet importanti mal-politiki interni, inkluż il-migrazzjoni u l-ażil, li jenħtieġ li jiżguraw koerenza akbar mal-appoġġ tal-Unjoni għall-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni ma’ pajjiżi sħab, jikkontribwixxu għal approċċ koordinat, olistiku u strutturat għall-migrazzjoni, jimmassimizzaw is-sinerġiji u jżidu l-influwenza. F’dan il-kuntest, is-sinerġiji bejn l-appoġġ għall-kooperazzjoni transfruntiera taħt l-Ewropa Globali u dak li jista’ jiġi pprovdut skont dan ir-Regolament huma partikolarment rilevanti għat-tisħiħ tal-ġestjoni tal-fruntieri u għat-twettiq tal-isforzi għall-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari. Sabiex jiġu promossi dawk is-sinerġiji, għandhom jiġu mfittxija koordinazzjoni u konsistenza msaħħa bejn il-prijoritajiet ta’ politika u l-infiq tal-UE lejn pajjiżi terzi.

Din il-proposta hija konsistenti wkoll mal-prijoritajiet stabbiliti fil-fergħa esterna tal-Unjoni tal-Ħiliet dwar l-attrazzjoni u ż-żamma tal-ħiliet minn pajjiżi terzi, inkluż l-uffiċċji tal-gateway legali futuri, li jistgħu jiġu appoġġati minn inizjattivi bħar-Riżerva ta’ Talent tal-UE u s-Sħubijiet ta’ Talent. Sabiex tiġi appoġġata l-aġenda tal-kompetittività, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati wkoll investimenti bbażati fuq metodi innovattivi jew teknoloġiji ġodda, inklużi miżuri li għandhom l-għan li jittestjaw u jivvalidaw l-eżitu ta’ proġetti ta’ riċerka ffinanzjati mill-Unjoni.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi legali

Skont l-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, “l-Unjoni toffri liċ-ċittadini tagħha żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu tal-persuni jkun assigurat flimkien ma’ miżuri xierqa f’dak li jirrigwarda l-kontrolli tal-fruntieri esterni, l-ażil, l-immigrazzjoni kif ukoll il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha”. Il-bażi legali għal din il-proposta tinsab fl-Artikolu 78(2) kif ukoll fl-Artikolu 79(2) u l-Artikolu 79(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni (TFUE).

Ġeometrija varjabbli

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq bażijiet legali taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-TFUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. B’konsegwenza ta’ dan, l-applikazzjoni tar-Regolament għad-Danimarka u l-Irlanda hija soġġetta għal dispożizzjonijiet speċjali stabbiliti fil-Protokoll Nru 21 u l-Protokoll Nru 22 anness mat-TUE u t-TFUE.

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri proposti skont it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-TFUE, u tali miżuri la huma vinkolanti u lanqas applikabbli fid-Danimarka.

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21, l-irlanda ma tiħux sehem fl-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri proposti skont it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-TFUE, u tali miżuri la huma vinkolanti u lanqas applikabbli fl-irlanda. Madankollu, l-irlanda tista’ tagħżel li tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe miżura proposta bħal din. Barra minn hekk, fi kwalunkwe ħin wara l-adozzjoni ta’ tali miżura, l-irlanda tista’ taċċetta l-miżura, soġġett għat-tlestija tal-proċeduri msemmija fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 21.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

L-objettivi tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu jekk l-Istati Membri jaġixxu waħedhom, peress li l-isfida huma ta’ natura transfruntiera, u ma humiex limitati għal Stati Membri individwali jew għal subsett ta’ Stati Membri. L-appoġġ tal-Unjoni joħloq valur miżjud billi jippromwovi approċċ komuni madwar l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-acquis u l-istandards tal-UE u jrawwem kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri dwar kwistjonijiet transnazzjonali.

Proporzjonalità

Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-objettivi msemmija fit-taqsima 1. Dan jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni għal azzjoni fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, kif definit fit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-TFUE. L-objettivi u l-appoġġ korrispondenti tal-Unjoni huma proporzjonati għal dak li l-istrument għandu l-għan li jikseb.

Għażla tal-istrument

L-aktar strument xieraq għat-tħaddim tal-proposta attwali huwa Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-appoġġ tal-Unjoni għall-ażil, il-migrazzjoni u l-integrazzjoni għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2028 sal-31 ta’ Diċembru 2034, li jikkomplementa l-proposta għal Regolament (UE) […] li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, l-agrikoltura u ż-żoni rurali, is-sajd u t-trasport marittimu, il-prosperità u s-sigurtà.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET RETROSPETTIVI, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet retrospettivi/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

L-eżiti preliminari tal-evalwazzjoni ex post li għaddejja tal-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014–2020 jikkonfermaw li l-AMIF ikkontribwixxa għall-objettivi maħsuba mill-Fond sa punt varjabbli. Il-partijiet ikkonċernati qiesu l-piż amministrattiv bħala proporzjonat għall-benefiċċji u simili għal Fondi oħra tal-UE, iżda inqas proporzjonat meta mqabbel mal-fondi nazzjonali. L-introduzzjoni ta’ għażliet ta’ kostijiet simplifikati tqieset b’mod pożittiv, għalkemm l-użu tagħhom kien relattivament limitat. L-AMIF wera koerenza tajba mal-Fond Soċjali Ewropew, li skont il-partijiet ikkonċernati jista’ jissaħħaħ aktar. L-AMIF ikkontribwixxa bil-qawwa għall-introduzzjoni ta’ servizzi ġodda, il-kapaċità li tintlaħaq udjenza usa’ u l-espansjoni tas-servizzi u l-innovazzjoni. B’mod ġenerali, l-evalwazzjoni ex post tenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ is-simplifikazzjoni fl-implimentazzjoni tal-fond, b’mod partikolari billi jitnaqqsu r-rekwiżiti ta’ rapportar u jiġi estiż l-użu ta’ għażliet ta’ kostijiet issimplifikati. L-evalwazzjoni titlob ukoll li jitnaqqsu r-riġiditajiet fil-ġestjoni tal-baġit, inkluż billi jiġu introdotti mekkaniżmi ta’ bbaġitjar aktar flessibbli li jiffaċilitaw l-arrikkiment reċiproku bejn l-objettivi differenti u jnaqqsu l-għadd ta’ modifiki tal-programmi.

L-eżiti preliminari tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-AMIF għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021–2027 jikkonfermaw li l-qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni għall-AMIF tjieb b’mod sinifikanti meta mqabbel mal-perjodu ta’ programmazzjoni 2014–2020. L-għażliet ta’ kostijiet simplifikati u l-assistenza teknika b’rata fissa kkontribwew għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv, iżda l-implimentazzjoni ta’ għażliet ta’ kostijiet simplifikati għadha relattivament limitata. L-AMIF juri koerenza qawwija mal-ipprogrammar ta’ Fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), l-Istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (BMVI) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR). L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tikkonferma b’mod ġenerali l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni ex post dwar il-ħtieġa għal aktar simplifikazzjoni u flessibbiltà fil-ġestjoni tal-programmi u l-proġetti, biex ikun hemm adattament rapidu għall-impatt ta’ fatturi esterni. L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu r-rabtiet u l-koordinazzjoni mal-Fondi l-oħra tal-Unjoni, speċjalment fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil. Dan jista’ jgħin ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali biex ikopru aħjar il-ħtiġijiet rilevanti permezz ta’ programmazzjoni aktar koordinata tal-Fondi tal-Unjoni.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-Kummissjoni involviet ruħha b’mod attiv mal-partijiet ikkonċernati fil-proċess tal-inizjattiva, b’mod partikolari permezz ta’ avvenimenti ddedikati u attivitajiet ta’ konsultazzjoni pubblika, kif dettaljat fil-kapitolu korrispondenti tal-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għal Regolament (UE) […] li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, l-agrikoltura u ż-żoni rurali, is-sajd u s-settur marittimu, il-prosperità u s-sigurtà. 

Għarfien espert estern

Informazzjoni dwar l-użu mill-Kummissjoni ta’ għarfien espert estern hija pprovduta fil-kapitolu korrispondenti tal-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għal Regolament (UE) […] li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, l-agrikoltura u ż-żoni rurali, is-sajd u s-settur marittimu, il-prosperità u s-sigurtà.

Valutazzjoni tal-impatt

Informazzjoni dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni hija pprovduta fil-kapitolu korrispondenti tal-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għal Regolament (UE) […] li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, l-agrikoltura u ż-żoni rurali, is-sajd u s-settur marittimu, il-prosperità u s-sigurtà.

Simplifikazzjoni

L-inizjattiva hija mistennija li tikkontribwixxi għal tnaqqis sinifikanti fil-piż u fil-kostijiet amministrattivi, kif ukoll għal effiċjenza mtejba fl-implimentazzjoni tal-appoġġ tal-Unjoni, ara wkoll il-kapitolu korrispondenti tal-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għal Regolament (UE) […] li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, għall-agrikoltura u rurali, għas-sajd u għas-settur marittimu, għall-prosperità u għas-sigurtà.

Drittijiet fundamentali

L-appoġġ tal-Unjoni ser jiġi implimentat f’konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipju tal-istat tad-dritt, kif stabbilit fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092, ara wkoll it-taqsima korrispondenti fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni li jakkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni għall-proposta għal Regolament (UE) […] li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, l-agrikoltura u ż-żoni rurali, is-sajd u t-trasport marittimu, il-prosperità u s-sigurtà.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-pakkett finanzjarju indikattiv għall-implimentazzjoni tal-objettivi taħt l-appoġġ tal-Unjoni huwa stabbilit għal EUR 11 975 428 500 għall-perjodu mill-2028 sal-2034 fi prezzijiet attwali. Dan għandu jiġi implimentat f’konformità mar-regoli orizzontali għall-Pjanijiet ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali stabbiliti fir-Regolament (UE) […] li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, l-agrikoltura u ż-żoni rurali, is-sajd u s-settur marittimu, il-prosperità u s-sigurtà.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

L-appoġġ tal-Unjoni fl-ambitu ta’ din il-proposta se jiġi implimentat permezz ta’ ġestjoni kondiviża mill-Istati Membri u ġestjoni diretta u indiretta mill-Kummissjoni. L-implimentazzjoni tal-appoġġ tal-Unjoni se tiġi mmonitorjata permezz tal-qafas ta’ prestazzjoni applikabbli għall-qafas finanzjarju pluriennali 2028–2034, stabbilit fil-proposta għal Regolament (UE) […] li jistabbilixxi qafas ta’ traċċar u prestazzjoni tan-nefqa baġitarja u regoli orizzontali oħra tal-programmi u l-attivitajiet tal-Unjoni.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Ir-Regolament propost jiddefinixxi fl-Artikolu 1 il-kamp ta’ applikazzjoni tal-appoġġ tal-Unjoni għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2028 sal-31 ta’ Diċembru 2034. Għal dan, fl-Artikolu 2 jingħataw definizzjonijiet essenzjali, u erba’ objettivi huma stabbiliti fl-Artikolu 3, li se jinkisbu permezz tal-appoġġ tal-Unjoni skont ir-regoli orizzontali tal-Fond Ewropew għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, l-agrikoltura u ż-żoni rurali, is-sajd u t-trasport marittimu, il-prosperità u s-sigurtà stabbiliti bir-Regolament (UE) […]. Dawn l-objettivi jirreferu għall-oqsma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil; ir-ritorn u r-riammissjoni ta’ migranti irregolari, inkluża r-riintegrazzjoni tagħhom f’pajjiżi terzi u l-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari; il-migrazzjoni legali u l-integrazzjoni bikrija u l-inklużjoni soċjali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi; is-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri.

Fl-Artikolu 4, il-proposta tistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-finanzjament tal-appoġġ tal-Unjoni.

Biex titrawwem l-implimentazzjoni tal-acquis tal-Unjoni u biex jiġu appoġġati l-isforzi biex jiġi żgurat approċċ komprensiv għall-ġestjoni tal-migrazzjoni bbażat fuq il-fiduċja reċiproka, is-solidarjetà u l-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri, ir-Regolament propost jistabbilixxi wkoll ir-regoli għat-trattament baġitarju tar-riżorsi għar-risistemazzjoni u l-ammissjoni umanitarja (l-Artikolu 5), ir-riżorsi għat-trasferiment tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali jew tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali (l-Artikolu 6), u l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri għall-fini tar-Riżerva Annwali ta’ Solidarjetà stabbilita bir-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 3 (l-Artikolu 9).

L-Artikolu 7 jiddefinixxi l-kundizzjonijiet meħtieġa li għandhom jiġu ssodisfati minn pajjiżi terzi biex jiġu assoċjati mal-appoġġ tal-Unjoni pprovdut skont din il-proposta. L-Artikolu 8 ikopri l-finanzjament tan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE 4 f’konformità mal-objettivi u l-kompiti tiegħu. L-Artikolu 10 jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet tranżizzjonali. Id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament propost hija stabbilita fl-Artikolu 11, u hija stipulata wkoll li r-Regolament se jkun vinkolanti fl-intier tiegħu u applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha f’konformità mat-Trattati mill-1 ta’ Jannar 2028.



2025/0540 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi l-appoġġ tal-Unjoni għall-ażil, il-migrazzjoni u l-integrazzjoni għall-perjodu mill-2028 sal-2034

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 78(2), u 79(2) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 5 ,

Wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja 6 ,

Billi:

(1)L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jikkontribwixxi għall-objettiv tal-Unjoni li tikkostitwixxi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja f’konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) permezz tal-għoti ta’ appoġġ tal-Unjoni għall-iżvilupp ta’ politika komuni dwar l-ażil, il-protezzjoni sussidjarja u l-protezzjoni temporanja bil-ħsieb li jiġi offrut status xieraq lil kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz li jeħtieġ protezzjoni internazzjonali u li tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipju ta’ non-refoulement f’konformità mal-Artikolu 77 TFUE, u politika komuni dwar l-immigrazzjoni mmirata biex tiżgura, fl-istadji kollha, il-ġestjoni effiċjenti tal-flussi migratorji, it-trattament ġust ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fl-Istati Membri, u l-prevenzjoni ta’, u miżuri msaħħa għall-ġlieda kontra, l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin f’konformità mal-Artikolu 79 TFUE.

(2)Id-dħul fis-seħħ tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil f’Ġunju 2024 sawwar mill-ġdid il-politika tal-Unjoni dwar l-ażil u l-migrazzjoni. Sabiex titrawwem l-implimentazzjoni tal-Patt u jiġu appoġġati l-isforzi biex jiġi żgurat approċċ komprensiv għall-ġestjoni tal-migrazzjoni li jkun ibbażat fuq is-solidarjetà u l-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jiġu appoġġati minn riżorsi finanzjarji adegwati. Dan l-appoġġ tal-Unjoni se jingħata skont ir-regoli orizzontali tal-Fond Ewropew għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, l-agrikoltura u ż-żoni rurali, tas-sajd u marittimi, il-prosperità u s-sigurtà stabbiliti bir-Regolament (UE) […].

(3)Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-objettivi tal-appoġġ tal-Unjoni għall-politika dwar l-ażil, il-migrazzjoni u l-integrazzjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-Pjanijiet ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali tagħhom jindirizzaw kull wieħed mill-objettivi stabbiliti minn dan ir-Regolament.

(4)L-ammonti li għandhom jiġu allokati għal kull Stat Membru jenħtieġ li jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni f’konformità mal-metodoloġija tal-allokazzjoni stabbilita fir-Regolament (UE) […] li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, l-agrikoltura u ż-żoni rurali, is-sajd u t-trasport marittimu, il-prosperità u s-sigurtà permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni unika. Jenħtieġ li dik id-deċiżjoni bħala regola tkopri wkoll l-ammonti skont ir-Regolament (UE) […] li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, l-agrikoltura u rurali, is-sajd u s-settur marittimu, il-prosperità u s-sigurtà, ir-Regolament (UE) […] li jistabbilixxi l-appoġġ tal-Unjoni għaż-żona Schengen, għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri u għall-politika komuni dwar il-viżi u r-Regolament (UE) […] li jistabbilixxi l-Appoġġ tal-Unjoni għas-sigurtà interna.

(5)L-appoġġ tal-Unjoni jenħtieġ li jibni fuq ir-riżultati u l-investimenti fl-oqsma tal-ażil u l-migrazzjoni mill-perjodi ta’ programmazzjoni preċedenti: (i) il-Fond Ewropew għar-Refuġjati stabbilit bid-Deċiżjoni 573/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 għall-perjodu 2008-2013; (ii) il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE 8 għall-perjodu 2007–2013; (iii) il-Fond Ewropew għar-Ritorn stabbilit bid-Deċiżjoni 575/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 9 għall-perjodu 2008–2013; (iv) il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 10 għall-perjodu 2014–2020, u (v) il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni għall-perjodu 2021–2027, stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1147 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 11 . Jenħtieġ li l-ambitu tal-appoġġ tal-Unjoni jippermetti wkoll li jitqiesu żviluppi ġodda.

(6)Il-kuntest ġeopolitiku tal-Ewropa nbidel b’mod sinifikanti, u affettwa b’mod profond il-ġestjoni tal-migrazzjoni tal-Unjoni, anke minħabba r-rwol tal-atturi tal-Istat fil-ħolqien u l-iffaċilitar artifiċjali tal-migrazzjoni irregolari, fl-istrumentalizzazzjoni tal-flussi migratorji bħala għodda għal skopijiet politiċi, u għall-użu ta’ tattiċi tal-gwerra ibridi, bħall-użu tal-migrazzjoni bħala arma 12 , biex jiddestabbilizzaw l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha. L-Istati Membri jeħtieġu jkunu jistgħu jirrispondu malajr u b’mod effettiv għall-iżviluppi tal-flussi migratorji u jirċievu l-appoġġ tal-Unjoni għal dak l-għan. Biex twieġeb għal dawn l-isfidi Ewropej, l-allokazzjoni tal-appoġġ tal-Unjoni għandha tirrifletti l-prijoritajiet tal-Unjoni. Għalhekk, l-appoġġ tal-Unjoni implimentat skont ir-regoli li jirregolaw il-Pjanijiet ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali tal-Istati Membri jenħtieġ li jikkontribwixxi biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi identifikati fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropea fit-tul għall-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni u ċ-ċiklu annwali tal-ġestjoni tal-migrazzjoni stabbiliti f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 13 , inkluż il-mekkaniżmu ta’ solidarjetà annwali u l-Qafas tal-Unjoni għar-Risistemazzjoni u l-Ammissjoni Umanitarja.

Dan l-appoġġ tal-Unjoni skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jiffinanzja miżuri mfassla apposta għall-ħtiġijiet ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ġeneralment jiġu implimentati fl-istadji bikrija tal-integrazzjoni, kif ukoll miżuri orizzontali li jappoġġaw il-kapaċitajiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-integrazzjoni, filwaqt li l-interventi għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’impatt aktar fit-tul jenħtieġ li jiġu segwiti taħt appoġġ ieħor tal-Unjoni.

(7)Peress li l-isfidi fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil qed jevolvu b’mod kostanti, hemm bżonn li l-allokazzjoni tal-appoġġ tal-Unjoni skont dan ir-Regolament tiġi adattata għall-bidliet fil-flussi migratorji u l-ażil. Bħala rispons għall-ħtiġijiet urġenti u għall-bidliet fil-politika u fil-prijoritajiet tal-Unjoni, u biex il-finanzjament jiġi orjentat lejn azzjonijiet b’livell għoli ta’ valur miżjud tal-Unjoni, jenħtieġ li parti mill-appoġġ tal-Unjoni skont dan ir-Regolament tiġi implimentata b’ġestjoni diretta, kondiviża u indiretta permezz tal-Faċilità tal-UE stabbilita skont ir-Regolament (UE) […] li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, għall-agrikoltura u rurali, għas-sajd u għas-settur marittimu, għall-prosperità u għas-sigurtà. il-Faċilità tal-UE toffri flessibbiltà fil-ġestjoni tal-appoġġ tal-Unjoni, u, għal ġestjoni kondiviża, jenħtieġ li tiġi implimentata permezz tal-Pjanijiet ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali tal-istati Membri.

(8)Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li l-għarfien, l-għarfien espert u l-esperjenza tal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni jitqiesu fl-iżvilupp tal-Pjanijiet Nazzjonali u Reġjonali tal-Istati Membri u meta jimplimentaw miżuri jew jindirizzaw sfidi fir-rigward tal-ġestjoni tal-migrazzjoni, il-kontroll u l-ġestjoni tal-fruntieri u s-sigurtà interna. Fejn xieraq, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tinvolvi wkoll lill-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni f’attivitajiet li għandhom l-għan li jiżguraw li l-miżuri appoġġati mill-appoġġ tal-Unjoni jikkonformaw mal-acquis rilevanti tal-Unjoni u l-prijoritajiet miftiehma tal-Unjoni.

(9)Jenħtieġ li l-appoġġ tal-Unjoni jikkontribwixxi wkoll għall-implimentazzjoni ta’ protezzjoni temporanja fir-rigward tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE 14 fil-każ ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati, inkluż ta’ protezzjoni temporanja introdotta u estiża b’deċiżjonijiet preċedenti tal-Kunsill, u l-implimentazzjoni ta’ miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri li jospitaw tali persuni.

(10)Jenħtieġ li l-Istati Membri jibnu fuq il-prinċipju tas-sħubija fl-implimentazzjoni tal-appoġġ tal-Unjoni biex tiġi żgurata l-kontinwità fl-approċċ ta’ governanza.

(11)L-appoġġ tal-Unjoni jenħtieġ li jikkontribwixxi biex jiġu żgurati l-konsistenza, il-koerenza, is-sinerġiji u l-komplementarjetajiet bejn il-politiki interni u esterni tal-Unjoni. Hija meħtieġa koerenza akbar bejn il-politiki dwar il-migrazzjoni, l-ażil, ir-ritorn u dawk esterni u huwa importanti li jiġi żgurat li l-assistenza esterna tal-Unjoni u l-appoġġ tal-Unjoni skont dan ir-Regolament jikkontribwixxu għal approċċ koordinat, olistiku u strutturat għall-migrazzjoni, filwaqt li jimmassimizzaw is-sinerġiji u jżidu l-influwenza. L-appoġġ tal-Unjoni skont dan ir-Regolament jista’ jinkludi wkoll appoġġ għar-riżorsi rilevanti tad-delegazzjonijiet tal-UE f’każijiet debitament ġustifikati, u jkun ikkoordinat bejn l-istati Membri u l-Kummissjoni fl-istadji ta’ programmazzjoni u implimentazzjoni.

(12)L-Ewropa trid tipproteġi l-interessi tas-sigurtà tagħha kontra fornituri li jistgħu jirrappreżentaw riskju persistenti għas-sigurtà minħabba l-interferenza potenzjali minn pajjiżi terzi kif ukoll il-prattiki taċ-ċibersigurtà tagħhom. Għalhekk huwa meħtieġ li jitnaqqas ir-riskju ta’ dipendenza persistenti fuq fornituri b’riskju għoli fis-suq intern, peress li dawn jista’ jkollhom impatti negattivi potenzjalment serji fuq is-sigurtà għall-utenti, il-kumpaniji u l-awtoritajiet madwar l-UE f’termini tal-integrità tad-data u s-servizzi kif ukoll id-disponibbiltà tas-servizz. Jenħtieġ li din l-esklużjoni tkun ibbażata fuq valutazzjoni tar-riskju proporzjonata u miżuri ta’ mitigazzjoni assoċjati kif definiti fil-politiki u l-liġijiet tal-Unjoni

(13)Ir-risistemazzjoni u l-ammissjoni umanitarja huma alternattivi sikuri u legali għall-migrazzjoni irregolari u għodda ta’ solidarjetà Ewropea ma’ pajjiżi li mhumiex Stati Membri u li jospitaw għadd kbir ta’ persuni li qed jaħarbu mill-gwerra jew mill-persekuzzjoni. L-isforzi ta’ risistemazzjoni u ammissjoni umanitarja mill-Istati Membri mwettqa fil-qafas tar-Regolament (UE) 2024/1350 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 15 jenħtieġ li jiġu appoġġati minn finanzjament xieraq mill-baġit tal-Unjoni. Fid-dawl tan-natura speċifika tal-appoġġ meħtieġ għall-finijiet ta’ risistemazzjoni u ammissjoni umanitarja u għat-trasferiment ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali jew ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, huwa meħtieġ li f’dan ir-Regolament jiġu previsti ammonti identifikati minn qabel għal kull unità għal tali appoġġ.

(14)Jenħtieġ li dan ir-Regolament jiżgura wkoll il-kontinwazzjoni tan-Network Ewropew dwar il-Migrazzjoni stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE 16 f’konformità mal-objettivi u l-kompiti tiegħu.

(15)Minħabba li l-Istati Membri soġġetti għal pressjoni migratorja jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddependu fuq l-appoġġ tal-Unjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli sabiex jagħmel disponibbli għall-Istati Membri benefiċjarji s-sehem rispettiv tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji inklużi fir-Riżerva Annwali ta’ Solidarjetà stabbilita bir-Regolament (UE) 2024/1351 17 .

(16)Pajjiż terz li jkun ikkonkluda ftehim mal-Unjoni dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi stabbilit l-Istat responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali rreġistrata fi Stat Membru jew irreġistrata f’dak il-pajjiż terz jenħtieġ li jitħalla jipparteċipa fl-appoġġ tal-Unjoni permezz ta’ dan ir-Regolament dment li jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet.

(17)L-azzjonijiet kollha appoġġati f’konformità mal-appoġġ tal-Unjoni skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġu implimentati f’konformità mad-drittijiet u l-prinċipji minquxa fl-acquis tal-Unjoni u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jenħtieġ li jkunu konformi mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni u tal-istati Membri li jirriżultaw mill-istrumenti internazzjonali li huma parti għalihom.

(18)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(19)[F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-TFUE, l-Irlanda nnotifikat [permezz ta’ ittra ta’…,] ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

JEW

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu],

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-objettivi u l-finanzjament tal-appoġġ tal-Unjoni għall-implimentazzjoni, it-tisħiħ u l-iżvilupp tal-politika komuni dwar l-ażil u l-politika komuni dwar l-immigrazzjoni għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2028 sal-31 ta’ Diċembru 2034. L-appoġġ tal-Unjoni għandu jikkontribwixxi għall-ġestjoni effiċjenti tal-flussi migratorji u l-ażil, inkluż billi jipprovdi appoġġ għall-implimentazzjoni, it-tisħiħ u l-iżvilupp tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, u s-sistema komuni ta’ protezzjoni temporanja għall-persuni spostati fil-każ ta’ influss bil-massa.

Dan l-appoġġ tal-Unjoni għandu jingħata skont ir-regoli orizzontali tal-Fond Ewropew għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, l-agrikoltura u ż-żoni rurali, tas-sajd u marittimi, il-prosperità u s-sigurtà stabbiliti bir-Regolament (UE) […].

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)“applikant għal protezzjoni internazzjonali” tfisser applikant kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (4) tar-Regolament (UE) 2024/1351;

(2)“benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali” tfisser benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (7) tar-Regolament (UE) 2024/1351;

(3)“protezzjoni temporanja” tfisser protezzjoni temporanja kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (a) tad-Direttiva 2001/55/KE 18 ;

(4)“membru tal-familja” tfisser membru tal-familja kif definit fil-punt (2) tal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 2024/1351;

(5)“ammissjoni umanitarja” tfisser ammissjoni umanitarja kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (3) tar-Regolament (UE) 2024/1350;

(6)“risistemazzjoni” tfisser risistemazzjoni kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2024/1350;

(7)“ċittadin ta’ pajjiż terz” tfisser “ċittadin ta’ pajjiż terz” kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2024/1351;

(8)“minorenni mhux akkumpanjat” tfisser minorenni mhux akkumpanjat kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (11) tar-Regolament (UE) 2024/1351;

(9)“persuna vulnerabbli” tfisser kwalunkwe persuna definita bħala persuna vulnerabbli skont il-liġi tal-Unjoni rilevanti għall-qasam politiku ta’ azzjoni appoġġat skont l-appoġġ tal-Unjoni;

(10)“Stat Membru benefiċjarju” tfisser Stat Membru benefiċjarju kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (19) tar-Regolament (UE) 2024/1351;

(11)“Stat Membru kontribwenti” tfisser Stat Membru kontribwenti kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (20) tar-Regolament (UE) 2024/1351;

(12)“kontribuzzjonijiet finanzjarji” tfisser kontribuzzjonijiet finanzjarji f’konformità mal-Artikolu 56, il-punt (b) tal-paragrafu 2 tar-Regolament (UE) 2024/1351.

Artikolu 3

Objettivi għall-appoġġ tal-Unjoni għall-ażil, il-migrazzjoni u l-integrazzjoni

1.Sabiex tiġi żgurata ġestjoni effiċjenti tal-flussi migratorji, l-appoġġ tal-Unjoni għandu jikkontribwixxi għal kull wieħed mill-objettivi li ġejjin:

(a)It-tisħiħ u l-iżvilupp tal-aspetti kollha tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil;

(b)it-tisħiħ tar-ritorn u r-riammissjoni effettivi, sikuri u dinjitużi, il-promozzjoni u l-kontribut għar-riintegrazzjoni effettiva f’pajjiżi terzi, u l-kontribut għall-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari permezz tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti u t-traffikar tal-bnedmin kif ukoll l-istrumentalizzazzjoni u l-użu tal-migrazzjoni irregolari bħala arma;

(c)it-tisħiħ u l-iżvilupp tal-migrazzjoni legali lejn l-Istati Membri f’konformità mal-ħtiġiet tagħhom, u l-promozzjoni u l-kontribuzzjoni għall-integrazzjoni effettiva u l-inklużjoni soċjali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi matul il-fażijiet bikrija tas-saldu;

(d)l-iżgurar tas-solidarjetà u l-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri, inkluż permezz ta’ metodi innovattivi ta’ kooperazzjoni prattika u teknoloġiji ġodda, u l-kontribut għal approċċ komprensiv għall-komponenti interni u esterni tal-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-ażil.

2.L-appoġġ tal-Unjoni għandu jiġi implimentat f’konformità mal-acquis rilevanti tal-Unjoni u b’rispett sħiħ tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri li jirriżultaw mill-istrumenti internazzjonali li għalihom huma parti.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prijoritajiet tal-Pjanijiet ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali tagħhom jinkludu azzjonijiet biex jinkiseb kull wieħed mill-objettivi tal-appoġġ tal-Unjoni skont dan ir-Regolament, u, li l-allokazzjoni tar-riżorsi bejn l-objettivi tkun proporzjonata għall-isfidi u l-ħtiġijiet identifikati.

Artikolu 4

Finanzjament

1.il-pakkett finanzjarju indikattiv għall-implimentazzjoni tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 għall-perjodu mill-2028 sal-2034 huwa stabbilit għal EUR 11 975 428 500 fi prezzijiet attwali. Dan għandu jiġi implimentat f’konformità mar-regoli orizzontali għall-Pjanijiet ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali stabbiliti fir-Regolament (UE) […] li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, l-agrikoltura u ż-żoni rurali, is-sajd u s-settur marittimu, il-prosperità u s-sigurtà.

2.Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-ammont għal kull Stat Membru billi tapplika l-metodoloġija tal-allokazzjoni stabbilita fit-Taqsima B, l-Anness I tar-Regolament (UE) […] li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, l-agrikoltura u ż-żoni rurali, is-sajd u s-settur marittimu, il-prosperità u s-sigurtà.

3.Barra minn hekk, l-approprjazzjonijiet baġitarji għall-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, implimentati permezz tal-Faċilità tal-UE skont it-Titolu IV tar-Regolament (UE) […] li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, għall-agrikoltura u rurali, għas-sajd u għas-settur marittimu, għall-prosperità u għas-sigurtà, għandhom jiġu stabbiliti fil-qafas tal-proċedura baġitarja annwali prevista fl-Artikolu 314 TFUE.

4.Għal miżuri li huma relatati mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, fejn il-Kummissjoni tikkonkludi li dawk il-miżuri jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) […] li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, l-agrikoltura u rurali, is-sajd u t-trasport marittimu, il-prosperità u s-sigurtà, u fejn il-Kummissjoni tipproponi deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill li tapprova l-Pjan ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali tal-Istat Membru kkonċernat f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) […] li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, l-agrikoltura u ż-żoni rurali, is-sajd u s-settur marittimu, il-prosperità u s-sigurtà, hija għandha tagħmel proposta għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni ta’ dawk il-miżuri.

5.Meta tagħmel proposta għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill dwar il-miżuri relatati mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, il-proposta tal-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-elementi msemmija fl-Artikolu 23(4) tar-Regolament (UE) […] li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, l-agrikoltura u rurali, is-sajd u t-trasport marittimu, il-prosperità u s-sigurtà, fir-rigward tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3.

6.Il-Kunsill għandu jadotta d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, bħala regola, fi żmien erba’ ġimgħat mill-adozzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni u flimkien mad-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) […] li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, l-agrikoltura u ż-żoni rurali, is-sajd u s-settur marittimu, il-prosperità u s-sigurtà.

7.L-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) […] li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, l-agrikoltura u ż-żoni rurali, tas-sajd u marittimi, il-prosperità u s-sigurtà dwar l-emendar tal-Pjanijiet għandu japplika, dment li l-proposta tal-Kummissjoni u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill li japprovaw l-emendi tal-elementi elenkati fl-Artikolu 23(4) ikopru biss l-objettivi msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Riżorsi għal risistemazzjoni u ammissjoni umanitarja

1.L-Istati Membri għandhom jirċievu, flimkien mal-allokazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 4(1) u (2) ta’ dan ir-Regolament, ammont ta’ EUR 10 000 għal kull persuna ammessa permezz ta’ risistemazzjoni fl-ambitu tal-Qafas tal-Unjoni għar-Risistemazzjoni u l-Ammissjoni Umanitarja stabbilit bir-Regolament (UE) 2024/1350.

2.L-Istati Membri għandhom jirċievu, flimkien mal-allokazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 4(1) u (2) skont dan ir-Regolament, ammont ta’ EUR 6 000 għal kull persuna ammessa permezz ta’ ammissjoni umanitarja fl-ambitu tal-Qafas tal-Unjoni għar-Risistemazzjoni u l-Ammissjoni Umanitarja stabbilit f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1350 jew ammessa taħt skema nazzjonali ta’ risistemazzjoni.

3.L-ammont imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jiżdied għall-ammont ta’ EUR 8 000 għal kull persuna ammessa permezz ta’ ammissjoni umanitarja jew ammessa taħt skema nazzjonali ta’ risistemazzjoni li tagħmel parti minn grupp vulnerabbli wieħed jew aktar li ġejjin:

(a)nisa u tfal f’riskju;

(b)minuri mhux akkumpanjati;

(c)persuni li għandhom ħtiġijiet mediċi li jistgħu jiġu indirizzati biss permezz ta’ ammissjoni umanitarja;

(d)persuni li jeħtieġu ammissjoni umanitarja minħabba ħtiġijiet ta’ protezzjoni legali jew fiżika, inkluż il-vittmi ta’ vjolenza jew ta’ tortura.

4.Fejn Stat Membru jammetti persuna li taqa’ taħt aktar minn waħda mill-kategoriji msemmija fil-paragrafi 2 u 3, huwa għandu jirċievi l-ammont darba biss fir-rigward ta’ dik il-persuna.

5.Fejn ikun adatt, l-Istati Membri jistgħu wkoll ikunu eliġibbli li jirċievu l-ammonti rispettivi għall-membri tal-familja tal-persuni msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 jekk dawk il-membri tal-familja jiġu ammessi bil-għan li tkun żgurata l-unità tal-familja.

6.L-ammonti msemmija fil-paragrafi 1, 2, 3 u 5 għandhom jiġu allokati mill-Faċilità tal-UE għall-Pjan ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali tal-Istat Membru skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) […] li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, għall-agrikoltura u rurali, għas-sajd u għas-settur marittimu, għall-prosperità u għas-sigurtà. Dawk l-ammonti jistgħu jiġu inklużi fl-applikazzjonijiet għal pagament lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 65 tar-Regolament (UE) […] li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, l-agrikoltura u rurali, is-sajd u s-settur marittimu, il-prosperità u s-sigurtà, dment li l-persuna li fir-rigward tagħha jiġi allokat l-ammont tkun ġiet effettivament risistemata jew ammessa.

7.Għal finijiet ta’ awditjar u kontroll, l-Istati Membri għandhom iżommu l-informazzjoni meħtieġa biex jippermettu l-identifikazzjoni xierqa tal-persuni risistemati jew ammessi u tad-data tar-risistemazzjoni jew l-ammissjoni tagħhom.

8.Sabiex jitqiesu r-rati ta’ inflazzjoni attwali, l-iżviluppi rilevanti fil-qasam tar-risistemazzjoni u l-ammissjoni umanitarja, u fatturi oħra li jistgħu jottimizzaw l-użu tal-inċentiv finanzjarju miġjub mill-ammonti msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati biex taġġusta dawk l-ammonti, jekk jitqies xieraq, u fil-limiti tar-riżorsi disponibbli.

Artikolu 6

Riżorsi għat-trasferiment ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali jew ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali

1.Minbarra l-allokazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 4(1) u (2) ta’ dan ir-Regolament, Stat Membru għandu jirċievi ammont addizzjonali ta’:

(a)EUR 10 000 għal kull applikant għal protezzjoni internazzjonali li għalih dak l-Istat Membru jsir responsabbli b’riżultat ta’ rilokazzjoni f’konformità mal-Artikoli 67 u 68 tar-Regolament (UE) 2024/1351;

(b)EUR 10 000 għal kull benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali rilokat lejn dak l-Istat Membru f’konformità mal-Artikoli 67 u 68 tar-Regolament (UE) 2024/1351.

2.L-ammonti msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu għandhom jiżdiedu għal ammont ta’ EUR 12 000 għal kull applikant għal protezzjoni internazzjonali jew benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali, rispettivament, li huwa minorenni mhux akkumpanjat rilokat lejn dak l-Istat Membru f’konformità mal-Artikoli 67 u 68 tar-Regolament (UE) 2024/1351.

3.L-Istat Membru li jkopri l-kost tat-trasferimenti msemmija fil-paragrafu 1 għandu jirċievi ammont ta’ EUR 500 għal kull applikant għal protezzjoni internazzjonali jew benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali trasferit lejn Stat Membru ieħor.

4.L-Istat Membru li jkopri l-kostijiet tat-trasferimenti msemmija fil-punt (a), (b) jew (c) tal-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) 2024/1351, u mwettqa f’konformità mal-Artikolu 46 ta’ dak ir-Regolament, għandu jirċievi ammont ta’ EUR 500 għal kull applikant għal protezzjoni internazzjonali ttrasferit lejn Stat Membru ieħor.

5.L-ammonti msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu allokati mill-Faċilità tal-UE għall-Pjan ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali tal-Istat Membru skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) […] li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, l-agrikoltura u ż-żoni rurali, tas-sajd u marittimi, il-prosperità u s-sigurtà, dment li l-persuna li fir-rigward tagħha jiġi allokat l-ammont tkun ġiet effettivament trasferita lejn dak l-Istat Membru jew tkun ġiet irreġistrata bħala applikant fl-Istat Membru responsabbli f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1351, kif applikabbli.

6.Għal finijiet ta’ awditjar u kontroll, l-Istati Membri għandhom iżommu l-informazzjoni meħtieġa biex jippermettu l-identifikazzjoni xierqa tal-persuni trasferiti u tad-data tat-trasferiment tagħhom.

7.Sabiex jitqiesu r-rati ta’ inflazzjoni attwali, l-iżviluppi rilevanti fil-qasam tar-rilokazzjoni u fatturi oħra li jistgħu jottimizzaw l-użu tal-inċentiv finanzjarju miġjub mill-ammonti msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati biex taġġusta dawk l-ammonti, jekk jitqies xieraq, u fil-limiti tar-riżorsi disponibbli.

Artikolu 7

Pajjiżi terzi assoċjati mal-appoġġ tal-Unjoni

1.L-appoġġ tal-Unjoni skont dan ir-Regolament għandu jkun miftuħ għal pajjiżi terzi li jissodisfaw il-kriterji elenkati fil-paragrafu 2, f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fi ftehim speċifiku li jkopri l-parteċipazzjoni tal-pajjiż terz fl-appoġġ tal-Unjoni.

2.Sabiex pajjiż terz ikun eliġibbli biex ikun assoċjat mal-appoġġ tal-Unjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1, huwa għandu jkun ikkonkluda mal-Unjoni ftehim dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi stabbilit l-Istat responsabbli biex jeżamina talba għall-ażil iddepożitata fi Stat Membru jew iddepożitata f’dak il-pajjiż terz.

3.Il-ftehim speċifiku msemmi fil-paragrafu 1 għandu mill-inqas:

(a)jiffaċilita l-kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni fil-qasam tal-ażil, il-migrazzjoni u r-ritorn fl-ispirtu tal-prinċipju tas-solidarjetà u l-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà;

(b)ikun mirfud, għat-tul tal-appoġġ tal-Unjoni, mill-prinċipji tan-non-refoulement, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

(c)jiżgura bilanċ ġust fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet magħmula mill-pajjiż terz li jkun qed jipparteċipa fl-appoġġ tal-Unjoni u tal-benefiċċji li dan jirċievi;

(d)jistipula l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fl-appoġġ tal-Unjoni, inkluż il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-appoġġ tal-Unjoni, u l-kostijiet amministrattivi tiegħu;

(e)ma jagħti lill-pajjiż terz ebda setgħa ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tal-appoġġ tal-Unjoni;

(f)jiggarantixxi d-drittijiet tal-Unjoni li tiżgura ġestjoni finanzjarja tajba u li tħares l-interessi finanzjarji tagħha;

(g)jipprevedi li l-pajjiż terz jagħti d-drittijiet u l-aċċess meħtieġa lill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli, lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri f’konformità mal-Artikolu 28(2), il-punt (d) tar-Regolament (UE) […] li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, għall-agrikoltura u rurali, għas-sajd u għas-settur marittimu, għall-prosperità u għas-sigurtà.

Il-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat f’konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE, Euratom 2024/2509).

Artikolu 8

Network Ewropew dwar il-Migrazzjoni

L-appoġġ tal-Unjoni għandu jiġi pprovdut għall-attivitajiet tan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni u l-iżvilupp futur.

L-ammont li għandu jsir disponibbli, soġġett għad-disponibbiltà tal-finanzjament, għan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni taħt l-approprjazzjonijiet annwali tal-Faċilità tal-UE u l-programm ta’ ħidma li jistabbilixxi l-prijoritajiet għall-attivitajiet tiegħu għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni wara l-approvazzjoni mill-Bord ta’ Tmexxija f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 4(5) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament f’konformità mal-Artikolu 31(1) tar-Regolament (UE) […] li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, għall-agrikoltura u rurali, għas-sajd u għas-settur marittimu, għall-prosperità u għas-sigurtà.

L-assistenza finanzjarja pprovduta għall-attivitajiet tan-Network Ewropew dwar il-Migrazzjoni għandha tieħu l-forma ta’ għotjiet lill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali msemmija fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2008/381/KE jew akkwisti, kif xieraq, f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Artikolu 9

Kontribuzzjonijiet finanzjarji għar-Riżerva Annwali ta’ Solidarjetà

Il-Kummissjoni għandha tikkalkula u tagħmel disponibbli għal kull Stat Membru benefiċjarju s-sehem rispettiv tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji ttrasferiti mill-Istati Membri kontribwenti f’konformità mal-Artikolu 64(1) tar-Regolament UE 2024/1351 għall-fini tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 56(2)(b) tar-Regolament (UE) 2024/1351.

Artikolu 10

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa t-tkomplija jew il-modifika tal-azzjonijiet mibdija skont ir-Regolament (UE) Nru 2021/1147, li għandhom ikomplu japplikaw għall-azzjonijiet ikkonċernati sal-għeluq tagħhom.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-[għoxrin] jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) […] li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, l-agrikoltura u ż-żoni rurali, is-sajd u s-settur marittimu, il-prosperità u s-sigurtà għall-perjodu 2028-2034.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    COM (2025) 101 finali. Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi sistema komuni għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fl-Unjoni, u li jħassar id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva tal-Kunsill 2001/40/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/191/KE.
(2)    Ir-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1147 u (UE) 2021/1060 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 604/2013.
(3)    2008/381/KE: Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2008 li tistabbilixxi Network Ewropew dwar il-Migrazzjoni.
(4)    ĠU C […], […], p. […].
(5)    Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ […] u l-pożizzjoni tal-Kunsill ta’ […].
(6)    Id-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Mejju 2007 li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perijodu mill-2008 sal-2013 bħala parti mill-programm ġenerali “solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni” u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/904/KE (ĠU L 144, 6.6.2007, p. 1, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dec/2007/573/oj ).
(7)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE tal-25 ta’ Ġunju 2007 li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-perjodu mill-2007 sal-2013 bħala parti mill-Programm Ġenerali “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni” (ĠU L 168, 28.6.2007, p. 18, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dec/2007/435/oj ).
(8)    Id-Deċiżjoni Nru 575/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Mejju 2007, li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għar-Ritorn għall-perijodu mill-2008 sal-2013 bħala parti mill-programm ġenerali “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni” (ĠU L 144, 6.6.2007, p. 45, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dec/2007/575/oj ).
(9)    Ir-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, li jemenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE u Nru 575/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 168, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2014/516/oj ).
(10)    Ir-Regolament (UE) 2021/1147 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (ĠU 251, 15.7.2021, p. 1-47, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1147/oj ).
(11)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-ġlieda kontra t-theddid ibridu mill-użu tal-migrazzjoni bħala arma u t-tisħiħ tas-sigurtà fil-fruntieri esterni tal-UE (COM(2024) 570 final tal-11.12.2024).
(12)    Ir-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1147, u (UE) 2021/1060 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 604/2013, ĠU L, 2024/1351, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1351/oj ).
(13)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn, (ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12-23, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dir/2001/55/oj ).
(14)    Ir-Regolament (UE) 2024/1350 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jistabbilixxi Qafas tal-Unjoni għar-Risistemazzjoni u l-Ammissjoni Umanitarja, u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1147, (ĠU L, 2024/1350, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1350/oj , ELI:  http://data.europa.eu/eli/dec/2008/381/oj ).
(15)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE tal-14 ta’ Mejju 2008 li tistabbilixxi Network Ewropew dwar il-Migrazzjoni (ĠU L 131, 21.5.2008, p. 7, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dec/2008/381/oj ).
(16)    Ir-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1147, u (UE) 2021/1060 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 604/2013, ĠU L, 2024/1351, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1351/oj ).
(17)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn.
Top