Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52025PC0470

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali tal-2022 dwar il-Kafè

COM/2025/470 final

Brussell, 9.9.2025

COM(2025) 470 final

2025/0267(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali tal-2022 dwar il-Kafè


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna l-konklużjoni tal-Ftehim Internazzjonali tal-2022 dwar il-Kafè.

Il-Ftehim Internazzjonali tal-2022 dwar il-Kafè (ICA jew “il-Ftehim”) għandu l-għan li jsaħħaħ is-settur dinji tal-kafè u jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli tiegħu fuq livell ekonomiku, soċjali u ambjentali.

L-Unjoni Ewropea hija parti mill-Ftehim Internazzjonali dwar il-Kafè tal-2007 1 u Membru tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kafè.

Fis-27 ta’ Marzu 2025, il-Kunsill Internazzjonali tal-Kafè, skont l-Artikolu 48(3) tal-Ftehim Internazzjonali dwar il-Kafè tal-2007, approva l-estensjoni tal-ICA 2007 sal-1 ta’ Frar 2028 u ddikjara wkoll li l-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ hekk malli jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għad-dħul fis-seħħ proviżorju jew definittiv tiegħu, u b’hekk jintemm il-perjodu tal-estensjoni tal-ICA 2007 2 . Il-Kummissjoni ġiet awtorizzata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2020/1638 3 biex tivvota favur l-estensjonijiet tal-ICA għal perjodi li ma jaqbżux total ta’ 8 snin lil hinn mid-data tal-iskadenza oriġinali tal-ICA jew sad-dħul fis-seħħ proviżorju jew definittiv ta’ ftehim ġdid, skont liema jiġi l-ewwel.

Rieżami parzjali biex jiġi riformat l-ICA 2007 kien meħtieġ u kien ċar li huwa fl-interess tal-Unjoni li tkompli tallinjah mal-prattiki li l-Unjoni tippromwovi f’bordijiet internazzjonali oħra tal-komoditajiet, u li jitqiesu l-iżviluppi fis-suq globali tal-kafè mill-2007. Il-Ftehim il-ġdid tal-2022 jaġġorna l-bilanċ tas-sistemi tal-votazzjoni u tal-kontribuzzjonijiet u jindirizza l-integrazzjoni tas-settur privat u tas-soċjetà ċivili fil-ħidma tal-ICO. Il-Ftehim il-ġdid iqis l-objettivi tas-simplifikazzjoni u tar-razzjonalizzazzjoni filwaqt li jżomm in-natura intergovernattiva tal-ICO. Fil-133 sessjoni tiegħu tad-9 ta’ Ġunju 2022, il-Kunsill Internazzjonali tal-Kafè adotta t-test tal-Ftehim il-ġdid tal-2022 li jissostitwixxi l-Ftehim Internazzjonali dwar il-Kafè 2007.

Il-Kummissjoni nnegozjat l-emendi li wasslu għall-Ftehim Internazzjonali dwar il-Kafè l-ġdid f’isem l-Unjoni 4 .

Fid-dawl tad-diskussjonijiet u l-kontenut tal-istrument il-ġdid, il-Kummissjoni, wara li diġà ppreżentat il-Ftehim Internazzjonali tal-2022 dwar il-Kafè lill-Kunsill għall-iffirmar 5 , tqis li l-Ftehim għandu jiġi konkluż u l-istrument tal-konklużjoni għandu jiġi ddepożitat, skont l-Artikolu 44(3) tal-Ftehim Internazzjonali tal-2022 dwar il-Kafè, għand il-Kwartieri Ġenerali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kafè f’Londra, magħżula bħala id-Depożitarju mir-Riżoluzzjoni 477 tal-Kunsill Internazzjonali dwar il-Kafè tad-9 ta’ Ġunju 2022.

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat

Il-Ftehim ġie nnegozjat f’konformità mad-direttivi komprensivi ta’ negozjar adottati mill-Kunsill fit-28 ta’ April 2021 dwar ir-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati biex jiġi emendat il-Ftehim Internazzjonali dwar il-Kafè bejn l-Unjoni Ewropea u l-Membri l-oħra tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kafè.

Il-Ftehim emendat huwa wkoll kompletament konformi mal-Patt Ekoloġiku Ewropew 6 .

•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-Ftehim huwa konformi bis-sħiħ mal-Istrateġija tal-Global Gateway 7 . Tabilħaqq il-Global Gateway tirrappreżenta konnessjonijiet sostenibbli u fdati li jaħdmu għan-nies u għall-pjaneta. Hija tgħin biex tindirizza l-aktar sfidi globali urġenti, mill-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, għat-titjib tas-sistemi tas-saħħa, u t-tisħiħ tal-kompetittività u s-sigurtà tal-ktajjen tal-provvista globali.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi legali

Il-bażi legali proposta hija l-Artikolu 207(3) u l-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Mhux Applikabbli

•Proporzjonalità

Il-konklużjoni ta’ dan il-Ftehim ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet tiegħu.

•Għażla tal-istrument

Din il-proposta hija konformi mal-Artikolu 218(6) tat-TFUE, li jipprevedi l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ deċiżjonijiet marbuta mal-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux Applikabbli

•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Mhux Applikabbli

•Ġbir u użu tal-għarfien espert

Mhux Applikabbli

•Valutazzjoni tal-impatt

Mhux Applikabbli

•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux Applikabbli

•Drittijiet fundamentali

Mhux Applikabbli

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-kontribuzzjoni tal-UE għall-baġit amministrattiv tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kafè għal kull sena finanzjarja se titħallas mill-istrument NDICI-Ewropa Globali.

5.ELEMENTI OĦRA

•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Mhux Applikabbli

•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Mhux Applikabbli

2025/0267 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali tal-2022 dwar il-Kafè

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(3) u (4), flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew 8 ,

Billi:

(1)F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) xxxx/x 9 , il-Ftehim ġie ffirmat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(2)Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi approvat f’isem l-Unjoni Ewropea.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim Internazzjonali tal-2022 dwar il-Kafè (“il-Ftehim”) huwa b’dan approvat f'isem l-Unjoni Ewropea 10 .

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[...]

(1)    2008/579/KE: Id-Deċiżjoni tal-Kunsill, tas-16 ta’ Ġunju 2008, dwar l-iffirmar u l-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali dwar il-Kafè 2007 ĠU L 186, 15.7.2008, p. 12.
(2)     https://ico.org/documents/cy2024-25/icc-res-486e-resolution-extension-ica-2007.pdf .    
(3)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1638 tal-5 ta’ Novembru 2020 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill Internazzjonali tal-Kafè ĠU L 371, 6.11.2020, p. 1.    
(4)    COM(2021) 374 final u CM 4170/21.    
(5)    ĠU C […], […], p. […].    
(6)     https://commission.europa.eu/strategy-and-policy/priorities-2019-2024/european-green-deal_mt .    
(7)     https://commission.europa.eu/strategy-and-policy/priorities-2019-2024/stronger-europe-world/global-gateway_mt .    
(8)    ĠU C [...], [...], p. [...].
(9)    ĠU C […], […], p. […].
(10)    It-test tal-Ftehim huwa ppubblikat fil-ĠU L, XXXXX.    
Top

Brussell, 9.9.2025

COM(2025) 470 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni

dwar il-konklużjoni mill-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali tal-Kafè 2022











E

 

Kopja tat-test awtentikat

   FTEHIM

   INTERNAZZJONALI

   DWAR IL-KAFÈ 2022

   

   Ġunju 2022

   Londra, ir-Renju Unit

Permezz tar-Riżoluzzjoni 476,fid-9 ta’ Ġunju 2022 il-Kunsill Internazzjonali tal-Kafè approva t-test tal-Ftehim Internazzjonali dwar il-Kafè tal-2022, li jinsab fid-dokument ICC-133-7. Bl-istess Riżoluzzjoni, il-Kunsill talab li d-Direttur Eżekuttiv iħejji t-test definittiv tal-Ftehim, u li tawtentika dan it-test biex jintbagħat lid-Depożitarju. Fid-9 ta’ Ġunju 2022, il-Kunsill approva r-Riżoluzzjoni 477, li taħtar l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kafè bħala d-Depożitarju tal-Ftehim Internazzjonali dwar il-Kafè tal-2022.

Dan id-dokument fih kopja tat-test tal-Ftehim Internazzjonali dwar il-Kafè tal-2022 li ġie ddepożitat għand l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kafè għall-iffirmar skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44 tiegħu.

222 Gray’s Inn Road

London WC1X 8HB, United Kingdom

WERREJ

Artikolu    Paġna

       Preambolu    1

KAPITOLU I – OBJETTIVI

   1    Objettivi    3

KAPITOLU II – DEFINIZZJONIJIET

   2    Definizzjonijiet    5

KAPITOLU III – IMPENJI ĠENERALI MILL-MEMBRI

   3    Impenji ġenerali mill-Membri    8

KAPITOLU IV – SĦUBIJA U AFFILJAZZJONI

   4    Sħubija fl-Organizzazzjoni    9

   5    Sħubija fi grupp    9

6    Affiljazzjoni    9

KAPITOLU V – L-ORGANIZZAZZJONI INTERNAZZJONALI TAL-KAFÈ

   7    Is-sede u l-istruttura tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kafè    11

   8    Privileġġi u immunitajiet    11

KAPITOLU VI – IL-KUNSILL INTERNAZZJONALI TAL-KAFÈ

   9    Il-Kompożizzjoni tal-Kunsill Internazzjonali tal-Kafè    13

   10    Il-poteri u l-funzjonijiet tal-Kunsill    13

   11    Il-President u l-Viċi President tal-Kunsill    14

   12    Sessjonijiet tal-Kunsill    14

   13    Voti    15

   14    Il-proċedura tal-votazzjoni tal-Kunsill    16

   15    Deċiżjonijiet tal-Kunsill    16

   16    Kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet oħra    18

   17    Kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi    18

KAPITOLU VII – ID-DIRETTUR EŻEKUTTIV U L-PERSUNAL

   18    Id-Direttur Eżekuttiv u l-persunal    19


KAPITOLU VIII – FINANZI U AMMINISTRAZZJONI

   19    Il-Kumitat tal-Finanzi u tal-Amministrazzjoni    20

   20    Finanzi    20

   21    Determinazzjoni tal-Baġit Amministrattiv u valutazzjoni tal-kontribuzzjonijiet    20

   22    Ħlas tal-kontribuzzjonijiet    22

   23    Obbligazzjonijiet    22

   24    Awditu u pubblikazzjoni tal-kontijiet    23

KAPITOLU IX — EKONOMIJA

   25    Il-Kumitat tal-Ekonomija    24

   26    It-tneħħija tal-ostakoli għall-kummerċ u l-konsum    24

   27    Il-promozzjoni u l-iżvilupp tas-suq    25

   28    Miżuri relatati mal-kafè pproċessat    26

   29    Taħlitiet u sostituti    26

   30    Informazzjoni statistika    26

   31    Ċertifikati tal-Oriġini    27

   32    Studji, stħarriġ u rapporti    28

KAPITOLU X – ATTIVITAJIET TA’ PROĠETT TAL-ORGANIZZAZZJONI

   33    L-iżvilupp u finanzjament tal-proġetti    30

KAPITOLU XI – IS-SETTUR TAL-KAFÈ PRIVAT

   34    Il-Bord ta’ Membri Affiljati    31

   35    Il-Grupp ta’ Ħidma Pubbliku-Privat tal-Kafè – (CPPWP - Coffee Public-Private Working Party)    32

   36    Involviment, integrazzjoni u inklużività    33

   37    Il-Konferenza Dinjija dwar il-Kafè    34

   38    Il-Finanzjament tas-Settur tal-Kafè    34

KAPITOLU XII – DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

   39    Tħejjijiet għal Ftehim ġdid    35

KAPITOLU XIII – ŻVILUPP SOSTENIBBLI

   40    Settur tal-kafè sostenibbli    36

   41    Standard tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol    36

KAPITOLU XIV – KONSULTAZZJONIJIET, TILWIM U LMENTI

   42    Konsultazzjonijiet    37

   43    Tilwim u lmenti    37

KAPITOLU XV – DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

   44    Firma u ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni    38

   45    Applikazzjoni proviżorja    38

   46    Dħul fis-seħħ    38

   47    Adeżjoni    39

   48    Riżervi    40

   49    Irtirar volontarju    40

   50    Esklużjoni    40

   51    Saldu tal-kontijiet ma’ Membri li jirtiraw jew esklużi    40

   52    Durata u terminazzjoni    41

   53    Emenda    41

   54    Dispożizzjoni supplementarja u tranżitorja    42

   55    Testi awtentiċi tal-Ftehim    43

FTEHIM INTERNAZZJONALI TAL-KAFÈ TAL-2022

Preambolu

   Il-Gvernijiet li huma Parti minn dan il-Ftehim,

   Filwaqt li jirrikonoxxu l-importanza eċċezzjonali tal-kafè għall-ekonomiji ta’ ħafna pajjiżi li huma fil-biċċa l-kbira dipendenti fuq il-kafè għall-qligħ mill-esportazzjoni tagħhom u għall-kisba tal-miri tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku tagħhom u ta’ ħafna pajjiżi fejn l-importazzjonijiet tal-kafè għandhom rwol ewlieni;

   Filwaqt li jagħrfu l-importanza tas-settur tal-kafè għall-għajxien ta’ miljuni ta’ nies, b’mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u filwaqt li jiftakru li f’bosta minn dawn il-pajjiżi l-produzzjoni ġejja minn irziezet tal-familji fuq skala żgħira;

Filwaqt li jikkunsidraw il-ħtieġa għal kollaborazzjoni fost il-membri tal-katina tal-valur biex jaħdmu flimkien biex joħolqu l-kundizzjonijiet strutturali li mhux biss jippermettu lill-bdiewa tal-kafè jiksbu prosperità reali u jtejbu l-għajxien tagħhom kontinwament, iżda jiżguraw ukoll il-futur għall-ġenerazzjonijiet li jmiss ta’ kultivaturi tal-kafè kif ukoll għall-industrija globali tal-kafè;

   Filwaqt li jirrikonoxxu l-kontribut ta’ settur sostenibbli tal-kafè għall-kisba tal-għanijiet ta’ żvilupp maqbula internazzjonalment, inkluż l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs - Sustainable Development Goals) rilevanti;

   Filwaqt li jirrikonoxxu l-ħtieġa li jitrawwem l-iżvilupp sostenibbli tas-settur tal-kafè, li jwassal għal titjib fl-impjiegi u fl-introjtu, u standards tal-għajxien u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar fil-pajjiżi Membri;

   Filwaqt li jqisu li l-kooperazzjoni internazzjonali mill-qrib dwar kwistjonijiet tal-kafè, inkluż il-kummerċ internazzjonali tista’ tinkoraġġixxi: settur tal-kafè globali ekonomikament diversifikat; l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi li jipproduċuh; l-iżvilupp tal-produzzjoni u tal-konsum tal-kafè; u relazzjonijiet imtejba bejn il-pajjiżi li jesportaw il-kafè u dawk li jimportawh;

   Filwaqt li jikkunsidraw li l-kollaborazzjoni bejn il-Membri, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, is-Settur Privat u l-partijiet ikkonċernati l-oħra kollha tista’ tikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-settur tal-kafè;

   Filwaqt li jirrikonoxxu li ż-żieda fl-aċċess għal informazzjoni relatata mal-kafè u strateġiji ta’ ġestjoni tar-riskju bbażati fuq is-suq, li għalihom it-trasparenza tas-suq fil-katina tal-provvista u l-mitigazzjoni tal-volatilità tal-prezzijiet huma essenzjali, kif ukoll l-iffaċilitar tal-adozzjoni ta’ regolamenti xierqa, jistgħu jgħinu biex tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni tas-suq li tista’ tkun ta’ ħsara kemm għall-produtturi kif ukoll għall-konsumaturi; u

Filwaqt li jinnotaw il-vantaġġi miksuba mill-kooperazzjoni internazzjonali li rriżultat mill-operat tal-Ftehimiet Internazzjonali dwar il-Kafè tal-1962, l-1968, l-1976, l-1983, l-1994, l-2001 u l-2007,

   Qablu kif ġej:

KAPITOLU 1 – OBJETTIVI

Artikolu 1

Objettivi

L-objettiv ta’ dan il-Ftehim huwa li jsaħħaħ is-settur globali tal-kafè u jippromwovi l-iżvilupp ekonomikament, soċjalment u ambjentalment sostenibbli tiegħu f’ambjent ibbażat fuq is-suq għat-titjib tal-parteċipanti kollha fis-settur, billi:

(1)    Jippromwovi l-kooperazzjoni internazzjonali dwar kwistjonijiet tal-kafè għall-iżvilupp taż-żoni kollha tat-tkabbir tal-kafè u t-tnaqqis tad-distakki soċjali, ekonomiċi u teknoloġiċi fost il-pajjiżi, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tal-Membri;

(2)Jiffaċilita l-involviment fil-livelli nazzjonali, reġjonali u globali dwar kwistjonijiet tal-kafè mill-Membri u mill-partijiet ikkonċernati fil-katina tal-valur tal-kafè;

(3)Jinkoraġġixxi lill-Membri biex jiżviluppaw settur sostenibbli tal-kafè f’termini ekonomiċi, soċjali u ambjentali;

(4)    Jipprovdi forum għall-konsultazzjonijiet biex jinstab fehim tal-kundizzjonijiet strutturali fis-swieq internazzjonali u x-xejriet fit-tul fil-produzzjoni u l-konsum li jibbilanċjaw il-provvista u d-domanda, kif ukoll biex jirregola b’mod adegwat is-swieq spot, fiżiċi u finanzjarji għall-kafè sabiex jiġu indirizzati l-volatilità u l-ispekulazzjoni eċċessiva li jistgħu jgħawġu l-prezzijiet, b’effetti negattivi kemm fuq il-produtturi kif ukoll fuq il-konsumaturi;

(5)    Jiffaċilita l-espansjoni u t-trasparenza tal-kummerċ internazzjonali fit-tipi u l-forom kollha tal-kafè, u l-promozzjoni tal-eliminazzjoni tal-ostakoli għall-kummerċ;

(6)    Jiġbor, ixerred u jippubblika informazzjoni ekonomika, teknika u xjentifika, statistika u studji kif ukoll ir-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp fi kwistjonijiet tal-kafè;

(7)    Jippromwovi l-iżvilupp tal-konsum u s-swieq għat-tipi u l-forom kollha tal-kafè, inkluż fil-pajjiżi li jipproduċu l-kafè u s-swieq emerġenti;

(8)    Jiżviluppa proġetti, jappoġġa l-ġestjoni ta’ riżorsi finanzjarji għal inizjattivi u, fejn possibbli u xieraq, jimmaniġġja l-implimentazzjoni ta’ proġetti li jkunu ta’ benefiċċju għall-Membri u l-ekonomija dinjija tal-kafè;

(9)    Jippromwovi l-kwalità tal-kafè bl-għan li jitjiebu s-sodisfazzjon tal-konsumatur u l-benefiċċji għall-produtturi;

(10)Jinkoraġġixxi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ proċeduri xierqa ta’ sikurezza tal-ikel fis-settur tal-kafè fil-pajjiżi Membri;

(11)    Jippromwovi programmi ta’ taħriġ u informazzjoni mfassla biex jassistu t-trasferiment ta’ prattiki innovattivi u teknoloġija rilevanti għall-kafè lill-Membri;

(12)    Iħeġġeġ u jappoġġa lill-Membri biex jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji biex tiżdied ir-reżiljenza tal-komunitajiet lokali u tal-bdiewa tal-kafè, b’mod partikolari l-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-produzzjoni u l-kummerċ tal-kafè, li jistgħu jikkontribwixxu għall-qerda tal-faqar permezz ta’ introjtu għall-għajxien għall-familji;

(13)Jiffaċilita d-disponibbiltà tal-informazzjoni, b’mod partikolari, dwar għodod u servizzi finanzjarji li jistgħu jgħinu lill-produtturi tal-kafè fil-pajjiżi Membri jaċċessaw strumenti ta’ kreditu u ta’ ġestjoni tar-riskju, li jippermettu aktar inklużività finanzjarja u ġestjoni tar-riskju, filwaqt li jitqies ukoll it-tibdil fil-klima; 

(14)Jindirizza, fejn xieraq permezz tar-riċerka, l-isfidi li qed jiffaċċja s-settur globali tal-kafè inkluż iżda mhux limitat għall-volatilità tal-prezzijiet, il-kostijiet għoljin tal-produzzjoni, il-pesti u l-mard, it-tibdil fil-klima u t-traċċabbiltà tal-kafè; u

(15)Jippromwovi soluzzjonijiet ibbażati fuq is-suq li jippermettu lill-produtturi jiġġeneraw żieda akbar fil-valur.



KAPITOLU II – DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 2

Definizzjonijiet

   Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

(1)    Kafè tfisser il-kafeni u ċ-ċirasa tas-siġra tal-kafè, kemm jekk tal-parċmina, ħodor jew inkaljati, u tinkludi kafè mitħun, dekafeinat, likwidu, solubbli u mħallat minn qabel. Il-Kunsill għandu, kemm jista’ jkun malajr wara li dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ, u għal darb’oħra f’intervalli ta’ tliet snin, jirrevedi l-fatturi ta’ konverżjoni għat-tipi ta’ kafè elenkati fis-subparagrafi (d), (e), (f), (g) u (h) hawn taħt. Wara dawn ir-reviżjonijiet, il-Kunsill għandu jiddetermina u jippubblika fatturi xierqa ta’ konverżjoni. Qabel ir-reviżjoni inizjali, u jekk il-Kunsill ma jkunx jista’ jasal għal deċiżjoni dwar din il-kwistjoni, il-fatturi tal-konverżjoni għandhom ikunu dawk użati fil-Ftehim Internazzjonali dwar il-Kafè tal-2007, li huma elenkati fl-Anness ta’ dan il-Ftehim. Soġġetti għal dawn id-dispożizzjonijiet, it-termini elenkati hawn taħt għandu jkollhom it-tifsira li ġejja:

   (a)    Kafè aħdar tfisser il-kafè kollu mhux maħdum, mhux inkaljat, fil-forma ta’ kafena;

(b)    Ċirasa tal-kafè mnixxfa tfisser il-frott imnixxef tas-siġra tal-kafè; biex issib l-ekwivalenti ta’ ċirasa tal-kafè mnixxfa għall-kafè aħdar, immultiplika l-piż nett taċ-ċirasa tal-kafè mnixxfa b’0,50;

(c)    Kafè tal-parċmina tfisser iż-żerriegħa ħadra li tinsab fil-qoxra tal-parċmina; biex issib l-ekwivalenti tal-kafè tal-parċmina għall-kafè aħdar, immultiplika l-piż nett tal-kafè tal-parċmina b’0,80;

(d)    Kafè inkaljat tfisser kafè aħdar inkaljat għal kwalunkwe grad u jinkludi l-kafè mitħun;

(e)    Kafè dekafeinat tfisser kafè aħdar, inkaljat jew solubbli li minnu tkun ġiet estratta l-kafeina;

(f)    Kafè likwidu tfisser is-solidi solubbli fl-ilma derivati mill-kafè inkaljat u magħmula f’forma likwida; 

(g)    Kafè solubbli tfisser is-solidi solubbli fl-ilma mnixxfa derivati mill-kafè inkaljat; u

(h)    Kafè mħallat minn qabel tfisser taħlitiet ta’ kafè solubbli jew kafè inkaljat u mitħun ma’ ingredjenti oħra tal-ikel, normalment iz-zokkor u/jew is-sostituti tal-ħalib, u possibbilment xi ingredjenti oħra.

(2)    Borża tfisser 60 kilogramma jew 132,276 libra ta’ kafè aħdar; tunnellata tfisser massa ta’ 1 000 kilogramma jew 2 204,6 libra; u libra tfisser 453,597 gramma.

(3)    Sena tal-kafè tfisser il-perjodu tas-sena, mill-1 ta’ Ottubru sat-30 ta’ Settembru.

(4)    Organizzazzjoni u Kunsill ifissru, rispettivament, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kafè u l-Kunsill Internazzjonali tal-Kafè.

(5)    Parti Kontraenti tfisser Gvern, l-Unjoni Ewropea jew kwalunkwe organizzazzjoni intergovernattiva msemmija fil-paragrafu (3) tal-Artikolu 4 li tkun iddepożitat strument ta’ ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew notifika ta’ applikazzjoni proviżorja ta’ dan il-Ftehim f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 44, 45 u 46 jew li tkun aderixxiet miegħu f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47.

(6)    Membru tfisser Parti Kontraenti.

(7)    Membru Esportatur jew pajjiż esportatur tfisser Membru jew pajjiż, rispettivament, li huwa esportatur nett tal-kafè; jiġifieri Membru jew pajjiż li l-esportazzjoni tiegħu teċċedi l-importazzjoni tiegħu.

(8)    Membru Importatur jew pajjiż importatur tfisser Membru jew pajjiż, rispettivament, li huwa importatur nett tal-kafè; jiġifieri Membru jew pajjiż li l-importazzjoni tiegħu teċċedi l-esportazzjoni tiegħu.

(9)    Vot ta’ maġġoranza mifruxa tfisser vot li jeħtieġ 70 fil-mija jew aktar tal-voti tal-Membri esportaturi preżenti u li jivvutaw u 70 fil-mija jew aktar tal-voti tal-Membri importaturi preżenti u li jivvutaw, magħduda separatament.

(10)    Depożitarju tfisser l-organizzazzjoni intergovernattiva jew Parti Kontraenti għall-Ftehim Internazzjonali tal-Kafè tal-2007 maħtura bid-deċiżjoni tal-Kunsill skont il-Ftehim Internazzjonali tal-Kafè tal-2007, li għandha tittieħed b’kunsens ġenerali qabel is-6 ta’ Ottubru 2022. Din id-deċiżjoni għandha tifforma parti integrali minn dan il-Ftehim.

(11)    Settur Privat tfisser is-segment tal-ekonomija li huwa proprjetà ta’, ikkontrollat, u ġestit minn individwi privati jew intrapriżi, jew intrapriżi tal-istat li l-attivitajiet ewlenin tagħhom huma fis-settur tal-kafè jew relatati miegħu u li joperaw b’mod simili bħala parti minn sistema bbażata fuq is-suq miftuħ, inkluż iżda mhux limitat għal:

(a)    Bdiewa, organizzazzjonijiet tal-bdiewa u kooperattivi, u produtturi oħra;

(b)    Intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (MSMEs, Micro-, small- and medium-sized enterprises);

(c)    Intrapriżi soċjali;

(d)    Kumpaniji nazzjonali u multinazzjonali kbar;

(e)    Istituzzjonijiet finanzjarji; u

(f)    Assoċjazzjonijiet industrijali u korpi kummerċjali.

(12)    Soċjetà Ċivili tfisser il-firxa wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi u mingħajr skop ta’ qligħ li għandhom preżenza fil-ħajja pubblika, jesprimu l-interessi u l-valuri tal-membri tagħhom u oħrajn, abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet etiċi, kulturali, politiċi, xjentifiċi, akkademiċi jew filantropiċi.

(13)    Membru Affiljat tfisser entità tas-Settur Privat jew tas-Soċjetà Ċivili relatata jew involuta fil-ħidma tal-Organizzazzjoni.

(14)    Il-Forum tal-Uffiċjali Kap Eżekuttivi u tal-Mexxejja Globali (CGLF - CEO and Global Leaders Forum) huwa forum ta’ eżekuttivi għolja tal-entitajiet tas-Settur Privat li huma firmatarji tad-Dikjarazzjoni ta’ Londra tal-2019 dwar “il-livelli tal-prezzijiet, il-volatilità tal-prezzijiet u s-sostenibbiltà fit-tul tas-settur tal-kafè” u stabbilit bħala r-rispons tas-Settur Privat għar-Riżoluzzjoni 465 tal-Kunsill Internazzjonali tal-Kafè (ICC - International Coffee Council) maħruġa fl-20 ta’ Settembru 2018. Il-Forum jiltaqa’ kull sena mal-Membri tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kafè (ICO - International Coffee Organisation), mal-partijiet ikkonċernati rilevanti tal-kafè u mas-sħab għall-iżvilupp biex jikkunsidraw l-eżiti tal-Grupp ta’ Ħidma Pubbliku-Privat dwar il-Kafè (CPPWP - Cofee Public-Private Working Party) definit fl-Artikolu 35.



KAPITOLU III – IMPENJI ĠENERALI MILL-MEMBRI

Artikolu 3

Impenji ġenerali mill-Membri

(1)    Il-membri jintrabtu li jadottaw dawk il-miżuri meħtieġa li jippermettulhom iwettqu l-obbligi tagħhom skont dan il-Ftehim u jikkooperaw bis-sħiħ ma’ xulxin biex jiżguraw il-kisba tal-objettivi ta’ dan il-Ftehim; b’mod partikolari, il-Membri jimpenjaw ruħhom ukoll li jipprovdu, fejn possibbli, l-informazzjoni meħtieġa biex jiffaċilitaw il-funzjonament ta’ dan il-Ftehim, sakemm tali informazzjoni ma tiksirx il-kunfidenzjalità.

(2)    Il-Membri jirrikonoxxu li ċ-Ċertifikati tal-Oriġini huma sorsi importanti ta’ informazzjoni statistika dwar il-kummerċ tal-kafè. Il-membri esportaturi, għalhekk, jassumu r-responsabbiltà li jiżguraw il-ħruġ xieraq taċ-Ċertifikati tal-Oriġini.

(3)    Il-Membri jirrikonoxxu aktar li l-informazzjoni dwar l-esportazzjoni mill-ġdid hija importanti wkoll għall-analiżi sewwa ta' l-ekonomija dinjija tal-kafè. Għalhekk il-Membri importaturi jintrabtu li jipprovdu informazzjoni regolari u preċiża dwar l-esportazzjonijiet mill-ġdid, fil-forma u fil-mod iddeterminat mill-Kunsill.


KAPITOLU IV – SĦUBIJA U AFFILJAZZJONI

Artikolu 4

Sħubija fl-Organizzazzjoni

(1)    Kull Parti Kontraenti għandha tikkostitwixxi Membru uniku tal-Organizzazzjoni.

(2)    Membru jista’ jbiddel il-kategorija tas-sħubija tiegħu bil-kundizzjonijiet li l-Kunsill jista’ jiftiehem.

(3)    Kwalunkwe referenza f’dan il-Ftehim għal Gvern għandha tinftiehem li tinkludi l-Unjoni Ewropea u kwalunkwe organizzazzjoni intergovernattiva li għandha kompetenza esklużiva fir-rigward tan-negozjar, il-konklużjoni u l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 5

Sħubija fi grupp

   Żewġ Partijiet Kontraenti jew aktar jistgħu jipparteċipaw fl-Organizzazzjoni bħala grupp Membru, permezz ta’ notifika xierqa lill-Kunsill u lid-Depożitarju, li tidħol fis-seħħ f’data li għandha tiġi speċifikata mill-Partijiet Kontraenti kkonċernati u skont il-kundizzjonijiet miftiehma mill-Kunsill, inkluż l-obbligi finanzjarji.

Artikolu 6

Affiljazzjoni

(1)    Entità tas-Settur Privat jew tas-Soċjetà Ċivili hija eliġibbli biex tiġi kkunsidrata għal sħubija affiljata b’deċiżjoni tal-Kunsill.

(2)    L-entitajiet li jixtiequ jiġu rikonoxxuti bħala Membru Affiljat tal-Organizzazzjoni jenħtieġ li jissottomettu applikazzjoni indirizzata lill-President tal-Kunsill, li trid tiġi approvata minn Membru qabel ma tiġi ppreżentata lill-President.

(3)    Il-Kunsill għandu jaċċetta jew jirrifjuta applikazzjonijiet għal status ta’ Membru Affiljat.

(4)    L-istatus tal-Membri Affiljati għandu jiġi rivedut kull sena tal-kafè mill-Kunsill.

(5)    Il-Kunsill għandu jistabbilixxi proċeduri għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-istatus ta’ Membru Affiljat, li għandhom iqisu kif il-ħidma tal-applikant hija relatata jew involuta fil-ħidma tal-Organizzazzjoni u r-rilevanza diretta tagħha għall-objettivi ta’ dan il-Ftehim.

(6)    L-Organizzazzjoni għandha l-opportunità tagħmel użu minn parir espert minn Membri Affiljati, filwaqt li l-Membri Affiljati min-naħa tagħhom għandhom l-opportunità jesprimu l-fehmiet tagħhom u jinvolvu ruħhom fil-ħidma tal-Organizzazzjoni.

(7)    Il-Kunsill għandu jistabbilixxi skeda ta’ kontribuzzjonijiet annwali li għandhom jitħallsu mill-Membri Affiljati. Il-mekkaniżmu u l-ġestjoni tal-kontribuzzjonijiet imħallsa għandhom ikunu konformi mar-Regoli Finanzjarji u r-Regolamenti Finanzjarji tal-Organizzazzjoni.



KAPITOLU V – L-ORGANIZZAZZJONI INTERNAZZJONALI TAL-KAFÈ

Artikolu 7

Is-sede u l-istruttura tal-

Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kafè

(1)    L-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kafè stabbilita taħt il-Ftehim Internazzjonali tal-Kafè tal-1962 għandha tkompli teżisti biex tamministra d-dispożizzjonijiet u tissorvelja l-operat ta’ dan il-Ftehim.

(2)    Is-sede tal-Organizzazzjoni għandha tkun f’Londra, ir-Renju Unit, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor.

(3)    L-ogħla awtorità tal-Organizzazzjoni għandha tkun il-Kunsill. Il-Kunsill għandu jkun assistit kif xieraq mill-Kumitat tal-Finanzi u tal-Amministrazzjoni u mill-Kumitat tal-Ekonomija. Il-Kunsill għandu wkoll jingħata parir mill-Bord tal-Membri Affiljati, mill-Konferenza Dinjija dwar il-Kafè u mill-Grupp ta’ Ħidma Pubbliku-Privat dwar il-Kafè.

(4)    Il-Kunsill se jkun appoġġat mid-Direttur Eżekuttiv u l-persunal tal-Organizzazzjoni.

Artikolu 8

Privileġġi u immunitajiet

(1)    L-Organizzazzjoni għandu jkollha personalità ġuridika. B’mod partikolari, għandu jkollha l-kapaċità li tikkuntratta, takkwista u tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u li tibda proċeduri ġudizzjarji.

(2)    L-istatus, il-privileġġi u l-immuntiajiet tal-Organizzazzjoni, tad-Direttur Eżekuttiv tagħha, il-persunal u l-esperti tagħha, u tar-rappreżentanti tal-Membri meta jinsabu fit-territorju tal-pajjiż ospitanti għall-iskopijiet tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, għandhom ikunu rregolati minn Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali konkluż bejn il-Gvern ospitanti u l-Organizzazzjoni.

(3)    Il-Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali msemmi fil-paragrafu (2) ta’ dan l-Artikolu għandu jkun indipendenti minn dan il-Ftehim. Iżda dan għandu jintemm:

(a)    Bi ftehim bejn il-Gvern ospitanti u l-Organizzazzjoni;

(b)    Fil-każ li l-kwartieri ġenerali tal-Organizzazzjoni jkunu ttrasferiti mit-territorju tal-Gvern ospitanti; jew

(c)    Fil-każ li l-Organizzazzjoni ma tibqax teżisti.

(4)    L-Organizzazzjoni tista’ tikkonkludi ma’ Membru wieħed jew aktar ftehimiet li għandhom jiġu approvati mill-Kunsill dwar dawk il-privileġġi u immunitajiet li jistgħu jkunu neċessarji għall-funzjonament xieraq ta’ dan il-Ftehim.

(5)    Il-Gvernijiet tal-pajjiżi Membri minbarra l-Gvern ospitanti għandhom jagħtu lill-Organizzazzjoni l-istess faċilitajiet fir-rigward ta’ restrizzjonijiet dwar munita jew kambju, iż-żamma ta’ kontijiet fil-bank, u t-trasferiment ta’ flejjes, kif jingħataw lill-aġenziji speċjalizzati tan-Nazzjonijiet Uniti.


KAPITOLU VI – IL-KUNSILL INTERNAZZJONALI TAL-KAFÈ

Artikolu 9

Kompożizzjoni tal-Kunsill Internazzjonali tal-Kafè

(1)    Il-Kunsill għandu jikkonsisti mill-Membri kollha tal-Organizzazzjoni.

(2)    Kull Membru għandu jaħtar rappreżentant wieħed fil-Kunsill u, jekk jixtieq, sostitut wieħed jew aktar. Membru jista’ wkoll jaħtar konsulent wieħed jew aktar għar-rappreżentant jew sostituti tiegħu.

Artikolu 10

Poteri u funzjonijiet tal-Kunsill

(1)    Il-poteri kollha speċifikament mogħtija minn dan il-Ftehim għandhom ikunu vestiti fil-Kunsill, li għandu jwettaq il-funzjonijiet neċessarji biex iwettaq id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

(2)    Il-Kunsill jista’ jistabbilixxi u jxolji Kumitati u korpi sussidjarji, kif xieraq, minbarra dawk previsti fil-paragrafu (3) tal-Artikolu 7.

(3)    Il-Kunsill għandu jistabbilixxi dawk ir-regoli u r-regolamenti, inkluż ir-regoli tal-proċedura tiegħu stess u r-regolamenti finanzjarji u tal-persunal tal-Organizzazzjoni, li huma meħtieġa biex jitwettqu d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim u li huma konsistenti miegħu. Il-Kunsill jista’, fir-regoli tal-proċedura tiegħu, jipprovdi l-mezzi li bihom jista’, mingħajr ma jiltaqa’, jiddeċiedi kwistjonijiet speċifiċi.

(4)    Il-Kunsill għandu jistabbilixxi fuq bażi regolari pjan ta’ azzjoni strateġiku biex jiggwida l-ħidma tiegħu u jidentifika l-prijoritajiet, inkluż dawk relatati ma’ attivitajiet ta’ proġetti mwettqa skont l-Artikolu 33 u studji, stħarriġ u rapporti mwettqa skont l-Artikolu 32. Il-prijoritajiet identifikati fil-pjan ta’ azzjoni għandhom jiġu riflessi fil-programm ta’ attivitajiet u fil-Baġit Amministrattiv approvat mill-Kunsill.

(5)    Il-Kunsill għandu wkoll iżomm tali rekords kif meħtieġa biex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu taħt dan il-Ftehim u tali rekords oħra li jikkunsidra meħtieġa.



Artikolu 11

President u Viċi President tal-Kunsill

(1)    Il-Kunsill għandu jeleġġi, għal kull sena tal-kafè, President u Viċi President li ma għandhomx jitħallsu mill-Organizzazzjoni.

(2)    Il-President għandu jiġi elett jew minn fost ir-rappreżentanti tal-Membri esportaturi jew minn fost ir-rappreżentanti tal-Membri importaturi u l-Viċi President għandu jiġi elett minn fost ir-rappreżentanti tal-kategorija l-oħra ta’ Membru. Dawn il-karigi għandhom jalternaw kull sena tal-kafè bejn iż-żewġ kategoriji ta’ Membri.

(3)    La l-President u lanqas il-Viċi President li jaġixxi bħala President ma għandu jkollhom id-dritt tal-vot. Is-sostitut tiegħu jew tagħha għandu f’dan il-każ jeżerċita d-dritt tal-votazzjoni tal-Membru.

Artikolu 12

Sessjonijiet tal-Kunsill

(1)    Il-Kunsill għandu jagħmel żewġ sessjonijiet regolari fis-sena u, jekk jiddeċiedi, sessjonijiet speċjali. Jista’ jorganizza sessjonijiet speċjali fuq talba ta’ kwalunkwe 10 Membri. Għandu jingħata avviż dwar is-sessjonijieti mill-anqas 30 jum bil-quddiem għajr f’każijiet ta’ emerġenza meta tali avviż għandu jingħata mill-anqas 10 ijiem bil-quddiem.

(2)    Is-sessjonijiet għandhom isiru fis-sede tal-Organizzazzjoni, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor. Jekk Membru jistieden lill-Kunsill biex jiltaqa’ fit-territorju tiegħu, u l-Kunsill jaqbel, il-kostijiet addizzjonali għall-Organizzazzjoni involuti li jkunu aktar minn dawk imġarrba meta s-sessjoni ssir fis-sede tal-Organizzazzjoni għandhom jitħallsu minn dak il-Membru.

(3)    Il-Kunsill jista’ jistieden lil kwalunkwe pajjiż mhux membru jew kwalunkwe organizzazzjoni msemmija fl-Artikoli 16 u 17 biex tattendi kwalunkwe sessjoni tiegħu bħala osservatur. F’kull sessjoni, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi dwar l-ammissjoni ta’ osservaturi.

(4)    Il-kworum meħtieġ biex sessjoni tal-Kunsill tieħu d-deċiżjonijiet għandu jkun il-preżenza ta’ aktar min-nofs in-numru ta’ Membri esportaturi u importaturi li jirrappreżentaw rispettivament mill-inqas żewġ terzi tal-voti għal kull kategorija. Jekk mal-ftuħ ta’ sessjoni tal-Kunsill jew ta’ kwalunkwe laqgħa plenarja ma jkunx hemm kworum, il-President għandu jipposponi l-ftuħ tas-sessjoni jew tal-laqgħa plenarja għal mill-inqas sagħtejn. Jekk ma jkunx għad hemm kworum fil-ħin il-ġdid stabbilit, il-President jista’ jerġa’ jipposponi l-ftuħ tas-sessjoni jew tal-laqgħa plenarja għal mill-inqas sagħtejn oħra. Jekk fl-aħħar ta’ dan il-posponiment il-ġdid ma jkunx għad hemm kworum, il-kwistjoni fuq liema huma meħtieġa d-deċiżjonijiet għandha tkun differita għas-sessjoni li jmiss tal-Kunsill.



Artikolu 13

Voti

(1)    Il-membri esportaturi għandhom flimkien ikollhom 1 000 vot u l-Membri importaturi għandhom flimkien ikollhom 1 000 vot, mifruxa f’kull kategorija ta’ Membru kif previst fil-paragrafi li ġejjin ta’ dan l-Artikolu.

(2)    Kull Membru għandu jkollu ħames voti bażiċi.

(3)    Il-voti li jifdal tal-Membri esportaturi għandhom jinqasmu bejn dawn il-Membri kif ġej: 50 fil-mija fi proporzjon mal-volum medju tal-esportazzjonijiet rispettivi tagħhom tal-kafè; u 50 fil-mija fi proporzjon għall-valur medju tal-esportazzjonijiet rispettivi tagħhom tal-kafè.

(4)    Il-voti li jifdal tal-Membri importaturi għandhom jinqasmu bejn dawk il-Membri kif ġej: 50 fil-mija fi proporzjon mal-volum medju tal-importazzjonijiet rispettivi tagħhom tal-kafè; u 50 fil-mija fi proporzjon mal-valur medju tal-importazzjonijiet rispettivi tagħhom tal-kafè.

(5)    L-Unjoni Ewropea jew kwalunkwe organizzazzjoni intergovernattiva kif definit fil-paragrafu (3) tal-Artikolu 4 għandu jkollha voti bħala Membru wieħed. Għandu jkollha ħames voti bażiċi u voti addizzjonali skont il-volum u l-valur medji tal-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet tagħha tal-kafè. Jekk tkun ikkategorizzata bħala Membru esportatur, f’konformità mal-paragrafu (7) tal-Artikolu 2, il-voti tagħha għandhom jiġu kkalkulati f’konformità mal-paragrafu (3) ta’ dan l-Artikolu. Jekk tkun ikkategorizzata bħala Membru importatur, f’konformità mal-paragrafu (8) tal-Artikolu 2, il-voti tagħha għandhom jiġu kkalkulati f’konformità mal-paragrafu (4) ta’ dan l-Artikolu.

(6)    Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, l-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet tal-kafè għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għal vjeġġi minn kwalunkwe oriġini u għal kwalunkwe destinazzjoni, rispettivament, fl-4 snin kalendarji preċedenti.

(7)    Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, fil-każ tal-Unjoni Ewropea jew kwalunkwe organizzazzjoni intergovernattiva kif definit fil-paragrafu (3) tal-Artikolu 4, esportazzjonijiet għandhom jinftiehmu li jinkludu s-somma tal-esportazzjonijiet lejn id-destinazzjonijiet kollha, inkluż fiha stess, u l-importazzjonijiet għandhom jinkludu s-somma tal-importazzjonijiet mill-oriġnijiet kollha, inkluż fiha stess.

(8)    Id-distribuzzjoni tal-voti għandha tkun iddeterminata mill-Kunsill f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu fil-bidu ta’ kull sena tal-kafè u għandha tibqa’ fis-seħħ tul dik is-sena, ħlief kif previst fil-paragrafu (9) ta’ dan l-Artikolu.

(9)    Il-Kunsill għandu jipprovdi għar-ridistribuzzjoni tal-voti f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu kull meta jkun hemm tibdil fl-isħubija tal-Organizzazzjoni jew jekk id-drittijiet tal-votazzjoni ta’ Membru jkunu sospiżi jew miksuba mill-ġdid skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22.

(10)    L-ebda Membru ma għandu jkollu żewġ terzi jew aktar mill-voti fil-kategorija tiegħu.

(11)    Ma għandu jkun hemm l-ebda vot frazzjonali.

Artikolu 14

Proċedura tal-votazzjoni tal-Kunsill

(1)    Kull Membru għandu jkun intitolat jitfa’ n-numru tal-voti li għandu u ma għandux ikun intitolat jaqsam il-voti tiegħu. Madankollu, Membru jista’ jitfa’ b’mod differenti kwalunkwe vot li għandu taħt id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (2) ta’ dan l-Artikolu.

(2)    Kwalunkwe Membru esportatur jista’ jawtorizza bil-miktub lil kwalunkwe Membru ieħor esportatur u kwalunkwe Membru importatur jista’ jawtorizza bil-miktub lil kwalunkwe Membru ieħor importatur, biex jirrappreżenta l-interessi tiegħu u jeżerċita d-dritt tiegħu li jivvota fi kwalunkwe laqgħa jew laqgħat tal-Kunsill.

Artikolu 15

Deċiżjonijiet tal-Kunsill

(1)    Il-Kunsill għandu jipprova jieħu d-deċiżjonijiet kollha u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet kollha b’kunsens ġenerali. Jekk ma jkunx jista’ jintlaħaq kunsens, il-Kunsill għandu jieħu deċiżjonijiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet b’vot ta’ maġġoranza mifruxa ta’ 70 fil-mija jew aktar tal-Membri esportaturi, preżenti u li jivvutaw, u 70 fil-mija jew aktar tal-Membri importaturi, preżenti u li jivvutaw, magħduda separatament.

(2)    Il-proċedura li ġejja għandha tapplika fir-rigward ta’ kwalunkwe deċiżjoni mill-Kunsill meħuda b’vot ta’ maġġoranza mifruxa:

(a)Jekk ma jinkisibx vot ta’ maġġoranza mifruxa minħabba l-vot negattiv ta’ tliet Membri esportaturi jew importaturi jew inqas, il-proposta għandha, jekk il-Kunsill jiddeċiedi b’maġġoranza tal-Membri preżenti, terġa’ titressaq għall-votazzjoni fi żmien 48 siegħa; u

(b)    Jekk jerġa’ ma jinkisibx vot ta’ maġġoranza mifruxa, il-proposta għandha titqies mhux approvata.

(3)    Il-Membri jintrabtu li jaċċettaw bħala vinkolanti d-deċiżjonijiet kollha tal-Kunsill taħt id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.



Artikolu 16

Kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet oħra

(1)    Il-Kunsill jista’ jagħmel arranġamenti għall-konsultazzjoni u l-kooperazzjoni man-Nazzjonijiet Uniti u l-aġenziji speċjalizzati tagħha; ma’ organizzazzjonijiet intergovernattivi oħrajn xierqa; u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali rilevanti. Huwa għandu jieħu vantaġġ sħiħ minn diversi sorsi ta’ finanzjament. Tali arranġamenti jistgħu jinkludu arranġamenti finanzjarji li l-Kunsill iqis xierqa għall-kisba tal-objettivi ta’ dan il-Ftehim. Madankollu, fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe proġett taħt dawn l-arranġamenti, l-Organizzazzjoni ma għandhiex tidħol f’obbligi finanzjarji għall-garanziji mogħtija minn Membri individwali jew entitajiet oħrajn. L-ebda Membru ma għandu jkun responsabbli minħabba s-sħubija tiegħu fl-Organizzazzjoni għal xi obbligazzjoni li tinħoloq mit-teħid ta’ self jew self minn xi Membru ieħor jew entità b’rabta ma’ tali proġetti.

(2)    Fejn possibbli, l-Organizzazzjoni tista’ wkoll tiġbor mingħand il-Membri, u dawk mhux membri u minn aġenziji donaturi u oħrajn, informazzjoni dwar il-proġetti u l-programmi tal-iżvilupp li jiffokaw fuq is-settur tal-kafè. Meta xieraq, u bil-qbil tal-partijiet ikkonċernati, l-Organizzazzjoni tista’ tagħmel din l-informazzjoni disponibbli għal tali organizzazzjonijiet oħra kif ukoll għall-Membri.

Artikolu 17

Kooperazzjoni ma’

organizzazzjonijiet mhux governattivi

   Fit-twettiq tal-objettivi ta’ dan il-Ftehim, l-Organizzazzjoni tista’, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 16, 34, 35 u 37, tistabbilixxi u ssaħħaħ l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi u mingħajr skop ta’ qligħ xierqa li jkollhom għarfien espert fl-aspetti rilevanti tas-settur tal-kafè u ma’ esperti oħra fi kwistjonijiet tal-kafè.



KAPITOLU VII – ID-DIRETTUR EŻEKUTTIV U L-PERSUNAL

Artikolu 18

Id-Direttur Eżekuttiv u l-persunal

(1)    Il-Kunsill għandu jaħtar lid-Direttur Eżekuttiv. It-termini tal-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill u għandhom ikunu komparabbli ma’ dawk li jgħoddu għall-uffiċjali korrispondenti ta’ organizzazzjonijiet simili intergovernattivi.

(2)    Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun l-uffiċjal amministrattiv prinċipali tal-Organizzazzjoni u għandu jkun responsabbli għat-twettiq ta’ kwalunkwe dmir li jaqa’ fuqu fl-amministrazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

(3)    Id-Direttur Eżekuttiv għandu jaħtar lill-persunal tal-Organizzazzjoni f’konformità mar-regolamenti stabbiliti mill-Kunsill.

(4)    La d-Direttur Eżekuttiv u lanqas xi membru tal-persunal ma għandu jkollu xi interess finanzjarju fl-industrija tal-kafè, fil-kummerċ tal-kafè jew fit-trasport tal-kafè.

(5)Fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom, id-Direttur Eżekuttiv u l-persunal ma għandhomx ifittxu jew jirċievu struzzjonijiet minn xi Membru jew minn xi awtorità oħra barra mill-Organizzazzjoni. Ma għandhomx jieħdu xi azzjoni li tista’ tirrifletti fuq il-pożizzjoni tagħhom bħala uffiċjali internazzjonali responsabbli biss lejn l-Organizzazzjoni. Kull Membru jintrabat li jirrispetta l-karattru internazzjonali esklussiv tar-responsabbiltajiet tad-Direttur Eżekuttiv u tal-persunal u li ma jippruvawx jinfluwenzahom fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tagħhom.



KAPITOLU VIII – FINANZI U AMMINISTRAZZJONI

Artikolu 19

Kumitat tal-Finanzi u tal-Amministrazzjoni

   Għandu jiġi stabbilit Kumitat dwar il-Finanzi u l-Amministrazzjoni. Il-Kunsill għandu jiddetermina l-kompożizzjoni u l-mandat tiegħu. Dan il-Kumitat għandu jkun responsabbli għas-superviżjoni tat-tħejjija tal-Baġit Amministrattiv tal-Organizzazzjoni li għandu jiġi ppreżentat lill-Kunsill għall-approvazzjoni, u għat-twettiq ta’ kwalunkwe kompitu ieħor li l-Kunsill jassenjalu li għandu jinkludi l-monitoraġġ tal-introjtu u n-nefqa u kwistjonijiet relatati mal-amministrazzjoni tal-Organizzazzjoni. Il-Kumitat tal-Finanzi u tal-Amministrazzjoni għandu jirrapporta dwar il-proċedimenti tiegħu lill-Kunsill.

Artikolu 20

Finanzi

(1)    L-ispejjeż tad-delegazzjonijiet lill-Kunsill u r-rappreżentanti ta’ kwalunkwe kumitat tal-Kunsill għandhom jitħallsu mill-Gvernijiet rispettivi tagħhom.

(2)    L-ispejjeż l-oħrajn meħtieġa għall-amministrazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jitħallsu minn kontribuzzjonijiet annwali mill-Membri vvalutati f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21, flimkien ma’ dħul minn bejgħ ta’ servizzi speċifiċi lill-Membri u l-bejgħ ta’ informazzjoni u studji ġġenerati taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 30 u 32.

(3)    Is-sena finanzjarja tal-Organizzazzjoni għandha tkun l-istess bħas-sena tal-kafè.

Artikolu 21

Determinazzjoni tal-Baġit Amministrattiv u

valutazzjoni tal-kontribuzzjonijiet

(1)    Matul it-tieni nofs ta’ kull sena finanzjarja, il-Kunsill għandu japprova l-Baġit Amministrattiv tal-Organizzazzjoni għas-sena finanzjarja ta’ wara u għandu jivvaluta l-kontribuzzjoni ta’ kull Membru għal dak il-Baġit. Għandu jiġi ppreparat abbozz ta’ Baġit Amministrattiv mid-Direttur Eżekuttiv taħt is-superviżjoni tal-Kumitat tal-Finanzi u tal-Amministrazzjoni f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19.



(2)    Il-kontribuzzjoni ta’ kull Membru għall-Baġit Amministrattiv għal kull sena finanzjarja għandha tiġi kkalkulata kif ġej: i) 50 fil-mija abbażi tal-valur medju tal-kummerċ totali u ii) 50 fil-mija abbażi tal-volum medju tal-kummerċ totali tal-4 snin kalendarji preċedenti. Għall-iskop ta’ dan l-Artikolu, “kummerċ totali” hawnhekk tirreferi għas-somma tal-importazzjoni u l-esportazzjoni totali fiż-żmien meta l-Baġit Amministrattiv għal dik is-sena finanzjarja jiġi approvat. Fid-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet, il-kontribuzzjoni ta’ kull Membru għandha tiġi kkalkulata mingħajr ma titqies is-sospensjoni tad-drittijiet tal-vot ta’ kwalunkwe Membru jew kwalunkwe ridistribuzzjoni tal-voti li tirriżulta minnhom. Madankollu, il-kalkolu msemmi hawn fuq ma għandux japplika għall-Membri li s-sħubija tagħhom ġiet sospiża f’konformità mal-paragrafu (4) tal-Artikolu 22, u l-kontribuzzjonijiet tagħhom għandhom jiġu ridistribwiti bejn il-Membri li jifdal għal dik is-sena finanzjarja biss.

(3)    Il-kontribuzzjoni inizjali ta’ kwalunkwe Membru li jingħaqad mal-Organizzazzjoni wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim kif previst fl-Artikolu 46 għandha tiġi vvalutata mill-Kunsill skont il-paragrafu (2) tal-Artikolu 21 fuq il-bażi tal-perjodu li jkun fadal fis-sena finanzjarja kurrenti, iżda l-valutazzjonijiet magħmula fuq Membri oħra għas-sena finanzjarja kurrenti ma għandhomx jinbidlu.

(4)    Kull Membru għandu jagħmel kontribuzzjoni minima ta’ 0,25 fil-mija tal-Baġit Amministrattiv totali għal kull sena finanzjarja.

(5)    Il-Membri li l-kummerċ totali medju tagħhom tal-kafè jammonta għal sehem ta’ inqas minn 0,25 fil-mija tas-somma tal-kummerċ totali medju tal-Membri kollha fil-volum u l-valur se jkunu soġġetti biss għall-kontribuzzjoni minima msemmija fil-paragrafu (4) hawn fuq.

(6)    Il-bqija tal-kontribuzzjoni tal-Membri għandha tinqasam bejn il-Membri kollha ħlief dawk fil-paragrafu (5) hawn fuq, kif ġej: 50 fil-mija fi proporzjon mal-volum medju tal-kummerċ totali tagħhom tal-kafè; u 50 fil-mija fi proporzjon għall-valur medju tal-kummerċ totali tagħhom tal-kafè.

(7)    Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, l-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet tal-kafè għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għal vjeġġi minn kwalunkwe oriġini u għal kwalunkwe destinazzjoni, rispettivament, fl-4 snin kalendarji preċedenti.

(8)    Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, fil-każ tal-Unjoni Ewropea jew kwalunkwe organizzazzjoni intergovernattiva kif definita fil-paragrafu (3) tal-Artikolu 4, l-esportazzjonijiet għandhom jinftiehmu li jinkludu s-somma tal-esportazzjonijiet lejn id-destinazzjonijiet kollha, inkluż fiha stess, u l-importazzjonijiet għandhom jinkludu s-somma tal-importazzjonijiet mill-oriġnijiet kollha, inkluż fiha stess.



Artikolu 22

Ħlas ta’ kontribuzzjonijiet

(1)    Il-kontribuzzjonijiet għall-Baġit Amministrattiv għal kull sena finanzjarja għandhom ikunu pagabbli f’munita liberament konvertibbli u għandhom isiru dovuti fl-ewwel jum ta’ dik is-sena finanzjarja.

(2)    Jekk xi Membru jonqos milli jħallas il-kontribuzzjoni sħiħa tiegħu għall-Baġit Amministrattiv fi żmien 6 xhur mid-data li fiha tkun dovuta l-kontribuzzjoni, id-drittijiet tal-votazzjoni tiegħu u d-dritt tiegħu li jipparteċipa fil-laqgħat tal-kumitati speċjalizzati għandhom ikunu sospiżi sakemm il-kontribuzzjoni tkun tħallset kollha. Madankollu, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor, dan il-Membru ma għandux ikun imċaħħad mid-drittijiet l-oħrajn tiegħu u lanqas ma jinħeles mill-obbligi tiegħu taħt dan il-Ftehim.

(3)    Kwalunkwe Membru li d-drittijiet tal-votazzjoni tiegħu jkunu ġew sospiżi taħt id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (2) ta’ dan l-Artikolu xorta għandu jibqa’ responsabbli għall-ħlas tal-kontribuzzjoni tiegħu.

(4)    Il-Kunsill għandu jissospendi temporanjament b’deċiżjoni s-sħubija ta’ kwalunkwe Membru f’arretrati persistenti ta’ aktar minn 21 xahar ta’ kontribuzzjonijiet pendenti. Membru li jkun ġie sospiż temporanjament jinħeles mill-obbligi tiegħu li jikkontribwixxi għall-Baġit Amministrattiv tal-Organizzazzjoni iżda għandu jibqa’ responsabbli li jissodisfa kwalunkwe obbligu finanzjarju ieħor tiegħu skont dan il-Ftehim. Mal-ħlas sħiħ tal-kontribuzzjonijiet pendenti tiegħu jew mal-approvazzjoni ta’ pjan ta’ ħlas lura mill-Kunsill, dak il-Membru għandu jerġa’ jikseb id-dritt ta’ sħubija. Il-pagamenti li jsiru mill-Membri b’arretrati jiġu kkreditati l-ewwel lill-itwal kontribuzzjoni pendenti tagħhom.

Artikolu 23

Obbligazzjonijiet

(1)    L-organizzazzjoni, fil-funzjoni tagħha kif speċifikata fl-Artikolu 7, il-paragrafu (3), ma għandux ikollha s-setgħa li tidħol f’xi obbligazzjoni barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, u ma għandhiex titqies li ġiet awtorizzata mill-Membri li tagħmel dan; b’mod partikolari ma għandux ikollha l-kapaċità li tissellef il-flus. Fl-eżerċizzju tal-kapaċità tagħha li tikkuntratta, l-Organizzazzjoni għandha tinkorpora fil-kuntratti tagħha t-termini ta’ dan l-Artikolu b’tali mod li ġġibhom għall-attenzjoni tal-partijiet l-oħrajn li deħlin f’kuntratti mal-Organizzazzjoni, iżda kwalunkwe nuqqas li tinkorpora dawn it-termini ma għandux jinvalida dan il-kuntratt jew jagħmlu ultra vires.

(2)    Ir-responsabbiltà ta’ Membru hija limitata sal-obbligi tiegħu dwar il-kontribuzzjonijiet speċifikament provduti f’dan il-Ftehim. Pajjiżi terzi li jinnegozjaw mal-Organizzazzjoni jitqiesu li jafu bid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim dwar l-obbligazzjonijiet tal-Membri.

Artikolu 24

Awditu u pubblikazzjoni tal-kontijiet

   Mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn 6 xhur wara l-għeluq ta’ kull sena finanzjarja, għandha titħejja dikjarazzjoni awditjata b’mod indipendenti tal-assi, l-obbligazzjonijiet, l-introjtu u n-nefqa tal-Organizzazzjoni matul dik is-sena finanzjarja. Din id-dikjarazzjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Kunsill għall-approvazzjoni fl-ewwel sessjoni li tkun tmiss.


KAPITOLU IX – EKONOMIJA

Artikolu 25

Kumitat tal-Ekonomija

Għandu jiġi stabbilit Kumitat dwar l-Ekonomija, li għandu jkun responsabbli għal kwistjonijiet relatati ma’: il-promozzjoni u l-iżvilupp tas-suq; it-trasparenza tas-suq, l-informazzjoni statistika, l-istudji u l-istħarriġ; il-proġetti; l-iżvilupp sostenibbli; u l-finanzjament tas-settur tal-kafè. Il-Kunsill għandu jiddetermina l-kompożizzjoni u l-mandat tal-Kumitat tal-Ekonomija flimkien ma’ dawk li huma deskritti fl-Artikoli 33 u 38. 

Artikolu 26

Tneħħija tal-ostakoli għall-kummerċ u l-konsum

(1)    Il-Membri jirrikonoxxu l-ħtieġa li l-katina tal-provvista ssir aktar effiċjenti u li jitneħħew l-ostakli attwali u jiġu evitati ostakli ġodda li jistgħu jfixklu l-produzzjoni, il-kummerċ u l-konsum tal-kafè.

(2)    Membru għandu jirregola s-settur tal-kafè tiegħu biex jissodisfa l-objettivi tal-politika nazzjonali dwar is-saħħa, l-ambjent u l-introjtu għall-għajxien, b’mod konsistenti mal-impenji u l-obbligi tiegħu skont il-ftehimiet internazzjonali u mal-SDGs tan-Nazzjonijiet Uniti, inkluż dawk relatati mal-kummerċ internazzjonali u reġjonali.

(3)    Il-Membri jirrikonoxxu li fil-preżent hemm miżuri li jistgħu xi ftit jew wisq ifixklu ż-żieda fil-konsum tal-kafè, b’mod partikolari:

(a)    Arranġamenti tal-importazzjoni li jgħoddu għall-kafè, inkluż tariffi preferenzjali u oħrajn, kwoti, operazzjonijiet tal-monopolji tal-gvern u aġenziji uffiċjali tax-xiri, u regoli amministrattivi u prattiċi kummerċjali oħrajn;

(b)    Arranġamenti ta’ esportazzjoni fir-rigward ta’ sussidji diretti jew indiretti u regoli amministrattivi u prattiċi kummerċjali oħra; u

(c)    Kundizzjonijiet tal-kummerċ intern u dispożizzjonijiet legali u amministrattivi domestiċi u reġjonali li jistgħu jaffettwaw il-konsum jew jagħmlu l-katina tal-provvista ineffiċjenti.

(4)    Wara li jikkunsidraw l-objettivi msemmija hawn fuq u d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (5) ta’ dan l-Artikolu, il-Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex isegwu tnaqqis tat-tariffi fuq il-kafè u biex jieħdu azzjoni oħra biex ineħħu l-ostakli għaż-żieda fil-konsum.

(5)    Filwaqt li jqisu l-interess reċiproku tagħhom, il-Membri jintrabtu li jfittxu modi u mezzi kif l-ostakoli għall-kummerċ u għall-konsum akbar imsemmija fil-paragrafu (3) ta’ dan l-Artikolu jistgħu progressivament jitnaqqsu u eventwalment, kull fejn ikun possibbli, jiġu eliminati, jew li bihom l-effetti ta’ dawn l-ostakoli jistgħu jiġu mnaqqsa b’mod sostanzjali.

(6)    Filwaqt li jqisu l-interess reċiproku tagħhom, il-Membri jimpenjaw ruħhom li jfittxu modi kif itaffu l-volatilità tal-prezzijiet permezz ta’ regolamenti xierqa.

(7)    Fid-dawl ta’ kwalunkwe impenn meħud skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (5) ta’ dan l-Artikolu, il-Membri għandhom jgħarrfu lill-Kunsill kull sena dwar il-miżuri kollha adottati bl-għan li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

(8)    Id-Direttur Eżekuttiv għandu jħejji u jiċċirkola lill-Membri kollha kull sena stħarriġ tal-ostakli relatati mal-kafè għall-kummerċ u l-konsum, kif ukoll tad-distorsjonijiet tas-suq li jikkawżaw volatilità tal-prezzijiet u jħallu impatt fuq l-introjtu għall-għajxien u prosperu jew id-distribuzzjoni tal-valur, b’mod partikolari għall-bdiewa tal-kafè u produtturi oħra, li għandu jiġi rieżaminat mill-Kunsill.

(9)    Il-Kunsill jista’, sabiex jagħti spinta lill-għanijiet ta’ dan l-Artikolu, jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Membri, li għandhom jirrapportaw mill-aktar fis possibbli lill-Kunsill dwar il-miżuri adottati bl-għan li jiġu implimentati dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

Artikolu 27

Promozzjoni u żvilupp tas-suq

(1)    Il-Membri jirrikonoxxu l-benefiċċji, kemm għall-Membri esportaturi u importaturi, li jirriżultaw mill-isforzi li jiġi promoss il-konsum, tittejjeb il-kwalità tal-prodott, u li jiġu żviluppati swieq għall-kafè, inkluż f’Membri esportaturi.

(2)    Attivitajiet ta’ promozzjoni u żvilupp tas-suq jistgħu jinkludu kampanji ta’ informazzjoni u promozzjoni, riċerka, bini tal-kapaċità u studji relatati mal-produzzjoni u l-konsum tal-kafè inkluż il-Jum Internazzjonali tal-Kafè.

(3)    Tali attivitajiet jistgħu jiġu inklużi fil-programm ta’ attivitajiet jew fl-attivitajiet tal-proġett tal-Organizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 33 u jistgħu jiġu ffinanzjati minn kontribuzzjonijiet volontarji minn Membri, dawk li mhumiex membri, organizzazzjonijiet oħra u s-Settur Privat.

Artikolu 28

Miżuri relatati mal-kafè pproċessat

   Il-Membri jirrikonoxxu l-ħtieġa li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw iwessgħu l-bażi tal-ekonomiji tagħhom permezz, inter alia, tal-industrijalizzazzjoni u l-esportazzjoni ta’ prodotti manifatturati, inkluż l-ipproċessar tal-kafè u l-esportazzjoni tal-kafè pproċessat, kif imsemmi fl-Artikolu 2, il-paragrafu (1), is-subparagrafi (d), (e), (f), (g) u (h). F’dan ir-rigward, il-Membri għandhom jevitaw l-adozzjoni ta’ miżuri tal-gvern li jistgħu jikkawżaw tfixkil fis-settur tal-kafè ta’ Membri oħrajn.

Artikolu 29

Taħlitiet u sostituti

(1)    Il-Membri ma għandhom iżommu ebda regolament li jeħtieġ it-taħlit, l-ipproċessar jew l-użu ta’ prodotti oħrajn mal-kafè għall-bejgħ kummerċjali mill-ġdid bħala kafè. Il-Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jipprojbixxu l-bejgħ u r-reklamar ta’ prodotti taħt l-isem tal-kafè jekk tali prodotti jkun fihom inqas mill-ekwivalenti ta’ 95 fil-mija ta’ kafè aħdar bħala l-materja prima bażika. Madankollu, dan il-paragrafu ma għandux japplika għall-kafè mħallat minn qabel previst fl-Artikolu 2, il-paragrafu (1), is-subparagrafu (h).

(2)    Id-Direttur Eżekuttiv għandu jissottometti lill-Kunsill rapport perjodiku dwar il-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 30

Informazzjoni statistika

(1)    L-Organizzazzjoni taġixxi bħala ċentru għall-ġbir, l-iskambju u l-pubblikazzjoni ta’:

(a)    Informazzjoni statistika dwar il-produzzjoni dinjija, il-prezzijiet, l-esportazzjonijiet, l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet mill-ġdid, id-distribuzzjoni u l-konsum tal-kafè, inkluż informazzjoni dwar il-produzzjoni, il-konsum, il-kummerċ u l-prezzijiet għall-kafè f’kategoriji differenti tas-suq, fejn fattibbli skont it-tip ta’ kafè, u prodotti li fihom il-kafè; u

(b)    Informazzjoni teknika dwar il-kultivazzjoni, il-kostijiet tal-produzzjoni, l-ipproċessar u l-użu tal-kafè, sa fejn jitqies xieraq.

(2)    Il-Kunsill jista’ jeħtieġ li l-Membri jipprovdu tali informazzjoni li jikkunsidra meħtieġa għall-operazzjonijiet tiegħu, inkluż rapporti statistiċi regolari dwar il-produzzjoni tal-kafè, ix-xejriet fil-produzzjoni, l-esportazzjonijiet, l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet mill-ġdid, id-distribuzzjoni, il-konsum, il-ħażniet, il-prezzijiet u t-tassazzjoni, iżda l-ebda informazzjoni ma għandha tiġi ppubblikata li tista’ tintuża biex tidentifika l-operazzjonijiet ta’ persuni jew kumpaniji li jipproduċu, jipproċessaw jew jikkummerċjalizzaw il-kafè. Il-Membri, sa fejn ikun possibbli, għandhom jipprovdu l-informazzjoni mitluba b’mod kemm jista’ jkun dettaljat, f’waqtu u preċiż sa fejn ikun prattikabbli.

(3)    Il-Kunsill għandu jistabbilixxi sistema ta’ prezzijiet indikaturi u għandu jipprovdi għall-pubblikazzjoni prezz indikattiv kompost ta’ kuljum li għandu jirrifletti l-kundizzjonijiet attwali tas-suq.

(4)    Jekk Membru jonqos milli jipprovdi jew isib diffikultà biex jipprovdi fil-perjodu ta’ żmien stabbilit mill-Kunsill, informazzjoni statistika u informazzjoni oħra meħtieġa mill-Organizzazzjoni għall-funzjonament tajjeb tagħha, il-Kunsill jista’ jitlob lill-Membru kkonċernat jispjega r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ konformità. Il-Membru jista’ wkoll jgħarraf lill-Kunsill dwar id-diffikultà tiegħu u jitlob l-assistenza teknika.

(5)    Jekk jinsab li l-assistenza teknika hija meħtieġa fil-kwistjoni, jew jekk Membru ma pprovdiex, għal sentejn konsekuttivi, l-informazzjoni statistika mitluba taħt il-paragrafu (2) ta’ dan l-Artikolu u ma talabx l-assistenza tal-Kunsill jew ma spjegax ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ konformità, il-Kunsill jista’ jieħu dawk l-inizjattivi li x’aktarx iwasslu lil dan il-Membru jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa.

Artikolu 31

Ċertifikati tal-Oriġini

(1)    Sabiex jiġi ffaċilitat il-ġbir tal-istatistika dwar il-kummerċ internazzjonali tal-kafè u biex jiġu aċċertati l-kwantitajiet tal-kafè li ġew esportati minn kull Membru esportatur, l-Organizzazzjoni għandha tistabbilixxi sistema ta’ Ċertifikati tal-Oriġini, irregolata minn regoli approvati mill-Kunsill.

(2)    Kull esportazzjoni tal-kafè minn Membru esportatur għandha tkun koperta minn Ċertifikat tal-Oriġini validu. Iċ-Ċertifikati tal-Oriġini għandhom jinħarġu, f’konformità mar-regoli stabbiliti mill-Kunsill, mill-aġenziji kwalifikati magħżula mill-Membru u approvati mill-Organizzazzjoni. L-Organizzazzjoni għandha tirrevedi perjodikament ukoll l-informazzjoni li tinsab fiċ-Ċertifikat tal-Oriġini fid-dawl tal-kundizzjonijiet li jinbidlu tal-konsum u l-kummerċ internazzjonali.

(3)    Kull Membru esportatur għandu jinnotifika lill-Organizzazzjoni bl-aġenziji tal-gvern jew mhux governattivi responsabbli għat-twettiq tal-funzjonijiet speċifikati fil-paragrafu (2) ta’ dan l-Artikolu. L-organizzazzjoni għandha speċifikament tapprova aġenzija mhux governattiva f’konformità mar-regoli approvati mill-Kunsill.

(4)    Membru esportatur, fuq bażi eċċezzjonali u b’ġustifikazzjoni xierqa, jista’ jissottometti, għall-approvazzjoni tal-Kunsill, talba biex jippermetti d-data mogħtija fiċ-Ċertifikati tal-Oriġini dwar l-esportazzjonijiet tiegħu tal-kafè tiġi trażmessa lill-Organizzazzjoni bl-użu ta’ metodu alternattiv.

Artikolu 32

Studji, stħarriġ u rapporti

(1)Sabiex tassisti lill-Membri, l-Organizzazzjoni għandha tippromwovi l-preparazzjoni tal-istudji, l-istħarriġ, ir-rapporti tekniċi u dokumenti oħrajn dwar aspetti rilevanti tas-settur tal-kafè.

(2)Dan jista’ jinkludi ħidma fuq l-ekonomija tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-kafè, analiżi tal-katina tal-valur tal-kafè, l-impatt tat-tibdil fil-klima, approċċi għall-ġestjoni tar-riskji finanzjarji u tipi oħra ta’ riskji, l-impatt tal-politiki governattivi fuq il-produzzjoni u l-konsum tal-kafè, l-aspetti ta’ sostenibbiltà tas-settur tal-kafè, ir-rabtiet bejn il-kafè u s-saħħa u l-opportunitajiet għall-espansjoni tas-swieq tal-kafè għal użi tradizzjonali u mhux tradizzjonali kif ukoll suġġetti oħra li jistgħu jitqiesu rilevanti mill-Kunsill.

(3)    L-informazzjoni miġbura, kkumpilata, analizzata u mqassma tista’ wkoll tinkludi, fejn ikun teknikament possibbli:

(a)    Il-kwantitajiet u l-prezzijiet tal-kafè relatati ma’ fatturi bħal żoni ġeografiċi differenti, familji, komunitajiet lokali u kundizzjonijiet tal-produzzjoni;

(b)    Informazzjoni dwar l-istrutturi tas-suq, is-swieq niċċa u x-xejriet emerġenti fil-produzzjoni u l-konsum; u

(c)    Studji relatati mal-progress fl-introjtu għall-għajxien u prosperu.

(4)    Sabiex iwettaq id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (1) ta’ dan l-Artikolu, il-Kunsill għandu jikkunsidra dawk l-istudji, l-istħarriġ u r-rapporti li għandhom jiġu inklużi fil-programm annwali ta’ attivitajiet, mal-istima tal-ħtiġijiet tar-riżorsi, waqt li jagħti attenzjoni speċjali għall-bdiewa fuq skala żgħira u medja u produtturi oħra. Dawn l-attivitajiet għandhom jiġu ffinanzjati jew minn dispożizzjonijiet fil-Baġit Amministrattiv jew minn sorsi ekstrabaġitarji.

(5)    L-Organizzazzjoni għandha tagħmel enfasi partikolari fuq l-iffaċilitar tal-aċċess għall-informazzjoni minn bdiewa ta’ daqs żgħir u medju u produtturi oħra biex tgħinhom itejbu s-sostenibbiltà, il-produttività u l-prestazzjoni finanzjarja tagħhom, inkluż il-ġestjoni tal-kreditu u r-riskju.



KAPITOLU X – ATTIVITAJIET TAL-PROĠETT TAL-ORGANIZZAZZJONI

Artikolu 33

Żvilupp u finanzjament tal-proġetti

(1)    Il-Membri u d-Direttur Eżekuttiv jistgħu jippreżentaw proposti għal proġetti permezz tal-Kumitat tal-Ekonomija lill-Kunsill. Dawn il-proposti għandhom jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi ta’ dan il-Ftehim u ta’ wieħed jew aktar mill-oqsma ta’ prijorità għall-ħidma identifikati fil-pjan ta’ azzjoni strateġika u fil-programm annwali ta’ attivitajiet approvati mill-Kunsill skont l-Artikolu 10.

(2)    Il-Kunsill għandu jistabbilixxi u jaġġorna l-proċeduri u l-mekkaniżmi għall-preżentazzjoni, il-valutazzjoni, l-approvazzjoni, il-prijoritizzazzjoni u l-finanzjament ta’ proġetti, kif ukoll għall-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tagħhom, u t-tixrid wiesa’ tar-riżultati. Il-Kumitat tal-Ekonomija għandu jkun responsabbli għat-twettiq ta’ dawn il-proċeduri u l-mekkaniżmi u biex jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill.

(3)F’kull sessjoni tal-Kunsill id-Direttur Eżekuttiv għandu jirrapporta dwar l-istatus tal-proġetti kollha approvati mill-Kunsill, inkluż dawk li qed jistennew il-finanzjament, li qed jiġu implimentati jew li tlestew mill-aħħar sessjoni preċedenti tal-Kunsill.

(4)    L-Organizzazzjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkoopera ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, istituzzjonijiet finanzjarji, aġenziji ta’ żvilupp multilaterali u bilaterali u donaturi pubbliċi u privati, sabiex tikseb assistenza finanzjarja u appoġġ għall-eżekuzzjoni ta’ programmi, proġetti u attivitajiet ta’ interess għall-ekonomija tal-kafè kif xieraq.



KAPITOLU XI – IS-SETTUR TAL-KAFÈ PRIVAT

Artikolu 34

Bord ta’ Membri Affiljati

(1)    Il-Bord tal-Membri Affiljati (BAM, Board of Affiliate Members) għandu jkun korp konsultattiv li jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet fuq talba tal-Kunsill, kif ukoll jistieden lill-Kunsill u lill-korpi sussidjarji tiegħu biex jinkludu fl-Aġendi tagħhom u jiddeċiedu dwar kwistjonijiet relatati ma’ dan il-Ftehim u mal-istat tas-settur dinji tal-kafè.

(2)    Il-BAM għandu jikkonsisti mill-Membri Affiljati kollha.

(3)    Il-BAM għandu jkollu President u Viċi President eletti minn fost il-membri tiegħu, għal perjodu ta’ sena. Dawn l-uffiċjali jistgħu jiġu eletti mill-ġdid. Il-President u l-Viċi President ma għandhomx jitħallsu mill-Organizzazzjoni.

(4)    Il-President u l-Viċi President tal-BAM għandhom jiġu mistiedna mill-Kunsill biex jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Kunsill u għandu jkollhom id-dritt li jitkellmu.

(5)    Il-President u l-Viċi President tal-BAM għandhom jirrappreżentaw lill-Bord fil-Grupp ta’ Ħidma Pubbliku-Privat dwar il-Kafè (CPPWP).

(6)    Il-BAM għandu normalment jiltaqa’ fis-sede tal-Organizzazzjoni, qabel is-sessjonijiet regolari tal-Kunsill u mingħajr ebda konflitt ta’ skedar mas-sessjonijiet imsemmija. F’każ ta’ aċċettazzjoni mill-Kunsill ta’ stedina minn Membru biex issir laqgħa fit-territorju tiegħu, il-BAM għandu jiltaqa’ wkoll f’dak it-territorju, f’liema każ il-kostijiet addizzjonali għall-Organizzazzjoni involuta li jkunu aktar minn dawk imġarrba meta l-laqgħa ssir fis-sede tal-Organizzazzjoni għandhom jitħallsu mill-pajjiż jew mill-organizzazzjoni tas-Settur Privat li tkun qed tospita l-laqgħa.

(7)    Il-BAM jista’ jorganizza laqgħat speċjali soġġett għall-approvazzjoni mill-Kunsill.

(8)    Il-BAM għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess, konsistenti mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.



Artikolu 35

Grupp ta’ Ħidma Pubbliku-Privat tal-Kafè – CPPWP

(1)    Il-Grupp ta’ Ħidma Pubbliku-Privat dwar il-Kafè (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ is-CPPWP), huwa mekkaniżmu ta’ sħubija pubblika-privata b’diversi partijiet ikkonċernati li l-għan tiegħu huwa li jidentifika u jimplimenta azzjonijiet prattiċi u marbuta biż-żmien biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tal-livelli tal-prezzijiet, il-volatilità tal-prezzijiet u s-sostenibbiltà fit-tul tas-settur tal-kafè.

(2)    Is-CPPWP għandu:

(a)    Jibni kunsens dwar kwistjonijiet u l-azzjonijiet ta’ prijorità li għandhom jiġu ppreżentati għall-kunsiderazzjoni lill-Kunsill u kondiviżi mal-Forum tas-CEOs u tal-Mexxejja Global (CGLF);

(b)    Imexxi d-djalogu pubbliku-privat u jsegwi l-progress fir-rigward tal-impenji dwar il-kwistjonijiet tal-livelli tal-prezzijiet, il-volatilità tal-prezzijiet u s-sostenibbiltà fit-tul tas-settur tal-kafè;

(c)    Jixpruna l-iżvilupp u l-operazzjonalizzazzjoni ulterjuri tal-impenji u l-inizjattivi approvati mill-Kunsill rigward il-kwistjoni tal-livelli tal-prezzijiet u s-sostenibbiltà fit-tul tas-settur tal-kafè; u

(d)    Jiżviluppa kontinwament viżjoni kondiviża u l-aġenda għal djalogu pubbliku-privat, jindirizza kwistjonijiet urġenti li jinvolvu s-settur tal-kafè, jiċċara l-aspettattivi u jidentifika opportunitajiet u riżorsi għal azzjoni kondiviża.

(3)    Is-CPPWP għandu jkun magħmul minn delegati nnominati mill-Kunsill u rappreżentanti tas-Settur Privat f’numri ugwali. Rappreżentanti tas-Soċjetà Ċivili u organizzazzjonijiet internazzjonali jistgħu jingħaqdu mas-CPPWP taħt kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill.

(4)    Id-Direttur Eżekuttiv għandu jaġixxi bħala segretarju ex-officio tas-CPPWP b’membru tal-persunal maħtur li jservi bħala sostitut u li jaġixxi f’ismu kull meta jkun meħtieġ.

(5)    Is-CPPWP għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess, konsistenti mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim u t-Termini ta’ Referenza approvati mill-Kunsill.

(6)    Is-CPPWP għandu jistabbilixxi l-mekkaniżmi tiegħu stess biex jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati interessati tas-settur tal-kafè pubbliku u privat, lis-sħab għall-iżvilupp u lis-Soċjetà Ċivili fil-valutazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ prijorità u fl-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki u soluzzjonijiet.

(7)    Is-CPPWP għandu jippreżenta rapporti regolari u d-deliberazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Kunsill għall-konsiderazzjoni.

Artikolu 36

Involviment, integrazzjoni u inklużività

(1)    Il-Kunsill u l-korpi sussidjarji tiegħu, inkluż is-CPPWP, għandhom jippermettu lill-Membri Affiljati kif ukoll lill-organizzazzjonijiet internazzjonali, fejn xieraq, biex:

(a)    Jipprovdu analiżi esperta dwar kwistjonijiet direttament mill-esperjenza tagħhom fil-qasam;

(b)    Iservu bħala aġenti ta’ twissija bikrija;

(c)    Jgħinu biex titqajjem kuxjenza pubblika dwar kwistjonijiet rilevanti;

(d)    Jikkontribwixxu għall-avvanz tal-għanijiet ta’ dan il-Ftehim; u

(e)    Jikkontribwixxu b’informazzjoni rilevanti f’avvenimenti tal-Organizzazzjoni.

(2)    Filwaqt li jirrikonoxxu wkoll li l-Organizzazzjoni tipprovdi opportunitajiet għall-Membri Affiljati biex jinstemgħu minn udjenza wiesgħa u jikkontribwixxu għall-aġenda tagħha, il-Membri Affiljati jistgħu:

(a)    Jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Organizzazzjoni bl-approvazzjoni tal-Kunsill, jew f’dawk li jinsabu fil-programm ta’ attivitajiet;

(b)    Jiksbu u jikkondividu informazzjoni, għarfien u prattiki tajbin mal-Membri u Membri Affiljati oħra permezz tal-għodod kollaborattivi pprovduti lilhom mill-Organizzazzjoni jew permezz ta’ mezzi oħra;

(c)    Jattendu konferenzi u avvenimenti internazzjonali affiljati mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kafè (ICO - International Coffee Organisation);

(d)    Jagħmlu dikjarazzjonijiet bil-miktub u orali f’dawn l-avvenimenti;

(e)    Jorganizzaw avvenimenti paralleli;

(f)    Jaċċessaw l-informazzjoni u d-data; u

(g)    Ikollhom opportunitajiet ta’ networking u lobbjar sabiex jespandu l-kuntatti u l-bażi tal-għarfien tagħhom biex jesploraw sħubijiet possibbli ma’ diversi partijiet ikkonċernati.



Artikolu 37

Konferenza Dinjija dwar il-Kafè

(1)    Il-Kunsill għandu jagħmel arranġamenti biex jorganizza, f’intervalli xierqa, Konferenza Dinjija dwar il-Kafè (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-Konferenza), li għandha tkun magħmula minn Membri esportaturi u importaturi, rappreżentanti tas-Settur Privat, u parteċipanti oħra interessati, inkluż parteċipanti minn pajjiżi mhux membri. Il-Kunsill, f’koordinazzjoni mal-President tal-Konferenza, għandu jiżgura li l-Konferenza tikkontribwixxi biex jitmexxew ’il quddiem l-objettivi ta’ dan il-Ftehim.

(2)    Il-Konferenza għandu jkollha President li ma għandux jitħallas mill-Organizzazzjoni. Il-President għandu jinħatar mill-Kunsill għal perjodu xieraq, u għandu jiġi mistieden jipparteċipa fil-laqgħat tal-Kunsill bħala osservatur.

(3)    Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar il-forma, it-titolu, is-suġġett u ż-żmien tal-Konferenza, filwaqt li jżomm lill-Bord tal-Membri Affiljati u l-Grupp ta’ Ħidma Pubbliku-Privat dwar il-Kafè infurmati b’dan. Il-Konferenza għandha normalment tinżamm fis-sede tal-Organizzazzjoni, matul seduta tal-Kunsill. Fil-każ li l-Kunsill jaċċetta stedina minn Membru li jagħmel sessjoni fit-territorju tiegħu, il-Konferenza tista’ wkoll issir f’dak it-territorju, f’liema każ il-kostijiet addizzjonali involuti għall-Organizzazzjoni li jkunu aktar minn dawk imġarrba meta l-laqgħa ssir fis-sede, jitħallsu minn dak il-pajjiż li jospita l-laqgħa.

(4)    Sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor, il-Konferenza għandha tiffinanzja lilha nfisha.

(5)    Il-President għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar il-konklużjonijiet tal-Konferenza.

Artikolu 38

Finanzjament tas-Settur tal-Kafè

   Il-Kumitat Ekonomiku għandu jiffaċilita l-konsultazzjonijiet dwar suġġetti relatati mal-finanzjament u l-mekkaniżmi tal-ġestjoni tar-riskju fis-settur tal-kafè, b’enfasi partikolari fuq il-ħtiġijiet tal-produtturi fuq skala żgħira u medja, il-bdiewa u l-komunitajiet lokali fiż-żoni li jipproduċu l-kafè.



KAPITOLU XII – DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 39

Tħejjijiet għal Ftehim ġdid

(1)    Il-Kunsill jista’ jeżamina l-possibbiltà li jinnegozja Ftehim Internazzjonali tal-Kafè ġdid.

(2)    Sabiex iwettaq din id-dispożizzjoni, il-Kunsill għandu jeżamina l-progress li għamlet l-Organizzazzjoni fil-kisba tal-għanijiet ta’ dan il-Ftehim kif speċifikat fl-Artikolu 1.



KAPITOLU XIII – ŻVILUPP SOSTENIBBLI

Artikolu 40

Settur tal-kafè sostenibbli

(1)    Il-membri għandhom jagħtu l-prijorità dovuta lill-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi u l-ipproċessar tal-kafè, filwaqt li jżommu f’moħħhom il-prinċipji u l-objettivi dwar l-iżvilupp sostenibbli fit-3 dimensjonijiet tiegħu – ekonomiku, soċjali u ambjentali – b’mod bilanċjat u integrat, li jinsabu fl-SDGs tan-Nazzjonijiet Uniti u inizjattivi globali relatati oħra li ġew approvati mill-Membri.

(2)    L-organizzazzjoni tista’, fuq talba, tassisti lill-Membri biex jiżviluppaw b’mod sostenibbli s-settur tal-kafè tagħhom bl-għan li tippromwovi l-prosperità għall-bdiewa tal-kafè u għall-partijiet ikkonċernati kollha tal-kafè, filwaqt li ttejjeb il-produttività, il-kwalità, ir-reżiljenza, u l-profittabbiltà fil-katina tal-valur tal-kafè, b’mod partikolari għall-bdiewa fuq skala żgħira u produtturi oħra tal-kafè fuq skala żgħira.

Artikolu 41

Standard tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol

Il-membri għandhom iqisu t-titjib tal-istandard tal-għajxien u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-popolazzjonijiet involuti fis-settur tal-kafè, skont l-istadju tagħhom tal-iżvilupp, fid-dawl ta’ prinċipji rikonoxxuti internazzjonalment u standards applikabbli dwar dawn il-kwistjonijiet. Barra minn hekk, il-Membri jaqblu li l-istandards tax-xogħol ma għandhomx jintużaw għal skopijiet ta’ kummerċ protezzjonist.



KAPITOLU XIV – KONSULTAZZJONIJIET, TILWIM U LMENTI

Artikolu 42

Konsultazzjonijiet

   Kull Membru għandu jagħti kunsiderazzjoni simpatetika lil konsultazzjoni u għandu joffri opportunità xierqa għal korrispettiv dwar it-tali rappreżentazzjonijiet li jistgħu jsiru minn Membru ieħor dwar kwalunkwe kwistjoni li għandha x’taqsam ma’ dan il-Ftehim. Matul tali konsultazzjoni, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet u bil-kunsens tal-parti l-oħra, id-Direttur Eżekuttiv għandu jistabbilixxi bord indipendenti li jaġixxi bħala medjatur bil-ħsieb li jikkonċilja l-partijiet. Il-kostijiet tal-bord ma għandhomx jitħallsu mill-Organizzazzjoni. Jekk parti ma taqbilx li jiġi stabbilit bord mid-Direttur Eżekuttiv, jew jekk il-konsultazzjoni ma twassalx għal soluzzjoni, il-kwistjoni tista’ tiġi riferita lill-Kunsill f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43. Jekk il-konsultazzjoni twassal għal soluzzjoni, din għandha tiġi rrapportata lid-Direttur Eżekuttiv, li għandu jqassam ir-rapport lill-Membri kollha.

Artikolu 43

Tilwim u lmenti

(1)    Kwalunkwe tilwima dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim li ma tiġix solvuta permezz tan-negozjati għandha, fuq talba ta’ kwalunkwe Membru li jkun parti mit-tilwima, tiġi riferita lill-Kunsill għal deċiżjoni.

(2)    Il-Kunsill għandu jistabblixxi proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim u l-ilmenti.



KAPITOLU XV – DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 44

Firma u ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni

(1)    Ħlief kif provdut mod ieħor, dan il-Ftehim għandu jkun disponibbli għall-iffirmar fil-kwartieri ġenerali tad-Depożitarju mis-6 ta’ Ottubru 2022 sa u inkluż it-30 ta’ April 2023 mill-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim Internazzjonali dwar il-Kafè tal-2007 u mill-Gvernijiet mistiedna għas-sessjoni tal-Kunsill fejn ġie adottat dan il-Ftehim.

(2)    Dan il-Ftehim għand jkun soġġett għar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni mill-Gvernijiet firmatarji f’konformità mal-proċeduri legali rispettivi tagħhom.

(3)    Ħlief kif provdut fl-Artikolu 46, l-istrumenti tar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni għandhom jiġu ddepożitati mad-Depożitarju sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju 2023. Madankollu, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jagħti estensjonijiet ta’ żmien lill-Gvernijiet firmatarji li ma jkunux jistgħu jiddepożitaw l-istrumenti tagħhom sa dik id-data. Il-Kunsill għandu jittrażmetti dawn id-deċiżjonijiet lid-Depożitarju.

(4)    Mal-iffirmar u r-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni, jew in-notifika ta’ applikazzjoni proviżorja, l-Unjoni Ewropea għandha tiddepożita dikjarazzjoni mad-Depożitarju li tikkonferma l-kompetenza esklużiva tiegħu fuq kwistjonijiet irregolati minn dan il-Ftehim. L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea ma għandhomx ikunu eliġibbli biex isiru Partijiet Kontraenti għall-Ftehim.

Artikolu 45

Applikazzjoni proviżorja

   Gvern firmatarju li bi ħsiebu jirratifika, jaċċetta jew japprova dan il-Ftehim jista’, fi kwalunkwe ħin, jinnotifika lid-Depożitarju li se japplika dan il-Ftehim proviżorjament f’konformità mal-proċeduri legali tiegħu.

Artikolu 46

Dħul fis-seħħ

(1)    Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ definittivament meta l-Gvernijiet firmatarji li għandhom mill-inqas żewġ terzi tal-voti tal-Membri li jesportaw u l-Gvernijiet firmatarji li għandhom mill-inqas żewġ terzi tal-voti tal-Membri li jimportaw, ikkalkolati fis-6 ta’ Ġunju 2022, mingħajr referenza għas-sospensjoni possibbli skont l-Artikolu 22, ikunu ddepożitaw strumenti ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni. Alternattivament, għandu jidħol fis-seħħ definittivament fi kwalunkwe ħin jekk ikun fis-seħħ proviżorjament f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (2) ta’ dan l-Artikolu u dawn ir-rekwiżiti dwar il-perċentwal jiġu sodisfati bid-depożitu ta’ strumenti ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni.

(2)    Jekk dan il-Ftehim ma jkunx daħal fis-seħħ definittivament sal-31 ta’ Lulju 2023, għandu jidħol fis-seħħ proviżorjament f’dik id-data, jew fi kwalunkwe data fi żmien 12-il xahar wara, jekk il-Gvernijiet firmatarji li jkollhom voti kif deskritt fil-paragrafu (1) ta’ dan l-Artikolu, ikunu ddepożitaw strumenti ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni, jew ikunu nnotifikaw lid-Depożitarju f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 45.

(3)    Jekk dan il-Ftehim ikun daħal fis-seħħ proviżorjament iżda ma jkunx daħal fis-seħħ definittivament sal-31 ta’ Lulju 2024, għandu jieqaf milli jkun fis-seħħ proviżorjament sakemm dawk il-Gvernijiet firmatarji li jkunu ddepożitaw l-istrumenti ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni, jew li jkunu nnotifikaw lid-Depożitarju f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 45, jiddeċiedu, b’kunsens komuni, li għandu jkompli fis-seħħ proviżorjament għal perjodu speċifiku ta’ żmien. Dawn il-Gvernijiet firmatarji jistgħu wkoll jiddeċiedu, b’kunsens komuni, li dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ definittivament fosthom.

(4)    Jekk dan il-Ftehim ma jkunx daħal fis-seħħ definittivament sal-31 ta’ Lulju 2024 f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (1) jew (2) ta’ dan l-Artikolu, dawk il-Gvernijiet firmatarji li ddepożitaw strumenti ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni, f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tagħhom, jistgħu jiddeċiedu, b’kunsens komuni, li dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ definittivament bejniethom.

Artikolu 47

Adeżjoni

(1)    Ħlief fejn previst mod ieħor f’dan il-Ftehim, il-Gvern ta’ kwalunkwe stat membru tan-Nazzjonijiet Uniti jew ta’ kwalunkwe aġenzija speċjalizzata tiegħu jew kwalunkwe organizzazzjoni intergovernattiva deskritta fil-paragrafu (3) tal-Artikolu 4 jista’ jaderixxi ma’ dan il-Ftehim f’konformità mal-proċeduri li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill.

(2)    L-istrumenti tal-adeżjoni għandhom ikunu ddepożitati għand id-Depożitarju. L-adeżjoni għandha tidħol fis-seħħ mad-depożitu tal-istrument.

(3)    Malli jiġi depożitat strument tal-adeżjoni, kwalunkwe organizzazzjoni intergovernattiva msemmija fl-Artikolu 4, il-paragrafu (3) għandha tiddepożita dikjarazzjoni li tikkonferma l-kompetenza esklussiva tagħha dwar kwistjonijiet irregolati minn dan il-Ftehim. L-istati membri ta’ tali organizzazzjoni ma għandhomx ikunu eliġibbli biex isiru Partijiet Kontraenti għal dan il-Ftehim.

Artikolu 48

Riżervi

   Ma jistgħu jsiru ebda riżervi fir-rigward ta’ xi dispożizzjoni ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 49

Irtirar volontarju

   Kwalunkwe Parti Kontraenti tista’ tirtira minn dan il-Ftehim fi kwalunkwe ħin billi tagħti avviż tal-irtirar bil-miktub lid-Depożitarju. L-irtirar għandu jsir effettiv 90 jum wara li jiġi riċevut l-avviż.

Artikolu 50

Esklużjoni

   Jekk il-Kunsill jiddeċiedi li xi Membru jkun kiser l-obbligi tiegħu taħt dan il-Ftehim u jiddeċiedi wkoll li dan il-ksur ifixkel b’mod sinifikanti l-operat ta’ dan il-Ftehim, jista’ jeskludi lil dan il-Membru mill-Organizzazzjoni. Il-Kunsill għandu minnufih jgħarraf lid-Depożitarju b’din id-deċiżjoni. 90 jum wara d-data tad-deċiżjoni tal-Kunsill, tali Membru ma għandux jibqa’ Membru tal-Organizzazzjoni u Parti f’dan il-Ftehim.

Artikolu 51

Saldu tal-kontijiet ma’ Membri li jirtiraw jew ġew esklużi

(1)    Il-Kunsill għandu jiddetermina kwalunkwe saldu tal-kontijiet ma’ Membru li jirtira jew li jiġi eskluż. L-organizzazzjoni għandha żżomm xi ammonti li diġà tħallsu minn Membru li jirtira jew li jiġi eskluż u tali Membru jibqa’ marbut li jħallas kwalunkwe ammont dovut minnu lill-Organizzazzjoni fil-mument meta l-irtirar jew l-esklużjoni ssir effettiva; sakemm, madankollu, li fil-każ ta’ Parti Kontraenti li ma tistax taċċetta emenda u għalhekk tieqaf milli tipparteċipa f’dan il-Ftehim taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 53, il-paragrafu (2), il-Kunsill jista’ jiddetermina kwalunkwe saldu tal-kontijiet li jqis ekwu.

(2)    Membru li jkun waqaf jipparteċipa f’dan il-Ftehim ma għandux ikun intitolat għal xi sehem tad-dħul ta’ likwidazzjoni jew għall-assi l-oħrajn tal-Organizzazzjoni; lanqas ma għandu jkun obbligat għall-pagament ta’ xi parti mid-defiċit, jekk ikun hemm, tal-Organizzazzjoni mat-tmiem ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 52

Tul u terminazzjoni

(1)    Dan il-Ftehim għandu jibqa’ fis-seħħ sakemm jiġi tterminat mill-Kunsill skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (3) ta’ dan l-Artikolu.

(2)    Il-Kunsill għandu jirrevedi dan il-Ftehim kull ħames snin, wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, jekk ikun meħtieġ jew kull meta tinqala’ l-ħtieġa, b’mod partikolari biex jakkomoda u jirrispondi għal sfidi u opportunitajiet ġodda, u jieħu deċiżjonijiet kif xieraq.

(3)    Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jtemm dan il-Ftehim f’kull ħin. It-terminazzjoni għandha tidħol fis-seħħ f’data li jiddeċiedi l-Kunsill.

(4)    Minkejja t-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-Kunsill għandu jibqa’ jeżisti sakemm ikun meħtieġ biex jieħu tali deċiżjonijiet li hemm bżonn matul il-perjodu ta’ żmien meħtieġ għal-likwidazzjoni tal-Organizzazzjoni, is-saldu tal-kontijiet u d-disponiment tal-assi tagħha.

(5)    Kwalunkwe deċiżjoni meħuda fir-rigward tat-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim u kwalunkwe notifika riċevuta mill-Kunsill skont dan l-Artikolu għandha tiġi trażmessa kif xieraq mill-Kunsill lid-Depożitarju.

Artikolu 53

Emenda

(1)    Il-Kunsill jista’ jipproponi emenda tal-Ftehim u għandu jikkomunika din il-proposta lill-Partijiet Kontraenti kollha. L-emenda għandha tidħol fis-seħħ għall-Membri kollha tal-Organizzazzjoni 100 jum wara li d-Depożitarju jkun irċieva notifiki ta’ aċċettazzjoni minn Partijiet Kontraenti li għandhom mill-inqas żewġ terzi tal-voti tal-Membri esportaturi, u minn Partijiet Kontraenti li jkollhom mill-inqas żewġ terzi tal-voti tal-Membri importaturi. Il-perċentwal ta’ żewġ terzi msemmi hawn għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tal-għadd ta’ Partijiet Kontraenti għall-Ftehim fil-ħin li l-proposta tal-emenda ġiet iċċirkolata għall-aċċettazzjoni lill-Partijiet Kontraenti kkonċernati. Il-Kunsill għandu jiffissa żmien li fih il-Partijiet Kontraenti għandhom jinnotifikaw lid-Depożitarju dwar l-aċċettazzjoni tal-emenda tagħhom, li għandha tkun ikkomunikata mill-Kunsill lill-Partijiet Kontraenti kollha u lid-Depożitarju. Jekk, malli jiskadi dan it-terminu, ir-rekwiżiti ta’ perċentwal għad-dħul fis-seħħ tal-emenda ma jkunux intlaħqu, l-emenda għandha titqies irtirata.

(2)    Sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor, kwalunkwe Parti Kontraenti li ma tkunx innotifikat lid-Depożitarju bl-aċċettazzjoni tagħha ta’ emenda f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (1) ta’ dan l-Artikolu fil-perjodu stabbilit mill-Kunsill għandha tieqaf milli tkun Parti Kontraenti għal dan il-Ftehim mid-data li fiha tali emenda ssir effettiva.

(3)    Il-Kunsill għandu jinnotifika lid-Depożitarju bi kwalunkwe emenda mqassma lill-Partijiet Kontraenti skont dan l-Artikolu.

Artikolu 54

Dispożizzjoni supplementarja u tranżitorja

   L-atti kollha mill-Organizzazzjoni jew f’isimha jew kwalunkwe organu tagħha taħt il-Ftehim Internazzjonali dwar il-Kafè tal-2007 għandhom jibqgħu fis-seħħ sa meta jidħol fis-seħħ dan il-Ftehim.



Artikolu 55

Testi awtentiċi tal-Ftehim

   It-testi ta’ dan il-Ftehim fil-lingwa Ingliża, Franċiża, Portugiża u Spanjola huma kollha awtentiċi ndaqs. L-oriġinali għandhom jiġu ddepożitati għand id-Depożitarju.

   B’XHIEDA TA’ DAN, is-sottoskritti, wara li ġew debitament awtorizzati għal dan l-għan mill-Gvernijiet rispettivi tagħhom, iffirmaw dan il-Ftehim fid-dati li jidhru faċċata tal-firem tagħhom.



ANNESS I

FATTURI TA’ KONVERŻJONI GĦAL KAFÈ INKALJAT, DEKAFEINAT,

KAFÈ LIKWIDU U SOLUBBLI KIF DEFINIT

FIL-FTEHIM INTERNAZZJONALI DWAR IL-KAFÈ TAL-2007

Kafè inkaljat

Biex il-kafè inkaljat jiġi kkonvertit f’ekwivalenti ta’ kafena ħadra, immultiplika l-piż nett tal-kafè inkaljat b’1,19.

Kafè dekafeinat

Biex il-kafè aħdar dekafeinat jiġi kkonvertit f’ekwivalenti ta’ kafena ħadra, immultiplika l-piż nett tal-kafè aħdar dekafeinat b’1,05. Biex tikkonverti kafè dekafeinat inkaljat u dekafeinat solubbli f’ekwivalenti ta’ kafena ħadra, immultiplika l-piż nett tiegħu b’1,25 jew 2,73, rispettivament.

Kafè likwidu

Biex tikkonverti l-kafè likwidu f’ekwivalenti ta’ kafena ħadra, immultiplika l-piż nett tas-solidi tal-kafè mnixxfa li jinsabu fil-kafè likwidu bi 2,6.

Kafe solubbli

Biex il-kafè solubbli jiġi kkonvertit f’ekwivalenti ta’ kafena ħadra, immultiplika l-piż nett tal-kafè solubbli bi 2,6.

Kafè mħallat minn qabel

Għandu jiġi ddeterminat, skont ir-Riżoluzzjoni 476 approvata mill-Kunsill Internazzjonali tal-Kafè fid-9 ta’ Ġunju 2022.

Il-Kunsill Internazzjonali tal-Kafè (ICC - International Coffee Council)    Riżoluzzjoni 477

9 ta’ Ġunju 2022

Oriġinali: Bl-Ingliż

E

Il-Kunsill Internazzjonali tal-Kafè

Il-133 Sessjoni (Speċjali)

Sessjoni Virtwali

it-8 u d-9 ta’ Ġunju 2022

Londra, ir-Renju Unit

Riżoluzzjoni Numru 477

Approvata fit-tieni laqgħa plenarja, id-9 ta’ Ġunju 2022

Depożitarju tal-

Ftehim Internazzjonali dwar il-Kafè tal-2022

BILLI:

l-paragrafu (10) tal-Artikolu 2 tal-Ftehim Internazzjonali dwar il-Kafè 2022 jipprevedi li l-Kunsill għandu jaħtar lid-Depożitarju b’deċiżjoni ta’ kunsens qabel is-6 ta’ Ottubru 2022 u li tali deċiżjoni għandha tifforma parti integrali mill-Ftehim tal-2022,

IL-KUNSILL INTERNAZZJONALI TAL-KAFÈ

JIDDEĊIEDI LI:

1.Jinnomina l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kafè bħala d-Depożitarju tal-Ftehim Internazzjonali dwar il-Kafè tal-2022.

2.Jitlob lid-Direttur Eżekuttiv, fil-kapaċità tiegħu bħala kap uffiċjal amministrattiv tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kafè, biex jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura li l-Organizzazzjoni twettaq il-funzjonijiet tad-Depożitarju għall-Ftehim tal-2022, b’mod konsistenti mal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1969 dwar il-Liġi tat-Trattati, inkluż iżda mhux limitat għal:

(a)    Iż-żamma tal-kustodja tat-test oriġinali tal-Ftehim u ta’ kwalunkwe Setgħa Sħiħa mogħtija lid-Depożitarju.

(b)    It-tħejjija u ċ-ċirkolazzjoni ta’ kopji veri ċċertifikati tal-Ftehim oriġinali.

(c)    Ir-riċeviment ta’ kwalunkwe firma għall-Ftehim, u r-riċeviment u ż-żamma tal-kustodja ta’ kwalunkwe strument, notifika u komunikazzjoni relatata miegħu.

(d)    L-eżaminar ta’ jekk il-firma jew kwalunkwe strument, notifika jew komunikazzjoni relatata mal-Ftehim hijiex f’forma xierqa u kif suppost.

(e)    Iċ-ċirkolazzjoni ta’ atti, notifiki u komunikazzjonijiet relatati mal-Ftehim.

(f)    L-għoti ta’ pariri dwar meta jkunu ġew depożitati l-għadd ta’ strumenti ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni, jew notifiki ta’ applikazzjoni proviżorja, meħtieġa għad-dħul fis-seħħ jew għad-dħul fis-seħħ proviżorju tal-Ftehim kif stabbilit fl-Artikolu 46 tiegħu.

(g)    Ir-reġistrazzjoni tal-Ftehim mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(h)    Fil-każ ta’ kwalunkwe mistoqsija dwar it-twettiq tal-funzjonijiet tad-Depożitarju, li l-kwistjoni tinġieb għall-attenzjoni tal-firmatarji u tal-Partijiet Kontraenti, jew, fejn xieraq, tal-Kunsill Internazzjonali tal-Kafè.

B’dan niċċertifika li dan ta’ hawn fuq huwa kopja vera tal-Ftehim Internazzjonali dwar il-Kafè 2022, adottat bir-Riżoluzzjoni 476 tal-Kunsill Internazzjonali tal-Kafè fid-9 ta’ Ġunju 2022 fil-133 Sessjoni tiegħu, li l-oriġinal tiegħu huwa ddepożitat għand l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kafè.

Vanúsia Nogueira

Id-Direttur Eżekuttiv

L-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kafè

Londra, ir-Renju Unit, id-29 ta’ Lulju 2022

Top