Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52025PC0465

Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea għal Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd Sostenibbli u għal Protokoll ta’ Implimentazzjoni tal-Ftehim mar-Repubblika Gaboniża

COM/2025/465 final

Brussell, 8.9.2025

COM(2025) 465 final

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea għal Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd Sostenibbli u għal Protokoll ta’ Implimentazzjoni tal-Ftehim mar-Repubblika Gaboniża

{SWD(2025) 251 final} - {SWD(2025) 252 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-Kummissjoni tipproponi li jiġi nnegozjat ftehim ġdid għall-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-Sajd Sostenibbli (SFPA, Sustainable Fisheries Partnership Agreement) konkluż mar-Repubblika Gaboniża 1 , u protokoll ta’ Implimentazzjoni li jkunu jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-flotta tal-Unjoni u li jkunu f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 2 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (il-PKS).

Is-sostituzzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-Sajd (FPA) li jeżisti bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gabon permezz ta’ SFPA tirrifletti aħjar il-bidliet li jirriżultaw mir-riforma tal-PKS fl-2013 u b’mod partikolari integrazzjoni aħjar tas-sostenibbiltà.

Fl-10 ta’ Ġunju 2025, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Repubblika Gaboniża 3 nnotifika formalment lill-Unjoni Ewropea bl-intenzjoni tiegħu li jiddenunzja l-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-Sajd (FPA) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gabon. Madankollu, l-awtoritajiet tar-Repubblika Gaboniża esprimew ukoll ir-rieda tagħhom li jinnegozjaw ftehim ġdid dwar is-sajd. L-Unjoni Ewropea jidhrilha li, għalkemm il-Ftehim attwali jibqa’ fis-seħħ, għandu jiġi nnegozjat Ftehim ta’ Sħubija ġdid fis-settur tas-Sajd Sostenibbli (SFPA) sabiex tiġi aġġornata s-Sħubija dwar is-Sajd bejn l-UE u l-Gabon.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat

Il-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd li jeżisti bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gabon ġie ffirmat fis-6 ta’ Ġunju 2007 u daħal fis-seħħ fl-11 ta’ Ġunju 2007. Il-protokoll ta’ implimentazzjoni attwali tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd għal perjodu ta’ 5 snin 4 beda japplika fid-29 ta’ Ġunju 2021 u se jiskadi fit-28 ta’ Ġunju 2026. Dan jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd tal-flotta tal-Unjoni u l-kontribuzzjonijiet finanzjarji korrispondenti li l-Unjoni u s-sidien tal-bastimenti jridu jħallsu. Il-kontribuzzjoni finanzjarja pubblika annwali tal-Unjoni mħallsa lil Gabon għall-aħħar sena ta’ applikazzjoni, tammonta għal EUR 2 600 000, li minnhom EUR 1 000 000 huma allokati għall-appoġġ settorjali.

Il-Protokoll 2021–2026 tal-FPA mal-Gabon jipprovdi opportunitajiet tas-sajd għas-sajd għat-tonn u għall-ispeċijiet tal-ħut li jpassi ħafna għall-bastimenti tal-Unjoni minn żewġ Stati Membri (Spanja u Franza). Il-Protokoll 2021–2026 tal-FPA mal-Gabon jipprevedi wkoll il-possibbiltà li jiġu organizzati kampanji tas-sajd esploratorju minn bastimenti tat-tkarkir li jistadu għall-krustaċji tal-fond minn mhux aktar minn erba’ bastimenti.

L-Unjoni Ewropea diġà għandha network żviluppat ħafna ta’ Ftehimiet bilaterali attivi ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd Sostenibbli (SFPA, Sustainable Fisheries Partnership Agreement) fl-Afrika tal-Punent u Ċentrali, b’mod partikolari mal-Mauritania, ma’ Cabo Verde, mal-Gambja, mal-Guinea-Bissau, mal-Kosta tal-Avorju u ma’ São Tomé u Príncipe. Il-Ftehimiet bilaterali attivi ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd Sostenibbli jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-objettivi tal-PKS internazzjonalment, u jiżguraw li l-attivitajiet tas-sajd tal-Unjoni ’l barra mill-ilmijiet tal-Unjoni jkunu bbażati fuq l-istess prinċipji u standards bħal dawk applikabbli bid-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-Ftehimiet bilaterali attivi ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd Sostenibbli jsaħħu l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fi ħdan l-organizzazzjonijiet tas-sajd internazzjonali u reġjonali b’mod partikolari fi ħdan il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT, International Commission for the Conservation of Atlantic Tunas), li hija l-korp stabbilit skont il-liġi internazzjonali għall-konservazzjoni u għall-ġestjoni ta’ speċijiet migratorji ħafna fir-reġjun. Fl-aħħar nett, il-Ftehimiet bilaterali attivi ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd Sostenibbli jissejsu fuq l-aqwa parir xjentifiku disponibbli u jikkontribwixxu għat-titjib tal-ħarsien tal-miżuri internazzjonali, inkluża l-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (sajd IUU, illegal, unregulated and unreported fishing).

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

In-negozjar ta’ SFPA u ta’ Protokoll mal-Gabon huwa konformi mal-azzjoni esterna tal-Unjoni b’rabta mal-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (il-pajjiżi AKP) u, b’mod partikolari, mal-għanijiet tal-Unjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħarsien tal-prinċipji demokratiċi u tad-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk, l-istrateġija ta’ investiment tal-Global Gateway tal-UE għandha l-għan li tgħin lis-sħab jittrasformaw l-ekonomiji tagħhom billi jaħdmu fuq il-ktajjen tal-valur u l-ħolqien tal-impjiegi biex isaħħu r-reżiljenza ta’ setturi bħas-sajd.

Il-promozzjoni ta’ xogħol deċenti hija żgurata min-negozjar mistenni ta’ klawżola soċjali fi qbil mal-Konvenzjoni C188 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO, International Labour Organization) għall-ħaddiema mill-pajjiż sieħeb li għandhom jiġu impjegati minn bastimenti tal-Unjoni.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi legali

Il-bażi legali hija t-TFUE, il-Parti V “L-Azzjoni esterna tal-Unjoni”, it-Titolu V “Il-Ftehimiet internazzjonali”, l-Artikolu 218 li jistabbilixxi l-proċedura għan-negozjati u għall-konklużjoni ta’ ftehimiet bejn l-UE u pajjiżi terzi.

Il-bażi legali sostantiva hija l-Artikolu 43(2) tat-TFUE dwar il-kisba tal-objettivi tal-politika agrikola u tas-sajd komuni.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Mhux applikabbli; kompetenza esklużiva.

Proporzjonalità

Il-proposta hija proporzjonata mal-għan li jiġi stabbilit qafas ta’ governanza legali, ambjentali, ekonomika u soċjali għall-attivitajiet tas-sajd imwettqa mill-bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet ta’ ċerti pajjiżi terzi, f’konformità mal-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 li jistabbilixxi l-Politika Komuni tas-Sajd.

Għażla tal-istrument

L-għażla tal-istrument tirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 218(3) u (4) tat-TFUE.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni ex post tal-protokoll attwali għall-SFP mal-Gabon kif ukoll evalwazzjoni ex ante ta’ protokoll ġdid possibbli. Ir-rapport ta’ dik l-evalwazzjoni huwa pubbliku 5 .

Bħala konklużjoni, ir-rapport ta’ evalwazzjoni juri li hu fl-interess tas-settur tas-sajd għat-tonn tal-Unjoni li tkompli l-attivitajiet tas-sajd tagħha fil-Gabon. Madankollu, ir-rapport ta’ evalwazzjoni juri wkoll diskrepanza bejn l-għadd tal-possibbiltajiet offruti u l-użu tagħhom fl-aħħar protokoll. Kwalunkwe protokoll fil-ġejjieni għandu jnaqqas l-għadd tal-possibbiltajiet offruti, li għandu jirriżulta fi tnaqqis fil-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Protokoll.

Fid-dawl tal-interess espress mill-flotta tal-Unjoni Ewropea, il-Protokoll il-ġdid jista’ jikkunsidra l-inklużjoni ta’ kategorija kummerċjali ġdida għas-sajd tal-krustaċji tal-fond jekk dan jitħalla mill-aħjar parir xjentifiku disponibbli u mill-informazzjoni rilevanti, inklużi l-konklużjonijiet tal-laqgħat xjentifiċi konġunti li saru bejn l-Unjoni u l-awtoritajiet Gaboniżi matul il-Protokoll tal-2021–2026. It-tiġdid tal-Protokoll se jgħin ukoll biex jissaħħu l-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza, u jagħti kontribut għal governanza mtejba tas-sajd fir-reġjun. L-evalwazzjoni turi li t-tiġdid tal-Protokoll iġib miegħu wkoll benefiċċji għall-Gabon minħabba l-importanza tal-kontribuzzjoni finanzjarja mħallsa skont il-Protokoll għall-iżvilupp tas-settur tas-sajd. Sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji għall-Gabon, ftehim ġdid għandu jħeġġeġ l-interazzjonijiet bejn il-flotta tal-UE u l-atturi lokali u l-appoġġ settorjali jista’ jiffoka fuq l-attivitajiet li jappoġġaw aħjar l-iżvilupp sostenibbli tas-settur tas-sajd fil-livell nazzjonali.

Konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati

Bħala parti mill-evalwazzjoni ġew ikkonsultati l-Istati Membri, ir-rappreżentanti tal-industrija, l-organizzazzjonijiet internazzjonali tas-soċjetà ċivili, kif ukoll l-amministrazzjoni tas-sajd u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tal-Unjoni u tal-Gabon. Ġew organizzati wkoll konsultazzjonijiet fil-qafas tal-Kunsill Konsultattiv għall-Flotta ta’ Distanzi Twal.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

L-evalwazzjonijiet li saru involvew esperti indipendenti fil-qasam.

Valutazzjoni tal-impatt

Mhux applikabbli.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli.

Drittijiet fundamentali

Id-direttivi ta’ negozjar, stabbiliti fl-anness tal-proposta għad-deċiżjoni, jirrakkomandaw l-inklużjoni ta’ klawżola dwar il-konsegwenzi tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

L-implikazzjonijiet baġitarji ta’ protokoll ġdid se jirriżultaw mill-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja lill-Gabon. L-ammonti annwali mistennija għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament huma stabbiliti fil-proċedura baġitarja annwali b’mod kompatibbli mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perjodu 2021-2027, inkluża l-linja ta’ riżerva 30.020200 għall-proposti li ma jkunux daħlu fis-seħħ fil-bidu tas-sena 6 .

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

In-negozjati għandhom jibdew fit-tielet trimestru tal-2025 bl-għan li tiġi limitata l-interruzzjoni tal-attivitajiet tas-sajd mal-iskadenza tal-protokoll attwali li jimplimenta l-SFP fit-28 ta’ Ġunju 2026.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li:

— il-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ u tmexxi negozjati għall-konklużjoni ta’ protokoll ġdid għall-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-Sajd Sostenibbli mal-Gabon u ta’ protokoll ta’ implimentazzjoni;

— il-Kummissjoni tiġi nominata bħala n-negozjatur tal-Unjoni f’dan il-qasam;

— il-Kummissjoni twettaq in-negozjati b’konsultazzjoni mal-kumitat speċjali, kif stabbilit fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

— il-Kunsill japprova d-direttivi ta’ negozjati annessi ma’ din ir-Rakkomandazzjoni.

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea għal Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd Sostenibbli u għal Protokoll ta’ Implimentazzjoni tal-Ftehim mar-Repubblika Gaboniża

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2), flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu, 

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)jaqbel li jiftaħ negozjati bil-ħsieb li jiġi konkluż Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd Sostenibbli u Protokoll ta’ Implimentazzjoni tal-Ftehim mal-Gabon.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tinnegozja, f’isem l-Unjoni, Ftehim ġdid ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd Sostenibbli mar-Repubblika Gaboniża u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu.

Artikolu 2

Id-direttivi ta’ negozjati huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 3

In-negozjati għandhom jitwettqu b’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar il-Politika tas-Sajd.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ftehim ta’ Sħubija attwali dwar is-Sajd, ĠU L 109, 26.4.2007, p. 1–2
(2)    Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
(3)    Ares(2025)4635613
(4)    ĠU L 242, 8.7.2021, p. 5–51
(5)

   https://op.europa.eu/mt/search-results?p_p_id=eu_europa_publications_portlet_search_executor_SearchExecutorPortlet_INSTANCE_q8EzsBteHybf&p_p_lifecycle=1&p_p_state=normal&facet.author=MARE&facet.studies=evaluation&facet.eurovoc.domain=08%2C56%2C20&facet.collection=EUPub&language=fr&startRow=1&resultsPerPage=10&selectedSubjectId=08&elementType=0&keywordOptions=ALL&SEARCH_TYPE=ADVANCED#undefined

(6)    Ara l-Artikolu 20 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda (ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 28).
Top

Brussell, 8.9.2025

COM(2025) 465 final

ANNESS

tar-

Rakkomandazzjoni tad-

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea għal Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd Sostenibbli u għal Protokoll ta’ Implimentazzjoni tal-Ftehim mar-Repubblika Gaboniża

{SWD(2025) 251 final} - {SWD(2025) 252 final}


ANNESS

Direttivi ta’ negozjati

L-għan tan-negozjati huwa li jiġi konkluż Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd Sostenibbli (SFPA) u Protokoll ta’ Implimentazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Gaboniża, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd.

Dan l-SFPA u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu għandu jiddefinixxi l-qafas ġenerali għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-UE fl-ilmijiet tal-Gabon u għall-kooperazzjoni tal-UE mal-Gabon fis-settur tas-sajd.

Biex jiġi promoss sajd sostenibbli u responsabbli filwaqt li jiġu garantiti benefiċċji reċiproċi għall-UE u għall-Gabon, l-għanijiet tan-negozjati tal-Kummissjoni għandhom ikunu bbażati fuq l-elementi li ġejjin:

·jistabbilixxu qafas ta’ kooperazzjoni bilaterali stabbli fil-qasam tas-sajd sostenibbli ;

·jiġu żgurati l-aċċess għaż-żona tas-sajd tal-Gabon u l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa biex il-bastimenti tal-Unjoni jkunu jistgħu jistadu f’din iż-żona u, b’hekk ikun żviluppat, fost l-oħrajn, in-network ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija fis-Settur ta-Sajd Sostenibbli li l-operaturi tal-UE għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom fl-Oċean Atlantiku;

·jiġu implimentati bis-sħiħ il-pjanijiet ta’ ġestjoni rilevanti adottati mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) abbażi tal-aħjar parir xjentifiku disponibbli, sabiex tiġi garantita s-sostenibbiltà ambjentali tal-attivitajiet tas-sajd u tiġi promossa l-governanza tal-oċeani fil-livell internazzjonali. L-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni għandhom ikunu mmirati esklużivament lejn l-eċċess mir-riżorsi disponibbli, filwaqt li jitqiesu l-kapaċitajiet tas-sajd tal-flotta lokali kif ukoll titqies b’mod speċjali n-natura migratorja ħafna tal-istokkijiet ikkonċernati. F’dan il-każ, għall-ispeċijiet migratorji ħafna, l-eċċess disponibbli fl-ilmijiet tal-Gabon tal-ispeċijiet koperti mill-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-Sajd huwa ddefinit permezz tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni għall-ispeċijiet migratorji ħafna fl-Oċean Atlantiku adottati mill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT). Għall-ispeċijiet tal-krustaċji tal-fond, jista’ possibbilment jiġi identifikat eċċess ta’ riżorsi disponibbli filwaqt li jitqies l-aħjar parir xjentifiku disponibbli u l-informazzjoni rilevanti;

·ikun imfittex li jinkiseb sehem xieraq mir-riżorsi tas-sajd, li jikkorrispondi għall-interessi tal-flotta tal-Unjoni,

·ikun imfittex li tinkiseb l-applikazzjoni tal-istess kundizzjonijiet tekniċi għall-flotot barranin kollha fiż-żona tas-sajd tal-Gabon, billi tiddaħħal klawżola dwar in-nondiskriminazzjoni bejn il-flotot, kif ukoll dwar it-trasparenza dwar l-attivitajiet tas-sajd awtorizzati fil-Gabon.

·jiġi żgurat li l-aċċess għaż-żona tas-sajd ikun ibbażat fuq l-attività storika tal-flotta tal-Unjoni fir-reġjun u fuq dik li mistennija jkollha fir-reġjun fil-ġejjieni, fid-dawl tal-aqwa valutazzjonijiet xjentifiċi disponibbli u l-aktar riċenti, u billi jitqiesu l-interessi tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE;

·jitwaqqaf djalogu biex tissaħħaħ il-politika settorjali bil-ħsieb li titħeġġeġ l-implimentazzjoni ta’ politika tas-sajd responsabbli, b’rabta mal-għanijiet tal-iżvilupp tal-Gabon, partikolarment fir-rigward tal-governanza tas-sajd, tal-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, tal-kontroll, tal-monitoraġġ u tas-sorveljanza tal-attivitajiet tas-sajd u tal-għoti tal-pariri xjentifiċi, tad-drittijiet soċjali tas-sajjieda u min-naħa l-oħra, tat-trawwim tal-attività ekonomika;

·tiddaħħal klawżola dwar il-konsegwenzi f’każ li jinkisru d-drittijiet tal-bniedem (inkluż id-drittijiet soċjali) u l-prinċipji demokratiċi;

·jiġi garantit li l-protokoll se jikkontribwixxi għall-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli u ta’ xogħol deċenti b’rabta mal-attivitajiet tas-sajd, filwaqt li jitqiesu l-Konvenzjonijiet rilevanti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO, International Labour Organization);

B’mod partikolari, il-protokoll għandu jistabbilixxi:

·l-opportunitajiet tas-sajd li se jingħataw lill-bastimenti tal-UE;

·il-kumpens finanzjarju u l-kundizzjonijiet biex dan jitħallas;

·il-mekkaniżmi għall-implimentazzjoni tal-appoġġ settorjali.

Top