Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52025PC0447

Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar ftehim qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar l-iskambju ta’ informazzjoni għall-iskrinjar tas-sigurtà u l-verifiki tal-identità relatati mal-proċeduri fuq il-fruntiera u l-applikazzjonijiet għall-viża

COM/2025/447 final

Brussell, 23.7.2025

COM(2025) 447 final

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar ftehim qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar l-iskambju ta’ informazzjoni għall-iskrinjar tas-sigurtà u l-verifiki tal-identità relatati mal-proċeduri fuq il-fruntiera u l-applikazzjonijiet għall-viża


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Fl-2022, l-Istati Uniti tal-Amerka (l-Istati Uniti) introduċew rekwiżit ġdid għall-pajjiżi kollha li ġew ammessi jew li qed jaspiraw li jissieħbu fil-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża (VWP, Visa Waiver Program) tal-Istati Uniti. Dan il-programm jippermetti liċ-ċittadini tal-pajjiżi parteċipanti jivvjaġġaw lejn l-Istati Uniti mingħajr viża għal massimu ta’ 90 jum għal skopijiet ta’ turiżmu jew negozju. Ir-rekwiżit il-ġdid jinvolvi li tiġi konkluża “Sħubija Msaħħa għas-Sigurtà tal-Fruntieri” (EBSP, Enhanced Border Security Partnership) mad-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti (DHS, Department of Homeland Security) bħala kundizzjoni għall-ammissjoni għall-VWP u l-parteċipazzjoni ulterjuri fih, bħala komponent tar-rekwiżit diġà eżistenti għall-iskambju ta’ informazzjoni għall-vjaġġaturi.

Is-sħubijiet tal-VWP jinsabu fuq quddiem nett fil-kooperazzjoni internazzjonali tal-Istati Uniti dwar is-sigurtà tal-fruntieri u tal-immigrazzjoni. Wieħed mill-objettivi tagħhom huwa li jistabbilixxu skambji bilaterali b’saħħithom ta’ informazzjoni biex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jawtentikaw b’mod effettiv l-identità tal-vjaġġaturi minn pajjiżi sħab u jiddeterminaw jekk dawn jirrappreżentawx theddida għas-sigurtà tal-Istati Uniti.

Bħala parti mis-sħubijiet tagħhom tal-VWP, l-Istati Uniti kkonkludew ftehimiet bilaterali mal-Istati Membri tal-UE, bħall-Ftehimiet ta’ Tisħiħ ta’ Kooperazzjoni fil-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra r-Reati Serji (Ftehimiet PCSC, Preventing and Combating Serious Crime). Dawn il-ftehimiet stabbilew skambju ta’ informazzjoni, inkluża data bijometrika, dwar individwi li huma suspettati jew ikkundannati għal reati terroristiċi jew reati serji.

Skont l-EBSP, l-Istati Uniti għandhom l-intenzjoni li jistabbilixxu skambju ta’ informazzjoni dwar:

·vjaġġaturi lejn l-Istati Uniti li jista’ jkollhom konnessjoni ma’ pajjiż sieħeb tal-VWP;

·applikanti għall-benefiċċji tal-immigrazzjoni jew għall-protezzjoni umanitarja fl-Istati Uniti;

·individwi li jiltaqgħu magħhom l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi tad-DHS f’kuntest ta’ fruntieri u ta’ immigrazzjoni fl-Istati Uniti.

Tali skambji jkunu jikkonċernaw informazzjoni, inkluża data bijometrika, maħżuna f’bażijiet ta’ data nazzjonali tal-Istati Membri.

Il-ftehimiet tal-EBSP huma mistennija jiġu konklużi sal-31 ta’ Diċembru 2026. Wara din l-iskadenza, id-DHS se jivvaluta l-konformità ta’ kull pajjiż mar-rekwiżit tal-EBSP waqt evalwazzjonijiet għall-parteċipazzjoni inizjali u kontinwa fil-VWP.

B’kont meħud tar-rabta mal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni dwar il-politika komuni dwar il-viżi, fit-12 ta’ Ġunju 2024, ir-Rappreżentanti Permanenti tal-Istati Membri fil-Kumitat tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (Coreper) ikkonfermaw l-appoġġ wiesa’ tal-Istati Membri għal qafas komuni bejn l-UE u l-Istati Uniti għall-iskambju ta’ informazzjoni fil-kuntest tal-EBSP. Huma appellaw ukoll lill-Kummissjoni biex tressaq proposta għal mandat biex tali qafas jiġi nnegozjat f’isem l-Unjoni.

L-objettiv tar-rakkomandazzjoni proposta huwa li tipprovdi d-direttivi ta’ negozjar lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehim qafas li se jistabbilixxi l-istruttura legali u l-kundizzjonijiet għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-UE u tal-Istati Uniti, li abbażi tiegħu l-Istati Membri jingħataw is-setgħa li jistabbilixxu ftehimiet bilaterali għal skambju ta’ informazzjoni mal-Istati Uniti mis-sistemi nazzjonali tagħhom tat-teknoloġija tal-informazzjoni (IT).

Wieħed mill-objettivi ewlenin tal-ftehim qafas huwa li tiġi żgurata r-reċiproċità fl-iskambju ta’ informazzjoni mal-Istati Uniti, u dan jgħin ukoll biex jissaħħu l-protezzjoni tal-fruntieri u s-sigurtà tal-Unjoni kollha kemm hi.

L-ambitu tal-iskambju ta’ informazzjoni (il-kategoriji u t-tip ta’ data, it-tip ta’ persuni, u t-tip ta’ reati) se jiġi stabbilit matul in-negozjati biex jiġi żgurat skambju bbilanċjat u reċiproku ta’ informazzjoni. Bħala minimu, in-negozjati għandhom jimmiraw li jistabbilixxu livell adegwat ta’ skambju ta’ informazzjoni, li ma għandux jaqbeż il-livell ta’ informazzjoni li l-Istati Membri jikkondividu bejniethom.

Abbażi tal-qafas għall-iskambju ta’ informazzjoni stabbilit fil-ftehim qafas, l-Istati Membri jkunu jistgħu jinnegozjaw u jikkonkludu arranġamenti bilaterali li joperazzjonalizzaw l-iskambju ta’ informazzjoni mal-Istati Uniti.

Tali arranġamenti bilaterali jipprovdu dettalji dwar l-iskambju ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti meta jitqiesu r-rekwiżiti legali nazzjonali, l-infrastruttura ta’ bażijiet ta’ data nazzjonali, u rekwiżiti jew limitazzjonijiet tekniċi oħra.

Il-ftehim qafas jistabbilixxi salvagwardji biex tiġi żgurata l-konsistenza mal-kapaċitajiet tal-Istati Membri, filwaqt li jibni fuq l-istruttura eżistenti ta’ bażijiet ta’ data nazzjonali.

Il-ftehim qafas ikun japplika għal dawk l-Istati Membri li jgawdu minn status li ma jkollhomx bżonn viża mal-Istati Uniti jew li jixtiequ jissieħbu fil-VWP. L-Istati Membri jitħallew iwaqqfu l-iskambju ta’ informazzjoni kif previst fil-ftehim qafas f’każ li l-istatus tagħhom fil-VWP jinbidel.

Dwar il-kompetenza tal-Unjoni li tikkonkludi ftehim internazzjonali

Il-politika komuni dwar il-viżi tal-Unjoni

L-Unjoni żviluppat politika komuni dwar il-viżi għal soġġorni qosra (sa 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum) ibbażata fuq ir-Regolament 2018/1806 (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolament dwar il-Viża”) 1 . Ir-Regolament dwar il-Viża jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa Bħalissa, iċ-ċittadini tal-Istati Uniti jgawdu minn status li ma jkollhomx bżonn viża fiż-żona Schengen. B’mod parallel, l-Unjoni kkonkludiet ftehimiet dwar l-eżenzjoni mill-viża u dwar il-faċilitazzjoni tal-viża ma’ diversi pajjiżi terzi 2 .

Il-prinċipju tar-reċiproċità huwa wieħed mill-pedamenti tal-politika tal-Unjoni dwar il-viżi ma’ pajjiżi terzi. Ir-reċiproċità tfisser li meta l-Unjoni tkun tat liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz aċċess mingħajr il-bżonn ta’ viża biex iżuru ż-żona Schengen, hija tistenna li l-pajjiż terz jirreċiproka billi jippermetti liċ-ċittadini tal-Unjoni jivvjaġġaw lejn dak il-pajjiż terz mingħajr il-ħtieġa ta’ viża wkoll. L-Unjoni għandha l-għan li tikseb reċiproċità sħiħa ma’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati mir-rekwiżit tal-viża biex jidħlu fiż-żona Schengen. Fil-fatt inkisbet reċiproċità sħiħa mal-pajjiżi terzi kollha li ma għandhomx bżonn viża, ħlief mal-Istati Uniti. Bl-eċċezzjoni tal-Bulgarija, Ċipru u r-Rumanija, l-Istati Membri kollha jipparteċipaw fil-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża tal-Istati Uniti. Il-kisba ta’ reċiproċità sħiħa mal-Istati Uniti tibqa’ objettiv politiku segwit b’mod attiv mill-Unjoni.

Il-ftehim qafas propost jiżgura approċċ konsistenti għall-Istati Membri kollha li jipparteċipaw fil-VWP fir-rigward tar-rekwiżit tal-EBSP, inklużi s-salvagwardji meħtieġa u xierqa għall-protezzjoni tad-data għal tali skambju ta’ informazzjoni.

Skont l-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Unjoni għandha l-kompetenza esklużiva li tikkonkludi ftehim internazzjonali, sa fejn il-konklużjoni tiegħu tista’ tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp tal-applikazzjoni tagħhom.

Il-ħruġ ta’ viżi u l-mekkaniżmu għad-determinazzjoni tar-reċiproċità tal-viża jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Dan huwa l-każ ukoll għar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

Konsegwentement, il-konklużjoni ta’ ftehim qafas mal-Istati Uniti dwar l-iskambju ta’ informazzjoni kif stabbilit fir-rekwiżiti tal-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża tal-Istati Uniti, jiġifieri sabiex l-Istati Membri jistabbilixxu skambju ta’ informazzjoni bħala parti mill-EBSP, taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

Qafas tal-Unjoni għall-protezzjoni tad-data

L-iskambju ta’ informazzjoni previst fil-qafas tal-EBSP huwa differenti mill-iskambju skont il-ftehimiet PCSC stabbiliti. Meta l-objettiv ta’ skambju ta’ informazzjoni skont il-ftehim PCSC ikun il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja, l-għan tal-iskambju ta’ informazzjoni taħt l-EBSP huwa potenzjalment usa’ peress li jikkonċerna wkoll l-oqsma tal-ġestjoni tal-fruntieri u l-politika dwar il-viżi.

L-ipproċessar tad-data personali mill-Istati Membri huwa rregolat mir-Regolament (UE) 2016/679 3 (il-“GDPR”), minbarra l-ipproċessar ta’ data minn awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi kriminali għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali li huwa kopert mid-Direttiva (UE) 2016/680 4 . Il-Kapitolu V tal-GDPR u d-Direttiva (UE) 2016/680 jinkludu kundizzjonijiet stretti għat-trasferiment ta’ data personali lil pajjiżi terzi. Tali trasferiment irid ikun ibbażat fuq strument ta’ trasferiment, bħal deċiżjoni ta’ adegwatezza mal-imsemmi pajjiż terz, strument li jiżgura salvagwardji xierqa (pereż. ftehim internazzjonali), jew, skont id-Direttiva (UE) 2016/680, valutazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-infurzar tal-liġi li tali salvagwardji huma żgurati fil-pajjiż terz, jew, fin-nuqqas ta’ dan ta’ hawn fuq, waħda mir-raġunijiet statutorji għat-trasferimenti tad-data (jew derogi) li jgħoddu għal każijiet speċifiċi, iżda mhux għall-kondiviżjoni sistematika ta’ data personali.

Fil-każ ta’ trasferimenti ta’ data bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi kriminali għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, inkluż it-terroriżmu, il-Ftehim Komprensiv UE-Stati Uniti jipprevedi ftehim internazzjonali li jiżgura salvagwardji xierqa skont it-tifsira tal-Artikolu 37(1)(a) tad-Direttiva (UE) 2016/680 5 .

Minħabba l-ambitu u l-iskop usa’ tal-iskambju ta’ informazzjoni previst mill-EBSP, u sa fejn l-awtoritajiet għajr l-infurzar tal-liġi kriminali jkunu involuti fit-trasferiment, il-Ftehim Komprensiv UE-Stati Uniti mhuwiex kompletament applikabbli għat-tipi kollha ta’ trasferimenti previsti mill-Istati Uniti fil-qafas tal-EBSP, u dan isaħħaħ il-ħtieġa għal azzjoni tal-Unjoni biex tikkonkludi ftehim internazzjonali addizzjonali.

Il-ftehim qafas jiddefinixxi l-kategoriji ta’ data personali li jistgħu jiġu kondiviżi u l-iskopijiet speċifiċi li għalihom jistgħu jiġu kondiviżi, filwaqt li jqis b’mod partikolari l-livell ta’ reċiproċità.

Il-ftehim qafas għandu jkun fih dispożizzjonijiet dwar trasferimenti ulterjuri ta’ data personali.

Dwar ir-relazzjoni mal-arranġamenti bilaterali eżistenti jew futuri tal-Istati Membri

Filwaqt li l-konklużjoni ta’ dan il-ftehim qafas mal-Istati Uniti taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, il-ftehim qafas se jinkludi klawżola li tawtorizza lill-Istati Membri jikkonkludu ftehimiet jew arranġamenti bilaterali supplimentari.

Fir-rigward ta’ ftehimiet bilaterali jew arranġamenti diġà konklużi mill-Istati Membri mal-Istati Uniti qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim qafas, il-ftehim qafas jista’ jinkludi l-kundizzjonijiet li skonthom tali ftehimiet jew arranġamenti jibqgħu applikabbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-ftehimiet jew l-arranġamenti bilaterali konklużi mill-Istati Membri li għadhom mhumiex parti mill-VWP.

Permezz ta’ din il-proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Kunsill:

(a)jadotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni li tiftaħ negozjati għal ftehim qafas bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti tal-Amerka,

(b)jinnomina lill-Kummissjoni bħala n-negozjatur tal-Unjoni tal-ftehim qafas,

(c)jistabbilixxi direttivi lin-Negozjatur, u

(d)jaħtar kumitat speċjali li f’konsultazzjoni miegħu jridu jsiru n-negozjati;

2.BAŻI LEGALI, NEĊESSITÀ U PROPORZJONALITÀ

Il-bażijiet legali għal din ir-rakkomandazzjoni huma l-Artikolu 16(2), l-Artikolu 77(2) u l-Artikolu 218(3) u (4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

L-Unjoni hija kompetenti biex tikkonkludi dan il-ftehim qafas mal-Istati Uniti dwar l-iskambju ta’ informazzjoni fir-rigward tal-qsim tal-fruntieri esterni bejn l-UE u l-Istati Uniti, inkluż dwar il-proċeduri fuq il-fruntiera u l-applikazzjonijiet għall-viża.

Il-ftehim qafas għandu jistabbilixxi livell adegwat ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti, li ma għandux jaqbeż il-livell ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni fost l-Istati Membri f’kuntest bilaterali jew tal-UE, soġġett ukoll għall-prinċipji tal-proporzjonalità u tan-neċessità.

Il-ftehim qafas għandu jispeċifika l-kundizzjonijiet li jiskattaw tfittxija fuq vjaġġatur. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom jevitaw li jsiru tfittxijiet dwar il-persuni f’kull każ, mingħajr ebda suspett preċedenti. Tfittxija ta’ rutina u sistemika dwar il-persuni kollha li jivvjaġġaw bejn l-UE u l-Istati Uniti għandha tiġi eskluża.

Il-ftehim qafas mal-Istati Uniti huwa meħtieġ biex jiżgura l-objettiv komuni tal-politika dwar il-viżi għar-reċiproċità tal-viża u l-applikazzjoni tal-qafas tal-protezzjoni tad-data tal-UE. Għalhekk, id-direttivi ta’ negozjati annessi ma’ din ir-rakkomandazzjoni biex jinfetħu negozjati mal-Istati Uniti dwar ftehim qafas huma bbażati fuq ir-rekwiżiti tal-qafas legali tal-UE applikabbli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data (jiġifieri r-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva (UE) 2016/680).

Il-ftehim qafas previst ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi inkwistjoni, peress li dawn ma jistgħux jinkisbu mill-Istati Membri waħedhom.

•Għażla tal-istrument

L-Artikolu 218(3) TFUE jipprevedi li l-Kummissjoni jew ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà għandhom jippreżentaw rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, li għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati. Minħabba s-suġġett tal-ftehim previst, huwa f’idejn il-Kummissjoni li tippreżenta rakkomandazzjonijiet għal dan il-għan.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

[Peress li dan se jkun ftehim ġdid, ma setgħu jitwettqu l-ebda evalwazzjoni jew kontroll tal-idoneità tal-istrumenti eżistenti. Ma hija meħtieġa l-ebda valutazzjoni tal-impatt għan-negozjar ta’ dan il-ftehim qafas.]

4.PJANIJIET TA’ IMPLIMENTAZZJONI U ARRANĠAMENTI GĦALL-MONITORAĠĠ, L-EVALWAZZJONI U R-RAPPORTAR

Il-Kummissjoni se tiżgura li l-implimentazzjoni tal-ftehim qafas tiġi mmonitorjata kif xieraq.

5.ELEMENTI OĦRA

•L-għażla tan-negozjatur

Peress li l-ftehim previst ikopri esklużivament kwistjonijiet oħra għajr il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, il-Kummissjoni trid tinħatar bħala n-negozjatur skont l-Artikolu 218(3) tat-TFUE.

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar ftehim qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar l-iskambju ta’ informazzjoni għall-iskrinjar tas-sigurtà u l-verifiki tal-identità relatati mal-proċeduri fuq il-fruntiera u l-applikazzjonijiet għall-viża

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2), l-Artikolu 77(2) u l-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)L-Istati Uniti tal-Amerka introduċew rekwiżit ġdid għall-ammissjoni u l-parteċipazzjoni ulterjuri fil-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża tal-Istati Uniti, li jippermetti liċ-ċittadini tal-pajjiżi parteċipanti jivvjaġġaw lejn l-Istati Uniti mingħajr viża għal massimu ta’ 90 jum għall-fini ta’ turiżmu jew negozju. Ir-rekwiżit il-ġdid jinvolvi l-konklużjoni ta’ “Sħubija Msaħħa għas-Sigurtà tal-Fruntieri” (EBSP, Enhanced Border Security Partnership) mad-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti. Hemm bżonn ta’ qafas komuni għall-iskambju ta’ informazzjoni fil-kuntest tal-EBSP. Għalhekk, jenħtieġ li jinfetħu negozjati bil-ħsieb li jiġi konkluż ftehim qafas bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar l-iskambju ta’ informazzjoni għall-iskrinjar u l-verifika tal-identità ta’ ċerti vjaġġaturi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri.

(2)Jenħtieġ li l-ftehim qafas ikun jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dritt għal-libertà u s-sigurtà rikonoxxut mill-Artikolu 6 tal-Karta, id-dritt għall-ħajja privata u familjari, rikonoxxut fl-Artikolu 7 tal-Karta, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali rikonoxxut fl-Artikolu 8 tal-Karta u d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust rikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta. Il-ftehim qafas jenħtieġ li jiġi applikat f’konformità ma’ dawk id-drittijiet u l-prinċipji u filwaqt li jqis b’mod xieraq il-prinċipju tal-proporzjonalità f’konformità mal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

(3)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u ta opinjoni fi [XX].

(4)Il-ftehim qafas jenħtieġ li jippermetti l-konklużjoni ta’ arranġamenti bilaterali bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Istati Membri dwar il-kwistjonijiet koperti minnu, dment li d-dispożizzjonijiet ta’ tali arranġamenti bilaterali jkunu kompatibbli ma’ dawk tal-ftehim qafas u mal-liġi tal-Unjoni.

(5)Jenħtieġ li l-Kummissjoni tinħatar bħala negozjatur tal-Unjoni.

(6)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(7)Din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (8); għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tinnegozja, f’isem l-Unjoni, ftehim qafas bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar l-iskambju ta’ informazzjoni għall-iskrinjar tas-sigurtà u l-verifiki tal-identità relatati mal-proċeduri fuq il-fruntiera u l-applikazzjonijiet għall-viża.

Artikolu 2

Id-direttivi ta’ negozjati huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 3

In-negozjati għandhom jitwettqu b’konsultazzjoni ma’ [l-isem tal-kumitat speċjali li għandu jiddaħħal mill-Kunsill].

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (kodifikazzjoni), ĠU L 303, 28.11.2018, p. 39
(2)    Il-lista sħiħa tal-membri hija disponibbli hawn: https://home-affairs.ec.europa.eu/policies/schengen/visa-policy_en.
(3)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE), ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.
(4)    Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/JHA, ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89.
(5)    Il-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni personali marbuta mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, ĠU L 336, 10.12.2016.
Top

Brussell, 23.7.2025

COM(2025) 447 final

ANNESS

tar-

Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill

li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati dwar ftehim qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar l-iskambju ta' informazzjoni għall-iskrinjar tas-sigurtà u l-verifiki tal-identità relatati mal-proċeduri fuq il-fruntiera u l-applikazzjonijiet għall-viża


ANNESS

DIRETTIVI TA’ NEGOZJATI TA’ FTEHIM QAFAS BEJN

l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar l-iskambju ta’ informazzjoni għall-iskrinjar tas-sigurtà u l-verifiki tal-identità relatati mal-proċeduri fuq il-fruntiera u l-applikazzjonijiet għall-viża

Matul in-negozjati, il-Kummissjoni għandha timmira li tikseb l-għanijiet stabbiliti fid-dettall hawn taħt.

I. L-ISKOP U L-KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TAL-FTEHIM QAFAS PREVIST

1.L-għan tal-ftehim qafas huwa li jipprevedi struttura legali għall-iskambju bilaterali ta’ informazzjoni tal-Istati Membri bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti tal-Amerka (U.S.) fil-kuntest tas-Sħubija Msaħħa għas-Sigurtà tal-Fruntieri (EBSP) tal-Istati Uniti.

2.Il-ftehim qafas għandu jipprovdi regoli ċari u preċiżi dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Istati Uniti dwar vjaġġaturi li jaqsmu l-fruntieri esterni rispettivi tagħhom biex jiġu ffaċilitati l-iskrinjar u l-verifika tal-identità tal-vjaġġaturi li huma meħtieġa biex jiġi ddeterminat jekk id-dħul jew is-soġġorn tagħhom joħloqx xi riskju għas-sigurtà pubblika jew l-ordni pubbliku, u biex l-awtoritajiet kompetenti jiġu appoġġati fil-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati u reati terroristiċi.

3.L-objettiv tal-ftehim qafas huwa li jipprovdi l-bażi legali u l-kundizzjonijiet għat-trasferiment u l-iskambju ta’ data personali bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u tal-Istati Uniti rispettivament. B’mod partikolari, il-ftehim qafas għandu jipprovdi regoli u proċeduri ċari u preċiżi biex tiġi skattata tfittxija fuq vjaġġatur, biex jiġi prekluż ipproċessar sistematiku, ġeneralizzat u mhux immirat tad-data għall-vjaġġaturi kollha.

4.Il-ftehim qafas għandu jkun fih definizzjonijiet ta’ termini ewlenin, b’mod partikolari definizzjoni ta’ data personali.

5.L-iskambju ta’ informazzjoni skont dan il-ftehim qafas għandu jkun iggwidat mill-prinċipju ta’ reċiproċità.

6.L-iskambju tal-informazzjoni fl-ambitu tal-ftehim qafas għandu jkun ibbażat fuq l-iskambju tal-informazzjoni dwar l-identità inkluża fid-dokument tal-ivvjaġġar, u l-marki tas-swaba’ ta’ vjaġġatur. Meta jkun rilevanti u b’salvagwardji xierqa, il-Partijiet għandhom ikunu jistgħu wkoll jiskambjaw informazzjoni supplimentari rilevanti għall-individwu partikolari.

7.L-iskambju ta’ informazzjoni skont il-ftehim qafas għandu jinkludi ċittadini ta’ pajjiżi terzi fir-rigward tal-qsim tal-fruntieri esterni tal-Istati Membri u tal-Istati Uniti, u fil-kuntest tal-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati u reati terroristiċi.

8.L-iskambju ta’ informazzjoni jista’ jinkludi skambji dwar ċittadini u l-membri tal-familja, kif ukoll residenti permanenti, f’każijiet fejn tali skambju ta’ informazzjoni jkun strettament meħtieġ u proporzjonat għall-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati u reati terroristiċi u sa fejn tali skambju ta’ informazzjoni jkun reċiproku.

II. KONTENUT TAL-FTEHIM QAFAS

KWISTJONIJIET SPEĊIFIĊI

9.Il-ftehim qafas għandu jistabbilixxi definizzjoni ta’ data personali li tkun konformi mad-definizzjonijiet fir-Regolamenti (UE) 2016/679 u 2018/1725 1 , u fid-Direttiva (UE) 2016/680 2 ;

10.Il-ftehim qafas għandu jidentifika t-tipi ta’ bażijiet tad-data u t-tip(i) ta’ data li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim qafas u li se tkun soġġetta għal aċċess fil-kuntest tal-EBSP.

11.Il-ftehim qafas għandu jispjega b’mod ċar u preċiż is-salvagwardji u l-garanziji meħtieġa fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali kif ukoll id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet tal-individwi, irrispettivament min-nazzjonalità u l-post ta’ residenza tagħhom, fl-iskambju ta’ data personali mal-Istati Uniti fil-kuntest tal-EBSP. B’mod partikolari, għandu japplika dan li ġej:

(a)L-iskopijiet tal-ipproċessar tad-data personali fil-kuntest tal-ftehim qafas għandu jiġi deskritt b’mod ċar u preċiż mill-Partijiet. Kwalunkwe proċessar ta’ data personali għandu jkun limitat għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat f’każijiet individwali biex jiġu identifikati r-riskji għas-sigurtà pubblika jew għall-ordni pubbliku, u għandu jikkontribwixxi għall-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali u terroristiċi.

(b)Id-data personali trasferita lill-Istati Uniti mill-Istati Membri għandha tiġi pproċessata b’mod ġust, fuq bażi leġittima u biss għall-finijiet li għalihom tkun ġiet trasferita. Kwalunkwe pproċessar ulterjuri ta’ data inkompatibbli mal-iskop inizjali għandu jkun ipprojbit (limitazzjoni tal-iskop). Il-ftehim qafas għandu jkun akkumpanjat minn anness li jkun fih lista eżawrjenti tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti li lilhom l-Istati Membri jistgħu jittrasferixxu data personali kif ukoll deskrizzjoni qasira tal-kompetenzi tagħhom.

(c)Id-data personali trasferita għandha tkun adegwata, rilevanti u limitata għal dak li huwa meħtieġ għall-iskop li għalih tkun ġiet trasferita. Għandha tkun preċiża u aġġornata. Ma għandhiex tinżamm għal aktar żmien milli jkun meħtieġ għall-iskop li għalih tkun ġiet trasferita iżda, fi kwalunkwe każ, il-ftehim qafas għandu jistabbilixxi regoli dwar il-ħżin, inkluż il-limitazzjoni tal-ħżin, ir-rieżami, il-korrezzjoni u t-tħassir ta’ data personali. B’mod partikolari, il-ftehim qafas għandu jillimita ż-żamma tad-data personali tal-vjaġġaturi, wara t-tluq tagħhom mill-ġuriżdizzjoni, għal dik tal-vjaġġaturi li fir-rigward tagħhom hemm evidenza oġġettiva li minnha jista’ jiġi dedott li hemm riskju kontinwu għas-sigurtà pubblika jew l-ordni pubbliku, u l-ħtieġa li tinżamm data li tikkontribwixxi għall-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati u reati terroristiċi.

(d)Il-ftehim qafas għandu jispeċifika l-kriterji li abbażi tagħhom għandhom jiġu indikati l-affidabbiltà tas-sors u l-preċiżjoni tad-data.

(e)It-trasferiment ta’ data personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, is-sħubija fi trade union, data ġenetika, data bijometrika għall-fini ta’ identifikazzjoni unika ta’ persuna fiżika, u data dwar is-saħħa u l-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna, għandu jkun permess biss fejn strettament meħtieġ u b’mod proporzjonat fil-każijiet individwali għall-prevenzjoni jew il-ġlieda kontra reati kriminali u terroristiċi kif imsemmi fil-ftehim qafas, u soġġett għal salvagwardji xierqa li jindirizzaw ir-riskji speċifiċi tal-ipproċessar tad-data. Il-ftehim qafas għandu jkun fih salvagwardji speċifiċi li jirregolaw it-trasferiment ta’ data personali dwar minuri u dwar vittmi ta’ reati kriminali, xhieda jew persuni oħra li jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar reati kriminali.

(f)Il-ftehim qafas għandu jistabbilixxi regoli dwar l-informazzjoni li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-individwi u għandu jiżgura d-drittijiet infurzabbli tal-individwi li d-data personali tagħhom tiġi proċessata, fil-forma ta’ regoli dwar id-dritt għall-informazzjoni, l-aċċess, ir-rettifika u t-tħassir, inklużi r-raġunijiet speċifiċi li jistgħu jippermettu kwalunkwe restrizzjoni meħtieġa u proporzjonata għal dawk id-drittijiet. Il-ftehim qafas għandu wkoll jiżgura drittijiet infurzabbli ta’ rimedju amministrattiv u ġudizzjarju għal kwalunkwe persuna li d-data tagħha tiġi pproċessata skont il-ftehim qafas, u għandu jiggarantixxi rimedji effettivi.

(g)Il-ftehim qafas għandu jistabbilixxi regoli dwar iż-żamma ta’ rekords għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni u dokumentazzjoni, kif ukoll dwar l-informazzjoni li tkun disponibbli għall-individwi.

(h)Il-ftehim qafas għandu jipprevedi salvagwardji fir-rigward tal-ipproċessar awtomatizzat ta’ data personali, inkluż dwar it-tfassil ta’ profili u għandu jipprojbixxi deċiżjonijiet ibbażati unikament fuq l-ipproċessar awtomatizzat ta’ data personali mingħajr involviment uman.

(i)Il-ftehim qafas għandu jinkludi l-obbligu li jiżgura s-sigurtà tad-data personali permezz ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa, inkluż billi jippermetti li persuni awtorizzati biss ikollhom aċċess għad-data personali. Għandu jinkludi wkoll l-obbligu li l-awtoritajiet kompetenti u, fejn meħtieġ u possibbli, is-suġġetti tad-data jiġu nnotifikati fil-każ ta’ ksur tad-data personali li jaffettwa data trasferita skont il-ftehim qafas. Il-ftehim qafas għandu jinkludi wkoll l-obbligu li jiġu implimentati miżuri għall-protezzjoni tad-data diġà mit-tfassil tiegħu u b’mod predefinit, sabiex il-prinċipji tal-protezzjoni tad-data jiġu implimentati b’mod effettiv.

(j)Trasferimenti ulterjuri ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti, lejn awtoritajiet oħra fl-Istati Uniti, għandhom ikunu permessi biss għall-finijiet tal-ftehim qafas, għandhom ikunu soġġetti għal kundizzjonijiet xierqa, inkluż l-awtorizzazzjoni espliċita tal-fornitur tal-informazzjoni, u għandhom jiġu permessi biss fir-rigward tal-awtoritajiet li jiżguraw livell essenzjalment ekwivalenti ta’ protezzjoni tad-data personali kif żgurat skont il-ftehim qafas, sakemm it-trasferiment ulterjuri ma jkunx meħtieġ għall-prevenzjoni u l-investigazzjoni ta’ theddida serja u imminenti għas-sigurtà pubblika jew għall-protezzjoni tal-interessi vitali ta’ kwalunkwe persuna fiżika. It-trasferimenti ulterjuri ta’ data personali lejn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom ikunu pprojbiti.

(k)Il-ftehim qafas għandu jiżgura sistema ta’ sorveljanza tal-użu ta’ data personali minn korp indipendenti wieħed jew aktar responsabbli għall-protezzjoni tad-data fl-Istati Uniti b’setgħat ta’ investigazzjoni u ta’ intervent effettivi. B’mod partikolari, il-korp jew korpi għandu jkollhom is-setgħat li jisimgħu lmenti minn individwi dwar l-użu tad-data personali tagħhom. Il-ftehim qafas għandu jipprevedi d-dmir ta’ kooperazzjoni bejn tali korpi ta’ sorveljanza, minn naħa, u l-awtoritajiet superviżorji rilevanti tal-Unjoni, min-naħa l-oħra.

Qafas għall-iskambju ta’ informazzjoni

12.Il-ftehim qafas għandu jiddeskrivi l-kundizzjonijiet ġenerali, il-kriterji, il-bażijiet tad-data u l-kategoriji tad-data fl-ambitu tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Istati Uniti, bħala parti minn arranġamenti bilaterali. Tali skambju ta’ informazzjoni għandu jikkonsisti f’konferma ta’ informazzjoni dwar l-identità jew il-marki tas-swaba’, u informazzjoni addizzjonali assoċjata mal-individwu suġġett għat-tfittxija u għandu jkun limitat għal dawk li huwa strettament meħtieġ u proporzjonat biex jinkiseb ir-riżultat meħtieġ.

13.Skont il-ftehim qafas, il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-limitazzjonijiet tekniċi tal-Partijiet fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni jkunu rispettati.

14.Il-ftehim qafas għandu jiddeskrivi l-konsegwenzi tas-sospensjoni tas-sħubija mill-VWP, jew il-limitazzjoni tal-validità tal-ESTA, fuq l-iskambju tal-informazzjoni skont il-ftehim qafas.

15.Il-ftehim qafas għandu jipprevedi mudell b’diversi saffi għar-rispons għat-tfittxijiet, li jiddistingwi bejn informazzjoni miksuba awtomatikament mat-twettiq ta’ tfittxija u informazzjoni addizzjonali li tista’ tiġi kondiviża mal-Parti rikjedenti biss bl-awtorizzazzjoni espliċita ta’ dik il-Parti.

16.Il-ftehim qafas għandu jinkludi klawżola li tawtorizza lill-Istati Membri jikkonkludu ftehimiet jew arranġamenti bilaterali biex jimplimentaw l-iskambju ta’ informazzjoni skont l-EBSP bħala rekwiżit skont il-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża (VWP). Il-ftehim qafas għandu jispeċifika l-elementi li għandhom ikunu inklużi fil-ftehimiet jew l-arranġamenti bilaterali li joperazzjonalizzaw l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kundizzjonijiet proċedurali u sostanzjali li magħhom għandhom jikkonformaw il-ftehimiet jew l-arranġamenti bilaterali.

17.Il-ftehim qafas għandu jistabbilixxi ċ-ċirkostanzi li fihom l-Istati Membri jistgħu jżommu l-ftehimiet jew l-arranġamenti bilaterali konklużi mal-Istati Uniti qabel id-dħul fis-seħħ tal-ftehim qafas.

Dispożizzjonijiet istituzzjonali

18.Il-ftehim qafas għandu jistabbilixxi korp governattiv responsabbli għall-ġestjoni u s-superviżjoni tal-implimentazzjoni u l-operat tal-ftehim, li jiffaċilita r-riżoluzzjoni tat-tilwim.

19.Il-ftehim qafas għandu jipprevedi mekkaniżmu effettiv għas-soluzzjoni ta’ tilwim rigward l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tiegħu biex jiżgura li l-Partijiet josservaw ir-regoli miftiehma reċiprokament.

20.Il-ftehim qafas għandu jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni perjodika tal-ftehim qafas.

21.Il-ftehim qafas għandu jinkludi dispożizzjoni dwar id-dħul fis-seħħ u l-validità tal-ftehim u dispożizzjoni li biha Parti tista’ ttemm jew tissospendih, b’mod partikolari meta l-Istati Uniti ma jibqgħux jiżguraw b’mod effettiv il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali meħtieġa skont il-ftehim qafas. Fil-każ ta’ terminazzjoni jew sospensjoni, il-ftehim qafas għandu jispeċifika wkoll jekk tistax tkompli tiġi pproċessata d-data personali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u li tiġi trasferita qabel is-sospensjoni jew it-terminazzjoni tiegħu. L-ipproċessar kontinwu ta’ data personali, jekk dan ikun permess, għandu fi kwalunkwe każ ikun f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ftehim qafas kif applikabbli fil-ħin ta’ sospensjoni jew terminazzjoni.

22.Il-ftehim qafas jista’ jinkludi klawżola li tindirizza l-applikazzjoni territorjali tiegħu, jekk ikun meħtieġ.

23.Il-ftehim qafas previst għandu jipprevedi mekkaniżmu li permezz tiegħu l-iżviluppi rilevanti futuri tad-dritt tal-Unjoni, fejn meħtieġ, jiġu riflessi permezz ta’ adattamenti għall-ftehim qafas. Il-ftehim qafas għandu jinkludi wkoll dispożizzjoni li permezz tagħha l-ftehim qafas jiġi tterminat mill-Unjoni f’każ li tali adattamenti ma jitwettqux.

24.Il-ftehim qafas jipprevedi mekkaniżmu biex jevalwa l-implimentazzjoni tiegħu.

25.Il-ftehim qafas għandu jkun awtentiku bl-istess mod bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni u għandu jinkludi klawżola lingwistika għal dan il-għan.

(1)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE), ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1–88.
(2)    Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI, ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89–131.
Top