Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52025PC0372

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2866/98 dwar ir-rata tal-kambju għall-euro għall-Bulgarija

COM/2025/372 final/2

Brussell, 30.6.2025

COM(2025) 372 final/2 DOWNGRADED ON 9.7.2025

2025/0197(NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2866/98 dwar ir-rata tal-kambju għall-euro għall-Bulgarija


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Kuntest tal-proposta

Fl-4 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni adottat proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 140(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-TFUE”). Il-proposta kkonkludiet li l-Bulgarija tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro u li d-deroga tal-Bulgarija għandha titħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2026.

Jekk jiġi deċiż li d-deroga titħassar, il-Kunsill sussegwentement ikollu jadotta r-rata ta’ konverżjoni bejn l-euro u l-lev Bulgaru, li tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2026.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2866/98 dwar ir-rati tal-kambju bejn l-euro u l-muniti tal-Istati Membri li jadottaw l-euro ( 1 ) jistabbilixxi r-rati ta’ konverżjoni irrevokabbli għall-20 Stat Membru li bħalissa qed jipparteċipaw fl-euro (il-Belġju, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Irlanda, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Portugall, is-Slovenja, is-Slovakkja u l-Finlandja). Sabiex il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jiġi estiż għal-lev Bulgaru, jeħtieġ li tiżdied referenza għal din il-munita ma’ dan ir-Regolament. Dak huwa s-suġġett ta’ din il-proposta.

2.Riżultati tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati u tal-valutazzjoni tal-impatt

Diskussjonijiet mal-Istati Membri dwar kwistjonijiet ta’ politika ekonomika fl-Istati Membri jsiru fuq bażi regolari fil-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (KEF), il-Kunsill tal-UE (ECOFIN) u l-Grupp tal-Euro. Dawn jinkludu diskussjonijiet informali dwar kwistjonijiet speċifikament relatati mat-tħejjija tad-dħul prospettiv ta’ pajjiż fiż-żona tal-euro (inklużi l-politiki tar-rata tal-kambju).

L-iżviluppi fiż-żona tal-euro u fl-Istati Membri huma vvalutati mid-diversi proċeduri ta’ koordinazzjoni u sorveljanza tal-politika ekonomika (b’mod partikolari skont l-Artikolu 121 tat-TFUE) u permezz tal-monitoraġġ regolari tal-Kummissjoni u l-analiżi tal-iżviluppi li huma speċifiċi għall-pajjiżi u ż-żoni kollha (inklużi previżjonijiet, serje ta’ pubblikazzjonijiet regolari, u kontributi għall-KEF, l-ECOFIN u l-Grupp tal-Euro). F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità u f’konformità mal-prattika tal-passat, mhi meħtieġa l-ebda valutazzjoni tal-impatt formali.

3.Elementi legali tal-proposta

3.1.Bażi legali

Il-bażi legali għal din il-proposta hija l-Artikolu 140(3) tat-TFUE, li skontu l-Kunsill jadotta r-rata ta’ konverżjoni li biha l-euro jiġi sostitwit għall-munita tal-Istat Membru li jadotta l-euro.

Il-Kunsill jaġixxi bl-unanimità tal-Istati Membri li għandhom l-euro bħala l-munita tagħhom u tal-Istat Membru kkonċernat fuq proposta tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-BĊE.

3.2.Sussidjarjetà u proporzjonalità

Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

L-inizjattiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex tikseb l-għan tagħha, u għalhekk hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

3.3.Għażla tal-istrument legali

Regolament huwa l-istrument legali xieraq biex jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2866/98 dwar ir-rati ta’ kambju bejn l-euro u l-muniti tal-Istati Membri li jadottaw l-euro.

4.Implikazzjonijiet baġitarji

Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

5.Kummentarju dwar artikoli individwali

5.1.Artikolu 1

Ir-rata proposta hija r-rata ċentrali attwali tal-lev Bulgaru fil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju (“exchange rate mechanism”, ERM II).

Fir-rigward tal-muniti l-oħra, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1103/97 dwar ċerti dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-introduzzjoni tal-euro ( 2 ), ir-rata għandha tiġi definita għal sitt ċifri sinifikattivi.

5.2.Artikolu 2

Dan l-artikolu jistipula li r-Regolament se jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2026, filwaqt li jiżgura l-konsistenza mat-twaqqit tal-atti l-oħra tal-Kunsill relatati mal-adozzjoni tal-euro mill-Bulgarija, inkluża d-data meta d-deroga titħassar u d-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżuri l-oħra meħtieġa għall-introduzzjoni tal-euro fil-Bulgarija.

2025/0197 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2866/98 dwar ir-rata tal-kambju għall-euro għall-Bulgarija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 140(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew ( 3 )),

Billi:

(1)Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2866/98 ( 4 )) jiddetermina r-rati tal-konverżjoni bejn l-euro u l-muniti tal-Istati Membri li jadottaw l-euro mill-1 ta’ Jannar 1999.

(2)Skont l-Artikolu 5 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005 ( 5 ), il-Bulgarija tipparteċipa fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja mid-data tal-adeżjoni bħala Stat Membru b’deroga, fis-sens tal-Artikolu 139(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(3)Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/[…] ( 6 )) dwar l-adozzjoni fl-1 ta’ Jannar 2026 tal-euro mill-Bulgarija, il-Bulgarija tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro u d-deroga tal-Bulgarija titħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2026.

(4)L-introduzzjoni tal-euro fil-Bulgarija teħtieġ l-adozzjoni tar-rata ta’ konverżjoni bejn l-euro u l-lev Bulgaru. Din ir-rata ta’ konverżjoni għandha tiġi stabbilita għal 1,95583 lev għal kull ewro, li tikkorrispondi għar-rata ċentrali attwali tal-lev fil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju (ERM II).

(5)Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 2866/98 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 2866/98, jiddaħħal dan li ġej bejn ir-rati tal-konverżjoni applikabbli għall-frank Belġjan u l-marka Ġermaniża:

“= 1,95583 Bulgarian lev”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2026.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ()    ĠU L 359, 31.12.1998, p. 1.
(2) ()    ĠU L 162, 19.6.1997, p. 1.
(3) ()    Opinjoni ta’ [...] […] […].
(4) ()    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2866/98 tal-31 ta’ Diċembru 1998 dwar ir-rati tal-konverżjoni bejn l-euro u l-muniti tal-Istati Membri li jadottaw l-euro (ĠU L 359, 31.12.1998, p. 1)
(5) ()    Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU L 157, 21.6.2005, p. 203).
(6) ()    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/[…] ta’ [……] dwar l-adozzjoni tal-euro mill-Bulgarija fl-1 ta’ Jannar 2026..
Top