Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52025PC0154

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru

COM/2025/154 final

Brussell, 4.4.2025

COM(2025) 154 final

2025/0081(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

B’segwitu għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-hekk imsejħa kawżi “Open Skies”, fil-5 ta’ Ġunju 2003, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati ma’ pajjiżi terzi rigward is-sostituzzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti dwar is-servizzi tal-ajru bi ftehim fil-livell tal-Unjoni (l-“awtorizzazzjoni orizzontali”).

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru (“il-Ftehim”) huwa bbażat fuq dik l-awtorizzazzjoni orizzontali u għandu l-objettiv speċifiku li jemenda l-ftehimiet bilaterali eżistenti dwar is-servizzi tal-ajru biex jiġu jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni, billi jagħti aċċess mhux diskriminatorju lit-trasportaturi tal-ajru kollha tal-UE għar-rotot bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi.

In-negozjati mal-Każakistan bdew fl-2007 u l-ewwel abbozz ta’ “Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru” (il-“Ftehim tal-2007”) ġie inizjalat mal-Każakistan. Fl-2008, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta’ dak l-ewwel ftehim (COM (2008) 92). Madankollu, il-Każakistan sussegwentement irrifjuta li jiffirma l-Ftehim tal-2007.

In-negozjati mal-Każakistan reġgħu bdew fl-2022 u n-negozjaturi inizjalaw Ftehim rivedut f’Ottubru 2024.

Il-proposta attwali tissostitwixxi l-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ewwel ftehim (COM (2008) 92), li saret obsoleta u b’dan qed tiġi rtirata. Il-Ftehim attwali jvarja b’mod konsiderevoli mill-Ftehim tal-2007. Ma hemm l-ebda applikazzjoni proviżorja prevista fl-abbozz ta’ ftehim il-ġdid u diversi dispożizzjonijiet oħra ġew modifikati biex iqisu l-aħjar prattiki miksuba mill-esperjenza b’dak it-tip ta’ ftehim matul is-sittax-il sena li għaddew.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim jieħdu post jew jikkomplementaw id-dispożizzjonijiet eżistenti fi 17-il ftehim bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri u l-Każakistan.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-Ftehim se jaqdi objettiv fundamentali tal-politika esterna tal-Unjoni dwar l-avjazzjoni billi l-ftehimiet bilaterali eżistenti dwar is-servizzi tal-ajru jiġu jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi legali

L-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(5), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta hija msejsa kompletament fuq l-“awtorizzazzjoni orizzontali” mogħti mill-Kunsill b’kunsiderazzjoni tal-kwistjonijiet koperti mid-dritt tal-Unjoni u mill-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru.

Proporzjonalità

Il-Ftehim se jemenda jew jikkomplementa d-dispożizzjonijiet fil-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru sa fejn ikun meħtieġ biss biex tiġi żgurata l-konformità mad-dritt tal-Unjoni.

Għażla tal-istrument

Il-Ftehim bejn l-Unjoni u l-Każakistan huwa l-aktar strument effiċjenti biex il-ftehimiet bilaterali eżistenti kollha bejn l-Istati Membri u l-Każakistan dwar is-servizzi tal-ajru jsiru konformi mad-dritt tal-Unjoni.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

F’konformità mal-Artikolu 218(4) tat-TFUE, il-Kummissjoni wettqet in-negozjati f’konsultazzjoni ma’ kumitat speċjali. Waqt in-negozjati, l-industrija ġiet ikkonsultata bl-istess mod. Il-kummenti li saru f’dan il-proċess ġew ikkunsidrati. L-Istati Membri kkonċernati vverifikaw il-preċiżjoni tar-referenzi għall-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru. L-industrija enfasizzat l-importanza ta’ bażi legali soda għall-operazzjonijiet kummerċjali tagħha.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Mhux applikabbli.

Valutazzjoni tal-impatt

Mhux applikabbli.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Il-proposta tipprevedi s-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri u l-Każakistan se jinbidlu b’dispożizzjonijiet fi ftehim wieħed, jew inkella se jiġu kkomplementati minn dispożizzjonijiet ta’ dan it-tip.

Drittijiet fundamentali

Mhux applikabbli.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Il-Partijiet fil-Ftehim għandhom jinnotifikaw lil xulxin bil-miktub permezz ta’ mezzi diplomatiċi dwar it-tlestija tal-proċeduri interni rispettivi tagħhom meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim. Il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-aħħar notifika.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Ir-relazzjonijiet tal-avjazzjoni internazzjonali bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi tradizzjonalment kienu rregolati permezz ta’ ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, l-Annessi ta’ dawn il-ftehimiet u arranġamenti bilaterali jew multilaterali relatati oħra.

Madankollu, il-klawżoli tradizzjonali ta’ deżinjazzjoni fil-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru tal-Istati Membri jiksru d-dritt tal-Unjoni. Dawn jippermettu li pajjiż terz jirrifjuta, jirtira jew jissospendi l-permessi jew l-awtorizzazzjonijiet ta’ trasportatur tal-ajru li jkun ġie ddeżinjat minn Stat Membru iżda li ma jkunx proprjetà sostanzjali ta’ dak l-Istat Membru jew taċ-ċittadini tiegħu u li ma jkunx ikkontrollat effettivament mill-Istat Membru jew miċ-ċittadini tiegħu. Instab li dan jikkostitwixxi diskriminazzjoni kontra t-trasportaturi tal-ajru tal-UE stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru iżda li jkunu proprjetà ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra u li jkunu kkontrollati minnhom. Dan imur kontra l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li liċ-ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu eżerċitaw il-libertà tal-istabbiliment tagħhom, jiggarantilhom l-istess trattament fl-Istat Membru ospitanti bħal dak li jingħata liċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.

F’konformità mal-mekkaniżmi u mad-direttivi mogħtija fl-Anness tal-“awtorizzazzjoni orizzontali”, il-Kummissjoni nnegozjat ftehim mal-Każakistan li jieħu post ċerti dispożizzjonijiet li hemm fil-ftehimiet bilaterali eżistenti dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri u l-Każakistan. L-Artikolu 2 tal-Ftehim jissostitwixxi l-klawżoli tradizzjonali ta’ deżinjazzjoni bi klawżola ta’ deżinjazzjoni tal-UE, li tippermetti li t-trasportaturi kollha tal-UE jibbenefikaw mid-dritt tal-istabbiliment.

Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi konkluż wara li jiġi ffirmat. Hawnhekk qiegħda tiġi proposta deċiżjoni għal dan l-għan.

2025/0081 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) flimkien mal-punt (a) tal-Artikolu 218(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) …/… 1 , il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fi […], soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data iktar tard.

(2)L-objettiv tal-Ftehim huwa li l-ftehimiet bilaterali dwar servizzi tal-ajru bejn 16-il Stat Membru u l-Każakistan jiġu jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni.

(3)Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi approvat f’isem l-Unjoni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru (“il-Ftehim”) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE)…/… dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru (ĠU L [XXX], [XXX], p. [XX]).
Top

Brussell, 4.4.2025

COM(2025) 154 final

ANNESS

tal-

proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru


FTEHIM BEJN IL-GVERN TAR-REPUBBLIKA TAL-KAŻAKISTAN U L-UNJONI EWROPEA DWAR ĊERTI ASPETTI TAS-SERVIZZI TAL-AJRU



Il-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea, min-naħa l-oħra, minn hawn’ il quddiem imsejħa “il-Partijiet Kontraenti”,

FILWAQT LI JINNUTAW li, skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea, it-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni Ewropea stabbiliti fi Stat Membru għandhom id-dritt għal aċċess mingħajr diskriminazzjoni għar-rotot tal-ajru bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-Unjoni Ewropea talbet li ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan u l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jinġiebu f’konformità mad-dritt tal-Unjoni Ewropea sabiex tiġi stabbilita bażi legali soda għas-servizzi tal-ajru bejn ir-Repubblika tal-Każakistan u l-Unjoni Ewropea u sabiex tiġi ppreservata l-kontinwità ta’ tali servizzi tal-ajru,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-kwistjonijiet kollha relatati mal-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan u l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jridu jkunu konformi mal-liġijiet applikabbli tal-Partijiet Kontraenti.

FILWAQT LI JINNUTAW li f’dan il-ftehim mhuwiex objettiv tal-Unjoni Ewropea li żżid il-volum totali tat-traffiku tal-ajru bejn ir-Repubblika tal-Każakistan u l-Unjoni Ewropea, li taffettwa l-bilanċ bejn it-trasportaturi tal-ajru tar-Repubblika tal-Każakistan u tat-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni Ewropea, jew li tinnegozja emendi għad-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet bilaterali eżistenti dwar is-servizzi tal-ajru li jikkonċernaw id-drittijiet tat-traffiku,

FILWAQT LI JINNUTAW li l-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru elenkati fl-Anness I huma bbażati fuq il-prinċipju ġenerali li t-trasportatur tal-ajru ddeżinjat tal-partijiet kontraenti għandu jkollu opportunitajiet ġusti u ugwali fl-operat tas-servizzi miftiehma fuq ir-rotot speċifikati, u li mhuwiex l-iskop ta’ dan il-Ftehim li jiġi affettwat dan il-prinċipju,

FTIEHMU KIF ĠEJ:



Artikolu 1. Dispożizzjonijiet ġenerali

1.Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim,

a)“Stati Membri” għandha tfisser l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u “Trattati tal-UE” għandha tfisser it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

b)“Parti Kontraenti” għandha tfisser Parti Kontraenti għal dan il-Ftehim;

c)“parti” għandha tfisser il-parti kontraenti għall-ftehim bilaterali rilevanti dwar is-servizzi tal-ajru;

d)“Trasportatur tal-ajru” għandha tfisser ukoll linja tal-ajru.

2.    Ir-referenzi f’kull ftehim elenkat fl-Anness I għaċ-ċittadini tal-Istat Membru li huwa parti għal dak il-ftehim għandhom jinftehmu bħala referenzi għaċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

3.    Ir-referenzi f’kull ftehim elenkat fl-Anness I għat-trasportaturi tal-ajru jew għal-linji tal-ajru tal-Istat Membru li huwa parti f’dak il-ftehim għandhom jinftehmu bħala referenzi għat-trasportaturi tal-ajru ddeżinjati minn dak l-Istat Membru.

4.    Dan il-Ftehim ma għandux joħloq drittijiet tat-traffiku addizzjonali lil hinn minn dawk stabbiliti fil-ftehimiet elenkati fl-Anness I u ma għandux jemenda l-għadd ta’ trasportaturi tal-ajru li jistgħu jiġu ddeżinjati skont l-arranġamenti bilaterali. L-għoti ta’ drittijiet tat-traffiku se jkompli jsir permezz ta’ arranġamenti bilaterali.

Artikolu 2. Deżinjazzjoni

1.    Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafi 2, 3, 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu għandhom jieħdu post id-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu għalihom fl-artikoli elenkati fl-Anness II(a) u (b) rispettivament, fir-rigward tad-deżinjazzjoni ta’ trasportatur bl-ajru mill-Istat Membru kkonċernat jew mill-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan, tal-awtorizzazzjonijiet u permessi tiegħu mogħtija mill-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan jew mill-Istat Membru kkonċernat, u tar-rifjut, ir-revoka, is-sospensjoni jew il-limitazzjoni tal-awtorizzazzjonijiet jew tal-permessi tat-trasportatur bl-ajru, rispettivament.

2.    Mal-wasla ta’ deżinjazzjoni minn Stat Membru, u tal-applikazzjonijiet mit-trasportatur tal-ajru deżinjat, fil-forma u l-mod preskritt, il-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan għandu jagħti l-awtorizzazzjonijiet u l-permessi xierqa bl-inqas dewmien proċedurali possibbli, sakemm:

(i)    it-trasportatur tal-ajru jkun stabbilit skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fit-territorju tal-Istat Membru deżinjatur u jkollu liċenzja operattiva valida f’ konformità mad-dritt tal-Unjoni Ewropea; u

(ii)    il-kontroll regolatorju effettiv tat-trasportatur tal-ajru jkun eżerċitat u miżmum mill-Istat Membru responsabbli għall-ħruġ taċ-Ċertifikat tal-Operatur tal-Ajru tiegħu u l-awtorità ajrunawtika rilevanti hija identifikata b’mod ċar fid-deżinjazzjoni; u

(iii)    it-trasportatur tal-ajru jkun, direttament jew b’maġġoranza ta’ ishma, proprjetà ta’, u jkun effettivament ikkontrollat minn, Stati Membri u/jew minn ċittadini ta' Stati Membri, u/jew minn stati oħrajn elenkati fl-Anness III u/jew minn ċittadini ta’ tali stati oħrajn.

3.    Mal-wasla ta’ deżinjazzjoni mill-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan, u tal-applikazzjonijiet mit-trasportatur tal-ajru deżinjat, fil-forma u l-mod preskritt, l-Istat Membru tal-UE għandu jagħti l-awtorizzazzjonijiet u l-permessi xierqa bl-inqas dewmien proċedurali possibbli, sakemm:

(i)    it-trasportatur tal-ajru jkun stabbilit fit-territorju tar-Repubblika tal-Każakistan u jkollu Liċenzja Operattiva valida maħruġa mir-Repubblika tal-Każakistan; u

(ii)    jiġi eżerċitat u miżmum kontroll regolatorju effettiv tat-trasportatur tal-ajru mill-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan; u

(iii)    it-trasportatur tal-ajru huwa proprjetà, direttament jew permezz ta’ sjieda maġġoritarja, u huwa effettivament ikkontrollat mir-Repubblika tal-Każakistan u/jew miċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Każakistan.

4.    Il-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan jista’ jirrifjuta, jirrevoka, jissospendi jew jillimita l-awtorizzazzjonijiet jew il-permessi ta’ trasportatur tal-ajru ddeżinjat minn Stat Membru meta:

(i)    it-trasportatur tal-ajru ma jkunx stabbilit skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fit-territorju tal-Istat Membru deżinjatur jew ma jkollux liċenzja operattiva valida f’konformità mad-dritt tal-Unjoni Ewropea; jew

(ii)    ma jkunx ġie eżerċitat u miżmum kontroll regolatorju effettiv tat-trasportatur tal-ajru mill-Istat Membru responsabbli għall-ħruġ taċ-Ċertifikat tal-Operatur tal-Ajru tiegħu, jew l-awtorità ajrunawtika rilevanti mhijiex identifikata b’mod ċar fid-deżinjazzjoni; jew

(iii)    it-trasportatur tal-ajru ma jkunx, direttament jew b’maġġoranza ta’ ishma, il-proprjetà tal-Istati Membri, jew ma jkunx ikkontrollat b’mod effettiv minnhom u/jew miċ-ċittadini tal-Istati Membri u/jew minn stati oħrajn mniżżlin fl-Anness III u/jew minn ċittadini ta’ tali stati oħrajn; jew

iv)    it-trasportatur tal-ajru jkun diġà awtorizzat jopera skont ftehim bilaterali bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan u Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, u jista’ jintwera li, billi jeżerċita d-drittijiet tat-traffiku fuq rotta li tinkludi punt f’dak l-Istat Membru l-ieħor tal-Unjoni Ewropea, inkluż l-operat ta’ servizzi li huma kkummerċjalizzati bħala, jew jikkostitwixxu b’xi mod ieħor permezz ta’ servizzi, it-trasportatur tal-ajru jkun qed jevita r-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tat-traffiku imposti mill-ftehim bilaterali bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan u dak l-Istat Membru l-ieħor, jew

(v)    it-trasportatur tal-ajru jkollu Ċertifikat tal-Operaturi tal-Ajru maħruġ minn Stat Membru u ma jkun hemm l-ebda ftehim bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru jew arranġamenti oħra bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan u dak l-Istat Membru, u dak l-Istat Membru jkun ċaħad id-drittijiet tat-traffiku lit-trasportaturi tal-ajru ddeżinjati mill-Gvern tar-Repubblika tal-Każakstan.

Fl-eżerċizzju tad-dritt tiegħu skont dan il-paragrafu, il-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan ma għandux jiddiskrimina bejn it-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni Ewropea abbażi tan-nazzjonalità.

5. L-Istat Membru tal-UE jista’ jirrifjuta, jirrevoka, jissospendi jew jillimita l-awtorizzazzjonijiet jew il-permessi ta’ trasportatur tal-ajru ddeżinjat mill-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan meta:

(i)    it-trasportatur tal-ajru ma jkunx stabbilit fit-territorju tar-Repubblika tal-Każakistan jew ma jkollux Liċenzja Operattiva valida maħruġa mir-Repubblika tal-Każakistan; jew

(ii)    ma jiġix eżerċitat u miżmum kontroll regolatorju effettiv tat-trasportatur tal-ajru mill-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan; jew

(iii)     it-trasportatur tal-ajru mhuwiex proprjetà, direttament jew permezz ta’ sjieda maġġoritarja, jew mhuwiex effettivament ikkontrollat mir-Repubblika tal-Każakistan u/jew miċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Każakistan.

Artikolu 3. Sikurezza

1.    Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jikkomplementaw id-dispożizzjonijiet korrispondenti fl-artikoli elenkati fl-Anness II(c).

2.    Fejn Stat Membru ikun iddeżinja trasportatur bl-ajru li l-kontroll regolatorju tiegħu huwa eżerċitat u miżmum minn Stat Membru ieħor, id-drittijiet tal-Gvern Repubblika tal-Każakistan skont id-dispożizzjonijiet ta’ sikurezza tal-ftehim bejn l-Istat Membru li ddeżinja t-trasportatur bl-ajru u l-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan għandhom japplikaw ugwalment fir-rigward tal-adozzjoni, l-eżerċizzju jew il-manteniment ta’ standards tas-sikurezza minn dak l-Istat Membru l-ieħor u fir-rigward tal-awtorizzazzjoni għall-operazzjoni ta’ dak it-trasportatur bl-ajru.

Artikolu 4. Annessi mal-Ftehim

L-Annessi ta’ dan il-Ftehim għandhom jiffurmaw parti integrali minnu.

Artikolu 5. Konsultazzjonijiet, reviżjoni jew emenda

1. Il-Partijiet Kontraenti jistgħu, f’kull ħin, jirrevedu jew jemendaw dan il-Ftehim bi qbil reċiproku.

2. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jimmonitorjaw u jirrevedu regolarment l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Tali reviżjonijiet għandhom b’mod partikolari jivvalutaw kwalunkwe effetti negattivi mhux previsti tal-Ftehim, kif perċepit minn kwalunkwe Parti Kontraenti.

3. Jekk mitluba minn xi waħda mill-Partijiet Kontraenti, il-Partijiet Kontraenti għandhom iżommu konsultazzjonijiet sabiex jiddiskutu reazzjonijiet xierqa għal dawn l-effetti negattivi mhux previsti, u b’segwitu ta’ dan, il-Ftehim jista’ jiġi rivedut jew emendat. Tali konsultazzjonijiet għandhom isiru fi żmien 60 (sittin) jum mit-talba ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti.

Artikolu 6. Dħul fis-seħħ

1.    Kull Parti Kontraenti għandha tibgħat permezz ta’ mezzi diplomatiċi lill-Parti Kontraenti l-oħra n-notifika li tikkonferma li l-proċeduri interni tagħha meħtieġa għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim ikunu tlestew.

2.    Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar ta’ wara d-data tal-wasla tan-notifika tal-aħħar.

3.    In-notifiki skont dan l-Artikolu għandhom jintbagħtu lill-Uffiċċju tat-Trattati u l-Ftehimiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Ministeru tat-Trasport tar-Repubblika tal-Każakistan jew lis-suċċessuri rispettivi tagħhom permezz ta’ mezzi diplomatiċi.

4.    Ftehimiet u arranġamenti oħra bejn Stati Membri u r-Repubblika tal-Każakistan li, fid-data tal-firma ta’ dan il-Ftehim, għadhom ma daħlux fis-seħħ u mhumiex jiġu applikati provviżorjament huma elenkati fl-Anness I (b). Dan il-Ftehim għandu japplika għal tali Ftehimiet u arranġamenti kollha mad-dħul fis-seħħ jew mal-applikazzjoni provviżorja tagħhom.

Artikolu 7. Terminazzjoni

1.    Kull parti kontraenti tista’, fi kwalunkwe żmien, tagħti avviż bil-miktub permezz ta’ mezzi diplomatiċi dwar id-deċiżjoni tagħha li ttemm dan il-Ftehim. F’każ bħal dan, il-Ftehim għandu jintemm sitt (6) xhur wara d-data tal-wasla tal-avviż mill-Parti Kontraenti l-oħra, sakemm l-avviż tat-terminazzjoni ma jiġix irtirat qabel l-iskadenza qabel it-tmiem ta’ dan il-perjodu.

2.    Fil-każ li ftehim elenkat fl-Anness I jintemm, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għandhom jieqfu japplikaw għal dak il-ftehim mid-data tat-terminazzjoni. Ir-referenzi f’dan il-Ftehim għall-ftehim mitmum għandhom jitqiesu nulli u bla effett minn dik id-data.

3.    Fil-każ li l-ftehimiet kollha elenkati fl-Anness I jintemmu, dan il-Ftehim għandu jintemm fid-data tat-terminazzjoni tal-aħħar ftehim bħal dan.

B’xhieda ta’ dan, il-firmatarji, debitament awtorizzati, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul fi [...] f’żewġ kopji, illum il-[...] jum ta’ [..., ...] bil-lingwa Każakistana, Bulgara, Kroata, Ċeka, Daniża, Olandiża, Ingliża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ungeriża, Irlandiża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Rumena, Russa, Slovakka, Slovena, Spanjola u Żvediża.

Għall-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan:

Għall-Unjoni Ewropea:



ANNESS I

Il-lista ta’ Ftehimiet u arranġamenti oħra msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan il-Ftehim

a)Il-ftehimiet dwar is-servizzi tal-ajru u arranġamenti oħra bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan u Stati Membri tal-Unjoni Ewropea li, fid-data tal-firma ta’ dan il-Ftehim, daħlu fis-seħħ jew qed jiġu applikati provviżorjament, kif emendati

   Il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan u l-Gvern tar-Repubblika tal-Awstrija ffirmat f’Almaty fis-26 ta’ April 1993, imsejjaħ “il-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Awstrija” fl-Anness II;

   Il-Memorandum ta’ Qbil bejn id-delegazzjonijiet li jirrappreżentaw l-awtoritajiet ajrunawtiċi tar-Repubblika tal-Każakistan u r-Repubblika Ċeka, li ltaqgħu f’Nassau, fil-Bahamas, fis-6 ta’ Diċembru 2016, imsejjaħ “il-Memorandum ta’ Qbil bejn il-Każakistan u r-Repubblika Ċeka” fl-Anness II;

   Il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan u l-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ffirmat f’Bonn fil-15 ta’ Marzu 1996, imsejjaħ “il-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Ġermanja” fl-Anness II;

   Il-Ftehim dwar is-Servizzi tal-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan u l-Gvern tar-Repubblika tal-Ungerija ffirmat f’Almaty fid-9 ta’ Marzu 1995, imsejjaħ “il-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Ungerija” fl-Anness II;

   Il-Ftehim dwar is-Servizzi tal-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan u l-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja ffirmat f’Vilnius fil-21 ta’ Lulju 1993, imsejjaħ “il-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Litwanja ” fl-Anness II;

   Il-Ftehim dwar is-Servizzi tal-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan u l-Gvern tar-Repubblika tal-Polonja ffirmat f’Varsavja fis-27 ta’ Novembru 1997, imsejjaħ “il-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Polonja” fl-Anness II;

Il-Ftehim dwar is-Servizzi tal-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan u l-Gvern tar-Renju tad-Danimarka inizjalat f’Almaty fis-26 ta’ April 1996, imsejjaħ “il-Ftehim bejn il-Każakistan u d-Danimarka” fl-Anness II;

Il-Ftehim dwar is-Servizzi tal-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan u l-Gvern tar-Renju tal-Iżvezja ffirmat f’Almaty fis-26 ta’ April 1996, imsejjaħ “il-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Iżvezja” fl-Anness II;

Il-Ftehim dwar is-Servizzi tal-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Finlandja u l-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan iffirmat f’Almaty fis-7 ta’ Frar 1996, imsejjaħ “il-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Finlandja (1996)” fl-Anness II;



b)Il-ftehimiet dwar is-servizzi tal-ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan u Stati Membri tal-Unjoni Ewropea li, fid-data tal-firma ta’ dan il-Ftehim, kienu għadhom ma daħlux fis-seħħ u mhumiex qed jiġu applikati b’mod provviżorju, kif emendati

   Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan u l-Gvern tar-Renju tal-Belġju relatat mas-Servizzi tal-Ajru ffirmat fi Brussell fis-27 ta’ Ġunju 2000, imsejjaħ “il-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Belġju” fl-Anness II;

Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan u l-Gvern tar-Repubblika tal-Bulgarija relatat mas-Servizz tal-Ajru ffirmat f’Sofia fil-15 ta’ Settembru 1999, imsejjaħ “il-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Bulgarija” fl-Anness II;

Il-Ftehim dwar is-Servizzi tal-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan u l-Gvern tar-Repubblika tal-Finlandja ffirmat f’Astana fis-16 ta’ Mejju 2018, imsejjaħ “il-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Finlandja (2018)” fl-Anness II;

Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan u l-Gvern tar-Repubblika tal-Estonja  relatat mas-Servizzi tal-Ajru inizjalat f’Astana fis-26 ta’ April 2001, imsejjaħ “il-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Estonja” fl-Anness II;

Il-Ftehim dwar is-Servizzi tal-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan u l-Gvern tar-Repubblika Franċiża ffirmat f’Astana fil-21 ta’ Ġunju 2016, imsejjaħ “il-Ftehim bejn il-Każakistan u Franza” fl-Anness II;

Il-Ftehim dwar is-Servizzi tal-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan u l-Gvern tar-Renju tan-Netherlands iffirmat f’The Hague fis-27 ta’ Novembru 2002, imsejjaħ “il-Ftehim bejn il-Każakistan u n-Netherlands” fl-Anness II;

Il-Ftehim dwar is-Servizzi tal-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan u l-Gvern tar-Repubblika tal-Latvja ffirmat f’Almaty fid-19.5.1998, imsejjaħ “il-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Latvja ” fl-Anness II;

Il-Ftehim dwar is-Servizzi tal-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu ffirmat f’Astana fil-21 ta’ Mejju 2015, imsejjaħ “il-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Lussemburgu” fl-Anness II;

_________________

ANNESS II

Il-lista tal-Artikoli fil-Ftehimiet u arranġamenti oħra elenkati fl-Anness I u msemmija fl-Artikoli 2 sa 3 ta’ dan il-Ftehim

(a)Deżinjazzjoni, Awtorizzazzjonijiet u Permessi:

l-Artikolu 3 tal-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Awstrija;

l-Artikolu 3 tal-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Belġju;

l-Artikolu 4 tal-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Bulgarija,

il-Punt 2 tal-Memorandum ta’ Ftehim bejn il-Każakistan u r-Repubblika Ċeka,

l-Artikolu 3 tal-Ftehim bejn il-Każakistan u d-Danimarka,

l-Artikolu 3 tal-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Estonja,

l-Artikolu 4 tal-Ftehim bejn il-Każakistan u Franza,

l-Artikolu 3 tal-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Finlandja (1996);

l-Artikolu 3 tal-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Finlandja (2018);

l-Artikolu 3(2) tal-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Ġermanja minkejja r-referenza għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(3),

l-Artikolu 3 tal-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Ungerija,

l-Artikolu 3 tal-Ftehim bejn il-Każakistan u n-Netherlands,

l-Artikolu 3 tal-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Latvja,

l-Artikolu 4(1) u (2) tal-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Litwanja,

l-Artikolu 3 tal-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Lussemburgu,

l-Artikolu 3 tal-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Polonja,

l-Artikolu 3 tal-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Iżvezja,

(b)    Rifjut, Revoka, Sospensjoni jew Limitazzjoni ta’ Awtorizzazzjonijiet jew Permessi:

-        l-Artikolu 3(3),3(5) u 4(1) tal-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Awstrija,

   l-Artikolu 5(1) tal-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Belġju,

   l-Artikolu 5(1) tal-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Bulgarija,

   l-Artikolu 4 tal-Ftehim bejn il-Każakistan u d-Danimarka,

   l-Artikolu 3(1) tal-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Estonja,

   l-Artikolu 5(1) tal-Ftehim bejn il-Każakistan u Franza,

   l-Artikolu 4(1) tal-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Finlandja (1996),

   l-Artikolu 4(1) tal-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Finlandja (2018),

   L-ewwel sentenza tal-Artikolu 4 tal-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Ġermanja biss sal-punt tal-kundizzjonijiet għal rifjut, revoka, sospensjoni jew limitazzjonijiet ta’ awtorizzazzjonijiet jew permessi koperti mill-Artikolu 2(4) u 2(5) ta’ dan il-ftehim,

   l-Artikolu 4(1) tal-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Ungerija,

   l-Artikolu 4(1) tal-Ftehim bejn il-Każakistan u n-Netherlands,

   l-Artikolu 3(4) u 4(1) tal-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Latvja,

   l-Artikolu 4(3), (5) u 5(1) tal-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Litwanja,

l-Artikolu 4(1) tal-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Lussemburgu,

   l-Artikolu 4(1) tal-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Polonja,

   l-Artikolu 4 tal-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Iżvezja,

(c)    Sikurezza:

   l-Artikolu 7 tal-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Belġju,

   l-Artikolu 12 tal-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Estonja,

   l-Artikolu 6 tal-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Finlandja (1996),

   l-Artikolu 12 tal-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Finlandja (2018),

   l-Artikolu 9 tal-Ftehim bejn il-Każakistan u Franza,

   l-Artikolu 7 tal-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Ungerija,

   l-Artikolu 11 tal-Ftehim bejn il-Każakistan u n-Netherlands,

   l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Latvja,

   l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Litwanja,

l-Artikolu 6 tal-Ftehim bejn il-Każakistan u l-Lussemburgu;



ANNESS III

Lista ta’ Stati oħra msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan il-Ftehim

a)Ir-Repubblika tal-Iżlanda (taħt il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea);

b)Il-Prinċipat tal-Liechtenstein (taħt il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea);

c)Ir-Renju tan-Norveġja (taħt il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea);

d)l-Konfederazzjoni Żvizzera (taħt il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru).

__________________

Top