This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52025DP0201
P10_TA(2025)0201 – Request for the waiver of the immunity of Michał Dworczyk – European Parliament decision of 7 October 2025 on the request for the waiver of the immunity of Michał Dworczyk (2024/2044(IMM))
P10_TA(2025)0201 — Talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Michał Dworczyk — Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ottubru 2025 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Michał Dworczyk (2024/2044(IMM))
P10_TA(2025)0201 — Talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Michał Dworczyk — Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ottubru 2025 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Michał Dworczyk (2024/2044(IMM))
ĠU C, C/2026/1533, 15.4.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/1533/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/1533 |
15.4.2026 |
P10_TA(2025)0201
Talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Michał Dworczyk
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ottubru 2025 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Michał Dworczyk (2024/2044(IMM))
(C/2026/1533)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Michał Dworczyk, imressqa fid-29 ta’ Awwissu 2024 mill-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Polonja li ttrażmetta talba mressqa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali ta’ Varsavja b’rabta mal-proċedimenti kriminali li għandhom jitressqu kontra Michał Dworczyk, u mħabbra fis-seduta plenarja fis-16 ta’ Settembru 2024, |
|
— |
wara li sema’ lil Michał Dworczyk fit-13 ta’ Frar 2025 u wara li kkunsidra d-dokument imressaq minnu, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-Prosekutur Reġjonali ta’ Varsavja fit-28 ta’ Marzu u fit-8 ta’ Mejju 2025, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta’ Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b’vot dirett universali, |
|
— |
wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-21 ta’ Ottubru 2008, fid-19 ta’ Marzu 2010, fis-6 ta’ Settembru 2011, fis-17 ta’ Jannar 2013, fid-19 ta’ Diċembru 2019 u fil-5 ta’ Lulju 2023 (1), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 105(2) u (5) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 5(2), l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A10-0178/2025), |
|
A. |
billi, permezz ta’ ittra datata 29 ta’ Awwissu 2024, il-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Polonja bagħat talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Michał Dworczyk, imressqa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali f’Varsavja, b’rabta ma’ allegati reati skont l-Artikolu 231(1), kif ukoll l-Artikolu 239(1), flimkien mal-Artikolu 11(2) tal-Kodiċi Kriminali Pollakk; |
|
B. |
billi, fit-8 ta’ Ġunju 2021, Michał Dworczyk irrapporta lill-Aġenzija tas-Sigurtà Interna li d-data dwar l-aċċess għall-email tiegħu kienet ġiet miżapproprjata minn persuni mhux identifikati u li, wara dak ir-rapport, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali ta’ Varsavja beda investigazzjoni fl-10 ta’ Ġunju 2021 dwar il-miżapproprjazzjoni, wara attakk ta’ phishing, ta’ data ta’ aċċess għall-email li tappartjeni lil Michał Dworczyk, li dak iż-żmien kien il-Kap tal-Kabinett tal-President tal-Kunsill tal-Ministri Pollakk; |
|
C. |
billi, matul dik l-investigazzjoni, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali ta’ Varsavja allega li, bejn id-19 ta’ Diċembru 2017 u t-8 ta’ Ġunju 2021, Michał Dworczyk mar lil hinn mis-setgħat tiegħu bħala Kap tal-Kabinett tal-President tal-Kunsill tal-Ministri jew naqas milli jaqdi dmirijietu, u billi dak l-istess Uffiċċju tal-Prosekutur għalhekk fit-13 ta’ Ġunju 2022 iddeċieda li jibda proċedimenti kriminali separati dwar l-użu tal-email privat tiegħu fl-eżerċizzju tad-dmirijiet uffiċjali tiegħu, it-tneħħija ta’ parti mill-korrispondenza tal-posta elettronika professjonali li tinsab fl-email privat tiegħu, wara li sar pubbliku li individwi mhux identifikati kellhom aċċess għal dak l-email u ż-żamma fl-email privat tiegħu ta’ dokumenti klassifikati, liema atti imminaw l-interess pubbliku u xekklu investigazzjoni kriminali mwettqa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Distrettwali ta’ Varsavja; billi l-investigazzjoni dwar dawk il-proċedimenti separati ġiet estiża f’diversi okkażjonijiet sabiex jitlestew il-passi proċedurali li jikkonsistu, fost l-oħrajn, fl-analiżi tal-kontenut ta’ emails mill-email privat ta’ Michał Dworczyk u fis-smigħ ta’ xhieda u ta’ persuna suspettata, din tal-aħħar datata t-22 ta’ Mejju 2024; billi, peress li Michał Dworczyk kien ilu jservi bħala Membru tas-Sejm Pollakk mit-13 ta’ Novembru 2023, talba għal awtorizzazzjoni biex jinbdew proċedimenti kriminali kontrih tressqet quddiem is-Sejm fis-6 ta’ Ġunju 2024, qabel ma nħarġet ordni għall-att ta’ akkuża tiegħu, u billi l-proċedimenti wara dik it-talba ngħalqu fid-dawl tal-iskadenza tal-mandat ta’ Membru tas-Sejm ta’ Michał Dworczyk, li ġie elett bħala Membru tal-Parlament Ewropew; |
|
D. |
billi matul dawn l-investigazzjonijiet ġie allegat li, bejn l-1 ta’ Marzu 2017 u t-18 ta’ Diċembru 2017, bħala Segretarju tal-Istat fil-Ministeru tad-Difiża Nazzjonali, imbagħad mid-19 ta’ Diċembru 2017 sat-8 ta’ Ġunju 2021 bħala Ministru u Membru tal-Kunsill tal-Ministri u Kap tal-Kabinett tal-President tal-Kunsill tal-Ministri, Michał Dworczyk naqas milli jwettaq l-obbligi stabbiliti, inter alia, mil-Liġi tal-5 ta’ Awwissu 2010 dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata, sa fejn huwa uża email privat mhux iċċertifikat u mhux sigur għall-iskambju ta’ korrispondenza fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu, liema korrispondenza tinkludi, inter alia, informazzjoni klassifikata, kwistjonijiet marbuta mad-difiża u mas-sigurtà tal-Istat, kwistjonijiet marbuta ma’ servizzi speċjali, kwistjonijiet marbuta ma’ sigurtà tal-informazzjoni, eċċ., u b’hekk ippreġudika l-interess pubbliku; billi l-azzjonijiet li huwa allegat li wettaq jikkostitwixxu reatskont l-Artikolu 231(1) tal-Kodiċi Kriminali Pollakk; |
|
E. |
billi huwa allegat li, fil-perjodu mit-8 sat-22 ta’ Ġunju 2021, Michał Dworczyk sussegwentement ostakola l-proċedimenti kriminali billi ta istruzzjonijiet lil terza persuna biex tneħħi b’mod permanenti ċerta informazzjoni mill-email privat tiegħu, u b’hekk qered ċerti elementi ta’ evidenza; billi l-azzjoni li huwa allegat li wettaq tikkostitwixxi reat skont l-Artikolu 239(1) moqri flimkien mal-Artikolu 11(2) tal-Kodiċi Kriminali Pollakk; |
|
F. |
billi Michał Dworczyk ġie elett fil-Parlament Ewropew fl-elezzjonijiet Ewropej ta’ Ġunju 2024; billi ma kienx Membru tal-Parlament Ewropew fiż-żmien tar-reati allegati, u lanqas fi żmien il-bidu tal-investigazzjoni kriminali, inkluż il-proċedimenti kriminali distinti għar-reati allegati; |
|
G. |
billi r-reati allegati u t-talba sussegwenti għat-tneħħija tal-immunità tiegħu mhumiex relatati ma’ opinjoni espressa jew vot mitfugħ minn Michał Dworczyk fil-qadi ta’ dmirijietu skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea; |
|
H. |
billi l-Artikolu 9, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a) tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew, igawdu fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament ta’ dak l-istat; |
|
I. |
billi, skont l-Artikolu 105(2) u (5) tal-Kostituzzjoni Pollakka, mill-jum li fih jitħabbru r-riżultati tal-elezzjonijiet sal-jum tal-iskadenza tal-mandat tiegħu jew tagħha, deputat ma għandux ikun soġġett għal responsabbiltà kriminali mingħajr l-approvazzjoni tas-Sejm tar-Repubblika tal-Polonja u lanqas ma għandu jiġi detenut jew arrestat mingħajr l-approvazzjoni tas-Sejm, għajr f’każijiet meta jkun inqabad in flagrante delicto u fejn id-detenzjoni tiegħu tkun meħtieġa biex jiġi żgurat l-andament xieraq tal-proċedimenti; |
|
J. |
billi l-għan tal-immunità parlamentari huwa li tipproteġi lill-Parlament u lill-Membri tiegħu minn proċedimenti ġudizzjarji relatati ma’ attivitajiet imwettqa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari u li huma inseparabbli minn dawn l-attivitajiet; |
|
K. |
billi, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, l-immunità parlamentari mhix privileġġ personali tal-Membru iżda garanzija tal-indipendenza tal-Parlament kollu kemm hu u tal-Membri tiegħu; |
|
L. |
billi, f’dan il-każ, il-Parlament ma sab l-ebda evidenza tal-eżistenza ta’ fumus persecutionis, jiġifieri elementi fattwali li jindikaw li l-proċedimenti legali inkwistjoni kellhom l-intenzjoni li jimminaw l-attività politika tal-Membru bħala Membru tal-Parlament Ewropew; |
|
M. |
billi, minn naħa, il-Parlament ma jistax jitqies bħala qorti u, min-naħa l-oħra, il-Membru ma jistax, fil-kuntest ta’ proċedura għat-tneħħija tal-immunità, jitqies bħala “akkużat (2)”; |
|
1. |
Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta’ Michał Dworczyk; |
|
2. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tal-Polonja u lil Michał Dworczyk. |
(1) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2010, Gollnisch vs Il-Parlament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Jannar 2013, Gollnisch vs Il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23; Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies, C-502/19, ECLI:EU:C:2019:1115; Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Lulju 2023, Puigdemont i Casamajó et vs Il-Parlament, T-272/21, ECLI:EU:T:2023:373.
(2) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 2019, Briois vs Il-Parlament, T-214/18, ECLI:EU:T:2019:266.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/1533/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)