Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52025DC0945

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-Pjan ta’ Azzjoni RESourceEU Inħaffu l-pass tal-Istrateġija tagħna dwar il-Materja Prima Kritika biex nadattaw għal realtà ġdida

COM/2025/945 final

Brussell, 3.12.2025

COM(2025) 945 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-Pjan ta’ Azzjoni RESourceEU

Inħaffu l-pass tal-Istrateġija tagħna dwar il-Materja Prima Kritika biex nadattaw għal realtà ġdida


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-Pjan ta’ Azzjoni RESourceEU

Inħaffu l-pass tal-Istrateġija tagħna dwar il-Materja Prima Kritika biex nadattaw għal realtà ġdida

Introduzzjoni

L-istorja għallmitna li bl-ambizzjoni meħtieġa u bl-għodod it-tajba, l-UE kapaċi tnaqqas saħansitra dipendenzi li rabbew għeruq fondi. Dan ħareġ fid-dieher b’REPowerEU 1 , li sawwar mill-ġdid ix-xenarju tal-enerġija tagħna, inkluż it-tneħħija gradwali tal-importazzjonijiet tal-gass Russu. Illum, il-Kummissjoni qed tadotta l-Pjan ta’ Azzjoni RESourceEU, li japplika loġika simili ta’ tnaqqis tar-riskji u diversifikazzjoni tal-materja prima kritika. RESourceEU jimmobilizza spettru kbir ta’ għodod ta’ politika u atturi privati u pubbliċi biex, id f’id magħhom, l-UE tħaffef il-pass tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tagħha dwar il-Materja Prima Kritika, tnaqqas id-dipendenzi kritiċi tagħha, u ssaħħaħ is-sigurtà ekonomika tagħha.

Fl-2024, l-UE diġà ressqet miżuri ambizzjużi fl-Att dwar il-Materja Prima Kritika (CRMA) 2 . Dan l-Att jistabbilixxi objettivi ċari għas-sigurtà tal-provvista tal-UE: sal-2030, l-UE jrid ikollha l-kapaċità li testratta 10%, tipproċessa 40% u tirriċikla 25% tal-materja prima strateġika li tikkonsma 3 . B’mod paralleli, l-UE trid tiddiversifika l-provvista tagħha biex ma tkunx tiddependi fuq pajjiż wieħed għal aktar minn 65% tad-domanda tagħha. Filwaqt li d-direzzjoni hija ċara, hu essenzjali li nħaffu l-pass biex nersqu lejha qabel.

Is-CRMs huma essenzjali għall-kompetittività tal-UE, għat-tranżizzjonijiet diġitali u lejn enerġija nadifa, u għall-ħtiġijiet tad-difiża u ajruspazjali u għas-sigurtà tal-ikel tagħha. Iżda għal ħafna mis-CRMs (inkluż is-26 rilevanti għat-tranżizzjoni tal-enerġija), l-UE tiddependi żżejjed fuq l-importazzjonijiet minn pajjiżi mhux tal-UE. Iċ-Ċina stabbiliet dominanza tal-kapaċità tal-produzzjoni globali fl-istadji kollha tal-katina tal-valur, mill-estrazzjoni sal-produzzjoni tal-metall jew il-manifattura tal-kalamiti 4 . Din il-ħakma toħloq dipendenzi għall-UE u għal sħab oħrajn, li kulma jmur qed jintużaw dejjem aktar bħala armi għal skopijiet ġeopolitiċi b’kapaċità li jaffettwaw b’mod sinifikanti l-manifattura tal-UE. Kriżi fil-provvista tas-CRMs hija theddida reali u preżenti ħafna għall-UE.

Minħabba domanda dejjem akbar għas-CRMs, skattat tellieqa ġeopolitika għall-aċċess għar-riżorsi. Iċ-Ċina tħaddem l-approċċ tal-katina tal-provvista kollha, billi tisfrutta s-saħħa tagħha fis-suq tas-CRMs biex tespandi b’mod kostanti d-dominanza tagħha fil-ktajjen tal-valur downstream ewlenin (batteriji, vetturi elettriċi jew turbini tar-riħ). Dan tiksbu b’taħlita ta’ Politiki u Prattiki tal-Ekonomija Mhux tas-Suq, inklużi sussidji tul il-katina tal-valur, li jgħinu biex tespandi l-produzzjoni domestika, tinħoloq kapaċità żejda, jintużaw prattiki predatorji tal-provvista u tal-ipprezzar, jiġu mġegħlin trasferimenti tat-teknoloġija, u tinvesti fil-kontroll ta’ ktajjen tal-valur f’pajjiżi terzi.

Barra minn hekk, tul l-aħħar tliet snin, iċ-Ċina adottat sensiela ta’ miżuri tal-kontroll tal-esportazzjoni, li jkopru CRMs bħall-grafit, il-gallju, it-tungstenu, il-bismut, il-ġermanju u materjali tal-art rari, iżda wkoll prodotti finali bħall-batteriji, jew tagħmir relatat mal-ipproċessar ta’ elementi tal-materjali tal-art rari. Ir-restrizzjonijiet tad-9 ta’ Ottubru 2025 kienu jinkludu kontrolli estraterritorjali fuq kwalunkwe prodott industrijali jew tad-difiża li fih ċerti CRMs. Is-sospensjoni tagħhom b’sena toffri biss nifs temporanju u parzjali. L-atturi industrijali tal-UE għadhom affettwati minn miżuri oħrajn li għadhom fis-seħħ u li jikkawżaw imblokki amministrattivi u dewmien fit-trasport marittimu. Il-produtturi Ewropej tal-karozzi u tal-makkinarju, u l-manifatturi tal-apparati mediċi, qed iħaffu l-pass biex jiżguraw il-provvista tagħhom ta’ kalamiti permanenti tal-materjali tal-art rari. Bi ftit alternattivi fis-suq, dawn spiss jitħallew jistennew, mingħajr viżibbiltà dwar iż-żmien tal-approvazzjoni tal-liċenzji u jintalbu jipprovdu informazzjoni kummerċjali sensittiva.

Dan jirriskja li jwassal għal għeluq tal-produzzjoni u eventwalment għal għeluq ta’ impjanti u sensji, filwaqt li jimmina l-objettivi tas-sigurtà ekonomika, tal-kompetittività fit-tul u tat-tranżizzjonijiet tal-UE. Id-dipendenzi kritiċi għal ċerti CRMs jirriskjaw ukoll li jxekklu l-kapaċità tal-UE li tilħaq l-objettivi tagħha tal-prontezza tad-difiża sal-2030 u li tappoġġa lill-Ukrajna militarment, u b’hekk joħolqu riskju dirett għas-sigurtà u jimminaw l-għanijiet tal-Komunikazzjoni dwar is-Sigurtà Ekonomika Ewropea 5 . Anki li niżguraw ir-reżiljenza ta’ dawn il-ktajjen tal-provvista strateġiċi, inħarsuhom minn interferenzi esterni u nevitaw dipendenzi riskjużi huma fost l-objettivi ewlenin tas-sigurtà ekonomika. Hemm atturi globali oħra li qed jieħdu miżuri biex jindirizzaw id-dipendenzi tagħhom, fosthom l-Istati Uniti, li qed jidħlu fi proġetti tas-CRMs ta’ ftehimiet tax-xiri u jiffirmaw sħubijiet ma’ pajjiżi sħab.

B’approċċ koerenti ta’ Tim Ewropa, issa l-UE teħtieġ miżuri aktar b’saħħithom u aktar malajr għax l-forzi tas-suq ma jistgħux iwettqu d-diversifikazzjoni neċessarja waħedhom. Minħabba ambjent mhux ekwu, spiss ikun jiswa aktar li wieħed jipproduċi fl-UE milli f’reġjuni oħra, bħal fil-każ tal-kalamiti permanenti, li jistgħu jkunu jiswew sa tliet darbiet aktar. Dan jiġri minħabba diversi raġunijiet, li jvarjaw mill-prezzijiet tal-enerġija għal ambjenti regolatorji aktar stretti. Barra minn hekk, il-manipulazzjoni diretta tas-suq minn operaturi preeżistenti toħloq instabbiltà fil-prezzijiet u ddgħajjef il-vijabbiltà tal-proġetti Ewropej tas-CRMs. Dan jiskoraġġixxi lill-industriji downstream Ewropej milli jimpenjaw ruħhom għal ftehimiet tax-xiri fit-tul mal-fornituri tal-UE. L-UE jeħtieġ tindirizza d-diffikultajiet li qed isibu l-parteċipanti ġodda biex joperaw f’suq ikkonċentrat ħafna, speċjalment meta atturi oħra jħaddmu prattiki u komportamenti mhux tas-suq motivati minn interessi ġeopolitiċi jew minn interessi mhux ekonomiċi oħrajn.

Għalhekk, il-Kummissjoni qed tadotta l-Pjan ta’ Azzjoni RESourceEU biex tħaffef il-kisba tal-objettivi tas-CRMA, tippreżerva u tespandi l-produzzjoni tal-UE ta’ CRMs primarji u sekondarji, issaħħaħ ir-reżiljenza tal-UE minn interruzzjonijiet tal-provvista u tfassal perkors għal diversifikazzjoni aktar malajr tal-ktajjen tal-provvista tas-CRMs. Bħala tali, il-Pjan ta’ Azzjoni RESourceEU jikkomplementa miżuri oħra biex javvanza l-għanijiet tas-sigurtà ekonomika tal-Unjoni, bħala parti minn approċċ strateġiku ppreżentat fil-Komunikazzjoni dwar is-Sigurtà Ekonomika u jikkontribwixxi għall-objettivi stabbiliti fil-Komunikazzjoni dwar il-Patt għal Industrija Nadifa 6 .

Għalkemm il-Pjan ta’ Azzjoni jista’ jappoġġa l-materja prima kritika kollha, il-fokus immedjat hu li tingħata spinta lill-ktajjen tal-valur tal-kalamiti permanenti tal-materjali tal-art rari, tal-materja prima tal-batteriji u tal-materja prima relatata mad-difiża, minħabba d-dimensjoni strateġika tagħhom għall-objettivi tal-kompetittività, tat-tranżizzjoni u tal-prontezza tad-difiża tal-Ewropa. Għal dak l-għan, dan il-Pjan ta’ Azzjoni jipprovdi miżuri li jħaffu l-varar ta’ proġetti tas-CRMs li jistgħu jsiru operazzjonali fl-2029 u qabel. Ladarba jiġu operazzjonalizzati, dawk il-proġetti maturi jistgħu jikkontribwixxu ferm biex jonqsu d-dipendenzi tal-UE u jmexxu ’l quddiem il-bqija tal-katina tal-valur, filwaqt li jgħinu biex tiġi stabbilita l-bażi għal industrija Ewropea kompetittiva tas-CRMs u jitwettqu b’suċċess il-Proġetti Strateġiċi kollha attwali u futuri tas-CRMs. Iċ-ċirkolarità se tkun fus f’dan l-isforz, xprunata bl-appoġġ lill-proġetti tar-riċiklaġġ u bl-inċentivi regolatorji għall-irkupru tal-materja prima.

1.Niżguraw il-provvista permezz taċ-Ċentru Ewropew għall-Materja Prima Kritika

L-isfida tal-materja prima kritika teħtieġ sorveljanza strateġika u rispons strutturali Ewropew fit-tul biex jintlaħqu l-objettivi tas-CRMA u ta’ RESourceEU.

Filwaqt li titgħallem mill-esperjenza tal-Organizzazzjoni tal-Ġappun għall-Metalli u s-Sigurtà tal-Enerġija (JOGMEC), fl-2026 il-Kummissjoni se tistabbilixxi Ċentru Ewropew għall-Materja Prima Kritika (“iċ-Ċentru”) bil-mandat biex jgħin jiżgura aċċess għas-CRMs lill-industrija Ewropea. Iċ-Ċentru se jiżviluppa intelligence sistemika dwar il-katina tal-valur tas-CRMs u dwar is-swieq primarji u sekondarji, biex jinforma l-azzjonijiet Ewropej u nazzjonali dwar l-investiment, il-kumulazzjoni tar-riżervi u x-xiri konġunt.

Bis-saħħa ta’ din l-intelligence, iċ-Ċentru se jaqdi rwol ċentrali fit-tmexxija tal-azzjonijiet u l-finanzjament, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali tul il-katina tal-provvista tas-CRMs tal-UE u, b’mod partikolari, fil-Proġetti Strateġiċi, filwaqt li jibbaża fuq strumenti finanzjarji mfassla skont il-ħtiġijiet tal-proġetti, li jvarjaw minn self u garanziji tal-ekwità, b’kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi u privati u l-fondi tas-CRMs tal-Istati Membri. Filwaqt li jaġixxi bħala meniġer tal-portafolji, iċ-Ċentru se jinkludi attivitajiet domestiċi u globali biex isawwar katina tal-valur tas-CRMs primarji u sekondarji diversifikata, sostenibbli u sigura. Iċ-Ċentru se jimmonitorja wkoll il-proġetti tul iċ-ċiklu tal-iżvilupp u l-operazzjonijiet tagħhom biex jiżgura li dawn jirrankaw malajr u jkomplu joperaw fl-UE u f’pajjiżi sħab fdati.

Iċ-Ċentru se jaġixxi bħala tarka biex jappoġġa l-kompetittività fit-tul tal-UE u r-reżiljenza tas-Suq Uniku billi jiffaċilita r-riżervi strateġiċi tas-CRMs primarji u sekondarji, b’koordinazzjoni mal-atturi industrijali tal-UE u mal-Istati Membri. Biex jiżgura l-vijabbiltà tal-proġetti u jiżviluppa l-kumulazzjoni tar-riżervi, iċ-Ċentru se jkollu l-mandat neċessarju biex iwettaq operazzjonijiet ta’ xiri konġunt u jlaqqa’ d-domanda mal-provvista. Iċ-Ċentru se jipprijoritizza wkoll ix-xiri tal-materja prima kritika ta’ rilevanza għas-setturi strateġiċi tal-Unjoni, bħall-ajruspazju u d-difiża, filwaqt li jiżgura l-koerenza u l-komplementarjetà mal-isforzi ta’ kumulazzjoni tar-riżervi tal-Istati Membri u tal-industrija stess.

Iċ-Ċentru se jibda jopera fl-2026, abbażi tal-mekkaniżmi tas-CRMA u ta’ RESourceEU. Sa Q2 2026, il-Kummissjoni se tipproponi wkoll strumenti leġiżlattivi biex tipprovdilu l-għodod neċessarji ħalli fit-tieni stadju jkun jista’ jwettaq l-attivitajiet previsti kollha tiegħu.

2.Nippromwovu u nħaffu l-pass tal-proġetti ta’ prijorità

Li nidentifikaw u nappoġġaw il-proġetti rilevanti huma kundizzjoni essenzjali biex insawru katina tal-provvista Ewropea tas-CRMs u niżguraw id-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-provvista tal-UE. Il-Kummissjoni diġà approvat 60 Proġett Strateġiku permezz tas-CRMA, fosthom 13 fil-pajjiżi terzi 7 . Fost dawk il-Proġetti Strateġiċi u proġetti oħra tas-CRMs, uħud għandhom il-kapaċità li jiġu varati fl-immedjat ħafna biex jgħinu lill-UE tnaqqas id-dipendenzi tagħha fuq pajjiż tal-oriġini wieħed bi 30 sa 50% sal-2029 għall-ktajjen tal-valur tal-materja prima relatata mal-batteriji, mal-materjali tal-art rari jew mad-difiża 8 . Biex jiksbu l-kapaċità tal-produzzjoni neċessarja, dawk il-proġetti jridu jimmobilizzaw madwar EUR 2.15 biljun biex jissodisfaw il-ħtiġijiet finanzjarji stmati tagħhom għan-nefqiet kapitali u operazzjonali. Din ma jistgħux jiksbuha mingħajr intervent pubbliku li jnaqqas ir-riskji tal-proġetti u jiġu mobilizzati l-investimenti privati sostanzjali meħtieġa.

Għalhekk iridu jiġu mobilizzati għodod li jnaqqsu r-riskji u jxejnu l-ostakli regolatorji ħalli jitħaffef il-pass biex tibda l-produzzjoni ta’ dawn il-proġetti rilevanti. Inkella l-proġetti jibqgħu mtaqqla bin-nuqqas ta’rieda tal-investituri li jimpenjaw ruħhom għal operazzjonijiet fit-tul u kumplessi, u bin-nuqqas ta’ interess tal-industrija downstream fi ftehimiet tax-xiri.

2.1.Noħolqu ċentru tal-finanzjament tas-CRMs biex inħaffu l-proġetti tas-CRMs fl-UE u fil-pajjiżi sħab

Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi u privati diġà impenjaw ruħhom li jappoġġaw il-Proġetti Strateġiċi magħżula aktar kmieni din is-sena permezz tas-CRMA. Biex inrawmu l-iżvilupp ta’ katina tal-valur Ewropea tas-CRMs neħtieġu wkoll kapital privat suffiċjenti minn ġewwa l-UE. F’din il-perspettiva, l-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti se taqdi rwol ewlieni biex jeħfief l-aċċess tal-kumpaniji tal-UE għall-finanzjament privat f’kull stadju taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.

Hemm firxa ta’ programmi ta’ finanzjament tal-UE li jipprovdu appoġġ għall-katina tal-valur tas-CRMs. Is-sejħa tal-Fond għall-Innovazzjoni tal-2024 ipprovdiet EUR 376 miljun lil ħames proġetti tas-CRMs, b’mod partikolari lill-Proġett Strateġiku Polvolt biex jibni faċilità tar-riċiklaġġ b’emissjonijiet baxxi għall-materja prima tal-batteriji fil-Polonja. Barra minn hekk, diversi proġetti tal-Fond għall-Innovazzjoni rċevew is-Siġill STEP biex jiġi ffaċilitat il-finanzjament fil-livell nazzjonali. Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta pprovda EUR 18.7 miljun f’finanzjament għall-proġett Estonjan Neo Performance tal-kalamiti tal-materjali tal-art rari.

Bħala parti mill-inizjattiva strateġika l-ġdida tiegħu dwar is-CRMs, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) hu impenjat li jipprovdi finanzjament sa EUR 2 biljun fis-sena għal proġetti relatati mas-CRMs permezz ta’ self, dejn tar-riskju, u fondi privati 9 . Sal-lum, il-BEI diġà pprovda finanzjament lill-Proġetti Strateġiċi UpCatalyst (dwar l-ipproċessar tal-grafit) u Keliber (dwar l-estrazzjoni u l-ipproċessar tal-litju) bi ftehimiet tas-self, appoġġati wkoll minn InvestEU. Il-BEI stabbilixxa appoġġ konsultattiv apposta tas-CRMs biex jgħin lill-proġetti tas-CRMs isiru aktar bankabbli, u pprovda assistenza teknika u gwida dwar l-istrutturar tal-proġetti biex jattiraw l-investiment.

Il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), bl-appoġġ tal-Kummissjoni, nieda faċilità biex jimmobilizza EUR 100 miljun ħalli jinvesti l-ekwità fi proġetti tal-esplorazzjoni tas-CRMs 10 . Il-BERŻ investa wkoll f’ekwità ta’ madwar EUR 6 miljun fil-Proġett Strateġiku EuroManganese fir-Repubblika Ċeka u EUR 3.6 miljun fil-Proġett Strateġiku ta’ Sarytogan Graphite fil-Każakistan 11 , 12 . Il-finanzjament għat-tnaqqas tar-riskji fil-livell tal-UE hu essenzjali biex jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ katina tal-valur tas-CRMs tal-UE, iżda hemm bżonn sforzi addizzjonali b’approċċ prattiku u orjentat lejn ir-riżultati u l-proġetti. Bħala punt tat-tluq, il-Kummissjoni se tikkoordina s-sorsi llum frammentati tal-finanzjament għas-CRMs u lill-atturi differenti involuti. B’finanzjament għar-riċerka, żidiet fil-finanzjament, u b’ġestjoni tal-għotjiet, il-Kummissjoni se ttejjeb il-koerenza f’dawn l-azzjonijiet kollha. Il-Kummissjoni se taħdem ukoll biex tevita diskrepanzi bejn l-istrumenti ta’ azzjoni interna u esterna biex tippromwovi l-proġetti rilevanti kollha għall-UE u tiżgura approċċ tal-katina tal-valur għall-proġetti tas-CRMs, filwaqt li tqis il-kontribut tal-SMEs.

Il-Kummissjoni se tiftaħ ċentru tal-finanzjament tas-CRMs biex tikkoordina b’mod strateġiku l-appoġġ għall-finanzjament, tipprovdi assistenza teknika lill-promoturi tal-proġetti u lill-amministrazzjonijiet nazzjonali, tħaffef l-iżvilupp tal-proġetti. Iċ-ċentru tal-finanzjament se jlaqqa’ pilastri differenti biex jipprovdi appoġġ għall-proġetti rilevanti tul il-katina tal-valur, b’enfasi speċifika fuq ir-riċiklaġġ, u livelli differenti ta’ maturità teknoloġika (mill-innovazzjoni sal-varar fis-suq):

·InvestEU jipprovdi kapaċità kritika għal tnaqqis tar-riskji lill-proġetti tas-CRMs tul il-katina tal-valur. Il-Kummissjoni beħsiebha timmobilizza madwar EUR 2 biljun f’investimenti addizzjonali relatati mal-Materja Prima Kritika tul il-perjodu 2026-2027, inkluż bis-saħħa tat-tisħiħ tal-Omnibus ta’ InvestEU.

·Barra minn hekk, il-Fond għall-Innovazzjoni se jappoġġa lil proġetti innovattivi tul il-katina tal-valur tas-CRMs: is-sejħa tal-2025 se twarrab EUR 1 biljun għall-manifattura tat-teknoloġija nadifa b’enfasi qawwija fuq it-tisħiħ tal-ktajjen tal-valur tas-CRMs għal applikazzjonijiet tat-teknoloġija nadifa fl-UE, bħal dawk għall-kalamiti permanenti tal-materjali tal-art rari u għall-batteriji.

·Il-Battery Booster, b’pakkett ta’ EUR 1.8 biljun, se jitfassal ukoll biex jiffinanzja proġetti tas-CRMs li huma kruċjali għall-katina tal-valur tal-batteriji, b’mod partikolari l-litju, il-kobalt, in-nikil, il-manganiż u l-grafit, sa EUR 300 miljun.

·Minħabba l-importanza tagħhom għall-industrija tad-difiża, il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex tintegra l-materja prima kritika bħala qasam ta’ prijorità fil-kuntest tar-reġim tas-Sigurtà tal-Provvista u l-prijoritajiet tal-finanzjament għall-Programm għall-Industrija tad-Difiża Ewropea li jmiss 13 .

Fl-2026, il-Kummissjoni se tniedi approċċ ġdid għall-finanzjament tal-proġetti, li se jiffoka fuq aktar vijabbiltà fit-tul tal-proġetti tas-CRMs billi jinċentiva u jiżgura x-xiri tagħhom fl-UE. Dan l-approċċ se jħeġġeġ iż-żieda fid-domanda tal-UE għal ktajjen tal-provvista tas-CRMs diversifikati u reżiljenti.

Fl-2026, il-Fond għall-Innovazzjoni se jipprovdi mqar EUR 700 miljun fis-sejħa ddedikata għall-manifattura ta’ teknoloġiji nodfa u għall-ktajjen tal-provvista tas-CRMs. F’dik is-sejħa, il-proġetti tat-teknoloġija nadifa u tas-CRMs se jkunu eliġibbli biex japplikaw u l-Kummissjoni se tippromwovi approċċ integrat billi tipprijoritizza proġetti tal-manifattura ta’ teknoloġija nadifa li jfittxu sorsi ta’ provvista tal-materja prima kritika bi ftehimiet tax-xiri domestiċi jew mingħand sorsi diversifikati oħra ta’ sħab affidabbli. Meta l-promotur tal-proġett juri li dan ma jkunx fattibbli, ikun meħtieġ pjan għal diversifikazzjoni malajr tal-provvista tas-CRM. L-Istati Membri se jiġu mistiedna jikkontribwixxu finanzjament għal din is-sejħa fil-forma ta’ għotja bħala servizz, b’mod kompatibbli mal-għajnuna mill-Istat.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri u mal-istituzzjonijiet finanzjarji interessati biex tfassal strumenti finanzjarji għat-tnaqqis tar-riskji, bħal Kuntratti għal Differenza, biex tkompli tinċentiva ftehimiet tax-xiri bħal dawn.

Bi qbil mal-Komunikazzjoni dwar is-Sigurtà Ekonomika tal-UE, se jkun essenzjali li jiġi żgurat li l-proġetti appoġġati jkomplu jipprovdu s-sigurtà tal-provvista. Il-Kummissjoni se taħdem mal-BEI u mal-BERŻ biex tistabbilixxi kundizzjonijiet stretti ħalli tiżgura li l-proġetti tas-CRMs appoġġati bil-fondi tal-UE jirnexxielhom jaslu fis-swieq maħsuba tagħhom.

Iċ-Ċentru tal-Materja Prima Kritika se jaqdi rwol ċentrali fil-monitoraġġ u fl-appoġġ għall-iżvilupp u għall-implimentazzjoni tal-proġetti u jikkoordina l-attivitajiet taċ-ċentru tal-finanzjament tas-CRMs.

B’mod ġenerali, bħala parti minn approċċ ta’ Tim Ewropa, l-UE għandha timmobilizza EUR 3 biljun f’fondi tal-UE tul it-12-il xahar li ġejjin b’appoġġ dirett għall-katina tal-valur tas-CRMs.

2.2.Nisfruttaw il-kapaċità tal-Istati Membri u tar-reġjuni

L-iskala tal-isfida teħtieġ approċċ komprensiv, li jimmassimizza s-sinerġiji bejn l-appoġġ fil-livell tal-UE u l-fondi mingħand l-amministrazzjonijiet nazzjonali u lokali. Franza, il-Ġermanja, l-Italja u n-Netherlands nedew fondi nazzjonali għas-CRMs, u oħrajn qed isegwu b’azzjonijiet simili. L-Istati Membri huma mħeġġa jużaw il-fondi domestiċi tagħhom għas-CRMs biex jiżguraw il-valar fil-pront tal-proġetti li jikkontribwixxu għar-reżiljenza tal-katina tal-valur tal-UE. Għal dak il-għan, l-Istati Membri huma mħeġġa jaħtfu għalkollox il-possibbiltajiet biex jagħtu għajnuna lill-proġetti eliġibbli, b’mod partikolari bi skemi ta’ għajnuna mill-Istat approvati skont il-Qafas għall-Għajnuna mill-Istat tal-Patt għal Industrija Nadifa. Fil-kuntest tar-rieżami nofsani tal-programmi tal-Politika ta’ Koeżjoni, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri u lir-reġjuni jallokaw finanzjament sa EUR 1 biljun biex jappoġġaw lill-Proġetti Strateġiċi magħżula skont l-Att dwar il-Materja Prima Kritika. Diġà qed jiġu riallokati fondi għal investimenti li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP), li tinkludi l-ktajjen tal-valur tas-CRMs 14 .

B’mod paralleli, l-Istati Membri huma mħeġġa jużaw l-assistenza finanzjarja biex jakkumulaw riżervi tal-materja prima biex itejbu d-disponibbiltà tal-prodotti tad-difiża skont ir-Regolament dwar l-Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE) 15 . L-Istati Membri li huma wkoll alleati tan-NATO jistgħu jistrieħu fuq id-Dikjarazzjoni tas-Summit ta’ The Hague biex jallokaw finanzjament għal proġetti tas-CRMs rilevanti għad-difiża bħala parti mill-impenn tagħhom ta’ 1.5% tal-PDG biex isaħħu s-sigurtà tagħhom 16 .

Hu essenzjali li bejn il-livell tal-UE u nazzjonali jissoktaw il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni biex jiġu massimizzati l-impatti tal-intervent pubbliku. Din hi r-raġuni għalfejn il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet finanzjarji biex tikkoordina l-varar ta’ strumenti tal-finanzjament tas-CRMs permezz tal-Bord għall-Materja Prima Kritika.

2.3.Noperazzjonalizzaw is-sħubijiet internazzjonali favur proġetti konkreti

Is-sħubijiet internazzjonali dwar il-materja prima qed jiksbu riżultati konkreti għall-UE u għal sħabha. Bilateralment, il-proġetti, l-investimenti u l-programmi ta’ kooperazzjoni jitwettqu taħt il-kappa tas-sħubijiet. Mill-15-il sieħeb tagħha, il-Kummissjoni identifikat riżerva ta’ 60 proġett ta’ rilevanza diretta għall-UE 17 . Fl-aħħar snin, l-importazzjonijiet tas-CRMs mill-Kanada, mill-Każakistan, minn Greenland, miċ-Ċilì u min-Namibja żdiedu fil-volum daqskemm fil-valur 18 .

Iżda ċ-ċirkostanzi dinjin li qed jevolvu jeħtieġu sħubijiet aktar operazzjonali u strateġiċi, u inizjattivi multilaterali. B’approċċ immexxi mill-proġetti, il-Kummissjoni se tipprovdi sett ta’ għodod li jappoġġaw lill-proġetti rilevanti waqt stadji differenti tal-iżvilupp tagħhom u li jiżguraw li dawn joħolqu valur miżjud lokali kbir u benefiċċji soċjoekonomiċi oħra. L-ewwel, permezz ta’ Orizzont Ewropa 2021-2027, il-Kummissjoni se tniedi sħubija Ewropea kofinanzjata, li tinvolvi lil Stati Membri u pajjiżi terzi biex tikkofinanzja proġetti tar-riċerka u tal-innovazzjoni tul il-katina tal-valur tas-CRMs b’baġit totali mistenni ta’ EUR 300 miljun 19 . It-tieni, l-istrumenti finanzjarji ta’ Global Gateway se jappoġġaw lill-Proġetti Strateġiċi u proġetti rilevanti oħra barra mill-UE, u li jiżguraw li l-provvisti jiġu direzzjonati lejn ix-xiri tal-UE, bħall-proġett tal-molibdenu Malmbjerg ta’ Greenland Resources. L-Istrumenti ta’ Garanzija tal-EFSD+ se jintużaw biex jakkumulaw kapital pubbliku u privat f’ambjenti kumplessi u riskjużi ħafna tas-CRMs. It-tielet, il-Faċilità tat-Task Force tas-CRM tal-BEI u l-Faċilità tas-CRMs tal-Kummissjoni se jipprovdu assistenza teknika, u jappoġġaw lil proġetti promettenti biex jiksbu l-bankabbiltà. Imbagħad, proġetti aktar maturi jkunu jistgħu jiġu appoġġati bi strumenti ta’ garanzija jew bi stumenti ta’ taħlit mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus.

Lil hinn minn dan, l-UE għandha timmobilizza l-għodod diplomatiċi u ekonomiċi kollha tagħha biex tiffaċilita l-konklużjonijiet malajr tal-kuntratti bejn il-kumpaniji Ewropej u ta’ pajjiżi terzi tul il-katina tal-valur tal-materja prima.

2.4.Inħaffu t-twettiq tal-proġetti

Il-Kummissjoni qed taħdem biex tgħin tiżgura l-vijabbiltà fit-tul tal-proġetti rilevanti tal-UE billi tirrazzjonalizza u tissimplifika l-proċess tal-ħruġ tal-permessi.

Is-CRMA jipprovdi l-ewwel rispons għall-inċertezzi fir-rigward tal-ħruġ tal-permessi billi jeżiġi li l-Istati Membri jinfurzaw skeda taż-żmien stretta għall-ħruġ tal-permessi għall-Proġetti Strateġiċi (27 xahar għall-proġetti tal-estrazzjoni u 15-il xahar għall-proġetti tal-ipproċessar u tar-riċiklaġġ) u jistabbilixxu Punt Uniku jew Punti Uniċi ta’ Kuntatt biex jikkoordinaw il-proċess għall-ħruġ tal-permessi tal-proġetti. Iżda l-Istati Membri li għadhom ma stabbilewx Punt Uniku / Punti Uniċi ta’ Kuntatt għandhom jistabbiluhom minnufih, filwaqt li l-Istati Membri kollha għandhom jipprovdu r-riżorsi neċessarji lill-amministrazzjoni tagħhom biex jimxu mal-iskedi taż-żmien tas-CRMA għall-ħruġ tal-permessi lill-Proġetti Strateġiċi. In-nuqqas ta’ Punt Uniku ta’ Kuntatt iddeżinjat, speċjalment għall-proġetti ddeżinjati bħala Strateġiċi, bħall-estrazzjoni tar-ram ta’ Rovina fir-Rumanija, jxekkel il-ħeffa tal-proċeduri tal-ħruġ tal-permessi.

Il-Kummissjoni qed tirrieżamina u tadatta l-qafas legali tagħha biex tneħħi kull ostaklu regolatorju ħalli taħtaf il-potenzjal domestiku tal-produzzjoni u tar-riċiklaġġ.

Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni se tressaq proposta dwar it-tħaffif tal-ħruġ tal-permessi ambjentali, li se tinkludi dispożizzjonijiet għat-tħaffif tal-ħruġ tal-permessi għall-proġetti tas-CRMs.

Barra minn hekk, biex jiżdiedu s-sinerġiji u l-komplementarjetà bejn l-Istrateġija għar-Reżiljenza tal-Ilma u l-Att dwar il-Materja Prima Kritika, fi Q1 2026 il-Kummissjoni se toħroġ dokument ta’ gwida biex tippermetti implimentazzjoni aktar sempliċi u armonizzata tal-liġi tal-UE dwar il-ħruġ tal-permessi ambjentali fl-Istati Membri, li tinkludi aspetti relatati mas-settur tal-estrazzjoni. Id-dokument ta’ gwida se jiċċara elementi bħall-konformità tal-Istandards tal-Kwalità Ambjentali fil-livell tal-korp tal-ilma kollu kemm hu u se jippromwovi konformità aktar faċli u aktar malajr. Se jikkonferma wkoll li l-liġi tippermetti li jitqiesu l-konċentrazzjonijiet tal-isfond “naturali” meta jiġi vvalutat l-istat kimiku tal-ilma tal-wiċċ.

Minbarra l-gwida, sa Q2 2026, il-Kummissjoni se tirrieżamina u tirrevedi d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma abbażi tal-kontribut u l-esperjenzi tal-partijiet ikkonċernati fl-Istati Membri, u tagħti attenzjoni partikolari lis-simplifikazzjoni u lill-ħtieġa li jiġu indirizzati l-konġestjonijiet potenzjali, biex fl-UE tippromwovi ċ-ċirkolarità u l-aċċess għall-materja prima kritika, b’modi li jipproteġu l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem.

Il-Kummissjoni se tqis ukoll ir-realtajiet operazzjonali speċifiċi tas-setturi tal-estrazzjoni, ir-riċiklaġġ u l-ipproċessar fir-reviżjoni mħabbra tar-Regolament dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH) u fl-implimentazzjoni attwali u r-reviżjonijiet futuri possibbli tad-Direttiva dwar il-Karċinoġeni, il-Mutaġeni u s-Sustanzi Tossiċi għar-Riproduzzjoni (CMRD), u żżomm l-ogħla livell ta’ protezzjoni għall-ħaddiema, għas-saħħa u għall-ambjent 20 , 21 .

Lil hinn mill-ħruġ tal-permessi, l-attivitajiet tas-CRMs jeħtieġu kundizzjonijiet abilitanti ta’ appoġġ. Il-Kummissjoni nediet proġett biex tappoġġa l-kooperazzjoni industrijali ta’ benefiċċju tul il-katina tal-valur tas-CRMs, inkluż il-kooperazzjoni bejn l-SMEs, bi mal-liġijiet tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni lesta wkoll tipprovdi gwida lill-kumpaniji involuti fi proġetti ta’ kooperazzjoni industrijali li jtejbu l-effiċjenza.

Fl-aħħar nett, l-UE qed taħdem ukoll biex tindirizza l-ħtiġijiet tal-kapital uman tal-attivitajiet tas-CRMs billi tistabbilixxi sħubija tal-ħiliet fuq skala kbira dwar il-materja prima kritika u Akkademja tal-Materja Prima li tippromwovi l-ħiliet rilevanti għall-forza tax-xogħol fil-ktajjen tal-provvista tal-materja prima kritika 22 , 23 .

Azzjonijiet li jippromwovu u jħaffu l-pass tal-proġetti ta’ prijorità

Il-Kummissjoni se tistabbilixxi ċentru tal-finanzjament tas-CRMs b’diversi pilastri biex tnaqqas ir-riskji tal-proġetti tas-CRMs b’firxa ta’ strumenti tal-UE, inkluż InvestEU, il-Fond għall-Innovazzjoni tal-UE, il-Battery Booster jew il-Programm għall-Industrija tad-Difiża Ewropea. Dan bil-għan li timmobilizza EUR 3 biljun tul it-12-il xahar li ġejjin.

Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-pajjiżi sħab se jkomplu joperazzjonalizzaw is-Sħubijiet Strateġiċi billi jħaffu l-appoġġ għal proġetti f’pajjiżi terzi permezz ta’ assistenza teknika, garanziji u strumenti ta’ taħlit appoġġati minn għodod diplomatiċi u ekonomiċi tal-UE.

Biex tinbeda l-implimentazzjoni ta’ RESourceEU, il-Kummissjoni u l-BEI llum qed jipprovdu appoġġ finanzjarju lil 2 proġetti tas-CRMs li se jwettqu minnufih il-ħtiġijiet tal-UE: Il-proġett tal-molibdenu Malmbjerg ta’ Greenland Resources biex tinkiseb sigurtà tal-provvista għas-settur tad-difiża; u l-Proġett Strateġiku Ġermaniż Vulcan għall-estrazzjoni tal-litju li jikkontribwixxi għal provvista tal-materja prima tal-batteriji. Il-proġett żgura appoġġ finanzjarju ta’ EUR 250 miljun mingħand il-Bank Ewropew tal-Investiment.

Il-Kummissjoni se tipproponi aġġustamenti fil-qafas regolatorju tal-UE dwar il-ħruġ tal-permessi biex ittejjeb il-kundizzjonijiet qafas ħalli tgħin lill-proġetti tas-CRMs isiru operazzjonali aktar malajr.

Fi Q1 2026, il-Kummissjoni se toħroġ gwida dwar id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, u fi Q3 2026 se tirrieżaminaha u tirrevediha.

3.Naħtfu l-potenzjal taċ-ċirkolarità u tal-innovazzjoni

3.1.Inżommu s-CRMs fl-UE u nirriċiklaw ir-riżorsi diġà disponibbli

Hu kruċjali li nirriċiklaw il-materja prima kritika biex inżidu l-kapaċitajiet tal-produzzjoni tal-UE. Iżda llum, il-ġbir medju tal-UE ta’ prodotti fi tmiem il-ħajja tagħhom fl-UE hu 40%, u fl-UE jiġu rriċiklati inqas minn 1% tal-elementi tal-materjali tal-art rari 24 . Fi kliem ieħor, hemm fluss ta’ laqx tal-kalamiti permanenti u ta’ prodotti fi tmiem il-ħajja tagħhom li jitlaq mill-UE, jibqa’ ma jintużax jew, agħar minn hekk, jispiċċa fil-miżbliet. Bil-materja prima meħtieġa u l-inċentivi xierqa, ir-riċiklaturi tal-UE tal-materjali tal-art rari bħal Carester u Solvay fi Franza jew Inspiree fl-Italja jistgħu jżidu l-attivitajiet tagħhom biex jgħinu għall-produzzjoni ta’ 3,800 tunnellata ta’ kalamiti permanenti tal-materjali tal-art rari fis-snin li ġejjin, jiġifieri madwar 20% tad-domanda attwali.

Din hi r-raġuni għalfejn sa Q2 2026 il-Kummissjoni se tipproponi restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni mill-UE ta’ laqx u skart tal-kalamiti permanenti, abbażi ta’ valutazzjoni bir-reqqa, filwaqt li tqis kif xieraq l-obbligi internazzjonali u s-sħubijiet tagħha mal-pajjiżi terzi. Fil-fatt, it-theddida ta’ skarsezzi fil-provvisti ta’ elementi tal-materjali tal-art rari meħtieġa għall-manifattura tal-kalamiti permanenti teħtieġ azzjoni dedikata li tiżgura aċċess għall-materja prima neċessarja, bi qbil mal-kapaċitajiet tal-produzzjoni u tal-espansjoni tal-UE. Din il-ħidma tinkludi l-iżvilupp ta’ subkodiċi fil-livell tal-UE skont in-Nomenklatura Magħquda u l-Katalgu ta’ Skart Ewropew biex jiġu identifikati u monitorjati l-flussi tal-kalamiti permanenti u l-prodotti fi tmiem il-ħajja li fihom dawn il-kalamiti permanenti. Biex jikkomplementa dawn il-miżuri, se jissaħħaħ l-infurzar min-naħa tal-Istati Membri kontra l-flussi illeċiti fil-fruntieri esterni.

Bl-Att ta’ Implimentazzjoni tat-tikkettar tar-Regolament dwar il-Batteriji, il-Kummissjoni se tiżgura li l-materja prima tal-batteriji tkun tista’ tiġi rkuprata u riċiklata aktar faċilment. Għall-batteriji, ir-riċiklaġġ jeħtieġ ukoll aċċess għall-massa sewda, li għadha sfida għall-industrija Ewropea. Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka jistma li l-UE tista’ tittratta madwar 50% sa 65% tal-massa sewda li tipproduċi, u dan jipprovdi sa miljun pakkett ġdid ta’ batteriji tal-vetturi elettriċi fis-sena. Iżda ħafna minn din il-kapaċità għadha mhix użata biżżejjed u sehem sostanzjali tal-massa sewda tal-Ewropa għadha qed tiġi esportata lejn l-Asja għall-irkupru finali. Biex jitnaqqas dak ir-riskju, kif deċiż f’Marzu 2025, l-iskart tal-batteriji tal-joni tal-litju u l-massa sewda se jiġi klassifikat bħala skart perikoluż f’Settembru 2026 25 . Dan ifisser li minn dik id-data se jiġu projbiti l-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi li mhumiex fl-OECD. Il-Kummissjoni se taħdem biex timplimenta din il-projbizzjoni b’mod effettiv, bla ċirkomvenzjonijiet, u se tippreżenta, kif meħtieġ, miżuri se li jkomplu jillimitaw ferm aktar l-esportazzjonijiet tal-massa sewda. Dan ifisser li l-proġetti li jirriċiklaw il-materja prima tal-batteriji, bħal Hydromet fil-Finlandja, jistgħu jaċċessaw massa sewda addizzjonali biex iwettqu l-operazzjonijiet tagħhom.

Barra minn hekk, fir-rebbiegħa tal-2026, il-Kummissjoni se tipproponi miżuri mmirati dwar il-laqx tal-aluminju biex tindirizza l-iżbilanċi globali u żżomm il-kompetittività tal-industriji tal-aluminju, u biex twettaq il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Azzar u l-Metalli. Din l-inizjattiva tistrieħ fuq tagħrif mis-sejbiet tal-monitoraġġ tal-flussi tal-laqx li jitilqu mill-UE, kif imniedi mill-Kummissjoni f’Lulju 2025, u se tgħin biex tiżgura li l-fundituri u r-riċiklaturi Ewropej jibqa’ jkollhom aċċess biżżejjed għall-materja prima essenzjali. Wara attivitajiet għal aktar monitoraġġ, se jiġu kkunsidrati azzjonijiet simili għal-laqx tar-ram jekk dan jirriżulta neċessarju.

Biex tindirizza l-fluss ġenerali tal-iskart tas-CRMs, il-Kummissjoni se tippermetti vjeġġi effiċjenti tal-iskart tas-CRMs u ta’ materjali sekondarji fl-UE permezz tal-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Vjeġġi tal-Iskart, inkluż bil-qalba lejn proċeduri diġitali u l-“elenkar fil-lista ekoloġika” possibbli ta’ flussi speċifiċi tal-iskart għar-riċiklaġġ fl-UE18. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tneħħi l-lakuni li bħalissa xorta qed jħallu l-esportazzjoni tal-laqx tar-ram jew tal-aluminju lejn pajjiżi terzi, għax jiġu ppreżentati b’mod frawdulenti bħala prodotti19.

3.2.Ninċentivaw ir-riċiklaġġ tal-materja prima kritika

Il-Kummissjoni qed tinċentiva r-riċiklaġġ tal-prodotti li fihom is-CRMS. Is-CRMA diġà introduċa rekwiżiti tat-tikkettar għall-kalamiti permanenti ħalli jittejbu l-proċessi tar-riċiklaġġ. Filwaqt li tibni fuq dan, il-Kummissjoni qed tipproponi li temenda s-CRMA biex tespandi l-lista tal-prodotti li fihom il-kalamiti permanenti u li għalihom hija meħtieġa tikketta li tipprovdi informazzjoni rilevanti għar-riċiklaturi.

Huma meħtieġa wkoll azzjonijiet oħrajn biex ikun żgurat li l-materjali rkuprati jerġgħu jidħlu fil-katina tal-valur u li l-materja prima sekondarja tintuża b’mod effettiv fi prodotti ġodda. Is-CRMA jiffoka fuq l-iskart ta’ wara l-konsum biex iħeġġeġ l-iżvilupp tal-ġbir fi tmiem il-ħajja u ta’ swieq sekondarji fl-UE. Iżda dan ma jinkludix l-iskart ta’ qabel il-konsum fil-kalkolu tal-kontenut riċiklat, għalkemm tipikament dan ikun aktar nadif, aktar faċli, u aktar kosteffettiv biex jiġi rriċiklat. L-inklużjoni tal-iskart ta’ qabel il-konsum iġġenerat waqt il-manifattura ttejjeb l-effiċjenza fir-riżorsi fl-immedjat, u tikkomplementa l-irkupru tal-iskart ta’ wara l-konsum, li jibqa’ essenzjali biex ikollna sistemi ġenwini ta’ ċirkolarità u riċiklaġġ. Għalhekk, illum il-Kummissjoni qed tipproponi li temenda s-CRMA biex dan ikun jitlob dikjarazzjoni tal-kontenut riċiklat derivat mill-iskart ta’ qabel u ta’ wara l-konsum. Abbażi tal-informazzjoni miġbura, il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi wkoll ishma minimi ta’ CRMs irkuprati mill-iskart domestiku ta’ qabel u ta’ wara l-konsum li jridu jintużaw fil-kalamiti permanenti inkorporati fil-prodotti. Il-miżura tappoġġa wkoll il-kapaċità tar-riċiklaġġ fi ħdan l-UE għax toħloq inċentivi tal-produzzjoni għal proġetti bħal MagReesource fi Franza.

Lil hinn mill-kalamiti permanenti tal-materjali tal-art rari, huma meħtieġa sforzi addizzjonali biex jiżdied l-irkupru tas-CRMs mill-iskart tat-tagħmir elettriku u elettroniku. Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Iskart tat-Tagħmir Elettriku u Elettroniku (WEEE), bħala parti mill-proposta tal-Att dwar l-Ekonomija Ċirkolari, se tinkludi miżuri li jtejbu l-ġbir tat-tagħmir elettriku u elettroniku fi tmiem il-ħajja tiegħu biex jissaħħaħ l-irkupru tas-CRMs. Se tipproponi wkoll li jissaħħaħ it-trattament fi tmiem il-ħajja tat-tagħmir elettriku u elettroniku biex jiġu preżervati l-komponenti rikki fis-CRMs. Malli tiġi approvata mill-koleġiżlaturi, ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-vetturi li m’għadhomx jintużaw se tippermetti wkoll l-irkupru tas-CRMs mill-karozzi.

Bl-istess mod, huma meħtieġa sforzi addizzjonali biex fl-Ewropa jonqsu d-dipendenzi kritiċi fuq il-fertilizzanti, li wħud minnhom huma bbażati fuq materja prima kritika, u dan isir bir-riċiklaġġ u billi tiġi stimulata l-produzzjoni domestika tal-fertilizzanti.

3.3.Nistimulaw l-innovazzjoni ħalli niffaċilitaw is-sostituzzjoni u l-effiċjenzi

Il-Kummissjoni qed tappoġġa r-Riċerka u l-Innovazzjoni (R&I) biex ittejjeb it-teknoloġiji tal-estrazzjoni, tal-ipproċessar u tar-riċiklaġġ tas-CRMs, kif ukoll is-sostituzzjoni tas-CRMs b’materjali avvanzati innovattivi, bil-manifattura avvanzata u b’soluzzjonijiet alternattivi. Fl-aħħar ħames snin, il-Kummissjoni diġà allokat EUR 700 miljun permezz ta’ Orizzont Ewropa biex tappoġġa l-iżvilupp ta’ proġetti tar-R&I fuq il-katina tal-valur tas-CRMs, li għoxrin minnhom ikkontribwew għal teknoloġiji għal Proġetti Strateġiċi permezz tas-CRMA fosthom il-proġetti tal-litju Barroso, Emili u Keliber.

Biex tqawwi dan il-potenzjal għas-sostituzzjoni u l-effiċjenza, il-Kummissjoni se tniedi sejħiet apposta li jipprovdu EUR 593 miljun mill-programm ta’ ħidma 2026-2027 ta’ Orizzont Ewropa biex tappoġġa l-ottimizzazzjoni tal-użi tar-riżorsi f’ekonomija ċirkolari u fi proċessi tal-produzzjoni ġodda.

Il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC) se jwarrab EUR 100 miljun addizzjonali f’appoġġ finanzjarju mħallat permezz ta’ żewġ sfidi tal-Aċċelleratur tal-EIC, sfida ta’ EUR 50 miljun biex “Nixprunaw il-katina tal-valur Ewropea tal-Materja Prima Kritika” u sfida oħra ta’ EUR 50 miljun biex ikollna “Materjali Avvanzati għall-Enerġija Rinnovabbli u għas-Sistemi tal-Ħżin tal-Enerġija”.

Anki l-Fond Ewropew għad-Difiża se jintuża ħalli jiżdiedu l-kompetittività u l-innovazzjoni tal-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea, billi jappoġġa l-integrazzjoni ta’ sostituti rilevanti għas-CRMs fi prodotti u teknoloġiji tad-difiża.

Il-Kummissjoni Ewropea se tappoġġa lill-Istati Membri fil-Forum Ewropew Konġunt għal Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (IPCEIs) huma u jvaraw IPCEIs li jippromwovu l-innovazzjoni u l-ewwel varar industrijali fit-tiftix ta’ sorsi tal-provvista, fl-ipproċessar u fir-riċiklaġġ tas-CRMs. Permezz taċ-Ċentru għall-Appoġġ tad-Disinn tal-IPCEI, il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll il-finalizzazzjoni tad-disinn ta’ kandidat tal-IPCEI dwar materjali avvanzati ċirkolari.

Fl-istess waqt, il-Kummissjoni se tħaffef l-iżvilupp u l-varar ta’ sostituti tas-CRMs b’innovazzjoni tal-materjali avvanzati skont l-Att dwar il-Materjali Avvanzati.

Azzjonijiet biex naħtfu l-potenzjal taċ-ċirkolarità u tal-innovazzjoni fl-UE

Sa Q2 2026, il-Kummissjoni se tipproponi restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-laqx tal-kalamiti permanenti tal-materjali tal-art rari.

Sa Q2 2026, il-Kummissjoni se tipproponi wkoll miżuri mmirati għal-laqx tal-aluminju. Se jiġu kkunsidrati miżuri simili għal-laqx tar-ram, wara monitoraġġ ulterjuri.

Bħala parti minn RESourceEU, il-Kummissjoni tipproponi li temenda s-CRMA biex tiżdied ir-riċiklabbiltà tal-kalamiti permanenti tal-materjali tal-art rari.

Sa Q3 2026, il-Kummissjoni se tipproponi miżuri biex iżżid l-irkupru tas-CRMs fl-Att dwar l-Ekonomija Ċirkolari, inkluż mill-iskart tat-tagħmir elettriku u elettroniku.

Sa Q2 2026, il-Kummissjoni se tipproponi pjan ta’ azzjoni biex tiżgura d-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-fertilizzanti domestiċi, u dan ikun jinkludi azzjonijiet għal nutrijenti riċiklati u alternattivi oħra għall-fertilizzanti.

Tul il-programm ta’ ħidma 2026-2027 ta’ Orizzont Ewropa, il-Kummissjoni se tniedi sejħiet apposta ta’ EUR 593 miljun biex tappoġġa l-objettivi ta’ RESourceEU, b’appoġġ addizzjonali ta’ EUR 100 miljun bħala finanzjament imħallat mill-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni.

Sa Q4 2026, il-Kummissjoni se tipproponi l-Att dwar il-Materjali Avvanzati.

4.Inżidu d-domanda Ewropea għal proġetti Ewropej u noħolqu suq dejjiemi

Bħalissa, il-volatilità tal-prezzijiet u l-prattiki tas-suq mhux trasparenti huma ta’ sfida għall-kapaċitajiet tal-produzzjoni eżistenti u biex fil-futur ikollna ktajjen tal-valur tas-CRMs aktar reżiljenti. Dawn qed iwasslu biex l-għadd ta’ ftehimiet tax-xiri bejn l-UE u s-sħab fis-setturi upstream u downstream ikun limitat.

Għalhekk hemm bżonn intervent pubbliku biex jiġu diversifikati s-sorsi tal-provvista iżda anki biex jinħolqu mekkaniżmi tas-suq u tiġi appoġġata l-operazzjoni tal-proġetti tas-CRMs matul iż-żmien, filwaqt li jixxejnu ż-żidiet fil-kostijiet, il-fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet, u l-inċertezzi fis-suq dinji.

4.1.Niffaċilitaw l-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt mill-industrija Ewropea

Permezz tal-Pjattaforma tal-UE għall-Enerġija u għall-Materja Prima, il-Kummissjoni żviluppat Mekkaniżmu tal-Materja Prima apposta. Dan se jaġixxi bħala għodda ta’ tlaqqigħ biex tinħoloq konnessjoni bejn ix-xerrejja u l-fornituri tal-materja prima strateġika, l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-fornituri ta’ servizzi tal-kumulazzjoni tar-riżervi. Se jkun opportunità biex ix-xerrejja interessati jaggregaw id-domanda u jixtru l-materja prima b’mod konġunt, u biex il-proġetti emerġenti jiżguraw ftehimiet tax-xiri konformi mar-regoli tal-UE dwar l-antitrust. Il-mekkaniżmu se jtejjeb ukoll l-aċċess tal-SMEs għall-materja prima strateġika billi jnaqqas il-kostijiet tat-tiftix tagħhom u jippermettilhom jilħqu d-daqs kritiku biex ikunu eliġibbli għall-volumi l-kbar mibjugħa mill-fornituri. Il-pjattaforma se żżid ferm it-trasparenza tas-swieq tas-CRMs. Barra minn hekk, il-pjattaforma tista’ tappoġġa attivitajiet futuri li jnaqqsu r-riskji taċ-ċentru tal-finanzjament tas-CRMs. Meta jkun qed jopera, iċ-Ċentru se jibni fuq l-attivitajiet tal-mekkaniżmu biex iwettaq xiri konġunt pubbliku f’isem korpi pubbliċi u privati.

Fit-18 ta’ Novembru 2025, il-Kummissjoni nediet ir-reġistrazzjoni fil-pjattaforma u l-ewwel sessjoni ta’ tlaqqigħ se ssir f’Marzu 2026 26 . Din is-sessjoni inizjali se tkun immirata lejn il-ktajjen tal-valur tal-materjali tal-art rari, tal-materja prima tal-batteriji u tal-materja prima tad-difiża disponibbli minnufih jew dalwaqt, u se tkun ta’ benefiċċju b’mod partikolari għall-atturi fi swieq żgħar u mhux likwidi bħal dawk tat-tungstenu jew l-gallju 27 . Il-Mekkaniżmu tal-Materja Prima se jiffoka fuq il-fornituri mill-UE, miż-Żona Ekonomika Ewropea, mill-Pajjiżi u t-Territorji ekstra-Ewropej, u mill-pajjiżi tas-sħubijiet strateġiċi. Iċ-ċikli li ġejjin se jiffukaw fuq l-iżvilupp tal-proġetti, fuq li tkun żgurata provvista diversifikata ta’ materja prima strateġika għall-industrija tal-UE, u fuq il-konnessjoni tal-parteċipanti ma’ servizzi tal-ħżin u tal-kumulazzjoni tar-riżervi.

Din il-konnessjoni tas-suq li tagħmel il-Pjattaforma trid tiġi kkomplementata b’mekkaniżmi li jinċentivaw il-konklużjoni tal-kuntratti ma’ fornituri diversifikati. U fil-futur, din il-funzjoni se tingħadda f’idejn iċ-Ċentru. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni se tniedi proċess mal-partijiet ikkonċernati biex tistudja t-tfassil, l-ambitu u l-finanzjament ta’ mekkaniżmu kosteffettiv għall-ingranaġġ ta’ prezz minimu biex ikunu jistgħu jsiru investimenti f’faċilitajiet tal-ipproċessar fl-Ewropa u fl-estrazzjoni ta’ minerali kritiċi fl-Ewropa u f’pajjiżi sħab.

4.2.Nistimulaw id-diversifikazzjoni tas-CRMs mill-industrija Ewropea

L-aggregazzjoni tal-provvista u tad-domanda hija l-ewwel pass biex ikollna suq tas-CRMs reżiljenti u diversifikat. Iżda dan mhux se jnaqqas direttament id-differenzjal tal-prezz persistenti li jaffettwa l-proġetti tas-CRMs tal-UE u li jgħin għall-volatilità tas-suq.

Biex tistimula aktar diversifikazzjoni fit-tiftix tas-sorsi ta’ provvista tas-CRMs, il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll emenda mmirata tas-CRMA. Fil-fatt, għad-diversifikazzjoni tal-provvista hemm bżonn l-impenn tas-setturi industrijali downstream Ewropej għax dawn ma jistgħux jibqgħu jiddependu għalkollox fuq l-esportazzjonijiet Ċiniżi biex jissodisfaw id-domandi tagħhom tas-CRMs. Fil-prattika, il-kumpaniji l-kbar se jkollhom iwettqu valutazzjoni tar-riskju tal-ktajjen tal-provvista tagħhom u jadottaw, kif neċessarju, miżuri tal-mitigazzjoni, inkluż biex jiddiversifikaw ruħhom ’il bogħod minn sors tal-provvista wieħed. Il-Kummissjoni għandu jkollha l-kapaċità li tinċentiva miżuri effettivi tad-diversifikazzjoni li l-kumpaniji l-kbar għandhom jadottaw f’każ ta’ vulnerabbiltajiet sinifikanti u, meta ma tittiħidx azzjoni, tagħmel id-diversifikazzjoni obbligatorja. Dan għandu jikkontribwixxi wkoll biex jistimula d-domanda għall-proġetti fil-katina tal-valur tal-UE u jgħin biex ikunu żgurati provvisti minn pajjiżi sħab fdati. Fil-kuntest ġeopolitiku tal-lum, ħafna mill-benefiċċji fit-tul tad-diversifikazzjoni jisbqu l-kostijiet finanzjarji fl-immedjat. Dawn għandhom jitqiesu kif xieraq mill-kumpaniji privati kif ukoll mill-istituzzjonijiet finanzjarji.

Barra minn hekk, il-każ tal-industrija tad-difiża tal-UE jeħtieġ attenzjoni partikolari. Il-kontrolli tal-esportazzjoni tas-CRMs, bil-preżunzjoni ta’ ċaħda għall-użu finali militari, inkluż il-kontrolli ekstraterritorjali minn pajjiżi terzi tat-tagħmir tad-difiża li fih is-CRMs, huma theddida ċara u preżenti għas-sigurtà u d-difiża tal-UE. L-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri, b’koordinazzjoni man-NATO, għandhom jimmobilizzaw kull strument possibbli għad-dispożizzjoni tagħhom biex inaqqsu malajr id-dipendenzi tas-CRMs tul il-ktajjen tal-valur industrijali tad-difiża, billi jużaw in-nefqa fid-difiża bħala katalizzatur ulterjuri għax-xiri ta’ proġetti tas-CRMs ta’ prijorità. Il-Kummissjoni qed tesplora inċentivi għad-diversifikazzjoni tal-provvista tal-materja prima kritika fil-kuntest tar-reviżjoni tad-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku 28 u l-Akkwist Pubbliku fil-Qasam tad-Difiża, kif ukoll fit-tfassil tal-Proġetti Ewlenin tal-Prontezza tad-Difiża 2030 29 . L-awtoritajiet kontraenti tal-Istati Membri huma mħeġġa wkoll jippermettu lill-kuntratturi jfittxu sorsi tal-provvista tal-materja prima b’mod sigur, eż. billi jipprijoritizzaw proġetti bbażati fuq kriterji mhux tal-prezz, bħad-diversifikazzjoni, b’mod partikolari meta jibbażaw fuq materja prima raffinata jew riċiklata fl-UE.

4.3.Nappoġġaw il-kumulazzjoni tar-riżervi biex tiżdied ir-reżiljenza industrijali Ewropea

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri qed jaħdmu biex jikkoordinaw ir-riżervi tal-materja prima kritika, li jistgħu jkunu mezza siewi kif jiġu limitati r-riskji tal-provvista. Bħalissa, ħafna kumpaniji jixtru s-CRMs meta jkollhom bżonnhom biss, imxekkla bil-liċenzjar limitat taċ-Ċina, minn nuqqas ta’ kapaċità tal-ħżin, minn nuqqas ta’ alternattivi tal-finanzjament biżżejjed u minn ċerti speċifikazzjonijiet materjali li jinbidlu wara perjodi twal tal-ħżin. Din is-sitwazzjoni toħloq kundizzjonijiet tax-xiri subottimali meta jkun hemm prezzijiet għoljin u nuqqas ta’ kumulazzjoni tar-riżervi. Fl-UE m’hemm l-ebda strument strutturali li jimmaniġġa r-riżervi tas-CRM u jiżgura rilaxx xieraq u ġust madwar l-Istati Membri kollha f’każ ta’ interruzzjonijiet, filwaqt li pajjiżi terzi bħall-Ġappun, l-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel għamlu sforzi strateġiċi sinifikanti biex jiżguraw is-sigurtà u l-istabbiltà ekonomika tagħhom stess.

F’Lulju 2025 ġiet adottata l-Istrateġija tal-UE għall-kumulazzjoni tar-riżervi biex ittejjeb l-interoperabbiltà u l-koordinazzjoni tas-sistemi tal-kumulazzjoni tar-riżervi fil-livelli tal-UE u nazzjonali 30 . Barra minn hekk, il-Programm għall-Industrija tad-Difiża Ewropea li se joħroġ fiż-żmien li ġej se jappoġġa attivitajiet biex ikunu jistgħu jitħaffu l-aġġustamenti fil-bidliet strutturali, inkluż dawk marbuta mal-materja prima, mal-kumulazzjoni tar-riżervi tagħhom u mal-bini ta’ kapaċitajiet tar-riżerva.

Il-Kummissjoni u diversi Stati Membri qed jikkollaboraw fuq proġett pilota għall-kumulazzjoni tar-riżervi ta’ materja prima kritika biex għall-kumulazzjoni tar-riżervi tas-CRMs, l-UE jkollha approċċ effettiv u koordinat. Il-proġett pilota se jibda jopera fil-bidu tal-2026, abbażi tal-kapaċitajiet tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni, u b’attenzjoni partikolari għall-materja prima sekondarja. Dan se jindirizza d-dimensjonijiet loġistiċi tal-kumulazzjoni tar-riżervi, bħall-kundizzjonijiet wara x-xiri, il-ħżin u r-rilaxx tas-CRMs. Il-proġett pilota se jikkunsidra wkoll it-tip ta’ kumulazzjoni tar-riżervi li tappoġġa bl-aħjar mod lill-industrija Ewropea fid-dawl tal-għodod tal-finanzjament disponibbli għal dawk l-operazzjonijiet u li tiżgura l-koerenza mal-isforzi tal-industrija. Wara dan, iċ-Ċentru se jintegra l-attivitajiet ta’ dan il-proġett pilota hu u jwettaq l-operazzjonijiet tal-kumulazzjoni tar-riżervi.

Azzjonijiet biex tiżdied id-domanda Ewropea għall-proġetti Ewropej u jinħoloq suq dejjiemi

Sa Q1 2026, il-Kummissjoni se tniedi l-ewwel ċiklu ta’ tlaqqigħ permezz tal-Pjattaforma tal-UE għall-Enerġija u għall-Materja Prima b’enfasi fuq il-katina tal-valur tal-kalamiti permanenti tal-materjali tal-art rari, tal-materja prima tal-batteriji u tal-materja prima tad-difiża.

Bħala parti minn RESourceEU, il-Kummissjoni tipproponi li temenda s-CRMA biex tistimula l-isforzi tad-diversifikazzjoni tal-katina tal-provvista tal-operaturi l-kbar tas-suq, ħalli tevita d-dipendenza fuq sorsi uniċi tal-provvista.

Il-Kummissjoni qed tesplora inċentivi għad-diversifikazzjoni fil-kuntest tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku fil-Qasam tad-Difiża u fit-tfassil tal-Proġetti Ewlenin tal-Prontezza tad-Difiża 2030.

Sa Q1 2026, il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jibdew l-ewwel proġett pilota dwar il-kumulazzjoni tar-riżervi tas-CRMs.

5.Nipproteġu s-Suq Uniku u r-reżiljenza tal-katina tal-valur tas-CRMs tal-UE

5.1.Insaħħu l-monitoraġġ tal-ktajjen tal-provvista u nikkoordinaw ir-rispons għal interruzzjonijiet tal-provvista

Waqt kriżi, l-ewwel responsabbiltà tal-UE hi li tipproteġi s-Suq Uniku, u l-Kummissjoni qed tiżgura li l-Istati Membri jaħdmu flimkien u mhux kontra xulxin. Dan hu l-objettiv ewlieni tal-Att dwar l-Emerġenzi u r-Reżiljenza tas-Suq Intern (IMERA) 31 . Meta dan l-Att jidħol fis-seħħ f’Mejju 2026, u abbażi tal-intelligence miġbura waqt l-implimentazzjoni tas-CRMA, il-Kummissjoni se tuża s-sett tal-għodod tal-IMERA biex tindirizza sfidi tul il-katina tal-valur tal-UE. Fil-każ tal-attivazzjoni tal-modalitajiet ta’ viġilanza jew ta’ emerġenza tas-suq intern skont l-IMERA, il-Kummissjoni se tkun tista’ tindirizza t-talbiet għall-informazzjoni dwar il-kapaċitajiet tal-produzzjoni u l-istokkijiet, l-interruzzjonijiet fil-ktajjen tal-provvista jew l-iskarsezzi, iżda anki twettaq xirjiet konġunti, tawtorizza t-talbiet ikklassifikati li għandhom prijorità, u tikkoordina d-distribuzzjoni tal-kumulazzjoni tar-riżervi.

Qabel jidħol fis-seħħ, il-Kummissjoni diġà ġabret lill-Istati Membri biex tagħraf l-interruzzjonijiet tal-provvista u tikkoordina r-reazzjonijiet. Dan kien possibbli bis-saħħa tal-monitoraġġ tal-ktajjen tal-provvista li sar skont l-Att dwar il-Materja Prima Kritika. L-Istati Membri u l-Kummissjoni bdew jittestjaw l-istress tal-ktajjen tal-provvista strateġiċi, u l-eżerċizzji konġunti li jmiss se jiffokaw fuq il-ktajjen tal-valur tal-elementi tal-materjali tal-art rari u l-materja prima kritika relatata mad-difiża. L-Istati Membri jeħtieġ ukoll jimmonitorjaw lill-operaturi ewlenin tas-suq tul il-katina tal-valur tas-CRMs u jinnotifikaw lill-Kummissjoni jekk xi avvenimenti kbar jaf ixekklu l-operazzjonijiet regolari tagħhom. Hu importanti li ssir ħidma mas-sħab fdati biex jiġu vvalutati l-interruzzjonijiet tal-provvista u tissaħħaħ il-preparatezza.

5.2.Inħarsu lill-UE minn interferenza ostili

Il-Kummissjoni qed taħdem biex tuża l-intelligence miġbura dwar prattiki tas-suq potenzjalment dannużi. Għalkemm l-investituri barranin jistgħu jikkontribwixxu għall-proġetti tas-CRMs fl-UE, l-UE jeħtieġ tiżgura li dak l-investiment ikun iġib valur miżjud reali għas-Suq Uniku u jaqbel mal-objettivi tas-sigurtà ekonomika tagħna. Minħabba n-natura strateġika tal-katina tal-valur tas-CRMs, il-Kummissjoni se tintegra l-Proġetti Strateġiċi tal-Att dwar il-Materja Prima Kritika bħala “Proġetti jew Programmi ta’ Interess għall-Unjoni” skont ir-Regolament dwar l-Investiment Dirett Barrani, u b’hekk tipprovdi kontroll akbar fuq l-investiment barrani fil-katina tal-valur tas-CRMs tal-UE għal raġunijiet ta’ sigurtà.

Il-programm ta’ ħidma għall-2026-2027 ta’ Orizzont Ewropa se jillimita l-parteċipazzjoni ta’ entitajiet Ċiniżi u ta’ entitajiet ibbażati fl-UE kkontrollati miċ-Ċina fl-azzjonijiet kollha tar-riċerka u l-innovazzjoni tas-CRMs. Il-Kummissjoni se taħdem biex tirreplika dan l-approċċ fi strumenti oħra tal-finanzjament fl-UE u tħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu miżuri simili biex jappoġġaw il-finanzjament domestiku tagħhom għas-CRMs.

Filwaqt li jibnu fuq l-isforzi kollettivi tagħhom biex jissalvagwardjaw il-ktajjen tal-provvista minn prattiki inġusti tas-suq, il-Kummissjoni, il-pajjiżi tal-G7, l-Awstralja u l-Ukrajna approvaw il-Pjan Direzzjonali tal-G7 għal swieq tal-minerali kritiċi bbażati fuq l-istandards 32 . L-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali se tixpruna t-traċċabbiltà u t-trasparenza tal-katina tal-provvista filwaqt li tistabbilixxi kriterji ambjentali, soċjali u ta’ governanza biex jinbnew swieq primjum affidabbli u siguri tal-minerali kritiċi. B’hekk tkun tista’ tintuża d-domanda għal swieq primjum internazzjonalment u l-produzzjoni responsabbli ssir il-punt ta’ riferiment dinji. Il-Kummissjoni se tiżgura li d-diversifikazzjoni u r-reżiljenza tal-katina tal-provvista jibqgħu komponenti essenzjali tas-swieq ibbażati fuq l-istandards.

Biex l-investimenti tal-UE u tal-Istati Membri fi proġetti tas-CRMs jiġu protetti, hu essenzjali li jkun żgurat li l-vijabbiltà tagħhom ma tkunx tista’ tixxekkel b’manipulazzjoni predatorja tas-suq jew bi prattiki u politiki ta’ ekonomija mhux tas-suq minn fornituri preeżistenti. B’koordinazzjoni mill-qrib mal-G7 u ma’ sħab oħra, u f’konformità mal-Komunikazzjoni dwar is-Sigurtà Ekonomika, il-Kummissjoni beħsiebha tiżviluppa u tvara approċċ ta’ politika sod, li jinkludi strumenti kummerċjali, biex jiżgura li l-UE tkun tista’ taġixxi malajr u b’mod deċiżiv f’każ ta’ prattiki mhux tas-suq minn pajjiżi terzi, bħal manipulazzjoni tal-prezzijiet, fil-ktajjen tal-valur tas-CRMs 33 . B’dan il-mod, il-Kummissjoni tisfrutta l-aspetti b’saħħithom ewlenin tal-UE, bħall-aċċess għas-Suq Uniku tagħha, biex tiżgura aċċess fl-immedjat għas-CRMs f’każ ta’ interruzzjonijiet tal-katina tal-provvista minn pajjiżi terzi.

Azzjonijiet li jipproteġu s-suq uniku u r-reżiljenza tal-katina tal-valur tas-CRMs

Minn Q2 2026 u kull meta jkun meħtieġ, il-Kummissjoni se timmobilizza s-sett ta’ għodod tal-IMERA biex tipproteġi s-suq intern minn interruzzjonijiet tal-provvista fil-katina tal-valur tas-CRMs.

Sa Q2 2026, il-Kummissjoni se tintegra l-Proġetti Strateġiċi tas-CRMA fir-Regolament dwar l-Investiment Dirett Barrani biex iżżid il-kontroll fuq l-investiment barrani f’setturi strateġiċi.

Fl-istess waqt, il-Kummissjoni u s-sħab tal-G7 se jiżviluppaw swieq tas-CRMs ibbażati fuq l-istandards li jissejsu fuq kriterji ambjentali, soċjali, ta’ governanza, ta’ diversifikazzjoni tal-provvista u ta’ reżiljenza.

Sa Q2 2026, il-Kummissjoni se tiżviluppa approċċ ta’ politika sod li jkun fih strumenti kummerċjali, biex tirreaġixxi kontra prattiki mhux tas-suq, bħal distorsjonijiet fil-prezzijiet, li jaffettwaw il-katina tal-valur tas-CRMs.

6.Naħdmu ma’ pajjiżi terzi għad-diversifikazzjoni

6.1.Insaħħu u nwessgħu l-impenn tal-UE

Biex tiddiversifika l-provvisti tas-CRMs tal-UE, il-Kummissjoni qed tħaddem aġenda diplomatika proattiva dwar is-CRMs f’isem l-UE u b’kooperazzjoni mal-Istati Membri. Minbarra l-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles u s-Sħubijiet għal Kummerċ u Investimenti Nodfa, mill-2021 sal-lum ġew iffirmati 15-il sħubija strateġika dwar il-materja prima ma’ pajjiżi rikki fir-riżorsi, u l-UE qed tkompli twessa’ n-network tagħha ta’ sħubijiet ma’ sħab fdati 34 .

Dawn is-sħubijiet huma maħsuba biex ikunu ta’ ġid għall-UE u għal sħabha permezz ta’ benefiċjazzjoni lokali. Il-ħolqien ta’ valur miżjud lokali u tal-impjiegi hu essenzjali, inkluż billi l-pajjiżi terzi jkunu jistgħu jżidu l-kapaċità tagħhom lil hinn mill-estrazzjoni. B’mod ġenerali, is-sħubijiet jgħinu biex jintegraw il-katina tal-valur taż-żewġ partijiet billi jappoġġaw proġetti konġunti u jikkooperaw fuq standards ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG), riċerka u innovazzjoni.

L-aħħar Memorandum ta’ Qbil ġie konkluż mal-Afrika t’Isfel fl-20 ta’ Novembru 2025. L-implimentazzjoni tiegħu għandha tappoġġa proġetti konkreti bħall-Proġett Strateġiku Zandkopsdrift li jipproduċi materjali tal-art rari u manganiż, u l-impjant tal-Manganiż Sulfat Monoidrat ta’ Purità Għolja tal-Manganese Metal Company. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nediet negozjati bilaterali mal-Brażil, sieħeb strateġiku bi ktajjen tal-valur importanti dwar il-materjali tal-art rari, in-nijobju, in-nikil, il-grafit, il-manganiż tal-litju u l-aluminju.

Il-Kummissjoni se taħdem ukoll biex tintegra l-katina tal-valur tas-CRMs tal-UE ma’ sħab strateġiċi, mal-pajjiżi tal-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles (FTAs), mal-pajjiżi tat-tkabbir u tal-viċinat. Pereżempju se tiffinanzja proġetti tas-CRMs permezz tal-Qafas ta’ Investiment għall-Ukrajna, li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-Proġetti Strateġiċi Ukreni u jixprunaw l-implimentazzjoni tas-sħubija strateġika bejn l-UE u l-Ukrajna dwar il-materja prima. Meta applikabbli, se tipprovdi wkoll strumenti finanzjarji permezz tal-Qafas ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent biex tiffaċilita l-integrazzjoni tal-ktajjen tal-valur industrijali tagħhom mal-UE. Se tippromwovi kooperazzjoni aktar b’saħħitha mal-pajjiżi tal-Viċinat, b’mod partikolari fl-Afrika ta’ Fuq, dwar l-aċċess għar-riżorsi tal-blat fosfatiku u tal-putassa, u fil-Golf. Il-Pjan ta’ Azzjoni li jmiss tal-Patt għall-Mediterran se jkun fih firxa ta’ proġetti ta’ investiment li se joffru wkoll opportunitajiet ta’ benefiċċju reċiproku lill-pajjiżi sħab tagħna tal-Viċinat tan-Nofsinhar.

6.2.Nibnu fuq inizjattivi multilaterali biex niżguraw provvista diversifikata

Multilateralment, l-UE u s-sħab tal-G20 laqgħu Qafas għall-Minerali Kritiċi, pjan ta’ azzjoni kooperattiv biex jiżgura li l-minerali kritiċi jixprunaw tkabbir sostenibbli u l-prosperità tul il-katina tal-valur kollha 35 . Dan il-qafas se jikkontribwixxi, fost l-oħrajn, biex jixpruna l-immappjar tar-riżorsi ġeoloġiċi, itejjeb l-istandards ESG u jżid l-investimenti fil-katina tal-valur tas-CRMs.

Biex tnaqqas kollettivament ir-riskji tal-proġetti tas-CRMs, il-Kummissjoni qed tappoġġa l-Alleanza għall-Produzzjoni tal-Minerali Kritiċi waqt il-Presidenza Kanadiża tal-G7. Il-lista tal-proġetti appoġġati u mħabbra waqt il-laqgħa ministerjali tal-G7 ta’ Ottubru 2025 hi l-ewwel pass għal sforzi koordinati li jappoġġaw il-katina globali tal-provvista tas-CRMs. L-iterazzjonijiet li jmiss għandhom jinkludu proġetti addizzjonali li jkunu jinsabu f’sett diversifikat ta’ ġuriżdizzjonijiet. L-Alleanza għall-Produzzjoni tal-Minerali Kritiċi u l-Pjan Direzzjonali tal-G7 għas-swieq ibbażati fuq l-istandards jixhdu l-azzjonijiet stabbiliti hawn fuq kemm fuq in-naħa tal-provvista kif ukoll fuq in-naħa tad-domanda tal-katina tal-valur tal-materja prima kritika.

Azzjonijiet għal sħubijiet mal-pajjiżi terzi li jiddiversifikaw il-provvisti

L-għodod diplomatiċi u ekonomiċi tal-UE fil-kuntest ta’ Tim Ewropa se jappoġġaw ukoll il-konklużjonijiet ta’ kuntratti bejn il-kumpaniji tal-UE u ta’ pajjiżi terzi

Il-Kummissjoni se tniedi negozjati għal sħubija tas-CRMs mal-Brażil.

Il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Viċinat tan-Nofsinhar, b’mod partikolari bil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Patt għall-Mediterran li se tippubblika fiż-żmien li ġej.

Il-Kummissjoni se tisfrutta l-Alleanza għall-Produzzjoni tal-Minerali Kritiċi tal-G7 biex tnaqqas ir-riskji tal-proġetti tas-CRMs fl-UE u fil-pajjiżi sħab.

Il-Kummissjoni se tkompli timbotta l-impenn kondiviż u l-ispinta qawwija għad-diversifikazzjoni fil-livell tal-G20, fil-qafas tal-Qafas tal-Minerali Kritiċi tal-G20.

Konklużjoni

Għalkemm l-Unjoni Ewropea stabbiliet aġenda ċara biex tiżgura l-provvista tagħha tal-materja prima kritika, id-dipendenza qawwija attwali mistennija titnaqqas biss gradwalment u fi żmien medju. Minħabba l-iskala tal-isfida, azzjoni kollettiva kuraġġuża u konġunta tal-UE u tal-Istati Membri biss tista’ tappoġġa lill-industrija Ewropea fi sforz fuq skala kbira ta’ diversifikazzjoni bil-mobilizzazzjoni ta’ firxa ta’ għodod, kompetenzi, u kapaċità finanzjarja għall-iżvilupp ta’ katina tal-valur stabbli u effiċjenti tas-CRMs tal-UE.

Il-Pjan RESourceEU jistabbilixxi għadd ta’ azzjonijiet li jsaħħu l-politika tad-diversifikazzjoni tal-UE b’impatt fl-immedjat ħalli tiżdied malajr ir-reżiljenza tal-UE għal interruzzjonijiet fil-ktajjen tal-provvista u biex is-swieq jingħataw direzzjoni politika ġdida għal żmien medju. Azzjonijiet bħal dawn se jissaħħu bil-ftuħ ta’ Ċentru li se jimmaniġġja għodod dedikati u mekkaniżmi ta’ appoġġ għall-prezzijiet u li se jkollu l-kapaċità biex jippromwovi d-diversifikazzjoni, l-iżvilupp tal-proġetti u r-reżiljenza tal-katina tal-valur tas-CRMs tal-UE. Iċ-Ċentru se jkun appoġġat bl-impenn finanzjarju tal-Fond Ewropew għall-Kompetittività, propost bħala parti mill-qafas finanzjarju pluriennali futur.

Id-diversifikazzjoni tal-provvista tal-materja prima kritika trid issir prijorità politika ewlenija tal-UE tul is-snin li ġejjin. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tqawwi l-isforzi tagħha billi timmobilizza l-istrumenti ta’ politika u finanzjarji kollha, biex twessa’ l-bażi tal-fornituri tas-CRMs tal-UE, issaħħaħ l-estrazzjoni u r-riċiklaġġ domestiċi, u tnaqqas id-dipendenzi żejda attwali tal-materja prima kritika. Il-Kummissjoni Ewropea tappella għal aktar kooperazzjoni fil-materja prima kritika mal-Parlament Ewropew, mal-Istati Membri tal-UE, mal-pajjiżi terzi sħab, mal-partijiet ikkonċernati industrijali u mas-soċjetà ċivili. Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill Ewropew japprova dan il-Pjan. Is-suċċess ta’ RESourceEU jiddependi fuq ħidma id f’id.

(1)     https://energy.ec.europa.eu/topics/markets-and-consumers/actions-and-measures-energy-prices/repowereu-3-years_mt
(2)    Ir-Regolament (UE) 2024/1252 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 li jistabbilixxi qafas li jiżgura provvista sigura u sostenibbli tal-materja prima kritika u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 168/2013, (UE) 2018/858, (UE) 2018/1724 u (UE) 2019/1020.
(3)    Il-materja prima strateġika (SRM) hija subsett tal-materja prima kritika, definita fis-CRMA u użata f’teknoloġiji strateġiċi għat-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika kif ukoll għall-industriji tad-difiża u ajruspazjali. Is-CRMs u l-SRMs huma elenkati fl-Annessi 1 u 2 tas-CRMA.
(4)    Carrara, S., Baldassarre, B., Jakimów, M., Kuzov, T., Mc Govern, L. et al., Deep dive on critical raw materials for wind turbines in the E, Black, C. (editur), l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2025, https://data.europa.eu/doi/10.2760/5665594 , JRC141759.
(5)    COM/2025/977 final.
(6)    COM/2025/85 final.
(7)     https://single-market-economy.ec.europa.eu/sectors/raw-materials/areas-specific-interest/critical-raw-materials/strategic-projects-under-crma/selected-projects_mt
(8)    Stimi bbażati fuq kapaċitajiet tal-produzzjoni ppjanati mħabbra.
(9)     https://www.eib.org/en/press/all/2025-156-eib-steps-up-financing-for-european-security-and-defence-and-critical-raw-materials
(10)     Il-BERŻ u l-UE se jimmobilizzaw sa €100 miljun għall-investimenti fil-materja prima kritika
(11)     Euro Manganese equity | We invest in changing lives
(12)     AsxDownload.aspx
(13)     https://defence-industry-space.ec.europa.eu/eu-defence-industry/edip-dedicated-programme-defence_mt
(14)     https://strategic-technologies.europa.eu/index_mt
(15)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/1106 tas-27 ta’ Mejju 2025 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE) permezz tat-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża.
(16)     Id-Dikjarazzjoni tas-Summit ta’ The Hague | Test uffiċjali tan-NATO .
(17)      L-Arġentina, l-Awstralja, il-Kanada, iċ-Ċilì, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, Greenland, il-Każakistan, in-Namibja, in-Norveġja, ir-Rwanda, is-Serbja, l-Afrika t’Isfel, l-Ukrajna, l-Użbekistan u ż-Żambja.
(18)    Pereżempju, l-importazzjonijiet tas-CRMs mill-Każakistan żdiedu kemm fil-volum (minn 32 153.3 tunnellata għal 673 982.9 tunnellata) kif ukoll fil-valur (minn EUR 188 miljun għal EUR 662 miljun) tul il-perjodu 2000-2024. Għall-Kanada b’mod partikolari, l-importazzjonijiet totali fl-UE ta’ ċerti CRMs żdiedu mill-perjodu ta’ qabel is-CETA (2012-2016) sal-perjodu ta’ wara s-CETA (2017-2023). L-importazzjonijiet fl-UE tal-litju żdiedu bi 11%, tal-grafit bi 33%, tal-manganiż bi 28%, u tal-elementi tal-materjali tal-art rari b’24%.
(19)     https://cordis.europa.eu/programme/id/HORIZON_HORIZON-CL4-INDUSTRY-2025-01-MATERIALS-64
(20)    Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH).
(21)    Id-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni, mutaġeni jew sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni fuq il-post tax-xogħol.
(22)     https://pact-for-skills.ec.europa.eu/document/download/9a32c1f7-66e4-4af9-86db-df5a25856db7_en
(23)     https://eitrawmaterials.eu/rawmaterials-academy
(24)    MC GOVERN, L., TAPOGLOU, E. u GEORGAKAKI, A., Material streams from wind energy decommissioning to 2050, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2025, https://data.europa.eu/doi/10.2760/0326924 , JRC139814.
(25)    Id-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2025/934 tal-5 ta’ Marzu 2025 li temenda d-Deċiżjoni 2000/532/KE fir-rigward ta’ aġġornament tal-lista tal-iskart fir-rigward tal-iskart relatat mal-batteriji.
(26)     Il-Pjattaforma tal-UE dwar l-enerġija u l-materja prima - il-Mekkaniżmu għall-Materja Prima .
(27)    Fis-swieq likwidi tas-CRMs hemm biżżejjed proġetti min-naħa tal-provvista, u għalhekk biex jiġi determinat prezz kompetittiv (eż., il-litju) jistgħu jintużaw strumenti bbażati fuq is-suq, bħal irkantijiet. Fis-swieq mhux likwidi hemm biss fornitur wieħed jew ftit fornituri (eż. il-gallju jew il-ġermanju).
(28)     Id-Direttiva 2014/23/UE dwar il-Konċessjonijiet, id-Direttiva 2014/24/UE dwar l-Akkwist Pubbliku, u d-Direttiva 2014/25/UE dwar l-Utilitajiet.
(29)    Id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE.
(30)    COM(2025) 528 final.
(31)    Ir-Regolament (UE) 2024/2747 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2024 li jistabbilixxi qafas ta’ miżuri relatati ma’ emerġenzi tas-suq intern u mar-reżiljenza tas-suq intern u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2679/98 (Att dwar l-Emerġenzi u r-Reżiljenza tas-Suq Intern).
(32)     https://g7.canada.ca/en/news-and-media/news/roadmap-to-promote-standards-based-markets-for-critical-minerals
(33)    Daħħal referenza.
(34)    L-Arġentina, l-Awstralja, il-Kanada, iċ-Ċilì, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, Greenland, il-Każakistan, in-Namibja, in-Norveġja, ir-Rwanda, is-Serbja, l-Afrika t’Isfel, l-Ukrajna, l-Użbekistan u ż-Żambja.
(35)     https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2025/11/22/g20-johannesburg-leaders-declaration/  
Top