Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52025DC0704

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-awtorizzazzjonijiet tal-esportazzjoni fl-2024 skont ir-Regolament li jikkonċerna l-kummerċ f’ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, tortura jew trattament krudili, inuman jew kastig degradanti ieħor

COM/2025/704 final

Brussell, 21.11.2025

COM(2025) 704 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-awtorizzazzjonijiet tal-esportazzjoni fl-2024 skont ir-Regolament li jikkonċerna l-kummerċ f’ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, tortura jew trattament krudili, inuman jew kastig degradanti ieħor


1.Introduzzjoni

L-objettiv tar-Regolament (UE) 2019/125 dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra 1 (“ir-Regolament”) huwa li jipprevjeni, f’pajjiżi barra mill-UE, il-piena kapitali, minn naħa waħda, u t-tortura u trattament jew piena krudili, inumana jew degradanti oħra, min-naħa l-oħra. Jiddistingwi bejn:

-oġġetti li huma abbużivi b’mod inerenti u ma għandhomx jiġu kkummerċjalizzati għall-ebda raġuni (l-Anness II); kif ukoll

-oġġetti li jista’ jkollhom użi leġittimi, bħal tagħmir tal-infurzar tal-liġi (l-Anness III) u oġġetti għal użu terapewtiku (l-Anness IV).

Il-kummerċ fl-oġġetti elenkati fl-Anness III u IV huwa soġġett għal ċerti restrizzjonijiet, inkluż ir-rekwiżit li ssir applikazzjoni lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għal awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni ta’ tali oġġetti.

L-Artikolu 26(3) tar-Regolament jiddikjara li l-Istati Membri għandhom ifasslu rapport ta’ attività pubbliku u annwali li jipprovdi informazzjoni dwar l-għadd ta’ applikazzjonijiet riċevuti, il-prodotti u l-pajjiżi kkonċernati, u d-deċiżjonijiet meħuda dwar l-applikazzjonijiet. L-Artikolu 26(4) jiddikjara li l-Kummissjoni jeħtiġilha tfassal rapport annwali magħmul mir-rapporti annwali tal-attività ppubblikati mill-Istati Membri. Jeħtiġilha tagħmel ir-rapport disponibbli pubblikament.

Dan ir-rapport tal-Kummissjoni jipprovdi informazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Istati Membri rigward l-esportazzjonijiet ta’ oġġetti fl-2024 2 li jistgħu jintużaw għat-tortura jew għall-piena kapitali.

L-Istati Membri kollha rrapportaw dwar l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet għall-esportazzjoni mogħtija u rifjutati skont l-Artikoli 11(1) u 16(1) tar-Regolament u dwar l-oġġetti u l-pajjiżi ta’ destinazzjoni inkwistjoni. F’xi każijiet, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri rrapportaw ukoll dwar l-għadd jew il-kwantitajiet ta’ oġġetti awtorizzati għall-esportazzjoni u l-kategorija tal-utent aħħari li lilu jkunu ġew fornuti l-oġġetti.

Awtorizzazzjonijiet skont ir-Regolament (UE) 2019/125

L-Artikoli 11(1) u 16(1) tar-Regolament jirrikjedu awtorizzazzjoni ta’ esportazzjonijiet 3 tal-oġġetti elenkati fl-Anness III u fl-Anness IV, rispettivament.

L-Anness III jelenka ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-fini ta’ tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra. L-oġġetti fl-Anness III jaqgħu taħt l-intestaturi li ġejjin: oġġetti maħsuba għat-trażżin tal-bnedmin; armi u tagħmir maħsuba għall-fini ta’ kontroll tal-irvellijiet jew ta’ awtoprotezzjoni; u armi u tagħmir għat-tferrix ta’ sustanzi kimiċi inkapaċitanti jew irritanti għall-fini ta’ kontroll tal-irvellijiet jew ta’ awtoprotezzjoni, u ċerti sustanzi relatati.

L-Anness IV jelenka ċerti sustanzi kimiċi li jistgħu jintużaw f’injezzjonijiet letali.

Minbarra meta l-Awtorizzazzjoni Ġenerali għall-Esportazzjoni (GEA - general export authorisation) tal-Unjoni stabbilita fl-Anness V tintuża għall-esportazzjonijiet ta’ oġġetti elenkati fl-Anness IV, l-awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni għandha tinkiseb mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru kkonċernat, kif elenkat fl-Anness I tar-Regolament.

L-esportazzjonijiet lejn destinazzjonijiet elenkati fil-GEA tal-Unjoni normalment jistgħu jsiru mingħajr ma tinkiseb awtorizzazzjoni individwali jew globali mogħtija minn Stat Membru. L-approċċ sa issa kien li jiġi inkluż pajjiż mhux tal-UE fl-Anness V jekk ikun irratifika ftehim internazzjonali rilevanti b’impenn li jabolixxi l-piena kapitali għar-reati kollha. Għall-pajjiżi li mhumiex membri tal-Kunsill tal-Ewropa, dan ifisser li l-pajjiż inkwistjoni jrid ikun irratifika t-Tieni Protokoll Fakultattiv għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) mingħajr riżerva.

Madankollu, jekk ikun hemm suspett raġonevoli dwar l-abbiltà tal-esportatur li jikkonforma mat-termini tal-awtorizzazzjoni jew mal-leġiżlazzjoni dwar il-kontroll tal-esportazzjoni, l-awtorità kompetenti tista’ tipprojbixxi lill-esportatur milli juża l-GEA tal-Unjoni.

L-Artikolu 20(2) tar-Regolament jiddikjara li awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni mogħtija minn Stat Membru tista’ tkun awtorizzazzjoni individwali (awtorizzazzjoni għall-esportazzjonijiet lejn utent aħħari jew destinatarju wieħed f’pajjiż mhux tal-UE) jew awtorizzazzjoni globali (awtorizzazzjoni għall-esportazzjonijiet lejn utent aħħari jew distributur speċifikat wieħed jew aktar f’pajjiż mhux tal-UE speċifikat wieħed jew aktar) 4 .

L-Artikoli 3, 4 u 5 tar-Regolament jipprojbixxu l-esportazzjoni, l-importazzjoni u t-tranżitu, rispettivament, tal-oġġetti elenkati fl-Anness II. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jagħtu deroga mill-projbizzjoni, iżda biss jekk jintwera li l-oġġetti kkonċernati se jintużaw esklużivament għal wiri pubbliku f’mużew (f’pajjiż mhux tal-UE jew, f’konformità mal-Artikolu 4, fi Stat Membru) fid-dawl tas-sinifikat storiku tagħhom.

2.Awtorizzazzjonijiet mogħtija u miċħuda

Fl-2024, l-għadd totali ta’ awtorizzazzjonijiet irrapportati ammontaw għal 248, bi 7-il Stat Membru jirrapportaw li kienu taw awtorizzazzjonijiet. L-Istati Membri li fadal informaw lill-Kummissjoni li ma kienu rċevew l-ebda applikazzjoni għal awtorizzazzjonijiet skont ir-Regolament li tissuġġerixxi attività limitata f’dan il-qasam. Bħal fl-eżerċizzji ta’ rapportar preċedenti, id-data ma tipprovdix massa kritika li minnha jistgħu jinsiltu konklużjonijiet sostanzjati.

Billi d-definizzjonijiet ta’ “awtorizzazzjoni individwali” u ta’ “awtorizzazzjoni globali” fl-Artikolu 2 tar-Regolament ma jinkludux komponent kwantitattiv, indikazzjoni tal-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija ma tagħtix indikazzjoni tal-għadd jew tal-kwantità ta’ oġġetti kkonċernati minn dawn l-awtorizzazzjonijiet. L-informazzjoni li l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni tipikament lanqas ma tagħmel distinzjoni bejn awtorizzazzjonijiet individwali u awtorizzazzjonijiet globali.

L-Istati Membri rrapportaw li kienu rrifjutaw 2 applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni fl-2024. Il-każijiet irrapportati ta’ ċaħda kienu jikkonċernaw oġġetti deskritti fl-Anness III kodiċi 3.1 5 maħsuba għall-esportazzjoni lejn iċ-Ċilì u oġġetti deskritti fl-Anness IV kodiċi 1.1 d) 6 maħsuba għall-esportazzjoni lejn Iżrael.

L-Artikoli 3, 4 u 5 tar-Regolament jipprojbixxu l-esportazzjoni, l-importazzjoni u t-tranżitu, rispettivament, tal-oġġetti elenkati fl-Anness II. Ir-Regolament jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jagħtu deroga mill-projbizzjoni, iżda biss jekk jintwera li l-oġġetti kkonċernati se jintużaw esklużivament għal wiri pubbliku f’mużew (f’pajjiż mhux tal-UE jew, f’konformità mal-Artikolu 4, fi Stat Membru) fid-dawl tas-sinifikat storiku tagħhom. L-awtoritajiet kompetenti rrapportaw li huma ma tawx tali derogi fl-2024.

L-Anness 1 ta’ dan ir-rapport jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ esportazzjoni rrapportati mogħtija u rrifjutati mill-Istati Membri matul il-perjodu 2017-2024.

L-Anness 2 ta’ dan ir-rapport jipprovdi informazzjoni dwar l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ esportazzjoni rrapportati maħruġa mill-Istati Membri fir-rigward tal-oġġetti elenkati fl-Anness III.

L-Anness 3 ta’ dan ir-rapport jipprovdi informazzjoni dwar id-destinazzjonijiet irrapportati tal-esportazzjonijiet awtorizzati u rrifjutati fir-rigward tal-oġġetti elenkati fl-Anness III.

L-Anness 4 ta’ dan ir-rapport jagħti sommarju tal-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni dwar l-użu finali rrapportat tal-esportazzjonijiet awtorizzati fir-rigward tal-oġġetti elenkati fl-Anness III.

L-Anness 5 ta’ dan ir-rapport jipprovdi ħarsa ġenerali dettaljata lejn l-esportazzjonijiet awtorizzati tal-oġġetti tal-Anness III fl-2024.

L-Anness 6 ta’ dan ir-rapport jipprovdi informazzjoni dwar l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ esportazzjoni rrapportati maħruġa mill-Istati Membri fir-rigward tal-oġġetti elenkati fl-Anness IV.

L-Anness 7 ta’ dan ir-rapport jipprovdi informazzjoni dwar id-destinazzjonijiet irrapportati tal-esportazzjonijiet awtorizzati u rrifjutati fir-rigward tal-oġġetti elenkati fl-Anness IV.

L-Anness 8 ta’ dan ir-rapport jagħti sommarju tal-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni dwar l-użu finali rrapportat tal-esportazzjonijiet awtorizzati fir-rigward tal-oġġetti elenkati fl-Anness IV.

L-Anness 9 ta’ dan ir-rapport jipprovdi ħarsa ġenerali dettaljata lejn l-esportazzjonijiet awtorizzati tal-oġġetti tal-Anness IV fl-2024.

(1)

ĠU L 30, 31.1.2019, p. 1.

(2)

   Dan ir-rapport ma jipprovdix informazzjoni dwar l-użu mill-esportaturi tal-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-Unjoni, skont l-Anness V tar-Regolament, għall-esportazzjonijiet tal-oġġetti elenkati fl-Anness IV.

(3)

   L-Artikolu 2(d) tar-Regolament jiddefinixxi “esportazzjoni” bħala “kwalunkwe ħruġ ta’ oġġetti mit-territorju doganali tal-Unjoni, inkluż il-ħruġ ta’ oġġetti li jeħtieġu dikjarazzjoni doganali u l-ħruġ ta’ oġġetti wara li jkunu ġew maħżuna f’żona ħielsa fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill”.

(4)

   L-Artikolu 2(p) jiddefinixxi bis-sħiħ “awtorizzazzjoni individwali”. L-Artikolu 2(q) jiddefinixxi għalkollox “awtorizzazzjoni globali”.

(5)

   Armi u tagħmir li jistgħu jinġarru li jamministraw jew ixerrdu doża ta’ sustanza kimika inkapaċitanti jew irritanti. 

(6)

   Melħ tas-sodju tal-pentobarbital - (CAS 57-33-0)

Top

Brussell, 21.11.2025

COM(2025) 704 final

ANNESS

ta'

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-awtorizzazzjonijiet tal-esportazzjoni fl-2024 skont ir-Regolament li jikkonċerna l-kummerċ f’ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, tortura jew trattament krudili, inuman jew kastig degradanti ieħor


Anness 1:

Ħarsa ġenerali: L-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet għall-esportazzjoni rrapportati mogħtija u rrifjutati mill-Istati Membri matul il-perjodu 2017–2024 (oġġetti koperti skont l-Anness III u l-Anness IV tar-Regolament)

Anness 2:

Oġġetti tal-Anness III: Għadd ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ esportazzjoni rrapportati maħruġa mill-Istati Membri fl-2024

Anness 3:

Oġġetti tal-Anness III: Destinazzjonijiet irrapportati 1 ta’ esportazzjonijiet awtorizzati u rifjutati fl-2024

Anness 4:

Oġġetti tal-Anness III: Użu aħħari rrapportat tal-esportazzjonijiet awtorizzati lejn pajjiżi terzi fl-2024

Anness 5:

Ħarsa ġenerali lejn l-esportazzjonijiet awtorizzati rrapportati tal-oġġetti tal-Anness III fl-2024

Deskrizzjoni tal-Prodott

Destinazzjoni

Stat Membru

Qajd u ktajjen tal-gruppi (ħlief manetti ordinarji)

L-Iżvizzera, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti tal-Amerka

DE

Manetti individwali jew ċrieki b’mekkaniżmu li jissakkar u li għandhom ċirkonferenza ta’ ġewwa akbar minn 165 mm

Il-Bożnija-Ħerzegovina

CZ

Pistoli tax-xokkijiet

In-Norveġja

SE

Armi u tagħmir li jistgħu jinġarru li jamministraw jew ixerrdu doża ta’ sustanza kimika inkapaċitanti jew irritanti.

Andorra, l-Arġentina, Aruba, il-Bożnija-Ħerzegovina, Bonaire, Sint Eustatius u Saba, il-Kanada, Curacao, il-Georgia, l-Indja, l-Iran, l-Iraq, Iżrael, il-Ġappun, il-Kosovo (skont l-UNSCR 1244), il-Kuwajt, il-Moldova, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Mauritania, Mauritius, il-Perù, il-Polineżja Franċiża, is-Serbja, is-Senegal, Sint Maarten — il-parti Netherlandiża, l-Iżvizzera, it-Tuneżija, ir-Renju Unit, l-Ukrajna, l-Urugwaj, l-Afrika t’Isfel.

CZ, DE, ES, FR, NL, SE

Vanillilamide tal-aċidu pelargoniku (PAVA)

L-Awstralja, iċ-Ċina, l-Indoneżja, l-Indja, il-Ġappun, il-Malażja, Singapore, l-Afrika t’Isfel, il-Korea t’Isfel, it-Tajwan, ir-Renju Unit

DE

Oleoreżina tal-kapsiku (OC)

Il-Brażil, l-Iżvizzera, l-Emirati Għarab Magħquda, ir-Renju Unit

DE

Taħlitiet li fihom mill-inqas 0,3 % bil-piż ta’ PAVA jew OC u solvent (pepper spray)

Iċ-Ċina, l-Indja, il-Kuwajt, il-Maċedonja ta’ Fuq, l-Oman, is-Serbja, Singapore, l-Iżvizzera, it-Turkija, l-Ukrajna, ir-Renju Unit, l-Emirati Għarab Magħquda

DE, ES, IT

Apparat fiss jew li jiġi mmuntat għat-tifrix ta’ aġenti kimiċi inkapaċitanti jew irritanti li jkopri firxa wiesgħa

L-Iżvizzera

DE

Anness 6:

Oġġetti tal-Anness IV: Għadd ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ esportazzjoni rrapportati maħruġa mill-Istati Membri fl-2024



Anness 7:

Oġġetti tal-Anness IV: Destinazzjonijiet irrapportati 2 ta’ esportazzjonijiet awtorizzati u rifjutati fl-2024

Anness 8:

Oġġetti tal-Anness IV: Użu aħħari rrapportat tal-esportazzjonijiet awtorizzati lejn pajjiżi terzi fl-2024

Anness 9:

Ħarsa ġenerali lejn l-esportazzjonijiet awtorizzati rrapportati ta’ oġġetti tal-Anness IV fl-2024

Deskrizzjoni tal-Prodott

Destinazzjoni

Stat Membru

(c) Pentobarbital - (CAS RN 76-74-4)

Il-Korea t’Isfel

DE

(d) Melħ tas-sodju tal-pentobarbital - (CAS 57-33-0)

L-Arġentina, Aruba, il-Kanada, il-Kolombja, Curacao, Hong Kong, Iżrael, il-Korea t’Isfel, il-Marokk, il-Messiku, il-Malażja, il-Perù, Sint Maarten — il-parti Netherlandiża, l-Afrika t’Isfel, l-Iżvizzera, ir-Renju Unit

DE, IE, NL

(e) Sekobarbital - (CAS RN 76-73-3)

Il-Kolombja

DE

(f) Melħ tas-sodju tas-sekobarbital - (CAS RN 309-43-3)

Il-Kanada, ir-Renju Unit

DE

(g) Tijopental - (CAS RN 76-75-5)

L-Awstralja, il-Bożnija-Ħerzegovina, in-Norveġja, ir-Rwanda, l-Arabja Sawdija, l-Iżvizzera, ir-Renju Unit

AT, DE

(h) Melħ tas-sodju tijopental (CAS RN 71-73-8), magħruf ukoll bħala tijopenton sodiku

L-Arġentina, il-Bangladesh, Bonaire, Sint Eustatius u Saba, il-Brażil, iċ-Ċilì, il-Kolombja, Kuba, Djibouti, l-Eġittu, il-Georgia, l-Indoneżja, l-Indja, l-Iraq, l-Iran, Iżrael, il-Libanu, il-Liberja, il-Messiku, il-Malażja, it-Territorju Palestinjan Okkupat, l-Arabja Sawdija, is-Somalja, it-Turkija, l-Ukrajna, ir-Renju Unit, l-Urugwaj

CZ, DE, IT, LV, NL

Aġenti anestetiċi barbiturati oħra li jaġixxu fuq perjodu qasir u intermedju

Il-Każakistan, il-Korea t’Isfel

DE, PL

(1)

   Jekk isem partikolari jintuża fil-lista ta’ destinazzjonijiet, ma għandux jiġi interpretat bħala li jmur lil hinn mir-referenza għal territorju (doganali) magħruf komunement b’dak l-isem

**L-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus u huwa konformi ma’ UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

(2)

   Jekk isem partikolari jintuża fil-lista ta’ destinazzjonijiet, ma għandux jiġi interpretat bħala li jmur lil hinn mir-referenza għal territorju (doganali) magħruf komunement b’dak l-isem

Top