IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.9.2025
COM(2025) 681 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
dwar Strateġija ta’ Litteriżmu Finanzjarju tal-UE
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52025DC0681
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS on a Financial Literacy Strategy for the EU
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar Strateġija ta’ Litteriżmu Finanzjarju tal-UE
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar Strateġija ta’ Litteriżmu Finanzjarju tal-UE
COM/2025/681 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.9.2025
COM(2025) 681 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
dwar Strateġija ta’ Litteriżmu Finanzjarju tal-UE
1.Strateġija ta’ litteriżmu finanzjarju tal-UE
Il-litteriżmu finanzjarju huwa ħila essenzjali għall-ħajja. Dan jirreferi għall-kombinazzjoni ta’ sensibilizzazzjoni finanzjarja, għarfien, ħiliet, attitudnijiet, u mġiba meħtieġa biex wieħed jieħu deċiżjonijiet finanzjarji sodi. Il-litteriżmu finanzjarju jagħti s-setgħa lill-individwi biex jinvolvu ruħhom fi prattiki finanzjarji b’saħħithom bħal ibbaġitjar effettiv, għażliet infurmati dwar it-tfaddil u l-investiment, ippjanar finanzjarju xieraq fit-tul inkluż l-ippjanar tal-irtirar u ġestjoni responsabbli tad-dejn, u b’hekk jikkontribwixxi għall-indipendenza finanzjarja, il-ġestjoni tar-riskju u l-evitar ta’ frodi u scams. Billi jrawmu drawwiet finanzjarji sodi, l-individwi u l-unitajiet domestiċi jistgħu jtejbu r-reżiljenza finanzjarja tagħhom, u dan iwassal għal stabbiltà ekonomika akbar u riskju mnaqqas ta’ dejn eċċessiv. Il-litteriżmu finanzjarju huwa għalhekk essenzjali biex iċ-ċittadini jingħataw is-setgħa li jiżguraw l-indipendenza u l-benesseri finanzjarji tagħhom. Barra minn hekk, il-benefiċċji tiegħu jmorru lil hinn mill-individwu: billi jippromwovi l-inklużjoni finanzjarja u l-involviment ċiviku, il-litteriżmu finanzjarju jgħin biex tinbena soċjetà aktar reżiljenti.
Il-livelli ta’ litteriżmu finanzjarju fl-UE bħalissa huma baxxi ħafna (ara ċ-ċart ta’ hawn taħt). Skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2023, inqas minn wieħed minn kull ħamsa (18 %) taċ-ċittadini tal-UE għandhom livell għoli ta’ litteriżmu finanzjarju ( 1 ). Il-livelli tal-litteriżmu finanzjarju jvarjaw ukoll b’mod sinifikanti fost l-Istati Membri u fost il-koorti demografiċi differenti fl-Istati Membri. In-nisa, iż-żgħażagħ u l-persuni akbar fl-età, il-persuni b’introjtu aktar baxx u b’livell aktar baxx ta’ edukazzjoni ġenerali b’mod partikolari għandhom it-tendenza li jkunu, bħala medja, inqas litterati finanzjarjament minn gruppi oħra.
Ewrobarometru: Punteġġ tal-litteriżmu finanzjarju skont l-Istat Membru
Sors: Ewrobarometru dwar il-Monitoraġġ tal-livell ta’ litteriżmu finanzjarju fl-UE, 2023
Fl-UE, kważi nofs (49 %) il-popolazzjoni ta’ bejn it-18 u l-65 sena ma għandhomx biżżejjed tfaddil ta’ emerġenza biex ikopru l-ispejjeż tal-għajxien tagħhom għal mill-inqas tliet xhur, mingħajr ma jissellfu flus jew iċaqalqu d-dar. Barra minn hekk, 16 % ma għandhom l-ebda tfaddil ta’ emerġenza. Flimkien ma’ livelli baxxi ta’ litteriżmu finanzjarju dan jagħmilhom partikolarment vulnerabbli għal xokkijiet finanzjarji jew għall-konsegwenzi ta’ teħid ħażin ta’ deċiżjonijiet finanzjarji. Il-ħtieġa li jittejjeb il-litteriżmu finanzjarju hija saħansitra aktar importanti fid-dinja dejjem aktar diġitalizzata tal-lum, fejn firxa usa’ ta’ prodotti u servizzi finanzjarji hija aktar aċċessibbli minn qatt qabel. Il-litteriżmu finanzjarju jrid jirrifletti l-modi li qed jevolvu li bihom jiġu pprovduti s-servizzi finanzjarji, sabiex in-nies jingħataw is-setgħa li jużawhom b’mod sikur u b’fiduċja, filwaqt li jittieħed vantaġġ mill-opportunitajiet il-ġodda li dan joffri, inkluż permezz tal-Kontijiet tat-Tfaddil u tal-Investimenti u bil-prospett tal-euro diġitali, filwaqt li jittieħed kont tar-riskji, inklużi dawk marbuta ma’ frodi jew scams, jew prodotti kumplessi, spekulattivi u ta’ riskju għoli.
Il-litteriżmu finanzjarju jaffettwa wkoll it-teħid ta’ deċiżjonijiet finanzjarji. Pereżempju, huwa probabbli li livelli differenti ta’ litteriżmu finanzjarju huma fattur importanti li jispjega livell relattivament baxx ta’ parteċipazzjoni ta’ investituri bl-imnut fis-swieq kapitali madwar l-UE kif ukoll diverġenza sinifikanti fir-rati ta’ parteċipazzjoni fost l-Istati Membri (ara ċ-ċart ta’ hawn taħt).
Perċentwal tal-popolazzjoni bi prodott ta’ investiment (fond, stokk jew bonds) skont l-Istat Membru
Sors: Ewrobarometru dwar il-Monitoraġġ tal-livell ta’ litteriżmu finanzjarju fl-UE, 2023
2.Strateġija ta’ litteriżmu finanzjarju tal-UE
2.1.Objettivi
F’dan l-isfond, il-Kummissjoni ħabbret strateġija komprensiva ta’ litteriżmu finanzjarju fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Unjoni tat-Tfaddil u l-Investimenti (SIU) ( 2 ) bl-objettiv ġenerali li tindirizza livelli baxxi ta’ litteriżmu finanzjarju, sabiex tagħti s-setgħa liċ-ċittadini biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati rigward il-finanzi personali tagħhom, u biex tiffaċilita l-parteċipazzjoni tagħhom fis-swieq kapitali fuq bażi sikura u soda. Din l-istrateġija għandha l-għan li tappoġġa objettivi importanti ta’ inklużjoni finanzjarja inkluż is-sensibilizzazzjoni għall-promozzjoni tal-aċċess u l-użu effettiv tas-servizzi finanzjarji, it-tisħiħ tar-reżiljenza ekonomika, u l-avvanz tal-politiki li huma mmirati lejn gruppi vulnerabbli. Hija tfittex ukoll li tapprofondixxi l-litteriżmu u l-fehim ta’ prodotti finanzjarji, inklużi kompromessi reali bejn ir-riskju u r-redditu.
Kwalunkwe strateġija relatata mal-litteriżmu finanzjarju ma tistax tadotta approċċ ‘‘kulħadd f’keffa waħda’’. L-inizjattivi jeħtieġ li jindirizzaw iċ-ċirkostanzi u l-ħtiġijiet speċifiċi tal-gruppi u l-komunitajiet differenti fil-mira. Pereżempju, filwaqt li xi persuni ma għandhomx tfaddil biex jinvestu iżda jistgħu jibbenefikaw minn gwida dwar kif jittrattaw il-kontijiet tal-utilitajiet, il-karti ta’ kreditu, l-assigurazzjoni u l-aċċess għal benefiċċji soċjali jew benefiċċji oħra, oħrajn għandhom tfaddil u jistgħu jibbenefikaw minn aċċess aħjar għal informazzjoni dwar kif jimmaniġġjaw aħjar dak it-tfaddil. Billi jimmiraw b’mod speċifiku lejn demografika varja b’inizjattivi dedikati u inklużivi ta’ litteriżmu finanzjarju inkluż pariri affidabbli dwar id-dejn u billi jadattaw il-mezzi u l-kanali għall-ħtiġijiet tagħha, tali inizjattivi jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-inugwaljanza finanzjarja, filwaqt li jgħinu lill-individwi jimmassimizzaw il-benefiċċji tat-tfaddil tagħhom.
B’mod ġenerali, dan se jippermetti lill-individwi jimmaniġġjaw b’mod effiċjenti l-baġits u t-tfaddil tagħhom, jinnavigaw l-isfidi u l-opportunitajiet li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni li għaddejja bħalissa, u tibni l-ġid tagħha maż-żmien, inkluż billi tinvesti fis-swieq kapitali. Tali investimenti għandhom il-potenzjal li joffru redditi ogħla, filwaqt li fl-istess ħin jipprovdu lill-kumpaniji tal-UE għażliet ta’ finanzjament addizzjonali u b’hekk jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku. Filwaqt li l-individwi għandhom jiddeċiedu huma stess jekk jipparteċipawx fis-swieq kapitali, huwa essenzjali li dawk li jagħżlu li jinvestu jkunu mgħammra biex jieħdu deċiżjonijiet sodi u infurmati u jiġu ttrattati b’mod ġust. Billi jitrawwem tali ambjent, investituri ġodda jistgħu jinnavigaw b’mod kunfidenti deċiżjonijiet finanzjarji, u l-investituri eżistenti jistgħu jibqgħu involuti. B’litteriżmu finanzjarju mtejjeb, iċ-ċittadini se jiksbu wkoll għarfien aktar profond tal-impatt tad-deċiżjonijiet ta’ investiment tagħhom. Dan jinkludi fehim akbar tal-effetti ekonomiċi tal-għażla li jiġu ffinanzjati ċerti attivitajiet, kif ukoll l-impatti u l-implikazzjonijiet tagħhom għall-impjiegi, is-sostenibbiltà, l-eżiti soċjali u r-reżiljenza.
2.2.Nibnu fuq inizjattivi li għaddejjin bħalissa
L-istrateġija tibni fuq l-isforzi li għaddejjin bħalissa tal-Kummissjoni biex ittejjeb il-litteriżmu finanzjarju, tiżgura l-kontinwità u tisfrutta inizjattivi tal-passat. Tikkomplementa l-azzjonijiet meħuda biex titqajjem kuxjenza u jittejbu l-kompetenzi finanzjarji taż-żgħażagħ, it-tfal u l-adulti permezz tal-oqfsa konġunti ta’ kompetenza finanzjarja tal-Kummissjoni Ewropea/Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi - Network Internazzjonali dwar l-Edukazzjoni Finanzjarja (OECD-INFE)( 3 ) ( 4 ), dawk tal-intraprendituri permezz tal-qafas Ewropew ta’ kompetenza intraprenditorjali (EntreComp 5 ) u l-ħidma żviluppata mal-Istati Membri taħt l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (TSI, Technical Support Instrument)( 6 ). Tqis il-Programm ta’ Politika dwar id-Deċennju Diġitali li jipprovdi qafas rilevanti għall-avvanz tal-ħiliet diġitali. Tikkomplementa wkoll il-Komunikazzjoni dwar l-Unjoni tal-Ħiliet tal-2025( 7 ), l-Istrateġija Kontra l-Faqar li ġejja, u sforzi oħra( 8 ).
L-istrateġija twieġeb ukoll għal sejħiet għal azzjoni mill-Kunsill lill-Kummissjoni fil-konklużjonijiet tiegħu tal-2024 dwar il-litteriżmu finanzjarju ( 9 ) biex jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-aħjar prattiki mill-Istati Membri, biex jitkompla l-monitoraġġ tal-livelli tal-litteriżmu finanzjarju fl-UE u tiġi promossa l-adozzjoni tal-oqfsa ta’ kompetenza finanzjarja. Barra minn hekk, il-Kunsill appella lill-Kummissjoni biex tappoġġa azzjonijiet mhux leġiżlattivi bħall-finanzjament ta’ proġetti ta’ litteriżmu finanzjarju permezz tat-TSI u Erasmus+, tiffaċilita l-opportunitajiet ta’ taħriġ u riċerka, u ssaħħaħ il-kooperazzjoni dwar il-litteriżmu finanzjarju.
L-istrateġija tappoġġa l-isforzi li saru mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE), il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, b’mod partikolari l-OECD( 10 ), biex titqajjem kuxjenza finanzjarja u jittejbu l-livelli ta’ litteriżmu finanzjarju. Ta’ min jinnota wkoll li l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew diġà adotta r-rapport tiegħu stess ( 11 ). Il-Parlament Ewropew reċentement adotta wkoll rapporti dwar l-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, inkluż il-litteriżmu finanzjarju ( 12 ) u l-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Parlament Ewropew u lill-Membri tiegħu biex jippromwovu b’mod proattiv il-litteriżmu finanzjarju fl-UE.
L-istrateġija l-ġdida tallinja mal-qafas regolatorju tal-UE għas-servizzi finanzjarji. Hija komplementari għar-regoli dwar il-protezzjoni tal-investituri fit-trawwim tal-fiduċja fost l-investituri bl-imnut. Fid-dawl ta’ dan, il-proposta tal-Kummissjoni tal-2023 għal Strateġija ta’ Investiment għall-Konsumatur (RIS, Retail Investment Strategy) tinkludi wkoll rekwiżit għall-Istati Membri biex jippromwovu l-litteriżmu finanzjarju fost l-investituri bl-imnut. Dik il-proposta tinsab fil-proċess leġiżlattiv u issa qed tiġi nnegozjata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Il-litteriżmu finanzjarju huwa importanti wkoll biex jappoġġa s-suċċess tal-Kontijiet tat-Tfaddil u tal-Investiment, li huwa s-suġġett ta’ Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni adottata fl-istess jum ta’ din il-Komunikazzjoni.
L-involviment mal-partijiet ikkonċernati jibqa’ prijorità. L-istrateġija tibni fuq is-suċċess tal-konferenza ta’ livell għoli tal-2024 dwar “Il-Litteriżmu Finanzjarju, ir-Reżiljenza u l-Inklużjoni” u l-konferenza akkademika li takkumpanjaha ( 13 ). Tinkorpora wkoll feedback mis-Sejħa għal Evidenza ppubblikata fil-kuntest tal-Komunikazzjoni dwar l-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, li kienet tinkludi kunsiderazzjonijiet dwar il-ħtieġa li jittejbu l-livelli ta’ litteriżmu finanzjarju fl-UE. Barra minn hekk, tirrifletti konsultazzjonijiet estensivi mal-Istati Membri kollha permezz tal-Grupp ta’ Esperti tal-Gvernijiet tal-UE dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur (GEGRFS, Government Expert Group on Retail Financial Services).
L-istrateġija tfittex li tikkomplementa u ssaħħaħ l-istrateġiji u l-inizjattivi nazzjonali ta’ litteriżmu finanzjarju meħuda mill-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati fl-Istati Membri, bħall-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u tal-investituri bl-imnut, is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-assoċjazzjonijiet tal-industrija u parteċipanti oħra fis-suq. B’mod partikolari, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u tal-investituri bl-imnut jistgħu jservu bħala promoturi fdati u indipendenti li jiżguraw li l-isforzi edukattivi jibqgħu aċċessibbli, imparzjali u allinjati mal-interessi tal-konsumaturi.
Barra minn hekk, l-assoċjazzjonijiet tal-industrija jistgħu jipprovdu għarfien espert fil-fond, għarfien prattiku u sensibilizzazzjoni skalabbli. Jekk ikun hemm qafas xieraq, dan jista’ jgħin liċ-ċittadini jkollhom għarfien rilevanti u aġġornat tal-prodotti u s-servizzi finanzjarji. It-trade unions jinsabu wkoll f’pożizzjoni unika biex jippromwovu l-litteriżmu finanzjarju minħabba l-aċċess dirett tagħhom għal bażi wiesgħa ta’ adulti li jaħdmu. Permezz tan-network tagħhom, il-unions jistgħu jżidu s-sensibilizzazzjoni ta’ inizjattivi ta’ litteriżmu finanzjarju u jwasslu edukazzjoni finanzjarja prattika fuq il-post tax-xogħol, pereżempju, relatata mat-tħejjija u l-ippjanar għall-irtirar.
3.Approċċ komprensiv
F’konformità mar-rwol ta’ appoġġ u koordinazzjoni tagħha fil-qasam tal-litteriżmu finanzjarju, u filwaqt li tirrikonoxxi d-diversi inizjattivi nazzjonali u privati eżistenti diġà fis-seħħ madwar l-UE, il-Kummissjoni għandha l-għan li tikkomplementa l-isforzi li għaddejjin bħalissa. L-istrateġija għalhekk tiffoka fuq oqsma fejn l-azzjoni tal-UE tista’ tagħti l-akbar valur miżjud.
F’dan il-kuntest, l-istrateġija tal-UE dwar il-litteriżmu finanzjarju tadotta approċċ komprensiv u hija bbażata fuq erba’ pilastri ta’ azzjoni interrelatati: (i) il-koordinazzjoni u l-aħjar prattiki; (ii) il-komunikazzjoni u s-sensibilizzazzjoni; (iii) il-finanzjament għal inizjattivi ta’ litteriżmu finanzjarju inkluż għar-riċerka; u (iv) il-monitoraġġ tal-progress u l-valutazzjoni tal-impatti.
Flimkien, l-azzjonijiet f’dawn l-oqsma għandhom l-għan li jippromwovu t-teħid ta’ deċiżjonijiet finanzjarji infurmati u jiffaċilitaw l-iżvilupp u l-iskambju ta’ modi effettivi għall-monitoraġġ, l-analiżi u l-valutazzjoni tal-litteriżmu finanzjarju ( 14 ).
a.Koordinazzjoni u l-aħjar prattiki
L-Istati Membri kollha jew għandhom strateġija ta’ litteriżmu finanzjarju fis-seħħ inkella jinsabu fil-proċess li jiżviluppaw waħda. Barra minn hekk, diversi inizjattivi ta’ litteriżmu finanzjarju jitwettqu minn partijiet ikkonċernati differenti fl-Istati Membri. It-tagħlim reċiproku u l-iskambju tal-aħjar prattiki jistgħu jgħinu biex tiġi identifikata u estiża l-introduzzjoni ta’ inizjattivi effettivi u biex jinkiseb għarfien dwar fatturi ewlenin ta’ suċċess.
Il-Kummissjoni se taħdem mal-partijiet ikkonċernati rilevanti biex tiddefinixxi l-prijoritajiet tematiċi ewlenin u tidentifika l-aħjar prattiki f’dawk l-oqsma. Oqsma potenzjali għal azzjoni jinkludu inizjattivi biex jitrawwem it-“tagħlim tal-għalliema u ta’ min iħarreġ” jew l-inklużjoni finanzjarja u inizjattivi oħra mmirati lejn gruppi speċifiċi fil-mira, inklużi dawk b’introjtu baxx, in-nisa, it-tfal, iż-żgħażagħ jew il-persuni akbar fl-età, b’mod partikolari billi jiġu identifikati “mumenti li huma opportunitajiet ta’ tagħlim” ( 15 ) rilevanti għal dawn il-gruppi fil-mira.
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tappoġġa l-ġbir u l-iskambju tal-aħjar prattiki bil-ħsieb li tiżgura li dawn jiġu diskussi mal-Istati Membri u li l-potenzjal għal implimentazzjoni effettiva madwar l-UE jiġi esplorat bis-sħiħ filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet nazzjonali. L-iskambji mal-Istati Membri se jservu biex jiffaċilitaw it-tagħlim reċiproku u jrawmu l-konverġenza tal-approċċi fejn xieraq.
Dawn l-iskambji se jservu wkoll bħala pjattaforma biex jiġu identifikati oqsma ta’ prijorità u l-aħjar triq ’il quddiem għall-kampanji ta’ komunikazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni u l-opportunitajiet ta’ finanzjament.
Billi trawwem dawn l-iskambji, il-Kummissjoni għandha l-għan li tidentifika sfidi komuni u tiżviluppa b’mod kollaborattiv is-soluzzjonijiet, u b’hekk issaħħaħ l-impenji kollettivi. Fejn rilevanti, il-Kummissjoni se tikkoordina wkoll ma’ esperti minn organizzazzjonijiet internazzjonali u pajjiżi terzi biex tarrikkixxi dan il-proċess.
Se jiġu organizzati wkoll diskussjonijiet regolari ta’ livell għoli fil-livell ministerjali biex titrawwem sjieda politika u jiġi żgurat allinjament ma’ politiki usa’ tal-UE u koordinazzjoni effettiva fost l-Istati Membri tal-UE. Dawn id-diskussjonijiet regolari jkunu rilevanti biex jiġi stabbilit momentum politiku u appoġġ għal azzjonijiet ta’ litteriżmu finanzjarju kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak tal-Istati Membri.
Il-Kummissjoni tilqa’ wkoll il-ħidma tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej fuq l-edukazzjoni finanzjarja, b’mod partikolari r-repożitorju dwar l-inizjattivi tal-edukazzjoni finanzjarja, li huwa essenzjali biex tittejjeb il-koordinazzjoni u jiġi promoss l-iskambju ta’ prattiki tajba. Il-Kummissjoni titlob lill-ASE jiżviluppaw b’mod konġunt repożitorju usa’ dwar l-inizjattivi tal-edukazzjoni finanzjarja meħuda fis-setturi li jissorveljaw. Ir-repożitorju għandhom ikun faċilment aċċessibbli online, faċli għall-utent u għat-tiftix, li jippermetti lill-utenti jidentifikaw il-prattiki eżistenti skont it-tema, abbażi ta’ sistema sottostanti ta’ klassifikazzjoni. Il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ma għandux ikun limitat għall-edukazzjoni finanzjarja diġitali.
Biex tiffaċilita l-iskambji u tgħin lill-partijiet ikkonċernati jikkollegaw ma’ xulxin, il-Kummissjoni se torganizza wkoll sessjonijiet ta’ ħidma regolari ma’ prattikanti tal-litteriżmu finanzjarju li jlaqqgħu flimkien il-partijiet ikkonċernati tas-settur privat u dawk mingħajr skop ta’ qligħ, inklużi l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u tal-investituri bl-imnut. Dawn is-sessjonijiet ta’ ħidma se jkollhom l-għan li jidentifikaw prinċipji gwida jew miżuri prattiċi biex titrawwem il-kooperazzjoni u se jippromwovu l-ħolqien ta’ komunità pan-Ewropea ta’ prattikanti tal-litteriżmu finanzjarju privat u mingħajr skop ta’ qligħ.
L-involviment tal-partijiet ikkonċernati privati fit-titjib tal-litteriżmu finanzjarju għandu merti ċari bħala komplement għall-inizjattivi minn partijiet ikkonċernati oħra, b’mod l-aktar partikolari minħabba li jippermetti l-mobilizzazzjoni tan-networks vasti, l-għarfien espert prattiku u l-kapaċità ta’ sensibilizzazzjoni tagħhom. Madankollu, in-nuqqas ta’ kodiċi ta’ kondotta standardizzat għal dawn il-partijiet ikkonċernati jista’ jwassal għal kunflitti ta’ interess (perċepiti) jew inkonsistenzi fil-kwalità u l-affidabbiltà tal-informazzjoni pprovduta. Għalhekk, il-Kummissjoni se tippromwovi u tassisti fl-iżvilupp ta’ kodiċi ta’ kondotta Ewropew għall-organizzazzjonijiet privati u mingħajr skop ta’ qligħ li jipprovdu inizjattivi ta’ litteriżmu finanzjarju. Il-kodiċi ta’ kondotta volontarju għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji u żviluppat b’mod konġunt minn rappreżentanti tal-partijiet ikkonċernati rilevanti taħt l-awspiċji tal-Kummissjoni. Kodiċi ta’ kondotta robust jiżgura li l-objettivi ta’ inizjattivi ta’ litteriżmu finanzjarju jkunu trasparenti, u li l-kontenut edukattiv ikun preċiż u imparzjali, u b’hekk titrawwem il-fiduċja fost il-konsumaturi u l-investituri, u tissaħħaħ il-kredibbiltà tal-inizjattivi. Dan jgħin ukoll biex jittaffa r-riskju ta’ kunflitti potenzjali ta’ interess, li fihom entitajiet privati jistgħu jippromwovu prodotti jew servizzi li jkunu ta’ benefiċċju għall-interessi tagħhom stess aktar milli għall-benesseri finanzjarju tal-parteċipanti. Kodiċi definit sew jippromwovi l-imġiba etika, ir-responsabbiltà, u t-titjib kontinwu, li fl-aħħar mill-aħħar iwassal għal programmi ta’ litteriżmu finanzjarju aktar effettivi u ekwi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jikkunsidraw li jinkorporaw il-kodiċi ta’ kondotta tal-UE fl-istrateġiji nazzjonali tagħhom ta’ litteriżmu finanzjarju ( 16 ).
Miżuri proposti:
·Il-Kummissjoni se torganizza laqgħat tematiċi regolari dwar il-litteriżmu finanzjarju tal-gruppi ta’ esperti rilevanti tal-gvern, fejn meħtieġ, biex tikkoordina l-isforzi dwar il-komunikazzjoni, is-sensibilizzazzjoni, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-finanzjament ta’ inizjattivi nazzjonali ta’ litteriżmu finanzjarju. L-ewwel laqgħa se tiġi organizzata fl-ewwel trimestru tal-2026.
·Il-Kummissjoni se taħdem mal-partijiet ikkonċernati rilevanti biex tiddefinixxi oqsma tematiċi ta’ prijorità u tidentifika l-aħjar prattiki; l-iskambji dwar dawn il-prattiki mbagħad jitwettqu fost l-esperti tal-Istati Membri fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi ta’ litteriżmu finanzjarju li jibdew fir-raba’ trimestru tal-2026. Dawn l-aħjar prattiki se jiġu ppreżentati u diskussi mal-Istati Membri kemm fil-livell tekniku kif ukoll f’dak politiku. Kull Stat Membru se jkun responsabbli għall-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki identifikati u l-Kummissjoni se tippubblika r-riżultati tad-diskussjoni.
·Il-Kummissjoni se torganizza sessjonijiet ta’ ħidma regolari li jlaqqgħu flimkien il-partijiet ikkonċernati tas-settur privat u dawk mingħajr skop ta’ qligħ biex tiffaċilita l-iskambji, trawwem il-kooperazzjoni u tippromwovi l-ħolqien ta’ komunità pan-Ewropea ta’ prattikanti tal-litteriżmu finanzjarju, mill-2026.
·Fl-2027, il-Kummissjoni se torganizza l-ewwel avveniment fil-livell ministerjali dwar il-litteriżmu finanzjarju biex jittieħed kont tal-progress miksub fit-tixrid u l-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki u biex jiġu rieżaminati x-xejriet emerġenti ewlenin. L-avveniment se jkollu l-għan li jiżgura impenn u involviment politiku attivi kontinwi u se jsir kull sentejn.
·Il-Kummissjoni se tappoġġa l-iżvilupp ta’ kodiċi ta’ kondotta Ewropew volontarju u bbażat fuq il-prinċipji għall-organizzazzjonijiet privati u mingħajr skop ta’ qligħ f’kollaborazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti sal-ewwel trimestru tal-2027. Il-Kummissjoni tirrakkomanda wkoll li l-Istati Membri jikkunsidraw li jinkorporaw il-kodiċi ta’ kondotta tal-UE fl-istrateġiji nazzjonali tagħhom ta’ litteriżmu finanzjarju u jimmonitorjaw il-progress billi jsegwu l-għadd ta’ organizzazzjonijiet li jaderixxu miegħu.
b.Komunikazzjoni u sensibilizzazzjoni
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2024 jenfasizzaw l-importanza ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni fil-qasam tal-litteriżmu finanzjarju, li jħeġġu lill-Istati Membri jieħdu azzjoni rilevanti.
Il-programmi u l-inizjattivi ta’ litteriżmu finanzjarju huma essenzjali iżda s-sensibilizzazzjoni dwar tali programmi hija prekundizzjoni ovvja għas-suċċess tagħhom. F’dan il-kuntest, se titfassal kampanja ta’ sensibilizzazzjoni fil-livell tal-UE biex issaħħaħ l-azzjonijiet nazzjonali eżistenti f’dan il-qasam, li tikkomplementa l-isforzi ta’ komunikazzjoni, sensibilizzazzjoni u gwida tal-awtoritajiet tal-Istati Membri u tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u tal-industrija nazzjonali u tal-UE kif ukoll tas-sħab soċjali.
Il-kampanja ta’ sensibilizzazzjoni fil-livell tal-UE se tiffoka fuq il-ħiliet tal-finanzi personali, inkluż l-ippjanar tal-baġit, l-ippjanar għall-irtirar, il-ġestjoni tad-dejn, il-ġestjoni tar-riskju u l-prevenzjoni tal-frodi u l-iscams, li huma rilevanti għaċ-ċittadini kollha tal-UE, partikolarment il-gruppi vulnerabbli. Il-kampanja se tkun flessibbli biżżejjed biex tappoġġa approċċi nazzjonali mfassla apposta li jkopru gruppi speċifiċi fil-mira bħall-persuni b’diżabilità, in-nisa, iż-żgħażagħ, l-anzjani u l-persuni b’introjtu baxx. Dawn il-gruppi jistgħu jkunu diffiċli biex jintlaħqu u jista’ jkollhom ħtiġijiet speċifiċi li jistgħu jvarjaw bejn l-Istati Membri. Għalhekk, huwa importanti li l-istrateġiji nazzjonali jużaw infrastrutturi eżistenti, inklużi ċentri komunitarji jew ċentri soċjali simili misjuba fil-livell lokali, fejn rilevanti, u jaħdmu ma’ interlokuturi fdati u relatabbli biex jilħqu dawn il-gruppi fil-mira.
Fl-istess ħin, il-kampanja tappoġġa l-objettivi usa’ tal-SIU li titrawwem “kultura ta’ investiment” u titqajjem kuxjenza dwar ir-riskju u l-opportunitajiet tal-investiment, inklużi kompromessi bejn ir-riskju u r-redditu u l-benefiċċji tad-diversifikazzjoni. Il-kampanja se tinkludi firxa ta’ materjali ta’ komunikazzjoni mmirati biex jgħinu lill-investituri jiġbru l-informazzjoni, inkluż dwar kif jipparteċipaw fis-swieq kapitali u l-karatteristiċi ta’ prodotti ta’ investiment differenti, b’mod inklużiv. Din jenfasizza l-benefiċċji tal-Kontijiet tat-Tfaddil u tal-Investiment (SIAs, Savings and Investment Accounts) fl-iffaċilitar tal-parteċipazzjoni fis-swieq kapitali, u b’hekk tikkomplementa r-rakkomandazzjoni tal-SIA billi tikkontribwixxi għall-viżibbiltà tal-SIAs u tinkoraġġixxi l-adozzjoni tagħhom.
Sabiex jiġu appoġġati l-inizjattivi tal-Istati Membri, tiżdied il-viżibbiltà tagħhom u jiġu żgurati messaġġi konsistenti, se jiġi stabbilit network ta’ “ambaxxaturi tal-litteriżmu finanzjarju”. Dan in-network ta’ personaġġi pubbliċi se jippromwovi l-litteriżmu finanzjarju bħala kawża Ewropea u nazzjonali, li tmur lil hinn minn deċiżjonijiet ta’ investiment biss — biex jinkludi l-ġestjoni ta’ kuljum tal-flus u s-sensibilizzazzjoni tal-konsumatur. Mingħajr dawn il-promoturi, l-isforzi biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni pubblika spiss ma kellhomx il-viżibbiltà u l-influwenza meħtieġa biex issir bidla sinifikanti. L-ambaxxaturi jistgħu jnaqqsu d-distakk billi jipprovdu eżempji u testimonjanzi personali li jistgħu jkunu rilevanti ma’ udjenzi differenti, u b’hekk isaħħu l-involviment u jħeġġu lil aktar nies jiżviluppaw ħiliet finanzjarji essenzjali.
L-ambaxxaturi għandu jkollhom rwol ewlieni fi ħdan l-Istati Membri biex jiggwidaw liċ-ċittadini lejn programmi u riżorsi ta’ litteriżmu finanzjarju affidabbli u interlokuturi rilevanti, inklużi assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u tal-investituri bl-imnut, sħab soċjali u awtoritajiet nazzjonali. L-ambaxxaturi se jintgħażlu u jinħatru minn kull Stat Membru biex jappoġġaw u jamplifikaw l-isforzi ġenerali biex javvanzaw il-litteriżmu finanzjarju madwar l-UE. Dawn l-ambaxxaturi se joperaw fil-livell nazzjonali u lokali, bl-involviment taċ-ċittadini u l-komunitajiet (inklużi dawk f’żoni rurali), in-negozji, il-gvernijiet u l-istituzzjonijiet edukattivi. Huma se jrawmu d-dibattitu fil-livell nazzjonali, immirati lejn gruppi differenti permezz ta’ diversi mezzi, inkluż billi jipparteċipaw f’avvenimenti pubbliċi, jinvolvu ruħhom mal-media mainstream u jikkollegaw ma’ ġenerazzjonijiet iżgħar fuq il-media soċjali. Huma se jgħinu fil-promozzjoni ta’ programmi edukattivi, iħeġġu t-teħid ta’ deċiżjonijiet finanzjarji infurmati, u jappoġġaw inizjattivi li jippermettu liċ-ċittadini jimmaniġġjaw aħjar il-finanzi tagħhom u jipparteċipaw fis-swieq kapitali. L-Istati Membri huma mħeġġa jipprovdu appoġġ kontinwu lill-ambaxxaturi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.
Il-Kummissjoni se tinvolvi ruħha regolarment mal-ambaxxaturi tal-litteriżmu finanzjarju, u tlaqqagħhom flimkien perjodikament biex jiġi vvalutat il-progress, ikun skambju ta’ għarfien u ideat, u jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki fil-livell lokali. Se tgħammarhom ukoll bil-messaġġi ewlenin u l-materjali ta’ komunikazzjoni, li l-ambaxxaturi jistgħu jfasslu apposta u jadattaw għall-kuntest lokali. Dan in-network ta’ ambaxxaturi jista’ jikkollabora wkoll mal-organizzazzjonijiet tal-UE u nazzjonali tal-konsumaturi u tal-investituri bl-imnut u mas-sħab soċjali fl-implimentazzjoni tal-kampanja ta’ sensibilizzazzjoni jew billi jippromwovi l-azzjonijiet ta’ dawn l-organizzazzjonijiet, inklużi dawk dwar il-gwida finanzjarja. Dan l-approċċ għandu l-għan li jisfrutta n-networks u l-għarfien espert nazzjonali eżistenti biex jimmassimizza l-impatt u l-ilħuq tal-kampanja.
L-ambaxxaturi jista’ jkollhom ukoll rwol attiv matul il-ġimgħa tal-Flus Globali tal-OECD/INFE, kampanja ta’ sensibilizzazzjoni globali annwali li għandha l-għan li tiżgura li ż-żgħażagħ, minn età bikrija, ikollhom l-għarfien u l-ħiliet finanzjarji meħtieġa.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni se torganizza avvenimenti pubbliċi, li jinkludu diskussjonijiet dwar il-litteriżmu finanzjarju u tal-investiment.
Miżuri proposti:
·Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, se toħloq, sal-ewwel trimestru tal-2026, network ta’ “ambaxxaturi tal-litteriżmu finanzjarju” ta’ reputazzjoni tajba biex trawwem id-dibattitu fil-livell nazzjonali. Dawn il-personaġġi pubbliċi fdati se jgħinu biex jippromwovu l-litteriżmu finanzjarju bħala kawża nazzjonali u Ewropea u jirrelataw mal-kuntest uniku tal-Istat Membru.
·Il-Kummissjoni se tmexxi kampanja estensiva ta’ komunikazzjoni u media soċjali, immirata lejn diversi gruppi, inklużi ż-żgħażagħ, it-tfal u dawk vulnerabbli. Il-kampanja se tqajjem ukoll sensibilizzazzjoni dwar l-iskemi ta’ finanzjament tal-UE b’appoġġ għall-istrateġiji u l-inizjattivi nazzjonali ta’ litteriżmu finanzjarju. Il-Kummissjoni tista’ tgħin ukoll biex jiġu identifikati ħtiġijiet speċifiċi jew oqsma ta’ prijorità u tippromwovi inizjattivi speċifiċi fil-livell nazzjonali biex iżżid l-ilħuq u l-impatt tagħhom.
·Il-Kummissjoni se torganizza avvenimenti pubbliċi ffokati fuq il-litteriżmu finanzjarju u r-rwol tiegħu fl-appoġġ tal-benesseri finanzjarju, bħala parti minn inizjattivi usa’ ta’ sensibilizzazzjoni.
c.Il-monitoraġġ tal-progress u l-valutazzjoni tal-impatti
Il-monitoraġġ tal-progress u l-valutazzjoni tal-impatti se jkunu kruċjali fl-evalwazzjoni tal-effettività tal-azzjonijiet tal-litteriżmu finanzjarju. Fil-konklużjonijiet tiegħu dwar il-litteriżmu finanzjarju, il-Kunsill irrakkomanda lill-Istati Membri jieħdu azzjonijiet biex isaħħu l-isforzi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni ( 17 ). Il-Grupp tal-Euro f’format inklużiv iddeċieda li se jwettaq regolarment monitoraġġ strutturat biex jivvaluta l-prestazzjoni tas-swieq kapitali Ewropej u jsegwi l-progress fl-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU, Capital Markets Union), inkluż il-livell ta’ litteriżmu finanzjarju ( 18 ).
Biex tappoġġa dan, il-Kummissjoni se twettaq it-tieni stħarriġ tal-Ewrobarometru Flash dwar il-litteriżmu finanzjarju fl-2027 u wara se tkompli tagħmel dan b’mod regolari. Billi jitqabblu r-riżultati tal-istħarriġ ma’ dawk tal-Ewrobarometru Flash tal-2023, l-iżviluppi u l-progress fil-litteriżmu finanzjarju fl-Istati Membri kollha tal-UE jistgħu jiġu segwiti permezz ta’ qafas komuni ta’ kejl( 19 ). Minbarra l-ġbir tad-data komparattiva fir-rigward tal-istħarriġ tal-2023, il-Kummissjoni se tikkunsidra li tinkludi mistoqsijiet addizzjonali dwar kwistjonijiet bħall-ibbaġitjar u t-tfaddil, it-tħejjija u l-ippjanar għall-irtirar, ir-reżiljenza finanzjarja u l-kopertura tal-assigurazzjoni, filwaqt li tevita d-duplikazzjoni mal-informazzjoni diġà miġbura permezz ta’ stħarriġiet alternattivi. Din id-data se tappoġġa l-analiżi tal-imġiba finanzjarja u tipprovdi għarfien dwar il-korrelazzjoni bejn il-livelli tal-litteriżmu finanzjarju u l-benesseri finanzjarju, filwaqt li tqis ukoll id-dimensjoni tal-ġeneru u tal-età. Dan se jgħin ukoll biex jiġu identifikati oqsma li fihom l-inizjattivi ta’ litteriżmu finanzjarju jkunu partikolarment ta’ għajnuna. Il-Kummissjoni tħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jipparteċipaw fi stħarriġiet internazzjonali oħra dwar il-litteriżmu finanzjarju.
Minbarra l-monitoraġġ tal-livelli ta’ litteriżmu finanzjarju fl-UE, huwa importanti wkoll li tiġi monitorjata l-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki stabbiliti fl-Istati Membri. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni tipproponi li l-proċess tal-iskambju tal-aħjar prattiki jiġi kkomplementat minn mekkaniżmu għar-rapportar lill-Grupp tal-Euro f’format inklużiv. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati biex timmonitorja l-implimentazzjoni tal-kodiċi ta’ kondotta tal-UE għall-organizzazzjonijiet privati u mingħajr skop ta’ qligħ.
Evalwazzjoni rigoruża tal-inizjattivi ta’ litteriżmu finanzjarju hija kruċjali għall-evalwazzjoni tal-effettività tagħhom, inkluż fit-twettiq ta’ bidliet fl-imġiba, u fl-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati ( 20 ) rilevanti jagħmlu użu mil-Laboratorju tal-Apprendiment tal-Kummissjoni dwar l-Investiment fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ ta’ Kwalità għall-evalwazzjoni tal-inizjattivi ta’ litteriżmu finanzjarju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija impenjata li tappoġġa l-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ għodod ta’ evalwazzjoni mill-Istati Membri. Għodod eżistenti bħall-metodoloġija tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija ( 21 ) għall-evalwazzjonijiet u l-ħidma tal-OECD f’dan il-qasam jistgħu jservu bħala mudell, filwaqt li l-iskambji tal-aħjar prattiki jistgħu jipprovdu opportunità għal diskussjoni aktar fil-fond, inkluż dwar metodoloġiji u indikaturi għall-kejl ta’ eżiti konkreti u bidliet fl-imġiba (bħal żieda fir-rati ta’ tfaddil, l-użu ta’ pjattaformi diġitali, il-kopertura tal-assigurazzjoni, il-parteċipazzjoni fil-pensjonijiet supplimentari jew il-livelli ta’ parteċipazzjoni fis-swieq kapitali).
Fl-aħħar nett, il-litteriżmu finanzjarju deher b’mod prominenti fir-rapporti tal-pajjiżi tas-Semestru Ewropew 2025, li jibnu wkoll fuq il-proġetti tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku. Il-Kummissjoni se tkompli tivvaluta l-iżviluppi fil-litteriżmu finanzjarju f’kull rapport tal-pajjiż li huwa parti mill-qafas tas-Semestru Ewropew. L-analiżi f’dawn ir-rapporti tista’ tibni fuq l-istħarriġ tal-Ewrobarometru msemmi hawn fuq dwar il-livelli tal-litteriżmu finanzjarju. L-analiżi se tinforma l-kontenut tar-rapporti tal-pajjiżi u tista’ tikkontribwixxi għal rakkomandazzjonijiet potenzjali speċifiċi għall-pajjiż.
Miżuri proposti:
·Il-Kummissjoni se twettaq it-tieni Ewrobarometru Flash dwar il-livelli ta’ monitoraġġ tal-litteriżmu finanzjarju fl-UE fl-2027 u wara se tkompli tagħmel dan b’mod regolari. Biex tkompli ttejjeb il-monitoraġġ, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jipparteċipaw fi stħarriġiet internazzjonali dwar il-litteriżmu finanzjarju.
·Il-Kummissjoni se tappoġġa l-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ għodod ta’ evalwazzjoni mill-Istati Membri, inkluż billi tiddiskuti l-użu ta’ tali għodod fl-iskambju tal-aħjar prattiki. Il-Kummissjoni se tħeġġeġ ukoll lill-partijiet ikkonċernati jużaw il-Laboratorju tal-Apprendiment tal-Kummissjoni dwar l-Investiment fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ ta’ Kwalità għall-evalwazzjoni tal-inizjattivi tagħhom ta’ litteriżmu finanzjarju.
·Il-Kummissjoni diġà tqis u se tkompli tqis kwistjonijiet tas-settur finanzjarju inkluż il-litteriżmu finanzjarju fil-proċess tas-Semestru Ewropew. Fejn ġustifikat, il-Kummissjoni tista’ tipproponi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż f’dawn l-oqsma.
d.Finanzjament għal inizjattivi ta’ litteriżmu finanzjarju inkluż għar-riċerka
L-iżgurar ta’ finanzjament għal inizjattivi ta’ litteriżmu finanzjarju se jkun kruċjali. Huwa meħtieġ finanzjament adegwat biex jiġu implimentati programmi u inizjattivi edukattivi komprensivi li jistgħu jindirizzaw il-ħtiġijiet diversi tal-popolazzjoni.
Fl-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija ta’ litteriżmu finanzjarju, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu l-aħjar użu mill-mezzi ta’ finanzjament eżistenti, inkluż il-programm Erasmus+, il-Programm tas-Suq Uniku, l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, u l-Fond Soċjali Ewropew Plus, biex jiffinanzjaw inizjattivi ta’ litteriżmu finanzjarju taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) attwali.
Filwaqt li l-Kummissjoni ffinanzjat inizjattivi ta’ litteriżmu finanzjarju permezz ta’ diversi programmi( 22 ), approċċ aktar strutturat u koordinat jista’ jagħmilha aktar faċli għall-partijiet ikkonċernati jidentifikaw sorsi rilevanti ta’ finanzjament. Filwaqt li jibni wkoll fuq għodod eżistenti, sit web iddedikat stabbilit mill-Kummissjoni li jagħti ħarsa ġenerali komprensiva tal-kanali ta’ finanzjament rilevanti tal-UE għal-litteriżmu finanzjarju jtejjeb il-viżibbiltà tas-sorsi ta’ finanzjament u jsaħħaħ l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi ta’ litteriżmu finanzjarju u proġetti ta’ riċerka.
Ir-riċerka akkademika tista’ tavvanza l-objettivi tal-litteriżmu finanzjarju b’diversi modi ( 23 ). F’konformità ma’ dan, il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2024 dwar il-litteriżmu finanzjarju jirrakkomandaw lill-Kummissjoni tiffaċilita l-opportunitajiet ta’ riċerka u jappellaw lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati jistimulaw ir-riċerka u l-kollaborazzjoni billi jikkunsidraw opportunitajiet ta’ finanzjament biex itejbu l-litteriżmu finanzjarju fl-UE. Il-Kummissjoni se tippromwovi l-użu ta’ finanzjament eżistenti għal inizjattivi ta’ litteriżmu finanzjarju u proġetti ta’ riċerka. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tippromwovi l-użu tal-oqfsa ta’ kompetenza tal-litteriżmu finanzjarju fit-tfassil ta’ inizjattivi ta’ litteriżmu finanzjarju u proġetti ta’ riċerka li jfittxu finanzjament mill-UE, u b’hekk tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ dawn l-oqfsa. L-objettiv ta’ din l-istrateġija huwa li tikkomplementa, mhux tissostitwixxi, l-opportunitajiet nazzjonali ta’ finanzjament tal-litteriżmu finanzjarju.
Meta wieħed iħares ’il quddiem u kif imsemmi fil-proposta tal-QFP tal-Kummissjoni, il-Pjanijiet ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali se jkunu mistennija jappoġġaw, fost oħrajn, miżuri, inklużi riformi, biex imexxu ’l quddiem l-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti u jrawmu l-iżvilupp ta’ opzjonijiet ta’ finanzjament ibbażati fuq is-suq. Dan jista’ jinkludi wkoll azzjonijiet dwar il-litteriżmu finanzjarju.
Miżuri proposti:
·Il-Kummissjoni se tistabbilixxi sit web biex tgħin lill-partijiet ikkonċernati jsibu l-informazzjoni dwar il-mezzi ta’ finanzjament eżistenti tal-UE għal inizjattivi ta’ litteriżmu finanzjarju u riċerka. Il-Kummissjoni tappella wkoll lill-Istati Membri jtejbu l-viżibbiltà tal-kanali nazzjonali ta’ finanzjament għal inizjattivi ta’ litteriżmu finanzjarju u jagħmluhom faċilment aċċessibbli għall-partijiet ikkonċernati.
·Il-Kummissjoni se tippromwovi, fejn rilevanti, l-użu tal-oqfsa ta’ kompetenza fil-litteriżmu finanzjarju biex jitfasslu inizjattivi ta’ litteriżmu finanzjarju u proġetti ta’ riċerka, inkluż fejn dawn jistgħu jibbenefikaw minn finanzjament tal-UE.
·Il-Kummissjoni se tħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu l-aħjar użu mill-mezzi eżistenti u futuri ta’ finanzjament, inkluż taħt il-QFP attwali, bħall-Erasmus+, il-Fond Soċjali Ewropew+, il-Programm tas-Suq Uniku, u l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku.
3.Konklużjonijiet u passi li jmiss
Fil-qalba ta’ din l-istrateġija ta’ litteriżmu finanzjarju hemm impenn fundamentali biex iċ-ċittadini jiġu appoġġati fil-ġestjoni tal-benesseri finanzjarju tagħhom. Il-litteriżmu finanzjarju għandu l-potenzjal li jiftaħ il-bibien għal eżiti tal-ħajja aħjar: mill-prevenzjoni tad-dejn eċċessiv u l-iżgurar ta’ akkomodazzjoni stabbli sal-ippjanar għall-irtirar, kif ukoll in-navigazzjoni ta’ sfidi mhux mistennija bir-reżiljenza. Huwa l-pedament tal-emanċipazzjoni personali, l-inklużjoni ekonomika, u l-prosperità fit-tul għal kulħadd, li minnu jibbenefikaw il-komunitajiet u l-ekonomija usa’. Billi nagħtu lill-individwi l-għarfien, il-ħiliet u l-fiduċja biex jieħdu deċiżjonijiet finanzjarji infurmati, mhux biss qed nikkontribwixxu biex tiżdied l-indipendenza finanzjarja tal-individwi — qed inrawmu soċjetà reżiljenti, inklużiva u li tħares ’il quddiem li fiha jistgħu jistanew iċ-ċittadini. Li naġixxu mingħajr dewmien hija essenzjali, speċjalment peress li l-impatt sħiħ ta’ kwalunkwe strateġija ta’ litteriżmu finanzjarju mhux se jkun immedjat u se jimmaterjalizza biss maż-żmien, hekk kif l-individwi jadattaw l-imġiba tagħhom.
Il-fażi li jmiss se tiffoka fuq l-implimentazzjoni effettiva tal-istrateġija, b’enfasi qawwija fuq il-kooperazzjoni strutturata fost l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati ewlenin biex jiġi massimizzat l-impatt tal-inizjattivi li għaddejjin bħalissa u futuri.
Biex jiġi segwit il-progress, se jiġi stabbilit qafas robust ta’ monitoraġġ, bl-użu ta’ għodod eżistenti bħall-istħarriġ tal-Ewrobarometru Flash, il-proċessi ta’ monitoraġġ tal-Grupp tal-Euro, u l-monitoraġġ speċifiku għall-pajjiż fis-Semestru Ewropew. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ litteriżmu finanzjarju fil-kuntest usa’ tar-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-istrateġija tal-SIU ppjanat fl-2027. Dan ir-rieżami se jipprovdi opportunità ewlenija biex tiġi identifikata kwalunkwe sfida ta’ implimentazzjoni u tiġi rfinata l-istrateġija kif meħtieġ, biex jiġu żgurati rilevanza u impatt kontinwi.
L-involviment tal-partijiet ikkonċernati se jibqa’ ċentrali, bl-involviment tas-settur privat, tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u tal-investituri bl-imnut, tas-sħab soċjali, u tas-sħab internazzjonali biex jikkondividu l-aħjar prattiki u jallinjaw l-isforzi. Ir-rapportar regolari se jipprovdi aġġornamenti u jitlob feedback biex jinforma azzjoni futura. Fl-aħħar nett, is-sejbiet mill-monitoraġġ u mill-evalwazzjoni se jinfurmaw l-ippjanar fit-tul, filwaqt li jiġi żgurat li l-litteriżmu finanzjarju jibqa’ prijorità ewlenija fil-politika u fl-oqfsa ta’ finanzjament tal-UE.
APPENDIĊI: Tabella tal-azzjonijiet
|
Pilastru |
Azzjoni proposta |
Data |
|
Koordinazzjoni u l-aħjar prattiki |
Laqgħat tematiċi regolari tal-litteriżmu finanzjarju tal-gruppi ta’ esperti rilevanti tal-gvernijiet biex jiġu kkoordinati l-isforzi f’termini ta’ komunikazzjoni, sensibilizzazzjoni, monitoraġġ, evalwazzjoni u finanzjament ta’ inizjattivi ta’ litteriżmu finanzjarju. |
Mill-ewwel trimestru tal-2026 |
|
L-identifikazzjoni ta’ oqsma tematiċi ta’ prijorità u skambji tal-“aħjar prattiki” fost l-esperti tal-Istati Membri fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi ta’ litteriżmu finanzjarju. |
Ir-raba’ trimestru tal-2026 |
|
|
Avveniment ministerjali dwar il-litteriżmu finanzjarju biex jittieħed kont tal-progress miksub fl-implimentazzjoni u t-tixrid tal-aħjar prattiki u biex jiġu rieżaminati x-xejriet emerġenti ewlenin. |
Mill-2027 |
|
|
L-iżvilupp ta’ kodiċi ta’ kondotta Ewropew volontarju bbażat fuq il-prinċipji għall-organizzazzjonijiet privati u mingħajr skop ta’ qligħ f’kollaborazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti. |
L-ewwel trimestru tal-2027 |
|
|
Sessjonijiet ta’ ħidma regolari mas-settur privat u partijiet ikkonċernati mingħajr skop ta’ qligħ biex jiġu ffaċilitati l-iskambji, titrawwem il-kooperazzjoni u jiġi promoss il-ħolqien ta’ komunità pan-Ewropea ta’ prattikanti tal-litteriżmu finanzjarju. |
Mill-2026 |
|
|
Komunikazzjoni u sensibilizzazzjoni |
L-istabbiliment ta’ network ta’ “ambaxxaturi tal-litteriżmu finanzjarju” kwalifikati sew biex irawmu d-dibattitu fil-livell nazzjonali, jippromwovu l-litteriżmu finanzjarju bħala kawża nazzjonali u Ewropea peress li jirrelata mal-kuntest uniku tal-Istat Membru. |
L-ewwel trimestru tal-2026 |
|
Kampanja ta’ komunikazzjoni u media soċjali madwar l-UE kollha dwar il-litteriżmu finanzjarju, immirata lejn diversi gruppi ta’ utenti, inklużi ż-żgħażagħ, it-tfal u dawk vulnerabbli. |
Mill-2026 |
|
|
L-organizzazzjoni ta’ avvenimenti pubbliċi ffokati fuq il-litteriżmu finanzjarju u r-rwol tiegħu fl-appoġġ tal-benesseri finanzjarju, bħala parti minn inizjattivi usa’ ta’ sensibilizzazzjoni. |
Mill-2026 |
|
|
Il-monitoraġġ tal-progress u l-valutazzjoni tal-impatti |
It-tieni stħarriġ tal-Ewrobarometru Flash dwar il-livelli ta’ monitoraġġ tal-litteriżmu finanzjarju fl-UE. Wara, il-Kummissjoni se tkompli twettaq tali stħarriġiet regolarment. |
Mill-2027 |
|
Appoġġ għall-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ għodod ta’ evalwazzjoni mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni se tħeġġeġ ukoll lill-partijiet ikkonċernati jużaw il-Laboratorju tal-Apprendiment tal-Kummissjoni dwar l-Investiment fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ ta’ Kwalità għall-evalwazzjoni tal-inizjattivi tagħhom ta’ litteriżmu finanzjarju. |
Mill-2026 |
|
|
L-inklużjoni tal-litteriżmu finanzjarju fil-proċess tas-Semestru Ewropew biex jiġu promossi evalwazzjoni konsistenti u rakkomandazzjonijiet potenzjali speċifiċi għall-pajjiżi. |
Jinsabu għaddejjin |
|
|
Finanzjament għal inizjattivi ta’ litteriżmu finanzjarju inkluż għar-riċerka |
Sit web li jgħin lill-partijiet ikkonċernati jiksbu informazzjoni dwar il-kanali ta’ finanzjament eżistenti tal-UE għal inizjattivi ta’ litteriżmu finanzjarju u riċerka. |
Ir-raba’ trimestru tal-2026 |
|
Il-promozzjoni tal-użu tal-oqfsa ta’ kompetenza tal-litteriżmu finanzjarju biex jitfasslu inizjattivi ta’ litteriżmu finanzjarju u proġetti ta’ riċerka, inkluż fejn dawn jistgħu jibbenefikaw minn finanzjament tal-UE. |
Jinsabu għaddejjin |
|
|
Il-Kummissjoni se tħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu l-aħjar użu mill-mezzi eżistenti u futuri ta’ finanzjament, inkluż taħt il-QFP attwali, bħall-Erasmus+, il-Fond Soċjali Ewropew+, il-Programm tas-Suq Uniku, u l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku. |
Il-Kummissjoni Ewropea (2023). Monitoraġġ tal-livell ta’ litteriżmu finanzjarju fl-UE (Ewrobarometru Flash 525: Stħarriġ Nru 2953). [online] Disponibbli fuq: https://europa.eu/eurobarometer/surveys/detail/2953
Id-Direttorat Ġenerali għall-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (2025). Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investiment: Strateġija biex jissaħħu l-opportunitajiet finanzjarji għaċ-ċittadini u n-negozji tal-UE. [online] Disponibbli fuq: https://finance.ec.europa.eu/publications/savings-and-investments-union-strategy-enhance-financial-opportunities-eu-citizens-and-businesses_mt
Id-Direttorat Ġenerali għall-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (2023). Qafas ta’ kompetenza finanzjarja għat-tfal u ż-żgħażagħ. [online] Disponibbli fuq: https://finance.ec.europa.eu/system/files/2023-09/230927-financial-competence-framework-children-youth_mt.pdf https://finance.ec.europa.eu/system/files/2022-01/220111-financial-competence-framework-adults_my.pdf
Id-Direttorat Ġenerali għall-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (2022). Qafas ta’ kompetenza finanzjarja għall-adulti. [online] Disponibbli fuq: https://finance.ec.europa.eu/system/files/2022-01/220111-financial-competence-framework-adults_mt.pdf
Ċentru Konġunt tar-Riċerka, fi sħubija mad-DĠ Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Inklużjoni (2016). EntreComp: Il-Qafas għall-Kompetenza Intraprenditorjali. [online] Disponibbli fuq: https://joint-research-centre.ec.europa.eu/entrecomp-entrepreneurship-competence-framework_mt
Ara, pereżempju, id-Direttorat Ġenerali għall-Appoġġ għar-Riformi Strutturali (2023). TSI 2024 Flagship ‒ Litteriżmu Finanzjarju Diġitali. [online] Disponibbli fuq: https://reform-support.ec.europa.eu/tsi-2024-flagship-digital-financial-literacy_mt
Il-Kummissjoni Ewropea (2025). Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-litteriżmu finanzjarju diġitali (COM(2025) 90 final). [online] Disponibbli fuq: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX%3A52025DC0090
L-istrateġija tibni wkoll fuq l-isforzi li għaddejjin bħalissa tal-Kummissjoni biex issaħħaħ il-litteriżmu statistiku u tad-data, u tgħin liċ-ċittadini jifhmu l-elementi ewlenin meħtieġa biex jieħdu deċiżjonijiet finanzjarji sodi. Ara: Eurostat (2024). Titjib tal-litteriżmu statistiku. [online] Disponibbli fuq: https://cros.ec.europa.eu/book-page/improving-statistical-literacy
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (2024). Abbozz ta’ Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Litteriżmu Finanzjarju Diġitali (ST-9930/2024 INIT). [online] Disponibbli fuq: https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9930-2024-INIT/mt/pdf
L-OECD tipprovdi prinċipji gwida permezz tar-Rakkomandazzjoni tal-OECD/INFE dwar il-Litteriżmu Finanzjarju, li tappoġġa lill-gvernijiet u lill-partijiet ikkonċernati fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ strateġiji u programmi edukattivi effettivi. Bħala parti mill-ħidma tagħha, l-OECD twettaq ukoll valutazzjonijiet regolari biex tkejjel il-litteriżmu finanzjarju. L-Istħarriġ Internazzjonali tal-2023 dwar il-Litteriżmu Finanzjarju tal-Adulti, li jkopri 39 ekonomija, żvela rabta ċara bejn livelli ogħla ta’ litteriżmu finanzjarju u reżiljenza u benesseri finanzjarji akbar. Barra minn hekk, il-valutazzjoni tal-litteriżmu finanzjarju PISA tal-2022 evalwat il-ħiliet ta’ dawk li għandhom 15-il sena, u enfasizzat lakuni sinifikanti fil-kapaċità tal-istudenti li japplikaw l-għarfien finanzjarju għal sitwazzjonijiet tal-ħajja reali.
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) (2025). Il-litteriżmu finanzjarju u l-edukazzjoni għall-Ewropej (Opinjoni ECO/677-EESC-2025). [online] Disponibbli fuq: https://www.eesc.europa.eu/en/our-work/opinions-information-reports/opinions/financial-literacy-and-education-europeans-0
Il-Parlament Ewropew, ir-Riżoluzzjoni tal-10 ta’ Settembru 2025 dwar investimenti u riformi għall-kompetittività Ewropea u l-ħolqien ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali (l-iffaċilitar tal-finanzjament tal-investimenti u r-riformi) (TA-10-2025-0185) [online], l-10 ta’ Settembru 2025. Disponibbli fuq: https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/TA-10-2025-0185_MT.html
Il-Kummissjoni Ewropea; L-awtorità Belġjana għas-Servizzi Finanzjarji u s-Swieq (FSMA) (2024). Il-litteriżmu finanzjarju, ir-reżiljenza u l-inklużjoni (Konferenza, l-20 ta’ Frar 2024). [online] Disponibbli fuq: https://finance.ec.europa.eu/events/financial-literacy-resilience-and-inclusion-2024-02-20_mt
Huwa importanti li wieħed jinnota li l-litteriżmu finanzjarju huwa differenti mill-edukazzjoni finanzjarja. Filwaqt li l-litteriżmu finanzjarju jiffoka fuq l-eżiti — dak li l-individwi jafu, jifhmu, u jagħmlu fir-rigward tal-finanzi tagħhom — l-edukazzjoni finanzjarja tirreferi għall-proċess li permezz tiegħu l-individwi jiksbu l-għarfien li jeħtieġu biex isiru litterati finanzjarjament. L-edukazzjoni finanzjarja hija tagħlim dwar l-ibbaġitjar filwaqt li l-litteriżmu finanzjarju jittratta l-applikazzjoni ta’ dawk il-prinċipali għall-finanzi personali. L-esponiment bikri u dejjem għaddej għall-edukazzjoni finanzjarja jirriżulta f’titjib li jista’ jitkejjel fl-imġiba u l-għarfien finanzjarji. L-Istati Membri li fihom l-edukazzjoni finanzjarja hija inkorporata fil-kurrikulu nazzjonali jikklassifikaw b’mod konsistenti fost dawk bl-aqwa prestazzjoni f’termini ta’ litteriżmu finanzjarju fi stħarriġiet madwar l-UE kollha. Barra minn hekk, f’konformità mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-oqfsa ta’ kompetenza finanzjarja, din l-istrateġija ma tkoprix il-litteriżmu finanzjarju għall-imprendituri u l-SMEs, li huma koperti fi flussi ta’ ħidma oħra tal-Kummissjoni. Permezz tal-EntreComp, il-Kummissjoni tippromwovi l-edukazzjoni intraprenditorjali, inkluż għal gruppi sottorappreżentati bħan-nisa u ż-żgħażagħ. Barra minn hekk, l-esperjenza prattika u n-networking huma promossi permezz tal-Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ (EYE, Erasmus for Young Entrepreneurs) u n-Network Enterprise Europe.
Mument li huwa opportunità ta’ tagħlim huwa l-aktar ħin effettiv biex titwassal l-edukazzjoni. Huwa aktar probabbli li ċ-ċittadini jtejbu l-għarfien finanzjarju tagħhom, itejbu l-ħiliet finanzjarji jew jadottaw imġiba finanzjarja aħjar matul mumenti li huma opportunità ta’ tagħlim minħabba li waqthom ikunu l-iżjed motivati u riċettivi għat-tagħlim. Mumenti li huma opportunità ta’ tagħlim fil-litteriżmu finanzjarju huma mumenti li fihom iċ-ċittadini jkollhom il-possibbiltà li japplikaw l-għarfien tagħhom f’każ konkret ta’ interess għalihom.
Pereżempju, l-istrateġija nazzjonali ta’ litteriżmu finanzjarju tal-Awstrija tinkludi kodiċi ta’ kondotta għall-involviment tal-partijiet ikkonċernati. Ara: Il-Ministru Federali tal-Finanzi (l-Awstrija) (2024). Ħarsa ġenerali lejn l-Istrateġija Nazzjonali ta’ Litteriżmu Finanzjarju (Niżżel u Dettalji ta’ Kuntatt). [online] Disponibbli fuq: https://www.bmf.gv.at/en/the-ministry/National-Financial-Literacy-Strategy/overview-national-financial-literacy-strategy/download---contact-details.html
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (2024). L-Unjoni tas-Swieq Kapitali: Il-Kunsill japprova konklużjonijiet dwar il-litteriżmu finanzjarju (Stqarrija għall-istampa, l-14 ta’ Mejju 2024). [online] Disponibbli fuq: https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2024/05/14/capital-markets-union-council-approves-conclusions-on-financial-literacy/
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (2024). Il-qafas ta’ Monitoraġġ tas-CMU. [online] Disponibbli fuq: https://www.consilium.europa.eu/media/kljp0mvi/cmu_monitoring_framework.pdf
Għal ħarsa ġenerali, ara l-Kummissjoni Ewropea (2023). Rieżami Ewropea tal-Istabbiltà Finanzjarja u l-Integrazzjoni 2023. [online] Disponibbli fuq: https://finance.ec.europa.eu/document/download/ffc80aa7-96a8-4500-b7a5-eaf1f8e607cf_mt?filename=european-financial-stability-and-integration-review-2023_mt_0.pdf
Il-Laboratorju jippromwovi prattiki ta’ evalwazzjoni tal-politika tal-edukazzjoni fl-UE. Dan joffri korsijiet ta’ taħriġ ġenerali, appoġġ tekniku personalizzat dwar l-evalwazzjoni tal-politika, inkluż għajnuna fit-tfassil ta’ proċess ta’ evalwazzjoni, u studji ta’ evalwazzjoni tal-impatt kontrofattwali bla ħlas tal-politiki tal-edukazzjoni għal proġetti magħżula. Dawk li jfasslu l-politika u l-membri tas-soċjetà ċivili, inklużi s-sħab soċjali u l-prattikanti tal-edukazzjoni, jistgħu jipparteċipaw fil-Laboratorju. Għal aktar informazzjoni, ara: Il-Kummissjoni Ewropea; Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Kultura (2022). Laboratorju tat-Tagħlim: Investiment fl-Edukazzjoni u fit-Taħriġ ta’ Kwalità. [online] Disponibbli fuq: https://education.ec.europa.eu/focus-topics/improving-quality/learning-lab
L-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (2022). Strateġija ta’ Monitoraġġ u Evalwazzjoni tal-EIT 2022–2027. [online] Disponibbli fuq: https://www.eit.europa.eu/sites/default/files/eit_monitoring_and_evaluation_strategy_2022-2027_1.pdf
Inkluż permezz tal-inizjattiva ewlenija tal-litteriżmu finanzjarju diġitali taħt it-TSI, Erasmus+ u l-FSE+ u l-Programm tas-Suq Uniku. Barra minn hekk, ħafna proġetti ta’ litteriżmu finanzjarju huma ffinanzjati wkoll fil-livell nazzjonali minn partijiet ikkonċernati pubbliċi jew privati.
Din tista’ tgħin biex tiġi vvalutata l-effettività tal-istrateġiji nazzjonali ta’ litteriżmu finanzjarju u tinforma r-rapporti tal-pajjiżi taħt il-qafas tas-Semestru Ewropew (ara t-Taqsima c). Tista’ tidentifika wkoll l-aħjar prattiki permezz ta’ inizjattivi bejn il-pajjiżi, filwaqt li tegħleb il-fokus lokali tal-inizjattivi nazzjonali li jistgħu jfixklu l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi nazzjonali f’pajjiżi b’karatteristiċi istituzzjonali, soċjali u demografiċi differenti. Barra minn hekk, tista’ tappoġġa l-implimentazzjoni tal-oqfsa volontarji ta’ kompetenza tal-litteriżmu finanzjarju tal-KE/OECD-INFE billi tiżviluppa u tittestja materjal edukattiv ibbażat fuq il-kompetenza. Dan jiffaċilita l-integrazzjoni tal-qafas taż-żgħażagħ fil-kurrikuli, peress li l-iskejjel spiss ma jkollhomx l-għarfien espert biex jiżviluppaw evalwazzjonijiet rigorużi u jidentifikaw l-aħjar prattiki (ara t-Taqsima a u t-Taqsima c).