Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52025DC0217

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Ungerija

COM/2025/217 final

Brussell, 4.6.2025

COM(2025) 217 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Ungerija

{SWD(2025) 217 final}


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Ungerija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

(1)Ir-Regolament (UE) 2024/1263, li daħal fis-seħħ fit-30 ta’ April 2024, jispeċifika l-objettivi tal-qafas ta’ governanza ekonomika, li għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli u tkabbir u reżiljenza sostenibbli u inklużivi permezz ta’ riformi u investimenti, u jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvern. Ir-Regolament jistipula li l-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu sorveljanza multilaterali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew f’konformità mal-objettivi u r-rekwiżiti stabbiliti fit-TFUE. Is-Semestru Ewropew jinkludi, b’mod partikolari, il-formulazzjoni, u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Ir-Regolament jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali tal-politika fiskali u jenfasizza l-fokus tagħha fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u aktar koerenti. Kull Stat Membru jrid jissottometti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li jkun fih l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment tiegħu, fuq perjodu ta’ erba’ jew ħames snin, skont it-tul tat-terminu leġiżlattiv nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta 3 f’dawn il-pjanijiet għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli ’l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta’ aġġustament, jew li jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG kif stabbilit fit-Trattat, fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn 3 snin.

(2)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 , li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (l-“RRF”), daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. L-RRF tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jagħtu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, l-RRF trawwem irkupru ekonomiku u soċjali filwaqt li tmexxi riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari billi tippromwovi t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u billi tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(3)Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 (ir-“Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. Dan jgħin biex tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija. L-Ungerija żiedet kapitolu REPowerEU ġdid mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.

(4)Fil-11 ta’ Mejju 2021, l-Ungerija ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V. Fil-15 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tiegħu li tapprova l-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Ungerija 6 , li ġiet emendata fil-qafas tal-Artikolu 18(2) fit-8 ta’ Diċembru2023 biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU 7 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 24(5), li tiddikjara li l-Ungerija tkun laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stipulati fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jirrikjedi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti għall-istess riforma jew investiment ma tkunx treġġgħet lura.

(5)Fit-18 ta’ Frar 2025, il-Kunsill, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju tal-Ungerija 8 . Il-pjan ġie ppreżentat f’konformità mal-Artikolu 11 u l-Artikolu 36(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/1263 u jkopri l-perjodu mill-2025 sal-2028 u jippreżenta firxa ta’ aġġustament fiskali fuq 4 snin.

(6)Fis-26 ta’ Novembru 2024, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2025, li fih identifikat lill-Ungerija bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2025, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 9 fit-13 ta’ Mejju 2025 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fl-10 ta’ Marzu 2025.

(7)Fid-29 ta’ Jannar 2025, il-Kummissjoni ppubblikat il-Boxxla għall-Kompetittività, qafas strateġiku li għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività globali tal-UE matul il-5 snin li ġejjin. Hija tidentifika t-tliet imperattivi trasformattivi ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli: (i) l-innovazzjoni; (ii) id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività; u (iii) is-sigurtà. Biex tnaqqas id-diskrepanza fl-innovazzjoni, l-UE għandha l-għan li trawwem l-innovazzjoni industrijali, tappoġġa t-tkabbir tan-negozji ġodda permezz ta’ inizjattivi bħall-Istrateġija tal-UE għall-kumpaniji Start-up u Scale-up, u tippromwovi l-adozzjoni ta’ teknoloġiji avvanzati bħall-intelliġenza artifiċjali u l-computing kwantistiku. Biex tilħaq il-mira ta’ ekonomija aktar ekoloġika, il-Kummissjoni ppreżentat Pjan ta’ Azzjoni komprensiv dwar l-enerġija affordabbli u Patt għal Industrija Nadifa, li jiżguraw li l-bidla lejn enerġija nadifa tibqa’ kosteffettiva, favur il-kompetittività, b’mod partikolari għas-setturi intensivi fl-enerġija u tkun mutur tat-tkabbir. Biex tnaqqas dipendenzi eċċessivi u żżid is-sigurtà, l-Unjoni hija impenjata li ssaħħaħ is-sħubijiet kummerċjali globali, tiddiversifika l-ktajjen tal-provvista u tiżgura l-aċċess għal materja prima kritika u sorsi ta’ enerġija nadifa. Dawn il-prijoritajiet huma sostnuti minn faċilitaturi orizzontali, jiġifieri s-simplifikazzjoni regolatorja, l-approfondiment tas-suq uniku, il-finanzjament tal-kompetittività kif ukoll Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, il-promozzjoni tal-ħiliet u tax-xogħlijiet ta’ kwalità, u koordinazzjoni aħjar tal-politiki tal-UE. Il-Boxxla għall-Kompetittività hija allinjata mas-Semestru Ewropew, li jiżgura li l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri jkunu konsistenti mal-objettivi strateġiċi tal-Kummissjoni, u li fil-governanza ekonomika jinħoloq approċċ unifikat li jrawwem it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u r-reżiljenza madwar l-Unjoni.

(8)Fl-2025, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jiżviluppa biswit l-implimentazzjoni tal-RRF. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika fil-qafas tas-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jibqgħu ugwalment rilevanti għall-valutazzjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza emendati f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(9)Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2025 ikopru l-isfidi ewlenin tal-politika ekonomika li mhumiex indirizzati biżżejjed mill-miżuri inklużi fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, filwaqt li jqisu l-isfidi rilevanti identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019-2024.

(10)Fl-4 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2025 għall-Ungerija. F’dan ġie vvalutat il-progress tal-Ungerija fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Ungerija. Abbażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika l-aktar sfidi urġenti li qed tiffaċċja l-Ungerija. Ġie vvalutat ukoll il-progress tal-Ungerija fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

(11)Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għall-Ungerija. Is-sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-vulnerabbiltajiet makroekonomiċi għall-Ungerija għall-finijiet ta’ dak ir-Regolament ġew ippubblikati fit-13 ta’ Mejju 2025 10 . Fl-4 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Ungerija qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, il-vulnerabbiltajiet primarjament relatati mal-kompetittività u l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-gvern jibqgħu rilevanti. It-tkabbir rapidu fil-pagi kkomprometta l-kompetittività tal-kostijiet f’dawn l-aħħar snin u għad hemm pressjonijiet inflazzjonarji aktar b’saħħithom milli fil-bqija tal-UE, filwaqt li l-irkupru ekonomiku miexi bil-mod u huwa soġġett għal riskji negattivi. Il-kont estern irreġistra surplus fl-2024, iżda l-politiki li jagħtu spinta lid-domanda domestika joħolqu riskji għas-sostenibbiltà esterna. Id-defiċit tal-gvern naqas fl-2024 minħabba investiment aktar baxx u tnaqqis fl-infiq fuq is-sussidji tal-enerġija iżda għadu għoli u mhuwiex previst li se jitjieb ħafna din is-sena jew is-sena d-dieħla. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern mhux qed jonqos u l-kostijiet tas-servizzi tad-dejn u l-ħtiġijiet ta’ finanzjament gross għadhom għoljin. Ir-rabta bejn il-banek u s-sovrani ġiet approfondita minħabba inċentivi fiskali għall-banek domestiċi biex jixtru dejn tal-gvern. Il-prezzijiet tad-djar aċċelleraw b’mod sinifikanti fl-2024 xprunati minn domanda qawwija, li ġiet aggravata mid-domanda li tappoġġa l-miżuri tal-gvern. Il-progress fil-politika kien limitat. L-Ungerija se jkollha bżonn tintroduċi miżuri fiskali permanenti u tiddependi inqas fuq taxxi temporanji fuq il-profitti mhux mistennija jew tnaqqis fl-investimenti. Il-politika monetarja kienet stretta, iżda l-effettività tagħha ddgħajfet mill-interventi tal-gvern: sussidji u self immirati ħażin lejn l-unitajiet domestiċi u l-korporazzjonijiet jippersistu u l-kontrolli tar-rati ta’ self jillimitaw l-effettività tal-politika monetarja. Fl-istess ħin, is-sussidji għall-akkomodazzjoni u l-iskemi ta’ self preferenzjali jkomplu jfixklu s-suq tad-djar u jaggravaw il-pressjonijiet fuq il-prezzijiet tad-djar.

Valutazzjoni tar-Rapport ta’ Progress Annwali

(12)Fit-18 ta’ Frar 2025, il-Kunsill irrakkomanda r-rati massimi ta’ tkabbir li ġejjin tan-nefqa netta għall-Ungerija: 4,3 % fl-2025, 4,0 % fl-2026, 3,9 % fl-2027, u 3,7 % fl-2028, li jikkorrispondu għar-rati ta’ tkabbir kumulattivi massimi kkalkulati b’referenza għall-2023 ta’ 9,1 % fl-2025, 13,5 % fl-2026, 17,9 % fl-2027, u 22,2 % fl-2028. Fl-2025–2026, dawn ir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta jikkoinċidu mal-perkors korrettiv f’konformità mal-Artikolu 3(4) tar-Regolament 1467/97, kif irrakkomandat mill-Kunsill fit-18 ta’ Frar 2025 bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv 11 . Fit-30 ta’ April 2025, l-Ungerija ppreżentat ir-Rapport ta’ Progress Annwali tagħha 12 , dwar l-azzjoni meħuda b’reazzjoni għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Frar 2025 bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv u l-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew. Ir-Rapport ta’ Progress Annwali jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Ungerija dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(13)Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni rrakkomandat l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir b’mod koordinat biex tappoġġa l-isforzi tal-UE biex tikseb żieda rapida u sinifikanti fl-infiq għad-difiża u din il-proposta ntlaqgħet mill-Kunsill Ewropew tas-6 ta’ Marzu 2025. Wara t-talba tal-Ungerija fit-30 ta’ April 2025, fi [data], il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni li tippermetti lill-Ungerija tiddevja mir-rati massimi ta’ tkabbir rakkomandati tan-nefqa netta u taqbeż dawn ir-rati 13 .

(14)Skont id-data vvalidata mill-Eurostat 14 , il-bilanċ tal-gvern estiż tal-Ungerija tjieb minn defiċit ta’ 6,7 % tal-PDG fl-2023 għal defiċit ta’ 4,9 % fl-2024, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż żdied minn 73,0 % tal-PDG fi tmiem l-2023 għal 73,5 % fi tmiem l-2024. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal rata ta’ tkabbir fin-nefqa netta ta’ 2,3 % fl-2024. Fir-rapport ta’ Progress Annwali, l-Ungerija tistma li t-tkabbir fin-nefqa netta fl-2024 kien ta’ 2,3 %. Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 15 , li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, kienet restrittiva, bi 3,3 % tal-PDG, fl-2024.

(15)Skont ir-Rapport ta’ Progress Annwali, ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji mill-Ungerija jistenna tkabbir fil-PDG reali ta’ 2,5 % fl-2025, filwaqt li l-inflazzjoni tal-HICP hija pprojettata għal 4,5 % fl-2025. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipproġetta li l-PDG reali jikber b’0,8 % fl-2025 u 2,5 % fl-2026, u l-inflazzjoni tal-HICP se tkun ta’ 4,1 % fl-2025 u 3,3 % fl-2026.

(16)Fir-rapport ta’ Progress Annwali, id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 4,1 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 73,1 % sa tmiem l-2025. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir nett fin-nefqa ta’ 7,4 % fl-2025. It-tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta’ 4,6 % tal-PDG fl-2025. It-tnaqqis tad-defiċit fl-2025 jirrifletti prinċipalment nefqa aktar baxxa fuq l-imgħax minħabba tnaqqis fil-pagamenti tal-kupuni fuq il-bonds marbuta mal-inflazzjoni u tnaqqis ulterjuri fis-sussidji lill-kumpaniji tal-utilitajiet għat-telf imġarrab minħabba limiti massimi fuq il-prezzijiet tal-enerġija residenzjali. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta’ 6,1 % fl-2025. Dan huwa aktar baxx mill-projezzjoni tal-awtoritajiet Ungeriżi fir-Rapport ta’ Progress Annwali minħabba nefqa aktar baxxa ffinanzjata nazzjonalment. It-tbassir tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit ogħla minħabba dħul ferm aktar baxx mit-taxxi fuq il-produzzjoni u l-introjtu xprunat minn tkabbir tal-PDG aktar dgħajjef. Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, hija pprojettata li tkun espansjonarja, b’0,4 % tal-PDG, fl-2025. Il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 74,5 % sa tmiem l-2025. Iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn mal-PDG fl-2025 tirrifletti prinċipalment id-defiċit għoli tal-gvern estiż u aġġustament pożittiv bejn il-fondi u l-flussi minħabba pagamenti kbar tal-imgħax f’termini ta’ flus akkumulati fis-sena preċedenti.

(17)In-nefqa tal-gvern estiż li tammonta għal 0,4 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2025, meta fl-2024 kienet ta’ 0,2 % tal-PDG, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni 16 . In-nefqa ffinanzjata mill-appoġġ mhux ripagabbli tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ u d-dejn tal-gvern estiż tal-Ungerija.

(18)In-nefqa għad-difiża tal-gvern estiż fl-Ungerija ammontat għal 1,1 % tal-PDG fl-2021, 1,4 % tal-PDG fl-2022 u 1,9 % tal-PDG fl-2023 17 . Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa fuq id-difiża hija pprojettata li tkun 2,0 % tal-PDG kemm fl-2024 kif ukoll fl-2025. Dan jikkorrispondi għal żieda ta’ 0,9 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbel mal-2021. Il-perjodu meta tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali (2025–2028) jippermetti lill-Ungerija tipprijoritizza mill-ġdid in-nefqa tal-gvern jew tkabbar id-dħul tal-gvern sabiex in-nefqa għad-difiża li tkun ogħla b’mod dejjiemi ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju.

(19)Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fl-Ungerija hija pprojettata li tikber b’6,1 % fl-2025 u 8,6 % b’mod kumulattiv fl-2024 u l-2025. Abbażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, it-tkabbir fin-nefqa netta tal-Ungerija fl-2025 huwa pprojettat li jkun ogħla mir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata stabbilita mill-perkors korrettiv, li jikkorrispondi għal devjazzjoni 18 ta’ 0,7 % tal-PDG f’termini annwali. Meta jitqiesu l-2024 u l-2025 flimkien, ir-rata ta’ tkabbir kumulattiv tan-nefqa netta hija pprojettata li tkun taħt ir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata. Id-devjazzjoni pprojettata hija fi ħdan il-flessibbiltà tal-klawżola liberatorja nazzjonali bbażata fuq il-projezzjonijiet attwali għall-infiq fuq id-difiża. Għalhekk, il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv għall-Ungerija qed tiġi sospiża.

(20)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li l-Ungerija tnaqqas gradwalment il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija ta’ emerġenza qabel l-istaġun tat-tisħin 2024/2025. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, filwaqt li l-kost baġitarju nett 19 tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija huwa stmat għal 1,0 % tal-PDG fl-2024, huwa pprojettat li jonqos għal 0,5 % fl-2025. B’mod partikolari, is-sussidji lill-kumpaniji tal-utilitajiet għat-telf imġarrab minħabba l-limiti massimi fuq il-prezzijiet tal-enerġija residenzjali baqgħu fis-seħħ. Il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija ta’ emerġenza ma ġewx stralċjati qabel l-istaġun tat-tisħin 2024/2025. Dan mhuwiex konformi ma’ dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill.

(21)Ir-Rapport ta’ Progress Annwali ma jinkludix projezzjonijiet baġitarji għal wara l-2025. Fuq il-bażi tal-miżuri ta’ politika li jkunu magħrufin fid-data tal-għeluq tat-tbassir, it-tbassir tar-rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta’ 4,7 % tal-PDG fl-2026. Iż-żieda żgħira tad-defiċit tal-gvern estiż fl-2026 tirrifletti prinċipalment l-impatt ta’ eżenzjonijiet ogħla mit-taxxa għall-ommijiet u ż-żidiet fil-pagi u l-bonusijiet fis-settur pubbliku. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta’ 6,0 % fl-2026. Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, hija pprojettata li tkun espansjonarja, b’1,0 % tal-PDG, fl-2026. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG huwa pprojettat mill-Kummissjoni li se jonqos għal 74,3 % sa tmiem l-2026. It-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2026 jirrifletti prinċipalment tkabbir ogħla fil-PDG nominali.

Sfidi ewlenin tal-politika

(22)Xi prattiki jfixklu l-funzjonament tas-suq finanzjarju u tas-suq bl-imnut u jistgħu jillimitaw ukoll l-effettività tal-politika monetarja. Filwaqt li l-limiti massimi fuq id-depożiti bankarji u r-rati ta’ self korporattiv tneħħew gradwalment fl-2024, il-banek huma ġeneralment mistennija li jbaxxu r-rati tas-self. Barra minn hekk, biex tingħata spinta lid-domanda domestika, hemm użu mifrux ta’ self issussidjat immirat b’mod wiesa’ lejn l-unitajiet domestiċi u l-korporazzjonijiet, kif ukoll rati ta’ ipoteki kkontrollati b’mod amministrattiv. Il-proporzjon ta’ self issussidjat għadu għoli meta mqabbel mal-livelli ta’ qabel il-COVID-19, li jwassal għal allokazzjoni kapitali subottimali billi jiġu ffinanzjati proġetti b’redditi baxxi u gwadanji limitati fil-produttività. Għalkemm il-limiti massimi tal-prezzijiet fuq il-prodotti tal-ikel tneħħew gradwalment fl-2024, fl-2025 il-gvern illimita d-differenza bejn il-prezz tax-xiri bl-imnut u l-prezz tal-bejgħ ta’ firxa wiesgħa ta’ prodotti tal-ikel.

(23)Id-dgħufijiet fl-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-baġit għandhom trasparenza politika limitata u kkontribwew għall-preġudizzju espansjonarju tal-politika fiskali fil-passat. L-adozzjoni bikrija ħafna tal-baġits annwali sa mill-2016, b’eċċezzjoni fl-2024, naqqset l-affidabbiltà tat-tbassir makroekonomiku u baġitarju. L-introduzzjoni ta’ “stat ta’ periklu”, fis-seħħ mill-2020, żiedet id-diskrezzjoni fl-implimentazzjoni tal-baġits annwali. Il-qafas fiskali nazzjonali tal-Ungerija ma wassalx għal pożizzjoni fiskali aktar prudenti u jippreżenta għadd ta’ nuqqasijiet, bħal karatteristiċi proċikliċi tar-regola tad-dejn u infurzar dgħajjef tal-ippjanar baġitarju fuq terminu medju. Reviżjonijiet frekwenti u sinifikanti tal-miri fiskali dgħajfu r-rwol tal-baġit bħala ankra għall-parteċipanti fis-suq u xeħtu dubju fuq il-kredibbiltà tal-pjanijiet fiskali fuq terminu medju. Il-fatt li l-ippjanar fiskali fuq terminu medju jiġi bbażat fuq limiti massimi ta’ nfiq pluriennali, kif stabbilit fir-regoli fiskali riveduti tal-UE, jgħin biex jiġi indirizzat il-preġudizzju espansjonarju tal-politika fiskali. Il-mandat u l-kapaċitajiet operazzjonali tal-Kunsill Fiskali Ungeriż għadhom limitati. L-istrutturi l-ġodda tal-ġestjoni tal-fondi pubbliċi bħal trusts ta’ interess pubbliku jdgħajfu s-sorveljanza baġitarja peress li jidhru li joperaw mingħajr mekkaniżmi ta’ kontroll effettivi.

(24)It-tixjiħ tal-popolazzjoni mistenni jintensifika l-isfidi tas-sostenibbiltà fiskali fit-tul fl-Ungerija. Il-proporzjon tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol mal-individwi li għandhom 65 sena jew aktar huwa mbassar li jonqos minn 2,9 fl-2023 għal 1,8 sal-2070. B’riżultat ta’ dan, in-nefqa fuq il-pensjonijiet hija pprojettata li tiżdied b’mod sostanzjali, minn madwar 7,7 % fl-2022 għal aktar minn 12 % tal-PDG fl-2070. Skont l-analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn tal-Kummissjoni, ir-riskji fiskali huma għoljin fit-terminu medju u fit-tul. L-istruttura tas-sistema tal-pensjonijiet tiġġenera kwistjonijiet ta’ ekwità, bħal żieda fin-nefqa fuq il-pensjonijiet għal individwi b’introjtu għoli u diskrepanzi kbar fil-pensjonijiet bejn il-pensjonanti minn koorti ta’ età differenti minħabba s-sensittività tal-metodu tal-kalkolu tal-pensjonijiet għall-fluttwazzjonijiet fil-paga medja nazzjonali. Il-pensjoni minima baqgħet nominalment l-istess mill-2008 u mhijiex effettiva biex tiżgura pensjonijiet adegwati għal dawk bi storja ta’ impjieg interrotta u qligħ medju baxx matul il-karriera tagħhom.

(25)F’konformità mal-Artikolu 19(3)(b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u mal-kriterju 2.2 tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin u li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien strett, il-finalizzazzjoni tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal-Ungerija permezz tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex twettaq l-impenji tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li l-Ungerija taċċellera b’mod urġenti l-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti billi tindirizza l-isfidi rilevanti, l-ewwel nett billi timplimenta malajr il-miżuri meħtieġa biex tiżgura protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-UE. It-tisħiħ tal-qafas kontra l-korruzzjoni u ż-żieda fil-kompetizzjoni fl-akkwist pubbliku huma elementi ewlenin f’dan ir-rigward u kruċjali wkoll biex jittejjeb l-ambjent tan-negozju u titrawwem il-kompetittività. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ essenzjali biex jiżgura responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(26)L-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, li jinkludu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF), il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u l-Fond ta’ Koeżjoni (FK), aċċellerat fl-Ungerija. Huwa importanti li jitkomplew l-isforzi biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni rapida ta’ dawn il-programmi, filwaqt li jiġi mmassimizzat l-impatt tagħhom fil-prattika. Barra minn hekk, huwa kruċjali għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni li l-Ungerija ssolvi b’mod urġenti l-kwistjonijiet pendenti dwar il-kundizzjonijiet abilitanti, b’mod partikolari l-kwistjonijiet pendenti fir-rigward tal-konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-Ungerija diġà qed tieħu azzjoni taħt il-programmi tal-politika ta’ koeżjoni tagħha biex tagħti spinta lill-kompetittività u t-tkabbir. Fl-istess ħin, l-Ungerija tkompli tiffaċċja sfidi, inkluż dawk relatati mat-tisħiħ tal-kompetittività fil-kuntest tat-tranżizzjoni industrijali, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-innovazzjoni u diġitali, l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni tal-enerġija, it-titjib tal-aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli, inkluż l-akkomodazzjoni soċjali, it-titjib tal-ħiliet u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ gruppi żvantaġġati, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali kif ukoll l-inugwaljanzi edukattivi, u ż-żieda fir-reżiljenza tal-ilma. F’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, l-Ungerija hija meħtieġa — bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni — tirrieżamina kull programm filwaqt li tqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024. Il-proposti tal-Kummissjoni adottati fl-1 ta’ April 2025 20 jestendu l-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ valutazzjoni — għal kull programm — tal-eżitu tar-rieżami ta’ nofs it-terminu għal wara l-31 ta’ Marzu 2025. Jipprovdi wkoll flessibbiltajiet biex jgħinu jħaffu l-implimentazzjoni tal-programm u inċentivi għall-Istati Membri biex jallokaw riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni għal ħames oqsma strateġiċi ta’ prijorità tal-Unjoni, jiġifieri l-kompetittività fit-teknoloġiji strateġiċi, id-difiża, l-akkomodazzjoni, ir-reżiljenza tal-ilma u t-tranżizzjoni tal-enerġija.

(27)Il-pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP) tipprovdi l-opportunità li jsir investiment fi prijorità strateġika ewlenija tal-UE billi tissaħħaħ il-kompetittività tal-UE. STEP jitwassal permezz ta’ 11-il fond eżistenti tal-UE. L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-programm InvestEU li jappoġġa investimenti f’oqsma ta’ prijorità. L-Ungerija tista’ tuża dawn l-inizjattivi biex tappoġġa l-iżvilupp jew il-manifattura ta’ teknoloġiji kritiċi, inklużi teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi.

(28)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, l-Ungerija qed tiffaċċja diversi sfidi addizzjonali relatati mal-ambjent tan-negozju, l-aċċess għall-finanzi, l-innovazzjoni, id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili Russi, is-sussidji għall-fjuwils fossili, l-ibbilanċjar tan-network tal-elettriku, il-ġestjoni tal-ilma, l-edukazzjoni, il-livelli tal-ħiliet u l-integrazzjoni ta’ gruppi żvantaġġati fis-suq tax-xogħol, l-assistenza soċjali, id-djalogu soċjali u l-akkomodazzjoni.

(29)Kif stabbilit fil-Kumpass tal-Kompetittività, l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, nazzjonali u lokali jridu jagħmlu sforz kbir biex jipproduċu regoli aktar sempliċi u biex jaċċelleraw il-ħeffa tal-proċeduri amministrattivi. Il-Kummissjoni stabbiliet miri ambizzjużi għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv: b’mill-inqas 25 % u b’mill-inqas 35 % għall-SMEs; u ħolqot għodod ġodda biex jintlaħqu dawn il-miri, inkluż test tal-istress sistematiku tal-istokk tal-leġiżlazzjoni tal-UE u djalogu msaħħaħ mal-partijiet ikkonċernati. L-Ungerija jeħtieġ ukoll li tieħu azzjoni biex tilħaq din l-ambizzjoni. 49 % tan-negozji jqisu l-kumplessità tal-proċeduri amministrattivi bħala problema għall-kumpanija tagħhom meta jagħmlu negozju fl-Ungerija 21 . L-ambjent dgħajjef tan-negozju għadu ostaklu kbir għall-innovazzjoni. Skont l-indikaturi tal-kompetittività, l-Ungerija kienet fost dawk bl-agħar prestazzjoni fl-UE fl-2024. In-negozji jiffaċċjaw livell għoli ta’ volatilità regolatorja, li tagħmel l-ippjanar tan-negozju fit-tul diffiċli. Il-pubbliku u l-partijiet ikkonċernati ma jiġux ikkonsultati dwar abbozzi ta’ liġijiet importanti, peress li spiss jitressqu fil-parlament minn membri individwali minflok mill-gvern, u b’hekk ma jkunux jeħtieġu konsultazzjoni pubblika. Il-Gvern ikompli juża b’mod wiesa’ d-digrieti ta’ emerġenza biex jemenda l-liġijiet matul l-“istat ta’ periklu”, li ġie estiż kontinwament għal dawn l-aħħar 5 snin għal diversi raġunijiet. Ir-reġim ta’ emerġenza fit-tul qed jillimita l-konsultazzjoni pubblika u jagħmilha possibbli li jiġu introdotti bidliet f’daqqa, ta’ spiss kbar, ta’ politika li potenzjalment ifixklu l-operazzjonijiet normali tan-negozju. In-nuqqas ta’ trattament ugwali tal-kumpaniji jillimita l-kompetizzjoni. L-istruttura tas-suq hija kkonċentrata u ftit ditti biss jikkompetu fi swieq speċifiċi 22 . Diversi servizzi huma fdati lil ditti tal-Istat jew privati li joperaw mingħajr kompetizzjoni. L-użu fuq skala kbira ta’ ftehimiet qafas fi proċeduri ta’ akkwist pubbliku jillimita wkoll il-kompetizzjoni billi jaqbad ċerti ditti u jgħinhom jiksbu pożizzjoni dominanti fis-suq. Is-settur tal-bejgħ bl-imnut, b’mod partikolari, jopera f’ambjent tan-negozju instabbli. Il-bejjiegħa bl-imnut huma affettwati wkoll minn interventi amministrattivi, bħal limiti massimi fuq il-prezzijiet bl-imnut, limiti fuq il-marġnijiet tal-bejgħ, skontijiet obbligatorji, projbizzjoni tal-bejgħ ta’ prodotti tal-ikel 48 siegħa qabel id-data ta’ skadenza tagħhom u rapportar obbligatorju online tal-prezzijiet. Il-miżuri ta’ politika u t-taxxi għoljin inaqqsu l-kompetittività tal-bejjiegħa bl-imnut. L-użu dejjem akbar ta’ taxxi speċifiċi għas-settur jikkomplika s-sistema tat-taxxa u jħalli impatt sproporzjonat fuq ditti akbar, spiss bi sjieda barranija. Fl-2023, id-dħul minn taxxi speċifiċi għas-settur kien jammonta għal 2,7 % tal-PDG. Is-setturi l-aktar affettwati jinkludu l-banek, l-enerġija, il-bejgħ bl-imnut, il-materjali tal-kostruzzjoni, l-assigurazzjoni, it-telekomunikazzjoni u l-utilitajiet. L-Istat huwa attiv fi tranżazzjonijiet kummerċjali u jeskludi atturi privati billi jixtri jew jiffaċilita x-xiri ta’ diversi kumpaniji kbar b’finanzjament issussidjat. Intużaw diversi interventi mill-Istat biex jisfurzaw lis-sidien — fil-biċċa l-kbira barranin — ibigħu d-ditti tagħhom, u b’hekk jiffaċilitaw il-ħolqien ta’ promoturi nazzjonali pubbliċi jew konnessi mal-gvern. Il-preżenza dejjem akbar ta’ fondi ta’ ekwità privata toħloq sfidi ġodda. Din l-istruttura tal-kumpaniji tintuża, b’mod partikolari, minn individwi b’rabtiet mal-gvern peress li tiżgura l-anonimità, simili għall-kumpaniji offshore. Il-fondi ta’ ekwità privata żdiedu b’mod sinifikanti fl-għadd u fid-daqs f’dawn l-aħħar snin u rrappreżentaw aktar minn 2,5 % tal-PDG fl-2024. Il-fondi ta’ ekwità privata qed isiru dejjem aktar investituri f’kumpaniji li jirbħu akkwisti pubbliċi u li jiżguraw konċessjonijiet ta’ valur għoli, u għandhom preżenza qawwija fi tranżazzjonijiet kummerċjali mal-Istat. L-ambjent dgħajjef tan-negozju kkontribwixxa għall-erożjoni tal-kompetittività u jżomm lura l-investimenti, u fl-aħħar mill-aħħar iwassal għal inflazzjoni ogħla u rkupru ekonomiku bil-mod kif muri mir-rieżami fil-fond dwar l-Ungerija skont il-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku.

(30)Is-swieq kapitali bħala mezzi biex jiffinanzjaw negozji ġodda u intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju innovattivi ħafna huma sottożviluppati fl-Ungerija. Fl-2023, il-kapitalizzazzjoni tas-suq tal-ishma kienet ta’ 17,6 % tal-PDG (medja tal-UE: 68 %). Miżuri ta’ politika reċenti komplew jostakolaw l-iżvilupp tas-swieq kapitali, bħal bonds fit-tul ħielsa mit-taxxa għall-investituri fil-livell tal-konsumatur u inċentivi tat-taxxa għall-investiment fid-djar.

(31)L-intensità tar-riċerka u l-iżvilupp żdiedet biss marġinalment matul l-aħħar għaxar snin u kienet għadha ferm taħt il-medja tal-UE fl-2023 (1,4 % vs 2,2 % tal-PDG). L-infiq pubbliku fir-R&Ż, inkluż fl-universitajiet, huwa wieħed mill-aktar baxxi fl-UE, u dan iżomm lura l-eċċellenza xjentifika. Ir-riorganizzazzjoni kontinwa tal-istituti tar-riċerka, kif ukoll mekkaniżmi ta’ evalwazzjoni interna mhux ċari, jikkontribwixxu għal kundizzjonijiet tax-xogħol inċerti għar-riċerkaturi. L-uffiċċji tat-trasferiment tat-teknoloġija għadhom mhumiex inkorporati u aċċettati biżżejjed fiċ-ċrieki akkademiċi, u l-kanali spin-off għadhom mhumiex żviluppati sew. Il-kooperazzjoni bejn l-akkademja u n-negozji hija prinċipalment limitata għal ditti stabbiliti b’rabtiet mal-universitajiet. Minħabba l-piż amministrattiv kbir u regoli mhux dejjem ċari ta’ eliġibbiltà dwar in-nefqa għall-innovazzjoni, ftit kumpaniji biss, prinċipalment kbar, jinnovaw u jibbenefikaw mid-diversi sussidji.

(32)L-Ungerija għadha tiddependi ħafna fuq ir-Russja għall-fjuwils fossili. Fl-2024, aktar minn 70 % tal-gass naturali u aktar minn 80 % taż-żejt mhux maħdum ikkunsmat kien ta’ oriġini Russa. L-isforzi tal-Ungerija biex titbiegħed mid-dipendenza Russa huma bil-mod.

(33)L-Ungerija tirreġistra sussidji rilevanti mdaqqsa għall-fjuwils fossili mingħajr eliminazzjoni gradwali ppjanata qabel l-2030. B’mod partikolari, is-sussidji għall-fjuwils fossili, li la jindirizzaw il-faqar enerġetiku b’mod immirat u lanqas it-tħassib ġenwin dwar is-sigurtà tal-enerġija, ifixklu l-elettrifikazzjoni u mhumiex kruċjali għall-kompetittività industrijali, jistgħu jitqiesu bħala prijorità ta’ eliminazzjoni gradwali. Fl-Ungerija, is-sussidji għall-fjuwils fossili — bħall-programm ta’ tnaqqis tal-kostijiet tal-utilità, tnaqqis fit-taxxa fuq il-valur miżjud għat-tisħin distrettwali bl-użu tal-gass naturali, u rifużjonijiet tat-taxxa tas-sisa għall-użu agrikolu tad-diżil — huma ekonomikament ineffiċjenti, jipperpetwaw id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u ma jinċentivawx l-elettrifikazzjoni fis-settur residenzjali. It-tnaqqis u l-eliminazzjoni gradwali ta’ dawn is-sussidji huma konformi mal-impenji tal-UE u jistgħu jgħinu lill-Ungerija tikkontrolla l-infiq tal-gvern.

(34)Mingħajr aktar flessibbiltà tas-sistema, l-introduzzjoni rapida tal-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ma tnaqqasx id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-elettriku u twassal għal volatilità estrema tal-prezz tal-elettriku bl-ingrossa matul ċertu ġranet. Il-konsumaturi domestiċi għandhom aċċess limitat għall-ipprezzar dinamiku, u l-introduzzjoni ta’ miters intelliġenti hija baxxa (inqas minn 10 %), u dan ixekkel ukoll il-flessibbiltà. Il-kummerċ transfruntier limitat itellef lill-Ungerija milli tisfrutta l-benefiċċji sħaħ tas-suq uniku għax ma jħallix l-fluss tal-elettriku influwixxi lejn fejn id-domanda tkun ogħla. Barra minn hekk, kompetizzjoni baxxa fis-suq Ungeriż tal-ibbilanċjar tirriżulta f’kostijiet ogħla. Il-prezz tal-enerġija għan-negozji fl-Ungerija huwa wieħed mill-ogħla fl-UE. L-importazzjonijiet tal-enerġija naqsu fl-2024 iżda għadhom sostanzjali, u dan jagħmel il-bilanċ estern vulnerabbli għal żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija, li hija sfida identifikata skont il-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku.

(35)L-Ungerija hija dejjem aktar affettwata mir-riskji klimatiċi, evidenzjati min-nixfiet li esperjenzat fl-2022, b’mod partikolari, iżda wkoll fl-2024, li wasslu għal telf sinifikanti fis-settur agrikolu. Kapaċitajiet amministrattivi dgħajfa u infrastruttura ekoloġika insuffiċjenti jimminaw ir-reżiljenza ġenerali tal-ilma tal-Ungerija, u b’mod partikolari l-kapaċità naturali tagħha għaż-żamma tal-ilma. Barra minn hekk, il-kwalità tal-ilma hija fqira minħabba t-tniġġis mill-agrikoltura, l-industrija u l-insedjamenti umani, b’11,3 % biss tal-ilmijiet tal-wiċċ li għandhom status ekoloġiku tajjeb (medja tal-UE: 37,3 %). Il-progress tal-Ungerija fit-tħaddin tal-ekonomija ċirkolari miexi bil-mod, b’enfasi insuffiċjenti fuq l-użu mill-ġdid, it-tiswija u r-riċiklaġġ. Skont id-data tal-2023, il-produttività tar-riżorsi tal-Ungerija ta’ EUR 1,33/kg u r-rata tal-użu tal-materjal ċirkolari ta’ 5,9 % huma sostanzjalment taħt il-medja tal-UE (EUR 2,74/kg u 11,8 %) u mhija osservata l-ebda konverġenza. L-allokazzjoni skarsa tar-riżorsi u l-kapaċitajiet insuffiċjenti tat-trattament fis-settur tal-ġestjoni tal-iskart irriżultaw f’rati ta’ riċiklaġġ relattivament baxxi u dipendenza żejda fuq ir-rimi fil-miżbliet.

(36)Il-kompetittività u l-potenzjal tal-innovazzjoni tal-Ungerija huma limitati minn ħiliet bażiċi dgħajfa fost l-istudenti żvantaġġati u vokazzjonali tal-edukazzjoni u t-taħriġ (VET), il-kisba baxxa fl-edukazzjoni terzjarja, u t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid għall-gruppi vulnerabbli limitati. Inugwaljanzi qawwija fl-edukazzjoni, li jaffettwaw b’mod partikolari lir-Rom, iħallu wieħed minn kull żewġ studenti żvantaġġati b’ħiliet bażiċi baxxi. L-istħarriġ PISA tal-2022 juri waħda mill-akbar diskrepanzi fil-prestazzjoni medja tal-matematika bejn il-programmi ġenerali u vokazzjonali fl-UE, l-aktar minħabba disparitajiet soċjoekonomiċi. Il-parteċipazzjoni fil-VET qed tiżdied, iżda s-sistema għadha mhix permeabbli biżżejjed 23 u l-programmi tal-VET ta’ tliet snin — bit-tnaqqis fil-kontenut tal-edukazzjoni ġenerali tagħhom — jonqsu milli jipprovdu aċċess dirett għal perkorsi edukattivi li jwasslu għal livelli ogħla ta’ kwalifiki. In-nuqqas ta’ għalliema huwa ta’ tħassib urġenti fl-isfond ta’ forza tax-xogħol li qed tixjieħ, speċjalment fir-reġjuni u ż-żoni rurali l-aktar żvantaġġati. Fl-2024, l-Ungerija bdiet timplimenta riforma kbira fis-salarji tal-għalliema, kofinanzjata mill-FSE+. Barra minn hekk, awtonomija akbar tal-għalliema u sistema ta’ valutazzjoni tal-għalliema li tippremja approċċi ta’ tagħlim pedagoġiku innovattivi u inklużivi, jistgħu jgħinu biex jattiraw kandidati ta’ livell għoli u jżommu l-għalliema żgħażagħ fil-professjoni. Minkejja domanda dejjem akbar għal forza tax-xogħol b’ħiliet għolja, il-kisba tal-edukazzjoni terzjarja għadha waħda mill-aktar baxxi fl-UE. Dan huwa kkombinat ma’ ishma baxxi ta’ gradwati fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika, li jkompli jnaqqas il-kapaċità tal-Ungerija li tattira investiment f’setturi ta’ teknoloġija avvanzata.

(37)Ir-rata medja ta’ impjieg hija għolja, iżda xi gruppi żvantaġġati, bħal persuni b’livell baxx ta’ kisba edukattiva, persuni b’diżabilità u r-Rom, għadhom jiffaċċjaw ostakli biex jaċċessaw opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid u biex jidħlu f’impjieg stabbli. Din tibqa’ riżerva mhux sfruttata ta’ ħaddiema, filwaqt li l-Ungerija tiddependi wkoll fuq il-ħaddiema barranin. Hemm nuqqas ta’ opportunitajiet effettivi ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ titjib tal-ħiliet, u servizzi ta’ appoġġ xierqa mfassla apposta — inkluż l-iżvilupp tal-ħiliet trasversali, l-appoġġ għas-saħħa u psikoloġiku u l-appoġġ għat-tiftix tal-impjiegi — għall-gruppi żvantaġġati. L-emenda reċenti tal-qafas legali li jirregola s-servizz pubbliku tal-impjiegi tippermetti t-taħriġ, u hemm lok għal titjib fil-kapaċitajiet tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi f’dan ir-rigward. It-tul medju tal-qgħad huwa ta’ aktar minn 12-il xahar. Il-benefiċċju tal-qgħad ta’ tliet xhur jillimita ż-żmien għat-titjib tal-ħiliet jew għas-sejbien ta’ impjieg xieraq u jżid ir-riskji ta’ impjiegi ta’ kwalità baxxa, qgħad fit-tul u faqar.

(38)Id-djalogu soċjali bejn min iħaddem u t-trejdjunjins għadu dgħajjef, speċjalment fis-settur pubbliku. Għalkemm il-forum tripartitiku tas-settur privat irċieva qafas legali għan-negozjati dwar il-paga minima fl-2024, il-politiki ekonomiċi ewlenin proposti fl-2024 u fl-2025 ġew adottati mingħajr ma ġew ikkonsultati l-impjegaturi u t-trade unions rilevanti. Id-drittijiet tal-ħaddiema fis-settur pubbliku naqsu gradwalment. Għal ċerti impjegati pubbliċi, inħoloq status ta’ impjieg separat, li jdgħajjef il-kapaċità tagħhom li jiddefendu kollettivament l-interessi tagħhom.

(39)L-esklużjoni soċjali u l-faqar qed jiżdiedu, speċjalment fost it-tfal, l-anzjani u l-persuni b’diżabilità. L-inugwaljanza fil-ġid żdiedet b’mod sinifikanti u hija fost l-ogħla fl-UE. Is-sistema tat-taxxa tiffavorixxi lill-unitajiet domestiċi b’introjtu għoli, filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-appoġġ soċjali jingħata permezz ta’ krediti tat-taxxa. L-adegwatezza tal-introjtu minimu, speċjalment tal-benefiċċju tas-sostituzzjoni tal-impjiegi (FHT), hija waħda mill-aktar baxxi fl-UE. L-impatt tal-benefiċċji soċjali kompla jonqos fl-2023 f’termini ta’ tnaqqis tal-faqar (speċjalment għat-tfal) u baqa’ baxx f’termini ta’ tnaqqis tal-inugwaljanza fl-introjtu. Programm iffinanzjat mill-UE li jappoġġa l-akkomodazzjoni, is-servizzi soċjali u l-edukazzjoni fit-300 muniċipalità l-aktar żvantaġġati huwa pass kbir ’il quddiem, iżda huma meħtieġa miżuri aktar immirati biex itejbu l-aċċess għas-servizzi soċjali u bażiċi ġenerali. Id-distribuzzjoni ġeografika mhux uniformi tat-tobba hija ostaklu ewlieni għall-aċċess għall-kura fir-reġjuni mbiegħda tal-pajjiż. Għad ma hemmx biżżejjed miżuri ta’ politika biex jiġi indirizzat l-infiq baxx fil-kura tas-saħħa u n-nuqqasijiet persistenti ta’ professjonisti tas-saħħa. L-istennija tal-għomor fit-twelid hija fost l-aktar baxxi fl-UE. L-indirizzar ta’ dawn l-isfidi jikkontribwixxi wkoll biex jappoġġja l-konverġenza soċjali ’l fuq, f’konformità mal-analiżi tat-tieni stadju tal-pajjiżi tas-servizzi tal-Kummissjoni f’konformità mal-Qafas ta’ Konverġenza Soċjali 24 .

(40)Il-kostijiet tal-akkomodazzjoni, li żdiedu b’230 % bejn l-2010 u l-2024, għandhom impatt negattiv fuq l-istandards tal-għajxien, b’mod partikolari fost il-persuni li jgħixu taħt il-livell limitu tal-faqar. L-istokk tal-akkomodazzjoni soċjali huwa żgħir u qed jonqos, u l-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx għandhom aċċess limitat għall-appoġġ għall-akkomodazzjoni fin-nuqqas ta’ appoġġ ċar u aktar immirat tal-politika tal-akkomodazzjoni tal-gvern. Sussidji ġenerużi u mhux immirati għall-akkomodazzjoni u provvista ristretta tal-akkomodazzjoni kkontribwew għal żidiet fil-prezzijiet tad-djar.

(41)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u l-konklużjonijiet tagħha dwar l-eżistenza ta’ żbilanċi, ir-rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3), (4) u (6). Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (4) u (6) jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbuta mal-ħtiġijiet tal-gvern u mal-finanzjament estern. Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjoni (3) jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbuta mal-kompetittività tal-kostijiet u tal-pressjonijiet tal-prezzijiet.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Ungerija tieħu azzjoni fl-2025 u l-2026 biex:

1.Issaħħaħ l-infiq u l-istat ta’ tħejjija ġenerali tad-difiża f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-6 ta’ Marzu 2025. Taderixxi mar-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta rrakkomandati mill-Kunsill fit-18 ta’ Frar 2025, bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv filwaqt li jsir użu mill-allowance skont il-klawżola liberatorja nazzjonali għal nefqa ogħla fid-difiża. Tnaqqas gradwalment il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija ta’ emerġenza. Issegwi koordinazzjoni effettiva u demarkazzjoni ċara tal-politiki makroekonomiċi biex tiżgura s-sostenibbiltà fiskali u esterna. Tneħħi gradwalment il-limiti massimi tal-prezzijiet u tar-rati tal-imgħax li jifdal, u l-miżuri ekwivalenti, biex jitnaqqsu l-effetti distorsivi u tiġi ffaċilitata t-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja. Issaħħaħ il-qafas baġitarju ta’ terminu medju, tallinja t-tħejjija tal-baġits annwali mas-sena baġitarja, u tillimita d-diskrezzjoni fl-implimentazzjoni tal-baġits annwali. Ittejjeb is-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet, filwaqt li tippreserva l-adegwatezza, b’mod partikolari billi tindirizza l-inugwaljanzi fl-introjtu.  

2.Fid-dawl tal-iskadenzi applikabbli għat-tlestija f’waqtha tar-riformi u l-investimenti skont ir-Regolament (UE) 2021/241, taċċellera b’mod urġenti l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, filwaqt li timplimenta malajr il-miżuri meħtieġa biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni (il-FEŻR, il-JTF, il-FSE+, il-FK), filwaqt li tibni, fejn xieraq, fuq l-opportunitajiet offruti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu. Tagħmel l-aħjar użu mill-istrumenti tal-UE, inklużi l-opportunitajiet ipprovduti mill-InvestEU u l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, biex itejbu l-kompetittività.

3.Ittejjeb il-qafas regolatorju u ttejjeb il-kompetizzjoni fis-swieq tal-prodotti u s-servizzi, b’mod partikolari fil-bejgħ bl-imnut, billi tevita interventi amministrattivi arbitrarji, leġiżlazzjoni mfassla apposta li tipprovdi vantaġġ jew żvantaġġ mhux dovut lil kumpaniji speċifiċi u tranżazzjonijiet appoġġati mill-Istat li jfixklu s-suq u billi tnaqqas l-użu ta’ miżuri ta’ emerġenza għal dak li huwa strettament meħtieġ, f’konformità mal-prinċipji tas-suq uniku u l-istat tad-dritt. Tistimula l-iżvilupp tas-swieq kapitali billi żżid l-inċentivi fiskali u regolatorji. Issaħħaħ il-qafas tal-innovazzjoni għas-settur pubbliku u n-negozji billi ttejjeb il-prevedibbiltà tal-infiq pubbliku fir-R&Ż u timmira aħjar il-miżuri eżistenti lejn l-SMEs.

4.Taċċellera d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-fjuwils fossili biex telimina gradwalment id-dipendenza fuq is-sorsi Russi u tieħu passi konkreti biex telimina gradwalment is-sussidji tal-fjuwils fossili, b’mod partikolari dawk relatati mad-dazji tas-sisa fuq id-diżil u dawk li jfixklu l-elettrifikazzjoni fis-settur residenzjali. Ittejjeb il-flessibbiltà u l-kompetizzjoni fis-settur tal-elettriku, billi ssaħħaħ is-suq tal-ibbilanċjar u tagħti spinta lill-kummerċ transfruntier tal-elettriku. Ittejjeb ir-reżiljenza tal-ilma permezz taż-żamma naturali tal-ilma u kapaċitajiet amministrattivi msaħħa, u ttejjeb iċ-ċirkolarità, b’mod partikolari billi ssaħħaħ il-kapaċitajiet tat-trattament tal-iskart.

5.Ittejjeb l-eżiti tal-edukazzjoni u r-rata tal-kisba tal-edukazjzoni terzjarja, u żżid il-parteċipazzjoni tal-gruppi żvantaġġati, b’mod partikolari r-Rom, f’edukazzjoni ġenerali ta’ kwalità billi tkompli żżid l-attraenza tal-professjoni tat-tagħlim u s-sehem ta’ studenti li jiksbu kwalifika sekondarja għolja li tagħti aċċess għall-edukazzjoni terzjarja.

6.Iżżid l-aċċess għal miżuri attivi effettivi tas-suq tax-xogħol, b’mod partikolari billi tipprovdi opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid lill-aktar gruppi żvantaġġati, u tiżgura djalogu soċjali effettiv. Ittejjeb l-adegwatezza tal-assistenza soċjali u l-benefiċċji tal-qgħad, u tiżgura aċċess għas-servizzi essenzjali għal kulħadd. Timmira l-miżuri ta’ appoġġ fis-settur tal-akkomodazzjoni lejn l-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx u żżid l-provvista tal-akkomodazzjoni inkluż l-akkomodazzjoni soċjali.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj.
(2)    ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1176/oj.
(3)    Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263: “nefqa netta” tfisser nefqa tal-gvern netta minn (i) nefqa fuq l-imgħax; (ii) miżuri tad-dħul diskrezzjonali; (iii) nefqa fuq programmi tal-Unjoni korrisposti bis-sħiħ bid-dħul mill-fondi tal-Unjoni; (iv) nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni; (v) elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad; u (vi) miżuri ta’ darba u oħrajn temporanji.
(4)    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).
(5)    Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1, ELI: http://data.europa. eu/eli/reg/2023/435/oj).
(6)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2022 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Ungerija (ST 15447/2022).
(7)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-15 ta’ Diċembru 2022 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Ungerija (ST 15964/2023).
(8)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Frar 2025 li tapprova l-pjan fiskali strutturali ta’ terminu medju tal-Ungerija, ĠU C/2025/1707, 18.3.2025.
(9)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Mejju 2025 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (OJ C, C/2025/2782, 22.5.2025, ELI: http:// data.europa.eu/eli/C/2025/2782/oj).)
(10)    SWD(2025) 127 final.
(11)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv fl-Ungerija, C/2025/5896.
(12)    Ir-rapporti ta’ Progress Annwali tal-2025 huma disponibbli fuq: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/stability-and-growth-pact/preventive-arm/annual-progress-reports_mt  
(13)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tippermetti lill-Ungerija tiddevja mill-perkors tan-nefqa netta rrakkomandat (Attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali), u taqbeż dan il-perkors, [Jekk jogħġbok imla ĠU C/2025/xxx, x.x.2025].
(14)    Eurostat, indikaturi tal-euro, 22.4.2025.
(15)    Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji u inkluża n-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni.
(16)    Skont in-nota ta’ Gwida dwar ir-reġistrazzjoni statistika tal-RRF, bl-istess mod tal-għotjiet “tradizzjonali” tal-UE, in-nefqa li għandha tiġi ffinanzjata mill-għotjiet tal-RRF tiġi rreġistrata fil-kontijiet nazzjonali fiż-żmien meta tiġġarrab, u tiġi mqabbla fiż-żmien u fid-daqs bi dħul imputat mill-UE, irrispettivament mit-timing tas-saldi ta’ flus, li huma kundizzjonali fuq l-ilħuq sodisfaċenti tal-istadji importanti u l-miri. L-Ungerija s’issa ma ppreżentat l-ebda talba għal pagament taħt l-RRF u rċeviet biss żborżi ta’ prefinanzjament. Eurostat (2021) Nota ta’ gwida dwar ir-reġistrazzjoni statistika tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza .
(17)    Eurostat, in-nefqa tal-gvern skont il-klassifikazzjoni tal-funzjonijiet tal-gvern (COFOG).
(18)    Mill-2026 dawn iċ-ċifri se jidhru fil-kont ta’ kontroll li huwa stabbilit fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2024/1263.
(19)    Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-kost baġitarju annwali ta’ dawk il-miżuri, inklużi d-dħul u n-nefqa u, meta applikabbli, nett mid-dħul mit-taxxi fuq profitti straordinarji mhux mistennija tal-fornituri tal-enerġija.
(20)     Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1058 u (UE) 2021/1056 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi sabiex jiġu indirizzati sfidi strateġiċi fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu - COM(2025) 123 final .
(21)    ‘Businesses' attitudes towards corruption in the EU’ Flash Report, Rapport tal-Ewrobarometru (April 2024)
(22)    Ir-rapport “Business Ready” tal-Bank Dinji.
(23)    Tranżizzjoni bla xkiel tal-istudenti fis-sistema kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, orizzontalment u vertikalment.
(24)     SWD (2025) 95 — Analiżi tal-pajjiżi tat-tieni stadju dwar il-konverġenza soċjali f’konformità mal-Qafas ta’ Konverġenza Soċjali (SCF) , 2025.
Top