This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52025AE2299
Opinion of the European Economic and Social Committee – Report from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions – Report on Competition Policy 2024 (COM(2025) 181 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Rapport tal-2024 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni (COM(2025) 181 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Rapport tal-2024 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni (COM(2025) 181 final)
EESC 2025/02299
ĠU C, C/2026/872, 27.2.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/872/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/872 |
27.2.2026 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Rapport tal-2024 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni
(COM(2025) 181 final)
(C/2026/872)
Relatur:
Andrea MONE|
Konsulent |
Samuel CORNELLA (għar-relatur) |
|
Konsultazzjoni |
Kummissjoni Ewropea, 29.8.2025 |
|
Bażi legali |
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
14.11.2025 |
|
Adozzjoni fis-sessjoni plenarja |
L-Erbgħa, 3 ta’ Diċembru 2025 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
601 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
220/1/3 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-approċċ għall-infurzar adottat mill-Kummissjoni fl-2024, li għandu l-għan li jintegra b’mod effettiv il-politika tal-kompetizzjoni mal-objettivi usa’ li tinħoloq UE aktar diġitali, ekoloġika u reżiljenti, waqt li jinżamm suq intern li jiffunzjona tajjeb. |
|
1.2. |
Il-KESE jfaħħar l-isforzi tal-Kummissjoni, fl-2024, biex tistma l-iffrankar għall-konsumaturi f’termini tal-effetti diretti tal-infurzar tal-antitrust (fir-rigward tal-kartelli u l-imġiba unilaterali abbużiva) u l-kontroll tal-fużjonijiet, abbażi ta’ metodu komuni adottat mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD). |
|
1.3. |
Il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tippromovi forums internazzjonali dwar il-kompetizzjoni sabiex tissaħħaħ il-perspettiva internazzjonali dwar is-suġġett, kif ukoll l-impenn kontinwu bejn l-awtoritajiet tal-infurzar u l-partijiet ikkonċernati fl-isfond ta’ swieq dejjem aktar globalizzati. Ir-rwol ta’ koordinazzjoni tal-Kummissjoni fi ħdan in-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni (NEK) huwa kruċjali wkoll. |
|
1.4. |
Il-KESE jqis li l-approċċ il-ġdid għall-politika tal-kompetizzjoni, li jappoġġja lill-kumpaniji biex jespandu fis-swieq globali waqt li jiżgura kundizzjonijiet ekwi, huwa pożittiv. Dan għandu jiġi rifless fil-valutazzjoni tal-fużjonijiet sabiex l-innovazzjoni u r-reżiljenza jiġu kkunsidrati bis-sħiħ, waqt li jiġi enfasizzat li għandha tiġi evitata l-konċentrazzjoni tas-suq li tirriżulta fi prezzijiet ogħla jew fi kwalità aktar baxxa. Għandu jiġi żgurat ukoll li l-partijiet ikkonċernati kollha fil-proċess, u b’mod partikolari l-imsieħba soċjali, jingħataw widen kif mistħoqq u jkollhom l-opportunitajiet meħtieġa biex iwasslu l-kunsiderazzjonijiet tagħhom fil-każijiet rilevanti, inkluż dwar kwistjonijiet soċjali u tax-xogħol, sabiex il-kwistjonijiet kollha sottostanti għal dawn il-proċessi jiġu indirizzati b’mod sostenibbli. |
|
1.5. |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli taħdem fuq il-linji gwida l-ġodda tagħha dwar abbużi ta’ esklużjoni ta’ dominanza, b’segwitu għall-pubblikazzjoni tal-abbozz ta’ linji gwida f’Awwissu 2024. Dawn il-linji gwida jirrappreżentaw opportunità importanti biex tittejjeb il-prevedibbiltà fir-rigward tal-infurzar tal-Artikolu 102 tat-TFUE. Bil-promozzjoni ta’ “approċċ ibbażat fuq l-effetti” avvanzat, il-linji gwida jistgħu jgħinu biex jiġi żgurat li l-Artikolu 102 tat-TFUE jiġi infurzat b’mod effettiv, b’enfasi fuq każijiet li b’mod tanġibbli jagħmlu ħsara lill-kompetizzjoni fi swieq ewlenin. |
|
1.6. |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni qed tkompli tiffoka fuq l-infurzar tal-kompetizzjoni fis-swieq diġitali. Swieq bħal dawn għandhom karatteristiċi strutturali u mudelli ta’ negozju speċifiċi, li spiss iwasslu għall-ħolqien ta’ atturi dominanti li kapaċi joħolqu ostakli għad-dħul għall-kompetituri tagħhom, li potenzjalment jagħmlu ħsara lill-kompetizzjoni. |
|
1.7. |
Wara s-sentenza Illumina-GRAIL tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa qafas legali biex teżamina l-fużjonijiet li, minkejja li ma jilħqux il-limiti ta’ notifika tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, xorta jista’ jkollhom impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni. |
|
1.8. |
Il-KESE josserva li r-reviżjoni reċenti tat-tliet regolamenti, jiġifieri r-Regolament orizzontali, ir-Regolament dwar is-Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali (SGEI) u r-Regolament de minimis għas-settur agrikolu (ilkoll b’żieda fil-limiti massimi tal-eżenzjoni), hija miżura utli li ilha mistennija, speċjalment bħala rispons għall-pressjonijiet inflazzjonarji wara l-pandemija tal-COVID-19. |
|
1.9. |
Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni (IPCEIs) fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kooperazzjoni mill-qrib tagħha mal-Istati Membri fil-Forum Ewropew Konġunt għal Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (JEF-IPCEI), bil-ħsieb li tiżdied it-trasparenza u jitħaffu l-proċeduri. |
|
1.10. |
Meta wieħed iħares lejn ir-reġim il-ġdid tal-Qafas għall-Għajnuna mill-Istat tal-Patt għal Industrija Nadifa, il-KESE jenfasizza li l-kisba tal-objettivi tal-Patt għal Industrija Nadifa se tirrikjedi livelli bla preċedent ta’ investiment. La l-finanzjament pubbliku u lanqas il-finanzjament privat waħedhom ma jkunu biżżejjed f’dan ir-rigward u jeħtieġ li jiġu ssupplimentati permezz ta’: i) riformi mmirati lejn it-tnaqqis tal-burokrazija waqt li jippromovu l-istandards soċjali u tax-xogħol; ii) l-ikkompletar tas-suq uniku, l-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali; iii) sforzi kkoordinati fil-livell nazzjonali u tal-UE permezz ta’ strumenti addizzjonali, bħall-Fond għall-Kompetittività propost u qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għall-2028-2034 imsaħħaħ. |
|
1.11. |
B’mod aktar speċifiku, il-KESE jqis li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tintroduċi, fi ħdan ir-regoli tal-Qafas għall-Għajnuna mill-Istat tal-Patt għal Industrija Nadifa, dispożizzjonijiet li jħeġġu l-parteċipazzjoni wiesgħa ta’ aktar Stati Membri fi proġetti rilevanti sabiex jiġi indirizzat it-tħassib dwar il-frammentazzjoni, u b’hekk jinħolqu effetti konsegwenzjali bejn il-fruntieri fl-iskemi ta’ għajnuna. |
2. Kummenti ġenerali
2.1. Approċċ għall-politika tal-kompetizzjoni u għodod użati biex tiġi analizzata
|
2.1.1. |
Il-KESE jilqa’ l-approċċ għall-infurzar adottat mill-Kummissjoni matul l-2024, li għandu l-għan li jintegra b’mod effettiv il-politika tal-kompetizzjoni mal-objettivi usa’ li tinħoloq UE aktar diġitali, ekoloġika u reżiljenti, waqt li jinżamm suq intern li jiffunzjona tajjeb. Kif tenfasizza l-Kummissjoni, “Il-politika tal-kompetizzjoni... ma toperax f’vakwu. Ir-regolamenti speċifiċi għas-settur u l-infurzar tal-kompetizzjoni jaħdmu flimkien u jsaħħu lil xulxin.” Dan l-approċċ olistiku huwa essenzjali biex jiġi żgurat li l-politika tal-kompetizzjoni tkun allinjata mal-prijoritajiet politiċi tal-UE u, f’dan ir-rigward, li r-regoli tal-kompetizzjoni jikkostitwixxu pilastru tal-kompetittività tal-Ewropa u jimxu id f’id mal-politiki industrijali u l-proċessi ta’ dekarbonizzazzjoni tagħha, kif enfasizzat ukoll fir-rapport ta’ Draghi. F’dan ir-rigward, il-KESE jappoġġja bis-sħiħ ir-rieżami u l-modernizzazzjoni li għaddejjin bħalissa ta’ wħud mir-regoli u l-għodod ewlenin tal-kompetizzjoni, bħall-infurzar tal-antitrust u l-linji gwida dwar il-fużjonijiet. |
|
2.1.2. |
Il-KESE jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni, fl-2024, biex tistma l-iffrankar għall-konsumaturi f’termini tal-effetti diretti tal-infurzar tal-antitrust (fir-rigward tal-kartelli u l-imġiba unilaterali abbużiva) u l-kontroll tal-fużjonijiet, abbażi ta’ metodu komuni adottat mill-OECD. Dan l-approċċ jidher utli mhux biss biex wieħed ikejjel l-impatt tal-politika tal-kompetizzjoni b’għodod kwantitattivi, iżda wkoll biex jiffoka b’mod empiriku fuq kunċett ewlieni tal-liġi tal-kompetizzjoni u l-ekonomija: il-benesseri tal-konsumatur. |
|
2.1.3. |
Il-KESE huwa interessat ħafna fir-rapport tal-Kummissjoni dwar Protecting competition in a changing world — Evidence on the evolution of competition in the EU during the past 25 years (1) (Il-protezzjoni tal-kompetizzjoni f’dinja li qed tinbidel — Evidenza dwar l-evoluzzjoni tal-kompetizzjoni fl-UE matul dawn l-aħħar 25 sena), peress li jipprovdi kuntest storiku utli għall-infurzar tal-kompetizzjoni. Meta wieħed iqabbel ix-xejriet tal-konċentrazzjoni tas-suq, id-dinamika tal-kompetizzjoni u l-istrutturi tas-suq maż-żmien, ir-rapport jenfasizza l-bidliet strutturali ewlenin li seħħew matul dawn l-aħħar 25 sena (l-aktar reċenti, kien hemm distakk dejjem jikber bejn id-ditti ewlenin u l-kompetituri tagħhom, jiġifieri konċentrazzjoni akbar fis-suq). Din l-analiżi tista’ tkun partikolarment ta’ għajnuna biex tiggwida d-direzzjoni attwali u futura tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE. |
|
2.1.4. |
Bl-istess mod, l-isforzi tal-Kummissjoni biex tikkollabora mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fi ħdan in-NEK u biex tippromovi forums internazzjonali fir-rigward tal-kompetizzjoni (in-Network Internazzjonali dwar il-Kompetizzjoni (ICN), l-OECD, il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) huma wkoll sinifikanti u għandhom jiġu appoġġjati sabiex tissaħħaħ perspettiva Ewropea u internazzjonali konsistenti dwar is-suġġett, waqt li fl-istess ħin jiġi żgurat rwol ewlieni għall-awtoritajiet Ewropej tal-kompetizzjoni fi swieq dejjem aktar globalizzati. |
|
2.1.5. |
Il-KESE jittama li, fil-futur, l-infurzar tal-kompetizzjoni jqis dejjem aktar mhux biss l-impatt fuq il-konsumaturi, fuq in-negozji kompetituri u fuq il-funzjonament tas-swieq, iżda wkoll il-kwistjoni tal-impjiegi u tax-xogħol. Dan seħħ, pereżempju, f’ġurisdizzjonijiet oħrajn fir-rigward ta’ kwistjonijiet bħal ftehimiet li ma jippermettux użurpazzjoni (no-poach) bejn kumpaniji diġitali — li għandhom l-effett li jillimitaw l-għażliet ta’ impjieg tal-impjegati tagħhom — imġiba unilaterali li tirrestrinġi jew saħansitra telimina l-ambitu għal protezzjoni kollettiva fost il-ħaddiema tal-pjattaformi diġitali, u każijiet ta’ monopsonija, li jwasslu għal deterjorament fil-kundizzjonijiet ta’ ċerti ħaddiema (2). |
2.2. Definizzjoni tas-suq
|
2.2.1. |
Il-KESE jilqa’ l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti (Market Definition Notice), rivedut fi Frar 2024, bħala aġġornament utli ta’ kunċett ewlieni fl-infurzar tal-kompetizzjoni (l-avviż preċedenti jmur lura għall-1997). Dan huwa partikolarment sinifikanti biex jiġi indirizzat l-abbuż minn pożizzjoni dominanti skont l-Artikolu 102 tat-TFUE, kif ukoll għall-kontroll tal-fużjonijiet. L-avviż aġġornat dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti, li jagħmel enfasi aktar b’saħħitha fuq il-parametri mhux tal-prezzijiet, jirrifletti aħjar l-aħħar żviluppi soċjetali u teknoloġiċi u dawk l-aktar sinifikanti, b’mod partikolari fir-rigward tas-swieq diġitali u ta’ innovazzjoni għolja. |
2.3. L-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE
|
2.3.1. |
Il-KESE jinnota l-attenzjoni mogħtija mill-Kummissjoni lill-ftehimiet antikompetittivi fis-settur agroalimentari fl-2024, u jirrikonoxxi li tali prattiki huma partikolarment ta’ ħsara għall-konsumaturi, speċjalment dawk fl-aktar sezzjonijiet vulnerabbli tas-soċjetà. Dan huwa konformi mal-ittra ta’ missjoni tal-President von der Leyen lill-Kummissarju responsabbli għall-kompetizzjoni, li tidentifika speċifikament is-settur agroalimentari bħala potenzjalment soġġett għal prattiki antikompetittivi (“ħidma mal-Kummissarji rilevanti biex jiġu indirizzati prattiki antikompetittivi, bħal dawk li jaffettwaw il-kompetittività u s-sostenibbiltà tas-settur tal-ikel u tal-biedja”). |
|
2.3.2. |
Il-KESE jirrimarka li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tar-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija għall-Vetturi bil-Mutur (MVBER, Motor Vehicle Block Exemption Regulation), imnedija f’Jannar 2024, flimkien mal-estensjoni tal-linji gwida supplimentari għas-settur, huma miżuri meħtieġa. Dawn il-miżuri huma partikolarment utli f’termini tal-indirizzar tal-influwenza dejjem akbar tal-karatteristiċi diġitali u l-konnettività fil-vetturi, li qed isawru mill-ġdid l-industrija tal-karozzi. Dawn se jgħinu wkoll biex jiġi rfinat l-approċċ għall-infurzar tal-kompetizzjoni f’settur li għaddej minn trasformazzjoni profonda u li qed jiffaċċja kompetizzjoni internazzjonali dejjem akbar, kif enfasizzat ukoll fir-rapport ta’ Draghi. |
2.4. L-infurzar tal-Artikolu 102 tat-TFUE
|
2.4.1. |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli taħdem fuq il-linji gwida l-ġodda tagħha dwar abbużi ta’ esklużjoni ta’ dominanza, b’segwitu għall-pubblikazzjoni tal-abbozz ta’ linji gwida f’Awwissu 2024. Dawn il-linji gwida jirrappreżentaw opportunità importanti biex jittejbu l-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali rigward l-infurzar tal-Artikolu 102 tat-TFUE. Bil-promozzjoni ta’ “approċċ ibbażat fuq l-effetti” avvanzat, il-linji gwida jistgħu jgħinu biex jiġi żgurat li l-Artikolu 102 tat-TFUE jiġi infurzat b’mod effettiv, b’enfasi fuq każijiet li b’mod tanġibbli jagħmlu ħsara lill-kompetizzjoni fi swieq ewlenin u dawk strateġiċi. |
|
2.4.2. |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni qed tkompli tiffoka fuq l-infurzar tal-kompetizzjoni fis-swieq diġitali. Dawn is-swieq għandhom karatteristiċi strutturali u mudelli ta’ negozju speċifiċi, li spiss iwasslu għall-ħolqien ta’ atturi dominanti li jistgħu joħolqu ostakli għad-dħul għall-kompetituri tagħhom, u dan għandu l-potenzjal li jagħmel ħsara u jgħawweġ il-kompetizzjoni. Il-KESE jinnota wkoll li l-approċċ tal-Kummissjoni huwa bla dubju konformi mas-sinifikat soċjali u ekonomiku dejjem jikber tas-servizzi diġitali. It-tisħiħ tal-infurzar tal-kompetizzjoni f’dan il-qasam huwa għalhekk essenzjali għall-benesseri tal-konsumatur, għall-innovazzjoni u għal kundizzjonijiet ekwi effettivi. |
2.5. Kontroll tal-fużjonijiet
|
2.5.1. |
Wara s-sentenza Illumina-GRAIL tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa qafas legali biex teżamina l-fużjonijiet li, minkejja li ma jilħqux il-livelli limiti ta’ notifika tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, xorta jista’ jkollhom impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni. Dan jagħmilha possibbli li jiġu eżaminati l-akkwiżizzjonijiet minn kompetituri kbar immirati lejn kumpaniji innovattivi fl-istadji bikrija tal-iżvilupp tagħhom, meta l-potenzjal tagħhom bħala kompetitur (għadu) mhuwiex rifless fid-dħul tagħhom (l-hekk imsejħa “akkwiżizzjonijiet predatorji”). It-tneħħija ta’ dan id-distakk fl-infurzar tal-fużjonijiet jista’ jkun mod partikolarment effettiv biex tiġi ssalvagwardjata d-dinamika tal-kompetizzjoni, u biex il-konsumaturi jibbenefikaw sostanzjalment fit-tul, b’mod partikolari fi swieq strateġiċi bħall-farmaċewtiċi, ix-xjenzi tal-ħajja u s-servizzi diġitali. |
|
2.5.2. |
Il-paragrafu 114 tad-dokument Topic G: Public policy, security and labour market considerations (3), li jagħmel parti mill-konsultazzjoni li għadha għaddejja tal-Kummissjoni dwar il-linji gwida dwar il-fużjonijiet, jgħid li, waqt li l-protezzjoni tal-kompetizzjoni ġeneralment tikkontribwixxi għall-provvista ta’ impjiegi tajbin u b’remunerazzjoni tajba fl-Ewropa, l-applikazzjoni tat-teoriji tas-suq tax-xogħol dwar il-ħsara tista’ tippermetti lill-Kummissjoni tipprevjeni effetti negattivi fuq il-ħaddiema f’ċerti każijiet speċifiċi ta’ fużjonijiet; il-KESE jistieden lill-Kummissjoni teżamina din il-kwistjoni speċifika, li sal-lum għadha ma ġietx ikkunsidrata. Dwar dan il-punt speċifiku, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Linji Gwida dwar il-Fużjonijiet tal-2023 maħruġa mid-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti u l-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ (Federal Trade Commission) jinkludu taqsima (2.10) iddedikata għall-effetti dannużi potenzjali li l-fużjonijiet jista’ jkollhom fuq il-ħaddiema billi jnaqqsu l-kompetizzjoni fis-swieq tax-xogħol. |
2.6. Għajnuna mill-Istat
|
2.6.1. |
Il-KESE jinnota li r-reviżjoni tar-Regolament de minimis ġenerali (żieda tal-limitu massimu tal-eżenzjoni minn EUR 200 000 għal EUR 300 000 fuq perjodu ta’ tliet snin, minn Jannar 2024) hija miżura tant mistennija, speċjalment bħala rispons għall-pressjonijiet inflazzjonarji wara l-pandemija tal-COVID-19. L-introduzzjoni ta’ reġistri nazzjonali, li għandhom jiġu introdotti mill-2026, hija miżura komplementari utli biex jittejbu t-trasparenza u l-prevedibbiltà mhux biss għall-awtoritajiet pubbliċi, iżda wkoll għall-kumpaniji benefiċjarji. |
|
2.6.2. |
Il-KESE jilqa’ wkoll ir-reviżjoni tar-Regolament de minimis dwar is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, li jgħolli l-limitu massimu tal-eżenzjoni minn EUR 500 000 għal EUR 750 000. Dan se jgħin biex jiġi ssemplifikat il-proċess ta’ kumpens għall-operaturi b’obbligi sinifikanti ta’ servizz pubbliku, li spiss huma essenzjali għall-koeżjoni soċjali u ekonomika fil-livell lokali. Kif ġie enfasizzat ġustament fir-rapport ta’ Letta, l-objettivi tas-Suq Uniku għandhom ikunu allinjati mal-libertà tal-moviment kif ukoll mal-libertà li wieħed jibqa’ fil-komunità tal-għażla tiegħu. Servizzi ta’ interess ġenerali aċċessibbli, affordabbli u adattabbli fir-reġjuni kollha tal-UE huma kruċjali biex tiġi żgurata l-libertà li wieħed jibqa’, u dan jeħtieġ Pjan ta’ Azzjoni għal servizzi ta’ interess ġenerali ta’ kwalità għolja fl-Ewropa. |
|
2.6.3. |
L-emenda tar-Regolament de minimis għall-agrikoltura, li tinkludi żieda sinifikanti fil-limiti massimi tal-għajnuna — żieda tal-limitu massimu de minimis għal kull negozju fuq tliet snin minn EUR 25 000 għal EUR 50 000 u żieda fl-ammont massimu ta’ għajnuna de minimis kumulattiva permessa għal kull Stat Membru minn 1,5 % għal 2 % tal-valur tal-produzzjoni agrikola tal-Istat Membru — tikkostitwixxi aġġustament sinifikanti, akbar minn dak f’setturi oħra. Madankollu, din iż-żieda tidher ġustifikata mill-grad għoli ta’ vulnerabbiltà tas-settur agroalimentari għall-volatilità tas-suq u mill-impatt sproporzjonat taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija fuq inputs ewlenin bħall-fertilizzanti. Għalhekk, il-KESE jirrikonoxxi l-importanza li tiġi pprovduta aktar flessibbiltà biex il-bdiewa u n-negozji agrikoli jiġu appoġġjati fl-indirizzar ta’ dawn l-isfidi. |
|
2.6.4. |
L-emenda tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat f’Mejju 2024 biex jiġu appoġġjati proġetti teknoloġiċi strateġiċi hija żvilupp pożittiv. Hawnhekk, il-KESE jieħu l-opportunità biex itenni l-importanza li tiġi ppreżervata l-koeżjoni soċjali u ekonomika madwar l-UE. Dan l-objettiv għandu jiġi segwit permezz ta’ użu bbilanċjat ta’ strumenti differenti, inkluża politika dwar l-għajnuna mill-Istat ikkalibrata tajjeb u finanzjament adegwat taħt il-QFP il-ġdid. |
|
2.6.5. |
Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-IPCEIs fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat, waqt li jħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kooperazzjoni mill-qrib tagħha mal-Istati Membri fil-JEF-IPCEI u Ċentru tad-Disinn tal-IPCEI. Din il-kollaborazzjoni hija essenzjali għat-titjib u t-tħaffif tal-proċessi ta’ tfassil u valutazzjoni għal IPCEIs ġodda, u b’hekk tiffaċilita l-ġbir flimkien tar-riżorsi mill-Istati Membri f’setturi strateġiċi u teknoloġiji ta’ interess komuni. It-tħaffif tal-proċeduri u ż-żieda fit-trasparenza jistgħu jkunu kruċjali biex l-IPCEI jingħataw spinta b’mod effettiv. |
|
2.6.6. |
Sforzi koordinati f’miżuri u skemi ta’ għajnuna mill-Istat huma partikolarment importanti f’oqsma fejn id-dinamika tas-suq waħedha ma tistax tagħti r-riżultati mixtieqa (falliment tas-suq), u b’hekk tgħin biex jinżammu l-kompetittività u l-innovazzjoni tal-UE fix-xena globali. Dan huwa konformi kemm mal-proposta tar-rapport ta’ Draghi għar-riforma tal-IPCEIs biex ikopru kunċett usa’ ta’ innovazzjoni kif ukoll mas-suġġeriment innovattiv u ambizzjuż fir-rapport ta’ Letta biex fil-futur jiġi żviluppat mekkaniżmu biex jiġu kkombinati fondi Ewropej u nazzjonali li ma jaqgħux taħt ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, bl-għan li jiġu ffinanzjati proġetti strateġiċi pan-Ewropej. |
2.7. Għajnuna mill-Istat — Oqfsa Temporanji u Qafas għall-Għajnuna mill-Istat tal-Patt għal Industrija Nadifa
|
2.7.1. |
Il-KESE jirrikonoxxi li l-oqfsa temporanji ta’ għajnuna mill-Istat introdotti b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19 u l-invażjoni tar-Russa fl-Ukrajna kienu kruċjali biex jappoġġjaw l-ekonomija Ewropea fi żmien ta’ kriżijiet bla preċedent. Il-KESE jieħu nota tal-osservazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li, filwaqt li hemm differenzi sinifikanti bejn l-ammonti nominali ta’ għajnuna żborżati mill-Istati Membri taħt dawn l-iskemi, “l-istampa ssir aktar sottili meta wieħed iħares lejn in-nefqa relattiva tal-għajnuna mill-Istat meta mqabbla mal-PDG”. Madankollu, il-KESE jemmen li d-disparitajiet sinifikanti bejn l-Istati Membri f’termini tar-riżorsi finanzjarji tagħhom u l-kapaċità amministrattiva tagħhom li jużaw dawk ir-riżorsi jistgħu jipperikolaw il-konsolidazzjoni tas-suq intern jekk ma jiġux regolati b’mod adegwat. |
|
2.7.2. |
Meta wieħed iħares lejn ir-reġim il-ġdid tal-Qafas għall-Għajnuna mill-Istat tal-Patt għal Industrija Nadifa bħala sostituzzjoni stabbli għall-oqfsa temporanji, il-KESE jenfasizza li l-kisba tal-objettivi tal-Patt għal Industrija Nadifa se tirrikjedi livelli bla preċedent ta’ investiment. La l-finanzjament pubbliku u lanqas il-finanzjament privat waħedhom ma huma se jkunu biżżejjed biex jintlaħaq dak li huwa meħtieġ. Hawnhekk, l-għajnuna mill-Istat se tkompli taqdi rwol kruċjali fl-inċentivar tal-investimenti meħtieġa, iżda l-elementi li ġejjin se jkunu essenzjali wkoll: i) l-implimentazzjoni ta’ riformi mmirati lejn it-tnaqqis tal-burokrazija waqt li jippromovu l-istandards soċjali u tax-xogħol; ii) l-iffaċilitar tat-tlestija tas-suq uniku u tal-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, kif indikat fir-rapporti reċenti ta’ Letta u ta’ Draghi; u iii) l-ikkoordinar ta’ sforzi fil-livell nazzjonali u tal-UE permezz ta’ strumenti addizzjonali, bħall-Fond għall-Kompetittività propost u qafas finanzjarju pluriennali msaħħaħ (4). |
|
2.7.3. |
Il-KESE jqis li, sabiex jiġi indirizzat it-tħassib dwar il-frammentazzjoni relatat mal-illaxkar progressiv tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet biex tħeġġeġ il-parteċipazzjoni wiesgħa ta’ aktar Stati Membri fi proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni rilevanti, u b’hekk jinħolqu effetti konsegwenzjali bejn il-fruntieri fl-iskemi ta’ għajnuna. Pereżempju, tista’ ssir enfasi fuq l-iżvilupp u t-tisħiħ tal-ktajjen tal-valur transfruntiera billi jitħallew jiġu applikati intensitajiet ogħla ta’ għajnuna f’każijiet b’effetti konsegwenzjali ċari. |
2.8. Att dwar is-Swieq Diġitali
|
2.8.1. |
Il-KESE jappoġġja ż-żieda fl-infurzar tal-Att dwar is-Swieq Diġitali mill-Kummissjoni bħala għodda siewja li tikkomplementa r-regoli eżistenti tal-kompetizzjoni sabiex is-settur diġitali fl-UE jsir aktar kontestabbli, u jitrażżnu l-prattiki inġusti minn kumpaniji li jaġixxu bħala gwardjani fl-ekonomija tal-pjattaformi online. Għalkemm l-Att dwar is-Swieq Diġitali għadu daħal fis-seħħ, diġà jidher li huwa kapaċi li: i) irażżan l- “awtopreferenzjar” mhux dovut; ii) jippermetti l-interoperabbiltà ma’ kompetituri iżgħar; u iii) ineħħi l-ostakli artifiċjali għall-kompetizzjoni. |
|
2.8.2. |
Fl-istess ħin, il-KESE jirrimarka li ż-żieda fir-rilevanza u fl-effettività tal-Att dwar is-Swieq Diġitali wasslet għall-ħtieġa, għall-kumpaniji diġitali u għall-partijiet ikkonċernati, li jkun hemm gwida affidabbli u aktar prevedibbiltà dwar il-prijoritajiet u t-teknikalitajiet tal-infurzar tal-Att dwar is-Swieq Diġitali. |
2.9. Ir-Regolament dwar is-Sussidji Barranin
|
2.9.1. |
Fl-aħħar nett, il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni infurzat b’mod rigoruż ir-Regolament dwar is-Sussidji Barranin fl-2024 biex tipproteġi l-integrità tas-suq uniku tal-UE minn sussidji li jfixklu l-kompetizzjoni mogħtija minn pajjiżi mhux tal-UE lil kumpaniji li joperaw fl-UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-fużjonijiet u l-proċeduri tal-akkwist pubbliku. Din l-attività ta’ infurzar — li għandha żżomm il-piż amministrattiv proporzjonat fl-interess kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-intrapriżi kkonċernati — hija essenzjali biex jintlaħaq objettiv doppju u relevanti: li s-suq uniku tal-UE jinżamm miftuħ għall-kummerċ u l-investiment minn pajjiżi terzi, u fl-istess ħin tiġi evitata kompetizzjoni inġusta speċjalment f’setturi strateġiċi, li tista’ tkun ta’ detriment mhux biss għall-kumpaniji Ewropej iżda wkoll għall-ħaddiema Ewropej. |
Brussell, it-3 ta’ Diċembru 2025.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Séamus BOLAND
(1) https://competition-policy.ec.europa.eu/about/reaching-out/protecting-competition-changing-world_en.
(2) Ara wkoll l-Każ FOOD DELIVERY SERVICES AT.40795, Ġunju 2025.
(3) Dokument tal-Kummissjoni Topic G: Public policy, security and labour market considerations, ikkonsultat fl-24 ta’ Settembru 2025 [mhux disponibbli bil-Malti].
(4) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Qafas għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jappoġġaw il-Patt għal Industrija Nadifa (ĠU C, C/2026/68, 30.1.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/68/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/872/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)