This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52025AE1045
Opinion of the European Economic and Social Committee – Communication from the Commission to the European Parliament, the European Council, the Council, the European Central Bank, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions on a Savings and Investments Union: A Strategy to Foster Citizens’ Wealth and Economic Competitiveness in the EU (COM(2025) 124 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti — Strateġija biex Jissaħħu l-Ġid taċ-Ċittadini u l-Kompetittività Ekonomika fl-UE (COM(2025) 124 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti — Strateġija biex Jissaħħu l-Ġid taċ-Ċittadini u l-Kompetittività Ekonomika fl-UE (COM(2025) 124 final)
EESC 2025/01045
ĠU C, C/2025/5155, 28.10.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5155/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/5155 |
28.10.2025 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti
Strateġija biex Jissaħħu l-Ġid taċ-Ċittadini u l-Kompetittività Ekonomika fl-UE
(COM(2025) 124 final)
(C/2025/5155)
Relatur:
Petru Sorin DANDEA|
Konsulent |
Christian M. STIEFMUELLER (għar-relatur) |
|
Konsultazzjoni |
Kummissjoni Ewropea, 13.5.2025 |
|
Bażi legali |
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
4.7.2025 |
|
Adozzjoni fis-sessjoni plenarja |
16.7.2025 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
598 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
184 /2/5 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, u huwa tal-fehma li l-ikkompletar tagħha jista’ jisfrutta parti sinifikanti mill-potenzjal mhux użat tas-Suq Uniku. Il-KESE jinnota li tentattivi preċedenti biex tiġi stabbilita Unjoni tas-Swieq Kapitali ma ssarrfux fi progress sodisfaċenti. Biex tirnexxi, l-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti trid titfassal b’objettivi ċari li joffru benefiċċji ġenwini u tanġibbli għaċ-ċittadini u n-negozji tal-UE. Din trid tiffinanzja l-ekonomija reali, tippromovi tranżizzjoni ġusta, tikseb distribuzzjoni ġusta tal-kostijiet, tar-redditi u tar-riskji, u tissalvagwardja l-istabbiltà tas-suq finanzjarju. |
|
1.2. |
Il-KESE jinnota li l-frammentazzjoni tas-swieq kapitali tal-UE hija waħda mir-restrizzjonijiet ewlenin għall-fluss effiċjenti tal-kapital fis-Suq Uniku. Huwa jilqa’ s-suġġeriment tal-Kummissjoni li l-enfasi tkun fuq it-tisħiħ tal-interoperabbiltà, l-interkonnessjoni u l-effiċjenza tal-infrastruttura kummerċjali u ta’ wara n-negozjar tal-UE, billi jittieħed vantaġġ mit-teknoloġija tal-ogħla livell. Jemmen li s-swieq integrati jeħtieġu wkoll superviżjoni integrata. L-operaturi ta’ infrastrutturi finanzjarji transfruntiera ewlenin fl-UE għandhom jitqiegħdu taħt superviżjoni pan-Ewropea mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), li għandha tkun mgħammra b’riżorsi adegwati biex twettaq dan ir-rwol estiż. Il-KESE jipproponi li l-kompetenzi u l-kapaċitajiet tal-ESMA jissaħħu b’mod adegwat. |
|
1.3. |
Il-KESE jissuġġerixxi li l-isforzi tal-UE jikkonċentraw fuq id-diskrepanza sinifikanti fil-finanzjament tal-ekwità, li qed iċċaħħad kemm lill-kumpaniji minn kapital fit-tul li jġorr riskju, kif ukoll lill-investituri minn opportunitajiet biex jipparteċipaw fil-ħolqien tal-valur. Il-kumpaniji privati, speċjalment l-SMEs, għandhom jiġu mħeġġa jiddiversifikaw is-sorsi ta’ finanzjament tagħhom u jadottaw strutturi kapitali aktar reżiljenti li jużaw inqas ingranaġġ, li huma kruċjali biex jippermettu t-teħid tar-riskji u l-innovazzjoni. Is-swieq tal-ekwità, kemm elenkati kif ukoll mhux elenkati, għandhom jissaħħu permezz ta’ aktar armonizzazzjoni tal-liġijiet rilevanti dwar il-kumpaniji, l-insolvenza u t-taxxa fl-ogħla livell possibbli. |
|
1.4. |
L-UE jeħtiġilha tagħmel użu aħjar mir-riżorsi tagħha – li għadhom formidabbli – ta’ ċittadini b’talent u b’livell għoli ta’ ħiliet, istituzzjonijiet ewlenin fid-dinja fir-riċerka u l-edukazzjoni, u kumpaniji dinamiċi u innovattivi; jeħtieġ li treġġa’ lura l-“eżodu ta’ mħuħ” ta’ riċerkaturi u intraprendituri b’livell għoli ta’ ħiliet u innovattivi billi toffri inċentivi konvinċenti għall-intraprendituri u l-impjegati biex jibqgħu fl-Ewropa u jaħdmu fiha. |
|
1.5. |
Il-KESE jemmen li huwa importanti ferm li tiġi offruta propożizzjoni konvinċenti biex il-faddala tal-UE jiġu mħeġġa jsiru investituri bl-imnut u jipparteċipaw b’mod attiv fis-swieq kapitali. Il-parteċipazzjoni tal-investituri bl-imnut fis-swieq kapitali trid tkun xprunata mid-domanda. Għal dan l-għan, l-investituri għandu jkollhom aċċess għall-aktar firxa wiesgħa possibbli ta’ għażliet ta’ investiment sikuri, kosteffettivi, trasparenti u bi prestazzjoni tajba. Suq miftuħ, vibranti u kompetittiv għas-servizzi ta’ investiment transfruntiera, inklużi pariri dwar l-investiment affordabbli u ta’ kwalità għolja, huwa prerekwiżit. Għandhom jiġu esplorati strumenti ġodda, bħal kont tat-tfaddil u tal-investiment; madankollu dawn ma għandhomx jiddaħħlu fis-seħħ qabel ma jiġu ssodisfati l-prekundizzjonijiet imsemmijin hawn fuq. |
|
1.6. |
Il-KESE huwa tal-fehma li biex l-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti tirnexxi teħtieġ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) ċari u trasparenti u jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi u tippubblika dashboard tal-KPIs biex timmonitorja l-progress maż-żmien fl-implimentazzjoni tal-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti. Il-KESE jirrakkomanda li tiġi stabbilita data fil-mira ambizzjuża imma realistika għall-ikkompletar tal-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, li tista’ tintuża biex jitkejjel il-progress. |
2. Kummenti ġenerali
|
2.1. |
Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, u huwa tal-fehma li l-ikkompletar tagħha jista’ jisfrutta parti sinifikanti mill-potenzjal mhux użat tas-Suq Uniku. Bħalissa, aktar minn EUR 10 triljun ta’ tfaddil jinsabu f’depożiti bankarji fl-UE (1). Il-KESE jinnota li tentattivi preċedenti biex tiġi stabbilita Unjoni tas-Swieq Kapitali ma ssarrfux fi progress sodisfaċenti. Biex din id-darba tirnexxi, l-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti trid titfassal b’objettivi ċari li joffru benefiċċji ġenwini u tanġibbli għaċ-ċittadini u n-negozji tal-UE. Din trid tiffinanzja l-ekonomija reali, tippromovi tranżizzjoni ġusta, tikseb distribuzzjoni ġusta tal-kostijiet, tar-redditi u tar-riskji, u tissalvagwardja l-istabbiltà tas-suq finanzjarju. |
|
2.2. |
Il-KESE jtenni l-fehma tiegħu, espressa f’uħud mill-Opinjonijiet preċedenti (2), li l-approfondiment tas-swieq kapitali tal-UE jista’ jgħin biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ investiment għall-politiki tad-diġitalizzazzjoni, tal-ekoloġizzazzjoni u tad-difiża. Skont il-Boxxla għall-Kompetittività (3), l-UE teħtieġ mijiet ta’ biljuni ta’ euro ta’ investiment addizzjonali kull sena. Madankollu, il-KESE jirrimarka li dawn il-fondi huma fuq kollox it-tfaddil taċ-ċittadini Ewropej, u trid tiġi applikata l-attenzjoni dovuta biex jiġi żgurat li dawn jiġu investiti (i) b’mod responsabbli, f’konformità mal-kapaċità ta’ kull individwu li jivvaluta u jġorr ir-riskju finanzjarju, u jkunu akkumpanjati minn miżuri dwar il-litteriżmu u l-edukazzjoni fil-qasam finanzjarju u protezzjoni adegwata tal-investituri; (ii) b’mod kosteffettiv, b’metriċi ġusti u trasparenti tal-kostijiet u tal-prestazzjoni, u jiġu offruti redditi kompetittivi; (iii) b’mod liberu, billi jingħata aċċess għall-aktar firxa wiesgħa possibbli ta’ għażliet ta’ investiment transfruntier; u (iv) b’mod li jżomm mal-objettivi ġenerali tal-promozzjoni ta’ tranżizzjoni ġusta, id-distribuzzjoni ġusta tal-kostijiet, tar-redditi u tar-riskji, u s-salvagwardja tal-istabbiltà tas-suq finanzjarju. |
|
2.3. |
Il-KESE jinnota li l-frammentazzjoni tas-swieq kapitali tal-UE hija waħda mir-restrizzjonijiet ewlenin għall-fluss effiċjenti tal-kapital fis-Suq Uniku. Jilqa’ s-suġġeriment tal-Kummissjoni li l-enfasi tkun fuq it-tisħiħ tal-interoperabbiltà, l-interkonnessjoni u l-effiċjenza tal-infrastruttura kummerċjali u ta’ wara n-negozjar tal-UE, billi jittieħed vantaġġ mit-teknoloġija tal-ogħla livell (4). Il-KESE jinnota li l-adozzjoni ta’ pjattaformi teknoloġiċi pan-Ewropej, bħat-Target2 Securities (T2S) jew il-Pjattaforma Intelliġenti għall-Midware (SIMPL), għandha titħeġġeġ sabiex tiġi ffaċilitata l-formazzjoni ta’ strutturi federati li jippermettu lill-operaturi tal-infrastrutturi finanzjarji jikkooperaw bejn il-fruntieri. Il-KESE jirreferi għall-Opinjoni (5) preċedenti tiegħu u jtenni r-rakkomandazzjoni tiegħu li jkompli jespandi t-T2S biex isir depożitorju ċentrali tat-titoli (CSD) pan-Ewropew sħiħ. |
|
2.4. |
Il-KESE jaqbel li l-integrazzjoni tas-superviżjoni tas-swieq kapitali fil-livell Ewropew hija element ewlieni tal-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti. Is-superviżjoni tal-operaturi tal-infrastrutturi tas-suq b’attivitajiet transfruntiera sinifikanti, bħal depożitorji ċentrali tat-titoli u kontropartijiet ċentrali, għandha tiġi ttrasferita gradwalment f’idejn l-ESMA. Il-kapaċità tal-ESMA li tieħu f’idejha dan il-kompitu b’mod sħiħ jew parzjali se tkun possibbli biss jekk tingħata r-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa. Għandhom jitwettqu riformi fil-governanza tal-ESMA u r-relazzjoni tagħha mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex titħejja għal pass ulterjuri potenzjali fl-integrazzjoni superviżorja ladarba jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet it-tajba. |
|
2.5. |
Il-KESE jissuġġerixxi li l-isforzi tal-UE jikkonċentraw fuq id-diskrepanza sinifikanti fil-finanzjament tal-ekwità, li qed iċċaħħad kemm lill-kumpaniji minn kapital fit-tul li jġorr riskju, kif ukoll lill-investituri minn opportunitajiet biex jipparteċipaw fil-ħolqien tal-valur. Biex jirnexxu, il-miżuri jridu jindirizzaw in-nuqqasijiet kemm min-naħa tal-provvista kif ukoll min-naħa tad-domanda. Min-naħa tal-provvista, il-ħruġ u l-aċċess transfruntier għas-swieq kapitali tal-Istati Membri jridu jsiru inqas ta’ piż u aktar fluwidi, u l-istrumenti ta’ ekwità tal-kumpaniji tal-UE jridu jsiru kummerċjabbli liberament bejn il-fruntieri tal-Istati Membri. Tista’ tkun meħtieġa aktar armonizzazzjoni tal-liġi tal-kumpaniji, tal-insolvenza u tat-taxxa, kif ukoll aktar armonizzazzjoni tar-regoli ta’ rapportar finanzjarju għal rapportar statutorju, li għandhom jiġu promossi fl-Istati Membri kollha permezz tal-introduzzjoni ta’ Standards Internazzjonali ta’ Rapportar Finanzjarju. Dawn l-armonizzazzjonijiet għandhom isiru fl-ogħla livell possibbli, iżda jridu jiġu miftiehma b’mod trasparenti u demokratikament responsabbli peress li huma tema sensittiva mil-lat ekonomiku u soċjali. Min-naħa tad-domanda, l-Ewropej u l-unitajiet domestiċi tagħhom għandu jkollhom aċċess għal firxa usa’ ta’ prodotti ta’ investiment regolati tajjeb, kosteffettivi, trasparenti u bi prestazzjoni tajba li joffru għażliet ta’ investiment fuq bażi pan-Ewropea. Għandhom jiġu esplorati strumenti ġodda, bħal kont tat-tfaddil u tal-investiment, imma dawn m’għandhomx jiġu introdotti dment li ma jiġux issodisfati l-prekundizzjonijiet imsemmijin hawn fuq. |
|
2.6. |
Mingħajr livell adegwat ta’ litteriżmu finanzjarju, l-investituri bl-imnut jistgħu jkunu esposti għal telf sinifikanti jekk f’daqqa waħda jibdew jinvestu direttament fis-swieq kapitali. Għalhekk, il-litteriżmu finanzjarju tal-investituri bl-imnut għandu jittejjeb iżjed, pereżempju permezz tal-użu ta’ fondi nazzjonali u tal-UE. L-informazzjoni statutorja dwar il-prodotti finanzjarji, bħall-prospetti u d-dokumenti bl-informazzjoni ewlenija, trid tipprovdi informazzjoni komprensiva – inkluża informazzjoni dwar id-drittijiet tan-nies bħala investituri u konsumaturi – f’format aċċessibbli u faċli għall-utent. L-istrateġija għandha tiffoka fuq iż-żieda tal-għarfien tal-investituri bl-imnut dwar il-klassijiet ta’ riskju differenti, l-istrumenti finanzjarji differenti u l-prattiki ta’ investiment prudenti. Madankollu, il-KESE jinnota li l-litteriżmu finanzjarju m’għandux jitqies bħala sostitut għaż-żamma ta’ protezzjoni legali b’saħħitha għall-faddala, l-investituri bl-imnut u l-konsumaturi b’mod ġenerali. |
|
2.7. |
Għandha tingħata attenzjoni partikolari liż-żgħażagħ, biex jiżviluppaw kapaċitajiet sodi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet finanzjarji kmieni fil-ħajja u jevitaw dejn eċċessiv; għandha tingħata attenzjoni wkoll għall-promozzjoni ta’ ppjanar finanzjarju responsabbli għall-benesseri finanzjarju fit-tul; u għall-iżgurar ta’ edukazzjoni finanzjarja ta’ kwalità għolja f’konformità mal-pożizzjoni unika taż-żgħażagħ fl-ekosistemi tal-investiment. L-investituri żgħażagħ huma partikolarment disposti li jaħtfu opportunitajiet finanzjarji ġodda, iżda huma wkoll vulnerabbli u esposti b’mod sproporzjonat għal miżinformazzjoni finanzjarja u prodotti ta’ riskju għoli. Biex tipproteġihom, l-UE għandha tiżgura protezzjoni robusta tal-konsumatur, inklużi salvagwardji fil-livell tal-pjattaforma, taħriġ inizjali għall-investituri tal-ewwel darba, u restrizzjonijiet fuq il-promozzjoni ta’ strumenti finanzjarji spekulattivi. Minħabba l-interess qawwi taż-żgħażagħ Ewropej fl-investiment soċjali u sostenibbli, dawn il-prijoritajiet għandhom jiġu riflessi b’mod aktar prominenti fil-proposti tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-ġbir ta’ data mill-UE kollha dwar l-imġiba ta’ tfaddil u investiment taż-żgħażagħ huwa essenzjali biex jiġu żgurati regolamentazzjoni futura bbażata fuq l-evidenza u rispons sinifikanti għall-ħtiġijiet taż-żgħażagħ. |
|
2.8. |
Il-KESE jemmen li l-investituri istituzzjonali, speċjalment il-maniġers tal-assi, l-assiguraturi u l-fondi tal-pensjonijiet, se jkomplu jaqdu rwol essenzjali biex il-fondi minn unitajiet domestiċi jiġu diretti lejn is-swieq kapitali. Bis-saħħa tal-ekonomiji ta’ skala tagħhom, l-investituri istituzzjonali huma kapaċi jinvestu f’firxa usa’ ta’ swieq u strumenti kapitali, u b’hekk joffru lill-investituri grad ta’ diversifikazzjoni. L-investituri istituzzjonali regolati u sorveljati b’mod adegwat għandhom jipprovdu wkoll il-livell ta’ protezzjoni meħtieġ għall-parteċipanti li jirrappreżentaw. Madankollu, il-KESE jinnota li tariffi għoljin, informazzjoni inadegwata dwar il-prodotti, u prestazzjoni tal-investiment diżappuntanti ħafna drabi jaqtgħu qalb l-investituri bl-imnut milli jinvestu fis-swieq kapitali. Għalhekk, il-KESE jappoġġja t-talba li saret mill-Kumitat Konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) (6) għal rieżami tal-qafas regolatorju għal dawn il-prodotti, għal sforzi biex jiġu żgurati aktar trasparenza u sikurezza għall-investituri, u għal armonizzazzjoni akbar tar-regoli dwar id-distribuzzjoni tal-prodotti. |
|
2.9. |
Il-KESE jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li jiġi applikat trattament tat-taxxa preferenzjali għall-investituri bl-imnut, iżda jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-implimentazzjoni tal-miżura tkun diffiċli minħabba d-differenzi kbar fis-sistemi tat-taxxa fl-UE. Is-sistema tat-taxxa tal-UE hija frammentata u rregolata, speċjalment għat-taxxi diretti, fil-livell nazzjonali. Il-vijabbiltà u l-aċċettazzjoni ta’ miżuri armonizzati jistgħu jiġu esplorati b’mod ristrett u mmirat. Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva Finance Europe, imnedija minn sitt Stati Membri f’Ġunju 2025, biex tippromovi l-investiment Ewropew permezz ta’ tikketta pan-Ewropea tal-prodotti tat-tfaddil. Dan l-isforz għandu l-għan li jsaħħaħ l-integrazzjoni fis-swieq finanzjarji frammentati tal-UE u jappoġġja l-għan li ilu jeżisti li tinħoloq Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti. |
|
2.10. |
Il-KESE jaqbel mal-għan li jiġi promoss l-iżvilupp ta’ pensjonijiet supplimentari taħt kundizzjonijiet prudenti, iżda jemmen li dawn il-pensjonijiet ma jridux jintużaw bħala sostitut għas-sistemi tal-pensjonijiet pubbliċi. Ir-reġistrazzjoni awtomatika fi skemi supplimentari għandha tiġi promossa, soġġetta għal strutturi ta’ tariffi regolati u trasparenti b’mod adegwat, u b’tali mod li l-parteċipanti jżommu l-kontroll tal-għażliet tagħhom ta’ tfaddil tal-pensjoni, u jkollhom viżibbiltà konsistenti tal-eżiti tal-investiment. Ir-regolamenti dwar l-iskemi tal-pensjoni privata supplimentari għandhom jiżguraw protezzjoni adegwata għall-parteċipanti f’dawn il-fondi, speċjalment kontra l-esponiment għal investimenti ta’ riskju għoli jew investimenti oħra mhux adegwati. Il-KESE jenfasizza li l-politika dwar il-pensjonijiet għandha l-ewwel u qabel kollox l-objettiv ta’ politika soċjali li tiżgura l-aħjar provvista possibbli ta’ sigurtà soċjali għall-ħaddiema qrib l-età tal-irtirar. L-iskemi tal-pensjonijiet pubbliċi huma l-aħjar mod biex jitwettaq dan il-mandat soċjopolitiku. Fid-dawl ta’ dan, iqis li l-espansjoni u t-tisħiħ ta’ skemi ta’ pensjoni okkupazzjonali (Pilastru 2), miftiehma permezz ta’ negozjar kollettiv, soġġetti għal kontribuzzjoni minima mill-impjegaturi u ssorveljata minn entità pubblika li timplimenta linji gwida ta’ investiment vinkolanti u sostenibbli, jistgħu jkunu triq ’il quddiem, dment li dan isir b’mod li jikkomplementa s-sistemi tal-pensjonijiet pubbliċi u mingħajr ma jipperikolahom. |
|
2.11. |
L-attraenza u l-vijabbiltà fit-tul ta’ skemi tal-pensjoni supplimentari ffinanzjati mill-kapital għall-faddala individwali jiddependu fl-aħħar mill-aħħar u fuq kollox mill-prestazzjoni tal-investiment, li huwa ddeterminat mill-mod kif jitmexxa u l-kosteffettività tiegħu. Sabiex tinkiseb aċċettazzjoni usa’ tal-iskemi tal-pensjonijiet iffinanzjati mill-kapital fl-UE, huwa kruċjali li tingħata aktar attenzjoni lir-ristrutturar tan-naħa tal-provvista, li bħalissa hija frammentata skont il-linji nazzjonali. F’ċerti Stati Membri, il-kontribuzzjonijiet obbligatorji għall-iskemi tal-pensjoni supplimentari jintużaw biex tinħoloq ġabra speċjali ta’ tfaddil individwali għall-irtirar li għalih is-settur pubbliku jipprovdi servizzi ċentralizzati, eż. billi jiġbor flimkien id-domanda u jipprovdi aċċess ċentralizzat għal firxa wiesgħa ta’ prodotti ta’ investiment. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw dawn il-mudelli b’mod strutturat u jikkunsidraw miżuri li jħeġġu lill-Istati Membri jadottaw “l-aħjar prattika” f’dan il-qasam. |
|
2.12. |
Il-KESE jtenni li l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi finanzjarji pubbliċi għandha timxi id f’id mal-mobilizzazzjoni tar-riżorsi finanzjarji privati. Għalhekk jirrakkomanda li jiġi stabbilit fond ta’ investiment tal-UE għall-kompetittività u r-reżiljenza, li għandu jiġi stabbilit bħala parti mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss. Jemmen li fond ta’ investiment tal-UE bħal dan għandu jiġi ffinanzjat minn taħlita ta’ riżorsi, inklużi l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri, riżorsi proprji ġodda u l-ħruġ ta’ dejn konġunt tal-UE; dan l-istrument – innovattiv – intuża b’suċċess għall-ewwel darba matul il-pandemija tal-COVID-19, u jista’ jiġi ripetut fil-futur biex jiġu ffinanzjati l-kompetittività sostenibbli u r-reżiljenza tas-suq uniku. F’dan il-kuntest, il-KESE jtenni u jappoġġja bis-sħiħ l-appell tal-Kummissjoni biex il-Kunsill “ikompli l-ħidma fuq il-kwistjoni ta’ riżorsi proprji ġodda bħala kwistjoni ta’ urġenza” (7). |
|
2.13. |
Il-KESE jemmen li l-appoġġ għal proġetti b’riskju ogħla u proġetti ta’ tranżizzjoni fit-tul huwa possibbli permezz tal-iżvilupp u l-espansjoni tal-kapaċità tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), tal-Fond Ewropew tal-Investiment u tal-banek u l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali. B’mod partikolari, l-investimenti fl-ekwità minn entitajiet pubbliċi u privati huma alternattiva ta’ finanzjament ċentrali għal kumpaniji start-up, kumpaniji scale-up, u kumpaniji stabbiliti, u jibqgħu riżorsa mhux sfruttata biżżejjed li tista’ tagħti spinta lill-kompetittività tal-UE. Il-KESE jemmen li kemm l-UE kif ukoll l-Istati Membri tagħha jistgħu jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ fondi pan-Ewropej ta’ kapital ta’ riskju, billi jipprovdu garanziji u, aktar importanti minn hekk, investiment dirett. L-esperjenza f’ċerti Stati Membri wriet li l-appoġġ pubbliku, inklużi l-investiment dirett u sistema ta’ garanzija soda, jista’ jaċċellera l-iżvilupp tas-settur tal-kapital ta’ riskju. Madankollu, għandhom jittieħdu passi biex jiġi żgurat li r-riskji jitqassmu b’mod ġust bejn l-investituri tas-settur pubbliku u tas-settur privat sabiex is-settur pubbliku ma jġorrx sehem sproporzjonat tar-riskju. |
|
2.14. |
Il-leġiżlazzjoni eżistenti fil-qasam tat-taxxa u r-rekwiżiti ta’ solvenza fl-Istati Membri jiffavorixxu l-finanzjament ta’ kumpaniji permezz ta’ operazzjonijiet ta’ kreditu għad-detriment tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament fis-swieq kapitali. Il-KESE jemmen li dan huwa element li jiskoraġġixxi l-iżvilupp u l-integrazzjoni tas-swieq kapitali Ewropej. Sabiex jiġi eliminat il-preġudizzju favur il-finanzjament tad-dejn, huwa jappella għall-adozzjoni ta’ sistemi tat-taxxa aktar ibbilanċjati, mingħajr preġudizzju għad-distribuzzjoni ekwa tal-piż tat-taxxa jew l-integrità tal-bażijiet tat-taxxa tal-Istati Membri b’mod ġenerali. Bħala parti minn dan il-proċess, il-Kummissjoni għandha tippreżenta verżjoni riveduta tal-inizjattiva ta’ remissjoni li tnaqqas il-predispożizzjoni favur id-dejn, li tħeġġeġ lill-Istati Membri jippromovu r-riformi meħtieġa. Barra minn hekk, ir-regoli lokali dwar ir-rapportar finanzjarju jfixklu l-investiment transfruntier u l-iffinanzjar ta’ kumpaniji akbar, ta’ daqs medju u iżgħar permezz ta’ finanzjament mill-bejgħ ta’ ishma. L-użu ta’ regoli komuni ta’ rapportar finanzjarju għal rapportar statutorju fl-Istati Membri kollha jista’ jgħin biex jitwessgħu l-possibbiltajiet ta’ finanzjament għan-negozji lokali, pereżempju, billi jiġu attirati investituri kapitali transfruntiera. |
|
2.15. |
Sabiex jiġi evitat li jiġu ripetuti l-problemi li jiltaqgħu magħhom l-Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-Unjoni Bankarja, il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew jappoġġjaw l-inizjattivi tal-Kummissjoni għall-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti. Fid-dawl tal-kuntest ġeopolitiku globali, u l-ħtieġa urġenti li jiġi ġġenerat il-kapital meħtieġ biex jiġu ffinanzjati l-kumpaniji Ewropej u l-pjani ReArm Europe/Prontezza 2030, l-implimentazzjoni tal-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti għandha titwettaq b’sens ġdid ta’ urġenza. |
3. Kummenti speċifiċi
|
3.1. |
Fi tmiem l-2022, fiż-ŻEE kien hemm 310 ċentru tan-negozjar tat-titoli. Dawn kienu jinkludu 128 suq regolat, 152 faċilità multilaterali tan-negozjar (MTFs) u 30 faċilità organizzata tan-negozjar (OTFs). Fir-rigward tal-infrastrutturi ta’ wara n-negozjar, fl-UE kien hemm 18-il suq tal-ikklerjar u 21 suq tas-saldu. Din il-frammentazzjoni xxekkel il-ħolqien ta’ aggregazzjonijiet profondi u likwidi ta’ kapital, li jkunu meħtieġa biex jiffinanzjaw kumpaniji tal-UE b’termini favorevoli u kompetittivi internazzjonalment u biex jiġġeneraw opportunitajiet ta’ investiment attraenti għall-investituri tal-UE. Il-KESE jirrikonoxxi l-progress li diġà sar b’inizjattivi bħal Target2 Securities (T2S), is-sistema tat-tape konsolidat u l-punt ta’ aċċess uniku Ewropew (ESAP), u jilqa’ s-suġġeriment tal-Kummissjoni li l-enfasi ssir fuq it-tisħiħ tal-interoperabbiltà, l-interkonnessjoni u l-effiċjenza tal-infrastrutturi tan-negozjar u ta’ wara n-negozjar tal-UE billi jiġu sfruttati teknoloġiji tal-ogħla livell. |
|
3.2. |
Il-KESE jirrimarka li wieħed mill-ostakli li jiffaċċjaw il-faddala Ewropej meta jkunu jridu jaċċessaw is-suq huwa n-nuqqas ta’ strumenti finanzjarji li jippermettu investimenti kapitali żgħar. Hemm bżonn li jiġu diversifikati l-istrumenti ta’ investiment biex l-investituri bl-imnut ikollhom aċċess. Il-KESE jinnota li kont pan-Ewropew tal-investiment u t-tfaddil, ispirat minn mudelli ta’ suċċess li diġà ġew ippruvati u ttestjati f’ċerti Stati Membri, jista’ jagħti kontribut sinifikanti biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-swieq kapitali għall-investituri bl-imnut, dment li tali prodotti jkunu regolati sew, kosteffettivi, trasparenti u bi prestazzjoni tajba, u joffru aċċess ugwali għall-aktar firxa wiesgħa possibbli ta’ swieq Ewropej u oħrajn, u dment li l-investituri – u l-konsumaturi b’mod aktar ġenerali – ikunu protetti b’mod adegwat. |
|
3.3. |
Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni dwar l-ostakli li jxekklu l-integrazzjoni tas-swieq kapitali. Kwalunkwe strateġija tista’ tagħti riżultati sinifikanti biss jekk tiffoka fuq il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kumpaniji start-up f’setturi innovattivi, li jiddependu mill-kapaċità tagħhom li jattiraw u jżommu persunal speċjalizzat u b’livell għoli ta’ ħiliet. L-UE jeħtiġilha treġġa’ lura l-“eżodu ta’ mħuħ” ta’ riċerkaturi u intraprendituri b’ħiliet għolja u innovattivi lejn ġurisdizzjonijiet oħra, u għalhekk għandha tiżviluppa mudell distint. Il-kumpaniji fi stadju bikri għandhom jiġu mħeġġa jestendu l-parteċipazzjoni sħiħa u ġusta fil-valur maħluq mill-isforz kollettiv, billi joffru ishma lill-impjegati full-time permanenti kollha. Il-KESE huwa konxju mill-fatt – u jirrikonoxxi li – il-liġi tax-xogħol u l-leġiżlazzjoni tat-taxxa għadhom taħt il-kontroll tal-Istati Membri. Madankollu, għandhom jiġu kkunsidrati inċentivi tat-taxxa armonizzati, eż. fir-rigward tal-qligħ kapitali fuq l-ishma tal-impjegati. |
|
3.4. |
Il-KESE jemmen li l-iżvilupp – fi ħdan il-qafas ta’ proġett pubbliku-privat – ta’ kumpanija Ewropea li toffri servizzi integrati tal-cloud, li tipprovdi infrastruttura teknika reżiljenti u awtonoma għall-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, tista’ tkun essenzjali għal integrazzjoni aħjar tas-swieq kapitali u s-sistema bankarja. Huwa fatt magħruf li meta Stati Ewropej jallokaw riżorsi b’mod konġunt għall-iżvilupp ta’ kumpaniji jew proġetti, dawn kisbu suċċess. Bħalissa, anke l-akbar istituzzjonijiet ta’ self, il-banek sistemiċi Ewropej, jużaw is-servizzi tal-cloud offruti minn operaturi tal-pjattaformi globali, fil-biċċa l-kbira Amerikani, li jistgħu jirrappreżentaw ukoll problema ta’ sigurtà. |
|
3.5. |
Il-KESE huwa tal-fehma li biex l-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti tirnexxi teħtieġ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) ċari u trasparenti u jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi u tippubblika dashboard tal-KPIs biex timmonitorja l-progress maż-żmien fl-implimentazzjoni tal-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti Il-metriċi potenzjali tal-KPIs jistgħu jinkludu (i) it-tkabbir fil-volum ta’ investiment bl-imnut transfruntiera; (ii) it-tnaqqis fil-kostijiet medji tat-tranżazzjonijiet tas-suq kapitali; (iii) l-għadd ta’ kumpaniji start-up li jużaw għodod ta’ ekwità pan-Ewropej; (iv) il-kapital miġbur mill-SMEs permezz ta’ swieq pubbliċi u ta’ riskju; u (v) ir-rata ta’ progress bl-armonizzazzjoni legali fl-oqsma tal-insolvenza u t-taxxa f’ras il-għajn. Il-KESE jirrakkomanda li tiġi stabbilita data fil-mira ambizzjuża imma realistika għat-tlestija tal-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, li tista’ tintuża biex jitkejjel il-progress. |
Brussell, is-16 ta’ Lulju 2025.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Oliver RÖPKE
(1) Kummissjoni Ewropea, Komunikazzjoni dwar Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, 19 ta’ Marzu 2025: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CELEX:52025DC0124.
(2) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Unjoni tas-Swieq Kapitali għall-persuni u n-negozji — pjan ta' azzjoni ġdid” [COM(2020) 590 final] ( ĠU C 155, 30.4.2021, p. 20) u Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Investimenti u r-riformi biex tingħata spinta lill-kompetittività Ewropea u l-ħolqien ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali (opinjoni esploratorja mitluba mill-Parlament Ewropew) (ĠU C, C/2025/3193, 2.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3193/oj).
(3) Kummissjoni Ewropea, Boxxla għall-Kompetittività tal-UE, Komunikazzjoni, 29 ta’ Jannar 2025: https://commission.europa.eu/document/download/10017eb1-4722-4333-add2-e0ed18105a34_en?filename=Communication_1.pdf.
(4) Kummissjoni Ewropea, Komunikazzjoni dwar Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, 19 ta’ Marzu 2025: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CELEX:52025DC0124.
(5) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Rgolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 909/2014 fir-rigward tad-dixxiplina tas-saldu, il-forniment transfruntier ta’ servizzi, il-kooperazzjoni superviżorja, il-forniment ta’ servizzi anċillari tat-tip bankarju u r-rekwiżiti għal depożitorji ċentrali tat-titoli ta’ pajjiżi terzi (COM (2022) 120 final — 2022/0074 (COD)) ( ĠU C 443, 22.11.2022, p. 87).
(6) Joint Committee of the European Supervisory Authorities, Call for advice on PRIIPs: ESA advice on the review of the PRIIPs Regulation (Il-Kumitat Konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, Sejħa għal pariri dwar il-PRIIPs: Parir tal-ESA dwar ir-rieżami tar-Regolament dwar il-PRIIPs) JC 2022/20, 29 ta’ April 2022 (mhux disponibbli bil-Malti): https://www.eiopa.europa.eu/system/files/2022-04/esa_advice_on_the_review_of_the_priips_regulation.pdf.
(7) Kummissjoni Ewropea, Komunikazzjoni, dwar Il-perkors lejn il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss (COM(2025) 46 final), 11 ta’ Frar 2025: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX%3A52025DC0046&qid=1751625022478.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5155/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)