Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024XG05457

KOMUNIKAZZJONI MILL-MINISTERU UNGERIŻ GĦALL-ENERĠIJA SKONT L-ARTIKOLU 3(2) TAD-DIRETTIVA 94/22/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL TAT-30 TA’ MEJJU 1994 DWAR IL-KONDIZZJONIJIET GĦALL-GĦOTI U L-UŻU TA’ AWTORIZZAZZJONIJIET GĦALL-PROSPETTAR, L-ESPLORAZZJONI U L-PRODUZZJONI TAL-IDROKARBURI — Stedina pubblika għall-preżentazzjoni tal-offerti għal konċessjoni għall-prospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni tal-idrokarburi b’kuntratt ta’ konċessjoni fiż-żona ta’ Buzsák

PUB/2024/730

ĠU C, C/2024/5457, 10.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5457/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5457/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/5457

10.9.2024

KOMUNIKAZZJONI MILL-MINISTERU UNGERIŻ GĦALL-ENERĠIJA SKONT L-ARTIKOLU 3(2) TAD-DIRETTIVA 94/22/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL TAT-30 TA’ MEJJU 1994 DWAR IL-KONDIZZJONIJIET GĦALL-GĦOTI U L-UŻU TA’ AWTORIZZAZZJONIJIET GĦALL-PROSPETTAR, L-ESPLORAZZJONI U L-PRODUZZJONI TAL-IDROKARBURI

Stedina pubblika għall-preżentazzjoni tal-offerti għal konċessjoni għall-prospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni tal-idrokarburi b’kuntratt ta’ konċessjoni fiż-żona ta’ Buzsák

(C/2024/5457)

F’isem l-Istat Ungeriż, il-Ministru għall-Enerġija (“l-Awtorità Kontraenti” jew “il-Ministru”), bħala l-ministru responsabbli għall-estrazzjoni mill-minjieri, qed toħroġ sejħa pubblika għall-preżentazzjoni tal-offerti għall-prospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni tal-idrokarburi b’kuntratt ta’ konċessjoni abbażi tal-Att CXCVI tal-2011 dwar l-assi nazzjonali (“l-Att dwar l-Assi Nazzjonali”), l-Att XVI tal-1991 dwar il-konċessjonijiet (“l-Att dwar il-Konċessjonijiet”), l-att XLVIII tal-1993 dwar l-estrazzjoni mill-minjieri (“l-Att dwar l-Estrazzjoni mill-Minjieri”), id-Digriet tal-Gvern Nru 727/2020 tal-31 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi ċerti regoli li jirregolaw il-proċeduri ta’ konċessjoni skont l-Att XVI tal-1991 dwar il-konċessjonijiet, u d-Digriet tal-Gvern Nru 446/2022 tas-7 ta’ Novembru 2022 dwar it-twettiq tal-kompiti tal-ministru settorjali kompetenti għal ċerti attivitajiet soġġetti għal konċessjoni, soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin.

1.   

Il-Ministru se jippubblika l-istedina għall-preżentazzjoni tal-offerti, jaġġudika l-offerti u jikkonkludi l-kuntratt ta’ konċessjoni f’konformità mal-Att dwar il-Konċessjonijiet u l-Att dwar l-Estrazzjoni mill-Minjieri u r-regolamenti li jimplimentawhom. L-offerti li jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta jevalwahom Kumitat tal-Evalwazzjoni stabbilit mill-Ministru.

Skont ir-rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Evalwazzjoni, il-Ministru (1) se – bi qbil bil-quddiem tal-Awtorità Superviżorja Ungeriża għall-Attivitajiet Regolati (“SZTFH”) – joħroġ id-deċiżjoni li tagħti l-konċessjoni f’konformità mat-Taqsima 5(1)-(1a) tal-Att dwar il-Konċessjonijiet, li abbażi tagħha l-Ministru jista’ mbagħad jikkonkludi l-kuntratt ta’ konċessjoni mal-offerent magħżul.

2.   

Il-lingwa tal-proċedura tal-offerti hija l-Ungeriż.

3.   

Il-parteċipazzjoni fil-proċedura tal-offerti hija miftuħa għal kull persuna fiżika Ungeriża jew barranija li jkollha l-kapaċità li tieħu azzjoni, u għal kull organizzazzjoni trasparenti skont it-tifsira tal-Att dwar l-Assi Nazzjonali, dment li dawn jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta; jistgħu jiġu ppreżentati wkoll offerti konġunti. Fil-każ ta’ offerti konġunti għal din il-konċessjoni, l-offerenti jridu jinnominaw wieħed minn fosthom bħala r-rappreżentant, iżda jassumu obbligazzjoni in solidum għat-twettiq tal-kuntratt tal-konċessjoni. Skont il-proċedura tal-offerti, l-offerenti mill-pajjiż u minn barra l-pajjiż se jiġu ttrattati ugwalment.

Biex iwettaq l-attività soġġetta għall-konċessjoni, l-offerent li jiffirma l-kuntratt tal-konċessjoni (“id-Detentur tal-Konċessjoni”) irid juża r-riżorsi tiegħu stess biex fi żmien 90 jum mid-dħul fis-seħħ tal-kuntratt tal-konċessjoni, jiftaħ kumpanija li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fl-Ungerija (“il-Kumpanija tal-Konċessjoni”); id-Detentur tal-Konċessjoni jrid ikollu l-maġġoranza tal-ishma, tal-interessi tan-negozju u tad-drittijiet tal-vot fil-kumpanija meta tinfetaħ u waqt li tkun qed topera, u bħala sid, irid jimpenja ruħu li jinforza r-rekwiżiti speċifikati fil-kuntratt tal-konċessjoni fuq il-Kumpanija tal-Konċessjoni. Il-Kumpanija tal-Konċessjoni se tgawdi d-drittijiet u tkun soġġetta għall-obbligi tal-kuntratt tal-konċessjoni bħala operatur ta’ estrazzjoni mill-minjieri.

4.   

Il-konċessjoni se ttul 20 sena mid-dħul fis-seħħ tal-kuntratt tal-konċessjoni, li tista’ tiġi estiża darba mingħajr sejħa għall-offerti oħra għal massimu ta’ nofs il-perjodu oriġinali tagħha jekk id-Detentur tal-Konċessjoni u l-Kumpanija tal-Konċessjoni jkunu ssodisfaw l-obbligi kollha tagħhom f’konformità mal-kuntratt u fil-ħin.

5.   

Data dwar iż-żona ddeżinjata għall-konċessjoni:

Iż-żona ddeżinjata għall-konċessjoni tikkonċerna t-territorji amministrattivi tal-muniċipalitajiet elenkati fit-tabella ta’ hawn taħt fil-kontej ta’ Somogy, Veszprém u Zala.

Muniċipalità

Kontea

Muniċipalità

Kontea

Alsórajk

Zala

Nagybakónak

Zala

Badacsonytomaj

Veszprém

Nagyrada

Zala

Balatonberény

Somogy

Nikla

Somogy

Balatonboglár

Somogy

Ordacsehi

Somogy

Balatonfenyves

Somogy

Orosztony

Zala

Balatonkeresztúr

Somogy

Öreglak

Somogy

Balatonmagyaród

Zala

Pacsa

Zala

Balatonmáriafürdő

Somogy

Pusztakovácsi

Somogy

Balatonszentgyörgy

Somogy

Sármellék

Zala

Balatonújlak

Somogy

Sávoly

Somogy

Buzsák

Somogy

Somogysámson

Somogy

Csömend

Somogy

Somogyszentpál

Somogy

Dióskál

Zala

Somogyvár

Somogy

Egeraracsa

Zala

Somogyzsitfa

Somogy

Esztergályhorváti

Zala

Szegerdő

Somogy

Felsőrajk

Zala

Szőkedencs

Somogy

Fonyód

Somogy

Táska

Somogy

Főnyed

Somogy

Tikos

Somogy

Garabonc

Zala

Újudvar

Zala

Gelse

Zala

Vörs

Somogy

Gelsesziget

Zala

Zalaapáti

Zala

Hollád

Somogy

Zalakaros

Zala

Kacorlak

Zala

Zalakomár

Zala

Kerecseny

Zala

Zalamerenye

Zala

Keszthely

Zala

Zalaszabar

Zala

Kéthely

Somogy

Zalaszentmárton

Zala

Kilimán

Zala

Zalaszentmihály

Zala

Lengyeltóti

Somogy

Zalaújlak

Zala

Marcali

Somogy

Zalavár

Zala

Saff tal-materjal żejjed fuq iż-żona ddeżinjata għall-konċessjoni: il-wiċċ u s-sodda tal-blat: 6 000 metru taħt il-livell tal-Baħar Baltiku

Iż-żoni awtorizzati għall-konċessjoni ma jinkludux iż-żoni mnaddfa biex jagħmlu spazju għal minjiera biex jiġu estratti r-riżorsi minerali tal-idrokarburi.

Il-koordinati tal-ponot tal-irkejjen li jiddelimitaw iż-żona ddeżinjata għall-konċessjoni jinsabu fis-Sistema tal-Projezzjoni Uniformi Nazzjonali (“EOV”), u d-data dwar iż-żoni mnaddfa għas-siti tal-minjieri stabbiliti għar-riżorsi minerali tal-idrokarburi, li mhumiex inklużi fiż-żona ddeżinjata għall-konċessjoni, jinsabu fil-website tal-Awtorità Superviżorja Ungeriża għall-Attivitajiet Regolati (https://sztfh.hu) u tal-Ministeru għall-Enerġija (https://kormany.hu/energiaugyi-miniszterium) minn “Koncesszió”.

Id-daqs taż-żona ddeżinjata għall-konċessjoni: 820,73 km2.

6.   

It-tariffa netta minima għall-konċessjoni hija HUF 508 000 000 (ħames mija u tmien miljun forint) apparti l-VAT, iżda fil-proċedura tal-offerti tista’ tiddaħħal offerta għal ammont fiss akbar. Ladarba jiġi ppubblikat ir-riżultat, l-offerent magħżul irid iħallas it-tariffa tal-konċessjoni skont l-ammont, il-mod u sad-data speċifikata fil-kuntratt tal-konċessjoni.

7.   

Il-parteċipazzjoni fil-proċedura tal-offerti għall-konċessjoni hija soġġetta għall-ħlas ta’ tariffa tal-parteċipazzjoni ta’ HUF 20 000 000 (għoxrin miljun forint) apparti l-VAT, li trid titħallas bil-mod speċifikat fid-Dokument tal-Offerta. It-tariffa tal-parteċipazzjoni trid tasal fil-kont stabbilit fid-Dokument tal-Offerta sa nofsillejl (00:00) ta’ lejliet l-iskadenza għat-tressiq tal-offerti.

8.   

Apparti li jħallsu t-tariffa tal-parteċipazzjoni biex l-offerta tagħhom tkun valida, l-offerenti jridu jħallsu garanzija tal-offerta ta’ HUF 100 000 000 (mitt miljun forint) sa nofsillejl (00:00) ta’ lejliet l-iskadenza għat-tressiq tal-offerti bħala garanzija li l-offerta hija vinkolanti. Il-garanzija tal-offerta mħallsa tiġi ċeduta lill-Awtorità Kontraenti jekk l-offerent jirtira jew jekk l-offerent jirnexxilu jieħu l-kuntratt iżda mbagħad ma jirnexxilux jikkonkludih, jew inkella jekk ma jħallasx it-tariffa tal-konċessjoni offruta skont l-ammont, il-mod u sal-iskadenza stipulati fil-kuntratt. Il-garanzija tal-offerta trid titħallas skont il-mod speċifikat fid-Dokument tal-Offerta.

9.   

L-inqas rata tar-royalty tal-estrazzjoni mill-minjieri li titħallas għall-produzzjoni konvenzjonali tal-idrokarburi skont il-kuntratt tal-konċessjoni se tkun ta’ 20 % f’konformità mad-deċiżjoni tal-Ministru. Fil-proċedura tal-offerti tista’ titressaq offerta li toffri rata ogħla għar-royalty tal-estrazzjoni mill-minjieri mir-rata minima tar-royalty, diment li r-royalty li tirriżulta tiġi rreġistrata fil-kuntratt tal-konċessjoni u titħallas għall-perjodu tal-konċessjoni. Fil-każijiet speċifikati fit-Taqsima 20(3)(e) u (i) u fit-Taqsima 20(5) tal-Att dwar l-Estrazzjoni mill-Minjieri, ir-royalty kuntrattwali tal-estrazzjoni mill-minjieri se tkun ir-rata tar-royalty tal-estrazzjoni mill-minjieri li hemm speċifikata fl-Att dwar l-Estrazzjoni mill-Minjieri li tkun applikabbli fid-data meta titressaq l-offerta.

10.   

Il-kundizzjonijiet legali, finanzjarji, tekniċi u oħrajn u l-informazzjoni relatata mal-proċedura tal-offerti jinsabu fid-Dokument tal-Offerta.

11.   

Id-Dokument tal-Offerta jista’ jinkiseb mill-kwartieri ġenerali tal-Ministeru għall-Enerġija (Október huszonharmadika utca 18, 1117 Budapest), it-tielet sular, l-uffiċċju 333, fil-jiem tax-xogħol bejn id-09:00 u t-15:00 sa lejliet l-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-offerti, diment li tintwera prova dokumentarja adegwata li jkun tħallas il-prezz tax-xiri tad-Dokument tal-Offerta. Il-Ministeru għall-Enerġija se joħroġ ċertifikat f’isem l-akkwirent.

Meta jixtri d-Dokument tal-Offerta, biex ikun jista’ jiġi kkuntattjat u jirċievi komunikazzjoni, l-akkwirent irid iressaq wkoll Skeda għall-Identifikazzjoni tal-Offerent għall-Konċessjoni, li tista’ titniżżel mill-website tal-Ministeru għall-Enerġija (https://kormany.hu/energiaugyi-miniszterium) minn “Koncesszió”.

12.   

Il-prezz tax-xiri tad-Dokument tal-Offerta hu HUF 200 000 (mitejn elf forint) apparti l-VAT, li jrid jitħallas bi trasferiment bankarju fil-kont qafas tal-użu tal-approprjazzjoni tal-Ministeru għall-Enerġija Nru 10032000-00290713-00000000 (L-IBAN: HU30 1003 2000 0029 0713 0000 0000, il-kodiċi SWIFT: HUSTHUHB, l-istituzzjoni finanzjarja tal-kont: it-Teżor tal-Istat Ungeriż). Il-messaġġ li jakkumpanja t-trasferiment irid juri l-kodiċi BUCHDV u isem l-akkwirent tad-Dokument tal-Offerta. Il-prezz tax-xiri tad-Dokument tal-Offerta ma jistax jitħallas bi flus kontanti u mhuwiex rimborsabbli, la kollu u lanqas parzjalment. Jekk id-Dokument tal-Offerta ma jasalx għand l-akkwirent, dan jingħata rifużjoni tal-prezz tax-xiri tad-Dokument tal-Offerta fi żmien ħamest ijiem mill-iskadenza tas-sejħa għall-offerti.

13.   

L-offerti jistgħu jitressqu biss mill-persuni li jkunu xtraw id-Dokument tal-Offerta u li jkunu ħallsu t-tariffa tal-parteċipazzjoni u l-garanzija tal-offerta b’mod verifikabbli. Jekk titressaq offerta konġunta, ikun biżżejjed li wieħed mill-offerenti jixtri d-Dokument tal-Offerta.

14.   

L-offerti jridu jitressqu fiżikament fil-15 ta’ Jannar 2025 bejn l-10:00 u 12:00 fil-kwartieri ġenerali tal-Ministeru għall-Enerġija (Október huszonharmadika utca 18, 1117 Budapest), it-tielet sular, l-uffiċċju 333, bl-Ungeriż, kif speċifikat fid-Dokument tal-Offerta.

15.   

L-offerta ssir vinkolanti fuq l-offerent mill-mument meta titressaq u tibqa’ vinkolanti sakemm tintemm il-proċedura tal-offerti. L-offerenti ma jistgħux jeskludu l-obbligazzjoni tagħhom jekk ma jirnexxilhomx iżommu mal-offerta tagħhom.

16.   

Il-Ministru jirriżerva d-dritt li jirtira l-istedina għall-offerti mingħajr ġustifikazzjoni fi kwalunkwe mument sal-iskadenza tas-sejħa għall-offerti.

17.   

Il-Ministru jirriżerva d-dritt li jiddikjara li l-proċedura tal-offerti ma rnexxietx mingħajr ma jipprovdi ġustifikazzjoni fi kwalunkwe mument sakemm il-kuntratt tal-konċessjoni jiġi konkluż wara l-iskadenza għat-tressiq tal-offerti, u li jwaqqaf il-proċedura. Jekk il-proċedura tal-offerti tiġi ddikjarata li ma rnexxietx, ma tista’ tiġi ppreżentata l-ebda pretensjoni kontra l-Ministru, kontra l-Istat Ungeriż irrappreżentat mill-Ministru, jew kontra l-Ministeru għall-Enerġija bħala l-post tax-xogħol tal-Ministru.

18.   

Jekk il-Ministru jirtira l-istedina għall-offerti jew jiddikjara li l-proċedura tal-offerti ma rnexxietx, dan jagħti rifużjoni tat-tariffa tal-parteċipazzjoni mħallsa mill-offerent fi żmien 15-il jum mill-waqfien tal-proċedura.

19.   

L-offerent magħżul jikseb id-dritt esklużiv għall-prospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni tal-idrokarburi fiż-żona ddeżinjata għall-konċessjoni għall-perjodu tal-konċessjoni permezz tal-Kumpanija tal-Konċessjoni stabbilita b’mod obbligatorju għal dak l-iskop. Ladarba d-deċiżjoni li tistabbilixxi s-sit tal-estrazzjoni mill-minjieri ssir definittiva, id-dritt tal-konċessjoni għaż-żona tal-prospettar ikun ristrett għaż-żona tas-sit tal-estrazzjoni mill-minjieri.

20.   

Kull offerent jista’ jressaq offerta waħda biss.

21.   

Il-limitu taż-żmien għall-aġġudikazzjoni tal-offerti għall-konċessjoni: fi żmien 90 jum mill-iskadenza tas-sejħa għall-offerti.

22.   

L-Awtorità Kontraenti se tiżgura ambjent ekwu u mhi se tapplika l-ebda kriterju preferenzjali.

23.   

Il-kriterji għall-aġġudikazzjoni tal-offerta:

(I)

Kriterji tal-valutazzjoni relatati mal-kontenut tal-Programm ta’ Ħidma tar-Riċerka soġġett għall-konċessjoni:

il-merti professjonali tal-Programm ta’ Ħidma tar-Riċerka (tfassil ta’ programm maħsub għal prospettar massimu tal-idrokarburi);

il-perjodu ppjanat tar-riċerka;

il-miżuri previsti għall-ħarsien tal-ambjent u l-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-ħsara waqt ix-xogħol soġġett għall-konċessjoni;

il-previżjoni ta’ kemm tkun tista’ tinbeda malajr il-produzzjoni (skont il-liġi, f’inqas minn ħames snin).

(II)

Kriterji tal-valutazzjoni relatati mal-kapaċità teknika u finanzjarja tal-offerent:

il-kapaċità finanzjarja tal-offerent, id-disponibbiltà tar-riżorsi meħtieġa biex jiġi ffinanzjat ix-xogħol li jrid isir skont il-konċessjoni, u l-proporzjon ta’ dan li hu kopert mir-riżorsi proprji;

il-valur totali tax-xogħol imwettaq b’rabta mal-estrazzjoni mill-minjieri tal-idrokarburi tul it-tliet snin ta’ qabel l-istedina għall-offerti.

(III)

Kriterji tal-valutazzjoni relatati mal-obbligi tal-pagament impenjati fil-kuntratt tal-konċessjoni:

it-tariffa netta tal-konċessjoni offruta, imqabbla mat-tariffa minima tal-konċessjoni stabbilita mill-Ministru;

is-suppliment offrut tar-rata tar-royalty għall-estrazzjoni mill-minjieri mqabbla mar-rata minima tar-royalty stabbilita mill-Ministru.

Il-kriterji ddettaljati għall-aġġudikazzjoni u l-leġiżlazzjoni li tirregola l-proċedura għall-awtorizzazzjoni tax-xogħol tal-konċessjoni, u kif għandu jsir u jitlesta huma speċifikati fid-Dokument tal-Offerta.

24.   

Il-kuntratt tal-konċessjoni

Il-kuntratt tal-konċessjoni jrid jiġi konkluż fi żmien 90 jum minn meta jitħabbar ir-riżultat. Dan il-limitu taż-żmien jista’ jiġi estiż mill-Ministru darba biss, b’massimu ta’ 60 jum.

L-offerent magħżul hu intitolat iwettaq l-attività ekonomika esklużiva kkontrollata mill-Istat (prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni tal-idrokarburi f’żona delimitata) permessa mill-konċessjoni għall-perjodu tal-konċessjoni f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti u l-kuntratt tal-konċessjoni.

Meta jressqu l-offerta, l-offerenti jridu jqisu t-Taqsima 22/A(13) tal-Att dwar l-Estrazzjoni mill-Minjieri, li tiddikjara li fil-każ tal-idrokarburi, id-dritt jew il-permess tal-prospettar ta’ operatur tal-estrazzjoni mill-minjieri ma jistgħux ikopru territorju tal-prospettar li b’kollox jaqbeż l-20 000 km2. Meta jkun qed jiġi stabbilit it-territorju tal-prospettar, irid jitqies ukoll it-territorju tal-prospettar tal-operatur tal-estrazzjoni mill-minjieri li jikkontrolla – skont it-tifsira tal-Att V tal-2013 tal-Kodiċi Ċivili – l-operatur tal-estrazzjoni mill-minjieri li jkun jixtieq jikseb id-dritt għall-prospettar. F’każ ta’ offerti konġunti, kull offerent irid jissodisfa dan il-kriterju b’mod individwali.

L-abbozz tal-kuntratt tal-konċessjoni hu anness mad-Dokument tal-Offerta.

25.   

L-informazzjoni dwar il-proċedura tal-offerti tista’ tintalab esklużivament bl-Ungeriż, bil-miktub wara li jkun inxtara d-Dokument tal-Offerta, bil-mod stipulat fid-Dokument tal-Offerta stess. Il-Ministeru għall-Enerġija se jpoġġi t-tweġibiet għad-dispożizzjoni tal-partijiet kollha bl-indirizz tal-email indikat fuq l-Iskeda tal-Identifikazzjoni tal-Offerent imressqa meta jkun inxtara d-Dokument tal-Offerta.

Budapest, 27 Ġunju 2024

Lajos Csaba LANTOS

Ministru


(1)  Fir-rigward tal-attivitajiet individwali soġġetti għal konċessjoni, il-Ministru għall-enerġija huwa awtorizzat jaġixxi bħala r-rappreżentant legali tal-Istat Ungeriż bħala konċedent, abbażi tat-Taqsima 5(1) tal-Att dwar il-Konċessjonijiet, it-Taqsima 8 tal-Att dwar l-Estrazzjoni mill-Minjieri, it-Taqsima 160(1) tad-Digriet tal-Gvern Nru 182/2022 tal-24 ta’ Mejju 2022 dwar id-dmirijiet u s-setgħat tal-membri tal-Gvern, it-Taqsima 1 u l-Anness 1 tad-Digriet tal-Gvern Nru 446/2022 tas-7 ta’ Novembru 2022 dwar it-twettiq tal-kompiti tal-ministru settorjali kompetenti, it-Taqsima 3(1) tad-Digriet tal-Gvern Nru 727/2020 tal-31 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi ċerti regoli li jirregolaw il-proċeduri ta’ konċessjoni skont l-Att XVI tal-1991 dwar il-konċessjonijiet, u d-Deċiżjoni Nru 335/2022 tal-President tar-Repubblika tat-30 ta’ Novembru 2022 li taħtar il-Ministru.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5457/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)


Top