This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52024XC05292
Notice of initiation of an expiry review of the anti-dumping measures applicable to imports of bicycles originating in the People’s Republic of China
Notifika tal-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
Notifika tal-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
C/2024/6091
ĠU C, C/2024/5292, 29.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5292/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
C/2024/5292 |
29.8.2024 |
Notifika tal-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
(C/2024/5292)
Wara l-pubblikazzjoni ta’ Notifika tal-iskadenza imminenti (1) tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”, “il-pajjiż ikkonċernat”), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”).
1. Talba għal rieżami
It-talba tressqet fl-24 ta’ Mejju 2024 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tar-Roti (“European Bicycle Manufacturers Association, EBMA”, “l-applikant”) f’isem l-industrija tal-Unjoni tar-roti fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku.
Verżjoni pubblika tat-talba u l-analiżi tal-livell ta’ sostenn għat-talba mill-produtturi tal-Unjoni huma disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. It-Taqsima 5.6 ta’ din in-Notifika tipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl mill-partijiet interessati.
2. Prodott taħt rieżami
Il-prodott taħt rieżami huwa biċikletti u roti oħrajn (inklużi triċikletti għat-tqassim, iżda esklużi l-uniċikli), mhux motorizzati (“Il-prodott taħt rieżami”) li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM 8712 00 30 u ex 8712 00 70 (il-kodiċijiet TARIC 8712 00 70 91, 8712 00 70 92 u 8712 00 70 99). Il-kodiċijiet NM u TARIC jingħataw għall-fini ta’ informazzjoni biss mingħajr preġudizzju għal bidla sussegwenti fil-klassifikazzjoni tariffarja.
3. Miżuri eżistenti
Il-miżuri attwalment fis-seħħ huma dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1379, (3) kif emendat l-aħħar bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/57 (4), u estiż għall-importazzjonijiet ikkonsenjati mill-Indoneżja, mill-Malażja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indoneżja, mill-Malażja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija kif ukoll jekk le, bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 501/2013 (5), u estiż għall-importazzjonijiet ikkonsenjati mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini kif ukoll jekk le, bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (KE) Nru 2015/776 (6).
4. Raġunijiet għar-rieżami
It-talba hija msejsa fuq ir-raġunijiet li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx tirriżulta fil-kontinwazzjoni ta’ dumping u fil-kontinwazzjoni tad-dannu għall-industrija tal-Unjoni.
4.1. Allegazzjoni dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping mir-RPĊ
L-applikanti sostnew li mhux xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fir-RPĊ, minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.
Biex jissostanzja l-allegazzjonijiet ta’ distorsjonijiet sinifikanti, l-applikant qagħad fuq l-informazzjoni li tinsab fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Finijiet tal-Investigazzjonijiet għad-Difiża tal-Kummerċ bid-data tal-10 ta’ April 2024 (7). B’mod partikolari, l-applikant irrefera għal ċerta distorsjonijiet bħall-preżenza tal-istat sew b’mod ġenerali kif ukoll b’mod aktar speċifiku, li jaffettwaw is-settur Ċiniż tal-biċikletti u għall-kapitoli dwar distorsjonijiet ġenerali ta’ pereż. materja prima, enerġija, manodopera jew aċċess għall-finanzjament.
Barra minn hekk, l-industrija tar-roti Ċiniża hija rregolata direttament mit- “14-il Pjan ta’ 5 Snin għar-Roti u r-Roti Elettriċi”, li jipprevedi li s-sitwazzjoni ġenerali għall-iżvilupp tal-industrija tar-roti se tiġi ġestita permezz ta’ riformi b’mod ċentralizzat. Il-pjan jistabbilixxi wkoll miri għaż-żamma ta’ volum qawwi ta’ esportazzjoni ta’ roti, u t-titjib tal-ishma tas-suq internazzjonali tal-produtturi tar-roti Ċiniżi, li għandu jinkiseb permezz tal-implimentazzjoni ta’ politiki ta’ appoġġ, bħall-għoti ta’ fondi speċjali biex jiġi appoġġat l-iżvilupp tal-industrija tar-roti.
Għaldaqstant, fid-dawl tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, l-allegazzjoni ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping mir-RPĊ hija bbażata fuq tqabbil ta’ valur normali maħdum fuq il-bażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew punti ta’ riferiment mingħajr distorsjoni, mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. L-ilmentatur jindika lit-Turkija bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq għall-fini tal-kostruzzjoni tal-valur normali.
Abbażi ta’ dan, il-marġnijiet ta’ dumping ikkalkulati huma sinifikanti għar-RPĊ.
4.2. Allegazzjoni dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni tad-dannu
L-applikant allega l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni tad-dannu. F’dan ir-rigward l-applikant ipprovda biżżejjed evidenza li turi li l-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni baqgħu f’livell sinifikanti u anki żdiedu f’termini assoluti u f’termini ta’ sehem mis-suq.
L-evidenza li pprovda l-applikant turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat li qed jiġi investigat kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa, fuq il-livell tal-prezzijiet debitati u fuq is-sehem mis-suq miżmum mill-industrija tal-Unjoni, li rriżultaw f'effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni ġenerali u l-qagħda finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni.
L-applikant jallega wkoll il-probabbiltà li jsirlu aktar dannu. F’dan ir-rigward, l-applikant ipprovda wkoll provi biżżejjed li juru li, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, il-livell attwali ta’ importazzjoni tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni x’aktarx li jiżdied minħabba l-eżistenza ta’ kapaċità mhux użata tal-faċilitajiet ta’ manifattura tal-produtturi fir-RPĊ u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni.
Barra minn hekk, l-applikant jallega li kwalunkwe żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet bi prezzijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat x’aktarx li twassal għal dannu ulterjuri għall-industrija tal-Unjoni, jekk dawn il-miżuri jitħallew jiskadu.
5. Proċedura
Wara li ddeterminat, b’segwitu għall-konsultazzjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, li teżisti biżżejjed evidenza ta’ probabbiltà ta’ dumping (8) u dannu biex ikun iġġustifikat il-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni b’dan tagħti bidu għal rieżami f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.
Ir-rieżami ta’ skadenza jiddetermina jekk huwiex probabbli li l-iskadenza tal-miżuri twassal għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza tad-dumping tal-prodott taħt rieżami li joriġina mir-RPĊ u għall-kontinwazzjoni jew ir-rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.
5.1. Il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami u l-perjodu kkunsidrat
L-investigazzjoni ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dumping se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2023 sat-30 ta’ Ġunju 2024 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dannu se jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (“il-perjodu kkunsidrat”).
5.2. Kummenti dwar it-talba u l-bidu tal-investigazzjoni
Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jikkummentaw dwar it-talba (inklużi l-kwistjonijiet relatati mal-kontinwazzjoni tad-dannu u mal-kawżalità) jew dwar kwalunkwe aspett li jirrigwarda l-bidu tal-investigazzjoni (inkluż il-livell ta’ sostenn għat-talba) iridu jagħmlu dan fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (9).
Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ fir-rigward tal-bidu tal-investigazzjoni trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
5.3. Proċedura għad-determinazzjoni ta’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping
F’rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni teżamina l-esportazzjonijiet li saru lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u, irrispettivament mill-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni, tqis jekk is-sitwazzjoni tal-kumpaniji li jipproduċu u jbigħu l-prodott taħt rieżami fil-pajjiż ikkonċernat hijiex tali li l-esportazzjonijiet bi prezzijiet oġġett ta’ dumping lejn l-Unjoni aktarx jitkomplew jew jirrikorru jekk il-miżuri jiskadu.
Għalhekk, il-produtturi kollha (10) tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat, inkluż dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni(jiet) li wasslet/wasslu għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.
5.3.1. L-investigazzjoni tal-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat
Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi fir-RPĊ li huma involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex tlesti l-investigazzjoni sal-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ il-kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, huma b’dan mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kumpaniji tagħhom fi żmien 7 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi fl-indirizz li ġej: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/R822_SAMPLING_FORM_FOR_EXPORTING_PRODUCER. L-informazzjoni dwar l-aċċess għal Tron tinsab fit-taqsimiet 5.6 u 5.9 ta’ hawn taħt.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tar-RPĊ u tista’ tikkuntattja lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat.
Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi se jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi kollha magħrufa fir-RPĊ, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi se jiġu nnotifikati mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji li jintgħażlu għall-kampjun.
Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun ta’ produtturi esportaturi, tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar jekk humiex inklużi fil-kampjun. Il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Il-Kummissjoni żżid nota li tirrifletti l-għażla tal-kampjun fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Kull kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien 3 ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-kampjun.
Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ, https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2746.
Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu li jiġu inklużi fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu parti mill-kampjun se jitqiesu li jkunu kkooperaw.
5.3.2. Proċedura addizzjonali fir-rigward tal-pajjiż ikkonċernat soġġett għal distorsjonijiet sinifikanti
Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jesprimu l-fehmiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
B’mod partikolari, il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati kollha jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar l-inputs u l-kodiċijiet tas-Sistema Armonizzata (SA) ipprovduti fit-talba, jipproponu pajjiż(i) rappreżentattiv(i) xieraq/xierqa u jipprovdu l-identità tal-produtturi tal-prodott taħt rieżami f’dawk il-pajjiżi. Din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
Skont il-punt (e) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni, ftit wara l-bidu, permezz ta’ nota fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati, tinforma lill-partijiet fl-investigazzjoni dwar is-sorsi rilevanti li beħsiebha tuża għall-fini tad-determinazzjoni tal-valur normali fir-RPĊ skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Dan ikopri s-sorsi kollha, inkluż l-għażla ta’ pajjiż terz rappreżentattiv xieraq fejn adegwat. Il-partijiet fl-investigazzjoni għandhom jingħataw 10 ijiem mid-data li fiha din in-nota tiżdied fil-fajl, sabiex jippreżentaw il-kummenti.
Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, pajjiż terz rappreżentattiv possibbli għar-RPĊ f’dan il-każ huwa t-Turkija. Bil-għan li finalment tagħżel il-pajjiż terz rappreżentattiv xieraq, il-Kummissjoni teżamina jekk hemmx pajjiżi b’livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħar-RPĊ, li fihom hemm produzzjoni u bejgħ tal-prodott taħt rieżami u fejn hemm data rilevanti disponibbli minnufih. F’każ li jkun hemm aktar minn pajjiż wieħed bħal dan, tingħata preferenza, meta jkun il-każ, lill-pajjiżi li għandhom livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali.
Fir-rigward tas-sorsi rilevanti, il-Kummissjoni tistieden lill-produtturi kollha fir-RPĊ biex jipprovdu informazzjoni dwar il-materji (prima u dawk ipproċessati) u l-enerġija użati fil-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi fl-indirizz li ġej: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/R822_INFO_ON_INPUTS_FOR_EXPORTING_PRODUCER_FORM. L-informazzjoni dwar l-aċċess għal Tron tinsab fit-taqsimiet 5.6 u 5.9 ta’ hawn taħt.
Barra minn hekk, kull preżentazzjoni ta’ informazzjoni fattwali biex jiġu vvalutati l-kostijiet u l-prezzijiet skont l-Artikolu 2(6a), il-punt (a) tar-Regolament bażiku trid issir fi żmien 65 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Tali informazzjoni fattwali jenħtieġ li tittieħed esklużivament minn sorsi disponibbli pubblikament.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-allegati distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni se tqiegħed ukoll għad-disponibbiltà kwestjonarju għall-Gvern tar-RPĊ.
5.3.3. Importaturi mhux relatati soġġetti għall-investigazzjoni (11) (12)
L-importaturi mhux relatati tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jieħdu sehem f’din l-investigazzjoni.
Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ importaturi mhux relatati involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex l-investigazzjoni titlesta sal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ importaturi mhux relatati li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ il-kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha mhux relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, huma b’dan mitluba jippreżentaw lilhom infushom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 7 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika billi jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom, kif mitlub fl-Anness ta’ din in-Notifika.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha meħtieġa għall-għażla tal-kampjun tal-importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa tal-importaturi.
Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ fl-Unjoni tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-Kummissjoni se tinnotifika lill-importaturi mhux relatati kollha magħrufa u lill-assoċjazzjonijiet tal-importaturi kollha magħrufa dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.
Il-Kummissjoni żżid nota li tirrifletti l-għażla tal-kampjun fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Kull kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien 3 ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-kampjun.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tqiegħed kwestjonarji għad-dispożizzjoni tal-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun. Dawn il-partijiet iridu jippreżentaw il-kwestjonarju mimli fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Kopja tal-kwestjonarju għall-importaturi mhux relatati hija disponibbli fil-fajl https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2746.
5.4. Proċedura għad-determinazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dannu u għall-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni
Sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni tistieden lill-produtturi tal-Unjoni tal-prodott taħt rieżami jipparteċipaw fl-investigazzjoni.
Fid-dawl tal-għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex l-investigazzjoni titlesta sal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.
Il-Kummissjoni għażlet b’mod proviżorju kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati.
Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju. Barra minn hekk, produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inkluż il-produtturi tal-Unjoni li ma jkunux ikkooperaw fl-investigazzjoni(jiet) li tkun wasslet/jkunu wasslu għall-miżuri fis-seħħ, li jqisu li hemm raġunijiet għaliex jenħtieġ li jkunu inklużi fil-kampjun iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 7 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Il-kummenti kollha dwar il-kampjun proviżorju jridu jaslu fi żmien 7 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Il-Kummissjoni se tinnotifika lill-produtturi u/jew lill-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-Unjoni magħrufa kollha dwar il-kumpaniji li finalment ikunu ntgħażlu biex ikunu parti mill-kampjun.
Il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi tal-Unjoni tinsab fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2746.
5.5. Proċedura għall-valutazzjoni tal-interessi tal-Unjoni
Jekk tiġi kkonfermata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dumping u dannu, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk iż-żamma tal-miżuri anti-dumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.
Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jipprovdu informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni lill-Kummissjoni.
L-informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni trid tiġi pprovduta fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta jew f’format ħieles jew inkella billi jiġi komplut il-kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni.
Kopja tal-kwestjonarji, inkluż il-kwestjonarju għall-utenti tal-prodott taħt rieżami, hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2746.
Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali li tissostanzja l-validità tagħha.
5.6. Partijiet interessati
Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati, bħall-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur, l-ewwel iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami.
Il-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li rendew disponibbli informazzjoni f’konformità mal-proċeduri deskritti fit-taqsimiet 5.3.1, 5.3.3 u 5.4.1 jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati jekk ikun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami.
Partijiet oħra jkunu jistgħu jipparteċipaw biss fl-investigazzjoni bħala parti interessata mill-mument meta jippreżentaw lilhom infushom, u dment li jkun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami. Il-fatt li wieħed jiġi kkunsidrat bħala parti interessata huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.
L-aċċess għall-fajl disponibbli għall-ispezzjoni għall-partijiet interessati jsir permezz ta’ Tron.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI. Jekk jogħġbok segwi l-istruzzjonijiet fuq dik il-paġna biex ikollok aċċess (13).
5.7. Preżentazzjonijiet oħrajn bil-miktub
Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jesprimu l-fehmiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
5.8. Possibbiltà ta’ seduta ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni
Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti matul is-seduta ta’ smigħ. Is-seduta ta’ smigħ tkun limitata għall-kwistjonijiet stabbiliti minn qabel bil-miktub mill-partijiet interessati.
Fil-prinċipju, is-seduti ta’ smigħ ma jintużawx biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali li tkun għadha mhijiex fil-fajl. Madankollu, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba u sabiex is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu javvanzaw fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati jistgħu jintalbu jipprovdu informazzjoni fattwali ġdida wara s-smigħ.
5.9. Struzzjonijiet għat-tfassil ta’ preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza
L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini ta’ investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew data li tkun soġġetta għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terza, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu li l-Kummissjoni a) tuża l-informazzjoni u d-data għall-finijiet ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.
Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, fosthom l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “ Sensitive ” (14). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni waqt din l-investigazzjoni huma mistednin jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.
Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni “ Sensitive ” (Sensittiva) huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “ For inspection by interested parties ” (Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati). Dawn is-sommarji jridu jkunu ddettaljati tant li jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli. Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tfassalx sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u tal-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.
Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi t-talbiet biex il-partijiet interessati jiġu rreġistrati bħala tali kif ukoll il-prokuri u d-dokumenti ta’ ċertifikazzjoni skennjati. Meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ” ippubblikat fis-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: https://circabc.europa.eu/ui/group/2e3865ad-3886-4131-92bb-a71754fffec6/library/8b8ed0a2-9f75-4195-bf72-7f7c62b9ae4f/details. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz validu tal-posta elettronika u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika li jagħtu jkun indirizz kummerċjali uffiċjali tal-posta elettronika li jiffunzjona u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, sakemm ma jitolbux espliċitament li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u għal informazzjoni ulterjuri dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inkluż il-prinċipji li japplikaw għall-preżentazzjonijiet permezz ta’ TRON.tdi u bil-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.
L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:
European Commission |
Directorate-General for Trade |
Directorate G |
Office: CHAR 04/039 |
1049 Bruxelles/Brussel |
BELGIQUE/BELGIË |
TRON.tdi: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi
Email: TRADE-R822-BICYCLES-DUMPING@ec.europa.eu
TRADE-R822-BICYCLES-INJURY@ec.europa.eu
6. L-iskeda tal-investigazzjoni
L-investigazzjoni għandha tiġi konkluża fi żmien 12-il xahar u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku.
7. Preżentazzjoni tal-informazzjoni
Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss l-informazzjoni fil-perjodi ta’ żmien speċifikati fit-Taqsima 5 ta’ din in-Notifika.
Sabiex l-investigazzjoni titlesta fl-iskadenzi mandatorji, il-Kummissjoni ma taċċettax iktar preżentazzjonijiet mingħand il-partijiet interessati wara l-iskadenza għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali jew, jekk ikun applikabbli, wara l-iskadenza għal kummenti dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali.
8. Possibbiltà għal kummenti dwar il-preżentazzjonijiet ta’ partijiet oħra
Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, jenħtieġ li l-partijiet interessati jkollhom il-possibbiltà jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu biss jindirizzaw kwistjonijiet imqajma fil-preżentazzjonijiet tal-partijiet interessati l-oħra u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda.
Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għad-divulgazzjoni tas-sejbiet definittivi, jiġu ppreżentati fi żmien 5 ijiem mill-iskadenza għall-kummenti dwar is-sejbiet definittivi, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jekk ikun hemm divulgazzjoni finali addizzjonali, jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għal din id-divulgazzjoni ulterjuri jsiru fi żmien ġurnata mill-iskadenza għall-kummenti dwar din id-divulgazzjoni ulterjuri, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.
L-iskeda ta’ żmien indikata hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob għal informazzjoni addizzjonali mingħand il-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.
9. Estensjoni tal-iskadenzi speċifikati f’din in-Notifika
Jenħtieġ li kull estensjoni tal-limiti ta’ żmien previsti f’din in-Notifika tiġi rikjesta biss f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni, u tingħata biss jekk tkun debitament ġustifikata. Fi kwalunkwe każ, kull estensjoni tal-iskadenza biex jitwieġbu l-kwestjonarji tkun limitata għal 3 ijiem, u bħala regola ma taqbiżx is-7 ijiem. Rigward l-iskadenzi għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu, l-estensjonijiet ikunu limitati għal 3 ijiem dment li ma jintweriex li hemm ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni.
10. Nonkooperazzjoni
F’każijiet fejn xi parti interessata tiċħad l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fiż-żmien stipulat, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jsiru sejbiet, sew jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, abbażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.
Meta jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.
Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u għalhekk il-konstatazzjonijiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.
In-nuqqas ta’ tweġiba kompjuterizzata ma għandux jiġi kkunsidrat bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, dment li l-parti interessata kkonċernata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitlub tkun tirriżulta fi skariġġ żejjed mhux raġonevoli jew fi spiża addizzjonali mhux raġonevoli. Jenħtieġ li l-parti interessata tagħmel kuntatt mal-Kummissjoni minnufih.
11. Uffiċjal tas-Seduta
Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jaf tfeġġ matul il-proċediment.
L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qegħdin jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Jenħtieġ li talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti ta’ smigħ isiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.
Kwalunkwe talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u f’qasir żmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ jkun wara li jseħħ l-avveniment li jiġġustifika tali intervent. Meta t-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati barra mill-perjodi ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn tali talbiet saru daqshekk tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawk il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis kif dovut l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija tal-investigazzjoni fil-ħin.
Għal iktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://policy.trade.ec.europa.eu/contacts/hearing-officer_en.
12. Possibbiltà li jintalab rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku
Billi dan ir-rieżami ta’ skadenza qiegħed jinbeda f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet tiegħu mhumiex se jwasslu biex il-miżuri eżistenti jiġu emendati iżda se jwasslu biex dawn il-miżuri jitħassru jew jinżammu f’konformità mal-Artikolu 11(6) tar-Regolament bażiku.
Meta xi parti interessata tqis li jkun iġġustifikat li jsir rieżami tal-miżuri, sabiex ikun possibbli li l-miżuri jiġu emendati, din il-parti tista’ titlob li jsir rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.
Il-partijiet li jixtiequ jitolbu għal rieżami ta’ dan it-tip, li jsir indipendentement mir-rieżami ta’ skadenza msemmi f’din in-Notifika, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz mogħti hawn fuq.
13. Proċessar ta’ data personali
Kull data personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 (15).
Avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni jinsab disponibbli fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://europa.eu/!vr4g9W
(1) ĠU C, C/2023/1260, 1.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1260/oj.
(2) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1379 tat-28 ta’ Awwissu 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina kif estiż għall-importazzjonijiet ta’ roti kkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka, mit-Tuneżija, mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw minn dawn il-pajjiżi kif ukoll jekk le, wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036, (ĠU L 225, 29.8.2019, p. 1).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/57 tal-14 ta’ Jannar 2022 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1379 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina kif estiż għall-importazzjonijiet ta’ roti kkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka, mit-Tuneżija, mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw minn dawn il-pajjiżi kif ukoll jekk le, wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 (ĠU L 10, 17.1.2022, p. 15).
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 501/2013 tad- 29 ta’ Mejju 2013 li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 990/2011 fuq importazzjonijiet ta’ biċikletti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ biċikletti kkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malażja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fl-Indoneżja, il-Malażja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija kif ukoll jekk le; (ĠU L 153, 5.6.2013, p. 1).
(6) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/776 tat-18 ta' Mejju 2015 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 502/2013 fuq importazzjonijiet ta' roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal fuq importazzjonijiet ta' roti kkonsenjati mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini kif ukoll jekk le; (ĠU L 122, 19.5.2015, p. 4).
(7) Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Finijiet tal-Investigazzjonijiet għad-Difiża tal-Kummerċ, 10 ta’ April 2024, SWD(2024) 91 final, disponibbli hawnhekk: https://ec.europa.eu/transparency/documents-register/detail?ref=SWD(2024)91&lang=en
(8) Fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed evidenza li xxaqleb lejn l-indikazzjoni li, minħabba li hemm distorsjonijiet sinifikanti li jaffettwaw il-prezzijiet u l-kostijiet, l-użu ta’ prezzijiet u kostijiet domestiċi fil-pajjiż ikkonċernat mhuwiex xieraq, u b’hekk huwa ġġustifikat li jingħata bidu għal investigazzjoni abbażi tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.
(9) Ir-referenzi kollha għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika se jkunu referenzi għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
(10) Produttur huwa kull kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi l-prodott taħt rieżami, inkluż kull kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, il-bejgħ domestiku jew l-esportazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami.
(11) Għall-kampjun jistgħu jintgħażlu biss importaturi li mhumiex relatati ma’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi. F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu soċji rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew iktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) wieħed minnhom direttament jew indirettament jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika, u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hi rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
(12) Id-data pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll b’rabta ma’ aspetti ta’ din l-investigazzjoni ħlief kif jiġi stabbilit id-dumping.
(13) F’każ ta’ problemi tekniċi kkuntattja lit-Trade Service Desk permezz tal-posta elettronika lil trade-service-desk@ec.europa.eu jew ċempel +32 22979797.
(14) Dokument “ Sensitive ” huwa dokument li jitqies li jkun kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(15) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
ANNESS
□ |
Verżjoni Sensittiva |
□ |
Verżjoni għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati |
(immarka l-kaxxa rilevanti) |
PROĊEDIMENT ANTI-DUMPING DWAR IMPORTAZZJONIJIET TA’ ROTI LI JORIĠINAW MIR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA
INFORMAZZJONI GĦALL-GĦAŻLA TAL-KAMPJUN TAL-IMPORTATURI MHUX RELATATI
Din il-formola hija mfassla biex tassisti lill-importaturi li mhumiex relatati iwieġbu t-talba għal informazzjoni dwar il-kampjunar li saret fil-punt 5.3.1. tan-notifika tal-bidu.
Kemm il-verżjoni Sensittiva kif ukoll il-verżjoni Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati jenħtieġ li jintbagħtu lura lill-Kummissjoni kif stipulat fin-notifika ta’ bidu.
1. L-IDENTITÀ U D-DETTALJI TA’ KUNTATT
Agħti d-dettalji segwenti dwar il-kumpanija tiegħek:
Isem il-kumpanija |
|
Indirizz |
|
Persuna ta’ kuntatt |
|
Indirizz tal-Email: |
|
Telefown |
|
2. FATTURAT U VOLUM TAL-BEJGĦ
Indika l-fatturat totali f’euro (EUR) tal-kumpanija, il-valur f’euro (EUR) u l-volum f’unitajiet tal-importazzjonijiet u l-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”) matul il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami tal-prodott taħt rieżami kif definit fin-Notifika ta’ bidu.
|
Unitajiet |
Valur f’euro (EUR) |
Fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f’euro (EUR) |
|
|
Importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami li joriġinaw mir-RPĊ |
|
|
Importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami (kwalunkwe oriġini) |
|
|
Il-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-RPĊ tal-prodott taħt rieżami |
|
|
3. L-ATTIVITAJIET TAL-KUMPANIJA TIEGĦEK U TAL-KUMPANIJI RELATATI (1)
Agħti d-dettalji tal-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija u tal-kumpaniji kollha relatati (jekk jogħġbok elenkahom u niżżel ir-relazzjoni li għandhom mal-kumpanija tiegħek) li huma involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (b’esportazzjoni u/jew fis-suq domestiku) tal-prodott taħt rieżami. Dawn l-attivitajiet jistgħu jinkludu x-xiri tal-prodott taħt rieżami, il-produzzjoni tiegħu skont arranġamenti ta’ sottokuntrattar, jew l-ipproċessar jew il-kummerċjalizzazzjoni tiegħu, iżda mhumiex limitati għal dawn biss.
L-isem u s-sede tal-kumpanija |
L-attivitajiet |
Ir-relazzjoni |
|
|
|
|
|
|
|
|
|
4. INFORMAZZJONI OĦRA
Agħti kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra li l-kumpanija tqis utli biex tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.
5. ĊERTIFIKAZZJONI
Meta tipprovdi l-informazzjoni indikata hawn fuq, il-kumpanija tkun qiegħda taqbel mal-possibbiltà li tiġi inkluża fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ifisser li tkun trid timla kwestjonarju u taċċetta li ssirilha żjara fuq il-post biex jiġu vverifikati t-tweġibiet tagħha. Meta l-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-possibbiltà li tiġi inkluża fil-kampjun, din titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni għall-importaturi li ma jikkooperawx huma bbażati fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-kumpanija milli kieku jekk tkun ikkooperat.
Il-firma tal-uffiċjal awtorizzat:
L-isem u t-titlu tal-uffiċjal awtorizzat:
Id-data:
(1) F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu soċji rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew iktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) wieħed minnhom direttament jew indirettament jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika, u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hi rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5292/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)