Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024PC0559

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali bejn l-UE u t-Turkija stabbilit skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u t-Turkija fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-użu taċ-ċertifikati tal-moviment A.TR maħruġa b’mod elettroniku

COM/2024/559 final

Brussell, 29.11.2024

COM(2024) 559 final

2024/0310(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali bejn l-UE u t-Turkija stabbilit skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u t-Turkija fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-użu taċ-ċertifikati tal-moviment A.TR maħruġa b’mod elettroniku


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali. Il-Kumitat ġie stabbilit skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u t-Turkija, iffirmat f’Ankara fit-12 ta’ Settembru 1963 (Ftehim ta’ Assoċjazzjoni). Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-UE fil-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali tikkonċerna l-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-użu ta’ ċertifikati tal-moviment A.TR maħruġa b’mod elettroniku.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.L-unjoni doganali bejn l-UE u t-Turkija

Wieħed mill-għanijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni huwa li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u bbilanċjat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija. Sabiex jintlaħqu l-objettivi tiegħu, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprevedi unjoni doganali. Ir-regoli għall-implimentazzjoni tal-fażi finali tal-unjoni doganali huma stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija tat-22 ta’ Diċembru 1995 1 (magħrufa bħala d-“Deċiżjoni bażika”), li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-moviment liberu tal-merkanzija bejn il-Partijiet.

Id-Deċiżjoni Nru 1/2006 tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali tas-26 ta’ Lulju 2006 2 (magħrufa bħala l-“leġiżlazzjoni tranżitorja”) tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet doganali ta’ implimentazzjoni għad-Deċiżjoni 1/95, applikabbli għall-kummerċ fil-merkanzija bejn il-Partijiet tal-unjoni doganali u ma’ pajjiżi terzi u tistabbilixxi li l-evidenza dokumentarja li l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar iċ-ċirkolazzjoni libera stabbiliti fid-Deċiżjoni bażika huma ssodisfati, għandha tkun iċ-ċertifikat tal-moviment A.TR, li l-mudell tiegħu jinsab fl-Anness I tal-istess Deċiżjoni.

2.2.Il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali

Il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali ġie stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 2/69 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tal-15 ta’ Diċembru 1969 3 . L-Artikolu 2 ta’ dik id-Deċiżjoni jistipula li l-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali huwa responsabbli biex jiżgura l-kooperazzjoni amministrattiva bejn il-Partijiet bl-għan li jiżgura l-applikazzjoni korretta u uniformi tad-dispożizzjonijiet doganali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u biex iwettaq kwalunkwe kompitu ieħor fil-qasam doganali li l-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni jista’ jafda lilu.

2.3.L-att previst tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali

Fil-laqgħa li jmiss tiegħu jew bi skambju ta’ ittri, il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali għandu jadotta deċiżjoni rigward l-użu ta’ ċertifikati tal-moviment .TR maħruġa b’mod elettroniku (“l-att previst”).

Il-fini tal-att previst huwa li jipprovdi lill-awtoritajiet doganali tal-Partijiet b’qafas legali sod għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati tal-moviment maħruġa b’mod elettroniku meta jiġu ppreżentati waqt l-importazzjoni fil-kuntest tal-unjoni doganali bejn l-UE u t-Turkija.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Matul il-pandemija tal-COVID-19, il-Kummissjoni ħarġet Nota ta’ informazzjoni Nru 1 bid-data tal-31 ta’ Marzu 2020 li fiha stiednet lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tal-UE u tal-pajjiżi sħab tal-UE biex jaċċettaw iċ-ċertifikati tal-moviment maħruġa b’mod elettroniku b’firma, timbru jew cachet diġitali tal-awtoritajiet kompetenti, jew kopja stampata jew elettronika (skennjata jew disponibbli online). Dawn il-miżuri kienu applikabbli wkoll għaċ-ċertifikati tal-moviment A.TR għall-fini taċ-ċirkolazzjoni libera tal-merkanzija fl-unjoni doganali bejn l-UE u t-Turkija.

Peress li ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li wasslu għall-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri flessibbli ma baqgħux jitqiesu rilevanti, ġie deċiż li l-miżuri fis-seħħ ma kinux għadhom applikabbli mill-1 ta’ Mejju 2024.

Madankollu, l-UE u t-Turkija jirrikonoxxu li l-esperjenza tal-kummerċ skont il-miżuri adottati minħabba l-pandemija tal-COVID-19 kienet pożittiva u jqisu li huwa xieraq li jiġi stabbilit qafas legali xieraq biex dawn il-prattiki tajba jiġu introdotti mill-ġdid..

Sakemm jiġi adottat l-att previst, il-Partijiet qablu li jaċċettaw iċ-ċertifikati tal-moviment A.TR maħruġa b’mod elettroniku (b’mod partikolari dawk maħruġa mill-awtoritajiet Torok bl-użu tas-sistema MEDOS tagħhom u mingħajr firma bil-linka friska) li jibdew mit-8 ta’ Lulju 2024, dment li l-att li għandu jiġi adottat ikollu effett retroattiv minn dik id-data.

Għalhekk jixraq li tiġi prevista applikazzjoni retroattiva tal-att previst mit-8 ta’ Lulju 2024 biex tiġi żgurata l-kontinwità fil-prattiki tajba stabbiliti mill-ġdid minn dik id-data.

L-att previst jikkostitwixxi bażi legali għall-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati tal-moviment A.TR maħruġa b’mod elettroniku. Madankollu, ma jistabbilixxi l-ebda obbligu għall-Partijiet li joħorġu ċertifikati tal-moviment A.TR b’mod elettroniku. Bħalissa l-UE ma għandha l-ebda sistema elettronika għall-ħruġ taċ-ċertifikati, għalhekk l-Istati Membri tal-UE se jkomplu joħorġu ċertifikati A.TR fuq il-karta. Għalhekk, anki jekk ċertifikat A.TR jinħareġ elettronikament, is-sottomissjoni tiegħu lill-Istat Membru tal-UE bħala pajjiż importatur xorta se ssir fuq karta jew tintbagħat elettronikament f’format pdf. Il-validità u l-awtentiċità ta’ dawn iċ-ċertifikati għandhom jiġu vverifikati manwalment mill-uffiċjali tad-dwana.

Id-DĠ TAXUD jipprevedi li jiżviluppa soluzzjoni ċentrali għad-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri kollha bbażati fuq il-karta li jippermettu lill-Operaturi Ekonomiċi u lill-Awtoritajiet Doganali jipproċedu bil-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ moviment b’mod diġitali. Ladarba s-sistema tal-UE ta’ ċertifikat elettroniku tal-provi tal-oriġini tiġi żviluppata u varata mill-Kummissjoni, l-Istati Membri huma mistennija li jikkollegaw mas-sistema permezz tas-CSW-CERTEX tal-UE biex jissimplifikaw il-ħidma tal-uffiċjali doganali. Hija meħtieġa bażi legali għall-istabbiliment ta’ soluzzjoni ċentrali tal-IT għall-ħruġ u l-validazzjoni ta’ ċertifikati mill-Istati Membri tal-UE.

Din il-pożizzjoni tkun konsistenti mal-pożizzjoni li trid tittieħed mill-UE fil-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (“Kumitat Konġunt tal-PEM”) b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ Rakkomandazzjoni tal-Kumitat Konġunt tal-PEM fir-rigward tal-użu taċ-ċertifikati tal-moviment maħruġa b’mod elettroniku. Il-pożizzjoni tal-UE fil-Kumitat Konġunt tal-PEM kienet ibbażata fuq l-istess suppożizzjonijiet u kienet qed issegwi l-istess objettivi.

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali jenħtieġ li tiġi stabbilita mill-Kunsill.

4.Bażi legali

4.1.Bażi legali proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effett legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp ikkonċernat. Jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 4 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali huwa korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u t-Turkija.

L-att li l-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali huwa mitlub jadotta huwa att b’effetti legali. L-att previst se jsir applikabbli fil-Partijiet f’konformità mal-Artikolu 24 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u mal-Artikolu 28, il-paragrafi 1 u 3 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija tat-22 ta’ Diċembru 1995.

L-att previst ma jissupplimentax jew ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għaldaqstant, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.

4.2.Bażi legali sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi legali sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwarhom għandha tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni u mal-implimentazzjoni tal-unjoni doganali bejn l-UE u t-Turkija. L-att previst huwa għalhekk maħsub biex jiffaċilita l-kummerċ bejn il-Partijiet billi jistabbilixxi miżuri flessibbli relatati mal-użu taċ-ċertifikati tal-moviment A.TR maħruġa b’mod elettroniku meta jiġu ppreżentati mal-importazzjoni.

Il-bażi legali tad-Deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi legali tad-Deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Billi l-att tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali se jkun applikabbli miż-żewġ Partijiet, inklużi l-UE u l-Istati Membri tagħha, huwa xieraq li dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.

2024/0310 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali bejn l-UE u t-Turkija stabbilit skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u t-Turkija fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-użu taċ-ċertifikati tal-moviment A.TR maħruġa b’mod elettroniku

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u t-Turkija, iffirmat f’Ankara fit-12 ta’ Settembru 1963 5 (Ftehim ta’ Assoċjazzjoni), jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni u l-kontenut tar-relazzjoni ta’ assoċjazzjoni, filwaqt li l-aħħar fażi tal-unjoni doganali hija ddefinita fid- Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni , stabbilit bl-Artikolu 6 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, tat-22 ta’ Diċembru 1995 6 , li daħal fis-seħħ fl-31 ta’ Diċembru 1995.

(2)Skont l-Artikolu 24 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi kumitati biex jassistu fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.

(3)Id-Deċiżjoni Nru 2/69 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tal-15 ta’ Diċembru 1969 7 stabbiliet il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali.

(4)L-Artikolu 28, il-paragrafi 1 u 3 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni inkariga lill-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali biex jistabbilixxi l-miżuri xierqa biex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet doganali li jinsabu fl-istess Deċiżjoni.

(5)L-Artikolu 6.1 tad-Deċiżjoni Nru 1/2006 tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali tas-26 ta’ Lulju 2006 8 jistabbilixxi li ċ-ċertifikat tal-moviment A.TR jikkostitwixxi dokument ta’ sostenn li l-kundizzjonijiet għall-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar iċ-ċirkolazzjoni libera stabbiliti fid-Deċiżjoni 1/95 huma ssodisfati.

(6)Fil-bidu tal-2020, minħabba l-pandemija tal-COVID-19, il-kuntatti bejn l-awtoritajiet doganali tal-pajjiżi sħab tal-UE u l-operaturi ekonomiċi ġew sospiżi f’għadd ta’ pajjiżi. Għalhekk tqies xieraq li jiġu adottati l-miżuri eċċezzjonali applikabbli fuq bażi reċiproka, bl-għan li jiġu aċċettati ċ-ċertifikati tal-moviment maħruġa b’mod elettroniku b’firma, timbru jew cachet diġitali tal-awtoritajiet kompetenti, jew kopja stampata jew elettronika (skennjata jew disponibbli online).

(7)Dawk il-miżuri kienu applikabbli wkoll għaċ-ċertifikati tal-moviment A.TR għall-fini taċ-ċirkolazzjoni libera tal-merkanzija fl-unjoni doganali bejn l-UE u t-Turkija.

(8)Peress li ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li wasslu għall-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri flessibbli ma baqgħux jitqiesu rilevanti, ġie deċiż li l-miżuri fis-seħħ ma kinux għadhom applikabbli mill-1 ta’ Mejju 2024.

(9)L-Unjoni Ewropea u t-Turkija rrikonoxxew li l-esperjenza tal-kummerċ skont il-miżuri eċċezzjonali adottati minħabba l-pandemija tal-COVID-19 kienet pożittiva u qiesu li kien xieraq li jiġi stabbilit qafas legali xieraq biex dawn il-prattiki tajba jiġu introdotti mill-ġdid. Għal dan l-għan, deċiżjoni tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali tikkostitwixxi bażi legali xierqa.

(10)Mit-8 ta’ Lulju 2024, il-Partijiet qablu li jaċċettaw iċ-ċertifikati tal-moviment A.TR maħruġa b’mod elettroniku dment li tiġi adottata deċiżjoni ad hoc tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali bejn l-UE u t-Turkija, b’effett retroattiv mit-8 ta’ Lulju 2024, biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-prattiki tajba stabbiliti mill-ġdid minn dik id-data, mingħajr preġudizzju għall-azzjonijiet meħuda mill-amministrazzjonijiet doganali taż-żewġ partijiet matul il-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2024 sat-8 ta’ Lulju 2024, u li ma jaffettwawx id-drittijiet mogħtija lill-individwi matul l-istess perjodu.

(11)Il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali huwa mistenni jadotta deċiżjoni dwar l-użu taċ-ċertifikati tal-moviment A.TR maħruġa b’mod elettroniku.

(12)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali, peress li d-deċiżjoni ser issir applikabbli fl‐Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali bejn l-UE u t-Turkija skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u t-Turkija għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 35, 13.2.1996, p. 1.
(2)    ĠU L 265, 26.9.2006, p. 18-38 – rettifika ĠU L 267, 27.9.2006, p. 48.
(3)    Deċiżjoni mhux pubblikata.
(4)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, il-Ġermanja vs il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi minn 61 sa 64.
(5)    ĠU L 361, 31.12.1977, p. 29.
(6)    ĠU L 35, 13.2.1996, p. 1
(7)    Deċiżjoni mhux pubblikata.
(8)    ĠU L 265, 26.9.2006, p. 18-38 – rettifika ĠU L 267, 27.9.2006, p. 48.
Top

Brussell, 29.11.2024

COM(2024) 559 final

ANNESS

ta'

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali bejn l-UE u t-Turkija stabbilit skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u t-Turkija fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-użu taċ-ċertifikati tal-moviment A.TR maħruġa b’mod elettroniku


ANNESS

TA'0.0.0

DEĊIŻJONI Nru

TAL-KUMITAT DWAR IL-KOOPERAZZJONI DOGANALI BEJN L-UE U T-TURKIJA

ta’ …..

dwar l-użu taċ-ċertifikati tal-moviment A.TR maħruġa b’mod elettroniku

IL-KUMITAT DWAR IL-KOOPERAZZJONI DOGANALI,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar l-implimentazzjoni tal-fażi finali tal-unjoni doganali 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 3(6) tagħha, 

Billi:

(1)Fil-bidu tal-2020, il-pajjiżi sħab tal-UE li kellhom ftehim ta’ kummerċ ħieles mal-Unjoni ġew ikkonfrontati bl-impossibbiltà li jipprovdu ċ-ċertifikati tal-moviment f’forma xierqa (jiġifieri ffirmati bl-idejn, ittimbrati b’linka friska jew fil-format tajjeb tal-karta), meta jitqies li, minħabba l-pandemija tal-COVID-19, f’għadd ta’ pajjiżi l-kuntatti bejn l-awtoritajiet doganali tal-pajjiżi sħab tal-UE u l-operaturi ekonomiċi ġew sospiżi. Għalhekk tqies xieraq li jiġu adottati miżuri eċċezzjonali applikabbli fuq bażi reċiproka, biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tal-kummerċ preferenzjali.

(2)L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tal-UE u tal-pajjiżi sħab tal-UE ġew mistiedna jaċċettaw iċ-ċertifikati tal-moviment maħruġa b’mod elettroniku, b’firma, timbru jew cachet diġitali tal-awtoritajiet kompetenti, jew kopja stampata jew elettronika (skennjata jew disponibbli online) 2 .

(3)Dawn il-miżuri kienu applikabbli wkoll għaċ-ċertifikati tal-moviment A.TR għall-fini taċ-ċirkolazzjoni libera tal-merkanzija fl-Unjoni Doganali bejn l-UE u t-Turkija. Din il-prattika kienet ibbażata fuq il-flessibbiltà prevista fl-Artikolu 10, il-paragrafu 1 tad-Deċiżjoni Nru 1/2006 tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali KE–Turkija, tas-26 ta’ Lulju 2006 li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni bejn il-KE u t-Turkija 3 . Skont din id-dispożizzjoni, iċ-ċertifikati tal-moviment A.TR għandhom jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet doganali tal-Istat importatur f’konformità mal-proċeduri applikabbli f’dak l-Istat.

(4)Iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li wasslu għall-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri flessibbli ma baqgħux jitqiesu rilevanti. B’hekk ġie deċiż li l-miżuri fis-seħħ ma kinux għadhom applikabbli mill-1 ta’ Mejju 2024.

(5)L-UE u t-Turkija rrikonoxxew li l-esperjenza tal-kummerċ skont il-miżuri eċċezzjonali adottati minħabba l-pandemija tal-COVID-19 kienet pożittiva u jqisu xieraq li jinżammu l-prattiki tajba introdotti fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali matul il-pandemija sabiex l-operaturi ekonomiċi jibbenefikaw minn diġitalizzazzjoni taċ-ċertifikati tal-moviment A.TR.

(6)Is-sistema mfassla u żviluppata għall-ħruġ elettroniku taċ-ċertifikati tal-moviment A.TR toffri l-possibbiltà għall-awtoritajiet doganali li jivverifikaw l-awtentiċità tagħhom minnufih u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni Nru 1/2006 dwar il-proċeduri għall-verifiki sussegwenti. Għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti dettaljati dwar l-implimentazzjoni tal-kontrolli tal-awtentiċità. L-istess funzjonalità għandha tiġi attivata ladarba tiġi stabbilita sistema ta’ diġitalizzazzjoni taċ-ċertifikati tal-moviment A.TR għall-ħruġ elettroniku ta’ tali ċertifikati fl-Unjoni Ewropea.

(7)Fil-kuntest tal-kummerċ preferenzjali fiż-żona Pan-Ewro-Mediterranja (PEM), li tinkludi kemm l-UE kif ukoll it-Turkija, il-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni Reġjonali tar-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji ħareġ ir-Rakkomandazzjoni 1/2023 4 dwar l-użu taċ-ċertifikati tal-moviment EUR.1 u EUR-MED maħruġa b’mod elettroniku.

(8)Għal prattika armonizzata dwar l-użu taċ-ċertifikati tal-moviment u wara li jitqiesu l-Artikolu 9 u l-Anness II tad-Deċiżjoni Nru 1/2006, huwa xieraq li ċ-ċertifikati tal-moviment A.TR maħruġa b’mod elettroniku skont il-qafas tal-Unjoni Doganali bejn l-UE u t-Turkija, jiġu aċċettati mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tal-UE u tat-Turkija.

(9)Mit-8 ta’ Lulju 2024, il-Partijiet qablu li jaċċettaw iċ-ċertifikati tal-moviment A.TR maħruġa b’mod elettroniku. Għalhekk huwa xieraq li tiġi prevista applikazzjoni retroattiva mit-8 ta’ Lulju 2024 biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-prattiki tajba introdotti matul il-pandemija tal-COVID-19 u stabbiliti mill-ġdid minn dik id-data, mingħajr preġudizzju għall-azzjonijiet meħuda mill-amministrazzjonijiet doganali taż-żewġ partijiet matul il-perjodu interim mill-1 ta’ Mejju 2024 sat-8 ta’ Lulju 2024 u li ma jaffettwawx id-drittijiet mogħtija lill-individwi matul l-istess perjodu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.    Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru 1/2006 tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali KE–Turkija, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tal-UE u tat-Turkija għandhom jaċċettaw iċ-ċertifikati tal-moviment A.TR maħruġa b’mod elettroniku meta jiġu ppreżentati mal-importazzjoni, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)il-mudell li jinsab fl-Anness I tad-Deċiżjoni Nru 1/2006 tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali KE-Turkija jintuża bħala l-bażi għaċ-ċertifikati tal-moviment A.TR maħruġa b’mod elettroniku;

(b)l-awtoritajiet doganali tal-Istat esportatur jipprevedu sistema online bbażata fuq l-internet biex tiġi verifikata l-awtentiċità taċ-ċertifikati tal-moviment A.TR maħruġa b’mod elettroniku;

(c)iċ-ċertifikati tal-moviment A.TR maħruġa b’mod elettroniku jkollhom numru tas-serje uniku, u jekk ikunu disponibbli, karatteristiċi tas-sigurtà li bihom jistgħu jiġu identifikati.

2.L-UE u t-Turkija jistgħu jiddeċiedu li jissospendu li jaċċettaw iċ-ċertifikati tal-moviment A.TR maħruġa b’mod elettroniku meta l-kundizzjonijiet elenkati skont hawn fuq ma jkunux issodisfati, u għandhom jinnotifikaw lil xulxin b’dan minn qabel. Iż-żewġ partijiet għandhom jiżguraw il-pubblikazzjoni tan-notifiki skont il-proċeduri tagħhom stess, filwaqt li jindikaw id-data tal-bidu tas-sospensjoni.

Artikolu 2

Għandha tapplika mit-8 ta’ Lulju 2024.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali

               Il-President

Matthias PETSCHKE

(1)    ĠU L 35, 13.2.1996, p. 1.
(2)    Nota ta’ Informazzjoni Nru 1 tat-30.3.2020 (ref. TAXUD/2109264/20) dwar il-preżentazzjoni tal-provi tal-oriġini preferenzjali matul il-kriżi tal-COVID-19.
(3)    ĠU L 265, 26.9.2006, p. 18–38 and corrigendum OJ L 267, 27.9.2006, p. 48.    
(4)    ĠU L 2024/243,15.1.2024
Top