IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 11.11.2024
COM(2024) 527 final
2024/0293(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tapprova l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem il-Euratom fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52024PC0527
Proposal for a COUNCIL DECISION approving the position to be taken on behalf of Euratom in the Energy Charter Conference
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tapprova l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem il-Euratom fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tapprova l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem il-Euratom fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija
COM/2024/527 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 11.11.2024
COM(2024) 527 final
2024/0293(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tapprova l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem il-Euratom fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna l-approvazzjoni tal-Kunsill għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Istati Membri, fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat Euratom, fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ emenda proposta tal-Artikolu 49 (Depożitarju) tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (“it-TKE”) u l-approvazzjoni ta’ (i) fehim ġdid fir-rigward tal-Artikolu 49 tat-TKE dwar ir-rwoli tas-Segretarjat tal-Karta tal-Enerġija (“is-Segretarjat”), u (ii) deċiżjoni tal-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija dwar il-ħatra tas-Segretarjat bħala depożitarju skont l-Artikolu 49 tat-TKE fil-perjodu interim mit-2 ta’ Frar 2025. L-adozzjoni tal-emenda tat-TKE u l-approvazzjonijiet addizzjonali jridu jgħaddu simultanjament mill-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.It-Trattat tal-Karta tal-Enerġija
It-TKE huwa ftehim kummerċjali u ta’ investiment multilaterali applikabbli għas-settur tal-enerġija, li ġie ffirmat fl-1994 u li daħal fis-seħħ fl-1998. It-TKE fih dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-investiment, il-kummerċ u t-tranżitu fil-materjali u l-prodotti tal-enerġija, u mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim. It-TKE jistabbilixxi wkoll qafas għall-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-enerġija bejn il-Partijiet Kontraenti tiegħu. Il-Euratom hija parti għat-TKE, flimkien mal-Unjoni Ewropea 1 u l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE, kif ukoll il-Ġappun, ir-Renju Unit, l-Iżvizzera, it-Turkija u l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-eks USSR, bl-eċċezzjoni tar-Russja 2 u tal-Belarussja 3 . Fit-30 ta’ Mejju 2024, il-Kunsill adotta Deċiżjoni 4 dwar il-ħruġ tal-Euratom mit-TKE u fl-istess ħin ta mandat lill-Istati Membri biex ma jopponux l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet modernizzati tat-TKE mill-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija li jmiss fit-3 ta’ Diċembru 2024. Il-Euratom innotifikat lid-depożitarju tat-TKE bil-ħruġ tagħha, li se jidħol fis-seħħ fit-28 ta’ Ġunju 2025.
2.2.Il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija
Il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija hija l-korp tat-tmexxija u l-korp deċiżjonali, stabbilit mit-TKE. L-Istati jew l-Organizzazzjonijiet Reġjonali kollha għall-Integrazzjoni Ekonomika (bħall-UE u l-Euratom) li ffirmaw jew li ssieħbu fit-TKE huma membri tal-Konferenza, li tiltaqa’ fuq bażi regolari biex tiddiskuti kwistjonijiet li jaffettwaw il-kooperazzjoni fl-enerġija fost il-firmatarji tat-TKE, biex tirrieżamina l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-TKE u tal-Protokoll dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija u l-Aspetti Ambjentali Relatati, u biex tikkunsidra strumenti ġodda possibbli u attivitajiet konġunti fi ħdan il-qafas tal-Karta tal-Enerġija. B’mod partikolari, il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija tadotta t-testi tal-emendi tat-TKE u tapprova l-modifiki tal-Annessi tat-TKE u l-bidliet tekniċi fihom. Meta tivvota dwar l-emendi proposti tat-test tat-TKE, il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija tgħaddi deċiżjoni li tadotta l-emendi b’vot unanimu tal-Partijiet Kontraenti preżenti u li jivvutaw, soġġett għal kworum ta’ mqar nofs il-Partijiet Kontraenti kollha. Il-Euratom u l-UE għandhom għadd ta’ voti ugwali għall-għadd tal-Istati Membri tagħhom li huma Partijiet Kontraenti għat-TKE, dment li l-Euratom u l-UE ma jeżerċitawx id-dritt tagħhom li jivvutaw jekk l-Istati Membri tagħhom jeżerċitaw tagħhom, u viċi versa.
2.3.L-att previst tal-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija
L-Artikolu 49 tat-TKE jistabbilixxi li l-Gvern tar-Repubblika Portugiża għandu jkun id-depożitarju tat-TKE. Fl-1 ta’ Frar 2024, ir-Repubblika Portugiża nnotifikat l-intenzjoni tal-ħruġ tagħha mit-TKE u ma tibqax id-depożitarju tat-TKE, b’effett mit-2 ta’ Frar 2025. F’dan l-isfond, bejn Lulju u Awwissu 2024 il-Partijiet Kontraenti ddiskutew il-proposti biex is-Segretarjat jinħatar bħala depożitarju ġdid skont l-Artikolu 49 tat-TKE wara l-ħruġ tar-Repubblika Portugiża. B’mod partikolari, huma qablu li jressqu l-proposti li ġejjin quddiem il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija u li jivvotaw dwarhom bħala parti mill-pakkett ta’ modernizzazzjoni diġà mħejji tat-TKE:
(a)emenda tal-Artikolu 49 tat-TKE li taħtar lis-Segretarjat tal-Karta tal-Enerġija bħala depożitarju tat-TKE (CC 760 REV2);
(b)fehim ġdid fir-rigward tal-Artikolu 49 tat-TKE dwar ir-rwoli tas-Segretarjat tal-Karta tal-Enerġija, bħala segretarjat u bħala depożitarju (CC 762 REV2)
Il-proposti maqbula jridu jiġu vvutati fit-3 ta’ Diċembru 2024, matul il-35 laqgħa tal-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija. Id-deċiżjonijiet relatati mal-modernizzazzjoni tat-TKE se jkunu soġġetti għal vot unanimu u kworum ta’ mqar nofs il-Partijiet Kontraenti kollha preżenti. Jekk il-votazzjoni tirnexxi, id-deċiżjonijiet jiġu kkunsidrati adottati mill-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija. Din l-adozzjoni se tiskatta proċessi sussegwenti għar-ratifika, l-applikazzjoni proviżorja, u d-dħul fis-seħħ eventwali tad-diversi elementi tal-pakkett ta’ riforma, inkluż l-Artikolu 49 emendat tat-TKE u fehim ġdid skont dak l-Artikolu dwar ir-rwoli tas-Segretarjat.
L-applikazzjoni proviżorja tal-emendi tat-TKE, inkluż l-emenda l-ġdida tal-Artikolu 49 tat-TKE dwar id-depożitarju, u tal-elementi l-oħra tal-modernizzazzjoni se jkunu regolati mid-deċiżjoni dwar id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni proviżorja tal-emendi tat-test tat-TKE u tal-bidliet/modifiki fl-Annessi u l-Fehimiet tiegħu. Madankollu, fid-diskussjonijiet ħareġ ċar li mhux il-Partijiet Kontraenti kollha se jkunu jistgħu japplikaw b’mod proviżorju l-emenda tal-Artikolu 49 tat-TKE u l-fehim il-ġdid dwar id-depożitarju. Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità istituzzjonali għall-funzjoni tad-depożitarju mit-2 ta’ Frar 2025, il-Partijiet Kontraenti qablu li jipproponu lill-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija
(c)abbozz ta’ Deċiżjoni addizzjonali u awtonomu li jaħtar lis-Segretarjat bħala depożitarju skont l-Artikolu 49 tat-TKE fil-perjodu interim, li jibda fit-2 ta’ Frar 2025, sad-dħul fis-seħħ tat-TKE modernizzat (CC 814).
Fiha nnifisha, din id-Deċiżjoni mhux se tkun parti mill-pakkett dwar il-modernizzazzjoni tat-TKE u se tiġi adottata waqt il-Konferenza b’maġġoranza ta’ tliet kwarti tal-Partijiet Kontraenti kollha.
3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Il-Kummissjoni tipproponi li l-Istati Membri li huma partijiet għat-TKE, jieħdu l-pożizzjonijiet deskritti hawn taħt fir-rigward tal-kwistjonijiet fil-qafas tat-Trattat Euratom waqt il-laqgħa tal-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija.
3.1.Rigward l-adozzjoni tal-emenda tal-Artikolu 49 tat-TKE (CC 760 REV2)
Il-ħatra ta’ depożitarju ġdid wara l-ħruġ effettiv tar-Repubblika Portugiża mit-TKE hija essenzjali għall-funzjonament istituzzjonali tat-TKE li l-Euratom u diversi Stati Membri huma partijiet għalih. L-emenda tal-Artikolu 49 tat-TKE li taħtar is-Segretarjat bħala depożitarju ġdid hija integrata fil-pakkett modernizzat tat-TKE li l-Konferenza tal-Karta trid tivvota dwaru fit-3 ta’ Diċembru 2024.
Fil-prinċipju, l-adozzjoni ta’ din l-emenda tat-TKE ma għandhiex effetti legali. Skont id-dritt internazzjonali, din mhijiex ekwivalenti għall-firma iżda għall-inizjalar tat-test innegozjat.
Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi li waqt il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija, fir-rigward tal-kwistjonijiet fil-qafas tat-Trattat Euratom, l-Istati Membri jieħdu pożizzjoni li ma timpedix l-adozzjoni tal-emenda proposta tal-Artikolu 49 tat-TKE. Din il-pożizzjoni se tikkomplementa d-Deċiżjoni tal-Kunsill (Euratom) 2024/1645 tat-30 ta’ Mejju 2024 5 .
3.2.Rigward l-approvazzjoni ta’ fehim ġdid fir-rigward tal-Artikolu 49 tat-TKE dwar ir-rwoli tas-Segretarjat tal-Karta tal-Enerġija (CC 762 REV2)
Il-fehim il-ġdid huwa maħsub biex jiċċara r-rwoli differenti tas-Segretarjat fil-qafas tat-TKE. Minn naħa waħda, is-Segretarjat iwettaq il-funzjonijiet tiegħu ta’ segretarjat skont l-Artikolu 35 tat-TKE. Min-naħa l-oħra, għandu jwettaq ir-rwol ta’ depożitarju skont l-Artikolu 49 emendat tat-TKE, ladarba jiġi adottat. Il-fehim il-ġdid se jiġi integrat fil-pakkett modernizzat tat-TKE li l-Konferenza tal-Karta trid tivvota dwaru fit-3 ta’ Diċembru 2024.
Fil-prinċipju, l-adozzjoni ta’ fehim ma għandhiex effetti legali. Skont id-dritt internazzjonali, mhijiex ekwivalenti għall-firma iżda għall-inizjalar tat-test innegozjat.
Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi li waqt il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija, fir-rigward tal-Artikolu 49 tat-TKE dwar ir-rwoli tas-Segretarjat tal-Karta tal-Enerġija, l-Istati Membri jieħdu pożizzjoni li ma timpedix l-approvazzjoni tal-fehim il-ġdid propost. Din il-pożizzjoni se tikkomplementa d-Deċiżjoni tal-Kunsill (Euratom) 2024/1645 tat-30 ta’ Mejju 2024 6 .
3.3.Rigward l-approvazzjoni ta’ Deċiżjoni dwar il-Ħatra tas-Segretarjat tal-Karta tal-Enerġija bħala Depożitarju skont l-Artikolu 49 tat-TKE fil-perjodu interim mit-2 ta’ Frar 2025 (CC 814)
Id-Deċiżjoni awtonoma tal-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija dwar il-ħatra tas-Segretarjat tal-Karta tal-Enerġija bħala depożitarju interim tat-TKE għandha l-għan li tiżgura l-funzjonament mingħajr interruzzjoni tat-TKE fil-perjodu ta’ wara l-ħruġ tar-Repubblika Portugiża mit-TKE u d-dħul fis-seħħ tat-TKE modernizzat. Għalhekk, hija tistabbilixxi li s-Segretarjat għandu jassumi l-funzjoni tiegħu ta’ depożitarju għat-TKE mit-2 ta’ Frar 2025, jiġifieri d-data li fiha d-depożitarju attwali, il-Gvern tar-Repubblika Portugiża ma jibqax iwettaq din il-funzjoni.
Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi li l-Istati Membri jieħdu pożizzjoni li ma timpedix l-approvazzjoni tad-Deċiżjoni awtonoma dwar l-istabbiliment tas-Segretarjat tal-Karta tal-Enerġija bħala depożitarju tat-TKE fil-perjodu interim mit-2 ta’ Frar 2025.
Meta wieħed iżomm f’moħħu li l-ħruġ tal-UE u tal-Euratom mit-TKE ġie nnotifikat lid-depożitarju tat-TKE fis-27 ta’ Ġunju 2024, huwa mistenni li minkejja li fiż-żmien tal-votazzjoni dwar id-deċiżjonijiet tal-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija msemmija hawn fuq l-UE u l-Euratom se jkunu għadhom Partijiet Kontraenti għat-TKE, la jkunu preżenti u lanqas jivvutaw. Għalhekk, din il-proposta tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Istati Membri li jibqgħu Partijiet Kontraenti għat-TKE fil-laqgħa tal-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija skedata għat-3 ta’ Diċembru 2024. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.
4.Bażi legali
4.1.Prinċipji
It-Trattat Euratom ma fih l-ebda dispożizzjoni ekwivalenti għall-Artikolu 218(9) tat-TFUE għal deċiżjonijiet tal-Kunsill li jistabbilixxu l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali. Meta sede stabbilita fi ftehim konkluż mill-Euratom, bħat-TKE, tadotta atti li jkollhom effetti legali, japplikaw il-proċeduri previsti fl-Artikolu 101 tat-Trattat Euratom.
L-Artikolu 101(1) tat-Trattat Euratom jipprevedi li: “Il-Komunità tista’, fil-limiti tal-kompetenza tagħha, tidħol f’obbligi billi tikkonkludi ftehim jew konvenzjonijiet ma’ pajjiż terz, ma’ organizzazzjoni internazzjonali jew ma’ ċittadin ta’ pajjiż terz”.
L-Artikolu 101(2) tat-Trattat Euratom jipprevedi li: “Ftehim u konvenzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu nnegozjati mill-Kummissjoni skont direttivi maħruġa mill-Kunsill u għandhom ikunu konklużi mill-Kummissjoni bl-approvazzjoni tal-Kunsill, li jaġixxi permezz ta’ vot ta’ maġġoranza kkwalifikata.”
4.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
It-TKE huwa ftehim internazzjonali li inter alia, il-Euratom hija parti għalih.
Fit-3 ta’ Diċembru 2024, il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija se tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali. Dawn l-atti se jkunu vinkolanti skont id-dritt internazzjonali. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 101(2) tat-Trattat Euratom, dawn għandhom ikunu soġġetti għall-approvazzjoni tal-Kunsill b’maġġoranza kkwalifikata.
Id-deċiżjonijiet li għandhom jiġu adottati mill-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija, biex jiġu adottati, skont l-Artikolu 34 tat-TKE, l-emenda proposta u fehim tal-Artikolu 49 tat-TKE jikkostitwixxu, fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, atti li jkollhom effetti legali vinkolanti skont id-dritt internazzjonali minħabba li għandhom jiġu adottati simultanjament mad-deċiżjoni dwar id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni proviżorja tal-emendi u tal-fehimiet tat-test tat-TKE, li tobbliga lill-Partijiet Kontraenti japplikaw proviżorjament dawn l-emendi u fehimiet f’data maqbula, jekk ma tiġi ppreżentata l-ebda dikjarazzjoni kuntrarja fil-ħin opportun.
Id-Deċiżjoni li għandha tiġi adottata mill-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija biex is-Segretarjat tal-Karta tal-Enerġija jiġi approvat bħala depożitarju tat-TKE fil-perjodu interim mit-2 ta’ Frar 2025 tikkostitwixxi wkoll att li għandu effett legali skont id-dritt internazzjonali. Din tikkostitwixxi l-bażi legali għas-Segretarjat tal-Karta tal-Enerġija biex jiġi żgurat funzjonament stabbli tal-Karta tal-Enerġija u se tidħol fis-seħħ immedjatament mal-adozzjoni tagħha, mingħajr il-ħtieġa ta’ ratifika, skont l-Artikolu 48 tat-TKE.
Għaldaqstant, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 101(2) tat-Trattat Euratom peress li t-Trattat Euratom ma fih l-ebda dispożizzjoni ekwivalenti għall-Artikolu 218(9) tat-TFUE għal deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim.
5.Pubblikazzjoni tal-att previst
Peress li d-deċiżjonijiet tal-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija se jemendaw it-TKE, il-Fehimiet, id-Dikjarazzjonijiet u d-Deċiżjonijiet tiegħu u se jaħtru depożitarju ġdid skont l-Artikolu 49 tat-TKE fil-perjodu interim sad-dħul fis-seħħ tat-TKE modernizzat, jixraq li jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tagħhom.
2024/0293 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tapprova l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem il-Euratom fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 101(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)It-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (“it-TKE”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 98/181/KE, KEFA, Euratom u daħal fis-seħħ fis-16 ta’ April 1998. 7
(2)Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe aġġornament sostanzjali tat-TKE mis-snin 90, it-TKE sar dejjem iktar antikwat.
(3)L-Artikolu 49 tat-TKE jistabbilixxi li l-Gvern tar-Repubblika Portugiża għandu jkun id-depożitarju tat-TKE. Fl-1 ta’ Frar 2024, ir-Repubblika Portugiża nnotifikat l-intenzjoni tagħha li toħroġ mit-TKE u għalhekk anke l-intenzjoni tagħha li tieqaf taqdi l-funzjoni ta’ depożitarju. Il-ħruġ tar-Repubblika Portugiża mit-TKE se jidħol fis-seħħ fit-2 ta’ Frar 2025.
(4)Hemm bżonn emenda fl-Artikolu 49 tat-TKE biex jinħatar depożitarju ġdid għat-TKE. Il-Partijiet Kontraenti għat-TKE (“il-Partijiet Kontraenti”) qablu fin-negozjati li jżidu tali emenda fit-test modernizzat tat-TKE, filwaqt li proponew lis-Segretarjat tal-Karta tal-Enerġija (“is-Segretarjat”) bħala d-depożitarju l-ġdid. Qablu wkoll li jipproponu fehim ġdid fir-rigward tal-Artikolu 49 tat-TKE dwar ir-rwoli tas-Segretarjat għall-approvazzjoni tal-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija. Barra minn hekk, minħabba li mhux il-Partijiet Kontraenti kollha se japplikaw it-TKE modernizzat b’mod proviżorju wara l-adozzjoni tiegħu, il-Partijiet Kontraenti qablu li jipproponu deċiżjoni għall-approvazzjoni tal-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija, li se taħtar lis-Segretarjat bħala depożitarju interim mit-2 ta’ Frar 2025, sakemm jidħlu fis-seħħ l-emendi tat-TKE.
(5)Skont l-Artikolu 34 tat-TKE, il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija tadotta t-testi tal-emendi tat-TKE.
(6)Il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija trid tadotta l-atti proposti fil-laqgħa tagħha tat-3 ta’ Diċembru 2024. L-atti li għandhom jiġu adottati mill-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija se jkunu vinkolanti fuq il-Euratom.
(7)Jixraq li waqt il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija, il-Euratom ma teżerċitax il-vot tagħha dwar l-emendi proposti tat-TKE u tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Istati Membri li huma Partijiet Kontraenti, li jaġixxu b’mod konġunt għal kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Euratom. Din il-pożizzjoni hija mingħajr preġudizzju għad-diviżjoni tal-kompetenzi bejn il-Euratom u l-Istati Membri. Dan jikkomplementa d-Deċiżjoni tal-Kunsill (Euratom) 2024/1645 8 .
(8)L-Istati Membri li huma Partijiet Kontraenti u li huma preżenti waqt il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija għandhom jieħdu pożizzjoni li ma timpedix l-adozzjoni jew l-approvazzjoni tal-atti proposti,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1.F’konformità mal-Artikolu 36(7) tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (“TKE”), waqt il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija, il-Euratom ma għandhiex teżerċita d-dritt tal-vot tagħha dwar l-emenda proposta u l-fehim dwar l-Artikolu 49 tat-TKE, u dwar id-deċiżjoni rigward il-ħatra ta’ depożitarju skont l-Artikolu 49 tat-TKE.
2.L-Istati Membri li huma Partijiet Kontraenti għat-TKE u li huma preżenti waqt il-Konferenza għandhom, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt, jeżerċitaw il-vot tagħhom fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija fit-3 ta’ Diċembru 2024 b’tali mod li:
(a)ma jimpedix l-adozzjoni mill-Konferenza tal-emenda proposta tal-Artikolu 49 tat-TKE (CC 760 REV2);
(b)ma jimpedix l-approvazzjoni tal-fehim fir-rigward tal-Artikolu 49 tat-TKE dwar ir-rwoli tas-Segretarjat tal-Karta tal-Enerġija (CC 762 REV2); u
(c)ma jimpedix l-approvazzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-ħatra tas-Segretarjat tal-Karta tal-Enerġija bħala depożitarju skont l-Artikolu 49 tat-TKE b’effett mit-2 ta’ Frar 2025 (CC 814).
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 11.11.2024
COM(2024) 527 final
ANNESS
tal-
proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
li tapprova l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem il-Euratom fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija
ANNESS
1.Emenda proposta tal-Artikolu 49 tat-TKE, inkluża fl-emendi proposti tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (id-dokument CC 760 REV2), kif ippreżentata lill-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija fit-3 ta’ Settembru 2024.
Artikolu 49
Depożitarju
Is-Segretarjat Il-Gvern tar-Repubblika Portugiża għandu jkun id-Depożitarju ta’ dan it-Trattat. 1
2.Fehim ġdid propost fir-rigward tal-Artikolu 49 dwar ir-rwoli tas-Segretarjat tal-Karta tal-Enerġija, inkluż fil-bidliet proposti tal-Fehimiet, tad-Dikjarazzjonijiet u tad-Deċiżjoni (id-dokument CC 762 REV2), kif ippreżentat lill-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija fit-3 ta’ Settembru 2024.
|
Fehim 16 fir-rigward tal-Artikolu 49 fit-TKE oriġinali |
Fehim 18 fir-rigward tal-Artikolu 49 fit-TKE kif emendat fl-1998 |
|
Is-“Segretarjat” fl-Artikolu 49 għandu jfisser “Segretarjat” definit fl-Artikolu 35. Sabiex jiġi evitat kull dubju, ir-referenzi kollha għad-“Depożitarju” f’dan it-Trattat għandhom ifissru s-“Segretarjat” definit fl-Artikolu 35 fil-kapaċità tad-Depożitarju. |
|
3.Deċiżjoni proposta tal-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija dwar il-Ħatra tas-Segretarjat tal-Karta tal-Enerġija bħala Depożitarju skont l-Artikolu 49 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (id-dokument CCDEC li għandu jimtela), kif ippreżentata lill-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija fit-3 ta’ Settembru 2024.
Il-35 Laqgħa tal-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija
3 ta’ Diċembru 2024
ĦATRA tas-segretarjat tal-karta tal-enerġija bħala DEPOŻITARJU SKONT l-ARTIKOLU 49 tat-Trattat tal-KARTA TAL-ENERĠIJA
Il-Partijiet Kontraenti għat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (TKE)
Filwaqt li jieħdu nota tal-ħruġ tar-Repubblika Portugiża bħala Parti Kontraenti għat-TKE b’effett mit-2 ta’ Frar 2025,
Wara li kkunsidraw in-notifika tar-Repubblika Portugiża tas-7 ta’ Marzu 2024 li l-Gvern tar-Repubblika Portugiża ma għandux jibqa’ jwettaq il-funzjonijiet tad-Depożitarju skont l-Artikolu 49 tat-TKE wara li jidħol fis-seħħ il-ħruġ tiegħu,
Filwaqt li jfakkru fl-emenda tal-Artikolu 49 li taħtar is-Segretarjat tal-Karta tal-Enerġija (Segretarjat) bħala d-Depożitarju tat-TKE adottata mill-35 Konferenza tal-Karta tal-Enerġija [CC 814],
Qablu kif ġej:
1.Sakemm jidħlu fis-seħħ l-emendi tat-TKE adottati fit-3 ta’ Diċembru 2024 għal kwalunkwe Parti Kontraenti, is-Segretarjat għandu jwettaq il-funzjonijiet tad-Depożitarju tat-TKE fuq bażi interim għal kull Parti Kontraenti bħal din mit-2 ta’ Frar 2025.
2.Is-Segretarjat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura t-tranżizzjoni tal-funzjonijiet tad-Depożitarju mill-Gvern tar-Repubblika Portugiża u jassumi dawn il-funzjonijiet fuq bażi interim skont is-subparagrafu (a) fit-2 ta’ Frar 2025.