IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 3.9.2024
COM(2024) 391 final
2024/0215(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta’ Standards fin-Navigazzjoni Interna u fil-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu fir-rigward tal-adozzjoni ta’ standards tan-navigazzjoni interna
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Is-suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħa tal-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta’ standards fin-Navigazzjoni Interna (“CESNI”) fis-17 ta’ Ottubru 2024 u fis-sessjoni plenarja tal-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu (“CCNR”) fil-5 ta’ Diċembru 2024 b’rabta mal-adozzjoni prevista tal-Istandards Ewropej li jistabbilixxu Rekwiżiti Tekniċi għall-bastimenti tan-Navigazzjoni Interna (ES-TRIN 2025/1) u l-Istandard Ewropew tas-Servizzi tal-Informazzjoni tax-Xmajjar (ES-RIS 2025/1).
2.Il-kuntest tal-proposta
2.1.Is-CCNR u s-CESNI
Is-CCNR hija organizzazzjoni internazzjonali b’kompetenzi regolatorji għal kwistjonijiet ta’ trasport b’navigazzjoni interna fuq ir-Renu. Erba’ Stati Membri (il-Belġju, Franza, il-Ġermanja u n-Netherlands) u l-Iżvizzera huma partijiet fis-CCNR.
Il-Konvenzjoni riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu, iffirmata fis-17 ta’ Ottubru 1868 f’Mannheim u emendata fl-14 ta’ April 1967, tiddefinixxi l-qafas legali li jirregola l-użu tar-Renu bħala passaġġ fuq l-ilma intern għan-navigazzjoni u tistabbilixxi l-attribuzzjonijiet tas-CCNR (Konvenzjoni ta’ Mannheim). Hija tkompli r-reġim tar-Renu stabbilit mill-Kungress ta’ Vjenna fl-1815. Għat-teħid tad-deċiżjonijiet, l-Istati Membri tas-CCNR jiltaqgħu darbtejn fis-sena f’laqgħat plenarji. Kull Stat għandu vot wieħed u d-deċiżjonijiet jittieħdu b’mod unanimu. Dawn ir-riżoluzzjonijiet huma legalment vinkolanti. L-UE mhijiex membru tas-CCNR.
Fl-2015, is-CCNR adottat riżoluzzjoni li ħolqot is-CESNI. Il-missjoni tiegħu tinkludi l-adozzjoni ta’ standards tekniċi fin-navigazzjoni interna, b’mod partikolari fir-rigward tal-bastimenti, it-teknoloġija tal-informazzjoni u l-ekwipaġġ, l-interpretazzjoni uniformi ta’ dawn l-istandards u tal-proċeduri korrispondenti kif ukoll id-deliberazzjonijiet dwar is-sikurezza tan-navigazzjoni, il-ħarsien tal-ambjent jew oqsma oħra tan-navigazzjoni.
Is-CESNI huwa magħmul minn esperti tal-Istati Membri tal-UE u tas-CCNR. Dawn għandhom drittijiet tal-vot abbażi ta’ vot wieħed għal kull stat. Madankollu, is-CESNI jintegra wkoll l-UE u l-istituzzjonijiet internazzjonali kif ukoll l-għarfien espert fil-ħidma tiegħu. L-UE tista’ dejjem tipparteċipa fil-ħidma tas-CESNI mingħajr drittijiet tal-vot, flimkien ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali li l-missjoni tagħhom tkopri l-oqsma kkonċernati mis-CESNI. Flimkien ma’ dawn id-drittijiet ta’ parteċipazzjoni, is-CESNI jista’ jfittex li jsib għarfien espert (minn esperti individwali, soċjetajiet ta’ klassifikazzjonijiet, eċċ.). Il-plenarja tas-CESNI tiffinalizza l-istandards li ntlaħaq qbil dwarhom fil-livell tal-esperti.
L-UE u s-CCNR jipprevedu regolamenti fil-kuntest tar-rekwiżiti tekniċi għall-passaġġi fuq l-ilma interni, jiġifieri d-Direttiva (UE) 2016/1629 u r-Regolamenti għall-Ispezzjoni tal-Bastimenti tar-Renu (RVIR), kif ukoll għas-servizzi ta’ informazzjoni tax-xmajjar (RIS) kif definiti fid-Direttiva 2005/44/KE u r-Regolamenti dwar l-Ispezzjoni tal-Bastimenti tar-Renu. Fir-rigward tar-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, iż-żewġ reġimi legali jirreferu għall-istandards tas-CESNI – Standards Ewropej li jistabbilixxu r-Rekwiżiti Tekniċi għall-bastimenti tan-Navigazzjoni Interna (ES-TRIN).
Skont it-termini tal-RIS, l-Istandard Ewropew għas-Servizzi tal-Informazzjoni tax-Xmajjar (ES-RIS) se jiġi inkorporat fil-liġi tal-UE. Il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2005/44/KE dwar is-Servizzi Armonizzati tal-Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS) fil-passaġġi fuq l-ilma interni fil-Komunità (adottata mill-Kummissjoni f’Jannar 2024) tirreferi għall-ES-RIS bħala standard applikabbli fl-UE. Dan l-approċċ ġie kkonfermat mill-Kunsill waqt it-TTE tat-18 ta’ Ġunju 2024. Ir-referenza għall-aktar verżjoni reċenti tal-ES-RIS hija prevista wkoll fir-Regolamenti rilevanti dwar ir-Renu.
2.2.L-atti previsti tas-CESNI u tas-CCNR
Fil-laqgħa tiegħu tas-17 ta’ Ottubru 2024, is- CESNI għandu jadotta edizzjoni ġdida ta’ Standards Ewropej li jistabbilixxu Rekwiżiti Tekniċi għall-bastimenti tan-Navigazzjoni Interna (ES-TRIN 2025/1), u edizzjoni ġdida tal-Istandard Ewropew tas-Servizzi tal-Informazzjoni tax-Xmajjar (ES-RIS 2025/1).
ES-TRIN
L-ewwel verżjoni tal-ES-TRIN (ES-TRIN 2015/1) ġiet iffinalizzata mis-CESNI fil-laqgħa tiegħu tat-28 ta’ Settembru 2015. Din ġiet adottata formalment mil-laqgħa tal-Kumitat tas-CESNI fis-26 ta’ Novembru 2015. L-emendi tal-ES-TRIN li ġejjin ġew adottati mis-CESNI:
1.L-istandard ES-TRIN 2017/1, fis-6 ta’ Lulju 2017
2.L-istandard ES-TRIN 2019/1, fit-8 ta’ Novembru 2018
3.L-istandard ES-TRIN 2021/1, fit-13 ta’ Ottubru 2020
4.L-istandard ES-TRIN 2023/1, fit-13 ta’ Ottubru 2022
ES-TRIN jiġi aġġornat regolarment, filwaqt li jiġi meqjus ix-xogħol tal-gruppi ta’ ħidma tas-CESNI.
L-aġġornament regolari ta’ ES TRIN huwa meħtieġ biex:
·– jinżamm il-livell għoli ta’ sikurezza fin-navigazzjoni interna
·– tiġi segwita l-evoluzzjoni teknika (eż., is-sistemi tat-tifi tan-nar, it-tagħmir tan-navigazzjoni)
·– tiġi żgurata l-kompatibilità mal-qafas ġuridiku tal-UE.
Matul l-2023 u l-2024, l-esperti tas-CESNI ħejjew l-edizzjoni l-ġdida ta’ ES-TRIN, ES-TRIN 2025/1.
B’mod partikolari, l-ES-TRIN 2025/1 jinkorpora l-emendi varji li jikkonċernaw l-oqsma li ġejjin:
•
Karburanti b’Punt ta’ Fjammabilità Baxx, b’mod partikolari l-ħżin u l-użu tal-metanol,
•
L-immarkar ta’ żoni perikolużi u t-tikkettar tal-fjuwils,
•
Sistemi ta’ propulsjoni elettrika,
•
Akkumulaturi tal-joni tal-litju,
•
L-użu ta’ aluminju jew ta’ plastik imsaħħaħ bil-fibra għall-kostruzzjoni ta’ bastimenti tal-passiġġieri,
•
Abbandun tal-protokoll tal-parametri tal-magna,
•
Rikonoxximent tal-eżenzjoni tal-ittestjar fuq il-post għall-magni,
•
Konnessjonijiet tal-mili u kodiċijiet xierqa tal-kuluri,
•
Tagħmir tan-navigazzjoni u tal-informazzjoni, b’mod partikolari tagħmir AIS Interna,
•
Impjanti tat-trattament tad-drenaġġ,
•
Kmamar tat-tmunier li jistgħu jiġu elevati u dispożizzjonijiet tranżizzjonali għall-kmamar tat-tmunier ritrattibbli,
•
Sistemi ta’ bexxiexa tal-ilma awtomatiċi li jaħdmu bl-arja kkumpressata,
•
Partijiet ta’ konnessjoni bejn l-ankra u l-katina,
•
Kabini tal-irqad,
•
L-aġġornament tar-referenzi għar-Regolamenti għall-Persunal tan-Navigazzjoni fuq ir-Renu, għall-ES-RIS 2025/1 u għal standards internazzjonali oħra.
Waqt il-laqgħa tiegħu tal-11 ta’ April 2024, is-CESNI ddeċieda li jiskeda l-adozzjoni tal-istandard ES-TRIN 2025/1 fil-laqgħa tas-17 ta’ Ottubru 2024. Qabel din il-laqgħa tas-17 ta’ Ottubru 2024, huwa mistenni li jsir biss xi tibdil minuri u formali fl-abbozz ta’ standard. L-istandard ES-TRIN 2025/1 se jiġi ppubblikat permezz ta’ sit web iddedikat (cesni.eu). L-Istati Membri kollha tal-UE għandhom aċċess (protett) għall-abbozzi tal-istandards imsemmija iktar ’l fuq.
F’konformità mad-Direttiva (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, li temenda d-Direttiva 2009/100/KE u li tħassar id-Direttiva 2006/87/KE, l-istandard ES-TRIN 2025/1 jenħtieġ li jiġi inkorporat fil-liġi tal-UE.
Ir-referenzi għall-istandard adottati mis-CESNI huma inklużi fl-Anness II tad-Direttiva (UE) 2016/1629. Skont l-Artikolu 31(1) ta’ dik id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati sabiex tadatta l-Anness II bl-għan li taġġorna, mingħajr dewmien żejjed, ir-referenza għall-aktar verżjoni reċenti tal-istandard ES-TRIN, u sabiex tistabbilixxi d-data ta’ applikazzjoni tiegħu.
Attwalment, id-Direttiva msemmija tirreferi għall-ES-TRIN 2023/1. L-Artikolu 9 tar-Regoli ta’ Proċedura tas-CESNI jippermetti l-adozzjoni ta’ standards biss wara li tkun ittieħdet deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
Is-CCNR se tadotta wkoll riżoluzzjoni li temenda r-Regolamenti tagħha dwar ir-Renu (b’mod partikolari r-RVIR). Din se tinkludi referenza għall-ES-TRIN 2025/1 aġġornat.
Kemm id-dritt tal-UE kif ukoll ir-Regolamenti tas-CCNR se jirreferu għall-istandard ES-TRIN 2025/1 mill-1 ta’ Jannar 2026.
ES-RIS
L-ewwel verżjoni tal-ES-RIS (ES-RIS, Edizzjoni 2021/1) ġiet adottata formalment mil-laqgħa Plenarja tas-CESNI fil-15 ta’ April 2021. L-emendi li ġejjin tal-ES-RIS 2023/1 ġew adottati mis-CESNI fit-13 ta’ Ottubru 2022.
Matul l-2023 u l-2024, l-esperti tas-CESNI ħejjew l-edizzjoni l-ġdida ta’ ES-RIS, ES-RIS 2025/1.
L-ES-RIS 2025/1 għadda minn bidliet fl-ifformattjar bi standardizzazzjoni tat-tqassim, tal-istruttura ġenerali u tal-annessi tiegħu. In-numerazzjoni tal-artikoli, tal-kapitoli, tat-tabelli, tad-dijagrammi u taċ-ċarts ġiet riveduta. Dan jinkorpora diversi titjib fil-konsistenza interna u l-koerenza tiegħu bejn il-partijiet differenti tal-istandard.
ES-RIS 2025/1 jinkorpora emendi varji, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-oqsma li ġejjin:
– il-ħolqien tal-Parti 0, li fiha abbrevjazzjonijiet, definizzjonijiet, u referenzi għal dokumenti esterni
– it-twaqqif ta’ standards għall-Għajnuniet għan-Navigazzjoni u l-emendar tal-partijiet rilevanti tal-ES-RIS
– ir-rinumerazzjoni tal-annessi, b’mod partikolari fit-taqsimiet relatati ma’:
– Sistemi elettroniċi standard ta’ viżwalizzazzjoni ta’ mapep u ta’ informazzjoni għan-navigazzjoni interna
– Trekkjar u traċċar tal-bastimenti standard għan-navigazzjoni interna
– Rapportaġġ elettroniku standard tal-bastimenti fin-navigazzjoni interna
– Avviżi standard lill-kaptani
– l-għoti ta’ korrezzjonijiet u kjarifiki, iżda mingħajr modifika tal-kontenut.
Waqt il-laqgħa tiegħu tal-11 ta’ April 2024, is-CESNI ddeċieda li jiskeda l-adozzjoni tal-ES-RIS 2025/1 fil-laqgħa tas-17 ta’ Ottubru 2024. Qabel din il-laqgħa tas-17 ta’ Ottubru 2024, huwa mistenni li jsir biss xi tibdil żgħir fl-abbozz tal-istandard. L-ES-RIS 2025/1 se jiġi ppubblikat permezz ta’ sit web iddedikat (cesni.eu). L-Istati Membri kollha tal-UE għandhom aċċess (protett) għall-abbozzi tal-istandards imsemmi iktar ’il fuq.
Il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2005/44/KE dwar is-Servizzi Armonizzati ta’ Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS) fil-passaġġi fuq l-ilma interni fil-Komunità (adottata mill-Kummissjoni f’Jannar 2024), tirreferi għall-ES-RIS bħala standard applikabbli fl-UE għas-servizzi tal-informazzjoni tax-xmajjar. L-adozzjoni prevista mill-koleġiżlaturi hija prevista f’nofs l-2025. Għalhekk, hemm il-ħtieġa li l-ES-RIS 2025/1 tiġi adottata biex tiġi inkorporata fid-Direttiva 2005/44/KE bħala l-aktar verżjoni reċenti tal-istandards.
Is-CCNR se tadotta riżoluzzjoni li temenda r-Regolamenti tas-CCNR sabiex jinkludu referenza għall-ES-RIS 2025/1.
Peress li l-ES-TRIN 2025/1 fih referenzi għall-ES-RIS 2025/1, huwa importanti li ż-żewġ standards jiġu adottati mis-CESNI fil-laqgħa tiegħu tas-17 ta’ Ottubru 2024.
3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Id-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni hija meħtieġa peress li l-atti li għandhom jiġu adottati għandhom effetti ġuridiċi għall-finijiet tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-impatt tagħhom fuq qasam tal-leġiżlazzjoni tal-UE li huwa soġġett għall-kompetenza esklużiva tal-Unjoni skont l-Artikolu 3(2) tat-TFUE.
L-aġġornamenti tal-istandards tekniċi ES-TRIN u ES-RIS kienu s-suġġett ta’ tħejjija intensiva fil-livell tal-esperti tas-CESNI. Firxa kbira ta’ esperti mis-settur pubbliku u privat ġew ikkonsultati f’dan ir-rigward. Il-laqgħat tekniċi twettqu matul l-iżvilupp tal-istandard fil-livell tas-CESNI.
Dawn il-laqgħat ippermettew li jintlaħaq ftehim fil-livell ta’ esperti dwar l-istandards fin-navigazzjoni interna.
Il-pożizzjoni proposta tal-Unjoni hija li tadotta l-ES-TRIN 2025/1 u l-ES-RIS 2025/1 peress li jiżguraw l-ogħla livell ta’ sikurezza fin-navigazzjoni interna, isegwu l-evoluzzjoni teknika f’dan is-settur u jiżguraw il-kompatibbiltà tar-rekwiżiti għall-bastimenti u l-kompatibbiltà tas-servizzi tal-informazzjoni tax-xmajjar fl-Ewropa.
4.Bażi ġuridika
4.1.Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika irrispettivament minn jekk l-Unjoni hijiex membru tal-korp jew parti għall-ftehim.
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li għandhom effetti legali bis-saħħa ta’ regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw is-sede inkwistjoni. Jinkludi wkoll strumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mill-korp leġiżlattiv tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
Għalkemm l-istandards adottati mis-CESNI m’humiex vinkolanti fihom innifishom, dawn isiru vinkolanti għall-membri tas-CCNR ladarba s-CCNR timmodifika l-qafas leġiżlattiv tagħha (ir-regolament għall-ispezzjoni tal-bastimenti fuq ir-Renu, ir-regolament tal-pulizija tar-Renu) b’referenza għall-istandards adottati mis-CESNI u li b’hekk dawn l-istandards isiru mandatorji fil-qafas tal-applikazzjoni tal-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu. Fil-fatt, il-karattru vinkolanti ta’ tali Regolament fost il-Membri tas-CCNR huwa stabbilit fil-Konvenzjoni ta’ Mannheim.
Il-laqgħat plenarji jsiru darbtejn fis-sena. Għalihom jattendu rappreżentanti tal-Istati Membri tas-CCNR. Il-laqgħa plenarja hi l-korp deċiżjonali tas-CCNR. Din tadotta r-riżoluzzjonijiet tas-CCNR. Kull Stat għandu vot wieħed, u d-deċiżjonijiet jittieħdu b’mod unanimu. Dawn ir-riżoluzzjonijiet huma legalment vinkolanti.
F’konformità mal-Artikoli 22 u 23 tal-Konvenzjoni ta’ Mannheim, is-CCNR għandha s-setgħa li tistabbilixxi rekwiżiti tekniċi vinkolanti għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni. Ir-Riżoluzzjoni li għandha tiġi adottata mis-CCNR li se temenda r-Regolamenti tas-CCNR sabiex jinkludu referenza għall-ES-TRIN 2025/1 b’hekk se tkun att legalment vinkolanti fir-rigward tal-Partijiet għas-CCNR.
Min-naħa l-oħra u f’konformità mal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Mannheim, is-CCNR tista’ timmodifika l-qafas regolatorju tagħha relatat mas-servizzi tal-informazzjoni tax-xmajjar (“RIS”) sabiex tallinja l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi applikabbli għall-RIS mal-ES-RIS 2025/1. Ir-riżoluzzjoni li għandha tiġi adottata mis-CCNR li se temenda r-Regolamenti tas-CCNR biex jinkludu referenza għall-ES-RIS 2025/1, se tkun att legalment vinkolanti fir-rigward tal-Partijiet għas-CCNR. Madanakollu, mhux se tissupplimenta jew temenda l-qafas istituzzjonali tal-Konvenzjoni ta’ Mannheim.
Għalhekk, l-atti previsti se jkunu vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikoli 1 u 22 tal-Konvenzjoni ta’ Mannheim.
Barra minn hekk, l-ES-TRIN 2025/1 u l-ES-RIS 2025/1 huma atti li għandhom effetti legali għall-fini tal-applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE, peress li jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, jiġifieri: Id-Direttiva (UE) 2016/1629 u d-Direttiva 2005/44/KE.
Fir-rigward tal-istandard ES-TRIN, dan huwa minħabba li l-qafas applikabbli skont il-Konvenzjoni ta’ Mannheim irid jitqies fil-kuntest tad-Direttiva (UE) 2016/1629, minħabba li d-dokmenti maħruġa skont il-qafas legali tar-Renu, huma rikonoxxuti f’konformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva (UE) 2016/1629. Barra minn hekk, l-istandards tekniċi adottati mis-CESNI huma inklużi fl-Anness II tad-Direttiva 2016/1629, u għandhom jiġu aġġornati permezz ta’ atti delegati.
Fir-rigward tas-servizzi tal-informazzjoni tax-xmajjar, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/44 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta linji gwida tekniċi u speċifikazzjonijiet tekniċi sabiex l-RIS ikunu appoġġjati u sabiex tkun żgurata l-interoperabbiltà ta’ dawn is-servizzi. Il-premessa 3 tad-Direttiva tiddikjara li għal raġunijiet ta’ sikurezza u fl-interess tal-armonizzazzjoni pan-Ewropea, il-kontenut ta’ tali rekwiżiti komuni u speċifikazzjonijiet tekniċi jenħtieġ li jibni fuq xogħol imwettaq f’dan il-kamp minn organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari bħas-CCNR u l-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE). L-ES-RIS 2025/1 se jkun fih speċifikazzjonijiet tekniċi li jeħtieġ li jiġu adottati fil-qafas tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/44. Dan il-proċess ta’ adozzjoni se jiġi allinjat mal-proċess ta’ adozzjoni li għaddej bħalissa tad-direttiva li temenda d-Direttiva 2005/44/KE li tirreferi direttament għall-ES-RIS, bħala standard applikabbli. Għall-finijiet ta’ reġim ta’ navigazzjoni armonizzat fuq ir-Renu, id-deċiżjoni dwar l-ES-RIS fis-CCNR għandha tkun dik li jiġi adottat l-ES-RIS 2025/1 ukoll.
Għalhekk, jeħtieġ li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fi ħdan is-CESNI u s-CCNR għall-adozzjoni ta’ standards dwar ir-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tan-navigazzjoni interna u standards dwar is-servizzi armonizzati tal-informazzjoni tax-xmajjar.
Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u fuq il-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst huma relatati mal-politika komuni tat-trasport.
Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 91(1) tat-TFUE.
4.3.Konklużjoni
Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 91(1) tat-TFEU, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
2024/0215 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta’ Standards fin-Navigazzjoni Interna u fil-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu fir-rigward tal-adozzjoni ta’ standards tan-navigazzjoni interna
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Konvenzjoni riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu tas-17 ta’ Ottubru 1868, kif emendata bir-reviżjoni tal-20 ta’ Ottubru 1963, (“il-Ftehim”) daħlet fis-seħħ fl-14 ta’ April 1967. Il-Ftehim iżomm lill-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu (“CCNR”) u r-reġim għan-navigazzjoni interna tar-Renu stabbilit fl-1815. Fil-qafas tas-CCNR, inħoloq il-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta’ standards fin-navigazzjoni interna (“CESNI”)
fit-3 ta’ Ġunju 2015 sabiex jiżviluppa standards tekniċi għall-passaġġi fuq l-ilma interni f’diversi oqsma, b’mod partikolari fir-rigward tal-bastimenti, it-teknoloġija tal-informazzjoni u l-ekwipaġġ.
(2)Id-Direttiva (UE) 2016/1629 tirreferi għall-istandards l-aktar reċenti tas-CESNI dwar ir-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, jiġifieri l-ES-TRIN. Is-CCNR tirreferi wkoll għall-istandards l-aktar reċenti fir-Regolamenti tagħha dwar ir-Renu. Skont l-Artikoli 22 u 23 tal-Ftehim, is-CCNR tista’ tadotta riżoluzzjonijiet vinkolanti li jistabbilixxu rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni fin-navigazzjoni interna tar-Renu. L-istandards li għandhom jiġu adottati mis-CESNI għalhekk se jkunu vinkolanti ladarba r-riżoluzzjonijiet vinkolanti rilevanti tas-CCNR jagħmlu referenza għal dawn l-istandards.
(3)Skont il-Ftehim, is-CCNR tista’ timmodifika l-qafas regolatorju tagħha relatat mas-servizzi tal-informazzjoni tax-xmajjar (“RIS”) billi tirreferi għall-istandards adottati mill-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta’ standards fin-navigazzjoni interna (“CESNI”) u tagħmel dawk l-istandards obbligatorji fil-qafas tal-applikazzjoni tal-Ftehim.
(4)Is-CESNI għandu jadotta l-Istandard Ewropew aġġornat li jistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tan-Navigazzjoni Interna 2025/1 (“ES-TRIN 2025/1”) u l-Istandard Ewropew għas-Servizzi tal-Informazzjoni tax-Xmajjar 2025/1 (“ES-RIS 2025/1”) matul is-sessjoni tiegħu tas-17 ta’ Ottubru 2024. Wara din l-adozzjoni, is-CCNR biħsiebha tadotta riżoluzzjoni li temenda r-Regolamenti dwar ir-Renu biex jirreferu għall-ES-TRIN 2025/1 u l-ES-RIS 2025/1 fis-sessjoni plenarja tagħha tal-5 ta’ Diċembru 2024. L-ES-TRIN 2025/1 u l-ES-RIS 2025/1 jissostitwixxu l-ES-TRIN 2023/1 u l-ES-RIS 2023/1 kif xieraq.
(5)L-ES-TRIN 2025/1 jistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi uniformi meħtieġa biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma. Dan jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-bini tal-bastimenti, l-armar u t-tagħmir għal bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, dispożizzjonijiet speċjali fir-rigward ta’ kategoriji speċifiċi ta’ bastimenti bħal bastimenti tal-passiġġieri, konvojs imbuttati u bastimenti tal-kontejners, dispożizzjonijiet dwar it-tagħmir tas-Sistema ta’ Indentifikazzjoni Awtomatika, dispożizzjonijiet dwar l-identifikazzjoni tal-bastiment, mudell ta’ ċertifikati u reġistru, dispożizzjonijiet tranżizzjonali, kif ukoll struzzjonijiet għall-applikazzjoni tal-istandard tekniku.
(6)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-CESNI u fis-CCNR, peress li l-ES-TRIN 2025/1 se jinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni. L-Artikolu 31 u 32 tad-Direttiva (UE) 2016/1629 jirrikjedu li l-Kummissjoni tadotta atti delegati li jirreferu għall-aħħar verżjoni tal-istandard ES-TRIN u tistabbilixxi d-data tal-applikazzjoni tiegħu, dment li l-interessi tal-Unjoni ma jiġux kompromessi minn bidliet fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tas-CESNI.
(7)L-ES-RIS 2025/1 jistabbilixxi speċifikazzjonijiet u standards tekniċi uniformi sabiex jappoġġja l-RIS u jiżgura l-interoperabbiltà tagħhom. L-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards tekniċi taħt l-ES-RIS 2025/1 jikkorrispondu għall-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards tekniċi li għalihom l-adozzjoni hija meħtieġa mid-Direttiva 2005/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, b’mod partikolari fl-oqsma li ġejjin: sistema elettronika ta’ viżwalizzazzjoni ta’ mapep u ta’ informazzjoni għan-navigazzjoni interna, rapportaġġ elettroniku tal-bastimenti, avviżi lill-kaptani, sistemi ta’ trekkjar u traċċar tal-bastimenti u kompatibbiltà tat-tagħmir meħtieġ għall-użu tal-RIS.
(8)L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-RIS huma bbażati fuq il-prinċipji tekniċi stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva 2005/44/KE u jieħdu kont tal-ħidma mwettqa f’dan il-qasam mill-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti.
(9)Jixraq għalhekk li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan is-CESNI, peress li l-ES-RIS 2025/1 se jkun jista’ jinfluwenza b’mod determinanti l-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi vinkolanti adottati fil-qafas tad-Direttiva 2005/44/KE.
(10)Fis-sessjoni plenarja li ġejja, is-CCNR hija mistennija tadotta riżoluzzjonijiet li jemendaw ir-Regolamenti tas-CCNR sabiex jinkludu referenza għall-ES-TRIN 2025/1 u l-ES-RIS 2025/1. Tali emenda se tkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikoli 1 u 22 tal-Konvenzjoni. Għalhekk, jixraq ukoll li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan is-CCNR.
(11)Sabiex jiġi ffaċilitat l-ogħla livell ta’ sikurezza fin-navigazzjoni interna, tiġi segwita l-evoluzzjoni teknika f’dan is-settur u tiġi żgurata l-kompatibbiltà tar-rekwiżiti għall-bastimenti u l-kompatibbiltà tas-servizzi tal-informazzjoni tax-xmajjar fl-Ewropa, huwa importanti li r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti u għas-servizzi tal-informazzjoni tax-xmajjar ikunu armonizzati kemm jista’ jkun taħt reġimi legali differenti fl-Ewropa. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Istati Membri li huma membri tas-CCNR ikunu awtorizzati sabiex jappoġġjaw deċiżjonijiet li jarmonizzaw ir-regoli tas-CCNR ma’ dawk applikati fl-Unjoni.
(12)Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tas-CESNI u tas-CCNR, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan is-CESNI fir-rigward tal-adozzjoni tal-ES-TRIN 2025/1 u l-ES-RIS 2025/1 għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tagħhom.
2.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan is-CCNR għandha tkun li jiġu appoġġati l-proposti kollha li jallinjaw ir-Regolamenti tas-CCNR mal-ES-TRIN 2025/1 u l-ES-RIS 2025/1.
Artikolu 2
1.Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tas-CESNI li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.
2.Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tas-CCNR, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.
Artikolu 3
Bidliet tekniċi minuri fil-pożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 jistgħu jiġu miftiehma mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President