IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.7.2024
COM(2024) 321 final
2024/0183(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar l-istabbiliment tal-ilħuq sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet għar-rilaxx tal-ewwel pagament parzjali tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u tal-appoġġ fil-forma ta’ self skont il-Pjan għall-Ukrajna tal-Faċilità għall-Ukrajna
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
-
2024/0183 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar l-istabbiliment tal-ilħuq sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet għar-rilaxx tal-ewwel pagament parzjali tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u tal-appoġġ fil-forma ta’ self skont il-Pjan għall-Ukrajna tal-Faċilità għall-Ukrajna
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Ukrajna, u b’mod partikolari l-Artikolu 26(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1447 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Pilastru I tal-Faċilità għall-Ukrajna (“il-Faċilità”) jagħmel disponibbli għall-Ukrajna appoġġ finanzjarju sa EUR 38 270 000 000 għall-perjodu 2024-2027 fil-forma ta’ appoġġ u self mhux ripagabbli. Il-finanzjament taħt il-Pilastru I huwa prinċipalment allokat abbażi tal-Pjan għall-Ukrajna. Il-Pjan għall-Ukrajna jistabbilixxi l-aġenda ta’ riforma u investiment għall-Ukrajna, u l-istadji kwalitattivi u kwantitattivi li huma marbuta mal-finanzjament taħt il-Pilastru I tal-Faċilità.
(2)F’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2024/792, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1447 tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna. L-iskeda ta’ żmien għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna, inklużi l-istadji kwalitattivi u kwantitattivi, huma stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1447.
(3)Is-somma totali tar-riżorsi finanzjarji disponibbli għall-Pjan għall-Ukrajna (“il-Pjan”) bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1447 tammonta għal EUR 32 270 000 000, minn dawn EUR 5 270 000 000 fil-forma ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u sa EUR 27 000 000 000 fil-forma ta’ self.
(4)F’konformità mal-Artikoli 25 u 24 tar-Regolament (UE) 2024/1447, EUR 6 000 000 000 tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-Ukrajna bħala finanzjament tranżitorju eċċezzjonali kif ukoll EUR 1 890 000 000 fil-forma ta’ prefinanzjament li jirrappreżenta pagament bil-quddiem ta’ 7 % tal-appoġġ fil-forma ta’ self li l-Ukrajna hija eliġibbli li tirċievi skont il-Pjan għall-Ukrajna.
(5)F’konformità mal-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2024/792, fid-9 ta’ Lulju 2024, l-Ukrajna ppreżentat talba debitament ġustifikata għar-rilaxx tal-ewwel pagament parzjali tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u tal-appoġġ fil-forma ta’ self, li jammonta għal EUR 4 365 691 244, kif stabbilit fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1447. It-talba kienet akkumpanjata mid-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 12 tal-Ftehim Qafas, l-Artikolu 5 tal-Ftehim ta’ Finanzjament u l-Artikolu 6 tal-Ftehim ta’ Self konkluż bejn l-Unjoni u l-Ukrajna skont l-Artikoli 9, 10 u 22 tar-Regolament (UE) 2024/792.
(6)Fit-talba tagħha għall-pagament, l-Ukrajna kkonfermat l-ilħuq sodisfaċenti tad-disa’ stadji dovuti sat-tieni trimestru tal-2024, f’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1447. Id-disa’ stadji mwettqa b’mod sodisfaċenti huma relatati ma’ diversi riformi tal-Pjan għall-Ukrajna taħt il-kapitoli dwar il-Ġestjoni Finanzjarja Pubblika, il-Ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, il-Ġestjoni tal-assi pubbliċi, l-Ambjent tan-Negozju, is-settur tal-Enerġija, u s-settur agroalimentari. Id-Dikjarazzjoni tal-Baġit għall-2025-2027, il-pjan strateġiku għad-diġitalizzazzjoni tas-Servizz Doganali tal-Istat, id-dokument strateġiku dwar l-Azzjoni kontra l-Mini għall-perjodu sal-2033, l-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni għall-modernizzazzjoni termali tal-bini sal-2050, u l-Pjan Nazzjonali Integrat għall-Enerġija u l-Klima ġew adottati, inħatar kap ġdid tal-Aġenzija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni, u daħlu fis-seħħ il-liġijiet dwar il-governanza korporattiva tal-intrapriżi tal-istat u dwar il-bażi ġuridika riveduta tal-Uffiċċju tas-Sigurtà Ekonomika tal-Ukrajna.
(7)F’konformità mal-Artikolu 26(4) tar-Regolament (UE) 2024/792, il-Kummissjoni vvalutat fid-dettall it-talba għall-pagament ippreżentata mill-Ukrajna u għamlet valutazzjoni pożittiva tal-ilħuq sodisfaċenti tad-disa’ stadji kwalitattivi u kwantitattivi għall-ewwel pagament parzjali kif speċifikat fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
(8)Il-Kummissjoni vvalutat li l-Ukrajna għadha tissodisfa l-prekundizzjoni għall-appoġġ tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2024/792. B’mod partikolari, l-Ukrajna tkompli tiddefendi u tirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inkluż sistema parlamentari b’diversi partiti u l-istat tad-dritt, u tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi.
(9)Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tistabbilixxi li l-kundizzjonijiet rilevanti għar-rilaxx tal-ewwel pagament parzjali twettqu b’mod sodisfaċenti.
(10)Meta titqies is-sitwazzjoni fiskali diffiċli li qed tiffaċċja l-Ukrajna, huwa ta’ importanza kbira li l-fondi jiġu żborżati malajr kemm jista’ jkun. Fid-dawl tal-urġenza tas-sitwazzjoni u sabiex jitħaffef il-proċess, jenħtieġ li din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jenħtieġ li tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-ilħuq sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet rilevanti għar-rilaxx tal-ewwel pagament parzjali huwa b’dan stabbilit skont il-valutazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2024/792.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandha tapplika minn [id-data tal-adozzjoni tagħha]*.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President