Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024PC0109

Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ San Marino dwar diversi aspetti fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri

COM/2024/109 final

Brussell, 8.3.2024

COM(2024) 109 final

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ San Marino dwar diversi aspetti fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Sfond

B’din ir-rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni tirrakkomanda li (i) il-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni, bħala n-negozjatur tal-ftehim, biex tiftaħ u tmexxi negozjati għal ftehim bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ San Marino, (ii) jistabbilixxi direttivi lin-Negozjatur u (iii) jaħtar kumitat speċjali li f’konsultazzjoni miegħu jridu jsiru n-negozjati.

Ir-Repubblika ta’ San Marino hija Stat sovran indipendenti, li jgawdi relazzjonijiet speċifiċi mal-Istat Membru ġar, l-Italja, minħabba s-sitwazzjoni ġeografika, id-daqs żgħir u l-popolazzjoni tiegħu. B’mod partikolari, San Marino huwa pajjiż mingħajr kosta, imdawwar mit-territorju tal-Italja. Ma hemm l-ebda ajruport internazzjonali fit-territorju ta’ San Marino. F’xi ċirkostanzi eċċezzjonali, hemm servizz ta’ ħelikopter ambulanza għal persuni morda serjament jew midruba li jgħaqqad l-isptar ta’ San Marino mal-isptarijiet ewlenin fir-reġjun Taljan Emilia-Romagna. San Marino għandu mitjar, li jippermetti t-tlugħ u nżul ta’ inġenji tal-ajru rikreattivi ultraħfief u ħfief. Dawn jiġu l-aktar mill-Italja. Perċentwal żgħir ħafna jiġi minn barra ż-żona Schengen, iżda qabel ma jinżlu l-art f’San Marino, kienu jagħmlu waqfa waħda jew aktar fl-Italja, fejn jitwettqu l-verifiki fil-fruntieri. Għalhekk, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jeħtieġ li jivvjaġġaw miż-żona Schengen biex jaslu San Marino fejn jgħaddu minn verifiki fil-fruntieri minn Stat ta’ Schengen u jridu jikkonformaw mal-obbligi li jidħlu fiż-żona Schengen f’konformità mal-acquis ta’ Schengen. Din is-sitwazzjoni ġeografika speċjali u r-relazzjoni distinta li għandha mal-Italja qabel l-istabbiliment tal-Unjoni huma r-raġunijiet għal nuqqas “de facto” ta’ verifiki sistematiċi fil-fruntieri bejn l-Italja u San Marino kif normalment meħtieġ fil-fruntieri esterni tal-Istati ta’ Schengen. 1  San Marino bħalissa lanqas ma joħroġ viżi lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi minħabba li l-vjaġġaturi li jeħtieġu viża se jkollhom jgħaddu mill-Italja biex jaslu San Marino u, għalhekk, ikollhom japplikaw għal viża ta’ Schengen mal-awtoritajiet Taljani responsabbli.

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

L-objettiv tar-rakkomandazzjoni huwa li tipprovdi bażi ġuridika xierqa għan-nuqqas “de facto” ta’ kontrolli fil-fruntiera esterna bejn l-Italja u San Marino u, bħala miżura ta’ kumpens, li tinkludi regoli dwar il-permessi ta’ residenza.

Il-bidliet li jmiss li jikkonċernaw l-acquis ta’ Schengen jeħtieġu wkoll aġġustamenti, speċjalment id-dħul fis-seħħ futur tas-sistemi ta’ informazzjoni l-ġodda tal-UE, inkluż is-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (Entry/Exit System, EES) 2 u s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (European Travel Information and Authorisation System, “ETIAS”) 3 . Il-permessi ta’ residenza maħruġa minn San Marino lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi attwalment ma jippermettux lid-detenturi tagħhom jivvjaġġaw liberament fiż-żona Schengen. Filwaqt li ċ-ċittadini ta’ San Marino huma eżentati mill-obbligu li jiġu rreġistrati fl-EES u fl-ETIAS 4 , iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom permess ta’ residenza ta’ San Marino li jgħaddu mill-Istati Membri biex jaċċessaw il-post ta’ residenza tagħhom f’San Marino normalment jiġu rreġistrati fl-EES mad-dħul fiż-żona Schengen (tipikament fl-Italja). Peress li ma jiġux irreġistrati fl-EES li jitilqu miż-żona Schengen mad-dħul f’San Marino, dawn jiġu rreġistrati awtomatikament fl-EES bħala “persuni b’permanenza b’awtorizzazzjoni skaduta” jekk il-preżenza tagħhom taqbeż iż-żmien permess biex jibqgħu fiż-żona Schengen. Is-soġġorn eċċesiv imbagħad ikollu impatt negattiv fuq dawn iċ-ċittadini bona fide ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjonijiet tagħhom għal viża ta’ Schengen, awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tal-ETIAS, viża għal soġġorn twil jew permess ta’ residenza.

Barra minn hekk, l-objettiv tar-rakkomandazzjoni huwa li tingħalaq lakuna attwali billi jintlaħaq qbil dwar ir-regoli biex San Marino joħroġ permessi ta’ residenza lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Bħalissa, il-permessi ta’ residenza lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi mhuma soġġetti għall-ebda verifika mill-Istati Membri filwaqt li d-detenturi tagħhom jistgħu jaċċessaw “de facto” u jiċċaqilqu liberament fiż-żona Schengen mingħajr ma jkollhom viża ta’ Schengen valida jew awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tal-ETIAS.

L-għan ta’ dan il-ftehim ikun li jitneħħew il-kontrolli fuq il-fruntieri fuq persuni u jingħata rikonoxximent madwar Schengen tal-permessi ta’ residenza maħruġa minn San Marino lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

Il-Ftehim għandu għalhekk jinkludi li f’każ li ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu l-intenzjoni li jasal direttament f’San Marino, San Marino jiżgura li l-ewwel isirilhom verifiki fuq il-fruntiera mwettqa mill-Italja.

Bl-eżenzjoni tagħhom mill-obbligu li jirreġistraw fl-EES, dan jipprevjeni liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi bona fide li jkollhom permessi ta’ residenza Sammariniżi milli jiġu rreġistrati bħala “persuni b’permanenza b’awtorizzazzjoni skaduta” fl-EES. Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom permessi ta’ residenza Sammariniżi jkollhom aċċess mingħajr viża għaż-żona Schengen sa 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u jkunu eżentati mill-obbligu li jirreġistraw fl-EES u mill-obbligu li jkollhom viża jew awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tal-ETIAS biex jidħlu u jibqgħu fiż-żona Schengen.

Sabiex il-permessi ta’ residenza maħruġa jew imġedda minn San Marino jingħataw effett mifrux ma’ Schengen kollu, huwa essenzjali li l-livell għoli ta’ sigurtà taż-żona Schengen ikun garantit. Għalhekk, il-ftehim jipprevedi li San Marino jimpenja ruħu li l-ħruġ, it-tiġdid jew l-irtirar ta’ permessi ta’ residenza Sammariniżi għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi jkun jiddependi fuq valutazzjoni tas-sigurtà li għandha titwettaq mill-Italja. L-Italja twettaq valutazzjoni tas-sigurtà vinkolanti qabel ma San Marino jkun jista’ joħroġ jew iġedded dawk il-permessi ta’ residenza, b’mod partikolari kontrolli fil-bażijiet tad-data rilevanti tal-UE, nazzjonali u internazzjonali inklużi kontrolli li jiżguraw ir-rispett u l-effettività tal-miżuri restrittivi tal-UE. Wara opinjoni pożittiva maħruġa f’perjodu ta’ żmien stabbilit, San Marino joħroġ jew iġedded dak il-permess ta’ residenza fil-format uniformi stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 tat-13 ta’ Ġunju 2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi 5 u l-Italja jwettaq l-operazzjonijiet kollha meħtieġa fis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża 6 . Opinjoni negattiva maħruġa mill-Italja twassal biex San Marino jirrifjuta jew jirtira l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza jew l-applikazzjoni għat-tiġdid ta’ permess ta’ residenza. L-Italja jkollha tinnotifika l-permessi ta’ residenza maħruġa minn San Marino lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (l-Artikolu 39) biex tagħtihom effett madwar Schengen kollu.

Il-Ftehim previst jenħtieġ li jipprevedi regoli li jirrikjedu li l-permessi ta’ residenza diġà maħruġa minn San Marino lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim għandhom jiġu sostitwiti b’permessi ta’ residenza maħruġa f’konformità mal-ftehim fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ tiegħu. Il-Ftehim jenħtieġ li jipprevedi li l-permessi ta’ residenza eżistenti maħruġa minn San Marino lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi jiġu nnotifikati lill-Italja biex twettaq kontrolli fil-bażijiet tad-data rilevanti u, jekk ikun meħtieġ, titlob lil San Marino jirtira dawn il-permessi għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew sigurtà interna.

Il-Ftehim previst għandu jipprevedi mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni. Il-Ftehim jeħtieġ ukoll li jiddefinixxi l-modalitajiet tal-kooperazzjoni bejn l-Italja u San Marino biex jinħarġu jew jiġġeddu permessi ta’ residenza kif ukoll regoli dwar appelli kontra deċiżjonijiet meħuda minn San Marino abbażi ta’ opinjoni negattiva mill-Italja.

Barra minn hekk, jenħtieġ li l-ftehim previst jipprevedi li l-akkwist u ż-żamma tad-dritt ta’ residenza f’San Marino jkunu kundizzjonali fuq l-eżistenza ta’ konnessjoni reali ma’ San Marino li għandha tiġi stabbilita abbażi tal-preżenza fiżika attwali u regolari fuq perjodu xieraq ta’ żmien u ta’ kriterji oġġettivi u verifikabbli oħra bl-esklużjoni tal-investiment fl-ekonomija u l-proprjetà immobbli ta’ San Marino, jew ta’ pagamenti finanzjarji predeterminati lill-awtoritajiet tas-Sammariniżi.

Il-Ftehim previst jenħtieġ li jipprevedi regoli dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi ta’ San Marino u l-Italja, inkluż informazzjoni dwar rekords kriminali u informazzjoni dwar persuni u oġġetti mfittxija u neqsin, kemm fuq talba kif ukoll spontanjament, fejn dan ikun rilevanti għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni jew l-investigazzjoni tal-kriminalità f’San Marino jew fl-Italja, is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sikurezza pubblika.

Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat il-livell għoli ta’ sigurtà u fiduċja, jenħtieġ li l-ftehim previst ikun fih regoli li jipprevedu l-possibbiltà ta’ kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera, bħall-possibbiltà ta’ sorveljanza transfruntiera, “insegwiment transkonfinali” ta’ persuni suspettati kriminali, l-organizzazzjoni ta’ rondi konġunti u operazzjonijiet konġunti oħra. Jenħtieġ li jkun hemm ukoll regoli li jippermettu t-twettiq ta’ kontrolli msaħħa tal-pulizija fiż-żoni qrib il-fruntiera tal-art bejn iż-żona Schengen u t-territorju ta’ San Marino, kemm għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi kif ukoll ta’ migrazzjoni.

Fir-rigward ta’ “persuni b’permanenza b’awtorizzazzjoni skaduta” preżunti b’mod falz irreġistrati fl-EES, jiġifieri ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li jeħtieġu viża jew li huma eżentati mill-viża u rreġistrati fl-EES mad-dħul fiż-żona Schengen, li s-soġġorn tagħhom fit-territorju ta’ San Marino jiġi kkalkulat awtomatikament bħala soġġorn fiż-żona Schengen minħabba n-nuqqas ta’ verifiki fil-fruntieri, jenħtieġ li l-ftehim previst jipprevedi li, ħlief għar-residenti f’San Marino, iż-żmien imqatta’ f’San Marino jingħadd bħala ħin imqatta’ fiż-żona Schengen għall-fini tal-kalkolu tas-soġġorn awtorizzat.

Barra minn hekk, jenħtieġ li l-ftehim previst jipprevedi wkoll li f’każ li San Marino joħroġ viżi għal soġġorn qasir jew għal soġġorn twil lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-futur, il-ftehim ikun jeħtieġ li jiġi rivedut kif xieraq.

Il-Ftehim previst jenħtieġ li jipprevedi mekkaniżmu li permezz tiegħu l-iżviluppi rilevanti futuri tad-dritt tal-Unjoni, fejn meħtieġ, jiġu riflessi fl-adattamenti għall-ftehim. Il-Ftehim previst jenħtieġ li jinkludi wkoll dispożizzjoni li permezz tagħha l-ftehim jiġi tterminat mill-Unjoni f’każ li l-adattament ma jsirx.

Relazzjoni ma’ ftehimiet eżistenti jew futuri tal-Unjoni 

F’Diċembru 2023, l-UE u San Marino ffinalizzaw in-negozjati dwar ftehim ta’ assoċjazzjoni li ser iwassal biex San Marino japplika d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 għaċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom, inklużi ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Madankollu, il-kwistjonijiet li jistgħu potenzjalment jaqgħu taħt din ir-rakkomandazzjoni mhumiex fil-kamp ta’ applikazzjoni tan-negozjati dwar ftehim ta’ assoċjazzjoni.  

Il-konklużjoni tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni issa hija soġġetta għall-proċeduri interni taż-żewġ partijiet. Ladarba l-ftehim ta’ assoċjazzjoni jiġi konkluż u jkun daħal fis-seħħ, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni li għalihom tapplika d-Direttiva 2004/38/KE u li jkollhom karta ta’ residenza skont id-Direttiva 2004/38/KE maħruġa minn San Marino jkunu eżentati mill-obbligu li jiġu rreġistrati fl-EES 8 , fl-ETIAS 9 , u li jkollhom viża 10 . B’konsegwenza ta’ dan, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar l-EES rigward il-kalkolu tat-tul tas-soġġorn awtorizzat u l-ġenerazzjoni ta’ twissijiet lill-Istati Membri meta jiskadi s-soġġorn awtorizzat ma japplikawx għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għalihom tapplika d-Direttiva 2004/38/KE u li ma jkollhomx karta ta’ residenza skont id-Direttiva 2004/38/KE. Bl-istess mod, il-membri tal-familja ta’ ċittadini ta’ San Marino li għalihom tapplika d-Direttiva 2004/38/KE jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-acquis rilevanti tal-UE li jirreferi għall-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jgawdi d-dritt ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dak taċ-ċittadini tal-Unjoni skont ftehim bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u pajjiż terz, min-naħa l-oħra.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, ladarba l-ftehim ta’ assoċjazzjoni jkun daħal fis-seħħ, il-membri tal-familja taċ-ċittadini tal-Unjoni li għalihom tapplika d-Direttiva 2004/38/KE jenħtieġ li ma jkunux koperti mid-dispożizzjonijiet tal-ftehim previst applikabbli għall-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza minn San Marino lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi. 

Min-naħa l-oħra, jekk il-ftehim previst minn din ir-rakkomandazzjoni jidħol fis-seħħ qabel il-ftehim ta’ assoċjazzjoni, il-ftehim previst ikun japplika għall-membri tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi sakemm jibda japplika l-ftehim ta’ assoċjazzjoni.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Il-bażi legali għal din l-inizjattiva hija l-Artikolu 218(3) u (4) TFUE.

Il-bażi legali sostantiva definita għall-iffirmar u l-konklużjoni tal-ftehim il-ġdid tista’ tiġi ddeterminata biss fi tmiem in-negozjati, fid-dawl tal-kontenut tiegħu.

L-Unjoni hija kompetenti biex tikkonkludi dan il-ftehim internazzjonali ma’ San Marino, dwar l-aspetti tal-ġestjoni tal-fruntieri koperti minn din ir-rakkomandazzjoni inkluż l-għoti tal-effett tal-permessi ta’ residenza maħruġa minn San Marino lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi madwar Schengen.

Dan il-ftehim previst huwa meħtieġ biex jissolvew kwistjonijiet ta’ permanenza b’awtorizzazzjoni skaduta preżunta b’mod falz u biex jingħalqu l-lakuni identifikati fis-sigurtà. Il-Ftehim previst ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi inkwistjoni peress li dawn ma jistgħux jinkisbu mill-Istati Membri waħedhom.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Billi dan se jkun ftehim ġdid, ma setgħet titwettaq l-ebda evalwazzjoni jew kontroll tal-idoneità tal-istrumenti eżistenti. Mhi meħtieġa l-ebda valutazzjoni tal-impatt għan-negozjar ta’ dan il-ftehim.

4.IL-PJANIJIET GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI U L-ARRANĠAMENTI TA’ MONITORAĠĠ, TA’ EVALWAZZJONI U TA’ RAPPURTAR

Il-Kummissjoni se tiżgura l-monitoraġġ xieraq tal-implimentazzjoni tal-ftehim. 

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ San Marino dwar diversi aspetti fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,  

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea, 

Billi: 

(1)Ftehim huwa meqjus neċessarju biex jipprovdi l-bażi legali għan-nuqqas ta’ kontroll fuq il-fruntiera bejn l-Italja u San Marino.

(2)Jidher ta’ benefiċċju li jiġi konkluż tali ftehim fid-dawl tal-prossimità ġeografika u l-interdipendenza ekonomika ta’ San Marino mal-Unjoni.

(3)Huwa meħtieġ li jiġi żgurat it-trattament ġust ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom permessi ta’ residenza maħruġa minn San Marino fil-fruntieri esterni tal-Unjoni.

(4)Il-ħruġ ta’ tali permessi ta’ residenza minn San Marino għandu jkun kundizzjonali fuq opinjoni vinkolanti mill-Italja bbażata fuq il-valutazzjoni tas-sigurtà tagħha.

(5)Il-ftehim jenħtieġ li jippermetti l-konklużjoni ta’ arranġamenti amministrattivi implimentattivi ta’ natura operattiva bejn l-Italja u San Marino dwar kwistjonijiet koperti minn dan il-ftehim sakemm id-dispożizzjonijiet tagħhom ikunu kompatibbli ma’ dawk tal-ftehim u mal-liġi tal-Unjoni.

(6)Għalhekk jenħtieġ li jinfetħu negozjati bil-ħsieb li jiġi konkluż ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u San Marino, min-naħa l-oħra. Jenħtieġ li l-Kummissjoni li tiġi nnominata bħala n-negozjatur tal-Unjoni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tinnegozja, f’isem l-Unjoni, ftehim mar-Repubblika ta’ San Marino dwar diversi aspetti fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri. 

Artikolu 2

Id-direttivi ta’ negozjati huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 3

In-negozjati għandhom isiru b’konsultazzjoni ma’ [isem il-kumitat speċjali li għandu jiddaħħal mill-Kunsill].

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni. 

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ara wkoll il-Convenzione di Amicizia e di buon vicinato tra l’Italia e San Marino del 31 marzo 1939, iffirmata f’Ruma fl-31 ta’ Marzu 1939, u l-emendi tagħha.
(2)    Ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20), Article 2(3)(f) (“Ir-Regolament EES”).
(3)    Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1) l-Artikolu 2(2)(d) (“Ir-Regolament dwar l-ETIAS”).
(4)    Abbażi tal-Artikolu 2(3)(f) tar-Regolament dwar l-EES; u l-Artikolu 2(2)(g) tar-Regolament dwar l-ETIAS.
(5)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 tat-13 ta’ Ġunju 2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz (ĠU L 157, 15.6.2002, p. 1).
(6)    Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir, viżi għal perjodu twil u permessi ta’ residenza (Regolament VIS) (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60).
(7)    Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).
(8)    L-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament dwar l-EES.
(9)    L-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament dwar l-ETIAS.
(10)    L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38/KE.
Top

Brussell, 8.3.2024

COM(2024) 109 final

ANNESSI

tar-

Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill

li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati dwar ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' San Marino dwar diversi aspetti fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri








ANNESS

DIRETTIVI GĦAN-NEGOZJAR TA’ FTEHIM BEJN

l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ San Marino dwar diversi aspetti fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri

I. Għan u kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim

1.L-għan tal-ftehim huwa li (i) jipprovdi bażi legali xierqa għan-nuqqas ta’ kontroll tal-fruntieri bejn l-Italja u San Marino; (ii) jistabbilixxi soluzzjonijiet legali relatati mal-konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ li jmiss tas-sistemi ta’ informazzjoni l-ġodda tal-UE, inkluż is-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (Entry/Exit System, “EES”) 1  u s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (European Travel Information and Authorisation System, “ETIAS”) 2 , fid-dawl tas-sitwazzjoni ġeografika partikolari ta’ San Marino u r-relazzjoni speċjali tagħha mal-Italja; (iii) ittejjeb is-sigurtà u l-fiduċja fir-rigward tal-permessi ta’ residenza maħruġa minn San Marino lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

2.Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim jinkludi regoli relatati mal-ġestjoni tal-fruntieri bejn l-Italja u San Marino għall-fini deskritt fil-paragrafu (1) ta’ dan l-anness, kif ukoll is-salvagwardji relatati u meħtieġa.

II. Kontenut tal-ftehim

Prinċipji ġenerali

3.Il-ftehim previst bejn l-Unjoni u San Marino jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-kwistjonijiet ta’ sovranità u ġurisdizzjoni.

4.Il-ftehim previst bejn l-Unjoni u San Marino jenħtieġ li jiġi nnegozjat b’rispett sħiħ għall-integrità territorjali tal-Istati Membri tagħha kif garantita mill-Artikolu 4(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

5.Il-ftehim jenħtieġ li ma jipprevjenix il-konklużjoni ta’ arranġamenti amministrattivi implimentattivi ta’ natura operazzjonali bejn l-Italja u San Marino dwar kwistjonijiet koperti minn dan il-ftehim sa fejn id-dispożizzjonijiet tagħhom ikunu kompatibbli ma’ dawk tal-ftehim u mal-liġi tal-Unjoni.

Bażi għall-koperazzjoni

6.Ir-rispett u s-salvagwardja tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, il-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt inkluż l-impenn kontinwu ta’ San Marino li jirrispetta l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) għandhom jikkostitwixxu elementi essenzjali għar-relazzjoni prevista.

7.Fid-dawl tal-importanza tal-flussi tad-data, jenħtieġ li l-ftehim jafferma l-impenn tal-Partijiet li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali, u jirrispettaw bis-sħiħ, fuq bażi ta’ allinjament dinamiku, ir-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali, inkluż ir-Regolament (UE) 2016/679 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data u d-Direttiva (UE) 2016/680 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u l-interpretazzjoni u s-superviżjoni tagħha mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Ċirkolazzjoni ta’ persuni

8.Skont il-ftehim, il-Partijiet jenħtieġ li jiżguraw li l-liġijiet tagħhom jippermettu l-qsim bejn iż-żona Schengen u San Marino mingħajr kontrolli f’punt ta’ qsim tal-fruntiera u l-għoti tal-effett ta’ Schengen kollha ta’ permessi ta’ residenza maħruġa lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi minn San Marino. Jenħtieġ li l-ftehim ma jipprevedix il-parteċipazzjoni ta’ San Marino fl-acquis ta’ Schengen jew l-assoċjazzjoni tiegħu mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tiegħu. Jenħtieġ li l-awtoritajiet tas-Sammariniżi ma jkollhomx aċċess għal bażijiet tad-data riżervati skont id-dritt tal-Unjoni għall-Istati Membri jew għall-pajjiżi assoċjati mal-acquis ta’ Schengen jew ta’ Dublin.

9.Il-ftehim jenħtieġ li jipprevedi li f’każ li ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu l-intenzjoni li jasal direttament f’San Marino, San Marino jiżgura li l-ewwel isirilhom verifiki fuq il-fruntiera mwettqa mill-Italja.

10.Jenħtieġ li l-ftehim jipprevedi li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma legalment residenti f’San Marino jkollhom aċċess mingħajr viża għaż-żona Schengen sa 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u se jkunu eżentati mir-rekwiżiti skont ir-Regolamenti dwar l-EES u l-ETIAS. Jenħtieġ li ċ-ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fl-Unjoni jibbenefikaw ukoll minn faċilitazzjoni ekwivalenti f’San Marino.

11.It-tneħħija tal-obbligu legali li jitwettqu kontrolli fil-fruntieri fuq persuni meta jaqsmu l-fruntiera bejn it-territorju ta’ San Marino u ż-żona Schengen teħtieġ, bħala kundizzjoni, salvagwardji komprensivi sabiex jiġu ppreservati s-sigurtà u l-integrità taż-żona Schengen.

12.F’termini ta’ salvagwardji:

[Permessi ta’ residenza]

(a)Jenħtieġ li l-ftehim jipprevedi li l-akkwist u ż-żamma tad-dritt ta’ residenza f’San Marino jkunu kundizzjonali fuq l-eżistenza ta’ konnessjoni reali ma’ San Marino li għandha tiġi stabbilita abbażi tal-preżenza fiżika attwali u regolari fuq perjodu xieraq ta’ żmien u ta’ kriterji oġġettivi u verifikabbli oħra bl-esklużjoni tal-investiment fl-ekonomija u l-proprjetà immobbli ta’ San Marino, jew ta’ pagamenti finanzjarji predeterminati lill-awtoritajiet tas-Sammariniżi.

(b)Jenħtieġ li l-ftehim jipprevedi li San Marino jimpenja ruħu li joħroġ jew iġedded biss permessi ta’ residenza lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi fuq l-opinjoni pożittiva tal-Italja maħruġa f’perjodu ta’ żmien stabbilit. L-Italja tkun kompetenti biex toħroġ opinjoni vinkolanti bbażata fuq il-valutazzjoni tas-sigurtà tagħha, b’mod partikolari abbażi ta’ verifiki f’bażijiet tad-data nazzjonali jew tal-Unjoni inklużi miżuri restrittivi tal-UE, qabel il-ħruġ jew it-tiġdid ta’ permess ta’ residenza għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi validu għal San Marino wara talba mill-awtoritajiet Sammariniżi għal persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet rilevanti skont il-liġi applikabbli fit-territorju ta’ San Marino u dment li tiġi ssodisfata l-kundizzjoni prevista fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu. Jenħtieġ li l-ftehim jispeċifika li l-permessi ta’ residenza lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi jinħarġu f’format uniformi mmarkat b’mod ċar bħala validu għal San Marino u li jeħtieġ li jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni mill-Italja skont l-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera. 3  

(c)Jenħtieġ li l-ftehim jipprevedi li San Marino jirtira l-permessi ta’ residenza maħruġa lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi fuq talba tal-Italja wara l-valutazzjoni tas-sigurtà mwettqa mill-Italja, b’mod partikolari kontrolli f’bażijiet tad-data nazzjonali jew tal-Unjoni, inkluż miżuri restrittivi tal-UE. Jenħtieġ li San Marino jinforma lill-Italja b’dan mingħajr dewmien.

(d)F’każ li San Marino jirtira permess ta’ residenza maħruġ lil ċittadin ta’ pajjiż terz fuq inizjattiva tiegħu stess, jenħtieġ li jinforma lill-Italja b’dan mingħajr dewmien.

(e)Jenħtieġ li l-ftehim jipprevedi li l-ħruġ jew it-tiġdid ta’ permess ta’ residenza għal ċittadin ta’ pajjiż terz validu għal San Marino ma jobbligax lil Stat Membru jirtira twissija għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen.

(f)Jenħtieġ li l-ftehim jipprevedi li l-permessi ta’ residenza diġà maħruġa minn San Marino lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment f’San Marino fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim jiġu sostitwiti b’permessi ta’ residenza maħruġa skont il-ftehim fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ tiegħu. Jenħtieġ li l-ftehim jipprevedi li l-permessi ta’ residenza eżistenti maħruġa minn San Marino lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi jiġu nnotifikati lill-Italja, li jenħtieġ li twettaq kontrolli fil-bażijiet tad-data rilevanti nazzjonali u tal-Unjoni u tista’ titlob lill-awtoritajiet kompetenti f’San Marino biex jirtiraw dawn il-permessi għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà interna. F’każ bħal dan San Marino jintrabat li jirtira l-permess ta’ residenza.

[Viżi]

(g)Jenħtieġ li l-ftehim jipprevedi wkoll li f’każ li San Marino joħroġ viżi għal soġġorn qasir jew għal soġġorn twil lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-futur, il-ftehim ikun jeħtieġ li jiġi rivedut kif xieraq.

[Ċittadini ta’ pajjiżi terzi mhux residenti]

(h)Jenħtieġ li l-ftehim jipprevedi li, ħlief għar-residenti f’San Marino, iż-żmien li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jqattgħu f’San Marino jingħaddu bħala ħin imqatta’ fiż-żona Schengen għall-fini tal-kalkolu tas-soġġorn awtorizzat fiż-żona Schengen. 

13.Soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim ma’ San Marino li abbażi tiegħu San Marino japplika d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 , id-dispożizzjonijiet deskritti fil-punt 12 ma għandhomx japplikaw għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għalihom tapplika d-Direttiva 2004/38/KE.

14.Jenħtieġ li l-ftehim jipprevedi regoli dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi ta’ San Marino u l-Italja, inkluż informazzjoni dwar rekords kriminali u informazzjoni dwar persuni u oġġetti mfittxija u neqsin, kemm fuq talba kif ukoll fuq inizjattiva tagħhom stess, fejn dan ikun rilevanti għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni jew l-investigazzjoni tal-kriminalità f’San Marino jew fl-Italja, is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sikurezza pubblika.

15.Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà u fiduċja, il-ftehim jenħtieġ li jkun fih regoli li jipprevedu l-possibbiltà ta’ kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera, bħall-possibbiltà ta’ sorveljanza transfruntiera, “insegwiment transkonfinali” ta’ persuni suspettati kriminali, l-organizzazzjoni ta’ rondi konġunti u operazzjonijiet konġunti oħra. Jenħtieġ li jkun hemm ukoll regoli li jippermettu t-twettiq ta’ kontrolli msaħħa tal-pulizija fiż-żoni qrib il-fruntiera tal-art bejn iż-żona Schengen u t-territorju ta’ San Marino, kemm għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi kif ukoll ta’ migrazzjoni.

16.Jenħtieġ li l-ftehim jipprevedi mekkaniżmu li permezz tiegħu żviluppi rilevanti futuri tad-dritt tal-Unjoni, fejn meħtieġ, jiġu riflessi fl-adattamenti għall-ftehim. Jenħtieġ li l-ftehim jinkludi wkoll dispożizzjoni li permezz tagħha l-ftehim jiġi tterminat mill-Unjoni f’każ li l-adattament ma jsirx.

17.Jenħtieġ li l-ftehim jipprevedi mekkaniżmu biex tiġi evalwata l-implimentazzjoni tiegħu.

18.Jenħtieġ li l-ftehim jipprevedi li l-Unjoni tkun tista’ tissospendi unilateralment id-dispożizzjonijiet kollha relatati maċ-ċirkolazzjoni ta’ persuni bejn l-Unjoni u San Marino f’każ ta’ nuqqas ta’ rispett tas-salvagwardji previsti fil-ftehim.

Dispożizzjonijiet istituzzjonali

19.Jenħtieġ li l-ftehim jippermetti r-rieżami perjodiku tiegħu.

20.Jenħtieġ li l-ftehim jiġi stabbilit għal perjodu ta’ żmien indefinit u jista’ jiġi tterminat fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet, b’avviż minn qabel lill-Parti l-oħra ta’ tliet xhur. F’każ bħal dan, ikun jeħtieġ li jiġi introdott il-kontroll fuq il-fruntiera bejn l-Italja u San Marino.

21.Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-ftehim, jenħtieġ li jistabbilixxi arranġamenti effiċjenti u effettivi għall-ġestjoni, is-superviżjoni, l-implimentazzjoni u r-rieżami tiegħu, u għas-soluzzjoni tat-tilwim u l-infurzar, b’rispett sħiħ tal-awtonomija tal-ordnijiet ġuridiċi rispettivi tal-Partijiet.

22.Jenħtieġ li l-ftehim jipprevedi l-possibbiltà ta’ miżuri awtonomi, inkluża s-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-ftehim, kif ukoll kwalunkwe ftehim supplimentari, kompletament jew parzjalment fil-każ ta’ ksur ta’ elementi essenzjali.

23.Jenħtieġ li l-ftehim jistabbilixxi korp ta’ tmexxija responsabbli għall-ġestjoni u s-superviżjoni tal-implimentazzjoni u l-operat tal-ftehim, li jiffaċilita r-riżoluzzjoni tat-tilwim. Jenħtieġ li huwa jieħu deċiżjonijiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet rigward l-evoluzzjoni tiegħu. Jenħtieġ li l-korp ta’ tmexxija jkun jinkorpora r-rappreżentanti tal-Partijiet f’livell xieraq, li jasal għal deċiżjonijiet b’kunsens reċiproku u li jiltaqa’ skont kemm ikun hemm bżonn biex iwettaq il-kompiti tiegħu. Jekk ikun neċessarju, jenħtieġ li dan il-korp jistabbilixxi wkoll sottokumitati biex jassistuh fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.

24.Jenħtieġ li l-ftehim jinkludi arranġamenti xierqa għas-soluzzjoni tat-tilwim minn bord indipendenti ta’ arbitraġġ li d-deċiżjonijiet tiegħu huma vinkolanti fuq il-Partijiet u l-infurzar, inklużi dispożizzjonijiet għas-soluzzjoni rapida tal-problemi.

25.Jenħtieġ li l-ftehim jipprevedi li jekk tilwima tqajjem kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li tista’ tiġi indikata wkoll minn kwalunkwe Parti, il-bord ta’ arbitraġġ jenħtieġ li jirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) bħala l-uniku arbitru tad-dritt tal-Unjoni, għal deċiżjoni vinkolanti. Il-Bord ta’ arbitraġġ jenħtieġ li jieħu deċiżjoni dwar it-tilwim f’konformità mad-deċiżjoni mogħtija mill-QĠUE.

26.Jenħtieġ li l-ftehim jipprevedi li meta Parti tonqos milli tieħu l-miżuri meħtieġa biex tikkonforma mas-soluzzjoni vinkolanti ta’ tilwima f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, il-Parti l-oħra tkun intitolata titlob kumpens finanzjarju jew tieħu miżuri proporzjonati u temporanji, inkluża s-sospensjoni tal-obbligi tagħha fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim.

27.Jenħtieġ li l-ftehim jipprevedi li f’każ ta’ allegat nuqqas minn Parti waħda li tikkonforma mal-obbligi tagħha skont il-ftehim, il-Parti l-oħra tkun intitolata għal miżuri interim ta’ rimedju, inkluża s-sospensjoni ta’ parti mill-ftehim jew tal-ftehim kollu, li jkunu proporzjonati għall-allegat nuqqas u l-impatt ekonomiku u soċjetali tiegħu, u dment li din il-Parti tibda proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim rigward l-allegat ksur.

28.Il-ftehim, li jenħtieġ li jkun awtentiku bl-istess mod fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, jenħtieġ li jinkludi klawżola lingwistika għal dak l-għan.

(1)    Ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-ftehim ta’ Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20)(“Ir-Regolament dwar l-EES”).
(2)    Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1) (“Ir-Regolament dwar l-ETIAS”).
(3)    Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 077, 23.3.2016, p. 1).
(4)    Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).
Top