IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 1.3.2024
COM(2024) 104 final
2024/0057(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52024PC0104
Proposal for a COUNCIL DECISION on the position to be taken on behalf of the European Union in the Energy Charter Conference
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija
COM/2024/104 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 1.3.2024
COM(2024) 104 final
2024/0057(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Istati Membri fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ emendi proposti għat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija u mal-approvazzjoni ta’ (i) modifiki u bidliet proposti fl-Annessi tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija, (ii) bidliet proposti fil-Fehimiet, fid-Dikjarazzjonijiet u fid-Deċiżjonijiet, u (iii) deċiżjoni rigward id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni proviżorja ta’ emendi tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija u bidliet/modifiki fl-Annessi tiegħu. L-adozzjoni tal-emendi tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija u l-approvazzjonijiet addizzjonali għandhom jiġu approvati simultanjament mill-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija.
It-Trattat tal-Karta tal-Enerġija
It-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (TKE) huwa ftehim kummerċjali u ta’ investiment multilaterali applikabbli għas-settur tal-enerġija, li ġie ffirmat fl-1994 u li daħal fis-seħħ fl-1998. It-TKE fih dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-investiment, il-kummerċ u t-tranżitu fil-materjali u l-prodotti tal-enerġija, u mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim. It-TKE jistabbilixxi wkoll qafas għall-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-enerġija bejn il-Parti Kontraenti tiegħu. L-Unjoni Ewropea hija parti għat-TKE 1 , flimkien mal-Euratom u mal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE, kif ukoll mal-Ġappun, mar-Renju Unit, mal-Iżvizzera, mat-Turkija u mal-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u tal-eks USSR, bl-eċċezzjoni tar-Russja 2 u tal-Belarussja 3 . Fis-7 ta’ Lulju 2023, il-Kummissjoni Ewropea ressqet proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li toħroġ lill-Unjoni Ewropea mit-TKE. Din il-proposta bħalissa qed tiġi kkunsidrata mill-Kunsill.
Il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija
Il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija hija l-korp tat-tmexxija u l-korp deċiżjonali għall-Karta tal-Enerġija u ġiet stabbilita mit-TKE. L-istati kollha jew l-Organizzazzjonijiet Reġjonali kollha għall-Integrazzjoni Ekonomika (bħall-UE) li ffirmaw jew li ssieħbu fit-TKE huma membri tal-Konferenza, li tiltaqa’ fuq bażi regolari biex tiddiskuti kwistjonijiet li jaffettwaw il-kooperazzjoni fl-enerġija fost il-firmatarji tat-TKE, biex tirrieżamina l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-TKE u tal-Protokoll fuq l-effiċjenza fl-enerġija u l-aspetti ambjentali relatati, u biex tikkunsidra strumenti ġodda possibbli u attivitajiet konġunti fi ħdan il-qafas tal-Karta tal-Enerġija. B’mod partikolari, il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija tadotta testi ta’ emendi għat-TKE u tapprova modifiki u bidliet tekniċi fl-Annessi tat-TKE. Meta ssir votazzjoni fuq emendi proposti għat-test tat-TKE, il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija tapprova deċiżjoni biex jiġu adottati l-emendi permezz ta’ vot unanimu tal-Partijiet Kontraenti preżenti u li jivvutaw. L-UE għandha għadd ta’ voti ugwali għall-għadd tal-Istati Membri tagħha li huma Partijiet Kontraenti għat-TKE, dment li l-UE ma teżerċitax id-dritt tagħha li tivvota jekk l-Istati Membri tagħha jeżerċitaw tagħhom, u viċi versa.
Id-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija
Wara t-33 laqgħa tal-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija fit-22 ta’ Novembru 2022, huwa mistenni li matul l-2024 il-Konferenza se terġa’ tressaq il-proposta lill-Partijiet Kontraenti biex jieħdu erba’ deċiżjonijiet marbuta mal-modernizzazzjoni tat-TKE. Dawn id-deċiżjonijiet se jittieħdu fl-istess ħin biex:
–jiġu adottati l-emendi proposti għat-test tat-TKE;
–jiġu approvati l-modifiki u l-bidliet proposti fl-Annessi tat-TKE;
–jiġu approvati l-bidliet proposti fil-Fehimiet, fid-Dikjarazzjonijiet u fid-Deċiżjonijiet; u
–tiġi approvata d-deċiżjoni dwar id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni proviżorja tal-emendi tat-test tat-TKE u l-bidliet/il-modifiki fl-Annessi tiegħu.
Fin-nuqqas ta’ xi aġġornament sostanzjali tat-TKE mis-snin 90, it-TKE kulma jmur sar dejjem iktar antikwat. Sar ukoll wieħed mill-aktar trattati ta’ investiment ikkontestati fid-dinja, fejn l-Istati Membri tal-UE jkunu l-mira ewlenija ta’ pretensjonijiet mill-investituri, il-biċċa l-kbira tagħhom ibbażati f’pajjiżi oħra tal-UE. B’riżultat ta’ dan, f’Novembru 2018 inbeda proċess ta’ modernizzazzjoni. L-ewwel, il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija approvat lista ta’ suġġetti għad-diskussjoni, l-aktar dwar id-dispożizzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-investiment. L-UE mbagħad ipproponiet it-tneħħija tal-protezzjonijiet għall-investimenti fil-fjuwils fossili.
Wara 15-il sessjoni ta’ negozjati multilaterali li saru bejn Lulju 2019 u Ġunju 2022, intlaħaq “ftehim fil-prinċipju” biex jingħalqu n-negozjati fil-Konferenza straordinarja tal-Karta tal-Enerġija tal-24 ta’ Ġunju 2022 fi Brussell. Imbagħad, it-test rivedut tat-TKE u l-Annessi tiegħu għaddew minn reviżjoni legali. Minn hemm ’il quddiem, l-abbozzi finali tad-deċiżjonijiet
li fihom it-testi riveduti ġew kondiviżi fid-19 ta’ Awwissu 2022 mal-Partijiet Kontraenti kollha, inkluż l-UE, il-Euratom, u l-Istati Membri kollha tal-UE li huma Partijiet Kontraenti għat-TKE.
Id-deċiżjonijiet relatati mal-modernizzazzjoni tat-TKE se jkunu soġġetti għal vot unanimu. Jekk il-votazzjoni tirnexxi, id-deċiżjonijiet għall-modernizzazzjoni tat-TKE se jitqiesu “adottati” mill-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija. Din l-adozzjoni se tagħti bidu għal proċessi sussegwenti għar-ratifika, għall-applikazzjoni proviżorja, u għad-dħul fis-seħħ eventwali tad-diversi elementi tal-pakkett ta’ riformi.
L-applikazzjoni proviżorja tal-emendi tat-TKE u tal-elementi l-oħra tal-modernizzazzjoni se jkunu regolati mid-deċiżjoni dwar id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni proviżorja tal-emendi tat-test tat-TKE u tal-bidliet/modifiki fl-Annessi tiegħu. F’konformità ma’ din id-deċiżjoni, il-modernizzazzjoni hija mistennija li tiġi applikata b’mod proviżorju mill-Partijiet Kontraenti kollha awtomatikament f’data fissa wara l-adozzjoni. Madankollu, kwalunkwe Parti Kontraenti tista’ tgħaddi dikjarazzjoni lid-depożitarju (il-Portugall) li ma tistax taċċetta l-applikazzjoni proviżorja tal-emendi tat-TKE, u effettivament dan jippermetti lil kull Parti Kontraenti tagħżel li ma twettaqx l-applikazzjoni proviżorja. Is-Segretarjat tat-TKE se jagħmel dawn id-dikjarazzjonijiet disponibbli għall-pubbliku. Anke jekk Parti Kontraenti għall-bidu tagħmel tali dikjarazzjoni, meta trid din tista’ terġa’ tirtira d-dikjarazzjoni, u b’hekk tkun tista’ tapplika l-modernizzazzjoni tat-TKE b’mod proviżorju iktar ’il quddiem.
Din il-proposta għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE għandha l-għan li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Istati Membri fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija, li għandha tiġi espressa jew f’laqgħa jew fi proċedura bil-miktub, skont il-każ, fir-rigward tad-deċiżjonijiet deskritti hawn fuq.
Fl-istess ħin, il-Kummissjoni qed tipproponi l-adozzjoni ta’ ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Euratom, u l-Istati Membri dwar l-interpretazzjoni tat-TKE. Dak il-ftehim għandu jinkludi, b’mod partikolari, konferma li klawżola bħall-Artikolu 26 tat-TKE ma setgħetx fil-passat, u ma tistax issa jew fil-futur isservi bħala bażi legali għal proċedimenti ta’ arbitraġġ mibdija minn investitur minn Stat Membru wieħed dwar investimenti fi Stat Membru ieħor, u li l-klawżola ta’ estinzjoni prevista fl-Artikolu 47(3) tat-TKE ma tistax testendi, u ma kinitx maħsuba biex testendi, dawn il-proċedimenti. Għandu jistabbilixxi wkoll l-obbligi tal-Istati Membri f’każ li jkunu involuti fi proċedimenti ta’ arbitraġġ skont talba bbażata fuq l-Artikolu 26 tat-TKE.
Kienet l-interpretazzjoni konsistenti tal-UE li t-TKE ma japplikax u ma kienx maħsub biex ikun japplika għal tilwim bejn Stat Membru u investitur ta’ Stat Membru ieħor dwar investiment magħmul minn dan tal-aħħar fl-ewwel Stat Membru. Din l-interpretazzjoni ġiet ikkonfermata b’mod speċifiku mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) fis-sentenza Komstroy tagħha 4 . Madankollu, it-tribunali tal-arbitraġġ sostnew u għadhom isostnu li huma mhumiex marbuta bis-sentenzi tal-QĠUE. Sabiex it-tribunali ma jitħallewx ikomplu jaċċettaw ġuriżdizzjoni f’tilwim bħal dan, huwa meħtieġ li tiġi mtennija, b’mod espliċitu u mhux ambigwu, l-interpretazzjoni awtentika tat-TKE. L-aktar mod xieraq biex isir dan huwa permezz ta’ ftehim skont id-dritt internazzjonali konswetudinarju kif ikkodifikat fil-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati.
Filwaqt li dak il-ftehim se jikkodifika l-interpretazzjoni tal-UE u tal-Istati Membri tagħha fi strument separat tad-dritt internazzjonali pubbliku (xi ħaġa li hija possibbli minħabba n-natura bilaterali tal-obbligi), il-modernizzazzjoni tat-TKE se tinkorpora fit-test innifsu u permezz ta’ klawżola “għal ċertezza akbar”, il-fehim tal-Partijiet Kontraenti kollha li l-Artikolu 26 tiegħu ma japplikax intra-UE. Iż-żewġ elementi se jgħinu biex titneħħa kwalunkwe ambigwità u biex jiġu eliminati r-riskji preżenti jew futuri tal-arbitraġġ intra-UE skont it-TKE bil-livell meħtieġ ta’ ċertezza legali.
Il-Pożizzjoni li għandha tittieħed
Il-Kummissjoni tipproponi li l-Istati Membri li huma partijiet għat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija jieħdu l-pożizzjonijiet deskritti fil-punti 1 sa 4 ta’ hawn taħt fil-laqgħa tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija jew fi proċedura bil-miktub, skont il-każ.
Rigward l-adozzjoni tal-emendi proposti għat-test tat-TKE
L-emendi proposti għat-test tat-TKE jikkonsistu minn titjib sostanzjali li effettivament se jġib lit-TKE konformi mal-istandards moderni tal-protezzjoni tal-investiment u mal-pożizzjonijiet tal-UE f’fora oħra (eż. UNCITRAL 5 ). L-emendi se jġibu wkoll lit-TKE konformi mal-approċċ tal-UE għall-protezzjoni tal-investimenti fil-ftehimiet dwar il-kummerċ ħieles u l-investiment maqbula reċentement.
B’mod partikolari, it-TKE emendat fih:
–Dispożizzjonijiet ġodda dwar il-protezzjoni tal-investiment, f’konformità mal-istandards moderni u mal-pożizzjonijiet tal-UE, li jaffermaw mill-ġdid id-dritt tal-Partijiet Kontraenti li jieħdu miżuri biex jilħqu objettivi ta’ politika leġittimi (“id-dritt li jirregolaw”), inkluż fir-rigward tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; Huma biss l-investituri b’interess ekonomiku reali li se jiġu protetti, u mhijiex se tingħata protezzjoni lill-kumpaniji fittizji 6 ;
–Dispożizzjonijiet ġodda dwar is-soluzzjoni tat-tilwim, li jipproteġu lill-Partijiet Kontraenti minn pretensjonijiet frivoli, li jipprevedu s-sigurtà għall-kostijiet, u li jintroduċu livell għoli ta’ trasparenza fil-proċedimenti;
–Dispożizzjonijiet ġodda dwar l-iżvilupp sostenibbli, b’mod partikolari dwar it-tibdil fil-klima u t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u l-forniment ta’ mekkaniżmu azzjonabbli f’każ ta’ allinjament ħażin, b’mod li qatt ma nkiseb qabel fi trattat multilaterali dwar l-investiment;
–Barra minn hekk, l-UE żgurat dispożizzjonijiet għall-organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika (bħall-UE), li jikkonfermaw b’mod espliċitu li ma kienx u li mhuwiex possibbli li l-arbitraġġ dwar l-investiment intra-UE jinġieb skont it-TKE 7 , f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE 8 ;
–Kjarifiki sostanzjali rigward id-dispożizzjonijiet relatati mat-tranżitu biex jitqiesu r-rekwiżiti tas-swieq integrati tal-enerġija bi drittijiet ta’ aċċess ta’ partijiet terzi, bħal fl-UE, mingħajr ma jinħolqu obbligi ġodda għall-UE 9 ;
–Definizzjoni aġġornata tal-attività ekonomika fis-settur tal-enerġija, li, flimkien mal-Annessi EM/EM I, EQ/EQ I u NI (ara l-punt 2 ta’ hawn taħt), tippermetti l-allinjament tal-protezzjoni tal-investiment fl-UE mal-objettivi tal-UE.
L-adozzjoni tal-emendi tat-test tat-TKE, ma għandhiex, fil-prinċipju, effetti legali. Skont id-dritt internazzjonali, mhijiex ekwivalenti għal firma iżda għall-inizjalar tat-test innegozjat.
B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni tipproponi li l-Istati Membri jieħdu l-pożizzjoni, fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija, li ma timpedix l-adozzjoni tal-emendi proposti għat-TKE.
Rigward l-approvazzjoni tal-modifiki u l-bidliet proposti fl-Annessi
L-Artikolu 34(3)(m) tat-TKE jipprevedi proċedura ssimplifikata li tagħti s-setgħa lill-Konferenza tadotta modifiki fl-Annessi tat-TKE. Il-bidliet proposti fl-Annessi tat-TKE jġibu bidla essenzjali fit-Trattat attwali: l-esklużjoni, permezz tal-Anness NI, ta’ ċerti Materjali u Prodotti tal-Enerġija u attivitajiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni tal-investiment skont il-Parti III tat-TKE. B’riżultat ta’ dan, l-UE kisbet id-dritt li ssawwar il-protezzjoni tal-investiment fl-UE kif ġej:
–L-esklużjoni tal-protezzjoni għall-investimenti l-ġodda kollha fil-fjuwils fossili fl-UE f’data speċifika wara l-addozzjoni, b’perjodu ta’ tranżizzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2030 b’mod awtomatiku għall-impjanti u l-infrastruttura tal-enerġija mill-gass lesti għall-idroġenu/gass b’livell baxx ta’ karbonju li jemettu inqas minn 380 g CO2/kWh, jew sal-15 ta’ Awwissu 2033 jekk jissostitwixxu faċilità li taħdem bil-faħam, bil-pit jew bix-shale bituminuż;
–L-esklużjoni tal-protezzjoni għall-investimenti eżistenti kollha fil-fjuwils fossili fl-UE minn 10 snin wara d-dħul fis-seħħ (jew mill-bidu tal-applikazzjoni proviżorja) tal-emendi tat-TKE, u sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2040;
–Il-protezzjoni għall-idroġenu u l-fjuwils sintetiċi rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju biss;
–L-esklużjoni tal-protezzjoni għall-attivitajiet fil-qbid, l-użu u l-ħżin tal-karbonju.
Il-bidliet proposti jġibu wkoll il-kamp ta’ applikazzjoni tat-TKE konformi max-xenarju l-ġdid tat-teknoloġiji rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju meħtieġa għat-tranżizzjoni lejn enerġija ekoloġika. Dan se jinkiseb permezz ta’ bidliet fl-Anness EM/EMI (iż-żieda ta’ materjali u prodotti ġodda tal-enerġija, eż. l-idroġenu u l-fjuwils derivattivi bħall-ammonijaka u l-metanol, il-bijomassa, il-bijogass u l-fjuwils sintetiċi) u fl-Anness EQ/EQ I (iż-żieda ta’ tagħmir ġdid tal-enerġija, eż. diversi materjali tal-iżolament, kif ukoll ħġieġ iżolanti b’diversi ħitan).
Barra minn hekk, inħolqu Annessi ġodda biex jiġi implimentat il-prinċipju tar-reċiproċità, li skontu l-Partijiet Kontraenti ma jistgħux jiġu mġiegħla jipproteġu l-investimenti minn Partijiet Kontraenti oħra jekk dawn l-investimenti jkunu ġew esklużi minn dawn tal-aħħar fl-Anness NI, jew billi ma jiġix applikat il-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-istati fl-Artikolu 26 tat-TKE (Anness IA-NI ġdid) jew il-Parti III kollha dwar il-protezzjoni tal-investimenti (Anness NPT ġdid).
B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni tipproponi li fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija l-Istati Membri jieħdu l-pożizzjoni li ma timpedix l-approvazzjoni tal-bidliet u l-modifiki proposti fl-Annessi tat-TKE.
Rigward l-approvazzjoni tal-bidliet proposti fil-Fehimiet, fid-Dikjarazzjonijiet u fid-Deċiżjonijiet
Il-bidliet introdotti fil-Fehimiet, fid-Dikjarazzjonijiet u fid-Deċiżjonijiet jikkonċernaw korrezzjonijiet tad-dispożizzjonijiet li ma għadhomx validi (eż. is-sostituzzjoni ta’ “Komunitajiet Ewropej” b’“Unjoni Ewropea”), kif ukoll kjarifiki addizzjonali għat-test tat-TKE (eż. il-kjarifika li “sussidju” jinkludi l-“għajnuna mill-Istat” kif iddefinit fid-dritt tal-UE). L-approvazzjoni ta’ dawn il-bidliet fil-Fehimiet, fid-Dikjarazzjonijiet u fid-Deċiżjonijiet se ġġib aktar ċarezza u preċiżjoni fit-test tat-TKE.
B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni tipproponi li fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija l-Istati Membri jieħdu l-pożizzjoni li ma timpedix l-approvazzjoni tal-bidliet proposti fil-Fehimiet, fid-Dikjarazzjonijiet u fid-Deċiżjonijiet.
Rigward l-approvazzjoni tad-deċiżjoni dwar id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni proviżorja tal-emendi tat-test tat-TKE u l-bidliet/modifiki fl-Annessi tiegħu
Il-Konferenza se tapprova deċiżjoni li tipprevedi l-modalitajiet li ġejjin għad-dħul fis-seħħ u għall-applikazzjoni proviżorja tal-emendi proposti tat-TKE u l-bidliet fl-Annessi tiegħu:
–L-emendi tat-test tat-TKE se jidħlu fis-seħħ f’konformità mal-Artikolu 42(4) tat-TKE. Dan ifisser li l-emendi se jidħlu fis-seħħ ladarba tliet kwarti tal-Partijiet Kontraenti jkunu rratifikawhom. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tipprevedi li l-emendi se jiġu applikati proviżorjament b’mod awtomatiku mill-Partijiet Kontraenti kollha, sakemm ma jippreżentawx dikjarazzjoni li ma jistgħux jagħmlu dan;
–Bidliet fl-Anness NI, it-Taqsima C, li b’mod partikolari fiha r-regoli li jipprevedu l-perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ 10 snin biex titneħħa gradwalment il-protezzjoni tal-investimenti eżistenti fil-fjuwils fossili fl-UE , u bidliet f’Annessi oħra: dawn il-bidliet se jidħlu fis-seħħ meta jidħlu fis-seħħ l-emendi tat-TKE (ara hawn fuq). L-Anness NI, it-Taqsima C, u l-bidliet f’Annessi oħra se jiġu applikati proviżorjament b’mod awtomatiku mill-Partijiet Kontraenti kollha, sakemm ma jagħmlux dikjarazzjoni kuntrarja (ara hawn fuq);
–Il-bidliet fl-Anness NI, it-Taqsima B, li b’mod partikolari fiha r-regoli li jipprevedu l-esklużjoni ta’ investimenti ġodda fil-fjuwils fossili mill-protezzjoni fl-UE, se jidħlu fis-seħħ awtomatikament fid-data speċifikata fid-deċiżjoni tal-Konferenza mingħajr ebda ratifika oħra;
–Il-bidliet fil-Fehimiet, fid-Dikjarazzjonijiet u fid-Deċiżjonijiet se jidħlu fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni sa fejn jikkonċernaw il-korrezzjonijiet tar-referenzi li ma għadhomx validi. Il-bidliet li jifdal se jidħlu fis-seħħ meta jidħlu fis-seħħ l-emendi tat-TKE. Sadanittant, dawn se japplikaw proviżorjament bħall-emendi tat-TKE.
Il-modalitajiet tad-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni proviżorja tal-emendi tat-TKE u tal-Anness NI, it-Taqsima C, kif ukoll il-bidliet f’Annessi oħra, huma f’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-TKE oriġinali fir-rigward tad-dħul fis-seħħ u tal-applikazzjoni proviżorja. Barra minn hekk, l-UE kisbet li l-Anness NI, it-Taqsima B tidħol fis-seħħ awtomatikament fid-data speċifikata fid-deċiżjoni tal-Konferenza, u dan ikompli jiżgura d-data tad-dħul fis-seħħ tal-esklużjoni tal-UE marbuta mal-investimenti fil-fjuwils fossili fir-rigward ta’ investimenti ġodda.
B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni tipproponi li fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija l-Istati Membri jieħdu l-pożizzjoni dwar din il-kwistjoni li ma timpedix l-approvazzjoni tad-deċiżjoni rigward id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni proviżorja tal-emendi tat-test tat-TKE u tal-bidliet/modifiki fl-Annessi tiegħu.
Is-suġġett tad-deċiżjonijiet previsti jikkonċerna qasam li għalih l-Unjoni għandha kompetenza esterna esklużiva bis-saħħa tal-Artikolu 3(1) tat-TFUE, jiġifieri l-politika kummerċjali komuni. Id-deċiżjonijiet previsti jikkonċernaw ir-regoli dwar il-kummerċ u l-protezzjoni tal-investiment dirett barrani, li jaqgħu f’dan il-qasam ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Meta jitqies il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea ressqet proposti għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-ħruġ, rispettivament, tal-UE u tal-Euratom mit-TKE, huwa mistenni li l-Unjoni Ewropea u l-Euratom, filwaqt li jkunu għadhom Partijiet Kontraenti għat-TKE fiż-żmien tal-votazzjoni dwar id-deċiżjonijiet imsemmija hawn fuq tal-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija, la se jkunu preżenti u lanqas se jivvutaw. Għalhekk, din il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Istati Membri li jibqgħu Partijiet Kontraenti għat-TKE jew fil-laqgħa tal-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija, jekk jiddeċiedu li jipparteċipaw, jew fi proċedura bil-miktub, skont il-każ. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
Bażi legali proċedurali
Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-TFUE jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-UE” 10 .
Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija hija korp stabbilit fi ftehim, jiġifieri t-Trattat tal-Karta tal-Enerġija.
L-atti li l-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija hija mitluba tadotta jikkostitwixxu atti li jkollhom effetti legali. Dawn l-atti se jkunu vinkolanti skont id-dritt internazzjonali.
Id-deċiżjonijiet li għandhom jiġu adottati mill-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija biex jiġu approvati l-modifiki u l-bidliet proposti fl-Annessi tat-TKE, kif ukoll biex jiġu approvati l-bidliet proposti fil-Fehimiet, fid-Dikjarazzjonijiet u fid-Deċiżjonijiet, jikkostitwixxu atti li jkollhom effetti legali vinkolanti skont id-dritt internazzjonali. Dan għaliex it-TKE jagħti lill-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija s-setgħa li temenda l-Annessi, il-Fehimiet, id-Dikjarazzjonijiet u d-Deċiżjonijiet tat-TKE mingħajr il-ħtieġa ta’ xi ratifika sussegwenti mill-Partijiet Kontraenti. Skont l-Artikolu 48 tat-TKE, l-Annessi u d-Deċiżjonijiet huma parti integrali tat-Trattat.
Id-deċiżjoni li għandha tiġi adottata mill-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija biex tiġi approvata d-deċiżjoni dwar id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni proviżorja tal-emendi tat-test tat-TKE u l-bidliet/il-modifiki fl-Annessi tiegħu tikkostitwixxi att li jkollu effetti legali vinkolanti skont id-dritt internazzjonali minħabba li tobbliga lill-Partijiet Kontraenti japplikaw proviżorjament it-test emendat tat-TKE u l-bidliet f’ċerti taqsimiet tal-Annessi tiegħu f’data maqbula, jekk ma tiġi ppreżentata l-ebda dikjarazzjoni kuntrarja fil-ħin opportun.
Id-deċiżjoni li għandha tiġi adottata mill-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija biex jiġu adottati l-emendi proposti għat-test tat-TKE tikkostitwixxi, fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, att li jkollu effetti legali vinkolanti skont id-dritt internazzjonali minħabba li għandha tiġi adottata simultanjament mad-deċiżjoni dwar id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni proviżorja tal-emendi tat-test tat-TKE (ara hawn fuq), li tobbliga lill-Partijiet Kontraenti japplikaw proviżorjament dawn l-emendi f’data maqbula, jekk ma tiġi ppreżentata l-ebda dikjarazzjoni kuntrarja fil-ħin opportun.
L-atti previsti la jissupplimentaw u lanqas jemendaw il-qafas istituzzjonali tat-TKE.
Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
Bażi legali sostantiva
Prinċipji
Il-bażi legali sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tad-deċiżjonijiet previsti li dwarhom tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk id-deċiżjonijiet previsti jkollhom żewġ objettivi jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-objettivi jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun ibbażata fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik rikjesta mill-objettiv jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
Fir-rigward ta’ deċiżjonijiet previsti li jimmiraw li jilħqu għadd ta’ objettivi simultanjament, jew li għandhom diversi komponenti, li huma marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, il-bażi legali sostantiva ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE jkollha tinkludi, eċċezzjonalment, id-diversi bażijiet legali korrispondenti.
Applikazzjoni għal dan il-każ
Id-deċiżjonijiet previsti jimmiraw li jilħqu xi objettivi u għandhom xi komponenti fil-qasam tal-enerġija u tal-politika kummerċjali komuni. Dawn l-elementi tad-deċiżjonijiet previsti huma marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor.
Għalhekk, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta tikkonsisti mid-dispożizzjonijiet li ġejjin: l-Artikoli 194(2) u 207 tat-TFUE.
Konklużjoni
Il-bażi legali tad-deċiżjoni tal-Kunsill proposta għandha tkun l-Artikoli 194(2) u 207 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
Pubblikazzjoni tal-atti previsti
Peress li d-deċiżjonijiet tal-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija se jemendaw l-Annessi tat-TKE, jixraq li dawn jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tagħhom.
2024/0057 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 194(2) u 207, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)It-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 98/181/KE tat-23 ta’ Settembru 1997 rigward il-konklużjoni, mill-Komunitajiet Ewropej, tat-Trattat fuq iċ-Charter tal-Enerġija u l-Protokoll taċ-Charter tal-Enerġija dwar l-effiċjenza fl-enerġija u l-aspetti ambjentali relatati (ĠU L 69, 9.3.1998, p. 1) u daħal fis-seħħ fis-16 ta’ April 1998.
(2)Fin-nuqqas ta’ xi aġġornament sostanzjali tal-Ftehim mis-snin 90, il-Ftehim kulma jmur sar dejjem iktar antikwat.
(3) Skont l-Artikolu 34 tal-Ftehim, il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija tadotta testi ta’ emendi tal-Ftehim u tapprova modifiki u bidliet tekniċi fl-Annessi tal-Ftehim.
(4) Il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija għandha tadotta l-emendi proposti għat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija u għandha tapprova (i) il-modifiki u l-bidliet proposti fl-Annessi tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (ii) il-bidliet proposti fil-Fehimiet, fid-Dikjarazzjonijiet u fid-Deċiżjonijiet, u (iii) id-deċiżjoni dwar id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni proviżorja tal-emendi tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija u l-bidliet/modifiki fl-Annessi tiegħu. Huwa mistenni li matul l-2024 il-Konferenza se terġa’ tressaq l-emendi proposti għall-adozzjoni, jew f’laqgħa jew permezz ta’ proċedura bil-miktub, skont il-każ.
(5)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Istati Membri li huma Partijiet Kontraenti għat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri.
(6)B’mod parallel, il-Kummissjoni Ewropea ressqet proposti għal Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar il-ħruġ tal-UE u tal-Euratom mill-Ftehim li għandhom jiġu adottati b’mod konġunt ma’ din il-proposta.
(7)Peress li l-oqsma koperti mit-Trattat tal-Karta tal-Enerġija jaqgħu fil-biċċa l-kbira fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, l-Istati Membri ma jistgħux jibqgħu Partijiet Kontraenti għat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija ladarba l-Unjoni tkun ħarġet, sakemm ma jkunux awtorizzati mill-Unjoni. Għalhekk, ladarba l-ħruġ tal-Unjoni mit-Trattat tal-Karta tal-Enerġija jidħol fis-seħħ u fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni mill-Unjoni biex jibqgħu Partijiet Kontraenti, l-Istati Membri se jkollhom joħorġu mit-Trattat tal-Karta tal-Enerġija f’perjodu ta’ żmien raġonevoli.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Istati Membri li huma Partijiet Kontraenti għat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija għandha tkun din li ġejja:
(a)li ma timpedix l-adozzjoni mill-Konferenza tal-emendi proposti għat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija;
(b)li ma timpedix l-approvazzjoni tal-modifiki u tal-bidliet proposti fl-Annessi tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija;
(c)li ma timpedix l-approvazzjoni tal-bidliet proposti fil-Fehimiet, fid-Dikjarazzjonijiet u fid-Deċiżjonijiet; u
(d)li ma timpedix l-approvazzjoni tad-deċiżjoni dwar id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni proviżorja tal-emendi tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija u l-bidliet/modifiki fl-Annessi tiegħu.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri li huma Partijiet Kontraenti għat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President