Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024IE0701

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — It-tibdil fil-klima u l-impatt tiegħu fuq l-ekonomija (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

EESC 2024/00701

ĠU C, C/2025/102, 10.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/102/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/102/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/102

10.1.2025

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

It-tibdil fil-klima u l-impatt tiegħu fuq l-ekonomija

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(C/2025/102)

Relatur:

Juraj SIPKO

Konsulent

Petr ZAHRADNÍK (għar-relatur)

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

18.1.2024

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adozzjoni fis-sezzjoni

11.10.2024

Adozzjoni fis-sessjoni plenarja

23.10.2024

Sessjoni plenarja Nru

591

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

130/3/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jirrimarka li t-tibdil fil-klima huwa primarjament ir-riżultat tal-attività tal-bniedem. Dan wassal għal żieda fil-livelli tal-baħar, temperaturi ogħla, nirien fis-selvaġġ u maltempati frekwenti u kbar li kkawżaw għargħar mifrux. It-tibdil fil-klima jikkawża wkoll ħsara mhux antiċipata, inkluż it-telf tal-ħajja tal-bniedem. Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza li fin-natura kollox huwa interkonness. Jekk in-natura tkun f’bilanċ, allura jkun hemm il-kundizzjonijiet għal tkabbir ekonomiku tajjeb u popolazzjoni b’saħħitha. Dan ifisser li trid tiġi adottata strateġija fit-tul biex tiġi salvagwardjata s-saħħa pubblika wara avvenimenti imprevisti tat-tibdil fil-klima.

1.2.

Il-KESE jqis li t-tibdil fil-klima huwa theddida eżistenzjali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali fl-Istati Membri tal-UE u li għandu effett negattiv ħafna fuq l-iżvilupp makroekonomiku kif ukoll mikroekonomiku, fuq l-istabbiltà tan-negozju, finanzjarja u soċjali, fuq l-infrastruttura u fuq is-saħħa tal-bniedem.

1.3.

Il-KESE jenfasizza li m’għandux jinħela l-ħin biex jiġu adottati u implimentati l-miżuri kollha meħtieġa biex jitnaqqsu l-emissjonijiet (mitigazzjoni) u biex ikun hemm adattament għall-kundizzjonijiet il-ġodda (adattament), inkluża l-introduzzjoni ta’ prezzijiet fuq l-emissjonijiet u ta’ taxxa fuq il-karbonju, f’konformità mal-aħħar rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Il-kost soċjali tad-diossidu tal-karbonju, li jkejjel il-valur monetizzat tal-ħsara lis-soċjetà kkawżata minn kull tunnellata metrika addizzjonali ta’ emissjonijiet ta’ CO2, għandu jsir metrika ewlenija fit-tfassil tal-politika dwar il-klima fl-Unjoni Ewropea (UE).

1.4.

Il-KESE jqis li l-investiment marbut mat-tibdil fil-klima huwa opportunità ekonomika storika biex jiġi appoġġjat u sfruttat il-potenzjal enormi tal-innovazzjoni u l-iżvilupp fl-Istati Membri tal-UE. Dan ser iwassal ukoll għal bidliet fundamentali u storikament bla preċedent kemm fl-arkitettura tal-ekonomija kif ukoll fis-soċjetà. L-appoġġ għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima jeħtieġ kunsens soċjali wiesa’. Il-KESE jitlob li d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv jiġu integrati fid-diskussjoni dwar it-tranżizzjoni klimatika fil-livelli kollha.

1.5.

Il-KESE jirrimarka li minbarra li jiġi sfruttat il-potenzjal prezzjuż ta’ tkabbir, it-tnaqqis fl-ispejjeż operattivi għall-ekonomija u s-soċjetà huwa effett ewlieni ieħor fit-tul tar-rispons ekonomiku għat-tibdil fil-klima. Għaldaqstant, huwa kruċjali li jitnaqqsu l-esternalitajiet negattivi li jagħmlu ħsara lill-ambjent u li jaggravaw l-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima.

1.6.

Il-KESE huwa kompletament konxju li r-rispons għat-tibdil fil-klima huwa impenjattiv ħafna, f’termini tal-investiment meħtieġ (waqt li fl-istess ħin jiġu evitati assi mhux rekuperabbli massivi minħabba trasformazzjoni kkawżata mit-tibdil fil-klima) u l-isforzi fiskali u finanzjarji meħtieġa. Jeħtieġ li jiġi żgurat li dan ma jwassalx għal aktar żbilanċi ekonomiċi; pereżempju, l-approfondiment mhux sostenibbli tad-defiċits fiskali u d-dejn pubbliku u l-imminar tal-istabbiltà tas-settur finanzjarju, b’mod partikolari l-industrija tal-assigurazzjoni.

1.7.

Il-KESE huwa konxju tal-fatt li rispons mhux xieraq jew in-nuqqas li jiġu indirizzati l-problemi relatati mat-tibdil fil-klima jistgħu jwasslu għal riskji enormi, kemm f’termini ta’ tkabbir ekonomiku kif ukoll, sussegwentement, ta’ ħsara għas-soċjetà. Dan jista’ jwassal ukoll għal inflazzjoni mhux ikkontrollata, b’mod partikolari inflazzjoni ikkawżata miż-żieda fil-kostijiet, u fl-aħħar mill-aħħar għal tnaqqis dannuż fl-istandards tal-għajxien.

1.8.

Il-KESE jqis li huwa imperattiv li ma tiġix sottovalutata l-importanza tal-fattur uman fl-aktar tifsira wiesgħa tat-terminu fir-rispons għat-tibdil fil-klima. It-tibdil fil-klima x’aktarx ser iwassal għal bidliet fundamentali u fit-tul fis-suq tax-xogħol, li jeħtieġu forza tax-xogħol aktar reżiljenti u flessibbli, b’tagħlim tul il-ħajja f’oqsma ġodda.

1.9.

Il-KESE jenfasizza li jridu jiġu adottati u implimentati miżuri biex jiġi żgurat li l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Istati Membri jiġi analizzat, evalwat u mbassar b’mod sistematiku. Minbarra t-tnaqqis tal-emissjonijiet (mitigazzjoni fiżika tar-riskju), dawn il-miżuri għandhom ikunu mmirati lejn bidliet fl-istruttura tal-ekonomija (adattament għar-riskju ta’ tranżizzjoni) u għall-proċessi li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima u l-impatt tiegħu fuq il-flussi migratorji internazzjonali imprevedibbli.

1.10.

It-tibdil fil-klima jaffettwa kull pajjiż li huwa parti mill-ekonomija globali. Għalhekk, b’reazzjoni għat-tibdil fil-klima, il-KESE jqis li kull azzjoni trid tiġi kkoordinata u allinjata fil-livell internazzjonali. F’dan il-kuntest, il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi tal-UE biex il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima tingħata l-ogħla prijorità. Dan ser jinvolvi impenn kollettiv fil-livell nazzjonali, sottonazzjonali, tal-UE u globali fl-oqsma kollha, bħall-oqsma ekonomiċi u soċjali, bi rwoli u responsabbiltajiet ċari u definiti sew fil-livelli kollha tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

2.   Kuntest ta’ bażi u fatti

2.1.

Matul l-aħħar erba’ snin, l-ekonomiji tal-Istati Membri tal-UE ffaċċjaw tliet xokkijiet esterni u sistemiċi reali. Il-COVID-19, il-kunflitti militari u t-tibdil fil-klima kellhom impatt negattiv sinifikanti fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri tal-UE. Bħala wieħed mix-xokkijiet imsemmija hawn fuq, it-tibdil fil-klima joħloq theddida eżistenzjali għall-iżvilupp ulterjuri tal-ekonomiji tal-pajjiżi tal-UE fuq terminu medju u twil.

2.2.

Il-kost li ma tittieħed tal-ebda azzjoni biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima ser ikun għolja ħafna. Id-data preliminari tindika spejjeż annwali ta’ EUR 600 biljun għall-perjodu 2024-2030. Output ekonomiku mitluf minħabba żieda fil-mortalità, livelli aktar baxxi ta’ saħħa, tnaqqis fil-produttività, u ħajjiet imqassra ser jinfluwenzaw direttament il-prospetti ekonomiċi, speċjalment meta jitqies it-tip ta’ impatt esponenzjali (mhux lineari) minn kull tunnellata addizzjonali ta’ CO2 emessa. Pereżempju, skont ir-rapport Lancet tal-2023 (1), intilfu 490 biljun siegħa ta’ xogħol produttiv fil-livell globali fl-2023 minħabba l-mewġiet ta’ sħana biss, u dan in-numru ser ikompli jiżdied f’konformità max-xejriet tas-sħana. Għalhekk il-posponiment tal-finanzjament kemm għall-mitigazzjoni kif ukoll għall-adattament ser ikollu impatt negattiv enormi fuq l-ekonomija, l-infrastruttura u l-agrikoltura ġenerali, kif ukoll fuq is-saħħa tal-popolazzjoni. Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, huwa ovvju li t-tibdil fil-klima għandu jkun il-prijorità ta’ politika ewlenija tal-UE u tal-Istati Membri. Minn perspettiva istituzzjonali, l-adozzjoni tal-Patt Ekoloġiku (2) stabbiliet sett ta’ rekwiżiti sostantivi u sistemiċi fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-impatti imprevisti u bla preċedent tiegħu fuq l-oqsma importanti kollha li jaffettwaw b’mod sinifikanti l-ekonomija tal-UE.

2.3.

It-tibdil fil-klima qed ikollu impatt immedjat fuq l-indikaturi makroekonomiċi, l-istabbiltà finanzjarja u dik soċjali, l-ekonomija reali, il-kummerċ internazzjonali, l-infrastruttura u l-agrikoltura, inkluża s-saħħa tal-popolazzjoni. Barra minn hekk, it-tibdil fil-klima ser ikollu impatt negattiv ħafna fuq l-anzjani u l-popolazzjoni li qed tixjieħ, u b’hekk tiżdied il-mortalità. L-anzjani huma partikolarment affettwati u jridu jadattaw il-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom. It-tfal u ż-żgħażagħ huma affettwati wkoll.

2.4.

Il-KESE jinnota li fil-livell makroekonomiku fil-qasam monetarju, it-tibdil fil-klima huwa mistenni li jwassal għal rati ogħla ta’ inflazzjoni u għalhekk għal rati tal-imgħax ogħla, tnaqqis fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u suq tax-xogħol aktar diffiċli, tnaqqis fil-produttività tax-xogħol u, konsegwentement, tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku. Minn perspettiva fiskali, it-tibdil fil-klima qed iġib miegħu żieda fin-nefqa addizzjonali marbuta ma’ diżastri naturali, għargħar, nirien fil-foresti, u spejjeż relatati ma’ infrastruttura bil-ħsara (3). Barra minn hekk, qed ikollu impatt sinifikanti fuq il-bilanċ estern tal-ekonomiji tal-pajjiżi individwali tal-UE.

2.5.

It-tibdil fil-klima jista’ jitqies bħala esternalità negattiva. Hawnhekk, għandu jiġi enfasizzat li din l-esternalità negattiva tista’ twassal għal żidiet addizzjonali fl-ispejjeż, marbuta mal-proċessi ta’ mitigazzjoni u adattament, fil-produzzjoni ta’ oġġetti u servizzi pprovduti, li jxekklu t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv fit-tul.

2.6.

Mil-lat ekonomiku, huwa importanti li gradwalment jitnaqqsu u jiġu eliminati l-emissjonijiet u t-tniġġis konsegwenti bl-aktar mod effiċjenti possibbli b’reazzjoni għat-tibdil fil-klima. Għalhekk, sabiex jitreġġa’ lura l-bilanċ tal-klima u s-sostenibbiltà tiegħu, jeħtieġ li jiġu adottati u implimentati miżuri mmirati lejn dawk li jikkontribwixxu l-aktar għat-tniġġis u b’hekk jimminaw il-prinċipji fundamentali tal-iżvilupp sostenibbli.

2.7.

Filwaqt li t-tnaqqis u l-eliminazzjoni gradwali tat-tniġġis persistenti tal-pjaneta ser jeħtieġu volumi relattivament għoljin ta’ investiment addizzjonali, ir-redditu primarju fit-tul huwa l-evitar tal-kostijiet imġarrba mit-tibdil fil-klima. Il-kostijiet diretti u indiretti biex jiġu ffinanzjati l-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq setturi individwali apparti l-manifattura, bħall-assigurazzjoni u l-agrikoltura kif ukoll oqsma ta’ attività u reġjuni li huma bbażati fuq il-mudell tradizzjonali ta’ manifattura intensiva fl-enerġija.

2.8.

Bħala parti mit-tranżizzjoni li għaddejja lejn l-ekonomija ekoloġika u diġitali, huwa essenzjali li jitwettqu bidliet strutturali komprensivi u estensivi li jista’ jkollhom impatt sinifikanti mhux biss fuq il-forma tas-sistemi ekonomiċi u soċjali iżda wkoll fuq il-mod li bih joperaw. Għalhekk, is-sħubijiet u l-proċessi integrati b’diversi partijiet ikkonċernati huma kruċjali.

2.9.

Huwa importanti li jiġu enfasizzati l-konsegwenzi u l-kostijiet li ma jiġix indirizzat it-tibdil fil-klima (il-kost ta’ meta ma jsir xejn), li maż-żmien ser iwasslu dejjem aktar għal kundizzjonijiet klimatiċi mfixklin u irriversibbli, deterjorament fis-saħħa tal-popolazzjoni u, konsegwentement, tnaqqis fil-produttività tax-xogħol u fil-prestazzjoni globali tal-ekonomija kollha kemm hi.

2.10.

Il-kost tal-investiment biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima huwa għoli ħafna. Il-ħtiġijiet ta’ investiment medji annwali addizzjonali biex jintlaħqu l-objettivi tal-klima u tal-enerġija għall-2030 ġew stmati għal madwar EUR 480 biljun. Meta titqies ir-rabta mal-proċess ta’ trasformazzjoni diġitali u l-iżgurar ta’ awtonomija strateġika miftuħa (f’konformità mar-REPowerEU) (4), dawn il-kostijiet ser jammontaw għal EUR 3 200 biljun (5). Ir-riżorsi pubbliċi ser ikunu limitati biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni, u ser ikunu meħtieġa wkoll riżorsi privati, li jistgħu jkopru l-finanzjament għall-oqsma prijoritarji ta’ rispons għat-tibdil fil-klima.

2.11.

It-tfassil u l-implimentazzjoni tal-miżuri tat-tibdil fil-klima jridu jkunu konsistenti wkoll ma’ proċessi oħra li qed iseħħu bħalissa fl-ekonomija globali, li ser jiżguraw il-funzjonament effiċjenti tal-UE. Dawn huma relatati primarjament mat-tensjonijiet ġeopolitiċi u l-iżviluppi ġeoekonomiċi attwali, mas-sigurtà ekonomika, tal-ikel, tal-enerġija u tas-saħħa, kif ukoll mal-iżgurar tal-istabbiltà soċjali u l-kompetittività sostenibbli (6).

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jenfasizza li l-kwalità tal-ambjent hija kruċjali għas-saħħa tan-nies u għal tkabbir ekonomiku sostenibbli, inklużiv, reżiljenti u sostnut. Huwa ċar li s-saħħa tan-nies hija influwenzata mill-ambjent tagħhom. Minn dan isegwi li għal ekonomiji b’saħħithom tal-Istati Membri tal-UE neħtieġu nies b’saħħithom biex jikkontribwixxu għal produttività ogħla tax-xogħol, li twassal għal kompetittività ogħla, standards ogħla ta’ għajxien u tkabbir ekonomiku ta’ kwalità għolja.

3.2.

Il-KESE jirrimarka li r-rispons korrett għat-tibdil fil-klima huwa li naħtfu l-opportunità l-ġdida li l-potenzjal teknoloġiku u innovattiv f’dan il-qasam jippreżenta għall-ekonomija u s-settur tan-negozju. Rispons imdewwem fil-livell tal-UE għal din l-isfida storikament bla preċedent jista’ jwassal għal tnaqqis ulterjuri fil-pożizzjoni tal-pajjiżi tal-UE fl-ekonomija globali f’termini ta’ sehem tal-PDG globali (li naqas minn 25 % għal 18 % bejn l-2005 u l-2023) (7).

3.3.

Fl-indirizzar tal-konsegwenzi tal-kriżi klimatika, għandha ssir referenza għall-istrumenti individwali relatati mar-riskji fiżiċi u ta’ tranżizzjoni (8):

3.3.1.

Għodod tal-ICT: l-għodod tal-ICT ser ikollhom rwol indispensabbli fit-tranżizzjoni. Fl-indirizzar tal-impatt tal-konsegwenzi negattivi tat-tibdil fil-klima fuq l-ekonomija kollha kemm hi, jeħtieġ li jkun hemm komunikazzjoni sistematika u oġġettiva u sensibilizzazzjoni dwar il-konklużjonijiet tal-analiżi dwar il-kostijiet addizzjonali tal-investiment li ser ikollhom jiġġarrbu. Jidher indispensabbli li jitwettaq studju tal-impatt imfassal tajjeb, immirat lejn il-pubbliku ġenerali, li jistabbilixxi l-evidenza li tiġġustifika l-motivazzjoni u l-ħtieġa li tittieħed azzjoni koordinata fuq skala kbira b’reazzjoni għat-tibdil fil-klima.

3.3.2.

Inċentivi: ser ikun meħtieġ li ssir enfasi fuq it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politiki u strumenti xierqa biex titħeġġeġ l-aċċettazzjoni ta’ miżuri dwar it-tibdil fil-klima. Eżempji ta’ dan huma s-sistema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (EU ETS), l-istrumenti tat-taxxa li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u lill-klima, u l-qafas ta’ finanzjament sostenibbli, ibbażat fuq il-prinċipju ta’ “materjalità doppja”, li jippermetti li s-settur tal-intermedjazzjoni finanzjarja jiffinanzja t-tranżizzjoni ekoloġika. Barra minn hekk, inċentivi oħra, bħas-sussidji, jeħtieġ li jkunu mmirati lejn is-sostenibbiltà klimatika u ambjentali, b’mod partikolari fl-oqsma tal-effiċjenza enerġetika, is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, l-ekonomija ċirkolari, il-mobbiltà nadifa, l-użu tal-art fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija, eċċ.

3.3.3.

Strumenti regolatorji u sanzjonijiet: l-applikabbiltà tar-regoli, tal-objettivi stabbiliti u tar-rekwiżiti speċifikati skont il-Pakkett Ekoloġiku, kif ukoll tal-SDGs għall-2030, li huma stabbiliti b’mod ċar fil-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %” (9). Hawnhekk għandu jiġi enfasizzat li l-indikaturi ewlenin iridu jkunu legalment vinkolanti kemm għall-UE kollha kif ukoll fuq bażi pro rata għall-partijiet individwali kkonċernati, u fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, għandu jkun possibbli li jiġu imposti sanzjonijiet immedjati u effettivi, bl-użu tas-sistema ta’ eżegwibilità fil-prattika. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jinkludi wkoll miri u miżuri speċifiċi għas-settur. Hemm diversi mekkaniżmi fis-seħħ li jistgħu jintużaw f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ miri legalment vinkolanti.

3.3.4.

L-impatt fuq il-ħaddiema u l-kundizzjonijiet tax-xogħol: it-tilħiq tal-miri klimatiċi ma għandux jaffettwa b’mod negattiv il-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol minkejja l-investimenti kbar meħtieġa. It-tibdil fil-klima jeħtieġ li jitqies bħala opportunità ta’ investiment biex jiġu ġġenerati l-ħiliet u jinħolqu sħubijiet mal-ħaddiema u mas-soċjetà ċivili bil-għan li jiġi żgurat is-suċċess tal-miżuri li jittrattaw it-tranżizzjoni klimatika. L-impjiegi protetti huma kruċjali għall-bini tal-fiduċja u s-suċċess tat-tranżizzjoni klimatika peress li ma hemm l-ebda tranżizzjoni mingħajr tranżizzjoni soċjali.

3.4.

Il-KESE jemmen li r-rispons koordinat għat-tibdil fil-klima jista’ jipprovdi stimolu sinifikanti għat-tkabbir ġenerali tal-ekonomija tal-UE fl-oqsma stabbiliti fil-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %”, dment li titwettaq evalwazzjoni ex ante tal-intensità tal-investiment u r-redditu fuq l-investiment bħalma jsir fil-każ ta’ valutazzjoni tal-impatt.

3.5.

Il-KESE jipprevedi li l-impatt tar-rispons għat-tibdil fil-klima jista’ jkun pożittiv fit-tul, speċjalment fl-eliminazzjoni tal-esternalitajiet negattivi, u li jippermetti allokazzjoni aktar effiċjenti tal-kapital għal setturi u oqsma ta’ attività aktar produttivi u effiċjenti. Għalhekk, l-introduzzjoni tal-bidliet strutturali ewlenin li jkunu l-aktar sinifikanti fl-aħħar mitejn sena tidher li hija intensiva ħafna fl-investiment, iżda għandha l-potenzjal li twassal għal sistema ekonomika aktar produttiva, bi prestazzjoni aħjar u effiċjenti fir-riżorsi (10). F’dan il-kuntest, l-ekonomija ċirkolari għandha titqies bħala strument importanti, flimkien mas-suq tal-iskart u l-ġestjoni tal-iskart.

3.6.

Il-KESE jinnota li l-proċess storiku ta’ tranżizzjoni ser jeħtieġ żieda fl-investiment ġenerali fl-iżvilupp ta’ setturi, teknoloġija, oqsma ta’ attivitajiet u attivitajiet kummerċjali ġodda, inklużi intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, li jistgħu wkoll jesperjenzaw tfixkil fil-ktajjen tal-valur eżistenti u jkollhom jadattaw għall-kundizzjonijiet il-ġodda (it-tranżizzjoni tal-industriji estrattivi u peżanti lejn industriji tal-manifattura ġodda b’enerġija nadifa u b’livell baxx ta’ tniġġis jew bi tniġġis żero).

3.7.

Il-KESE jemmen li l-proċess inflazzjonarju attwali li qed jasal fi tmiemu bil-mod il-mod, li fih l-inflazzjoni ikkawżata miż-żieda fil-kostijiet kienet predominanti, bi rwol sinifikanti mwettaq mir-riskju ta’ premium, wassal għal divrenzjar bejn gruppi inqas vulnerabbli u dawk iktar vulnerabbi ta’ nies fil-pajjiżi differenti tal-UE. It-tibdil fil-klima, bħall-kriżi tal-enerġija, jista’ jissarraf f’xokk asimmetriku qawwi fuq ix-xogħol u l-kapital. Huwa importanti li nkunu lesti għal dan u li kemm jista’ jkun nevitaw il-konsegwenzi negattivi potenzjali tiegħu u nipprovdu aktar appoġġ lil dawk ir-reġjuni li ser jintlaqtu l-aktar.

3.8.

Il-KESE jemmen li ekonomija li hija strutturalment lesta biex tirrispondi għat-tibdil fil-klima ser tkun aktar reżiljenti għall-impatti inflazzjonarji potenzjali (ikkawżati pereżempju minn fluttwazzjonijiet klimatiċi severi li jaffettwaw il-prestazzjoni ekonomika u l-produttività tax-xogħol fl-ambjent tan-negozju), mingħajr effetti soċjali negattivi (11).

3.9.

Il-KESE huwa konxju ħafna li l-miżuri marbuta mar-rispons għat-tibdil fil-klima jirrappreżentaw sfida kwantitattiva u kwalitattiva kbira għas-suq tax-xogħol fil-pajjiżi tal-UE. In-nuqqas ta’ rispons malajr biżżejjed u b’saħħtu biżżejjed għal dawn il-miżuri jista’ jwassal għal sigħat tax-xogħol limitati li jwasslu għal żieda fil-qgħad (12). Hawnhekk ta’ min jinnota li l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet rilevanti għandhom jirrispondu b’mod flessibbli billi jħejju korsijiet ta’ taħriġ mill-ġdid u programmi ta’ adattament, kif ukoll joħolqu kundizzjonijiet aħjar għal suq tax-xogħol flessibbli f’setturi fejn hemm domanda għolja għax-xogħol. It-tibdil fil-klima jista’ jintuża biex jiffaċilita l-proċessi ta’ ridistribuzzjoni fl-UE.

3.10.

Barra minn hekk, il-KESE jindika l-ħtieġa li tittejjeb is-sistema edukattiva kollha, inkluż it-taħriġ vokazzjonali, u li jinħolqu kundizzjonijiet għat-tagħlim tul il-ħajja li huma konformi mar-rekwiżiti tal-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %” u l-Kumpass Diġitali (13). Dan il-proċess ta’ trasformazzjoni fis-sistema edukattiva ser jirrikjedi bidliet fundamentali fit-talbiet għall-edukazzjoni, il-kwalifiki u l-ħiliet tal-forza tax-xogħol. Peress li l-impatt ekonomiku tal-katastrofi naturali għall-gruppi kollha tal-età fis-soċjetà ser ikun imprevedibbli, ser ikun essenzjali li wieħed jitgħallem kif ibiddel l-istil ta’ ħajja tiegħu, kif jirreaġixxi u kif jinvolvi ruħu fil-prevenzjoni.

3.11.

Peress li ser ikun hemm bżonn volum kbir ta’ riżorsi finanzjarji biex jiġi indirizzat kif xieraq it-tibdil fil-klima, ma jidhirx fattibbli li wieħed jiddependi biss mill-finanzjament pubbliku. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda rispett u konformità sħiħa mar-regoli dwar il-prudenza fil-finanzi pubbliċi skont ir-regoli li għadhom kif ġew adottati dwar il-governanza ekonomika (14).

3.12.

Il-KESE jirrimarka li apparti l-fondi pubbliċi, hemm volumi sinifikanti ta’ riżorsi finanzjarji privati disponibbli, pereżempju, fil-fondi tal-assigurazzjoni u tal-pensjonijiet, u l-volum għoli ta’ tfaddil b’mod ġenerali (li spiss jinżammu fil-kontijiet kurrenti jew fil-kontijiet tat-tfaddil iżda spiss jitħallew hemm għal perjodi twal) li jistgħu jintużaw b’mod aktar effiċjenti, kif twiegħed l-Unjoni tas-Swieq Kapitali. F’dan il-kuntest, dawn ir-riżorsi jistgħu jintużaw biex jiffinanzjaw ir-rispons xieraq għat-tibdil fil-klima, fl-istess waqt li jaderixxu mar-regoli prudenzjali finanzjarji stretti.

3.13.

Il-KESE jemmen li hemm il-possibbiltà li jiġi ġġenerat redditu fuq l-użu tal-fondi pubbliċi, bl-użu ta’ strumenti finanzjarji li, bis-saħħa taċ-ċiklu tal-fatturat, jipprovdu volum ogħla ta’ riżorsi meta mqabbla mas-sussidji, dment li t-tranżazzjonijiet individwali jgħaddu mit-test ta’ eliġibbiltà għall-użu ta’ dan it-tip ta’ finanzjament.

3.14.

Il-KESE jirrimarka li l-bilanċ ekonomiku estern globali, li huwa affettwat b’mod sinifikanti mill-kompetittività tal-UE, għandu jissaħħaħ (surplus fil-kont kurrenti tal-bilanċ tal-pagamenti) bħala riżultat tat-tibdil fil-klima u mhux jiddgħajjef (defiċit fil-kont kurrenti). Fl-istess ħin, wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-proċessi ekonomiċi globali ser ikomplu jinbidlu u mhux ser iseħħu fl-istess ħin u bl-użu tal-istess strumenti.

3.15.

Sabiex tissaħħaħ il-kompetittività tal-ekonomija tal-UE u biex ikomplu jinżammu bilanċi ekonomiċi esterni favorevoli, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu mmonitorjati l-iżviluppi fiċ-ċentri tal-poter ekonomiku, b’mod partikolari l-Istati Uniti u ċ-Ċina, kif ukoll f’ekonomiji emerġenti dinamiċi ħafna oħra, speċjalment il-pajjiżi tax-Xlokk tal-Asja (15).

3.16.

Il-KESE jitlob li d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv jiġu integrati fid-diskussjoni dwar it-tranżizzjoni klimatika fil-livelli kollha. Huwa importanti li nkunu ġusti fil-kondiviżjoni tal-isforzi biex tinbena l-aċċettazzjoni meħtieġa min-naħa tal-ħaddiema u tas-soċjetà inġenerali meta jiġi segwit approċċ newtrali għall-klima għall-produzzjoni ta’ oġġetti u servizzi.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-għodod kollha użati b’reazzjoni għall-kriżi klimatika għandhom ikunu bbażati fuq prevedibbiltà reali u jkunu konsistenti mal-megatendenzi attwali li jistgħu jiġu osservati kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-kuntest reġjonali u fl-istess waqt jiġi żgurat li dawn l-għodod ikunu konsistenti u mmirati speċifikament lejn l-iżgurar tas-sigurtà ekonomika u l-kompetittività tal-Istati Membri tal-UE (16).

4.2.

Il-KESE jappoġġja l-isforzi biex titwettaq tranżizzjoni diffiċli, iżda jirrimarka wkoll li l-miżuri kollha adottati u implimentati għandhom ikunu mmirati lejn it-tisħiħ tal-prestazzjoni ekonomika u l-istabbiltà soċjali tal-ekonomiji tal-Istati Membri tal-UE.

4.3.

Il-KESE jirrakkomanda li d-diversi miżuri jinkludu wkoll għażliet għall-użu u t-trawwim ta’ tolleranza (aċċettabbli) akbar tas-sorsi tal-enerġija li, għalkemm ma jikkostitwixxux sorsi tal-enerġija ottimali għall-istadju finali tat-tranżizzjoni ekoloġika f’termini ta’ newtralità klimatika netta, matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni ser ikollhom impatt pożittiv fuq l-ambjent u l-klima meta mqabbla mas-sitwazzjoni attwali. Madankollu, il-perjodi ta’ tranżizzjoni m’għandhomx jiġux estiżi aktar milli huwa strettament meħtieġ, għax inkella dan inaqqas ir-ritmu tat-tranżizzjoni tal-enerġija ekoloġika, kemm direttament kif ukoll indirettament billi irażżan l-innovazzjoni fit-teknoloġiji rinnovabbli.

4.4.

Il-KESE jqis li dan ir-raġunament għandu jinvolvi wkoll flessibbiltà akbar fir-rigward tal-pass tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, dment li dawn ikomplu jikbru fid-diversi oqsma tan-negozju u attivitajiet oħra (eż. l-industrija, it-trasport, l-akkomodazzjoni, eċċ.), u li dawn jintużaw skont skeda ta’ żmien realistika.

4.5.

Il-KESE jirrimarka li perjodi ta’ riskju akbar minħabba tensjonijiet ġeopolitiċi u inċertezza ġeoekonomika jwasslu għal bidliet relattivament profondi fl-imġiba lejn l-iffrankar tal-enerġija. F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jittieħdu miżuri għall-effiċjenza enerġetika. Investimenti relattivament kbar, b’appoġġ estensiv minn sorsi ta’ finanzjament tal-UE, għandhom ikunu diretti lejn it-trasformazzjoni kwalitattiva tal-binjiet pubbliċi, kummerċjali u residenzjali, waqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi. Vantaġġ kompetittiv sinifikanti għall-UE tul il-katina tal-valur kollha jista’ jkun fil-produzzjoni, l-installazzjoni u l-manutenzjoni ta’ komponenti u tagħmir li jtejbu l-effiċjenza enerġetika, bi tranżizzjoni sensittiva għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

4.6.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea twettaq valutazzjoni ċara, komprensibbli u konvinċenti tal-ħtiġijiet (l-eliminazzjoni tal-impatti negattivi tal-esternalitajiet fuq l-ekonomiji u s-soċjetajiet tal-Istati Membri tal-UE, kif ukoll tal-UE kollha kemm hi, fil-qasam tal-protezzjoni tal-klima u tal-ambjent) u tal-kostijiet (l-investimenti meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet, fil-forma ta’ struttura indikattiva bażika stabbilita skont l-iskop, is-sors u t-tip ta’ finanzjament).

4.7.

Dik il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet u l-kostijiet għandha tiġi aġġornata u evalwata regolarment fid-dawl tal-kundizzjonijiet li qed jinbidlu fil-kuntest tal-bidliet ġeoekonomiċi u għandha tiġi pprovduta lil dawk involuti fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet kif ukoll lill-pubbliku ġenerali.

4.8.

Barra minn hekk, il-KESE jindika l-ħtieġa li jkun hemm impenn li tiġi pprovduta data għall-valutazzjoni tal-ħtiġijiet u l-kostijiet biex jiġu inklulżi r-riżultati tal-analiżijiet tal-impatt tat-tranżizzjoni ekoloġika fuq il-makroekonomija, l-istabbiltà finanzjarja, is-suq tax-xogħol, u fuq is-sigurtà ekonomika, tal-ikel, tal-enerġija u tas-saħħa (17). Dawn l-analiżijiet jistgħu jkunu soġġetti għal evalwazzjoni fil-qafas tas-Semestru Ewropew.

4.9.

Barra minn hekk, sabiex tissaħħaħ il-kompetittività sostenibbli tal-ekonomija tal-UE, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea timmonitorja l-prestazzjoni u l-esperjenza tal-implimentazzjoni tal-Att dwar it-Tnaqqis tal-Inflazzjoni (18) fl-Istati Uniti bil-ħsieb tal-kompatibbiltà u s-sinerġiji possibbli mal-Istati Uniti, u t-tisħiħ tas-sħubija strateġika bejn l-UE u l-Istati Uniti.

4.10.

Fl-2026, il-KESE jistenna li jara analiżijiet aktar konkreti tal-valutazzjoni tal-impatt tal-miżuri marbuta mal-introduzzjoni tal-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri (CBAM). Għalhekk jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea twettaq evalwazzjoni fil-fond, li tkun tista’ tagħti kontribut siewi għal kompatibbiltà akbar bejn it-tranżizzjoni ekoloġika u oqsma oħra tal-ekonomija globali.

4.11.

Fl-analiżi tal-impatti negattivi tal-kriżi klimatika fuq setturi u oqsma ta’ attivitajiet differenti madwar l-UE, jidher li huwa imperattiv li tiġi stabbilita bażi tad-data komuni, kemm fl-Istati Membri individwali kif ukoll fil-livell tal-UE. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa bażi ta’ data komprensiva għal indikaturi ewlenin fir-rigward tar-riskji fiżiċi tat-tibdil fil-klima.

4.12.

Il-kost soċjali tad-diossidu tal-karbonju, li jkejjel il-valur monetizzat tal-ħsara lis-soċjetà kkawżata minn kull tunnellata metrika addizzjonali ta’ emissjonijiet ta’ CO2, għandu jsir metrika ewlenija fit-tfassil tal-politika dwar il-klima fl-UE. L-istima medja ta’ kull tunnellata addizzjonali ta’ CO2 issa hija ta’ USD 185 (din hija 3,6 darbiet ogħla mill-valutazzjoni attwali tal-gvern tal-Istati Uniti ta’ USD 51 għal kull tCO2(19). Dan ifisser li bħalissa qed nissottovalutaw il-kost soċjali tal-karbonju b’fattur ta’ tlieta. Fl-Ewropa, il-prezz tal-karbonju mkejjel mill-prezzijiet tal-kwoti tal-EU ETS (bejn EUR 53 u 79 għal kull tunnellata fl-2024), jissottovaluta wkoll il-kostijiet soċjali b’marġni kbir.

4.13.

It-tibdil fil-klima huwa mistenni li jkun ta’ ħsara kbira għas-saħħa tan-nies. Dan ser jaffettwa lill-bnedmin direttament, u jżid ir-riskju ta’ mard trażmess permezz tal-ambjent u l-annimali. L-akbar theddida għas-saħħa tal-bniedem mit-tibdil fil-klima ser tkun ikkawżata minn mard infettiv li jirriżulta minn temperaturi ogħla, nixfa u skarsezza tal-ilma, xita torrenzjali, għargħar u tisħin tal-oċeani. Madwar 58 % tal-mard infettiv li jaffettwa lill-bnedmin huwa pproġettat li jiġi aggravat mit-tibdil fil-klima (20). F’dan il-kuntest, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tfassal pjan strateġiku biex tipproteġi l-popolazzjoni mill-effetti tal-kriżi klimatika u l-impatt tagħha fir-rigward tal-mard infettiv.

4.14.

Il-KESE jindika li żidiet kontinwi fit-temperatura jistgħu jwasslu għal nixfiet persistenti, li jistgħu jikkawżaw l-hekk imsejħa migrazzjoni klimatika bil-konsegwenzi ekonomiċi negattivi kollha li din iġġib magħha (21). Għalhekk hija meħtieġa enfasi fuq il-fatturi ewlenin li għandhom impatt sinifikanti fuq it-tibdil fil-klima, bħal ammonti dejjem akbar ta’ skart, konsum żejjed tal-enerġija, u konsum żejjed ta’ ikel u ħwejjeġ. Dan kollu ser iwassal għal produzzjoni mhux sostenibbli u konsegwentement għal aktar tniġġis ambjentali, li jipperikola l-ħajja tal-bniedem fuq il-pjaneta.

4.15.

It-tibdil fil-klima qed iwassal għal skarsezza tal-ilma. Barra minn hekk, huwa mistenni li jġib miegħu riskju akbar ta’ kwalità ħażina tal-ilma, nuqqas ta’ ilma għall-produzzjoni agrikola, ir-riskju ta’ nuqqas ta’ ilma għat-turiżmu (borra limitata fix-xitwa u skarsezza tal-ilma fix-xhur tas-sajf) kif ukoll nuqqas ta’ ilma għall-produzzjoni tal-enerġija. L-agrikoltura tinsab f’riskju, l-istess bħal-loġistika. Għalhekk, ikun meħtieġ qafas komprensiv għall-ġestjoni tal-ilma. Ir-riskju ta’ skarsezza tal-ilma jista’ wkoll inaqqas ir-ritmu tal-proċess ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima li diġà għaddej (22) (23).

4.16.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li ngħaddu għat-tnaqqis progressiv tas-sussidji għall-fjuwils fossili, li huma ta’ detriment kbir f’termini ta’ tniġġis ambjentali u saħħa pubblika. Barra minn hekk, ikun hemm bżonn li tiġi introdotta taxxa fuq il-karbonju u l-prezzijiet tal-karbonju. Fl-2022, is-sussidji totali ammontaw għal USD 7 triljun, li jirrappreżentaw 7,1 % tal-PDG globali (24). Fis-sentejn bejn l-2020 u l-2022, is-sussidji għall-fjuwils fossili żdiedu b’USD 2 triljun. Matul l-2015 u l-2021, is-sussidji għall-fjuwils fossili kienu relattivament stabbli, madwar EUR 56 biljun, iżda żdiedu għal EUR 123 biljun fl-2022 (25).

4.17.

It-tibdil fil-klima ser ikun ta’ ħsara kbira għall-istabbiltà tas-settur finanzjarju, kemm f’termini bankarji kif ukoll ta’ assigurazzjoni. Il-KESE jindika li r-riskji dejjem akbar fis-settur finanzjarju u r-reżiljenza kontra dawk ir-riskji għandhom ikunu l-bażi għat-teħid tad-deċiżjonijiet (26). Għalhekk huwa importanti li l-indikaturi kollha jkunu komprensivi. Barra minn hekk, huwa kruċjali li jinħolqu l-kundizzjonijiet li jippermettu li r-riskju klimatiku jiġi ttrasformat b’mod li jiżgura investiment sostenibbli u jevita, kemm jista’ jkun, il-formazzjoni ta’ ammonti kbar ta’ assi mhux rekuperabbli.

4.18.

Minħabba l-konsegwenzi storikament imprevedibbli u bla preċedent tat-tibdil fil-klima, jeħtieġ li jintefqu riżorsi finanzjarji enormi biex ikopru l-ħsara u t-telf ikkawżati mill-kriżi klimatika u l-impatt tagħha fuq is-saħħa tan-nies. Ir-riżorsi pubbliċi disponibbli huma limitati ħafna. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra li żżomm f’riżerva r-riżorsi finanzjarji li għandhom jintużaw f’mumenti kritiċi biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-kriżi klimatika, li għandhom ikunu fil-forma ta’ faċilità/fond ta’ emerġenza. Il-Kummissjoni Ewropea hija mħeġġa tistudja l-għodod finanzjarji li jistgħu jintużaw mill-Istati Membri biex jipproteġu lilhom infushom.

4.19.

Il-KESE jenfasizza li t-tibdil fil-klima ser ikollu impatt negattiv soċjalment, bil-potenzjal li jżid aktar l-inugwaljanza fl-introjtu u l-faqar (27). Dawk kollha involuti fit-teħid tad-deċiżjonijiet għandhom għalhekk iqisu dawn l-iżviluppi u, fejn xieraq, joħolqu xibka ta’ sikurezza soċjali. F’dan il-kuntest, it-tranżizzjoni tagħmilha imperattiva li jiġu introdotti riformi komprensivi li jiffukaw fuq is-sostenibbiltà, l-inklużività, ir-reżiljenza u l-ġustizzja soċjali.

4.20.

It-tibdil fil-klima ser ikollu impatt fuq kriżijiet potenzjali fil-futur. Is-sitt Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) identifika erba’ riskji għall-Ewropa fid-deċennji li ġejjin u li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima, li tlieta minnhom jinvolvu s-sħana u n-nixfa: a) il-mortalità u l-morbidità tal-popolazzjoni u d-disturb tal-ekosistema minħabba s-sħana; b) telf ta’ produzzjoni agrikola minħabba taħlita ta’ sħana u nixfa; u ċ) skarsità tal-ilma f’setturi individwali (28) (29).

4.21.

Iċ-ċivilizzazzjoni tagħna llum tgħix f’dinja interkonnessa mill-qrib ħafna. Il-pajjiżi kollha qed jiffaċċjaw l-għadu komuni tat-tibdil fil-klima, għalkemm mhux il-pajjiżi kollha qed jiġu affettwati jew ser jiġu affettwati bl-istess mod. Il-KESE jemmen li sabiex jiġu eliminati kemm jista’ jkun il-konsegwenzi negattivi tat-tibdil fil-klima u biex tiġi ppreservata l-ħajja fuq il-pjaneta prezzjuża tagħna għall-ġenerazzjonijiet futuri, issa hemm ħtieġa urġenti għal kooperazzjoni kostruttiva u azzjoni koordinata mill-pajjiżi kollha u l-partijiet ikkonċernati kollha madwar id-dinja, inklużi l-istituzzjonijiet multilaterali rilevanti.

Brussell, it-23 ta’ Ottubru 2024.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Oliver RÖPKE


(1)  Ir-rapport tal-2023 ta’ Lancet Countdown dwar is-saħħa u t-tibdil fil-klima.

(2)   Inwettqu l-Patt Ekoloġiku Ewropew .

(3)   Tools for Climate Change Adaptation (Għodod għall-adattament għat-tibdil fil-klima – mhux disponibbli bil-Malti).

(4)   REPowerEU: Enerġija aktar affordabbli, sikura u sostenibbli .

(5)   REPowerEU: Enerġija aktar affordabbli, sikura u sostenibbli .

(6)   Green growth and competitiveness in EU climate policy: paradigm shift or “plus de la même chose”? (Tkabbir ekoloġiku u l-kompetittività fil-politika tal-UE dwar il-klima: bidla ta’ paradigma jew iktar mill-istess ħaġa”? – mhux disponibbli bil-Malti) Oscar Fitch-Roy u Ian Bailey, Lulju 2023.

(7)   World Economic Outlook Database .

(8)   Passi ewlenin għall-ġestjoni tar-riskji klimatiċi biex jiġu protetti n-nies u l-prosperità .

(9)   Il-Kummissjoni sodisfatta bit-tlestija tal-leġiżlazzjoni ewlenija “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, li tpoġġi lill-UE fit-triq it-tajba biex taqbeż il-miri tal-2030 , stqarrija għall-istampa, 9 ta’ Ottubru 2023.

(10)   'European competitiveness and strategic autonomy' – The European Union and the double challenge: strengthening competitiveness and enhancing economic security (“Il-kompetittività Ewropea u l-awtonomija strateġika” – L-Unjoni Ewropea u l-isfida doppja: it-tisħiħ tal-kompetittività u tas-sigurtà ekonomika (mhux disponibbli bil-Malti)), Paolo Guerrieri u Pier Carlo Padoan, Frar 2024.

(11)   Green growth and competitiveness in EU climate policy: paradigm shift or “plus de la même chose”? (Tkabbir ekoloġiku u l-kompetittività fil-politika tal-UE dwar il-klima: bidla ta’ paradigma jew iktar mill-istess ħaġa”? – mhux disponibbli bil-Malti) Oscar Fitch-Roy u Ian Bailey, Lulju 2023.

(12)   3 ways the climate crisis is impacting job and workers (Tliet modi kif il-kriżi klimatika qed tħalli impatt fuq l-impjiegi u l-ħaddiema – mhux disponibbli bil-Malti), Forum Ekonomiku Dinji, Ottubru 2023.

(13)   Deċennju Diġitali tal-Ewropa: miri diġitali għall-2030 .

(14)   Tools for Climate Change Adaptation (Għodod għall-adattament għat-tibdil fil-klima – mhux disponibbli bil-Malti).

(15)   'European competitiveness and strategic autonomy' – The European Union and the double challenge: strengthening competitiveness and enhancing economic security (“Il-kompetittività Ewropea u l-awtonomija strateġika” – L-Unjoni Ewropea u l-isfida doppja: it-tisħiħ tal-kompetittività u tas-sigurtà ekonomika (mhux disponibbli bil-Malti)), Paolo Guerrieri u Pier Carlo Padoan, Frar 2024.

(16)   'European competitiveness and strategic autonomy' – The European Union and the double challenge: strengthening competitiveness and enhancing economic security (“Il-kompetittività Ewropea u l-awtonomija strateġika” – L-Unjoni Ewropea u l-isfida doppja: it-tisħiħ tal-kompetittività u tas-sigurtà ekonomika (mhux disponibbli bil-Malti)), Paolo Guerrieri u Pier Carlo Padoan, Frar 2024.

(17)  Opinjoni tal-KESE dwar Nindirizzaw l-impatt tat-tibdil fil-klima u tad-degradazzjoni ambjentali fuq il-paċi, is-sigurtà u d-difiża, ĠU C/2024/2106, 26.3.2024, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/C/2024/2106/oj?locale=mt.

(18)   Att dwar it-Tnaqqis tal-Inflazzjoni .

(19)  Rennert, K., Errickson, F., Prest, B.C. et al. Comprehensive evidence implies a higher social cost of CO2 (L-evidenza komprensiva timplika kost soċjali ogħla tas-CO2 – mhux disponibbli bil-Malti). Nature 610, 687–692 (2022).

(20)  Mora, C., et al., Over half of known human pathogenic diseases can be aggravated by climate change (Aktar minn nofs il-mard patoġeniku tal-bniedem jista’ jiġi aggravat mit-tibdil fil-klima – mhux disponibbli bil-Malti), Nature Climate Change 12(9), s. 869-875 (DOI: 10.1038/s41558-022-01426- 1), 2022.

(21)   The climate crisis, migration, and refugees (Il-kriżi klimatika, il-migrazzjoni, u r-refuġjati – mhux disponibbli bil-Malti), John Podesta, Lulju 2019.

(22)   Water abstraction by source and economic sector in Europe (L-astrazzjoni tal-ilma skont is-sors u s-settur ekonomiku fl-Ewropa – mhux disponibbli bil-Malti), EEA, 2022.

(23)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-politika dwar l-ilma – Bejn deżertifikazzjoni u sekurizzazzjoni – Wasal iż-żmien għal Diplomazija Blu, ĠU C, C/2023/862, 8.12.2023, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/C/2023/862/oj?locale=mt.

(24)   Fossil Fuel Subsidies Surged to Record $7 Trillion (Is-sussidji għall-fjuwils fossili żdiedu għal rekord ta’ USD 7 triljun – mhux disponibbli bil-Malti), Simon Black, Ian Parry, Nate Vernon, Awwissu 2023.

(25)   Fossil fuel subsidies , (Sussidji għall-fjuwils fossili – mhux disponibbli bil-Malti), EEA, Novembru 2023.

(26)   Climate-related financial risks are a major challenge (Ir-riskji finanzjarji relatati mal-klima huma sfida ewlenija – mhux disponibbli bil-Malti), Ċentru Konġunt tar-Riċerka, Marzu 2024.

(27)   Il-kriżi klimatika u l-effett tagħha fuq gruppi vulnerabbli , sommarju tal-KESE għall-istampa (mhux disponibbli bil-Malti), Diċembru 2023.

(28)  Bednar-Friedl, B., et al., 2022, Chapter 13: Europe, Climate change 2022: Impacts, Adaptation and Vulnerability. Contribution of Working Group II to the Sixth Assessment Report of the Intergovernmental Panel on Climate Change (It-tibdil fil-klima 2022: L-impatti, l-adattament u l-vulnerabbiltà. Il-kontribut tal-Grupp ta’ Ħidma II għas-sitt Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima), Cambridge University Press, Cambridge, Renju Unit.

(29)  Bednar-Friedl, B., et al., 2022, Europe. F’:“Climate Change 2022: Impacts, Adaptation and Vulnerability”. Contribution of Working Group II to the Sixth Assessment Report of the Intergovernmental Panel on Climate Change (It-tibdil fil-klima 2022: L-impatti, l-adattament u l-vulnerabbiltà. Il-kontribut tal-Grupp ta’ Ħidma II għas-sitt Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima), Cambridge University Press, Cambridge, Renju Unit, pp. 1817-1927.


ANNESS

Dawn il-punti li ġejjin tal-Opinjoni tas-Sezzjoni ġew modifikati biex jirriflettu l-emenda adottata mill-assemblea, iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 74(4) tar-Regoli ta’ Proċedura):

Emenda 3

ECO/645

It-tibdil fil-klima u l-impatt tiegħu fuq l-ekonomija

Punt 1.3

Ibdel it-test kif ġej:

Opinjoni tas-sezzjoni

Emenda

Il-KESE jenfasizza li m’għandux jinħela l-ħin biex jiġu adottati u implimentati l-miżuri kollha meħtieġa biex jitnaqqsu l-emissjonijiet (mitigazzjoni) u biex ikun hemm adattament għall-kundizzjonijiet il-ġodda (adattament), inkluża l-introduzzjoni ta’ prezzijiet fuq l-emissjonijiet u ta’ taxxa fuq il-karbonju, f’konformità mal-aħħar rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-KESE jenfasizza li m’għandux jinħela l-ħin biex jiġu adottati u implimentati l-miżuri kollha meħtieġa biex jitnaqqsu l-emissjonijiet (mitigazzjoni) u biex ikun hemm adattament għall-kundizzjonijiet il-ġodda (adattament), inkluża l-introduzzjoni ta’ prezzijiet fuq l-emissjonijiet u ta’ taxxa fuq il-karbonju, f’konformità mal-aħħar rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Il-kost soċjali tad-diossidu tal-karbonju, li jkejjel il-valur monetizzat tal-ħsara lis-soċjetà kkawżata minn kull tunnellata metrika addizzjonali ta’ emissjonijiet ta’ CO2, għandu jsir metrika ewlenija fit-tfassil tal-politika dwar il-klima fl-UE.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur:

60

Kontra:

57

Astensjonijiet:

18

Emenda 5

ECO/645

It-tibdil fil-klima u l-impatt tiegħu fuq l-ekonomija

Punt 2.2

Ibdel it-test kif ġej:

Opinjoni tas-sezzjoni

Emenda

Il-kost li ma tittieħed tal-ebda azzjoni biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima ser ikun għoli ħafna. Id-data preliminari tindika spejjeż annwali ta’ EUR 600 biljun għall-perjodu 2024-2030. Il-posponiment tal-finanzjament kemm għall-mitigazzjoni kif ukoll għall-adattament ser ikollu impatt negattiv enormi fuq l-ekonomija, l-infrastruttura u l-agrikoltura ġenerali, kif ukoll fuq is-saħħa tal-popolazzjoni. Għalhekk, it- tibdil fil-klima għandu jkun wieħed mill-prijoritajiet ewlenin tal-Istati Membri tal-UE . Minn perspettiva istituzzjonali, l-adozzjoni tal-Patt Ekoloġiku[ 1 ] stabbiliet sett ta’ rekwiżiti sostantivi u sistemiċi fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-impatti imprevisti u bla preċedent tiegħu fuq l-oqsma importanti kollha li jaffettwaw b’mod sinifikanti l-ekonomija tal-UE.

Il-kost li ma tittieħed tal-ebda azzjoni biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima ser ikun għoli ħafna. Id-data preliminari tindika spejjeż annwali ta’ EUR 600 biljun għall-perjodu 2024-2030. Output ekonomiku mitluf minħabba żieda fil-mortalità, saħħa ifqar, tnaqqis fil-produttività, u ħajjiet imqassra ser jinfluwenzaw direttament il-prospetti ekonomiċi, speċjalment meta jitqies it-tip ta’ impatt esponenzjali (mhux lineari) minn kull tunnellata addizzjonali ta’ CO2 emessa. Pereżempju, skont ir-rapport Lancet tal-2023[1], intilfu 490 biljun siegħa ta’ xogħol produttiv fil-livell globali fl-2023 minħabba l-mewġiet ta’ sħana biss, u dan in-numru ser ikompli jiżdied f’konformità max-xejriet tas-sħana. Għalhekk il-posponiment tal-finanzjament kemm għall-mitigazzjoni kif ukoll għall-adattament ser ikollu impatt negattiv enormi fuq l-ekonomija, l-infrastruttura u l-agrikoltura ġenerali, kif ukoll fuq is-saħħa tal-popolazzjoni. Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, huwa ovvju li t- tibdil fil-klima għandu jkun il-prijorità ta’ politika ewlenija tal-UE u tal-Istati Membri. Minn perspettiva istituzzjonali, l-adozzjoni tal-Patt Ekoloġiku[ 2 ] stabbiliet sett ta’ rekwiżiti sostantivi u sistemiċi fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-impatti imprevisti u bla preċedent tiegħu fuq l-oqsma importanti kollha li jaffettwaw b’mod sinifikanti l-ekonomija tal-UE.

[1]

Inwettqu l-Patt Ekoloġiku Ewropew.

[1]

Ir-rapport tal-2023 tal-Lancet Countdown dwar is-saħħa u t-tibdil fil-klima.

[2]

 

[2]

Inwettqu l-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur:

63

Kontra:

56

Astensjonijiet:

18

Emenda 7

ECO/645

It-tibdil fil-klima u l-impatt tiegħu fuq l-ekonomija

Punt 4.12

Żid punt ġdid:

Pożizzjoni: Wara l-punt eżistenti – Fl-istess livell

Opinjoni tas-sezzjoni

Emenda

 

Il-kost soċjali tad-diossidu tal-karbonju, li jkejjel il-valur monetizzat tal-ħsara lis-soċjetà kkawżata minn kull tunnellata metrika addizzjonali ta’ emissjonijiet ta’ CO2, għandu jsir metrika ewlenija fit-tfassil tal-politika dwar il-klima fl-UE. L-istima medja ta’ kull tunnellata addizzjonali ta’ CO2 issa hija ta’ USD 185 (din hija 3,6 darbiet ogħla mill-valutazzjoni attwali tal-gvern tal-Istati Uniti ta’ USD 51 għal kull tCO2)[1]. Dan ifisser li bħalissa qed nissottovalutaw il-kost soċjali tal-karbonju b’fattur ta’ tlieta. Fl-Ewropa, il-prezz tal-karbonju mkejjel mill-prezzijiet tal-kwoti tal-EU ETS (bejn EUR 53 u 79 għal kull tunnellata fl-2024), jissottovaluta wkoll il-kostijiet soċjali b’marġni kbir.

 

[1]

Rennert, K., Errickson, F., Prest, B.C. et al. Comprehensive evidence implies a higher social cost of CO2 (L-evidenza komprensiva timplika kost soċjali ogħla tas-CO2 – mhux disponibbli bil-Malti). Nature 610, 687–692 (2022). https://doi.org/10.1038/s41586-022-05224-9

Riżultat tal-votazzjoni

Favur:

67

Kontra:

61

Astensjonijiet:

9


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/102/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)


Top