IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.6.2024
COM(2024) 235 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Is-sajd sostenibbli fl-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-orjentazzjonijiet għall-2025
{SWD(2024) 139 final}
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52024DC0235
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL Sustainable fishing in the EU: state of play and orientations for 2025
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Is-sajd sostenibbli fl-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-orjentazzjonijiet għall-2025
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Is-sajd sostenibbli fl-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-orjentazzjonijiet għall-2025
COM/2024/235 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.6.2024
COM(2024) 235 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Is-sajd sostenibbli fl-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-orjentazzjonijiet għall-2025
{SWD(2024) 139 final}
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Is-sajd sostenibbli fl-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-orjentazzjonijiet għall-2025
1.Introduzzjoni
Din il-Komunikazzjoni tipprovdi informazzjoni dwar l-istatus tas-sajd Ewropew immonitorjat fl-2023. Tipprovdi wkoll orjentazzjonijiet għall-proposti u l-konsultazzjonijiet tal-Kummissjoni ma’ pajjiżi terzi dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-2025. L-għan huwa li tittejjeb ir-reżiljenza tas-sajjieda, tingħata spinta lill-irkupru tal-istokkijiet tal-ħut lejn il-livelli tar-rendiment massimu sostenibbli (MSY), u jinżammu stokkijiet b’saħħithom fil-livell tal-MSY.
Ilum, hemm ħafna inqas stokkijiet tal-ħut mistada żżejjed meta mqabbla mal-2003. Is-sajjieda qed jaraw gwadanji soċjoekonomiċi mill-istokkijiet li ilhom jiġu ġestiti f’livelli aktar f’saħħithom għal xi żmien. L-enerġija tibqa’ waħda mill-akbar kostijiet fil-flotta tas-sajd tal-UE matul l-2023 u l-2024 minkejja li t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-fjuwil kompla jimmina l-gwadanji li saru. Għalhekk, l-azzjonijiet li għaddejjin bħalissa 1 proposti mill-Kummissjoni biex jappoġġjaw it-tranżizzjoni tal-enerġija tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, huma essenzjali biex tissaħħaħ ir-reżiljenza soċjoekonomika tiegħu billi jiġi appoġġjat is-settur fit-tnaqqis tad-dipendenza tiegħu fuq l-użu tal-fjuwils fossili.
L-isfidi ewlenin fis-sajd u l-akkwakultura tal-UE, l-azzjonijiet proposti biex dawn jiġu indirizzati, u l-ħtiġijiet biex tittejjeb ir-reżiljenza tas-sajd tal-UE ġew deskritti fil-pakkett dwar is-Sajd u l-Oċeani 2 , li ġie segwit minn djalogu intensiv mal-partijiet ikkonċernati flimkien mal-kontribut tagħhom. Issa wasal iż-żmien li nħarsu lil hinn minn dawn l-isfidi u l-ħtiġijiet immedjati u li nikkunsidraw perspettiva usa’, nivvalutaw is-sitwazzjoni fi ħdan is-sajd u l-akkwakultura tal-UE abbażi tal-evidenza disponibbli, u l-fehmiet tal-Istati Membri u tal-partijiet ikkonċernati. Abbażi tal-feedback li wasal dwar il-pakkett u l-ostakli identifikati minn diversi partijiet ikkonċernati għat-tranżizzjoni bla xkiel għall-effiċjenza enerġetika fis-settur u għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-elementi kollha tal-PKS, il-Kummissjoni qed tniedi evalwazzjoni sħiħa tar-Regolament dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (“ir-Regolament dwar il-PKS”) 3 .
Din l-evalwazzjoni se tħares lura lejn l-10 snin (mill-2014 sal-2024) li fihom ġie implimentat ir-Regolament tal-PKS. Se tħares lejn l-iżviluppi fil-politiki tas-sajd, l-akkwakultura, l-ambjent, il-kummerċ, it-tkabbir, is-saħħa, il-benesseri tal-annimali u r-riċerka, l-iżviluppi politiċi reċenti, il-kuntest ġeopolitiku li qed jinbidel u l-impatti fuq il-politika tas-sajd tal-UE. Se tkopri wkoll id-dinamika mfassla mill-ġdid tar-relazzjonijiet tas-sajd fid-dimensjoni esterna tal-politika komuni tas-sajd (PKS), inkluż il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE u r-relazzjonijiet mal-istati kostali fil-Grigal tal-Atlantiku u bejniethom. Dan huwa essenzjali biex tiġi pprovduta stampa komprensiva tal-prestazzjoni tar-Regolament u tal-istrumenti u biex titħejja t-triq għas-snin li ġejjin.
2.Il-progress fil-kisba ta’ sajd sostenibbli fl-UE
Stokk jiġi mistad b’mod sostenibbli skont l-MSY tiegħu meta l-proporzjon bejn il-mortalità mis-sajd reali (F) u l-mortalità mis-sajd fl-MSY (FMSY) ikun ugwali għal wieħed jew inqas 4 . Bis-saħħa tal-azzjoni meħuda mis-sajjieda u l-amministrazzjonijiet nazzjonali u l-impenn mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni biex jimmaniġġjaw is-sajd b’mod responsabbli, is-sajd sar aktar sostenibbli u ħafna inqas stokkijiet qed jiġu mistada żżejjed fl-UE.
Il-missjoni tal-UE li sal-2030 “Nirrestawraw l-Oċeani u l-Ilmijiet tagħna” 5 , tikkontribwixxi għal firxa wiesgħa ta’ soluzzjonijiet għall-protezzjoni u r-restawr tal-ekosistemi tal-baħar u tal-ilma ħelu u tal-bijodiversità tagħhom, biex jiġi indirizzat it-tniġġis u biex jiġi appoġġjat is-sajd sostenibbli. Għalhekk, tikkontribwixxi wkoll għall-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar il-baħar 6 .
Kull sena, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (Scientific, Technical and Economic Committee for Fisheries, STECF) jaġġorna l-informazzjoni disponibbli dwar il-livelli tal-istokkijiet tal-ħut imqabbla mal-objettivi tal-politika komuni tas-sajd. Fl-2003, il-medja tal-mortalità mis-sajd fil-Grigal tal-Atlantiku 7 kienet 53 % ogħla mill-mira tal-FMSY. L-aħħar valutazzjoni turi li r-rata ta’ mortalità naqset progressivament u laħqet it-42 % taħt l-FMSY fl-2022. Fi ħdan din iċ-ċifra medja hemm varjazzjonijiet kbar. 25 stokk għadhom mistada ’l fuq mill-FMSY filwaqt li 58 huma mistada fi ħdan dak il-valur. Ir-rati ta’ mortalità mis-sajd naqsu b’mod qawwi fiż-żoni kollha, u laħqu l-aktar livelli baxxi fil-Golf tal-Biskalja u ż-żoni kostali Iberiċi u għal stokkijiet mifruxa ħafna (eż. il-kavalli, l-istokkafixx, is-sawrell u l-aringi). Fil-Baħar tat-Tramuntana, ir-rata medja ta’ mortalità għadha ogħla milli f’żoni oħra.
Fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed, il-medjan F/FMSY laħaq livell massimu ta’ 1,90 fl-2007, stabbilizza fil-livell ta’ 1,87 bejn l-2008 u l-2011 u minn dak iż-żmien ’l hemm naqas. Matul l-aħħar tliet snin, l-F/FMSY naqas minn 1,59 għal 1,20 fl-2022 u laħaq l-aktar livell baxx mill-2003. Din ix-xejra hija konsistenti fis-sottoreġjuni kollha. Madankollu, il-pressjoni tas-sajd fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed għadha 20 % ogħla mil-livell medjan meqjus sostenibbli.
Bħala medja, l-istokkijiet fil-Grigal tal-Atlantiku issa jinsabu fil-medda konsistenti mal-objettivi tal-politika dwar ir-rata ta’ mortalità mis-sajd. Għalkemm sar progress tajjeb biex tintlaħaq is-sostenibbiltà fl-2023, huwa meħtieġ aktar progress, speċjalment fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed.
Il-komunità xjentifika tinsab impenjata tistudja sa liema punt fatturi oħra minbarra s-sajd bħat-tisħin tal-oċeani, l-aċidifikazzjoni, it-tniġġis u d-deossiġenazzjoni tal-ibħra setgħu naqqsu l-produttività tas-sajd, għalkemm għad hemm lakuni fl-għarfien. Li huwa magħruf b’ċertu livell ta’ ċertezza, minbarra l-bidliet fid-distribuzzjoni tal-ispeċijiet ikkawżati mill-klima 8 , huwa li l-ispeċijiet planktoniċi u ż-żmien u l-firxa tal-proliferazzjoni tal-plankton inbidlu 9 . Kien hemm ukoll tnaqqis kbir fl-abbundanza tal-plankton 10 fil-perjodu bejn l-2015 u l-2019, u anke fl-influss ta’ nutrijenti mill-art 11 . Dawn il-bidliet setgħu affettwaw b’mod negattiv il-produttività tal-istokkijiet tal-ħut.
Fil-Baħar Mediterran, iż-żoni ċentrali u tal-Lvant huma meqjusa l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima minħabba żieda fil-pressjoni minn speċijiet invażivi ta’ oriġini tropikali (bħal speċijiet Lessepsjani u speċijiet oħrajn), temperaturi tal-ilma ogħla u inqas ċirkolazzjoni tal-oċeani, li jwasslu għal livelli aktar baxxi ta’ ossiġenu dissolt.
2.1. L-opportunitajiet tas-sajd fl-2024
L-opportunitajiet tas-sajd huma strument importanti fil-ġestjoni tas-sajd sostenibbli. Fl-Atlantiku, fil-Baħar Baltiku u fi Skagerrak/Kattegat, l-opportunitajiet tas-sajd huma prinċipalment stabbiliti bħala limiti tal-qbid magħrufa wkoll bħala qabdiet totali permissibbli (TACs).
Is-sitwazzjoni ambjentali fil-Baħar Baltiku u x-xmajjar tiegħu hija drastikament differenti mis-sitwazzjoni f’baċiri tal-baħar oħra, u tkompli taffettwa l-istokkijiet tal-ħut u l-iżvilupp tagħhom. Illum, il-Baħar Baltiku qed jiffaċċja pressjonijiet multipli, li wasslu għal tnaqqis fil-bijodiversità 12 . Dawn il-pressjonijiet jinkludu l-ewtrofikazzjoni minn influssi ta’ nutrijenti u livelli persistentement għoljin ta’ kontaminanti. Dan jirriżulta parzjalment min-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE 13 . Soluzzjoni possibbli bbażata fuq in-natura li bħalissa qed tiġi esplorata hija l-użu tal-muskli, li jistgħu jreġġgħu lura l-ewtrofikazzjoni malajr, jirrestawraw “żoni mejtin” deossiġenati u jissekwestraw il-karbonju b’mod effettiv bl-istess mod li l-foresti jagħmlu fuq l-art. Minbarra dawn il-pressjonijiet esterni, in-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE dwar l-użin u r-reġistrazzjoni tal-qabdiet jista’ jkollhom ukoll rwol sinifikanti fit-tnaqqis tal-istokkijiet tal-ħut tal-Baħar Baltiku.
Erbgħa minn kull għaxar attivitajiet tas-sajd (l-aringa tal-Punent, kemm l-istokkijiet tal-merluzz kif ukoll tas-salamun fil-baċir ewlieni) fil-Baħar Baltiku m’għadhomx fil-mira u jistgħu jinħattu biss bħala qabda aċċessorja. Is-sajd fil-mira li jifdal huwa l-istokk pelaġiku l-ieħor (il-laċċa kaħla u l-aringa fil-Baħar Baltiku ċentrali, fil-Golf tal-Botnja u fil-Golf ta’ Riga) u l-barbun tat-tbajja’, b’limiti tal-qbid stabbiliti f’konformità mal-MSY, u s-salamun fil-Golf tal-Botnja u fil-Golf tal-Finlandja, b’limiti tal-qbid stabbiliti f’konformità mal-approċċ prekawzjonarju.
Il-pjan pluriennali tal-Baħar Baltiku 14 jipprovdi ħafna għodod li jgħinu fl-irkupru tal-istokkijiet tal-ħut f’diffikultà, inkluż is-sospensjoni tas-sajd fil-mira, l-istabbiliment ta’ TACs taħt il-livelli massimi rakkomandati, l-għeluq matul il-perjodi riproduttivi u l-limitazzjoni tas-sajd rikreattiv. Iżda sakemm l-Istati Membri ma japplikawx u jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-UE b’mod sħiħ, l-istokkijiet tal-ħut mhux se jirkupraw. Sar impenn fid-Dikjarazzjoni Ministerjali tagħna “Our Baltic 2020” biex il-liġi tal-UE tiġi implimentata bis-sħiħ; issa huwa essenzjali li dan iseħħ 15 . It-tieni edizzjoni ta’ “Our Baltic” saret fid-29 ta’ Settembru 2023, flmikien ma’ rapport ta’ progress dwar l-impenji li saru fl-2020 16 .
Sabiex jingħelbu l-effetti tat-tniġġis, l-ewtrofikazzjoni u t-tibdil fil-klima fuq l-ekosistemi tal-baħar, is-sajd u l-akkwakultura, huwa essenzjali li wieħed jibda bil-kontribut mill-komunità xjentifika. Ix-xjenza tippermetti lil dawk li jfasslu l-politika jieħdu deċiżjonijiet infurmati u jimplimentaw bis-sħiħ l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd u tal-akkwakultura, li huwa wieħed mill-prinċipji ewlenin tal-PKS u l-aħjar mod kif jintlaħqu l-objettivi tagħha.
L-ilmijiet tal-UE fl-Atlantiku u fi Skagerrak/Kattegat għandhom pressjonijiet aktar baxxi fuq l-istokkijiet tal-ħut u kundizzjonijiet ambjentali differenti. F’dawn il-baċiri tal-baħar, l-UE mmaniġġjat d-29 stokk tal-ħut b’mod sostenibbli, u tat diversi riżultati pożittivi b’TACs ogħla għall-ħamsa minnhom fl-2024. Is-sajjieda fil-Golf tal-Biskalja għamlu sforzi sinifikanti biex jimmaniġġjaw tajjeb l-istokkijiet tal-ħut, li wasslu għal sajd ġestit f’konformità mal-MSY għal għadd ta’ snin kif muri mir-rapport tal-STECF tal-2022. Madankollu, minkejja l-isforzi tagħhom, din iż-żona rat tnaqqis kbir fl-opportunitajiet tas-sajd għall-2024 minħabba l-obbligu legali li jibqgħu fil-livelli tal-MSY.
Il-biċċa l-kbira tal-istokkijiet tal-UE issa huma kondiviżi mal-Istati kostali fil-Grigal tal-Atlantiku. Għal aktar minn 85 TACs kondiviżi mar-Renju Unit, l-UE u r-Renju Unit qablu dwar TACs għall-2024 abbażi tal-aħjar parir xjentifiku, sal-iskadenza stabbilita mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni 17 . Il-biċċa l-kbira tat-TACs ġew stabbiliti f’konformità mal-MSY, fejn il-parir kien disponibbli. Kien hemm għaxar stokkijiet li rċevew parir għall-waqfien mis-sajd għall-2024 mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES). Għal disgħa minn dawn l-istokkijiet, l-UE u r-Renju Unit qablu li jistabbilixxu TACs b’qabdiet inċidentali baxxi għall-2024 biex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ fgar fis-sajd imħallat, f’konformità mal-qafas legali tal-UE. Għal stokk wieħed, l-UE u r-Renju Unit qablu li jistabbilixxu TAC ta’ monitoraġġ xjentifiku għall-2024, wara parir mill-ICES dwar it-TAC 18 .
It-titjib tal-ġestjoni tal-istokkijiet kondiviżi mifthemin mill-UE u mir-Renju Unit fil-qafas tal-Kumitat Speċjalizzat għas-Sajd, b’mod partikolari l-allinjament taż-żoni ta’ ġestjoni mal-unitajiet ta’ valutazzjoni użati mill-ICES, kien strumentali biex tittejjeb il-ġestjoni sostenibbli tal-istokkijiet kondiviżi u biex jintlaħaq ftehim fil-pront u sodisfaċenti 19 .
Il-biċċa l-kbira tal-istokkijiet kondiviżi bejn l-UE, in-Norveġja u r-Renju Unit fil-Baħar tat-Tramuntana jindikaw xejra pożittiva. Għall-2024, l-UE, in-Norveġja u r-Renju Unit qablu li jistabbilixxu t-TACs għal dawn l-istokkijiet f’konformità mal-parir dwar l-MSY. Il-ftehim dwar it-TACs jinkludi żieda għall-merluzz, li ġiet stabbilita taħt il-parir dwar l-MSY għal raġunijiet ta’ prekawzjoni. It-TACs ġew stabbiliti taħt il-punt ta’ valur tal-MSY għal żewġ stokkijiet oħra, bl-għan li jkopru l-interazzjoni tagħhom mal-merluzz fis-sajd imħallat. It-TACs għall-aringi tal-Baħar tat-Tramuntana ġew stabbiliti f’konformità mal-parir xjentifiku, u l-partijiet qablu li jkomplu jillimitaw il-qabdiet fi Skagerrak–Kattegat biex jittaffa l-impatt fuq l-istokk eżawrit tal-aringi tal-Baltiku tal-Punent. It-TACs għaż-żewġ stokkijiet ivvalutati u ġestiti b’mod bilaterali man-Norveġja fi Skagerrak–Kattegat ġew stabbiliti f’konformità mal-MSY jew mal-parir ta’ prekawzjoni 20 .
Għall-kavalli, l-istokkafixx u l-aringa Atlantu-Skandjana, l-istokkijiet li huma distribwiti b’mod mifrux madwar il-Grigal tal-Atlantiku 21 , l-Istati kostali 22 qablu li jistabbilixxu TACs ġenerali għall-2024 fil-livell tal-MSY. Madankollu, fin-nuqqas ta’ arranġamenti ta’ kondiviżjoni u minħabba azzjonijiet unilaterali minn xi partijiet inklużi trasferimenti interannwali eċċessivi, is-somma tal-kwoti mill-Istati kostali u l-partijiet tas-sajd xorta taqbeż it-TACs ġenerali miftiehma. Dan ikompli jdgħajjef is-sostenibbiltà ta’ dawn l-istokkijiet, ixekkel il-progress li sar biex jintlaħqu l-ftehimiet tal-Istati kostali, u, b’mod aktar ġenerali, kompla jagħmel pressjoni fil-kooperazzjoni f’dawn il-fora. L-UE tibqa’ impenjata li tilħaq eżitu sostenibbli tad-diskussjonijiet dwar l-aringi. Hija tkompli tinvolvi ruħha b’mod attiv f’diskussjonijiet ma’ Stati kostali u partijiet tas-sajd oħra bl-għan li tikkonkludi arranġamenti komprensivi ġodda ta’ kondiviżjoni għall-ġestjoni sostenibbli ta’ dawn l-istokkijiet.
Il-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed jilqgħu sajd għal diversi speċijiet fejn ħafna stokkijiet huma kondiviżi ma’ pajjiżi terzi. Ir-rata ta’ mortalità mis-sajd qarrbet lejn livell sostenibbli għal xi stokkijiet. Fl-2021, 26 stokk laħqu l-FMSY jew livelli aktar baxxi, iżda 38 stokk għadhom mistada ’l fuq mil-livelli sostenibbli. L-azzjoni trid tkompli tnaqqas is-sajd u tilħaq l-MSY. Biex jagħmlu dan, l-istati jridu japplikaw il-pjan pluriennali għall-Punent tal-Mediterran (“MAP għall-Punent tal-Mediterran”) 23 u l-Istrateġija tal-2030 tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM) 24 . Għall-2024, l-opportunitajiet tas-sajd huma konformi ma’ sett sostanzjali ta’ miżuri adottati fir-Regolament dwar l-opportunitajiet tas-sajd tal-2023 għall-implimentazzjoni tal-MAP għall-Punent tal-Mediterran.
Fil-fażi tranżizzjonali tal-MAP għall-Punent tal-Mediterran, u biex jinkiseb l-MSY sal-2025 25 , l-opportunitajiet tas-sajd għall-2024 qed jieħdu approċċ integrat. Dan l-approċċ jibni fuq l-għodod ta’ ġestjoni u jiżviluppa l-mekkaniżmu ta’ kumpens li jħeġġeġ lill-istati biex jużaw irkaptu tas-sajd aktar selettiv u biex jagħlqu żoni għas-sajd. L-Istati Membri huma mħeġġa jkomplu jużaw dan il-mekkaniżmu. Il-Kunsill stabbilixxa wkoll limiti massimi ta’ qbid għall-2024 għall-aktar gambli tal-fond mistada żżejjed u żamm il-limiti fuq is-sajd bil-konzijiet.
Ix-xogħol intensiv fil-kuntest tal-GFCM, appoġġjat mill-pożizzjoni konsistenti tal-UE fl-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs), wassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet sinifikanti. Fuq kollox, wassal għal żewġ pjanijiet ta’ ġestjoni pluriennali u l-adozzjoni ta’ limiti massimi ta’ qbid għal-lampuka fil-Baħar Mediterran, konsolidazzjoni tal-miżuri ta’ ġestjoni għas-sallura Ewropea fil-Baħar Mediterran, fil-ħabitats kollha, inkluż fl-ilma ħelu, u miżuri addizzjonali biex titnaqqas il-mortalità mis-sajd għall-ferħ tas-sallura.
Il-GFCM kompliet ukoll timplimenta ż-żewġ pjanijiet ta’ ġestjoni fit-tul tal-Adrijatiku biex tipprovdi rendimenti għoljin fit-tul konsistenti mal-MSY. Għall-implimentazzjoni kontinwa tal-pjan pluriennali għall-ispeċijiet pelaġiċi żgħar, il-GFCM stabbiliet limiti tal-qbid aktar baxxi għall-2024 għall-inċova u s-sardin, u kapaċità tal-iffriżar għall-bastimenti tat-tkarkir pelaġiku u għall-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża. Għall-pjan pluriennali tal-istokkijiet ta’ ħut tal-qiegħ fl-Adrijatiku, il-GFCM stabbiliet limitu massimu tal-isforz tas-sajd kemm għall-bastimenti tat-tkarkir tal-qiegħ kif ukoll għall-bastimenti tat-tkarkir bit-travu, biex jinkiseb l-MSY fl-2026 għall-ħames stokkijiet ewlenien kollha (il-merluzz, l-iskampu, gamblu abjad u it-trilja tal-ħama). Ġew adottati limiti ta’ qbid aktar baxxi skont l-erba’ pjanijiet pluriennali għall-ġestjoni tal-gamblu tal-fond fil-Baħar Jonju, fil-Baħar Levantin u fil-Fliegu ta’ Sqallija (inkluż il-ġestjoni tal-isforz għall-merluzz). Il-GFCM adotta limiti ta’ ħsad għall-qroll aħmar. Għall-Baħar l-Iswed, ġiet stabbilita TAC għall-barbun imperjali skont il-pjan tal-GFCM, u ġiet stabbilita kwota awtonoma tal-UE għal-laċċa kaħla.
L-UE qablet dwar il-miżuri għas-sallura Ewropea 26 fl-ilmijiet tal-baħar u l-ilmijiet salmastri li jmissu magħhom fil-Grigal tal-Atlantiku (inkluż il-Baħar Baltiku), filwaqt li tħalla l-perjodu ta’ għeluq ta’ sitt xhur. Ġie miftiehem ukoll perjodu ta’ għeluq biex jikkoinċidi mal-migrazzjoni ta’ frieħ tas-sallura u biex jipproteġi s-sallur matur li jgħum bejn il-baħar u x-xmajjar. Dawn il-miżuri se jkunu soġġetti għal aktar monitoraġġ fl-2024. Il-Kummissjoni qed tkompli timmonitorja l-progress bl-implimentazzjoni tal-miżuri fid-dikjarazzjoni konġunta 27 dwar it-tisħiħ tal-irkupru tas-sallura Ewropea, iffirmata mill-Kummissjoni u xi Stati Membri 28 .
3.Il-qagħda tal-flotta tal-UE
L-Istati Membri jridu jżommu l-flotot taħt il-limiti massimi nazzjonali stabbiliti għall-kapaċità tal-bastimenti (f’termini ta’ tunnellaġġ gross (GT) u qawwa tal-magna (kW)). L-Istati Membri li għandhom segmenti tal-flotta li juru żbilanċ, iridu jippreżentaw pjanijiet ta’ azzjoni li jistabbilixxu miri u għodod ta’ aġġustament biex jinkiseb bilanċ b’perjodu ta’ żmien ċar għall-implimentazzjoni. Kwalunkwe kapaċità rtirata b’għajnuna pubblika ma tistax tiġi ssostitwita 29 .
Mill-2022, l-għadd ta’ bastimenti, il-GR u l-qawwa tal-magna naqas b’0,44 %, 0,52 % u 0,10 %, rispettivament. B’riżultat ta’ dan, sal-31 ta’ Diċembru 2023, il-flotta tas-sajd tal-UE 30 kienet tinkludi 71 608 bastiment ta’ 1 305 115 TG u 5 226 554 kW.
Fir-rapporti tagħhom tal-2023, l-Istati Membri indikaw li l-flotot tagħhom huma taħt il-limiti massimi u jissodisfaw ir-rekwiżiti skont l-Artikolu 22 tar-Regolament PKS. Madankollu, għad hemm tħassib dwar il-preċiżjoni u l-affidabbiltà tad-data li tirfed ir-rapporti nazzjonali u l-preċiżjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni tal-Istati Membri. Għadd ta’ Stati Membri ma jsibux il-ħtieġa li jissottomettu pjanijiet ta’ azzjoni minkejja li għandhom segmenti tal-flotta b’indikaturi “ħomor” 31 li juru li dawn is-segmenti mhumiex f’bilanċ.
Jintużaw parametri differenti biex jiġi vvalutat jekk flotta hijiex f’bilanċ. Pereżempju, segmenti tal-flotta li ma jagħmlux profitt jew li ma jintużawx biżżejjed jistgħu jindikaw li s-segmenti tal-flotta huma marbuta b’mod rikorrenti jew permanenti u huma inattivi. B’mod simili, jekk ħafna bastimenti jqattgħu inqas ħin jistadu milli setgħu, allura s-segment tal-flotta jista’ jkun kbir wisq għar-riżorsi disponibbli li fuqhom jiddependu l-bastimenti.
Diversi segmenti għad m’għandhomx data biex jivvalutaw il-bilanċ tagħhom bis-sħiħ. L-Istati Membri huma mistiedna jżidu l-isforzi tagħhom għall-ġbir tad-data, speċjalment f’oqsma fejn l-informazzjoni hija limitata, bħar-reġjuni ultraperiferiċi. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni qed taħdem fuq l-adozzjoni ta’ linji gwida speċjali għall-valutazzjoni tal-bilanċ ta’ ċerti segmenti tal-flotta fir-reġjuni ultraperiferiċi li jintroduċu metodi alternattivi li għandhom jiġu applikati għat-tħejjija ta’ ċerti indikaturi użati għall-valutazzjoni tal-bilanċ. Fil-Komunikazzjoni tal-2023 dwar il-PKS 32 , il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri jżidu t-trasparenza u l-flessibbiltà tal-ġestjoni tal-kapaċità tas-sajd tagħhom u jikkunsidraw ir-riallokazzjoni tal-kapaċità mhux użata għall-investiment strutturali abbord. Għal dawk is-segmenti tal-flotta li mhumiex f’bilanċ, l-Istati Membri għandhom iħejju pjanijiet ta’ azzjoni ġodda jew aġġornati bħala parti mir-rapporti tal-flotta nazzjonali tagħhom.
4.Il-prestazzjoni soċjoekonomika
Wara li l-prezzijiet tal-fjuwil laħqu EUR 1,2 għal kull litru fl-2022, il-prezzijiet naqsu gradwalment għal EUR 0,8-0,9 għal kull litru fl-ewwel kwart tal-2024. Bil-prezzijiet attwali, il-flotta tas-sajd tal-UE tista’ tistenna li tipproduċi valur miżjud gross ta’ madwar EUR 2,5 biljun, tkopri l-kostijiet operazzjonali tagħha u żżomm l-impjiegi u s-salarji għal madwar 122 000 sajjied. Dan huwa titjib sinifikanti meta mqabbel mal-2022, meta l-biċċa l-kbira tal-flotot tas-sajd tal-UE ma setgħux ikopru l-kostijiet operazzjonali tagħhom.
Għalkemm b’mod ġenerali, il-biċċa l-kbira tal-flotot nazzjonali huma mistennija li jkunu profittabbli fl-2024, analiżi soċjoekonomika tindika li għadd ta’ segmenti tal-flotta se jiffaċċjaw kundizzjonijiet diffiċli, b’mod partikolari, dawk li jiddependu fuq stokkijiet mistada żżejjed u jużaw irkaptu tas-sajd intensiv fl-enerġija. B’kuntrast ma’ dan, is-segmenti tal-flotta li jiddependu mill-istokkijiet sfruttati b’mod sostenibbli u li żiedu l-effiċjenza enerġetika tagħhom għandhom it-tendenza li jkollhom prestazzjoni aħjar u jiġġeneraw salarji ogħla għall-ekwipaġġi tagħhom. Dan juri l-gwadanji soċjoekonomiċi importanti fil-konservazzjoni tal-istokkijiet u fl-effiċjenza enerġetika mill-flotot tas-sajd tal-UE.
Għalkemm il-prezzijiet tal-fjuwil naqsu, l-enerġija tibqa’ waħda mill-akbar spejjeż għall-flotta tas-sajd tal-UE fl-2024. Din il-vulnerabbiltà hija riżultat ta’ ħafna flotot li għandhom livell għoli ta’ intensità enerġetika u livell għoli ta’ dipendenza fuq il-fjuwils fossili. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni pproponiet diversi azzjonijiet fil-Komunikazzjoni dwar it-Tranżizzjoni tal-Enerġija tas-sajd u tal-akkwakultura tal-UE 33 biex tgħin lill-flotot tas-sajd tal-UE jaċċelleraw it-tranżizzjoni tal-enerġija tagħhom u jilħqu l-objettiv tan-newtralità klimatika sal-2050. L-azzjonijiet kienu jinkludu t-twaqqif ta’ Sħubija għat-Tranżizzjoni tal-Enerġija fis-sajd u l-akkwakultura tal-UE 34 , u l-ħruġ ta’ gwida għall-partijiet ikkonċernati u għall-Istati Membri dwar kif jista’ jintuża bl-aħjar mod il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMSA) u fondi eżistenti oħra tal-UE biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni tal-enerġija.
5.L-obbligu ta’ ħatt l-art
L-obbligu ta’ ħatt l-art huwa wieħed mill-elementi ewlenin tal-PKS. L-għan tiegħu huwa li jiżgura li r-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar jiġu sfruttati b’mod sostenibbli, bl-għan li jiżdied is-sajd selettiv, sabiex l-ewwel u qabel kollox ma jinqabdux qabdiet mhux mixtieqa u biex jiġi eliminat ir-rimi.
Madankollu, l-Istati Membri jużaw l-aktar tekniki ta’ monitoraġġ tradizzjonali, bħall-ispezzjonijiet fuq il-baħar, l-ispezzjonijiet waqt il-ħatt l-art u s-sorveljanza mill-ajru. Dawn l-għodod waħedhom mhumiex biżżejjed biex jindirizzaw il-kwistjoni tar-rimi illegali tal-qabdiet waqt is-sajd fuq il-baħar 35 , u tabilħaqq, hemm indikazzjonijiet ta’ rimi illegali u mhux dokumentat.
Fit-22 ta’ Novembru 2023, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw regoli ġodda tal-UE dwar il-kontroll, u dawn se jikkontribwixxu għall-monitoraġġ effettiv tal-konformità mal-obbligu tal-ħatt l-art 36 . Dawn jinkludu obbligu għal bastimenti akbar, li jippreżentaw riskju għoli ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligu ta’ ħatt l-art, li jinstallaw sistemi ta’ monitoraġġ elettroniku mill-bogħod abbord, inklużi kameras tat-televiżjoni b’ċirkwit magħluq, sa mhux aktar tard mill-10 ta’ Jannar 2028. Madankollu, ir-regoli l-ġodda ma jagħmlux obbligatorju l-użu ta’ kameras abbord bastimenti li jkollhom tul totali ta’ inqas minn 18-il metru. Għalhekk, jeħtieġ li jiġi esplorat kif dawn il-bastimenti se jiġu kkontrollati u kif se tiġi żgurata l-konformità mal-obbligu ta’ ħatt l-art għall-ħafna bastimenti fil-flotta tal-UE li għandhom tul inqas minn 18-il metru, u dawk meqjusa li huma taħt “riskju għoli”.
Ir-reġistrazzjoni preċiża tal-qabdiet hija essenzjali għall-valutazzjoni tal-istokkijiet, peress li x-xjenzati jużaw id-data rrapportata fil-ġurnali ta’ abbord u miġbura skont il-Qafas għall-Ġbir tad-Data 37 biex isostnu l-parir xjentifiku. Kif ġie enfasizzat fil-Komunikazzjoni tal-2023 dwar il-PKS 38 , il-preċiżjoni tad-data hija essenzjali wkoll għall-evalwazzjonijiet li jgħinu lill-Kummissjoni tiddeċiedi jekk l-azzjoni tal-UE għandhiex tkompli jew tiġi aġġustata.
L-obbligu ta’ ħatt l-art jirrikjedi wkoll “dokumentazzjoni dettaljata u preċiża ta’ kull vjaġġ” 39 u li l-qabdiet “jingħaddu skont il-kwoti fejn applikabbli” 40 . L-użin u r-reġistrazzjoni tal-qabdiet li jinħattu l-art huma essenzjali għall-monitoraġġ tal-użu tal-kwoti u huma fundamentali għas-suċċess tal-ġestjoni tas-sajd. Il-verifiki mwettqa mill-Kummissjoni matul diversi snin urew li l-Istati Membri mhux dejjem jiżguraw li l-qabdiet jintiżnu f’konformità mar-regoli tal-UE u li spiss ikun hemm rappurtar sinifikanti ħażin tal-kwantitajiet attwali li jinħattu l-art.
Il-partijiet ikkonċernati qed jagħmlu sforzi biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet. Proġetti ta’ riċerka u kooperazzjoni bejn ix-xjenzati u s-sajjieda ġġeneraw tagħlim siewi dwar metodi u rkaptu tas-sajd aktar selettivi, u dwar il-ġestjoni tal-qbid skartat skont ir-regoli dwar l-obbligu ta’ ħatt l-art. Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) u l-FEMSA, jipprovdu appoġġ finanzjarju biex jiġi implimentat l-obbligu ta’ ħatt l-art, b’rata għolja ta’ għajnuna pubblika. Fi tmiem l-2023 41 , l-Istati Membri kienu għażlu 302 operazzjoni b’finanzjament totali tal-FEMSA ta’ EUR 58,2 miljun għall-obbligu ta’ ħatt l-art. Il-biċċa l-kbira tal-operazzjonijiet kellhom l-għan li jżidu l-valur miżjud jew il-kwalità tal-qabdiet mhux mixtieqa 42 , inaqqsu l-impatt tas-sajd fuq l-ambjent tal-baħar u jeliminaw il-qbid skartat 43 .
Minkejja l-isforzi li saru, hemm bżonn ħafna aktar biex jiġi implimentat l-obbligu ta’ ħatt l-art, ħames snin wara li daħal fis-seħħ bis-sħiħ. F’Jannar 2024, il-Kummissjoni nediet studju li jirfed l-evalwazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art. L-istudju se jiġbor diversi provi għal valutazzjoni tat-twettiq tall-obbligu ta’ ħatt l-art, u għaliex dan jaħdem kif jaħdem.
6.Il-messaġġi u l-orjentazzjonijiet ewlenin għall-proposti tal-opportunitajiet tas-sajd għall-2024
6.1.Passi ewlenin lejn l-istabbiliment tal-opportunitajiet tas-sajd li jmiss
Fit-tħejjija tal-proposti tagħha għall-opportunitajiet tas-sajd għall-2025, il-Kummissjoni se tqis is-sejbiet tas-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-11 ta’ Jannar 2024 fil-Kawża C-330/22 44 . Se tibbaża wkoll il-proposti tagħha fuq il-pariri xjentifiċi maħruġa mill-ICES u l-STECF, fosthom il-kunsiderazzjonijiet tal-ekosistema li ġew ipprovduti permezz ta’ parir xjentifiku, id-deċiżjonijiet meħuda matul in-negozjati internazzjonali ma’ pajjiżi terzi, id-deċiżjonijiet meħuda mill-RFMOs u dwar l-analiżi soċjoekonomika, kif ukoll id-dħul fis-seħħ tal-fażi permanenti tal-MAP għall-Punent tal-Mediterran minn Jannar 2025.
Il-Kummissjoni se tkopri kemm jista’ jkun stokkijiet fil-proposti tagħha, iżda se jkunu soġġetti għad-disponibbiltà u ż-żmien tal-parir xjentifiku.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati jivvalutaw il-parir xjentifiku hekk kif isir disponibbli għall-pubbliku. Il-partijiet ikkonċernati jistgħu jipprovdu feedback jew rakkomandazzjonijiet permezz tal-Kunsilli Konsultattivi, l-awtoritajiet nazzjonali u individwalment lill-Kummissjoni.
Il-Kummissjoni se twettaq diversi konsultazzjonijiet mar-Renju Unit, in-Norveġja u stati kostali oħra f’Ottubru. L-għan huwa li n-negozjati jiġu konklużi fil-ħin biex l-eżitu tal-konsultazzjonijiet jiġi integrat fid-deliberazzjonijiet tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd f’Diċembru 2024.
Minbarra li tistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd, matul is-sena l-Kummissjoni se taħdem biex tikseb progress fl-arranġamenti ta’ kondiviżjoni għal stokkijiet distribwiti b’mod wiesa’ ma’ pajjiżi terzi li ma għandhomx arranġamenti bħal dawn, biex tiżgura li l-istokkijiet kondiviżi jiġu mistada b’mod sostenibbli.
6.2.L-istabbiliment ta’ opportunitajiet tas-sajd għal baċiri tal-baħar differenti
Għall-istokkijiet ġestiti biss mill-UE fil-Baħar Baltiku, fi Skagerrak/Kattegat u fl-Atlantiku, il-Kummissjoni se tipproponi TACs u kwoti f’konformità mal-MSY meta dan il-parir ikun disponibbli. Meta l-pjanijiet ta’ ġestjoni jipprovdu flessibbiltà biex jiġu stabbiliti limiti tal-qbid, il-Kummissjoni tista’ tipproponi li tintuża l-medda superjuri tal-MSY għal stokkijiet b’saħħithom, dment li l-parir xjentifiku jqis li dan ikun meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi skont il-pjanijiet pluriennali, speċjalment għas-sajd imħallat. Meta l-bijomassa tkun naqset tant li tkun taħt il-limiti bijoloġiċi sikuri, il-Kummissjoni għandha tipproponi li jinbnew mill-ġdid l-istokkijiet u li jiġu inklużi miżuri ta’ rimedju, f’konformità ma’ kull pjan pluriennali. Se tiffoka l-azzjoni fuq il-kisba ta’ parir sħiħ dwar l-MSY għal stokkijiet ewlenin oħra malajr kemm jista’ jkun.
Fejn xierq, il-Kummissjoni se tnaqqas ukoll l-eżenzjonijiet de minimis jew ta’ sopravivenza għolja mill-parir tal-ICES. Il-Kummissjoni se tevalwa wkoll il-progress tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-miżuri attwali għat-tnaqqis tal-qabdiet inċidentali adottati flimkien ma’ TACs inevitabbli tal-qbid inċidentali biss biex jittaffew is-sitwazzjonijiet potenzjali ta’ kwoti limitanti.
Fejn possibbli, il-Kummissjoni se tkompli timxi lejn sistema ta’ TACs pluriennali għall-istokkijiet tal-UE biss. Ġew stabbiliti TACs pluriennali għall-2024 u l-2025 għal żewġ stokkijiet tal-UE biss. Dan se jżid l-effiċjenza u l-prevedibbiltà għall-industrija tas-sajd tal-UE għall-istokkijiet magħżula f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, il-partijiet ikkonċernati u l-ICES. L-Istati Membri huma mitluba jelenkaw l-istokkijiet ta’ prijorità li għalihom jirrakkomandaw TACs ta’ sentejn. Wara valutazzjoni, il-Kummissjoni se titlob lill-ICES jivvaluta l-istokkijiet identifikati:
I.skont il-kriterji tal-parir pluriennali tal-ICES;
II.f’termini ta’ fattibbiltà ta’ pariri pluriennali; u
III.f’termini tal-implikazzjonijiet possibbli ta’ tali parir pluriennali.
Għall-istokkijiet kondiviżi ġestiti mar-Renju Unit, in-Norveġja u Stati kostali oħra, l-UE se ssegwi l-istess approċċ bħal dak għall-istokkijiet tal-UE biss. Hija ser tibbaża l-pożizzjoni tagħha fuq l-aqwa parir xjentifiku disponibbli, bl-għan li tistabbilixxi opportunitajiet tas-sajd f’konformità mal-livelli tal-MSY u tinnegozja mar-Renju Unit, in-Norveġja u Stati kostali oħra, fejn rilevanti, miżuri ta’ konservazzjoni. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea se jkompli jikkoopera mar-Renju Unit dwar l-impenji konġunti bejn l-UE u r-Renju Unit li saru fil-Kumitat Speċjalizzat għas-Sajd u mar-Renju Unit u n-Norveġja biex isegwu l-impenji trilaterali li saru biex jinkiseb sajd sostenibbli u l-ġestjoni tal-istokkijiet kondiviżi. L-UE tibqa’ impenjata li ssib arranġamenti ta’ kondiviżjoni sostenibbli, ibbilanċjati u komprensivi għal stokkijiet distribwiti b’mod wiesa’ li huma ġestiti b’mod konġunt ma’ Stati kostali oħra.
Għall-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed, huwa essenzjali li l-Istati Membri jsegwu l-objettivi stabbiliti fil-pjan pluriennali tal-UE għall-Punent tal-Mediterran u fil-pjanijiet tal-GFCM f’konformità mal-istrateġija tal-2030. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri ta’ akkumpanjament fil-qafas tal-programmi tal-FEMSA. Fl-1 ta’ Jannar 2025, il-fażi tranżizzjonali tal-EU MAP għall-Punent tal-Mediterran se tintemm, u l-pjan se jidħol fil-fażi ta’ implimentazzjoni sħiħa. Dan ifisser li l-meded tal-FMSY fil-pjan pluriennali jistgħu jintużaw, jekk l-istokkijiet ikunu ogħla mill-punti ta’ referenza prekawzjonarji, biex possibbilment jiġu applikati miżuri flessibbli għas-sajd imħallat. Il-proposta għall-opportunitajiet tas-sajd għandha tinkludi l-għodod ta’ ġestjoni disponibbli, il-meded tal-FMSY, u l-mekkaniżmu ta’ kumpens biex tittejjeb is-selettività tal-irkaptu tas-sajd u l-għeluq taż-żoni. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STEFC). jevalwa l-progress fl-implimentazzjoni tal-pjan pluriennali kull sena. Il-Kummissjoni nediet ukoll ħidma fuq kull aspett tas-sostenibbiltà bil-ħsieb li tirrapporta f’Lulju 2024 dwar l-impatt tal-MAP għall-Punent tal-Mediterran fuq l-istokkijiet u s-sajd ikkonċernati.
Il-ġestjoni tal-istokkijiet kondiviżi hija meħtieġa wkoll biex jiġi żgurat sajd sostenibbli fl-ilmijiet internazzjonali u biex ikun hemm kundizzjonijiet ekwi fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed. Għal dan l-għan, il-proposta għall-opportunitajiet tas-sajd fl-2025 se tkopri l-miżuri attwali tal-GFCM u miżuri addizzjonali li għandhom jiġu adottati fis-sessjoni annwali tal-GFCM f’Novembru, fosthom miżuri importanti għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet pluriennali tal-ispeċijiet pelaġiċi żgħar Adrijatiċi u tal-ispeċijiet demersali, miżuri fit-tul għas-sallura Ewropea u għall-qroll aħmar. Għall-ispeċijiet tal-Baħar l-Iswed, il-Kummissjoni se tipproponi TACs u kwoti għall-barbun imperjali u għal-laċċa kaħla, f’konformità mal-miżuri li għandhom jiġu adottati fis-sessjoni annwali tal-GFCM, abbażi tar-riżultati tal-istudji pilota u l-programmi ta’ riċerka tal-GFCM.
Il-progress li sar fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed għandu jkompli u jaċċellera, filwaqt li għandu jibni fuq ir-riżultati tal-konferenza ta’ livell għoli tal-GFCM ta’ Ottubru 2023 u l-Forum dwar il-Ħut tal-2024. Hemm bżonn ta’ enfasi akbar fis-Summit ta’ Qafas ta’ Appoġġ Uniku tal-GFCM/FAO (Lulju 2024) u fil-Konferenza Reġjonali dwar l-Akkwakultura (Diċembru 2024). Dawn se jkunu stadji importanti fil-proċess biex titħejja d-dikjarazzjoni Ministerjali MedFish4Ever li jmiss għall-Konferenza Ministerjali li jmiss fl-2026. L-Istati Membri kollha jridu jkomplu l-azzjoni biex jiksbu ħut sostenibbli peress li din hija l-bażi għal settur tas-sajd reżiljenti, u għall-protezzjoni tal-ekosistemi f’dawn il-baċiri tal-baħar.
Hemm ħtieġa urġenti li tittejjeb il-protezzjoni tas-sallura Ewropea. Minbarra l-monitoraġġ mill-qrib tal-implimentazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd għall-2024 u l-valutazzjoni tal-miżuri għall-2025 għall-ilmijiet tal-baħar, skont il-pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar il-baħar, il-Kummissjoni għal darb’ oħra tistieden lill-Istati Membri jaġġornaw il-pjanijiet ta’ ġestjoni tas-sallura tagħhom skont ir-Regolament dwar is-Sallur 45 , f’konformità mal-obbligi legali tagħhom skont il-liġi ambjentali tal-UE. Huwa importanti li jiżdiedu l-miżuri fl-ilmijiet interni biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi peress li r-rata ta’ mortalità tas-sallura fl-ilmijiet interni hija sinifikanti u teħtieġ azzjoni ta’ rimedju urġenti. Biex tiffaċilita dan id-djalogu u l-proċess, il-Kummissjoni organizzat workshop tekniku dwar il-ġestjoni tas-sallura fl-24 ta’ April 2024 fil-kuntest tal-pjan ta’ azzjoni dwar il-baħar. Il-GFCM bħalissa qed taħdem fuq miżuri futuri fit-tul għas-sallura Ewropea li jkopru l-ħabitats kollha, inklużi l-ilmijiet interni.
7. Konklużjoni
Is-sostenibbiltà ġenerali tas-sajd tal-UE kompliet titjieb fl-2023, bis-saħħa ta’ azzjoni kontinwa. Dan jgħodd b’mod partikolari fil-każ tal-ilmijiet tal-UE fl-Atlantiku. Is-sitwazzjoni fil-Baħar Baltiku, madankollu, għadha waħda mill-aktar inkwetanti peress li l-popolazzjonijiet ta’ stokkijiet kummerċjali li qabel kienu importanti qed ikomplu jonqsu minħabba diversi sorsi ta’ pressjoni. Għall-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed, minkejja titjib reċenti fil-qagħda ta’ xi stokkijiet, aktar azzjoni u impenn huma meħtieġa biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni.
It-tibdil fil-klima jaffettwa l-attivitajiet tal-bniedem u l-intensità tal-pressjonijiet kif ukoll ir-rabtiet bejniethom. Biex tiġi indirizzata l-pressjoni fuq l-istokkijiet tal-ħut, huwa kruċjali li l-Istati Membri jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-UE bis-sħiħ u li l-partijiet ikkonċernati kollha jieħdu azzjoni miftiehma biex inaqqsu l-pressjoni fuq l-istokkijiet tal-ħut. L-UE qed tindirizza t-tniġġis tal-baħar permezz ta’ għadd ta’ leġiżlattivi u ta’ politika inizjattivi taħt il-qafas wiesa’ tal-pjan ta’ azzjoni ta’ tniġġis żero 46 .
Il-proposti tal-Kummissjoni għall-opportunitajiet tas-sajd fl-2025 se jfittxu li jippermettu li l-istokkijiet jirkupraw, jikkonsolidaw l-istokkijiet tal-ħut li laħqu livelli sostenibbli u li jagħtu spinta lir-reżiljenza tas-sajjieda.
Settur tas-sajd imsaħħaħ huwa kruċjali biex jiġu ppreservati l-komunitajiet kostali Ewropej u għall-ġestjoni tat-tranżizzjoni favur sistemi tal-ikel aktar sostenibbli. Kif ġie ddikjarat fil-pakkett dwar is-Sajd u l-Oċeani, huwa ta’ importanza kbira li jsir impenn kondiviż biex iż-żoni tal-baħar u s-sajd Ewropew tagħna jsiru adattati għall-futur.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri, lill-Kunsilli Konsultattivi, lill-partijiet ikkonċernati u lill-pubbliku jipprovdu rispons dwar din il-Komunikazzjoni sal-31 ta’ Awwissu 2024.
Skeda tax-xogħol ippjanata 47
Meta |
Xiex |
Mejju – Novembru 2024 |
Parir xjentifiku tal-ICES |
Ġunju – l-aħħar ta’ Awwissu 2024 |
Konsultazzjoni pubblika dwar il-Komunikazzjoni |
L-aħħar ta’ Awwissu 2024 |
Il-Kummissjoni tadotta l-proposta għal opportunitajiet tas-sajd fil-Baħar Baltiku |
Nofs Settembru 2024 |
Il-Kummissjoni tadotta l-proposta għal opportunitajiet tas-sajd fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed |
Ottubru – Diċembru 2024 |
Konsultazzjonijiet annwali dwar l-opportunitajiet tas-sajd mal-partijiet fil-Grigal tal-Atlantiku |
Ottubru 2024 |
Laqgħa tal-Kunsill dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-Baħar Baltiku Konsultazzjonijiet mal-istati kostali dwar stokkijiet mifruxa ħafna fil-Grigal tal-Atlantiku |
L-aħħar ta’ Ottubru 2024 |
Il-Kummissjoni tadotta l-proposta għall-opportunitajiet tas-sajd fl-Atlantiku/fil-Baħar tat-Tramuntana |
4–8 ta’ Novembru 2024 |
Sessjoni annwali tal-GFCM |
12–15 ta’ Novembru 2024 |
Laqgħa annwali tal-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal (North-East Atlantic Fisheries Commissio, NEAFC) |
1 ta’ Diċembru 2024 |
Il-valutazzjoni tal-istokk u l-parir dwar il-ġestjoni tal-STECF |
Diċembru 2024 |
Laqgħa tal-Kunsill dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-Atlantiku/għall-Baħar tat-Tramuntana Laqgħa tal-Kunsill dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-Baħar Mediterran u għall-Baħar l-Iswed |
It-tibdil fil-klima u l-politika komuni tas-sajd - Kummissjoni Ewropea (europa.eu)
https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-5374-2023-ADD-1-REV-1/en/pdf
L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.