IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.11.2023
COM(2023) 736 final
ANNESS
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-emenda tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud
L-EMENDA TAL-FTEHIM BEJN L-UNJONI EWROPEA U R-RENJU TAN-NORVEĠJA DWAR IL-KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA, IL-ĠLIEDA KONTRA L-FRODI U L-IRKUPRU TAT-TALBIET FIL-QASAM TAT-TAXXA FUQ IL-VALUR MIŻJUD
L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Unjoni”,
kif ukoll
IR-RENJU TAN-NORVEĠJA, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “in-Norveġja”,
minn hawn ’il quddiem “il-Partijiet”,
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-qafas ta’ kooperazzjoni skont il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud
(“il-Ftehim”) diġà wera eżitu pożittiv ħafna,
BILLI għodod ġodda għall-kooperazzjoni ġew introdotti fil-leġiżlazzjoni tal-UE bl-emenda tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1541
;
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-Istati Membri u n-Norveġja jibbenefikaw minn estensjoni tal-għodod ta’ kooperazzjoni li jippermettu kooperazzjoni aktar effettiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-inkjesti amministrattivi mwettqa b’mod konġunt u l-azzjonijiet ta’ segwitu tal-Eurofisc,
BILLI sabiex jiġi żgurat il-monitoraġġ effettiv u effiċjenti tal-VAT fuq it-tranżazzjonijiet transfruntiera, il-possibilità ta’ inkjesti amministrattivi mwettqa b’mod konġunt, li jippermettu lill-uffiċjali minn żewġ stati jew aktar jiffurmaw tim wieħed u jieħdu sehem b’mod attiv f’inkjesta amministrattiva mwettqa b’mod konġunt se tgħin biex jiġi żgurat infurzar xieraq tal-VAT u jiġi evitat xogħol doppju u piż amministrattiv kemm tal-awtoritajiet tat-taxxa kif ukoll tan-negozji,
BILLI sabiex jiġu miġġielda l-aktar frodi transfruntiera serji, jeħtieġ li tissaħħaħ il-ħidma tal-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc biex jaċċessaw, jiskambjaw, jipproċessaw u janalizzaw l-informazzjoni kollha meħtieġa malajr u jikkoordinaw kwalunkwe azzjoni ta’ segwitu,
BILLI r-referenzi legali għad-Direttiva 95/46/KE
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data jenħtieġ li jiġu aġġornati bir-referenzi meħtieġa għar-Regolament (UE) Nru 2016/679
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data,
FILWAQT LI JINNOTAW li r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data ġie inkorporat b’adattamenti fl-Anness XI tal-Ftehim ŻEE, huwa soġġett għall-qafas istituzzjonali tal-Ftehim ŻEE
u n-Norveġja aġġustat il-leġiżlazzjoni tagħha biex tikkonforma ma’ dawk id-dispożizzjonijiet tal-anqas fl-oqsma koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tal-Ftehim ŻEE,
FILWAQT LI JINNOTAW li r-Regolament (KE) Nru 2018/1725
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni għall-fini ta’ dan il-Ftehim
QABLU KIF ĠEJ:
ARTIKOLU 1
Jenħtieġ li jiddaħħlu l-emendi li ġejjin għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud:
(1) Il-5 premessa għall-preambolu huwa sostitwit b’dan li ġej:
KONXJI li l-istati jenħtieġ japplikaw regoli dwar il-kunfidenzjalità skont il-liġi nazzjonali u l-protezzjoni tad-data personali skont il-punt 5e tal-Anness XI tal-Ftehim ŻEE,
(2) L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
1. Kwalunkwe informazzjoni miksuba minn Stat skont dan il-Ftehim għandha tiġi ttrattata bħala kunfidenzjali u protetta bl-istess mod bħall-informazzjoni miksuba skont il-liġi domestika tiegħu għall-protezzjoni tad-data personali, f’konformità mal-punt 5e tal-Anness XI tal-Ftehim ŻEE.
(b) il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:
2. Tali informazzjoni tista’ tiġi żvelata lill-persuni jew lill-awtoritajiet involuti fl-applikazzjoni tal-liġijiet tal-VAT (fosthom il-qrati u l-korpi amministrattivi jew il-korpi ta’ sorveljanza) tal-istati kkonċernati mill-applikazzjoni tal-liġijiet tal-VAT u għall-fini li ssir valutazzjoni korretta tal-VAT jew li jsir il-ġbir jew il-kontroll amministrattiv tat-taxxa għall-fini li tiġi stabbilita l-valutazzjoni, tal-VAT kif ukoll għall-fini li jiġi applikat l-infurzar b’rabta mat-talbiet tal-VAT, inkluż miżuri ta’ rkupru jew ta’ prekawzjoni.
(c) il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:
6. L-informazzjoni li stat jagħti lil stat ieħor tista’ tintbagħat minn dan l-istat tal-aħħar lil stat ieħor, soġġett għall-kunsens minn qabel mill-awtorità kompetenti tal-istat minn fejn tkun oriġinat l-informazzjoni. L-istat tal-oriġini tal-informazzjoni jista’ jopponi t-tali kondiviżjoni tal-informazzjoni fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol minn meta jirċievi t-talba tal-istat li jkun jixtieq jikkondividi dik l-informazzjoni.
(d) jiżdied il-paragrafu 6.a:
6.a Kull ħażna, ipproċessar jew skambju ta’ informazzjoni msemmija f’dan il-Ftehim huma soġġetti għar-regoli nazzjonali adottati skont il-punt 5e tal-Anness XI tal-Ftehim ŻEE kif ukoll għar-rekwiżiti speċifiċi għall-ipproċessar ta’ data personali stabbiliti f’dan il-Ftehim. Madankollu, għall-fini tal-applikazzjoni korretta ta’ dan il-Ftehim, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligazzjonijiet u d-drittijiet previsti fl-Artikoli 12 sa 15, 17, 21 u 22 tar-Regolament (UE) 2016/679. Tali restrizzjonijiet għandhom ikunu limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ biex jiġu ssalvagwardjati l-interessi msemmija fid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE ekwivalenti għall-punt (e) tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2016/679, b’mod partikolari li:
(a) l-awtoritajiet kompetenti tal-istati jkunu jistgħu jissodisfaw il-kompiti tagħhom b’mod tajjeb għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim; jew
(b) jiġi evitat li l-inkjesti, l-analiżi, l-investigazzjonijiet jew il-proċeduri uffiċjali jew legali jiġu ostakolati għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim u jkun żgurat li l-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-individwazzjoni tal-evażjoni tat-taxxa u tal-frodi tat-taxxa ma jiġux ipperikolati.
L-ipproċessar u l-ħażna ta’ informazzjoni msemmijin f’dan il-Ftehim għandhom jitwettqu biss għall-finijiet imsemmijin fl-Artikolu 1ta’ dan il-Ftehim u l-informazzjoni m’għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment f’mod li huwa inkompatibbli ma’ dawk il-finijiet.
L-ipproċessar tad-data personali abbażi ta’ din id-Direttiva għal kwalunkwe fini ieħor bħal finijiet kummerċjali, għandu jkun projbit.
(e) il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:
7. L-istati jistgħu jibagħtu l-informazzzjoni li jiksbu skont dan il-Ftehim lil pajjiżi terzi bil-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)it-trasferiment ta’ data personali huwa soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE ekwivalenti għar-Regolament (UE) 2016/679;
(b)l-awtorità kompetenti li tkun bagħtet l-informazzjoni oriġinarjament tkun qablet mat-tali trażmissjoni;
(c)it-trażmissjoni hija permessa permezz ta’ arranġamenti ta’ assistenza legalment vinkolanti u infurzabbli bejn l-istat li jittrażmetti l-informazzjoni u dak il-pajjiż terz partikolari.
(f) il-paragrafu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:
9. Kull stat għandu minnufih jinnotifika lill-istati l-oħra kkonċernati dwar kwalunkwe ksur tal-kunfidenzjalità, kwalunkwe ksur ta’ data personali u kwalunkwe sanzjoni u azzjoni ta’ rimedju konsegwentement imposta.
(g) il-paragrafu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:
10. Persuni debitament akkreditati mill-Awtorità ta’ Akkreditazzjoni ta’ Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea jista’ jkollhom aċċess għal din l-informazzjoni biss sa fejn ikun meħtieġ għall-kura, għall-manutenzjoni u għall-iżvilupp tas-sistemi elettroniċi ospitati mill-Kummissjoni u użati mill-istati biex jimplimentaw dan il-Ftehim. Kwalunkwe aċċess għal data personali għandu jiġi ttrattat f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725.
(3) L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:
(a) il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
1. Bi ftehim bejn l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta, u f’konformità mal-arranġamenti stabbiliti minn din tal-aħħar, uffiċjali awtorizzati mill-awtorità rikjedenti jistgħu, bil-għan li jiskambjaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1)a, ikunu preżenti fl-uffiċċji tal-awtoritajiet amministrattivi tal-Istat rikjest, jew kwalunkwe post ieħor, fejn dawk l-awtoritajiet iwettqu l-ħidma tagħhom. Meta l-informazzjoni mitluba tkun tinsab fid-dokumentazzjoni li għaliha jkollhom aċċess l-uffiċjali tal-awtorità rikjesta, l-uffiċjali tal-awtorità rikjedenti għandhom jingħataw kopji tagħha.
(b) il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:
2. Bi ftehim bejn l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta, u f’konformità mal-arranġamenti stabbiliti minn din tal-aħħar, l-uffiċjali awtorizzati mill-awtorità rikjedenti jistgħu, bil-għan li jiskambjaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1)a, ikunu preżenti waqt l-inkjesti amministrattivi mwettqa fit-territorju tal-Istat rikjest. Tali inkjesti amministrattivi għandhom jitwettqu esklużivament mill-uffiċjali tal-awtorità rikjesta. L-uffiċjali tal-awtorità rikjedenti ma għandhomx jeżerċitaw is-setgħat ta’ spezzjoni mogħtija lill-uffiċjali tal-awtorità rikjesta. Huma jistgħu, madankollu, ikollhom aċċess għall-istess bini u dokumenti bħal dawn tal-aħħar, permezz tal-intermedjazzjoni tal-uffiċjali tal-awtorità rikjesta u għall-iskop waħdieni li titwettaq l-inkjesta amministrattiva.
(c) jiżdied il-paragrafu 2.a:
2a. Bi ftehim bejn l-awtoritajiet rikjedenti u l-awtorità rikjesta, u f’konformità mal-arranġamenti stabbiliti minn din tal-aħħar, uffiċjali awtorizzati mill-awtoritajiet rikjedenti, bil-għan li jiġbru u jiskambjaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1)a, jistgħu jieħdu sehem fl-inkjesti amministrattivi mwettqa fit-territorju tal-istat rikjest. Tali inkjesti amministrattivi għandhom jitwettqu b’mod konġunt mill-uffiċjali tal-awtoritajiet rikjedenti u tal-awtoritajiet rikjesti u għandhom jitwettqu taħt id-direzzjoni u skont il-leġiżlazzjoni tal-istat rikjest.
L-uffiċjali tal-awtoritajiet rikjedenti għandu jkollhom aċċess għall-istess bini u dokumenti bħall-uffiċjali tal-awtorità rikjesta u, sa fejn ikun permess mil-leġiżlazzjoni tal-istat rikjest għall-uffiċjali tagħha, għandhom ikunu jistgħu jintervistaw persuni taxxabbli.
Meta jkun permess mil-leġiżlazzjoni tal-istat rikjest, l-uffiċjali tal-istati rikjedenti għandhom jeżerċitaw l-istess setgħat ta’ spezzjoni bħal dawk mogħtija lill-uffiċjali tal-istat rikjest. Is-setgħat ta’ spezzjoni tal-uffiċjali tal-awtoritajiet rikjedenti għandhom jiġu eżerċitati għall-fini unika li titwettaq l-inkjesta amministrattiva.
Bi ftehim bejn l-awtoritajiet rikjedenti u l-awtorità rikjesta, u f’konformità mal-arranġamenti stabbiliti minn din tal-aħħar, l-awtoritajiet parteċipanti jistgħu jabbozzaw rapport ta’ inkjesta komuni.
(d) il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:
3. L-uffiċjali tal-awtorità rikjedenti preżenti fi Stat ieħor f’konformità mal-paragrafi 1, 2 u 2a jridu f’kull waqt ikunu jistgħu juru l-awtorizzazzjoni bil-miktub li tiddikjara l-identità u l-kariga uffiċjali tagħhom.
(4) L-Artikolu 15 huwa emendat kif ġej:
(a) il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
1. Sabiex tiġi promossa u ffaċilitata l-kooperazzjoni multilaterali fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT u għall-koordinazzjoni ta’ kwalunkwe azzjoni ta’ segwitu, in-Norveġja għandha tiġi mistiedna tieħu sehem fin-netwerk imsejjaħ “Eurofisc”, previst fil-Kapitolu X tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu.
(b) jiżdied il-paragrafu 1a:
1a. Fil-qafas tal-Eurofisc, l-istati għandhom jikkoordinaw l-inkjesti amministrattivi tal-istati parteċipanti dwar frodi identifikati mill-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc kif imsemmi fl-Artikolu 16(1) mingħajr is-setgħa li jitolbu lill-istati jwettqu inkjesti amministrattivi.
(5) L-Artikolu 42 huwa sostitwit b’dan li ġej:
Soluzzjoni tat-tilwim
Kwalunkwe tilwima bejn il-Partijiet relatata mal-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, bl-eċċezzjoni ta’ tilwim relatat mal-applikazzjoni tal-punt 5e tal-Anness XI tal-Ftehim ŻEE, għandha tiġi solvuta permezz ta’ konsultazzjonijiet fi ħdan il-Kumitat Konġunt. Il-Partijiet għandhom jibagħtu l-informazzjoni rilevanti kollha li hemm bżonn biex il-kwistjoni tiġi eżaminata bir-reqqa lill-Kumitat Konġunt bil-ħsieb li jissolva t-tilwim.
ARTIKOLU 2
Dħul fis-seħħ
Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar ta’ wara d-data meta l-Partijiet ikunu għarrfu lil xulxin li lestew il-proċeduri legali interni tagħhom imsemmijin fil-paragrafu 1 tal-Ftehim.