IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.11.2023
COM(2023) 708 final
2023/0403(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt tas-CETA stabbilit skont il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8.10, l-Anness 8-A, l-Artikolu 8.9.1 u l-Artikolu 8.39.3 tas-CETA f’konformità mal-Artikolu 26.1.5(e) tas-CETA
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit skont il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8.10, l-Anness 8-A, l-Artikolu 8.9.1 u l-Artikolu 8.39.3 tas-CETA f’konformità mal-Artikolu 26.1.5(e).
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra
Is-CETA għandu l-għan li jilliberalizza u jiffaċilita l-kummerċ u l-investiment, kif ukoll li jippromwovi relazzjoni ekonomika aktar mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada (“il-Partijiet”). Il-Ftehim ġie ffirmat fit-30 ta’ Ottubru 2016, u beda jiġi applikat b’mod proviżorju mill-21 ta’ Settembru 2017.
2.2.Il-Kumitat Konġunt tas-CETA
Il-Kumitat Konġunt tas-CETA huwa stabbilit skont l-Artikolu 26.1 tal-Ftehim. Il-Kumitat Konġunt tas-CETA huwa responsabbli għall-kwistjonijiet kollha dwar il-kummerċ u l-investiment bejn il-Partijiet u l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Parti tista’ tirreferi lill-Kumitat Konġunt tas-CETA kwalunkwe kwistjoni relatata mal-implimentazzjoni u l-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim, jew kwalunkwe kwistjoni oħra dwar il-kummerċ u l-investiment bejn il-Partijiet.
F’konformità mal-Artikolu 26.1.5(e) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt tas-CETA jista’ jadotta deċiżjonijiet dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, li għandhom ikunu vinkolanti għat-tribunali stabbiliti skont it-Taqsima F tal-Kapitolu Tmienja (Soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investiment bejn l-investituri u l-istati) u l-Kapitolu Disgħa u Għoxrin (Soluzzjoni tat-Tilwim).
F’konformità mar-Regola 10.2 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konġunt tas-CETA u tal-Kumitati Speċjalizzati, fil-perjodu bejn il-laqgħat, il-Kumitat Konġunt tas-CETA jista’ jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet permezz tal-proċedura bil-miktub jekk il-Partijiet tal-Ftehim jiddeċiedu b’kunsens reċiproku. Għal dak l-għan, it-test tal-proposta se jitqassam bil-miktub f’korrispondenza mill-kopresidenti lill-membri tal-Kumitat Konġunt tas-CETA skont ir-Regola 7, b’limitu ta’ żmien li fih il-membri għandhom jgħarrfu b’kull riżervi jew emendi li jixtiequ jagħmlu. Proposti adottati jkunu kkomunikati skont ir-Regola 7 ladarba l-limitu taż-żmien ikun għadda u jiġu rrekordjati fil-minuti tal-laqgħa li jkun imiss.
2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt tas-CETA
Il-Kumitat Konġunt tas-CETA jrid jadotta deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8.10, l-Anness 8-A, l-Artikolu 8.9.1 u l-Artikolu 8.39.3 tas-CETA (“l-att previst”).
L-għan tal-att previst huwa li jipprovdi ċerti kjarifiki ulterjuri b’mod partikolari fir-rigward tal-istandards ta’ “trattament ġust u ekwu” u “esproprjazzjoni indiretta”, kif ukoll l-Artikolu 8.9.1 u l-Artikolu 8.39.3 tas-CETA.
L-att previst se jsir vinkolanti għall-Partijiet skont l-Artikolu 26.3.2 tal-Ftehim.
3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
L-att previst huwa relatat mad-dispożizzjonijiet dwar it-trattament ġust u ekwu u l-esproprjazzjoni indiretta li diġà huma ċirkoskritti fis-CETA u fit-Taqsima 6 tal-Istrument Interpretattiv Konġunt tas-CETA. L-att previst għandu l-għan li jiċċara aktar kif dawk l-istandards jenħtieġ li jinftiehmu, fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali u speċjalment tal-emerġenza klimatika. L-att previst kien relatat ukoll mal-Artikolu 8.9.1 u l-Artikolu 8.39.3 tas-CETA. L-att previst se jiċċara d-dispożizzjonijiet skont l-intenzjoni tal-Partijiet, mingħajr ma jemenda s-CETA.
Il-pożizzjoni proposta taqbel ma’ politiki, regoli jew inizjattivi oħra tal-Unjoni.
Għaldaqstant, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt tas-CETA dwar l-att previst sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim.
4.Bażi legali
4.1.Bażi legali proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu ‘‘[i]l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.’’
Il-kunċett ta’ ‘‘atti li jkollhom effetti legali’’ jinkludi atti li jkollhom effetti legali permezz tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Jinkludi wkoll strumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li jkunu “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
Il-Kumitat Konġunt tas-CETA huwa korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri s-CETA.
L-att li l-Kumitat Konġunt tas-CETA huwa msejjaħ jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti fuq il-Partijiet skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 26.3.2 tal-Ftehim u fuq it-tribunali stabbiliti skont it-Taqsima F tal-Kapitolu Tmienja (Soluzzjoni ta’ tilwim dwar l-investiment bejn l-investituri u l-istati) u l-Kapitolu Disgħa u Għoxrin (Soluzzjoni tat-Tilwim) skont l-Artikolu 26.1.5(e) tal-Ftehim.
L-att previst ma jissupplimentax u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għaldaqstant, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi legali sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst isegwi żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew komponenti jkun identifikabbli bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun ibbażata fuq bażi legali sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew il-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni.
Għalhekk, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207 tat-TFUE.
4.3.Konklużjoni
Jenħtieġ li l-bażijiet leagali tad-Deċiżjoni proposta jkunu l-Artikolu 207 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
5.Pubblikazzjoni tal-att previst
Peress li l-att tal-Kumitat Konġunt tas-CETA jiċċara ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim, huwa xieraq li jiġi adottat fil-lingwi awtentiċi kollha tal-Ftehim u jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.
2023/0403 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt tas-CETA stabbilit skont il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8.10, l-Anness 8-A, l-Artikolu 8.9.1 u l-Artikolu 8.39.3 tas-CETA f’konformità mal-Artikolu 26.1.5(e) tas-CETA
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/37 tistipula l-iffirmar f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”). Il-Ftehim ġie ffirmat fit-30 ta’ Ottubru 2016.
(2)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/38 tipprevedi l-applikazzjoni proviżorja ta’ partijiet mill-Ftehim. Il-Ftehim ilu jiġi applikat b’mod proviżorju mill-21 ta’ Settembru 2017.
(3)Skont l-Artikolu 26.1.5(e) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt tas-CETA għandu s-setgħa jadotta deċiżjonijiet dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, li għandhom ikunu vinkolanti għat-tribunali stabbiliti skont it-Taqsima F tal-Kapitolu Tmienja (Soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investiment bejn l-investituri u l-istati) u l-Kapitolu Disgħa u Għoxrin (Soluzzjoni tat-Tilwim).
(4)Skont l-Artikolu 26.3.2 tal-Ftehim, id-deċiżjonijiet li jieħu l-Kumitat Konġunt tas-CETA għandhom ikunu vinkolanti fuq il-Partijiet, bil-kundizzjoni li jitlestew ir-rekwiżiti u l-proċeduri interni meħtieġa, u l-Partijiet għandhom jimplimentawhom.
(5)Il-Kumitat Konġunt tas-CETA għandu jadotta bi proċedura bil-miktub deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8.10, l-Anness 8-A, l-Artikolu 8.9.1 u l-Artikolu 8.39.3 tas-CETA.
(6)Għalhekk huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt tas-CETA abbażi tal-abbozz ta’ deċiżjoni mehmuż tal-Kumitat Konġunt tas-CETA, peress li jiċċara l-artikoli msemmija hawn fuq,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt tas-CETA fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8.10, l-Anness 8-A, l-Artikolu 8.9.1 u l-Artikolu 8.39.3 tas-CETA, f’konformità mal-Artikolu 26.1.5(e) tas-CETA, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt tas-CETA mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni tal-Kunsill.
Artikolu 2
Wara l-adozzjoni tagħha, id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt tas-CETA msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzat lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President