Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0661

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ programmi ta’ stħarriġ pluriennali, notifiki dwar il-preżenza ta’ pesti regolati mhux ta’ kwarantina, derogi temporanji mill-projbizzjonijiet fuq l-importazzjoni u mir-rekwiżiti speċjali ta’ importazzjoni u l-istabbiliment ta’ proċeduri għall-għoti tagħhom, rekwiżiti temporanji ta’ importazzjoni għal pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħrajn ilkoll ta’ riskju għoli, l-istabbiliment ta’ proċeduri għall-elenkar ta’ pjanti ta’ riskju għoli, il-kontenut ta’ ċertifikati fitosanitarji, l-użu ta’ passaporti tal-pjanti u fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti ta’ rapportar għal żoni demarkati u stħarriġiet dwar il-pesti

    COM/2023/661 final

    Brussell, 17.10.2023

    COM(2023) 661 final

    2023/0378(COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ programmi ta’ stħarriġ pluriennali, notifiki dwar il-preżenza ta’ pesti regolati mhux ta’ kwarantina, derogi temporanji mill-projbizzjonijiet fuq l-importazzjoni u mir-rekwiżiti speċjali ta’ importazzjoni u l-istabbiliment ta’ proċeduri għall-għoti tagħhom, rekwiżiti temporanji ta’ importazzjoni għal pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħrajn ilkoll ta’ riskju għoli, l-istabbiliment ta’ proċeduri għall-elenkar ta’ pjanti ta’ riskju għoli, il-kontenut ta’ ċertifikati fitosanitarji, l-użu ta’ passaporti tal-pjanti u fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti ta’ rapportar għal żoni demarkati u stħarriġiet dwar il-pesti


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    Il-leġiżlazzjoni dwar il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti jew tal-prodotti tal-pjanti ilha stabbilita fil-livell tal-Unjoni mis-snin 70. Dik il-leġiżlazzjoni kienet ta’ importanza kbira għall-protezzjoni tal-agrikoltura, tal-pajsaġġ u tal-ambjent fl-Unjoni. L-ewwel evalwazzjoni u reviżjoni tal-politika fitosanitarja tal-Unjoni saru bejn l-2008 u l-2016 u rriżultaw fl-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 (“ir-Regolament”), li ħassar u ssostitwixxa d-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE 2 . Ir-Regolament bħalissa huwa l-qafas legali bażiku għall-politika tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-pjanti.

    L-Artikolu 50 u l-Artikolu 79(6) tar-Regolament ippreskrivew li l-Kummissjoni, sa tmiem l-2021, tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapporti dwar l-infurzar u l-effettività tal-miżuri ta’ importazzjoni, u l-esperjenza miksuba mill-operaturi mill-estensjoni tal-passaport tal-pjanti għall-pjanti kollha għat-tħawwil (“ir-rapporti ppreżentati f’konformità mal-Artikolu 50 u mal-Artikolu 79(6)”).

    Il-Kummissjoni ppreżentat dawn ir-rapporti fl-10 ta’ Diċembru 2021.

    Ir-rapport dwar il-miżuri ta’ importazzjoni kkonkluda li jista’ jitqies li dawk il-miżuri ta’ importazzjoni, kif ukoll l-inklużjoni tal-kontrolli tas-saħħa tal-pjanti fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 ikkontribwew biex jintlaħqu l-objettivi sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni fitosanitarja tal-Unjoni u sabiex tiżdied azzjoni proattiva kontra l-pesti f’konformità mar-regoli tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti (IPPC) permezz ta’ approċċi bbażati fuq ir-riskju u trasparenti.

    Ir-rapport dwar l-estensjoni tas-sistema tal-passaport tal-pjanti għall-pjanti kollha għat-tħawwil ikkonkluda li dik l-estensjoni kkontribwiet għall-ilħuq tal-objettivi tar-Regolament. B’mod aktar speċifiku, ikkontribwiet għal aktar effettività tal-protezzjoni kontra l-pesti ta’ kwarantina, titjib fit-tħejjija għall-identifikazzjoni ta’ pesti ġodda tal-pjanti li huma ta’ tħassib għall-Unjoni, fehim u sensibilizzazzjoni mtejba min-naħa tal-partijiet ikkonċernati rilevanti dwar l-importanza tas-saħħa tal-pjanti, u possibbiltà akbar li jiġu identifikati l-pesti.

    Ir-rapporti identifikaw oqsma għal aktar diskussjoni biex jittejbu l-effettività u l-implimentazzjoni prattika tar-regoli għas-saħħa tal-pjanti iżda wkoll għall-kontrolli uffiċjali. Dawk id-diskussjonijiet saru fl-2022 mal-Uffiċjali Kapijiet fil-Qasam tas-Saħħa tal-Pjanti tal-Istati Membri, kif ukoll mal-assoċjazzjonijiet tal-Unjoni rilevanti għas-saħħa tal-pjanti. Dawn wasslu għall-konklużjoni li kien meħtieġ ċertu titjib tas-sistema, li kien possibbli biss billi jiġi emendat ir-Regolament. Dak it-titjib jirreferi għall-ħtieġa ta’ (i) dikjarazzjonijiet dwar iċ-ċertifikat fitosanitarju għal pesti regolati mhux ta’ kwarantina (RNQPs), (ii) rapportar tan-nuqqasijiet ta’ konformità mar-regoli tal-RNQP fis-sistema elettronika ta’ notifika (sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali – IMSOC), (iii) regoli proċedurali għas-sottomissjoni u għall-eżami tat-talbiet ta’ pajjiżi terzi għal derogi temporanji mill-projbizzjonijiet fuq l-importazzjoni, (iv) proċeduri għall-identifikazzjoni u għall-elenkar ta’ pjanti ta’ riskju għoli u (v) razzjonalizzazzjoni tal-obbligu li jitwaħħal passaport tal-pjanti ma’ ċerti pjanti.

    Ġie identifikat aktar titjib permezz ta’ elementi li jirriżultaw mill-esperjenza miksuba mill-Kummissjoni matul l-ewwel 5 snin tal-applikazzjoni tar-Regolament, fir-rigward ta’ (i) miżuri kontra pesti li jikkwalifikaw bħala pesti ta’ kwarantina iżda li għadhom ma ġewx ivvalutati bis-sħiħ, (ii) il-ħtieġa ta’ atti awtonomi għall-adozzjoni ta’ derogi temporanji mill-projbizzjonijiet fuq l-importazzjoni, u mir-rekwiżiti speċjali tal-importazzjoni, (iii) il-ħtieġa li jiġu stabbiliti rekwiżiti temporanji tal- importazzjoni għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħrajn li lkoll tneħħew mil-lista ta’ pjanti ta’ riskju għoli iżda li fil-każ tagħhom ir-riskju fitosanitarju ma ġiex ivvalutat bis-sħiħ, (iv) l-istabbiliment ta’ rekwiżiti għall-ekwivalenza tal-pajjiżi terzi, u (v) l-attestazzjonijiet uffiċjali alternattivi.

    Fl-aħħar nett, ċerti elementi ta’ rapportar ġew identifikati bħala li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-impenn tal-Kummissjoni li jiġu ssimplifikati l-obbligi ta’ rapportar tal-Istati Membri u tal-operaturi professjonali abbażi tal-Komunikazzjoni tagħha dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030” 4 .

    Ir-razzjonalizzazzjoni tal-obbligi ta’ rapportar

    Fir-rigward tar-razzjonalizzazzjoni tal-obbligi ta’ rapportar, il-Kummissjoni ħadet inizjattiva orizzontali. Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030”, hija saħqet fuq l-importanza ta’ sistema regolatorja li tiżgura li l-objettivi jintlaħqu bl-inqas spejjeż possibbli. Għalhekk hija impenjat ruħha li tagħti spinta ġdida biex tirrazzjonalizza u tissimplifika r-rekwiżiti ta’ rapportar, bl-għan aħħari li tnaqqas dawn il-piżijiet b’25 %, mingħajr ma timmina l-objettivi ta’ politika relatati.

    L-objettivi ġenerali tagħha jinġabru fil-qosor kif ġej:

    (a)li ttejjeb iċ-ċertezza u ċ-ċarezza legali għall-awtoritajiet kompetenti u għall-operaturi professjonali, kemm fl-Unjoni kif ukoll f’pajjiżi terzi;

    (b)li żżid t-trasparenza, il-flessibbiltà u l-konsistenza tal-proċeduri regolatorji tal-Unjoni;

    (c)li tikkontribwixxi permezz tad-diġitalizzazzjoni, għar-razzjonalizzazzjoni tal-obbligi ta’ rapportar u l-kompiti amministrattivi marbuta magħhom.

    Ir-rekwiżiti ta’ rapportar għandhom rwol ewlieni fl-iżgurar ta’ infurzar korrett u monitoraġġ xieraq tal-leġiżlazzjoni. B’mod ġenerali, il-kostijiet tagħhom huma,, fil-biċċa l-kbira kkumpensati sew bil-benefiċċju li jġibu magħhom, b’mod partikolari fil-monitoraġġ u fl-iżgurar tal-konformità ma’ miżuri ta’ politika ewlenin. Madankollu, ir-rekwiżiti ta’ rapportar jistgħu jimponu wkoll piżijiet sproporzjonati fuq il-partijiet ikkonċernati, li jaffettwaw b’mod partikolari lill-SMEs u lill-mikrokumpaniji. L-akkumulazzjoni tagħhom maż-żmien tista’ tirriżulta f’obbligi żejda, duplikati, jew obsoleti, frekwenza u twaqqit ineffiċjenti, jew f’metodi ta’ ġbir inadegwati.

    Għalhekk, il-proposta għandha l-għan ukoll li tirrazzjonalizza l-obbligi ta’ rapportar permezz ta’ taħlita ta’ miżuri:

    it-tneħħija ta’ rapporti li ma jkunux meħtieġa aktar;

    id-diġitalizzazzjoni tat-trażmissjoni tal-informazzjoni;

    tnaqqis fil-frekwenza tar-rekwiżiti ta’ rapportar

    Ir-rekwiżiti ta’ rapportar jikkonċernaw l-awtoritajiet pubbliċi u, f’ċerti każijiet, indirettament, l-operaturi professjonali. Skont l-emendi proposti, ċerti obbligi ta’ rapportar jitneħħew, filwaqt li oħrajn jiġu diġitalizzati jew jintalbu b’inqas frekwenza.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Il-proposta tintroduċi emendi li jikkonċernaw l-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet li jikkostitwixxu l-politika tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-pjanti. Dawn ma jbiddlux il-politika tal-Unjoni nnifisha dwar is-saħħa tal-pjanti. Għalhekk, l-emendi proposti huma konsistenti ħafna mal-politika eżistenti dwar is-saħħa tal-pjanti tal-Unjoni, u għandhom l-għan li jikkontribwixxu biex tkompli tiġi applikata aħjar.

    Il-proposti dwar l-obbligi ta’ rapportar huma parti mill-ewwel pakkett ta’ inizjattivi tal-Kummissjoni għar-razzjonalizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar. Dan huwa pass fi proċess kontinwu li janalizza b’mod komprensiv ir-rekwiżiti ta’ rapportar eżistenti, bil-ħsieb li jivvaluta r-rilevanza kontinwa tagħhom u jagħmilhom aktar effiċjenti.

    Il-proposta mhux se taffettwa l-ilħuq tal-objettivi fil-qasam tal-politika ħlief pożittivament, peress li se żżid it-trasparenza u tnaqqas il-piż amministrattiv għall-awtoritajiet kompetenti, għall-operaturi professjonali u għall-Kummissjoni.

    Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Il-konsistenza tar-Regolament ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni relatati mal-agrikoltura, u mal-ambjent, bħall-bijodiversità u t-tibdil fil-klima, hija żgurata mid-dispożizzjonijiet eżistenti tiegħu u mill-implimentazzjoni tagħhom. Peress li l-emendi tekniċi proposti ma jbiddlux id-direzzjoni politika tar-Regolament, il-konsistenza ma’ dawk il-politiki tibqa’ l-istess.

    Il-Kummissjoni tiżgura li l-leġiżlazzjoni tagħha tkun adatta għall-iskop tagħha u mmirata lejn il-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati. Din timminimizza l-piżijiet amministrattivi, filwaqt li tilħaq l-objettivi tagħha fl-ambitu tal-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT). L-emendi proposti jikkonċernaw ir-razzjonalizzazzjoni tal-obbligi ta’ rapportar, billi titnaqqas il-kumplessità tal-piżijiet marbuta mar-rapportar li jirriżultaw mill-qafas legali tal-Unjoni.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Il-proposta temenda l-implimentazzjoni teknika tar-regoli meħtieġa għall-ilħuq tal-objettivi tal-politika agrikola komuni, fis-settur tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-pjanti, tal-prodotti tal-pjanti u ta’ oġġetti oħrajn fl-Unjoni.

    F’dan ir-rigward, intgħażel l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jipprovdi l-bażi legali għall-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika agrikola komuni.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Skont l-Artikolu 4(2), il-punt (d), tat-TFUE, kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tapplika fil-qasam tal-agrikoltura u tas-sajd, minbarra l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar.

    Mill-adozzjoni tad-Direttiva 2000/29/KE u anke skont ir-Regolament, l-oqsma kollha tas-saħħa tal-pjanti ġew regolati fil-livell tal-Unjoni fil-biċċa l-kbira tagħhom. Dawk ir-regoli wrew li huma kontributur ewlieni għall-protezzjoni tat-territorju tal-Unjoni minn pesti u mard. Bl-istess mod, l-objettivi tal-emendi proposti jistgħu jintlaħqu aħjar billi l-kwistjonijiet ikkonċernati jiġu regolati esklużivament fil-livell tal-Unjoni.

    Fir-rigward tal-obbligi ta’ rapportar, ir-rekwiżiti kkonċernati diġà huma stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni. Bl-istess mod, ir-razzjonalizzazzjoni tagħhom għandha ssir fil-livell tal-Unjoni.

    Proporzjonalità

    Il-miżuri proposti huma limitati għal azzjonijiet li jeħtieġ li jittieħdu fil-livell tal-Unjoni sabiex ikunu effettivi u effiċjenti. Sabiex jinkisbu l-effettività u l-effiċjenza ta’ dawn l-azzjonijiet, l-emenda tar-Regolament titqies l-aktar xierqa, meta wieħed iqis li element ewlieni tal-proposta huwa li tissaħħaħ l-implimentazzjoni ta’ miżuri armonizzati għall-Istati Membri. Ir-rekwiżiti uniformi permezz tar-Regolament huma l-uniku mod biex jiġi żgurat livell għoli ta’ kwalità għal dawk li japplikaw ir-Regolament, il-funzjonament tas-suq intern u kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi kif ukoll produzzjoni agrikola u alimentari sostenibbli.

    Ir-razzjonalizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar tissimplifika l-qafas legali billi tintroduċi bidliet minimi għar-rekwiżiti eżistenti li ma jaffettwawx is-sustanza tal-objettiv ta’ politika usa’. Il-proposta hija għalhekk limitata għal dawk il-bidliet li huma meħtieġa biex jiġi żgurat rapportar effiċjenti mingħajr ma jinbidel l-ebda wieħed mill-elementi sostantivi tal-leġiżlazzjoni kkonċernata.

    Għażla tal-istrument

    Il-proposta tieħu l-forma ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Mezzi oħrajn ma jkunux xierqa minħabba li l-proposta temenda d-dispożizzjonijiet bażiċi ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li l-Kummissjoni ma għandhiex is-setgħa li tikseb permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni għalihom.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Ir-rapporti ppreżentati f’konformità mal-Artikolu 50 u l-Artikolu 79(6) tar-Regolament ġew appoġġati minn konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati li kienet tinkludi, meta meħtieġ, il-ġbir tad-data disponibbli dwar l-importazzjonijiet.

    Fir-rigward tal-obbligi ta’ rapportar, evalwazzjoni ex post jew kontroll tal-idoneità ma humiex applikabbli.

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Għat-tħejjija tar-rapporti ppreżentati f’konformità mal-Artikolu 50 u l-Artikolu 79 tar-Regolament, saret konsultazzjoni estensiva li indirizzat il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha. Fl-ewwel stadju, il-Grupp ta’ Esperti dwar is-Saħħa tal-Pjanti, li jikkonsisti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għas-saħħa tal-pjanti, u għaċ-ċertifikazzjoni tal-materjal ta’ propagazzjoni tal-pjanti u tal-foresti, il-Parlament Ewropew, u l-assoċjazzjonijiet professjonali rilevanti fil-livell tal-Unjoni, ġew mistiedna jipparteċipaw fil-proċess tal-iżvilupp ta’ kwestjonarji adatti għall-iskop. Ġew żviluppati total ta’ ħames kwestjonarji dettaljati dwar il-proċeduri tal-importazzjoni, il-projbizzjonijiet fuq l-importazzjoni, iċ-ċertifikati fitosanitarji għall-importazzjonijiet, il-kontrolli uffiċjali, u l-passaporti tal-pjanti, li jinkludu total ta’ 234 mistoqsija u li jkopru l-bidliet ewlenin introdotti bir-Regolament.

    L-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni u l-assoċjazzjonijiet professjonali fil-livell tal-Unjoni ġew mistiedna jipparteċipaw fil-proċess ta’ konsultazzjoni permezz ta’ stedina apposta, filwaqt li l-assoċjazzjonijiet nazzjonali u l-operaturi individwali tal-Unjoni ġew infurmati minn dawk l-awtoritajiet kompetenti u l-assoċjazzjonijiet professjonali fil-livell tal-Unjoni dwar il-possibbiltà li jipparteċipaw fil-konsultazzjoni permezz ta’ link ta’ aċċess miftuħ. Minħabba n-natura teknika ħafna tal-bidliet, ġew indirizzati biss ftit mistoqsijiet lill-pubbliku li ġie kkuntattjat permezz tal-media soċjali.

    Waslu total ta’ 563 tweġiba, li analiżi dettaljata tagħhom ġiet ippreżentata fil-ħames rapporti tekniċi 5 prodotti mid-DĠ SANTE tal-Kummissjoni u miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC).

    Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati mal-importazzjoni, il-fehmiet tal-Istati Membri kienu pożittivi dwar id-dispożizzjonijiet u l-proposti li pprovdew ċarezza fil-kontrolli tas-saħħa tal-pjanti u protezzjoni msaħħa ulterjuri tal-Unjoni kontra l-pesti. L-assoċjazzjonijiet fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri qiesu li ċerti dispożizzjonijiet, bħall-projbizzjonijiet temporanji ta’ pjanti ta’ riskju għoli, ikkawżaw diffikultajiet fil-kummerċ diġà stabbilit, u b’hekk talbu aktar ċarezza legali u trasparenza. L-assoċjazzjonijiet talbu aktar ċarezza u trasparenza legali anke għal proċeduri oħrajn li jistgħu jikkontribwixxu b’mod pożittiv għall-kummerċ, bħad-derogi minn projbizzjonijiet permanenti. Dan qed jiġi indirizzat bil-proposta kurrenti. Fir-rigward tal-passaporti tal-pjanti, il-partijiet ikkonċernati qiesu li l-irbit tagħhom ma’ kull unità kummerċjali joħloq piż amministrattiv addizzjonali u kostijiet assoċjati li jisbqu l-benefiċċji addizzjonali perċepiti tagħhom. Dan huwa indirizzat ukoll f’din il-proposta.

    Ġbir u użu tal-għarfien espert

    Minbarra l-emendi proposti li jirriżultaw mir-rapporti ppreżentati f’konformità mal-Artikolu 50 u l-Artikolu 79(6) tar-Regolament, il-proposta tinkludi emendi li jirriżultaw mill-esperjenza miksuba mill-Kummissjoni matul l-ewwel 5 snin tal-applikazzjoni tar-Regolament. Filwaqt li ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati għal dawn il-proposti, l-emendi speċifiċi proposti jirreferu għal proċeduri li tqiesu problematiċi fl-implimentazzjoni tagħhom u għandhom l-għan li jipprovdu ċarezza u ċertezza legali għall-awtoritajiet kompetenti, għall-operaturi u għall-pajjiżi terzi.

    Fir-rigward tal-obbligi ta’ rapportar, dawn il-proposti ġew identifikati wara proċess ta’ skrutinju intern tal-obbligi ta’ rapportar eżistenti u abbażi tal-esperjenza mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni relatata. Peress li dan huwa pass fil-proċess ta’ valutazzjoni kontinwa tar-rekwiżiti ta’ rapportar li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-iskrutinju ta’ tali piżijiet u tal-impatt tagħhom fuq il-partijiet ikkonċernati se jibqa’ għaddej.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Skont l-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni, l-emendi proposti ma għandhomx impatti ekonomiċi, ambjentali, jew soċjali sinifikanti. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma twettaqx valutazzjoni tal-impatt għall-emendi tekniċi mmirati li huma inklużi fil-proposta.

    Il-proposta hija parzjalment ir-riżultat tar-rapporti ppreżentati mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 50 u l-Artikolu 79 tar-Regolament 2016/2031. Hija bbażata wkoll fuq l-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031. Għat-tħejjija tar-rapport saret konsultazzjoni estensiva mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha. Wara s-sottomissjoni ta’ dawk ir-rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-10 ta’ Diċembru 2021, ġew identifikati oqsma li jistħoqqilhom aktar diskussjoni. Għalhekk, fl-2022 saru diskussjonijiet mal-Uffiċjali Kapijiet fil-Qasam tas-Saħħa tal-Pjanti u mal-assoċjazzjonijiet tal-UE rilevanti għas-saħħa tal-pjanti u għall-materjal riproduttiv tal-pjanti u tal-foresti, li wasslu għall-konklużjoni li kien meħtieġ ċertu titjib u dan kien possibbli biss billi jiġi emendat ir-Regolament. Fir-rigward tal-obbligi ta’ rapportar, l-emendi proposti jikkonċernaw bidliet limitati u mmirati tal-leġiżlazzjoni bil-għan li jiġu rrazzjonalizzati r-rekwiżiti ta’ rapportar. Dawn huma bbażati fuq l-esperjenza mill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rispettiva. Dawk l-emendi ma għandhomx impatti sinifikanti fuq il-politika, iżda jiżguraw biss implimentazzjoni aktar effiċjenti u effettiva. Minħabba n-natura mmirata tagħhom u n-nuqqas ta’ għażliet ta’ politika rilevanti, ma hijiex meħtieġa valutazzjoni tal-impatt.

    B’mod ġenerali, kwalunkwe impatt tal-emendi proposti huwa mistenni li jkun minimu u pożittiv kemm għall-awtoritajiet kompetenti kif ukoll għall-operaturi professjonali. Dawn se jnaqqsu l-piż amministrattiv, iżidu ċ-ċarezza legali u jiffaċilitaw il-kummerċ tal-prodotti bażiċi rispettivi.

    Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    Il-proposta tintroduċi dispożizzjonijiet immirati li jtejbu sistema li diġà tiffunzjona permezz ta’ reġim regolatorju aktar sempliċi, aktar ċar u inqas oneruż għall-operaturi tal-UE u għall-awtoritajiet kompetenti u permezz ta’ trasparenza akbar għall-pajjiżi terzi.

    Fir-rigward tal-obbligi ta’ rapportar, din il-proposta għandha l-għan li tissimplifika l-leġiżlazzjoni u tnaqqas il-piżijiet għall-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari l-awtoritajiet amministrattivi. Din għandha l-għan li timminimizza l-kostijiet tal-konformità billi tnaqqas il-piż amministrattiv u l-ammont ta’ xogħol tal-awtoritajiet nazzjonali permezz tat-tneħħija ta’ ċerti obbligi ta’ rapportar. Fir-rigward tat-tneħħija tal-obbligu ta’ rapportar annwali tal-postijiet taż-żoni demarkati, dik l-informazzjoni tista’ tinkiseb mis-sistema ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni (EUROPHYT) dwar ir-rapportar ta’ tifqigħat.

    Il-proposta għandha wkoll l-għan li tirrazzjonalizza l-obbligu ta’ rapportar rigward il-programmi ta’ stħarriġ pluriennali permezz tal-estensjoni tal-frekwenza kurrenti tat-twettiq ta’ dawk l-istħarriġiet minn 5 sa 7 snin għal 10 snin. Dan se jipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali bi żmien addizzjonali biex iwettqu l-istħarriġiet rispettivi. Fl-aħħar nett, il-proposta għandha l-għan li tiddiġitalizza ċerti obbligi ta’ rapportar, filwaqt li tqis is-sistemi ta’ informazzjoni żviluppati u attwalment applikabbli għall-finijiet tar-Regolament (UE) 2017/625 kif ukoll sistema tal-IT għall-istħarriġiet dwar is-saħħa tal-pjanti. Tali diġitalizzazzjoni tagħmel l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ rapportar rispettivi aktar xierqa għall-ambjent diġitali.

    Drittijiet fundamentali

    L-emendi proposti ma għandhom l-ebda effett fuq id-drittijiet fundamentali protetti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Ma hemm l-ebda implikazzjoni baġitarja.

    5.ELEMENTI OĦRA

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

    L-arranġamenti ta’ rapportar huma rrazzjonalizzati. Ma ġiet introdotta l-ebda emenda dwar il-pjanijiet ta’ implimentazzjoni u l-obbligi ta’ monitoraġġ. Se jingħata perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ 6 xhur lill-pajjiżi terzi fir-rigward tal-obbligu li jindikaw, fid-dikjarazzjoni addizzjonali taċ-ċertifikat fitosanitarju, il-miżuri applikati minnhom fir-rigward tar-regoli tal-RNQPs.

    Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-Direttivi)

    Mhux applikabbli

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    (i)Kjarifika dwar il-miżuri kontra pesti li temporanjament jikkwalifikaw bħala pesti ta’ kwarantina iżda li għadhom ma ġewx ivvalutati bis-sħiħ.

    L-Artikolu 30 tar-Regolament jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, miżuri temporanji dwar ir-riskju ta’ pesti li għadhom ma humiex ivvalutati bis-sħiħ u li għadhom ma humiex regolati bħala pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni. Dan joffri l-possibbiltà li dawk il-pesti jiġu ttrattati bħala pesti ta’ kwarantina elenkati fl-Unjoni. Dik id-dispożizzjoni ma tiddikjarax b’mod ċar jekk dawk il-miżuri jkoprux ukoll rekwiżiti speċjali ta’ importazzjoni għall-pjanti u għal prodotti bażiċi oħrajn.

    Għalhekk, u minħabba raġunijiet ta’ aktar ċarezza, il-proposta temenda l-Artikolu 30(1) tar-Regolament biex tispeċifika li l-miżuri temporanji li għandhom jiġu adottati jistgħu jkopru kemm il-moviment intern tal-pjanti u ta’ prodotti bażiċi oħrajn fl-Unjoni kif ukoll l-importazzjonijiet tagħhom fl-Unjoni.

    (ii)Emenda tar-rekwiżiti rigward id-dikjarazzjonijiet dwar iċ-ċertifikat fitosanitarju għal pesti regolati mhux ta’ kwarantina (RNQPs)

    L-Artikolu 71(1) tar-Regolament jirrikjedi li l-pajjiż terz jiċċertifika l-assenza ta’ pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni u n-nuqqas ta’ pesti regolati mhux ta’ kwarantina (RNQPs) (jew il-konformità mal-livelli ta’ tolleranza rilevanti għalihom) fuq il-pjanti u l-prodotti bażiċi rispettivi. Dan isir permezz ta’ dikjarazzjoni standard fiċ-ċertifikat fitosanitarju rigward il-konformità tal-kunsinna mar-regoli tal-importazzjoni għall-pesti ta’ kwarantina kif ukoll għall-RNQPs.

    F’konformità mal-Istandard Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji (ISPM) Nru 12, l-Artikolu 71(2) tar-Regolament jirrikjedi li, meta jkunu possibbli diversi għażliet skont ir-rekwiżiti speċjali applikabbli ta’ importazzjoni, il-pajjiż terz jiddikjara fuq iċ-ċertifikat fitosanitarju liema għażla jkun applika, sabiex tiġi żgurata l-libertà mill-pesti ta’ kwarantina. Madankollu, din id-dispożizzjoni tapplika biss għall-pesti ta’ kwarantina u mhux għall-RNQPs.

    Għalhekk, il-proposta temenda l-Artikolu 71(2) tar-Regolament, sabiex il-pajjiżi terzi jiddikjaraw fiċ-ċertifikat fitosanitarju kif ġiet żgurata l-konformità mar-regoli tal-RNQP, jekk ikunu disponibbli għażliet differenti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Din l-emenda tkun konformi wkoll mal-Istandard Internazzjonali rilevanti.

    (iii)Ir-rapportar ta’ nuqqasijiet ta’ konformità mar-regoli tal-RNQP fis-sistema elettronika ta’ notifika (Sistema ta’ Ġestjoni tal-Informazzjoni għall-Kontrolli Uffiċjali – IMSOC).

    Skont ir-Regolament hemm obbligu li jiġu rrapportati lill-IMSOC nuqqasijiet ta’ konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar il-pesti ta’ kwarantina (eż. il-preżenza ta’ pesti ta’ kwarantina tal-Unjoni fuq pjanti importati). Dak l-obbligu ma jeżistix fir-Regolament għar-regoli dwar l-RNQPs.

    L-assenza ta’ dan ir-rekwiżit għall-RNQPs wassal għal approċċi mhux armonizzati u mhux diġitalizzati fost l-Istati Membri fir-rigward tal-mezzi ta’ rapportar lill-Unjoni u lill-pajjiż terz dwar nuqqasijiet ta’ konformità mar-regoli dwar l-RNQPs.

    Għalhekk, il-proposta temenda l-Artikoli 37 u 104 tar-Regolament biex tiżgura li n-nuqqasijiet ta’ konformità mar-regoli dwar l-RNQPs u l-azzjonijiet ta’ segwitu jiġu nnotifikati b’mod armonizzat fl-Unjoni. Dan se jiżgura wkoll konsistenza mar-regoli rispettivi dwar il-pesti ta’ kwarantina u se jżid b’mod ġenerali l-livell tal-protezzjoni fitosanitarja tal-UE.

    (iv)L-introduzzjoni ta’ setgħa għal att tal-Kummissjoni biex jadotta, b’atti awtonomi, derogi temporanji mill-projbizzjonijiet fuq l-importazzjoni u mir-rekwiżiti speċjali tal-importazzjoni, u rekwiżiti speċjali temporanji tal-importazzjoni għal prodotti bażiċi li tneħħew mil-lista ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħrajn ilkoll b’riskju għoli, iżda li fil-każ tagħhom ir-riskju ta’ pesti ma ġiex ivvalutat bis-sħiħ. .

    L-Artikolu 40 tar-Regolament dwar il-projbizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet ta’ pjanti, ta’ prodotti tal-pjanti jew ta’ oġġetti oħrajn minn pajjiżi terzi, jistabbilixxi l-obbligu għall-Kummissjoni li tistabbilixxi lista unika li jkun fiha dawk il-projbizzjonijiet. Dawk il-projbizzjonijiet huma relatati ma’ pest ta’ kwarantina speċifiku wieħed jew aktar, ma għandhomx data ta’ skadenza, u normalment japplikaw għall-pajjiżi terzi kollha jew għal ħafna minnhom.

    Madankollu, skont ir-regoli tal-SPS, pajjiż terz għandu jitħalla jitlob deroga minn dawk il-projbizzjonijiet fuq l-importazzjoni jekk iqis li għandu stabbilita sistema li tista’ tiggarantixxi l-livell ta’ protezzjoni fitosanitarja meħtieġ mill-Unjoni. Għal każijiet bħal dawn hemm il-ħtieġa li jingħataw derogi temporanji mill-projbizzjonijiet rilevanti.

    B’mod simili għall-każ ta’ deroga mill-projbizzjonijiet fuq l-importazzjoni, hemm każijiet fejn tirriżulta l-ħtieġa li jingħataw derogi temporanji mir-rekwiżiti speċjali u ekwivalenti deskritti fil-lista tal-Artikolu 41(2). Pereżempju, pajjiż terz jista’ jitlob li l-Unjoni taċċetta miżuri alternattivi li hija tqis effiċjenti biex tnaqqas għal livell aċċettabbli r-riskju tal-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħrajn b’pesti. Il-proposta tintroduċi l-possibbiltà li tiġi adottata deroga mir-rekwiżiti speċjali tal-Artikolu 41(2) abbażi ta’ valutazzjoni provviżorja.

    Tali derogi temporanji normalment jikkonċernaw pajjiż terz wieħed, jew parti minnu. Dawn għandhom jingħataw biss jekk jiġu ssodisfati rekwiżiti speċjali ta’ importazzjoni dettaljati ħafna. Dawk ir-rekwiżiti jistgħu jkopru l-passi kollha mill-produzzjoni sal-esportazzjoni lejn l-Unjoni, bħall-metodi ta’ produzzjoni, it-trattamenti u metodi oħrajn biex jiġi mmitigat ir-riskju tal-pesti rilevanti, kif ukoll l-ispezzjonijiet viżwali, il-kampjunar, l-ittestjar u miżuri fitosanitarji oħrajn biex jintlaħaq il-livell ta’ protezzjoni meħtieġ mill-Unjoni. Dawk id-derogi għandhom jiġu previsti f’atti awtonomi għal perjodu ta’ żmien temporanju biex tkun tista’ ssir valutazzjoni sħiħa tal-effettività tal-miżuri u modifika flessibbli tal-kundizzjonijiet jew tad-deroga nnifisha, jekk din tkun meħtieġa. Ladarba l-miżuri temporanji jkunu ġew stabbiliti u awditjati, u ssir disponibbli valutazzjoni sħiħa, l-istatus temporanju tad-deroga jista’ jitneħħa. Fir-rigward ta’ prodotti bażiċi soġġetti għal derogi mill-projbizzjonijiet fuq l-importazzjoni, f’dak il-punt il-prodott bażiku rispettiv mill-pajjiż terz ikkonċernat, minħabba f’hekk, se jiġi inkluż fil-lista ta’ rekwiżiti speċjali ta’ importazzjoni adottati skont l-Artikolu 41(2) tar-Regolament. Bl-istess mod, jekk fil-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ deroga temporanja jsir evidenti li r-riskju ma jitnaqqasx għal livell aċċettabbli, dik id-deroga titneħħa minnufih u l-prodott bażiku rispettiv mill-pajjiż terz ikkonċernat jitqiegħed fil-lista ta’ prodotti bażiċi pprojbiti skont l-Artikolu 40 tar-Regolament.

    Minbarra d-derogi mill-projbizzjonijiet fuq l-importazzjoni u mir-rekwiżiti speċjali tal- importazzjoni, l-esperjenza meta tneħħew prodotti bażiċi mil-lista ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħrajn ilkoll ta’ riskju għoli wriet li hemm każijiet fejn, filwaqt li r-riskju ġenerali tal-prodott bażiku jkun ġie vvalutat, ċerti pesti identifikati ma jkunux ġew ivvalutati. Għalhekk, hemm bżonn li jiġu adottati rekwiżiti speċjali temporanji ta’ importazzjoni sabiex dawk ir-riskji ta’ pesti jkunu jistgħu jiġu vvalutati bis-sħiħ. Ladarba dak ir-riskju jkun ġie indirizzat bis-sħiħ, il-prodott bażiku rispettiv mill-pajjiż terz ikkonċernat jiġi inkluż fil-lista adottata skont l-Artikolu 41(2) tar-Regolament jew jingħata ekwivalenza.

    Biex ikun hemm aktar ċarezza u trasparenza fil-proċess tal-għoti ta’ derogi temporanji mill-projbizzjonijiet fuq l-importazzjoni u mir-rekwiżiti speċjali tal-importazzjoni, u fil-proċess tal-impożizzjoni ta’ rekwiżiti speċjali ta’ importazzjoni u rekwiżiti speċjali temporanji ta’ importazzjoni għal prodotti bażiċi li tneħħew mil-lista ta’ pjanti ta’ riskju għoli, kif ukoll prodotti tal-pjanti u oġġetti oħrajn li fil-każ tagħhom ir-riskju ta’ pesti ma ġiex ivvalutat bis-sħiħ, il-proposta tintroduċi Artikolu 42a ġdid fir-Regolament li jipprevedi setgħa separata lill-Kummissjoni biex tadotta atti ta’ implimentazzjoni awtonomi, li jindirizzaw dawk id-derogi temporanji mill-projbizzjonijiet stabbiliti, jew mir-rekwiżiti speċjali ta’ importazzjoni.

    (v)L-introduzzjoni ta’ setgħa għal att tal-Kummissjoni biex jiġu adottati regoli proċedurali għall-preżentazzjoni u għall-eżami tat-talbiet ta’ pajjiżi terzi għal derogi temporanji mill-projbizzjonijiet fuq l-importazzjoni jew mir-rekwiżiti ta’ importazzjoni.

    L-Artikolu 40 tar-Regolament jintroduċi r-regoli dwar il-projbizzjonijiet fuq l-importazzjoni għal ċerti pjanti ta’ ċerti oriġini, filwaqt li l-Artikolu 41 jintroduċi r-regoli dwar ir-rekwiżiti ta’ importazzjoni u l-moviment għal ċerti pjanti ta’ ċerti oriġini. Kif spjegat fir-rigward tal-emenda proposta preċedenti, fuq talba minn pajjiż terz, il-Kummissjoni tagħti f’ċerti każijiet derogi temporanji lil pajjiżi terzi minn dawk il-projbizzjonijiet, biex tippermetti l-importazzjoni ta’ xi wħud mill-pjanti jew prodotti bażiċi oħrajn tagħhom jew mir-rekwiżiti ta’ importazzjoni u l-moviment, li jippermettu l-importazzjoni u l-moviment ulterjuri fl-Unjoni ta’ xi wħud mill-pjanti jew minn prodotti bażiċi oħrajn tagħhom.

    Madankollu, ma teżisti l-ebda proċedura standardizzata għall-valutazzjoni tat-talbiet ta’ dawk il-pajjiżi terzi. Bħalissa, meta tasal talba għal deroga temporanja bħal din minn pajjiż terz, il-proċedura għall-għoti tad-deroga hija bbażata fuq talba ad hoc għall-informazzjoni u deċiżjoni ad hoc dwar jekk l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) tiġix involuta jew le f’dik il-valutazzjoni. Proċedura standardizzata tipprovdi regoli għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u, b’konsegwenza ta’ dan, it-trasparenza li bħalissa hija nieqsa.

    Għalhekk, il-proposta tintroduċi fl-Artikolu 42a il-ġdid tar-Regolament setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta regoli dwar proċedura standardizzata dwar kif għandha tiġi ppreżentata u eżaminata talba għall-għoti ta’ derogi temporanji mill-projbizzjonijiet fuq l-importazzjoni jew mir-rekwiżiti ta’ importazzjoni. Dawk ir-regoli jistgħu jinkludu struzzjonijiet dwar is-sottomissjoni tad-dossiers rispettivi u l-elementi għall-valutazzjoni.

    (vi)L-introduzzjoni ta’ setgħa għal Att delegat biex jiġu adottati proċeduri għall-identifikazzjoni u għall-elenkar ta’ pjanti ta’ riskju għoli.

    Skont l-Artikolu 42 tar-Regolament, l-elenkar provviżorju tal-pjanti bħala pjanti ta’ riskju għoli għandu jkun ibbażat fuq valutazzjoni preliminari. Madankollu, ma hemm stabbilit l-ebda dettall ieħor dwar kif għandha titwettaq din il-valutazzjoni. Sal-lum, kien hemm biss elenkar wieħed ta’ diversi speċijiet ta’ pjanti bħala pjanti ta’ riskju għoli bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 6 . L-esperti tal-Istati Membri ħadu sehem fil-proċess tat-tfassil tal-lista ta’ pjanti ta’ riskju għoli billi ppreżentaw proposti li ġew ivvalutati bir-reqqa u dik il-valutazzjoni qieset l-evidenza xjentifika u teknika.

    Madankollu, diversi atturi kkaratterizzaw il-proċedura bħala mhux trasparenti biżżejjed, speċjalment fid-dawl tal-fatt li dan il-proċess wassal għal projbizzjoni provviżorja ta’ kummerċ diġà eżistenti.

    Għalhekk, u minħabba raġunijiet ta’ trasparenza, dik il-proċedura u l-elementi meħtieġa għall-valutazzjoni għandhom jiġu deskritti. F’dan ir-rigward, il-proposta temenda l-Artikolu 42 tar-Regolament billi tintroduċi setgħa li tippermetti lill-Kummissjoni tadotta att delegat li jiddeskrivi l-proċedura għall-identifikazzjoni u għall-elenkar ta’ dawk il-pjanti ta’ riskju għoli, u l-elementi speċifiċi meħtieġa biex titwettaq il-valutazzjoni.

    (vii)Il-kjarifika tal-bażi ġuridika biex jiġu stabbiliti r-rekwiżiti għall-ekwivalenza tal-pajjiżi terzi, sabiex issir referenza mhux biss għar-rekwiżiti tal-moviment intern iżda wkoll għar-rekwiżiti eżistenti ta’ importazzjoni, f’konformità mal-Istandard Internazzjonali rilevanti.

    F’konformità mal-Artikolu 44 tar-Regolament, il-Kummissjoni għandha s-setgħa, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, li tistabbilixxi rekwiżiti ekwivalenti għas-sistemi ta’ pajjiżi terzi, meta tali pajjiżi jipprovdu livell ta’ protezzjoni fitosanitarja li jkun ekwivalenti għar-rekwiżiti speċjali applikabbli għall-moviment ta’ pjanti u ta’ merkanzija oħra fit-territorju tal-Unjoni. F’każijiet bħal dawn, is-sistema fitosanitarja tal-pajjiż terz tiġi vvalutata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), segwita minn deċiżjoni tal-Unjoni li tikkunsidra r-rekwiżiti rispettivi bħala ekwivalenti jew le.

    Il-possibbiltà li jiġu stabbiliti rekwiżiti ekwivalenti għas-sistemi ta’ pajjiżi terzi biss meta r-rekwiżiti għall-moviment intern tal-pjanti, tal-prodotti tal-pjanti jew ta’ oġġetti oħrajn ikunu stabbiliti hija restrittiva, minħabba li ma tkoprix il-każijiet fejn ma jeżisti l-ebda rekwiżit bħal dan għall-moviment fl-Unjoni, peress li l-pest rispettiv ma huwiex magħruf li huwa preżenti fit-territorju tal-Unjoni; madankollu, hemm stabbiliti rekwiżiti speċjali ta’ importazzjoni. Minħabba din ir-raġuni, u skont l-emenda proposta, il-pajjiż terz ikkonċernat se jkun meħtieġ jiżgura livell ta’ protezzjoni fitosanitarja li jkun ekwivalenti mhux biss għar-rekwiżiti għall-moviment intern tal-pjanti u l-prodotti bażiċi rispettivi, iżda wkoll għar-rekwiżiti speċjali ta’ importazzjoni minn pajjiżi terzi oħrajn għal dawk il-pjanti jew prodotti bażiċi, jekk dawn ir-rekwiżiti speċjali ta’ importazzjoni jkunu stabbiliti.

    Għalhekk, il-proposta temenda l-Artikolu 44(1) tar-Regolament biex tespandi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti.

    (viii)L-introduzzjoni ta’ setgħa għal att tal-Kummissjoni, biex jiġi rrazzjonalizzat l-obbligu li jitwaħħal passaport tal-pjanti ma’ ċerti pjanti.

    L-Artikolu 88 tar-Regolament jistabbilixxi obbligu li l-passaport tal-pjanti jitwaħħal mal-pjanti, mal-prodotti tal-pjanti jew ma’ oġġetti oħrajn rispettivi kollha, mingħajr ma tiġi permessa l-ebda eċċezzjoni. Madankollu, f’ċerti każijiet, bħal dak ta’ zkuk tal-injam jew ta’ kwadrati ta’ ħaxix (turf), in-natura ta’ ċerti prodotti bażiċi, jew il-veloċità tal-kummerċ tagħhom bejn l-operaturi professjonali, hija tali li l-konformità ma’ dak l-obbligu ma tkunx prattika, jew saħansitra tkun impossibbli.

    Għalhekk, il-proposta temenda l-Artikolu 88 tar-Regolament billi tintroduċi setgħa lill-Kummissjoni telenka prodotti bażiċi speċifiċi li għandhom jiġu eżentati mill-obbligu li jitwaħħal il-passaport tal-pjanti fuqhom, u biex tiddetermina l-modalitajiet għall-applikazzjoni ta’ tali eżenzjoni.

    (ix)L-allinjament tal-possibbiltà li jiġu aċċettati attestazzjonijiet uffiċjali alternattivi maħruġa minn pajjiżi terzi mas-sitwazzjoni internazzjonali attwali.

    Skont l-Artikolu 99 tar-Regolament, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati li jistabbilixxu l-elementi li għandhom jidhru fl-attestazzjonijiet uffiċjali maħruġa minn pajjiżi terzi għal pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħrajn ilkoll speċifiċi u importati, minbarra l-materjal tal-imballaġġ tal-injam, li huma meħtieġa mill-istandards internazzjonali applikabbli. Madankollu, s’issa ma jeżisti l-ebda standard internazzjonali għal tali attestazzjonijiet. Dan minħabba li tali attestazzjonijiet uffiċjali normalment jirreferu għal tipi speċifiċi ħafna ta’ prodotti bażiċi u ta’ pajjiżi ta’ oriġini, filwaqt li l-istandards internazzjonali normalment ikunu ta’ natura aktar ġenerali. Din il-possibbiltà ristretta li jiġu aċċettati attestazzjonijiet uffiċjali, unikament meta jitfasslu f’konformità mal-istandards internazzjonali rilevanti, taffettwa wkoll id-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li ilha applikabbli għal ħafna snin.

    Għalhekk, il-proposta temenda l-Artikolu 99 tar-Regolament biex twessa’ r-rekwiżit dwar “l-istandards internazzjonali applikabbli”, billi tinkludi kriterji oħrajn bħala alternattiva għall-eżistenza ta’ standards internazzjonali, u biex il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati li jistabbilixxu l-elementi ta’ dawk l-attestazzjonijiet mingħajr il-ħtieġa li jiġu adottati standards internazzjonali.

    (x)Ir-razzjonalizzazzjoni tal-obbligi ta’ rapportar

    Il-proposta temenda l-Artikoli rilevanti tar-Regolament dwar l-obbligi ta’ rapportar li ġejjin:

    (a)it-tneħħija tar-rapportar annwali tal-għadd u l-postijiet taż-żoni demarkati stabbiliti, tal-pesti kkonċernati, u tal-miżuri rispettivi meħuda matul is-sena kalendarja preċedenti (l-Artikolu 18);

    (b)ir-razzjonalizzazzjoni tar-rapportar billi titnaqqas il-frekwenza tiegħu u jiġi estiż it-tul ta’ żmien tal-programmi ta’ stħarriġ pluriennali (jiġifieri, il-perjodu li matulu l-Istati Membri jridu jeżaminaw il-pesti ta’ kwarantina kollha) minn 5 sa 7 snin għal 10 snin (l-Artikolu 23).

    (c)id-diġitalizzazzjoni tal-miżuri ta’ rapportar li ġejjin:

    (i)ir-rapportar ad hoc ta’ żoni demarkati (l-Artikolu 18);

    (ii)ir-rapportar annwali tar-riżultati tal-istħarriġiet dwar il-pesti ta’ kwarantina (l-Artikolu 22);

    (iii)ir-rapportar tal-programmi ta’ stħarriġ pluriennali (l-Artikolu 23);

    (iv)ir-rapportar annwali tar-riżultati tal-istħarriġiet dwar il-pesti ta’ prijorità (l-Artikolu 24);

    (v)ir-rapportar annwali tar-riżultati tal-istħarriġiet dwar il-pesti ta’ kwarantina f’żona protetta (l-Artikolu 34);

    Din l-inizjattiva tinkludi wkoll l-istabbiliment ta’ sistema elettronika għas-sottomissjoni ta’ rapporti (l-Artikolu 103).

    (xi)Emendi rilevanti f’atti oħrajn tal-Unjoni u dispożizzjonijiet finali

    Mhux applikabbli.

    2023/0378 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ programmi ta’ stħarriġ pluriennali, notifiki dwar il-preżenza ta’ pesti regolati mhux ta’ kwarantina, derogi temporanji mill-projbizzjonijiet fuq l-importazzjoni u mir-rekwiżiti speċjali ta’ importazzjoni u l-istabbiliment ta’ proċeduri għall-għoti tagħhom, rekwiżiti temporanji ta’ importazzjoni għal pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħrajn ilkoll ta’ riskju għoli, l-istabbiliment ta’ proċeduri għall-elenkar ta’ pjanti ta’ riskju għoli, il-kontenut ta’ ċertifikati fitosanitarji, l-użu ta’ passaporti tal-pjanti u fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti ta’ rapportar għal żoni demarkati u stħarriġiet dwar il-pesti

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 7 ,,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)Ir-rekwiżiti ta’ rapportar għandhom rwol ewlieni fl-iżgurar tal-monitoraġġ xieraq u l-infurzar korrett tal-leġiżlazzjoni. Madankollu, huwa importanti li dawk ir-rekwiżiti jiġu ssimplifikati sabiex jiġi żgurat li jissodisfaw l-iskop li għalih kienu maħsuba u biex jiġi limitat il-piż amministrattiv.

    (2)Ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 8 jistabbilixxi regoli dwar miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti. Dawk ir-regoli jinkludu l-klassifikazzjoni u l-elenkar ta’ pesti regolati, ir-rekwiżiti li jikkonċernaw l-introduzzjoni u l-moviment fit-territorju tal-Unjoni ta’ ċerti pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħrajn, stħarriġiet, notifiki ta’ tifqigħat, miżuri biex jiġu eradikati l-pesti jekk jinstabu preżenti fit-territorju tal-Unjoni u ċ-ċertifikazzjoni.

    (3)Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2016/2031 fih għadd ta’ rekwiżiti ta’ rapportar fl-oqsma tal-istabbiliment ta’ żoni demarkati u stħarriġiet dwar pesti ta’ kwarantina, pesti ta’ prijorità u pesti ta’ kwarantina f’żoni protetti fl-Unjoni, li jenħtieġ li jiġu ssimplifikati f’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030” 9 .

    (4)F’konformità mal-Artikolu 18(6) tar-Regolament (UE) 2016/2031, sat-30 ta’ April ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn, dwar l-għadd u l-postijiet taż-żoni demarkati stabbiliti, il-pesti kkonċernati u l-miżuri rispettivi meħuda f’dan ir-rigward matul is-sena kalendarja preċedenti.

    (5)Kif uriet l-esperjenza matul l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031, huwa aktar effettiv, għall-fini ta’ koordinazzjoni tal-politika fitosanitarja fil-livell tal-Unjoni, li ż-żoni demarkati jiġu nnotifikati immedjatament wara l-istabbiliment tagħhom. In-notifika immedjata taż-żoni demarkati minn Stat Membru lill-Istati Membri l-oħrajn, lill-Kummissjoni u lill-operaturi professjonali tgħin biex ikun hemm sensibilizzazzjoni dwar il-preżenza u t-tixrid tal-pest ikkonċernat u biex tittieħed deċiżjoni dwar il-miżuri li jmiss. Għalhekk, l-Artikolu 18(6) tar-Regolament (UE) 2016/2031 jenħtieġ li jistabbilixxi obbligu għall-Istati Membri li jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn dwar iż-żoni demarkati immedjatament wara l-istabbiliment tagħhom, flimkien mal-pesti kkonċernati u l-miżuri rispettivi meħuda. Tali obbligu ma jżid l-ebda piż amministrattiv ġdid, minħabba li n-notifika immedjata taż-żoni demarkati hija obbligu eżistenti stabbilit fl-Anness I, il-punt 7.1, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1715 10 u bħalissa hija pprattikata mill-Istati Membri kollha. L-istabbiliment ta’ dak l-obbligu fl-Artikolu 18(6) tar-Regolament (UE) 2016/2031 se jkompli jtejjeb iċ-ċarezza dwar ir-regoli applikabbli li jikkonċernaw iż-żoni demarkati, filwaqt li l-obbligu rispettiv fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1715 jenħtieġ li jitneħħa biex jiġu evitati d-duplikazzjonijiet tad-dispożizzjonijiet rispettivi.

    (6)Barra minn hekk, u kif uriet l-esperjenza mill-applikazzjoni tal-Artikolu 18(6) tar-Regolament (UE) 2016/2031, l-obbligu għall-Istati Membri li jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn, sat-30 ta’ April ta’ kull sena, dwar l-għadd u l-postijiet taż-żoni demarkati stabbiliti, il-pesti kkonċernati, u l-miżuri rispettivi meħuda matul is-sena kalendarja preċedenti, iżidu biss il-piż amministrattiv, u l-ebda valur prattiku, mal-obbligu ta’ notifika immedjata taż-żoni demarkati. Għalhekk jenħtieġ li jitneħħa minn dak l-Artikolu.

    (7)F’konformità mal-Artikolu 22(3), l-Artikolu 24(2) u l-Artikolu 34(2) tar-Regolament (UE) 2016/2031, sat-30 ta’ April ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn, ir-riżultati tal-istħarriġiet li jkunu twettqu fis-sena kalendarja preċedenti dwar il-preżenza ta’ ċerti pesti fit-territorju tal-Unjoni. Dawk huma pesti ta’ kwarantina tal-Unjoni, pesti soġġetti għall-miżuri adottati skont l-Artikoli 29 u 30 tar-Regolament (UE) 2016/2031, pesti ta’ prijorità u pesti ta’ kwarantina f’żoni protetti tal-Unjoni, rispettivament. Barra minn hekk, u f’konformità mal-Artikolu 23(2) tar-Regolament (UE) 2016/2031, l-Istati Membri, fuq talba, għandhom jinnotifikaw il-programmi ta’ stħarriġ pluriennali tagħhom malli dawn jiġu stabbiliti, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn.

    (8)F’konformità mal-Artikolu 23(1), it-tielet subparagrafu, il-programmi ta’ stħarriġ pluriennali għandhom jiġu stabbiliti għal perjodu ta’ bejn 5 snin u 7 snin. Kif uriet l-esperjenza mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031, l-Istati Membri jeħtieġu aktar żmien biex ifasslu u jiżviluppaw dawk il-programmi kif xieraq. Għalhekk, u anke sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-awtoritajiet kompetenti, dak il-perjodu jenħtieġ li jiġi estiż għal 10 snin. Minħabba raġunijiet ta’ ċarezza legali, jenħtieġ li jiġi speċifikat li dawk il-programmi għandhom jerġgħu jiġu stabbiliti għal perjodi konsekuttivi ta’ 10 snin wara dan, u l-ewwel perjodu għandu jiskadi fl-14 ta’ Diċembru 2029, jiġifieri 10 snin wara d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031.

    (9)L-Artikolu 30(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2016/2031 jistabbilixxi li, meta l-Kummissjoni tikkonkludi li l-kriterji fir-rigward ta’ pesti mhux elenkati bħala pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni, stabbiliti fis-Subtaqsima 2 tat-Taqsima 3 tal-Anness I ta’ dak ir-Regolament, huma ssodisfati, din għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta immedjatament miżuri għal żmien limitat fir-rigward tar-riskji ppreżentati minn dak il-pest.

    (10)Matul l-implimentazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni, ċerti Stati Membri esprimew id-dubji tagħhom dwar l-ambitu preċiż tat-terminu “miżuri”, u b’mod partikolari jekk jikkonċernax azzjonijiet meħuda fil-kuntest ta’ importazzjonijiet jew moviment intern ta’ merkanzija, sabiex jiġi pprevenut id-dħul u t-tixrid tal-pest rispettiv fit-territorju tal-Unjoni. Għalhekk, u minħabba raġunijiet ta’ ċarezza u kompletezza legali, l-Artikolu 30(1) jenħtieġ li jiġi emendat biex jindika b’mod speċifiku li dawk il-miżuri jistgħu jinkludu l-projbizzjoni tal-preżenza tal-pest rispettiv fit-territorju tal-Unjoni, u r-rekwiżiti li jikkonċernaw l-introduzzjoni u l-moviment fl-Unjoni ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħrajn.

    (11)L-Artikolu 41(4) tar-Regolament (UE) 2016/2031 jistabbilixxi li, fil-każ li jkunu ġew introdotti pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħrajn, jew dawn jiġu mċaqalqa fit-territorju tal-Unjoni bi ksur tal-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa, kif imsemmi fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kontrolli uffiċjali, u jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn permezz tas-sistema elettronika ta’ notifika skont l-Artikolu 103 ta’ dak ir-Regolament. Dak l-Artikolu jistabbilixxi r-rekwiżit biex tiġi pprevenuta l-preżenza ta’ pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni fuq dawk il-pjanti, il-prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħrajn.

    (12)Madankollu, l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2016/2031, li jikkonċerna miżuri li jipprevjenu l-preżenza ta’ pesti regolati mhux ta’ kwarantina (“RNQPs”) fuq pjanti għat-tħawwil, ma fih l-ebda rekwiżit biex jiġi nnotifikat ksur tar-regoli rispettivi.

    Għalhekk, jenħtieġ li l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2016/2031 jiġi emendat, billi jiġi previst li f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti dwar l-RNQPs, l-Istati Membri jadottaw il-miżuri meħtieġa, kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2017/625, u jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn permezz tas-sistema elettronika ta’ notifika msemmija fl-Artikolu 103 tar-Regolament (UE) 2016/2031.

    (13)Konsegwentement, l-Artikolu 104 tar-Regolament (UE) 2016/2031, li jikkonċerna n-notifiki fil-każ ta’ preżenza ta’ pesti, jenħtieġ li jinkludi wkoll referenza għall-Artikolu 37(1).

    (14)F’ċerti każijiet, huwa xieraq li tiġi permessa l-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ ċerti pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħrajn, minn ċerti pajjiżi terzi, b’deroga mill-projbizzjoni rispettiva stabbilita skont l-Artikolu 40(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 jew ir-rekwiżiti speċjali u ekwivalenti stabbiliti mill-att ta’ implimentazzjoni adottat f’konformità mal-Artikolu 41(2). Il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u oġġetti oħrajn rispettivi bħalissa huma elenkati rispettivament fl-Annessi VI u VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 11 . Każijiet bħal dawn huma dawk li fihom pajjiż terz ikun għamel talba għal tali deroga temporanja u jkun ipprovda garanziji bil-miktub li l-miżuri li jkun qed japplika fit-territorju tiegħu huma effettivi fit-tnaqqis tar-riskju rispettiv minn dawn il-pjanti, il-prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħrajn, u li valutazzjoni tar-riskju provviżorja wriet li r-riskju għat-territorju tal-Unjoni jista’ jitnaqqas għal livell aċċettabbli bl-applikazzjoni ta’ ċerti miżuri temporanji stabbiliti fil-punti 2 u 3 tat-Taqsima 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2016/2031.

    (15)Għall-finijiet ta’ ċarezza u trasparenza, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jipprevedu tali derogi. Minħabba raġunijiet ta’ kompletezza, dawk l-atti jenħtieġ li jistabbilixxu wkoll il-miżuri temporanji li huma meħtieġa biex ir-riskju fitosanitarju rispettiv jitnaqqas għal livell aċċettabbli u li jippermettu ż-żmien xieraq għall-valutazzjoni sħiħa tar-riskji kollha tal-pesti li għadhom ma ġewx ivvalutati bis-sħiħ fir-rigward tal-pjanti, tal-prodotti tal-pjanti jew ta’ oġġetti oħrajn partikolari. Dan se jippermetti, ladarba titlesta l-valutazzjoni rispettiva li, f’konformità mal-prinċipji tat-Taqsima 2 tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2016/2031, dawk il-pjanti, il-prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħrajn jinżammu jew jitneħħew mil-lista ta’ prodotti bażiċi f’konformità mal-Artikolu 40(3) jew mal-Artikolu 41(3) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

    (16)F’konformità mal-Artikolu 42(4) tar-Regolament (UE) 2016/2031, pjanta, prodott tal-pjanti jew oġġett ieħor għandu jitneħħa mil-lista ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħrajn ta’ riskju għoli, jekk, abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju, jiġi konkluż li l-introduzzjoni tagħhom fit-territorju tal-Unjoni għandha tkun soġġetta għal projbizzjoni, rekwiżiti speċjali jew l-ebda rekwiżit. Madankollu, kif uriet l-esperjenza tal-applikazzjoni ta’ dak l-Artikolu, f’ċerti każijiet l-introduzzjoni ta’ dawk il-prodotti bażiċi fit-territorju tal-Unjoni tista’ tkun soġġetta għal miżuri speċjali li jnaqqsu r-riskju fitosanitarju rispettiv għal livell aċċettabbli, filwaqt li għadha ma saritx valutazzjoni sħiħa għal xi pesti li jospitaw. Minħabba din ir-raġuni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta att ta’ implimentazzjoni biex tneħħi pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħrajn mil-lista ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħrajn ta’ riskju għoli adottata skont l-Artikolu 42(3), jekk dawn jippreżentaw riskju fitosanitarju li għadu ma ġiex ivvalutat bis-sħiħ u għadu ma ġie adottat l-ebda att ta’ implimentazzjoni għalihom skont l-Artikolu 42(4). Sabiex kwalunkwe riskju fitosanitarju jitnaqqas għal livell aċċettabbli, dawk l-atti jenħtieġ li jistabbilixxu miżuri temporanji dwar l-introduzzjoni ta’ dawk il-pjanti, il-prodotti tal-pjanti u oġġetti oħrajn fit-territorju tal-Unjoni.

    (17)Sabiex jiġi żgurat approċċ proporzjonat u konklużjoni rapida kemm jista’ jkun tal-valutazzjonijiet tar-riskju rispettivi, il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dawk l-atti ta’ implimentazzjoni kollha jenħtieġ li jkun tali li jippermetti b’mod raġonevoli li jiġu vvalutati bis-sħiħ ir-riskji fitosanitarji kollha u l-miżuri applikati mill-pajjiżi terzi kkonċernati, u jenħtieġ li ma jkunx itwal minn 5 snin.

    (18)Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta att delegat, li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/2031 b’elementi li jikkonċernaw il-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex jingħataw derogi temporanji mill-Artikolu 40(2) u mill-Artikolu 41(2). Dan huwa meħtieġ minħabba li l-esperjenza mill-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 uriet li hija meħtieġa proċedura standardizzata fir-rigward tal-għoti ta’ tali derogi temporanji biex jiġu ggarantiti t-trasparenza u l-konsistenza lill-Istati Membri, lill-pajjiżi terzi u lill-operaturi professjonali kkonċernati.

    (19)Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta att delegat, li jissupplimenta dan ir-Regolament billi jistabbilixxi proċeduri li għandhom jiġu rrispettati għall-elenkar ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħrajn ta’ riskju għoli. Dik il-proċedura jenħtieġ li tinkludi l-elementi kollha li ġejjin: it-tħejjija, il-kontenut u s-sottomissjoni tad-dossiers rispettivi mill-pajjiżi terzi kkonċernati; l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu wara l-wasla ta’ dawk id-dossiers; il-proċeduri dwar it-twettiq tal-valutazzjoni tar-riskju rispettiva; it-trattament tad-dossiers f’dak li jikkonċerna l-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data. Dan huwa meħtieġ minħabba li l-esperjenza wriet li proċedura speċifikata fir-rigward tal-elenkar ta’ pjanti ta’ riskju għoli tista’ tiggarantixxi t-trasparenza u l-konsistenza lill-Istati Membri, lill-pajjiżi terzi u lill-operaturi professjonali kkonċernati.

    (20)F’konformità mal-Artikolu 44(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2016/2031, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rekwiżiti ekwivalenti, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, fuq talba ta’ pajjiż terz partikolari, jekk il-pajjiż terz ikkonċernat, permezz tal-applikazzjoni taħt il-kontroll uffiċjali tiegħu ta’ miżura speċifika waħda jew aktar, jiżgura livell ta’ protezzjoni fitosanitarja li jkun ekwivalenti għar-rekwiżiti speċjali fir-rigward tal-moviment fit-territorju tal-Unjoni tal-pjanti, tal-prodotti tal-pjanti u ta’ oġġetti oħrajn ikkonċernati.

    (21)L-esperjenza fl-implimentazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni wriet li l-istabbiliment ta’ rekwiżiti li huma ekwivalenti biss għar-rekwiżiti speċjali fir-rigward tal-moviment ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u ta’ oġġetti oħrajn fit-territorju tal-Unjoni, la huwa adegwat u lanqas possibbli fil-każ fejn tali rekwiżiti għall-moviment ma jeżistux. Dan huwa każ frekwenti fil-prattika, fejn ir-regoli tal-Unjoni jikkonċernaw pesti li huma preżenti biss f’pajjiżi terzi u mhux fit-territorju tal-Unjoni u fejn ġew adottati biss rekwiżiti għall-introduzzjoni ta’ prodotti bażiċi fit-territorju tal-Unjoni.

    (22)Minħabba din ir-raġuni, il-livell mitlub ta’ protezzjoni fitosanitarja min-naħa tal-pajjiż terz rispettiv jenħtieġ li jkun ekwivalenti wkoll għar-rekwiżiti speċjali applikabbli fir-rigward tal-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni tal-pjanti, tal-prodotti tal-pjanti u ta’ oġġetti oħrajn ikkonċernati, mill-pajjiżi terzi kollha jew minn ċerti pajjiżi terzi.

    (23)F’konformità mal-Artikolu 71(2) tar-Regolament (UE) 2016/2031, iċ-ċertifikat fitosanitarju “Dikjarazzjoni Addizzjonali”, taħt l-intestatura għandu jispeċifika liema rekwiżit speċifiku huwa ssodisfat, kull meta l-att ta’ implimentazzjoni rispettiv, adottat rispettivament skont l-Artikolu 28(1) u (2), l-Artikolu 30(1) u (3), l-Artikolu 37(2), l-Artikolu 41(2) u (3) u l-Artikolu 54(2) u (3), jipprevedi diversi għażliet differenti għal tali rekwiżiti. Dik l-ispeċifikazzjoni għandha tinkludi l-formulazzjoni sħiħa tar-rekwiżit rilevanti.

    (24)L-implimentazzjoni prattika tar-Regolament (UE) 2016/2031 uriet li ċ-ċertifikati fitosanitarji jenħtieġ li jindikaw ukoll referenza għar-rekwiżiti adottati skont l-Artikolu 37(4) tar-Regolament, jiġifieri miżuri biex tiġi pprevenuta l-preżenza ta’ RNQPs fil-pjanti għat-tħawwil ikkonċernati, kif imsemmi fl-Artikolu 36(f) ta’ dak ir-Regolament, fil-każ fejn id-dispożizzjoni rispettiva tipprevedi diversi għażliet differenti għal tali rekwiżiti. Dan huwa konsistenti mal-approċċ li jikkonċerna l-pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni, peress li l-Artikolu 71(2) ta’ dak ir-Regolament jirreferi għall-att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 41(2) u (3). Dan se jagħti wkoll aktar ċarezza u ċertezza lill-awtoritajiet kompetenti, lill-operaturi professjonali u lill-pajjiżi terzi, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli dwar l-RNQPs u l-pjanti rispettivi għat-tħawwil.

    (25)Minħabba din ir-raġuni, l-Artikolu 71(2) tar-Regolament (UE) 2016/2031 jenħtieġ li jinkludi referenza għall-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 37(4). Barra minn hekk, jenħtieġ li titneħħa r-referenza għall-Artikolu 37(2), peress li ma hijiex rilevanti għall-kontenut tad-Dikjarazzjoni Addizzjonali ta’ ċertifikat fitosanitarju.

    (26)F’konformità mal-Artikolu 88 tar-Regolament (UE) 2016/2031, il-passaporti tal-pjanti għandhom jinhemżu mill-operaturi professjonisti kkonċernati mal-unità tal-kummerċ tal-pjanti, tal-prodotti tal-pjanti u ta’ oġġetti oħrajn ikkonċernati qabel ma jiġu mċaqalqa fit-territorju tal-Unjoni skont l-Artikolu 79 jew lejn jew f’żona protetta skont l-Artikolu 80 tar-Regolament (UE) 2016/2031. Meta tali pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħrajn jkunu soġġetti għal moviment f’imballaġġ, f’sorra jew kontenitur, il-passaport tal-pjanti għandu jitwaħħal ma’ dak l-imballaġġ, sorra jew kontenitur.

    (27)Il-prattiki kummerċjali bbażati fuq ir-Regolament (UE) 2016/2031 urew li, f’ċerti każijiet, ma huwiex prattikament fattibbli li jitwaħħlu passaporti tal-pjanti ma’ unitajiet ta’ kummerċ ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħrajn partikolari minħabba d-daqs, il-forma jew karatteristiċi speċifiċi oħrajn tagħhom, jew minħabba l-veloċità tat-trasferiment tagħhom minn operatur professjonali għal ieħor. Minflok, jenħtieġ li l-unitajiet ta’ kummerċ ta’ dawk il-pjanti, il-prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħrajn jitħallew jiċċaqalqu fit-territorju tal-Unjoni b’passaport tal-pjanti assoċjat magħhom b’mod differenti minn dak li jitwaħħal b’mod fiżiku. Ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2016/2031 għall-ħruġ ta’ passaporti tal-pjanti għall-pjanti, għall-prodotti tal-pjanti u għal oġġetti oħrajn rispettivi għandhom jibqgħu kif applikabbli.

    (28)Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta att delegat li jippermetti li ċerti pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħrajn jiġu mċaqalqa mingħajr passaport tal-pjanti mwaħħal mal-unitajiet ta’ kummerċ tagħhom, minħabba d-daqs, il-forma, il-veloċità tan-negozju tagħhom jew karatteristiċi speċifiċi oħrajn li jagħmlu dak it-twaħħil mhux prattiku. F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li jiġu ddeterminati l-modalitajiet li jiżguraw li l-passaport tal-pjanti jibqa’ jintuża, għalkemm mhux imwaħħal, u xorta jirreferi għall-pjanti, għall-prodotti tal-pjanti u għal oġġetti oħrajn rispettivi, sabiex jiġi żgurat li passaport tal-pjanti dejjem jibqa’ marbut mal-prodott bażiku rispettiv tiegħu permezz ta’ marka speċjali, ċippa, bażi tad-data jew elementi xierqa oħrajn.

    (29)F’konformità mal-Artikolu 99(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati li jissupplimentaw dak ir-Regolament billi jistabbilixxu l-elementi li għandhom jidhru fl-attestazzjonijiet uffiċjali speċifiċi għall-pjanti, għall-prodotti tal-pjanti jew għal oġġetti oħrajn, għajr il-materjal ta’ imballaġġ tal-injam, li huma meħtieġa mill-istandards internazzjonali applikabbli. Mill-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031, ma ġie adottat l-ebda standard internazzjonali bħal dan, u bħalissa ma hija qed issir l-ebda ħidma preparatorja minn kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali biex jiġu prodotti tali standards. Minħabba f'hekk, u fl-assenza ta’ tali standards internazzjonali, ma huwiex possibbli, abbażi tal-Artikolu 99 tar-Regolament (UE) 2016/2031, li jiġi adottat att delegat li jistabbilixxi l-elementi meħtieġa għall-attestazzjonijiet uffiċjali rispettivi. Minħabba n-nuqqas ta’ tali att delegat, l-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni tal-pjanti, tal-prodotti tal-pjanti jew ta’ oġġetti oħrajn rilevanti ma tistax isseħħ b’dawk l-attestazzjonijiet uffiċjali bħala alternattivi għaċ-ċertifikati fitosanitarji.

    (30)Barra minn hekk, u f’konformità ma’ ċerti atti ta’ implimentazzjoni adottati skont id-Direttivi tal-Kunsill 77/93/KEE 12 u 2000/29/KE 13 , il-pjanti, il-prodotti tal-pjanti u oġġetti oħrajn għadhom qed jiġu introdotti fit-territorju tal-Unjoni akkumpanjati minn attestazzjonijiet uffiċjali, għajr ċertifikati fitosanitarji, maħruġa f’diversi pajjiżi terzi. Dawk l-atti huma, b’mod partikolari, id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 93/365/KE 14 , 93/422/KEE 15 , 93/423/KEE 16 , u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/780/UE 17 . Dawk id-Deċiżjonijiet ġew adottati fl-assenza ta’ kwalunkwe standard internazzjonali rispettiv.

    (31)L-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 u ta’ dawk id-Deċiżjonijiet, li għadhom fis-seħħ, tindika li dawk l-attestazzjonijiet uffiċjali joffru garanziji adegwati għall-protezzjoni fitosanitarja tat-territorju tal-Unjoni, minkejja l-fatt li qatt ma kienu jeżistu standards internazzjonali rispettivi. Minħabba din ir-raġuni, u sabiex jiġi żgurat l-użu kontinwu tal-attestazzjonijiet uffiċjali skont ir-Regolament (UE) 2016/2031, jenħtieġ li l-kundizzjoni li l-elementi ta’ dak l-att delegat ikunu meħtieġa mill-istandards internazzjonali applikabbli titneħħa mill-Artikolu 99(1).

    (32)F’konformità mal-Artikolu 103 tar-Regolament (UE) 2016/2031, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sistema elettronika għas-sottomissjoni ta’ notifiki mill-Istati Membri. Sabiex jiġi żgurat li tali sistema elettronika tkun tista’ tkun applikabbli wkoll għas-sottomissjonijiet ta’ rapporti, bħar-rapporti tal-istħarriġiet dwar il-pesti ta’ kwarantina, il-pesti ta’ prijorità u l-pesti ta’ kwarantina f’żoni protetti fl-Unjoni, l-ewwel sentenza ta’ dak l-Artikolu jenħtieġ li tiġi emendata sabiex tinkludi wkoll is-sottomissjoni ta’ rapporti mill-Istati Membri. Dan huwa meħtieġ biex tiġi rrazzjonalizzata s-sistema ta’ rapportar u jissaħħaħ il-proċess tad-diġitalizzazzjoni tal-miżuri fitosanitarji.

    (33)Għalhekk, ir-Regolament (UE) Nru 2016/2031 jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq.

    (34)Sabiex il-pajjiżi terzi u l-operaturi professjonali tagħhom ikunu jistgħu jadattaw għar-regoli l-ġodda dwar il-ħruġ ta’ ċertifikati fitosanitarji li jikkonċernaw il-konformità mar-regoli rispettivi tal-RNQPs, l-emenda tal-Artikolu 71(2) tar-Regolament (UE) 2016/2031 jenħtieġ li tapplika minn … [6 xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament],

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi fir-Regolament (UE) 2016/2031

    Ir-Regolament (UE) 2016/2031 huwa emendat kif ġej:

    (1)fl-Artikolu 18(6), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn dwar iż-żoni demarkati immedjatament wara l-istabbiliment tagħhom, flimkien mal-pesti kkonċernati u l-miżuri rispettivi meħuda. Dawk in-notifiki għandhom isiru permezz tas-sistema elettronika ta’ notifika msemmija fl-Artikolu 103.”;

    (2)fl-Artikolu 22(3), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Sat-30 ta’ April ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn ir-riżultati tal-istħarriġ imsemmi fil-paragrafu 1, li jkunu twettqu fis-sena kalendarja preċedenti. Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu informazzjoni dwar il-post fejn twettqu l-istħarriġiet, meta twettqu l-istħarriġiet, il-pesti u l-pjanti, il-prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħrajn ikkonċernati, in-numru ta’ spezzjonijiet u kampjuni li ttieħdu u s-sejbiet ta’ kull pest ikkonċernat. Dawk ir-rapporti għandhom jiġu ppreżentati lis-sistema elettronika għas-sottomissjoni ta’ notifiki u rapporti msemmija fl-Artikolu 103, stabbilita mill-Kummissjoni għal dak il-għan;

    (3)l-Artikolu 23 huwa emendat kif ġej:

    (a)fil-paragrafu 1, it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Il-programmi ta’ stħarriġ pluriennali għandhom jiġu stabbiliti għal perjodu ta’ 10 snin, u għandhom jiġu estiżi u aġġornati kif meħtieġ wara dan għal perjodi konsekuttivi ulterjuri ta’ 10 snin. L-ewwel perjodu għandu jiskadi fl-14 ta’ Diċembru 2029.”;

    (b)il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.L-Istati Membri għandhom, fuq talba tal-Kummissjoni, jinnotifikaw il-programmi ta’ stħarriġ pluriennali tagħhom. Dawk in-notifiki għandhom jiġu ppreżentati lis-sistema elettronika għas-sottomissjoni ta’ notifiki u rapporti msemmija fl-Artikolu 103”;

    (4)fl-Artikolu 24, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.Sat-30 ta’ April ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn ir-riżultati tal-istħarriġiet imsemmija fil-paragrafu 1, li jkunu twettqu fis-sena kalendarja preċedenti. Dawk ir-rapporti għandhom jiġu ppreżentati lis-sistema elettronika għas-sottomissjoni ta’ notifiki u rapporti msemmija fl-Artikolu 103”;

    (5)fl-Artikolu 30(1), it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Dawk il-miżuri għandhom, meta xieraq, jimplimentaw, speċifikament għal kull pest ikkonċernat, waħda jew aktar mid-dispożizzjonijiet msemmija fil-punti (a) sa (g) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28(1). Dawn jistgħu jinkludu l-projbizzjoni tal-preżenza ta’ dak il-pest fit-territorju tal-Unjoni u/jew ir-rekwiżiti li jikkonċernaw l-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni, u l-moviment fih, ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħrajn.”;

    (6)fl-Artikolu 34, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.Sat-30 ta’ April ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn bir-riżultati tal-istħarriġiet imsemmija fil-paragrafu 1 li jkun saru fis-sena kalendarja preċedenti. Dawk in-notifiki għandhom jiġu ppreżentati lis-sistema elettronika għas-sottomissjoni ta’ notifiki u rapporti msemmija fl-Artikolu 103;

    (7)fl-Artikolu 37, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “10.F’każ li l-pjanti għat-tħawwil ikunu ġew introdotti fit-territorju tal-Unjoni, jew ġew imċaqilqa ġewwa fih, bi ksur tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa, kif imsemmi fl-Artikolu 66(3) tar-Regolament (UE) 2017/625 u għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn permezz tas-sistema elettronika ta’ notifika u rapportar msemmija fl-Artikolu 103.

    L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ukoll dawk il-miżuri lill-pajjiż terz li minnu l-pjanti għat-tħawwil ikunu ġew introdotti fit-territorju tal-Unjoni.”;

    (8)fl-Artikolu 42(1), jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

    “Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta att delegat, f’konformità mal-Artikolu 105, li jissupplimenta dan ir-Regolament billi jistabbilixxi l-proċedura għat-twettiq tal-elenkar ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħrajn ta’ riskju għoli.

    Dik il-proċedura għandha tipprevedi l-elementi kollha li ġejjin:

    (a)it-tħejjija tal-evidenza rispettiva għall-valutazzjoni tal-pjanti, tal-prodotti tal-pjanti u ta’ oġġetti oħrajn ta’ riskju għoli;

    (b)l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu wara l-wasla ta’ dik l-evidenza;

    (c)il-proċeduri tal-valutazzjoni rispettiva;

    (d)it-trattament tad-dossiers dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data.”;

    (9)l-Artikolu 42a li ġej jiddaħħal wara l-Artikolu 42:

    “Artikolu 42a

    Derogi temporanji mill-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 40 u l-Artikolu 42, u mir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 41

    1.B’deroga mill-Artikolu 40(1) u mill-Artikolu 41(1), il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta derogi temporanji mill-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 40(1), u mir-rekwiżiti speċjali u ekwivalenti msemmija fl-Artikolu 41(2), dwar l-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħrajn speċifiċi li joriġinaw minn pajjiż terz wieħed jew aktar, li jippreżentaw riskju fitosanitarju li għadu ma ġiex ivvalutat bis-sħiħ.

    Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom:

    (a)jistabbilixxu miżuri temporanji dwar l-introduzzjoni ta’ dawk il-pjanti, il-prodotti tal-pjanti u oġġetti oħrajn fit-territorju tal-Unjoni, f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fit-Taqsima 2 tal-Anness II; u

    (b)jemendaw il-partijiet rispettivi tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 40(2) u fl-Artikolu 41(2), billi jdaħħlu referenza għad-deroga li tikkonċerna l-pjanta, il-prodott tal-pjanti jew oġġett ieħor rispettiv ikkonċernat.

    2.Id-derogi temporanji msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu adottati biss jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)il-pajjiż terz ikkonċernat ikun ippreżenta lill-Kummissjoni talba, li jkun fiha garanziji uffiċjali bil-miktub għall-applikazzjoni fit-territorju tiegħu, qabel u fil-mument li ssir it-talba, tal-miżuri li huma meħtieġa biex jiġi indirizzat ir-riskju fitosanitarju rispettiv; u

    (b)valutazzjoni provviżorja tkun uriet li dawk il-pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħrajn jippreżentaw riskju li jista’ jitnaqqas għal livell aċċettabbli billi tiġi applikata miżura waħda jew aktar fir-rigward tar-riskju fitosanitarju kkonċernat.

    3.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta att delegat, f’konformità mal-Artikolu 105, li jissupplimenta dan ir-Regolament fir-rigward tal-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex jingħataw id-derogi temporanji msemmija fil-paragrafu 1. Dak l-att delegat għandu jipprevedi l-elementi li ġejjin tal-proċedura:

    (a)it-tħejjija, il-kontenut u s-sottomissjoni tat-talba u tad-dossiers rispettivi mill-pajjiżi terzi kkonċernati;

    (b)l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu wara l-wasla ta’ dawk it-talbiet u d-dossiers;

    (c)it-trattament tat-talbiet u tad-dossiers dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data.

    4.B’deroga mill-Artikolu 42(2), il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta derogi temporanji mill-atti msemmija fl-Artikolu 42(3), jekk jiġu ssodisfati ż-żewġ affarijiet li ġejjin:

    (a)ir-riskju fitosanitarju rispettiv tal-pjanti, tal-prodotti tal-pjanti jew ta’ oġġetti oħrajn ta’ riskju għoli jkun għadu ma ġiex ivvalutat bis-sħiħ;

    (b)ikun għadu ma ġie adottat l-ebda att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 42(4) fir-rigward tal-pjanti, tal-prodotti tal-pjanti jew ta’ oġġetti oħrajn ikkonċernati.

    Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jistabbilixxu miżuri temporanji, li huma meħtieġa biex jitnaqqas ir-riskju fitosanitarju rispettiv għal livell aċċettabbli, li jikkonċerna l-introduzzjoni ta’ dawk il-pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħrajn fl-Unjoni.

    5.L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 4 għandhom jipprevedu rapportar annwali mill-pajjiż terz ikkonċernat dwar l-applikazzjoni tal-miżuri temporanji rispettivi. F’każ li r-rapport ikkonċernat iwassal għall-konklużjoni li r-riskju kkonċernat ma jkunx ġie indirizzat kif xieraq mill-miżuri rrapportati, l-att li jipprevedi dawk il-miżuri għandu jitħassar jew jiġi emendat minnufih kif meħtieġ.

    6.Il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 4 għandu jkun tali li jippermetti b’mod raġonevoli valutazzjoni sħiħa tar-riskji fitosanitarji kollha u tal-miżuri tal-pajjiżi terzi kkonċernati, u ma għandux ikun itwal minn 5 snin.

    7.L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 4 għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 107(2).

    (10)fl-Artikolu 44(1), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)il-pajjiż terz ikkonċernat jiżgura, permezz tal-applikazzjoni taħt il-kontroll uffiċjali tiegħu ta’ miżura speċifika waħda jew aktar, livell ta’ protezzjoni fitosanitarja li jkun ekwivalenti għar-rekwiżiti speċjali fir-rigward tal-introduzzjoni u/jew il-moviment fit-territorju tal-Unjoni tal-pjanti, il-prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra kkonċernati minn pajjiżi terzi oħrajn;”;

    (11)fl-Artikolu 71, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.Iċ-ċertifikat fitosanitarju, taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni Addizzjonali” għandu jispeċifika liema rekwiżit speċifiku huwa ssodisfat, kull meta l-att ta’ implimentazzjoni rispettiv, adottat skont l-Artikolu 28(1) u (2), l-Artikolu 30(1) u (3), l-Artikolu 37(4), l-Artikolu 41(2) u (3) u l-Artikolu 54(2) u (3), jippermetti diversi għażliet differenti għal tali rekwiżiti. Dik l-ispeċifikazzjoni għandha tinkludi l-formulazzjoni sħiħa tar-rekwiżit rilevanti.”;

    (12)fl-Artikolu 88, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

    “Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta att delegat, f’konformità mal-Artikolu 105, li jissupplimenta dan ir-Regolament billi:

    (a)jiddetermina l-pjanti, il-prodotti tal-pjanti u oġġetti oħrajn li, b’deroga mill-ewwel paragrafu, jistgħu jiġu trasportati fl-Unjoni b’passaport tal-pjanti assoċjat li ma jkunx jitwaħħal fiżikament magħhom minħabba li d-daqs, il-forma jew il-veloċità tal-kummerċ jagħmluha impossibbli jew diffiċli ħafna li jitwaħħal passaport magħhom; u

    (b)jipprevedi regoli biex jiġi żgurat li l-passaport tal-pjanti kkonċernat, għalkemm mhux imwaħħal, xorta jirreferi għall-pjanti, il-prodotti tal-pjanti u oġġetti oħrajn rispettivi permezz ta’ marka speċjali, ċippa u/jew bażi tad-data;

    (13)fl-Artikolu 99, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 105, li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jistabbilixxu l-elementi li jridu jidhru fl-attestazzjonijiet uffiċjali, speċifiċi għal pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħrajn, għajr materjal ta’ imballaġġ magħmul mill-injam, bħala forma ta’ prova tal-implimentazzjoni tal-miżuri adottati skont l-Artikolu 28(1) jew (2), l-Artikolu 30(1) jew (3), l-Artikolu 41(2) jew (3), l-Artikolu 44, jew l-Artikolu 54(2) jew (3).”;

    (14)Fl-Artikolu 103, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

    “Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sistema elettronika għall-preżentazzjoni ta’ notifiki u rapporti mill-Istati Membri.”;

    (15)fl-Artikolu 104, l-ewwel paragrafu, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

    “Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistipula regoli speċifiċi li jikkonċernaw il-preżentazzjoni tan-notifiki msemmija fl-Artikolu 9(1) u (2), l-Artikolu 11, l-Artikolu 17(3), l-Artikolu 18(6), l-Artikolu 19(2), l-Artikolu 28(7), l-Artikolu 29(3), l-ewwel subparagrafu, l-Artikolu 30(8), l-Artikolu 33(1), l-Artikolu 37(10), l-Artikolu 40(4), l-Artikolu 41(4), l-Artikolu 46(4), l-Artikolu 49(6), l-Artikolu 53(4), l-Artikolu 54(4), l-Artikolu 62(1), l-Artikolu 77(2) u l-Artikolu 95(5).”

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    L-Artikolu 1(11) għandu japplika minn … [6 xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1)    Ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4).
    (2)    Id-Direttiva tal-Kunsill tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (ĠU L 169, 10.07.2000, p. 1).
    (3)    Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1).
    (4)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030”, COM(2023)168.
    (5)     Rapporti-2021 (europa.eu)
    (6)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 tat-18 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi lista proviżorja ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra ta’ riskju għoli, fis-sens tal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2016/2031 u lista ta’ pjanti li ma jeħtiġux ċertifikati fitosanitarji għall-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 73 ta’ dak ir-Regolament (ĠU L 323, 19.12.2018, p. 10).
    (7)    ….
    (8)    Ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4).
    (9)    COM(2023)168.
    (10)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1715 tat-30 ta’ Settembru 2019 li jistabbilixxi r-regoli għat-tħaddim tas-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali u l-komponenti tas-sistema tagħha (ir-Regolament IMSOC) (ĠU L 261, 14.10.2019, p. 37).
    (11)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1–279).
    (12)    Id-Direttiva tal-Kunsill 77/93/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1976 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni fl-Istati Membri ta’ organiżmi ta’ ħsara tal-pjanti jew tal-prodotti tal-pjanti (ĠU L 26, 31.1.1977, p. 20).
    (13)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1).
    (14)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/365/KEE tat-2 ta’ Ġunju 1993 li tawtorizza lill-Istati Membri jipprovdu għal derogi minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 77/93/KEE fir-rigward ta’ injam koniferu mnixxef ittrattat bis-sħana, li joriġina fil-Kanada, u li tistabbilixxi d-dettalji tas-sistema indikatriċi li għandha tiġi applikata għall-injam ittrattat bis-sħana, (ĠU L 151, 23.6.1993, p. 38).
    (15)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/422/KEE tat-22 ta’ Ġunju 1993 li tawtorizza lill-Istati Membri sabiex jistipulaw deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 77/93/KEE fir-rigward ta’ injam koniferu mnixxef fil-forn, li joriġina fil-Kanada, u li tistabbilixxi d-dettalji tas-sistema ta’ indikazzjoni li għandha tiġi applikata għall-injam imnixxef fil-forn (ĠU L 195, 4.8.1993, p. 51).
    (16)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/423/KEE tat-22 ta’ Ġunju 1993 li tawtorizza l-Istati Membri biex jipprovdu għall-derogi minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 77/93/KKE fir-rigward ta’ injam koniferu mnixxef fil-forn, li joriġina mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika, u li jistabbilixxi d-dettalji tas-sistema indikatriċi li għandha tkun applikata lill-injam imnixxef fil-forn (ĠU L 195, 4.8.1993, p. 55).
    (17)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/780/UE tat-18 ta’ Diċembru 2013 li tipprovdi deroga mill-Artikolu 13(1)(ii) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE fir-rigward tal-injam isserrat mingħajr qoxra ta’ Quercus L., Platanus L. u Acer saccharum Marsh. li joriġina fl-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU L 346, 20.12.2013, p. 61).
    Top