IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 12.9.2023
COM(2023) 533 final
2023/0323(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-ġlieda kontra l-ħlasijiet tard fit-tranżazzjonijiet kummerċjali
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
{SEC(2023) 313 final} - {SWD(2023) 312 final} - {SWD(2023) 313 final} - {SWD(2023) 314 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Kull sena jinħarġu madwar 18-il biljun fattura fl-UE, aktar minn 500 kull sekonda. Huma meħtieġa flussi tal-ħlasijiet affidabbli biex l-ekonomija tal-UE u speċjalment l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) isiru aktar kompetittivi.
L-oġġetti u s-servizzi spiss jiġu fornuti bi ħlasijiet differiti: il-fornitur (il-kreditur) jagħti perjodu tal-ħlas lill-klijent (id-debitur) biex iħallas il-fattura (kreditu kummerċjali), wara li jkunu twasslu l-oġġetti jew wara li jkun ingħata s-servizz kif miftiehem fil-kuntratt. Il-ħlasijiet tard huma ħlasijiet li ma jsirux fil-perjodu miftiehem jew legali. Dawn jaffettwaw lill-kumpaniji fis-setturi kollha u fl-Istati Membri kollha u, sa ċertu punt sproporzjonat, jaffettwaw b’mod sever lill-SMEs.
Il-kawża ewlenija tal-ħlasijiet tard hija l-asimmetriji fis-saħħa tan-negozjar bejn klijent kbir (debitur) u fornitur iżgħar (kreditur). Dan spiss iwassal biex il-fornitur ikollu jaċċetta termini u kundizzjonijiet tal-ħlas inġusti. Għad-debituri, il-ħlasijiet tard huma forma attraenti ta’ finanzjament li ma jiswa xejn lid-debitur iżda għandu kost għall-kreditur. Dan ikompli jaggrava bin-nuqqas ta’ adegwatezza tal-qafas legali attwali tal-UE, id-Direttiva 2011/7/UE dwar il-Ħlas Tard li ma tipprevedix biżżejjed miżuri preventivi u deterrenti xierqa, u li l-mekkaniżmi tal-infurzar u tar-rimedju tagħha mhumiex biżżejjed.
Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Ħlas Tard tindirizza dawn in-nuqqasijiet, bl-għanijiet aħħarija li tittejjeb id-dixxiplina tal-ħlasijiet tal-atturi kollha kkonċernati (l-awtoritajiet pubbliċi, il-kumpaniji l-kbar u l-SMEs) u li l-kumpaniji jitħarsu mill-effetti negattivi tad-dewmien tal-ħlasijiet fit-tranżazzjonijiet kummerċjali.
Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Ħlas Tard ġiet inkluża fil-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2023 fl-objettiv “Ewropa Lesta għall-Era Diġitali”.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
It-titjib fl-imġiba b’rabta mal-ħlasijiet fit-tranżazzjonijiet kummerċjali huwa wieħed mill-objettivi tal-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020 u Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali. Ir-reviżjoni hija segwitu wkoll tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Pjattaforma Fit for Future fl-Opinjoni adottata f’Diċembru 2021 u r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2019. Din l-inizjattiva tikkontribwixxi wkoll għall-objettivi tal-Komunikazzjoni “Il-kompetittività fit-tul fl-UE: inħarsu lil hinn mill-2030”. Din ir-reviżjoni fil-fatt għandha l-għan li tikseb l-ekwità fit-tranżazzjonijiet kummerċjali, iżżid ir-reżiljenza tal-SMEs u l-ktajjen tal-provvista, tħeġġeġ l-użu aktar mifrux tad-diġitalizzazzjoni u ttejjeb il-litteriżmu finanzjarju tal-intraprendituri. Id-Direttiva dwar il-Ħlas Tard hi parti mit-Tabella ta’ Valutazzjoni tar-REFIT.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Id-Direttiva dwar il-Ħlas Tard hija marbuta mill-qrib mad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet bejn negozju u ieħor (B2B) fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari (id-Direttiva UTP). Ir-relazzjoni legali bejn iż-żewġ testi hi spjegata fil-premessi 17 u 18 u fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva UTP. Id-Direttiva UTP ma taffettwax ir-regoli, ir-rimedji u l-konsegwenzi stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Ħlas Tard. Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Ħlas Tard lanqas ma jaffettwaw ir-regoli applikabbli fis-settur agroalimentari għall-ftehimiet tal-kondiviżjoni tal-valur, għall-ħlasijiet fil-kuntest tal-iskema tal-iskejjel, jew għal ċerti ħlasijiet fil-bejgħ tal-għeneb, tal-most u tal-inbid bl-ingrossa fis-settur tal-inbid.
Id-Direttiva dwar il-Ħlas Tard tirregola l-ħlasijiet fit-tranżazzjonijiet kummerċjali bejn l-awtoritajiet kontraenti u l-kuntratturi ewlenin u bejn il-kuntratturi u s-sottokuntratturi tagħhom. L-Artikolu 71(3) tad-Direttiva 2014/24/UE u l-Artikolu 88(7) tad-Direttiva 2014/25/UE dwar l-akkwist pubbliku jipprevedu l-possibbiltà li l-Istati Membri jistabbilixxu dispożizzjonijiet dwar il-ħlasijiet diretti lis-sottokuntratturi.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) hu l-bażi ġuridika xierqa biex din l-inizjattiva tilħaq l-objettivi tagħha. L-Artikolu 114 tat-TFUE hu l-bażi ġuridika xierqa għall-miżuri maħsuba biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 26 tat-TFUE (armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali).
Hemm bżonn azzjoni tal-UE biex ikun żgurat li l-Istati Membri kollha jkollhom fis-seħħ ir-regoli minimi biex jipprevjenu l-ħlasijiet tard, ikollhom fis-seħħ l-infurzar it-tajjeb u l-miżuri deterrenti biex jiġġieldu kontra l-ħlasijiet tard, u jkollhom mezzi adegwati ta’ rimedju. F’dan il-kuntest, l-intervent immirat tal-UE permezz ta’ din il-proposta jikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.
Id-Direttiva attwali dwar il-Ħlas Tard hi riformulazzjoni tal-ewwel Direttiva dwar il-Ħlas Tard (id-Direttiva 2000/35/KE), ibbażata fuq l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Għalhekk, ir-reviżjoni tagħha hija fil-mandat konġunt (kompetenza kondiviża) tal-UE u tal-gvernijiet tal-Istati Membri tagħha.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-ħlasijiet tard jaffettwaw lill-Istati Membri kollha. Biex niffaċilitaw il-ħlasijiet fil-pront neħtieġu regoli stretti u kkoordinati. L-implimentazzjoni ta’ 27 soluzzjoni nazzjonali aktarx tikkaġuna nuqqas ta’ regoli uniformi, frammentazzjoni fis-suq uniku u kostijiet akbar għall-kumpaniji li jinnegozjaw bejn il-fruntieri. L-azzjoni tal-UE hi ġustifikata għax il-ħlasijiet tard jaffettwaw it-tranżazzjonijiet kummerċjali kollha fl-akkwist pubbliku u bejn il-kumpaniji, irrispettivament mid-daqs tagħhom. Bħala reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE biex jissaħħu d-dispożizzjonijiet tagħha, din tista’ ssir biss fil-livell tal-UE.
Hemm bżonn azzjoni tal-UE biex jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet dwar l-imgħax u t-tariffi tal-kumpens, jiġu stabbiliti perjodi tal-ħlas aktar ċari għat-tranżazzjonijiet B2B; jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet tal-infurzar u tal-monitoraġġ, u jkunu żgurati sinerġiji mal-qafas tal-akkwist pubbliku.
•Proporzjonalità
L-inizjattiva ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex tilħaq l-objettivi tagħha. Il-kost meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-objettivi se timponih biss fuq il-kumpaniji, filwaqt li se taqdi l-ħtiġijiet immedjati tal-persuni li hi maħsuba għalihom (eż. il-kumpaniji, b’mod partikolari l-SMEs) biex tipprevjeni l-ħlasijiet tard u jibdew isiru ħlasijiet fil-pront.
•Għażla tal-istrument
L-istrument magħżul hu Regolament, li jissostitwixxi d-Direttiva attwali dwar il-Ħlas Tard. Regolament għandu bosta vantaġġi, fosthom li jindirizza l-aspett transfruntier tal-ħlasijiet tard. B’Regolament, aspetti ewlenin, bħall-perjodu massimu tal-ħlas u l-proċeduri tal-verifika, ir-rata tal-imgħax għall-ħlasijiet tard u l-ammont tal-kumpens b’tariffa fissa, se jkunu l-istess fl-UE kollha u applikabbli direttament. Fl-istess ħin, l-Istati Membri se jitħallew jadottaw dispożizzjonijiet aktar stretti dwar ċerti aspetti. Ir-Regolament jistabbilixxi obbligi rigward il-korpi tal-infurzar, is-sistemi tal-medjazzjoni, it-taħriġ fil-ġestjoni tal-kreditu u fil-litteriżmu finanzjarju, u prattiki u dispożizzjonijiet kuntrattwali inġusti, iżda jħalli f’idejn l-Istati Membri biex jikkumplimentawhom skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Ir-Regolament il-ġdid jinkorpora wkoll id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Ħlas Tard li mhumiex affettwati mir-reviżjoni.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Fl-2015, evalwazzjoni ex post tad-Direttiva dwar il-Ħlas Tard ivvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza, il-koerenza, u l-valur miżjud tal-UE tagħha. Din ikkonkludiet li d-Direttiva kienet rilevanti u effiċjenti u ma imponiet l-ebda kost sinifikanti fuq il-kumpaniji jew l-awtoritajiet pubbliċi. Iżda nnotat ukoll li l-biża’ li ssir ħsara lir-relazzjonijiet kummerċjali kienet qed twaqqaf lill-kredituri mħallsa tard milli jasserixxu d-drittijiet li tagħtihom id-Direttiva. L-Opinjoni tal-2021 tal-Pjattaforma Fit for Future tippreżenta 10 rakkomandazzjonijiet dwar miżuri għall-immedjat u aktar fit-tul biex tindirizza l-ħlasijiet tard. Fost il-miżuri rakkomandati għall-immedjat hemm li jiġi ddefinit xi jfissru prattiki u klawżoli inġusti għall-aħħar; li tiġi kkunsidrata inverżjoni tal-oneru tal-provi fuq id-debitur biex ikun aktar faċli għall-kredituri li jagħtu prova li kien hemm abbuż; li l-SMEs jitħeġġu jasserixxu d-drittijiet tagħhom billi jingħataw pariri u informazzjoni dwar il-perjodi tal-ħlas, biex il-perjodi tal-ħlas ikunu trasparenti, u dwar l-awtoregolamentazzjoni. Imbagħad, fost il-miżuri fit-tul rakkomandati hemm li jiġu limitati l-perjodi kuntrattwali tal-ħlas għal massimu ta’ 30 jum għall-ħlasijiet lil SME mingħand kumpanija kbira, kif ukoll il-fatturazzjoni elettronika u s-superviżjoni governattiva.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-Kummissjoni kkonsultat lil firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati, inkluż awtoritajiet tal-Istati Membri, kumpaniji, b’mod partikolari SMEs, assoċjazzjonijiet tan-negozju tal-UE u nazzjonali, individwi privati u esperti akkademiċi. Fost l-attivitajiet tal-konsultazzjoni saru sejħa għall-evidenza, konsultazzjoni pubblika, konsultazzjoni speċifika tal-SMEs (Panel tal-SMEs), intervisti bilaterali ma’ partijiet ikkonċernati ewlenin, u diskussjonijiet ma’ rappreżentanti tal-Istati Membri. L-informazzjoni miksuba ntużat bħala kontribut għall-proposta.
Is-sejħa għall-evidenza rċeviet tweġibiet mingħand 137 parti kkonċernata u l-konsultazzjoni pubblika rċeviet 117 tweġiba bejn it-12 ta’ Jannar u s-17 ta’ Marzu 2023. Il-Panel tal-SMEs sar bejn is-26 ta’ Jannar u s-16 ta’ Marzu 2023 u rċieva 939 tweġiba.
Il-Kummissjoni organizzat laqgħat bilaterali ma’ partijiet ikkonċernati ewlenin li jirrappreżentaw lill-kumpaniji, b’mod partikolari lill-SMEs. Il-ħlasijiet tard ġew diskussi wkoll nhar il-21 ta’ Marzu u l-31 ta’ Mejju 2023 waqt il-laqgħat tan-Network tar-Rappreżentanti tal-SMEs. Saru wkoll żewġ laqgħat mal-grupp tal-esperti dwar il-ħlas tard fl-10 ta’ Ottubru 2022 u fit-13 ta’ Jannar 2023. Il-maġġoranza l-kbira tal-partijiet ikkonċernati kkonfermaw li l-ħlasijiet tard affettwaw ħafna lill-kumpaniji, b’mod partikolari lill-SMEs.
Kważi l-gruppi kollha tal-partijiet ikkonċernati kkonsultati wrew l-appoġġ tagħhom għal reviżjoni tad-Direttiva. Iżda xi partijiet ikkonċernati indikaw li regoli aktar stretti jmorru kontra l-libertà kuntrattwali tal-kumpaniji Ewropej. Ħafna mill-partijiet ikkonċernati appoġġaw l-alternattiva li jiġi limitat il-perjodu tal-ħlas fit-tranżazzjonijiet B2B, bi preferenza għal 30 jum. Ftit partijiet ikkonċernati biss kienu kontra l-idea li jiġu limitati l-perjodi tal-ħlas. Ħafna partijiet ikkonċernati appoġġaw l-alternattiva li jingħata taħriġ fil-ġestjoni tal-kreditu u fil-litteriżmu finanzjarju, u li jiġi stabbilit Osservatorju Ewropew tal-Pagamenti. Mill-konsultazzjoni ħareġ li l-imgħax u l-kumpens għall-ħlasijiet tard rarament jitħallsu. Il-partijiet ikkonċernati kienu favur li l-ħlas tal-imgħax isir b’mod awtomatiku.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Waqt il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert tagħha, il-Kummissjoni użat ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet u r-rapporti eżistenti: l-Evalwazzjoni ex post tad-Direttiva dwar il-Ħlas Tard, ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħlas Tard (u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal ta’ appoġġ), ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħlas Tard, u l-Opinjoni tal-Pjattaforma Fit for Future dwar id-Direttiva dwar il-Ħlas Tard.
Anki r-riżultati tal-istudji u tal-istħarriġiet ġew ikkunsidrati: il-European Payment Reports, ir-rapporti tar-Rieżamijiet tal-Prestazzjoni tal-SMEs, l-istudji tal-JRC dwar il-ħlasijiet tard u l-impriżi u dwar valutazzjoni tal-impatt ekonomiku ta’ ħlasijiet aktar malajr fit-tranżazzjonijiet bejn in-negozji (B2B), u l-istudji tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-tranżazzjonijiet bejn in-negozji (B2B) u dwar il-ħolqien ta’ kultura responsabbli tal-ħlas.
Il-Kummissjoni qieset ukoll diversi sentenzi riċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. It-test propost tar-Regolament jiċċara li l-kumpens b’tariffa fissa hu dovut għal kull fattura u mhux għal kull kuntratt, kif stabbilit fid-deċiżjoni preliminari tal-Kawża C-585/20 tal-20 ta’ Ottubru 2022. Fl-istess deċiżjoni, il-Qorti tiċċara wkoll li l-proċedura tal-verifika jew tal-aċċettazzjoni tal-oġġetti jew tas-servizzi għandha tiddaħħal fil-kuntratt biss jekk in-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi tiġġustifika tali proċedura. Ir-Regolament propost jinkorpora wkoll is-sentenza tal-Kawża C-122/18 tat-28 ta’ Jannar 2020 li l-obbligu impost fuq l-Istati Membri mid-Direttiva hu marbut mal-konformità effettiva mill-awtoritajiet pubbliċi tagħhom mal-perjodi tal-ħlas li tistabbilixxi. Fl-aħħar nett, is-sentenza tiċċara d-data meta l-imgħax għall-ħlasijiet tard jieqaf jakkumula, skont id-deċiżjoni preliminari tal-Kawża C-256/15 tal-15 ta’ Diċembru 2016.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju eżamina r-rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt fl-10 ta’ Mejju 2023 u ħareġ opinjoni pożittiva b’riżervi fit-12 ta’ Mejju 2023. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bord kienu indirizzati fil-verżjoni finali tal-Valutazzjoni tal-Impatt. Il-Valutazzjoni tal-Impatt analizzat bosta alternattivi ta’ politika biex jintlaħqu tliet objettivi speċifiċi. Għall-ewwel objettiv, “biex ikun evitat il-ħlas tard”, il-miżuri ta’ politika identifikati (PO1) jiffukaw fuq l-istadju tan-negozjar ta’ tranżazzjoni kummerċjali, għax ħafna drabi d-dewmien tal-ħlasijiet jiġri minħabba perjodi tal-ħlas irregolari jew inġusti fil-kuntratt. Ġew ivvalutati bosta alternattivi għall-perjodu massimu tal-ħlas fit-tranżazzjonijiet bejn in-negozji (B2B), fosthom it-tul massimu tal-proċedura tal-verifika biex tiġi aċċertata l-konformità tal-oġġetti jew tas-servizzi mar-rekwiżiti tal-kuntratt. Ġiet ivvalutata wkoll l-alternattiva li jsir disponibbli aktar taħriġ fil-ġestjoni tal-kreditu u fil-litteriżmu finanzjarju għall-SMEs u li jkun eħfef għalihom li jaċċessawhom, bħala miżura preventiva. Għat-tieni objettiv, “biex jiġu ffaċilitati l-ħlasijiet fil-ħin”, il-miżuri ta’ politika identifikati (PO2) għandhom l-għan li jiġġieldu kontra l-ħlasijiet tard billi jiżguraw li r-regoli dwar il-ħlas jiġu infurzati, u li l-perjodi tal-ħlas jiġu rispettati billi jagħmlu l-ħlas tal-imgħax u tal-kumpens obbligatorju u jirrevedu l-ammont tal-kumpens b’tariffa fissa. Ġew ivvalutati wkoll alternattivi relatati mal-infurzar u s-sinerġiji mal-proċeduri tal-akkwist pubbliku. Għat-tielet objettiv, “biex jissaħħu l-mekkaniżmi tar-rimedju, ikunu żgurati kundizzjonijiet ġusti tal-ħlas u tingħata s-setgħa lill-kumpaniji”, il-miżuri ta’ politika identifikati (PO3) jiffukaw fuq l-ekwità u d-disponibbiltà ta’ mekkaniżmi effettivi ta’ rimedju.
L-alternattiva ppreferuta: il-valutazzjoni turi li kull alternattiva fiha benefiċċji potenzjali iżda tinkludi wkoll xi riskji jekk tiġi implimentata waħedha. Għaldaqstant, il-pakkett ippreferut tal-miżuri jiġbor l-aktar subalternattivi effettivi minn PO1, PO2 u PO3. Il-pakkett għandu bosta vantaġġi meta mqabbel mal-alternattivi waħedhom, u fil-biċċa l-kbira jelimina r-riskji inerenti ta’ kull waħda minnhom. Billi jiġu limitati l-perjodi tal-ħlas, bħal f’PO1a, aktarx li jkun ferm aktar effettiv meta dan ikun akkumpanjat b’miżuri sodi tal-infurzar u b’miżuri deterrenti kontra l-ħlasijiet tard, bħal f’PO2a. Is-setgħa dissważiva tal-ħlas awtomatiku tal-imgħax u tal-kumpens se tiżdied meta titneħħa l-possibbiltà ta’ ċirkumvenzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet billi jiġu nnegozjati perjodi tal-ħlas inġustament fit-tul. Il-miżuri f’PO3b se jipprovdu appoġġ addizzjonali għall-pakkett. Il-Valutazzjoni tal-Impatt tistma b’mod konservattiv li tnaqqis ta’ 35% fil-ħlasijiet tard hu realistiku billi jingħaddu flimkien it-tnaqqis ta’ 23,4% fid-dewmien tal-ħlasijiet minn PO1, ta’ 17,8% minn PO2, u ta’ 5,5% minn PO3, jekk wieħed jassumi li hemm xi trikkib bejn dawn l-alternattivi differenti. Il-valutazzjoni tal-alternattiva relatata mal-forma tal-att legali tikkonkludi li Regolament hu l-forma ppreferuta.
|
Il-pakkett ta’ politika ppreferut 1a+2a+3b
|
|
Jiġu limitati l-perjodi tal-ħlas għal 30 jum fit-tranżazzjonijiet bejn in-negozji (B2B)
|
|
Il-proċedura tal-verifika jew tal-aċċettazzjoni tiġi limitata għal 30 jum (l-ebda deroga)
|
|
L-Istati Membri tal-UE jiffaċilitaw id-disponibbiltà tat-taħriġ lill-SMEs fil-ġestjoni tal-kreditu u fil-litteriżmu finanzjarju, inkluż fl-għodod diġitali tal-ħlas.
|
|
L-imgħax tal-ħlasijiet tard isir awtomatiku (jitneħħa l-kunċett ta’ “intitolament”), u jiġi ċċarat il-jum tat-tmiem għall-akkumulazzjoni tal-imgħax.
|
|
Kumpens b’tariffa fissa dovut għal kull tranżazzjoni mħallsa tard u dan jiżdied għal EUR 50 biex ikun jirrifletti l-inflazzjoni.
|
|
L-Istati Membri tal-UE jiddeżinjaw il-korpi responsabbli biex jinfurzaw il-liġi, iwettqu investigazzjonijiet b’inizjattiva tagħhom stess jew wara lmenti, u li jkollhom is-setgħa joħorġu sanzjonijiet amministrattivi u jippubblikaw isem it-trasgressuri. Jintużaw għodod diġitali għal infurzar aktar effettiv.
|
|
Fil-kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi, l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jridu jivverifikaw li l-ħlasijiet lill-kuntrattur ewlieni jkunu ngħaddew lis-sottokuntratturi diretti.
|
|
L-Istati Membri tal-UE jistabbilixxu sistema nazzjonali tal-medjazzjoni biex isolvu t-tilwim dwar il-ħlasijiet fit-tranżazzjonijiet kummerċjali.
|
|
L-Istati Membri tal-UE jindirizzaw il-kwistjoni ta’ termini u prattiki kuntrattwali inġusti permezz tal-liġi nazzjonali tagħhom.
|
Il-pakkett ippreferut joħloq xi kostijiet ta’ darba għan-negozji. Li l-perjodi tal-ħlas jiġu limitati għal 30 jum u li l-ħlas tal-imgħax isir obbligatorju joħolqu kostijiet tal-aġġustament ta’ darba biex jiġu aġġornati l-perjodi standard ħalli jkunu jirriflettu l-perjodi massimi tal-ħlas (EUR 56,1 miljun) u t-tariffi tal-kumpens aġġustati (EUR 243 miljun). Iżda jekk iż-żewġ alternattivi ta’ politika jiġu adottati flimkien, iż-żewġ bidliet jistgħu jsiru b’aġġustament wieħed (EUR 243 miljun). Il-pakkett ippreferut jimponi kostijiet rikorrenti fuq id-debituri għall-infurzar tal-ħlas awtomatiku tal-kumpens (imgħax ta’ EUR 228,3 miljun, EUR 3,23 biljun f’tariffi) – benefiċċju dirett għall-kredituri, iżda – kif ukoll kost rikorrenti għall-infurzar tal-multi regolatorji diretti (EUR 136,8 miljun). Dawn il-kostijiet jiġu evitati għalkollox jekk il-kumpaniji jirrispettaw ir-regoli u jħallsu fil-ħin. Il-benefiċċju ekonomiku nett ġenerali se jkun pożittiv għax il-flussi tal-flus se jsiru aktar prevedibbli u aktar faċli biex jitmexxew għall-kumpaniji. Il-kostijiet amministrattivi biex il-kuntratturi ewlenin fil-kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi jagħtu prova tal-ħlas lis-sottokuntratturi jammontaw għal EUR 2,2 miljun għall-UE kollha.
L-alternattiva ppreferuta se tkun ta’ ġid għall-awtoritajiet pubbliċi b’diversi modi. Il-benefiċċju ewlieni jinkiseb bit-tnaqqis ġenerali mistenni fil-ħlasijiet tard, jiġifieri inqas fallimenti tal-kumpaniji u inqas kostijiet assoċjati għall-fondi pubbliċi. Il-multi amministrattivi li l-korpi nazzjonali tal-infurzar jistgħu jiġbru mingħand il-kumpaniji li jħallsu tard, stmati sa EUR 136,8 miljun, jistgħu jgħinu wkoll biex jittaffew il-kostijiet tal-korpi tal-infurzar. L-awtoritajiet pubbliċi jenħtieġ li jibbenefikaw ukoll mis-sistemi tal-medjazzjoni previsti f’PO3b, direttament (jekk l-awtorità pubblika tkun tixtieq issolvi tilwima ma’ fornitur) u anki indirettament (jittaffa l-piż fuq is-sistema ġudizzjarja).
L-awtoritajiet pubbliċi se jġarrbu xi kostijiet. L-aċċess għal taħriġ fil-ġestjoni tal-kreditu u fil-litteriżmu finanzjarju jew diġitali jinvolvi xi kostijiet tal-aġġustament, skont kif l-Istati Membri jsawru l-appoġġ tagħhom, u għalhekk ma tista’ tingħata l-ebda stima definittiva tal-kostijiet. L-istimi tal-kostijiet rikorrenti għall-infurzar tal-ħlas awtomatiku tal-imgħax u tat-tariffi tal-kumpens fit-tranżazzjonijiet bejn il-gvern u n-negozji (G2B) jammontaw għal EUR 37,2 miljun u EUR 0,53 biljun fis-sena rispettivament. Dawn il-kostijiet jistgħu jiġu evitati bi ħlas fil-ħin. Ir-reviżjoni tal-kundizzjonijiet kuntrattwali standard biex jiddaħħlu tariffi ġodda tal-kumpens tfisser kost ta’ EUR 10 għal kull korp, bħal f’PO2. L-Istati Membri li ma għandhomx fis-seħħ korpi tal-infurzar jew sistemi tal-medjazzjoni se jkollhom joħolquhom u jħaddmuhom, u b’hekk se jġarrbu kostijiet rikorrenti stmati għall-infurzar ta’ EUR 60-65 miljun fis-sena (il-korpi tal-infurzar) u EUR 10-40 miljun fis-sena (is-servizzi tal-medjazzjoni) għall-UE. Il-verifika li s-sottokuntratturi qed jitħallsu fil-ħin fil-kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi skont id-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku titħalla f’idejn l-Istati Membri u f’dan il-każ, kost rikorrenti possibbli għall-infurzar ma jkunx jeħtieġ riżorsi addizzjonali.
Din l-inizjattiva tikkontribwixxi biex jinkisbu bosta Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli (SDGs). Billi tikkontribwixxi indirettament għat-tkabbir ekonomiku, din se toħloq ambjent tan-negozju aħjar fis-suq uniku (SDG 8). Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati kkonfermaw li l-ħlasijiet tard huma l-kawża ewlenija tal-ansjetà u tal-istress, u jdgħajfu l-fiduċja fis-suq. Aktar disponibbiltà u aċċess eħfef għal taħriġ fil-ġestjoni tal-kreditu u fil-litteriżmu finanzjarju jtejbu l-edukazzjoni ta’ kwalità (SDG 4). Din ir-reviżjoni tikkontribwixxi għall-kisba tal-SDG 9 billi tagħmel l-affarijiet aktar ġusti, iżżid l-aċċess tal-SMEs għas-servizzi finanzjarji, inkluż għal kreditu affordabbli, u tagħmilhielhom eħfef biex jintegraw fil-ktajjen tal-valur u fis-swieq. Din ir-reviżjoni tikkonforma mal-objettivi tan-newtralità klimatika tar-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Ir-Regolament propost se jissimplifika l-kwistjonijiet b’approċċ uniformi u vinkolanti kontra l-ħlasijiet tard, applikabbli għall-kumpaniji ta’ kull daqs, mingħajr trattament eċċezzjonali għall-SMEs. Il-miżuri kollha tfasslu b’kunsiderazzjoni xierqa tal-SMEs, iżda fl-aħħar mill-aħħar il-kumpaniji ta’ kull daqs se jibbenefikaw minnhom. Madankollu, peress li l-mikrointrapriżi huma aktar affettwati mill-ħlasijiet tard milli huma SMEs oħrajn, hu aktar probabbli li l-benefiċċji mistennija jissarrfu fi prestazzjoni aħjar tal-kumpaniji li jimpjegaw sa disa’ ħaddiema.
Il-benefiċċji tas-simplifikazzjoni se jinkisbu billi jiġu stabbiliti perjodi tal-ħlas stretti u uniformi, u allura n-negozjati jieħdu inqas ħin. Il-limitazzjoni tal-perjodi tal-ħlas se tnaqqas l-element ta’ biża’ li jesperjenzaw l-atturi iżgħar tas-suq li bħalissa spiss ikollhom jaċċettaw perjodi tal-ħlas inġusti meta jittrattaw ma’ atturi akbar tas-suq. Mill-inqas 30% tal-SMEs tal-UE mistennija jibbenefikaw direttament minn din id-dispożizzjoni. Il-kombinament tal-limitu massimu tal-perjodi tal-ħlas ma’ deterrenti, bħal li l-imgħax u l-kumpens (miżjud) isiru dovuti b’mod awtomatiku, għandu jnaqqas l-għadd ta’ fatturi mħallsa tard u jnaqqas ġmielhom il-kostijiet assoċjati mad-diffikultajiet u l-ħela tal-ħin li jinvolvi l-ġiri wara l-pagaturi tard. L-għadd ta’ jiem-persuni meħtieġa kull sena minn kumpanija minħabba l-ħlasijiet tard ġie stmat minn ħamest (5) ijiem fil-Ġermanja għal iżjed minn 15-il jum fi Spanja. Anke abbażi ta’ suppożizzjonijiet konservattivi ħafna, jekk jitrażżnu l-ħlasijiet tard, b’kollox l-ekonomija tal-UE-27 tkun tista’ tiffranka 27,4 miljun siegħa tax-xogħol kull sena, jiġifieri l-ekwivalenti ta’ EUR 5 845,4 miljun.
L-iffissar ta’ limitu għall-perjodu tal-ħlas u għall-proċedura tal-verifika jgħin biex il-flussi tal-flus isiru aktar prevedibbli. Il-proposta se tqassam mill-ġdid ukoll il-piż finanzjarju u l-kostijiet b’termini ġusti, billi tiżgura li kull kumpanija tħallas għal-likwidità li teħtieġ. Kif inhuma l-affarijiet bħalissa, il-kumpaniji iżgħar jew il-kumpaniji b’pożizzjoni aktar dgħajfa fis-suq qed isibu piżijiet amministrattivi kbar biex jiksbu finanzjament b’kost li jqis il-livell tar-riskju tagħhom. Fl-istess ħin, il-ħlasijiet tard jagħtu kreditu kummerċjali mingħajr problemi lill-kumpaniji f’pożizzjoni inqas riskjuża, u li għalihom hu eħfef kif ukoll orħos li jiksbu finanzjament mingħajr diffikultajiet.
Fl-aħħar nett, il-proposta se tagħmilha aktar faċli għall-kumpaniji biex jasserixxu d-drittijiet tagħhom billi tiffaċilita l-aċċess għal rimedju effettiv bil-medjazzjoni, għax bħalissa l-unika alternattiva disponibbli hija proċedura ġudizzjarja li ħafna drabi tkun aktar għalja u tieħu aktar ħin. Bil-medjazzjoni, il-kumpaniji jkunu jistgħu jiffrankaw EUR 27 miljun fis-sena f’kawżi evitati quddiem il-qrati.
•Impatt fuq il-kompetittività
Il-proposta aktarx li tħalli impatt pożittiv fuq il-prezz/kost u l-kompetittività tal-innovazzjoni. B’aktar fluss tal-flus aggregat, aktar stabbli u prevedibbli, il-kumpaniji għandhom aktar likwidità biex jinvestu fl-innovazzjoni jew jistgħu jgħaddu t-tnaqqis fil-kostijiet lill-konsumaturi. Il-kost tal-finanzjament jonqos hekk kif il-banek jiffinanzjaw direttament ir-riskji tal-klijenti tagħhom stess. L-inizjattiva proposta tagħmel ukoll il-kundizzjonijiet għat-twettiq tan-negozju aktar prevedibbli, u b’hekk jinħoloq ambjent tan-negozju aktar favorevoli. Dan mistenni jkun ta’ benefiċċju għall-atturi kollha tas-suq, iżda se jħalli impatt akbar fuq l-SMEs milli fuq il-kumpaniji l-kbar. Il-kumpaniji l-kbar huma aktar probabbli mill-SMEs li jħallsu tard, u għalhekk hu aktar probabbli li jġarrbu wħud mill-kostijiet identifikati fl-alternattiva ta’ politika ppreferuta.
Minn perspettiva ta’ kompetittività internazzjonali, il-kumpaniji li jagħmlu tranżazzjonijiet ta’ importazzjoni jew esportazzjoni jkollhom iħabbtu wiċċhom ma’ diskrepanzi fit-tul tal-perjodi tal-ħlas (bejn il-kontijiet pagabbli u riċevibbli tagħhom). Il-kumpaniji jkollhom jimmaniġġjaw ir-riskji maħluqa b’dawk id-diskrepanzi, pereżempju billi jiftiehmu mas-sħab internazzjonali tagħhom dwar il-liġi applikabbli għall-kuntratt, li tiddefinixxi liema parti tkun qed tassumi dawk ir-riskji. Imbagħad jitħalla f’idejn dik il-parti biex issib mod xieraq kif tiffinanzja d-diskrepanza. Dan il-mod jassumi li r-riskji, inkluż ir-riskju li ma jitħallsux, jiġu indirizzati skont il-kundizzjonijiet tas-suq mill-fornituri tal-finanzjament tal-kummerċ (pereżempju bi flus bil-quddiem, b’ittra tal-kreditu, b’kontijiet miftuħa jew b’konsenji). Dawn is-soluzzjonijiet tal-finanzjament tal-kummerċ jillimitaw ferm l-impatt tal-introduzzjoni ta’ limitu massimu obbligatorju għall-perjodi tal-ħlas.
Anki r-riskju li, fit-tranżazzjonijiet internazzjonali, il-kumpaniji jagħżlu b’mod sistematiku perjodi tal-ħlas twal skont il-liġijiet ta’ pajjiżi terzi biex iwaqqgħu lill-kumpaniji li jinsistu fuq ir-regoli tal-UE, hu stmat li hu limitat. Ħafna pajjiżi sħab tal-UE, bħall-Kanada, l-Istati Uniti, it-Turkija u r-Renju Unit, diġà jimponu leġiżlazzjoni dwar il-ħlasijiet tard. Dan ix-xenarju ma ssarrafx verament fl-UE, meta xi pajjiżi bħan-Netherlands imponew leġiżlazzjoni aktar stretta minn oħrajn fejn jidħlu l-ħlasijiet.
•Żviluppi fl-ICT meqjusin
Id-Direttiva dwar il-Ħlas Tard daħlet fis-seħħ f’dinja li kienet ferm inqas diġitali. Fl-10 snin tal-implimentazzjoni tagħha, id-diġitalizzazzjoni ħalliet impatt profond fuq l-aspetti kollha tas-soċjetà, inkluż kif jitmexxew il-kumpaniji, u biddlet mill-qiegħ il-mod kif il-kumpaniji jikkomunikaw jew jikkummerċjalizzaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom. Il-miżuri ta’ din il-proposta jidħlu kexxun f’din l-istruttura kontemporanja u għalhekk huma “diġitali b’mod awtomatiku”.
L-għodod u s-soluzzjonijiet diġitali jaqdu rwol sinifikanti fi wħud mill-miżuri proposti u se jaffettwaw il-fattibbiltà u l-kosteffettività tagħhom. Dan hu l-każ għall-obbligu li jiġu ddeżinjati korpi responsabbli għall-infurzar tar-regoli tal-ħlasijiet. L-Istati Membri qed jintalbu wkoll iħeġġu lill-SMEs biex jużaw l-għodod diġitali li jgħinuhom jitħallsu aktar malajr, u biex tkun eħfef għalihom li jaċċessaw it-taħriġ fil-litteriżmu finanzjarju u fil-ġestjoni tal-kreditu, inkluż it-taħriġ fl-għodod diġitali tal-ħlas.
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta se tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali b’rabta mal-libertà ta’ intrapriża. Il-ħlasijiet fil-pront iżidu l-fiduċja fis-suq u jixprunaw l-intraprenditorija.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta mistennija tħalli ċertu impatt baġitarju fuq l-Istati Membri. Dan l-impatt huwa deskritt fit-taqsima rilevanti tal-Valutazzjoni tal-Impatt.
Il-proposta bl-ebda mod mhi mistennija taffettwa l-baġit tal-UE. L-Osservatorju attwali tal-Pagamenti tal-UE jista’ jappoġġa l-monitoraġġ tal-proposta bir-riżorsi eżistenti.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar
Il-grad tas-suċċess tal-inizjattiva se jitkejjel minn kemm jintlaħqu dawn il-miri:
·it-tnaqqis b’35% tal-proporzjon tal-kumpaniji li jirrapportaw il-ħlasijiet tard bħala problema (il-progress se jitkejjel mal-valur referenzjarju tal-Istħarriġ tal-2022 dwar l-Aċċess għall-Finanzi tal-Intrapriżi, għall-kumpaniji kollha: il-mira hi 28%, mix-xenarju bażi ta’ 43%);
·it-tnaqqis b’35% tal-proporzjon tal-kumpaniji f’kull klassi ta’ daqs individwali li jirrapportaw il-ħlasijiet tard bħala problema (il-progress se jitkejjel skont il-valuri bażi tal-Istħarriġ tal-2022 dwar l-Aċċess għall-Finanzi tal-Intrapriżi, għall-klassijiet tad-daqs: il-mira hi bejn 26% u 31%, mix-xenarju bażi ta’ 40% sa 47%).
Il-Kummissjoni se timmonitorja u tevalwa l-impatti tal-alternattivi ta’ politika fuq il-ħlasijiet tard wara 4 snin mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament propost. L-applikazzjoni tar-regoli tal-UE u l-impatt tagħhom jistgħu jiġu mmonitorjati f’rapporti annwali maħluqin mill-Istati Membri b’inizjattiva tagħhom stess, ikkumplimentati b’rapporti tas-settur privat maħluqin minn partijiet terzi. Dawk ir-rapporti normalment ikun fihom dettalji tal-prestazzjoni tal-ħlasijiet fit-tranżazzjonijiet bejn in-negozji (B2B) fl-Istati Membri u l-konformità mar-regoli tal-UE, u dwar l-attività tal-awtoritajiet tal-infurzar mil-lat ta’, pereżempju, l-għadd ta’ ilmenti riċevuti u l-għadd ta’ investigazzjonijiet miftuħa. Ir-rapporti annwali jenħtieġ li jiġu diskussi mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. L-Osservatorju attwali tal-Pagamenti tal-UE jista’ jipprovdi wkoll appoġġ, fil-forma ta’ rapporti tematiċi, meta meħtieġ.
L-Anness 24 tal-Valutazzjoni tal-Impatt jinkludi aktar informazzjoni, inkluż lista mhux eżawrjenti ta’ indikaturi tal-monitoraġġ possibbli.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
L-Artikolu 1 (Kamp ta’ applikazzjoni) jikkonferma l-kamp ta’ applikazzjoni attwali u jiċċara li r-Regolament mhux se japplika għall-ħlasijiet fit-tranżazzjonijiet mal-konsumaturi, għall-ħlasijiet ta’ kumpens għad-danni, għall-ħlasijiet ta’ djun soġġetti għal proċedimenti ta’ insolvenza, inkluż il-proċedimenti soġġetti għal ristrutturar tad-dejn. Id-Direttiva attwali dwar il-Ħlas Tard issemmi dawn l-eċċezzjonijiet kollha, iżda dan it-test il-ġdid jagħmilha aktar ċara billi jgħaqqadhom kollha flimkien fl-Artikolu 1.
L-Artikolu 2 (Definizzjonijiet) iżomm ħafna mid-definizzjonijiet tad-Direttiva attwali, u jżid definizzjonijiet ġodda ta’ “proċedura tal-aċċettazzjoni jew tal-verifika”, “debitur” u “kreditur”.
L-Artikolu 3 (Perjodi tal-ħlas) hu aktar strett mill-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva attwali għax jillimita l-perjodu tal-ħlas u t-tul tal-proċedura tal-aċċettazzjoni jew tal-verifika għal massimu ta’ 30 jum, u billi jneħħi kull referenza għall-kunċett ta’ prattiki u klawżoli inġusti għall-aħħar.
Tneħħew l-eċċezzjonijiet għal perjodu massimu tal-ħlas ta’ 60 jum għall-kura tas-saħħa u għall-awtoritajiet pubbliċi li jwettqu attivitajiet ekonomiċi, kif stabbilit fl-Artikolu 4(4)(a) u l-Artikolu 4(4)(b) tad-Direttiva attwali.
L-Artikolu jispjega li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament huma mingħajr preġudizzju għal perjodi iqsar li jaf ikunu previsti fil-liġijiet nazzjonali.
L-Artikolu 4 (Ħlasijiet lis-sottokuntratturi fl-akkwist pubbliku) huwa dispożizzjoni ġdida li għandha l-għan tappoġġa li l-ħlasijiet jingħaddew ’l isfel fil-katina tal-provvista tal-kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi, billi l-kuntrattur ewlieni jintalab jipprovdi evidenza li s-sottokuntratturi diretti jkunu tħallsu.
L-Artikolu 5 (Imgħax għall-ħlasijiet tard) huwa dispożizzjoni ġdida. Dan huwa msejjes fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva attwali u jiċċara li l-imgħax għall-ħlasijiet tard jingħata b’mod awtomatiku jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet meħtieġa. Dan jeżiġi wkoll li d-debitur jagħti l-informazzjoni kollha li jeħtieġ il-kreditur biex jiżgura li fattura tkun tista’ tiġi aċċettata. Dan l-Artikolu 5 il-ġdid jiċċara wkoll li l-imgħax għall-ħlasijiet tard jibqa’ jakkumula sakemm jitħallas il-kapital, f’konformità mal-każistika.
L-Artikolu 6 (Rata tal-imgħax għall-ħlasijiet tard) huwa ġdid. Dan jarmonizza r-rata tal-imgħax għall-ħlasijiet tard.
L-Artikolu 7 (Skedi tal-ħlas) jirrifletti dak li hemm fl-Artikolu 5 tad-Direttiva attwali.
L-Artikolu 8 (Kumpens għall-kostijiet tal-irkupru) jikkorrispondi għall-Artikolu 6 tad-Direttiva attwali. Dan iwassal għal kumpens ta’ ammont f’daqqa konformi mal-inflazzjoni u jiċċara li din is-somma f’daqqa hi pagabbli għal kull tranżazzjoni individwali li titħallas tard.
L-Artikolu 9 (Termini u prattiki kuntrattwali nulli u bla effett) huwa ġdid. Dan jissostitwixxi l-Artikolu 7 tad-Direttiva attwali. Ineħħi l-kunċett ta’ “inġust għall-aħħar” u jistabbilixxi lista ta’ prattiki nulli u bla effett skont ir-Regolament.
L-Artikolu 10 (Żamma tat-titolu) jikkorrispondi għall-Artikolu 9 tad-Direttiva attwali.
L-Artikolu 11 (Trasparenza) jikkorrispondi għall-Artikolu 8 tad-Direttiva attwali.
L-Artikolu 12 (Proċeduri tal-irkupru għal talbiet mhux kontestati) jikkorrispondi għall-Artikolu 10 tad-Direttiva attwali.
L-Artikolu 13 (Awtoritajiet tal-infurzar) huwa ġdid. Dan jiddikjara li l-Istati Membri huma obbligati jiddeżinjaw awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tar-Regolament, li jridu jikkooperaw mal-Kummissjoni u ma’ awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar rilevanti oħra.
L-Artikolu 14 (Setgħat tal-awtoritajiet tal-infurzar) huwa ġdid. Dan jelenka s-setgħat li jrid ikollhom l-awtoritajiet tal-infurzar biex jiżguraw li r-Regolament jiġi infurzat.
L-Artikolu 15 (Ilmenti u kunfidenzjalità) huwa ġdid. Dan jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li skonthom il-kredituri u l-assoċjazzjonijiet tal-kredituri jkunu jistgħu jilmentaw dwar il-ħlasijiet tard, u l-obbligi tal-awtoritajiet tal-infurzar fir-rigward tal-ilmenti.
L-Artikolu 16 (Riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim) huwa ġdid. Dan jippromwovi l-użu volontarju ta’ mekkaniżmi alternattivi effettivi u indipendenti għar-riżoluzzjoni tat-tilwim biex tinstab soluzzjoni aktar malajr fit-tilwim bejn il-kredituri u d-debituri, mingħajr ma tagħmel ħsara lir-relazzjoni kummerċjali tagħhom.
L-Artikolu 17 (Taħriġ fl-għodod diġitali, fil-ġestjoni tal-kreditu u fil-litteriżmu finanzjarju) huwa ġdid. L-għan tiegħu hu li jiżgura l-użu tal-għodod diġitali fl-infurzar tar-Regolament u l-promozzjoni tat-taħriġ fl-għodod tal-ġestjoni tal-kreditu u fil-litteriżmu finanzjarju għall-SMEs, biex jonqsu l-ħlasijiet tard.
L-Artikolu 18 (Rapport), jikkorrispondi għall-Artikolu 11 tad-Direttiva attwali, u jiddikjara li l-Kummissjoni trid tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament wara 4 snin mid-dħul fis-seħħ tiegħu.
L-Artikolu 19 (Revoka) huwa l-ekwivalenti tal-Artikolu 13 tad-Direttiva attwali, adattat għal Regolament.
L-Artikolu 20 (Dħul fis-seħħ u applikazzjoni) huwa l-ekwivalenti tal-Artikolu 14 tad-Direttiva attwali, adattat għal Regolament.
2023/0323 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-ġlieda kontra l-ħlasijiet tard fit-tranżazzjonijiet kummerċjali
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Ħafna mill-oġġetti u s-servizzi jiġu fornuti fi ħdan is-suq intern minn operaturi ekonomiċi lil operaturi ekonomiċi oħra u lil awtoritajiet pubbliċi abbażi ta’ ħlas differit b’mod li l-fornitur jagħti ċans lill-klijent tiegħu biex iħallas il-fattura, kif miftiehem bejn il-partijiet, kif stabbilit fil-fattura tal-fornitur jew kif stipulat fil-liġi.
(2)Ħafna mill-ħlasijiet fit-tranżazzjonijiet kummerċjali bejn l-operaturi ekonomiċi jew bejn l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet pubbliċi jsiru aktar tard minn meta miftiehem fil-kuntratt jew minn meta stipulat fil-kundizzjonijiet kummerċjali ġenerali jew fil-liġi.
(3)Il-ħlasijiet tard jaffettwaw direttament il-likwidità u l-prevedibbiltà tal-flussi tal-flus, u b’hekk iżidu l-bżonnijiet tal-kapital operatorju u jikkompromettu l-aċċess ta’ kumpanija għal finanzjament estern. Dan jaffettwa l-kompetittività, inaqqas il-produttività, iwassal għal sensji, iżid il-probabbiltà ta’ insolvenzi u fallimenti, u hu ostaklu kritiku għat-tkabbir. L-effetti dannużi tal-ħlasijiet tard jinfirxu tul il-ktajjen tal-provvista, għax id-dewmien tal-ħlasijiet spiss jingħadda fuq il-fornituri. L-intrapriżi żgħar u medji (SMEs), li jiddependu fuq flussi regolari u prevedibbli tal-flus, huma affettwati ħafna minn dawk il-konsegwenzi negattivi. Għalhekk, il-ħlasijiet tard jirrappreżentaw problema għall-ekonomija tal-Unjoni minħabba l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali negattivi tagħhom.
(4)Għalkemm it-talbiet ġudizzjarji relatati mal-ħlasijiet tard diġà huma ffaċilitati mir-Regolamenti (KE) Nru 805/2004, (KE) Nru 1896/2006, (KE) Nru 861/2007 u (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, biex jiġu skoraġġuti l-ħlasijiet tard fit-tranżazzjonijiet kummerċjali, jeħtieġ jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet kumplimentari.
(5)L-intrapriżi jenħtieġ li jkunu jistgħu jinnegozjaw fis-suq intern kollu b’kundizzjonijiet li jiżguraw li l-operazzjonijiet transfruntieri ma jkunux jinvolvu riskji akbar mill-bejgħ domestiku. Ikun hemm bosta distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jekk jiġu applikati regoli sostanzjalment differenti bejn l-operazzjonijiet domestiċi u l-operazzjonijiet transfruntieri.
(6)Id-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tistabbilixxi regoli li jiġġieldu kontra l-ħlasijiet tard fit-tranżazzjonijiet kummerċjali. Fl-2019, il-Parlament Ewropew identifika diversi nuqqasijiet f’dik id-Direttiva. L-Istrateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali appellat biex ikun żgurat ambjent “mingħajr ħlasijiet tard” għall-SMEs u biex jissaħħaħ l-infurzar tad-Direttiva 2011/7/UE. Fl-2021, fl-opinjoni tagħha, il-Pjattaforma Fit for Future enfasizzat kwistjonijiet kritiċi fl-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva. In-nuqqasijiet ewlenin identifikati f’dawn l-inizjattivi huma relatati ma’: id-dispożizzjonijiet ambigwi dwar “inġusti għall-aħħar” rigward l-iskadenzi għall-ħlasijiet fit-tranżazzjonijiet bejn in-negozji (B2B), il-prattiki inġusti tal-ħlas u l-iskadenzi għall-proċeduri tal-aċċettazzjoni u tal-verifika; il-kumpens b’tariffa fissa; l-assimetrija tar-regoli dwar il-perjodi tal-ħlas bejn it-tranżazzjonijiet G2B u B2B; in-nuqqas ta’ perjodu massimu tal-ħlas għat-tranżazzjonijiet kummerċjali fit-tranżazzjonijiet B2B; in-nuqqas ta’ monitoraġġ tal-konformità u tal-infurzar; in-nuqqas ta’ għodod li jsewwu l-asimmetriji tal-informazzjoni; kif ukoll għodod għall-kredituri biex jieħdu azzjoni kontra d-debituri tagħhom, u n-nuqqas ta’ sinerġiji mal-qafas tal-akkwist pubbliku.
(7)Biex jiġu indirizzati dawk in-nuqqasijiet, jenħtieġ li d-Direttiva 2011/7/UE tiġi sostitwita.
(8)Jenħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet għall-prevenzjoni tal-ħlasijiet tard fit-tranżazzjonijiet kummerċjali, li jikkonsistu fit-twassil ta’ oġġetti jew fl-għoti ta’ servizzi bi ħlas, irrispettivament minn jekk dawn isirux bejn l-intrapriżi jew bejn intrapriżi u awtoritajiet/entitajiet kontraenti, meta dawn tal-aħħar ikunu d-debitur, peress li dawn l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jittrattaw volum konsiderevoli ta’ ħlasijiet lill-intrapriżi.
(9)Il-kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi, tax-xogħol tal-kostruzzjoni u tax-xogħol tal-inġinerija ċivili spiss ikunu soġġetti għal perjodi twal u dewmien fil-ħlasijiet. Għalhekk, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika wkoll għal dawn l-attivitajiet.
(10)It-tranżazzjonijiet mal-konsumaturi, il-ħlasijiet bħala kumpens għad-danni, inkluż il-ħlasijiet minn kumpaniji tal-assigurazzjoni, u l-obbligi tal-ħlas li jistgħu jiġu kkanċellati, posposti, jew rinunzjati skont jew b’rabta ma’ proċedimenti ta’ insolvenza jew proċedimenti ta’ ristrutturar, inkluż proċedimenti ta’ ristrutturar preventiv skont id-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jenħtieġ li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
(11)Il-ħlasijiet tard jikkostitwixxu ksur tal-kuntratt li jkun attraenti finanzjarjament għad-debituri, minħabba r-rati baxxi tal-imgħax, jew l-ebda rata tal-imgħax, fuq il-ħlasijiet tard jew minħabba d-dewmien fil-proċeduri tar-rimedju. Jeħtieġ issir bidla deċiżiva favur kultura ta’ ħlas fil-pront, inkluż dik li l-esklużjoni tad-dritt li jintalab imgħax għal ħlasijiet tard tkun nulla u bla effett, ħalli titreġġa’ lura din it-tendenza u jiġu skoraġġuti l-ħlasijiet tard. Għaldaqstant, il-perjodi tal-ħlas kuntrattwali jenħtieġ li jkunu limitati għal 30 jum kalendarju, kemm fit-tranżazzjonijiet B2B kif ukoll fit-tranżazzjonijiet G2B, meta l-awtorità pubblika tkun id-debitur.
(12)Il-proċeduri tal-aċċettazzjoni jew tal-verifika biex tiġi żgurata l-konformità tal-oġġetti jew tas-servizzi pprovduti mar-rekwiżiti tal-kuntratt, kif ukoll il-verifika tal-korrettezza u l-konformità tal-fattura, spiss jintużaw biex idewmu intenzjonalment il-perjodu tal-ħlas. Għalhekk jenħtieġ li l-inklużjoni tagħhom fil-kuntratt tiġi ġġustifikata oġġettivament min-natura partikolari tal-kuntratt inkwistjoni jew minn xi karatteristiċi tiegħu. Għalhekk jenħtieġ li jkun possibbli li dik il-proċedura tal-verifika jew tal-aċċettazzjoni f’kuntratt tiġi prevista biss meta dan ikun previst fil-liġi nazzjonali, meta meħtieġ, minħabba n-natura speċifika tal-oġġetti jew tas-servizzi. Biex ikun evitat li l-proċedura tal-aċċettazzjoni jew tal-verifika tintuża għall-estensjoni tal-perjodu tal-ħlas, il-kuntratt jenħtieġ li jkun jiddeskrivi b’mod ċar id-dettalji ta’ dik il-proċedura, inkluż it-tul tagħha. Għall-istess fini, id-debitur jenħtieġ li jibda l-proċedura tal-verifika jew tal-aċċettazzjoni minnufih malli jirċievi l-oġġetti u/jew is-servizzi mingħand il-kreditur li jkunu l-oġġett tat-tranżazzjoni kummerċjali, irrispettivament minn jekk il-kreditur ikunx ħareġ fattura jew talba ekwivalenti għall-ħlas. Biex ma tixxekkilx il-kisba tal-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jixraq li jiġi stabbilit tul massimu tal-proċedura tal-aċċettazzjoni jew tal-verifika.
(13)Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għal perjodi iqsar li jistgħu jkunu previsti fil-liġi nazzjonali, u li jkunu aktar favorevoli għall-kreditur.
(14)L-akkwist pubbliku jista’ jaqdi rwol sinifikanti biex titjieb il-prestazzjoni tal-ħlasijiet. Għaldaqstant jenħtieġ li jiġu stabbiliti sinerġiji aħjar bejn il-politiki u r-regoli tal-akkwist pubbliku u l-objettivi tal-ħlas fil-pront. B’mod partikolari fix-xogħlijiet tal-kostruzzjoni pubbliċi, is-sottokuntratturi ħafna drabi ma jitħallsux fil-ħin mill-kuntrattur ewlieni, anki meta l-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti jkunu għaddewlu l-ħlasijiet kuntrattwali, u dan potenzjalment jikkaġuna effett domino dannuż fuq il-katina tal-provvista. Għalhekk jixraq li l-kuntratturi jipprovdu evidenza lill-awtoritajiet kontraenti u lill-entitajiet kontraenti li għamlu l-ħlasijiet lis-sottokuntratturi diretti tagħhom.
(15)Fl-interess tal-konsistenza mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, id-definizzjni ta’ “awtoritajiet kontraenti” u ta’ “entitajiet kontraenti” fid-Direttivi 2014/23/UE, 2014/24/UE, 2014/25/UE u 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jenħtieġ li japplikaw għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.
(16)L-imgħax dovut għall-ħlasijiet tard jenħtieġ li jiġi kkalkulat abbażi ta’ kull jum bħala imgħax sempliċi. L-imgħax għall-ħlasijiet tard jikkostitwixxi ammont aċċessorju għall-ammont dovut. Id-debitur għandu mbagħad jitqies li jkun issodisfa l-obbligi tiegħu biss meta l-kreditur jirċievi l-ħlasijiet tal-ammont dovut, inkluż l-imgħax korrispondenti u l-kumpens b’tariffa fissa. L-ammont tal-imgħax għall-ħlasijiet tard jenħtieġ li jibqa’ jakkumula sakemm isir il-ħlas tal-ammont dovut lill-kreditur.
(17)Jenħtieġ li ma jkunx possibbli li l-kreditur jirrinunzja d-dritt tiegħu li jikseb l-imgħaxijiet għall-ħlasijiet tard, għax l-imgħaxijiet għall-ħlasijiet tard għandhom funzjoni doppja: biex jikkumpensaw parti mid-dannu mġarrab mill-kreditur minħabba d-dewmien, u biex jissanzjonaw lid-debitur għall-ksur tal-kuntratt. Biex tiġi ffaċilitata l-wasla tal-imgħax u tal-kumpens f’każ ta’ ħlasijiet tard għand il-kreditur, id-dritt li l-kreditur jiksibhom jenħtieġ li jkun awtomatiku, għajr meta d-debitur ma jkunx responsabbli għad-dewmien fil-ħlas.
(18)Il-kumpens ġust lill-kredituri għall-kostijiet tal-irkupru li jkunu ġarrbu minħabba l-ħlasijiet tard hu meħtieġ ħalli jiġu skoraġġuti l-ħlasijiet tard. Dawn il-kostijiet jenħtieġ li jkunu jinkludu l-irkupru tal-kostijiet amministrattivi u tal-kumpens għall-kostijiet interni mġarrba minħabba l-ħlas tard, u jenħtieġ li jiġu akkumulati bl-imgħax għall-ħlasijiet tard għal kull tranżazzjoni kummerċjali li tkun tħallset tard kif iddeterminat mill-Qorti tal-Ġustizzja. L-ammont minimu fiss tal-kumpens għall-kostijiet tal-irkupru jenħtieġ li jiġi determinat mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li skonthom qorti nazzjonali tista’ tagħti kumpens lill-kreditur għal xi dannu addizzjonali li jkun ġarrab minħabba l-ħlas tard tad-debitur.
(19)Jenħtieġ li jkun possibbli li jsiru ħlasijiet bin-nifs jew maqsuma. Madankollu, kull ħlas bin-nifs jew ħlas individwali jenħtieġ li jitħallas skont il-kundizzjonijiet miftiehma u jenħtieġ li jkun soġġett għar-regoli dwar il-ħlasijiet tard stipulati f’dan ir-Regolament.
(20)Minbarra li jkunu intitolati għal ammont fiss li jkopri l-kostijiet interni tal-irkupru, il-kredituri jenħtieġ li jkunu intitolati wkoll għal kumpens raġonevoli ta’ kostijiet tal-irkupru oħrajn li jġarrbu minħabba l-ħlasijiet tard mingħand id-debitur. Dawk il-kostijiet jenħtieġ li pereżempju jkunu jinkludu l-kostijiet imġarrba mill-kredituri biex iqabbdu avukat jew aġenzija tal-ġbir tad-djun.
(21)L-abbuż tal-libertà kuntrattwali għad-detriment tal-kreditur jenħtieġ li jkun evitat. Minħabba f’hekk, meta klawżola f’kuntratt jew prattika, li tkun relatata mad-data jew mal-perjodu tal-ħlas, il-ħlas jew ir-rata tal-imgħax għall-ħlasijiet tard, jew il-kumpens għall-kostijiet tal-irkupru, li tkun testendi t-tul tal-proċedura tal-verifika jew tal-aċċettazzjoni jew li tkun iddewwem jew tevita intenzjonalment il-mument meta tintbagħat il-fattura, ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament, u għalhekk jenħtieġ li tkun nulla u bla effett.
(22)Biex jissaħħu l-isforzi għall-prevenzjoni tal-abbuż tal-libertà kuntrattwali għad-detriment tal-kredituri, l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti uffiċjalment biex jirrappreżentaw lill-kredituri jew l-organizzazzjonijiet b’interess leġittimu fir-rappreżentanza ta’ intrapriżi jenħtieġ li jkunu jistgħu jieħdu azzjoni quddiem il-qrati nazzjonali jew il-korpi amministrattivi biex jevitaw il-ħlasijiet tard.
(23)Biex jiżguraw il-ħlas sħiħ tal-ammont dovut, hu importanti li jkun żgurat li l-bejjiegħ iżomm id-dritt għat-titolu tal-oġġetti sakemm ikunu tħallsu kollha kemm huma, jekk qabel il-forniment tal-oġġetti, ix-xerrej u l-bejjiegħ kienu ftiehmu espliċitament fuq klawżola ta’ żamma tat-titolu.
(24)Biex tkun żgurata l-applikazzjoni korretta ta’ dan ir-Regolament, huwa importanti li tingħata t-trasparenza rigward id-drittijiet u l-obbligi kif stabbiliti f’dan ir-Regolament. Biex ikun żgurat li jiġu applikati r-rati korretti tal-imgħax, huwa importanti li dawn jiġu ppubblikati mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni.
(25)Is-sanzjonijiet tal-ħlasijiet tard jistgħu jkunu dissważivi biss jekk ikunu akkumpanjati minn proċeduri ta’ rimedju malajr u effettivi għall-kreditur. Għalhekk għall-kredituri kollha stabbiliti fl-Unjoni jenħtieġ li jkun hemm disponibbli proċeduri ta’ rkupru malajr għat-talbiet mhux ikkontestati.
(26)Biex tiġi ffaċilitata u żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri jenħtieġ li jiddeżinjaw awtoritajiet responsabbli għall-infurzar tiegħu, li jaqdu dmirhom u xogħolhom b’mod oġġettiv u ġust, u jiżguraw it-trattament indaqs tal-impriżi privati u l-awtoritajiet pubbliċi. Dawk l-awtoritajiet tal-infurzar jenħtieġ li jwettqu investigazzjonijiet b’inizjattiva tagħhom stess, jaġixxu fuq l-ilmenti, u jingħataw is-setgħa fost l-oħrajn li jimponu sanzjonijiet u jippubblikaw id-deċiżjonijiet tagħhom b’mod regolari. Barra minn hekk, għal infurzar aktar effettiv, l-Istati Membri jenħtieġ li jużaw l-għodod diġitali sa fejn ikun possibbli.
(27)Biex ikunu żgurati mezzi ta’ rimedju faċli u aċċessibbli, l-Istati Membri jenħtieġ li jippromwovu l-użu volontarju ta’ mekkaniżmu alternattiv effettiv u indipendenti għar-riżoluzzjoni tat-tilwim biex isolvu t-tilwim dwar il-ħlasijiet fit-tranżazzjonijiet kummerċjali.
(28)Il-fatturi jiskattaw it-talbiet għall-ħlas u huma dokumenti importanti fil-katina tat-tranżazzjonijiet tal-provvista tal-oġġetti u tas-servizzi, fost l-oħrajn, biex jiġu stabbiliti l-iskadenzi għall-ħlasijiet. Huwa importanti li jiġu promossi sistemi li jagħtu ċ-ċertezza legali rigward id-data eżatta tal-wasla tal-fatturi mid-debituri, inkluż fil-qasam tal-fatturazzjoni elettronika meta l-wasla tal-fatturi tista’ tiġġenera evidenza elettronika, u li hi regolata parzjalment mid-dispożizzjonijiet dwar il-fatturazzjoni li hemm fid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE u fid-Direttiva 2014/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(29)L-aċċess effettiv tal-intrapriżi, speċjalment tal-SMEs, għat-taħriġ fil-ġestjoni tal-kreditu u fil-litteriżmu finanzjarju jista’ jħalli impatt importanti biex jonqos id-dewmien tal-ħlasijiet, jinżammu flussi tal-flus ottimali, jonqos ir-riskju ta’ inadempjenza u jiżdied il-potenzjal tat-tkabbir. Madankollu, l-SMEs ħafna drabi ma jkollhomx il-kapaċità biex jinvestu f’taħriġ bħal dan, filwaqt li d-disponibbiltà attwali ta’ taħriġ u materjal tat-taħriġ li jiffokaw fuq it-tisħiħ tal-għarfien tal-SMEs fil-ġestjoni tal-kreditu u tal-fatturi hija limitata ħafna. Għalhekk jixraq jiġi previst li l-Istati Membri jeħtieġ jiżguraw li t-taħriġ fil-ġestjoni tal-kreditu u fil-litteriżmu finanzjarju jkun disponibbli u aċċessibbli għall-SMEs, inkluż it-taħriġ fl-użu tal-għodod diġitali għal ħlas fil-ħin.
(30)Ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament huma marbuta mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2019/633 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Ir-relazzjoni bejn id-Direttivi 2011/7/UE u (UE) 2019/633 hi spjegata fil-premessi (17) u (18) u fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2019/633. Peress li dan ir-Regolament jissostitwixxi d-Direttiva 2011/7/UE, dan jenħtieġ li ma jkunx jaffettwa r-regoli stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/633, inkluż id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-ħlasijiet li jsiru fil-kuntest tal-iskema tal-iskejjel, il-ftehimiet dwar il-kondiviżjoni tal-valur u ċerti ħlasijiet għall-bejgħ tal-għeneb, tal-most u tal-inbid bl-ingrossa fis-settur tal-inbid, għajr għall-iskadenzi applikabbli għall-perjodi massimi tal-ħlas dwar il-provvista tal-prodotti agrikoli u alimentari li ma jitħassrux. Madankollu, dan ir-Regolament ma jwaqqafx lill-Istati Membri milli jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għas-settur agrikolu u alimentari li jkunu jipprevedu perjodi tal-ħlas aktar stretti, jew kalkolu differenti tal-perjodi tal-ħlas, dies a quo u proċeduri ta’ verifika u aċċettazzjoni għall-fornituri tal-prodotti agrikoli u alimentari li jkunu aktar favorevoli għall-kreditur.
(31)Dan ir-Regolament għandu l-objettivi li jiġġieled kontra l-ħlasijiet tard fit-tranżazzjonijiet kummerċjali ħalli jkun żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern u b’hekk titrawwem il-kompetittività tal-intrapriżi u, b’mod partikolari, tal-SMEs. Dawk l-objettivi ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri għax l-implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet nazzjonali aktarx li toħloq regoli mhux uniformi, frammentazzjoni fis-suq uniku u kostijiet akbar għall-kumpaniji li jinnegozjaw bejn il-fruntieri. Għalhekk, dawk l-objettivi jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni. Għaldaqstant l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dan l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-objettivi.
(32)Biex jingħata biżżejjed żmien lill-atturi rilevanti kollha ħalli jistabbilixxu l-arranġamenti meħtieġa għall-konformità ma’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-applikazzjoni tiegħu tiġi differita. Madankollu, biex tkun żgurata protezzjoni aħjar tal-kredituri, it-tranżazzjonijiet kummerċjali li jridu jitħallsu wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, għandhom ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet tiegħu, anki jekk il-kuntratt rilevanti jkun ġie ffirmat qabel id-data tal-applikazzjoni tiegħu,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Kamp ta’ applikazzjoni
1.Dan ir-Regolament għandu japplika għall-ħlasijiet li jsiru fit-tranżazzjonijiet bejn l-intrapriżi jew bejn impriżi u awtoritajiet pubbliċi, meta l-awtorità pubblika tkun id-debitur, li jwasslu għal konsenji ta’ oġġetti jew għal għoti ta’ servizzi bi ħlas (“tranżazzjonijiet kummerċjali”).
2.Il-konsenji tal-oġġetti jew l-għoti tas-servizzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu d-disinn u t-twettiq tax-xogħlijiet pubbliċi, u tax-xogħol tal-kostruzzjoni u tax-xogħol tal-inġinerija ċivili.
3.Dan ir-Regolament ma għandhux japplika għal dawn il-ħlasijiet li ġejjin:
(a)il-ħlasijiet għat-tranżazzjonijiet mal-konsumaturi;
(b)il-ħlasijiet bħala kumpens għad-danni, inkluż il-ħlasijiet minn kumpaniji tal-assigurazzjoni;
(c)il-ħlasijiet li jirriżultaw minn obbligi li jistgħu jiġu kkanċellati, posposti, jew rinunzjati skont jew b’rabta ma’ proċedimenti ta’ insolvenza jew proċedimenti ta’ ristrutturar, inkluż proċedimenti ta’ ristrutturar preventiv skont id-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
4.Għajr għall-Artikolu 3(1), dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa d-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/633.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)“intrapriża” tfisser organizzazzjoni, irrispettivament mill-forma u l-mod tal-finanzjament tagħha, li twettaq attività ekonomika jew professjonali b’mod indipendenti;
(2)“awtorità kontraenti” tfisser awtorità kontraenti kif definit fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2014/23/UE, fl-Artikolu 2(1), il-punt (1), tad-Direttiva 2014/24/UE jew fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2014/25/UE;
(3)“Ħlas tard” tfisser ħlas li ma jsirx fil-perjodu tal-ħlas kuntrattwali jew statutorju kif stabbilit fl-Artikolu 3;
(4)“ammont dovut” tfisser l-ammont li kellu jitħallas fil-perjodu tal-ħlas kuntrattwali jew statutorju, kif stabbilit fl-Artikolu 3, inkluż it-taxxi, id-dazji, l-imposti jew il-miżati applikabbli speċifikati fil-fattura jew fit-talba ekwivalenti għall-ħlas;
(5)“titolu infurzabbli” tfisser deċiżjoni, sentenza jew ordni għal ħlas maħruġin minn qorti jew awtorità kompetenti oħra, skrittura privata jew xi dokument ieħor maħruġ, inkluż dawk li huma infurzabbli b’mod provviżorju, sew għal ħlas immedjat u sew għall-ħlas bin-nifs, li jippermettu li t-talba tal-kreditur kontra d-debitur titwettaq b’eżekuzzjoni.
(6)“żamma tat-titolu” tfisser il-ftehim kuntrattwali li skontu l-bejjiegħ iżomm id-dritt għat-titolu tal-oġġetti kkonċernati sakemm ikun tħallas il-prezz kollu;
(7)“proċedura tal-aċċettazzjoni jew tal-verifika” tfisser il-proċedura biex tiġi żgurata l-konformità tal-oġġetti fornuti jew tas-servizzi mogħtija mar-rekwiżiti tal-kuntratt;
(8)“debitur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, jew awtorità pubblika, li trid tħallas għal prodott jew servizz mogħti;
(9)“kreditur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, jew awtorità pubblika, li forniet oġġetti jew tat servizzi lil debitur.
Artikolu 3
Perjodi tal-ħlas
1.Fit-tranżazzjonijiet kummerċjali, il-perjodu tal-ħlas ma għandux jaqbeż it-30 jum kalendarju, mid-data tal-wasla tal-fattura jew ta’ talba ekwivalenti għall-ħlas mingħand id-debitur, diment li d-debitur ikun irċieva l-oġġetti jew is-servizzi. Dan il-perjodu għandu japplika kemm għat-tranżazzjonijiet bejn l-intrapriżi u anki bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-intrapriżi. L-istess perjodu tal-ħlas għandu japplika wkoll għall-provvista tal-prodotti agrikoli u alimentari li ma jitħassrux b’bażi regolari u mhux regolari kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(a), il-punt (i), it-tieni inċiż u fl-Artikolu 3(1)(a), il-punt (ii), it-tieni inċiż tad-Direttiva (UE) 2019/633, sakemm l-Istat Membru ma jkunx jipprevedi perjodu iqsar tal-ħlas għal dawk il-prodotti.
2.Proċedura tal-aċċettazzjoni jew tal-verifika tista’ tkun prevista b’mod eċċezzjonali fil-liġi nazzjonali biss meta strettament meħtieġ minħabba n-natura speċifika tal-oġġetti jew tas-servizzi. F’dak il-każ, il-kuntratt għandu jiddeskrivi d-dettalji tal-proċedura tal-aċċettazzjoni jew tal-verifika, inkluż it-tul tagħha.
3.Meta l-kuntratt jipprevedi proċedura tal-aċċettazzjoni jew tal-verifika, f’konformità mal-paragrafu 2, it-tul massimu ta’ dik il-proċedura ma għandux jaqbeż it-30 jum kalendarju mid-data tal-wasla tal-oġġetti jew tas-servizzi mingħand id-debitur, anki jekk dawk il-oġġetti jew is-servizzi jkunu ngħataw qabel il-ħruġ tal-fattura jew ta’ talba ekwivalenti għall-ħlas. F’dan il-każ, id-debitur għandu jibda l-proċedura tal-aċċettazzjoni jew tal-verifika minnufih malli jirċievi l-oġġetti u/jew is-servizzi mingħand il-kreditur li jkunu l-oġġett tat-tranżazzjoni kummerċjali. Il-perjodu tal-ħlas ma għandux jaqbeż it-30 jum kalendarju wara li tkun saret dik il-proċedura.
4.Il-perjodu tal-ħlas stabbilit fil-paragrafu 1 huwa l-perjodu massimu tal-ħlas u huwa mingħajr preġudizzju għal perjodu iqsar li jista’ jkun previst fil-liġi nazzjonali.
Artikolu 4
Ħlasijiet lis-sottokuntratturi fl-akkwist pubbliku
1.Għall-kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi li huma fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 2014/23/UE, 2014/24/UE, 2014/25/UE, u 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-kuntratturi għandhom jipprovdu evidenza lill-awtoritajiet kontraenti jew lill-entitajiet kontraenti skont it-tifsira ta’ dawk id-Direttivi li, meta applikabbli, dawn ikunu ħallsu lis-sottokuntratturi diretti tagħhom involuti fit-twettiq tal-kuntratt sal-iskadenzi u bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament. L-evidenza tista’ tieħu l-forma ta’ dikjarazzjoni bil-miktub mill-kuntrattur u għandha tingħata mill-kuntrattur lill-awtorità kontraenti jew lill-entità kontraenti qabel, jew l-aktar tard flimkien ma’, kwalunkwe talba għall-ħlas.
2.Meta l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti ma tkunx irċeviet l-evidenza kif previst fil-paragrafu 1 jew ikollha informazzjoni dwar ħlasijiet tard mill-kuntrattur ewlieni lis-sottokuntratturi diretti tiegħu, l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti għandha tinnotifika lill-awtorità tal-infurzar tal-Istat Membru tagħha dwar dan mingħajr dewmien.
Artikolu 5
Imgħax għall-ħlasijiet tard
1.F’każ ta’ ħlas tard, id-debitur għandu jkun responsabbli li jħallas l-imgħax għall-ħlas tard, għajr meta d-debitur ma jkunx responsabbli għad-dewmien tal-ħlas.
2.L-imgħax għall-ħlasijiet tard għandu jkun dovut awtomatikament mid-debitur lill-kreditur, mingħajr ma l-kreditur ikollu għalfejn jibgħat tfakkira, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)il-kreditur ikun issodisfa l-obbligi kuntrattwali tiegħu u l-obbligi previsti fil-liġi;
(b)id-debitur ikun irċieva l-fattura jew talba ekwivalenti għall-ħlas;
(c)il-kreditur ma jkunx irċieva l-ammont dovut speċifikat fil-fattura jew fit-talba ekwivalenti għall-ħlas, fil-perjodu tal-ħlas kuntrattwali jew statutorju kif stabbilit fl-Artikolu 3.
3.Ma għandux ikun possibbli li l-kreditur jirrinunzja d-dritt tiegħu li jikseb l-imgħax għall-ħlasijiet tard.
4.Id-data tal-wasla tal-fattura jew ta’ talba ekwivalenti għall-ħlas ma għandhiex tkun soġġetta għal ftehim kuntrattwali bejn id-debitur u l-kreditur.
5.Id-debitur għandu jipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha lill-kreditur biex jiżgura li l-fattura tal-kreditur jew it-talba ekwivalenti għall-ħlas tiġi aċċettata u pproċessata mid-debitur malli jirċeviha.
6.Meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 jiġu ssodisfati, l-imgħax għall-ħlasijiet tard għandu jibda jakkumula mill-aħħar avveniment minn dawn li ġejjin:
(a)il-wasla tal-fattura jew ta’ talba ekwivalenti għall-ħlas għand id-debitur;
(b)il-wasla tal-oġġetti jew tas-servizzi għand id-debitur.
7.L-imgħax għall-ħlasijiet tard għandu jakkumula sakemm jitħallas l-ammont dovut.
Artikolu 6
Rata tal-imgħax għall-ħlasijiet tard
1.L-imgħax għall-ħlasijiet tard għandu daqs ir-rata ta’ referenza miżjuda bi 8 punti perċentwali.
2.L-Istati Membri li l-valuta tagħhom hi l-euro għandhom jiżguraw li r-rata ta’ referenza tkun tikkorrispondi għal waħda minn dawn li ġejjin:
(a)ir-rata tal-imgħax applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament tiegħu.
(b)ir-rata tal-imgħax marġinali li tirriżulta mill-proċeduri tas-sejħiet għall-offerti b’rata varjabbli għall-aktar operazzjonijiet ewlenin riċenti ta’ rifinanzjament tal-Bank Ċentrali Ewropew;
3.Fl-Istati Membri li l-valuta tagħhom mhix l-euro, ir-rata ta’ referenza ekwivalenti stabbilita mill-bank ċentrali nazzjonali tagħhom;
4.Ir-rata ta’ referenza għall-ewwel semestru tas-sena kkonċernata għandha tkun ir-rata kif determinabbli fl-1 ta’ Jannar ta’ dik is-sena; Ir-rata ta’ referenza għat-tieni semestru tas-sena kkonċernata għandha tkun ir-rata kif determinabbli fl-1 ta’ Lulju ta’ dik is-sena.
Artikolu 7
Skedi tal-ħlas
Meta l-ħlas isir skont skedi li jipprevedu ħlasijiet bin-nifs, u xi wieħed mill-ħlasijiet bin-nifs ma jitħallasx sad-data miftiehma, l-imgħax għall-ħlasijiet tard imsemmi fl-Artikolu 5 għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-arretrati kollha. Il-kumpens għandu jitħallas ukoll f’konformità mal-Artikolu 8.
Artikolu 8
Kumpens għall-kostijiet tal-irkupru
1.Meta l-imgħax għall-ħlasijiet tard isir pagabbli f’konformità mal-Artikolu 5, kull kumpens b’tariffa fissa għall-kostijiet tal-irkupru għandu jkun dovut b’mod awtomatiku mid-debitur lill-kreditur u għandu jammonta għal ammont fiss ta’ EUR 50 għal kull tranżazzjoni kummerċjali.
2.Il-kumpens b’tariffa fissa msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun pagabbli mid-debitur lill-kreditur bħala kumpens għall-kostijiet tal-irkupru tal-kreditur stess, mingħajr il-bżonn ta’ tfakkira.
3.Ma għandux ikun possibbli li l-kreditur jirrinunzja d-dritt tiegħu li jikseb il-kumpens b’tariffa fissa stabbilit fil-paragrafu 1.
4.Minbarra l-kumpens b’tariffa fissa msemmi fil-paragrafu 1, il-kreditur għandu jkun intitolat li jikseb kumpens raġonevoli mingħand id-debitur għal kull kost tal-irkupru li jaqbeż dak il-kumpens b’tariffa fissa u mġarrab minħabba l-ħlas tard tad-debitur.
5.Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-kreditur li jirċievi kumpens ieħor.
Artikolu 9
Termini u prattiki kuntrattwali nulli u bla effett
1.It-termini u l-prattiki kuntrattwali li ġejjin għandhom ikunu nulli u bla effett:
(a)l-istabbiliment ta’ perjodu tal-ħlas bi ksur tal-Artikolu 3;
(b)l-esklużjoni jew il-limitazzjoni tad-dritt tal-kreditur li jikseb l-imgħax għall-ħlasijiet tard previst fl-Artikolu 5 jew id-dritt li jikseb kumpens għall-kostijiet tal-irkupru previsti fl-Artikolu 8;
(c)l-estensjoni tat-tul tal-proċedura tal-verifika jew tal-aċċettazzjoni lil hinn mill-perjodu stabbilit fl-Artikolu 3(3);
(d)id-dewmien jew il-prevenzjoni intenzjonali tal-mument meta tintbagħat il-fattura.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkollhom mezzi adegwati u effettivi biex itemmu t-termini u l-prattiki kuntrattwali msemmija fil-paragrafu 1.
3.Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jinkludu l-possibbiltà li organizzazzjoni rikonoxxuta uffiċjalment biex tirrappreżenta lill-kredituri jew organizzazzjoni b’interess leġittimu fir-rappreżentanza ta’ intrapriżi jieħdu azzjoni quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti.
Artikolu 10
Żamma tat-titolu
Il-kreditur għandu jżomm id-dritt għat-titolu tal-oġġetti sakemm ikunu tħallsu kollha kemm huma, jekk qabel il-forniment tal-oġġetti, id-debitur u l-kreditur kienu ftiehmu espliċitament fuq żamma tat-titolu.
Artikolu 11
Trasparenza
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw trasparenza sħiħa rigward id-drittijiet u l-obbligi stabbiliti f’din id-Direttiva, inkluż billi jagħmlu r-rata tal-imgħax statutorja applikabbli għall-ħlasijiet tard għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.
2.Il-Kummissjoni għandha tippubblika online ir-rati attwali tal-imgħax għall-ħlasijiet tard li japplikaw fl-Istati Membri.
Artikolu 12
Proċeduri tal-irkupru għal talbiet mhux kontestati
1.Il-kredituri għandhom jiksbu titolu infurzabbli, inkluż bi proċedura rapida u irrispettivament mill-ammont tad-dejn, fi żmien 90 jum kalendarju minn meta tinbeda l-azzjoni jew minn meta titressaq l-applikazzjoni tal-kreditur quddiem il-qorti jew quddiem awtorità kompetenti oħra, diment li d-dejn jew l-proċedura ma jkunux ikkontestati.
2.Fil-kalkolu tal-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, ma għandhomx jitqiesu:
(a)il-perjodi tan-notifika tad-dokumenti;
(b)kull dewmien ikkawżat mill-kreditur.
3.Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006.
Artikolu 13
Awtoritajiet tal-infurzar
1.Kull Stat Membru għandu jiddeżinja awtorità waħda jew aktar responsabbli għall-infurzar ta’ dan ir-Regolament (“awtorità tal-infurzar”).
2.Skont kif ikun xieraq, l-awtoritajiet tal-infurzar għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-osservanza tal-iskadenzi tal-ħlasijiet.
3.L-awtoritajiet tal-infurzar għandhom jikkooperaw bejniethom u mal-Kummissjoni b’mod effettiv, u għandhom jipprovdu assistenza reċiproka lil xulxin fl-investigazzjonijiet li jkollhom dimensjoni transfruntiera.
4.L-awtoritajiet tal-infurzar għandhom jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom ma’ awtoritajiet oħra responsabbli għall-infurzar ta’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni jew nazzjonali, inkluż b’obbligi tal-iskambju tal-informazzjoni.
5.L-awtoritajiet tal-infurzar għandhom jibagħtu l-ilmenti li jirċievu rigward ħlasijiet tard fis-settur agrikolu u alimentari lill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar skont id-Direttiva (UE) 2019/633.
Artikolu 14
Setgħat tal-awtoritajiet tal-infurzar
1.L-awtoritajiet tal-infurzar għandu jkollhom ir-riżorsi u l-għarfien espert meħtieġa biex jaqdu dmirijiethom, u għandu jkollhom is-setgħat li ġejjin:
(a)is-setgħa li jibdew u jwettqu investigazzjonijiet b’inizjattiva tagħhom stess jew wara lment;
(b)is-setgħa li jeżiġu lill-kredituri u lid-debituri jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex iwettqu investigazzjonijiet relatati ma’ ħlasijiet tard fit-tranżazzjonijiet kummerċjali;
(c)is-setgħa li jwettqu spezzjonijiet fuq il-post għal għarrieda fil-qafas tal-investigazzjonijiet tagħhom;
(d)is-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet dwar sejbien ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament u li jitolbu lid-debitur iħallas l-imgħax għal-ħlasijiet tard kif previst fl-Artikolu 5 jew li jitolbu lid-debitur jikkumpensa lill-kreditur kif previst fl-Artikolu 8;
(e)is-setgħa li jimponu jew jibdew proċedimenti li jimponu multi u penali oħra u miżuri interim fuq is-suġġetti responsabbli għall-ksur;
(f)is-setgħa li jitolbu lid-debitur itemm il-ksur;
(g)is-setgħa li jippubblikaw id-deċiżjonijiet tagħhom imsemmija fil-paragrafi (d), (e) u (f).
2.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
3.L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni [sa …/mingħajr dewmien] dwar dawk ir-regoli u dwar dawk il-miżuri, u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kull emenda sussegwenti li taffettwahom.
Artikolu 15
Ilmenti u kunfidenzjalità
1.Il-kredituri jistgħu jindirizzaw l-ilmenti lill-awtorità tal-infurzar tal-Istat Membru tal-istabbiliment tagħhom jew inkella lill-awtorità tal-infurzar tal-Istati Membri tal-istabbiliment tad-debitur. L-awtorità tal-infurzar li lilha jkun indirizzat l-ilment għandha tkun kompetenti biex tinforza dan ir-Regolament.
2.L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti uffiċjalment biex jirrappreżentaw lill-kredituri jew l-organizzazzjonijiet b’interess leġittimu fir-rappreżentanza ta’ intrapriżi għandu jkollhom id-dritt li jressqu lment lill-awtoritajiet tal-infurzar imsemmija fl-Artikolu 13 meta jintalab minn xi wieħed jew aktar mill-membri tagħhom jew, skont kif ikun xieraq, meta jintalab minn membru wieħed jew aktar tal-organizzazzjonijiet membri tagħhom, meta dawk il-membri jkun jidhrilhom li kienu affettwati bi ksur ta’ dan ir-Regolament.
3.Meta l-ilmentatur jitlob dan, l-awtorità tal-infurzar għandha tieħu l-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni xierqa tal-identità tal-ilmentatur. L-ilmentatur għandu jidentifika kull informazzjoni li dwarha jkun qed jitlob il-kunfidenzjalità.
4.L-awtorità tal-infurzar li tirċievi l-ilment għandha tinforma lill-ilmentatur fi żmien raġonevoli minn meta tkun irċeviet l-ilment dwar kif ikun beħsiebha ssegwi l-ilment.
5.Meta awtorità tal-infurzar ikun jidhrilha li m’hemmx biżżejjed raġunijiet biex tmexxi fuq ilment, din għandha tinforma lill-ilmentatur bir-raġunijiet tad-deċiżjoni tagħha fi żmien raġonevoli minn meta tkun irċeviet l-ilment.
6.Meta awtorità tal-infurzar ikun jidhrilha li hemm biżżejjed raġunijiet biex tmexxi fuq ilment, din għandha tibda, twettaq u tikkonkludi investigazzjoni tal-ilment fi żmien raġonevoli.
7.Meta awtorità tal-infurzar issib li debitur ikun kiser dan ir-Regolament, din għandha teżiġi li d-debitur iwaqqaf il-prattika illegali.
Artikolu 16
Riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim
1.Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-kredituri li jippreżentaw ilmenti skont l-Artikolu 15, u għall-obbligi u s-setgħat tal-awtoritajiet tal-infurzar stabbiliti fl-Artikoli 13, 14, u 15, l-Istati Membri għandhom jippromwovu l-użu volontarju ta’ mekkaniżmi alternattivi effettivi u indipendenti għar-riżoluzzjoni tat-tilwim bejn id-debituri u l-kredituri.
2.Il-mekkaniżmi alternattivi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim maħsuba għat-tilwim dwar il-ħlasijiet tard għandhom iħeġġu lill-partijiet f’tilwima biex isibu soluzzjoni waħedhom u dawn għandhom ikunu rapidi, effiċjenti u kosteffettivi, filwaqt li jżommu l-kunfidenza u l-fiduċja bejn il-partijiet.
Artikolu 17
Taħriġ fl-għodod diġitali, fil-ġestjoni tal-kreditu u fil-litteriżmu finanzjarju
1.Sa fejn possibbli, l-Istati Membri għandhom jużaw l-għodod diġitali għal infurzar effettiv ta’ dan ir-Regolament.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-taħriġ fl-għodod tal-ġestjoni tal-kreditu u fil-litteriżmu finanzjarju jkun disponibbli u aċċessibbli għall-intrapriżi żgħar u medji, inkluż it-taħriġ fl-użu tal-għodod diġitali għal ħlas fil-ħin.
Artikolu 18
Rapport
Sa [OP: insert the date = 4years after the entry into force of this Regulation], il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
Artikolu 19
Revoka
Id-Direttiva 2011/7/UE tħassret.
Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.
Artikolu 20
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
1.Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2.Għandu japplika minn [OP: insert the date 12 months after the date of entry into force of this Regulation].
3.It-tranżazzjonijiet kummerċjali mwettqa wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, anki meta l-kuntratt ikkonċernat ikun ġie konkluż qabel dik id-data.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President