IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.8.2023
COM(2023) 487 final
ANNESS
tal-
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tiegħu
ANNESS
DEĊIŻJONI NRU 1 TAL-KUMITAT KONĠUNT
ta’ JJ XX 2023
dwar l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tiegħu
IL-KUMITAT KONĠUNT,
Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”), u b’mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu,
Billi:
(1)
Skont l-Artikolu 10(2) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu jiddetermina r-regoli ta’ proċedura tiegħu.
(2)
Ir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt tal-Ftehim jenħtieġ li jiġu stabbiliti,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt, kif stipulati fl-Anness, huma b’dan adottati.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi …,
Għall-Kumitat Konġunt
|
[TITOLU]
Il-Ministeru tal-Industriji u l-Innovazzjoni tal-Iżlanda
Kopresident tal-Kumitat Konġunt
|
Kap tal-Unità
Id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-Kummissjoni Ewropea
Kopresident tal-Kumitat Konġunt
|
ANNESS
REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-KUMITAT KONĠUNT
Artikolu 1
Kapijiet tad-Delegazzjoni
(1)L-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda (“il-Partijiet”), għandhom jaħtru Kap tad-Delegazzjoni kull wieħed li għandu jkun il-persuna ta’ kuntatt għall-kwistjonijiet kollha marbutin mal-Kumitat.
(2)Kull Kap tad-Delegazzjoni jista’ jiddelega l-funzjonijiet kollha tiegħu ta’ Kap tad-Delegazzjoni jew xi wħud minnhom lil deputat innominat, u f’dan il-każ, kull referenza li ssir lill-Kap tad-Delegazzjoni minn hawn ’il quddiem tkun tapplika bl-istess mod għad-deputat innominat.
Artikolu 2
President
Il-kariga ta’ President tal-Kumitat għandha talterna minn idejn il-Kap tad-Delegazzjoni ta’ waħda mill-Partijiet għal idejn il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Parti l-oħra, għal perjodu ta’ sena kalendarja.
Artikolu 3
Laqgħat
(1)Ħlief fejn jiġi maqbul mod ieħor mill-Partijiet, il-Kumitat għandu jiltaqa’ b’mod alternat fl-Unjoni u fl-Iżlanda fuq it-talba ta’ waħda mill-Partijiet, mhux aktar tard minn 90 jum mit-talba.
(2)Kull laqgħa tal-Kumitat għandha tissejjaħ mill-President f’data u f’post li jaqblu fuqhom il-partijiet. L-avviż tas-sejħa għal-laqgħa għandu jinħareġ mill-President mhux aktar tard minn 28 jum kalendarju qabel il-bidu tal-laqgħa, sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor.
(3)Fejn ikun hemm qbil bejn iż-żewġ partijiet, il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt jistgħu jattendu għalihom esperti li huma kapaċi jfornu l-informazzjoni speċifika mitluba.
(4)Sakemm, b’mod konġunt, ma jiġix maqbul mod ieħor, il-laqgħat tal-Kumitat ma għandhomx ikunu pubbliċi.
(5)Bħala eċċezzjoni, il-laqgħat tal-Kumitat jistgħu jsiru permezz ta’ kwalunkwe mezz teknoloġiku li l-Partijiet jaqblu fuqu, inkluża l-vidjokonferenza.
Artikolu 4
Delegazzjonijiet
Qabel kull laqgħa, kull Parti għandha tinforma lill-Parti l-oħra, permezz tas-Segretarjat tal-Kumitat previst fl-Artikolu 5, dwar il-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjoni tagħha.
Artikolu 5
Segretarjat
Għandu jinħatar rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea u rappreżentant tal-Iżlanda mill-Kap tad-Delegazzjoni rispettiv biex jaġixxu b’mod konġunt bħala Segretarji tal-Kumitat u għandhom iwettqu kompiti segretarjali b’mod konġunt u fi spirtu ta’ fiduċja reċiproka u ta’ kooperazzjoni.
Artikolu 6
Korrispondenza
(1)Il-korrispondenza indirizzata lill-Kumitat għandha tintbagħat lis-Segretarju ta’ waħda mill-Partijiet, li min-naħa tiegħu għandu jgħarraf lis-Segretarju l-ieħor.
(2)Is-Segretarjat għandu jiżgura li l-korrispondenza indirizzata lill-Kumitat tiġi mgħoddija lill-President u tiġi ċċirkolata, fejn xieraq.
(3)Il-korrispondenza bejn il-Partijiet tista’ ssir permezz ta’ kwalunkwe mezz bil-miktub, inkluża l-posta elettronika.
Artikolu 7
Aġendi tal-laqgħat
(1)Għal kull laqgħa għandha titfassal aġenda proviżorja mis-Segretarjat tal-Kumitat abbażi tal-proposti magħmula mill-Partijiet. L-aġenda proviżorja għandha tinkludi l-punti li fir-rigward tad-dħul tagħhom fl-aġenda, waħda mill-Partijiet tkun għamlet talba lis-Segretarjat tal-Kumitat sostnuta mid-dokumenti rilevanti u li tasal mhux aktar tard minn 21 jum kalendarju qabel id-data tal-laqgħa.
(2)L-aġenda proviżorja, flimkien mad-dokumenti rilevanti, għandha tiġi ċċirkolata mhux aktar tard minn 15-il jum kalendarju qabel il-bidu tal-laqgħa.
(3)L-aġenda għandha tiġi adottata mill-President u mill-Kap tad-Delegazzjoni l-ieħor fil-bidu ta’ kull laqgħa. Il-punti għajr dawk li jkunu jidhru fl-aġenda proviżorja jistgħu jiddaħħlu fl-aġenda jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk.
(4)F’konsultazzjoni mal-Partijiet, il-President jista’ jqassar il-perjodi ta’ żmien speċifikati fil-paragrafi 1 u 2 sabiex jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċjali.
Artikolu 8
Adozzjoni tal-istrumenti
(1)Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat skont it-tifsira tal-Artikolu 10, il-paragrafi (2) u (3), tal-Ftehim għandhom jiġu adottati b’kunsens u indirizzati lill-Partijiet. Id-deċiżjonijiet għandhom ikunu ffirmati mill-President u mill-Kap tad-Delegazzjoni l-ieħor.
(2)Kull deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha sakemm id-deċiżjoni ma tipprevedix mod ieħor.
(3)Kull waħda mill-Partijiet tista’ tiddeċiedi li tippubblika kwalunkwe deċiżjoni adottata mill-Kumitat.
Artikolu 9
Proċedura bil-miktub
Jekk il-Partijiet jaqblu, il-Kumitat jista’ jadotta deċiżjonijiet bi proċedura bil-miktub, wara li jitlestew il-proċeduri interni rispettivi. Il-proċedura bil-miktub għandha tikkonsisti minn skambju ta’ noti bejn iż-żewġ Segretarji, li jaġixxu bi ftehim mal-Partijiet. Il-parti li tipproponi l-użu tal-proċedura bil-miktub għandha tissottometti l-abbozz ta’ deċiżjoni lill-Parti l-oħra, li għandha twieġeb billi tindika jekk taċċettax jew le l-abbozz, tipproponi kwalunkwe emenda, jew titlob aktar żmien għar-riflessjoni. Jekk l-abbozz jiġi adottat, dan għandu jiġi ffinalizzat f’konformità mal-Artikolu 8(1).
Artikolu 10
Minuti
(1)Il-President għandu jfassal l-abbozz tal-minuti ta’ kull laqgħa u jissottomettihom lill-Kap tad-Delegazzjoni l-ieħor fi żmien 20 jum tax-xogħol minn dakinhar tal-laqgħa. L-abbozz tal-minuti għandu jiddikjara r-rakkomandazzjonijiet li saru u jista’ wkoll jinnota kwalunkwe konklużjoni oħra milħuqa. Il-Kap tad-Delegazzjoni l-ieħor għandu jaqbel mal-abbozz jew jissottometti l-emendi li jipproponi. Malli jintlaħaq qbil dwar l-abbozz tal-minuti, għandhom jiġu ffirmati żewġ kopji oriġinali mill-President u mill-Kap tad-Delegazzjoni l-ieħor. Għandha tinżamm kopja oriġinali tal-minuti mill-President u oħra mill-Kap tad-Delegazzjoni l-ieħor.
(2)F’każ li ma jintlaħaqx qbil dwar il-minuti qabel ma tissejjaħ il-laqgħa sussegwenti, il-minuti għandhom jiddokumentaw l-abbozz imfassal mill-President li miegħu għandhom jiġu annessi l-emendi proposti sottomessi mill-Kap tad-Delegazzjoni l-ieħor.
Artikolu 11
Spejjeż
(1)Kull parti għandha tkopri kwalunkwe spiża li ġġarrab b’riżultat tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-Kumitat.
(2)L-ispiża marbuta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti għandha titħallas mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.
Artikolu 12
Kunfidenzjalità
Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għandhom ikunu kunfidenzjali.