Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0423

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2019/867

COM/2023/423 final

Brussell, 11.7.2023

COM(2023) 423 final

2023/0249(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2019/867


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna Deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-laqgħat annwali tal-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku (CCAMLR) għall-perjodu 2024-2028 b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku

L-objettiv tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku (Konvenzjoni CAMLR) huwa l-konservazzjoni, u l-użu razzjonali tar-riżorsi marini ħajjin Antartiku, li jiffurmaw parti mill-ekosistema tal-Antartiku. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fis-7 ta’ April 1982.

L-Unjoni 1 u għadd ta’ Stati Membri tagħha 2 huma partijiet kontraenti fil-Konvenzjoni CAMLR.

2.2.Il-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku

Il-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku (CCAMLR) hija l-korp stabbilit mill-Konvenzjoni CAMLR biex jadotta miżuri li jiżguraw il-konservazzjoni tar-riżorsi marini ħajjin Antartiku, inkluż l-użu razzjonali tagħhom. Għal dan il-għan, hija tifformula, tadotta u tirrevedi miżuri ta’ konservazzjoni abbażi tal-aħjar evidenza xjentifika disponibbli. Tali miżuri jistgħu jsiru vinkolanti għall-Unjoni.

Bħala membru tas-CCAMLR, l-Unjoni Ewropea hija intitolata tipparteċipa u tivvota fid-deċiżjonijiet tagħha. Is-CCAMLR tieħu d-deċiżjonijiet tagħha b’kunsens.

2.3.Deċiżjonijiet tas-CCAMLR

Is-CCAMLR tiltaqa’ mill-inqas darba fis-sena. Din tadotta miżuri ta’ konservazzjoni, abbażi tal-aħjar informazzjoni xjentifika disponibbli, li tirregola l-użu tar-riżorsi marini ħajjin fl-Antartiku.

Skont l-Artikolu IX.6 tal-Konvenzjoni CAMLR, il-membri jiġu nnotifikati dwar il-miżuri immedjatament wara l-laqgħat annwali u l-miżuri jsiru vinkolanti 180 jum wara. Il-membri li joġġezzjonaw għal din il-miżura fi żmien 90 jum minn meta jiġu notifikati mhumiex marbuta b’dik il-miżura.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea

Il-pożizzjoni li tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-laqgħat annwali tal-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) bħalissa hija stabbilita permezz ta’ approċċ b’żewġ saffi. Deċiżjoni tal-Kunsill tistipula l-prinċipji ta’ gwida tal-pożizzjoni tal-UE fuq bażi pluriennali, u minn hemm ’il quddiem din il-pożizzjoni tiġi aġġustata għal kull laqgħa annwali permezz ta’ dokumenti informali tas-servizzi tal-Kummissjoni li jridu jiġu endorsjati mill-Kunsill.

Għas-CCAMLR, dan l-approċċ huwa implimentat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/867 tal-14 ta’ Mejju 2019, li tistipula l-pożizzjoni tal-UE fis-CCAMLR għall-perjodu 2019-2023. Id-Deċiżjoni fiha prinċipji ġenerali, iżda kemm jista’ jkun tqis ukoll il-karatteristiċi speċifiċi tas-CCAMLR. Barra minn hekk, tistipula l-proċess standard għall-istabbiliment tal-pożizzjoni tal-UE kull sena kif mitlub mill-Istati Membri.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/867 inkorporat il-prinċipji tal-politika komuni tas-sajd il-ġdida, kif stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 , filwaqt li tqis ukoll l-objettivi stipulati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-politika komuni tas-sajd 4 . Barra minn hekk, aġġustat il-pożizzjoni tal-Unjoni għat-Trattat ta’ Liżbona.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/867 tipprevedi valutazzjoni, u fejn xieraq, reviżjoni tal-pożizzjoni tal-UE qabel il-laqgħa annwali tal-2024. Għalhekk, din il-proposta tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni fis-CCAMLR għall-perjodu 2024-2028, u b’hekk tissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/867.

Fir-rigward tas-sajd, din ir-reviżjoni tqis il-Patt Ekoloġiku Ewropew, notevolment l-Istrateġiji għall-Bijodiversità 5 , l-Adattament għat-Tibdil Klimatiku 6 u “Mill-Għalqa sal-Platt” 7 . Tqis ukoll l-Istrateġija għall-Plastiks 8 u l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero 9 . Barra minn hekk, tqis ukoll il-Komunikazzjoni Konġunta dwar il-Governanza Internazzjonali tal-Oċeani 10 .

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

“Atti li jkollhom effetti legali” jinkludu atti li jkollhom effetti legali permezz tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni, u l-istrumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti taħt id-dritt internazzjonali, iżda huma “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 11 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Is-CCAMLR hija korp stabbilit permezz ta’ ftehim, il-Konvenzjoni CAMLR.

L-atti li s-CCAMLR tintalab tadotta jikkostitwixxu atti li għandhom effetti legali. Dawn għandhom ikunu vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu X.6 tal-Konvenzjoni CAMLR u, peress li d-deċiżjonijiet tas-CCAMLR jistgħu jissupplimentaw, jemendaw jew jissostitwixxu l-obbligi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, huma kapaċi jinfluwenzaw deċiżament il-kontenut ta’ dik il-leġiżlazzjoni, inkluż:

·ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat 12 ;

·ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd 13 ;

·ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni 14 ;

·ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 600/2004 li jelenka certi miżuri tekniċi applikabbli għall-attivitajiet tas-sajd fl-inħawi koperti mill-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi marini ħajjin tal-Antartiku 15 ;

·ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 601/2004 li jistabbilixxi certi miżuri ta’ kontroll applikabbli għall-attivitajiet tas-sajd fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi marittimi ħajjin tal-Antartiku 16 ; u

·ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1035/2001 li jistabbilixxi skema ta’ dokumentazzjoni ta’ qbid ta’ Dissostichus spp 17 .

L-atti previsti la jissupplimentaw u lanqas jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-Konvenzjoni CAMLR.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni Ewropea. Jekk l-att ikollu żewġ miri jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn il-miri jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-mira jew komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrigwardaw is-sajd. Il-bażi ġuridika li tistabbilixxi l-prinċipji li jiġu riflessi f’din il-pożizzjoni hija r-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 43(2) tat-TFUE. Id-Deċiżjoni se tissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/867, li tkopri l-perjodu 2019-2023.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 43(2) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

 

2023/0249 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2019/867

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 81/691/KEE 18 il-Komunità Ewropea kkonkludiet il-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku (Konvenzjoni CAMLR) li daħlet fis-seħħ fl-7 ta’ April 1982 u stabbiliet il-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku (CCAMLR). Il-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Polonja u l-Iżvezja huma wkoll Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni CAMLR. Il-Greċja, in-Netherlands u l-Finlandja huma Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni CAMLR iżda mhumiex Membri tas-CCAMLR.

(2)Skont l-Artikolu IX.1 tal-Konvenzjoni CAMLR, is-CCAMLR hija responsabbli mill-adozzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni fil-laqgħat annwali tagħha mfassla biex jiżguraw il-konservazzjoni tar-riżorsi marini ħajjin Antartiku, inkluż l-użu razzjonali tagħhom. Tali miżuri jistgħu jsiru vinkolanti għall-Unjoni.

(3)Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 19 jipprevedi li l-Unjoni għandha tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli fit-tul u li jkunu ġestiti b’mod li huwa konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjieg, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel. Jipprevedi wkoll li l-Unjoni għandha tapplika l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd, u għandha tfittex li tiżgura li l-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi marini ħajjin jirrestawra u jmantni l-popolazzjoni tal-ispeċijiet mistada ’l fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli. Jipprevedi wkoll li l-Unjoni tieħu miżuri ta’ ġestjoni u ta’ konservazzjoni bbażati fuq l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli, tappoġġja l-iżvilupp ta’ għarfien u pariri xjentifiċi, gradwalment telimina l-iskartar u tippromwovi metodi tas-sajd li jikkontribwixxu għal sajd aktar selettiv u l-evitar u t-tnaqqis, kemm jista’ jkun, ta’ qabdiet mhux mixtieqa, u trażżan l-impatt tas-sajd fuq l-ekosistema marina u r-riżorsi tas-sajd. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 speċifikament jipprevedi li dawk l-objettivi u l-prinċipji għandhom jiġu applikati mill-Unjoni fit-twettiq tar-relazzjonijiet tas-sajd esterni tagħha.

(4)F’konformità mal-Istrateġiji għall-Bijodiversità 20 , l-Adattament għat-Tibdil Klimatiku 21 u “mill-Għalqa sal-Platt” 22 , huwa essenzjali li tiġi protetta n-natura u titreġġa’ lura d-degradazzjoni tal-ekosistemi. Ir-riskji li jirriżultaw mit-tibdil klimatiku u t-telf tal-bijodiversità ma jridux jippreġudikaw id-disponibbiltà tal-oġġetti u s-servizzi li ekosistemi marini f’saħħithom jipprovdu lis-sajjieda, lill-komunitajiet kostali u lill-umanità inġenerali.

(5)L-istrateġija għall-Plastiks 23 tirreferi għal miżuri speċifiċi biex jitnaqqas il-plastiks u t-tniġġis tal-baħar kif ukoll it-telf jew l-abbandun tal-irkaptu tas-sajd fil-baħar. Barra minn hekk, il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero 24 jimmira li jnaqqas 50 % tal-iskart tal-plastik fil-baħar u 30 % tal-mikroplastiċi rilaxxati fl-ambjent.

(6)Skont il-Komunikazzjoni Konġunta dwar il-Governanza Internazzjonali tal-Oċeani 25 , il-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-bijodiversità marini huma prijoritajiet ewlenin taħt l-azzjoni esterna tal-UE. L-UE hija l-aktar attur prominenti fl-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) u fil-korpi tas-sajd madwar id-dinja. Hemmhekk, l-UE tippromwovi s-sostenibbiltà tal-istokkijiet tal-ħut, tippromwovi t-teħid ta’ deċiżjonijiet trasparenti abbażi ta’ parir xjentifiku sod, ittejjeb ir-riċerka xjentifika, u ssaħħaħ il-konformità.

(7)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tas-CCAMLR għall-perjodu 2024-2028, minħabba li l-miżuri ta’ konservazzjoni tas-CCAMLR jistgħu jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni u jistgħu jinfluwenzaw deċiżament il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 26 ; ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 27 ; ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 28 ; ir-Regolament tal-Kunsill 600/2004 29 ; ir-Regolament tal-Kunsill 601/2004 30 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1035/2001 31 .

(8)Bħalissa l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tas-CCAMLR hija stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/867 32 . Huwa xieraq li dik id-Deċiżjoni titħassar u li tiġi stabbilita Deċiżjoni ġdida għall-perjodu 2024-2028.

(9)Fid-dawl tan-natura evolventi tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni CAMLR u l-ħtieġa konsegwenti li l-pożizzjoni tal-Unjoni tqis l-iżviluppi l-ġodda, inkluż informazzjoni xjentifika ġdida u informazzjoni rilevanti oħra preżentata qabel jew matul il-laqgħat tas-CCAMLR, jenħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri għall-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni għall-perjodu 2024-2028, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni stabbilit fl-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku Internazzjonali (CCAMLR) hija stipulata fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

L-ispeċifikazzjoni minn sena għall-oħra tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-laqgħat tas-CCAMLR għandha ssir f’konformità mal-Anness II.

Artikolu 3

Il-pożizzjoni tal-Unjoni stipulata fl-Anness I għandha tiġi vvalutata u, fejn xieraq, riveduta mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, l-aktar tard, għal-laqgħa annwali tas-CCAMLR fl-2029.

Artikolu 4

Id-Deċiżjoni (UE) 2019/867 hija mħassra.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 81/691/KEE (ĠU L 252, 5.9.1981, p. 26).
(2)    L-Istati Membri li ġejjin iffirmaw il-Konvenzjoni: il-Belġju (1980), il-Finlandja (1989, iżda mhux membru tas-CCAMLR), Franza (1980), il-Ġermanja (1980), il-Greċja (1987, iżda mhux membru tas-CCAMLR), l-Italja (1989), in-Netherlands (1990), il-Polonja (1980), Spanja (1984), l-Iżvezja (1984).
(3)    Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
(4)    COM(2011) 424, 13.7.2011.
(5)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna (COM/2020/380).
(6)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Insawru Ewropa reżiljenti għall-klima – L-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima, (COM(2021) 82 final).
(7)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent (COM/2020/381).
(8)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija Ewropea għall-Plastiks f’Ekonomija Ċirkolari, COM(2018) 28 final.
(9)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Perkors għal Pjaneta b’Saħħitha għal Kulħadd Pjan ta’ Azzjoni tal-UE: “Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, għall-Ilma u għall-Ħamrija”, COM(2021)400 final.
(10)    Il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Inwittu t-triq lejn pjaneta blu sostenibbli, JOIN(2022)28 final.
(11)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(12)    ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.
(13)    ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.
(14)    ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81.
(15)    ĠU L 97, 1.4.2004, p. 1.
(16)    ĠU L 97, 1.4.2004, p. 16.
(17)    ĠU L 145, 31.5.2001, p. 1.
(18)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Settembru 1981 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni għall-konservazzjoni tar-riżorsi marittimi ħajjin tal-Antartika (81/691/KEE) (ĠU L 252, 5.9.1981, p. 26).
(19)    Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
(20)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna (COM/2020/380).
(21)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Insawru Ewropa reżiljenti għall-klima – L-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima, (COM(2021) 82 final).
(22)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent (COM/2020/381).
(23)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija Ewropea għall-Plastiks f’Ekonomija Ċirkolari, COM(2018) 28 final.
(24)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Perkors għal Pjaneta b’Saħħitha għal Kulħadd Pjan ta’ Azzjoni tal-UE: “Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, għall-Ilma u għall-Ħamrija”, COM(2021)400 final.
(25)    Il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Inwittu t-triq lejn pjaneta blu sostenibbli, JOIN(2022)28 final.
(26)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).
(27)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).
(28)    Ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).
(29)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 600/2004 tat-22 ta’ Marzu tal-2004 li jelenka ċerti miżuri tekniċi applikabbli għall-attivitajiet tas-sajd fl-inħawi koperti mill-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi marini ħajjin tal-Antartiku (ĠU L 97, 1.4.2004, p. 1).
(30)    Ir-Regolament tal-kunsill (KE) Nru 601/2004 tat-22 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi ċerti miżuri ta’ kontroll applikabbli għall-attivitajiet tas-sajd fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi marittimi ħajjin ta’ l-Antartiku (ĠU L 97, 1.4.2004, p. 16).
(31)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1035/2001 tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabbilixxi skema ta’ dokumentazzjoni ta’ qbid ta’ Dissostichus spp (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 1).
(32)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/867 tal-14 ta’ Mejju 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku (CCAMLR), u li tħassar id-Deċiżjoni tal-24 ta’ Ġunju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fis-CCAMLR (ĠU L 140, 28.5.2019, p. 72).
Top

Brussell, 11.7.2023

COM(2023) 423 final

ANNESSI

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2019/867


ANNESS I

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, fil-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku (CCAMLR)

1.PRINĊIPJI

Fil-qafas tas-CCAMLR, l-Unjoni għandha:

(a)tiżgura li l-miżuri adottati fis-CCAMLR ikunu konsistenti mad-dritt internazzjonali, u partikolarment mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1982 fuq id-Dritt Marittimu, tal-Ftehim tal-1995 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Tranżonali u Stokkijiet ta’ Ħut li Jpassi Ħafna, tal-Ftehim tal-1993 biex jippromwovi l-osservanza tal-miżuri internazzjonali ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni minn bastimenti tas-sajd f'ibħra internazzjonali, u tal-Ftehim tal-2009 tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura dwar Miżuri tal-Istat Portwarju;

(b)tippromwovi l-objettivi tal-Ftehim skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika marini lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali (BBNJ) u fil-15-il Konferenza tal-Partijiet fil-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (COP 15), partikolarment fiż-żieda fil-protezzjoni tal-bijodiversità marina u l-protezzjoni ta’ 30 % tal-oċean tad-dinja permezz ta’ żoni marini protetti;

(c)tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, inklużi l-Istrateġiji għall-Bijodiversità u l-Adattament għat-Tibdil Klimatiku, notevolment dwar il-protezzjoni tan-natura, u l-istrateġiji “Mill-Għalqa sal-Platt”, u Ewropa aktar b’saħħitha fid-dinja;

(d)issegwi fuq l-objettivi tal-Istrateġija għall-Plastiks u l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero, notevolment it-tnaqqis tal-plastik u t-tniġġis tal-baħar;

(e)taġixxi f'konformità mal-objettivi u l-prinċipji segwiti mill-Unjoni fi ħdan il-qafas tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), notevolment permezz tal-approċċ prekawzjonarju u l-miri relatati mar-rendiment massimu sostenibbli kif stipulat fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, biex tkun promossa l-implimentazzjoni ta’ approċċ abbażi tal-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd, biex kemm jista’ jkun jiġu evitati jew jitnaqqsu qabdiet mhux mixtieqa, u jiġi eliminat gradwalment il-qbid skartat, u biex jiġi minimizzat l-impatt tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistemi marini u l-abitati tagħhom, kif ukoll, permezz tal-promozzjoni ta’ sajd ekonomikament vijabbli u kompetittiv tal-Unjoni, biex ikun provdut livell tal-għajxien ġust għal dawk li jiddependu minn attivitajiet relatati mas-sajd u jitqiesu l-interessi tal-konsumaturi;

(f)tkun konformi mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2012 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-politika komuni tas-sajd 1 ;

(g)tkun konformi mal-objettivi tal-Komunikazzjoni Konġunta dwar l-aġenda tal-UE għall-Governanza Internazzjonali tal-Oċeani 2 rigward il-konservazzjoni tal-bijodiversità marina, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar dik il-Komunikazzjoni Konġunta 3 ;

(h)taħdem lejn involviment xieraq tal-partijiet konċernati fil-fażi tal-preparazzjoni għall-miżuri CCAMLR u tiżgura li l-miżuri adottati fi ħdan is-CCAMLR jkunu skont l-objettivi tal-Konvenzjoni CAMLR;

(i)tippromwovi pożizzjonijiet konsistenti mal-aħjar prattiki għall-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs);

(j)tara li jkun hemm konsistenza u sinerġija mal-politika li l-Unjoni qed issegwi bħala parti mir-relazzjonijiet bilaterali tagħha tas-sajd ma’ pajjiżi terzi, u tiżgura l-koerenza mal-politiki l-oħrajn tagħha notevolment fl-oqsma tar-relazzjonijiet esterni, l-ambjent, il-kummerċ, l-iżvilupp, ir-riċerka u l-innovazzjoni;

(k)timmira li toħloq kundizzjonijiet ekwi għall-flotta tal-Unjoni fl-ambitu taż-Żona tal-Konvenzjoni CAMLR abbażi tal-istess prinċipji u standards bħal dawk applikabbli skont id-dritt tal-Unjoni, u li tippromwovi l-implimentazzjoni uniformi ta’ dawk il-prinċipji u ta’ dawk l-istandards;

(l)fejn xieraq, tippromwovi l-koordinazzjoni bejn is-CCAMLR, RFMOs eżistenti u konvenzjonijiet dwar ibħra reġjonali (RSCs) u l-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet globali, kif applikabbli, skont il-mandati tagħhom;

(m)tippromwovi l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni fost RFMOs mhux tat-tonn bħalma hu l-proċess Kobe għal RFMOs tat-tonn.

2.ORJENTAZZJONIJIET

Fejn xieraq, l-Unjoni għandha tfittex li tappoġġa l-adozzjoni mis-CCAMLR tal-azzjonijiet li ġejjin:

(a)miżuri li jippromwovu l-konservazzjoni u r-restawr sħiħ tal-bijodiversità, is-sostenibbiltà tal-istokkijiet, u l-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet tat-tibdil klimatiku fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

(b)miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni għar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni CAMLR abbażi tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli, inklużi l-Qabdiet Totali Permissibbli u l-kwoti jew ir-regolazzjoni tal-isforz għar-riżorsi bijoloġiċi marini ħajjin regolati mis-CCAMLR, li jiksbu r-rendiment massimu sostenibbli. Fejn meħtieġ, dawk il-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni għandhom jinkludu miżuri speċifiċi għall-istokkijiet li jġarrbu sajd eċċessiv biex l-isforz tas-sajd jinżamm konformi mal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli;

(c)miżuri li jippromwovu l-ġbir tad-data, ir-riċerka xjentifika u d-deċiżjonijiet ta’ ġestjoni abbażi tax-xjenza, it-tisħiħ tal-kumitat tal-konformità tagħha, kultura ta’ konformità u rieżamijiet perjodiċi indipendenti tal-prestazzjoni;

(d)miżuri għall-prevenzjoni, id-deterrent u l-eliminazzjoni ta’ attivitajiet ta’ sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat (IUU) fiż-żona tal-Konvenzjoni, inkluż l-elenkar tal-bastimenti IUU u l-elenkar komuni ma’ RFMOs oħra, u miżuri li jippromwovu t-traċċabbiltà tal-ħut u tal-prodotti tas-sajd abbażi tal-Linji Gwida Volontarji għall-Iskemi ta’ Dokumentazzjoni tal-Qbid;

(e)miżuri ta’ monitoraġġ, kontroll u sorveljanza fiż-żona tal-Konvenzjoni sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza tal-kontroll u l-konformità mal-miżuri adottati fi ħdan is-CCAMLR inkluż it-tisħiħ tal-kontroll fuq l-operazzjonijiet tat-trażbord abbażi tal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar it-Trażbord;

(f)miżuri biex jiġi minimizzat l-impatt negattiv tal-attivitajiet tas-sajd fuq il-bijodiversità u l-ekosistemi marini u l-abitati tagħhom, inkluż miżuri protettivi għal ekosistemi marini vulnerabbli fiż-żona tal-Konvenzjoni CAMLR bi qbil mal-Konvenzjoni CAMLR u l-Linji Gwida Internazzjonali tal-FAO għall-Ġestjoni tas-Sajd fl-Ibħra Fondi fil-Baħar Miftuħ, miżuri biex jiġi evitat u jitnaqqas kemm jista’ jkun il-qbid mhux mixtieq, inkluż partikolarment l-ispeċijiet marini vulnerabbli, u biex gradwalment jiġi eliminat il-qbid skartat;

(g)miżuri biex jitnaqqas it-tniġġis tal-baħar u jiġi prevenut l-iskariku tal-plastik fil-baħar u jitnaqqas l-impatt tal-plastik fil-baħar fuq il-bijodiversità u l-ekosistemi marini, inkluż miżuri biex jitnaqqas l-impatt ta’ Rkaptu tas-Sajd Abbandunat, Mitluf jew Skartat Mod Ieħor (ALDFG) fl-oċean u biex jiġu ffaċilitati l-identifikazzjoni u l-irkupru ta’ tali rkaptu abbażi tal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar il-Markar tal-Irkaptu tas-Sajd;

(h)miżuri mmirati lejn il-projbizzjoni tas-sajd imwettaq biss bl-iskop tas-sajd għall-pinen tal-klieb il-baħar u li jirrikjedu li l-klieb il-baħar kollha jitħattew l-art bil-pinen kollha mwaħħla kif tipprovdi n-natura;

(i)rakkomandazzjonijiet, fejn xieraq u sal-estent permess skont id-dokumenti kostitwenti rilevanti, li jħeġġu l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO);

(j)approċċi komuni ma’ RFMOs oħrajn, fejn xieraq, partikolarment dawk involuti fil-ġestjoni tas-sajd fl-istess reġjun;

(k)miżuri tekniċi addizzjonali abbażi tal-pariri mill-korpi sussidjarji u mill-gruppi ta’ ħidma tas-CCAMLR.

ANNESS II

L-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed

fil-laqgħa annwali tal-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku

Qabel kull laqgħa annwali tas-CCAMLR, meta dak il-korp jintalab jadotta deċiżjonijiet li jkollhom effetti ġuridiċi fuq l-Unjoni, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex il-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f’isem l-Unjoni tqis l-aktar informazzjoni xjentifika reċenti u informazzjoni rilevanti oħra trażmessa lill-Kummissjoni, f’konformità mal-prinċipji u l-orjentazzjonijiet stabbiliti fl-Anness I.

Għal dan il-għan, u abbażi ta’ dik l-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Kunsill, jew lill-korpi preparatorji tiegħu, fi żmien suffiċjenti qabel kull laqgħa annwali tas-CCAMLR, dokument bil-miktub li jistabbilixxi d-dettalji tal-ispeċifikazzjoni proposta tal-pożizzjoni tal-Unjoni għad-diskussjoni u l-approvazzjoni tad-dettalji tal-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f’isem l-Unjoni.

Jekk matul laqgħa tas-CCAMLR ma jkunx jista’ jintlaħaq qbil, inkluż fuq il-post, il-kwistjoni għandha tiġi riferuta lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tqis elementi ġodda.

(1)    7087/12 REV 1 ADD 1 COR 1.
(2)    JOIN/2022/28 final ta’ 24.06.2022.
(3)    15973/22 ta’ 13.12.2022.
Top