IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 5.7.2023
COM(2023) 411 final
2023/0226(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar pjanti miksuba minn ċerti tekniki ġenomiċi ġodda u l-ikel u l-għalf tagħhom, u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/625
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
{SEC(2023) 411 final} - {SWD(2023) 411 final} - {SWD(2023) 412 final} - {SWD(2023) 413 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
It-tekniki ġenomiċi ġodda (NGTs) jipprovdu opportunitajiet ġodda biex jinbidel il-materjal ġenetiku ta’ organiżmu li jippermetti l-iżvilupp rapidu ta’ varjetajiet ta’ pjanti b’karatteristiċi speċifiċi. L-NGTs jikkostitwixxu grupp varjat ta’ tekniki, li kull waħda minnhom tista’ tintuża b’diversi modi biex jinkisbu riżultati differenti. F’ħafna każijiet, dawn it-tekniki l-ġodda jistgħu jwasslu għal modifikazzjonijiet aktar immirati u preċiżi għall-ġenoma mit-tnissil konvenzjonali jew it-tekniki ġenomiċi stabbiliti u dawn il-modifikazzjonijiet jistgħu jkunu prodotti fin-natura jew jinkisbu minn tekniki ta’ tnissil konvenzjonali jew le.
Il-mutaġenesi mmirata u ċ-ċisġenesi (inkluż l-intraġenesi) jitqiesu bħala NGTs. Huma differenti mit-tekniki ġenomiċi stabbiliti minħabba li għandhom karatteristiċi ġodda, pereżempju, preċiżjoni u veloċità ikbar fl-introduzzjoni tal-modifikazzjonijiet ġenetiċi mixtieqa u l-inserzjoni ta’ materjal ġenetiku biss minn speċijiet li jistgħu jinkroċjaw. Il-mutaġenesi mmirata u ċ-ċisġenesi ma jintroduċux materjal ġenetiku minn speċijiet li ma jistgħux jinkroċjaw — transġenesi — filwaqt li dan huwa l-każ b’tekniki ġenomiċi stabbiliti. Barra minn hekk, f’xi każijiet, il-prodotti li fihom jew li jikkonsistu minn pjanti b’modifikazzjonijiet ġenetiċi introdotti mill-NGTs ma jistgħux jintgħarfu minn prodotti li fihom jew li jikkonsistu minn pjanti mnissla b’metodi ta’ tnissil konvenzjonali permezz ta’ metodi analitiċi, filwaqt li dan huwa dejjem possibbli għat-tekniki ġenomiċi stabbiliti.
L-ambitu ta’ din l-inizjattiva huma pjanti prodotti minn mutaġenesi mmirata u ċisġenesi (inkluż l-intraġenesi), prodotti li fihom jew li jikkonsistu minn dawn il-pjanti u ikel u għalf li fihom, li jikkonsistu minn jew li huma prodotti minn dawn il-pjanti. L-għażla tal-ambitu hija bbażata fuq diversi raġunijiet. Bosta applikazzjonijiet avvanzati u bikrija ta’ “riċerka u żvilupp” jikkonċernaw il-pjanti, u diversi prodotti tal-pjanti diġà qegħdin fis-suq jew qrib ħafna li jitqiegħdu fih. F’ċerti każijiet, jistgħu jinkisbu pjanti sostanzjalment ekwivalenti b’metodi ta’ tnissil konvenzjonali u b’mutaġenesi mmirata u ċisġenesi. Id-data dwar is-sikurezza hija disponibbli l-aktar għall-pjanti miksuba minn mutaġenesi mmirata u ċisġenesi, filwaqt li f’dan l-istadju huwa diffiċli li wieħed jasal għal konklużjonijiet rilevanti dwar NGTs u applikazzjonijiet oħra fl-annimali u fil-mikroorganiżmi.
L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) ikkonkludiet li, fir-rigward tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u għall-ambjent, ma hemm l-ebda periklu speċifiku marbut mal-mutaġenesi mmirata jew iċ-ċisġenesi. L-EFSA kkonkludiet ukoll li fil-mutaġenesi mmirata, il-potenzjal għal effetti mhux mixtieqa, bħall-effetti mhux fil-mira, jista’ jitnaqqas b’mod sinifikanti meta mqabbel mat-transġenesi jew mat-tnissil konvenzjonali. Għalhekk, minħabba kif jaħdmu dawn it-tekniki l-ġodda, u meta mqabbla mat-transġenesi, jista’ jkun meħtieġ ammont iżgħar ta’ data għall-valutazzjoni tar-riskju ta’ dawn il-pjanti u l-prodotti magħmula minnhom.
Hemm domanda sinifikanti fl-Unjoni u globalment għall-pjanti tal-NGT, minħabba l-potenzjal tagħhom li jikkontribwixxu għall-indirizzar tal-isfidi attwali fis-sistema agroalimentari. It-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità poġġew l-enfasi fuq ir-reżiljenza fit-tul tal-katina alimentari u l-ħtieġa ta’ tranżizzjoni lejn agrikoltura u sistemi tal-ikel aktar sostenibbli. L-Istrateġija tal-Patt Ekoloġiku Ewropew “Mill-Għalqa sal-Platt” tidentifika b’mod speċifiku tekniki ġodda, inkluża l-bijoteknoloġija, li huma sikuri għall-konsumaturi u għall-ambjent u li jġibu benefiċċji għas-soċjetà kollha kemm hi, bħala għodda possibbli biex tiżdied is-sostenibbiltà tas-sistemi agroalimentari u jingħata kontribut għall-garanzija tas-sigurtà tal-ikel.
Il-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna kixfu wkoll id-dipendenzi esterni tal-Unjoni. Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar ir-Rieżami tal-Politika tal-Kummerċ, il-Kummissjoni saħqet dwar ir-rwol tal-ftuħ kummerċjali fi ħdan il-kunċett ta’ “Awtonomija Strateġika Miftuħa”, filwaqt li fakkret l-importanza ta’ kummerċ miftuħ u ġust bi ktajjen tal-valur globali li jiffunzjonaw tajjeb u li huma diversifikati u sostenibbli. L-NGTs jiġu applikati għal firxa ferm akbar ta’ speċijiet ta’ għelejjel mit-tekniki ġenomiċi stabbiliti u jistgħu jikkontribwixxu, pereżempju, għat-tnaqqis tad-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet ta’ proteini tal-pjanti. Jistgħu wkoll jappoġġaw il-ħtiġijiet speċjali fir-Reġjuni Ultraperiferiċi. L-NGTs huma aktar teknikament aċċessibbli minn tekniki ġenomiċi stabbiliti peress li għandhom kostijiet baxxi ta’ dħul u operatorji. Dan jista’ jfisser li l-iżviluppaturi u l-utenti ta’ dawn it-tekniki jkunu aktar diversifikati jekk l-aċċess għat-teknoloġiji u l-affordabbiltà tagħhom jinżammu. L-NGTs jistgħu jkunu rilevanti wkoll f’pajjiżi b’introjtu baxx u medju, li kieku jibbenefikaw mill-adattament ta’ speċijiet ta’ għelejjel tradizzjonali u lokali sabiex ikunu jistgħu jifilħu għall-kundizzjonijiet li jinbidlu. Qafas abilitanti fl-UE jista’ jappoġġa wkoll l-użu f’dawk il-pajjiżi.
Fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ Lulju 2018, fil-Kawża C-528/16, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sostniet li d-Direttiva 2001/18 ma tistax tiġi interpretata li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-organiżmi ġenetikament modifikati (“OĠM”) miksuba permezz ta’ tekniki/metodi ġodda ta’ mutaġenesi li ġew introdotti jew li żviluppaw prinċipalment mill-adozzjoni ta’ dik id-Direttiva ’l hawn.
Il-Kunsill, fid-Deċiżjoni (UE) 2019/1904 tat-8 ta’ Novembru 2019, talab lill-Kummissjoni tippreżenta, sat-30 ta’ April 2021, studju fid-dawl ta’ dik is-sentenza dwar l-istatus tat-tekniki ġenomiċi ġodda skont id-dritt tal-Unjoni, u proposta (akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt), jekk ikun xieraq, fid-dawl tal-eżiti tal-istudju.
Il-Kummissjoni ppreżentat l-istudju mitlub fid-29 ta’ April 2021 (l-“istudju tal-Kummissjoni dwar l-NGT”). Hija kkonkludiet li hemm indikazzjonijiet qawwija li l-leġiżlazzjoni attwali tal-Unjoni dwar l-OĠM ma hijiex adattata biex tirregola l-pjanti tal-NGT miksuba minn mutaġenesi mmirata jew ċisġenesi, u l-prodotti (inkluż l-ikel u l-għalf) derivati minnhom, u li dik il-leġiżlazzjoni jeħtieġ li tiġi adattata għall-progress xjentifiku u tekniku f’dan il-qasam. L-istudju identifika l-problemi li ġejjin:
●ir-rekwiżiti tal-valutazzjoni tar-riskju u l-proċedura tal-awtorizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali dwar l-OĠM ma humiex adattati għall-varjetà ta’ prodotti potenzjali tal-pjanti li jistgħu jinkisbu permezz ta’ mutaġenesi mmirata u ċisġenesi, u, b’riżultat ta’ dan, huma sproporzjonati jew inadegwati f’ċerti każijiet;
●il-leġiżlazzjoni attwali dwar l-OĠM se tkun diffiċli biex tiġi implimentata u infurzata għal ċerti pjanti prodotti minn mutaġenesi mmirata jew cisġenesi, b’mod partikolari dawk li għalihom ma jistax jiġi pprovdut metodu speċifiku ta’ detezzjoni;
●l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali dwar l-OĠM għall-NGTs ma twassalx għall-iżvilupp ta’ prodotti innovattivi li huma potenzjalment ta’ benefiċċju għan-nissiela, għall-bdiewa, għall-operaturi tan-negozji tal-ikel, għall-konsumaturi u għall-ambjent.
Dawn il-problemi jaffettwaw lil diversi operaturi fis-sistema agroalimentari, speċjalment lin-nissiela, lis-settur tal-innovazzjoni u r-riċerka dwar il-bijoteknoloġija agrikola, lill-bdiewa, lill-industrija bbażata fuq il-prodotti bijoloġiċi u lill-konsumaturi, lin-negozjanti, u lill-awtoritajiet tal-Unjoni u nazzjonali. Barra minn hekk, barra mill-Unjoni, diversi pajjiżi terzi diġà ħadu miżuri dwar l-NGTs, filwaqt li adattaw il-livell ta’ sorveljanza regolatorja għan-natura speċifika tal-pjanti tal-NGT u tal-prodotti magħmula minnhom. L-Unjoni tirriskja li tiġi eskluża b’mod sinifikanti mill-iżviluppi teknoloġiċi u mill-benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ambjentali li dawn it-teknoloġiji l-ġodda jistgħu potenzjalment jiġġeneraw, jekk il-qafas tagħha tal-OĠM ma jkunx adattat għall-NGTs. Imbagħad, dan iwassal għal inqas awtonomija strateġika għall-Unjoni.
Għalhekk, il-qafas regolatorju tal-Unjoni għandu jiġi adattat biex jagħmel l-NGTs soġġetti għal-livell xieraq ta’ sorveljanza regolatorju. L-objettivi tal-proposta huma dawn li ġejjin:
Objettivi ġenerali
●jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent, f’konformità mal-prinċipju ta’ prekawzjoni;
●isir possibbli l-iżvilupp u t-tqegħid fis-suq ta’ pjanti u prodotti tal-pjanti li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-innovazzjoni u s-sostenibbiltà tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-istrateġiji “Mill-Għalqa sal-Platt” u għall-Bijodiversità;
●jiġi żgurat il-funzjonament effettiv tas-suq intern fil-pjanti u l-prodotti tal-NGT u fl-ikel u l-għalf li fihom, li jikkonsistu minn jew li huma prodotti minn pjanti tal-NGT, u tittejjeb il-kompetittività tas-settur agroalimentari tal-Unjoni fil-livelli tal-Unjoni u globali, inklużi kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-operaturi.
Objettivi speċifiċi
●il-proċeduri għar-rilaxx intenzjonat u t-tqegħid fis-suq jiżguraw li l-pjanti tal-NGT u l-ikel u l-għalf tagħhom ikunu sikuri daqs il-kontropartijiet konvenzjonali tagħhom, filwaqt li ma jinvolvux piż regolatorju bla bżonn;
●ir-rilaxx intenzjonat u t-tqegħid fis-suq ta’ pjanti tal-NGT u l-ikel u l-għalf tagħhom li jkollhom firxa wiesgħa ta’ speċijiet u karatteristiċi ta’ pjanti minn diversi żviluppaturi;
●il-pjanti tal-NGT rilaxxati jew imqiegħda fis-suq ikollhom karatteristiċi li jistgħu jikkontribwixxu għal sistema agroalimentari sostenibbli.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-pjanti tal-NGT jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali tal-Unjoni dwar l-OĠM (id-Direttiva 2001/18/KE, ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, ir-Regolament (KE) Nru 1830/2003, id-Direttiva 2009/41/KE). Din il-proposta tistabbilixxi rekwiżiti ġodda speċifikament għall-pjanti tal-NGT miksuba minn mutaġenesi mmirata u ċisġenesi u prodotti li fihom jew li jikkonsistu minn dawn il-pjanti u ikel u għalf li fihom, li jikkonsistu minn jew li huma prodotti minn dawn il-pjanti. Din il-proposta għandha l-istess objettivi bħal-leġiżlazzjoni dwar l-OĠM biex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent f’konformità mal-prinċipju ta’ prekawzjoni u biex tiżgura l-funzjonament tas-suq intern, filwaqt li tindirizza l-ispeċifiċità tal-pjanti tal-NGT. Il-proposta hija koerenti mal-qafas eżistenti.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-proposta hija parti mill-politiki ġenerali tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-istrateġiji relatati: l-istrateġiji “Mill-Għalqa sal-Platt” u għall-Bijodiversità, l-Istrateġija tal-Unjoni dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima u l-inizjattiva ppjanata dwar qafas leġiżlattiv għal sistema tal-ikel sostenibbli. Hija konsistenti mal-objettivi ta’ dawn l-istrateġiji.
Pereżempju, permezz tal-iżvilupp ta’ pjanti reżistenti għall-pesti, il-pjanti tal-NGT jistgħu jkunu fost l-għodod li jikkontribwixxu għall-mira tat-tnaqqis tal-użu u r-riskju tal-pestiċidi stabbilita fl-Istrateġiji “Mill-Għalqa sal-Platt” u għall-Bijodiversità u fil-proposta għal Regolament dwar l-użu sostenibbli tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.
It-tqegħid fis-suq u l-kultivazzjoni tal-pjanti tal-NGT u tal-materjal riproduttiv tal-foresti se jkollhom jikkonformaw ukoll mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni taż-żrieragħ u ta’ Materjal Riproduttiv ieħor tal-Pjanti u tal-Foresti (“PRM”, “FRM”) li qed tiġi riveduta wkoll. L-għan ta’ dik ir-reviżjoni hu li jiġu żgurati d-disponibbiltà u l-għażla fl-Unjoni ta’ PRM u FRM ta’ kwalità għolja, adattabbli għall-bidliet klimatiċi attwali u prevedibbli, u li jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-ikel, għall-produzzjoni sostenibbli u għall-protezzjoni tal-bijodiversità. Għalhekk, l-objettivi tal-inizjattiva tal-NGT, minn naħa waħda, u tar-reviżjoni tal-PRM/FRM, min-naħa l-oħra, huma kompletament kompatibbli.
Din il-proposta għandha l-istess objettivi relatati mal-agrikoltura sostenibbli u l-produzzjoni tal-ikel mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-produzzjoni organika (ir-Regolament (UE) 2018/848) (ir-“Regolament dwar il-Prodotti Organiċi”). Ir-Regolament dwar il-Prodotti Organiċi jipprojbixxi l-użu ta’ OĠM u ikel u għalf ġenetikament modifikati fil-produzzjoni organika. Skont din il-proposta, il-projbizzjoni tkompli tapplika għall-pjanti tal-NGT u l-ikel u l-għalf kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Dan huwa konsistenti mar-Regolament dwar il-Prodotti Organiċi minħabba li l-użu ta’ tekniki ġenomiċi ġodda huwa inkompatibbli mal-kunċett attwali tal-produzzjoni organika fir-Regolament (KE) 2018/848 u l-perċezzjoni attwali tal-konsumaturi tal-prodotti organiċi.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikoli 43, 114 u 168(4)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Dawn l-Artikoli jipprovdu l-bażi ġuridika biex l-Unjoni tadotta miżuri li għandhom bħala l-objettiv tagħhom l-implimentazzjoni tal-politika agrikola komuni (l-Artikolu 43), u li jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-suq intern (l-Artikolu 114) u livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fl-oqsma veterinarji u fitosanitarji (l-Artikolu 168(4)(b)).
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-pjanti miksuba permezz ta’ mutaġenesi mmirata u ċisġenesi huma organiżmi ħajjin li, bħal kwalunkwe pjanta oħra, meta jiġu rilaxxati fl-ambjent għal finijiet sperimentali jew bħala prodotti kummerċjali, jistgħu jirriproduċu u jaqsmu l-fruntieri nazzjonali. Ir-rekwiżiti għar-rilaxx intenzjonat u t-tqegħid fis-suq ta’ pjanti tal-NGT u ta’ ikel u għalf derivati minnhom diġà huma armonizzati fil-livell tal-Unjoni skont il-qafas legali eżistenti applikabbli għall-OĠM. Sabiex jiġi żgurat li dawn il-pjanti, il-prodotti u l-ikel u l-għalf ikunu jistgħu jiċċirkolaw liberament fis-suq intern, filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, u tal-ambjent, il-qafas regolatorju jeħtieġ li jiġi adattat għall-ispeċifiċitajiet tal-pjanti miksuba minn dawn it-tekniki. Barra minn hekk, l-Istrateġija tal-UE “Mill-Għalqa sal-Platt” tirrikonoxxi l-potenzjal ta’ tekniki ġodda, inkluża l-bijoteknoloġija, biex tiżdied is-sostenibbiltà tas-sistema tal-ikel u biex jinkisbu benefiċċji għas-soċjetà kollha kemm hi.
Għal dawn ir-raġunijiet, jeħtieġ li tittieħed azzjoni mill-Unjoni. It-tneħħija tal-pjanti tal-NGT mill-qafas legali attwali tal-Unjoni u li r-regolamentazzjoni tagħhom titħalla f’idejn l-Istati Membri x’aktarx iwasslu għal rekwiżiti regolatorji u livelli ta’ protezzjoni differenti fl-Unjoni. Rekwiżiti nazzjonali differenti għall-pjanti tal-NGT u l-prodotti derivati minnhom ifixklu l-moviment liberu ta’ dawn il-pjanti u l-prodotti, jifframmentaw is-suq intern u jwasslu għal kompetizzjoni mhux ugwali bejn l-operaturi ekonomiċi.
•Proporzjonalità
Il-prinċipju tal-proporzjonalità tqies fit-tqabbil tal-għażliet differenti evalwati fil-valutazzjoni tal-impatt. Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu strettament meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi tagħha. Il-proċeduri għar-rilaxx intenzjonat u t-tqegħid fis-suq ta’ pjanti tal-NGT u prodotti (inklużi l-ikel u l-għalf) derivati minnhom tfasslu sabiex jipprovdu għad-diversità tal-profili tar-riskju ta’ dawn il-pjanti u l-prodotti. Il-proposta tipprevedi proċedura ta’ verifika għal dawk il-pjanti tal-NGT u l-prodotti derivati minnhom li jistgħu jseħħu wkoll b’mod naturali jew jiġu prodotti permezz ta’ tnissil konvenzjonali u proċedura ta’ awtorizzazzjoni b’valutazzjoni tar-riskju adattata għall-profil tar-riskju għall-pjanti l-oħra kollha tal-NGT u għall-prodotti derivati. Dawn il-proċeduri differenti jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jivverifikaw li l-pjanti tal-NGT u l-prodotti derivati minnhom ikunu sikuri daqs il-kontropartijiet konvenzjonali tagħhom, u li ma humiex aktar stretti milli meħtieġ biex jiġi żgurat li r-riskji potenzjali għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew għall-ambjent jiġu identifikati u evalwati kif xieraq.
•Għażla tal-istrument
L-istrument ta’ politika magħżul huwa Regolament. Il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni kif ukoll il-proċedura ta’ verifika huma bbażati fuq kriterji, rekwiżiti u proċeduri armonizzati bis-sħiħ li għandhom iwasslu għal deċiżjoni għall-Unjoni kollha, li tiżgura l-istess livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent u d-disponibbiltà tal-prodotti kkonċernati madwar l-Unjoni. Regolament huwa l-aktar strument legali xieraq biex jiġu inkorporati tali proċeduri u biex tinkiseb implimentazzjoni uniformi tal-intervent ta’ politika, li għandu komponent importanti tas-suq intern.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Saru żewġ studji esterni rigward il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-OĠM f’isem il-Kummissjoni fl-2010 (dwar l-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati) u fl-2011 (il-kultivazzjoni tal-OĠM u t-tqegħid tal-OĠM fis-suq). Dawn innutaw tħassib li l-qafas leġiżlattiv kien iffukat biss fuq ir-riskji u ma kienx xieraq biex l-Unjoni tieħu vantaġġ mill-iżviluppi l-ġodda fil-bijoteknoloġija. Huma rreferew ukoll għall-isfidi ta’ detezzjoni li jirriżultaw mill-fatt li prodotti ta’ mutaġenesi mmirata jistgħu ma jvarjawx minn dawk miksuba permezz ta’ tnissil konvenzjonali. Dawn l-istudji kkonkludew li, peress li r-rata tal-innovazzjoni fis-settur globali tal-bijoteknoloġija x’aktarx li ma tonqosx, l-iżgurar li l-leġiżlazzjoni tibqa’ rilevanti x’aktarx li kienet sfida kontinwa, speċjalment jekk l-enfasi kienet fuq it-tekniki użati aktar milli fuq il-prodotti finali. L-istudju dwar l-NGT tal-Kummissjoni kkonferma li s-sejbiet ta’ dawk l-istudji preċedenti għadhom rilevanti u li l-isfidi żdiedu, speċjalment fir-rigward ta’ pjanti prodotti minn mutaġenesi mmirata u ċisġenesi.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Tħejjiet strateġija ta’ konsultazzjoni biex jinġabru l-fehmiet u l-evidenza minn diversi gruppi ewlenin ta’ partijiet ikkonċernati: il-pubbliku ġenerali; l-operaturi attivi fis-sistema agroalimentari u tal-għalf; l-operaturi tal-industriji tal-pjanti u b’bażi bijoloġika attivi f’setturi għajr is-settur agroalimentari; il-partijiet ikkonċernati akkademiċi u tar-riċerka attivi fil-qasam tal-bijoteknoloġija b’mod ġenerali u fil-bijoteknoloġija agrikola/tal-pjanti; is-soċjetà ċivili/l-organizzazzjonijiet mhux governattivi b’interess fis-suġġett; l-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri tal-Unjoni u ta’ pajjiżi terzi; l-istituzzjonijiet tal-Unjoni; l-aġenziji tas-sikurezza alimentari ta’ pajjiżi terzi; partijiet ikkonċernati oħra bħal konsulenzi u gruppi ta’ riflessjoni b’interess fis-suġġett.
Saru l-konsultazzjonijiet li ġejjin:
●feedback dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Bidu tal-Kummissjoni (24 ta’ Settembru 2021 – 22 ta’ Ottubru 2021);
●konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni (29 ta’ April 2022 – 22 ta’ Lulju 2022);
●stħarriġ immirat tal-partijiet ikkonċernati (28 ta’ Ġunju 2022 – 05 ta’ Settembru 2022);
●intervisti (Ġunju 2022 – Diċembru 2022);
●gruppi fokali dwar is-sostenibbiltà u t-traċċabbiltà (22 u 23 ta’ Settembru 2022).
Il-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati fid-dinja akkademika/fir-riċerka, in-nissiela, il-bdiewa (ħlief fl-agrikoltura organika u fil-produzzjoni ħielsa mill-modifikazzjoni ġenetika), operaturi oħra tal-katina agroalimentari u awtoritajiet pubbliċi talbu l-adattament tal-leġiżlazzjoni attwali għal qafas aktar abilitanti. Min-naħa l-oħra, il-maġġoranza tal-organizzazzjonijiet ambjentali, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), u l-organizzazzjonijiet tal-bejjiegħa bl-imnut u tal-konsumaturi jappoġġaw iż-żamma tal-istatus quo. L-attivitajiet ta’ konsultazzjoni attiraw interess konsiderevoli miċ-ċittadini, li jirrifletti fehmiet differenti (kampanja kbira li tippromwovi l-preservazzjoni tas-sistema attwali matul il-valutazzjoni tal-impatt tal-bidu, filwaqt li l-maġġoranza tal-kontributi taċ-ċittadini fil-konsultazzjoni pubblika u t-tweġibiet mhux tal-kampanja fil-valutazzjoni tal-impatt tal-bidu kienu favur l-adattament tal-leġiżlazzjoni).
Xi rispondenti (il-maġġoranza tad-dinja akkademika/l-istituzzjonijiet tar-riċerka, l-industrija tal-bijoteknoloġija/b’bażi bijoloġika, is-setturi tal-biedja, l-għalf, l-ipproċessar/il-manifattura tal-ikel, it-tnissil tal-pjanti/taż-żrieragħ, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti/il-fertilizzanti, is-settur tal-pjanti ornamentali, is-setturi tal-kummerċ u l-awtoritajiet pubbliċi) jargumentaw li r-rekwiżiti attwali tal-valutazzjoni tar-riskju huma sproporzjonati għall-pjanti prodotti permezz ta’ mutaġenesi mmirata jew ċisġenesi; uħud minn dawn ir-rispondenti (l-awtoritajiet pubbliċi, l-istituzzjonijiet akkademiċi/tar-riċerka, il-maġġoranza taċ-ċittadini fil-konsultazzjoni pubblika) jemmnu li l-valutazzjoni tar-riskju għandu jkollha rekwiżiti adattati għall-karatteristiċi u l-profil tar-riskju ta’ pjanta. Diversi partijiet ikkonċernati (l-industrija tal-bijoteknoloġija, it-tnissil tal-pjanti/taż-żrieragħ, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti/il-fertilizzanti, is-settur tal-pjanti ornamentali u s-settur tal-kummerċ) jemmnu li ma hijiex meħtieġa valutazzjoni tar-riskju meta dawn il-pjanti setgħu ġew prodotti permezz ta’ tnissil konvenzjonali tal-pjanti jew mutaġenesi klassika. Min-naħa l-oħra, il-maġġoranza tal-NGOs, u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi jqisu li l-leġiżlazzjoni attwali hija adattata għall-fini u effettiva f’termini ta’ valutazzjoni tar-riskju.
Sehem sinifikanti tal-partijiet ikkonċernati (l-operaturi tal-katina agroalimentari, l-NGOs, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u ambjentali) ma jappoġġawx l-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar is-sostenibbiltà fil-leġiżlazzjoni u jippromwovu approċċ sistemiku għas-sostenibbiltà, li jissuġġerixxu li ma għandux ikun marbut biss mal-proċess tat-tnissil tal-pjanti u b’mod partikolari mhux ma’ karatteristika waħda. Min-naħa l-oħra, tali dispożizzjonijiet huma appoġġati minn maġġoranza ta’ istituzzjonijiet akkademiċi/ta’ riċerka u ċittadini li wieġbu, kif ukoll minn kważi nofs l-awtoritajiet pubbliċi.
F’termini tas-sostenibbiltà, il-karatteristiċi li jaffettwaw l-użu aħjar tar-riżorsi, it-tolleranza għall-istress abijotiku (eż. nixfa, sħana), u l-istress bijotiku (eż. pesti tal-pjanti) jitqiesu bħala l-aktar rilevanti, kif ukoll ir-rendiment jew karatteristiċi agronomiċi oħra u kompożizzjoni aħjar (eż. kontenut aħjar ta’ nutrijenti jew kontenut aktar baxx ta’ sustanzi tossiċi/allerġeni), filwaqt li t-tolleranza għall-erbiċidi/insettiċidi u l-karatteristiċi relatati mal-kwalità (eż. kulur, togħma) jikklassifikaw bħala l-aktar baxxi.
It-tweġibiet dwar it-traċċabbiltà u l-informazzjoni għall-pjanti prodotti minn mutaġenesi mmirata u cisġenesi jvarjaw. L-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u l-maġġoranza tal-NGOs u s-setturi organiċi u ħielsa mill-OĠM jitolbu tikketti fiżiċi fuq il-prodott finali, filwaqt li l-partijiet ikkonċernati l-oħrajn jippreferu soluzzjonijiet alternattivi bħal bażijiet tad-data u reġistri pubbliċi. Barra minn hekk, il-fehma li t-trasparenza dwar it-teknika ma hijiex meħtieġa għall-pjanti tal-NGT li setgħu nkisbu b’mod konvenzjonali ġiet espressa minn xi istituzzjonijiet akkademiċi/ta’ riċerka, u l-maġġoranza tal-bdiewa (ħlief dawk fil-biedja organika u fil-produzzjoni ħielsa mill-OĠM), l-industrija tal-bijoteknoloġija u s-setturi tat-tnissil tal-pjanti/taż-żrieragħ.
Il-koeżistenza mas-setturi organiċi u ħielsa mill-OĠM tqajmet ukoll b’mod prominenti fil-konsultazzjonijiet. Is-setturi organiċi u ħielsa mill-OĠM jitolbu li jinżamm l-istatus quo, bil-pjanti tal-NGT jibqgħu soġġetti għar-rekwiżiti attwali tal-OĠM, b’mod partikolari fir-rigward tat-traċċabbiltà u t-tikkettar, u għal dispożizzjonijiet imsaħħa dwar il-koeżistenza u r-regoli armonizzati dwar ir-responsabbiltà. Partijiet ikkonċernati oħra (b’mod partikolari mis-setturi tar-riċerka, tat-tnissil u tal-biedja) iqisu li l-pjanti tal-NGT, meta setgħu nkisbu b’mod konvenzjonali, għandhom jiġu ttrattati bħala prodotti konvenzjonali inkluż għall-finijiet tal-produzzjoni organika.
Il-kwistjoni tal-privattivi fuq l-NGTs tqajmet minn ħafna partijiet ikkonċernati. Ġie espress tħassib min-nissiela u mill-organizzazzjonijiet tal-bdiewa dwar il-ħtieġa li jiġi żgurat l-aċċess tan-nissiela għal materjal ġenetiku bi privattiva u l-aċċess mill-bdiewa għall-PRM mill-pjanti tal-NGT filwaqt li jitqies li ċerti pjanti tal-NGT ma jistgħux jintgħarfu minn pjanti miksuba b’tekniki ta’ tnissil konvenzjonali.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Saru l-istudji li ġejjin biex jappoġġaw il-valutazzjoni tal-impatt:
●Technopolis Group, Arcadia International u Wageningen University & Research. Study to support the impact assessment of legislation for plants produced by certain new genomic techniques;
●Studji tal-każijiet taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni biex jiġu analizzati l-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali (tas-saħħa) potenzjali ta’ pjanti tal-NGT magħżula li huma ppjanati li jiġu żviluppati. Il-valutazzjoni tal-impatt tiddependi wkoll fuq iż-żewġ rapporti tal-JRC (dwar l-applikazzjonijiet tas-suq u l-aħħar żviluppi xjentifiċi relatati mal-NGTs) li jappoġġaw l-istudju tal-Kummissjoni dwar l-NGT;
●ingħataw żewġ mandati lill-EFSA b’appoġġ għal din il-valutazzjoni tal-impatt (dikjarazzjoni dwar il-kriterji għall-valutazzjoni tar-riskju u aġġornament tal-opinjoni tal-EFSA tal-2012 dwar iċ-ċisġenesi). Opinjonijiet rilevanti oħra tal-EFSA (imsemmija hawn fuq) ukoll jirfdu l-valutazzjoni tal-impatt.
•Valutazzjoni tal-impatt
Din il-proposta hija bbażata fuq valutazzjoni tal-impatt li rċeviet opinjoni pożittiva mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju fis-26 ta’ Mejju 2023.
Wara l-iskrinjar tal-miżuri potenzjali, dawn ġew raggruppati f’ħames għażliet ta’ politika:
1.Linja bażi: il-pjanti miksuba permezz ta’ mutaġenesi mmirata u ċisġenesi jkomplu jiġu soġġetti għar-rekwiżiti attwali rigward il-leġiżlazzjoni dwar l-OĠM (valutazzjoni tar-riskju, awtorizzazzjoni, traċċabbiltà u tikkettar tagħha) mingħajr ebda bidla.
2.Għażla 1: il-pjanti miksuba permezz ta’ mutaġenesi mmirata u cisġenesi jkunu jeħtieġu (kif inhu l-każ illum) awtorizzazzjoni. Il-valutazzjoni tar-riskju tiġi adattata biex tindirizza l-profili tar-riskju differenti tagħhom u biex tindirizza l-isfidi ta’ detezzjoni. It-traċċabbiltà u t-tikkettar jinżammu bħalma huma fil-linja bażi.
3.Għażla 2: il-pjanti miksuba permezz ta’ mutaġenesi mmirata u cisġenesi jkunu jeħtieġu (kif inhu l-każ illum) awtorizzazzjoni. Il-valutazzjoni tar-riskju tiġi adattata biex tindirizza l-profili tar-riskju differenti tagħhom u biex tindirizza l-isfidi ta’ detezzjoni. Jiġu introdotti miżuri biex jinċentivaw il-prodotti tal-pjanti li jistgħu jikkontribwixxu għal sistema agroalimentari sostenibbli. It-traċċabbiltà tinżamm bħal fil-linja bażi. Ġew ikkunsidrati diversi alternattivi ta’ tikkettar: tikketta ta’ prodott ġenetikament modifikat akkumpanjata minn tikketta ta’ sostenibbiltà, dikjarazzjoni fattwali dwar il-karatteristika introdotta, jew l-ebda tikketta tal-OĠM jekk il-karatteristika ta’ tekniki ġenomiċi ġodda jkollha l-potenzjal li tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà.
4.Għażla 3: il-pjanti miksuba permezz ta’ mutaġenesi mmirata u cisġenesi jkunu jeħtieġu (kif inhu l-każ illum) awtorizzazzjoni. Il-valutazzjoni tar-riskju tiġi adattata biex tindirizza l-profili tar-riskju differenti tagħhom u biex tindirizza l-isfidi ta’ detezzjoni. It-traċċabbiltà u t-tikkettar jinżammu bħalma huma fil-linja bażi. Barra minn hekk, l-applikanti għall-awtorizzazzjoni jkunu meħtieġa juru li l-karatteristika introdotta ma hijiex ta’ detriment għas-sostenibbiltà.
5.Għażla 4: proċedura ta’ verifika għall-pjanti miksuba minn mutaġenesi mmirata jew ċisġenesi li tista’ sseħħ ukoll b’mod naturali jew tiġi prodotta minn tnissil konvenzjonali. Tali pjanti jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-pjanti konvenzjonali u ma jkunux jeħtieġu awtorizzazzjoni, valutazzjoni tar-riskju, traċċabbiltà u tikkettar bħala OĠM; jiġi stabbilit reġistru ta’ trasparenza għal dawn il-pjanti. Din l-għażla hija maħsuba biex tapplika flimkien mal-linja bażi jew l-għażliet 1, 2 jew 3 (għall-pjanti tal-NGT li ma jissodisfawx il-kriterji ta’ ekwivalenza għall-pjanti konvenzjonali).
L-għażla ppreferuta hija kombinament tal-għażla 4 għall-pjanti tal-NGT u l-prodotti li jistgħu jseħħu wkoll b’mod naturali jew jiġu prodotti minn tnissil konvenzjonali u tal-għażla 2 għall-pjanti tal-NGT u l-prodotti l-oħrajn kollha. Dan il-kombinament jiżgura kemm jista’ jkun li l-pjanti tal-NGT u l-prodotti derivati minnhom (inkluż l-ikel u l-għalf) ikunu sikuri daqs il-kontropartijiet konvenzjonali tagħhom, filwaqt li ma jinvolvux piż regolatorju bla bżonn. Dan jiżgura wkoll sal-massimu possibbli li firxa wiesgħa ta’ pjanti tal-NGT, ta’ speċijiet differenti u b’karatteristiċi li jistgħu jikkontribwixxu għal sistema agroalimentari sostenibbli, minn varjetà ta’ żviluppaturi u ta’ prodotti derivati inkluż l-ikel/l-għalf jitqiegħdu fis-suq. L-għażla ppreferuta toħloq qafas abilitanti biex jiġu ssodisfati d-domandi tal-bdiewa għall-iżvilupp ta’ varjetajiet ġodda u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti b’karatteristiċi ta’ benefiċċju biex jiġu indirizzati r-restrizzjonijiet tal-kuntest agroekoloġiku tal-bdiewa.
Il-proċedura ta’ verifika għall-pjanti miksuba permezz ta’ mutaġenesi mmirata jew ċisġenesi li jistgħu jseħħu wkoll b’mod naturali jew jiġu prodotti minn tnissil konvenzjonali tikseb livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent filwaqt li tiżgura li r-rekwiżiti jkunu proporzjonati għar-riskji. Dawn il-pjanti ma humiex soġġetti għat-traċċabbiltà u t-tikkettar bħala OĠM. Dan ir-reġim huwa mistenni li jkollu l-akbar impatt pożittiv fuq l-iżvilupp u t-tqegħid fis-suq ta’ pjanti tal-NGT u prodotti tagħhom (inklużi l-ikel u l-għalf), peress li jirriżulta f’livell ogħla ta’ simplifikazzjoni u tnaqqis tal-piż amministrattiv għall-applikanti u għall-awtoritajiet. L-iffrankar għal kull proċedura ta’ verifika għan-nissiela huwa stmat li jvarja minn EUR 9,95 miljun sa EUR 11,2-il miljun. Għall-amministrazzjonijiet, l-iffrankar totali għall-proċeduri ta’ verifika huwa stmat li jammonta sa EUR 1,4 miljun fis-sena. Fid-dawl tal-karatteristiċi li qed jiġu żviluppati, din l-għażla turi wkoll l-ogħla potenzjal biex jiġi ffaċilitat il-kontribut tal-NGTs għas-sostenibbiltà tas-sistema agroalimentari. Hija l-aktar vantaġġuża għall-SMEs, peress li l-kostijiet amministrattivi u tal-konformità se jonqsu sostanzjalment, għandha l-akbar impatt fuq il-kompetittività u tkun l-inqas ta’ tfixkil għall-kummerċ.
Il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni b’valutazzjoni tar-riskju adattata għall-pjanti tal-NGT u l-prodotti mhux koperti mill-proċedura ta’ verifika tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent, filwaqt li tkun proporzjonata peress li r-rekwiżiti tad-data għall-valutazzjoni tar-riskju huma adattati għall-profil tar-riskju. L-iffrankar għal kull awtorizzazzjoni għan-nissiela huwa stmat li jvarja minn EUR 0 sa EUR 10 365 000 (minn tnaqqis negliġibbli jekk japplikaw rekwiżiti tad-data simili għal tal-lum sa tnaqqis massimu ta’ 85 % f’każijiet b’rekwiżiti tad-data minimi). Għall-amministrazzjonijiet, l-iffrankar totali għall-awtorizzazzjonijiet huwa stmat li jvarja minn EUR 0 sa EUR 700 000 fis-sena. Dan l-iffrankar se jżid l-attraenza tal-iżvilupp ta’ tali pjanti tal-NGT fl-Unjoni. L-inċentivi regolatorji jgħinu biex l-iżvilupp tal-NGTs jiġi ggwidat lejn karatteristiċi bil-potenzjal li jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà tal-katina agroalimentari u jappoġġaw il-kompetittività tal-SMEs. Ir-rinunzja ta’ tariffi għall-validazzjoni tal-metodi ta’ detezzjoni żżid iffrankar addizzjonali ta’ EUR 105 000 (EUR 52 500 għall-SMEs) għan-nissiela fil-proċedura tal-awtorizzazzjoni.
Il-pjanti tal-NGT soġġetti għal awtorizzazzjoni jibqgħu soġġetti wkoll għat-traċċabbiltà u t-tikkettar bħala OĠM. It-tikketta eżistenti tal-OĠM tkun ikkomplementata bil-possibbiltà li x-xerrejja jiġu infurmati bil-fini tal-modifikazzjoni ġenetika, biex l-operaturi u l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati. Dan huwa mistenni li jżid id-domanda tas-suq għal prodotti b’karatteristiċi ta’ benefiċċju. Il-kontenut ta’ din id-dikjarazzjoni dwar il-karatteristika jiġi ddeterminat fl-awtorizzazzjoni, u l-użu tagħha jkun volontarju għall-operaturi, biex jiġi indirizzat it-tħassib identifikat matul il-valutazzjoni tal-impatt marbuta mal-piż tagħha jekk issir obbligatorja (speċjalment f’ċerti ċirkostanzi fejn tkun meħtieġa aktar segregazzjoni, eż. għal kunsinni ta’ komoditajiet li jitħalltu jew jiġu pproċessati ma’ oħrajn). Fi kwalunkwe każ, it-tikketta tal-ĠM tibqa’ obbligatorja.
Fir-rigward tat-trattament fil-produzzjoni organika tal-pjanti tal-NGT u tal-prodotti derivati li jissodisfaw il-kriterji biex jitqiesu ekwivalenti għat-tnissil konvenzjonali, ġew ikkunsidrati żewġ sottogħażliet possibbli fil-Valutazzjoni tal-Impatt: li jiġu ttrattati bħala OĠM jew bħala prodotti konvenzjonali. L-użu ta’ tekniki ġenomiċi ġodda attwalment huwa inkompatibbli mal-kunċett tal-produzzjoni organika fir-Regolament (KE) 2018/848 u l-perċezzjoni attwali tal-konsumaturi tal-prodotti organiċi. Dan ġie rifless fit-tħassib li esprimiet il-maġġoranza tas-settur organiku fil-valutazzjoni tal-impatt. Għalhekk, intgħażel ix-xenarju preċedenti. B’konsegwenza ta’ dan, dawn il-pjanti tal-NGT se jibqgħu pprojbiti fil-produzzjoni organika. Sabiex tkun tista’ ssir l-għażla fil-bidu tal-katina tal-provvista biex tiġi appoġġata ż-żamma tal-produzzjoni organika ħielsa mill-NGTs u tiġi ppreservata l-fiduċja tal-konsumatur, minbarra l-informazzjoni fir-reġistri pubbliċi kkunsidrata fil-valutazzjoni tal-impatt, qed tiġi proposta miżura addizzjonali: l-indikazzjoni tal-użu tal-NGTs fit-tikkettar taż-żrieragħ.
F’allinjament sħiħ mal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”, l-għażla ppreferuta tinkludi proċeduri biex jiġi żgurat li l-pjanti tal-NGT jiġu rilaxxati jew jitqiegħdu fis-suq biss jekk jitqiesu li huma sikuri daqs il-kontropartijiet konvenzjonali tagħhom.
Il-Liġi Ewropea dwar il-Klima tirrikjedi wkoll li l-istituzzjonijiet rilevanti tal-Unjoni u l-Istati Membri jiżguraw progress kontinwu fit-tisħiħ tal-kapaċità adattiva, fit-tisħiħ tar-reżiljenza u fit-tnaqqis tal-vulnerabbiltà għat-tibdil fil-klima. F’dan l-isfond, l-Istrateġija tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima tqis li użu aħjar tad-diversità ġenetika u tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti li ma jagħmlux ħsara għall-adattament abbażi tal-aħħar xjenza huwa fost is-soluzzjonijiet meħtieġa b’mod urġenti biex jgħinu lill-bdiewa u lill-maniġers tal-art jindirizzaw ir-riskji klimatiċi. F’dan il-kuntest, billi tippermetti l-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni tal-NGTs, il-proposta attwali twieġeb għall-adattament u r-reżiljenza oġġettivi u, billi tagħmel dan, anke għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima bbażata fuq l-art b’appoġġ għall-mira tan-newtralità klimatika tal-Unjoni għall-2050.
Il-proposta għandha l-potenzjal li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ diversi Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (“SDG”): SDG2 (Jintemm il-ġuħ), SDG3 (Saħħa u Benesseri Tajbin), SDG9 (L-Industrija, l-Innovazzjoni u l-Infrastruttura); SDG12 (Konsum u produzzjoni responsabbli), SDG13 (Tittieħed azzjoni urġenti għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-impatti tiegħu) (ara t-taqsima 1.1 tal-valutazzjoni tal-impatt).
L-ewwel verżjoni tar-Rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt ġiet sottomessa lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (RSB) fil-15 ta’ Frar 2023. L-opinjoni ġenerali tal-Bord kienet negattiva minħabba nuqqas ta’ sett ċar, konsistenti u ġerarkiku ta’ objettivi ġenerali u speċifiċi, dettall insuffiċjenti fir-rigward tal-elementi ewlenin tal-għażliet u l-għażliet ta’ politika ewlenin, valutazzjoni insuffiċjenti tal-impatt fuq il-fiduċja tal-konsumatur, is-settur organiku, l-ambjent u s-saħħa, nuqqas ta’ ħarsa ġenerali komprensiva lejn il-kostijiet u l-benefiċċji u n-nuqqas ta’ valutazzjoni komprensiva tal-għażliet (jew kombinamenti tagħhom) rilevanti kollha f’termini tal-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza. Dawn il-punti kollha ġew indirizzati f’verżjoni riveduta (ara l-Anness 1 tal-valutazzjoni tal-impatt).
Il-valutazzjoni tal-impatt riveduta rċeviet opinjoni pożittiva b’riżervi fis-26 ta’ Mejju 2023. Il-kummenti tal-Bord kienu jikkonċernaw il-ħtieġa għal aktar informazzjoni dwar il-proċedura u l-kriterji ta’ verifika, aktar ċarezza fl-għażla ppreferuta fir-rigward tal-użu fil-produzzjoni organika tal-pjanti/prodotti tal-NGT li jissodisfaw il-kriterji ta’ ekwivalenza għall-pjanti konvenzjonali, u ħarsa ġenerali komprensiva lejn il-benefiċċji u l-kostijiet. Dawn kollha ġew indirizzati (ara l-Anness 1 tal-valutazzjoni tal-impatt).
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Il-proposta tirrappreżenta simplifikazzjoni importanti tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni attwali fir-rigward tal-NGTs, b’mod partikolari permezz tal-valutazzjoni tar-riskju adattata u l-proċedura l-ġdida ta’ verifika għall-prodotti li jissodisfaw il-kriterji għall-ekwivalenza għat-tnissil konvenzjonali, u hija mistennija twassal għal tnaqqis konsiderevoli fil-kostijiet għall-iżviluppaturi u għall-iżvilupp aċċellerat ta’ prodotti ġodda. L-NGTs jitqiesu bħala għodod relattivament aċċessibbli għat-tnissil tal-pjanti meta mqabbla mat-tekniki ġenomiċi stabbiliti. F’dan ir-rigward, l-NGTs huma mistennija jwasslu għal tnaqqis fl-ostakli teknoloġiċi għad-dħul fis-settur tat-tnissil tal-pjanti, b’mod partikolari għall-SMEs li jibbenefikaw.
Proċedura ta’ verifika: In-nissiela huma mistennija jesperjenzaw tnaqqis konsiderevoli fil-piż amministrattiv u fil-kostijiet ta’ konformità, primarjament minħabba rekwiżiti tad-data mnaqqsa għall-proċedura ta’ verifika meta mqabbla mas-sitwazzjoni attwali (data li turi l-konformità mal-kriterji għall-ekwivalenza għat-tnissil konvenzjonali biss minflok id-data għall-valutazzjoni tar-riskju u dwar il-metodu ta’ detezzjoni).
Awtorizzazzjoni: L-inċentivi regolatorji marbuta mal-awtorizzazzjoni tal-pjanti tal-NGT huma mistennija jġibu impatti pożittivi f’termini ta’ tmexxija tar-riċerka u l-iżvilupp lejn il-karatteristiċi b’potenzjal ta’ sostenibbiltà, billi jiffaċilitaw l-aċċess għall-qafas regolatorju u n-navigazzjoni tiegħu, speċjalment għall-SMEs, filwaqt li jappoġġaw il-kompetittività tagħhom. Meta mqabbla mas-sitwazzjoni attwali, in-nissiela huma mistennija jesperjenzaw tnaqqis fil-kostijiet ta’ konformità marbuta mar-rekwiżiti tad-data għall-valutazzjoni tar-riskju adattata. L-iffrankar jista’ jvarja iżda jista’ jkun għoli sa 85 % tal-kostijiet attwali.
Il-proposta hija mistennija tappoġġa l-kompetittività tas-setturi tat-tnissil tal-pjanti u tal-biedja tal-Unjoni. Fis-sħab kummerċjali ewlenin tal-Unjoni, il-pjanti tal-NGT, li jistgħu jirriżultaw ukoll minn tnissil konvenzjonali, u l-ikel u l-għalf derivati minnhom ma humiex soġġetti għar-reġimi tal-OĠM. Is-settur taż-żrieragħ tal-Unjoni huwa l-akbar esportatur taż-żrieragħ fid-dinja u l-kapaċità tal-użu ta’ teknoloġiji innovattivi hija prerekwiżit biex tinżamm il-kompetittività fis-suq globali. Din il-proposta hija mistennija wkoll ikollha impatt fuq l-awtonomija strateġika u r-reżiljenza tas-sistema tal-ikel tal-Unjoni, peress li l-NGTs huma mistennija jiġu applikati għal firxa kbira ta’ speċijiet ta’ għelejjel u karatteristiċi minn sett varjat ta’ atturi.
•Drittijiet fundamentali
L-inizjattiva hija konformi mal-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-proposta tikkontribwixxi għall-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u, għalhekk, hija konsistenti mal-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni. Il-proċeduri ta’ sorveljanza regolatorja japplikaw biex jiġi żgurat li l-pjanti tal-NGT u l-prodotti derivati li jitqiesu li huma sikuri għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent daqs il-kontropartijiet konvenzjonali tagħhom biss jiġu rilaxxati jew jitqiegħdu fis-suq. It-tikkettar ta’ prodotti soġġetti għar-rekwiżiti tal-valutazzjoni tar-riskju u tal-awtorizzazzjoni jibqa’ sabiex jiġi ggarantit id-dritt tal-konsumaturi għall-informazzjoni (l-Artikolu 38 tal-Karta).
Fir-rigward tal-prodotti tal-NGT li jistgħu jseħħu b’mod naturali jew jiġu prodotti bit-tnissil konvenzjonali, dawn ma jkunux soġġetti għat-traċċabbiltà u t-tikkettar tal-OĠM iżda jiddaħħlu f’reġistru pubbliku. Dan iżid it-trasparenza meta mqabbel mat-trattament tal-lum tal-OĠM eżentati mir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni dwar l-OĠM (eż., il-prodotti ta’ mutaġenesi aleatorja) għall-operaturi (organiċi, ħielsa mill-OĠM) u l-konsumaturi u jippermetti lill-operaturi fil-bidu tal-katina alimentari – mit-tnissil sal-produzzjoni taż-żrieragħ – jidentifikaw prodotti miksuba mill-NGTs u jevitawhom jekk ikunu jixtiequ.
L-adattament tar-rekwiżiti tad-data għall-profil tar-riskju tal-pjanti tal-NGT u tal-prodotti tagħhom se jnaqqas il-kumplessità, id-durata u l-kostijiet tal-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni, fejn tali awtorizzazzjoni tkun meħtieġa, u l-proċedura ta’ verifika se tnaqqas b’mod sinifikanti l-kostijiet amministrattivi u tal-konformità għall-operaturi.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
L-implikazzjonijiet baġitarji huma stabbiliti fid-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva mehmuża mal-proposta. B’mod ġenerali, il-proposta se tkun newtrali f’termini tal-baġit. Fil-fatt, il-kostijiet ta’ din il-proposta, li huma stmati li se jammontaw għal EUR 2,434 miljun, se jkunu koperti bis-sħiħ minn riallokazzjonijiet fi ħdan il-pakketti finanzjarji eżistenti tal-QFP attwali.
L-implikazzjonijiet baġitarji huma prinċipalment relatati ma’ kompiti addizzjonali li għandhom jitwettqu mill-EFSA f’termini ta’ kompiti xjentifiċi u amministrattivi ġodda fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskju adattata, il-proċedura ta’ verifika għal ċerti pjanti tal-NGT u l-parir ta’ qabel is-sottomissjoni. Il-Kummissjoni tipproponi li żżid il-pakkett baġitarju tal-EFSA b’EUR 2,334 miljun mill-marġini mhux allokat tal-Intestatura 2b, li se jiġu kkumpensati permezz ta’ tnaqqis tal-Programm għas-Suq Uniku, li l-objettivi tiegħu huma direttament marbuta ma’ dawk ta’ din l-inizjattiva, li jirriżulta f’żieda tal-marġini mhux allokat tal-Intestatura 1.
Barra minn hekk, huma meħtieġa wkoll għodod tal-IT u bażi tad-data ġodda biex tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni. Huwa previst ammont ta’ EUR 100 000 taħt il-Programm għas-Suq Uniku għall-integrazzjoni tal-pjanti/prodotti tal-NGT fis-sistema diġà eżistenti tal-Pjattaforma għall-Innovazzjoni fl-Ikel (FIP) u tal-Katina Alimentari tas-Sottomissjoni Elettronika (ESFC).
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Sabiex jiġi mmonitorjat u evalwat il-progress li sar biex jintlaħqu l-objettivi ta’ din il-proposta u l-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali tagħha, l-ewwel rapport ta’ monitoraġġ għandu jiġi ppreżentat mhux aktar tard minn 3 snin wara li l-ewwel prodotti jkunu ġew innotifikati/awtorizzati, biex jiġi żgurat li tkun disponibbli biżżejjed data wara l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni l-ġdida, u f’intervalli regolari minn hemm ’il quddiem. Għandha titwettaq evalwazzjoni mhux aktar kmieni minn sentejn wara li jiġi ppubblikat l-ewwel rapport ta’ monitoraġġ.
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
mhux applikabbli
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Il-Kapitolu I (l-Artikoli 1-4) jistabbilixxi s-suġġett, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-prinċipju ta’ lex specialis fir-rigward tal-leġiżlazzjoni dwar l-OĠM. Dan jagħmel ir-rilaxx u t-tqegħid intenzjonat fis-suq ta’ pjanti tal-NGT u prodotti (inkluż l-ikel u l-għalf) derivati minnhom soġġetti għal waħda minn żewġ proċeduri: proċedura ta’ verifika biex tiġi stabbilita l-ekwivalenza ma’ pjanti/prodotti konvenzjonali (il-Kapitolu II) jew awtorizzazzjoni f’konformità mad-Direttiva 2001/18 għall-prodotti jew ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 (il-Kapitolu III) għall-ikel u l-għalf.
Il-Kapitolu II (l-Artikoli 5-11) jipprevedi proċedura ta’ verifika u kriterji biex jiġi vverifikat jekk il-pjanti tal-NGT miksuba minn mutaġenesi mmirata jew ċisġenesi setgħux jinkisbu wkoll b’mod naturali jew b’tekniki ta’ tnissil konvenzjonali, abbażi tal-kriterji tal-Anness I (“pjanti tal-NGT tal-kategorija 1”). Il-pjanti tal-NGT tal-kategorija 1 huma eżentati mir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni dwar l-OĠM u huma soġġetti għad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-pjanti konvenzjonali. Madankollu, dawn jibqgħu pprojbiti fil-produzzjoni organika (l-Artikolu 5).
Fil-każ ta’ verifika qabel il-provi fuq il-post, il-konformità mal-kriterji ssir mill-Istat Membru li jirċievi t-talba ta’ verifika, kif inhu l-każ attwalment għall-provi fuq il-post li huma soġġetti għall-proċedura ta’ notifika fil-parti B tad-Direttiva 2001/18. Madankollu, fil-każ tal-pjanti tal-NGT, il-verifika tal-konformità mal-kriterji tal-Anness I mill-Istat Membru li jkun irċieva t-talba tkun fil-forma ta’ deċiżjoni, valida għall-Unjoni kollha u li se tkopri t-tqegħid sussegwenti fis-suq tal-pjanta tal-NGT, ta’ prodotti li jkun fihom jew li jikkonsistu minn tali pjanta u ta’ ikel u għalf li jkun fihom, li jikkonsistu jew li jkunu prodotti minn tali pjanta (l-Artikolu 6). Meta ma tkun saret l-ebda prova fuq il-post fl-Unjoni, inkluż fil-każ ta’ ikel jew għalf importat, it-talba ta’ verifika tiġi sottomessa lill-EFSA, li tipprovdi parir xjentifiku dwar il-konformità mal-kriterji, u d-deċiżjoni tittieħed mill-Kummissjoni (l-Artikolu 7).
It-trasparenza dwar il-pjanti tal-NGT tal-kategorija 1 tiġi żgurata permezz tat-twaqqif ta’ bażi tad-data pubblika, permezz tat-tikkettar taż-żrieragħ (l-Artikoli 9-10) u permezz tal-inklużjoni ta’ referenza fil-katalogi previsti fil-leġiżlazzjoni dwar il-PRM/FRM, li l-varjetà hija pjanta tal-NGT tal-kategorija 1.
Il-Kapitolu III (l-Artikoli 12-25) japplika għall-pjanti tal-NGT li ma jissodisfawx il-kriterji biex jitqiesu li jistgħu jinkisbu wkoll b’mod naturali jew permezz ta’ tnissil konvenzjonali u, għalhekk, ma jaqgħux taħt il-proċedura stabbilita fil-Kapitolu II (“pjanti tal-NGT tal-kategorija 2”). F’dan il-każ, il-proċeduri tal-leġiżlazzjoni dwar l-OĠM japplikaw b’xi adattamenti: (i) it-Taqsima 1 (l-Art. 13) tadatta l-proċedura fil-parti B tad-Direttiva 2001/18 għar-rilaxx intenzjonat għal finijiet għajr it-tqegħid fis-suq; (ii) it-Taqsima 2 (l-Art. 14-17) tadatta l-proċedura fil-parti C tad-Direttiva 2001/18 għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għajr l-ikel u l-għalf; u (iii) it-Taqsima 3 (l-Art. 18-21) tadatta l-proċedura tar-Regolament (KE) Nru 1829/2033 għat-tqegħid fis-suq ta’ ikel u għalf ġenetikament modifikati.
L-adattamenti ewlenin huma valutazzjoni tar-riskju bbażata fuq l-Anness II ta’ dan ir-Regolament; il-modalitajiet għall-konformità mar-rekwiżiti tal-metodu ta’ detezzjoni f’każijiet fejn ma jkunx fattibbli li jiġi pprovdut metodu li jsib, jidentifika u jikkwantifika; u l-possibbiltà li jiġu adattati skont ir-rekwiżiti ta’ monitoraġġ tal-profil tar-riskju u l-ħtieġa għal tiġdid regolari.
L-inċentivi regolatorji (it-Taqsima 4 tal-Art. 22) japplikaw għall-pjanti tal-NGT tal-kategorija 2 li fihom il-karatteristiċi elenkati fil-Parti 1 tal-Anness III. Dawn huma karatteristiċi li jistgħu jikkontribwixxu għall-prestazzjoni ġenerali tal-varjetajiet fir-rigward tas-sostenibbiltà u dment li ma jkunx fihom karatteristiċi elenkati fil-Parti 2 tal-Anness III (tolleranti għall-erbiċidi).
Il-pjanti u l-prodotti tal-NGT tal-kategorija 2 jibqgħu soġġetti għar-rekwiżiti ta’ traċċabbiltà u tikkettar fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-OĠM bil-possibbiltà li tiżdied dikjarazzjoni fattwali dwar il-fini maħsub tal-modifikazzjoni ġenetika (it-Taqsima 4 l-Art. 23). Il-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni fit-territorju tagħhom tal-OĠM skont id-Direttiva 2001/18 ma tapplikax għal tali pjanti tal-NGT. L-Istati Membri se jkunu meħtieġa jadottaw miżuri ta’ koeżistenza biex tiġi evitata l-preżenza mhux intenzjonata ta’ tali pjanti tal-NGT f’għelejjel organiċi u konvenzjonali (it-Taqsima 4 tal-Art. 24).
Il-Kapitolu IV (l-Art. 26-34) fih id-dispożizzjonijiet dwar l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni (l-Art. 16-28), il-gwida (l-Art. 29), il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-evalwazzjoni (l-Art. 30), ir-referenzi f’leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni (l-Art. 31), ir-rieżami amministrattiv (l-Art. 32) u l-emendi ta’ leġiżlazzjoni oħra (l-Art. 33).
2023/0226 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar pjanti miksuba minn ċerti tekniki ġenomiċi ġodda u l-ikel u l-għalf tagħhom, u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/625
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 43, 114 u 168(4)(b) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Mill-2001, meta ġiet adottata d-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill () dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament (OĠM) ’l hawn il-progress sinifikanti fil-bijoteknoloġija wassal għall-iżvilupp ta’ tekniki ġenomiċi ġodda (NGTs), l-aktar prominenti fosthom tekniki ta’ editjar tal-ġenoma li jippermettu li jsiru bidliet fil-ġenoma f’postijiet preċiżi.
(2)L-NGTs jikkostitwixxu grupp varjat ta’ tekniki ġenomiċi, u kull waħda minnhom tista’ tintuża b’diversi modi biex jinkisbu riżultati u prodotti differenti. Dawn jistgħu jirriżultaw f’organiżmi b’modifikazzjonijiet ekwivalenti għal dak li jista’ jinkiseb permezz ta’ metodi ta’ tnissil konvenzjonali jew f’organiżmi b’modifikazzjonijiet aktar kumplessi. Fost l-NGTs, il-mutaġenesi mmirata u ċ-ċisġenesi (inkluża l-intraġenesi) jintroduċu modifikazzjonijiet ġenetiċi mingħajr ma jiddaħħal materjal ġenetiku minn speċijiet li ma jistgħux jinkroċjaw (transġenesi). Dawn jiddependu biss fuq il-ġabra tal-ġeni tan-nissiela, jiġifieri l-informazzjoni ġenetika totali li hija disponibbli għat-tnissil konvenzjonali inkluż minn speċijiet ta’ pjanti relatati mill-bogħod li jistgħu jinkroċjaw b’tekniki ta’ tnissil avvanzati. It-tekniki ta’ mutaġenesi mmirata jirriżultaw f’modifikazzjoni(jiet) tas-sekwenza tad-DNA f’postijiet preċiżi fil-ġenoma ta’ organiżmu. It-tekniki taċ-ċisġenesi jirriżultaw fl-inserzjoni, fil-ġenoma ta’ organiżmu, ta’ materjal ġenetiku diġà preżenti fil-ġabra tal-ġeni tan-nissiela. L-intraġeneżi hija subsett taċ-ċisġenesi li jirriżulta fl-inserzjoni fil-ġenoma ta’ kopja riformulata ta’ materjal ġenetiku magħmula minn żewġ sekwenzi tad-DNA jew aktar li diġà huma preżenti fil-ġabra tal-ġeni tan-nissiela.
(3)Hemm riċerka pubblika u privata għaddejja li qiegħda tuża l-NGTs fuq varjetà usa’ ta’ għelejjel u karatteristiċi meta mqabbla ma’ dawk miksuba permezz ta’ tekniki transġeniċi awtorizzati fl-Unjoni jew globalment(). Dan jinkludi pjanti b’tolleranza jew reżistenza mtejba għall-mard tal-pjanti u l-pesti, pjanti b’tolleranza jew reżistenza mtejba għall-effetti tat-tibdil fil-klima u l-istress ambjentali, effiċjenza mtejba fl-użu tan-nutrijenti u tal-ilma, pjanti b’rendimenti u reżiljenza akbar u karatteristiċi ta’ kwalità mtejba. Dawn it-tipi ta’ pjanti ġodda, flimkien mal-applikabbiltà pjuttost faċli u rapida ta’ dawk it-tekniki l-ġodda, jistgħu jwasslu benefiċċji għall-bdiewa, għall-konsumaturi u għall-ambjent. Għalhekk, l-NGTs għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-innovazzjoni u s-sostenibbiltà tal-Patt Ekoloġiku Ewropew() u tal-Istrateġiji “Mill-Għalqa sal-Platt”(), għall-Bijodiversità() u dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima(), għas-sigurtà tal-ikel globali(), għall-Istrateġija dwar il-Bijoekonomija() u għall-awtonomija strateġika tal-Unjoni().
(4)Ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi miksuba mill-NGTs, inklużi prodotti li fihom jew li jikkonsistu minn organiżmi bħal dawn, kif ukoll it-tqegħid fis-suq ta’ ikel u għalf prodotti minn dawn l-organiżmi, huma soġġetti għad-Direttiva 2001/18/KE u għar-Regolament (KE) Nru 1830/2003() tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u, fil-każ tal-ikel u l-għalf, għar-Regolament (KE) Nru 1829/2003() ukoll, filwaqt li l-użu konfinat taċ-ċelluli tal-pjanti huwa soġġett għad-Direttiva 2009/1/KE, u l-movimenti transfruntiera tal-pjanti tal-NGT lejn pajjiżi terzi huma rregolati mir-Regolament (KE) Nru 1946/2003 (il-“leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-OĠM”).
(5)Fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-528/16 Confédération paysanne et, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sostniet li l-OĠM miksuba permezz ta’ tekniki/metodi ġodda ta’ mutaġenesi li kienu dehru jew li kienu ġew introdotti jew primarjament żviluppati wara li ġiet adottata d-Direttiva 2001/18/KE ma setgħux jitqiesu li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva.
(6)Il-Kunsill, fid-Deċiżjoni (UE) 2019/1904, talab lill-Kummissjoni tippreżenta, sat-30 ta’ April 2021, studju fid-dawl ta’ dik is-sentenza dwar l-istatus tat-tekniki ġenomiċi ġodda skont id-dritt tal-Unjoni, u proposta (akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt), jekk ikun xieraq, skont il-konklużjonijiet tal-istudju.
(7)L-istudju tal-Kummissjoni dwar tekniki ġenomiċi ġodda() ikkonkluda li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-OĠM ma hijiex adattata għall-fini tar-regolamentazzjoni tar-rilaxx intenzjonat ta’ pjanti miksuba minn ċerti NGTs u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti relatati inklużi l-ikel u l-għalf. B’mod partikolari, l-istudju kkonkluda li l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni u r-rekwiżiti tal-valutazzjoni tar-riskju għall-OĠM skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-OĠM ma humiex adattati għall-varjetà ta’ organiżmi u prodotti potenzjali li jistgħu jinkisbu b’xi NGTs, jiġifieri mutaġenesi mmirata u ċisġenesi (inkluża intraġenesi), u dawn ir-rekwiżiti jistgħu jkunu sproporzjonati jew inadegwati. L-istudju wera li dan huwa partikolarment il-każ għall-pjanti miksuba minn dawn it-tekniki, minħabba l-ammont ta’ evidenza xjentifika li diġà hija disponibbli, b’mod partikolari dwar is-sikurezza tagħhom. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-OĠM hija diffiċli biex tiġi implimentata u infurzata għall-pjanti miksuba minn mutaġenesi mmirata u ċisġenesi u l-prodotti relatati. F’ċerti każijiet, il-modifikazzjonijiet ġenetiċi introdotti b’dawn it-tekniki ma jkunux jintgħarfu mill-metodi analitiċi minn mutazzjonijiet naturali jew minn modifikazzjonijiet ġenetiċi introdotti b’tekniki ta’ tnissil konvenzjonali, filwaqt li d-distinzjoni ġeneralment tkun possibbli għal modifikazzjonjiet ġenetiċi introdotti bit-transġenesi. Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-OĠM lanqas ma tiffavorixxi l-iżvilupp ta’ prodotti innovattivi u ta’ benefiċċju li jistgħu jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà, għas-sigurtà tal-ikel u għar-reżiljenza tal-katina agroalimentari.
(8)Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi adottat qafas legali speċifiku għall-OĠM miksuba bil-mutaġenesi mmirata u ċ-ċisġenesi u prodotti relatati meta jiġu rilaxxati intenzjonalment fl-ambjent jew jitqiegħdu fis-suq.
(9)Abbażi tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali b’mod partikolari dwar l-aspetti tas-sikurezza, dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun limitat għall-OĠM li huma pjanti, jiġifieri organiżmi fil-gruppi tassonomiċi Archaeplastida jew Phaeophyceae, esklużi l-mikroorganiżmi, il-fungi u l-annimali li għalihom l-għarfien disponibbli huwa aktar limitat. Għall-istess raġuni, dan ir-Regolament jenħtieġ li jkopri biss pjanti miksuba b’ċerti NGTs: il-mutaġenesi mmirata u ċ-ċisġenesi (inkluża l-intraġenesi) (minn hawn ’il quddiem il-“pjanti tal-NGT”), iżda mhux permezz ta’ tekniki ġenomiċi ġodda oħrajn. Dawn il-pjanti tal-NGT ma jġorrux materjal ġenetiku minn speċijiet li ma jistgħux jinkroċjaw. Jenħtieġ li l-OĠM prodotti minn tekniki ġenomiċi ġodda oħra li jintroduċu f’organiżmu materjal ġenetiku ta’ speċijiet li ma jistgħux jinkroċjaw (transġenesi) jibqgħu soġġetti biss għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-OĠM, minħabba li l-pjanti li jirriżultaw jista’ jkollhom riskji speċifiċi assoċjati mat-transġene. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda indikazzjoni li r-rekwiżiti attwali fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-OĠM għall-OĠM miksuba mit-transġenesi jeħtieġ li jiġu adattati f’dan il-mument.
(10)Il-qafas legali għall-pjanti tal-NGT jenħtieġ li jkollu l-istess objettivi bħal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-OĠM biex jiġu żgurati livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent u l-funzjonament tajjeb tas-suq intern għall-pjanti u l-prodotti kkonċernati, filwaqt li tiġi indirizzata l-ispeċifiċità tal-pjanti tal-NGT. Dan il-qafas legali jenħtieġ li jippermetti l-iżvilupp u t-tqegħid fis-suq ta’ pjanti, ikel u għalf li fihom, jikkonsistu minn jew huma prodotti minn pjanti tal-NGT u prodotti oħra li fihom jew li jikkonsistu minn pjanti tal-NGT (“prodotti tal-NGT”) sabiex jikkontribwixxi għall-objettivi tal-innovazzjoni u s-sostenibbiltà tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-istrateġiji “Mill-Għalqa sal-Platt”, għall-Bijodiversità u dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima u biex ittejjeb il-kompetittività tas-settur agroalimentari tal-Unjoni fil-livell tal-Unjoni u dak dinji.
(11)Dan ir-Regolament jikkostitwixxi lex specialis fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-OĠM. Jintroduċi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-pjanti tal-NGT u għall-prodotti tal-NGT. Madankollu, fejn ma jkun hemm l-ebda regola speċifika f’dan ir-Regolament, il-pjanti tal-NGT u l-prodotti (inklużi l-ikel u l-għalf) miksuba minnhom jenħtieġ li jibqgħu soġġetti għar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-OĠM u r-regoli dwar l-OĠM fil-leġiżlazzjoni settorjali, bħar-Regolament (UE) 2017/625 dwar il-kontrolli uffiċjali jew il-leġiżlazzjoni dwar ċerti prodotti bħall-materjal riproduttiv tal-pjanti u tal-foresti.
(12)Ir-riskji potenzjali tal-pjanti tal-NGT ivarjaw, minn profili tar-riskju simili għal pjanti mnisslin b’mod konvenzjonali sa diversi tipi u gradi ta’ perikli u riskji li jistgħu jkunu simili għal dawk tal-pjanti miksuba mit-transġenesi. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli speċjali biex jiġu aġġustati r-rekwiżiti tal-valutazzjoni tar-riskju u tal-ġestjoni tar-riskju skont ir-riskji potenzjali jew in-nuqqas tagħhom ikkawżati mill-pjanti tal-NGT u mill-prodotti tal-NGT.
(13)Dan ir-Regolament jenħtieġ li jiddistingwi bejn żewġ kategoriji ta’ pjanti tal-NGT.
(14)Il-pjanti tal-NGT li jistgħu jseħħu wkoll b’mod naturali jew jiġu prodotti b’tekniki ta’ tnissil konvenzjonali u n-nisel tagħhom miksub b’tekniki ta’ tnissil konvenzjonali (“pjanti tal-NGT tal-kategorija 1”) jenħtieġ li jiġu ttrattati bħala pjanti li seħħew b’mod naturali jew li ġew prodotti b’tekniki ta’ tnissil konvenzjonali, minħabba li huma ekwivalenti u li r-riskji tagħhom huma komparabbli, u b’hekk jidderogaw bis-sħiħ mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-OĠM u mir-rekwiżiti relatati mal-OĠM fil-leġiżlazzjoni settorjali. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi l-kriterji biex jiġi aċċertat jekk pjanta tal-NGT hijiex ekwivalenti għal pjanti li jseħħu b’mod naturali jew imnisslin b’mod konvenzjonali u jistabbilixxi proċedura li biha l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jivverifikaw u jieħdu deċiżjoni dwar l-issodisfar ta’ dawk il-kriterji, qabel ir-rilaxx jew it-tqegħid fis-suq ta’ pjanti tal-NGT jew ta’ prodotti tal-NGT. Dawk il-kriterji jenħtieġ li jkunu oġġettivi u bbażati fuq ix-xjenza. Jenħtieġ li jkopru t-tip u l-firxa ta’ modifikazzjonijiet ġenetiċi li jistgħu jiġu osservati fin-natura jew f’organiżmi miksuba b’tekniki ta’ tnissil konvenzjonali u jenħtieġ li jinkludu limiti kemm għad-daqs kif ukoll għan-numru ta’ modifikazzjonijiet ġenetiċi fil-ġenoma tal-pjanti tal-NGT. Peress li l-għarfien xjentifiku u tekniku jevolvi malajr f’dan il-qasam, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea biex taġġorna dawn il-kriterji fid-dawl tal-progress xjentifiku u tekniku fir-rigward tat-tip u l-firxa ta’ modifikazzjonijiet ġenetiċi li jistgħu jseħħu fin-natura jew permezz tat-tnissil konvenzjonali.
(15)Il-pjanti kollha tal-NGT li ma jaqgħux fil-kategorija 1 (“pjanti tal-NGT tal-kategorija 2”) jenħtieġ li jibqgħu soġġetti għar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-OĠM minħabba li għandhom settijiet ta’ modifikazzjonijiet fil-ġenoma aktar kumplessi.
(16)Il-pjanti u l-prodotti tal-NGT tal-kategorija 1 jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għar-regoli u r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-OĠM u għad-dispożizzjonijiet f’leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni li japplikaw għall-OĠM. Għaċ-ċertezza legali għall-operaturi u għat-trasparenza, jenħtieġ li tinkiseb dikjarazzjoni tal-istatus tal-pjanta tal-NGT tal-kategorija 1 qabel ir-rilaxx intenzjonat, inkluż it-tqegħid fis-suq.
(17)Din id-dikjarazzjoni jenħtieġ li tinkiseb qabel kwalunkwe rilaxx intenzjonat ta’ kwalunkwe pjanta tal-NGT tal-kategorija 1 għal kwalunkwe fini ieħor għajr it-tqegħid fis-suq, bħal fil-każ tal-provi fuq il-post li għandhom isiru fit-territorju tal-Unjoni, peress li l-kriterji huma bbażati fuq data li hija disponibbli qabel il-provi fuq il-post u li ma tiddependix fuq dawk il-provi fuq il-post. Meta ma tkun se ssir l-ebda prova fuq il-post fit-territorju tal-Unjoni, l-operaturi jenħtieġ li jiksbu dik id-dikjarazzjoni qabel ma jqiegħdu l-prodott tal-NGT tal-kategorija 1 fis-suq.
(18)Peress li l-kriterji biex jiġi kkunsidrat li pjanta tal-NGT hija ekwivalenti għal pjanti li jseħħu b’mod naturali jew imnisslin b’mod konvenzjonali ma humiex relatati mat-tip ta’ attività li teħtieġ ir-rilaxx intenzjonat tal-pjant tal-NGT, dikjarazzjoni tal-istatus tal-pjanta tal-NGT tal-kategorija 1 magħmula qabel ir-rilaxx intenzjonat tagħha għal kwalunkwe fini ieħor għajr it-tqegħid fis-suq fit-territorju tal-Unjoni jenħtieġ li tkun valida wkoll għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tal-NGT relatati. Fid-dawl tal-inċertezza kbira li jkun hemm fl-istadju tal-prova fuq il-post dwar jekk il-prodott hux se jasal sas-suq u l-involviment probabbli ta’ operaturi iżgħar f’tali rilaxxi, il-proċedura ta’ verifika tal-istatus tal-pjanta tal-NGT tal-kategorija 1 qabel il-provi fuq il-post jenħtieġ li titwettaq mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali peress li dan ikun ta’ inqas piż amministrattiv għall-operaturi, u jenħtieġ li tittieħed deċiżjoni fil-livell tal-Unjoni biss f’każ li jkun hemm kummenti dwar ir-rapport ta’ verifika minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra. Meta t-talba għal verifika tiġi sottomessa qabel it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tal-NGT, il-proċedura jenħtieġ li titwettaq fil-livell tal-Unjoni sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-proċedura ta’ verifika u l-konsistenza tad-dikjarazzjonijiet tal-istatus tal-pjanti tal-NGT tal-kategorija 1.
(19)L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-“Awtorità”) jenħtieġ li jkunu soġġetti għal skadenzi stretti biex jiġi żgurat li d-dikjarazzjonijiet tal-istatus tal-pjanti tal-NGT tal-kategorija 1 isiru fi żmien raġonevoli.
(20)Il-verifika tal-istatus tal-pjanti tal-NGT tal-kategorija 1 hija ta’ natura teknika u ma tinvolvi l-ebda valutazzjoni tar-riskju jew kunsiderazzjoni tal-ġestjoni tar-riskju u d-deċiżjoni dwar l-istatus hija biss dikjaratorja. Għalhekk, meta l-proċedura titwettaq fil-livell tal-Unjoni, tali deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni jenħtieġ li jiġu adottati permezz tal-proċedura konsultattiva, sostnuti minn assistenza xjentifika u teknika mill-Awtorità.
(21)Id-deċiżjonijiet li jiddikjaraw l-istatus tal-pjanti tal-NGT tal-kategorija 1 jenħtieġ li jassenjaw numru ta’ identifikazzjoni lill-pjanta tal-NGT ikkonċernata sabiex jiżguraw it-trasparenza u t-traċċabbiltà ta’ tali pjanti meta jiġu elenkati fil-bażi tad-data u għall-fini tat-tikkettar tal-materjal riproduttiv tal-pjanti derivat minnhom.
(22)Il-pjanti tal-NGT tal-kategorija 1 jenħtieġ li jibqgħu soġġetti għal kwalunkwe qafas regolatorju li japplika għall-pjanti mnisslin b’mod konvenzjonali. Kif inhu l-każ għall-pjanti u l-prodotti konvenzjonali, dawk il-pjanti tal-NGT u l-prodotti tagħhom se jkunu soġġetti għal-leġiżlazzjoni settorjali applikabbli dwar iż-żerriegħa u materjal riproduttiv tal-pjanti ieħor, l-ikel, l-għalf u prodotti oħra, u oqfsa orizzontali, bħal-leġiżlazzjoni dwar il-konservazzjoni tan-natura u r-responsabbiltà għall-ħsara ambjentali. F’dan ir-rigward, ikel tal-NGT tal-kategorija 1 li juri kompożizzjoni jew struttura mibdula b’mod sinifikanti li jaffettwa l-valur nutrittiv, il-metaboliżmu jew il-livell ta’ sustanzi mhux mixtieqa tal-ikel se jitqies bħala ikel ġdid u b’hekk jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill() u jiġi vvalutat ir-riskju tiegħu f’dak il-kuntest.
(23)Ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) 834/2007() jipprojbixxi l-użu ta’ OĠM u prodotti li ġejjin mill-OĠM u permezz tagħhom fil-produzzjoni organika. Dan jiddefinixxi l-OĠM għall-finijiet ta’ dak ir-Regolament b’referenza għad-Direttiva 2001/18/KE, filwaqt li jeskludi mill-projbizzjoni l-OĠM li jkunu nkisbu permezz tat-tekniki ta’ modifikazzjoni ġenetika elenkati fl-Anness 1.B tad-Direttiva 2001/18/KE. B’riżultat ta’ dan, il-pjanti tal-NGT tal-kategorija 2 se jkunu pprojbiti fil-produzzjoni organika. Madankollu, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat l-istatus tal-pjanti tal-NGT tal-kategorija 1 għall-finijiet tal-produzzjoni organika. L-użu ta’ tekniki ġenomiċi ġodda attwalment huwa inkompatibbli mal-kunċett tal-produzzjoni organika fir-Regolament (KE) 2018/848 u l-perċezzjoni tal-konsumaturi tal-prodotti organiċi. Għalhekk, l-użu ta’ pjanti tal-NGT tal-kategorija 1 jenħtieġ li jiġi pprojbit ukoll fil-produzzjoni organika.
(24)Jenħtieġ li ssir dispożizzjoni biex tiġi żgurata t-trasparenza fir-rigward tal-użu tal-varjetajiet tal-pjanti tal-NGT tal-kategorija 1, biex jiġi żgurat li l-ktajjen tal-produzzjoni li jixtiequ jibqgħu ħielsa mill-NGTs ikunu jistgħu jagħmlu dan u b’hekk tiġi ssalvagwardjata l-fiduċja tal-konsumatur. Il-pjanti tal-NGT li jkunu kisbu dikjarazzjoni tal-istatus ta’ pjanta tal-NGT tal-kategorija 1 jenħtieġ li jiġu elenkati f’bażi tad-data disponibbli għall-pubbliku. Sabiex jiġu żgurati t-traċċabbiltà, it-trasparenza u l-għażla għall-operaturi, matul ir-riċerka u t-tnissil tal-pjanti, meta tinbiegħ iż-żerriegħa lill-bdiewa jew meta l-materjal riproduttiv tal-pjanti jsir disponibbli għal partijiet terzi bi kwalunkwe mod ieħor, il-materjal riproduttiv tal-pjanti għall-pjanti tal-NGT tal-kategorija 1 jenħtieġ li jiġi ttikkettat bħala NGT tal-kategorija 1.
(25)Il-pjanti tal-NGT tal-kategorija 2 jenħtieġ li jibqgħu soġġetti għar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-OĠM minħabba li abbażi tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, jeħtieġ li jiġu vvalutati r-riskji tagħhom. Jenħtieġ li jiġu previsti regoli speċjali sabiex il-proċeduri u ċerti regoli oħra stabbiliti fid-Direttiva 2001/18/KE u fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 jiġu adattati għan-natura speċifika tal-pjanti tal-NGT tal-kategorija 2 u l-livelli differenti ta’ riskju li jistgħu joħolqu.
(26)Il-pjanti u l-prodotti tal-NGT tal-kategorija 2, sabiex jiġu rilaxxati fl-ambjent jew jitqiegħdu fis-suq, jenħtieġ li jibqgħu soġġetti għal kunsens jew għal awtorizzazzjoni f’konformità mad-Direttiva 2001/18/KE jew ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003. Madankollu, minħabba l-varjetà wiesgħa ta’ dawk il-pjanti tal-NGT, l-ammont ta’ informazzjoni meħtieġa għall-valutazzjoni tar-riskju se jvarja fuq bażi ta’ każ b’każ. L-Awtorità, fl-opinjonijiet xjentifiċi tagħha dwar il-pjanti żviluppati permezz ta’ ċisġenesi u intraġenesi u dwar il-pjanti żviluppati permezz ta’ mutaġenesi mmirata, irrakkomandat il-flessibbiltà fir-rekwiżiti tad-data għall-valutazzjoni tar-riskju ta’ dawn il-pjanti. Abbażi tal-“Kriterji għall-valutazzjoni tar-riskju tal-pjanti prodotti minn mutaġenesi mmirata, ċisġenesi u intraġenesi” tal-Awtorità(), jenħtieġ li kunsiderazzjonijiet dwar l-istorja ta’ użu sikur, il-familjarità għall-ambjent u l-funzjoni u l-istruttura tas-sekwenza/i modifikata/imdaħħla jgħinu fid-determinazzjoni tat-tip u tal-ammont ta’ data meħtieġa biex titwettaq il-valutazzjoni tar-riskju ta’ dawk il-pjanti tal-NGT. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti prinċipji u kriterji ġenerali għall-valutazzjoni tar-riskju ta’ dawn il-pjanti, filwaqt li jiġu previsti l-flessibbiltà u l-possibbiltà li l-metodoloġiji tal-valutazzjoni tar-riskju jiġu adattati għall-progress xjentifiku u tekniku.
(27)Ir-rekwiżiti dwar il-kontenut tan-notifiki għall-kunsens għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom jew li jikkonsistu minn OĠM għajr l-ikel jew l-għalf u dwar il-kontenut tal-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ ikel u għalf ġenetikament modifikati huma stabbiliti fi strumenti differenti ta’ leġiżlazzjoni. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn in-notifiki għall-kunsens u l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni għall-prodotti tal-NGT tal-kategorija 2, il-kontenut ta’ tali notifiki u applikazzjonijiet jenħtieġ li jkun l-istess, ħlief għal dawk li jikkonċernaw il-valutazzjoni tas-sikurezza tal-ikel u l-għalf peress li dawn huma rilevanti biss għall-ikel u l-għalf tal-NGT tal-kategorija 2.
(28)Il-Laboratorju ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għall-Ikel u l-Għalf Ġenetikament Modifikati (EURL), f’kollaborazzjoni man-Network Ewropew tal-Laboratorji OĠM (ENGL), ikkonkluda li l-ittestjar analitiku ma huwiex meqjus bħala fattibbli għall-prodotti kollha miksuba minn mutaġenesi mmirata u ċisġenesi(). Meta l-modifikazzjonijiet introdotti tal-materjal ġenetiku ma jkunux speċifiċi għall-pjanta tal-NGT inkwistjoni, dawn ma jippermettux li l-pjanta tal-NGT tingħaraf minn pjanti konvenzjonali. F’każijiet fejn ma jkunx fattibbli li jiġi pprovdut metodu analitiku li jsib, jidentifika u jikkwantifika, jekk ikun debitament iġġustifikat min-notifikatur jew mill-applikant, il-modalitajiet għall-konformità mar-rekwiżiti tal-metodu analitiku jenħtieġ li jiġu adattati. Dan jenħtieġ li jsir fl-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li jiġi previst ukoll li l-EURL, assistit mill-ENGL, jadotta gwida għall-applikanti dwar ir-rekwiżiti minimi tal-prestazzjoni għall-metodi analitiċi. Il-modalitajiet għat-twettiq tal-validazzjoni tal-metodu jistgħu jiġu adattati wkoll.
(29)Id-Direttiva 2001/18/KE tirrikjedi pjan ta’ monitoraġġ għall-effetti ambjentali tal-OĠM wara r-rilaxx intenzjonat jew it-tqegħid tagħhom fis-suq iżda tipprevedi flessibbiltà fir-rigward tat-tfassil tal-pjan filwaqt li tqis il-valutazzjoni tar-riskju ambjentali, il-karatteristiċi tal-OĠM, l-użu mistenni tiegħu u tal-ambjent li jirċevih. Il-modifikazzjonijiet ġenetiċi fil-pjanti tal-NGT tal-kategorija 2 jistgħu jvarjaw minn bidliet li jeħtieġu biss valutazzjoni tar-riskju limitata għal alterazzjonijiet kumplessi li jeħtieġu analiżi aktar bir-reqqa tar-riskji potenzjali. Għalhekk, ir-rekwiżiti ta’ monitoraġġ wara t-tqegħid fis-suq għall-effetti ambjentali tal-pjanti tal-NGT tal-kategorija 2 jenħtieġ li jiġu adattati fid-dawl tal-valutazzjoni tar-riskju ambjentali u l-esperjenza fil-provi fuq il-post, il-karatteristiċi tal-pjanta tal-NGT ikkonċernata, il-karatteristiċi u l-iskala tal-użu mistenni tagħha, b’mod partikolari kwalunkwe storja ta’ użu sikur tal-pjanta u l-karatteristiċi tal-ambjent li jirċievi. Għalhekk, jenħtieġ li ma jkunx meħtieġ pjan ta’ monitoraġġ għall-effetti ambjentali jekk il-pjanta tal-NGT tal-kategorija 2 x’aktarx li ma toħloqx riskji li jeħtieġu monitoraġġ, bħal effetti indiretti, ittardjati jew mhux previsti fuq is-saħħa tal-bniedem jew fuq l-ambjent.
(30)Għal raġunijiet ta’ proporzjonalità, wara l-ewwel tiġdid tal-awtorizzazzjoni, l-awtorizzazzjoni jenħtieġ li tkun valida għal perjodu mingħajr limitu, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor fiż-żmien ta’ dak it-tiġdid abbażi tal-valutazzjoni tar-riskju u l-informazzjoni disponibbli fuq il-pjanta tal-NGT ikkonċernata, soġġett għal valutazzjoni mill-ġdid meta tkun saret disponibbli informazzjoni ġdida.
(31)Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, l-iskeda ta’ żmien biex l-Awtorità tagħti l-opinjoni tagħha dwar applikazzjoni għal awtorizzazzjoni jenħtieġ li tiġi estiża biss meta tkun meħtieġa informazzjoni addizzjonali biex titwettaq il-valutazzjoni tal-applikazzjoni, u l-estensjoni jenħtieġ li ma tkunx itwal mit-terminu previst oriġinarjament sakemm ma tkunx iġġustifikata min-natura tad-data jew minn ċirkostanzi eċċezzjonali.
(32)Sabiex tiżdied it-trasparenza u l-informazzjoni għall-konsumaturi, l-operaturi jenħtieġ li jitħallew jissupplimentaw it-tikkettar tal-prodotti tal-NGT tal-kategorija 2 bħala OĠM b’informazzjoni dwar il-karatteristika mogħtija mill-modifikazzjoni ġenetika. Sabiex jiġu evitati indikazzjonijiet qarrieqa jew li joħolqu konfużjoni, fin-notifika għall-kunsens jew fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni jenħtieġ li tiġi pprovduta proposta għal tali tikkettar u jenħtieġ li tiġi speċifikata fil-kunsens jew fid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni.
(33)Jenħtieġ li jiġu offruti inċentivi regolatorji lil notifikaturi jew applikanti potenzjali għal pjanti u prodotti tal-NGT tal-kategorija 2 li fihom karatteristiċi li għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu għal sistema agroalimentari sostenibbli, sabiex l-iżvilupp ta’ pjanti tal-NGT tal-kategorija 2 jitmexxa lejn tali karatteristiċi. Il-kriterji biex jiġu skattati dawn l-inċentivi jenħtieġ li jiffukaw fuq kategoriji ta’ karatteristiċi wesgħin bil-potenzjal li jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà (bħal dawk marbuta mat-tolleranza jew mar-reżistenza għall-istress bijotiku u abijotiku, karatteristiċi nutrizzjonali mtejba jew rendiment akbar) u jenħtieġ li jkunu bbażati fuq il-kontribut għall-valur għall-kultivazzjoni u l-użu sostenibbli kif definiti fl-[Artikolu 52(1) tal-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti fl-Unjoni]. L-applikabbiltà tal-kriterji madwar l-UE ma tippermettix definizzjoni aktar ristretta tal-karatteristiċi biex ikun hemm enfasi fuq kwistjonijiet speċifiċi jew biex jiġu indirizzati l-ispeċifiċitajiet lokali u reġjonali.
(34)L-inċentivi jenħtieġ li jikkonsistu minn proċedura mħaffa għall-valutazzjoni tar-riskju fir-rigward ta’ applikazzjonijiet immaniġġati minn proċedura għalkollox ċentralizzata (prodotti tal-ikel u tal-għalf) u pariri aħjar qabel is-sottomissjoni biex jgħinu lill-iżviluppaturi jħejju d-dossier għall-finijiet tal-valutazzjonijiet ambjentali u tas-sikurezza tal-ikel u tal-għalf, mingħajr ma jiġu affettwati d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-parir ita’ qabel is-sottomissjoni, in-notifika ta’ studji u l-konsultazzjoni ta’ partijiet terzi skont l-Artikoli 32a, 32b u 32c tar-Regolament (KE) Nru 178/2002().
(35)Jenħtieġ li jingħataw inċentivi addizzjonali meta n-notifikatur jew l-applikant ikun intrapriża żgħira jew ta’ daqs medju (SME), biex jiġi promoss l-aċċess għall-proċeduri regolatorji minn dawn l-intrapriżi, tiġi appoġġata d-diversifikazzjoni tal-iżviluppaturi tal-pjanti tal-NGT u jiġi mħeġġeġ l-iżvilupp minn nissiela żgħar ta’ speċijiet ta’ għelejjel u karatteristiċi permezz tal-NGTs, billi jingħataw eżenzjonijiet mit-tariffi għall-validazzjoni tal-metodi tad-detezzjoni lill-SMEs u pariri aktar estensivi qabel is-sottomissjoni li jkopru wkoll it-tfassil tal-istudji li għandhom jitwettqu għall-fini tal-valutazzjoni tar-riskju.
(36)Il-pjanti li jittolleraw l-erbiċidi jiġu mnissla biex intenzjonalment jittolleraw l-erbiċidi, sabiex jiġu kkultivati flimkien mal-użu ta’ dawk l-erbiċidi. Jekk tali kultivazzjoni ma ssirx taħt kundizzjonijiet xierqa, tista’ twassal għall-iżvilupp ta’ ħaxix ħażin reżistenti għal dawk l-erbiċidi jew għall-ħtieġa li jiżdiedu l-kwantitajiet ta’ erbiċidi applikati, irrispettivament mit-teknika tat-tnissil. Għal din ir-raġuni, il-pjanti tal-NGT li juru karatteristiċi tolleranti għall-erbiċidi jenħtieġ li ma jkunux eliġibbli għall-inċentivi skont dan il-qafas. Madankollu, dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jiħux miżuri speċifiċi oħra dwar il-pjanti tal-NGT li jittolleraw l-erbiċidi, minħabba li tali miżuri jittieħdu b’mod orizzontali fil-[Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti fl-Unjoni].
(37)Sabiex il-pjanti tal-NGT ikunu jistgħu jikkontribwixxu għall-objettivi tas-sostenibbiltà tal-Patt Ekoloġiku u tal-istrateġiji “Mill-Għalqa sal-Platt” u għall-Bijodiversità, jenħtieġ li tiġi ffaċilitata l-kultivazzjoni tal-pjanti tal-NGT fl-Unjoni. Dan jeħtieġ prevedibbiltà għan-nissiela u għall-bdiewa fir-rigward tal-possibbiltà li jikkultivaw tali pjanti fl-Unjoni. Għalhekk, il-possibbiltà li l-Istati Membri jadottaw miżuri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-pjanti tal-NGT tal-kategorija 2 fit-territorju kollu tagħhom jew f’parti minnu, stabbilita fl-Artikolu 26b tad-Direttiva 2001/18/KE timmina dawk l-għanijiet.
(38)Ir-regoli speċjali stabbiliti f’dan ir-Regolament dwar il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni għall-pjanti tal-NGT tal-kategorija 2 huma mistennija li jirriżultaw f’aktar kultivazzjoni fl-Unjoni ta’ pjanti tal-NGT tal-kategorija 2 meta mqabbla mas-sitwazzjoni sa issa taħt il-leġiżlazzjoni attwali tal-Unjoni dwar l-OĠM. Dak jagħmel neċessarju għall-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri li jiddefinixxu miżuri ta’ koeżistenza biex jibbilanċjaw l-interessi tal-produtturi ta’ pjanti konvenzjonali, dawk organiċi u dawk ġenetikament modifikati u b’hekk jippermettu lill-produtturi jkollhom għażla bejn tipi differenti ta’ produzzjoni, f’konformità mal-mira tal-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” ta’ 25 % tal-art agrikola taħt biedja organika sal-2030.
(39)Sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi żgurat il-funzjonament effettiv tas-suq intern, il-pjanti tal-NGT u l-prodotti relatati jenħtieġ li jibbenefikaw mill-moviment liberu tal-merkanzija, dment li jikkonformaw mar-rekwiżiti oħra tad-dritt tal-Unjoni.
(40)Minħabba n-novità tal-NGTs, se jkun importanti li jiġu mmonitorjati mill-qrib l-iżvilupp u l-preżenza fis-suq tal-pjanti u tal-prodotti tal-NGT u li jiġi evalwat kwalunkwe impatt akkumpanjanti fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, fuq l-ambjent u fuq is-sostenibbiltà ambjentali, ekonomika u soċjali. L-informazzjoni jenħtieġ li tinġabar regolarment u fi żmien 5 snin wara l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni li tippermetti r-rilaxx intenzjonat jew it-tqegħid fis-suq ta’ pjanti tal-NGT jew ta’ prodotti tal-NGT fl-Unjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament biex tkejjel il-progress li jkun sar lejn id-disponibbiltà ta’ pjanti tal-NGT li fihom tali karatteristiċi jew proprjetajiet fis-suq tal-UE.
(41)Sabiex jiġi pprovdut livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent fir-rigward tal-pjanti tal-NGT u tal-prodotti tal-NGT, ir-rekwiżiti li jirriżultaw minn dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw b’mod mhux diskriminatorju għall-prodotti li joriġinaw mill-Unjoni u għal dawk importati minn pajjiżi terzi.
(42)Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri, iżda jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, sabiex il-pjanti tal-NGT u l-prodotti tal-NGT ikunu jistgħu jiċċirkolaw b’mod aktar liberu fis-suq intern, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.
(43)It-tipi ta’ pjanti tal-NGT żviluppati u l-impatt ta’ ċerti karatteristiċi fuq is-sostenibbiltà ambjentali, soċjali u ekonomika jevolvu kontinwament. Għalhekk, abbażi tal-evidenza disponibbli ta’ tali żviluppi u impatti, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea biex tadatta l-lista ta’ karatteristiċi li jenħtieġ li jiġu inċentivati jew skoraġġuti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku u tal-istrateġiji “Mill-Għalqa sal-Platt”, għall-Bijodiversità u dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima.
(44)Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet(). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.
(45)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-informazzjoni meħtieġa biex jintwera li pjanta tal-NGT hija pjanta tal-NGT tal-kategorija 1, fir-rigward tat-tħejjija u l-preżentazzjoni tan-notifika għal dik id-determinazzjoni, u fir-rigward tar-rekwiżiti tal-metodoloġija u tal-informazzjoni għall-valutazzjonijiet tar-riskju ambjentali tal-pjanti tal-NGT tal-kategorija 2 u tal-ikel tal-NGT u tal-għalf tal-NGT, f’konformità mal-prinċipji u l-kriterji stabbiliti f’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill().
(46)Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiġbor regolarment informazzjoni sabiex tivvaluta l-prestazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-kisba tal-iżvilupp u d-disponibbiltà tal-pjanti tal-NGT u tal-prodotti tal-NGT fis-suq li jistgħu jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku u tal-istratreġija “Mill-Għalqa sal-Platt”, għall-Bijodiversità u dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima sabiex issir evalwazzjoni infurmata tal-leġiżlazzjoni. Ġie identifikat sett wiesa’ ta’ indikaturi u dan jenħtieġ li jiġi rieżaminat perjodikament mill-Kummissjoni. L-indikaturi jenħtieġ li jappoġġaw il-monitoraġġ tar-riskji potenzjali għas-saħħa jew għall-ambjent tal-pjanti tal-NGT tal-kategorija 2 u tal-prodotti tal-NGT relatati, l-impatt tal-pjanti tal-NGT fuq is-sostenibbiltà ambjentali, ekonomika u soċjali kif ukoll l-impatt fuq il-biedja organika u fuq l-aċċettazzjoni mill-konsumaturi tal-prodotti tal-NGT. L-ewwel rapport ta’ monitoraġġ jenħtieġ li jiġi ppreżentat 3 snin wara li l-ewwel prodotti jkunu ġew innotifikati/awtorizzati, biex jiġi żgurat li tkun disponibbli biżżejjed data wara l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni l-ġdida, u minn hemm ’il quddiem f’intervalli regolari. Il-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament sentejn wara li jkun ġie ppubblikat l-ewwel rapport ta’ monitoraġġ, sabiex tippermetti li l-impatt tal-ewwel prodotti li jgħaddu mill-verifika jew mill-awtorizzazzjoni jimmaterjalizza bis-sħiħ.
(47)Ċerti referenzi għad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-OĠM fir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill() jeħtieġ li jiġu emendati biex jinkludu d-dispożizzjonijiet speċifiċi f’din il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-pjanti tal-NGT.
(48)Peress li l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tirrikjedi l-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni, jenħtieġ li din tkun differita fiż-żmien sabiex jilħqu jiġu adottati tali miżuri,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli speċifiċi għar-rilaxx intenzjonat fl-ambjent għal kwalunkwe fini ieħor għajr it-tqegħid fis-suq ta’ pjanti miksuba minn ċerti tekniki ġenomiċi ġodda (“pjanti tal-NGT”) u għat-tqegħid fis-suq ta’ ikel u għalf li fihom, li jikkonsistu minn jew li huma prodotti minn tali pjanti, u ta’ prodotti, għajr ikel jew għalf, li fihom jew li jikkonsistu minn tali pjanti.
Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu japplika għal:
(1)il-pjanti tal-NGT;
(2)ikel li fih, li jikkonsisti minn jew li huwa prodott minn pjanti tal-NGT, jew li jkun fih ingredjenti prodotti minn pjanti tal-NGT;
(3)għalf li fih, li jikkonsisti minn jew li huwa prodott minn pjanti tal-NGT;
(4)prodotti, għajr ikel u għalf, li fihom jew li jikkonsistu minn pjanti tal-NGT.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)id-definizzjonijiet ta’ “organiżmu”, “rilaxx intenzjonat” u “tpoġġija fis-suq” stabbiliti fid-Direttiva 2001/18/KE, dawk ta’ “ikel” u “għalf” stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002, dik ta’ “traċċabbiltà” stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 1830/2003, dik ta’ “pjanta” stabbilita fir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill() u dik ta’ “materjal riproduttiv tal-pjanti” stabbilita fil-[Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti fl-Unjoni];
(2)“pjanta tal-NGT” tfisser pjanta ġenetikament modifikata miksuba permezz ta’ mutaġenesi mmirata jew ċisġenesi, jew kombinament tagħha, bil-kundizzjoni li ma jkun fiha l-ebda materjal ġenetiku li joriġina minn barra l-ġabra tal-ġeni tan-nissiela li seta’ ddaħħal temporanjament matul l-iżvilupp tal-pjanta tal-NGT;
(3)“organiżmu modifikat ġenetikament” jew “OMĠ” tfisser organiżmu modifikat ġenetikament kif imfisser fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2001/18/KE, esklużi dawk l-organiżmi miksuba permezz tat-teknika ta’ modifikazzjoni ġenetika elenkati fl-Anness I B tad-Direttiva 2001/18/KE;
(4)“mutaġenesi mmirata” tfisser tekniki ta’ mutaġenesi li jirriżultaw f’modifikazzjoni(jiet) tas-sekwenza tad-DNA f’postijiet preċiżi fil-ġenoma ta’ organiżmu;
(5)“cisġenesi” tfisser tekniki ta’ modifikazzjoni ġenetika li jirriżultaw fl-inserzjoni, fil-ġenoma ta’ organiżmu, ta’ materjal ġenetiku diġà preżenti fil-ġabra tal-ġeni tan-nissiela;
(6)“ġabra tal-ġeni tan-nissiela” tfisser l-informazzjoni ġenetika totali disponibbli fi speċi waħda u fi speċijiet tassonomiċi oħra li magħhom tista’ tkun ikkollata b’mod trasversali, inkluż bl-użu ta’ tekniki avvanzati bħas-salvataġġ tal-embrijuni, il-poliplojdija indotta u l-inkroċjar li jgħaqqad;
(7)“pjanta tal-NGT tal-kategorija 1” tfisser pjanta tal-NGT li:
(a)tissodisfa l-kriterji ta’ ekwivalenza għall-pjanti konvenzjonali, stabbiliti fl-Anness I, jew
(b)hija n-nisel tal-pjanta/i tal-NGT imsemmija fil-punt (a), inkluż in-nisel derivat mill-inkroċjar ta’ tali pjanti, bil-kundizzjoni li ma jkun hemm l-ebda modifikazzjoni ulterjuri li tagħmilha soġġetta għad-Direttiva 2001/18/KE jew għar-Regolament 1829/2003;
(8)“pjanta tal-NGT tal-kategorija 2” tfisser pjanta tal-NGT għajr pjanta tal-NGT tal-kategorija 1;
(9)“pjanta tal-NGT għall-użu fl-ikel” tfisser pjanta tal-NGT li tista’ tintuża bħala ikel jew bħala materja prima għall-produzzjoni tal-ikel;
(10)“pjanta tal-NGT għall-użu fl-għalf” tfisser pjanta tal-NGT li tista’ tintuża bħala għalf jew bħala materja prima għall-produzzjoni tal-għalf;
(11)“prodott minn pjanta tal-NGT” tfisser derivat, kompletament jew parzjalment, minn pjanta tal-NGT, iżda li ma fihx jew li ma jikkonsistux minn pjanta tal-NGT;
(12)“prodott tal-NGT” tfisser prodott, għajr ikel u għalf, li fih jew li jikkonsisti minn pjanta tal-NGT, u ikel u għalf li fih, jikkonsisti minn jew huwa prodott minn tali pjanta;
(13)“prodott tal-NGT tal-kategorija 1” tfisser prodott tal-NGT fejn il-pjanta tal-NGT li jkun fih, li jikkonsisti minnha, fil-każijiet ta’ ikel jew għalf, li jiġi prodott minnha, tkun pjanta tal-NGT tal-kategorija 1;
(14)“prodott tal-NGT tal-kategorija 2” tfisser prodott tal-NGT fejn il-pjanta tal-NGT li jkun fih, li jikkonsisti minnha, fil-każijiet ta’ ikel jew għalf, li jiġi prodott minnha, tkun pjanta tal-NGT tal-kategorija 2;
(15)“intrapriża żgħira jew ta’ daqs medju (SME)” tfisser SME skont it-tifsira tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE2.
Artikolu 4
Rilaxx intenzjonat ta’ pjanti tal-NGT għal kwalunkwe fini ieħor għajr it-tqegħid fis-suq u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tal-NGT
Mingħajr preġudizzju għal rekwiżiti oħra tad-dritt tal-Unjoni, pjanta tal-NGT tista’ tiġi rilaxxata intenzjonalment fl-ambjent biss għal kwalunkwe fini ieħor għajr it-tqegħid fis-suq, u prodott tal-NGT jista’ jitqiegħed fis-suq biss jekk:
(1)il-pjanta tkun pjanta tal-NGT tal-kategorija 1 u
(a)tkun kisbet deċiżjoni li tiddikjara dak l-istatus f’konformità mal-Artikolu 6 jew 7; jew
(b)hija n-nisel ta’ pjanta/i msemmija fil-punt (a); jew
(2)il-pjanta hija pjanta tal-NGT tal-kategorija 2 u ġiet awtorizzata f’konformità mal-Kapitolu III.
KAPITOLU II
Pjanti tal-NGT tal-kategorija 1 u prodotti tal-NGT tal-kategorija 1
Artikolu 5
Status tal-pjanti tal-NGT tal-kategorija 1
1.Ir-regoli li japplikaw għall-OĠM fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma għandhomx japplikaw għall-pjanti tal-NGT tal-kategorija 1.
2.Għall-finijiet tar-Regolament (UE) 2018/848, ir-regoli stabbiliti fl-Artikoli 5(f)(iii) u 11 tiegħu għandhom japplikaw għall-pjanti tal-NGT tal-kategorija 1 u għall-prodotti prodotti minn jew permezz ta’ tali pjanti.
3.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 26 li jemendaw il-kriterji ta’ ekwivalenza tal-pjanti tal-NGT għall-pjanti konvenzjonali stabbiliti fl-Anness I sabiex tadattahom għall-progress xjentifiku u teknoloġiku fir-rigward tat-tipi u l-firxa ta’ modifikazzjonijiet li jistgħu jseħħu tnissil naturali jew permezz ta’ tnissil konvenzjonali.
Artikolu 6
Proċedura ta’ verifika tal-istatus tal-pjanti tal-NGT tal-kategorija 1 qabel ir-rilaxx intenzjonat għal kwalunkwe fini ieħor għajr it-tqegħid fis-suq
1.Sabiex tikseb id-dikjarazzjoni tal-istatus ta’ pjanta tal-NGT tal-kategorija 1 imsemmija fl-Artikolu 4(1), il-punt (a), qabel ma twettaq rilaxx intenzjonat ta’ pjanta tal-NGT għal kwalunkwe fini ieħor għajr it-tqegħid fis-suq, il-persuna li jkollha l-ħsieb li twettaq ir-rilaxx intenzjonat għandha tippreżenta talba biex tivverifika jekk il-kriterji stabbiliti fl-Anness I humiex issodisfati (“talba għall-verifika”) lill-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandu jsir ir-rilaxx f’konformità mal-paragrafi 2 u 3 u mal-att ta’ implimentazzjoni adottat f’konformità mal-Artikolu 27, il-punt (b).
2.Meta persuna jkollha l-ħsieb li twettaq tali rilaxx intenzjonat simultanjament f’aktar minn Stat Membru wieħed, dik il-persuna għandha tippreżenta t-talba għall-verifika lill-awtorità kompetenti ta’ wieħed minn dawk l-Istati Membri.
3.It-talba għall-verifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi sottomessa f’konformità mal-formati standard tad-data, fejn dawn ikunu jeżistu skont l-Artikolu 39f tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, u għandha tinkludi, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tista’ tkun meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 32b tar-Regolament (KE) Nru 178/2002:
(a)l-isem u l-indirizz ta’ min qed jagħmel it-talba;
(b)id-deżinjazzjoni u l-ispeċifikazzjoni tal-pjanta tal-NGT;
(c)deskrizzjoni tal-karattersitiċi li ġew introdotti jew modifikati;
(d)kopja tal-istudji li jkunu twettqu u kwalunkwe materjal ieħor disponibbli biex jintwera li:
(i)il-pjanta hija pjanta tal-NGT, inkluż li ma fiha l-ebda materjal ġenetiku li joriġina minn barra l-ġabra tal-ġeni tan-nissiela fejn tali materjal ġenetiku jkun iddaħħal temporanjament matul l-iżvilupp tal-pjanta, f’konformità mar-rekwiżiti tal-informazzjoni speċifikati fl-att ta’ implimentazzjoni adottat f’konformità mal-Artikolu 27, il-punt (a);
(ii)il-pjanta tal-NGT tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Anness I;
(e)fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2, indikazzjoni tal-Istati Membri li fihom min jagħmel it-talba jkollu l-ħsieb li jwettaq ir-rilaxx intenzjonat;
(f)identifikazzjoni tal-partijiet tat-talba għall-verifika u ta’ kwalunkwe informazzjoni supplimentari oħra li min jagħmel it-talba jitlob li jiġu ttrattati bħala kunfidenzjali, flimkien ma’ ġustifikazzjoni verifikabbli, skont l-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 39 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002.
4.L-awtorità kompetenti għandha tirrikonoxxi li rċeviet it-talba għall-verifika ma’ min jagħmel it-talba mingħajr dewmien żejjed, u tiddikjara d-data li fiha waslet. Għandha tagħmel it-talba disponibbli għall-Istati Membri l-oħra u għall-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed.
5.Jekk it-talba għall-verifika ma jkunx fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa, din għandha tiġi ddikjarata inammissibbli mill-awtorità kompetenti fi żmien 30 jum tax-xogħol sad-data tal-wasla ta’ talba għall-verifika. L-awtorità kompetenti għandha tinforma lil min jagħmel it-talba, lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed dwar l-inammissibbiltà tat-talba għall-verifika u għandha tipprovdi r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.
6.Jekk it-talba għall-verifika ma titqiesx inammissibbli f’konformità mal-paragrafu 5, l-awtorità kompetenti għandha tivverifika jekk il-pjanta tal-NGT tissodisfax il-kriterji stabbiliti fl-Anness I u tħejji rapport ta’ verifika fi żmien 30 jum tax-xogħol mid-data tal-wasla ta’ talba għall-verifika. L-awtorità kompetenti għandha tagħmel ir-rapport ta’ verifika disponibbli għall-Istati Membri l-oħra u għall-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed.
7.L-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni jistgħu jikkummentaw dwar ir-rapport ta’ verifika fi żmien 20 jum mid-data tal-wasla ta’ dak ir-rapport.
8.Fin-nuqqas ta’ kummenti minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni, fi żmien 10 jiem tax-xogħol mill-iskadenza msemmija fil-paragrafu 7, l-awtorità kompetenti li tkun ħejjiet ir-rapport ta’ verifika għandha tadotta deċiżjoni li tiddikjara jekk l-pjanta tal-NGT hijiex pjanta tal-NGT tal-kategorija 1. Għandha tibgħat id-deċiżjoni mingħajr dewmien żejjed lil min jagħmel it-talba, lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.
9.F’każijiet fejn isir kumment minn Stat Membru ieħor jew mill-Kummissjoni sal-iskadenza msemmija fil-paragrafu 7, l-awtorità kompetenti li tkun ħejjiet ir-rapport ta’ verifika għandha tibgħat il-kumment(i) lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed.
10.Il-Kummissjoni, wara li tkun ikkonsultat lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-“Awtorità”), għandha tħejji abbozz ta’ deċiżjoni li tiddikjara jekk il-pjanta tal-NGT hijiex pjanta tal-kategorija 1 tal-NGT fi żmien 45 jum tax-xogħol mid-data li fiha tirċievi l-kumment(i), filwaqt li tqis dawn tal-aħħar. Id-deċiżjoni għandha tiġi adottata f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 28(2).
11.Il-Kummissjoni għandha tippubblika sommarju tad-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafi 8 u 10 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 7
Proċedura ta’ verifika tal-istatus tal-pjanti tal-NGT tal-kategorija 1 qabel it-tqegħid fis-suq tal-prodotti tal-NGT
1.Meta ma tkunx diġà saret dikjarazzjoni tal-istatus tal-pjanta tal-NGT tal-kategorija 1 imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 4(1) f’konformità mal-Artikolu 6, biex tinkiseb tali dikjarazzjoni qabel ma jitqiegħed fis-suq prodott tal-NGT, il-persuna li jkollha l-ħsieb li tqiegħed il-prodott fis-suq għandha tissottometti talba għall-verifika lill-Awtorità f’konformità mal-paragrafu 2 u mal-att ta’ implimentazzjoni adottat f’konformità mal-Artikolu 27, il-punt (b).
2.It-talba għall-verifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi sottomessa lill-Awtorità f’konformità mal-formati standard tad-data, fejn dawn ikunu jeżistu, skont l-Artikolu 39f tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, u għandha tinkludi, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tista’ tkun meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 32b tar-Regolament (KE) Nru 178/2002:
(a)l-isem u l-indirizz ta’ min qed jagħmel it-talba;
(b)id-deżinjazzjoni u l-ispeċifikazzjoni tal-pjanta tal-NGT;
(c)deskrizzjoni tal-karattersitiċi li ġew introdotti jew modifikati;
(d)kopja tal-istudji li jkunu twettqu u kwalunkwe materjal ieħor disponibbli biex jintwera li:
(i)il-pjanta hija pjanta tal-NGT, inkluż li ma fiha l-ebda materjal ġenetiku li joriġina minn barra l-ġabra tal-ġeni tan-nissiela fejn tali materjal ġenetiku jkun iddaħħal temporanjament matul l-iżvilupp tal-pjanta, f’konformità mar-rekwiżiti tal-informazzjoni speċifikati fl-att ta’ implimentazzjoni adottat f’konformità mal-Artikolu 27, il-punt (a);
(ii)il-pjanta tal-NGT tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Anness I;
(e)identifikazzjoni tal-partijiet tat-talba għall-verifika u ta’ kwalunkwe informazzjoni supplimentari oħra li min jagħmel it-talba jitlob li jiġu ttrattati bħala kunfidenzjali, flimkien ma’ ġustifikazzjoni verifikabbli, skont l-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 39 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002.
3.L-Awtorità għandha tirrikonoxxi li rċeviet it-talba għall-verifika ma’ min jagħmel it-talba mingħajr dewmien, u tiddikjara d-data li fiha waslet. Għandha tagħmel it-talba għall-verifika disponibbli għall-Istati Membri u għall-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed u tippubblika t-talba għall-verifika, l-informazzjoni ta’ sostenn rilevanti u kwalunkwe informazzjoni supplimentari pprovduta minn min jagħmel it-talba, f’konformità mal-Artikolu 38(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, wara li titħalla barra kwalunkwe informazzjoni identifikata bħala kunfidenzjali f’konfrmità mal-Artikoli 39 sa 39e tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 u l-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament.
4.Jekk it-talba għall-verifika ma jkunx fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa, din għandha tiġi ddikjarata inammissibbli mill-Awtorità fi żmien 30 jum tax-xogħol sad-data tal-wasla ta’ talba għall-verifika. L-Awtorità għandha tinforma lil min jagħmel it-talba, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed dwar l-inammissibbiltà tat-talba għall-verifika u għandha tipprovdi r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.
5.Jekk it-talba għall-verifika ma titqiesx inammissibbli f’konformità mal-paragrafu 4, l-Awtorità toħroġ stqarrija dwar jekk il-pjanta tal-NGT tissodisfax il-kriterji stabbiliti fl-Anness I fi żmien 30 jum tax-xogħol mid-data tal-wasla ta’ talba għall-verifika. L-Awtorità għandha tagħmel disponibbli d-dikjarazzjoni għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri. L-Awtorità, f’konformità mal-Artikolu 38(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, għandha tagħmel pubblika d-dikjarazzjoni tagħha, wara li tħalli barra kwalunkwe informazzjoni li tkun ġiet identifikata bħala kunfidenzali f’konformità mal-Artikoli 39 sa 39e tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 u l-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament.
6.Il-Kummissjoni għandha tħejji abbozz ta’ deċiżjoni li tiddikjara jekk il-pjanta tal-NGT hijiex pjanta tal-kategorija 1 tal-NGT fi żmien 30 jum tax-xogħol mid-data li fiha l-Awtorità tirċievi d-dikjarazzjoni, filwaqt li tqis din tal-aħħar. Id-deċiżjoni għandha tiġi adottata f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 28(2).
7.Il-Kummissjoni għandha tippubblika sommarju tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 8
Sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Awtorità
Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u tmantni sistema elettronika għas-sottomissjoni tat-talbiet għall-verifika f’konformità mal-Artikoli 6 u 7 u għall-iskambju tal-informazzjoni taħt dan it-Titolu.
Artikolu 9
Bażi tad-data tad-deċiżjonijiet li jiddikjaraw l-istatus tal-pjanti tal-NGT tal-kategorija 1
1.Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u tmantni bażi tad-data li telenka d-deċiżjonijiet li jiddikjaraw l-istatus tal-pjanti tal-NGT tal-kategorija 1 adottati f’konformità mal-Artikolu 6(8) u (10) u l-Artikolu 7(6).
Il-bażi tad-data għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:
(a)l-isem u l-indirizz ta’ min qed jagħmel it-talba;
(b)id-deżinjazzjoni tal-pjanta tal-NGT tal-kategorija 1;
(c)deskrizzjoni fil-qosor tat-teknika/i użata/i biex tinkiseb il-modifikazzjoni ġenetika;
(d)deskrizzjoni tal-karattersitiċi li ġew introdotti jew modifikati;
(e)numru ta’ identifikazzjoni, u
(f)id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 6(8) jew (10), u fl-Artikolu 7(6), kif xieraq.
2.Il-bażi tad-data għandha tkun disponibbli pubblikament.
Artikolu 10
Tikkettar tal-materjal riproduttiv tal-pjanti tal-NGT tal-kategorija 1, inkluż il-materjal tat-tnissil
Il-materjal riproduttiv tal-pjanti, inkluż għal finijiet ta’ tnissil u għal finijiet xjentifiċi, li fih jew jikkonsisti minn pjanta/i tal-NGT tal-kategorija 1 u li jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ partijiet terzi, kemm jekk bi ħlas kif ukoll jekk mingħajr ħlas, għandu jkollu tikketta li tindika l-kliem “NGT kat 1”, segwit min-numru ta’ identifikazzjoni tal-pjanta/i tal-NGT li minnha/minnhom ikun ġie derivat.
Artikolu 11
Kunfidenzjalità
1.Dak li jagħmel it-talba msemmi fl-Artikoli 6 u 7 jista’ jissottometti talba lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru jew lill-Awtorità, kif xieraq, biex ċerti partijiet tal-informazzjoni sottomessa taħt dan it-Titolu jiġu ttrattati bħala kunfidenzjali, flimkien ma’ ġustifikazzjoni verifikabbli, f’konformità mal-paragrafi 3 u 6.
2.L-awtorità kompetenti jew l-Awtorità, kif xieraq, għandha tivvaluta t-talba għall-kunfidenzjalità msemmija fil-paragrafu 1.
3.L-awtorità kompetenti jew l-Awtorità, kif xieraq, tista’ tagħti trattament kunfidenzjali biss fir-rigward tal-punti ta’ informazzjoni li ġejjin, wara ġustifikazzjoni verifikabbli, fejn min jagħmel it-talba juri li d-divulgazzjoni ta’ tali informazzjoni potenzjalment tagħmel ħsara fi grad sinifikanti lill-interessi tiegħu:
(a)l-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 39(2) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002;
(b)l-informazzjoni dwar is-sekwenza tad-DNA; u
(c)ix-xejriet ta’ tnissil u l-istrateġiji.
4.L-awtorità kompetenti jew l-Awtorità, kif xieraq, għandha, wara konsultazzjoni ma’ min jagħmel it-talba, tiddeċiedi liema informazzjoni għandha tiġi ttrattata bħala kunfidenzjali u għandha tinforma lil min jagħmel it-talba bid-deċiżjoni tagħha.
5.L-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Awtorità għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-informazzjoni kunfidenzjali nnotifikata jew skambjata skont dan il-Kapitolu ma ssirx disponibbli għall-pubbliku.
6.Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikoli 39e u 41 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 għandhom japplikaw ukoll mutatis mutandis.
7.F’każ ta’ rtirar tat-talba għall-verifika minn min jagħmel it-talba, l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Awtorità għandhom jirrispettaw il-kunfidenzjalità kif mogħtija mill-awtorità kompetenti jew l-Awtorità f’konformità ma’ dan l-Artikolu. Meta l-irtirar tat-talba għall-verifika jseħħ qabel ma l-awtorità kompetenti jew l-Awtorità tkun iddeċidiet dwar it-talba rilevanti għall-kunfidenzjalità, l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Awtorità ma għandhomx jippubblikaw l-informazzjoni li għaliha tkun intalbet il-kunfidenzjalità.
KAPITOLU III
Pjanti tal-NGT tal-kategorija 2 u prodotti tal-NGT tal-kategorija 2
Artikolu 12
Status tal-pjanti tal-NGT tal-kategorija 2 u tal-prodotti tal-kategorija 2 tal-NGT
Ir-regoli li japplikaw għall-OĠM fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni sa fejn ma hemmx deroga għalihom f’dan ir-Regolament għandhom japplikaw għall-pjanti tal-NGT tal-kategorija 2 u għall-prodotti tal-NGT tal-kategorija 2.
TAQSIMA 1
Rilaxx intenzjonat ta’ pjanti tal-NGT tal-kategorija 2 għal kwalunkwe fini ieħor għajr għat-tqegħid fis-suq
Artikolu 13
Kontenut tan-notifika msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/18/KE
Fir-rigward tar-rilaxx intenzjonat ta’ pjanta tal-NGT tal-kategorija 2 għal kwalunkwe fini ieħor għajr it-tqegħid fis-suq, in-notifika msemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/18/KE għandha tinkludi:
(a)l-isem u l-indirizz tan-notifikatur;
(b)kopja tal-istudji li jkunu twettqu u kwalunkwe materjal ieħor disponibbli biex jintwera li l-pjanta hija pjanta tal-NGT, inkluż li ma fiha l-ebda materjal ġenetiku li joriġina minn barra l-ġabra tal-ġeni tan-nissiela fejn tali materjal ġenetiku jkun iddaħħal temporanjament matul l-iżvilupp tal-pjanta, f’konformità mar-rekwiżiti tal-informazzjoni speċifikati fl-att ta’ implimentazzjoni adottat f’konformità mal-Artikolu 27, il-punt (a);
(c)dossier tekniku li jagħti l-informazzjoni speċifikata fl-Anness II neċessarja biex titwettaq il-valutazzjoni tar-riskju ambjentali ta’ rilaxx intenzjonat ta’ pjanta tal-NGT jew kombinament ta’ pjanti tal-NGT:
(i)informazzjoni ġenerali inkluża informazzjoni dwar il-persunal u t-taħriġ;
(ii)l-informazzjoni relatata mal-pjanta/i tal-NGT tal-kategorija 2;
(iii)l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tar-rilaxx u l-ambjent potenzjali li jirċievi;
(iv)l-informazzjoni dwar l-interazzjonijiet bejn il-pjanta/i tal-NGT tal-kategorija 2 u l-ambjent;
(v)pjan għall-monitoraġġ sabiex jiġu identifikati l-effetti tal-pjanta/i tal-NGT tal-kategorija 2 fuq is-saħħa tal-bniedem jew fuq l-ambjent;
(vi)fejn rilevanti, l-informazzjoni fuq il-kontroll, il-metodi ta’ rimedji, it-trattament tal-iskart u l-pjanijiet ta’ rispons għal emerġenza;
(vii)identifikazzjoni tal-partijiet tan-notifika u ta’ kwalunkwe informazzjoni supplimentari oħra li n-notifikatur jitlob li jiġu ttrattati bħala kunfidenzjali, flimkien ma’ ġustifikazzjoni verifikabbli, skont l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2001/18;
(viii)sommarju tad-dossier;
(d)il-valutazzjoni tar-riskju ambjentali mwettqa f’konformità mal-prinċipji u l-kriterji stabbiliti fil-Partijiet 1 u 2 tal-Anness II u mal-att ta’ implimentazzjoni adottat f’konformità mal-Artikolu 27, il-punt (c).
TAQSIMA 2
Tqegħid fis-suq ta’ prodotti tal-NGT tal-kategorija 2 għajr l-ikel jew l-għalf
Artikolu 14
Kontenut tan-notifika msemmija fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2001/18/KE
1.Fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tal-NGT tal-kategorija 2 għajr l-ikel u l-għalf, in-notifika msemmija fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2001/18/KE, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tista’ tkun meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 32b tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, għandu jkun fiha:
(a)l-isem u l-indirizz tan-notifikatur u tar-rappreżentant tiegħu stabbilit fl-Unjoni (jekk in-notifikatur ma jkunx stabbilit fl-Unjoni);
(b)id-deżinjazzjoni u l-ispeċifikazzjoni tal-pjanta tal-NGT tal-kategorija 2;
(c)il-kamp ta’ applikazzjoni tan-notifika:
(i)il-kultivazzjoni;
(ii)użi oħra (li għandhom jiġu speċifikati fin-notifika);
(d)kopja tal-istudji li jkunu twettqu u kwalunkwe materjal ieħor disponibbli biex jintwera li l-pjanta hija pjanta tal-NGT, inkluż li ma fiha l-ebda materjal ġenetiku li joriġina minn barra l-ġabra tal-ġeni tan-nissiela fejn tali materjal ġenetiku jkun iddaħħal temporanjament matul l-iżvilupp tal-pjanta, f’konformità mar-rekwiżiti tal-informazzjoni speċifikati fl-att ta’ implimentazzjoni adottat f’konformità mal-Artikolu 27(a);
(e)il-valutazzjoni tar-riskju ambjentali mwettqa f’konformità mal-prinċipji u l-kriterji stabbiliti fil-Partijiet 1 u 2 tal-Anness II u mal-att ta’ implimentazzjoni adottat f’konformità mal-Artikolu 27, il-punt (c);
(f)il-kundizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq tal-prodott, inklużi kundizzjonijiet speċifiċi ta’ użu u mmaniġġar;
(g)b’referenza għall-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2001/18/KE, perjodu propost għall-kunsens, li jenħtieġ li ma jeċċedix l-10 snin;
(h)fejn xieraq, pjan ta’ monitoraġġ tal-effetti fuq l-ambjent f’konformità mal-Anness VII tad-Direttiva 2001/18/KE, inkluża proposta dwar kemm se jdum il-pjan ta’ monitoraġġ; dan il-perjodu ta’ żmien jista’ jkun differenti mill-perjodu propost għall-kunsens. Jekk, abbażi tar-riżultati ta’ kwalunkwe rilaxx notifikat f’konformità mat-Taqsima 1, is-sejbiet tal-valutazzjoni tar-riskju ambjentali, il-karatteristiċi tal-pjanta tal-NGT, il-karatteristiċi u l-iskala tal-użu mistenni tagħha u l-karatteristiċi tal-ambjent li jirċievi, f’konformità mal-att ta’ implimentazzjoni adottat f’konformità mal-Artikolu 27, il-punt (d), in-notifikatur iqis li l-pjanta tal-NGT ma teħtieġx pjan ta’ monitoraġġ, in-notifikatur jista’ jipproponi li ma jissottomettix pjan ta’ monitoraġġ;
(i)proposta għat-tikkettar li għandha tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt A.8. tal-Anness IV tad-Direttiva 2001/18/KE, l-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1830/2003 u l-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament;
(j)l-ismijiet kummerċjali proposti tal-prodotti u l-ismijiet tal-pjanti tal-NGT tal-kategorija 2 li jinsabu fihom, u proposta għal identifikatur uniku għall-pjanta tal-NGT tal-kategorija 2, żviluppata f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 65/2004(). Wara l-kunsens, kwalunkwe isem kummerċjali ġdid jenħtieġ li jiġi pprovdut lill-awtorità kompetenti;
(k)deskrizzjoni ta’ kif il-prodott huwa maħsub li jintuża. Għandhom jiġu enfasizzati differenzi fl-użu jew fil-ġestjoni ta’ dak il-prodott meta mqabbel ma’ prodotti simili mhux ġenetikament modifikati,
(l)il-metodi għat-teħid tal-kampjuni (inklużi r-referenzi għall-metodi ta’ teħid tal-kampjuni uffiċjali jew standardizzati eżistenti), is-sejba, l-identifikazzjoni u l-kwantifikazzjoni tal-pjanta tal-NGT. F’każijiet fejn ma jkunx fattibbli li jiġi pprovdut metodu analitiku li jsib, jidentifika u jikkwantifika, jekk debitament iġġustifikat min-notifikatur, il-modalitajiet għall-konformità mar-rekwiżiti tal-metodu analitiku għandhom jiġu adattati kif speċifikat fl-att ta’ implimentazzjoni adottat f’konformità mal-Artikolu 27, il-punt (e), u l-gwida msemmija fl-Artikolu 29(2);
(m)il-kampjuni tal-pjanta tal-NGT tal-kategorija 2 u l-kampjuni ta’ kontroll tagħhom, u l-informazzjoni dwar il-post fejn jista’ jinkiseb aċċess għall-materjal ta’ referenza;
(n)fejn applikabbli, l-informazzjoni li għandha tingħata għall-fini tal-konformità mal-Anness II tal-Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosikurezza għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika;
(o)identifikazzjoni tal-partijiet tan-notifika u ta’ kwalunkwe informazzjoni supplimentari oħra li n-notifikatur jitlob li jiġu ttrattati bħala kunfidenzjali, flimkien ma’ ġustifikazzjoni verifikabbli, skont l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2001/18/KE u l-Artikoli 39 sa 39e tar-Regolament (KE) Nru 178/2002;
(p)sommarju tad-dossier f’forma standardizzata.
2.In-notifikant jinkludi f’din in-notifika informazzjoni dwar data jew rizultati minn rilaxxi tal-istesss pjanta tal-NGT tal-kategorija 2 jew l-istess kombinament ta’ pjanti tal-NGT tal-kategorija 2 notifikati qabel jew issa u/jew li saru min-notifikatur jew ġewwa jew barra l-Unjoni.
3.L-awtorità kompetenti li tħejji r-rapport ta’ valutazzjoni msemmi fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2001/18/KE għandha teżamina n-notifika għall-konformità mal-paragrafi 1 u 2.
Artikolu 15
Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-monitoraġġ
Il-kunsens bil-miktub imsemmi fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2001/18/KE għandu jew jispeċifika r-rekwiżiti ta’ monitoraġġ, kif deskritt fl-Artikolu 19(3), il-punt (f) jew jiddikjara li l-monitoraġġ ma huwiex meħtieġ. L-Artikolu 17(2), il-punt (b), tad-Direttiva 2001/18/KE ma għandux japplika jekk il-monitoraġġ ma jkunx meħtieġ b’kunsens.
Artikolu 16
Tikkettar f’konformità mal-Artikolu 23
Minbarra l-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2001/18/KE, il-kunsens bil-miktub għandu jispeċifika t-tikkettar f’konformità mal-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 17
Durata tal-validità tal-kunsens wara t-tiġdid
1.Il-kunsens mogħti skont il-Parti C tad-Direttiva 2001/18/KE għandu, wara l-ewwel tiġdid f’konformità mal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2001/18/KE, ikun validu għal perjodu mingħajr limitu, sakemm id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 17(6) jew (8) ma tipprevedix li t-tiġdid huwa għal perjodu limitat, għal raġunijiet ġustifikati bbażati fuq is-sejbiet tal-valutazzjoni tar-riskju mwettqa skont dan ir-Regolament u fuq l-esperjenza bl-użu, inklużi r-riżultati tal-monitoraġġ, jekk dan ikun speċifikat fil-kunsens.
2.L-aħħar sentenza fl-Artikolu 17(6) u (8) tad-Direttiva 2001/18/KE ma għandhiex tapplika.
TAQSIMA 3
Tqegħid fis-suq ta’ pjanti tal-NGT tal-kategorija 2 għall-użu fl-ikel jew fl-għalf u ta’ ikel u għalf tal-NGT tal-kategorija 2
Artikolu 18
Ambitu
Din it-Taqsima għandha tapplika għal:
(a)pjanti tal-NGT tal-kategorija 2 għall-użu fl-ikel jew għall-użu fl-għalf;
(b)ikel li fih, li jikkonsisti minn jew li huwa prodott minn pjanti tal-NGT tal-kategorija 2 jew li fih ingredjenti prodotti minn pjanti tal-NGT tal-kategorija 2 (“ikel tal-NGT tal-kategorija 2”);
(c)għalf li fih, li jikkonsisti minn jew li huwa prodott minn pjanti tal-NGT tal-kategorija 2 (“għalf tal-NGT tal-kategorija 2”).
Artikolu 19
Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003
1.B’deroga mill-Artikoli 5(3), il-punt (e), u 17(3), il-punt (e), tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tista’ tkun meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 32b tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ pjanta tal-NGT tal-kategorija 2 għall-użu fl-ikel jew fl-għalf, jew ta’ ikel jew għalf tal-NGT tal-kategorija 2, għandha tkun akkumpanjata minn kopja tal-istudji, inklużi, fejn disponibbli, studji indipendenti u rieżaminati bejn il-pari, li jkunu twettqu u kwalunkwe materjal ieħor disponibbli biex jintwera li:
(a)il-pjanta hija pjanta tal-NGT, inkluż li ma fiha l-ebda materjal ġenetiku li joriġina minn barra l-ġabra tal-ġeni tan-nissiela fejn tali materjal ġenetiku jkun iddaħħal temporanjament matul l-iżvilupp tal-pjanta, f’konformità mar-rekwiżiti tal-informazzjoni speċifikati fl-att ta’ implimentazzjoni adottat f’konformità mal-Artikolu 27, il-punt (a);
(b)l-ikel jew l-għalf jikkonforma mal-kriterji msemmija fl-Artikolu 4(1) jew fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, rispettivament, abbażi ta’ valutazzjoni tas-sikurezza tal-ikel jew tal-għalf imwettqa f’konformità mal-prinċipji u l-kriterji stabbiliti fil-Partijiet 1 u 3 tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament u mal-att ta’ implimentazzjoni adottat f’konformità mal-Artikolu 27, il-punt (c).
2.B’deroga mill-Artikoli 5(3), il-punt (i), u 17(3), il-punt (i), tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għandha tkun akkumpanjata mill-metodi għat-teħid ta’ kampjuni (inklużi referenzi għal metodi ta’ teħid tal-kampjuni uffiċjali jew standardizzati eżistenti), sejba, identifikazzjoni u kwantifikazzjoni tal-pjanta tal-NGT u, fejn applikabbli, sejba u identifikazzjoni tal-pjanta tal-NGT fl-ikel jew fl-għalf tal-NGT.
F’każijiet fejn ma jkunx fattibbli li jiġi pprovdut metodu analitiku li jsib, jidentifika u jikkwantifika, jekk debitament iġġustifikat mill-applikant jew konkluż mil-Laboratorju ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea msemmi fl-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 matul il-proċedura msemmija fl-Artikolu 20(4), il-modalitajiet għall-konformità mar-rekwiżiti tal-metodu analitiku għandhom jiġu adattati kif speċifikat fl-att ta’ implimentazzjoni adottat f’konformità mal-Artikolu 27, il-punt (e) u l-gwida msemmija fl-Artikolu 29(2);
3.B’deroga mill-Artikoli 5(5) u 17(5) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, fil-każ ta’ pjanti tal-NGT tal-kategorija 2 jew ikel jew għalf li fihom jew li jikkonsistu minn pjanti tal-NGT tal-kategorija 2, l-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata wkoll minn:
(a)il-valutazzjoni tar-riskju ambjentali mwettqa f’konformità mal-prinċipji u l-kriterji stabbiliti fil-Partijiet 1 u 2 tal-Anness II u mal-att ta’ implimentazzjoni adottat f’konformità mal-Artikolu 27, il-punt (c);
(b)fejn xieraq, pjan ta’ monitoraġġ tal-effetti fuq l-ambjent f’konformità mal-Anness VII tad-Direttiva 2001/18/KE, inkluża proposta dwar kemm se jdum il-pjan ta’ monitoraġġ. Dan il-perjodu jista’ jkun differenti mill-perjodu tal-awtorizzazzjoni. Jekk, abbażi tar-riżultati ta’ kwalunkwe rilaxx notifikat f’konformità mat-Taqsima 1, is-sejbiet tal-valutazzjoni tar-riskju ambjentali, il-karatteristiċi tal-pjanta tal-NGT, il-karatteristiċi u l-iskala tal-użu mistenni tagħha u l-karatteristiċi tal-ambjent li jirċievi, f’konformità mal-att ta’ implimentazzjoni adottat f’konformità mal-Artikolu 27, il-punt (d), l-applikant iqis li l-pjanta tal-NGT ma teħtieġx pjan ta’ monitoraġġ, l-applikant jista’ jipproponi li ma jissottomettix pjan ta’ monitoraġġ.
4.L-applikazzjoni għandu jkun fiha wkoll proposta għat-tikkettar f’konformità mal-Artikolu 23.
Artikolu 20
Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-opinjoni tal-Awtorità
1.B’deroga mill-Artikolu 6(1) u (2) u mill-Artikolu 18(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, l-Awtorità għandha tagħti opinjoni dwar l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament fi żmien 6 xhur minn meta tirċievi applikazzjoni valida.
Meta l-Awtorità jew l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jwettaq il-valutazzjoni tar-riskju ambjentali jew il-valutazzjoni tas-sikurezza tal-ikel jew tal-għalf skont l-Artikolu 6(3), il-punti (b) u (c), u l-Artikolu 18(3), il-punti (b) u (c), tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tqis li hija meħtieġa informazzjoni addizzjonali, l-Awtorità, jew l-awtorità kompetenti nazzjonali permezz tal-Awtorità, għandha titlob lill-applikant jissottometti dik l-informazzjoni f’limitu ta’ żmien speċifikat. F’dak il-każ, il-perjodu ta’ 6 xhur għandu jiġi estiż b’dak il-perjodu addizzjonali. L-estensjoni ma għandhiex taqbeż 6 xhur sakemm ma tkunx iġġustifikata min-natura tad-data mitluba jew minn ċirkostanzi eċċezzjonali.
2.Minbarra l-kompiti msemmija fl-Artikolu 6(3) u fl-Artikolu 18(3) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, l-Awtorità għandha tivverifika jekk id-dettalji u d-dokumenti kollha ppreżentati mill-applikant humiex konformi mal-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament.
3.B’deroga mill-Artikolu 6(3), il-punt (d) u l-Artikolu 18(3), il-punt (d), tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, l-Awtorità għandha tibgħat lil-laboratorju ta’ referenza tal-Unjoni msemmi fl-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 id-dettalji msemmija fl-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-Regolament u fl-Artikolu 5(3), il-punt (j), u l-Artikolu 17(3), il-punt (j), tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.
4.Il-laboratorju ta’ referenza tal-Unjoni għandu jittestja u jivvalida l-metodu ta’ sejba, identifikazzjoni u kwantifikazzjoni propost mill-applikant f’konformità mal-Artikolu 19(2) jew jivvaluta jekk l-informazzjoni pprovduta mill-applikant tiġġustifikax l-applikazzjoni ta’ modalitajiet adattati għall-konformità mar-rekwiżiti tal-metodu ta’ detezzjoni msemmi f’dak il-paragrafu.
5.B’deroga mill-Artikolu 6(5), il-punt (f), u l-Artikolu 18(5), il-punt (f), tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, fil-każ ta’ opinjoni favur l-awtorizzazzjoni tal-ikel jew tal-għalf, l-opinjoni għandha tinkludi wkoll:
(a)il-metodu, ivvalidat mil-laboratorju ta’ referenza tal-Unjoni, għas-sejba, inkluż it-teħid ta’ kampjuni, u, fejn applikabbli, l-identifikazzjoni u l-kwantifikazzjoni tal-pjanta tal-NGT u s-sejba u l-identifikazzjoni tal-pjanta tal-NGT fl-ikel jew fl-għalf tal-NGT, u ġustifikazzjoni ta’ kwalunkwe adattament tal-metodu fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 19(2), is-subparagrafu 2;
(b)indikazzjoni ta’ fejn jista’ jiġi aċċessat materjal ta’ referenza xieraq.
6.Minbarra d-dettalji msemmija fl-Artikolu 6(5)(d) u fl-Artikolu 18(5), il-punt (d), tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, l-opinjoni għandha tinkludi wkoll proposta għat-tikkettar f’konformità mal-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 21
Durata tal-validità tal-awtorizzazzjoni wara t-tiġdid
B’deroga mill-Artikolu 11(1) u mill-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, wara l-ewwel tiġdid, l-awtorizzazzjoni għandha tkun valida għal perjodu mingħajr limitu, sakemm il-Kummissjoni ma tiddeċidix li ġġedded l-awtorizzazzjoni għal perjodu limitat, għal raġunijiet ġustifikati bbażati fuq is-sejbiet tal-valutazzjoni tar-riskju mwettqa skont dan ir-Regolament u fuq l-esperjenza bl-użu, inklużi r-riżultati tal-monitoraġġ, jekk dan ikun speċifikat fl-awtorizzazzjoni.
TAQSIMA 4
Dispożizzjonijiet komuni għall-pjanti tal-NGT tal-kategorija 2 u għall-prodotti tal-NGT tal-kategorija 2
Artikolu 22
Inċentivi għall-pjanti tal-NGT tal-kategorija 2 u għall-prodotti tal-NGT tal-kategorija 2 li fihom karatteristiċi rilevanti għas-sostenibbiltà
1.L-inċentivi f’dan l-Artikolu għandhom japplikaw għall-pjanti tal-NGT tal-kategorija 2 u għall-prodotti tal-NGT tal-kategorija 2, fejn mill-inqas waħda mill-karatteristiċi maħsuba tal-pjanta tal-NGT ipprovduti mill-modifikazzjoni ġenetika tkun tinsab fil-Parti 1 tal-Anness III u ma jkollha l-ebda karatteristika msemmija fil-Parti 2 ta’ dak l-Anness.
2.L-inċentivi li ġejjin għandhom japplikaw għall-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni sottomessi f’konformità mal-Artikoli 5 jew 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 flimkien mal-Artikolu 19:
(a)b’deroga mis-subtaqsima (1) tal-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-Regolament, l-Awtorità għandha tagħti l-opinjoni tagħha dwar l-applikazzjoni fi żmien 4 xhur minn meta tirċievi applikazzjoni valida, sakemm il-kumplessità tal-prodott ma tkunx teħtieġ l-applikazzjoni tat-terminu msemmi fl-Artikolu 20(1). Il-limitu ta’ żmien għandu jkun jista’ jiġi estiż skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20(1), is-subtaqsima (2);
(b)Meta l-applikant ikun SME, dan għandu jkun eżentat mill-ħlas tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji lil-Laboratorju ta’ Referenza tal-Unjoni u lin-Network Ewropew tal-Laboratorji OĠM imsemmija fl-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.
3.Il-parir ta’ qabel is-sottomissjoni li ġej għall-finijiet tal-valutazzjoni tar-riskju mwettqa f’konformità mal-Anness II għandu, flimkien mal-Artikolu 32a tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, japplika qabel in-notifiki sottomessi f’konformità mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2001/18/KE flimkien mal-Artikolu 14 u għall-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni sottomessi f’konformità mal-Artikoli 5 jew 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 flimkien mal-Artikolu 19:
(a)il-persunal tal-Awtorità għandu, fuq talba ta’ applikant jew notifikatur potenzjali, jagħti parir dwar ipoteżijiet tar-riskju plawżibbli li l-applikant jew in-notifikatur potenzjali jkun identifika abbażi tal-proprjetajiet ta’ pjanta, prodott jew pjanta jew prodott ipotetiċi, li jeħtieġ li jiġu indirizzati billi tiġi pprovduta l-informazzjoni taħt il-Partijiet 2 u 3 tal-Anness II. Madankollu, il-parir ma għandux ikopri t-tfassil tal-istudji biex jiġu indirizzati l-ipoteżijiet tar-riskji;
(b)fejn l-applikant jew in-notifikatur potenzjali jkun SME, dan jista’ jinnotifika lill-Awtorità dwar kif ikun biħsiebu jindirizza l-ipoteżijiet tar-riskji plawżibbli msemmija fil-punt (a) li jkun identifika abbażi tal-proprjetajiet ta’ pjanta, prodott jew pjanta jew prodott ipotetiċi, inkluż it-tfassil tal-istudji li jkun biħsiebu jwettaq f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Partijiet 2 u 3 tal-Anness II. L-Awtorità għandha tipprovdi pariri dwar l-informazzjoni notifikata, inkluż dwar it-tfassil tal-istudji.
4.Il-parir ta’ qabel is-sottomissjoni msemmi fil-paragrafu 3 għandu jikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:
(a)għandu jkun mingħajr preġudizzju u mingħajr impenn fir-rigward ta’ kwalunkwe valutazzjoni sussegwenti tal-applikazzjonijiet jew tan-notifiki mill-Bord dwar l-Organiżmi Ġenetikament Modifikati tal-Awtorità. Il-persunal tal-Awtorità li jipprovdi l-parir ma għandu jkun involut fl-ebda ħidma xjentifika jew teknika preparatorja li tkun direttament jew indirettament rilevanti għall-applikazzjoni jew in-notifika li hija s-suġġett tal-parir;
(b)għal notifiki potenzjali f’konformità mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2001/18/KE flimkien mal-Artikolu 14 u għal applikazzjonijiet potenzjali skont l-Artikoli 5 jew 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 flimkien mal-Artikolu 19 dwar pjanta tal-NGT tal-kategorija 2 li għandha tintuża bħala żrieragħ jew materjal riproduttiv tal-pjanti ieħor, il-parir ta’ qabel is-sottomissjoni għandu jiġi pprovdut mill-Awtorità flimkien, jew f’kollaborazzjoni mill-qrib, mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li lilu se tiġi ppreżentata n-notifika jew l-applikazzjoni;
(c)l-Awtorità għandha tippubblika mingħajr dewmien sommarju tal-parir ta’ qabel is-sottomissjoni ladarba applikazzjoni jew notifika tkun tqieset valida. L-Artikolu 38(1a) għandu japplika mutatis mutandis;
(d)applikanti jew notifikaturi potenzjali li juru li huma SME jistgħu jitolbu l-parir ta’ qabel is-sottomissjoni msemmi fil-paragrafu 3, il-punt (a), f’punti ta’ żmien differenti.
5.Kwalunkwe talba għall-inċentivi għandha tiġi sottomessa lill-Awtorità fiż-żmien tat-talba għall-parir imsemmi fil-paragrafu 3 jew l-applikazzjoni msemmija fl-Artikoli 5 jew 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 flimkien mal-Artikolu 19, u għandha tkun akkumpanjata mill-informazzjoni li ġejja:
(a)l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi stabbilit li l-karatteristika/ċi maħsuba li jingħataw mill-modifikazzjoni ġenetika tal-pjanta tal-NGT tal-kategorija 2 jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1;
(b) fejn applikabbli, l-informazzjoni meħtieġa biex jintwera li l-applikant jew in-notifikatur (potenzjali) huwa SME;
(c)għall-fini tal-paragrafu 3, informazzjoni dwar l-aspetti elenkati fil-Parti 1 tal-Anness II sa fejn tkun diġà tista’ tiġi pprovduta u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra.
6.L-Artikolu 26 tad-Direttiva 2001/18/KE u l-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 għandhom japplikaw għall-informazzjoni sottomessa skont dan l-artikolu lill-Awtorità, kif xieraq.
7.L-Awtorità għandha tistabbilixxi l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tal-paragrafi (3) sa (6).
8.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 26 li jemendaw il-lista ta’ karatteristiċi tal-pjanti tal-NGT stabbilita fl-Anness III sabiex tadattahom għall-progress xjentifiku u teknoloġiku u għal evidenza ġdida relatata mal-impatt fuq is-sostenibbiltà ta’ dawk il-karatteristiċi, soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)il-Kummissjoni għandha tqis il-monitoraġġ tal-impatti ta’ dan ir-Regolament f’konformità mal-Artikolu 30(3);
(b)il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami aġġornat tal-letteratura xjentifika dwar l-impatt fuq is-sostenibbiltà ambjentali, soċjali u ekonomika tal-karatteristika/ċi li jkollha l-ħsieb li żżid jew tħassar mil-lista fl-Anness III;
(c)fejn applikabbli, il-Kummissjoni għandha tqis ir-riżultati tal-monitoraġġ li jkun twettaq f’konformità mal-Artikolu 14, il-punt (h), jew l-Artikolu 19(3) ta’ pjanti tal-NGT li jkunu qed iżommu l-karatteristika/ċi mogħtija mill-modifikazzjoni ġenetika tagħhom.
Artikolu 23
Tikkettar tal-prodotti tal-NGT tal-kategorija 2 awtorizzati
Minbarra r-rekwiżiti tat-tikkettar imsemmija fl-Artikolu 21 tad-Direttiva 2001/18/KE, l-Artikoli 12, 13, 24 u 25 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, u l-Artikolu 4(6) sa (7) tar-Regolament (KE) Nru 1830/2003, u mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti skont leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni, it-tikkettar ta’ prodotti tal-NGT tal-kategorija 2 awtorizzati jista’ jsemmi wkoll il-karatteristika/ċi mogħtija mill-modifikazzjoni ġenetika, kif speċifikat fil-kunsens jew fl-awtorizzazzjoni skont it-Taqsimiet 2 jew 3 tal-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 24
Miżuri biex tiġi evitata l-preżenza mhux intenzjonata ta’ pjanti tal-NGT tal-kategorija 2
L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jevitaw il-preżenza mhux intenzjonata tal-pjanti tal-NGT tal-kategorija 2 fi prodotti mhux soġġetti għad-Direttiva 2001/18 jew għar-Regolament 1829/2003.
Artikolu 25
Kultivazzjoni
L-Artikolu 26b tad-Direttiva 2001/18/KE ma għandux japplika għall-pjanti tal-NGT tal-kategorija 2.
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 26
Eżerċizzju tad-delega
1.Is-setgħa ta’ adozzjoni tal-atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2.Is-setgħa ta’ adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 5(5) u l-Artikolu 22(8) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ 5 snin mid-[data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament]. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux aktar tard minn 9 xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ 5 snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx għal tali estensjoni mhux aktar tard minn 3 xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.
3.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 5(3) u l-Artikolu 22(8) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4.Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti maħtura minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet().
5.Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6.Att delegat adottat skont l-Artikolu 5(3) u l-Artikolu 22(8) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li ma humiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 27
Atti ta’ implimentazzjoni
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni dwar:
(a)l-informazzjoni meħtieġa biex jintwera li pjanta hija pjanta tal-NGT;
(b)it-tħejjija u l-preżentazzjoni tat-talbiet għall-verifika msemmija fl-Artikoli 6 u 7;
(c)il-metodoloġija u r-rekwiżiti tal-informazzjoni għall-valutazzjoni tar-riskju ambjentali tal-pjanti tal-NGT tal-kategorija 2 u l-valutazzjonijiet tas-sikurezza tal-ikel u l-għalf tal-NGT tal-kategorija 2, f’konformità mal-prinċipji u l-kriterji stabbiliti fl-Anness II;
(d)l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 u 19, inklużi regoli dwar it-tħejjija u l-preżentazzjoni tan-notifika jew tal-applikazzjoni;
(e)modalitajiet adattati għall-konformità mar-rekwiżiti tal-metodu analitiku msemmija fl-Artikolu 14(1), il-punt (l), u l-Artikolu 19(2).
Qabel ma tadotta l-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-punti (a) sa (d), il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Awtorità. L-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 28(3).
Artikolu 28
Proċedura ta’ Kumitat
1.Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002.
2.Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 182/2011.
3.Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 182/2011.
Artikolu 29
Gwida
1.Qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-Awtorità għandha tippubblika gwida dettaljata biex tgħin lin-notifikatur jew lill-applikant fit-tħejjija u fil-preżentazzjoni tan-notifiki u tal-applikazzjoni msemmija fil-Kapitoli II u III u għall-implimentazzjoni tal-Anness II.
2.Qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Laboratorju ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għall-Ikel u l-Għalf Ġenetikament Modifikati stabbilit skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, assistit min-Network Ewropew tal-Laboratorji OĠM, għandu jippubblika gwida dettaljata biex jgħin lin-notifikatur jew lill-applikant għall-applikazzjoni tal-Artikolu 14(1), il-punt (l) u l-Artikolu 19(2).
Artikolu 30
Monitoraġġ, rapportar u evalwazzjoni
1.Mhux aktar kmieni minn 3 snin wara li tiġi adottata l-ewwel deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 6(8) jew (10) jew l-Artikolu 7(6) jew f’konformità mat-Taqsimiet 2 jew 3 tal-Kapitolu III, skont liema minnhom jiġi l-ewwel, imbagħad kull 5 snin, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
2.Ir-rapport għandu jindirizza wkoll kwalunkwe kwistjoni etika li tkun irriżultat mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
3.Għall-fini tar-rapportar imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni, sa mhux aktar tard minn [24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] għandha tistabbilixxi, wara li tikkonsulta lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri f’konformità mad-Direttiva 2001/18/KE u mar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, programm dettaljat għall-monitoraġġ, ibbażat fuq indikaturi, tal-impatt ta’ dan ir-Regolament. Dan għandu jispeċifika l-azzjoni li għandha tittieħed mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri fil-ġbir u fl-analiżi tad-data u ta’ evidenza oħra.
4.Sa mhux aktar tard minn sentejn wara l-pubblikazzjoni tal-ewwel rapport imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-impatt tiegħu fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, fuq l-ambjent, fuq l-informazzjoni tal-konsumatur, fuq il-funzjonament tas-suq intern, u s-sostenibbiltà ekonomika, ambjentali u soċjali.
5.Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar is-sejbiet prinċipali tal-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.
Artikolu 31
Referenzi f’leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni
Fir-rigward tal-pjanti tal-NGT tal-kategorija 2, ir-referenzi f’leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni għall-Anness II jew għall-Anness III tad-Direttiva 2001/18/KE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Partijiet 1 u 2 tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 32
Rieżami amministrattiv
Kull deċiżjoni meħuda skont is-setgħat vestiti fl-Awtorità b’dan ir-Regolament, jew nuqqas ta’ eżerċizzju tagħhom, jistgħu jiġu rieżaminati mill-Kummissjoni fuq inizjattiva tagħha stess jew b’risposta għal talba minn Stat Membru jew minn persuna interessata direttament u individwalment.
Għalhekk għandha tiġi ppreżentata talba lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn mill-jum li fih il-parti konċernata ssir taf bl-att jew ommissjoni inkwestjoni.
Il-Kummissjoni għandha tħejji abbozz ta’ deċiżjoni fi żmien xahrejn billi teħtieġ, jekk ikun xieraq, lill-Kummissjoni tirtira d-deċiżjoni tagħha jew tirrimedja n-nuqqas tagħha li taġixxi.
Artikolu 33
Emendi għar-Regolament (UE) 2017/625
L-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2017/625 huwa emendat kif ġej:
(1)fil-paragrafu 2, il-punt (a)(ii) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(ii)il-kultivazzjoni ta’ OĠM għall-produzzjoni tal-ikel u l-għalf u l-applikazzjoni korretta tal-pjan ta’ monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 13(2), il-punt (e), tad-Direttiva 2001/18/KE, fl-Artikolu 5(5), il-punt (b), u fl-Artikolu 17(5), il-punt (b), tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u fl-Artikolu 14(1), il-punt (h), u fl-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament [referenza għal dan ir-Regolament];”;
(2)fil-paragrafu 3, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(b)il-kultivazzjoni ta’ OĠM għall-produzzjoni tal-ikel u l-għalf u l-applikazzjoni korretta tal-pjan ta’ monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 13(2), il-punt (e), tad-Direttiva 2001/18/KE u fl-Artikolu 5(5), il-punt (b), u fl-Artikolu 17(5), il-punt (b), tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u fl-Artikolu 14(1), il-punt (h), u fl-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament [referenza għal dan ir-Regolament];”.
Artikolu 34
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
1.Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2.Għandu japplika minn [24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA
1.QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
1.1.Titolu tal-proposta/tal-inizjattiva
1.2.Qasam/Oqsma ta’ politika kkonċernat(i)
1.3.Il-proposta/l-inizjattiva hija relatata ma’:
1.4.Objettiv(i)
1.4.1.Objettiv(i) ġenerali
1.4.2.Objettiv(i) speċifiku/speċifiċi
1.4.3.Riżultat(i) u impatt mistennija
1.4.4.Indikaturi tal-prestazzjoni
1.5.Raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva
1.5.1.Rekwiżit(i) li jrid(u) jiġi/u ssodisfat(i) fuq terminu qasir jew twil inkluża kronoloġija dettaljata għat-tnedija tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva
1.5.2.Valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni (dan jista’ jirriżulta minn fatturi differenti, eż. il-gwadanji mill-koordinazzjoni, iċ-ċertezza legali, effettività akbar jew il-komplementarjetajiet). Għall-finijiet ta’ dan il-punt, il-“valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni” huwa l-valur li jirriżulta mill-intervent tal-Unjoni li jkun addizzjonali għall-valur illi kieku kien jinħoloq mill-Istati Membri waħedhom.
1.5.3.Tagħlimiet meħuda minn esperjenzi simili fl-imgħoddi
1.5.4.Kompatibbiltà mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u sinerġiji possibbli ma’ strumenti xierqa oħrajn
1.5.5.Valutazzjoni tal-għażliet differenti ta’ finanzjament disponibbli, inkluż l-ambitu għar-riallokazzjoni
1.6.Durata u impatt finanzjarju tal-proposta/tal-inizjattiva
1.7.Metodu/i ta’ implimentazzjoni tal-baġit ippjanat(i)
2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI
2.1.Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar
2.2.Sistema/i ta’ ġestjoni u ta’ kontroll
2.2.1.Ġustifikazzjoni tal-mod(i) ta’ ġestjoni, tal-mekkaniżmu/i għall-implimentazzjoni tal-finanzjament, tal-modalitajiet ta’ pagament u tal-istrateġija ta’ kontroll proposta
2.2.2.Informazzjoni dwar ir-riskji identifikati u s-sistema/i ta’ kontroll intern stabbilita/i għall-mitigazzjoni tagħhom
2.2.3.Stima u ġustifikazzjoni tal-kosteffettività tal-kontrolli (proporzjon tal-“kostijiet tal-kontroll ÷ il-valur tal-fondi relatati ġestiti”), u valutazzjoni tal-livelli mistennija tar-riskju ta’ errur (mal-pagament u mal-għeluq)
2.3.Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet
3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
3.1.Intestatura/i tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i
3.2.Impatt finanzjarju stmat tal-proposta fuq l-approprjazzjonijiet
3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet operazzjonali
3.2.2.Output stmat iffinanzjat bl-approprjazzjonijiet operazzjonali
i.Sommarju tal-impatt stmat fuq ir-riżorsi umani tal-EFSA
3.2.3.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet amministrattivi
3.2.4.Kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali
3.2.5.Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi
3.3.Impatt stmat fuq id-dħul
1.QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
1.1.Titolu tal-proposta/tal-inizjattiva
Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar pjanti miksuba minn ċerti tekniki ġenomiċi ġodda u l-ikel u l-għalf tagħhom, u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/625
1.2.Qasam/Oqsma ta’ politika kkonċernat(i)
1 - Suq Uniku, Innovazzjoni u Diġitali
2 - Koeżjoni, Reżiljenza u Valuri
1.3.Il-proposta/l-inizjattiva hija relatata ma’:
◻ azzjoni ġdida
◻ azzjoni ġdida b’segwitu għal proġett pilota/azzjoni preparatorja
◻ l-estensjoni ta’ azzjoni eżistenti
☑ fużjoni jew ridirezzjonar ta’ azzjoni waħda jew aktar lejn azzjoni oħra/ġdida
1.4.Objettiv(i)
1.4.1.Objettiv(i) ġenerali
L-objettivi ġenerali tal-leġiżlazzjoni l-ġdida huma:
I)Jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent, f’konformità mal-prinċipju ta’ prekawzjoni.
II)Isir possibbli l-iżvilupp u t-tqegħid fis-suq ta’ pjanti u prodotti tal-pjanti li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-innovazzjoni u s-sostenibbiltà tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-istrateġiji “Mill-Għalqa sal-Platt” u għall-Bijodiversità.
III)Jiġi żgurat il-funzjonament effettiv tas-suq intern u tittejjeb il-kompetittività tas-settur agroalimentari tal-Unjoni fil-livelli tal-UE u globali, u jiġu pprovduti kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-operaturi.
1.4.2.Objettiv(i) speċifiku/speċifiċi
Objettiv speċifiku Nru
1.Il-proċeduri għar-rilaxx intenzjonat u t-tqegħid fis-suq li jiżguraw li l-pjanti ta’ tekniki ġenomiċi ġodda u l-prodotti tal-ikel/għalf derivati jkunu sikuri daqs il-kontropartijiet konvenzjonali tagħhom, filwaqt li ma jinvolvux piż regolatorju bla bżonn.
2.Ir-rilaxx intenzjonat u t-tqegħid fis-suq ta’ pjanti ta’ tekniki ġenomiċi ġodda u ta’ prodotti tal-ikel/għalf derivati li jkollhom firxa wiesgħa ta’ speċijiet u karatteristiċi ta’ pjanti minn diversi żviluppaturi
3.il-pjanti tal-NGT rilaxxati jew imqiegħda fis-suq ikollhom karatteristiċi li jistgħu jikkontribwixxu għal sistema agroalimentari sostenibbli.
1.4.3.Riżultat(i) u impatt mistennija
Speċifika l-effetti li l-proposta/l-inizjattiva jenħtieġ li jkollha fuq il-benefiċjarji/il-gruppi fil-mira.
Il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni u r-rekwiżiti tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pjanti miksuba minn ċerti tekniki ġenomiċi ġodda jkunu adattati għad-diversità tal-prodotti. Il-kostijiet regolatorji u l-piż amministrattiv jitnaqqsu, li jnaqqsu wkoll l-ostakli għad-dħul għall-SMEs u għall-istituzzjonijiet pubbliċi fit-tnissil tal-pjanti.
Il-kompetittività globali u s-setgħa innovattiva tan-nissiela jkunu appoġġati minn simplifikazzjoni u żgurar tal-validità fil-futur permezz ta’ qafas li huwa adattabbli għall-iżvilupp xjentifiku u teknoloġiku. In-nissiela, l-operaturi, speċjalment l-SMEs, jaraw tnaqqis fil-piż u fil-kostijiet kif ukoll skeda ta’ żmien aktar prevedibbli biex jiġu żviluppati prodotti ġodda.
Il-bdiewa jkollhom aktar varjetajiet adattati għall-ħtiġijiet attwali, b’mod partikolari aktar karatteristiċi tal-pjanti li jikkontribwixxu għal sistema agroalimentari sostenibbli.
Il-konsumaturi jibbenefikaw minn prodotti li huma mfassla biex jissodisfaw l-aspettattivi u l-ħtiġijiet tagħhom (eż. togħma aħjar, profil nutrizzjonali aħjar jew kontenut aktar baxx ta’ allerġeni).
L-istituzzjonijiet akkademiċi/tar-riċerka jaraw aktar opportunitajiet (ta’ finanzjament) fl-UE għar-riċerka tagħhom fil-qasam.
1.4.4.Indikaturi tal-prestazzjoni
Speċifika l-indikaturi għall-monitoraġġ tal-progress u tal-kisbiet.
Għall-pjanti tal-NGT bħala sikuri daqs il-kontropartijiet konvenzjonali tagħhom:
–L-għadd ta’ prodotti awtorizzati jew notifikati li għandhom jitqiegħdu fis-suq
–Każijiet irrapportati li juru riskju għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u għall-ambjent minħabba l-modifikazzjoni ġenetika fi prodott awtorizzat/notifikat u kwalunkwe azzjoni regolatorja meħuda
Għall-pjanti tal-NGT b’firxa wiesgħa ta’ speċijiet u karatteristiċi tal-pjanti minn żviluppaturi varji:
–L-għadd ta’ kombinamenti ta’ għelejjel u karatteristiċi f’applikazzjonijiet ta’ notifika/awtorizzazzjoni
–L-għadd u l-proporzjon ta’ SMEs/istituzzjonijiet pubbliċi li japplikaw għal prova fuq il-post/notifika/awtorizzazzjoni
Għall-pjanti tal-NGT li jkollhom karatteristiċi li jistgħu jikkontribwixxu għal sistema agroalimentari sostenibbli
–L-impatt tal-pjanti tal-NGT fl-UE fuq is-sostenibbiltà ekonomika, ambjentali u soċjali, eż. permezz tal-użu tal-pestiċidi, l-użu tal-fertilizzanti, il-bijodiversità, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, ir-rendiment, l-istabbiltà tar-rendiment, il-benefiċċji għas-saħħa.
1.5.Raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva
1.5.1.Rekwiżit(i) li jrid(u) jiġi/u ssodisfat(i) fuq terminu qasir jew twil inkluża kronoloġija dettaljata għat-tnedija tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva
Il-pjanti/il-prodotti tal-NGT jistgħu jitqiegħdu fis-suq jew jekk jissodisfaw il-kriterji ta’ notifika jew jekk ikunu vvalutati li huma sikuri u konsegwentement jiġu awtorizzati. Il-verifika tal-kriterji ta’ notifika u l-valutazzjoni tar-riskju se jitwettqu, f’ċerti każijiet, minn korp regolatorju tal-UE (f’każijiet oħra, il-proċeduri jiġu mmaniġġati mill-Istati Membri).
L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) diġà hija attur ewlieni fl-applikazzjoni tal-qafas leġiżlattiv dwar l-OĠM, u l-kompiti tagħha jeħtieġ li jiġu estiżi sabiex jiġu implimentati kif xieraq ir-rekwiżiti ta’ notifika u awtorizzazzjoni għall-pjanti/prodotti l-ġodda f’termini ta’ analiżi tad-data u valutazzjoni tar-riskju.
Il-kompiti tal-EFSA jeħtieġ li jiġu implimentati mill-2025 ’il quddiem.
Se jkunu meħtieġa wkoll għodod ġodda tal-IT għall-pjanti/prodotti tal-NGT billi jiġu integrati fis-sistema tal-FIP/ESFC li diġà qed topera, li se jillimita l-kostijiet tal-IT meħtieġa.
1.5.2.Valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni (dan jista’ jirriżulta minn fatturi differenti, eż. il-gwadanji mill-koordinazzjoni, iċ-ċertezza legali, effettività akbar jew il-komplementarjetajiet). Għall-finijiet ta’ dan il-punt, il-“valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni” huwa l-valur li jirriżulta mill-intervent tal-Unjoni li jkun addizzjonali għall-valur illi kieku kien jinħoloq mill-Istati Membri waħedhom.
Raġunijiet għall-azzjoni fil-livell Ewropew (ex ante):
L-intervent tal-UE jipprovdi regoli uniformi għall-iżvilupp u t-tqegħid fis-suq ta’ pjanti tal-NGT u l-prodotti tal-ikel u tal-għalf tagħhom. Regoli armonizzati madwar l-UE dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti bħal dawn jiżguraw il-livell għoli ta’ sikurezza għall-bnedmin, għall-annimali u għall-protezzjoni tal-ambjent madwar l-UE, kundizzjonijiet ekwivalenti tal-kompetizzjoni għall-operaturi fi ħdan is-suq uniku u sorveljanza regolatorja aktar prevedibbli u effiċjenti.
Hemm bżonn li tiġi żgurata d-disponibbiltà għall-bdiewa, għall-operaturi tal-ikel u għall-konsumaturi ta’ varjetajiet ta’ pjanti li jistgħu jiffaċċjaw sfidi ta’ natura globali bħat-tibdil fil-klima u t-tnaqqis tal-bijodiversità, li komplew jiġu aggravati mill-kriżi ġeopolitika u enerġetika attwali fl-Ewropa, u li tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel fil-futur.
1.5.3.Tagħlimiet meħuda minn esperjenzi simili fl-imgħoddi
Ir-Regolament huwa bbażat fuq l-esperjenzi mil-leġiżlazzjonijiet għar-rilaxx intenzjonat tal-OĠM (id-Direttiva 2001/18/KE) u għat-tqegħid fis-suq ta’ OĠM għall-użu fl-ikel u fl-għalf (ir-Regolament (KE) 1829/2003).
Il-proposta tqis id-diversità tal-prodotti li jistgħu jinkisbu permezz ta’ tekniki ġenomiċi ġodda bbażati fuq l-aħħar għarfien xjentifiku u tipprovdi rekwiżiti li huma mfassla aħjar għat-tipi differenti ta’ prodotti.
1.5.4.Kompatibbiltà mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u sinerġiji possibbli ma’ strumenti xierqa oħrajn
Ir-Regolament għandu jkun parti mill-Programm għas-Suq Uniku fil-fergħa tal-Ikel u se jaħdem f’sinerġija mal-Politika Agrikola Komuni. Filwaqt li din il-proposta se jkollha t-tendenza li tippromwovi l-użu ta’ pjanti tal-NGT, u prodotti derivati minn pjanti tal-NGT, b’karatteristiċi li jistgħu jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà, il-PAK tinkludi diversi strumenti biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima permezz ta’ investimenti u pariri dwar metodi u teknoloġija ġodda.
1.5.5.Valutazzjoni tal-għażliet differenti ta’ finanzjament disponibbli, inkluż l-ambitu għar-riallokazzjoni
L-ammont meħtieġ biex l-EFSA twettaq il-kompiti l-ġodda (EUR 2,3 miljun fil-perjodu tal-QFP attwali) se jkun kopert minn żieda tas-sussidju annwali tal-EFSA mill-marġini mhux allokat taħt l-Intestatura 2b, u għandu jiġi kkumpensat minn tnaqqis ekwivalenti tal-fergħa tal-katina alimentari tal-Programm għas-Suq Uniku, li se jirriżulta f’żieda tal-marġini mhux allokat taħt l-Intestatura 1. Barra minn hekk, EUR 0,1 miljun se jiġu riallokati internament fi ħdan il-fergħa tal-Ikel tal-Programm għas-Suq Uniku biex ikopru n-nefqa fuq l-IT. Il-mandat tal-EFSA jikkontribwixxi għall-objettivi tal-fergħa tal-ikel tal-SMP biex jikkontribwixxi għal livell għoli ta’ saħħa u sikurezza għall-bnedmin, għall-annimali u għall-pjanti fl-oqsma tal-pjanti, l-annimali, l-ikel u l-għalf.
1.6.Durata u impatt finanzjarju tal-proposta/tal-inizjattiva
◻ durata limitata
–◻
fis-seħħ minn [JJ/XX]SSSS sa [JJ/XX]SSSS
–◻
Impatt finanzjarju minn SSSS sa SSSS għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u minn SSSS sa SSSS għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament.
✓ durata mhux limitata
–Implimentazzjoni b’perjodu ta’ tnedija minn SSSS sa SSSS,
–segwita b’operazzjoni fuq skala sħiħa.
1.7.Metodu/i ta’ implimentazzjoni tal-baġit ippjanat(i)
✓ Ġestjoni diretta mill-Kummissjoni
–✓ mid-dipartimenti tagħha, inkluż mill-persunal tagħha fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni;
–✓
mill-aġenziji eżekuttivi
◻ Ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri
✓ Ġestjoni indiretta billi jiġu fdati kompiti ta’ implimentazzjoni baġitarja:
–◻ lill-pajjiżi terzi jew lill-korpi nnominati minnhom;
–◻ lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u lill-aġenziji tagħhom (iridu jiġu speċifikati);
–◻ lill-BEI u lill-Fond Ewropew tal-Investiment;
–✓ lill-korpi msemmija fl-Artikoli 70 u 71 tar-Regolament Finanzjarju;
–◻ lill-korpi tal-liġi pubblika;
–◻ lill-korpi rregolati mil-liġi privata b’missjoni ta’ servizz pubbliku sakemm dawn ikollhom garanziji finanzjarji adegwati;
–◻ lill-korpi rregolati mil-liġi privata ta’ Stat Membru li jkunu fdati bl-implimentazzjoni ta’ sħubija pubblika-privata u li jkollhom garanziji finanzjarji adegwati;
–◻ lill-korpi jew lill-persuni fdati bl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi fil-PESK skont it-Titolu V tat-TUE, u identifikati fl-att bażiku rilevanti.
–Jekk jiġi indikat iżjed minn mod ta’ ġestjoni wieħed, jekk jogħġbok ipprovdi d-dettalji fit-taqsima "Kummenti".
Kummenti
2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI
2.1.Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar
Speċifika l-frekwenza u l-kundizzjonijiet.
L-Aġenziji tal-Unjoni kollha jaħdmu taħt sistema stretta ta’ monitoraġġ li tinvolvi koordinatur ta’ kontroll intern, is-Servizz tal-Awditu Intern tal-Kummissjoni, il-Bord Amministrattiv, il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Awdituri u l-Awtorità Baġitarja. Din is-sistema hija riflessa u stabbilita fir-regolament li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA). F’konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-aġenziji deċentralizzati tal-UE (l-“Approċċ Komuni”), ir-regolament finanzjarju qafas (2019/715) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni relatata C(2020)2297, il-programm ta’ ħidma annwali u d-Dokument Uniku ta’ Programmazzjoni tal-Awtorità għandhom jinkludu l-objettivi dettaljati u r-riżultati mistennija, inkluż sett ta’ indikaturi tal-prestazzjoni.
Id-Dokument Uniku ta’ Programmazzjoni jgħaqqad il-programmazzjoni pluriennali u annwali kif ukoll id-“dokumenti ta’ strateġija”, eż. dwar l-indipendenza. Id-DĠ SANTE jgħaddi kummenti permezz tal-Bord tat-Tmexxija tal-Awtorità u jħejji Opinjoni formali tal-Kummissjoni dwar id-Dokument Uniku ta’ Programmazzjoni. L-attivitajiet tal-Awtorità jitkejlu ma’ dawk l-indikaturi fir-Rapport Konsolidat tal-Attività Annwali.
L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel se timmonitorja perjodikament il-prestazzjoni tas-sistema ta’ kontroll intern tagħha biex tiżgura li d-data tinġabar b’mod effiċjenti, effettiv u f’waqtu u biex tidentifika n-nuqqasijiet fil-kontroll intern, tirreġistra u tivvaluta r-riżultati tal-kontrolli, tikkontrolla d-devjazzjonijiet u l-eċċezzjonijiet. Ir-riżultati tal-valutazzjonijiet tal-kontroll intern, inklużi dgħufijiet sinifikanti identifikati u kwalunkwe differenza meta mqabbla mas-sejbiet tal-awditjar intern u estern, se jiġu ddivulgati fir-Rapport Konsolidat tal-Attività Annwali.
2.2.Sistema/i ta’ ġestjoni u ta’ kontroll
2.2.1.Ġustifikazzjoni tal-mod(i) ta’ ġestjoni, tal-mekkaniżmu/i għall-implimentazzjoni tal-finanzjament, tal-modalitajiet ta’ pagament u tal-istrateġija ta’ kontroll proposta
Is-sussidju annwali tal-UE se jiġi ttrasferit lill-Awtorità f’konformità mal-ħtiġijiet ta’ pagament tagħha u fuq talba tagħha. L-Awtorità se tkun soġġetta għall-kontrolli amministrattivi inkluż kontroll baġitarju, awditu intern, rapporti annwali mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-kwittanza annwali għall-eżekuzzjoni tal-baġit tal-UE u investigazzjonijiet possibbli mwettqa minn OLAF biex jiżgura, b’mod partikolari, li r-riżorsi allokati lill-Awtorità jintużaw kif suppost. Permezz tar-rappreżentanza tagħha fil-Bord tat-Tmexxija u fil-Kumitat tal-Awditjar tal-Awtorità, il-Kummissjoni se tirċievi rapporti tal-awditjar u tiżgura li jiġu ddefiniti u implimentati fil-ħin azzjonijiet adegwati mill-Awtorità biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet identifikati. Il-pagamenti kollha se jibqgħu pagamenti ta’ prefinanzjament sakemm il-kontijiet tal-Awtorità jkunu ġew awditjati mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-Awtorità tkun issottomettiet il-kontijiet finali tagħha. Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni tirkupra l-ammonti mhux minfuqa tal-pagamenti mħallsa lill-Awtorità.
L-attivitajiet tal-Awtorità se jkunu soġġetti wkoll għas-superviżjoni tal-Ombudsman f’konformità mal-Artikolu 228 tat-Trattat. Dawn il-kontrolli amministrattivi jipprovdu għadd ta’ salvagwardji proċedurali biex jiżguraw li qed jitqiesu l-interessi tal-partijiet ikkonċernati.
Il-Qafas ta’ Kontroll Intern tal-EFSA huwa mfassal biex jipprovdi assigurazzjoni raġonevoli rigward il-kisba ta’ ħames objettivi stabbiliti fl-Artikolu 30 tar-Regolament Finanzjarju tal-EFSA.
2.2.2.Informazzjoni dwar ir-riskji identifikati u s-sistema/i ta’ kontroll intern stabbilita/i għall-mitigazzjoni tagħhom
Ir-riskji ewlenin huma relatati mal-prestazzjoni u l-indipendenza tal-Awtorità fl-implimentazzjoni tal-kompiti fdati lilha. Prestazzjoni insuffiċjenti jew indipendenza mnaqqsa tista’ xxekkel il-kisba tal-objettivi ta’ din l-inizjattiva u tirrifletti b’mod negattiv ukoll fuq ir-reputazzjoni tal-Kummissjoni.
Il-Kummissjoni u l-Aġenzija implimentaw proċeduri interni bl-għan li jkopru r-riskji identifikati hawn fuq. Il-proċeduri interni huma konformi għalkollox mar-Regolament Finanzjarju u jinkludu miżuri kontra l-frodi u kunsiderazzjonijiet tal-kostijiet u l-benefiċċji. L-ewwel u qabel kollox, jenħtieġ li jkunu magħmulin disponibbli riżorsi suffiċjenti għall-Awtorità kemm f’termini finanzjarji kif ukoll f’termini ta’ persunal biex jintlaħqu l-objettivi ta’ din l-inizjattiva.
Barra minn hekk, il-ġestjoni tal-kwalità se tinkludi kemm l-attivitajiet integrati ta’ ġestjoni tal-kwalità kif ukoll l-attivitajiet ta’ ġestjoni tar-riskju fi ħdan l-Awtorità. Rieżami tar-riskju huwa proċess kontinwu, proattiv u sistematiku, imwettaq kull sena, b’riskji li jiġu vvalutati f’livell residwu, jiġifieri filwaqt li jitqiesu l-kontrolli u l-mitigazzjonijiet diġà fis-seħħ. It-twettiq ta’ awtovalutazzjonijiet (bħala parti mill-programm ta’ valutazzjoni komparattiva tal-Aġenziji tal-UE), ir-rieżamijiet annwali ta’ funzjonijiet sensittivi u l-kontrolli ex post jaqgħu wkoll f’dan il-qasam, bħalma jagħmel ukoll ir-reġistru ta’ eċċezzjonijiet.
Sabiex jiġu ppreservati l-imparzjalità u l-oġġettività f’kull aspett tal-ħidma tal-Awtorità, ġew stabbiliti għadd ta’ politiki u regoli dwar il-ġestjoni ta’ interessi f’kompetizzjoni u dawn se jiġu aġġornati regolarment, li jiddeskrivu arranġamenti, rekwiżiti u proċessi speċifiċi li japplikaw għall-Bord ta’ Tmexxija tal-Awtorità, għall-membri tal-kumitat xjentifiku u għall-esperti, il-persunal u l-kandidati tal-Awtorità, kif ukoll il-konsulenti u l-kuntratturi.
L-iskema ta’ kontroll intern u ta’ awditjar tal-EFSA bbażata fuq ir-riskju taħt il-qafas il-ġdid tas-sistema ta’ ġestjoni integrata, u bl-ippjanar u r-rapportar koeżivi tal-attivitajiet ta’ ġestjoni tal-Assigurazzjoni rispettivi fl-EFSA. Il-Kummissjoni se tiġi infurmata fil-ħin dwar il-kwistjonijiet rilevanti ta’ ġestjoni u indipendenza li tiltaqa’ magħhom l-Awtorità u se tirreaġixxi b’mod f’waqtu u adegwat għall-kwistjonijiet notifikati.
2.2.3.Stima u ġustifikazzjoni tal-kosteffettività tal-kontrolli (proporzjon tal-“kostijiet tal-kontroll ÷ il-valur tal-fondi relatati ġestiti”), u valutazzjoni tal-livelli mistennija tar-riskju ta’ errur (mal-pagament u mal-għeluq)
L-istrateġiji ta’ kontroll intern tal-Kummissjoni u tal-Aġenzija jqisu l-fatturi ewlenin tal-kostijiet, u l-isforzi li diġà ttieħdu fuq diversi snin biex jitnaqqas il-kost tal-kontrolli, mingħajr ma tiġi kompromessa l-effettività tal-kontrolli. Is-sistemi ta’ kontroll eżistenti wrew li huma kapaċi jipprevjenu u/jew isibu żbalji u/jew irregolaritajiet, u fil-każ ta’ żbalji jew irregolaritajiet, li kapaċi jikkoreġihom.
F’dawn l-aħħar 5 snin, il-kostijiet annwali tal-kontrolli tal-Kummissjoni taħt ġestjoni indiretta kienu jirrappreżentaw anqas minn 1 % tal-baġit annwali li ntnefaq fuq is-sussidji mħallsa lill-Awtorità. L-Awtorità allokat 5 % tal-baġit annwali totali tagħha għall-attivitajiet ta’ kontroll iffokati fuq ġestjoni integrata tal-kwalità, awditjar, miżuri kontra l-frodi, proċessi ta’ finanzjament u verifika, ġestjoni korporattiva tar-riskju, valutazzjoni tar-riskju u attivitajiet ta’ awtovalutazzjoni.
2.3.Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet
Speċifika l-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ protezzjoni eżistenti jew previsti, eż. mill-Istrateġija Kontra l-Frodi.
Fir-rigward tal-attivitajiet tagħha b’ġestjoni indiretta, il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri xierqa sabiex tiżgura li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea bl-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi kontra l-frodi, kontra l-korruzzjoni u kontra kull attività illegali oħra, b’kontrolli effettivi u, jekk jiġu skoperti xi irregolaritajiet, bl-irkupru tal-ammonti mħallsa bi żball u, fejn ikun xieraq, b’penali effettivi, proporzjonali u deterrenti.
Għal dan l-għan, il-Kummissjoni adottat strateġija kontra l-frodi, bl-aħħar aġġornament f’April 2019 (COM(2019) 176), li tkopri miżuri preventivi, ta’ detezzjoni u korrettivi.
Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa tal-awditjar, abbażi ta’ dokumenti u awditjar fuq il-post, fuq il-benefiċjarji ta’ għotja, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi kollha li jkunu rċivew fondi tal-Unjoni. L-OLAF għandu jkun awtorizzat sabiex iwettaq verifiki u spezzjonijiet fuq il-post fuq l-operaturi ekonomiċi kkonċernati indirettament minn tali finanzjament.
Fir-rigward tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, il-miżuri kontra l-frodi huma previsti fl-Artikolu 25, il-punt (9), tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 u fir-Regolament finanzjarju qafas (2019/715). Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta r-regolament finanzjarju tal-Awtorità li jispeċifika b’mod partikolari l-proċedura għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità, f’konformità mal-Artikolu 142 tar-Regolament Finanzjarju tal-21 ta’ Diċembru 1977 applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(26) u mar-rekwiżiti leġiżlattivi dwar l-investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi. F’konformità mal-Approċċ Komuni u mal-Artikolu 42 tar-Regolament finanzjarju qafas, ġiet żviluppata strateġija kontra l-frodi, f’konformità mal-metodoloġija u l-gwida tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi, u din hija segwita mill-Awtorità.
L-EFSA stabbiliet u implimentat miżuri biex tiġġieled il-frodi u kwalunkwe attività illegali li taffettwa l-interessi tal-EFSA billi tistabbilixxi strateġija soda kontra l-frodi u regoli ta’ implimentazzjoni biex ittejjeb il-prevenzjoni, is-sejba u l-kundizzjonijiet għall-investigazzjoni tal-frodi, u biex tistabbilixxi azzjonijiet ta’ rimedju u ta’ deterrenza, b’miżuri proporzjonati u disważivi. Il-validità tal-Istrateġija tal-EFSA Kontra l-Frodi hija allinjata mal-Istrateġija tal-EFSA. L-istrateġija tal-Awtorità kontra l-frodi hija akkumpanjata minn pjan ta’ azzjoni korrispondenti, li jiddeskrivi kemm oqsma fokali speċifiċi kif ukoll azzjonijiet għas-snin li ġejjin, u diversi azzjonijiet kontinwi li jitwettqu kull sena, bħal valutazzjoni indipendenti speċifika tar-riskju ta’ frodi, bir-riskji ta’ frodi identifikati inklużi fir-reġistru globali tar-riskju tal-Aġenzija. Taħriġ obbligatorju kontra l-frodi jiġi organizzat bħala parti mis-sessjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni kontra l-frodi. Sessjonijiet ta’ taħriġ imfassla apposta għal Sidien/Maniġers tal-Proċessi magħżula jiġu żviluppati sabiex jiġu indirizzati r-riskji assoċjati mal-oqsma li rriżultaw li potenzjalment huma aktar esposti għall-frodi. Il-persunal jiġi mgħarraf dwar kif għandu jirrapporta kwalunkwe suspett ta’ mġiba ħażina u jinsabu fis-seħħ proċeduri dixxiplinari skont ir-regoli tar-Regolamenti tal-Persunal.
3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
3.1.Intestatura/i tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i
·Linji baġitarji eżistenti
Skont l-ordni tal-intestaturi tal-qafas finanzjarju pluriennali u tal-linji baġitarji.
|
Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Linja baġitarja
|
Tip ta’
nefqa
|
Kontribuzzjoni
|
|
|
Numru
|
Diff./mhux diff.
|
mill-pajjiżi tal-EFTA
|
minn pajjiżi kandidati jew minn kandidati potenzjali
|
minn pajjiżi terzi oħra
|
dħul assenjat ieħor
|
|
|
03 02 06 Kontribut għal livell għoli ta’ saħħa u benessri tal-bnedmin, tal-annimali u tal-pjanti
|
Diff.
|
LE
|
LE
|
LE
|
LE
|
|
|
06 10 02 L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel
|
Diff.
|
IVA
|
LE
|
LE
|
LE
|
3.2.Impatt finanzjarju stmat tal-proposta fuq l-approprjazzjonijiet
3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet operazzjonali
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet operazzjonali
–✓
Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet operazzjonali, kif spjegat hawn taħt:
Miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Intestatura tal-qafas finanzjarju
pluriennali
|
Numru
|
1 - Suq Uniku, Innovazzjoni u Diġitali
|
|
DĠ: SANTE
|
|
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
TOTAL
|
|
|
|
|
2025
|
2026
|
2027 et seq.
|
|
|
Approprjazzjonijiet operazzjonali
|
|
|
|
|
|
03 02 06 Kontribut għal livell għoli ta’ saħħa u benessri tal-bnedmin, tal-annimali u tal-pjanti
|
Impenji
|
(1a)
|
0,100
|
0,000
|
0,000
|
0,100
|
|
|
Pagamenti
|
(2a)
|
0,050
|
0,050
|
0,000
|
0,100
|
|
Approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva ffinanzjati mill-pakkett ta’ programmi speċifiċi
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Linja baġitarja
|
|
-3
|
0
|
0
|
0
|
0
|
|
|
TOTAL tal-approprazzjonijiet għad-DĠ SANTE
|
Impenji
|
=1a+1b +3
|
0,100
|
0,000
|
0,000
|
0,100
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Pagamenti
|
.=2a+2b +3
|
0,050
|
0,050
|
0,000
|
0,100
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet operazzjonali
|
Impenji
|
-4
|
0,100
|
0,000
|
0,000
|
0,100
|
|
|
Pagamenti
|
-5
|
0,050
|
0,050
|
0,000
|
0,100
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva ffinanzjati mill-pakkett ta’ programmi speċifiċi
|
-6
|
0,000
|
0,000
|
0,000
|
0,000
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet
|
Impenji
|
=4+6
|
0,100
|
0,000
|
0,000
|
0,100
|
|
skont l-INTESTATURA 1 - Is-Suq Uniku, Innovazzjoni u Diġitali
|
|
|
|
|
|
|
|
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Pagamenti
|
=5+6
|
0,050
|
0,050
|
0,000
|
0,100
|
Miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Intestatura tal-qafas finanzjarju
pluriennali
|
2
|
2b - Koeżjoni, Reżiljenza u Valuri
|
|
DĠ: SANTE
|
|
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
TOTAL
|
|
|
|
|
2025
|
2026
|
2027 et seq.
|
|
|
Approprjazzjonijiet operazzjonali
|
|
|
|
|
|
06 10 02 L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel
|
Impenji
|
(1a)
|
0,405
|
0,830
|
1,099
|
2,334
|
|
|
Pagamenti
|
(2a)
|
0,081
|
0,287
|
1,966
|
2,334
|
|
Approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva ffinanzjati mill-pakkett ta’ programmi speċifiċi
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Linja baġitarja
|
|
-3
|
0
|
0
|
0
|
0
|
|
|
TOTAL tal-approprazzjonijiet għad-DĠ SANTE
|
Impenji
|
.=1a +3
|
0,405
|
0,830
|
1,099
|
2,334
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Pagamenti
|
.=2a+3
|
0,081
|
0,287
|
1,966
|
2,334
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet operazzjonali
|
Impenji
|
(4)
|
0,405
|
0,830
|
1,099
|
2,334
|
|
|
Pagamenti
|
(5)
|
0,081
|
0,287
|
1,966
|
2,334
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva ffinanzjati mill-pakkett ta’ programmi speċifiċi
|
(6)
|
0,000
|
0,000
|
0,000
|
0,000
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet
|
Impenji
|
=4+6
|
0,405
|
0,830
|
1,099
|
2,334
|
|
skont l-INTESTATURA 2 - Koeżjoni, Reżiljenza u Valuri
|
|
|
|
|
|
|
|
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Pagamenti
|
=5+6
|
0,081
|
0,287
|
1,966
|
2,334
|
Intestatura tal-qafas finanzjarju
pluriennali
|
7
|
“Nefqa amministrattiva”
|
Din it-taqsima jenħtieġ li timtela billi tintuża d-“data baġitarja ta’ natura amministrattiva” li, qabel kollox għandha tiġi introdotta fl-
Anness tad-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva
(l-Anness 5 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar ir-regoli interni għall-implimentazzjoni tat-taqsima tal-Kummissjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea), li jittella’ fid-DECIDE għall-finijiet ta’ konsultazzjoni bejn is-servizzi.
Miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
|
|
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
TOTAL
|
|
|
|
|
2025
|
2026
|
2027
|
2027 et seq.
|
|
|
DĠ: SANTE
|
|
|
|
|
|
|
|
|
• Riżorsi umani
|
0,000
|
0,000
|
0,000
|
0,000
|
0,000
|
|
• Nefqa amministrattiva oħra
|
0,000
|
0,000
|
0,000
|
0,000
|
0,000
|
|
TOTAL TAD-DĠ SANTE
|
Approprjazzjonijiet
|
0,000
|
0,000
|
0,000
|
0,000
|
0,000
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet
|
(Total ta’ impenji = Total ta’ pagamenti)
|
|
0,000
|
0,000
|
0,000
|
0,000
|
0,000
|
|
skont l-INTESTATURA 7
|
|
|
|
|
|
|
|
|
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
|
|
|
|
|
|
|
Miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
|
|
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
TOTAL
|
|
|
|
|
2025
|
2026
|
2027 et seq.
|
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet
|
Impenji
|
0,505
|
0,830
|
1,099
|
2,434
|
|
skont l-INTESTATURI 1 sa 7
|
|
|
|
|
|
|
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Pagamenti
|
0,131
|
0,337
|
1,966
|
2,434
|
Għall-informazzjoni, tnaqqis tal-linja tal-Katina Alimentari tal-SMP biex jiżdied il-marġini mhux allokat tal-Intestatura 1 ħalli jikkumpensa għaż-żieda tal-linja tal-EFSA mill-marġini mhux allokat tal-Intestatura 2b.
Miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
3.2.2.Output stmat iffinanzjat bl-approprjazzjonijiet operazzjonali
Approprjazzjonijiet ta’ impenn f’miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Indika l-objettivi u l-outputs
|
|
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
TOTAL
|
|
|
|
|
2025
|
2026
|
2027 et seq.
|
|
|
|
OUTPUTS
|
|
|
Tip[1]
|
Kost medju
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru totali
|
Kost totali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
OBJETTIV SPEĊIFIKU Nru 1: Il-proċeduri għar-rilaxx intenzjonat u t-tqegħid fis-suq li jiżguraw li l-pjanti ta’ tekniki ġenomiċi ġodda u l-prodotti tal-ikel/għalf derivati jkunu sikuri daqs il-kontropartijiet konvenzjonali tagħhom, filwaqt li ma jinvolvux piż regolatorju bla bżonn.
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Verifika tal-ekwivalenza tal-pjanti tal-NGT għall-pjanti konvenzjonali: Kompitu ġdid tal-EFSA biex tiddetermina qabel it-tqegħid fis-suq jew qabel il-provi fuq il-post jekk il-pjanta tal-NGT innotifikata tissodisfax il-kriterji ta’ ekwivalenza ddefiniti minn qabel (Ħidma preparatorja, Valutazzjoni tal-ekwivalenza ma’ kriterji ddefiniti minn qabel)
|
|
|
|
0,041
|
|
0,217
|
|
0,330
|
|
0,589
|
|
It-tqegħid fis-suq ta’ pjanti u ikel/għalf tal-NGT — kompiti relatati — L-estensjoni tal-kapaċità tal-EFSA li tivvaluta r-riskju ta’ applikazzjonijiet ġodda għat-tqegħid fis-suq ta’ pjanti u ikel/għalf tal-NGT u li tipprovdi pariri xjentifiċi/tekniċi qabel il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni f’każijiet iddeterminati minn qabel (Ħidma preparatorja u Valutazzjoni tar-Riskju tal-applikazzjonijiet tal-NGT)
|
|
|
|
0,113
|
|
0,286
|
|
0,412
|
|
0,812
|
|
Verifika dwar l-ekwivalenza tal-pjanti tal-NGT għall-pjanti konvenzjonali — Esternalizzazzjoni għall-verifika tad-data molekulari (18-il notifika)
|
|
|
|
0,090
|
|
0,090
|
|
0,090
|
|
0,270
|
|
L-espansjoni tal-Katina Alimentari tas-Sottomissjoni Elettronika (ESFC) biex tinkludi l-iskambju ta’ informazzjoni u ż-żamma u l-iżvilupp ta’ reġistru pubbliku għal: Dominju ġdid fis-sistema tal-FIP/ESFC
|
|
|
|
0,100
|
|
0,000
|
|
0,000
|
|
0,100
|
|
Tqegħid fis-suq ta’ pjanti u ikel/għalf tal-NGT — kompiti relatati — Ħidma preparatorja (Kost tal-indennizzi u laqgħat tal-esperti u Kost tal-kuntratti li jappoġġaw l-RA)
|
|
|
|
0,150
|
|
0,150
|
|
0,150
|
|
0,450
|
|
Subtotal tal-objettiv speċifiku Nru 1
|
|
0,494
|
|
0,744
|
|
0,982
|
|
2,221
|
|
OBJETTIV SPEĊIFIKU Nru 2: Ir-rilaxx intenzjonat u t-tqegħid fis-suq ta’ pjanti ta’ tekniki ġenomiċi ġodda u ta’ prodotti tal-ikel/għalf derivati li jkollhom firxa wiesgħa ta’ speċijiet u karatteristiċi ta’ pjanti minn diversi żviluppaturi
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Verifika tal-ekwivalenza tal-pjanti tal-NGT għall-pjanti konvenzjonali — Kompitu ġdid tal-EFSA li tiddetermina qabel it-tqegħid fis-suq jew qabel il-provi fuq il-post jekk il-pjanta tal-NGT innotifikata tissodisfax il-kriterji tal-ekwivalenza ddefiniti minn qabel: Passi tad-dħul
|
|
|
|
0,000
|
|
0,048
|
|
0,065
|
|
0,113
|
|
It-tqegħid fis-suq ta’ pjanti u ikel/għalf tal-NGT — kompiti relatati — L-estensjoni tal-kapaċità tal-EFSA li tivvaluta r-riskju ta’ applikazzjonijiet ġodda għat-tqegħid fis-suq ta’ pjanti u ikel/għalf tal-NGT u li tipprovdi pariri xjentifiċi/tekniċi qabel il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni f’każijiet iddeterminati minn qabel (Parir ta’ qabel is-sottomissjoni u Passi tad-dħul)
|
|
|
|
0,011
|
|
0,038
|
|
0,052
|
|
0,100
|
|
Subtotal tal-objettiv speċifiku Nru 2
|
|
0,011
|
|
0,086
|
|
0,117
|
|
0,214
|
|
TOTALI
|
|
0,505
|
|
0,830
|
|
1,099
|
|
2,434
|
i.Sommarju tal-impatt stmat fuq ir-Riżorsi Umani tal-EFSA
|
|
|
|
|
Total
|
|
|
2025
|
2026
|
2027 et seq.
|
|
Miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Aġenti temporanji (Gradi AD)
|
0,165
|
0,505
|
0,687
|
1,358
|
|
Aġenti temporanji (Gradi AST)
|
0,000
|
0,084
|
0,172
|
0,256
|
|
Persunal bil-kuntratt
|
0,000
|
0,000
|
0,000
|
0,000
|
|
Esperti Nazzjonali Sekondati
|
0,000
|
0,000
|
0,000
|
0,000
|
|
Total
|
0,165
|
0,590
|
0,859
|
1,614
|
Rekwiżiti tal-persunal (FTE): Karigi totali ffinanzjati mill-Unjoni
|
Aġenti temporanji (Gradi AD)
|
2,0
|
4,0
|
4,0
|
4,0
|
|
Aġenti temporanji (Gradi AST)
|
0,0
|
1,0
|
1,0
|
1,0
|
|
Persunal bil-kuntratt
|
0,0
|
0,0
|
0,0
|
0,0
|
|
Esperti Nazzjonali Sekondati
|
0,0
|
0,0
|
0,0
|
0,0
|
|
Total
|
2,0
|
5,0
|
5,0
|
5,0
|
Il-kostijiet tal-persunal ġew aġġustati b’tali mod li l-persunal ġdid impjegat huwa magħdud għal 6 xhur matul is-sena tar-reklutaġġ.
3.2.3.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet amministrattivi
–✓
Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva, kif spjegat hawn taħt:
Miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
|
Sena
N
|
Sena
N+1
|
Sena
N+2
|
Sena
N+3
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)
|
TOTAL
|
|
INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Riżorsi umani
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Nefqa amministrattiva oħra
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Subtotal tal-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Barra mill-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Riżorsi umani
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Nefqa oħra
ta’ natura amministrattiva
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Subtotal
barra mill-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
L-approprjazzjonijiet meħtieġa għar-riżorsi umani u għal nefqa oħra ta’ natura amministrattiva se jiġu koperti mill-approprjazzjonijiet tad-DĠ li diġà jkunu assenjati għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li diġà jkunu ġew riassenjati fid-DĠ, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma’ kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ tal-ġestjoni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji.
3.2.3.1.Rekwiżiti stmati ta’ riżorsi umani
–✓
Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ riżorsi umani.
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ riżorsi umani, kif spjegat hawn taħt:
L-istima trid tiġi espressa f’unitajiet ekwivalenti għall-full-time
|
|
Sena
N
|
Sena
N+1
|
Sena N+2
|
Sena N+3
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)
|
|
• Pożizzjonijiet fil-pjan ta’ stabbiliment (uffiċjali u persunal temporanju)
|
|
20 01 02 01 (Kwartieri Ġenerali u Uffiċċji tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
20 01 02 03 (Delegazzjonijiet)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
01 01 01 01 (Riċerka indiretta)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
01 01 01 11 (Riċerka diretta)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Linji baġitarji oħra (speċifika)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
• Persunal estern (f’unità Ekwivalenti Full-Time: FTE)
|
|
20 02 01 (AC, END, INT mill-“pakkett globali”)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
20 02 03 (AC, AL, END, INT u JPD fid-delegazzjonijiet)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
XX 01 xx yy zz
|
- fil-Kwartieri Ġenerali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
- fid-Delegazzjonijiet
|
|
|
|
|
|
|
|
|
01 01 01 02 (AC, END, INT - Riċerka indiretta)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
01 01 01 12 (AC, END, INT – Riċerka diretta)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Linji baġitarji oħra (speċifika)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL
|
|
|
|
|
|
|
|
XX huwa l-qasam ta’ politika jew it-titolu baġitarju kkonċernat.
Ir-riżorsi umani meħtieġa se jiġu koperti mill-persunal tad-DĠ li diġà jkun assenjat għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li diġà jkun ġie riassenjat fid-DĠ, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma’ kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ tal-ġestjoni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji.
Deskrizzjoni tal-kompiti li jridu jitwettqu:
|
Uffiċjali u aġenti temporanji
|
1)Il-ġestjoni (AD) u l-appoġġ (AST) tal-Bord dwar l-OĠM fl-attivitajiet ta’ valutazzjoni tar-riskju tiegħu għall-pjanti tal-NGT skont il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni
2)Il-valutazzjoni (AD) u l-appoġġ tal-valutazzjoni (AST) tal-ekwivalenza għall-kriterji ddefiniti minn qabel tal-pjanti tal-NGT skont il-proċedura ta’ notifika
3)L-appoġġ lill-applikanti u t-twettiq tal-kontroll tal-kompletezza (AD) għall-pjanti tal-NGT skont il-proċedura ta’ notifika
4)L-għoti ta’ pariri xjentifiċi (AD) lill-applikant għall-pjanti tal-NGT li fihom karatteristiċi li jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà skont il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni
5)L-appoġġ lill-applikant u t-twettiq tal-kontroll tal-kompletezza (AD) għall-pjanti tal-NGT skont il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni
|
|
Persunal estern
|
|
3.2.4.Kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali
Il-proposta/l-inizjattiva:
–✓
tista’ tiġi ffinanzjata kompletament permezz ta’ riallokazzjoni fl-intestatura rilevanti tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP).
Iż-żieda fl-approprjazzjonijiet għal-linja baġitarja tal-EFSA 06 10 02 Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel fis-snin 2025 sal-2027 b’EUR 2,3 miljun se tkun koperta mill-marġini mhux allokat taħt l-Intestatura 2b. Sabiex tiġi ppreservata n-newtralità ta’ din il-proposta lejn il-baġit tal-UE, se jiġi applikat tnaqqis ugwali tal-linja baġitarja 03 02 06 tal-katina alimentari tal-SMP, li se jirriżulta f’żieda fil-marġini tal-Intestatura 1 bl-istess ammont. Il-finanzjament meħtieġ ta’ EUR 0,100 miljun taħt il-linja 03 02 06 - Kontribut għal livell għoli ta’ saħħa u benessri tal-bnedmin, tal-annimali u tal-pjanti se jkun kopert minn riallokazzjoni interna.
–✓
teħtieġ l-użu tal-marġni mhux allokat taħt l-intestatura rilevanti tal-QFP u/jew l-użu tal-istrumenti speċjali ddefiniti fir-Regolament dwar il-QFP.
– B’konsegwenza tal-mekkaniżmu baġitarju deskritt hawn fuq, il-marġini mhux allokat tal-Intestatura 2b se jonqos b’EUR 2,3 miljun matul is-snin 2025-2027 filwaqt li l-marġini mhux alokat tal-Intestatura 1 se jiżdied bl-istess ammont.◻
teħtieġ reviżjoni tal-QFP.
Spjega x’inhu meħtieġ, filwaqt li tispeċifika l-intestaturi u l-linji baġitarji kkonċernati u l-ammonti korrispondenti.
3.2.5.Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi
Il-proposta/l-inizjattiva:
–✓
ma tipprevedix kofinanzjament minn partijiet terzi
–◻
tipprevedi l-kofinanzjament minn partijiet terzi kif stmat hawn taħt:
Approprjazzjonijiet f’miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
|
Sena
N
|
Sena
N+1
|
Sena
N+2
|
Sena
N+3
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)
|
Total
|
|
Speċifika l-korp ta’ kofinanzjament
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet kofinanzjati
|
|
|
|
|
|
|
|
|
3.3.Impatt stmat fuq id-dħul
–✓
Il-proposta/l-inizjattiva ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq id-dħul.
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva għandha l-impatt finanzjarju li ġej:
–◻
fuq ir-riżorsi proprji
–◻
fuq dħul ieħor
–indika, jekk id-dħul hux assenjat għal-linji tan-nefqa ◻
Miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Linja baġitarja tad-dħul:
|
Approprjazzjonijiet disponibbli għas-sena finanzjarja attwali
|
Impatt tal-proposta/tal-inizjattiva
|
|
|
|
Sena
N
|
Sena
N+1
|
Sena
N+2
|
Sena
N+3
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)
|
|
Artikolu ………….
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Għal dħul assenjat, speċifika l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i.
Rimarki oħra (eż. il-metodu/il-formula li ntużaw biex jiġi kkalkolat l-impatt fuq id-dħul jew kwalunkwe informazzjoni oħra).