IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.7.2023
COM(2023) 397 final
ANNESS
tal-
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Albanija dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Albanija
Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Albanija dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Albanija
L-Unjoni Ewropea,
u r-Repubblika tal-Albanija,
minn hawn ’il quddiem individwalment imsejħa “Parti” u kollettivament bħala l-“Partijiet”,
BILLI jistgħu jinħolqu sitwazzjonijiet fejn l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (“l-Aġenzija”) tikkoordina kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Albanija, inkluż fit-territorju tar-Repubblika tal-Albanija,
BILLI jenħtieġ li jiġi stabbilit qafas legali fil-forma ta’ ftehim dwar l-istatus għal sitwazzjonijiet meta l-membri tat-tim skjerati mill-Aġenzija jkollhom setgħat eżekuttivi fit-territorju tar-Repubblika tal-Albanija,
BILLI l-ftehim dwar l-istatus jista’ jipprevedi li l-Aġenzija toħloq uffiċċji antenna fit-territorju tar-Repubblika tal-Albanija biex tiffaċilita u ttejjeb il-koordinazzjoni tal-attivitajiet operazzjonali u biex tiżgura l-ġestjoni effettiva tar-riżorsi umani u tekniċi tal-Aġenzija,
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW il-livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali fir-Repubblika tal-Albanija u fl-Unjoni Ewropea,
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li r-Repubblika tal-Albanija rratifikat il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa Nru 108 tat-28 ta’ Jannar 1981 għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali u l-Protokoll addizzjonali tagħha,
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi huma prinċipji fundamentali li jirregolaw il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet,
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li r-Repubblika tal-Albanija rratifikat il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali tal-4 ta’ Novembru 1950, u li d-drittijiet li jinsabu fiha jikkorrispondu ma’ dawk fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-attivitajiet operazzjonali kollha tal-Aġenzija fit-territorju tar-Repubblika tal-Albanija jenħtieġ li jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali u l-ftehimiet internazzjonali li għalihom l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u/jew ir-Repubblika tal-Albanija huma parti,
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-persuni kollha li jipparteċipaw f’attività operazzjonali jkunu obbligati jżommu l-ogħla standards ta’ integrità, kondotta etika, professjonaliżmu kif ukoll rispett għad-drittijiet fundamentali u li jissodisfaw l-obbligi imposti fuqhom mid-dispożizzjonijiet tal-pjan operazzjonali u l-kodiċi ta’ kondotta tal-Aġenzija,
iddeċidew li jikkonkludu DAN il-Ftehim:
Artikolu 1
Kamp ta’ Applikazzjoni
1.Dan il-Ftehim jirregola l-kwistjonijiet kollha meħtieġa għall-iskjerament ta’ timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri mill-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Albanija, fejn il-membri tat-tim jistgħu jeżerċitaw setgħat eżekuttivi.
2.L-iskjerament imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jsir fit-territorju tar-Repubblika tal-Albanija, inkluż fil-fruntieri tal-art, tal-baħar u tal-ajru tagħha ma’ pajjiżi oħra. Soġġett għall-obbligi tal-Partijiet skont il-liġi tal-baħar, b’mod partikolari l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-1982, l-attivitajiet operazzjonali jistgħu jsiru wkoll fiż-żona kontigwa tar-Repubblika tal-Albanija. L-attivitajiet operazzjonali implimentati skont dan il-Ftehim ma għandhomx jaffettwaw l-obbligi ta’ tiftix u salvataġġ li jirriżultaw mil-liġi tal-baħar, b’mod partikolari l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1982 dwar il-Liġi tal-Baħar, il-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1974 għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar it-Tfittxija u s-Salvataġġ Marittimi.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)“Aġenzija” tfisser l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta stabbilita bir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jew kwalunkwe emenda għalih;
(2)“kontroll fil-fruntiera” tfisser l-attività mwettqa fi fruntiera, skont u għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, bħala risposta esklużivament għal intenzjoni ta’ qsim jew l-att ta’ qsim ta’ dik il-fruntiera, irrispettivament minn kull konsiderazzjoni oħra, li tikkonsisti f’verifiki fil-fruntiera u sorveljanza fuq il-fruntiera;
(3)“timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri” tfisser timijiet iffurmati mill-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta li għandhom jiġu skjerati tul operazzjonijiet konġunti fil-fruntieri esterni u interventi rapidi fil-fruntieri fil-fruntieri esterni fl-Istati Membri u f’pajjiżi terzi;
(4)“forum konsultattiv” tfisser il-korp konsultattiv stabbilit mill-Aġenzija skont l-Artikolu 108 tar-Regolament (UE) 2019/1896;
(5)“korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta” tfisser il-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta previst fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) 2019/1896;
(6)“EUROSUR” tfisser il-qafas għall-iskambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Aġenzija;
(7)“monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali” tfisser monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali kif previst fl-Artikolu 110 tar-Regolament (UE) 2019/1896;
(8)“Stat Membru ta’ oriġini” tfisser l-Istat Membru li minnu l-membru tal-persunal jiġi stazzjonat jew issekondat fil-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta;
(9)“inċident” tfisser sitwazzjoni marbuta ma’ immigrazzjoni illegali, kriminalità transfruntiera, jew riskju għall-ħajjiet ta’ migranti f il-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea jew tar-Repubblika tal-Albanija, matulhom jew qribhom;
(10)“operazzjoni konġunta” tfisser azzjoni kkoordinata jew organizzata mill-Aġenzija biex tappoġġa lill-awtoritajiet nazzjonali tar-Repubblika tal-Albanija responsabbli mill-kontroll tal-fruntieri bil-għan li jiġu indirizzati sfidi bħall-immigrazzjoni illegali, theddid preżenti jew futur fil-fruntieri tar-Repubblika tal-Albanija jew kriminalità transfruntiera, jew li jkollha l-għan li tipprovdi aktar assistenza teknika u operazzjonali għall-kontroll ta’ dawn il-fruntieri;
(11)“membru tat-tim” tfisser membru tal-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta skjerat permezz ta’ tim tal-ġestjoni tal-fruntieri biex jipparteċipa f’attività operazzjonali;
(12)“Stat Membru” tfisser Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;
(13)“attività operazzjonali” tfisser operazzjoni konġunta jew intervent rapidu fil-fruntiera;
(14)“żona operazzjonali” tfisser iż-żona ġeografika fejn għandha ssir attività operazzjonali;
(15)“Stat Membru parteċipanti” tfisser Stat Membru li jipparteċipa f’attività operazzjonali, billi jipprovdi tagħmir tekniku jew persunal tal-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta;
(16)“data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (“suġġett tad-data”); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni jew identifikatur online jew għal referenza għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika;
(17)“intervent rapidu fil-fruntiera” tfisser azzjoni mmirata biex twieġeb għal sitwazzjoni ta’ sfida speċifika u sproporzjonata fil-fruntieri tar-Repubblika tal-Albanija billi jiġu skjerati timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri fit-territorju tar-Repubblika tal-Albanija għal perjodu limitat ta’ żmien biex jitwettqu kontrolli fuq il-fruntieri flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali tar-Repubblika tal-Albanija responsabbli mill-kontroll tal-fruntieri;
(18)“persunal statutorju” tfisser persunal impjegat mill-Aġenzija f’konformità mar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68
Artikolu 3
It-Tnedija ta’ Attivitajiet Operazzjonali
1.Attività operazzjonali skont dan il-Ftehim għandha titnieda permezz ta’ deċiżjoni bil-miktub tad-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija (“id-direttur eżekuttiv”) fuq talba bil-miktub tal-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tal-Albanija. Tali talba għandha tinkludi deskrizzjoni tas-sitwazzjoni, il-perjodu stmat tal-implimentazzjoni, l-għanijiet possibbli u l-ħtiġijiet previsti, u l-profili tal-persunal meħtieġa, inkluż dak il-persunal li jkollu setgħat eżekuttivi, kif applikabbli.
2.Jekk id-direttur eżekuttiv iqis li l-attività operazzjonali mitluba x’aktarx tinvolvi jew twassal għal ksur tad-drittijiet fundamentali jew tal-obbligi ta’ protezzjoni internazzjonali li huwa serju jew persistenti, id-direttur eżekuttiv ma għandux iniedi l-attività operazzjonali.
3.Jekk, wara li jirċievi talba skont il-paragrafu 1, id-direttur eżekuttiv jqis li tkun meħtieġa aktar informazzjoni sabiex jiddeċiedi jekk jibdiex attività operazzjonali, huwa jista’ jitlob aktar informazzjoni jew jawtorizza lill-esperti tal-Aġenzija jivvjaġġaw lejn ir-Repubblika tal-Albanija biex jivvalutaw is-sitwazzjoni hemmhekk. Ir-Repubblika tal-Albanija għandha tiffaċilita tali vjaġġar.
4.Id-direttur eżekuttiv għandu jiddeċiedi li ma jnedix attività operazzjonali jekk huwa jqis li jkun hemm kawża ġustifikata li tissospendiha jew titterminaha skont l-Artikolu 18.
Artikolu 4
Pjan Operazzjonali
1.Għandu jintlaħaq qbil dwar pjan operazzjonali għal kull attività operazzjonali bejn l-Aġenzija u r-Repubblika tal-Albanija f’konformità mal-Artikoli 38 u 74 tar-Regolament (UE) 2019/1896. Il-pjan operazzjonali għandu jorbot lill-Aġenzija, lir-Repubblika tal-Albanija u lill-Istati Membri parteċipanti.
2.Il-pjan Operazzjonali għandu jiġi approvat bil-miktub mid-direttur eżekuttiv u r-rappreżentant tal-awtorità kompetenti tar-Repubblika tal-Albanija.
3.Il-pjan operazzjonali għandu jistabbilixxi fid-dettall l-aspetti organizzattivi u proċedurali tal-attività operazzjonali, inkluż:
(a)deskrizzjoni tas-sitwazzjoni, bil-modus operandi u l-għanijiet tal-użu, inkluż l-għan operazzjonali;
(b)iż-żmien previst li l-attività operazzjonali mistennija tieħu sabiex tilħaq l-objettivi tagħha;
(c)iż-żona ta’ operazzjoni;
(d)deskrizzjoni tal-kompiti, inkluż dawk li jirrikjedu setgħat eżekuttivi, tar-responsabbiltajiet, inkluż fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u rekwiżit tal-protezzjoni tad-data, u tal-istruzzjonijiet speċjali għat-timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri, inkluż dwar il-konsultazzjoni permessa ta’ bażijiet tad-data u l-armi tas-servizz, il-munizzjon u t-tagħmir permessi fir-Repubblika tal-Albanija;
(e)il-kompożizzjoni tat-tim tal-ġestjoni tal-fruntieri kif ukoll l-iskjerament ta’ persunal rilevanti ieħor/u l-preżenza ta’ membri oħra tal-persunal statutorju, inklużi osservaturi tad-drittijiet fundamentali;
(f)dispożizzjonijiet ta’ kmand u kontroll, inkluż l-ismijiet u l-gradi tal-gwardji tal-fruntieri jew persunal rilevanti ieħor tar-Repubblika tal-Albanija responsabbli għall-kooperazzjoni mal-membri tat-tim u l-Aġenzija, b’mod partikolari l-ismijiet u l-gradi ta’ dawk il-gwardji tal-fruntieri li jkollhom il-kmand waqt il-perjodu tal-iskjerament, u post il-membri tat-tim fil-katina tal-kmand;
(g)it-tagħmir tekniku li ser jiġi skjerat matul l-attività operazzjonali, inkluż rekwiżiti speċifiċi bħal pereżempju l-kundizzjonijiet għall-użu, l-ekwipaġġ meħtieġ, it-trasport u loġistika oħra, u dispożizzjonijiet finanzjarji;
(h)dispożizzjonijiet dettaljati dwar ir-rappurtar immedjat ta’ inċidenti mill-Aġenzija lill-bord maniġerjali u lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri parteċipanti u tar-Repubblika tal-Albanija ta’ kwalunkwe inċident li jseħħ matul attività operazzjonali mwettqa skont dan il-Ftehim;
(i)skema ta’ rapportar u evalwazzjoni li jkollha punti ta’ riferiment għar-rapport ta’ evalwazzjoni, inkluż fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, u d-data finali għall-preżentazzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni finali;
(j)fir-rigward ta’ operazzjonijiet fuq il-baħar, informazzjoni speċifika dwar l-applikazzjoni tal-ġurisdizzjoni rilevanti u l-liġi applikabbli fiż-żona operazzjonali, inklużi referenzi għal-liġi internazzjonali, tal-Unjoni Ewropea u nazzjonali fir-rigward tal-interċettazzjoni, is-salvataġġ fuq il-baħar u l-iżbark;
(k)it-termini ta’ kooperazzjoni ma’ korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni għajr l-Aġenzija, pajjiżi terzi oħra jew organizzazzjonijiet internazzjonali;
(l)struzzjonijiet ġenerali dwar kif tiġi żgurata s-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali matul l-attività operazzjonali inkluż il-protezzjoni tad-data personali u l-obbligi li jirriżultaw mill-istrumenti internazzjonali applikabbli tad-drittijiet tal-bniedem;
(m)proċeduri li bihom persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, vittmi tat-traffikar ta’ bnedmin, minorenni mhux akkumpanjati u persuni oħra f’sitwazzjonijiet vulnerabbli jiġu ggwidati lejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għal assistenza xierqa;
(n)proċeduri li jistabbilixxu mekkaniżmu biex jirċievu u jittrażmettu lill-Aġenzija u lir-Repubblika tal-Albanija lmenti (inkluż dawk ippreżentati skont l-Artikolu 8(5)) kontra kwalunkwe persuna li tipparteċipa f’attività operazzjonali, inkluż gwardji tal-fruntiera jew persunal rilevanti ieħor tar-Repubblika tal-Albanija u membri tat-tim, li jallegaw ksur tad-drittijiet fundamentali fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tagħhom f’attività operazzjonali tal-Aġenzija;
(o)arranġamenti loġistiċi inkluż l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ambjent taż-żoni li fiha għandha sseħħ l-attività operazzjonali; kif ukoll
(p)dispożizzjonijiet li jikkonċernaw uffiċċju antenna, kif stabbilit skont l-Artikolu 6.
4.Il-pjan operazzjonali u kwalunkwe emenda għalih jew adattamenti tiegħu għandhom ikunu soġġetti għall-ftehim tal-Aġenzija, ir-Repubblika tal-Albanija u l-Istati Membri ġirien tar-Repubblika tal-Albanija u/jew li jmissu maż-żona ta’ operazzjonali, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri parteċipanti. L-Aġenzija għandha tikkoordina mal-Istati Membri rilevanti sabiex tikkonferma l-ftehim tagħhom.
5.L-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni operazzjonali għall-finijiet tal-EUROSUR għandhom isiru f’konformità mar-regoli għall-istabbiliment u l-kondiviżjoni tal-istampi tas-sitwazzjoni speċifiċi li għandhom jiġu stabbiliti fil-pjan operazzjonali għall-attività operazzjonali kkonċernata.
6.L-evalwazzjoni tal-attività operazzjonali skont il-paragrafu (3) punt (i) ta’ dan l-Artikolu għandha titwettaq bi sħab mir-Repubblika tal-Albanija u l-Aġenzija.
7.It-termini tal-kooperazzjoni mal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-paragrafu (3), punt (k), għandhom jitwettqu f’konformità mal-mandati rispettivi tagħhom u skont ir-riżorsi disponibbli.
Artikolu 5
Rappurtar ta’ Inċidenti
1.L-Aġenzija u l-Pulizija Statali tal-Albanija għandu jkollhom mekkaniżmu ta’ rapportar tal-inċidenti li jippermetti r-rapportar f’waqtu ta’ kwalunkwe inċident li jiltaqa’ miegħu matul attività operazzjonali mwettqa skont dan il-Ftehim.
2.L-Aġenzija u r-Repubblika tal-Albanija, għandhom jassistu lil xulxin fit-twettiq tal-inkjesti u l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa dwar kwalunkwe inċident irrapportat permezz tal-mekkaniżmu msemmi fil-paragrafu 1, bħall-identifikazzjoni ta’ xhieda u l-ġbir u l-produzzjoni ta’ evidenza, inklużi talbiet biex jinkisbu u, jekk ikun xieraq, jingħataw oġġetti konnessi ma’ inċident irrapportat. L-għoti ta’ tali oġġetti jista’ jkun soġġett għar-ritorn tagħhom fit-termini speċifikati mill-awtorità kompetenti li twassalhom.
Artikolu 6
Uffiċċji Antenna
1.L-Aġenzija, f’konsultazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti tar-Repubblika tal-Albanija, tista’ tistabbilixxi uffiċċji antenna fit-territorju tar-Repubblika tal-Albanija biex tiffaċilita u ttejjeb il-koordinazzjoni tal-attivitajiet operazzjonali u biex tiżgura l-ġestjoni effettiva tar-riżorsi umani u tekniċi tal-Aġenzija. Il-post tal-uffiċċju antenna għandu jiġi stabbilit mill-Aġenzija b’kunsiderazzjoni tal-ftehim mar-Repubblika tal-Albanija.
2.L-uffiċċji antenna għandhom jiġu stabbiliti skont il-ħtiġijiet operazzjonali u jibqgħu operazzjonali għall-perjodu ta’ żmien meħtieġ biex l-Aġenzija twettaq attivitajiet operazzjonali fir-Repubblika tal-Albanija u fir-reġjun ġar. Soġġett għall-qbil tar-Repubblika tal-Albanija, dak il-perjodu ta’ żmien jista’ jiġi estiż mill-Aġenzija.
3.Kull uffiċċju antenna għandu jkun ġestit minn rappreżentant tal-Aġenzija, maħtur mid-direttur eżekuttiv bħala kap tal-uffiċċju antenna, li għandu jissorvelja l-ħidma ġenerali tal-uffiċċju.
4.L-uffiċċji antenna għandhom, fejn applikabbli:
(a)jipprovdu appoġġ operazzjonali u loġistiku u jiżguraw il-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-Aġenzija fiż-żoni ta’ operazzjonijiet ikkonċernati;
(b)jipprovdu appoġġ operazzjonali lir-Repubblika tal-Albanija fiż-żoni operazzjonali kkonċernati;
(c)jimmonitorjaw l-attivitajiet tat-timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri u jirrapportaw regolarment lill-kwartieri ġenerali tal-Aġenzija;
(d)jikkooperaw mar-Repubblika tal-Albanija dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-implimentazzjoni prattika tal-attivitajiet operazzjonali organizzati mill-Aġenzija fir-Repubblika tal-Aġenzija, inkluża kwalunkwe kwistjoni addizzjonali li tinqala’ matul dawn l-attivitajiet;
(e)jappoġġaw lill-uffiċjal ta’ koordinazzjoni fil-kooperazzjoni tiegħu mar-Repubblika tal-Albanija dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-kontribuzzjoni tagħhom għal attivitajiet operazzjonali organizzati mill-Aġenzija u, fejn meħtieġ, jikkoordinaw mal-kwartieri ġenerali tal-Aġenzija;
(f)jappoġġaw lill-uffiċjal ta’ koordinazzjoni u lill-osservatur(i) tad-drittijiet fundamentali inkarigat(i) mill-monitoraġġ ta’ attività operazzjonali, biex, fejn meħtieġ, jiffaċilitaw il-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni bejn it-timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri u l-awtoritajiet rilevanti tar-Repubblika tal-Albanija kif ukoll kwalunkwe kompitu rilevanti;
(g)jorganizzaw appoġġ loġistiku relatat mal-iskjerament tal-membri tat-tim u mal-iskjerament u l-użu tat-tagħmir tekniku;
(h)jipprovdu kwalunkwe appoġġ loġistiku ieħor rigward iż-żona ta’ operazzjonijiet li għaliha jkun responsabbli uffiċċju antenna partikolari, bil-ħsieb li jiffaċilitaw it-tmexxija bla xkiel tal-attivitajiet operazzjonali organizzati mill-Aġenzija;
(i)jiżguraw il-ġestjoni effettiva tat-tagħmir tal-Aġenzija stess fl-oqsma koperti mill-attivitajiet tagħha, inklużi r-reġistrazzjoni possibbli il-manutenzjoni fit-tul ta’ dak it-tagħmir u kwalunkwe appoġġ loġistiku meħtieġ; kif ukoll
(j)jappoġġaw persunal u/jew attivitajiet oħrajn tal-Aġenzija fir-Repubblika tal-Albanija kif miftiehem bejn l-Aġenzija u r-Repubblika tal-Albanija.
5.L-Aġenzija u r-Repubblika tal-Albanija għandhom jiżguraw l-aħjar kundizzjonijiet possibbli għat-twettiq tal-kompiti assenjati lill-uffiċċju antenna.
6.Ir-Repubblika tal-Albanija għandha tipprovdi assistenza raġonevoli lill-Aġenzija biex tiżgura l-kapaċità operazzjonali tal-uffiċċji antenna.
Artikolu 7
Uffiċjal ta’ Koordinazzjoni
1.Mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-uffiċċji antenna kif deskritt fl-Artikolu 6, id-direttur eżekuttiv għandu jaħtar espert wieħed jew aktar mill-persunal statutorju biex jiġi skjerat bħala uffiċjal(i) ta’ koordinazzjoni għal kull attività operazzjonali. Id-direttur eżekuttiv għandu jinnotifika lir-Repubblika tal-Albanija b’tali ħatra.
2.Ir-rwol tal-uffiċjal ta’ koordinazzjoni għandu jkun li:
(a)jaġixxi bħala interfaċċa bejn l-Aġenzija, ir-Repubblika tal-Albanija u l-membri tat-tim, billi jipprovdi assistenza, f’isem l-Aġenzija, dwar il-kwistjonijiet kollha marbuta mal-kundizzjonijiet tal-iskjerament tat-timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri;
(b)jissorvelja l-implimentazzjoni korretta tal-pjan operazzjonali, inkluż, f’kooperazzjoni mal-osservatur(i) tad-drittijiet fundamentali, fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u jirrapporta lid-direttur eżekuttiv dwar dan;
(c)jaġixxi f’isem l-Aġenzija fl-aspetti kollha tal-iskjerament tat-timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri u jirrapporta lill-Aġenzija dwar dawk l-aspetti kollha; kif ukoll
(d)irawwem il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost ir-Repubblika tal-Albanija u l-Istati Membri parteċipanti.
3.Fil-kuntest ta’ attivitajiet operazzjonali, id-direttur eżekuttiv jista’ jawtorizza lill-uffiċjal ta’ koordinazzjoni li jassisti ħalli jsolvi kwalunkwe nuqqas ta’ qbil dwar it-twettiq tal-pjan operazzjonali u l-iskjerament tat-timijiet.
4.Ir-Repubblika tal-Albanija għandha toħroġ biss struzzjonijiet li jkunu konformi mal-pjan operazzjonali lill-membri tat-tim. Jekk l-uffiċjal ta’ koordinazzjoni jqis li l-istruzzjonijiet maħruġa lill-membri tat-tim ma jkunux konformi mal-pjan operazzjonali jew mal-obbligi legali applikabbli, huwa għandu jikkomunika dan minnufih lill-uffiċjali tar-Repubblika tal-Albanija li jwettqu rwol ta’ koordinazzjoni u lid-direttur eżekuttiv. Id-direttur eżekuttiv jista’ jieħu miżuri xierqa, inkluż is-sospensjoni jew it-terminazzjoni tal-attività operazzjonali, f’konformità mal-Artikolu 18.
Artikolu 8
Drittijiet Fundamentali
1.Fit-twettiq tal-obbligi tagħhom skont dan il-Ftehim, il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jaġixxu f’konformità mal-istrumenti kollha applikabbli dwar id-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-Konvenzjoni tal-1950 tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati u l-Protokoll tal-1967 tagħha, il-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1965 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta’ Diskriminazzjoni Razzjali, il-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1966 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Konvenzjoni tal-1979 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1984, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2006 dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
2.Il-membri tat-tim għandhom, fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom, iħarsu b’mod sħiħ id-drittijiet fundamentali, fosthom l-aċċess għall-proċeduri tal-ażil, u d-dinjità umana u għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil persuni vulnerabbli. Kull miżura meħuda fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċizzju tal-poteri għandha tkun proporzjonata għall-finijiet ta’ tali miżuri. Waqt it-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom, ma għandhomx jiddiskriminaw kontra persuni fuq il-bażi ta’ raġunijiet bħal sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, karatteristiċi ġenetiċi, ilsien, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew opinjoni oħra, sħubija f’minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali, f’konformità mal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Miżuri li jinterferixxu mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali jistgħu jittieħdu minn membri tat-tim fit-twettiq tal-kompiti tagħhom jew fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom meta jkun meħtieġ biss u proporzjonat għall-objettivi segwiti minn tali miżuri u jridu jirrispettaw l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali f’konformità mal-liġi internazzjonali, tal-Unjoni Ewropea u nazzjonali applikabbli.
Din id-dispożizzjoni għandha tapplika mutatis mutandis għall-persunal kollu tal-awtoritajiet nazzjonali tar-Repubblika tal-Albanija li jipparteċipa f’attività operazzjonali.
3.L-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali tal-Aġenzija għandu jimmonitorja l-konformità ta’ kull attività operazzjonali mal-istandards applikabbli tad-drittijiet fundamentali. L-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali, jew id-deputat tiegħu jew tagħha, jista’ jwettaq żjarat fuq il-post fil-pajjiż terz; huwa għandu jipprovdi wkoll opinjonijiet dwar il-pjanijiet operazzjonali u jinforma lid-direttur eżekuttiv dwar ksur possibbli tad-drittijiet fundamentali relatati ma’ attività operazzjonali. Ir-Repubblika tal-Albanija għandha tappoġġa l-isforzi ta’ monitoraġġ tal-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali, kif mitlub.
4.L-Aġenzija u r-Repubblika tal-Albanija jaqblu li jipprovdu lill-forum konsultattiv b’aċċess f’waqtu u effettiv għall-informazzjoni kollha li tikkonċerna r-rispett għad-drittijiet fundamentali fir-rigward ta’ kwalunkwe attività operazzjonali mwettqa skont dan il-Ftehim, inkluż permezz ta’ żjarat fil-post fiż-żona operazzjonali.
5.L-Aġenzija u r-Repubblika tal-Albanija għandu jkollhom mekkaniżmu ta’ lmenti kull wieħed biex jipproċessaw allegazzjonijiet ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali mwettqa mill-persunal tagħhom fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom waqt attività operazzjonali mwettqa taħt dan il-Ftehim.
6.Fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom skont dan il-ftehim, il-Membri tat-Tim għandhom jirrapportaw mingħajr dewmien żejjed lill-Aġenzija kwalunkwe ksur tal-kodiċijiet ta’ kondotta tal-Aġenzija. L-Aġenzija għandha tinforma lill-awtoritajiet Albaniżi rilevanti dwar tali rapporti mingħajr dewmien żejjed permezz ta’ mekkaniżmu li għandu jiġi definit fil-pjan operazzjonali.
Artikolu 9
Osservaturi tad-Drittijiet Fundamentali
1.L-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali tal-Aġenzija għandu jassenja mill-inqas monitoraġġ wieħed tad-drittijiet fundamentali għal kull attività operazzjonali biex, fost l-oħrajn, jassisti u jagħti pariri lill-uffiċjal ta’ koordinazzjoni.
2.L-osservatur tad-drittijiet fundamentali għandu jimmonitorja l-konformità mad-drittijiet fundamentali u jipprovdi pariri u assistenza dwar id-drittijiet fundamentali fit-tħejjija, it-twettiq u l-evalwazzjoni tal-attività operazzjonali rilevanti. Dan għandu jinkludi, b’mod partikolari:
(a)is-segwitu tat-tħejjija tal-pjanijiet operazzjonali u r-rapportar lill-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali biex ikun jista’ jwettaq il-kompiti tiegħu kif previst fir-Regolament (UE) 2019/1896;
(b)it-twettiq ta’ żjarat, inklużi żjarat fit-tul, fejn tkun qed isiru l-attivitajiet operazzjonali;
(c)il-kooperazzjoni u l-kollegament mal-uffiċjal ta’ koordinazzjoni u l-provvista ta’ pariri u assistenza lilu;
(d)l-infurmar tal-uffiċjal ta’ koordinazzjoni u r-rapportar lill-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali dwar kull tħassib rigward ksur possibbli tad-drittijiet fundamentali relatat mal-attività operazzjonali; kif ukoll
(e)il-kontribut għall-evalwazzjoni tal-attività operazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 4(3), punt (i).
3.L-osservaturi tad-drittijiet fundamentali għandu jkollhom aċċess għaż-żoni kollha li fihom isseħħ l-attività operazzjonali u għad-dokumenti kollha rilevanti għall-implimentazzjoni ta’ dik l-attività.
4.Meta jkunu preżenti f’żona operazzjonali, l-osservaturi tad-drittijiet fundamentali għandhom jilbsu insinji li jippermettu li jiġu identifikati b’mod ċar bħala osservaturi tad-drittijiet fundamentali.
Artikolu 10
Membri tat-Tim
1.Il-membri tat-tim għandu jkollhom l-awtorità li jwettqu l-kompiti deskritti fil-pjan operazzjonali.
2.Meta jwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom, il-membri tat-tim għandhom jikkonformaw mal-liġijiet u r-regolamenti tar-Repubblika tal-Albanija kif ukoll mal-liġi internazzjonali u tal-Unjoni Ewropea applikabbli.
3.Il-membri tat-tim jistgħu jwettqu l-kompiti u jeżerċitaw il-poteri fit-territorju tar-Repubblika tal-Albanija biss fuq struzzjonijiet minn u fil-preżenza ta’ awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri tar-Repubblika tal-Albanija. Ir-Repubblika tal-Albanija tista’ tawtorizza lill-membri tat-tim biex iwettqu kompiti speċifiċi u jeżerċitaw setgħat speċifiċi fit-territorju tagħha fin-nuqqas tal-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri tagħha soġġett għall-kunsens tal-Aġenzija jew tal-Istat Membru domiċiljari, kif xieraq.
4.Il-membri tat-tim li huma persunal statutorju għandhom jilbsu l-uniformi tal-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta filwaqt li jwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-pjan operazzjonali.
Il-membri tat-tim li mhumiex persunal statutorju għandhom jilbsu l-uniformi nazzjonali tagħhom filwaqt li jwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-pjan operazzjonali.
Waqt li jkunu fuq xogħol, il-membri kollha tat-tim għandhom ukoll jilbsu b’mod viżibbli identifikazzjoni personali u faxxa tal-idejn blu bl-insinji tal-Unjoni Ewropea u tal-Aġenzija fuq l-uniformi tagħhom.
5.Ir-Repubblika tal-Albanija għandha tawtorizza lill-membri tat-tim rilevanti biex iwettqu kompiti matul attività operazzjonali li teħtieġ l-użu tal-forza, inkluż il-ġarr u l-użu ta’ armi tas-servizz, munizzjon u mezzi koerċittivi oħra, f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-pjan operazzjonali.
(a)il-membri tat-tim li huma persunal statutorju jistgħu jġorru u jużaw armi tas-servizz, munizzjon u mezzi koerċittivi oħra soġġett għall-kunsens tal-Aġenzija.
(b)il-membri tat-tim li mhumiex persunal statutorju jistgħu jġorru u jużaw armi tas-servizz, munizzjon u mezzi koerċittivi oħra soġġett għall-kunsens tal-Istat Membru ta’ oriġini rilevanti.
6.L-użu tal-forza, inklużi l-ġarr u l-użu ta’ armi tas-servizz, munizzjon jew mezzi koerċittivi oħra, għandu jiġi eżerċitat f’konformità mal-liġi nazzjonali tar-Repubblika tal-Albanija u fil-preżenza tal-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri tar-Repubblika tal-Albanija. Ir-Repubblika tal-Albanija tista’ tawtorizza lill-membri tat-tim biex jużaw il-forza fin-nuqqas ta’ awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri tar-Repubblika tal-Albanija.
(c)għall-membri tat-tim li huma persunal statutorju, tali awtorizzazzjoni għall-użu tal-forza fin-nuqqas tal-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri tar-Repubblika tal-Albanija għandha tkun soġġetta għall-kunsens tal-Aġenzija.
(d)għall-membri tat-tim li mhumiex persunal statutorju, tali awtorizzazzjoni għall-użu tal-forza fin-nuqqas ta’ awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri tal-Albanija għandha tkun soġġetta għall-kunsens tal-Istat Membru domiċiljari rilevanti.
Kull użu tal-forza mill-membri tat-tim irid ikun meħtieġ u proporzjonat u jikkonforma bis-sħiħ mal-liġi nazzjonali, tal-Unjoni Ewropea u dik internazzjonali applikabbli, inklużi, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness V tar-Regolament (UE) 2019/1896.
7.L-Aġenzija għandha, qabel l-iskjerament tal-membri tat-tim, tinforma lir-Repubblika tal-Albanija dwar l-armi tas-servizz, il-munizzjon u tagħmir ieħor li l-membri tat-tim jistgħu jġorru skont il-paragrafu 5. Ir-Repubblika tal-Albanija tista’ tipprojbixxi l-ġarr ta’ ċerti armi tas-servizz, munizzjon u tagħmir ieħor, sakemm il-liġi tiegħu stess tapplika l-istess projbizzjoni għall-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri tiegħu stess. Ir-Repubblika tal-Albanija għandha, qabel l-iskjerament tal-membri tat-tim, tinforma lill-Aġenzija dwar l-armi, il-munizzjon u t-tagħmir tas-servizz permissibbli u dwar il-kundizzjonijiet biex jintużaw. L-Aġenzija għandha tqiegħed din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni ta’ l-Istati Membri.
Ir-Repubblika tal-Albanija għandha tagħmel l-arranġamenti meħtieġa għall-ħruġ ta’ kwalunkwe permess ta’ armi meħtieġ u tiffaċilita l-importazzjoni, l-esportazzjoni, it-trasport u l-ħażna ta’ armi, munizzjon u tagħmir ieħor għad-dispożizzjoni tal-membri tat-tim kif jintalab mill-Aġenzija. Il-proċedura għall-ħruġ tal-permessi għall-armi għandha tiġi stabbilita fil-pjan operazzjonali.
8.Armi tas-servizz, munizzjon u tagħmir jistgħu jintużaw fl-awtodifiża leġittima u fid-difiża leġittima tal-membri tat-tim jew ta’ persuni oħra f’konformità mal-liġi nazzjonali tar-Repubblika tal-Albanija, bi qbil mal-prinċipji rilevanti tal-liġi internazzjonali u dik tal-Unjoni.
9.Ir-Repubblika tal-Albanija tista’ tawtorizza lill-membri tat-tim biex jikkonsultaw il-bażijiet tad-data nazzjonali tiegħu jekk ikun meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet operazzjonali speċifikati fil-pjan operazzjonali. Ir-Repubblika tal-Albanija għandha tiżgura li jipprovdi aċċess għal tali bażijiet tad-data b’mod effiċjenti u effettiv.
Ir-Repubblika tal-Albanija għandha, qabel l-iskjerament tal-membri tat-tim, jinforma lill-Aġenzija dwar il-bażijiet tad-data nazzjonali li jistgħu jiġu kkonsultati.
Il-membri tat-tim għandhom jikkonsultaw biss id-data li tkun meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom u biex jeżerċitaw is-setgħat tagħhom. Din il-konsultazzjoni għandha ssir skont il-liġi nazzjonali tal-protezzjoni tad-data tar-Repubblika tal-Albanija u dan il-Ftehim.
10.Għall-implimentazzjoni ta’ attivitajiet operazzjonali, ir-Repubblika tal-Albanija għandha tiskjera uffiċjali tad-Dipartiment tal-Pulizija tal-Fruntieri u tal-Migrazzjoni li jkunu kapaċi u lesti jikkomunikaw bl-Ingliż biex iwettqu rwol ta’ koordinazzjoni f’isem ir-Repubblika tal-Albanija.
Artikolu 11
Privileġġi u Immunitajiet tal-Proprjetà, Fondi, Assi u Operazzjonijiet tal-Aġenzija
1.Kwalunkwe bini tal-Aġenzija fir-Repubblika tal-Albanija għandu jkun invjolabbli. Ikunu eżenti minn tfittxija, rekwiżizzjoni, konfiska jew esproprjazzjoni.
2.Il-proprjetà u l-assi tal-Aġenzija, inklużi l-mezzi tat-trasport, il-komunikazzjonijiet, l-arkivji, kwalunkwe korrispondenza, dokumenti, karti tal-identità u assi finanzjarji għandhom ikunu invjolabbli.
3.L-assi tal-Aġenzija jinkludu assi mikrija minn Stat Membru jew ikunu proprjetà jew koproprjetà tiegħu u offruti lill-Aġenzija. Mal-imbarkazzjoni tar-rappreżentant(i) tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, dawk għandhom jiġu ttrattati bħala assi fis-servizz tal-gvern u awtorizzati għal dan il-għan.
4.Ma tista’ tittieħed l-ebda miżura ta’ eżekuzzjoni fir-rigward tal-Aġenzija. Il-proprjetà u l-assi tal-Aġenzija ma għandhom ikunu soġġetti għall-ebda miżura amministrattiva jew legali ta’ restrizzjoni. Il-proprjetà tal-Aġenzija għandha tkun ħielsa mis-sekwestru għas-sodisfazzjon ta’ sentenza, deċiżjoni jew ordni.
5.Ir-Repubblika tal-Albanija għandha tippermetti d-dħul u t-tneħħija ta’ oġġetti u tagħmir skjerati mill-Aġenzija fir-Repubblika tal-Albanija għal finijiet operazzjonali.
6.L-Aġenzija għandha tkun eżentata mid-dazji kollha (inklużi d-dazji doganali) u t-taxxi kif ukoll minn kwalunkwe projbizzjoni u restrizzjoni fuq l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet fir-rigward ta’ oġġetti u tagħmir maħsuba għall-użu uffiċjali tagħha, inklużi oġġetti u tagħmir importati jew esportati minn parti terza f’isem l-Aġenzija.
Artikolu 12
Privileġġi u Immunitajiet tal-Membri tat-Tim
1.Il-membri tat-tim ma għandhom ikunu soġġetti għall-ebda forma ta’ inkjesta jew proċedimenti legali fir-Repubblika tal-Albanija jew mill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Albanija, ħlief fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.
2.Il-membri tat-tim għandhom igawdu minn immunità mill-ġurisdizzjoni kriminali, ċivili u amministrattiva tar-Repubblika tal-Albanija fir-rigward tal-atti kollha li jwettqu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom matul l-azzjonijiet li jsiru f’konformità mal-pjan operazzjonali.
Meta l-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Albanija jkollhom l-intenzjoni li jibdew proċedimenti kriminali, ċivili jew amministrattivi kontra membru tat-tim quddiem kwalunkwe qorti tar-Repubblika tal-Albanija, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw minnufih lid-direttur eżekuttiv b’dan.
Wara li jirċievi tali notifika, id-direttur eżekuttiv għandu, mingħajr dewmien żejjed, jinforma lill-awtoritajiet rilevanti tar-Repubblika tal-Albanija jekk l-att inkwistjoni jkunx twettaq mill-membru tat-tim fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu jew tagħha. Jekk l-att kien twettaq fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali, il-proċedimenti ma għandhomx jinbdew. Jekk l-att ġie ddikjarat li ma kienx twettaqx fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali, il-proċedimenti jistgħu jiġu inizjati. Il-kwalifiki tad-direttur eżekuttiv għandha tkun vinkolanti fuq ir-Repubblika tal-Albanija, li ma għandhiex jikkontestaha.
Sakemm issir din il-kwalifika, l-Aġenzija għandha żżomm lura milli tieħu kwalunkwe miżura maħsuba biex tipperikola l-prosekuzzjoni kriminali sussegwenti possibbli tal-membru tat-tim mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tal-Albanija, inkluż l-iffaċilitar tar-ritorn tal-membru tat-tim ikkonċernat mir-Repubblika tal-Albanija lejn l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu/tagħha.
Il-privileġġi mogħtija lill-membri tat-tim u l-immunità mill-ġurisdizzjoni kriminali tar-Repubblika tal-Albanija ma jeżentawhomx mill-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru tal-oriġini.
Il-bidu ta’ proċedimenti mill-membri tat-tim għandu jipprekludihom milli jinvokaw l-immunità mill-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ kull kontrotalba relatata direttament mat-talba prinċipali.
3.L-awtoritajiet Albaniżi jistgħu jirreferu l-atti tal-membri tat-tim li jitqiesu ta’ rilevanza dixxiplinarja lill-Aġenzija.
4.Il-bini, l-abitazzjonijiet, il-mezzi ta’ trasport u l-komunikazzjonijiet, u l-proprjetà, inklużi kwalunkwe korrispondenza, dokumenti, dokumenti ta’ identità u assi tal-membri tat-tim għandhom ikunu invjolabbli, ħlief fil-każ ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni kif permess skont il-paragrafu 8.
5.Ir-Repubblika tal-Albanija għandha tkun responsabbli għal kwalunkwe dannu kkawżat minn membri tat-tim lil terzi fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom.
6.F’każ ta’ dannu kkawżat minn negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja jew mhux fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali minn membru tat-tim li huwa membru tal-persunal statutorju, ir-Repubblika tal-Albanija tista’ titlob, permezz tad-direttur eżekuttiv, li l-kumpens jitħallas mill-Aġenzija.
F’każ ta’ dannu kkawżat minn negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja jew mhux fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali minn membru tat-tim li mhuwiex membru tal-persunal statutorju, ir-Repubblika tal-Albanija tista’ titlob, permezz tad-direttur eżekuttiv, li l-kumpens jitħallas mill-Istat Membru domiċiljari kkonċernat.
7.Il-membri tat-tim ma għandhomx ikunu obbligati jixhdu bħala xhieda fi proċedimenti legali fir-Repubblika tal-Albanija.
8.L-ebda miżura ta’ eżekuzzjoni ma tista’ tittieħed fir-rigward tal-membri tat-tim, ħlief fil-każijiet fejn jiġu istitwiti kontrihom proċedimenti kriminali, ċivili jew amministrattiv mhux relatat mal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom. Il-proprjetà tal-membri tat-tim li tkun ċertifikata mid-direttur eżekuttiv bħala meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom għandha tkun ħielsa minn sekwestru biex tiġi ssodisfata sentenza, deċiżjoni jew ordni.
Sakemm id-direttur eżekuttiv jikkwalifika jekk l-att inkwistjoni twettaqx mill-membru tat-tim fl-eżerċizzju tal-funzjoni uffiċjali tiegħu jew tagħha fi proċedimenti kriminali, il-membri tat-tim ma għandhom ikunu soġġetti għall-ebda restrizzjoni fuq il-libertà personali tagħhom jew għal kwalunkwe miżura oħra ta’ restrizzjoni.
Fil-kuntest ta’ proċedimenti ċivili, il-membri tat-tim ma għandhom ikunu soġġetti għall-ebda restrizzjoni tal-libertà personali tagħhom jew għal xi miżura oħra ta’ kostrinġiment.
Fi proċedimenti amministrattivi, id-direttur eżekuttiv għandu jiġi infurmat minnufih mir-Repubblika tal-Albanija dwar kwalunkwe restrizzjoni fuq il-libertà personali, jew kwalunkwe miżura oħra ta’ restrizzjoni li jittieħdu kontra membri tat-tim.
9.Il-membri tat-tim għandhom, fir-rigward tas-servizzi mwettqa għall-Aġenzija, ikunu eżentati mid-dispożizzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jistgħu jkunu fis-seħħ fir-Repubblika tal-Albanija.
10.Is-salarju u l-emolumenti mħallsa lill-membri tat-tim mill-Aġenzija u/jew mill-Istati Membri domiċiljari, kif ukoll kwalunkwe introjtu li membri tat-tim jirċievu minn barra r-Repubblika tal-Albanija, ma għandhom jiġu ntaxxati fl-ebda forma fir-Repubblika tal-Albanija.
11.Ir-Repubblika tal-Albanija għandha tippermetti d-dħul ta’ oġġetti għall-użu personali tal-membri tat-tim u għandha tagħti eżenzjoni mid-dazji doganali, taxxi, u ħlasijiet relatati kollha minbarra ħlasijiet għal ħażna, trasport u servizzi simili, fir-rigward ta’ tali oġġetti. Ir-Repubblika tal-Albanija għandha wkoll tippermetti l-esportazzjoni ta’ tali oġġetti.
12.Il-bagalji personali tal-membri tat-tim għandhom ikunu eżentati minn spezzjoni, dment li ma jkunx hemm raġunijiet serji sabiex ikun hemm suspetti li fihom oġġetti li mhumiex għall-użu personali tal-membri tat-tim, jew oġġetti li l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tagħhom tkun projbita mil-liġi jew suġġetta għar-regolamenti tal-kwarantina tar-Repubblika tal-Albanija. L-ispezzjoni ta’ dawn il-bagalji personali għandha titwettaq biss fil-preżenza tal-membri tat-tim konċernati jew ta’ rappreżentant awtorizzat tal-Aġenzija.
13.L-Aġenzija u r-Repubblika tal-Albanija għandhom jaħtru punti ta’ kuntatt li għandhom ikunu disponibbli f’kull ħin u li għandhom ikunu responsabbli għall-iskambju ta’ informazzjoni u azzjonijiet immedjati li għandhom jittieħdu fejn att imwettaq minn membru tat-tim jista’ jkun bi ksur tal-liġi kriminali kif ukoll għall-iskambju ta’ informazzjoni u l-attivitajiet operazzjonali fir-rigward ta’ kwalunkwe proċediment ċivili jew amministrattiv kontra membru tat-tim.
Sakemm tittieħed azzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari, l-Aġenzija u r-Repubblika tal-Albanija għandhom jassistu lil xulxin fit-twettiq tal-inkjesti u l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa fi kwalunkwe delitt kriminali allegat li fir-rigward tiegħu l-Aġenzija jew ir-Repubblika tal-Albanija, jew it-tnejn li huma, għandhom interess fl-identifikazzjoni ta’ xhieda u fil-ġbir u l-produzzjoni ta’ evidenza, inkluż it-talba biex jinkisbu u, jekk ikun xieraq, it-trasferiment ta’ oġġetti konnessi ma’ delitti kriminali allegati. L-għoti ta’ tali oġġetti jista’ jkun soġġett għar-ritorn tagħhom fit-termini speċifikati mill-awtorità kompetenti li twassalhom.
Artikolu 13
Membri tat-Tim Midruba jew Deċeduti
1.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12, id-direttur eżekuttiv għandu jkollu d-dritt li jieħu f’idejh, u jagħmel arranġamenti xierqa għar-ripatrijazzjoni ta’ kwalunkwe membru tat-tim midrub jew mejjet, kif ukoll tal-proprjetà personali tiegħu.
2.L-awtopsja għandha titwettaq fuq membru ta’ tim mejjet biss bil-kunsens espliċitu tal-Istat Membru domiċiljari kkonċernat u fil-preżenza ta’ rappreżentant tal-Aġenzija jew tal-Istat Membru domiċiljari kkonċernat.
3.Ir-Repubblika tal-Albanija u l-Aġenzija għandhom jikkooperaw kemm jista’ jkun biex jippermettu r-ripatrijazzjoni malajr ta’ membri tat-tim midruba jew mejtin.
Artikolu 14
Dokument ta’ Akkreditazzjoni
1.L-Aġenzija għandha toħroġ dokument bl-Albaniż u bl-Ingliż lil kull membru tat-tim għall-għanijiet ta’ identifikazzjoni fil-konfront tal-awtoritajiet nazzjonali tar-Repubblika tal-Albanija u bħala prova tad-drittijiet tad-detentur biex iwettaq il-kompiti u jeżerċita l-poteri msemmijin fl-Artikolu 10 ta’ dan il-Ftehim u fil-pjan operazzjonali (id-“dokument ta’ akkreditazzjoni”).
2.Id-dokument ta’ akkreditazzjoni għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja dwar il-membru tal-persunal: l-isem u n-nazzjonalità, il-grad jew it-titolu tal-impjieg, ritratt diġitizzat reċenti u l-kompiti awtorizzati li għandhom jitwettqu matul l-iskjerament.
3.Għall-finijiet ta’ identifikazzjoni fil-konfront tal-awtoritajiet nazzjonali tar-Repubblika tal-Albanija, il-membri tat-tim għandhom ikunu obbligati jġorru d-dokument ta’ akkreditazzjoni fuq il-persuna tagħhom f’kull ħin.
4.Ir-Repubblika tal-Albanija għandha tirrikonoxxi d-dokument ta’ akkreditazzjoni, flimkien ma’ dokument tal-ivvjaġġar validu u l-persunal skjerat fir-Repubblika tal-Albanija skont dan il-ftehim jew pjan operazzjonali fl-ambitu tiegħu, bħala li jagħti lill-membru tat-tim rilevanti dħul u soġġorn fir-Repubblika tal-Albanija mingħajr il-ħtieġa ta’ viża, awtorizzazzjoni minn qabel jew kwalunkwe dokument ieħor, sal-jum li jiskadi.
5.Id-dokument tal-akkreditazzjoni għandu jiġi ritornat lill-Aġenzija fi tmiem l-iskjerament. L-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tal-Albanija għandhom jiġu infurmati b’dan.
Artikolu 15
Applikazzjoni għal Persunal tal-Aġenzija Mhux Skjerat bħala Membru tat-Tim
L-Artikoli 12, 13 u 14 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-persunal kollu tal-Aġenzija skjerat fil-Albanija skont dan il-Ftehim jew pjan operazzjonali tiegħu li mhumiex membri tat-tim, inklużi l-osservaturi tad-drittijiet fundamentali u l-persunal statutorju stazzjonat f’uffiċċji antenna.
Artikolu 16
Protezzjoni tad-Data Personali
1.Il-komunikazzjoni ta’ data personali għandha sseħħ biss jekk tali komunikazzjoni tkun meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tal-Albanija jew l-Aġenzija. L-ipproċessar ta’ data personali minn awtorità f’każ partikolari, inkluż it-trasferiment ta’ tali data personali lill-Parti l-oħra, għandu jkun soġġett għar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data applikabbli għal dik l-awtorità. Il-Partijiet għandhom jiżguraw is-salvagwardji minimi li ġejjin bħala prekundizzjoni għal kwalunkwe trasferiment ta’ data:
(a)id-data personali trid tkun ipproċessata legalment, ġustament u b’mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data;
(b)id-data personali jeħtieġ li tinġabar għall-iskop speċifikat, espliċitu u leġittimu tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u ma tiġix ipproċessata aktar mill-awtorità li tikkomunikaha jew mill-awtorità li tirċeviha b’mod mhux kompatibbli ma’ dak l-iskop;
(c)id-data personali għandha tkun adegwata, relevanti u mhux eċċessiva fir-rigward tal-għan li għalih tinġabar u/jew tiġi pproċessata aktar; b’mod partikolari, id-data personali kkomunikata f’konformità mal-liġi applikabbli għall-awtorità komunikanti tista’ tikkonċerna biss waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:
–l-ewwel isem,
–il-kunjom,
–id-data tat-twelid,
–in-nazzjonalità,
–il-grad,
–il-paġna bid-data personali tad-dokument tal-ivvjaġġar,
–id-dokument ta’ akkreditazzjoni,
–ir-ritratt tal-karta tal-identità/tal-passaport/tad-dokument ta’ akkreditazzjoni,
–l-indirizz tal-posta elettronika,
–in-numru tal-mobile,
–id-dettalji tal-armi,
–id-durata tal-iskjerament,
–il-post tal-iskjerament,
–in-numri ta’ identifikazzjoni tal-inġenju tal-ajru jew tal-bastiment,
–id-data tal-wasla,
–l-ajruport tal-wasla/il-punt ta’ qsim tal-fruntiera mal-wasla,
–in-numru tat-titjira tal-wasla,
–id-data tat-tluq,
–l-ajruport tat-tluq/il-punt ta’ qsim tal-fruntiera mat-tluq,
–in-numru tat-titjira tat-tluq,
–l-Istat Membru/il-pajjiż terz domiċiljari,
–l-awtorità li tiskjera,
–il-kompiti/il-profil operazzjonali,
–mezzi ta’ trasport,
–ir-rotta
tal-membri tat-tim, il-persunal tal-Aġenzija, l-osservaturi rilevanti, jew il-membri tal-programmi ta’ skambju tal-persunal;
(d)id-data personali għandha tkun eżatta u, fejn meħtieġ, tinżamm aġġornata;
(e)id-data personali għandha tinżamm b’mod li jippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux iktar mill-perjodu neċessarju għall-fini li għalih tkun inġabret id-data jew li kompliet tiġi pproċessata;
(f)id-data personali trid tiġi pproċessata b’mod li jiżgura s-sigurtà xierqa tad-data personali, filwaqt li jitqiesu r-riskji speċifiċi tal-ipproċessar, inkluża l-protezzjoni kontra l-ipproċessar mhux awtorizzat jew illegali u kontra t-telf, il-qerda jew il-ħsara aċċidentali, bl-użu ta’ miżuri tekniċi jew organizzattivi xierqa (“ksur tad-data”); il-Parti riċeventi għandha tieħu miżuri xierqa biex tindirizza kwalunkwe ksur tad-data, u għandha tinnotifika lill-Parti li tikkomunika dwar tali ksur mingħajr dewmien żejjed u fi żmien 72 siegħa;
(g)kemm l-awtorità li tikkomunika d-data kif ukoll l-awtorità li tirċeviha għandhom jieħdu kull pass raġonevoli biex jiżguraw mingħajr dewmien ir-rettifika jew it-tħassir, kif xieraq, tad-data personali jekk l-ipproċessar ma jkunx konformi ma’ dan l-Artikolu, b’mod partikulari għaliex dik id-data ma tkunx xierqa, relevanti jew preċiża jew għaliex tkun eċċessiva fir-rigward tal-iskop tal-ipproċessar; dan jinkludi n-notifika ta’ kull rettifika jew tħassir lill-Parti l-oħra;
(h)b’talba, l-awtorità riċeventi għandha tinforma lill-awtorità komunikanti dwar l-użu tad-data kkomunikata;
(i)id-data personali tista’ tiġi kkomunikata biss lill-awtoritajiet kompetenti:
komunikazzjoni ulterjuri lil entitajiet oħrajn teħtieġ awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtorità komunikanti kompetenti;
(j)l-awtorità komunikanti u l-awtorità riċeventi huma obbligati li jirreġistraw bil-miktub il-komunikazzjoni u l-wasla ta’ data personali;
(k)għandu jkun hemm sorveljanza indipendenti biex tissorvelja l-konformità mal-protezzjoni tad-data, inkluż biex jiġu spezzjonati tali rekords; is-suġġetti tad-data għandu jkollhom id-dritt li jressqu lmenti lill-korp ta’ sorveljanza, u li jirċievu tweġiba mingħajr dewmien żejjed;
(l)is-suġġetti tad-data għandu jkollhom id-dritt li jirċievu informazzjoni dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom, jaċċessaw tali data u jirrettifikaw jew iħassru data mhux preċiża jew ipproċessata illegalment, soġġett għal limitazzjonijiet meħtieġa u proporzjonati għal raġunijiet importanti ta’ interess pubbliku; kif ukoll
(m) is-suġġetti tad-data għandu jkollhom id-dritt għal rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv għall-ksur tas-salvagwardji msemmija hawn fuq.
2.Kull Parti għandha twettaq reviżjonijiet perjodiċi tal-politiki u l-proċeduri tagħha stess li jimplimentaw dan l-Artikolu. Fuq talba mill-Parti l-oħra, il-Parti li tkun irċeviet it-talba għandha tirrevedi l-politiki u l-proċeduri tagħha dwar l-ipproċessar tad-data personali sabiex taċċerta u tikkonferma li s-salvagwardji f’dan l-Artikolu jiġu implimentati b’mod effettiv. Ir-riżultati tar-rieżami għandhom jiġu kkomunikati lill-Parti li tkun talbet ir-rieżami fi żmien raġonevoli.
3.Is-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data skont dan il-Ftehim għandhom ikunu soġġetti għal sorveljanza mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Kummissarju għad-dritt għal Informazzjoni Pubblika u għall-Protezzjoni tad-Data Personali tal-Albanija.
4.Il-Partijiet għandhom jikkooperaw mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, bħala l-awtorità superviżorja tal-Aġenzija.
5.L-Aġenzija u r-Repubblika tal-Albanija għandhom ifasslu rapport komuni dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu fi tmiem kull attività operazzjonali. Dak ir-rapport għandu jintbagħat lill-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali u lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tal-Aġenzija kif ukoll lill-Kummissarju għad-Dritt għall-Informazzjoni Pubblika u l-Protezzjoni tad-Data Personali tal-Albanija u lid-Direttorat Ġenerali tal-Pulizija tal-Istat.
6.L-Aġenzija u r-Repubblika tal-Albanija għandhom jistabbilixxu regoli dettaljati dwar il-komunikazzjoni u l-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet tal-attivitajiet operazzjonali skont dan il-Ftehim f’dispożizzjonijiet speċifiċi tal-pjanijiet operazzjonali rilevanti. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti rilevanti tal-liġi tal-Unjoni Ewropea u tal-liġi tar-Repubblika tal-Albanija. Huma għandhom jiddeskrivu, fost l-oħrajn, l-għan maħsub tal-komunikazzjoni, il-kontrollur(i) u r-rwoli u r-responsabbiltajiet kollha, il-kategoriji tad-data kkomunikata, il-perjodi speċifiċi taż-żamma tad-data, u s-salvagwardji minimi kollha. Fl-interess tat-trasparenza u l-prevedibbiltà, dawk id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku f’konformità mal-gwida rilevanti tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.
Artikolu 17
Skambju ta’ Informazzjoni Klassifikata u Sensittiva Mhux Klassifikata
1.Kull skambju, kondiviżjoni jew disseminazzjoni ta’ informazzjoni klassifikata fil-qafas ta’ dan il-Ftehim għandhom ikunu koperti minn arranġament amministrattiv separat konkluż bejn l-Aġenzija u l-awtoritajiet rilevanti tar-Repubblika tal-Albanija, li għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni Ewropea.
2.Kwalunkwe skambju ta’ informazzjoni sensittiva mhux klassifikata fil-qafas ta’ dan il-Ftehim:
(a)għandu jiġu ttrattat mill-Aġenzija f’konformità mal-Artikolu 9(5) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443;
(b)għandu jirċievi livell ta’ protezzjoni mill-Parti riċeventi li jkun ekwivalenti għal-livell ta’ protezzjoni offrut mill-miżuri applikati għal dik l-informazzjoni mill-Parti komunikanti f’termini ta’ kunfidenzjalità, integrità u disponibbiltà; kif ukoll
(c)għandu jitwettaq permezz ta’ sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni li tissodisfa l-kriterji ta’ disponibbiltà, kunfidenzjalità u integrità għal informazzjoni sensittiva mhux klassifikata, bħan-network ta’ komunikazzjoni msemmi fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2019/1896.
3.Il-Partijiet għandhom jikkonformaw mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati ma’ kwalunkwe data pproċessata fil-qafas ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 18
Deċiżjoni ta’ Sospensjoni, Terminat u/jew L-Irtirar tal-Finanzjament għal Attività Operazzjonali
1.Jekk il-kundizzjonijiet għat-twettiq ta’ attività operazzjonali ma jibqgħux jiġu ssodisfati, id-direttur eżekuttiv għandu jtemm dik l-attività operazzjonali wara li jinforma lir-Repubblika tal-Albanija bil-miktub.
2.Jekk dan il-Ftehim jew pjan operazzjonali ma jkunx ġie rispettat mir-Repubblika tal-Albanija, id-direttur eżekuttiv jista’ jirtira l-finanzjament tal-attività operazzjonali rilevanti, u/jew jissospendiha jew itemmha, wara li jinforma lir-Repubblika tal-Albanija bil-miktub.
3.Jekk is-sigurtà ta’ xi parteċipant f’attività operazzjonali skjerat fir-Repubblika tal-Albanija ma tkunx tista’ tiġi ggarantita, id-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija jista’ jissospendi jew itemm l-attività operazzjonali rilevanti jew aspetti tagħha.
4.Jekk id-direttur eżekuttiv jqis li jkun seħħ ksur tad-drittijiet fundamentali jew tal-obbligi ta’ protezzjoni internazzjonali li jkun ta’ natura serja jew li x’aktarx jippersisti jew li x’aktarx iseħħ b’rabta ma’ attività operazzjonali mwettqa skont dan il-Ftehim, huwa għandu jirtira l-finanzjament tal-attività operazzjonali rilevanti, u/jew jissospendih jew itemmu, wara li jinforma lir-Repubblika tal-Albanija.
5.L-Albanja tista’ titlob lid-direttur eżekuttiv biex jissospendi jew itemm attività operazzjonali. Tali talba għandha ssir bil-miktub u għandha tinkludi r-raġunijiet għal dan.
6.Is-sospensjoni, it-terminazzjoni jew l-irtirar tal-finanzjament skont dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mid-data tan-notifika lir-Repubblika tal-Albanija. Ma għandhom jaffettwaw l-ebda dritt jew obbligu li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim jew il-pjan operazzjonali qabel tali sospensjoni, terminazzjoni jew irtirar ta’ finanzjament.
7.Ir-Repubblika tal-Albanija tista’ titlob it-terminazzjoni tal-iskjerament ta’ kwalunkwe membru tat-tim, jew persunal ieħor skjerat fir-Repubblika tal-Albanija skont dan il-Ftehim jew pjan operazzjonali skont dan li ma jirrispettax dan il-Ftehim jew il-pjan operazzjonali jew li jwettaq ksur serju tal-leġiżlazzjoni Albaniża. Id-Deċiżjoni għat-terminazzjoni tal-istazzjonament se tittieħed mid-direttur eżekuttiv jew mill-Istat Membru ta’ domiċilju rispettiv, kif xieraq, u għandha tiġi nnotifikata lill-awtoritajiet rilevanti tar-Repubblika tal-Albanija.
Artikolu 19
Ġlieda kontra l-Frodi
1.Ir-Repubblika tal-Albanija għandha tinnotifika lill-Aġenzija, lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u/jew lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi minnufih jekk isir jaf bl-eżistenza ta’ allegazzjonijiet kredibbli ta’ frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li tista’ taffettwa l-interessi tal-Unjoni Ewropea.
2.Fejn tali allegazzjonijiet ikunu relatati ma’ fondi tal-Unjoni Ewropea żborżati fir-rigward ta’ dan il-Ftehim, ir-Repubblika tal-Albanija għandha tipprovdi l-assistenza kollha meħtieġa lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u/jew lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi fir-rigward ta’ attivitajiet investigattivi fit-territorju tagħha, inkluż l-iffaċilitar ta’ intervisti, kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post (inkluż aċċess għal sistemi ta’ informazzjoni u bażijiet ta’ data fl-Albanija) u l-iffaċilitar tal-aċċess għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar il-ġestjoni teknika u finanzjarja ta’ kwistjonijiet iffinanzjati parzjalment jew kompletament mill-Unjoni Ewropea.
Artikolu 20
Implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim
1.Għar-Repubblika tal-Albanija, dan il-Ftehim għandu jiġi implimentat mill-Pulizija tal-Fruntieri.
2.Għall-Unjoni Ewropea, dan il-Ftehim għandu jiġi implimentat mill-Aġenzija.
Artikolu 21
Soluzzjoni tat-Tilwim
1.Kwalunkwe tilwima li tinqala’ b’rabta mal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tiġi eżaminata b’mod konġunt mir-rappreżentanti tal-Aġenzija u mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tal-Albanija.
2.Fin-nuqqas ta’ soluzzjoni minn qabel, it-tilwim li jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandu jiġi solvut esklużivament permezz ta’ negozjati bejn il-Partijiet.
Artikolu 22
Dħul fis-Seħħ, Applikazzjoni Proviżorja, Emenda, Tul, Sospensjoni u Terminazzjoni tal-Ftehim u Terminazzjoni tal-Ftehim Predeċessur
1.Dan il-Ftehim għandu jkun soġġett għal ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni mill-Partijiet skont il-proċeduri legali interni tagħhom stess. Il-Partijiet għandhom jinnotifikaw lil xulxin dwar it-tlestija tal-proċeduri meħtieġa għal dak il-għan.
2.Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar ta’ wara d-data meta l-Partijiet ikunu għarrfu lil xulxin li lestew il-proċeduri legali interni tagħhom skont il-paragrafu 1.
Sa meta jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu, dan il-Ftehim jista’ jiġi applikat fuq bażi provviżorja. Il-Ftehim għandu jiġi applikat b’mod provviżorju, mid-data tan-notifika tat-tlestija tal-proċeduri interni mill-Partijiet għal dan l-għan.
3.Bidliet għal dan il-Ftehim għandhom isiru biss bil-kunsens reċiproku bil-miktub tal-Partijiet.
4.Dan il-Ftehim huwa konkluż għal perjodu indefinit. Jista’ jiġi sospiż jew itterminat permezz ta’ ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet jew b’mod unilaterali minn xi waħda mill-Partijiet.
F’każ ta’ terminazzjoni jew sospensjoni unilaterali, il-Parti li tixtieq ittemm jew tissospendi għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra b’dan bil-miktub. Terminazzjoni jew sospensjoni unilaterali ta’ dan il-Ftehim għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara x-xahar li matulu tkun ingħatat in-notifika.
5.Il-Ftehim dwar l-Istatus bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Albanija dwar azzjonijiet imwettqin mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Albanija, iffirmat f’Tirana fil-5 ta’ Ottubru 2018, huwa b’dan imħassar u sostitwit b’dan il-Ftehim.
Kwalunkwe attività operazzjonali mnedija abbażi tal-Ftehim dwar l-Istatus bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Albanija dwar azzjonijiet imwettqin mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Albanija, iffirmat f’Tirana fil-5 ta’ Ottubru 2018, li tkun għaddejja fiż-żmien tal-applikazzjoni proviżorja jew tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim tista’ tkompli, soġġetta għall-emenda jew l-adattament tal-pjan operazzjonali rispettiv f’konformità ma’ dan il-Ftehim.
6.In-notifiki li jsiru f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandhom jintbagħtu, fil-każ tal-Unjoni Ewropea, lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u, fil-każ tar-Repubblika tal-Albanija, lill-Ministeru għall-Ewropa u l-Affarijiet Barranin.
Magħmul f’żewġ kopji bil-Bulgaru, bil-Kroat, biċ-Ċek, bid-Daniż, bin-Netherlandiż, bl-Ingliż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ungeriż, bl-Irlandiż, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol, bl-Iżvediż, u bil-lingwa tal-Albanija, b’kull wieħed minn dawk it-testi ugwalment awtentiku.
B’XHIEDA TA’ DAN, il-Plenipotenzjarji ffirmati hawn taħt, debitament awtorizzati għal dan il-għan, iffirmaw dan il-Ftehim.
Magħmul fi XX, data, JJ/XX/SSSS
Għall-Unjoni Ewropea Għar-Repubblika tal-Albanija