Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0227

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tal-miżuri ta’ intervent bikri, il-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni u l-finanzjament ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni

COM/2023/227 final

Strasburgu, 18.4.2023

COM(2023) 227 final

2023/0112(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tal-miżuri ta’ intervent bikri, il-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni u l-finanzjament ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SWD(2023) 225-226}
{SEC(2023) 230}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

L-emendi proposti għad-Direttiva 2014/59/UE 1 (id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek jew il-BRRD) huma parti mill-pakkett leġiżlattiv dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet u l-assigurazzjoni tad-depożiti (CMDI) li jinkludi wkoll emendi għar-Regolament (UE) Nru 806/2014 2 (ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni jew l-SRMR) u għad-Direttiva 2014/49/UE 3 (id-Direttiva dwar l-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti jew id-DGSD).

Il-qafas tal-UE għall-ġestjoni tal-kriżijiet huwa stabbilit sew, madankollu, l-episodji preċedenti ta’ fallimenti bankarji wrew li hemm bżonn ta’ titjib. L-għan tar-riforma tas-CMDI huwa li tibni fuq l-objettivi tal-qafas għall-ġestjoni tal-kriżijiet u li tiżgura approċċ aktar konsistenti għar-riżoluzzjoni, sabiex kwalunkwe bank fi kriżi jkun jista’ joħroġ mis-suq b’mod ordnat, filwaqt li jippreserva l-istabbiltà finanzjarja, il-flus tal-kontribwenti u jiżgura l-fiduċja tad-depożitanti. B’mod partikolari, il-qafas ta’ riżoluzzjoni eżistenti għal banek iżgħar u ta’ daqs medju jeħtieġ li jissaħħaħ fir-rigward tat-tfassil, l-implimentazzjoni u, l-aktar importanti, l-inċentivi għall-applikazzjoni tiegħu, sabiex ikun jista’ jiġi applikat b’mod aktar kredibbli għal dawk il-banek.

Kuntest tal-proposta

Wara l-kriżijiet finanzjarji globali u tad-dejn sovran, l-UE ħadet azzjonijiet deċiżivi, f’konformità mas-sejħiet internazzjonali għar-riforma, sabiex toħloq settur finanzjarju aktar sikur għas-suq uniku tal-UE. Dan kien jinkludi l-għoti tal-għodod u tas-setgħat biex jiġi indirizzat il-falliment ta’ kwalunkwe bank b’mod ordnat, filwaqt li jiġu ppreservati l-istabbiltà finanzjarja, il-finanzi pubbliċi u l-protezzjoni tad-depożitanti. L-Unjoni Bankarja nħolqot fl-2014 u bħalissa hija magħmula minn żewġ pilastri: Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) u Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRM). Madankollu, l-Unjoni Bankarja għadha mhux kompluta u hija nieqsa mit-tielet pilastru tagħha: skema Ewropea ta’ assigurazzjoni tad-depożiti (EDIS) 4 . Il-proposta tal-Kummissjoni adottata fl-24 ta’ Novembru 2015 biex tiġi stabbilita l-EDIS 5 għadha pendenti.

L-Unjoni Bankarja hija appoġġata minn Ġabra Unika tar-Regoli li, f’dak li għandu x’jaqsam mas-CMDI, hija magħmula minn tliet atti legali tal-UE adottati fl-2014: il-BRRD, l-SRMR u d-DGSD. Il-BRRD tiddefinixxi s-setgħat, ir-regoli u l-proċeduri għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek, inklużi arranġamenti ta’ kooperazzjoni transfruntiera biex jiġu indirizzati l-fallimenti bankarji transfruntiera. L-SRMR joħloq il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) u l-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) u jiddefinixxi s-setgħat, ir-regoli u l-proċeduri għar-riżoluzzjoni tal-entitajiet stabbiliti fl-Unjoni Bankarja, fil-kuntest tal-mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni. Id-DGSD tiżgura l-protezzjoni tad-depożitanti u tistabbilixxi r-regoli għall-użu tal-fondi tal-SGD. Il-BRRD u d-DGSD japplikaw fl-Istati Membri kollha, filwaqt li l-SRMR japplika fl-Istati Membri li jipparteċipaw fl-Unjoni Bankarja.

Il-pakkett bankarju tal-2019, magħruf ukoll bħala l-“pakkett għat-tnaqqis tar-riskju”, irreveda l-BRRD, l-SRMR, ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (CRR) 6 u d-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (CRD) 7 . Dawn ir-reviżjonijiet kienu jinkludu miżuri li jwettqu l-impenji tal-UE li saru f’fora internazzjonali 8 biex jittieħdu passi ulterjuri lejn it-tlestija tal-Unjoni Bankarja billi jiġu pprovduti miżuri kredibbli għat-tnaqqis tar-riskju biex jittaffa t-theddid għall-istabbiltà finanzjarja.

F’Novembru 2020, il-Grupp tal-Euro qabel dwar il-ħolqien u l-introduzzjoni bikrija ta’ garanzija ta’ kontinġenza komuni għall-SRF mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) 9 .

Ir-riforma tal-ġestjoni tal-kriżijiet u tal-assigurazzjoni tad-depożiti (CMDI) u l-implikazzjonijiet usa’ għall-Unjoni Bankarja

Flimkien mar-riforma tas-CMDI, Unjoni Bankarja kompluta, inkluż it-tielet pilastru tagħha, l-EDIS, toffri livell ogħla ta’ protezzjoni finanzjarja u fiduċja lill-unitajiet domestiċi u n-negozji tal-UE, iżżid il-fiduċja u ssaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja bħala kundizzjonijiet meħtieġa għat-tkabbir, għall-prosperità u għar-reżiljenza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja u fl-UE b’mod aktar ġenerali. L-Unjoni tas-Swieq Kapitali tikkomplementa l-Unjoni Bankarja, minħabba li ż-żewġ inizjattivi huma essenzjali biex jiffinanzjaw it-tranżizzjonijiet doppji (diġitali u ekoloġiċi), iżidu r-rwol internazzjonali tal-euro u jsaħħu l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE u l-kompetittività tagħha f’dinja li qed tinbidel, b’mod partikolari meta jitqies l-ambjent ekonomiku u ġeopolitiku ta’ sfida attwali 10   11 .

F’Ġunju 2022, il-Grupp tal-Euro ma qabilx ma’ pjan ta’ ħidma aktar komprensiv biex titlesta l-Unjoni Bankarja billi tiġi inkluża l-EDIS. Minflok, il-Grupp tal-Euro stieden lill-Kummissjoni tressaq proposti leġiżlattivi aktar immirati għar-riforma tal-qafas tal-UE għall-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji u l-assigurazzjoni tad-depożiti nazzjonali 12 .

B’mod parallel, il-Parlament Ewropew, fir-rapport annwali tiegħu tal-2021 dwar l-Unjoni Bankarja 13 , enfasizza wkoll l-importanza li dan jitlesta bit-twaqqif tal-EDIS u appoġġa lill-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva dwar ir-rieżami tas-CMDI. Filwaqt li l-EDIS ma ġietx approvata b’mod espliċitu mill-Grupp tal-Euro, hija tagħmel ir-riforma tas-CMDI aktar robusta u twassal sinerġiji u titjib fl-effiċjenza għall-industrija. Tali pakkett leġiżlattiv ikun parti mill-aġenda għat-tlestija tal-Unjoni Bankarja, kif enfasizzat fil-Linji Gwida Politiċi tal-President von der Leyen, li fakkru wkoll fl-importanza tal-EDIS, u kif appoġġat regolarment mill-mexxejja 14 .

L-objettivi tal-qafas tal-ġestjoni tal-kriżijiet u tal-assigurazzjoni tad-depożiti (CMDI)

Il-qafas CMDI tfassal biex itaffi r-riskji u jimmaniġġa l-falliment tal-istituzzjonijiet ta’ kwalunkwe daqs, filwaqt li jikseb erba’ objettivi ġenerali:

(i)tiġi protetta l-istabbiltà finanzjarja, filwaqt li jiġi evitat il-kontaġju, u b’hekk jiġu żgurati d-dixxiplina tas-suq u l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi għas-soċjetà,

(ii)jiġi ssalvagwardjat il-funzjonament tas-suq uniku u jiġu pprovduti kundizzjonijiet ekwi madwar l-UE;

(iii)jiġi mminimizzat ir-rikors għall-flus tal-kontribwenti u tiddgħajjef ir-rabta bejn il-banek u s-sovrani u

(iv)jiġu protetti d-depożitanti u tiġi żgurata l-kunfidenza tal-konsumaturi.

Il-qafas CMDI jipprevedi sett ta’ strumenti li jistgħu jiġu applikati fid-diversi stadji taċ-ċiklu tal-ħajja tal-banek f’diffikultà: azzjoni ta’ rkupru appoġġata minn pjanijiet ta’ rkupru abbozzati mill-banek; miżuri ta’ intervent bikri; miżuri għall-prevenzjoni tal-falliment ta’ bank; pjanijiet ta’ riżoluzzjoni mħejjija mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni; u sett ta’ għodod ta’ riżoluzzjoni meta l-bank jiġi ddikjarat li qed ifalli jew x’aktarx ifalli u meta jitqies li r-riżoluzzjoni tal-bank (aktar milli l-likwidazzjoni tiegħu) hija fl-interess pubbliku. Barra minn hekk, il-proċeduri nazzjonali ta’ insolvenza, li huma barra mill-qafas CMDI 15 jkomplu japplikaw għal dawk il-banek li qed ifallu li jistgħu jiġu ttrattati skont dawn il-proċeduri nazzjonali, fejn huma aktar xierqa (minflok riżoluzzjoni) u ma jagħmlux ħsara lill-interess pubbliku jew jipperikolaw l-istabbiltà finanzjarja.

Il-qafas CMDI għandu l-għan li jipprovdi taħlita ta’ sorsi ta’ finanzjament sabiex il-fallimenti jiġu ġestiti b’mod ekonomikament effiċjenti, jiġu protetti l-istabbiltà finanzjarja u d-depożitanti u tinżamm id-dixxiplina tas-suq, filwaqt li jitnaqqsu r-rikors għall-baġit pubbliku u, fl-aħħar mill-aħħar, il-kost għall-kontribwenti. Il-kost tar-riżoluzzjoni tal-bank l-ewwel ikun kopert permezz tar-riżorsi proprji tal-bank, jiġifieri allokat lill-azzjonisti u lill-kredituri tal-bank innifsu (li jikkostitwixxu l-kapaċità interna ta’ assorbiment tat-telf tal-bank), li jnaqqas ukoll il-periklu morali u jtejjeb id-dixxiplina fis-suq. Jekk ikun meħtieġ, dan jista’ jiġi kkomplementat minn fondi mill-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti (SGD) u arranġamenti ta’ finanzjament tar-riżoluzzjoni (fondi ta’ riżoluzzjoni (RF) nazzjonali jew l-SRF fl-Unjoni Bankarja). Dawn il-fondi huma ffinanzjati minn kontribuzzjonijiet mill-banek kollha, irrispettivament mid-daqs u l-mudell tan-negozju tagħhom. Fl-Unjoni Bankarja, dawn ir-regoli ġew integrati aktar billi l-SRB ġie fdat bil-ġestjoni u s-sorveljanza tal-SRF, li huwa ffinanzjat minn kontribuzzjonijiet mill-industrija fl-Istati Membri parteċipanti tal-Unjoni Bankarja. Skont l-għodda applikata għal bank f’diffikultà (eż. miżuri preventivi, ta’ prekawzjoni, ta’ riżoluzzjoni jew alternattivi taħt proċedimenti nazzjonali ta’ insolvenza) u d-dettalji speċifiċi tal-każ, il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat 16 jista’ jkun meħtieġ għal interventi minn RF/SRF, SGD jew finanzjament pubbliku mill-baġit tal-Istat.

Raġunijiet għall-proposta

Minkejja l-progress miksub mill-2014, ir-riżoluzzjoni rari ġiet applikata, speċjalment fl-Unjoni Bankarja. Ġew identifikati oqsma għal aktar tisħiħ u aġġustament fir-rigward tal-qafas CMDI f’termini ta’ disinn, implimentazzjoni u, l-aktar importanti, inċentivi għall-applikazzjoni tiegħu.

Sal-lum, ħafna banek ta’ daqs iżgħar jew medju li qegħdin ifallu ġew ittrattati taħt reġimi nazzjonali li spiss jinvolvu l-użu ta’ flus tal-kontribwenti (salvataġġi) minflok ix-xbieki ta’ sikurezza ffinanzjati mill-industrija, bħall-SRF fl-Unjoni Bankarja, li sa issa ma ntużax f’riżoluzzjoni. Dan imur kontra l-intenzjoni tal-qafas, minħabba li ġie stabbilit wara l-kriżi finanzjarja globali, li kienet tinvolvi bidla fundamentali kbira minn salvataġġ għal rikapitalizzazzjoni interna. F’dan il-kuntest, il-kost tal-opportunità tal-arranġamenti ta’ finanzjament tar-riżoluzzjoni ffinanzjati mill-banek kollha huwa konsiderevoli.

Il-qafas ta’ riżoluzzjoni ma wettaqx bis-sħiħ l-objettivi ġenerali ewlenin, b’mod partikolari l-iffaċilitar tal-funzjonament tas-suq uniku tal-UE fis-settur bankarju billi jiżgura kundizzjonijiet ekwi, jimmaniġġa l-kriżijiet transfruntiera u domestiċi u jimminimizza r-rikors għall-flus tal-kontribwenti.

Ir-raġunijiet huma prinċipalment dovuti għal inċentivi mhux allinjati fl-għażla tal-għodda t-tajba għall-ġestjoni ta’ banek li qegħdin ifallu, li jwasslu għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-qafas ta’ riżoluzzjoni armonizzat, favur toroq oħrajn. Dan huwa dovut b’mod ġenerali għad-diskrezzjoni wiesgħa fil-valutazzjoni tal-interess pubbliku, għad-diffikultajiet fl-aċċess għall-finanzjament fir-riżoluzzjoni mingħajr ma jiġi impost telf fuq id-depożitanti, u għal aċċess aktar faċli għall-finanzjament barra mir-riżoluzzjoni. Is-segwitu ta’ din it-triq iqajjem riskji ta’ frammentazzjoni u eżiti subottimali fil-ġestjoni tal-fallimenti tal-banek, b’mod partikolari dawk ta’ banek iżgħar u ta’ daqs medju.

Ir-rieżami tal-qafas CMDI u l-interazzjoni mal-proċedimenti nazzjonali ta’ insolvenza għandhom jipprovdu soluzzjonijiet biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet. Dan għandu jippermetti wkoll li l-qafas jilħaq bis-sħiħ l-objettivi tiegħu u jkun adattat għall-iskop tiegħu għall-banek kollha fl-UE, irrispettivament mid-daqs, il-mudell tan-negozju u l-istruttura tar-responsabbiltà tagħhom, anki banek iżgħar u ta’ daqs medju, jekk meħtieġ miċ-ċirkostanzi prevalenti. Ir-reviżjoni għandu jkollha l-għan li tiżgura applikazzjoni konsistenti tar-regoli madwar l-Istati Membri, li twassal kundizzjonijiet ekwi aħjar, filwaqt li tipproteġi l-istabbiltà finanzjarja u d-depożitanti, tipprevjeni l-kontaġju u tnaqqas ir-rikors għall-flus tal-kontribwenti. B’mod partikolari, il-qafas għandu jittejjeb biex tiġi ffaċilitata r-riżoluzzjoni ta’ banek iżgħar u ta’ daqs medju kif inizjalment mistenni, billi jittaffew l-impatti fuq l-istabbiltà finanzjarja u l-ekonomija reali mingħajr rikors għall-finanzjament pubbliku, u billi titrawwem il-fiduċja tad-depożitanti tagħhom, li jikkonsistu primarjament minn unitajiet domestiċi u intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). F’termini tal-kobor tal-bidliet previsti, ir-rieżami tas-CMDI ma jfittixx li jirrevedi l-qafas attwali, iżda pjuttost li jġib it-titjib tant meħtieġ f’diversi oqsma ewlenin sabiex il-qafas jaħdem kif maħsub għall-banek kollha.

Sommarju tal-elementi ta’ riforma tal-ġestjoni tal-kriżijiet u tal-assigurazzjoni tad-depożiti (CMDI)

L-emendi inklużi fil-pakkett CMDI jkopru firxa ta’ aspetti ta’ politika u jikkostitwixxu rispons koerenti għall-problemi identifikati:

·l-espansjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-riżoluzzjoni billi tiġi rieżaminata l-valutazzjoni tal-interess pubbliku, meta din tilħaq l-objettivi tal-qafas, eż. il-protezzjoni tal-istabbiltà finanzjarja, tal-flus tal-kontribwenti u tal-fiduċja tad-depożitanti aħjar mill-proċedimenti nazzjonali ta’ insolvenza;

·it-tisħiħ tal-finanzjament f’riżoluzzjoni billi tiġi kkomplementata l-kapaċità interna ta’ assorbiment tat-telf tal-istituzzjonijiet, li tibqa’ l-ewwel linja ta’ difiża, bl-użu ta’ fondi tal-SGD f’riżoluzzjoni biex jgħinu fl-aċċess għall-fondi ta’ riżoluzzjoni mingħajr ma jiġi impost telf fuq id-depożitanti, fejn xieraq, soġġett għal kundizzjonijiet u salvagwardji;

·l-emendar tal-klassifikazzjoni tal-pretensjonijiet f’insolvenza u l-iżgurar ta’ preferenza għad-depożitanti ġenerali bi preferenza għad-depożitanti f’livell uniku, bil-għan li jkunu jistgħu jintużaw il-fondi tal-SGD f’miżuri għajr l-iżborż tad-depożiti koperti;

·l-armonizzazzjoni tat-test tal-inqas kost għat-tipi kollha ta’ interventi tal-SGD barra mill-iżborż tad-depożiti koperti f’insolvenza biex jittejbu l-kundizzjonijiet ekwi u tiġi żgurata l-konsistenza tal-eżiti;

·il-kjarifika tal-qafas ta’ intervent bikri billi jitneħħew id-duplikazzjonijiet bejn il-miżuri ta’ intervent bikri u dawk superviżorji, tiġi pprovduta ċ-ċertezza legali dwar il-kundizzjonijiet applikabbli u tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u ta’ riżoluzzjoni;

·l-iżgurar ta’ skattar f’waqtu tar-riżoluzzjoni; u

·it-titjib tal-protezzjoni tad-depożitanti (eż. titjib immirat tad-dispożizzjonijiet tad-DGSD dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni u l-kooperazzjoni transfruntiera, l-armonizzazzjoni tal-għażliet nazzjonali, u t-titjib tat-trasparenza dwar ir-robustezza finanzjarja tal-SGD).

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta tressaq emendi għal-leġiżlazzjoni eżistenti biex tagħmilha konsistenti għal kollox mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji u tal-assigurazzjoni tad-depożiti. Ir-rieżami tal-BRRD/SRMR u tad-DGSD għandu l-għan li jtejjeb il-funzjonament tal-qafas b’mod li jipprovdi l-għodod lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni biex ikunu jistgħu jittrattaw il-falliment ta’ kwalunkwe bank, irrispettivament mid-daqs u mill-mudell tan-negozju, sabiex tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja, jiġu protetti d-depożitanti u jiġi evitat ir-rikors għall-flus tal-kontribwenti.

Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-UE

Il-proposta tibni fuq ir-riformi mwettqa wara l-kriżi finanzjarja li wasslu għall-ħolqien tal-Unjoni Bankarja u l-ġabra unika tar-regoli għall-banek kollha tal-UE.

Il-proposta tgħin biex tissaħħaħ il-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-UE adottata fl-aħħar deċennju biex jitnaqqsu r-riskji fis-settur finanzjarju u biex tiġi żgurata ġestjoni ordnata tal-fallimenti tal-banek. L-għan huwa li s-sistema bankarja ssir aktar robusta u, fl-aħħar mill-aħħar, jiġi promoss il-finanzjament sostenibbli tal-attività ekonomika fl-UE. Hija konsistenti għal kollox mal-għanijiet fundamentali tal-UE li tippromwovi l-istabbiltà finanzjarja, tnaqqas l-appoġġ tal-kontribwenti fir-riżoluzzjoni bankarja u tipproteġi l-fiduċja tad-depożitanti. Dawn l-objettivi jwasslu għal livell għoli ta’ kompetittività u protezzjoni tal-konsumatur.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta temenda direttiva eżistenti, il-BRRD, b’mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni mtejba tal-għodod li huma diġà disponibbli fil-qafas tal-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek, billi tiċċara l-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni, tiffaċilita l-aċċess għax-xbieki ta’ sikurezza f’każ ta’ falliment bankarju, u ttejjeb iċ-ċarezza u l-konsistenza tar-regoli ta’ finanzjament. Billi tistabbilixxi rekwiżiti armonizzati għall-applikazzjoni tal-qafas CMDI għall-banek fis-suq intern, il-proposta tnaqqas b’mod konsiderevoli r-riskju ta’ regoli nazzjonali diverġenti fl-Istati Membri, li jistgħu joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

Konsegwentement, il-bażi ġuridika għall-proposta hija l-istess bħall-bażi ġuridika tal-att leġiżlattiv oriġinali, jiġifieri l-Artikolu 114 tat-TFUE. Dik id-dispożizzjoni tippermetti li jiġu adottati miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li għandhom bħala l-objettiv tagħhom l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-bażi ġuridika taqa’ fil-qasam tas-suq intern, li huwa meqjus bħala kompetenza kondiviża, kif definita mill-Artikolu 4 tat-TFUE. Il-biċċa l-kbira tal-azzjonijiet ikkunsidrati jirrappreżentaw aġġornamenti u emendi għad-dritt tal-Unjoni eżistenti u, bħala tali, jikkonċernaw oqsma fejn l-UE diġà eżerċitat il-kompetenza tagħha u ma għandhiex l-intenzjoni li tieqaf teżerċita tali kompetenza.

Minħabba li l-objettivi segwiti mill-miżuri proposti għandhom l-għan li jissupplimentaw il-leġiżlazzjoni diġà eżistenti tal-UE, huma jistgħu jintlaħqu l-aħjar fil-livell tal-UE aktar milli b’inizjattivi nazzjonali differenti. B’mod partikolari, il-bażi loġika għal reġim ta’ riżoluzzjoni speċifiku u armonizzat tal-UE għall-banek kollha fl-UE ġiet stabbilita fil-bidu tal-qafas fl-2014. Il-karatteristiċi ewlenin tiegħu jirriflettu l-gwida internazzjonali u l-“Attributi Ewlenin tar-Reġimi Effettivi ta’ Riżoluzzjoni għall-Istituzzjonijiet Finanzjarji” adottati mill-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja wara l-kriżi finanzjarja globali tal-2008.

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà huwa inkorporat fil-qafas ta’ riżoluzzjoni eżistenti. L-objettivi tiegħu, jiġifieri l-armonizzazzjoni tar-regoli u l-proċessi għar-riżoluzzjoni, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri. Minflok, minħabba l-effetti ta’ falliment ta’ kwalunkwe istituzzjoni fl-UE kollha, dawn jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-UE permezz ta’ azzjoni tal-UE.

L-intenzjoni tal-qafas ta’ riżoluzzjoni eżistenti minn dejjem kienet li jipprovdi sett ta’ għodod komuni biex jittratta b’mod effettiv kwalunkwe falliment bankarju, irrispettivament mid-daqs, il-mudell tan-negozju jew il-post tiegħu, b’mod ordnat, fejn dan ikun meħtieġ biex tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja tal-UE, tal-Istat Membru jew tar-reġjun li fih jopera, u biex jipproteġi lid-depożitanti mingħajr ma jiddependi fuq il-fondi pubbliċi.

Il-proposta temenda ċerti dispożizzjonijiet tal-BRRD biex ittejjeb il-qafas eżistenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni tiegħu għal banek iżgħar u ta’ daqs medju, minħabba li altrimenti ma jilħaqx l-objettivi tiegħu.

Ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja, għall-fiduċja tad-depożitanti jew għall-użu tal-finanzi pubbliċi fi Stat Membru wieħed jista’ jkollhom impatti estensivi fuq bażi transfruntiera u, fl-aħħar mill-aħħar, jistgħu jikkontribwixxu għal frammentazzjoni tas-suq uniku. In-nuqqas ta’ azzjoni fil-livell tal-UE għal banek inqas sinifikanti u l-esklużjoni perċepita tagħhom minn xibka ta’ sikurezza mutwalizzata potenzjalment jaffettwaw ukoll il-kapaċità tagħhom li jaċċessaw is-swieq u jattiraw id-depożitanti meta mqabbla ma’ banek sinifikanti. Barra minn hekk, is-soluzzjonijiet nazzjonali biex jiġu indirizzati l-fallimenti tal-banek jaggravaw ir-rabta bejn il-banek u s-sovrani u jimminaw l-idea wara l-Unjoni Bankarja li tiġi introdotta bidla fundamentali minn salvataġġ għal rikapitalizzazzjoni interna.

L-azzjoni fil-livell tal-UE għar-riforma tal-qafas ta’ riżoluzzjoni mhux se tippreskrivi l-istrateġija li għandha tittieħed meta l-banek ifallu. L-għażla bejn strateġija/għodda ta’ riżoluzzjoni armonizzata tal-UE u l-istrateġija nazzjonali ta’ likwidazzjoni se tibqa’ fid-diskrezzjoni tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni abbażi tal-valutazzjoni tal-interess pubbliku. Din hija mfassla għal kull każ ta’ falliment speċifiku u mhux awtomatikament xprunata minn kunsiderazzjonijiet bħad-daqs tal-bank, l-ilħuq ġeografiku tal-attivitajiet tiegħu u l-istruttura tas-settur bankarju. Fil-prattika, dan jagħmel il-valutazzjoni tal-interess pubbliku t-test tas-sussidjarjetà fl-UE.

B’hekk, filwaqt li jeħtieġ li tintuża bażi ta’ każ b’każ biex jiġi vvalutat jekk bank jgħaddix minn riżoluzzjoni jew le, huwa kruċjali li tiġi ppreservata l-possibbiltà għall-banek kollha li jgħaddu minn riżoluzzjoni u li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom l-inċentivi xierqa biex jagħżlu riżoluzzjoni, minħabba n-natura potenzjalment sistemika tal-istituzzjonijiet kollha, kif diġà previst fil-BRRD.

L-Istati Membri xorta jistgħu jikkunsidraw il-likwidazzjoni għall-banek iżgħar jew ta’ daqs medju taħt il-qafas riformat. F’dan ir-rigward, ir-reġimi nazzjonali ta’ insolvenza (li ma humiex armonizzati) jibqgħu fis-seħħ meta proċedura ta’ insolvenza titqies bħala alternattiva aħjar għar-riżoluzzjoni. Il-kontinwità tal-għodod tiġi ppreservata b’dan il-mod, inklużi dawk barra r-riżoluzzjoni, bħal: miżuri preventivi u ta’ prekawzjoni; għodod ta’ riżoluzzjoni; miżuri alternattivi fi ħdan il-proċedimenti nazzjonali ta’ insolvenza u l-iżborż tad-depożiti koperti f’każ ta’ likwidazzjoni frammentata.

Għalhekk, l-emendar tal-BRRD jitqies bħala l-aħjar għażla. Dan joħloq il-bilanċ xieraq bejn l-armonizzazzjoni tar-regoli u ż-żamma tal-flessibbiltà nazzjonali, fejn rilevanti. L-emendi jkomplu jippromwovu applikazzjoni uniformi tal-qafas ta’ riżoluzzjoni u l-konverġenza ta’ prattiki tal-awtoritajiet superviżorji u ta’ riżoluzzjoni, kif ukoll jiżguraw kundizzjonijiet ekwi fi ħdan is-suq intern għas-servizzi bankarji. Dan huwa partikolarment importanti fis-settur bankarju fejn ħafna istituzzjonijiet joperaw madwar is-suq intern tal-UE. Ir-regoli nazzjonali ma jilħqux dawn l-objettivi.

Proporzjonalità

Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-UE ma għandhomx jaqbżu dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-objettivi tagħha, b’mod konsistenti mal-objettivi ġenerali tat-Trattati.

Il-proporzjonalità kienet parti integrali mill-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta. L-emendi proposti ġew ivvalutati individwalment mal-objettiv tal-proporzjonalità. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ proporzjonalità tar-regoli eżistenti ġie vvalutat f’diversi oqsma u ġew analizzati għażliet speċifiċi li għandhom l-għan li jnaqqsu l-piż amministrattiv u tal-kostijiet ta’ konformità għal istituzzjonijiet iżgħar, b’mod partikolari billi jneħħu l-obbligu li jiġi ddeterminat ir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (MREL) għal ċerti tipi ta’ entitajiet.

Il-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-arranġamenti ta’ finanzjament tar-riżoluzzjoni taħt il-qafas attwali ma jqisux biżżejjed id-distinzjonijiet għar-raġunijiet ta’ proporzjonalità abbażi tal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni, tad-daqs u/jew tal-mudell tan-negozju. Il-kapaċità tal-banek li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-aċċess għall-arranġament ta’ finanzjament tar-riżoluzzjoni tiddependi fuq l-istokk ta’ strumenti b’kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna disponibbli fil-karti bilanċjali tagħhom fiż-żmien tal-intervent. Madankollu, l-evidenza tissuġġerixxi li xi banek (iżgħar u ta’ daqs medju) f’ċerti swieq jiffaċċjaw diffikultajiet strutturali biex jibnu l-MREL. Għal dawk il-banek, meta titqies l-istruttura ta’ responsabbiltà speċifika tagħhom (b’mod partikolari dawk li jiddependu b’mod sinifikanti fuq il-finanzjament tad-depożiti), ċerti depożiti jkollhom bżonn li jingħataw rikapitalizzazzjoni interna sabiex jaċċessaw l-arranġament ta’ finanzjament tar-riżoluzzjoni, li jista’ jqajjem tħassib dwar l-istabbiltà finanzjarja u l-fattibbiltà operattiva meta jitqies l-impatt ekonomiku u soċjali f’diversi Stati Membri. L-emendi proposti (eż. regoli ċari dwar l-adattament tal-MREL għall-istrateġiji ta’ riżoluzzjoni ta’ trasferiment, l-introduzzjoni ta’ preferenza għad-depożitanti f’livell uniku u l-fatt li l-fondi tal-SGD jitħallew inaqqsu d-distakk għall-aċċess għall-arranġament ta’ finanzjament tar-riżoluzzjoni) itejbu l-aċċess għall-finanzjament f’riżoluzzjoni. Huma jintroduċu wkoll aktar proporzjonalità għall-banek li jiġu riżolti taħt strateġiji ta’ trasferiment, billi jippermettu l-protezzjoni tad-depożiti minn rikapitalizzazzjoni interna, fejn xieraq, u jindirizzaw b’mod effettiv il-problema tal-finanzjament tar-riżoluzzjoni mingħajr ma jdgħajfu l-kundizzjonijiet minimi ta’ rikapitalizzazzjoni interna għall-aċċess għall-arranġament ta’ finanzjament tar-riżoluzzjoni.

Għażla tal-istrument

Huwa propost li l-miżuri jiġu implimentati billi tiġi emendata l-BRRD permezz ta’ direttiva. Il-miżuri proposti jirreferu għal jew jiżviluppaw aktar id-dispożizzjonijiet diġà eżistenti inkorporati f’dan l-istrument legali.

Uħud mill-emendi proposti, pereżempju dawk li jaffettwaw il-ħruġ mis-suq wara valutazzjoni negattiva tal-interess pubbliku, iħallu lill-Istati Membri b’livell suffiċjenti ta’ flessibbiltà, fl-istadju tat-traspożizzjoni tagħhom fil-liġi nazzjonali, sabiex iżommu regoli nazzjonali differenti dwar l-istralċ.

3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-qafas CMDI tfassal biex jevita u jimmaniġġa l-falliment tal-istituzzjonijiet ta’ kwalunkwe daqs jew mudell ta’ negozju. Huwa ġie żviluppat bl-objettivi li tinżamm l-istabbiltà finanzjarja, jiġu protetti d-depożitanti, jitnaqqas kemm jista’ jkun l-użu tal-appoġġ pubbliku, jiġi limitat il-periklu morali, u jittejjeb is-suq intern għas-servizzi finanzjarji. L-evalwazzjoni kkonkludiet li, b’mod ġenerali, il-qafas CMDI għandu jittejjeb f’ċerti aspetti, bħal protezzjoni aħjar tal-flus tal-kontribwenti.

B’mod partikolari, l-evalwazzjoni turi li ċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà fil-ġestjoni tal-fallimenti tal-banek għadhom insuffiċjenti. Id-deċiżjoni tal-awtoritajiet pubbliċi dwar jekk għandhomx jirrikorru għal riżoluzzjoni jew insolvenza tista’ tvarja b’mod konsiderevoli fost l-Istati Membri. Barra minn hekk, ix-xbieki ta’ sikurezza ffinanzjati mill-industrija mhux dejjem ikunu effettivi u jippersistu kundizzjonijiet ta’ aċċess diverġenti għall-finanzjament fir-riżoluzzjoni u barra r-riżoluzzjoni. Dawn jaffettwaw l-inċentivi u joħolqu opportunitajiet għall-arbitraġġ meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar liema għodda għall-immaniġġar tal-kriżijiet għandha tintuża. Fl-aħħar nett, il-protezzjoni tad-depożitanti għadha irregolari u inkonsistenti madwar l-Istati Membri f’għadd ta’ oqsma.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-Kummissjoni wettqet skambji estensivi permezz ta’ għodod ta’ konsultazzjoni differenti biex tilħaq lill-partijiet ikkonċernati kollha involuti, sabiex tifhem aħjar kif iffunzjona l-qafas, kif ukoll il-kamp ta’ applikazzjoni possibbli għal titjib.

Fl-2020, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni dwar valutazzjoni tal-impatt tal-bidu kkombinata u pjan direzzjonali mmirat biex jipprovdi analiżi dettaljata tal-azzjonijiet li għandhom jittieħdu fil-livell tal-UE u l-impatt potenzjali ta’ għażliet ta’ politika differenti fuq l-ekonomija, is-soċjetà u l-ambjent.

Fl-2021, il-Kummissjoni nediet żewġ konsultazzjonijiet: konsultazzjoni mmirata u pubblika biex tfittex feedback mill-partijiet ikkonċernati dwar kif ġie applikat il-qafas CMDI u fehmiet dwar modifiki possibbli. Il-konsultazzjoni mmirata, li tinkludi 39 mistoqsija teknika ġenerali u speċifika, kienet disponibbli bl-Ingliż biss u miftuħa mis-26 ta’ Jannar sal-20 ta’ April 2021. Il-konsultazzjoni pubblika kienet tikkonsisti f’10 mistoqsijiet ġenerali, disponibbli bil-lingwi kollha tal-UE u damet għaddejja matul il-perjodu ta’ feedback mill-25 ta’ Frar sal-20 ta’ Mejju 2021.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ospitat konferenza ta’ livell għoli fit-18 ta’ Marzu 2021, li laqqgħet rappreżentanti mill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha. Il-konferenza kkonfermat l-importanza ta’ qafas effettiv, iżda enfasizzat ukoll id-dgħufijiet attwali.

Il-persunal tal-Kummissjoni kkonsulta wkoll ripetutament lill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni mill-UE tal-qafas CMDI u dwar ir-reviżjonijiet possibbli tal-BRRD/SRMR u tad-DGSD fil-kuntest tal-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar is-Settur Bankarju, il-Pagamenti u l-Assigurazzjoni. B’mod parallel mad-diskussjonijiet fil-Grupp ta’ Esperti, il-kwistjonijiet indirizzati f’din il-proposta kienu koperti wkoll f’laqgħat tal-korpi preparatorji tal-Kunsill, jiġifieri l-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni Bankarja u l-Grupp ta’ Ħidma ta’ Livell Għoli dwar l-EDIS.

Barra minn hekk, matul il-fażi preparatorja tal-leġiżlazzjoni, il-persunal tal-Kummissjoni kellu wkoll bosta laqgħat (fiżiċi u virtwali) ma’ rappreżentanti tal-industrija bankarja u ma’ partijiet ikkonċernati oħrajn.

Ir-riżultati tal-inizjattivi kollha msemmija hawn fuq iddaħħlu fit-tħejjija ta’ din il-proposta u tal-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanjaha. Huma pprovdew evidenza ċara tal-ħtieġa li jiġu aġġornati u kompluti r-regoli attwali sabiex jintlaħqu bl-aħjar mod l-objettivi tal-qafas. L-Anness 2 tal-valutazzjoni tal-impatt jipprovdi s-sommarji ta’ dawn il-konsultazzjonijiet u tal-konferenza pubblika.

Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

Il-Kummissjoni ħarġet sejħa għal parir lill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) dwar il-finanzjament fl-insolvenza u fir-riżoluzzjoni. Il-Kummissjoni fittxet parir tekniku mmirat biex: (i) tivvaluta d-diffikultà rrapportata għal xi banek iżgħar u ta’ daqs medju biex joħorġu strumenti finanzjarji suffiċjenti li jassorbu t-telf; (ii) teżamina r-rekwiżiti attwali għall-aċċess għas-sorsi ta’ finanzjament disponibbli fil-qafas attwali; u (iii) tivvaluta l-impatti kwantitattivi ta’ diversi għażliet ta’ politika possibbli fil-qasam tal-finanzjament fir-riżoluzzjoni u fl-insolvenza u l-effettività tagħhom sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ politika. L-EBA wieġbet f’Ottubru 2021 17 .

Il-Kummissjoni bbenefikat ukoll mill-opinjoni pprovduta mill-Pjattaforma Fit for Future f’Diċembru 2021. L-opinjoni enfasizzat il-ħtieġa li l-qafas CMDI jiġi adattat għall-iskop tiegħu għall-banek kollha, b’mod proporzjonat, filwaqt li jitqies l-impatt potenzjali fuq il-fiduċja tad-depożitanti u fuq l-istabbiltà finanzjarja.

Valutazzjoni tal-impatt 18

Il-proposta kienet soġġetta għal valutazzjoni tal-impatt estensiva li tqis il-feedback li wasal mill-partijiet ikkonċernati u l-ħtieġa li jiġu indirizzati diversi kwistjonijiet interkonnessi li jkopru tliet testi legali differenti.

Il-valutazzjoni tal-impatt qieset firxa ta’ għażliet ta’ politika biex jiġu indirizzati l-problemi identifikati fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-qafas tal-ġestjoni tal-kriżijiet u tal-assigurazzjoni tad-depożiti. Minħabba r-rabtiet qawwija bejn is-sett ta’ għodod għall-ġestjoni tal-kriżijiet u l-finanzjament tiegħu, il-valutazzjoni tal-impatt ikkunsidrat pakketti ta’ għażliet ta’ politika li jiġbru flimkien il-karatteristiċi rilevanti tad-disinn tal-qafas CMDI biex jiġi żgurat approċċ komprensiv u konsistenti. Xi bidliet proposti – relatati ma’ miżuri ta’ intervent bikri, l-iskattaturi biex jiġi ddeterminat jekk bank huwiex qed ifalli jew aktarx li jfalli, u l-armonizzazzjoni ta’ ċerti karatteristiċi tad-DGSD – huma komuni fil-pakketti ta’ għażliet ikkunsidrati.

Il-pakketti ta’ għażliet differenti huma primarjament iffokati fuq l-analiżi tal-ispettru tal-possibbiltajiet biex jitwessa’ b’mod kredibbli u effettiv il-kamp ta’ applikazzjoni tar-riżoluzzjoni bħala funzjoni tal-livell ta’ ambizzjoni sabiex il-finanzjament isir aktar aċċessibbli. B’mod partikolari, l-għażliet ta’ politika jikkunsidraw li jiffaċilitaw l-użu tal-fondi tal-SGD f’riżoluzzjoni, inkluż li jservu bħala pont, taħt is-salvagwardja tat-test tal-inqas kost, sabiex tittejjeb il-proporzjonalità fl-aċċess għall-arranġamenti ta’ finanzjament tar-riżoluzzjoni għall-banek, b’mod partikolari banek iżgħar u ta’ daqs medju, li jkunu soġġetti għal strateġiji ta’ trasferiment mal-ħruġ mis-suq. Barra minn hekk, l-għażliet ta’ politika jesploraw il-possibbiltà li l-fondi tal-SGD jintużaw b’mod aktar effettiv u effiċjenti taħt test armonizzat tal-inqas kost għal miżuri għajr l-iżborż tad-depożiti koperti, li jfittxu li jtejbu l-kompatibbiltà tal-inċentivi għall-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni meta jiġu biex jagħżlu l-aktar għodda xierqa għall-immaniġġar ta’ kriżi. L-isfruttar tal-fondi tal-SGD għal miżuri għajr l-iżborż tad-depożiti koperti jiddependi minn fejn l-SGD tikklassifika fil-ġerarkija tal-pretensjonijiet. Għalhekk, l-għażliet ta’ politika jesploraw ukoll xenarji differenti ta’ armonizzazzjoni tal-preferenza għad-depożitanti.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-valutazzjoni tal-impatt tesplora tliet pakketti possibbli ta’ għażliet ta’ politika li jwasslu eżiti b’meded differenti ta’ ambizzjoni. Kull pakkett jagħmel ħiltu biex joħloq qafas ibbażat fuq l-inċentivi, billi jinkoraġġixxi l-applikazzjoni ta’ għodod ta’ riżoluzzjoni b’mod aktar konsistenti, iżid iċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà, iwassal għal kundizzjonijiet ekwi, u jiffaċilita l-aċċess għal xbieki ta’ sikurezza komuni, dan kollu filwaqt li jżomm xi alternattivi barra mir-riżoluzzjoni taħt proċeduri nazzjonali ta’ insolvenza. Madankollu, mid-disinn, il-pakketti ta’ għażliet jilħqu dawn l-objettivi b’mod varjabbli u l-fattibbiltà politika tagħhom tvarja.

L-għażla ppreferuta tipprevedi titjib ambizzjuż fl-ekwazzjoni tal-finanzjament, li jiftaħ il-possibbiltà li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-riżoluzzjoni jitwessa’ sostanzjalment biex jinkludi aktar banek iżgħar u ta’ daqs medju u allinjament aħjar tal-inċentivi għad-deċiżjoni dwar l-aħjar għodda għall-kriżi għal dawn l-istituzzjonijiet. Din tqieset aktar effettiva, effiċjenti u koerenti sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-qafas meta mqabbla ma’ għażliet oħrajn, inkluża l-linja bażi fejn ma tittieħed l-ebda azzjoni. B’mod partikolari, it-tneħħija tas-superpreferenza għall-SGD ġiet identifikata bħala l-aktar mezz effettiv biex jiġi żgurat li l-fondi tal-SGD jistgħu jintużaw f’riżoluzzjoni. L-eżistenza ta’ superpreferenza għall-pretensjonijiet tal-SGD hija r-raġuni ewlenija għaliex il-fondi tal-SGD kważi qatt ma jistgħu jintużaw barra mill-iżborż tad-depożiti koperti f’insolvenza minħabba l-impatt li għandha fuq l-eżitu tat-test tal-inqas kost (LCT) li jipprivileġġa żborż. Madankollu, instab li s-superpreferenza tispiċċa tipproteġi l-mezzi finanzjarji tal-SGD u s-settur bankarju minn rikostituzzjoni possibbli billi xxekkel kwalunkwe intervent tal-SGD f’riżoluzzjoni, mingħajr ma ġġib protezzjoni aħjar għad-depożiti koperti. Għalhekk, it-tneħħija tas-superpreferenza tal-SGD hija meħtieġa biex jiġi indirizzat l-eżitu eżistenti tal-valutazzjoni tal-LCT li huwa żbilanċjat favur l-iżborż u biex jiġi pprovdut finanzjament adegwat f’riżoluzzjoni sabiex ir-riżoluzzjoni ta’ banek iżgħar u ta’ daqs medju permezz ta’ trasferiment tan-negozju u l-ħruġ mis-suq tal-bank fallut issir fattibbli.

Il-valutazzjoni tal-impatt inkludiet ukoll għażla oħra li tikkonsisti f’riforma ambizzjuża tal-qafas CMDI, inkluża l-EDIS, fil-forma ta’ mudell intermedju u ibridu, differenti mill-proposta tal-Kummissjoni tal-2015. Din l-għażla tirrikonoxxi l-importanza li tiġi stabbilita sistema komuni ta’ assigurazzjoni tad-depożiti għar-robustezza tal-qafas u t-tlestija tal-Unjoni Bankarja; madankollu, f’dan l-istadju hija ġiet ivvalutata bħala politikament mhux fattibbli.

Il-proposta tkun tinvolvi kostijiet għall-awtoritajiet u għal ċerti banek, skont sa liema punt ir-riżoluzzjoni tiġi estiża abbażi ta’ valutazzjonijiet tal-interess pubbliku każ b’każ u ċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull każ. L-użu tal-fondi tal-SGD u tal-RF/SRF ikun aktar kosteffiċjenti f’termini tal-mezzi finanzjarji meħtieġa li għandhom jintużaw, madankollu jista’ jwassal ukoll għal ħtiġijiet ta’ rikostituzzjoni permezz ta’ kontribuzzjonijiet mill-industrija. B’mod ġenerali, il-kostijiet għall-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u għall-banek, madankollu, jiġu kkumpensati mill-benefiċċji ta’ tħejjija mtejba għal spettru akbar ta’ banek, inċentivi ċċarati meta jiġi deċiż liema għodod għall-kriżi għandhom jintużaw, rikors imnaqqas għall-fondi tal-kontribwenti, u żieda fl-istabbiltà finanzjarja u fil-fiduċja tad-depożitanti, kollha bis-saħħa ta’ regoli aktar ċari u aċċess għal xbieki ta’ sikurezza ffinanzjati mill-industrija. Għall-konsumaturi u għall-pubbliku, il-kostijiet għandhom ikunu limitati u megħluba b’mod ċar mill-benefiċċji, b’mod partikolari permezz ta’ żieda fil-protezzjoni tad-depożitanti, fl-istabbiltà finanzjarja u fl-użu mnaqqas tal-flus tal-kontribwenti.

Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju approva l-valutazzjoni tal-impatt wara l-ewwel opinjoni negattiva. Sabiex jiġu indirizzati l-kummenti mqajma mill-Bord, il-valutazzjoni tal-impatt ġiet estiża biex tinkludi spjegazzjonijiet addizzjonali dwar: (i) in-natura tal-problemi li r-rieżami għandu l-għan li jindirizza u l-merti ġenerali tar-riżoluzzjoni meta mqabbla mal-proċedimenti ta’ insolvenza biex jiġu protetti l-istabbiltà finanzjarja u l-fiduċja tad-depożitanti u jiġi mminimizzat ir-rikors għall-flus tal-kontribwenti; (ii) kjarifiki dwar kif ir-riforma tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà; u (iii) dettalji addizzjonali dwar aspetti oħrajn bħall-konsistenza mar-rieżami tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, l-interazzjoni mal-proposta tal-Kummissjoni tal-2015 dwar l-EDIS, kif tqies il-parir tal-EBA jew il-kundizzjonijiet li fihom l-SGD tista’ tintervjeni f’riżoluzzjoni.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Ir-rieżami huwa primarjament iffokat fuq l-istabbiliment u l-funzjonament ġenerali tal-qafas tal-immaniġġar tal-kriżijiet u tal-assigurazzjoni tad-depożiti, b’attenzjoni partikolari mogħtija lill-banek iżgħar u ta’ daqs medju u trattament aktar ugwali tad-depożitanti. Ir-riforma proposta hija mistennija li ġġib benefiċċji fir-rigward tal-effettività tal-qafas u ċ-ċarezza legali.

Ir-riforma hija newtrali għat-teknoloġija u ma għandhiex impatt fuq il-prontezza diġitali.

Drittijiet fundamentali

L-UE hija impenjata li tilħaq standards għoljin ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u hija firmatarja għal sett wiesa’ ta’ konvenzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem. F’dan il-kuntest, il-proposta tikkonforma ma’ dawn id-drittijiet, kif elenkati fil-konvenzjonijiet ewlenin tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li hija parti integrali mit-Trattati tal-UE, u fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Il-proposta tirrikjedi li l-Istati Membri jittrasponu l-emendi għall-BRRD fil-liġijiet nazzjonali tagħhom fi żmien 18-il xahar mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva emendatorja.

Il-proposta tinkludi rekwiżiti għall-EBA biex toħroġ standards b’rabta ma’ ċerti dispożizzjonijiet tal-qafas u biex tirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni effettiva tagħha, eż. b’rabta mal-valutazzjonijiet tar-riżolvibbiltà mwettqa mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jew it-tħejjija għall-eżekuzzjoni tar-riżoluzzjoni.

Il-leġiżlazzjoni se tkun soġġetta għal evalwazzjoni 5 snin wara l-iskadenza tal-implimentazzjoni tagħha sabiex jiġi vvalutat kemm kienet effettiva u effiċjenti f’termini tal-ilħuq tal-objettivi tagħha u biex jiġi deċiż jekk humiex meħtieġa miżuri jew emendi ġodda.

6.SPJEGAZZJONI FID-DETTALL TAD-DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI TAL-PROPOSTA

Miżuri ta’ intervent bikri u tħejjija għar-riżoluzzjoni

Il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ intervent bikri, inkluża t-tneħħija tal-ġestjoni u l-ħatra ta’ maniġers temporanji, huma emendati biex titneħħa l-ambigwità u biex l-awtoritajiet kompetenti jingħataw iċ-ċertezza legali meħtieġa. L-Artikoli 27(1), 28 u 29(1) huma emendati biex jistabbilixxu li jistgħu jintużaw miżuri ta’ intervent bikri meta l-kundizzjonijiet għall-miżuri superviżorji skont is-CRD jew id-Direttiva (UE) 2019/2034 19 (id-Direttiva dwar id-Ditti tal-Investiment jew l-IFD) ikunu ġew issodisfati, iżda dawk il-miżuri ma tteħdux mill-istituzzjoni jew jitqiesu insuffiċjenti biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet identifikati. L-iskattaturi eżistenti mhux koperti mis-CRD jew mill-IFD huma ppreservati. Fl-istess ħin, jitneħħa s-sekwenzjar intern bejn il-miżuri ta’ intervent bikri, it-tneħħija tal-maniġers u l-ħatra ta’ maniġers temporanji – skont il-proposta, dawn kollha huma soġġetti għall-istess skattaturi, iżda l-awtoritajiet kompetenti huma meħtieġa li jsegwu l-prinċipju tal-proporzjonalità meta jagħżlu l-aktar miżura xierqa għal kull ċirkostanza. Jinżamm il-mandat tal-EBA għal linji gwida li jippromwovu l-applikazzjoni konsistenti tal-iskattaturi.

Il-miżuri ta’ intervent bikri elenkati fl-Artikolu 27 tal-BRRD li kienu jikkoinċidu mas-setgħat superviżorji disponibbli skont l-Artikolu 104 tas-CRD jew l-Artikolu 49 tal-IFD (dwar l-eżami tas-sitwazzjoni finanzjarja mill-korp maniġerjali, it-tneħħija ta’ maniġers li ma għadhomx jissodisfaw il-kriterji ta’ adegwatezza, il-bidliet fl-istrateġija tan-negozju u fl-istruttura operazzjonali tal-istituzzjoni) jitneħħew mill-BRRD u jinżammu biss fis-CRD jew fl-IFD. Dan għandu jindirizza l-isfidi prattiċi u amministrattivi osservati mill-awtoritajiet kompetenti fl-applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri li jikkoinċidu.

Sabiex jiġu estiżi d-dispożizzjonijiet limitati fil-BRRD li jeħtieġu kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u ta’ riżoluzzjoni meta s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ bank tibda tiddeterjora, Artikolu 30a ġdid jagħti dettalji dwar l-interazzjonijiet u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet kompetenti u ta’ riżoluzzjoni fit-tħejjija għar-riżoluzzjoni. L-awtorità kompetenti hija meħtieġa tinnotifika lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni meta tadotta ċerti miżuri superviżorji skont is-CRD jew l-IFD (b’mod partikolari dawk li qabel kienu jikkoinċidu ma’ miżuri ta’ intervent bikri), meta hija tikkunsidra li l-kundizzjonijiet għal intervent bikri huma ssodisfati u meta hija fil-fatt tapplika miżuri ta’ intervent bikri. L-awtoritajiet kompetenti f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jimmonitorjaw is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjoni u l-konformità tagħha ma’ kwalunkwe miżura imposta. Fl-istess ħin, l-awtorità kompetenti trid tipprovdi lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni l-informazzjoni kollha meħtieġa għat-tħejjija għar-riżoluzzjoni, jew tirrikjedi li l-istituzzjoni nnifisha tipprovdiha. Huwa ċċarat ukoll li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha s-setgħa li tikkummerċjalizza jew tagħmel arranġamenti għall-kummerċjalizzazzjoni tal-istituzzjoni u li titlob il-ħolqien ta’ kamra tad-data virtwali mingħajr ma tkun dipendenti fuq l-applikazzjoni minn qabel ta’ miżuri ta’ intervent bikri. L-awtoritajiet kompetenti u ta’ riżoluzzjoni huma meħtieġa jikkooperaw mill-qrib meta jikkunsidraw li jieħdu kwalunkwe azzjoni ta’ intervent bikri jew ta’ tħejjija għar-riżoluzzjoni biex jiżguraw il-konsistenza u l-effettività.

Twissija bikrija ta’ falliment jew probabbiltà ta’ falliment

L-Artikolu 30A jinkludi obbligu għall-awtorità kompetenti li tinnotifika kmieni biżżejjed lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni hekk kif tqis li hemm riskju materjali li istituzzjoni jew entità tissodisfa l-kundizzjonijiet biex tiġi vvalutata bħala li qed tfalli jew li x’aktarx tfalli, kif stabbilit fl-Artikolu 32(4). Din in-notifika għandha tinkludi r-raġunijiet għall-valutazzjoni tal-awtorità kompetenti, kif ukoll ħarsa ġenerali lejn is-soluzzjonijiet alternattivi li jistgħu jipprevjenu l-falliment tal-istituzzjoni jew tal-entità kkonċernata f’perjodu ta’ żmien raġonevoli.

B’rikonoxximent tar-rwol kritiku li għandu ż-żmien tal-azzjoni ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tal-preservazzjoni kemm jista’ jkun tal-livelli ta’ kapital, MREL u likwidità tal-istituzzjoni jew tal-entità u, b’mod aktar ġenerali, biex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet meħtieġa jkunu fis-seħħ sabiex l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tkun tista’ teżegwixxi b’suċċess l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni mħejjija għal kull istituzzjoni jew entità, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tingħata s-setgħa li tivvaluta, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtorità kompetenti, dak li hija tqis li huwa perjodu ta’ żmien raġonevoli bl-iskop li jiġu mfittxija soluzzjonijiet ta’ natura privata jew amministrattiva, li kapaċi jipprevjenu l-falliment. Matul dan il-perjodu ta’ twissija bikrija, l-awtorità kompetenti għandha tkompli teżerċita l-kompetenzi tagħha, filwaqt li tikkollega mal-awtorità ta’ riżoluzzjoni f’konformità mal-Artikolu 30a. L-awtorità kompetenti u l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandhom jimmonitorjaw, b’kooperazzjoni mill-qrib, l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tal-istituzzjoni jew tal-entità u l-implimentazzjoni ta’ miżuri alternattivi. F’dan il-kuntest, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni u l-awtorità kompetenti għandhom jiltaqgħu regolarment, bi frekwenza stabbilita mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni.

Jekk ma tinstab jew ma tiġi implimentata l-ebda miżura alternattiva xierqa li tevita l-falliment f’dan il-perjodu ta’ żmien, l-awtorità kompetenti għandha tivvaluta jekk l-istituzzjoni jew l-entità tkunx qed tfalli jew x’aktarx tfalli. Meta l-awtorità kompetenti tikkonkludi li l-istituzzjoni jew l-entità qed tfalli jew x’aktarx tfalli, hija għandha tikkomunika dan b’mod formali lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 32(1) u (2). L-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ wkoll tagħmel din il-valutazzjoni hija stess, fejn l-Istat Membru jkun eżerċita l-għażla nazzjonali prevista fl-Artikolu 32(2). L-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha mbagħad tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni humiex issodisfati. Meta l-valutazzjoni tal-interess pubbliku tirriżulta fil-ħtieġa li tiġi riżolta l-istituzzjoni jew l-entità, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha sussegwentement tadotta deċiżjoni li tieħu azzjoni ta’ riżoluzzjoni. Dan huwa konformi mal-każistika reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE relatata ma’ każ li qed iseħħ fl-Unjoni Bankarja, li skontha l-valutazzjoni tal-BĊE hija miżura preparatorja mfassla biex tippermetti lill-SRB jieħu deċiżjoni rigward ir-riżoluzzjoni ta’ bank. Il-Qorti ddikjarat ukoll li l-SRB għandu s-setgħa esklussiva li jivvaluta l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni, soġġett għall-approvazzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni mill-Kummissjoni u, fejn applikabbli, in-nuqqas ta’ oġġezzjoni mill-Kunsill 20 .

Valutazzjoni tal-interess pubbliku

Il-qafas CMDI tfassal biex jevita u jimmaniġġa l-falliment tal-istituzzjonijiet ta’ kwalunkwe daqs, filwaqt li jipproteġi lid-depożitanti u lill-kontribwenti. Meta bank jitqies li qed ifalli jew li x’aktarx ifalli u jkun hemm interess pubbliku li dan jiġi riżolt, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni se jintervjenu billi jużaw l-għodod u s-setgħat mogħtija mill-BRRD fin-nuqqas ta’ soluzzjoni privata. Fin-nuqqas ta’ interess pubbliku għar-riżoluzzjoni, il-falliment ta’ bank għandu jiġi ttrattat permezz ta’ proċedimenti nazzjonali ta’ stralċ b’mod ordnat imwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali, potenzjalment b’finanzjament mill-SGD jew sorsi ta’ finanzjament oħrajn, kif xieraq.

Essenzjalment, il-valutazzjoni tal-interess pubbliku (PIA) tqabbel ir-riżoluzzjoni mal-insolvenza, b’mod partikolari billi tivvaluta kif kull xenarju jilħaq l-objettivi ta’ riżoluzzjoni. L-objettivi tar-riżoluzzjoni li fl-isfond tagħhom issir il-valutazzjoni jinkludu: (i) l-impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja (kriżi mifruxa ħafna tista’ tirriżulta f’eżitu differenti tal-PIA minn falliment idjosinkratiku); (ii) il-valutazzjoni tal-impatt fuq il-funzjonijiet kritiċi tal-bank; u (iii) il-ħtieġa li jiġi limitat l-użu ta’ appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju. Taħt il-qafas attwali, ir-riżoluzzjoni tista’ tintgħażel biss meta l-insolvenza ma tippermettix li jintlaħqu l-objettivi ta’ riżoluzzjoni bl-istess mod.

Il-BRRD u l-SRMR iħallu marġni ta’ diskrezzjoni lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni meta jwettqu l-PIA, li jwassal għal applikazzjonijiet u interpretazzjonijiet diverġenti li mhux dejjem ikunu jirriflettu bis-sħiħ il-loġika u l-intenzjoni tal-leġiżlazzjoni. F’xi każijiet, b’mod partikolari fi ħdan l-Unjoni Bankarja, il-PIA ġiet applikata b’mod pjuttost restrittiv.

Sabiex jiġu mminimizzati d-diverġenzi u titwessa’ l-applikazzjoni tal-PIA, jiġifieri jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tar-riżoluzzjoni, il-proposta tinkludi l-emendi leġiżlattivi li ġejjin:

Emendi għall-objettivi tar-riżoluzzjoni

Id-definizzjoni attwali ta’ “funzjonijiet kritiċi” ma tinkludix referenza espliċita għall-impatt tat-tfixkil tagħhom fuq l-ekonomija reali u l-istabbiltà finanzjarja f’livell reġjonali, li twassal għal interpretazzjoni possibbli li l-funzjonijiet jistgħu jitqiesu kritiċi biss meta t-twaqqif tagħhom ikollha impatti f’livell nazzjonali. Sabiex tiġi evitata interpretazzjoni diverġenti, fid-definizzjoni ta’ “funzjonijiet kritiċi”, tiżdied referenza għal-“livell nazzjonali jew reġjonali” tal-impatt tat-tfixkil tad-diskontinwità tagħhom fuq l-ekonomija reali jew l-istabbiltà finanzjarja (il-punt (35) tal-Artikolu 2(1)).

L-objettiv ta’ riżoluzzjoni li jirrikjedi li titnaqqas kemm jista’ jkun id-dipendenza fuq appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju ma jippermettix li ssir distinzjoni bejn l-użu tal-flus tal-baġit nazzjonali u l-użu ta’ xbieki ta’ sikurezza ffinanzjati mill-industrija (fondi ta’ riżoluzzjoni nazzjonali, SRF jew SGD). Għalhekk, dan l-objettiv ta’ riżoluzzjoni huwa emendat biex jinkludi referenza speċifika għall-appoġġ ipprovdut mill-baġit ta’ Stat Membru, sabiex jindika li l-finanzjament ipprovdut mix-xbieki ta’ sikurezza ffinanzjati mill-industrija għandu jitqies bħala preferibbli għall-finanzjament appoġġat mill-flus tal-kontribwenti (il-punt (c) tal-Artikolu 31(1)). Dan huwa kkomplementat b’bidla fir-regoli proċedurali dwar il-PIA, li tirrikjedi li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tikkunsidra u tqabbel l-appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju kollu li jista’ jkun raġonevolment mistenni li jiġi pprovdut lill-istituzzjoni f’riżoluzzjoni ma’ dawk fix-xenarju kontrofattwali tal-insolvenza. Jekk l-għajnuna għal-likwidazzjoni tkun mistennija fix-xenarju kontrofattwali tal-insolvenza, dan għandu jwassal għal eżitu pożittiv tal-PIA (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(5)).

L-objettiv ta’ riżoluzzjoni relatat mal-protezzjoni tad-depożitanti huwa emendat biex jiġi ċċarat li r-riżoluzzjoni għandha timmira li tipproteġi lid-depożitanti, filwaqt li timminimizza t-telf għall-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti. Dan ifisser li r-riżoluzzjoni għandha tkun ippreferuta jekk l-insolvenza tkun aktar għalja għall-SGD.

Bidliet proċedurali għat-tqabbil bejn il-proċedimenti ta’ riżoluzzjoni u l-proċedimenti nazzjonali ta’ insolvenza

Skont il-BRRD attwali, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni huma mistennija li jagħżlu l-insolvenza, sakemm l-għażla tar-riżoluzzjoni ma tkunx tista’ tilħaq aħjar l-objettivi ta’ riżoluzzjoni. It-test attwali tal-Artikolu 32(5) jistabbilixxi li r-riżoluzzjoni għandha tintgħażel biss meta l-istralċ tal-istituzzjoni taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza ma jissodisfax l-objettivi ta’ riżoluzzjoni bl-istess mod. Sabiex tkun tista’ titwessa’ l-applikazzjoni tar-riżoluzzjoni, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(5) huwa emendat biex jiġi ċċarat li l-proċedimenti nazzjonali ta’ insolvenza għandhom jintgħażlu bħala l-istrateġija ppreferuta biss meta jilħqu l-objettivi tal-qafas aħjar mir-riżoluzzjoni (u mhux bl-istess mod). Filwaqt li żżomm l-insolvenza bħala l-għażla awtomatika, l-emenda twassal għal żieda fl-oneru tal-prova għall-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni biex juru li r-riżoluzzjoni ma hijiex fl-interess pubbliku. Madankollu, il-PIA se tibqa’ deċiżjoni ta’ każ b’każ fid-diskrezzjoni tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni.

L-użu ta’ SGD f’riżoluzzjoni

Prinċipju fundamentali tal-qafas ta’ riżoluzzjoni attwali huwa li l-finanzjament f’riżoluzzjoni għandu l-ewwel u qabel kollox jiġi pprovdut mir-riżorsi interni tal-bank (il-kapital tiegħu u obbligazzjonijiet oħrajn, inklużi ċerti kategoriji ta’ depożiti), li jintużaw biex ikopru t-telf tiegħu. Dawn jistgħu jiġu kkomplementati minn sorsi esterni ta’ finanzjament, jiġifieri (1) l-arranġament ta’ finanzjament tar-riżoluzzjoni – iżda biss wara li jkunu ntużaw 8 % tal-kapital u tal-obbligazzjonijiet tal-bank biex ikopru t-telf tiegħu – u (2) l-SGD – minflok id-depożitanti koperti sal-ammont ta’ telf li kienu jġarrbu (li kieku kien possibbli għalihom li jkunu soġġetti għal telf fir-riżoluzzjoni). Għal ċerti banek iżgħar u ta’ daqs medju, speċjalment dawk iffinanzjati primarjament b’depożiti, jista’ jkun diffiċli ħafna li jiġu ssodisfati dawn ir-rekwiżiti biex jinkiseb aċċess għal finanzjament estern iffinanzjat mill-industrija mingħajr depożiti ta’ rikapitalizzazzjoni interna ’l fuq mil-livell ta’ kopertura u dawk esklużi mill-kopertura. Madankollu, f’ċerti każijiet, it-telf li jiġi mġarrab fuq id-depożiti jista’ jwassal għal kontaġju mifrux u għal instabbiltà finanzjarja, li jaggravaw ir-riskji ta’ assalti bankarji usa’ u, b’hekk, ikollu wkoll impatt negattiv serju fuq l-ekonomija reali.

Għalhekk, biex jiġi żgurat grad ogħla ta’ proporzjonalità tal-qafas ta’ riżoluzzjoni, tittejjeb l-applikazzjoni ta’ għodod ta’ trasferiment f’riżoluzzjoni għal banek iżgħar jew ta’ daqs medju li se joħorġu mis-suq, u jiġu ffaċilitati l-interventi tal-SGD b’appoġġ għal tali għodod, fejn meħtieġ, biex jiġi evitat li d-depożitanti jġarrbu telf, l-Artikolu 109 huwa emendat biex jiċċara ċerti aspetti tal-użu tal-SGD f’riżoluzzjoni. Il-prinċipju fundamentali li l-ewwel linja ta’ difiża f’każ ta’ diffikultà bankarja għandha dejjem tkun il-kapaċità interna ta’ assorbiment tat-telf tal-banek, kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni, huma ppreservati. B’mod partikolari, l-Artikolu 109 jiċċara li l-SGD tista’ tintuża biex tappoġġa tranżazzjonijiet ta’ trasferiment li jinkludu d-depożiti koperti u, taħt ċerti kundizzjonijiet, anki depożiti eliġibbli lil hinn mil-livell ta’ kopertura u depożiti esklużi mill-garanzija tal-SGD. Il-kontribuzzjoni tal-SGD għandha tkopri parti mid-differenza, jew id-differenza kollha, bejn il-valur tad-depożiti ttrasferiti lil xerrej jew lil istituzzjoni tranżitorja u l-valur tal-assi ttrasferiti. Meta tkun meħtieġa kontribuzzjoni mix-xerrej bħala parti mit-tranżazzjoni biex tiġi żgurata n-newtralità kapitali tiegħu u biex tiġi ppreservata l-konformità mar-rekwiżiti kapitali tax-xerrej, l-SGD hija permessa wkoll li tikkontribwixxi għal dan il-għan.

Sabiex jiġi evitat it-tnaqqis u jiġi żgurat li l-SGD jkollha biżżejjed riżorsi biex iżżomm il-funzjonijiet tagħha, il-kontribuzzjoni tal-SGD f’riżoluzzjoni tibqa’ soġġetta għal ċerti limiti.

Minn naħa waħda, l-Artikolu 109(1) jesiġi li kwalunkwe telf li tista’ ġġarrab l-SGD bħala riżultat ta’ intervent f’riżoluzzjoni ma jaqbiżx it-telf li l-SGD ikollha ġġarrab f’insolvenza jekk tħallas lid-depożitanti koperti u tissurroga l-pretensjonijiet tagħhom. Dan l-ammont jiġi ddeterminat mill-SGD abbażi tat-test tal-inqas kost, f’konformità mal-kriterji u l-metodoloġija stabbiliti fid-DGSD għal kwalunkwe użu possibbli tal-SGD. Dawn l-istess kriterji u metodoloġija għandhom jintużaw ukoll meta jiġi ddeterminat it-trattament li kienet tirċievi l-SGD kieku l-istituzzjoni daħlet fi proċedimenti normali ta’ insolvenza meta wettqet il-valwazzjoni ex post skont l-Artikolu 74 għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-konformità mal-prinċipju li “l-ebda kreditur ma jmur agħar” u d-determinazzjoni ta’ jekk huwiex dovut xi kumpens lill-SGD.

Min-naħa l-oħra, l-ammont tal-kontribuzzjoni tal-SGD ma jista’ jaqbeż l-ebda defiċit fil-valur tal-assi tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni ttrasferita lix-xerrej jew lill-istituzzjoni tranżitorja meta mqabbel mal-valur tad-depożiti u l-obbligazzjonijiet ittrasferiti bl-istess klassifikazzjoni jew bi klassifikazzjoni ta’ prijorità ogħla f’insolvenza minn dawk id-depożiti. Dan sabiex jiġi żgurat li l-kontribuzzjoni tal-SGD tintuża biss għall-finijiet tal-protezzjoni tad-depożitanti, fejn xieraq, u mhux għall-protezzjoni tal-kredituri li jikklassifikaw taħt id-depożiti f’insolvenza.

Barra minn hekk, huwa ċċarat fl-Artikolu 109(1) li l-SGD tista’ tikkontribwixxi biss għal tranżazzjoni li tinkludi d-depożiti kollha, jekk jiġi konkluż mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni li d-depożiti eliġibbli li jaqbżu l-livell ta’ kopertura pprovdut mill-SGD, kif ukoll id-depożiti esklużi mill-kopertura, għandhom jiġu protetti mit-telf u ma jistgħux jingħataw rikapitalizzazzjoni interna u lanqas jitħallew fl-istituzzjoni residwa taħt riżoluzzjoni, li se tiġi stralċjata. B’mod partikolari, dan ikun il-każ meta l-esklużjoni tkun strettament meħtieġa u proporzjonata sabiex tiġi ppreservata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi u tal-linji tan-negozju ewlenin jew fejn meħtieġ biex jiġu evitati kontaġju mifrux u instabbiltà finanzjarja li jistgħu jikkawżaw tfixkil serju għall-ekonomija tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru. Sabiex jiġi żgurat l-aċċess għal arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni, fejn meħtieġ, għall-implimentazzjoni ta’ strateġija ta’ trasferiment, il-paragrafu 2b tal-Artikolu 109 jipprevedi li l-kontribuzzjonijiet tal-SGD f’riżoluzzjoni għandhom jingħaddu lejn ir-rekwiżit ta’ 8 % tal-obbligazzjonijiet totali u tal-fondi proprji (TLOF) għall-aċċess għall-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni. Jekk il-kontribuzzjoni magħmula mill-azzjonisti u mill-kredituri tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni permezz ta’ tnaqqis, tniżżil fil-valur jew konverżjoni tal-obbligazzjonijiet tagħhom, magħduda mal-kontribuzzjoni magħmula mill-SGD tammonta għal mill-inqas 8 % tal-obbligazzjonijiet totali tal-istituzzjoni, inklużi l-fondi proprji, se jkun possibbli għall-awtorità ta’ riżoluzzjoni li tuża l-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni biex tiffinanzja l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni, li trid twassal għall-ħruġ mis-suq tal-istituzzjoni li qed tfalli. Sabiex jiġi żgurat li l-MREL jibqa’ l-ewwel linja ta’ difiża u jiġu ppreservati kundizzjonijiet ekwi, dan għandu jkun possibbli biss għall-istituzzjonijiet li għalihom il-pjan ta’ riżoluzzjoni jew il-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-grupp ma jipprevedix l-istralċ tiegħu b’mod ordnat f’każ ta’ falliment, minħabba li l-MREL ta’ dawn l-istituzzjonijiet ġie stabbilit f’livell li jinkludi kemm l-assorbiment tat-telf kif ukoll l-ammonti ta’ rikapitalizzazzjoni.

L-użu ta’ fondi tal-SGD li jippermettu l-aċċess għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni ma huwiex mistenni li jkollu impatt fuq l-inċentivi tal-istituzzjonijiet biex jikkonformaw mal-MREL. Dan minħabba li l-inċentivi għall-konformità mal-MREL huma mibnija fil-governanza tal-qafas. L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jikkalibraw ir-rekwiżiti tal-MREL għall-istituzzjonijiet kollha bi strateġiji ta’ riżoluzzjoni, inklużi istituzzjonijiet iżgħar u ta’ daqs medju, fejn xieraq, skont id-dispożizzjonijiet legali eżistenti u jindirizzaw kwalunkwe nuqqas ta’ konformità permezz ta’ diversi miżuri. Barra minn hekk, l-obbligu tal-istituzzjonijiet li jiddivulgaw pubblikament ir-rekwiżit u l-kapaċità tal-MREL tagħhom, li se jibdew japplikaw fl-2024 (kif previst skont ir-regoli eżistenti), se jsaħħaħ id-dixxiplina u l-konformità tas-suq. Barra minn hekk, l-użu tal-SGD biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni se jkun possibbli biss għall-istrateġiji ta’ trasferiment bi ħruġ mis-suq u fuq bażi ta’ każ b’każ, fejn ikun iġġustifikat mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni. Għalhekk, billi l-istituzzjoni falluta toħroġ mis-suq wara r-riżoluzzjoni jekk jintużaw il-fondi tal-SGD, dan il-mekkaniżmu de facto jipprevjeni kwalunkwe vantaġġ fir-rigward tal-kalibrazzjoni tal-MREL jew l-użu ta’ fondi tal-SGD meta mqabbla ma’ istituzzjonijiet oħrajn li jkomplu joperaw wara li jiġu ristrutturati. Huwa importanti li jiġi rikonoxxut li jeżisti periklu morali minħabba l-possibbiltà ta’ sussidji barra mir-riżoluzzjoni fil-forma ta’ fondi pubbliċi f’insolvenza. Billi tippermetti applikazzjoni aktar kredibbli tar-riżoluzzjoni permezz tal-użu tal-SGD f’każijiet speċifiċi, ir-riforma għandha l-għan li tiddiżinċentiva r-rikors għall-flus tal-kontribwenti, li jista’ jaffettwa l-aspettattivi tas-suq ex ante, filwaqt li jwassal għal aktar dixxiplina tas-suq u jnaqqas ir-riskju ta’ periklu morali. Fl-aħħar nett, l-użu tal-kontribuzzjoni tal-SGD lejn il-konformità mal-limitu ta’ 8 % tat-TLOF għall-aċċess għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni huwa ristrett għal dawk l-istituzzjonijiet li għalihom ġie stabbilit l-MREL (jiġifieri istituzzjonijiet u entitajiet li ma ġewx identifikati bħala entitajiet ta’ likwidazzjoni) u jinkludi kemm l-assorbiment tat-telf kif ukoll il-komponenti tar-rikapitalizzazzjoni, fid-dawl tal-fatt li l-pjan ta’ riżoluzzjoni jew il-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-grupp rispettiv ma jipprevedix l-istralċ tagħhom f’każ ta’ falliment.

Preferenza għad-depożitanti

Skont il-formulazzjoni attwali tal-Artikolu 108(1), il-BRRD toħloq preferenza għad-depożitanti fuq tliet livelli fil-ġerarkija tal-pretensjonijiet. Hija tipprevedi li d-depożiti koperti u l-pretensjonijiet tal-SGD irid ikollhom l-hekk imsejħa “superpreferenza” fil-klassifikazzjoni tal-kredituri fil-liġijiet dwar l-insolvenza f’kull Stat Membru b’mod relattiv għad-depożiti ppreferuti mhux koperti (il-parti tad-depożiti eliġibbli minn persuni fiżiċi u SMEs li taqbeż il-livell ta’ kopertura ta’ EUR 100 000). Dawn tal-aħħar iridu jikklassifikaw ’il fuq mill-pretensjonijiet ta’ kredituri ordinarji mhux garantiti.

Il-BRRD bħalissa hija siekta dwar il-klassifikazzjoni tad-depożiti li jifdal, jiġifieri, id-depożiti mhux koperti u mhux ippreferuti (jiġifieri, id-depożiti korporattivi mhux ta’ SMEs li jaqbżu l-livell ta’ kopertura ta’ EUR 100 000) u d-depożiti esklużi (li, taħt il-qafas attwali jinkludu depożiti ta’ awtoritajiet pubbliċi, entitajiet tas-settur finanzjarju u fondi tal-pensjonijiet). Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, id-depożiti mhux koperti u mhux ippreferuti jikklassifikaw f’insolvenza flimkien mal-pretensjonijiet ordinarji mhux garantiti, inklużi strumenti ta’ dejn superjuri eliġibbli għall-MREL (it-taqsima A tal-illustrazzjoni ta’ hawn taħt), filwaqt li f’minoranza ta’ Stati Membri, huma diġà jikklassifikaw ’il fuq mill-pretensjonijiet ordinarji mhux garantiti (it-taqsima B tal-illustrazzjoni ta’ hawn taħt).

Is-superpreferenza tal-SGD fil-qafas attwali (jiġifieri, il-klassifikazzjoni tagħha ’l fuq mill-pretensjonijiet tad-depożitanti li ma humiex koperti) tħalli impatt fuq ir-riżultati tat-test tal-inqas kost b’mod li l-fondi tal-SGD kważi qatt ma jkunu jistgħu jintużaw barra mill-iżborż tad-depożiti koperti f’insolvenza, minħabba li l-SGD tistenna rkupru sħiħ jew għoli ħafna tar-riżorsi użati għar-rimborż tad-depożiti koperti.

Min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ preferenza għad-depożitanti ġenerali (jiġifieri, il-klassifikazzjoni tad-depożiti kollha ’l fuq mill-pretensjonijiet ordinarji mhux garantiti) f’xi Stati Membri joħloq kundizzjonijiet mhux ekwi u impedimenti potenzjali għar-riżoluzzjoni f’kuntesti transfruntiera u jista’ jwassal għal ksur tal-prinċipju li “l-ebda kreditur ma jmur agħar”, fejn, għal raġunijiet ta’ stabbiltà finanzjarja, huwa meħtieġ li d-depożiti mhux koperti jiġu esklużi milli jġarrbu telf.

Sabiex jiġi ffaċilitat l-użu tal-SGD f’riżoluzzjoni taħt is-salvagwardja tat-test tal-inqas kost, fejn dan ikun meħtieġ biex tinżamm l-istabbiltà finanzjarja u jiġu protetti d-depożitanti, kif ukoll biex jitneħħew l-impedimenti għar-riżoluzzjoni, l-Artikolu 108(1) huwa emendat biex tiġi introdotta preferenza għad-depożitanti ġenerali bi klassifikazzjoni f’livell uniku. Dan jinkiseb bis-saħħa ta’ żewġ modifiki. L-ewwel nett, il-preferenza legali fil-liġijiet dwar l-insolvenza tal-Istati Membri meħtieġa mill-BRRD meta mqabbla mal-pretensjonijiet ordinarji mhux garantiti hija estiża biex tinkludi d-depożiti kollha. Dan jinvolvi li d-depożiti kollha, inklużi d-depożiti eliġibbli ta’ korporazzjonijiet kbar u depożiti esklużi, jikklassifikaw ’il fuq mill-pretensjonijiet ordinarji mhux garantiti. It-tieni, il-klassifikazzjoni relattiva bejn il-kategoriji differenti ta’ depożiti hija sostitwita bi preferenza għad-depożitanti f’livell uniku, fejn titneħħa s-superpreferenza tal-SGD jew tad-depożiti koperti, u fejn id-depożiti kollha jikklassifikaw pari passu (jiġifieri, fl-istess livell minn fosthom) u ’l fuq mill-pretensjonijiet ordinarji mhux garantiti.



Dehra stilizzata tal-ġerarkija tal-kredituri f’insolvenza taħt il-qafas attwali (preferenza għad-depożitanti fuq tliet livelli) u taħt ir-riforma proposta (preferenza għad-depożitanti ġenerali f’livell uniku)

Sors: Persunal tal-Kummissjoni.

Kif muri mill-valutazzjoni tal-impatt, preferenza għad-depożitanti f’livell uniku ma taffettwax il-protezzjoni li bħalissa qegħdin igawdu d-depożitanti koperti, li dejjem ikunu assigurati skont id-DGSD f’każ li l-kontijiet tagħhom ma jibqgħux disponibbli u jkunu esklużi b’mod obbligatorju milli jġarrbu telf f’riżoluzzjoni (l-Artikolu 44(2) tal-BRRD). Il-klassifikazzjoni ogħla ppreferuta tal-pretensjonijiet tal-SGD tipproteġi minflok lill-industrija bankarja, li tħallas kontribuzzjonijiet lill-SGD. Madankollu, mill-perspettiva tal-industrija bankarja nnifisha, il-prijorità ogħla tal-SGD mhux bilfors twassal għal ħtieġa inqas frekwenti għar-rikostituzzjoni tal-SGD minħabba li r-riżultat ta’ din il-prijorità ogħla jkun użu aktar frekwenti tar-riżorsi tal-SGD għall-iżborż milli għall-istrateġiji ta’ trasferiment f’riżoluzzjoni. Dan għaliex żborż jeħtieġ l-użu tal-mezzi finanzjarji disponibbli tal-SGD biex ikopri l-ammont gross tad-depożiti koperti, u hemm intervall latenti bejn l-iżborż u l-irkupru fi proċeduri ta’ insolvenza xi drabi twal, kif ukoll telf fuq il-valur ta’ franchise tal-assi.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tal-kosteffiċjenza assoċjata mal-użu tal-fondi tal-SGD f’riżoluzzjoni meta mqabbla mal-kost tal-iżborż tad-depożiti koperti f’insolvenza, l-evidenza empirika msemmija fil-valutazzjoni tal-impatt 21 turi li l-iżborż tad-depożiti koperti jista’ jnaqqas malajr il-mezzi finanzjarji tal-SGD (anki meta jimtlew kompletament) jew li, f’xi każijiet, il-mezzi finanzjarji tal-SGD ma jistgħux isostnu avveniment ta’ żborż meta l-ammont tad-depożiti koperti jkun sinifikanti. F’dan ir-rigward, ir-rieżami tas-CMDI għandu l-għan li jippermetti użi alternattivi orħos u aktar kosteffiċjenti tal-SGD f’riżoluzzjoni, meta mqabbla mal-kost tal-iżborż tal-SGD f’insolvenza, sabiex jappoġġa trasferiment ta’ assi u obbligazzjonijiet (inklużi depożiti) segwit mill-ħruġ mis-suq. Ara l-valutazzjoni tal-impatt għal analiżi komprensiva (inkluż mill-EBA fit-tweġiba tagħha għas-sejħa għal parir tal-Kummissjoni minn Ottubru 2021). 

Il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju

Sabiex jiġi żgurat li l-fondi pubbliċi fil-forma ta’ appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju ma jintużawx biex jappoġġaw istituzzjonijiet jew entitajiet li ma humiex finanzjarjament vijabbli, huwa meħtieġ li jiġu previsti kundizzjonijiet stretti dwar meta jista’ jiġi pprovdut tali appoġġ u x’forma jista’ jieħu. Ir-regoli eżistenti jipprevedu ċerti limitazzjonijiet, iżda ma humiex preċiżi biżżejjed. L-appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju barra mir-riżoluzzjoni għandu jkun limitat għal każijiet ta’ rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja, miżuri preventivi tal-SGD mmirati lejn il-preservazzjoni tas-solidità finanzjarja u l-vijabbiltà fit-tul tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, miżuri meħuda mill-SGD biex jippreservaw l-aċċess tad-depożitanti u forom oħrajn ta’ appoġġ mogħtija fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ stralċ. L-għoti ta’ appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju fi kwalunkwe sitwazzjoni oħra barra mir-riżoluzzjoni ma għandux ikun permess u għandu jwassal sabiex l-istituzzjoni jew l-entità riċeventi titqies bħala li qed tfalli jew li x’aktarx tfalli.

Rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja

Trid tingħata attenzjoni partikolari lill-appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju mogħti fil-forma ta’ rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja. Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti b’mod aktar ċar il-forom permissibbli ta’ miżuri ta’ prekawzjoni pprovduti barra mir-riżoluzzjoni u mmirati lejn ir-rikapitalizzazzjoni tal-entità kkonċernata. Il-miżuri mogħtija għandhom ikunu ta’ natura temporanja minħabba li suppost jindirizzaw il-konsegwenzi negattivi ta’ xokkijiet esterni u ma jintużawx biex jikkumpensaw għad-dgħufijiet intrinsiċi marbuta, pereżempju, ma’ mudell ta’ negozju skadut. L-użu ta’ strumenti perpetwi, bħall-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni, għandu jsir eċċezzjonali u possibbli biss jekk forom oħrajn ta’ strumenti kapitali ma jkunux adegwati. Tali bidla hija meħtieġa biex jiġi żgurat li l-appoġġ jibqa’ ta’ natura temporanja. Huma meħtieġa wkoll rekwiżiti aktar b’saħħithom u aktar espliċiti dwar id-determinazzjoni minn qabel tad-durata u tal-istrateġija tal-ħruġ għall-miżuri ta’ prekawzjoni. L-entità li tirċievi l-appoġġ għandha tkun solventi fiż-żmien meta jiġu applikati l-miżuri, jiġifieri tiġi vvalutata mill-awtorità kompetenti bħala li ma tkunx qed tikser u li x’aktarx ma tiksirx ir-rekwiżiti kapitali applikabbli fit-12-il xahar li ġejjin. Jekk il-kundizzjonijiet li taħthom jingħata l-appoġġ ma jiġux irrispettati, l-entità li tirċievi l-appoġġ għandha titqies bħala li qed tfalli jew li x’aktarx tfalli.

L-Artikolu 32b u l-ħruġ mis-suq

Irrispettivament mill-espansjoni potenzjali tal-applikazzjoni tar-riżoluzzjoni, ir-riżoluzzjoni ta’ xi banek tal-UE mhux se tkun fl-interess pubbliku. F’każijiet bħal dawn, il-banek għandhom jiġu stralċjati f’konformità mal-liġi nazzjonali. Ir-regoli nazzjonali applikabbli huma eteroġeni ħafna madwar l-Istati Membri tal-UE, kemm f’termini tal-kundizzjonijiet li jwasslu għall-bidu ta’ proċedura, kif ukoll tal-istruttura tal-proċedura nnifisha. F’xi Stati Membri, il-bank jidħol f’insolvenza normali, f’oħrajn jeżisti reġim speċjali ta’ insolvenza jew likwidazzjoni għall-banek, jew hemm diversi proċeduri disponibbli, li mhux bilfors iwasslu fil-każijiet kollha għall-ħruġ tal-bank mis-suq. Barra minn hekk, l-iskattaturi għall-bidu ta’ proċedimenti nazzjonali ta’ insolvenza mhux dejjem ikunu allinjati mad-determinazzjoni ta’ falliment jew probabbiltà ta’ falliment skont il-BRRD. Dan jista’ joħloq inċertezza dwar jekk il-proċedimenti ta’ insolvenza jistgħux jibdew (l-hekk imsejħa “sitwazzjonijiet ta’ limbu”) jew jekk il-proċedura twassalx għal eżitu ċar f’termini tal-iżgurar tal-ħruġ mis-suq.

Sabiex jiġu indirizzati tali sitwazzjonijiet, il-Pakkett Bankarju tal-2019 introduċa l-Artikolu 32b, li jitlob lill-Istati Membri jiżguraw l-istralċ ordnat f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli tal-banek li qed ifallu, li ma jiġux riżolti minħabba PIA negattiva. Madankollu, l-implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fl-oqfsa legali nazzjonali ma hijiex biżżejjed biex jiġu indirizzati r-riskji residwi kollha tal-istituzzjonijiet li qed ifallu li ma joħorġux mis-suq. B’mod partikolari, għad hemm inċertezza dwar liema proċedura għandha tapplika f’dawn il-każijiet u, b’mod partikolari, jekk għandhomx japplikaw biss proċedimenti normali ta’ insolvenza jew jekk jistgħux japplikaw ukoll xi proċeduri nazzjonali oħrajn.

Għalhekk, biex jissolvew l-inkonsistenza u l-inċertezza eżistenti madwar l-Istati Membri, l-Artikolu 32b huwa emendat biex jipprovdi aktar tfassil u ċarezza, u biex jiġi żgurat li l-proċeduri nazzjonali applikabbli jwasslu għall-ħruġ mis-suq tal-bank f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. L-emendi la jimmiraw lejn u lanqas iwasslu għall-armonizzazzjoni tar-regoli nazzjonali ta’ insolvenza, u jiġi ppreservat marġni fil-livell nazzjonali dwar kif għandu jseħħ dan il-ħruġ mis-suq (jiġifieri, jekk hux permezz ta’ bejgħ jew b’mod ieħor).

F’dan il-kuntest, qed jiġi propost ukoll li jissaħħaħ aktar ir-rwol tal-irtirar tal-liċenzja tal-bank meta jiġi ddikjarat li dan qed ifalli jew x’aktarx ifalli, u ma tirriżulta l-ebda riżoluzzjoni. Id-dispożizzjoni l-ġdida tal-Artikolu 32b(3) tagħti s-setgħa lis-superviżur li jirtira l-liċenzja biss abbażi tad-determinazzjoni ta’ falliment jew probabbiltà ta’ falliment, li min-naħa tagħha għandha tkun kundizzjoni suffiċjenti għall-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji nazzjonali rilevanti biex jibdew mingħajr dewmien il-proċedura ta’ stralċ nazzjonali applikabbli.

Emendi relatati mar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (MREL)

MREL għal strateġiji ta’ trasferiment

Bħala parti mill-ippjanar tar-riżoluzzjoni, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni qed jiddefinixxu l-istrateġiji ta’ riżoluzzjoni ppreferuti u varjanti u qed iħejju l-applikazzjoni tal-għodod rilevanti biex jiżguraw l-eżekuzzjoni effettiva tagħhom. Għal istituzzjonijiet kbar u kumplessi, ir-rikapitalizzazzjoni interna bil-bank miftuħ hija, b’mod ġenerali, mistennija li tkun l-għodda ta’ riżoluzzjoni ppreferuta, li timplika t-tniżżil fil-valur u l-konverżjoni ta’ fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli biex jassorbu t-telf u jirrikapitalizzaw il-bank li joħroġ mir-riżoluzzjoni.

B’mod parallel, ċerti istituzzjonijiet iżgħar u ta’ daqs medju b’mudelli ta’ negozju bbażati b’mod predominanti fuq finanzjament permezz ta’ ekwità u depożiti jistgħu jkunu kandidati għal strateġiji ta’ għodda ta’ trasferiment li jinvolvu l-bejgħ ta’ partijiet min-negozju jew tan-negozju kollu lil xerrej jew lil istituzzjoni tranżitorja, it-trasferiment ta’ assi improduttivi lil veikolu tal-immaniġġar tal-assi, u l-ħruġ mis-suq.

Kif diġà previst taħt il-qafas attwali, il-livell tar-rekwiżit tal-MREL għandu jkun jirrifletti l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni ppreferuta. Id-dispożizzjoni eżistenti tal-Artikolu 45c tiffoka fuq il-kalibrazzjoni tal-MREL għal strateġiji ta’ rikapitalizzazzjoni interna (rekwiżit għall-assorbiment tat-telf u l-ammont ta’ rikapitalizzazzjoni, b’regoli dettaljati dwar kif kull wieħed għandu jiġi aġġustat, u fuq rekwiżiti ta’ subordinazzjoni mmirati l-aktar lejn l-iżgurar tal-konformità mar-rekwiżit tat-TLOF ta’ 8 %). Filwaqt li tirrikonoxxi l-possibbiltà li jintużaw għodod ta’ riżoluzzjoni għajr rikapitalizzazzjoni interna, il-BRRD attwali ma tirregolax fid-dettall il-kalibrazzjoni tal-MREL għall-istrateġiji ta’ trasferiment. Fil-prattika, dan iwassal għal inċertezza legali u metodoloġiji diverġenti applikati mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni meta jistabbilixxu l-MREL għal tali strateġiji.

Għalhekk, huwa meħtieġ li tiġi pprovduta bażi ġuridika aktar ċara għad-distinzjoni tal-kalibrazzjoni tal-MREL għall-istrateġiji ta’ trasferiment minn dik għar-rikapitalizzazzjoni interna, anki għall-fini tal-proporzjonalità u l-applikazzjoni konsistenti. F’dan ir-rigward, u filwaqt li jitqiesu wkoll il-prattiki attwali tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, jiżdied Artikolu 45ca ġdid li jistabbilixxi l-prinċipji li għandhom jiġu kkunsidrati meta jiġi kkalibrat l-MREL għall-istrateġiji ta’ trasferiment - id-daqs, il-mudell tan-negozju, il-profil tar-riskju, l-analiżi tat-trasferibbiltà, il-kummerċjabbiltà, jekk l-istrateġija hijiex trasferiment tal-assi jew tranżazzjoni tal-ishma u l-użu komplementari tal-veikolu tal-immaniġġar tal-assi għall-assi li ma jistgħux jiġu ttrasferiti.

L-emendi jsaħħu l-prinċipju li l-MREL għandu jibqa’ l-ewwel u l-linja ewlenija ta’ difiża għall-banek kollha, inkluż għal dawk li se jkunu soġġetti għal strateġija ta’ trasferiment u ħruġ mis-suq, sabiex jiġi żgurat li t-telf jiġi assorbit sal-limitu massimu possibbli mill-azzjonisti u mill-kredituri.

L-istima tar-rekwiżit ta’ riżerva kkombinat fil-każ ta’ projbizzjoni ta’ ċerti distribuzzjonijiet

Sabiex tiġi indirizzata lakuna eżistenti fiċ-ċarezza legali tal-qafas attwali fir-rigward tas-setgħa tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni li jipprojbixxu ċerti distribuzzjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ entità li tissodisfa r-rekwiżit ta’ riżerva kkombinat flimkien mal-MREL tagħha, u b’mod partikolari meta l-entità ma tkunx soġġetta għar-rekwiżit ta’ riżerva kkombinat (skont l-Artikolu 104a tad-Direttiva 2013/36/UE) fuq l-istess bażi bħall-MREL tagħha, jiżdied paragrafu 7 ġdid mal-Artikolu 16a biex jiġi ċċarat li s-setgħa li jiġu pprojbiti ċerti distribuzzjonijiet għandha tiġi applikata abbażi tal-istima tar-rekwiżit ta’ riżerva kkombinat li jirriżulta mill-att delegat skont l-Artikolu 45c(4), li jispeċifika l-metodoloġija li għandha tintuża mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni biex jiġi stmat ir-rekwiżit ta’ riżerva kkombinat f’tali ċirkostanzi.

Eżenzjoni de minimis minn ċerti rekwiżiti tal-MREL

Skont ir-regoli tal-MREL fil-BRRD, l-obbligazzjonijiet strutturalment subordinati msemmija fl-Artikolu 72b(2)(d)(iii) tas-CRR huma koperti mid-definizzjoni ta’ “strumenti eliġibbli subordinati” użata fl-Artikolu 45b kollu tal-BRRD. Madankollu, l-obbligazzjonijiet li huma permessi li jkunu eliġibbli fis-CRR skont l-eżenzjoni de minimis fl-Artikolu 72b(4) tas-CRR ma jikkwalifikawx bħala “strumenti eliġibbli subordinati” skont il-BRRD minħabba li l-paragrafu 4 tal-Artikolu 72b tas-CRR huwa espliċitament eskluż mid-definizzjoni fil-punt (71b) tal-Artikolu 2(1) tal-BRRD.

Sabiex tiġi kkoreġuta din l-inkonsistenza, jiżdied paragrafu ġdid mal-Artikolu 45b tal-BRRD, li jippermetti lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jippermettu lill-entitajiet ta’ riżoluzzjoni jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ subordinazzjoni tal-MREL bl-użu ta’ obbligazzjonijiet superjuri meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet fl-Artikolu 72b(4) tas-CRR.

Sabiex jiġi żgurat l-allinjament mal-qafas tat-TLAC, l-entitajiet ta’ riżoluzzjoni li jibbenefikaw mill-eżenzjoni de minimis ma jistax ikollhom ir-rekwiżit ta’ subordinazzjoni tal-MREL tagħhom aġġustat ’l isfel b’ammont ekwivalenti għall-provvediment tal-iskopertura totali għar-riskju ta’ 3,5 % għat-TLAC skont it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45b(4) tal-BRRD.

Obbligazzjonijiet kontinġenti

Il-proposta tintroduċi wkoll kjarifiki rigward l-istatus tal-obbligazzjonijiet kontinġenti u d-dispożizzjonijiet għall-finijiet tal-ippjanar u l-eżekuzzjoni tar-riżoluzzjoni. L-emendi jqisu l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IFRS) 37 tal-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IASB) “Provvedimenti, Obbligazzjonijiet Kontinġenti u Assi Kontinġenti” u jintroduċu referenzi għal (i) provvedimenti (obbligazzjonijiet ta’ twaqqit jew ammont inċert) u (ii) obbligazzjonijiet kontinġenti (obbligi possibbli skont jekk ikunx hemm xi avveniment futur inċert, jew obbligi preżenti li għalihom il-ħlas ma huwiex probabbli jew l-ammont ma jistax jitkejjel b’mod affidabbli). Iż-żewġ kategoriji jvarjaw mill-perspettiva tal-grad ta’ probabbiltà li jkollu jsir ħlas u l-provvedimenti għandhom jiġu ttrattati bħala obbligazzjonijiet, filwaqt li l-obbligazzjonijiet kontinġenti ma jiġux ittrattati bħala tali. Minn perspettiva ta’ riżoluzzjoni, dan ifisser li l-provvedimenti li ġew rikonoxxuti għandhom, fil-prinċipju, ikollhom kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna, filwaqt li l-obbligazzjonijiet kontinġenti x’aktarx li ma jkunux soġġetti għal rikapitalizzazzjoni interna minħabba n-natura inċerta tagħhom.

Kontribuzzjonijiet u impenji ta’ pagament irrevokabbli

Sabiex jitqies it-tmiem tal-perjodu inizjali għall-akkumulazzjoni tal-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni u t-tnaqqis li jirriżulta fl-ammont ta’ kontribuzzjonijiet ex ante regolari, isiru emendi tekniċi fl-Artikoli 102 u 104 biex jiġi skonnettjat l-ammont massimu ta’ kontribuzzjonijiet ex post li jistgħu jinġabru mill-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante regolari, biex b’hekk jiġi evitat limitu baxx b’mod sproporzjonat fuq il-kontribuzzjonijiet ex post, kif ukoll biex ikun permess differiment tal-ġbir tal-kontribuzzjonijiet ex ante regolari f’każ li l-kost ta’ ġbir annwali ma jkunx proporzjonat għall-ammont li għandu jinġabar. It-trattament ta’ impenji ta’ pagament irrevokabbli huwa ċċarat ukoll fl-Artikolu 103, kemm fir-rigward tal-użu tagħhom f’riżoluzzjoni kif ukoll fir-rigward tal-proċedura li għandha tiġi segwita f’każ li istituzzjoni jew entità ma tibqax soġġetta għall-obbligu li tħallas il-kontribuzzjonijiet.

Barra minn hekk, biex jiġu pprovduti aktar trasparenza u ċertezza fir-rigward tas-sehem tal-impenji ta’ pagament irrevokabbli fl-ammont totali ta’ kontribuzzjonijiet ex ante li għandhom jinġabru, huwa ċċarat li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jiddeterminaw tali sehem fuq bażi annwali, soġġett għal-limiti applikabbli.

Mandati għall-EBA

Fis-snin li għaddew, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni żviluppaw u implimentaw sett wiesa’ ta’ politiki biex itejbu r-riżolvibbiltà tal-banek u jiżguraw livell adegwat ta’ tħejjija fl-implimentazzjoni tal-għodod u s-setgħat ta’ riżoluzzjoni fil-każ ta’ riżoluzzjoni. L-EBA żviluppat standards komuni biex tissupplimenta d-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-BRRD u tarmonizza l-prattiki tal-awtoritajiet madwar l-Unjoni.

Sabiex jiġi żgurat li l-istandards applikabbli jibqgħu adegwati għall-użu tagħhom, u li jiġu adottati oħrajn ġodda, fejn xieraq, jingħataw rwoli u responsabbiltajiet ġodda lill-EBA biex tirrapporta dwar il-prattiki eżistenti, trawwem il-konverġenza u tippromwovi livell għoli ta’ tħejjija fost l-awtoritajiet kompetenti u ta’ riżoluzzjoni. Qed jiġu introdotti mandati ġodda għall-EBA biex timmonitorja l-azzjonijiet meħuda mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni biex tiżgura implimentazzjoni effettiva tal-qafas u tivvaluta d-diverġenzi possibbli fost l-Istati Membri fl-oqsma tal-valutazzjonijiet tar-riżolvibbiltà u l-operazzjonalizzazzjoni tal-għodod u s-setgħat ta’ riżoluzzjoni. Barra minn hekk, ġie introdott rwol ġdid għall-EBA biex trawwem il-konverġenza u l-iskambji bejn l-awtoritajiet kompetenti u ta’ riżoluzzjoni permezz tal-koordinazzjoni ta’ eżerċizzji madwar l-Unjoni biex tiġi ttestjata l-applikazzjoni tal-qafas, fi rkupru u f’riżoluzzjoni.

Barra minn hekk, fid-dawl tad-diversi għażliet nazzjonali disponibbli għall-Istati Membri skont l-Artikolu 44a, l-EBA hija mitluba tirrapporta dwar l-applikazzjoni ta’ dak l-artikolu, billi tqabbel il-mod kif ġie implimentat fl-Istati Membri u tanalizza l-impatt ta’ kwalunkwe diverġenza fuq l-operazzjonijiet transfruntiera.

Fl-aħħar nett, billi l-istituzzjonijiet u l-entitajiet jistgħu jkunu meħtieġa jikkonformaw mal-MREL intern fuq bażi individwali jew ikkonsolidata, il-prattika wriet li, f’xi sitwazzjonijiet, ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji addizzjonali u r-rekwiżit ta’ riżerva kkombinat ipprovduti fis-CRD ma humiex stabbiliti fuq l-istess bażi bħall-MREL intern. Għal din ir-raġuni, l-istandards tekniċi regolatorji eżistenti dwar l-istima tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji addizzjonali u r-rekwiżit ta’ riżerva kkombinat, li ġew adottati permezz tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1118 22 , għandhom jiġu estiżi biex ikopru mhux biss l-entitajiet ta’ riżoluzzjoni, iżda wkoll l-entitajiet li ma ġewx identifikati bħala entitajiet ta’ riżoluzzjoni. Il-mandat tal-EBA fl-Artikolu 45c(4) huwa emendat kif xieraq.

Dispożizzjonijiet oħrajn

Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-istituzzjonijiet fir-rigward tal-obbligi li jiġu aġġornati l-pjanijiet ta’ rkupru fuq bażi annwali, jiżdied it-tielet subparagrafu mal-paragrafu 2 tal-Artikolu 5, li jistabbilixxi li s-superviżuri għandu jkollhom id-diskrezzjoni li jirrinunzjaw ir-rekwiżit li jaġġornaw ċerti partijiet tal-pjan għal ċiklu partikolari fin-nuqqas ta’ kwalunkwe bidla fl-istruttura legali jew organizzazzjonali tal-istituzzjoni, fin-negozju tagħha jew fis-sitwazzjoni finanzjarja tagħha.

Skont it-test attwali tal-BRRD, il-pjanijiet ta’ rkupru ma għandhom jassumu l-ebda aċċess għal jew ir-riċevuta ta’ appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju. Ir-regola fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 5 hija ssupplimentata biex tistabbilixxi li, minbarra l-appoġġ finanzjarju pubbliku, il-pjanijiet ta’ rkupru ma għandhomx jassumu l-aċċess għal jew ir-riċevuta ta’ assistenza ta’ likwidità ta’ emerġenza ta’ bank ċentrali jew kwalunkwe assistenza ta’ likwidità ta’ bank ċentrali pprovduta taħt termini ta’ kollateralizzazzjoni, maturità jew rata tal-imgħax mhux standard.

L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni huma meħtieġa jidentifikaw il-miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward tal-entitajiet fi grupp meta jkunu qed jabbozzaw il-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni tal-grupp. L-intensità u l-livell ta’ dettall ta’ din il-ħidma fir-rigward ta’ sussidjarji li ma humiex entitajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jvarjaw skont id-daqs u l-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet u l-entitajiet ikkonċernati, il-preżenza ta’ funzjonijiet kritiċi u l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp. B’hekk, il-BRRD hija emendata bl-introduzzjoni ta’ subparagrafu ġdid fl-Artikolu 12(1), li se jippermetti lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jsegwu approċċ simplifikat, fejn xieraq, meta jwettqu dan il-kompitu.

Kjarifiki għall-Artikolu 44(7)

Id-dispożizzjoni attwali tal-Artikolu 44(7) ma hijiex ċara dwar x’inhuma l-kundizzjoni u s-sekwenza tal-użu tal-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni u s-sorsi ta’ finanzjament alternattivi wara l-forniment ta’ finanzjament inizjali sal-limitu tat-TLOF ta’ 5 % u wara l-obbligazzjonijiet mhux garantiti u mhux ippreferuti kollha, għajr id-depożiti eliġibbli, ikunu ġew valwati b’mod negattiv jew ikkonvertiti b’mod sħiħ. Għalhekk, il-paragrafu 7 tal-Artikolu 44 huwa emendat biex jipprovdi ċarezza legali u flessibbiltà addizzjonali għall-użu tal-RF lil hinn mit-TLOF ta’ 5 %. 

Kulleġġi ta’ riżoluzzjoni

Sabiex jiġi żgurat l-allinjament mal-Artikolu 51(3) tad-Direttiva (UE) 2013/36, li jipprevedi l-istabbiliment ta’ kulleġġi ta’ superviżuri mill-awtoritajiet kompetenti li jissorveljaw istituzzjoni b’fergħat sinifikanti fi Stati Membri oħrajn biex jiġu ffaċilitati l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn is-superviżuri ta’ domiċilju u ospitanti, jiżdied paragrafu 6a ġdid mal-Artikolu 88 tal-BRRD, li jipprevedi t-twaqqif ta’ kulleġġi ta’ riżoluzzjoni f’dawn il-każijiet biex jiġu ffaċilitati l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ta’ domiċilju u ospitanti.

Il-klassifikazzjoni tal-pretensjonijiet tal-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni

L-Artikolu 37(7) jistabbilixxi li l-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni għandu jkun jista’ jirkupra kwalunkwe spiża raġonevoli mġarrba kif suppost b’rabta mal-użu ta’ għodod u setgħat ta’ riżoluzzjoni mill-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni bħala kreditur preferut. Madankollu, il-BRRD ma speċifikatx il-klassifikazzjoni relattiva tal-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni lil kredituri preferuti oħrajn. Il-paragrafu 9 il-ġdid miżjud mal-Artikolu 108 jiċċara li dawk il-pretensjonijiet tal-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni għandhom jikklassifikaw ’il fuq mill-pretensjonijiet tad-depożitanti u tal-SGD.

Barra minn hekk, l-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni jista’ jintuża aktar f’riżoluzzjoni għall-finijiet identifikati fl-Artikolu 101. Sa issa, il-BRRD ma speċifikatx jekk tali użu joħloqx pretensjoni favur l-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni u, jekk iva, fuq il-klassifikazzjoni tal-insolvenza ta’ tali pretensjoni. Fl-Artikolu 108 jiżdied paragrafu 8 ġdid li jispeċifika li, fejn l-attività tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni tkun parzjalment ittrasferita lil istituzzjoni tranżitorja jew lil xerrej privat bl-appoġġ tal-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni, din għandu jkollha pretensjoni kontra l-entità residwa. L-eżistenza ta’ tali pretensjoni għandha tiġi vvalutata fuq bażi ta’ każ b’każ, skont l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni u l-mod li bih l-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni ntuża b’mod konkret, iżda għandha tkun konnessa mal-użu tal-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni biex iġġarrab telf minflok il-kredituri, bħal meta l-arranġament jintuża biex jiggarantixxi l-assi u l-obbligazzjonijiet ittrasferiti lil riċevitur jew biex ikopri d-differenza bejn l-assi u l-obbligazzjonijiet ittrasferiti.

Meta l-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni jintuża biex jappoġġa l-applikazzjoni tal-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna bħala l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni primarja (il-punt (a) tal-Artikolu 43(2)), minflok it-tniżżil fil-valur u l-konverżjoni tal-obbligazzjonijiet ta’ ċerti kredituri, dan ma għandux jiġġenera pretensjoni kontra l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, minħabba li jelimina l-iskop tal-kontribuzzjoni tal-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni. Il-kumpensi mħallsin minħabba l-ksur tal-prinċipju li “l-ebda kreditur ma jmur agħar” bl-istess mod ma għandhomx jiġġeneraw pretensjoni favur l-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni.

Skambju ta’ informazzjoni

L-Artikolu 128 huwa emendat biex jippermetti lill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, lill-BĊE u lil membri oħrajn tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali, lill-EBA, lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u lill-awtoritajiet kompetenti jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħha relatati mal-iżvilupp tal-politika.

2023/0112 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tal-miżuri ta’ intervent bikri, il-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni u l-finanzjament ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 23 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 24 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Il-qafas ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment (“istituzzjonijiet”) ġie stabbilit wara l-kriżi finanzjarja globali tal-2008-2009 u bħala segwitu tal-Attributi Ewlenin ta’ Reġimi ta’ Riżoluzzjoni Effettivi għall-Istituzzjonijiet Finanzjarji 25 tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja li ġew approvati internazzjonalment. Il-qafas ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni jikkonsisti fid-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 26 u fir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 27 . Iż-żewġ atti japplikaw għall-istituzzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni, u għal kwalunkwe entità oħra li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva jew ta’ dak ir-Regolament (“entitajiet”). Il-qafas ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni għandu l-għan li jittratta b’mod ordnat il-falliment tal-istituzzjonijiet u tal-entitajiet billi jippreserva l-funzjonijiet kritiċi tal-istituzzjonijiet u tal-entitajiet u jevita t-theddid għall-istabbiltà finanzjarja, u fl-istess ħin jipproteġi d-depożitanti u l-fondi pubbliċi. Barra minn hekk, il-qafas ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni għandu l-għan li jrawwem l-iżvilupp tas-suq intern fil-qasam bankarju billi joħloq reġim armonizzat sabiex il-kriżijiet transfruntiera jiġu indirizzati b’mod ikkoordinat u billi jevita kwistjonijiet ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u riskji ta’ inugwaljanza fit-trattament.

(2)Bosta snin mill-implimentazzjoni tiegħu, il-qafas ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni kif applikabbli bħalissa ma jagħtix ir-riżultati kif maħsub fir-rigward ta’ xi wħud minn dawk l-objettivi. B’mod partikolari, filwaqt li l-istituzzjonijiet u l-entitajiet għamlu progress sinifikanti lejn ir-riżolvibbiltà u allokaw riżorsi sinifikanti għal dak il-għan, b’mod partikolari permezz tal-akkumulazzjoni tal-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u rikapitalizzazzjoni u l-mili tal-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni, rari jkun hemm min jirrikorri għall-qafas ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni. Il-fallimenti ta’ ċerti istituzzjonijiet u entitajiet iżgħar u ta’ daqs medju huma minflok indirizzati l-aktar permezz ta’ miżuri nazzjonali mhux armonizzati. Il-flus tal-kontribwenti jintużaw minflok l-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni. Dik is-sitwazzjoni tidher li tirriżulta minn inċentivi inadegwati. Dawk l-inċentivi inadegwati jirriżultaw mill-interazzjoni tal-qafas ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni mar-regoli nazzjonali, fejn id-diskrezzjoni wiesgħa fil-valutazzjoni tal-interess pubbliku mhux dejjem tiġi eżerċitata b’mod li jirrifletti kif kien maħsub li japplika l-qafas ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni. Fl-istess ħin, il-qafas ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni ftit ra użu minħabba r-riskji għad-depożitanti ta’ istituzzjonijiet iffinanzjati mid-depożiti li jġarrbu telf biex jiġi żgurat li dawk l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jaċċessaw finanzjament estern f’riżoluzzjoni, b’mod partikolari fin-nuqqas ta’ obbligazzjonijiet oħrajn b’kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna. Fl-aħħar nett, il-fatt li hemm regoli inqas stretti dwar l-aċċess għall-finanzjament barra r-riżoluzzjoni milli fir-riżoluzzjoni skoraġġixxa l-applikazzjoni tal-qafas ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni favur soluzzjonijiet oħrajn, li spiss jinvolvu l-użu tal-flus tal-kontribwenti minflok ir-riżorsi proprji tal-istituzzjoni u tal-entità jew ix-xbieki ta’ sikurezza ffinanzjati mill-industrija. Dik is-sitwazzjoni, min-naħa tagħha, tiġġenera riskji ta’ frammentazzjoni, riskji ta’ eżiti subottimali fl-immaniġġar tal-fallimenti tal-istituzzjonijiet u tal-entitajiet, b’mod partikolari fil-każ ta’ istituzzjonijiet u entitajiet iżgħar u ta’ daqs medju, u kostijiet ta’ opportunità minn riżorsi finanzjarji mhux użati. Għalhekk, huwa meħtieġ li tiġi żgurata applikazzjoni aktar effettiva u koerenti tal-qafas ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni u li jiġi żgurat li dan ikun jista’ jiġi applikat kull meta jkun fl-interess pubbliku, inkluż għal ċerti istituzzjonijiet iżgħar u ta’ daqs medju ffinanzjati primarjament permezz ta’ depożiti u mingħajr obbligazzjonijiet suffiċjenti oħrajn b’kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna.

(3)L-intensità, u l-livell ta’ dettall, tal-ħidma tal-ippjanar tar-riżoluzzjoni meħtieġa fir-rigward tas-sussidjarji li ma ġewx identifikati bħala entitajiet ta’ riżoluzzjoni jvarjaw skont id-daqs u l-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet u l-entitajiet ikkonċernati, il-preżenza ta’ funzjonijiet kritiċi, u l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu jikkunsidraw dawk il-fatturi meta jidentifikaw il-miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward ta’ tali sussidjarji u jsegwu approċċ simplifikat, fejn xieraq.

(4)Istituzzjoni jew entità li tkun qed tiġi stralċjata skont il-liġi nazzjonali, wara determinazzjoni li l-istituzzjoni jew l-entità qed tfalli jew x’aktarx tfalli u konklużjoni mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni li r-riżoluzzjoni tagħha ma hijiex fl-interess pubbliku, fl-aħħar mill-aħħar tinsab miexja lejn il-ħruġ mis-suq. Dan jimplika li ma huwa meħtieġ l-ebda pjan għall-azzjonijiet li għandhom jittieħdu f’każ ta’ falliment, irrispettivament minn jekk l-awtorità kompetenti tkunx diġà rtirat l-awtorizzazzjoni tal-istituzzjoni jew tal-entità kkonċernata. L-istess japplika għal istituzzjoni residwa taħt riżoluzzjoni wara t-trasferiment tal-assi, tad-drittijiet u tal-obbligazzjonijiet fil-kuntest ta’ strateġija ta’ trasferiment. Huwa għalhekk xieraq li jiġi speċifikat li, f’dawk is-sitwazzjonijiet, l-adozzjoni ta’ pjanijiet ta’ riżoluzzjoni ma hijiex meħtieġa.

(5)L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni bħalissa jistgħu jipprojbixxu ċerti distribuzzjonijiet meta istituzzjoni jew entità tonqos milli tissodisfa r-rekwiżit ta’ riżerva kkombinat meta dan jitqies flimkien mar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (“MREL”). Madankollu, f’ċerti sitwazzjonijiet, istituzzjoni jew entità tista’ tkun meħtieġa tikkonforma mal-MREL fuq bażi differenti mill-bażi li fuqha dik l-istituzzjoni jew l-entità hija meħtieġa tikkonforma mar-rekwiżit ta’ riżerva kkombinat. Dik is-sitwazzjoni toħloq inċertezzi fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-eżerċitar tas-setgħat tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni biex jipprojbixxu d-distribuzzjonijiet u għall-kalkolu tal-Ammont Massimu Distribwibbli relatat mal-MREL. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi stabbilit li, f’dawk il-każijiet, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jeżerċitaw is-setgħa li jipprojbixxu ċerti distribuzzjonijiet abbażi tal-istima tar-rekwiżit ta’ riżerva kkombinat li jirriżulta mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1118 28 . Sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u ċ-ċertezza legali, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jikkomunikaw ir-rekwiżit ta’ riżerva kkombinat stmat lill-istituzzjoni jew lill-entità, li jenħtieġ li mbagħad jiddivulgaw pubblikament dak ir-rekwiżit ta’ riżerva kkombinat stmat.

(6)Inħolqu miżuri ta’ intervent bikri li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jirrimedjaw id-deterjorament tas-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika ta’ istituzzjoni jew entità u jnaqqsu, sa fejn ikun possibbli, ir-riskju u l-impatt ta’ riżoluzzjoni possibbli. Madankollu, minħabba nuqqas ta’ ċertezza rigward l-iskattaturi għall-applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri ta’ intervent bikri u d-duplikazzjonijiet parzjali ma’ miżuri superviżorji, rari ntużaw miżuri ta’ intervent bikri. Għalhekk, jenħtieġ li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri ta’ intervent bikri jiġu ssimplifikati u speċifikati aktar. Sabiex jitneħħew l-inċertezzi dwar il-kundizzjonijiet u ż-żmien għat-tneħħija tal-korp maniġerjali u l-ħatra ta’ amministraturi temporanji, jenħtieġ li dawk il-miżuri jiġu identifikati b’mod espliċitu bħala miżuri ta’ intervent bikri u jenħtieġ li l-applikazzjoni tagħhom tkun soġġetta għall-istess skattaturi. Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu meħtieġa jagħżlu l-miżuri xierqa biex jindirizzaw sitwazzjoni speċifika f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jqisu r-riskji għar-reputazzjoni jew ir-riskji relatati mal-ħasil tal-flus jew mat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jivvalutaw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ intervent bikri mhux biss abbażi ta’ indikaturi kwantitattivi, bħar-rekwiżiti tal-kapital jew tal-likwidità, il-livell ta’ ingranaġġ, is-self improduttiv jew il-konċentrazzjoni ta’ skoperturi, iżda wkoll abbażi ta’ skattaturi kwalitattivi.

(7)Sabiex tittejjeb iċ-ċertezza legali, il-miżuri ta’ intervent bikri stabbiliti fid-Direttiva 2014/59/UE li jikkoinċidu mas-setgħat diġà eżistenti taħt il-qafas prudenzjali stabbilit fid-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 29 u fid-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 30 jenħtieġ li jitneħħew. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu jħejju għar-riżoluzzjoni possibbli ta’ istituzzjoni jew entità. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tinforma lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni dwar id-deterjorament tal-kundizzjoni finanzjarja ta’ istituzzjoni jew entità kmieni biżżejjed, u jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom is-setgħat meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-miżuri preparatorji. Huwa importanti li jiġi nnotat li sabiex l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu jirreaġixxu malajr kemm jista’ jkun għal deterjorament tas-sitwazzjoni ta’ istituzzjoni jew entità, jenħtieġ li l-applikazzjoni minn qabel ta’ miżuri ta’ intervent bikri ma tkunx kundizzjoni għall-awtorità ta’ riżoluzzjoni biex tagħmel l-arranġamenti għall-kummerċjalizzazzjoni tal-istituzzjoni jew tal-entità jew biex titlob informazzjoni biex taġġorna l-pjan ta’ riżoluzzjoni u tħejji l-valwazzjoni. Sabiex tiġi żgurata reazzjoni konsistenti, ikkoordinata, effettiva u f’waqtha għad-deterjorament tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ istituzzjoni jew entità u sabiex issir tħejjija kif suppost għal riżoluzzjoni possibbli, huwa meħtieġ li jittejbu l-interazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni. Malli istituzzjoni jew entità tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ intervent bikri, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jżidu l-iskambji ta’ informazzjoni tagħhom, inkluża informazzjoni provviżorja, u jimmonitorjaw is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjoni jew tal-entità b’mod konġunt.

(8)Huwa meħtieġ li jiġu żgurati azzjoni f’waqtha u koordinazzjoni bikrija bejn l-awtorità kompetenti u l-awtorità ta’ riżoluzzjoni, meta istituzzjoni jew entità tkun għadha negozju avvjat, iżda fejn ikun hemm riskju materjali li l-istituzzjoni jew l-entità tista’ tfalli. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tinnotifika lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni kmieni kemm jista’ jkun b’tali riskju. Jenħtieġ li dik in-notifika jkun fiha r-raġunijiet għall-valutazzjoni tal-awtorità kompetenti u ħarsa ġenerali lejn il-miżuri alternattivi tas-settur privat, l-azzjoni superviżorja jew il-miżuri ta’ intervent bikri li huma disponibbli biex jiġi evitat il-falliment tal-istituzzjoni jew tal-entità f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Jenħtieġ li tali notifika bikrija ma tippreġudikax il-proċeduri biex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni humiex issodisfati. In-notifika minn qabel mill-awtorità kompetenti lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ riskju materjali li istituzzjoni jew entità qed tfalli jew x’aktarx tfalli jenħtieġ li ma tkunx kundizzjoni għal determinazzjoni sussegwenti li istituzzjoni jew entità fil-fatt qed tfalli jew x’aktarx tfalli. Barra minn hekk, jekk fi stadju aktar tard l-istituzzjoni jew l-entità tiġi vvalutata bħala li qed tfalli jew x’aktarx tfalli u ma jkun hemm l-ebda soluzzjoni alternattiva biex jiġi evitat tali falliment f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk għandhiex tieħu azzjoni ta’ riżoluzzjoni. F’każ bħal dan, il-puntwalità tad-deċiżjoni li tiġi applikata azzjoni ta’ riżoluzzjoni għal istituzzjoni jew entità tista’ tkun fundamentali għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni, b’mod partikolari minħabba li intervent aktar bikri fl-istituzzjoni jew fl-entità jista’ jikkontribwixxi biex jiġu żgurati livelli suffiċjenti ta’ kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ likwidità biex tiġi eżegwita dik l-istrateġija. Għalhekk, huwa xieraq li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tkun tista’ tivvaluta, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtorità kompetenti, x’jikkostitwixxi perjodu ta’ żmien raġonevoli biex jiġu implimentati miżuri alternattivi biex jiġi evitat il-falliment tal-istituzzjoni jew tal-entità. Sabiex jiġi żgurat eżitu f’waqtu u sabiex l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tkun tista’ tħejji kif suppost għar-riżoluzzjoni potenzjali tal-istituzzjoni jew tal-entità, jenħtieġ li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni u l-awtorità kompetenti jiltaqgħu regolarment, u jenħtieġ li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tiddeċiedi dwar il-frekwenza ta’ dawk il-laqgħat wara li tqis iċ-ċirkostanzi tal-każ.

(9)Il-qafas ta’ riżoluzzjoni huwa maħsub biex jiġi applikat potenzjalment għal kwalunkwe istituzzjoni jew entità, irrispettivament mid-daqs u l-mudell tan-negozju tagħha, jekk l-għodod disponibbli skont il-liġi nazzjonali ma jkunux adegwati għall-immaniġġar tal-falliment tagħha. Sabiex jiġi żgurat tali eżitu, jenħtieġ li jiġu speċifikati l-kriterji biex tiġi applikata l-valutazzjoni tal-interess pubbliku għal istituzzjoni jew entità li qed tfalli. B’mod partikolari, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li, skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi, ċerti funzjonijiet tal-istituzzjoni jew tal-entità jistgħu jitqiesu bħala kritiċi anki jekk id-diskontinwità tagħhom ikollha impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja jew fuq is-servizzi kritiċi biss fil-livell reġjonali.

(10)Jenħtieġ li l-valutazzjoni ta’ jekk ir-riżoluzzjoni ta’ istituzzjoni jew entità hijiex fl-interess pubbliku tkun tirrifletti l-kunsiderazzjoni li d-depożitanti jkunu protetti aħjar meta l-fondi tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti (“SGD”) jintużaw b’mod aktar effiċjenti u t-telf għal dawk il-fondi jiġi mminimizzat. Għalhekk, fil-valutazzjoni tal-interess pubbliku, jenħtieġ li l-objettiv ta’ riżoluzzjoni tal-protezzjoni tad-depożitanti jitqies li jintlaħaq aħjar f’riżoluzzjoni jekk l-għażla tal-insolvenza tkun aktar għalja għall-SGD.

(11)Il-valutazzjoni ta’ jekk ir-riżoluzzjoni ta’ istituzzjoni jew entità hijiex fl-interess pubbliku jenħtieġ li tkun tirrifletti wkoll, sa fejn ikun possibbli, id-differenza bejn, minn naħa, il-finanzjament ipprovdut permezz ta’ xbieki ta’ sikurezza ffinanzjati mill-industrija (arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni jew SGD) u, min-naħa l-oħra, il-finanzjament ipprovdut mill-Istati Membri mill-flus tal-kontribwenti. Il-finanzjament ipprovdut mill-Istati Membri għandu riskju ogħla ta’ periklu morali u inċentiv aktar baxx għad-dixxiplina tas-suq. Għalhekk, meta jivvalutaw l-objettiv li tiġi mminimizzata d-dipendenza fuq appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jsibu finanzjament permezz tal-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni jew l-SGD preferibbli għal finanzjament permezz ta’ ammont ugwali ta’ riżorsi mill-baġit tal-Istati Membri.

(12)Sabiex jiġi żgurat li l-objettivi ta’ riżoluzzjoni jintlaħqu bl-aktar mod effettiv, jenħtieġ li l-eżitu tal-valutazzjoni tal-interess pubbliku jkun negattiv biss meta l-istralċ tal-istituzzjoni jew tal-entità li qed tfalli taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza jilħaq l-objettivi ta’ riżoluzzjoni b’mod aktar effettiv u mhux biss bl-istess mod bħar-riżoluzzjoni.

(13)Meta istituzzjoni jew entità li tkun qed tfalli ma titqiegħedx f’riżoluzzjoni, jenħtieġ li din tiġi stralċjata f’konformità mal-proċeduri disponibbli skont il-liġi nazzjonali. Tali proċeduri jistgħu jvarjaw sostanzjalment minn Stat Membru għall-ieħor. Filwaqt li huwa xieraq li tkun permessa biżżejjed flessibbiltà biex jintużaw il-proċeduri nazzjonali eżistenti, jenħtieġ li ċerti aspetti jiġu ċċarati biex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet jew l-entitajiet ikkonċernati joħorġu mis-suq.

(14)Jenħtieġ li jiġi żgurat li l-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja nazzjonali rilevanti tibda malajr proċedura skont il-liġi nazzjonali meta istituzzjoni jew entità titqies li qed tfalli jew x’aktarx tfalli u ma titqiegħedx f’riżoluzzjoni. Meta l-likwidazzjoni volontarja tal-istituzzjoni jew tal-entità fuq deċiżjoni tal-azzjonisti tkun disponibbli skont il-liġi nazzjonali, jenħtieġ li tali għażla tibqa’ disponibbli. Madankollu, jenħtieġ li jiġi żgurat li, fin-nuqqas ta’ azzjoni rapida mill-azzjonisti, l-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja nazzjonali rilevanti tieħu azzjoni.

(15)Jenħtieġ li jiġi stabbilit ukoll li l-eżitu finali ta’ tali proċeduri huwa l-ħruġ tal-istituzzjoni jew tal-entità li tkun qed tfalli mis-suq jew it-terminazzjoni tal-attivitajiet bankarji tagħha. Skont il-liġi nazzjonali, dak l-objettiv jista’ jintlaħaq b’modi differenti, li jistgħu jinkludu l-bejgħ tal-istituzzjoni jew tal-entità jew ta’ partijiet minnha, il-bejgħ ta’ assi jew obbligazzjonijiet speċifiċi, stralċ gradwali jew it-terminazzjoni tal-attivitajiet bankarji tagħha, inklużi pagamenti u teħid ta’ depożiti, bil-ħsieb li l-assi tagħha jinbiegħu gradwalment sabiex il-kredituri affettwati jitħallsu lura. Madankollu, sabiex tittejjeb il-prevedibbiltà tal-proċeduri, jenħtieġ li dak l-eżitu jintlaħaq f’perjodu ta’ żmien raġonevoli.

(16)Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jingħataw is-setgħa li jirtiraw l-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni jew entità biss abbażi tal-fatt li l-istituzzjoni jew l-entità qed tfalli jew x’aktarx tfalli u ma titqiegħedx f’riżoluzzjoni. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jirtiraw l-awtorizzazzjoni biex jappoġġaw l-objettiv ta’ stralċ tal-istituzzjoni jew tal-entità f’konformità mal-liġi nazzjonali, b’mod partikolari f’każijiet fejn il-proċeduri disponibbli skont il-liġi nazzjonali ma jkunux jistgħu jinbdew fil-mument li l-istituzzjoni jew l-entità tiġi ddeterminata li qed tfalli jew x’aktarx tfalli, inklużi l-każijiet fejn l-istituzzjoni jew l-entità tkun għadha mhux insolventi fuq il-karta bilanċjali. Sabiex jiġi żgurat aktar li l-objettiv tal-istralċ tal-istituzzjoni jew tal-entità jkun jista’ jintlaħaq, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-irtirar tal-awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti jiġi inkluż ukoll fost il-kundizzjonijiet possibbli biex tinbeda mill-inqas waħda mill-proċeduri disponibbli skont il-liġi nazzjonali u applikabbli għal istituzzjonijiet jew entitajiet li qed ifallu jew li x’aktarx ifallu, iżda li ma jitqiegħdux f’riżoluzzjoni.

(17)Fid-dawl tal-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2014/59/UE, tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 u tad-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 31 , huwa meħtieġ li jiġu speċifikati aktar il-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jingħataw b’mod eċċezzjonali l-miżuri ta’ natura ta’ prekawzjoni preventiva li jikkwalifikaw bħala appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju. Sabiex jiġu mminimizzati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw minn differenzi fin-natura tal-SGD fl-Unjoni, jenħtieġ li l-interventi tal-SGD fil-kuntest ta’ miżuri preventivi li jikkonformaw mad-Direttiva 2014/49/UE li jikkwalifikaw bħala appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju jkunu permessi b’mod eċċezzjonali meta l-istituzzjoni jew l-entità benefiċjarja ma tissodisfa l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet biex titqies bħala li qed tfalli jew li x’aktarx tfalli. Jenħtieġ li jiġi żgurat li l-miżuri ta’ prekawzjoni jittieħdu kmieni biżżejjed. Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) bħalissa qed jibbaża l-kunsiderazzjoni tiegħu li istituzzjoni jew entità hija solventi, għall-finijiet ta’ rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja, fuq valutazzjoni li tħares ’il quddiem għat-12-il xahar ta’ wara dwar jekk l-istituzzjoni jew l-entità tistax tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ fondi proprji stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 32 jew fir-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 33 , u mar-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali stabbilit fid-Direttiva 2013/36/UE jew fid-Direttiva (UE) 2019/2034. Jenħtieġ li dik il-prattika tiġi stabbilita fid-Direttiva 2014/59/UE. Barra minn hekk, il-miżuri biex jiġi pprovdut salvataġġ għall-assi indeboliti, inklużi l-veikoli tal-immaniġġar tal-assi jew l-iskemi ta’ garanzija tal-assi, jistgħu jkunu effettivi u effiċjenti fl-indirizzar tal-kawżi ta’ distorsjonijiet finanzjarji possibbli li jiffaċċjaw l-istituzzjonijiet u l-entitajiet u fil-prevenzjoni tal-falliment tagħhom u, għalhekk, jistgħu jikkostitwixxu miżuri ta’ prekawzjoni rilevanti. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi speċifikat li tali miżuri ta’ prekawzjoni jistgħu jieħdu l-forma ta’ miżuri ta’ assi indeboliti.

(18)Sabiex tiġi ppreservata d-dixxiplina tas-suq, jiġu protetti l-fondi pubbliċi u jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, jenħtieġ li l-miżuri ta’ prekawzjoni jibqgħu l-eċċezzjoni u jiġu applikati biss biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta’ tfixkil serju fis-suq jew biex tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja. Barra minn hekk, jenħtieġ li ma jintużawx miżuri ta’ prekawzjoni biex jiġi indirizzat it-telf imġarrab jew li x’aktarx jiġġarrab. L-aktar strument affidabbli biex jiġi identifikat it-telf imġarrab jew li x’aktarx jiġġarrab huwa rieżami tal-kwalità tal-assi mill-BĊE, mill-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Bankarja Ewropea) (EBA), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 34 , jew mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jużaw tali rieżami biex jidentifikaw it-telf imġarrab jew li x’aktarx jiġġarrab meta tali rieżami jkun jista’ jitwettaq f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Fejn dan ma jkunx possibbli, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw it-telf imġarrab jew li x’aktarx jiġġarrab bl-aktar mod affidabbli possibbli fiċ-ċirkostanzi prevalenti, abbażi ta’ spezzjonijiet fuq il-post, fejn xieraq.

(19)Ir-rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja għandha l-għan li tappoġġa l-istituzzjonijiet u l-entitajiet vijabbli identifikati bħala li x’aktarx jiltaqgħu ma’ diffikultajiet temporanji fil-futur qrib u li tipprevjeni s-sitwazzjoni tagħhom milli tkompli tiddeterjora. Sabiex jiġi evitat li jingħataw sussidji pubbliċi lil negozji li diġà ma jagħmlux profitt meta jingħata l-appoġġ, jenħtieġ li l-miżuri ta’ prekawzjoni mogħtija fil-forma ta’ akkwist ta’ strumenti ta’ fondi proprji jew ta’ strumenti kapitali oħrajn, jew permezz ta’ miżuri ta’ assi indeboliti, ma jaqbżux l-ammont meħtieġ biex jiġu koperti d-defiċits ta’ kapital kif identifikati fix-xenarju avvers ta’ test tal-istress jew eżerċizzju ekwivalenti. Sabiex jiġi żgurat li l-finanzjament pubbliku fl-aħħar mill-aħħar jitwaqqaf, jenħtieġ li dawk il-miżuri ta’ prekawzjoni jkunu wkoll limitati fiż-żmien u jkun fihom skeda ta’ żmien ċara għat-terminazzjoni tagħhom (strateġija ta’ ħruġ). L-istrumenti perpetwi, inkluż il-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni, jenħtieġ li jintużaw biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali u jkunu soġġetti għal ċerti limiti kwantitattivi minħabba li min-natura tagħhom ma humiex adattati sew għall-konformità mal-kundizzjoni ta’ temporanjetà.

(20)Jenħtieġ li l-miżuri ta’ prekawzjoni jkunu limitati għall-ammont li l-istituzzjoni jew l-entità jkollha bżonn biex iżżomm is-solvenza tagħha fil-każ ta’ avveniment ta’ xenarju avvers kif iddeterminat f’test tal-istress jew f’eżerċizzju ekwivalenti. Fil-każ ta’ miżuri ta’ prekawzjoni fil-forma ta’ miżuri ta’ assi indeboliti, jenħtieġ li l-istituzzjoni jew l-entità riċeventi tkun tista’ tuża dak l-ammont biex tkopri t-telf fuq l-assi ttrasferiti jew flimkien ma’ akkwiżizzjoni ta’ strumenti kapitali, sakemm ma jinqabiżx l-ammont globali tad-defiċit identifikat. Huwa meħtieġ ukoll li jiġi żgurat li tali miżuri ta’ prekawzjoni fil-forma ta’ miżuri ta’ assi indeboliti jikkonformaw mar-regoli eżistenti dwar l-għajnuna mill-Istat u mal-aħjar prattiki, li jreġġgħu lura l-vijabbiltà fit-tul tal-istituzzjoni jew tal-entità, li l-għajnuna mill-Istat tkun limitata għall-minimu meħtieġ u li jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Għal dawk ir-raġunijiet, jenħtieġ li, f’każ ta’ miżuri ta’ prekawzjoni fil-forma ta’ miżuri ta’ assi indeboliti, l-awtoritajiet ikkonċernati jqisu l-gwida speċifika, inkluż il-Pjan ta’ Azzjoni għall-KMA 35 u l-Komunikazzjoni dwar l-Indirizzar ta’ Self Improduttiv 36 . Jenħtieġ li dawk il-miżuri ta’ prekawzjoni fil-forma ta’ miżuri ta’ assi indeboliti dejjem ikunu soġġetti għall-kundizzjoni prevalenti ta’ temporanjetà. Il-garanziji pubbliċi mogħtija għal perjodu speċifikat b’rabta mal-assi indeboliti tal-istituzzjoni jew tal-entità kkonċernata huma mistennija li jiżguraw konformità aħjar mal-kundizzjoni ta’ temporanjetà mit-trasferimenti ta’ tali assi lil entità appoġġata pubblikament. Sabiex jiġi żgurat il-ħruġ mis-suq ta’ istituzzjonijiet u entitajiet li jirriżultaw li ma jkunux vijabbli, minkejja l-appoġġ riċevut, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit li n-nuqqas ta’ konformità mill-istituzzjoni jew mill-entità kkonċernata mat-termini tal-miżuri ta’ appoġġ speċifikati fiż-żmien meta jkunu ngħataw tali miżuri għandu jwassal biex l-istituzzjoni jew l-entità kkonċernata titqies li qed tfalli jew li x’aktarx tfalli.

(21)Sabiex jiġi kopert il-ksur materjali tar-rekwiżiti prudenzjali, huwa meħtieġ li jiġu speċifikati aktar il-kundizzjonijiet għad-determinazzjoni li l-kumpaniji azzjonarji qed ifallu jew x’aktarx ifallu. Jenħtieġ li ksur ta’ dawk ir-rekwiżiti minn kumpanija azzjonarja jkun materjali meta t-tip u l-firxa ta’ tali ksur ikunu komparabbli ma’ ksur li, kieku twettaq minn istituzzjoni ta’ kreditu, kien jiġġustifika l-irtirar tal-awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti f’konformità mal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2013/36/UE.

(22)L-Istati Membri jista’ jkollhom, skont il-liġijiet nazzjonali tagħhom, setgħat biex jissospendu l-obbligi ta’ ħlas jew ta’ konsenja li jistgħu jinkludu depożiti eliġibbli. Meta s-sospensjoni tal-obbligi ta’ ħlas jew ta’ konsenja ma tkunx direttament relatata maċ-ċirkostanzi finanzjarji tal-istituzzjoni ta’ kreditu, id-depożiti jistgħu ma jkunux disponibbli għall-finijiet tad-Direttiva 2014/49/UE. B’konsegwenza ta’ dan, jista’ jkun li d-depożitanti ma jkunux jistgħu jaċċessaw id-depożiti tagħhom għal perjodu estiż. Sabiex tinżamm il-fiduċja u l-kunfidenza tad-depożitanti fis-settur bankarju u tinżamm l-istabbiltà finanzjarja, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li d-depożitanti jkollhom aċċess għal ammont xieraq ta’ kuljum mid-depożiti tagħhom, sabiex ikopru, b’mod partikolari, l-għoli tal-ħajja, jekk id-depożiti tagħhom isiru inaċċessibbli minħabba sospensjoni tal-pagamenti għal raġunijiet oħrajn għajr dawk li jwasslu għall-iżborż lid-depożitanti. Jenħtieġ li tali proċedura tibqa’ eċċezzjonali, u jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li d-depożitanti jkollhom aċċess għal ammonti xierqa ta’ kuljum.

(23)Sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali, u fid-dawl tar-rilevanza potenzjali tal-obbligazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minn avvenimenti inċerti futuri, inkluż l-eżitu tal-litigazzjonijiet pendenti fiż-żmien tar-riżoluzzjoni, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit liema trattament jenħtieġ li jirċievu dawk l-obbligazzjonijiet għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna. Jenħtieġ li l-prinċipji gwida f’dak ir-rigward ikunu dawk ipprovduti fir-regoli kontabilistiċi u, b’mod partikolari, ir-regoli kontabilistiċi stabbiliti fl-Istandard Internazzjonali tal-Kontabbiltà 37 kif adottat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 37 . Fuq dik il-bażi, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jagħmlu distinzjoni bejn il-provvedimenti u l-obbligazzjonijiet kontinġenti. Il-provvedimenti huma obbligazzjonijiet li huma relatati ma’ ħruġ probabbli ta’ fondi u li jistgħu jiġu stmati b’mod affidabbli. L-obbligazzjonijiet kontinġenti ma humiex rikonoxxuti bħala obbligazzjonijiet kontabilistiċi minħabba li huma relatati ma’ obbligu li ma jistax jitqies probabbli fiż-żmien meta ssir l-istima jew li ma jistax jiġi stmat b’mod affidabbli.

(24)Billi d-dispożizzjonijiet huma obbligazzjonijiet kontabilistiċi, jenħtieġ li jiġi speċifikat li tali dispożizzjonijiet għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħal obbligazzjonijiet oħrajn. Jenħtieġ li tali provvedimenti jkollhom kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna, sakemm ma jissodisfawx wieħed mill-kriterji speċifiċi biex jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna. Minħabba r-rilevanza potenzjali ta’ dawk id-dispożizzjonijiet f’riżoluzzjoni u biex tiġi żgurata ċ-ċertezza fl-applikazzjoni tal-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna, jenħtieġ li jiġi speċifikat li l-provvedimenti huma parti mill-obbligazzjonijiet b’kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna u li, b’riżultat ta’ dan, l-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna tapplika għalihom. Jenħtieġ li jiġi żgurat ukoll li, wara l-applikazzjoni tal-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna, dawk l-obbligazzjonijiet u kwalunkwe obbligu jew pretensjoni li jirriżultaw b’rabta magħhom jiġu ttrattati bħala rilaxxati għall-finijiet kollha. Dan huwa partikolarment rilevanti għall-obbligazzjonijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn pretensjonijiet ġudizzjarji kontra l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni.

(25)Skont il-prinċipji tal-kontabilità, l-obbligazzjonijiet kontinġenti ma jistgħux jiġu rikonoxxuti bħala obbligazzjonijiet u, għalhekk, jenħtieġ li ma jkollhomx kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna. Madankollu, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li obbligazzjoni kontinġenti li tirriżulta minn avveniment li huwa improbabbli jew li ma jistax jiġi stmat b’mod affidabbli fiż-żmien tar-riżoluzzjoni ma tfixkilx l-effettività tal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni u, b’mod partikolari, tal-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna. Sabiex jintlaħaq dak l-objettiv, jenħtieġ li l-valwatur, bħala parti mill-valwazzjoni għall-finijiet ta’ riżoluzzjoni, jivvaluta l-obbligazzjonijiet kontinġenti li huma inklużi fil-karta bilanċjali tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni u jikkwantifika l-valur potenzjali ta’ dawk l-obbligazzjonijiet għall-aħjar kapaċitajiet tal-valwatur. Sabiex jiġi żgurat li, wara l-proċess ta’ riżoluzzjoni, l-istituzzjoni jew l-entità tkun tista’ ssostni fiduċja suffiċjenti fis-suq għal ammont xieraq ta’ żmien, jenħtieġ li l-valwatur iqis dak il-valur potenzjali meta jistabbilixxi l-ammont li bih l-obbligazzjonijiet b’kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna jeħtieġ li jiġu valwati b’mod negattiv jew ikkonvertiti biex jitreġġgħu lura l-proporzjonijiet ta’ kapital tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tapplika s-setgħat ta’ konverżjoni tagħha għall-obbligazzjonijiet b’kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna sa fejn ikun meħtieġ biex jiġi żgurat li r-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni tkun biżżejjed biex tkopri t-telf potenzjali li jista’ jiġi kkawżat minn obbligazzjoni li tista’ tirriżulta minħabba avveniment improbabbli. Meta tivvaluta l-ammont li għandu jiġi valwat b’mod negattiv jew ikkonvertit, jenħtieġ li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tikkunsidra bir-reqqa l-impatt tat-telf potenzjali fuq l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni abbażi ta’ għadd ta’ fatturi, inkluża l-probabbiltà li l-avveniment jimmaterjalizza, il-perjodu ta’ żmien għall-materjalizzazzjoni tiegħu u l-ammont tal-obbligazzjoni kontinġenti.

(26)F’ċerti ċirkostanzi, wara li l-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni jkun ipprovda kontribuzzjoni sa massimu ta’ 5 % tal-obbligazzjonijiet totali tal-istituzzjoni jew tal-entità, inklużi l-fondi proprji, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jużaw sorsi addizzjonali ta’ finanzjament biex jappoġġaw aktar l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni tagħhom. Jenħtieġ li jiġi speċifikat b’mod aktar ċar f’liema ċirkostanzi l-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni jista’ jipprovdi appoġġ ulterjuri meta l-obbligazzjonijiet kollha bi klassifikazzjoni ta’ prijorità aktar baxxa mid-depożiti li ma humiex esklużi b’mod obbligatorju jew diskrezzjonali mir-rikapitalizzazzjoni interna jkunu ġew valwati b’mod negattiv jew ikkonvertiti bis-sħiħ.

(27)Ir-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 38 , ir-Regolament (UE) 2019/877 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 39 u d-Direttiva (UE) 2019/879 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 40 implimentati fl-Unjoni, “id-Dokument dwar il-Kundizzjonijiet tal-Kapaċità Totali ta’ Assorbiment tat-Telf (TLAC)” internazzjonali, ippubblikat mill-Bord għall-Istabilità Finanzjarja fid-9 ta’ Novembru 2015 (l-“istandard TLAC”), għall-banek globali sistemikament importanti, imsemmija fid-dritt tal-Unjoni bħala istituzzjonijiet globali sistemikament importanti (G-SIIs). Ir-Regolament (UE) 2019/877 u d-Direttiva (UE) 2019/879 emendaw ukoll l-MREL stabbilit fid-Direttiva 2014/59/UE u fir-Regolament (UE) Nru 806/2014. Huwa meħtieġ li d-dispożizzjonijiet fid-Direttiva 2014/59/UE dwar l-MREL jiġu allinjati mal-implimentazzjoni tal-istandard TLAC għall-G-SIIs fir-rigward ta’ ċerti obbligazzjonijiet li jistgħu jintużaw biex tiġi ssodisfata l-parti tal-MREL li jenħtieġ li tiġi ssodisfata b’fondi proprji u obbligazzjonijiet subordinati oħrajn. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-obbligazzjonijiet li jikklassifikaw pari passu ma’ ċerti obbligazzjonijiet esklużi jiġu inklużi fil-fondi proprji u fl-istrumenti eliġibbli subordinati tal-entitajiet ta’ riżoluzzjoni fejn l-ammont ta’ dawk l-obbligazzjonijiet esklużi fuq il-karta bilanċjali tal-entità ta’ riżoluzzjoni ma jaqbiżx il-5 % tal-ammont tal-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli tal-entità ta’ riżoluzzjoni u ma jinħoloq l-ebda riskju relatat mal-prinċipju li “l-ebda kreditur ma jmur agħar” minn dik l-inklużjoni.

(28)Ir-regoli għad-determinazzjoni tal-MREL huma ffokati l-aktar fuq l-iffissar tal-livell xieraq tal-MREL bis-suppożizzjoni tal-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna bħala l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni ppreferuta. Madankollu, id-Direttiva 2014/59/UE tippermetti lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jużaw għodod ta’ riżoluzzjoni oħrajn, jiġifieri dawk li jiddependu fuq it-trasferiment tan-negozju tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni lil xerrej privat jew lil istituzzjoni tranżitorja. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi speċifikat li, f’każ li l-pjan ta’ riżoluzzjoni jipprevedi l-użu tal-għodda tal-bejgħ ta’ negozju jew tal-għodda tal-istituzzjoni tranżitorja u l-ħruġ tal-entità ta’ riżoluzzjoni mis-suq, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jiddeterminaw il-livell tal-MREL għall-entità ta’ riżoluzzjoni kkonċernata abbażi tal-ispeċifiċitajiet ta’ dawk l-għodod ta’ riżoluzzjoni u tal-ħtiġijiet differenti ta’ assorbiment tat-telf u rikapitalizzazzjoni li jinvolvu dawk l-għodod.

(29)Il-livell tal-MREL għall-entitajiet ta’ riżoluzzjoni huwa s-somma tal-ammont tat-telf mistenni f’riżoluzzjoni u l-ammont ta’ rikapitalizzazzjoni li jippermettu lill-entità ta’ riżoluzzjoni tkompli tikkonforma mal-kundizzjonijiet tagħha għall-awtorizzazzjoni u li jippermettulha ssegwi l-attivitajiet tagħha għall-perjodu xieraq. Ċerti strateġiji ta’ riżoluzzjoni ppreferuti jinvolvu t-trasferiment ta’ assi, drittijiet u obbligazzjonijiet lil riċevitur u l-ħruġ mis-suq, b’mod partikolari l-għodda tal-bejgħ ta’ negozju. F’dawk il-każijiet, jista’ jkun li l-objettivi segwiti mill-komponent tar-rikapitalizzazzjoni ma japplikawx bl-istess mod, minħabba li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ma tkunx meħtieġa tiżgura li l-entità ta’ riżoluzzjoni treġġa’ lura l-konformità mar-rekwiżiti ta’ fondi proprji tagħha wara azzjoni ta’ riżoluzzjoni. Madankollu, it-telf f’każijiet bħal dawn huwa mistenni li jaqbeż ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji tal-entità ta’ riżoluzzjoni. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi stabbilit li l-livell tal-MREL ta’ dawk l-entitajiet ta’ riżoluzzjoni jkompli jinkludi ammont ta’ rikapitalizzazzjoni li jiġi aġġustat b’mod li jkun proporzjonat għall-istrateġija ta’ riżoluzzjoni.

(30)Meta l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni tipprevedi l-użu ta’ għodod ta’ riżoluzzjoni għajr rikapitalizzazzjoni interna, il-ħtiġijiet ta’ rikapitalizzazzjoni tal-entità kkonċernata ġeneralment ikunu iżgħar wara r-riżoluzzjoni milli fil-każ ta’ rikapitalizzazzjoni interna bil-bank miftuħ. Jenħtieġ li l-kalibrazzjoni tal-MREL f’każ bħal dan tqis dak l-aspett meta jiġi stmat ir-rekwiżit ta’ rikapitalizzazzjoni. Għalhekk, meta jaġġustaw il-livell tal-MREL għall-entitajiet ta’ riżoluzzjoni li l-pjan ta’ riżoluzzjoni tagħhom jipprevedi l-għodda tal-bejgħ ta’ negozju jew l-għodda tal-istituzzjoni tranżitorja u l-ħruġ tagħha mis-suq, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jqisu l-karatteristiċi ta’ dawk l-għodod, inkluż il-perimetru mistenni tat-trasferiment lix-xerrej privat jew lill-istituzzjoni tranżitorja, it-tipi ta’ strumenti li għandhom jiġu ttrasferiti, il-valur u l-kummerċjabbiltà mistennija ta’ dawk l-istrumenti u t-tfassil tal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni ppreferuta, inkluż l-użu komplementari tal-għodda tas-separazzjoni tal-assi. Billi l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tiddeċiedi fuq bażi ta’ każ b’każ dwar kwalunkwe użu possibbli fir-riżoluzzjoni ta’ fondi minn SGD u billi tali deċiżjoni ma tistax tiġi preżunta b’ċertezza ex ante, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ma jqisux il-kontribuzzjoni potenzjali tal-SGD f’riżoluzzjoni meta jikkalibraw il-livell tal-MREL.

(31)Huwa meħtieġ li jiġu żgurati inċentivi ugwali biex jinbnew ammonti suffiċjenti ta’ MREL għall-istituzzjonijiet u l-entitajiet li jkunu soġġetti għal strateġiji ta’ trasferiment kemm fir-riżoluzzjoni kif ukoll barra minnha. Għalhekk, jenħtieġ li l-iffissar tal-livell tal-MREL għal istituzzjonijiet jew entitajiet li jistgħu jkunu soġġetti għal miżuri fil-kuntest ta’ proċedimenti nazzjonali ta’ insolvenza skont l-Artikolu 11(5) tad-Direttiva 2014/49/UE jsegwi l-istess regoli bħal dawk applikabbli għall-iffissar tal-MREL għal entitajiet ta’ riżoluzzjoni li l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni ppreferuta tagħhom tipprevedi l-bejgħ ta’ negozju jew it-trasferiment lil istituzzjoni tranżitorja li jwassal għall-ħruġ tagħha mis-suq.

(32)Hemm interazzjonijiet bejn il-qafas ta’ riżoluzzjoni u l-qafas ta’ abbuż tas-suq. B’mod partikolari, filwaqt li l-azzjonijiet meħuda bi tħejjija għar-riżoluzzjoni huma suxxettibbli li jikkwalifikaw bħala informazzjoni privileġġata skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 41 , id-divulgazzjoni prematura tagħhom tirriskja li tipperikola l-proċess ta’ riżoluzzjoni. L-istituzzjonijiet taħt riżoluzzjoni jistgħu jieħdu passi biex jindirizzaw dik il-kwistjoni billi jitolbu dewmien fid-divulgazzjoni ta’ informazzjoni privileġġata skont l-Artikolu 17(5) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014. Madankollu, jista’ jkun li mhux dejjem ikun hemm l-inċentivi t-tajbin fil-ħin tat-tħejjija għar-riżoluzzjoni sabiex l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni tieħu l-inizjattiva biex tagħmel tali talba. Sabiex jiġu evitati tali sitwazzjonijiet, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom is-setgħa li jitolbu direttament dewmien fid-divulgazzjoni ta’ informazzjoni privileġġata skont l-Artikolu 17(5) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 f’isem istituzzjoni taħt riżoluzzjoni.

(33)Sabiex jiġi ffaċilitat l-ippjanar tar-riżoluzzjoni, il-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà u l-eżerċitar tas-setgħa li jiġu indirizzati jew jitneħħew l-impedimenti għar-riżolvibbiltà, kif ukoll biex jitrawwem l-iskambju ta’ informazzjoni, jenħtieġ li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ istituzzjoni b’fergħat sinifikanti fi Stati Membri oħrajn tistabbilixxi u tippresjedi kulleġġ ta’ riżoluzzjoni.

(34)Wara l-perjodu inizjali ta’ akkumulazzjoni tal-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 102(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, il-mezzi finanzjarji disponibbli rispettivi tagħhom jistgħu jiffaċċjaw tnaqqis żgħir taħt il-livell fil-mira tagħhom, li jirriżulta b’mod partikolari minn żieda fid-depożiti koperti. B’hekk, l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante li x’aktarx jiġu eżerċitati f’dawk iċ-ċirkostanzi x’aktarx li jkun żgħir. Għalhekk, jista’ jkun possibbli li, f’xi snin, l-ammont ta’ tali kontribuzzjonijiet ex ante ma jibqax proporzjonat mal-kost tal-ġbir ta’ dawk il-kontribuzzjonijiet. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu jiddifferixxu l-ġbir tal-kontribuzzjonijiet ex ante għal sena (1) jew aktar sakemm l-ammont li għandu jinġabar jilħaq ammont li jkun proporzjonat mal-kost tal-proċess tal-ġbir, diment li tali differiment ma jaffettwax materjalment il-kapaċità tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni li jużaw arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni.

(35)L-impenji ta’ pagament irrevokabbli huma wieħed mill-komponenti tal-mezzi finanzjarji disponibbli tal-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġu speċifikati ċ-ċirkostanzi li fihom jistgħu jiġu eżerċitati dawk l-impenji ta’ pagament u l-proċedura applikabbli meta jiġu tterminati l-impenji f’każ li istituzzjoni jew entità ma tibqax soġġetta għall-obbligu li tħallas kontribuzzjonijiet għal arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni. Barra minn hekk, sabiex jiġu pprovduti aktar trasparenza u ċertezza fir-rigward tas-sehem tal-impenji ta’ pagament irrevokabbli fl-ammont totali ta’ kontribuzzjonijiet ex ante li għandhom jinġabru, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jiddeterminaw tali sehem fuq bażi annwali, soġġett għal-limiti applikabbli.

(36)L-ammont annwali massimu ta’ kontribuzzjonijiet ex post straordinarji għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni li jistgħu jiġu eżerċitati bħalissa huwa limitat għal tliet darbiet l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante. Wara l-perjodu inizjali ta’ akkumulazzjoni msemmi fl-Artikolu 102(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, tali kontribuzzjonijiet ex ante se jiddependu biss, f’ċirkostanzi oħrajn għajr l-użu tal-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni, fuq varjazzjonijiet fil-livell tad-depożiti koperti u, għalhekk, x’aktarx li jsiru żgħar. L-iffissar tal-ammont massimu tal-kontribuzzjonijiet ex post straordinarji fuq il-kontribuzzjonijiet ex ante jista’ mbagħad ikollu l-effett li jillimita drastikament il-possibbiltà għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni biex jiżdiedu l-kontribuzzjonijiet ex post, u b’hekk titnaqqas il-kapaċità tagħhom għall-azzjoni. Sabiex jiġi evitat tali eżitu, jenħtieġ li jiġi stabbilit limitu differenti u jenħtieġ li l-ammont massimu ta’ kontribuzzjonijiet ex post straordinarji li jkunu jistgħu jiġu eżerċitati jiġi stabbilit għal tliet darbiet ta’ wieħed minn kull tmienja tal-livell fil-mira tal-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni kkonċernat.

(37)Id-Direttiva 2014/59/UE armonizzat parzjalment il-klassifikazzjoni tad-depożiti skont il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw il-proċedimenti normali ta’ insolvenza. Dawk ir-regoli pprevedew klassifikazzjoni tad-depożiti fuq tliet livelli, fejn id-depożiti koperti kellhom il-klassifikazzjoni tal-ogħla prijorità, segwiti minn depożiti eliġibbli ta’ persuni fiżiċi u intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju ’l fuq mil-livell ta’ kopertura. Id-depożiti li jifdal, jiġifieri d-depożiti ta’ korporazzjonijiet kbar li jaqbżu l-livell ta’ kopertura u d-depożiti li ma humiex eliġibbli għal ripagament mill-SGD, kienu meħtieġa li jkollhom klassifikazzjoni ta’ prijorità aktar baxxa, iżda l-pożizzjoni tagħhom ma kinitx armonizzata mod ieħor. Fl-aħħar nett, il-pretensjonijiet tal-SGD ibbenefikaw mill-istess klassifikazzjoni ta’ prijorità ogħla bħad-depożiti koperti. Madankollu, din ma wrietx li hija l-aħjar soluzzjoni għall-protezzjoni tad-depożitanti. L-armonizzazzjoni parzjali ħolqot differenzi fit-trattament ta’ dawk id-depożitanti li jifdal madwar l-Istati Membri, b’mod partikolari minħabba li għadd dejjem akbar ta’ Stati Membri ddeċidew li jagħtu wkoll preferenza legali lid-depożiti li jifdal. Dawk id-differenzi ħolqu wkoll diffikultajiet fid-determinazzjoni tax-xenarju kontrofattwali ta’ insolvenza għall-gruppi transfruntiera matul il-valutazzjonijiet tar-riżoluzzjoni. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ preferenza għad-depożitanti ġenerali flimkien mal-klassifikazzjoni fuq tliet livelli tal-pretensjonijiet tad-depożitanti kellhom il-potenzjal li joħolqu problemi fir-rigward tal-konformità mal-prinċipju li “l-ebda kreditur ma jmur agħar”, b’mod partikolari meta d-depożiti li l-prijorità tagħhom ma kinitx ġiet armonizzata mid-Direttiva 2014/59/UE kklassifikaw fl-istess livell bħall-pretensjonijiet superjuri. Fl-aħħar nett, il-klassifikazzjoni ta’ prijorità għolja mogħtija lill-pretensjonijiet tal-SGD ma kinitx għamlitha possibbli li l-mezzi ta’ finanzjament disponibbli ta’ dawk l-iskemi jintużaw b’mod aktar effiċjenti u effettiv f’interventi għajr l-iżborż tad-depożiti koperti f’insolvenza, jiġifieri fil-kuntest ta’ riżoluzzjoni, miżuri alternattivi f’insolvenza jew miżuri preventivi. Il-protezzjoni tad-depożiti koperti ma tiddependix fuq il-klassifikazzjoni ta’ prijorità tal-pretensjonijiet tal-SGD, iżda minflok tiġi żgurata permezz tal-esklużjonijiet obbligatorji mir-riżoluzzjoni ta’ rikapitalizzazzjoni interna u r-ripagament fil-pront mill-SGD f’każ ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà tad-depożiti. Għalhekk, jenħtieġ li l-klassifikazzjoni tad-depożiti fil-ġerarkija attwali tal-pretensjonijiet tiġi emendata.

(38)Jenħtieġ li l-klassifikazzjoni tad-depożiti kollha tkun armonizzata bis-sħiħ permezz tal-implimentazzjoni ta’ preferenza għad-depożitanti ġenerali b’approċċ f’livell uniku, fejn id-depożiti kollha jibbenefikaw minn klassifikazzjoni ta’ prijorità ogħla fuq il-pretensjonijiet ordinarji mhux garantiti, mingħajr ebda differenzjazzjoni bejn tipi differenti ta’ depożiti. Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-użu tal-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti f’riżoluzzjoni, f’insolvenza u f’miżuri preventivi dejjem jibqa’ soġġett għall-konformità mal-kundizzjonalità rilevanti, b’mod partikolari l-hekk imsejjaħ “test tal-inqas kost”.

(39)Preferenza għad-depożitanti ġenerali se tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-fiduċja tad-depożitanti u biex jiġi evitat aktar ir-riskju ta’ assalti bankarji. Il-protezzjoni mtejba tad-depożitanti hija allinjata wkoll mar-rwol ċentrali li għandhom id-depożiti fl-ekonomija reali, bħala l-għodda primarja għat-tfaddil u għall-pagamenti, kif ukoll fl-attività bankarja, fejn id-depożiti jirrappreżentaw sors importanti ta’ finanzjament u huma xprunatur ewlieni ta’ fiduċja fis-sistema bankarja, li ssir ta’ rilevanza partikolari fi żminijiet ta’ stress fis-suq. Barra minn hekk, preferenza għad-depożitanti ġenerali ttejjeb ir-riżolvibbiltà tal-istituzzjonijiet u tal-entitajiet billi żżid il-kapaċità tagħhom li jikkonformaw mar-rekwiżiti għall-aċċess għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni u tnaqqas l-ammont ta’ finanzjament meħtieġ minn dawk l-arranġamenti, minħabba r-riskju aktar baxx ta’ ksur tal-prinċipju li “l-ebda kreditur ma jmur agħar” fejn tingħata rikapitalizzazzjoni interna għad-dejn ordinarju mhux garantit. B’mod partikolari, it-tneħħija ta’ depożiti mill-klassi ta’ insolvenza ta’ pretensjonijiet ordinarji mhux garantiti żżid il-kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna tal-pretensjonijiet ordinarji mhux garantiti li jifdal billi timminimizza r-riskju ta’ ksur tal-prinċipju li “l-ebda kreditur ma jmur agħar”. Billi titnaqqas il-probabbiltà li d-depożiti jiġu valwati b’mod negattiv jew ikkonvertiti biex jiġi żgurat l-aċċess għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni, il-preferenza għad-depożitanti ġenerali tikkontribwixxi sabiex l-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna ssir aktar effettiva u kredibbli u twassal għal żieda fit-trasparenza u fiċ-ċertezza legali tal-qafas ta’ riżoluzzjoni. Il-preferenza għad-depożitanti ġenerali tikkontribwixxi wkoll għall-kredibbiltà tal-istrateġiji ta’ trasferiment f’riżoluzzjoni, minħabba li tiffaċilita l-inklużjoni tal-kuntratt ta’ depożitu kollu fil-perimetru tal-obbligazzjonijiet li għandhom jiġu ttrasferiti lil xerrej privat jew lil istituzzjoni tranżitorja, għall-benefiċċju tar-relazzjoni mal-klijenti u l-valur ta’ franchise tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni. Fl-aħħar nett, armonizzazzjoni sħiħa tal-klassifikazzjoni tal-insolvenza tad-depożitanti tkun ta’ benefiċċju mill-perspettiva transfruntiera u ta’ kundizzjonijiet ekwi.

(40)Approċċ tal-livell uniku għall-klassifikazzjoni tal-prijorità tad-depożiti skont il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw il-proċedimenti normali ta’ insolvenza jikkontribwixxi għal protezzjoni aktar effiċjenti u inqas għalja tad-depożiti kollha. Għad-depożiti koperti, dak l-approċċ jiffaċilita l-finanzjament mill-SGD ta’ miżuri oħrajn għajr l-iżborż tad-depożiti koperti, li jistgħu jkunu aktar effettivi u inqas ta’ tfixkil fil-protezzjoni tal-aċċess għall-fondi ddepożitati, minħabba li ma jwasslux għal interruzzjoni tal-aċċess għall-kontijiet bankarji u għas-servizzi ta’ pagament. Għad-depożiti li ma humiex koperti, dak l-approċċ jiffaċilita l-protezzjoni tagħhom fejn meħtieġ għall-protezzjoni tal-istabbiltà finanzjarja u l-fiduċja tad-depożitanti. Fl-aħħar nett, bl-introduzzjoni ta’ flessibbiltà fl-użu ta’ dawk il-mekkaniżmi potenzjalment inqas għaljin għall-protezzjoni tad-depożitanti, dak l-approċċ jimminimizza l-ħtiġijiet immedjati ta’ żborż tal-SGD, u b’hekk jiżgura preservazzjoni aħjar tal-mezzi ta’ finanzjament disponibbli tagħhom f’każ li jseħħu kriżijiet oħrajn u jnaqqas il-piż fuq is-settur bankarju, li jiġu eżerċitati biex jirrikostitwixxu dawk il-fondi.

(41)Il-bidliet fil-klassifikazzjoni ta’ prijorità tad-depożiti, b’mod partikolari l-eliminazzjoni tal-klassifikazzjoni ogħla tad-depożiti koperti u l-pretensjonijiet tal-SGD meta mqabbla mad-depożiti l-oħrajn kollha, ma jaffettwawx b’mod negattiv il-protezzjoni mogħtija lid-depożiti koperti f’każ ta’ falliment, minħabba li dik il-protezzjoni tkompli tiġi ggarantita permezz tal-esklużjoni obbligatorja tad-depożiti koperti mill-assorbiment tat-telf f’każ ta’ riżoluzzjoni u, fl-aħħar mill-aħħar, mill-iżborż ipprovdut mill-SGD f’każ ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà tad-depożiti.

(42)L-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni jistgħu jintużaw biex jappoġġaw l-applikazzjoni tal-għodda tal-bejgħ ta’ negozju jew tal-għodda tal-istituzzjoni tranżitorja, fejn sett ta’ assi, drittijiet u obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jiġu ttrasferiti lil riċevitur. F’dak il-każ, l-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni jista’ jkollu pretensjoni kontra l-istituzzjoni jew l-entità residwa fl-istralċ sussegwenti tagħha taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza. Dan jista’ jseħħ meta l-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni jintuża b’konnessjoni mat-telf li l-kredituri kieku kienu jġarrbu, inkluż taħt il-forma ta’ garanziji għal assi u obbligazzjonijiet jew il-kopertura tad-differenza bejn l-assi u l-obbligazzjonijiet ittrasferiti. Sabiex jiġi żgurat li l-azzjonisti u l-kredituri li tħallew lura fl-istituzzjoni jew l-entità residwa effettivament jassorbu t-telf tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni u jtejbu l-possibbiltà ta’ ripagamenti f’insolvenza għax-xibka ta’ sikurezza speċifika għar-riżoluzzjoni, jenħtieġ li dawk il-pretensjonijiet tal-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni kontra l-istituzzjoni jew l-entità residwa, u l-pretensjonijiet li jirriżultaw minn spejjeż raġonevoli mġarrba kif suppost, jikklassifikaw f’insolvenza ’l fuq mill-pretensjonijiet tad-depożiti u tal-SGD. Billi l-kumpensi mħallsa lill-azzjonisti u lill-kredituri permezz ta’ arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni minħabba ksur tal-prinċipju li “l-ebda kreditur ma jmur agħar” għandhom l-għan li jikkumpensaw għar-riżultati tal-azzjoni ta’ riżoluzzjoni, jenħtieġ li dawk il-kumpensi ma jagħtux lok għal pretensjonijiet ta’ dawk l-arranġamenti.

(43)Sabiex tiġi żgurata flessibbiltà suffiċjenti u jiġu ffaċilitati l-interventi tal-SGD b’appoġġ għall-użu tal-għodod ta’ riżoluzzjoni, fejn dawn iwasslu għall-ħruġ mis-suq tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni u fejn meħtieġ biex jiġi evitat li jiġi mġarrab telf mid-depożitanti, jenħtieġ li jiġu speċifikati ċerti aspetti tal-użu tal-SGD f’riżoluzzjoni. B’mod partikolari, huwa meħtieġ li jiġi speċifikat li l-SGD tista’ tintuża biex tappoġġa t-tranżazzjonijiet ta’ trasferiment li jinkludu depożiti, inklużi depożiti eliġibbli lil hinn mil-livell ta’ kopertura pprovdut mill-SGD, kif ukoll depożiti esklużi mir-ripagament minn SGD, f’ċerti każijiet u taħt kundizzjonijiet ċari. Jenħtieġ li l-kontribuzzjoni tal-SGD tkun immirata biex tkopri n-nuqqas fil-valur tal-assi ttrasferiti lil xerrej jew istituzzjoni tranżitorja meta mqabbel mal-valur tad-depożiti ttrasferiti. Meta kontribuzzjoni tkun meħtieġa mix-xerrej bħala parti mit-tranżazzjoni biex tiġi żgurata n-newtralità tal-kapital tiegħu u tiġi ppreservata l-konformità mar-rekwiżiti kapitali tax-xerrej, jenħtieġ li l-SGD titħalla wkoll tikkontribwixxi għal dak il-għan. Jenħtieġ li l-appoġġ tal-SGD għal azzjoni ta’ riżoluzzjoni jieħu l-forma ta’ flus jew forom oħrajn, bħal garanziji jew ftehimiet dwar il-kondiviżjoni tat-telf li jistgħu jimminimizzaw l-impatt tal-appoġġ fuq il-mezzi finanzjarji disponibbli tal-SGD, filwaqt li fl-istess ħin jippermettu l-kontribuzzjoni tal-SGD biex tilħaq l-iskopijiet tagħha.

(44)Jenħtieġ li l-kontribuzzjoni tal-SGD f’riżoluzzjoni tkun soġġetta għal ċerti limiti. L-ewwel nett, jenħtieġ li jiġi żgurat li kwalunkwe telf li tista’ ġġarrab l-SGD bħala riżultat ta’ intervent f’riżoluzzjoni ma jaqbiżx it-telf li jkollha ġġarrab l-SGD f’insolvenza jekk tħallas lid-depożitanti koperti u tissurroga l-pretensjonijiet tagħhom fuq l-assi tal-istituzzjoni. Jenħtieġ li dak l-ammont jiġi ddeterminat abbażi tat-test tal-inqas kost, f’konformità mal-kriterji u l-metodoloġija stabbiliti fid-Direttiva 2014/49/UE. Jenħtieġ li dawk il-kriterji u l-metodoloġija jintużaw ukoll meta jiġi ddeterminat it-trattament li kienet tirċievi l-SGD kieku l-istituzzjoni daħlet fi proċedimenti normali ta’ insolvenza meta kienet qed twettaq il-valwazzjoni ex post għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-konformità mal-prinċipju li “l-ebda kreditur ma jmur agħar” u tad-determinazzjoni ta’ kwalunkwe kumpens dovut lill-SGD. It-tieni, jenħtieġ li l-ammont tal-kontribuzzjoni tal-SGD li għandha l-għan li tkopri d-differenza bejn l-assi u l-obbligazzjonijiet li għandhom jiġu ttrasferiti lil xerrej jew lil istituzzjoni tranżitorja ma jaqbiżx id-differenza bejn l-assi ttrasferiti u d-depożiti u l-obbligazzjonijiet ittrasferiti bl-istess klassifikazzjoni ta’ prijorità jew bi klassifikazzjoni ta’ prijorità ogħla f’insolvenza minn dawk id-depożiti. Dan jiżgura li l-kontribuzzjoni tal-SGD tintuża biss għall-finijiet li tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ telf fuq id-depożitanti, fejn xieraq, u mhux għall-protezzjoni tal-kredituri li jikklassifikaw taħt id-depożiti f’insolvenza. Madankollu, jenħtieġ li s-somma tal-kontribuzzjoni tal-SGD biex tkopri d-differenza bejn l-assi u l-obbligazzjonijiet bil-kontribuzzjoni tal-SGD lejn il-fondi proprji tal-entità riċeventi ma taqbiżx il-kost tal-ħlas lura lid-depożitanti koperti kif ikkalkolat skont it-test tal-inqas kost.

(45)Jenħtieġ li jiġi speċifikat li l-SGD tista’ tikkontribwixxi biss għal trasferiment ta’ obbligazzjonijiet għajr id-depożiti koperti fil-kuntest ta’ riżoluzzjoni jekk l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tikkonkludi li depożiti oħrajn għajr id-depożiti koperti ma jistgħux jingħataw rikapitalizzazzjoni interna, u lanqas jitħallew fl-istituzzjoni residwa taħt riżoluzzjoni li se tiġi stralċjata. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni titħalla tevita l-allokazzjoni tat-telf għal dawk id-depożiti fejn l-esklużjoni tkun strettament meħtieġa u proporzjonata biex tiġi ppreservata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi u tal-linji tan-negozju ewlenin jew fejn meħtieġ biex jiġu evitati kontaġju mifrux u instabbiltà finanzjarja, li jistgħu jikkawżaw tfixkil serju għall-ekonomija tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru. Jenħtieġ li l-istess raġunijiet japplikaw għall-inklużjoni fit-trasferiment lil xerrej jew lil istituzzjoni tranżitorja ta’ obbligazzjonijiet b’kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna bi klassifikazzjoni ta’ prijorità aktar baxxa minn dik tad-depożiti. F’dak il-każ, jenħtieġ li t-trasferiment ta’ dawk l-obbligazzjonijiet b’kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna ma jkunx appoġġat mill-kontribuzzjoni tal-SGD. Jekk ikun meħtieġ kwalunkwe appoġġ finanzjarju għat-trasferiment ta’ dawk l-obbligazzjonijiet b’kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna, jenħtieġ li dak l-appoġġ jiġi pprovdut permezz tal-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni.

(46)Minħabba l-possibbiltà li tintuża l-SGD f’riżoluzzjoni, huwa meħtieġ li jiġi speċifikat aktar il-mod li bih il-kontribuzzjoni tal-SGD tista’ tingħadd mal-kalkolu tar-rekwiżiti għall-aċċess għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni. Jekk il-kontribuzzjoni magħmula mill-azzjonisti u mill-kredituri tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni permezz ta’ tnaqqis, valwazzjoni negattiva jew konverżjoni tal-obbligazzjonijiet tagħhom, magħduda mal-kontribuzzjoni magħmula mill-SGD, tammonta għal mill-inqas 8 % tal-obbligazzjonijiet totali tal-istituzzjoni, inklużi l-fondi proprji, jenħtieġ li l-istituzzjoni tkun tista’ taċċessa l-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni biex tirċievi aktar finanzjament, fejn meħtieġ biex tiżgura riżoluzzjoni effettiva f’konformità mal-objettivi tar-riżoluzzjoni. Jekk dawk il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati, jenħtieġ li l-kontribuzzjoni tal-SGD tkun limitata għall-ammont meħtieġ biex ikun possibbli aċċess għall-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni. Sabiex jiġi żgurat li r-riżoluzzjoni tkompli tiġi ffinanzjata primarjament mir-riżorsi interni tal-istituzzjoni u jiġu mminimizzati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, jenħtieġ li l-possibbiltà li tintuża l-kontribuzzjoni tal-SGD biex jiġi żgurat l-aċċess għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni tkun possibbli biss għall-istituzzjonijiet li għalihom il-pjan ta’ riżoluzzjoni jew il-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-grupp ma jipprevedix l-istralċ tagħhom b’mod ordnat f’każ ta’ falliment, minħabba li l-MREL iddeterminat mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għal dawk l-istituzzjonijiet ġie stabbilit f’livell li jinkludi kemm l-assorbiment tat-telf kif ukoll l-ammonti ta’ rikapitalizzazzjoni.

(47)Fid-dawl tar-rwol tal-EBA fit-tisħiħ tal-konverġenza tal-prattiki tal-awtoritajiet, jenħtieġ li l-EBA timmonitorja u tirrapporta dwar it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-valutazzjonijiet tar-riżolvibbiltà tal-istituzzjonijiet u tal-gruppi u dwar l-azzjonijiet u t-tħejjijiet tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni biex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva tal-għodod u tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni. F’dawk ir-rapporti, jenħtieġ li l-EBA tivvaluta wkoll il-livell ta’ trasparenza tal-miżuri meħuda mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni lejn il-partijiet ikkonċernati esterni rilevanti u l-firxa tal-kontribut tagħhom għat-tħejjija għar-riżoluzzjoni u għar-riżolvibbiltà tal-istituzzjonijiet. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-EBA tirrapporta dwar il-miżuri adottati mill-Istati Membri għall-protezzjoni tal-investituri fil-livell tal-konsumatur f’dak li jikkonċerna l-istrumenti tad-dejn li huma eliġibbli għall-MREL skont id-Direttiva 2014/59/UE, billi tqabbel u tivvaluta kwalunkwe impatt potenzjali fuq l-operazzjonijiet transfruntiera. Jenħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-istandards tekniċi regolatorji eżistenti dwar l-istima tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji addizzjonali u tar-rekwiżit ta’ riżerva kkombinat għall-entitajiet ta’ riżoluzzjoni jiġi estiż biex jinkludi entitajiet li ma ġewx identifikati bħala entitajiet ta’ riżoluzzjoni, fejn dawk ir-rekwiżiti ma jkunux ġew stabbiliti fuq l-istess bażi bħall-MREL. Fir-rapport annwali dwar l-MREL, jenħtieġ li l-EBA tivvaluta wkoll l-implimentazzjoni tal-politika mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tar-regoli l-ġodda għall-kalibrazzjoni tal-MREL għall-istrateġiji ta’ trasferiment. Fil-kuntest tal-kompiti tal-EBA li tikkontribwixxi biex tiżgura reġim koerenti u kkoordinat għall-immaniġġar u r-riżoluzzjoni tal-kriżijiet fl-Unjoni, jenħtieġ li l-EBA tikkoordina u tissorvelja l-eżerċizzji ta’ simulazzjoni tal-kriżijiet. Jenħtieġ li dawk is-simulazzjonijiet ikopru l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u l-SGD matul id-deterjorament tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet u tal-entitajiet, l-ittestjar tal-applikazzjoni tas-sett ta’ għodod fl-ippjanar tal-irkupru u tar-riżoluzzjoni, l-intervent bikri, u r-riżoluzzjoni b’mod olistiku. Jenħtieġ li dawk l-eżerċizzji jikkunsidraw b’mod partikolari d-dimensjoni transfruntiera fl-interazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti u l-applikazzjoni tal-għodod u s-setgħat disponibbli. Fejn rilevanti, jenħtieġ li l-eżerċizzji ta’ simulazzjoni tal-kriżijiet ikopru wkoll l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ skemi ta’ riżoluzzjoni fl-Unjoni Bankarja, skont ir-Regolament (UE) Nru 806/2014.

(48)Il-valutazzjoni tal-impatt ta’ kwalità għolja hija kruċjali għall-iżvilupp ta’ proposti leġiżlattivi tajbin u bbażati fuq l-evidenza, filwaqt li l-fatti u l-evidenza huma kruċjali biex jinformaw id-deċiżjonijiet meħuda matul il-proċedura leġiżlattiva. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, l-awtoritajiet kompetenti, il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, il-BĊE u membri oħrajn tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u l-EBA jipprovdu lill-Kummissjoni, fuq talba tagħha, bl-informazzjoni kollha li teħtieġ għall-kompiti relatati mal-iżvilupp tal-politika tagħha, inklużi t-tħejjija ta’ valutazzjonijiet tal-impatt u t-tħejjija u n-negozjar ta’ proposti leġiżlattivi.

(49)Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2014/59/UE tiġi emendata kif xieraq.

(50)Billi l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jittejbu l-effettività u l-effiċjenza tal-qafas ta’ rkupru u riżoluzzjoni għall-istituzzjonijiet u l-entitajiet, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba r-riskji li l-approċċi nazzjonali diverġenti jistgħu jinvolvu għall-integrità tas-suq uniku, iżda pjuttost jistgħu, billi jiġu emendati r-regoli li diġà huma stabbiliti fil-livell tal-Unjoni, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2014/59/UE

Id-Direttiva 2014/59/UE hija emendata kif ġej:

(1)l-Artikolu 2(1) huwa emendat kif ġej:

(a)jiddaħħal il-punt (29a) li ġej:

“(29a) “miżura alternattiva tas-settur privat” tfisser kwalunkwe appoġġ li ma jikkwalifikax bħala appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju;”;

(b)il-punt (35) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(35) “funzjonijiet kritiċi” tfisser attivitajiet, servizzi jew operazzjonijiet li d-diskontinwità tagħhom fi Stat Membru wieħed jew aktar twassal għal tfixkil tas-servizzi li huma essenzjali għall-ekonomija reali jew għal tfixkil tal-istabbiltà finanzjarja fil-livell reġjonali jew nazzjonali, minħabba d-daqs, is-sehem mis-suq, l-interkonnettività esterna u interna, il-kumplessità jew l-attivitajiet transfruntiera ta’ istituzzjoni jew grupp, b’attenzjoni partikolari għas-sostitwibbiltà ta’ dawk l-attivitajiet, is-servizzi jew l-operazzjonijiet;”;

(c)il-punt (71) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(71) “obbligazzjonijiet b’kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna” tfisser l-obbligazzjonijiet, inklużi dawk li jagħtu lok għall-provvedimenti tal-kontabilità, u l-istrumenti ta’ kapital li ma jikkwalifikawx bħala strumenti tal-Grad 1, tal-Grad 1 Addizzjonali u tal-Grad 2 ta’ Ekwità Komuni ta’ istituzzjoni jew entità kif imsemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) u li ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 44(2);”;

(d)jiddaħħlu l-punti (83d) u (83e) li ġejjin:

“(83d) “G-SII mhux tal-UE” tfisser G-SII mhux tal-UE kif definita fil-punt (134) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(83e) “entità G-SII” tfisser entità G-SII kif definita fil-punt (136) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;”;

(e)jiddaħħal il-punt (93a) li ġej:

“(93a) “depożitu” tfisser, għall-finijiet tal-Artikoli 108 u 109, depożitu kif definit fil-punt (3) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/49/UE;”;

(2)fl-Artikolu 5, il-paragrafi 2, 3 u 4 huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet jaġġornaw il-pjanijiet ta’ rkupru tagħhom tal-anqas darba fis-sena jew wara bidla fl-istruttura legali jew organizzattiva tal-istituzzjoni, in-negozju jew is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, li jista’ jkollha effett materjali fuq il-pjan ta’ rkupru jew teħtieġ bidla materjali fih. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu lill-istituzzjonijiet jaġġornaw il-pjanijiet ta’ rkupru tagħhom aktar ta’ spiss.

Fin-nuqqas tal-bidliet imsemmija fl-ewwel subparagrafu fi 12-il xahar wara l-aħħar aġġornament annwali tal-pjan ta’ rkupru, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrinunzjaw b’mod eċċezzjonali, sal-perjodu ta’ 12-il xahar sussegwenti, l-obbligu li jaġġornaw il-pjan ta’ rkupru.

3. Il-pjanijiet ta’ rkupru ma għandhomx jassumu l-aċċess għal jew ir-riċevuta ta’ kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

(a)appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju;

(b)assistenza ta’ likwidità f’emerġenza ta’ bank ċentrali;

(c)assistenza ta’ likwidità ta’ bank ċentrali pprovduta taħt termini ta’ kollateralizzazzjoni, maturità jew rata tal-imgħax mhux standard.

4. Il-pjanijiet ta’ rkupru għandhom jinkludu, fejn applikabbli, analiżi ta’ kif u meta istituzzjoni tista’ tapplika, fil-kundizzjonijiet indirizzati mill-pjan, għall-użu ta’ faċilitajiet ta’ bank ċentrali mhux esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-pjan ta’ rkupru skont il-paragrafu 3 u tidentifika dawk l-assi li jkunu mistennija li jikkwalifikaw bħala kollateral.”;

(3)fl-Artikolu 6, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5. Fejn l-awtorità kompetenti tivvaluta li hemm defiċjenzi materjali fil-pjan ta’ rkupru, jew impedimenti materjali għall-implimentazzjoni tiegħu, hija għandha tinnotifika lill-istituzzjoni jew lill-impriża prinċipali tal-grupp bil-valutazzjoni tagħha u titlob li l-istituzzjoni tissottometti, fi żmien 3 xhur, li jistgħu jiġu estiżi b’xahar wieħed (1) bl-approvazzjoni tal-awtoritajiet, pjan rivedut li juri kif dawk id-defiċjenzi jew l-impedimenti jiġu indirizzati.”;

(4)fl-Artikolu 8(2), it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-EBA tista’, fuq talba tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni, tgħin lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jaslu għal deċiżjoni konġunta f’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.”;

(5)fl-Artikolu 10, jiddaħħal il-paragrafu 8a li ġej:

“8a. L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ma għandhomx jadottaw pjanijiet ta’ riżoluzzjoni meta istituzzjoni tkun qed tiġi stralċjata f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli skont l-Artikolu 32b jew fejn japplika l-Artikolu 37(6).”;

(6)l-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 1, jiżdied it-tielet subparagrafu li ġej:

“L-identifikazzjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward tas-sussidjarji msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu li ma humiex entitajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jkunu soġġetti għal approċċ simplifikat mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jekk tali approċċ ma jaffettwax b’mod negattiv ir-riżolvibbiltà tal-grupp, filwaqt li jitqiesu d-daqs tas-sussidjarja, il-profil tar-riskju tagħha, in-nuqqas ta’ funzjonijiet kritiċi u l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni tal-grupp.”;

(b)jiddaħħal il-paragrafu 5a li ġej:

“5a. L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ma għandhomx jadottaw pjanijiet ta’ riżoluzzjoni meta entità tkun qed tiġi stralċjata f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli skont l-Artikolu 32b jew fejn japplika l-Artikolu 37(6).”;

(7)fl-Artikolu 13(4), ir-raba’ subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-EBA tista’, fuq talba tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni, tgħin lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jilħqu deċiżjoni konġunta f’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.”;

(8)fl-Artikolu 15, jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

“5. L-EBA għandha timmonitorja t-tfassil ta’ politiki interni għal, u l-implimentazzjoni ta’, il-valutazzjonijiet tar-riżolvibbiltà tal-istituzzjonijiet jew tal-gruppi previsti f’dan l-Artikolu u fl-Artikolu 16 mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni. L-EBA għandha tirrapporta lill-Kummissjoni dwar il-prattiki eżistenti dwar il-valutazzjonijiet tar-riżolvibbiltà u d-diverġenzi possibbli madwar l-Istati Membri sa … [PO jekk jogħġbok daħħal id-data = sentejn (2) wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva] u timmonitorja l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe rakkomandazzjoni stabbilita f’dak ir-rapport, fejn xieraq.

Ir-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkopri mill-inqas dawn li ġejjin:

(a)valutazzjoni tal-metodoloġiji żviluppati mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni biex iwettqu l-valutazzjonijiet tar-riżolvibbiltà, inkluża l-identifikazzjoni tal-oqsma ta’ diverġenza possibbli madwar l-Istati Membri;

(b)valutazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ ttestjar meħtieġa mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni biex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva tal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni;

(c)il-livell ta’ trasparenza lejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti tal-metodoloġiji żviluppati mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni biex iwettqu l-valutazzjonijiet tar-riżolvibbiltà u l-eżitu tagħhom.”;

(9)fl-Artikolu 16a, jiżdied il-paragrafu 7 li ġej:

“7. Meta entità ma tkunx soġġetta għar-rekwiżit ta’ riżerva kkombinat fuq l-istess bażi bħall-bażi li fuqha tkun meħtieġa tikkonforma mar-rekwiżiti msemmija fl-Artikoli 45c u 45d, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom japplikaw il-paragrafi minn 1 sa 6 ta’ dan l-Artikolu abbażi tal-istima tar-rekwiżit ta’ riżerva kkombinat ikkalkolat f’konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1118*. Għandu japplika r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 128 tad-Direttiva 2013/36/UE.

L-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tinkludi r-rekwiżit ta’ riżerva kkombinat stmat imsemmi fl-ewwel subparagrafu fid-deċiżjoni li tiddetermina r-rekwiżiti msemmija fl-Artikoli 45c u 45d ta’ din id-Direttiva. L-entità għandha tagħmel ir-rekwiżit ta’ riżerva kkombinat stmat disponibbli għall-pubbliku flimkien mal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 45i(3).

______________________________

* Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1118 tas-26 ta’ Marzu 2021 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-metodoloġija li għandha tintuża mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni biex jiġi stmat ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 104a tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-rekwiżit ta’ riżerva kombinat għal entitajiet ta’ riżoluzzjoni fil-livell konsolidat tal-grupp ta’ riżoluzzjoni fejn il-grupp ta’ riżoluzzjoni ma huwiex soġġett għal dawk ir-rekwiżiti skont dik id-Direttiva (ĠU L 241, 8.7.2021, p. 1).;”

(10)fl-Artikolu 17(4), jiżdied it-tielet subparagrafu li ġej:

“Jekk il-miżuri proposti mill-entità kkonċernata effettivament inaqqsu jew ineħħu l-impedimenti għar-riżolvibbiltà, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tieħu deċiżjoni, wara li tikkonsulta lill-awtorità kompetenti. Dik id-deċiżjoni għandha tindika li l-miżuri proposti effettivament inaqqsu jew ineħħu l-impedimenti għar-riżolvibbiltà u jirrikjedu li l-entità timplimenta l-miżuri proposti.”;

(11)l-Artikolu 18 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4. L-awtorità ta’ riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp għandha tikkomunika kwalunkwe miżura proposta mill-impriża prinċipali tal-Unjoni lis-superviżur konsolidanti, lill-EBA, lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tas-sussidjarji u lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tal-ġuriżdizzjonijiet fejn jinsabu fergħat sinifikanti sa fejn ikun rilevanti għall-fergħa sinifikanti. L-awtorità ta’ riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tas-sussidjarji, wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti u mal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tal-ġuriżdizzjonijiet fejn jinstabu fergħat sinifikanti, għandhom jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jaslu għal deċiżjoni konġunta fi ħdan il-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-impedimenti sostantivi, u jekk ikun meħtieġ, il-valutazzjoni tal-miżuri proposti mill-impriża prinċipali tal-Unjoni u l-miżuri meħtieġa mill-awtoritajiet sabiex jiġu indirizzati jew jitneħħew l-impedimenti, li għandhom iqisu l-impatt potenzjali tal-miżuri fl-Istati Membri kollha fejn jopera l-grupp.”;

(b)il-paragrafu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“9. Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni konġunta dwar it-teħid ta’ kwalunkwe miżura msemmija fil-punti (g), (h) jew (k) tal-Artikolu 17(5), l-EBA tista’, fuq talba tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni f’konformità mal-paragrafi 6, 6a jew 7 ta’ dan l-Artikolu, tgħin lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jaslu għal ftehim f’konformità mal-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.”;

(12)l-Artikoli 27 u 28 huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

Artikolu 27

Miżuri ta’ intervent bikri

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu japplikaw miżuri ta’ intervent bikri meta istituzzjoni jew entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tissodisfa kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)l-istituzzjoni jew l-entità tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 102 tad-Direttiva 2013/36/UE jew fl-Artikolu 38 tad-Direttiva (UE) 2019/2034, jew l-awtorità kompetenti tkun iddeterminat li l-arranġamenti, l-istrateġiji, il-proċessi u l-mekkaniżmi implimentati mill-istituzzjoni jew mill-entità u l-fondi proprji u l-likwidità miżmuma minn dik l-istituzzjoni jew l-entità ma jiżgurawx ġestjoni tajba u kopertura tar-riskji tagħha, u tapplika waħda minn dawn li ġejjin:

(i)l-istituzzjoni jew l-entità ma tkunx ħadet l-azzjonijiet ta’ rimedju meħtieġa mill-awtorità kompetenti, inklużi l-miżuri msemmija fl-Artikolu 104 tad-Direttiva 2013/36/UE jew fl-Artikolu 49 tad-Direttiva (UE) 2019/2034;

(ii)l-awtorità kompetenti tqis li l-azzjonijiet ta’ rimedju għajr il-miżuri ta’ intervent bikri ma humiex biżżejjed biex jindirizzaw il-problemi minħabba, inter alia, deterjorament rapidu u sinifikanti tal-kundizzjoni finanzjarja tal-istituzzjoni jew tal-entità;

(b)l-istituzzjoni jew l-entità tikser jew x’aktarx tikser, fit-12-il xahar wara l-valutazzjoni tal-awtorità kompetenti, ir-rekwiżiti stabbiliti fit-Titolu II tad-Direttiva 2014/65/UE, fl-Artikoli minn 3 sa 7, fl-Artikoli minn 14 sa 17, jew fl-Artikoli 24, 25 u 26 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, jew fl-Artikoli 45e jew 45f ta’ din id-Direttiva.

L-awtorità kompetenti tista’ tiddetermina li l-kundizzjoni msemmija fil-punt (a)(ii) tal-ewwel subparagrafu tiġi ssodisfata mingħajr ma qabel tkun ħadet azzjonijiet ta’ rimedju oħrajn, inkluż l-eżerċitar tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 104 tad-Direttiva 2013/36/UE jew fl-Artikolu 39 tad-Direttiva (UE) 2019/2034.

1a. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-miżuri ta’ intervent bikri għandhom jinkludu dawn li ġejjin:

(a)ir-rekwiżit li l-korp maniġerjali tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) jagħmel waħda minn dawn li ġejjin:

(i)jimplimenta wieħed/waħda jew aktar mill-arranġamenti jew mill-miżuri stabbiliti fil-pjan ta’ rkupru;

(ii)jaġġorna l-pjan ta’ rkupru f’konformità mal-Artikolu 5(2) fejn iċ-ċirkostanzi li wasslu għall-intervent bikri jkunu differenti mis-suppożizzjonijiet stabbiliti fil-pjan ta’ rkupru inizjali u jimplimenta wieħed/waħda jew aktar mill-arranġamenti jew mill-miżuri stabbiliti fil-pjan ta’ rkupru aġġornat f’perjodu ta’ żmien speċifiku;

(b)ir-rekwiżit li l-korp maniġerjali tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) isejjaħ jew, jekk il-korp maniġerjali jonqos milli jikkonforma ma’ dak ir-rekwiżit, isejjaħ direttament, laqgħa tal-azzjonisti tal-istituzzjoni jew tal-entità u, fiż-żewġ każijiet, jistabbilixxi l-aġenda u jitlob li jitqiesu ċerti deċiżjonijiet sabiex jiġu adottati mill-azzjonisti;

(c)ir-rekwiżit li l-korp maniġerjali tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) ifassal pjan, f’konformità mal-pjan ta’ rkupru, fejn applikabbli, għan-negozjar dwar ir-ristrutturar tad-dejn ma’ xi wħud mill-kredituri tiegħu jew mal-kredituri kollha tiegħu;

(d)ir-rekwiżit li tinbidel l-istruttura legali tal-istituzzjoni;

(e)ir-rekwiżit li jitneħħa jew jiġi sostitwit il-maniġment superjuri jew il-korp maniġerjali tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) fl-intier tiegħu jew fir-rigward tal-individwi, f’konformità mal-Artikolu 28;

(f)il-ħatra ta’ amministratur temporanju wieħed jew aktar għall-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) f’konformità mal-Artikolu 29.

2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħżlu l-miżuri xierqa ta’ intervent bikri abbażi ta’ dak li huwa proporzjonat għall-objettivi segwiti, filwaqt li jqisu s-serjetà tal-ksur jew tal-ksur probabbli u l-ħeffa tad-deterjorament fis-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1), fost informazzjoni rilevanti oħra.

3. Għal kull waħda mill-miżuri msemmija fil-paragrafu 1a, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu data ta’ skadenza li tkun xierqa għat-tlestija ta’ dik il-miżura u li tippermetti lill-awtorità kompetenti tevalwa l-effettività tagħha.

4. L-EBA għandha, sa … [PO jekk jogħġbok daħħal id-data = 12-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva emendatorja], toħroġ linji gwida f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 biex tippromwovi l-applikazzjoni konsistenti tal-iskattaturi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 28

Sostituzzjoni tal-maniġment superjuri jew tal-korp maniġerjali

Għall-finijiet tal-punt (e) tal-Artikolu 27(1a), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-maniġment superjuri jew il-korp maniġerjali l-ġdid, jew il-membri individwali ta’ dawk il-korpi, jinħatru f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u mal-liġi nazzjonali u jkunu soġġetti għall-approvazzjoni jew għall-kunsens tal-awtorità kompetenti.”;

(13)l-Artikolu 29 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafi 1, 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1. Għall-finijiet tal-punt (f) tal-Artikolu 27(1a), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu, abbażi ta’ dak li huwa proporzjonat fiċ-ċirkostanzi, jaħtru kwalunkwe amministratur temporanju biex jagħmel waħda minn dawn li ġejjin:

(a)jissostitwixxi temporanjament il-korp maniġerjali tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1);

(b)jaħdem temporanjament mal-korp maniġerjali tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1).

L-awtorità kompetenti għandha tispeċifika l-għażla tagħha taħt il-punti (a) jew (b) fil-mument tal-ħatra tal-amministratur temporanju.

Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-awtorità kompetenti għandha tispeċifika aktar fil-mument tal-ħatra tal-amministratur temporanju r-rwol, id-dmirijiet u s-setgħat ta’ dak l-amministratur temporanju u kwalunkwe rekwiżit li l-korp maniġerjali tal-istituzzjoni jew tal-entità jikkonsulta jew jikseb il-kunsens tal-amministratur temporanju qabel ma jieħu deċiżjonijiet jew azzjonijiet speċifiċi.

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-awtorità kompetenti tagħmel pubblika l-ħatra ta’ kwalunkwe amministratur temporanju, ħlief meta l-amministratur temporanju ma jkollux is-setgħa li jirrappreżenta lill-istituzzjoni jew lill-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1).

L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li kwalunkwe amministratur temporanju jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 91(1), (2) u (8) tad-Direttiva 2013/36/UE. Il-valutazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ jekk l-amministratur temporanju jikkonformax ma’ dawk ir-rekwiżiti għandha tkun parti integrali mid-deċiżjoni li jinħatar dak l-amministratur temporanju.

2. L-awtorità kompetenti għandha tispeċifika s-setgħat tal-amministratur temporanju fil-mument tal-ħatra tiegħu, abbażi ta’ dak li huwa proporzjonat fiċ-ċirkostanzi. Tali setgħat jistgħu jinkludu xi wħud mis-setgħat jew is-setgħat kollha tal-korp maniġerjali tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1), skont l-istatuti tal-istituzzjoni jew tal-entità u skont il-liġi nazzjonali, inkluża s-setgħa li jiġu eżerċitati xi wħud mill-funzjonijiet amministrattivi jew il-funzjonijiet amministrattivi kollha tal-korp maniġerjali tal-istituzzjoni jew tal-entità. Is-setgħat tal-amministratur temporanju b’rabta mal-istituzzjoni jew mal-entità għandhom ikunu konformi mad-dritt tal-kumpaniji applikabbli.

3. L-awtorità kompetenti għandha tispeċifika r-rwol u l-funzjonijiet tal-amministratur temporanju fil-mument tal-ħatra. Tali rwoli u funzjonijiet jistgħu jinkludu:

(a)l-aċċertament tal-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1);

(b)il-ġestjoni tan-negozju jew ta’ parti min-negozju tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) biex tiġi ppreservata jew titreġġa’ lura l-pożizzjoni finanzjarja tagħha;

(c)it-teħid ta’ miżuri biex titreġġa’ lura l-ġestjoni tajba u prudenti tan-negozju tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1).

L-awtorità kompetenti għandha tispeċifika kwalunkwe limitu fuq ir-rwol u l-funzjonijiet tal-amministratur temporanju fil-mument tal-ħatra tiegħu.”;

(b)fil-paragrafu 5, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Fi kwalunkwe każ, l-amministratur temporanju jista’ jeżerċita s-setgħa li jsejjaħ laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) u li jistabbilixxi l-aġenda ta’ tali laqgħa biss bil-kunsens minn qabel tal-awtorità kompetenti.”;

(c)il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6. Fuq talba tal-awtorità kompetenti, l-amministratur temporanju għandu jfassal rapporti dwar il-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) u dwar l-atti mwettqa matul il-ħatra tiegħu, f’intervalli stabbiliti mill-awtorità kompetenti u, fi kwalunkwe każ, fi tmiem il-mandat tiegħu.”;

(14)l-Artikolu 30 huwa emendat kif ġej:

(a)it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

Koordinazzjoni ta’ miżuri ta’ intervent bikri b’rabta mal-gruppi”;

(b)il-paragrafi minn 1 sa 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1. Meta l-kundizzjonijiet għall-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ intervent bikri skont l-Artikolu 27 jiġu ssodisfati b’rabta ma’ impriża prinċipali tal-Unjoni, is-superviżur konsolidanti għandu jinnotifika lill-EBA u jikkonsulta lill-awtoritajiet kompetenti l-oħrajn fi ħdan il-kulleġġ superviżorju qabel ma jiddeċiedi li japplika miżura ta’ intervent bikri.

2. Wara n-notifika u l-konsultazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, is-superviżur konsolidanti għandu jiddeċiedi jekk japplikax miżuri ta’ intervent bikri skont l-Artikolu 27 fir-rigward tal-impriża prinċipali tal-Unjoni rilevanti, filwaqt li jqis l-impatt ta’ dawk il-miżuri fuq l-entitajiet fi grupp fi Stati Membri oħrajn. Is-superviżur konsolidanti għandu jinnotifika d-deċiżjoni lill-EBA u lill-awtoritajiet kompetenti l-oħrajn fi ħdan il-kulleġġ superviżorju.

3. Meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għall-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ intervent bikri skont l-Artikolu 27 b’rabta ma’ sussidjarja ta’ impriża prinċipali tal-Unjoni, l-awtorità kompetenti responsabbli għas-superviżjoni fuq bażi individwali li jkollha l-intenzjoni tieħu miżura f’konformità ma’ dawk l-Artikoli għandha tinnotifika lill-EBA u tikkonsulta lis-superviżur konsolidanti.

Malli jirċievi n-notifika, is-superviżur konsolidanti jista’ jivvaluta l-impatt probabbli tal-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ intervent bikri skont l-Artikolu 27 lill-istituzzjoni jew lill-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) inkwistjoni fuq il-grupp jew fuq l-entitajiet fi grupp fi Stati Membri oħrajn. Is-superviżur konsolidanti għandu jikkomunika dik il-valutazzjoni lill-awtorità kompetenti fi żmien 3 ijiem.

Wara tali notifika u konsultazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tiddeċiedi jekk tapplikax miżura ta’ intervent bikri. Id-deċiżjoni għandha tagħti kunsiderazzjoni xierqa lil kwalunkwe valutazzjoni tas-superviżur konsolidanti. L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika d-deċiżjoni lill-EBA, lis-superviżur konsolidanti u lil awtoritajiet kompetenti oħrajn fi ħdan il-kulleġġ superviżorju.

4. Meta aktar minn awtorità kompetenti waħda jkollhom il-ħsieb li japplikaw miżura ta’ intervent bikri skont l-Artikolu 27 għal aktar minn istituzzjoni jew entità waħda msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) fl-istess grupp, is-superviżur konsolidanti u l-awtoritajiet kompetenti rilevanti l-oħrajn għandhom jivvalutaw jekk huwiex aktar xieraq li jaħtru l-istess amministratur temporanju għall-entitajiet kollha kkonċernati jew li jikkoordinaw l-applikazzjoni tal-miżuri l-oħrajn ta’ intervent bikri għal aktar minn istituzzjoni jew entità waħda sabiex jiġu ffaċilitati s-soluzzjonijiet li jreġġgħu lura l-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjoni jew tal-entità kkonċernata. Il-valutazzjoni għandha tieħu l-forma ta’ deċiżjoni konġunta tas-superviżur konsolidanti u tal-awtoritajiet kompetenti rilevanti l-oħrajn. Id-deċiżjoni konġunta għandha tintlaħaq fi żmien 5 ijiem mid-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1. Id-deċiżjoni konġunta għandha tkun motivata u stabbilita f’dokument li għandu jiġi pprovdut mis-superviżur konsolidanti lill-impriża prinċipali tal-Unjoni.

L-EBA tista’, fuq talba ta’ awtorità kompetenti, tgħin lill-awtoritajiet kompetenti jaslu għal ftehim f’konformità mal-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni konġunta fi żmien 5 ijiem, is-superviżur konsolidanti u l-awtoritajiet kompetenti tas-sussidjarji jistgħu jieħdu deċiżjonijiet individwali dwar il-ħatra ta’ amministratur temporanju għall-istituzzjonijiet jew l-entitajiet imsemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1), li għalihom għandhom responsabbiltà u dwar l-applikazzjoni tal-miżuri l-oħrajn ta’ intervent bikri.”;

(c)il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6. L-EBA tista’, fuq talba ta’ kwalunkwe awtorità kompetenti, tgħin lill-awtoritajiet kompetenti li jkollhom il-ħsieb li japplikaw waħda jew aktar mill-miżuri fil-punt (a) tal-Artikolu 27(1a) ta’ din id-Direttiva fir-rigward tal-punti (4), (10), (11) u (19) tat-Taqsima A tal-Anness ta’ din id-Direttiva, fil-punt (c) tal-Artikolu 27(1a) ta’ din id-Direttiva jew fil-punt (d) tal-Artikolu 27(1a) ta’ din id-Direttiva jilħqu ftehim f’konformità mal-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.”;

(15)jiddaħħal l-Artikolu 30a li ġej:

“Artikolu 30a

Tħejjija għar-riżoluzzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jinnotifikaw lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni mingħajr dewmien bi kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)kwalunkwe waħda mill-miżuri msemmija fl-Artikolu 104(1) tad-Direttiva 2013/36/UE li jirrikjedu li tittieħed minn istituzzjoni jew entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-Direttiva;

(b)meta l-attività superviżorja turi li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 27(1) ta’ din id-Direttiva huma ssodisfati b’rabta ma’ istituzzjoni jew entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-Direttiva, il-valutazzjoni li dawk il-kundizzjonijiet huma ssodisfati, irrispettivament minn kwalunkwe miżura ta’ intervent bikri;

(c)l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe waħda mill-miżuri ta’ intervent bikri msemmija fl-Artikolu 27.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jimmonitorjaw mill-qrib, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, is-sitwazzjoni tal-istituzzjoni jew tal-entità u l-konformità tagħhom mal-miżuri msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, li għandhom l-għan li jindirizzaw deterjorament fis-sitwazzjoni ta’ dik l-istituzzjoni jew l-entità, u mal-miżuri ta’ intervent bikri msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu.

2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni mill-aktar fis possibbli meta jqisu li hemm riskju materjali li waħda jew aktar miċ-ċirkostanzi fl-Artikolu 32(4) japplikaw b’rabta ma’ istituzzjoni jew entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1). Dik in-notifika għandu jkun fiha:

(a)ir-raġunijiet għan-notifika;

(b)ħarsa ġenerali lejn il-miżuri li jipprevjenu l-falliment tal-istituzzjoni jew tal-entità f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, l-impatt mistenni tagħhom fuq l-istituzzjoni jew l-entità fir-rigward taċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 32(4) u l-perjodu ta’ żmien mistenni għall-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri.

Wara li jkunu rċevew in-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jivvalutaw, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti, x’jikkostitwixxi perjodu ta’ żmien raġonevoli għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-kundizzjoni msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 32(1), filwaqt li jqisu l-ħeffa tad-deterjorament tal-kundizzjonijiet tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1), il-ħtieġa li tiġi implimentata b’mod effettiv l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni u kwalunkwe kunsiderazzjoni rilevanti oħra. L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkomunikaw dik il-valutazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti mill-aktar fis possibbli.

Wara n-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom, f’kooperazzjoni mill-qrib, jimmonitorjaw is-sitwazzjoni tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1), l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe miżura rilevanti fil-perjodu ta’ żmien mistenni tagħha u kwalunkwe żvilupp rilevanti ieħor. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiltaqgħu regolarment, bi frekwenza stabbilita mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni wara li jqisu ċ-ċirkostanzi tal-każ. L-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jipprovdu lil xulxin bi kwalunkwe informazzjoni rilevanti mingħajr dewmien.

3. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni bl-informazzjoni kollha mitluba mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni meħtieġa għal dawn kollha li ġejjin:

(a)l-aġġornament tal-pjan ta’ riżoluzzjoni u t-tħejjija għar-riżoluzzjoni possibbli tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1);

(b)it-twettiq tal-valwazzjoni msemmija fl-Artikolu 36.

Meta tali informazzjoni ma tkunx diġà disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw u jikkoordinaw biex jiksbu dik l-informazzjoni. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħa li jitolbu lill-istituzzjoni jew lill-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) biex tipprovdi tali informazzjoni, inkluż permezz ta’ spezzjonijiet fuq il-post, u biex tipprovdi dik l-informazzjoni lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni.

4. Is-setgħat tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jinkludu s-setgħa li jikkummerċjalizzaw lil xerrejja potenzjali, jew jagħmlu arranġamenti għal tali kummerċjalizzazzjoni, l-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1), lil xerrejja potenzjali, jew jirrikjedu li l-istituzzjoni jew l-entità tagħmel dan, għall-finijiet li ġejjin:

(a)biex tipprepara għar-riżoluzzjoni ta’ dik l-istituzzjoni jew l-entità, soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 39(2) u d-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità stabbiliti fl-Artikolu 84;

(b)biex tinforma l-valutazzjoni mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni dwar il-kundizzjoni msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 32(1).

5. Għall-finijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandu jkollhom is-setgħa li jitolbu lill-istituzzjoni jew lill-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tistabbilixxi pjattaforma diġitali għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni li hija meħtieġa għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ dik l-istituzzjoni jew l-entità ma’ xerrejja potenzjali jew ma’ konsulenti u valwaturi involuti mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni.

6. Id-determinazzjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 27(1) huma ssodisfati u l-adozzjoni minn qabel ta’ miżuri ta’ intervent bikri ma għandhomx ikunu kundizzjonijiet meħtieġa biex l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jħejju għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1), jew jeżerċitaw is-setgħa msemmija fil-paragrafi 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu.

7. L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti bi kwalunkwe azzjoni meħuda skont il-paragrafi 4 u 5 mingħajr dewmien.

8. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jikkooperaw mill-qrib:

(a)meta jikkunsidraw li jieħdu l-miżuri msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, li għandhom l-għan li jindirizzaw deterjorament fis-sitwazzjoni ta’ istituzzjoni jew entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1), kif ukoll il-miżuri msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu;

(b)meta jikkunsidraw li jieħdu kwalunkwe waħda mill-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 4 u 5;

(c)matul l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) ta’ dan is-subparagrafu.

L-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jiżguraw li dawk il-miżuri u l-azzjonijiet ikunu konsistenti, ikkoordinati u effettivi.”;

(16)fl-Artikolu 31(2), il-punti (c) u (d) huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“(c) li jiġu protetti l-fondi pubbliċi billi tiġi mminimizzata d-dipendenza fuq l-appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju, b’mod partikolari meta jiġi pprovdut mill-baġit ta’ Stat Membru;

(d) li jiġu protetti d-depożitanti, filwaqt li jiġi mminimizzat it-telf għal skemi ta’ garanzija tad-depożiti, u li jiġu protetti l-investituri koperti mid-Direttiva 97/9/KE;”;

(17)l-Artikolu 32 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jieħdu azzjoni ta’ riżoluzzjoni b’rabta ma’ istituzzjoni jekk l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jiddeterminaw, malli jirċievu komunikazzjoni skont il-paragrafu 2 jew fuq inizjattiva tagħhom stess skont il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)l-istituzzjoni qed tfalli jew x’aktarx tfalli;

(b)b’kunsiderazzjoni taż-żmien, tal-ħtieġa li tiġi implimentata b’mod effettiv l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni u ta’ ċirkostanzi rilevanti oħrajn, ma jkun hemm l-ebda prospett raġonevoli li kwalunkwe miżura alternattiva tas-settur privat, inklużi miżuri minn IPS, azzjoni superviżorja, miżuri ta’ intervent bikri, jew valwazzjoni negattiva jew konverżjoni tal-istrumenti kapitali u l-obbligazzjonijiet eliġibbli rilevanti kif imsemmija fl-Artikolu 59(2) meħuda fir-rigward tal-istituzzjoni, jipprevjenu l-falliment tal-istituzzjoni f’perjodu ta’ żmien raġonevoli;

(c)azzjoni ta’ riżoluzzjoni hija fl-interess pubbliku skont il-paragrafu 5.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti tagħmel valutazzjoni tal-kundizzjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1, wara li tkun ikkonsultat mal-awtorità ta’ riżoluzzjoni.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li, minbarra l-awtorità kompetenti, il-valutazzjoni tal-kundizzjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 tista’ ssir mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni, wara li tikkonsulta mal-awtorità kompetenti, meta l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni skont il-liġi nazzjonali jkollhom l-għodod meħtieġa biex jagħmlu tali valutazzjoni, inkluż, b’mod partikolari, aċċess adegwat għall-informazzjoni rilevanti. F’każ bħal dan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti tipprovdi lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni, mingħajr dewmien, kwalunkwe informazzjoni rilevanti li din tal-aħħar titlob biex twettaq il-valutazzjoni tagħha, qabel jew wara li tiġi infurmata mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni bl-intenzjoni tagħha li tagħmel dik il-valutazzjoni.

Il-valutazzjoni tal-kundizzjoni msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandha ssir mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtorità kompetenti. L-awtorità kompetenti għandha, mingħajr dewmien, tipprovdi lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni bi kwalunkwe informazzjoni rilevanti li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni titlob biex tinforma l-valutazzjoni tagħha. L-awtorità kompetenti tista’ wkoll tinforma lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni li hija tqis li l-kundizzjoni stabbilita fil-punt (b) tal-paragrafu 1 hija ssodisfata.”;

(b)il-paragrafu 4 huwa emendat kif ġej:

(i)fl-ewwel subparagrafu, il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d) ikun meħtieġ appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju, ħlief meta tali appoġġ jingħata f’waħda mill-forom imsemmija fl-Artikolu 32c;

(ii)jitħassru mit-tieni sal-ħames subparagrafi;

(c)il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5. Għall-finijiet tal-punt (c) tal-paragrafu 1, azzjoni ta’ riżoluzzjoni għandha tiġi ttrattata bħala fl-interess pubbliku meta l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni tkun meħtieġa sabiex jintlaħqu u jkunu proporzjonati ma’ wieħed jew aktar mill-objettivi ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 31 u meta l-istralċ tal-istituzzjoni taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza ma jilħaqx dawk l-objettivi ta’ riżoluzzjoni b’mod aktar effettiv.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta twettaq il-valutazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni, abbażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha fiż-żmien meta saret dik il-valutazzjoni, tikkunsidra u tqabbel l-appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju kollu li jista’ jkun raġonevolment mistenni li jingħata lill-istituzzjoni, kemm fil-każ ta’ riżoluzzjoni kif ukoll fil-każ ta’ stralċ f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli.”;

(18)l-Artikoli 32a u 32b huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

Artikolu 32a

Il-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni fir-rigward ta’ korp ċentrali u istituzzjonijiet ta’ kreditu affiljati b’mod permanenti ma’ korp ċentrali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jieħdu azzjoni ta’ riżoluzzjoni b’rabta ma’ korp ċentrali u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha affiljati miegħu b’mod permanenti li huma parti mill-istess grupp ta’ riżoluzzjoni meta l-korp ċentrali u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha affiljati miegħu b’mod permanenti, jew il-grupp ta’ riżoluzzjoni li għalih jappartjenu, jikkonformaw b’mod ġenerali mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32(1).

Artikolu 32b

Proċedimenti fir-rigward ta’ istituzzjonijiet u entitajiet li ma humiex soġġetti għal azzjoni ta’ riżoluzzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta awtorità ta’ riżoluzzjoni tiddetermina li istituzzjoni jew entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 32(1), iżda mhux il-kundizzjoni stabbilita fil-punt (c) tal-Artikolu 32(1), l-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja nazzjonali rilevanti għandha s-setgħa li tibda mingħajr dewmien il-proċedura għall-istralċ tal-istituzzjoni jew tal-entità b’mod ordnat f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li istituzzjoni jew entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1), li tiġi stralċjata b’mod ordnat f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli toħroġ mis-suq jew ittemm l-attivitajiet bankarji tagħha f’perjodu ta’ żmien raġonevoli.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta awtorità ta’ riżoluzzjoni tiddetermina li istituzzjoni jew entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tissodisfa l-kundizzjonijiet fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 32(1), iżda mhux il-kundizzjoni fil-punt (c) tal-Artikolu 32(1), id-determinazzjoni li l-istituzzjoni jew l-entità qed tfalli jew x’aktarx tfalli skont il-punt (a) tal-Artikolu 32(1) hija kundizzjoni għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2013/36/UE.

4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) huwa kundizzjoni suffiċjenti sabiex awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja nazzjonali rilevanti tkun tista’ tibda mingħajr dewmien il-proċedura biex tiġi stralċjata l-istituzzjoni jew l-entità b’mod ordnat f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli.”:

(19)jiddaħħal l-Artikolu 32c li ġej:

“Artikolu 32c

Appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju barra mill-azzjoni ta’ riżoluzzjoni jista’ jingħata lil istituzzjoni jew entità kif imsemmi fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1), fuq bażi eċċezzjonali biss f’wieħed mill-każijiet li ġejjin u diment li l-appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju jikkonforma mal-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti stabbiliti fil-qafas tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat:

(a)meta, sabiex jiġi rrimedjat disturb serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru jew sabiex tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja, l-appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju jieħu kwalunkwe waħda mill-forom li ġejjin:

(i)garanzija tal-gvern biex tappoġġa l-faċilitajiet ta’ likwidità pprovduti minn banek ċentrali f’konformità mal-kundizzjonijiet tal-banek ċentrali;

(ii)garanzija tal-gvern ta’ obbligazzjonijiet maħruġa ġodda;

(iii)akkwiżizzjoni ta’ strumenti ta’ fondi proprji għajr strumenti tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni, jew ta’ strumenti kapitali oħrajn jew użu ta’ miżuri ta’ assi indeboliti, bi prezzijiet, durata u termini oħrajn li ma jagħtux vantaġġ mhux dovut lill-istituzzjoni jew l-entità kkonċernata, meta la ċ-ċirkostanzi msemmija fil-punti (a), (b) jew (c) tal-Artikolu 32(4) u lanqas iċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 59(3) ma jkunu preżenti fiż-żmien meta jingħata l-appoġġ pubbliku;

(b)meta l-appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju jieħu l-forma ta’ intervent minn skema ta’ garanzija tad-depożiti biex tiġi ppreservata s-solidità finanzjarja u l-vijabbiltà fit-tul tal-istituzzjoni ta’ kreditu f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 11a u 11b tad-Direttiva 2014/49/UE, diment li l-ebda waħda miċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 32(4) ma tkun preżenti;

(c)meta l-appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju jieħu l-forma ta’ intervent minn skema ta’ garanzija tad-depożiti fil-kuntest tal-istralċ ta’ istituzzjoni skont l-Artikolu 32b u f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(5) tad-Direttiva 2014/49/UE;

(d)meta l-appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju jieħu l-forma ta’ għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE mogħtija fil-kuntest tal-istralċ tal-istituzzjoni jew tal-entità skont l-Artikolu 32b ta’ din id-Direttiva, għajr l-appoġġ mogħti minn skema ta’ garanzija tad-depożiti skont l-Artikolu 11(5) tad-Direttiva 2014/49/UE.

2. Il-miżuri ta’ appoġġ imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)il-miżuri jkunu limitati għal istituzzjonijiet jew entitajiet solventi, kif ikkonfermat mill-awtorità kompetenti;

(b)il-miżuri jkunu ta’ natura prekawzjonarja u temporanja u jkunu bbażati fuq strateġija ta’ ħruġ definita minn qabel approvata mill-awtorità kompetenti, inkluża data ta’ terminazzjoni speċifikata b’mod ċar, data tal-bejgħ jew skeda ta’ ħlas lura għal kwalunkwe waħda mill-miżuri pprovduti;

(c)il-miżuri jkunu proporzjonati biex jirrimedjaw il-konsegwenzi tad-disturb serju jew biex jippreservaw l-istabbiltà finanzjarja;

(d)il-miżuri ma jintużawx biex jikkumpensaw għat-telf li l-istituzzjoni jew l-entità tkun ġarrbet jew li x’aktarx iġġarrab fil-futur qrib.

Għall-finijiet tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, istituzzjoni jew entità għandha titqies li hija solventi meta l-awtorità kompetenti tkun ikkonkludiet li ma seħħ l-ebda ksur, jew li x’aktarx iseħħ fit-12-il xahar ta’ wara, ta’ kwalunkwe wieħed mir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, fl-Artikolu 104a tad-Direttiva 2013/36/UE, fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2019/2033, fl-Artikolu 40 tad-Direttiva (UE) 2019/2034 jew tar-rekwiżiti applikabbli rilevanti skont id-dritt tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali.

Għall-finijiet tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu, l-awtorità kompetenti rilevanti għandha tikkwantifika t-telf li l-istituzzjoni jew l-entità ġarrbet jew x’aktarx iġġarrab. Dik il-kwantifikazzjoni għandha tkun ibbażata, bħala minimu, fuq il-karta bilanċjali tal-istituzzjoni jew tal-entità, diment li l-karta bilanċjali tikkonforma mar-regoli u l-istandards kontabilistiċi applikabbli, kif ikkonfermati minn awditur estern indipendenti u, fejn disponibbli, fuq ir-rieżamijiet tal-kwalità tal-assi mwettqa mill-Bank Ċentrali Ewropew, mill-EBA jew mill-awtoritajiet nazzjonali, jew, fejn xieraq, fuq spezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-awtorità kompetenti.

Il-miżuri ta’ appoġġ imsemmija fil-punt (a)(iii) tal-paragrafu 1 għandhom ikunu limitati għal miżuri li ġew ivvalutati mill-awtorità kompetenti kif meħtieġ biex tinżamm is-solvenza tal-istituzzjoni jew tal-entità billi jiġi indirizzat id-defiċit ta’ kapital tagħha stabbilit fix-xenarju avvers ta’ testijiet tal-istress nazzjonali, tal-Unjoni jew tal-SSM jew eżerċizzji ekwivalenti mwettqa mill-Bank Ċentrali Ewropew, mill-EBA jew mill-awtoritajiet nazzjonali, fejn applikabbli, ikkonfermati mill-awtorità kompetenti.

B’deroga mill-punt (a)(iii) tal-paragrafu 1, l-akkwiżizzjoni ta’ strumenti tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni għandha tkun permessa b’mod eċċezzjonali meta n-natura tad-defiċit identifikat tkun tali li l-akkwiżizzjoni ta’ kwalunkwe strument ieħor ta’ fondi proprji jew ta’ strumenti kapitali oħrajn ma tkunx tagħmilha possibbli għall-istituzzjoni jew għall-entità kkonċernata li tindirizza d-defiċit ta’ kapital tagħha stabbilit fix-xenarju avvers fit-test tal-istress rilevanti jew f’eżerċizzju ekwivalenti. L-ammont ta’ strumenti tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni akkwiżiti ma għandux jaqbeż 2 % tal-ammont totali tal-iskopertura għar-riskju tal-istituzzjoni jew tal-entità kkonċernata kkalkolat f’konformità mal-Artikolu 92(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

F’każ li kwalunkwe waħda mill-miżuri ta’ appoġġ imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 ma tiġix mifdija, imħallsa lura jew itterminata b’xi mod ieħor f’konformità mat-termini tal-istrateġija tal-ħruġ stabbilita fiż-żmien meta ngħatat tali miżura, l-awtorità kompetenti għandha tikkonkludi li l-kundizzjoni stabbilita fil-punt (a) tal-Artikolu 32(1) hija ssodisfata b’rabta mal-istituzzjoni jew mal-entità li tkun irċeviet dawk il-miżuri ta’ appoġġ, u għandha tikkomunika dik il-valutazzjoni lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni kkonċernata.

3. L-EBA għandha, sa [PO jekk jogħġbok daħħal id-data = sena (1) wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva], toħroġ linji gwida f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 dwar it-tip ta’ testijiet, rieżamijiet jew eżerċizzji msemmija fir-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 2, li jista’ jwassal għall-miżuri ta’ appoġġ imsemmija fil-punt (a)(iii) tal-paragrafu 1.”;

(20)fl-Artikolu 33, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jieħdu azzjoni ta’ riżoluzzjoni b’rabta ma’ entità msemmija fil-punti (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1), meta dik l-entità tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32(1).

Għal dawk il-finijiet, entità msemmija fil-punti (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) għandha titqies li qed tfalli jew x’aktarx tfalli fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)l-entità tissodisfa waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 32(4);

(b)l-entità tikser materjalment jew ikun hemm elementi oġġettivi li juru li l-entità, fil-futur qrib, se tikser materjalment ir-rekwiżiti applikabbli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew fid-Direttiva 2013/36/UE.”;

(21)l-Artikolu 33a huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 8, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jinnotifikaw lill-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) u lill-awtoritajiet imsemmija fil-punti minn (a) sa (h) tal-Artikolu 83(2) mingħajr dewmien meta jeżerċitaw is-setgħa msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu wara li jkun ġie ddeterminat li l-istituzzjoni jew l-entità qed tfalli jew x’aktarx tfalli skont il-punt (a) tal-Artikolu 32(1) u qabel ma tittieħed id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.”;

(b)fil-paragrafu 9, jiżdied it-tieni subparagrafu:

“B’deroga mill-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn tali setgħat jiġu eżerċitati fir-rigward tad-depożiti eliġibbli u dawk id-depożiti ma jitqisux bħala mhux disponibbli għall-finijiet tad-Direttiva 2014/49/UE, id-depożitanti jkollhom aċċess għal ammont xieraq ta’ kuljum minn dawk id-depożiti.”;

(22)l-Artikolu 35 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu jaħtru maniġer speċjali biex jissostitwixxi jew jaħdem mal-korp maniġerjali tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jew l-istituzzjoni tranżitorja. L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jippubblikaw il-ħatra ta’ maniġer speċjali. L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jiżguraw li l-maniġer speċjali jkollu l-kwalifiki, il-kapaċità u l-għarfien sabiex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu.

L-Artikolu 91 tad-Direttiva 2013/36/UE ma għandux japplika għall-ħatra ta’ maniġers speċjali.”;

(b)fil-paragrafu 2, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’din li ġejja:

“Il-maniġer speċjali għandu jkollu s-setgħat kollha tal-azzjonisti u tal-korp maniġerjali tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jew tal-istituzzjoni tranżitorja.”;

(c)il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li maniġer speċjali jfassal rapporti għall-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-ħatra dwar is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jew tal-istituzzjoni tranżitorja u dwar l-atti mwettqa fit-twettiq ta’ dmirijietu, f’intervalli regolari stabbiliti mill-awtorità tar-riżoluzzjoni u fil-bidu u fl-aħħar tal-mandat tiegħu.”;

(23)l-Artikolu 36 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 1, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’din li ġejja:

“1. Qabel ma jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni jew il-kundizzjonijiet għall-valwazzjoni negattiva jew għall-konverżjoni ta’ strumenti kapitali u obbligazzjonijiet eliġibbli rilevanti kif imsemmi fl-Artikolu 59 humiex issodisfati, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jiżguraw li titwettaq valwazzjoni ġusta, prudenti u realistika tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) minn persuna li tkun indipendenti minn kwalunkwe awtorità pubblika, inkluża l-awtorità ta’ riżoluzzjoni, u tal-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1).”;

(b)jiddaħħal il-paragrafu 7a li ġej:

“7a. Fejn meħtieġ biex jinforma d-deċiżjonijiet imsemmija fil-punti (c) u (d) tal-paragrafu 4, il-valwatur għandu jikkomplementa l-informazzjoni fil-punt (c) tal-paragrafu 6 bi stima tal-valur tal-assi u l-obbligazzjonijiet li ma jidhrux fuq il-karta bilanċjali, inklużi l-obbligazzjonijiet u l-assi kontinġenti.”;

(24)fl-Artikolu 37, jiżdied il-paragrafu 11 li ġej:

“11. L-EBA għandha timmonitorja l-azzjonijiet u t-tħejjija tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni biex tiżgura implimentazzjoni effettiva tal-għodod u s-setgħat ta’ riżoluzzjoni fil-każ ta’ riżoluzzjoni. L-EBA għandha tirrapporta lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni attwali tal-prattiki eżistenti u d-diverġenzi possibbli madwar l-Istati Membri sa … [PO jekk jogħġbok daħħal id-data = sentejn (2) wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva] u timmonitorja l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe rakkomandazzjoni stabbilita f’dak ir-rapport, fejn xieraq.

Ir-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkopri mill-inqas dawn li ġejjin:

(a)l-arranġamenti fis-seħħ għall-implimentazzjoni tal-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna u l-livell ta’ involviment mal-infrastrutturi tas-suq finanzjarju u mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, fejn rilevanti;

(b)l-arranġamenti fis-seħħ għall-operazzjonalizzazzjoni tal-użu ta’ għodod ta’ riżoluzzjoni oħrajn;

(c)il-livell ta’ trasparenza lejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti rigward l-arranġamenti msemmija fil-punti (a) u (b).”;

(25)l-Artikolu 40 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 1, is-sentenza introduttorja hija sostitwita b’din li ġejja:

“Sabiex l-għodda tal-istituzzjoni tranżitorja tkun effettiva u b’kont meħud tal-ħtieġa li jinżammu l-funzjonijiet kritiċi fl-istituzzjoni tranżitorja jew sabiex jintlaħaq kwalunkwe wieħed mill-objettivi ta’ riżoluzzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom is-setgħa li jittrasferixxu lil istituzzjoni tranżitorja dawn kollha li ġejjin:”;

(b)fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-applikazzjoni tal-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna għall-għan imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 43(2) ma għandhiex tinterferixxi mal-kapaċità tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni li tikkontrolla l-istituzzjoni tranżitorja. Meta l-applikazzjoni tal-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna tippermetti li l-kapital tal-istituzzjoni tranżitorja jiġi pprovdut bis-sħiħ permezz tal-konverżjoni ta’ obbligazzjonijiet b’kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna f’ishma jew f’tipi oħrajn ta’ strumenti kapitali, ir-rekwiżit li l-istituzzjoni tranżitorja tkun kompletament jew parzjalment proprjetà ta’ awtorità pubblika waħda jew aktar jista’ jiġi rrinunzjat.”;

(26)fl-Artikolu 42(5), il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b) tali trasferiment huwa meħtieġ biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, tal-istituzzjoni tranżitorja jew tal-veikolu tal-immaniġġar tal-assi nfushom; jew”;

(27)l-Artikolu 44 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna tkun tista’ tiġi applikata għall-obbligazzjonijiet kollha, inklużi dawk li jagħtu lok għal provvediment ta’ kontabbiltà, ta’ istituzzjoni jew entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1), li ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik l-għodda skont il-paragrafi 2 jew 3 ta’ dan l-Artikolu.”;

(b)il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5. L-arranġament ta’ finanzjament tar-riżoluzzjoni jista’ jagħmel kontribuzzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 4 meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)tkun saret kontribuzzjoni għall-assorbiment tat-telf u r-rikapitalizzazzjoni ugwali għal ammont mhux inqas minn 8 % tal-obbligazzjonijiet totali, inklużi l-fondi proprji tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, imkejla f’konformità mal-valwazzjoni prevista fl-Artikolu 36, mill-azzjonisti u mid-detenturi ta’ strumenti oħrajn ta’ sjieda, mid-detenturi ta’ strumenti kapitali rilevanti u ta’ obbligazzjonijiet oħrajn b’kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna permezz ta’ tnaqqis, valwazzjoni negattiva jew konverżjoni skont l-Artikolu 48(1) u l-Artikolu 60(1), u mill-iskema ta’ garanzija tad-depożiti skont l-Artikolu 109, fejn rilevanti;

(b)il-kontribuzzjoni tal-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni ma taqbiżx 5 % tal-obbligazzjonijiet totali, inklużi l-fondi proprji tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, imkejla f’konformità mal-valwazzjoni prevista fl-Artikolu 36.”;

(c)il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7. L-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni jista’ jagħmel kontribuzzjoni minn riżorsi li jkunu nġabru permezz ta’ kontribuzzjonijiet ex ante kif imsemmi fl-Artikolu 100(6) u fl-Artikolu 103 u li jkunu għadhom ma ntużawx, diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)l-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni jkun għamel kontribuzzjoni skont il-paragrafu 4 u jkun intlaħaq il-limitu ta’ 5 % imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 5;

(b)l-obbligazzjonijiet kollha li jikklassifikaw aktar baxxi mid-depożiti, u li ma humiex esklużi minn rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 44(2) u 44(3), ikunu ġew valwati b’mod negattiv jew ikkonvertiti bis-sħiħ.

F’ċirkostanzi straordinarji, bħala alternattiva jew flimkien mal-kontribuzzjoni mill-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ tfittex aktar finanzjament minn sorsi ta’ finanzjament alternattivi.”;

(28)fl-Artikolu 44a, jiżdied il-paragrafu 8 li ġej:

“8. Sa … [PO jekk jogħġbok daħħal id-data = 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva], l-EBA għandha tirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu. Dak ir-rapport għandu jqabbel il-miżuri adottati mill-Istati Membri biex jikkonformaw ma’ dan l-Artikolu, janalizza l-effettività tagħhom fil-protezzjoni tal-investituri fil-livell tal-konsumatur u jivvaluta l-impatt tagħhom fuq l-operazzjonijiet transfruntiera.

Abbażi ta’ dak ir-rapport, il-Kummissjoni tista’ tissottometti proposta leġiżlattiva biex temenda din id-Direttiva.”;

(29)fl-Artikolu 45, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet u l-entitajiet imsemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 1(1) jissodisfaw, f’kull ħin, ir-rekwiżiti għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli, fejn meħtieġ mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni u kif iddeterminat minnha f’konformità ma’ dan l-Artikolu u mal-Artikoli minn 45a sa 45i.”;

(30)l-Artikolu 45b huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafi 4, 5 u 7, il-kelma “G-SIIs” hija sostitwita bil-kliem “entitajiet G-SII”;

(b)il-paragrafu 8 huwa emendat kif ġej:

(i)fl-ewwel subparagrafu, il-kelma “G-SIIs” hija sostitwita bil-kliem “entitajiet G-SII”;

(ii)fil-punt (c) tat-tieni subparagrafu, il-kelma “G-SII” hija sostitwita bil-kliem “entità G-SII”;

(iii)fir-raba’ subparagrafu, il-kelma “G-SIIs” hija sostitwita bil-kliem “entitajiet G-SII”;

(c)jiżdied il-paragrafu 10 li ġej:

“10. L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jippermettu lill-entitajiet ta’ riżoluzzjoni jikkonformaw mar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafi 4, 5 u 7 bl-użu ta’ fondi proprji jew obbligazzjonijiet kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 3 meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)għal entitajiet li huma entitajiet G-SII jew entitajiet ta’ riżoluzzjoni li huma soġġetti għall-Artikolu 45c(5) jew (6), l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ma tkunx naqqset ir-rekwiżit imsemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, skont l-ewwel subparagrafu ta’ dak il-paragrafu;

(b)l-obbligazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu li ma jissodisfawx il-kundizzjoni msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 72b(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti minn (b) sa (e) tal-Artikolu 72b(4) ta’ dak ir-Regolament.”;

(31)l-Artikolu 45c huwa emendat kif ġej:

(a)fit-tmien subparagrafu tal-paragrafu 3, il-kliem “funzjonijiet ekonomiċi kritiċi” huma sostitwiti bil-kliem “funzjonijiet kritiċi”;

(b)il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4. L-EBA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-metodoloġija li għandha tintuża mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni biex jistmaw ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 104a tad-Direttiva 2013/36/UE u r-rekwiżit ta’ riżerva kkombinat għal:

(a)l-entitajiet ta’ riżoluzzjoni fil-livell konsolidat tal-grupp ta’ riżoluzzjoni, fejn il-grupp ta’ riżoluzzjoni ma jkunx soġġett għal dawk ir-rekwiżiti skont id-Direttiva 2013/36/UE;

(b)l-entitajiet li huma stess ma humiex entitajiet ta’ riżoluzzjoni, fejn l-entità ma hijiex soġġetta għal dawk ir-rekwiżiti skont id-Direttiva 2013/36/UE fuq l-istess bażi bħar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 45f ta’ din id-Direttiva.

L-EBA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa ... [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = 12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva emendatorja].

Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.”;

(c)fit-tmien subparagrafu tal-paragrafu 7, il-kliem “funzjonijiet ekonomiċi kritiċi” huma sostitwiti bil-kliem “funzjonijiet kritiċi”;

(32)jiddaħħal l-Artikolu 45ca li ġej:

Artikolu 45ca

Determinazzjoni tar-rekwiżit minimu għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli għal strateġiji ta’ trasferiment li jwasslu għall-ħruġ mis-suq

1. Meta jiġi applikat l-Artikolu 45c għal entità ta’ riżoluzzjoni li l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni ppreferuta tagħha tipprevedi primarjament l-użu tal-għodda tal-bejgħ ta’ negozju jew l-għodda tal-istituzzjoni tranżitorja u l-ħruġ tagħha mis-suq, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tistabbilixxi l-ammont ta’ rikapitalizzazzjoni previst fl-Artikolu 45c(3) b’mod proporzjonat abbażi tal-kriterji li ġejjin, kif rilevanti:

(a)id-daqs, il-mudell tan-negozju, il-mudell ta’ finanzjament u l-profil tar-riskju tal-entità ta’ riżoluzzjoni, u l-profondità tas-suq li fih topera l-entità ta’ riżoluzzjoni;

(b)l-ishma, strumenti oħrajn ta’ sjieda, assi, drittijiet jew obbligazzjonijiet li għandhom jiġu ttrasferiti lil riċevitur kif identifikati fil-pjan ta’ riżoluzzjoni, filwaqt li jitqiesu:

(i)il-linji tan-negozju ewlenin u l-funzjonijiet kritiċi tal-entità ta’ riżoluzzjoni;

(ii)l-obbligazzjonijiet esklużi mir-rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 44(2);

(iii)is-salvagwardji msemmija fl-Artikoli minn 73 sa 80;

(c)il-valur u l-kummerċjabbiltà mistennija tal-ishma, ta’ strumenti oħrajn ta’ sjieda, assi, drittijiet jew obbligazzjonijiet tal-entità ta’ riżoluzzjoni msemmija fil-punt (b), filwaqt li jitqiesu:

(i)kwalunkwe impediment materjali għar-riżolvibbiltà, identifikat mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni, li huwa direttament relatat mal-applikazzjoni tal-għodda tal-bejgħ ta’ negozju jew tal-għodda tal-istituzzjoni tranżitorja;

(ii)it-telf li jirriżulta mill-assi, mid-drittijiet jew mill-obbligazzjonijiet li jifdal fl-istituzzjoni residwa;

(d)jekk l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni ppreferuta tipprevedix it-trasferiment ta’ ishma jew ta’ strumenti oħrajn ta’ sjieda maħruġa mill-entità ta’ riżoluzzjoni, jew tal-assi, tad-drittijiet u tal-obbligazzjonijiet kollha, jew ta’ parti minnhom, tal-entità ta’ riżoluzzjoni;

(e)jekk l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni ppreferuta tipprevedix l-applikazzjoni tal-għodda tas-separazzjoni tal-assi.

2. Meta l-pjan ta’ riżoluzzjoni jipprevedi li l-entità għandha tiġi stralċjata skont proċedimenti normali ta’ insolvenza jew proċeduri nazzjonali ekwivalenti oħrajn u jipprevedi l-użu tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti skont l-Artikolu 11(5) tad-Direttiva 2014/49/UE, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tqis ukoll il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu meta twettaq il-valutazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 45c(2a) ta’ din id-Direttiva.

3. L-applikazzjoni tal-paragrafu 1 ma għandhiex tirriżulta f’ammont li jkun ogħla mill-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 45c(3).”;

(33)fl-Artikolu 45d(1), il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1) għal entità ta’ riżoluzzjoni li hija entità G-SII għandu jikkonsisti f’dan li ġej:”;

(34)fl-Artikolu 45f(1), it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“B’deroga mill-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ dan il-paragrafu, l-impriżi prinċipali tal-Unjoni li ma humiex entitajiet ta’ riżoluzzjoni huma stess, iżda li huma sussidjarji ta’ entitajiet ta’ pajjiżi terzi, għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 45c u 45d fuq bażi konsolidata.”;

(35)l-Artikolu 45l huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 1, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a) kif ir-rekwiżit għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 45e jew mal-Artikolu 45f ġie implimentat fil-livell nazzjonali, inkluż l-Artikolu 45ca u, b’mod partikolari, jekk kienx hemm diverġenzi fil-livelli stabbiliti għal entitajiet komparabbli madwar l-Istati Membri;”

(b)fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3, tiżdied is-sentenza li ġejja:

“L-obbligu msemmi fil-paragrafu 2 ma għandux jibqa’ japplika wara li jiġi sottomess it-tieni rapport.”;

(36)fl-Artikolu 45m, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4. Ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 45b(4) u (7) u fl-Artikolu 45c(5) u (6), kif applikabbli, ma għandhomx japplikaw fil-perjodu ta’ tliet snin wara d-data li fiha l-entità ta’ riżoluzzjoni jew il-grupp li minnu hija parti l-entità ta’ riżoluzzjoni jkunu ġew identifikati bħala GSII jew G-SII mhux tal-UE, jew l-entità ta’ riżoluzzjoni tibda tkun fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 45c(5) jew (6).”;

(37)fl-Artikolu 46(2), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tistabbilixxi l-ammont li bih l-obbligazzjonijiet b’kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna jeħtieġ li jiġu valwati b’mod negattiv jew ikkonvertiti:

(a)sabiex jitreġġa’ lura l-proporzjon tal-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jew, fejn applikabbli, sabiex jiġi stabbilit il-proporzjon tal-istituzzjoni tranżitorja, filwaqt li titqies kwalunkwe kontribuzzjoni ta’ kapital mill-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni magħmul skont il-punt (d) tal-Artikolu 101(1) ta’ din id-Direttiva;

(b)sabiex tiġi sostnuta l-fiduċja suffiċjenti tas-suq fl-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jew fl-istituzzjoni tranżitorja, filwaqt li titqies kwalunkwe obbligazzjoni kontinġenti, u sabiex l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni tkun tista’ tkompli tissodisfa, għal mill-inqas sena (1), il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni u tkompli twettaq l-attivitajiet li għalihom hija awtorizzata skont id-Direttiva 2013/36/UE jew id-Direttiva 2014/65/UE.”;

(38)fl-Artikolu 47(1), il-punt (b)(i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)    l-istrumenti kapitali u l-obbligazzjonijiet eliġibbli rilevanti f’konformità mal-Artikolu 59 maħruġa mill-istituzzjoni skont is-setgħa msemmija fl-Artikolu 59(2); jew”;

(39)l-Artikolu 52 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“F’ċirkostanzi eċċezzjonali, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ testendi d-data tal-għeluq ta’ xahar wieħed (1) għas-sottomissjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju b’xahar ieħor.”;

(b)fil-paragrafu 5, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ tirrikjedi li l-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tinkludi elementi addizzjonali fil-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju.”;

(40)fl-Artikolu 53, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3. Meta awtorità ta’ riżoluzzjoni tnaqqas għal żero l-ammont ta’ kapital ta’, jew l-ammont pendenti pagabbli fir-rigward ta’, obbligazzjoni, inkluża obbligazzjoni li tagħti lok għal provvediment ta’ kontabilità, permezz tas-setgħa msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 63(1), dik l-obbligazzjoni u kwalunkwe obbligu jew pretensjoni li jirriżultaw b’rabta magħha, li ma jkunux dovuti fil-mument meta tiġi eżerċitata s-setgħa, għandhom jiġu ttrattati bħala rilaxxati għall-finijiet kollha, u ma għandhomx ikunu jistgħu jiġu pprovati fi kwalunkwe proċediment sussegwenti b’rabta mal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jew ma’ kwalunkwe entità suċċessur fi kwalunkwe stralċ sussegwenti.”;

(41)l-Artikolu 55 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 1, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b) l-obbligazzjoni ma tkunx depożitu kif imsemmi fil-punti (a) jew (b) tal-Artikolu 108(1)”;

(b)fil-paragrafu 2, il-ħames u s-sitt subparagrafi huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“Meta l-awtorità ta’ riżoluzzjoni, fil-kuntest tal-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà ta’ istituzzjoni jew entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) f’konformità mal-Artikoli 15 u 16, jew fi kwalunkwe ħin ieħor, tiddetermina li, fi klassi ta’ obbligazzjonijiet li tinkludi l-obbligazzjonijiet eliġibbli, l-ammont ta’ obbligazzjonijiet li ma jinkludux it-terminu kuntrattwali msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, flimkien mal-obbligazzjonijiet li huma esklużi mill-applikazzjoni tal-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna f’konformità mal-Artikolu 44(2) jew li x’aktarx jiġu esklużi f’konformità mal-Artikolu 44(3), jammonta għal aktar minn 10 % ta’ dik il-klassi, hija għandha tivvaluta minnufih l-impatt ta’ dak il-fatt partikolari fuq ir-riżolvibbiltà ta’ dik l-istituzzjoni jew l-entità, inkluż l-impatt fuq ir-riżolvibbiltà li jirriżulta mir-riskju ta’ ksur tas-salvagwardji tal-kredituri previsti fl-Artikolu 73 meta jiġu applikati s-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva u ta’ konverżjoni għall-obbligazzjonijiet eliġibbli.

Meta l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tikkonkludi, abbażi tal-valutazzjoni msemmija fil-ħames subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, li l-obbligazzjonijiet li ma jinkludux it-terminu kuntrattwali msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu joħolqu impediment sostantiv għar-riżolvibbiltà, hija għandha tapplika s-setgħat previsti fl-Artikolu 17 kif xieraq biex tneħħi dak l-impediment għar-riżolvibbiltà.”;

(42)l-Artikolu 59 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 3, il-punt (e) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(e) huwa meħtieġ appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju mill-istituzzjoni jew mill-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1), ħlief meta dak l-appoġġ jingħata f’waħda mill-forom imsemmija fl-Artikolu 32ċ.”;

(b)fil-paragrafu 4, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b) wara li jitqiesu ż-żmien, il-ħtieġa li jiġu implimentati b’mod effettiv is-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva u ta’ konverżjoni jew l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni għall-grupp ta’ riżoluzzjoni, u ċirkostanzi rilevanti oħrajn, ma hemm l-ebda prospett raġonevoli li kwalunkwe azzjoni, inklużi miżuri alternattivi tas-settur privat, azzjoni superviżorja jew miżuri ta’ intervent bikri, għajr il-valwazzjoni negattiva jew il-konverżjoni tal-istrumenti kapitali u l-obbligazzjonijiet eliġibbli msemmija fil-paragrafu 1a, jipprevjenu l-falliment tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1), jew tal-grupp f’perjodu ta’ żmien raġonevoli.”;

(43)l-Artikolu 63 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)il-punt (m) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(m) is-setgħa li l-awtorità kompetenti tintalab tivvaluta l-akkwirent ta’ parteċipazzjoni kwalifikanti fil-ħin permezz ta’ deroga mil-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/36/UE u fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/65/UE;”;

(ii)jiżdied il-punt (n) li ġej:

“(n) is-setgħa li jsiru talbiet skont l-Artikolu 17(5) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 f’isem l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni.”;

(b)fil-paragrafu 2, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a) soġġett għall-Artikolu 3(6) u l-Artikolu 85(1), ir-rekwiżiti biex jinkisbu approvazzjoni jew kunsens minn kwalunkwe persuna pubblika jew privata, inklużi l-azzjonisti jew il-kredituri tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni u l-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-Artikoli minn 22 sa 27 tad-Direttiva 2013/36/UE;”;

(44)l-Artikolu 71a(3) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3. Il-paragrafu 1 għandu japplika għal kwalunkwe kuntratt finanzjarju li jikkonforma ma’ dawn kollha li ġejjin:

(a)il-kuntratt joħloq obbligu ġdid, jew jemenda materjalment obbligu eżistenti wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet adottati fil-livell nazzjonali għat-traspożizzjoni ta’ dan l-Artikolu;”

(b)il-kuntratt jipprevedi l-eżerċitar ta’ dritt ta’ terminazzjoni wieħed jew aktar jew tad-drittijiet ta’ infurzar tal-interessi ta’ garanzija, li għalihom japplikaw l-Artikoli 33a, 68, 69, 70 jew 71 kieku l-kuntratt finanzjarju kien irregolat bil-liġijiet ta’ Stat Membru.”;

(45)fl-Artikolu 74(3), jiżdied il-punt (d) li ġej:

“(d) meta jiġi ddeterminat it-telf li l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti kienet iġġarrab kieku l-istituzzjoni ġiet stralċjata taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza, japplikaw il-kriterji u l-metodoloġija msemmija fl-Artikolu 11e tad-Direttiva 2014/49/UE u fi kwalunkwe att delegat adottat skont dak l-Artikolu.”;

(46)fl-Artikolu 88, jiddaħħal il-paragrafu 6a li ġej:

“6a. Sabiex jiġu ffaċilitati l-kompiti msemmija fl-Artikoli 10(1), 15(1) u 17(1) u sabiex tiġi skambjata kwalunkwe informazzjoni rilevanti, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ istituzzjoni b’fergħat sinifikanti fi Stati Membri oħrajn għandha tistabbilixxi u tippresjedi kulleġġ ta’ riżoluzzjoni.

L-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tiddeċiedi liema awtoritajiet jipparteċipaw f’laqgħa jew f’attività tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni, filwaqt li tqis ir-rilevanza tal-attività li għandha tiġi ppjanata jew ikkoordinata għal dawk l-awtoritajiet, b’mod partikolari l-impatt potenzjali fuq l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Istati Membri kkonċernati u l-kompiti msemmija fl-ewwel subparagrafu.

L-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha żżomm lill-membri kollha tal-kulleġġ tar-riżoluzzjoni infurmati bis-sħiħ, bil-quddiem, dwar l-organizzazzjoni ta’ tali laqgħat, il-kwistjonijiet ewlenin li għandhom jiġu diskussi u l-attivitajiet li għandhom jiġu kkunsidrati. L-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha żżomm lill-membri kollha tal-kulleġġ infurmati bis-sħiħ, fil-ħin, dwar l-azzjonijiet meħuda f’dawk il-laqgħat jew il-miżuri mwettqa.”;

(47)l-Artikolu 91 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. Meta awtorità ta’ riżoluzzjoni tiddeċiedi li istituzzjoni jew kwalunkwe entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) li hija sussidjarja fi grupp tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 32 jew 33, dik l-awtorità għandha tinnotifika l-informazzjoni li ġejja mingħajr dewmien lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni fil-livell ta’ grupp, jekk differenti, lis-superviżur konsolidanti u lill-membri tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni għall-grupp inkwistjoni:

(a)id-deċiżjoni li l-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 32(1), jew fl-Artikolu 33(1) jew (2), kif applikabbli, jew il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 33(4);

(b)l-eżitu tal-valutazzjoni tal-kundizzjoni msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 32(1);

(c)l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni jew il-miżuri ta’ insolvenza li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tqis li huma xierqa għal dik l-istituzzjoni jew dik l-entità.

L-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tista’ tiġi inkluża fin-notifiki kkomunikati skont l-Artikolu 81(3) lid-destinatarji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.”;

(b)fil-paragrafu 7, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-EBA tista’, fuq talba tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni, tgħin lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jilħqu deċiżjoni konġunta f’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.”;

(48)fl-Artikolu 92(3), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-EBA tista’, fuq talba tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni, tgħin lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jilħqu deċiżjoni konġunta f’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.”;

(49)fl-Artikolu 97, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4. L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkonkludu arranġamenti ta’ kooperazzjoni mhux vinkolanti mal-awtoritajiet rilevanti ta’ pajjiżi terzi msemmija fil-paragrafu 2, fejn xieraq. Dawk l-arranġamenti għandhom ikunu konformi mal-arranġament qafas tal-EBA.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkonkludu arranġamenti ta’ kooperazzjoni mhux vinkolanti mal-awtoritajiet rilevanti ta’ pajjiżi terzi msemmija fil-paragrafu 2, fejn xieraq. Dawk l-arranġamenti għandhom ikunu konformi mal-arranġament qafas tal-EBA u għandhom jiżguraw li l-informazzjoni divulgata lill-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi tkun soġġetta għal garanzija li r-rekwiżiti ta’ segretezza professjonali mill-inqas ekwivalenti għal dawk imsemmija fl-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2013/36/UE jiġu rrispettati.”

(50)fl-Artikolu 98, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)is-sentenza introduttorja hija sostitwita b’din li ġejja:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u l-ministeri kompetenti jiskambjaw informazzjoni kunfidenzjali, inklużi pjanijiet ta’ rkupru, mal-awtoritajiet rilevanti ta’ pajjiżi terzi biss jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:”;

(b)jiżdiedu t-tieni u t-tielet subparagrafi li ġejjin:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jiskambjaw informazzjoni kunfidenzjali mal-awtoritajiet rilevanti ta’ pajjiżi terzi biss jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)b’rabta mal-informazzjoni relatata mal-irkupru u r-riżoluzzjoni, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu;

(b)b’rabta ma’ informazzjoni oħra disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 55 tad-Direttiva 2013/36/UE.

Għall-finijiet tat-tieni subparagrafu, l-informazzjoni relatata mal-irkupru u r-riżoluzzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni kollha direttament relatata mal-kompiti tal-awtoritajiet kompetenti skont din id-Direttiva, b’mod partikolari l-ippjanar tal-irkupru u l-pjanijiet ta’ rkupru, il-miżuri ta’ intervent bikri u l-iskambji mal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni rigward l-ippjanar tar-riżoluzzjoni, il-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni.”;

(51)fl-Artikolu 101, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. Meta l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tiddetermina li l-użu tal-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu x’aktarx iwassal biex parti mit-telf ta’ istituzzjoni jew entità kif imsemmi fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tiġi mgħoddija lill-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni, għandhom japplikaw il-prinċipji li jirregolaw l-użu tal-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni stabbilit fl-Artikolu 44.”;

(52)fl-Artikolu 102(3), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Jekk, wara l-perjodu inizjali ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-mezzi finanzjarji disponibbli jonqsu taħt il-livell fil-mira speċifikat f’dak il-paragrafu, għandhom jerġgħu jibdew il-kontribuzzjonijiet regolari miġbura f’konformità mal-Artikolu 103 sakemm jintlaħaq il-livell fil-mira. L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jiddifferixxu l-ġbir tal-kontribuzzjonijiet regolari miġbura f’konformità mal-Artikolu 103 għal sena (1) jew aktar fejn l-ammont li għandu jinġabar jilħaq ammont li jkun proporzjonat għall-kostijiet tal-proċess tal-ġbir, diment li tali differiment ma jaffettwax materjalment il-kapaċità tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni li tuża l-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni skont l-Artikolu 101. Wara li jkun intlaħaq il-livell fil-mira għall-ewwel darba u fejn il-mezzi finanzjarji disponibbli jkunu sussegwentement tnaqqsu għal inqas minn żewġ terzi tal-livell fil-mira, dawk il-kontribuzzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti f’livell li jippermetti li jintlaħaq il-livell fil-mira fi żmien 6 snin.”;

(53)l-Artikolu 103 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3. Il-mezzi finanzjarji disponibbli li għandhom jitqiesu sabiex jintlaħaq il-livell fil-mira speċifikat fl-Artikolu 102 jistgħu jinkludu impenji ta’ pagament irrevokabbli li huma kompletament sostnuti b’kollateral ta’ assi b’riskju baxx mhux aggravati minn kwalunkwe dritt ta’ parti terza, għad-dispożizzjoni ħielsa u allokati għall-użu esklussiv mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għall-finijiet speċifikati fl-Artikolu 101(1). Is-sehem tal-impenji ta’ pagament irrevokabbli ma għandux jaqbeż 50 % tal-ammont totali ta’ kontribuzzjonijiet miġbura f’konformità ma’ dan l-Artikolu. Fi ħdan dak il-limitu, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tiddetermina kull sena s-sehem tal-impenji ta’ pagament irrevokabbli fl-ammont totali ta’ kontribuzzjonijiet li għandhom jinġabru f’konformità ma’ dan l-Artikolu.”;

(b)jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

“3a. L-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha teżerċita l-impenji ta’ pagament irrevokabbli magħmula skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu meta jkun meħtieġ l-użu tal-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni skont l-Artikolu 101.

Meta entità ma tibqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1 u ma tkunx għadha soġġetta għall-obbligu li tħallas il-kontribuzzjonijiet f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha teżerċita l-impenji ta’ pagament irrevokabbli magħmula skont il-paragrafu 3 u li jkunu għadhom dovuti. Jekk il-kontribuzzjoni marbuta mal-impenn ta’ pagament irrevokabbli titħallas kif xieraq mal-ewwel sejħa, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tikkanċella l-impenn u tirritorna l-kollateral. Jekk il-kontribuzzjoni ma titħallasx kif xieraq mal-ewwel sejħa, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tieħu l-kollateral f’idejha u tikkanċella l-impenn.”;

(54)Fl-Artikolu 104(1), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-kontribuzzjonijiet ex post straordinarji ma għandhomx jaqbżu tliet darbiet 12,5 % tal-livell fil-mira speċifikat fl-Artikolu 102.”;

(55)l-Artikolu 108 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-liġijiet nazzjonali tagħhom li jirregolaw il-proċedimenti normali ta’ insolvenza, dawn li ġejjin ikollhom l-istess klassifikazzjoni ta’ prijorità, li tkun ogħla mill-klassifikazzjoni pprovduta għall-pretensjonijiet ta’ kredituri ordinarji mhux garantiti:

(a)depożiti;

(b)depożiti magħmula permezz ta’ fergħat li jinsabu barra mill-Unjoni ta’ istituzzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni;

(c)skemi ta’ garanzija ta’ depożiti li jissurrogaw għad-drittijiet u l-obbligi tad-depożitanti koperti f’insolvenza.”;

(b)jiżdiedu l-paragrafi 8 u 9 li ġejjin:

“8. Meta l-għodod ta’ riżoluzzjoni msemmija fil-punt (a) jew (b) tal-Artikolu 37(3) jintużaw għat-trasferiment ta’ parti biss mill-assi, id-drittijiet jew l-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, l-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni għandu jkollu pretensjoni kontra l-istituzzjoni jew l-entità residwa msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1), għal kwalunkwe spiża u telf imġarrba mill-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni bħala riżultat ta’ kwalunkwe kontribuzzjoni magħmula għar-riżoluzzjoni skont l-Artikolu 101(1) b’rabta mat-telf illi kieku kienu jġarrbu l-kredituri.

9. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pretensjonijiet tal-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni msemmi fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 37(7) ikollhom, fil-liġijiet nazzjonali tagħhom li jirregolaw il-proċedimenti normali ta’ insolvenza, klassifikazzjoni ta’ prijorità ppreferuta, li għandha tkun ogħla mill-klassifikazzjoni prevista għall-pretensjonijiet ta’ depożiti u ta’ skemi ta’ garanzija tad-depożiti skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.”;

(56)l-Artikolu 109 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jieħdu azzjoni ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, u diment li tali azzjoni tiżgura li d-depożitanti jkomplu jkollhom aċċess għad-depożiti tagħhom, sabiex jiġi evitat li d-depożitanti jġarrbu telf, l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti li magħha tkun affiljata dik l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha tikkontribwixxi l-ammonti li ġejjin:

(a)meta tiġi applikata l-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna, indipendentement jew flimkien mal-għodda ta’ separazzjoni tal-assi, l-ammont li bih id-depożiti koperti kienu jiġu valwati b’mod negattiv jew ikkonvertiti sabiex jassorbu t-telf u jirrikapitalizzaw l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni skont l-Artikolu 46(1) kieku d-depożiti koperti kienu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-rikapitalizzazzjoni interna;

(b)meta jiġu applikati l-għodod tal-bejgħ ta’ negozju jew tal-istituzzjoni tranżitorja, indipendentement jew flimkien ma’ għodod ta’ riżoluzzjoni oħrajn:

(i)l-ammont meħtieġ biex tiġi koperta d-differenza bejn il-valur tad-depożiti koperti u tal-obbligazzjonijiet bl-istess klassifikazzjoni ta’ prijorità jew bi klassifikazzjoni ta’ prijorità ogħla mid-depożiti u l-valur tal-assi tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni li għandhom jiġu ttrasferiti lil riċevitur; u

(ii)fejn rilevanti, ammont meħtieġ biex tiġi żgurata n-newtralità tal-kapital tar-riċevitur wara t-trasferiment.

Fil-każijiet imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, meta t-trasferiment lir-riċevitur jinkludi depożiti li ma jkunux depożiti koperti jew obbligazzjonijiet oħrajn b’kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna u l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tivvaluta li ċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 44(3) japplikaw għal dawk id-depożiti jew l-obbligazzjonijiet, l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti għandha tikkontribwixxi:

(a)l-ammont meħtieġ biex tiġi koperta d-differenza bejn il-valur tad-depożiti, inklużi d-depożiti li ma humiex koperti, u tal-obbligazzjonijiet bl-istess klassifikazzjoni ta’ prijorità jew bi prijorità ogħla mid-depożiti u l-valur tal-assi tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni li għandhom jiġu ttrasferiti lil riċevitur; u

(b)fejn rilevanti, ammont meħtieġ biex tiġi żgurata n-newtralità tal-kapital tat-trasferiment għar-riċevitur.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, ladarba l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti tkun għamlet kontribuzzjoni fil-każijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu, l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni toqgħod lura milli takkwista ishma f’impriżi oħrajn, kif ukoll distribuzzjonijiet b’rabta mal-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni jew pagamenti fuq strumenti tal-Grad 1 Addizzjonali, jew minn attivitajiet oħrajn li jistgħu jwasslu għal ħruġ ta’ fondi.

Fil-każijiet kollha, il-kost tal-kontribuzzjoni tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti ma għandux ikun akbar mill-kost tal-ħlas lura lid-depożitanti kif ikkalkolat mill-iskema ta’ garanzija tad-depożiti skont l-Artikolu 11e tad-Direttiva 2014/49/UE.

Meta jiġi ddeterminat permezz ta’ valwazzjoni skont l-Artikolu 74 li l-kost tal-kontribuzzjoni tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti għar-riżoluzzjoni kien akbar mit-telf li l-istituzzjoni kienet iġġarrab kieku ġiet stralċjata taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza, l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti għandha tkun intitolata għall-ħlas tad-differenza mill-arranġament ta’ finanzjament tar-riżoluzzjoni f’konformità mal-Artikolu 75.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tiddetermina l-ammont tal-kontribuzzjoni tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti f’konformità mal-paragrafu 1 wara li tkun ikkonsultat l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti dwar il-kost stmat tal-ħlas lura lid-depożitanti skont l-Artikolu 11e tad-Direttiva 2014/49/UE u f’konformità mal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 36 ta’ din id-Direttiva.

L-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tinnotifika d-deċiżjoni tagħha kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu lill-iskema ta’ garanzija tad-depożiti li magħha hija affiljata l-istituzzjoni. L-iskema ta’ garanzija tad-depożiti għandha timplimenta dik id-deċiżjoni mingħajr dewmien.”;

(b)jiddaħħlu l-paragrafi 2a u 2b li ġejjin:

“2a. Meta l-fondi tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti jintużaw f’konformità mal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 biex jikkontribwixxu għar-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti tittrasferixxi l-parteċipazzjonijiet tagħha ta’ ishma jew ta’ strumenti kapitali oħrajn fl-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni lis-settur privat hekk kif iċ-ċirkostanzi kummerċjali u finanzjarji jippermettu dan.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti tikkummerċjalizza l-ishma u strumenti kapitali oħrajn imsemmija fl-ewwel subparagrafu b’mod miftuħ u trasparenti, u li l-bejgħ la jirrappreżentahom ħażin u lanqas jiddiskrimina bejn xerrejja potenzjali. Kwalunkwe bejgħ bħal dan għandu jsir fuq termini kummerċjali.

2b. Il-kontribuzzjoni tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 għandha tingħadd mal-limiti stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 44(5) u fil-punt (a) tal-Artikolu 44(8).

Meta l-użu tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, flimkien mal-kontribuzzjoni għall-assorbiment tat-telf u r-rikapitalizzazzjoni magħmula mill-azzjonisti u mid-detenturi ta’ strumenti oħrajn ta’ sjieda, id-detenturi ta’ strumenti kapitali rilevanti u obbligazzjonijiet oħrajn b’kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna, jippermetti l-użu tal-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni, il-kontribuzzjoni tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti għandha tkun limitata għall-ammont meħtieġ biex jintlaħqu l-limiti stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 44(5) u fil-punt (a) tal-Artikolu 44(8). Wara l-kontribuzzjoni tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti, l-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni għandu jintuża f’konformità mal-prinċipji li jirregolaw l-użu tal-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni stabbilit fl-Artikoli 44 u 101.

Madankollu, l-ewwel u t-tieni subparagrafi ma għandhomx japplikaw għal istituzzjonijiet li ġew identifikati bħala entitajiet ta’ likwidazzjoni fil-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-grupp jew fil-pjan ta’ riżoluzzjoni.”;

(c)jitħassar il-paragrafu 3;

(d)fil-paragrafu 5, jitħassru t-tieni u t-tielet subparagrafi;

(57)fl-Artikolu 111(1), jiżdied il-punt (e) li ġej:

“(e) nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżit minimu għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli msemmija fl-Artikolu 45e jew 45f.”;

(58)l-Artikolu 128 huwa emendat kif ġej:

(a)it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

Kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni fost l-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet”;

(b)jiżdied il-paragrafu li ġej:

“L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, l-awtoritajiet kompetenti, l-EBA, il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, il-BĊE u membri oħrajn tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, fuq talba tagħha u fil-perjodu ta’ żmien speċifikat, bi kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħha relatati mal-iżvilupp tal-politika, inkluż it-twettiq ta’ valutazzjonijiet tal-impatt, it-tħejjija ta’ proposti leġiżlattivi, u l-parteċipazzjoni fil-proċess leġiżlattiv. Il-Kummissjoni u l-persunal tal-Kummissjoni għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali stabbiliti fl-Artikolu 88 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill* fir-rigward tal-informazzjoni riċevuta.”;

______________________________

* Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).

(59)jiddaħħal l-Artikolu 128a li ġej:

“Artikolu 128a

Simulazzjonijiet tal-immaniġġar tal-kriżijiet

1. L-EBA għandha tikkoordina eżerċizzji regolari madwar l-Unjoni kollha biex tittestja l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 u tad-Direttiva 2014/49/UE f’sitwazzjonijiet transfruntiera fuq l-aspetti kollha li ġejjin:

(a)il-kooperazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti matul l-ippjanar tal-irkupru;

(b)il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u l-awtoritajiet kompetenti qabel il-falliment u matul ir-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji, inkluż fl-implimentazzjoni ta’ skemi ta’ riżoluzzjoni adottati skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014.

2. L-EBA għandha tipproduċi rapport li jistabbilixxi s-sejbiet u l-konklużjonijiet ewlenin tal-eżerċizzji. Ir-rapport għandu jsir pubbliku.”.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard minn ... [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = 18-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva emendatorja], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn ... [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = jum wieħed (1) wara d-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva emendatorja].

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE, u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).
(2)    Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).
(3)    Id-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 149).
(4)    Barra minn hekk, għad ma hemm l-ebda ftehim dwar mekkaniżmu kredibbli u robust sabiex tiġi pprovduta likwidità fir-riżoluzzjoni fl-Unjoni Bankarja, f’konformità mal-istandard stabbilit mill-pari internazzjonali.
(5)    COM/2015/0586 final.
(6)    Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
(7)    Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).
(8)    Il-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja u l-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (FSB). Il-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (verżjoni aġġornata tal-2014), Key Attributes of effective resolution regimes for financial institutions u (2015), Principles on Loss-absorbing and Recapitalisation Capacity of Globally Systemically Important Banks (G-SIBs) in Resolution, Total Loss-absorbing Capacity (TLAC) Term Sheet .
(9)    Il-Grupp tal-Euro (it-30 ta’ Novembru 2020), Statement of the Eurogroup in inclusive format on the ESM reform and the early introduction of the backstop to the Single Resolution Fund . L-implimentazzjoni sseħħ matul is-snin 2022-2024. Madankollu, l- Agreement Amending the Treaty Establishing the European Stability Mechanism għadu qed jistenna li jiġi rratifikat.
(10)    Il-Kummissjoni Ewropea (2020), Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2021 , it-taqsima 2.3, p. 5.
(11)    Il-Kummissjoni Ewropea (2023), Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030 .
(12)    Il-Grupp tal-Euro (is-16 ta’ Ġunju 2022), Eurogroup statement on the future of the Banking Union.
(13)    Il-Parlament Ewropew (2022), RAPPORT dwar l-Unjoni Bankarja – rapport annwali 2021 ; il-Parlament Ewropew ħareġ rapport dwar l-Unjoni Bankarja kull sena mill-2015.
(14)    Laqgħa tas-Summit tal-Euro (l-24 ta’ Marzu 2023), Statement of the Euro Summit, meeting in inclusive format .
(15)    Il-proċedimenti nazzjonali ta’ insolvenza ma humiex armonizzati. Madankollu, id-deċiżjoni mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni dwar jekk bank li qed ifalli għandux jitqiegħed f’riżoluzzjoni, li teħtieġ tqabbil bejn il-proċedimenti ta’ riżoluzzjoni u l-proċedimenti nazzjonali ta’ insolvenza (valutazzjoni tal-interess pubbliku), hija parti mill-qafas CMDI. Jekk awtorità ta’ riżoluzzjoni tiddeċiedi li ma tqiegħedx bank li qed ifalli f’riżoluzzjoni, il-każ sussegwentement jiġi ttrattat fil-livell nazzjonali, fejn issir il-valutazzjoni tal-bidu tal-proċedimenti ta’ insolvenza jew ta’ tipi oħrajn ta’ proċedimenti ta’ stralċ, skont id-dettalji speċifiċi tar-reġimi nazzjonali ta’ insolvenza.
(16)    Ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat huma intrinsikament marbuta mal-qafas CMDI u komplementari għalih. Dawn ir-regoli ma humiex soġġetti għal dan ir-rieżami u għal din il-valutazzjoni tal-impatt. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn iż-żewġ oqfsa, f’Novembru 2020, il-Grupp tal-Euro stieden lill-Kummissjoni biex twettaq rieżami tal-qafas ta’ għajnuna mill-Istat għall-banek, u biex tlestih b’mod parallel mar-rieżami tal-qafas CMDI, filwaqt li tiżgura d-dħul fis-seħħ tiegħu fl-istess ħin mal-qafas CMDI aġġornat.
(17)    EBA (it-22 ta’ Ottubru 2021), Call for advice regarding funding in resolution and insolvency .
(18)    Jekk jogħġbok ara r-referenzi għal SWD(2023)226 (skeda sommarja tal-IA) u SEC(2023)230 (l-opinjoni pożittiva tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju).
(19)    Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar is-superviżjoni prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li temenda d-Direttivi 2002/87/KE, 2009/65/KE, 2011/61/UE, 2013/36/UE, 2014/59/UE u 2014/65/UE (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 64).
(20)    L-Ordni tas-6 ta’ Mejju 2019, ABLV Bank/il-BĊE, T-281/18, EU:T:2019:296, il-paragrafi minn 34 sa 36, u s-Sentenza tas-6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank/il-BĊE, C-551/19 P u C-552/19 P, EU:C:2021:369, il-paragrafi minn 62 sa 71.
(21)    Il-BĊE (Ottubru 2022), Protecting depositors and saving money - why DGS in the EU should be able to support transfers of assets and liabilities when a bank fails .
(22)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1118 tas-26 ta’ Marzu 2021 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-metodoloġija li għandha tintuża mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni biex jiġi stmat ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 104a tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-rekwiżit ta’ riżerva kkombinat għall-entitajiet ta’ riżoluzzjoni fil-livell ikkonsolidat tal-grupp ta’ riżoluzzjoni fejn il-grupp ta’ riżoluzzjoni ma huwiex soġġett għal dawk ir-rekwiżiti skont dik id-Direttiva (ĠU L 241, 8.7.2021, p. 1).
(23)    ĠU C , , p. .
(24)    ĠU C , , p. .
(25)    Il-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja, Attributi Ewlenin ta’ Reġimi ta’ Riżoluzzjoni Effettivi għall-Istituzzjonijiet Finanzjarji, il-15 ta’ Ottubru 2014.
(26)    Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).
(27)    Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).
(28)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1118 tas-26 ta’ Marzu 2021 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-metodoloġija li għandha tintuża mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni biex jiġi stmat ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 104a tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-rekwiżit ta’ riżerva kkombinat għall-entitajiet ta’ riżoluzzjoni fil-livell ikkonsolidat tal-grupp ta’ riżoluzzjoni fejn il-grupp ta’ riżoluzzjoni ma huwiex soġġett għal dawk ir-rekwiżiti skont dik id-Direttiva (ĠU L 241, 8.7.2021, p. 1).
(29)    Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).
(30)    Id-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar is-superviżjoni prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li temenda d-Direttivi 2002/87/KE, 2009/65/KE, 2011/61/UE, 2013/36/UE 2014/59/UE u 2014/65/UE (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 64).
(31)    Id-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 149).
(32)    Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
(33)    Ir-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 575/2013, (UE) Nru 600/2014 u (UE) Nru 806/2014 (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 1).
(34)    Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).
(35)    COM(2018) 133 final.
(36)    COM(2020) 822 final.
(37)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta’ Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1).
(38)    Ir-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar il-proporzjon ta’ lieva finanzjarja, il-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett, rekwiżiti għall-fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, riskju ta’ kreditu tal-kontroparti, riskju tas-suq, skoperturi għal kontropartijiet ċentrali, skoperturi għal impriżi ta’ investiment kollettiv, skoperturi kbar, rekwiżiti ta’ rappurtar u divulgazzjoni, u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 1).
(39)    Ir-Regolament (UE) 2019/877 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 dwar il-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 226).
(40)    Id-Direttiva (UE) 2019/879 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li temenda d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tal-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet tal-kreditu u ditti tal-investiment u d-Direttiva 98/26/KE (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 296).
(41)    Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (ir-Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1).
Top