Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0174

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) 2022/1369 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodu tat-tnaqqis fid-domanda għall-miżuri tat-tnaqqis tal-gass, u t-tisħiħ tar-rapportar u tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom

COM/2023/174 final

Brussell, 20.3.2023

COM(2023) 174 final

2023/0087(NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2022/1369 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodu tat-tnaqqis fid-domanda għall-miżuri tat-tnaqqis tal-gass, u t-tisħiħ tar-rapportar u tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Matul is-sena li għaddiet, il-provvisti tal-gass tal-UE mir-Russja ġew interrotti bħala tentattiv intenzjonat biex l-enerġija tintuża bħala arma politika. Ir-Russja ilha ħafna snin il-fornitur ewlieni tal-gass tal-UE. Storikament, l-UE kienet tiddependi fuq ir-Russja għal iktar minn 40 % tal-provvisti tal-gass tagħha. Il-provvista tal-gass naqset kontinwament minn Frar 2022. Il-flussi fil-pipelines tal-gass mir-Russja kienu inqas minn 10 % tal-importazzjonijiet tal-gass tal-UE f’Jannar 2023. Tnax-il Stat Membru attivaw l-ewwel jew it-tieni livell ta’ kriżi skont il-klassifikazzjoni komuni tal-UE, kif previst mir-Regolament (UE) 2017/1938 dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass. Dan ix-xokk fil-provvista diġà kellu impatti sinifikanti fuq il-livell u fuq il-volatilità tal-prezzijiet tal-gass u tal-elettriku, fuq l-inflazzjoni, fuq l-istabbiltà finanzjarja u makroekonomika kumplessiva tal-UE, u fuq iċ-ċittadini kollha.

Sadanittant, filwaqt li l-UE ddiversifikat b’mod attiv is-sorsi tal-provvista biex tikkumpensa għat-tnaqqis qawwi tal-importazzjonijiet tal-gass mir-Russja, hemm prospett realistiku ta’ interruzzjoni sħiħa u fit-tul tal-kumplament tal-gass mir-Russja fi kwalunkwe mument. L-UE trid tkun ippreprata għal dan u trid tieħu azzjonijiet preventivi biex ittaffi l-impatti ta’ interruzzjonijiet kbar possibbli fil-provvista. Il-maġġoranza l-kbira taċ-ċittadini tal-UE (84 %) jaqblu li l-UE jenħtieġ li tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq is-sorsi tal-enerġija Russi mill-iktar fis possibbli. Barra minn hekk, 81 % qalu li ħadu xi azzjoni biex inaqqsu l-konsum tal-enerġija tagħhom stess ( 1 ).

Għal din ir-raġuni, fl-20 ta’ Lulju 2022 il-Kummissjoni pproponiet Regolament tal-Kunsill dwar miżuri kkoordinati għat-tnaqqis fid-domanda għall-gass, li finalment ġie adottat mill-Kunsill fil-5 ta’ Awwissu 2022 bħala r-Regolament (UE) 2022/1369. F’dawn l-aħħar xhur, l-Istati Membri ħadmu b’mod diliġenti u adottaw miżuri bl-għan li jnaqqsu d-domanda rispettiva tagħhom għall-gass bi 15 %, kif previst mir-Regolament imsemmi hawn fuq. Dan irriżulta fi tnaqqis effettiv ta’ 19 % fid-domanda għall-gass madwar l-UE bejn Awwissu 2022 u Jannar 2023.

Minkejja t-tnaqqis li nkiseb fid-domanda u d-diversifikazzjoni tal-provvista, għad hemm diffikultajiet serji fil-provvista tal-enerġija li jistgħu jaffettwaw il-kompetittività tal-UE u s-sitwazzjoni ekonomika ġenerali. Ir-riskji jinkludu l-irpiljar possibbli fid-domanda għal-LNG fl-Asja li jista’ jnaqqas id-disponibbiltà tal-gass fis-suq globali, kundizzjonijiet tat-temp li jistgħu jaffettwaw il-ħżin tal-enerġija idroelettrika u l-produzzjoni nukleari u jirrikjedu iktar ġenerazzjoni tal-enerġija li taħdem bil-gass u xi interruzzjonijiet ulterjuri fil-provvista tal-gass, li min-naħa tagħhom jistgħu jaffettwaw il-mili tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art meħtieġa għal xitwa iktar sikura fl-2023-2024. Barra minn hekk, għall-kuntrarju tal-istaġun tal-mili preċedenti, l-istaġun tal-mili tal-ħażna tal-gass tal-2023 ma jistax jiddependi fuq is-60 bcm tal-gass mill-pipeline Russu li kien għadu jiġi importat fl-UE fl-2022.

Fir-rapport tagħha tat-12 ta’ Diċembru 2022, l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija tistma li fl-2023 jista’ jkun hemm skarsezza tal-gass, sakemm il-miżuri li diġà ttieħdu fl-Unjoni ma jiġux issupplimentati b’azzjonijiet addizzjonali biex jissostitwixxu jew jiffrankaw il-gass. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħejjiet rapport ta’ akkumpanjament dwar ir-rieżami tar-Regolament (UE) 2022/1369 skont l-Artikolu 9 tiegħu li janalizza t-tnaqqis miksub fid-domanda, ir-riskji u x-xenarji possibbli tal-provvista, u l-iskarsezza sa tmiem ix-xitwa li jmiss 2 . Mir-rapport ħareġ fid-dieher li huwa meħtieġ tnaqqis kontinwu ta’ 15 % fid-domanda sa tmiem Marzu 2024 biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkonformaw mal-mira tal-ħżin ta’ 90 % stabbilita fir-Regolament (UE) 2022/1032, u biex tiġi żgurata l-adegwatezza tal-provvista u tad-domanda għax-xitwa tal-2023/24 li hija imperattiva għas-sigurtà tal-provvista tal-gass. Mingħajr tnaqqis kontinwu fid-domanda, il-ħażniet tal-gass jiġu eżawriti fi tmiem ix-xitwa tal-2023-2024, u dan iwassal għal skarsezza u interruzzjonijiet possibbli tal-gass.

Barra minn hekk, ir-rapport ibbażat fuq l-Artikolu 9 juri li estensjoni ta’ 12-il xahar biss tiżgura mili biżżejjed tal-ħażniet matul is-sajf. Xenarji b’perjodi iqsar ta’ tnaqqis fid-domanda ma jkunux biżżejjed biex jiżguraw is-sigurtà tal-provvista fi tmiem ix-xitwa tal-2023-2024. B’kuntrast ma’ dan, estensjoni għal perjodu tat-tnaqqis minn Awwissu sa Marzu ma tħallix żmien biżżejjed biex il-ħażniet jimtlew sal-livell xieraq ta’ 90 %, u twassal għal diffikultajiet serji ta’ sigurtà tal-provvista lejn tmiem ix-xitwa li jmiss. It-temp kiesaħ waħdu kważi jeżawrixxi għalkollox il-ħażniet sal-31 ta’ Marzu 2024. Inkella, b’estensjoni minn April sa Ottubru, il-ħażniet jiġu eżawriti kważi għalkollox sal-31 ta’ Marzu 2024, anke mingħajr temperaturi kesħin u mingħajr ma jimmaterjalizza xi wieħed mir-riskji negattivi l-oħra li huma analizzati iktar fid-dettall fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan id-dokument. Fi kliem ieħor, estensjonijiet iqsar minn 12-il xahar jistgħu jwasslu għal xirjiet ta’ paniku, taqtigħat bejn l-atturi Ewropej fix-xiri, prezzijiet għoljin u possibbiltà ta’ skarsezzi.

Il-perjodu itwal ta’ 12-il xahar mill-1 ta’ April 2023 sal-31 ta’ Marzu 2024 inaqqas il-possibbiltà ta’ żidiet qawwija fil-prezzijiet u għalhekk jillimita l-kost tax-xiri tal-gass għall-Istati Membri għall-istess volumi. Barra minn hekk, estensjoni b’perjodu tat-tnaqqis ta’ 12-il xahar tipprovdi iktar flessibbiltà biex jiġu indirizzati l-karatteristiċi differenti bejn l-Istati Membri. Filwaqt li xi Stati Membri jsibuha iktar faċli li jnaqqsu d-domanda fis-sajf (teħid tal-azzjoni minn qabel), oħrajn isibuha iktar faċli li jnaqqsu d-domanda fix-xitwa (posponiment tal-azzjoni lejn tmiem il-perjodu). Perjodu tat-tnaqqis iqsar ma jippermettix din il-flessibbiltà. Barra minn hekk, perjodu tat-tnaqqis ta’ 12-il xahar jippermetti l-flessibbiltà bejn is-setturi: peress li d-domanda residenzjali tkun baxxa fis-sajf, estensjoni minn April sa Ottubru tpoġġi l-piż sproporzjonat fuq l-industrija u fuq is-settur tal-enerġija inqas flessibbli, li jiddependi fuq id-disponibbiltà ta’ sorsi alternattivi tal-enerġija.

Għalhekk, meta jitqiesu r-riskji rigward il-provvista Russa, il-kundizzjonijiet tat-temp u l-iżviluppi tas-suq globali tal-gass fl-2023, jeħtieġ li t-tnaqqis fid-domanda tal-istess amplitudni jiġi estiż wara l-iskadenza tal-perjodu tar-Regolament (UE) 2022/1369, u qabel il-bidu tal-istaġun tal-mili, u jeħtieġ li dan it-tnaqqis jitkompla fuq perjodu ta’ 12-il xahar sal-31 ta’ Marzu 2024.

Minbarra li jiżgura s-sigurtà tal-provvista, it-tnaqqis fid-domanda jtaffi d-diffikultajiet ekonomiċi billi jnaqqas il-volatilità tal-prezzijiet u jtaffi l-pressjoni minn fuq suq tal-gass magħfus. Filwaqt li l-agħar impatti ekonomiċi ġew evitati fl-2022, is-swieq globali tal-gass għadhom ristretti ħafna fl-2023. Il-prezzijiet tal-gass laħqu l-ogħla livelli storiċi fl-2022 bi prezz massimu ta’ iktar minn 320 €/MWh fis-26 ta’ Awwissu u issa huma inqas minn 45 €/MWh. Madankollu, il-prezzijiet tal-gass għadhom id-doppju tal-livell storiku.

L-istess spirtu ta’ solidarjetà li kien prevalenti fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/1369 jenħtieġ li jkompli. Il-qafas legali għas-sigurtà tal-provvista tal-gass stabbilit bir-Regolament (UE) 2017/1938 għadu insuffiċjenti biex jindirizza l-interruzzjonijiet fit-tul, u dan jista’ jwassal għal azzjonijiet mhux ikkoordinati mill-Istati Membri, li jheddu li jipperikolaw is-sigurtà tal-provvista fl-Istati Membri ġirien u li jqiegħdu piż addizzjonali fuq l-industrija, il-konsumaturi, u l-funzjonament tas-suq intern tal-Unjoni. Filwaqt li xi Stati Membri huma iktar esposti għall-interruzzjonijiet minn oħrajn, kwalunkwe diffikultà jew skarsezza fil-provvista tal-gass jikkawżaw ħsara lill-ekonomiji tal-Istati Membri kollha. Kif stabbilit fil-Komunikazzjoni “Niffrankaw il-Gass għal Xitwa Sikura” tal-20 ta’ Lulju 2022, ikun ferm orħos għaċ-ċittadini u għall-industrija tal-Istati Membri kollha, jekk fi spirtu ta’ solidarjetà jkomplu jnaqqsu d-domanda b’mod proporzjonat u ġestibbli kif intwera sa issa milli jekk iġarrbu tnaqqis mhux ikkoordinat iktar ’il quddiem. It-tnaqqis ikompli ma’ dak attwali, u ma jkunx kumulattiv. Dan ikun jirrappreżenta tnaqqis kontinwu ta’ 15 % għall-perjodu mill-1 ta’ April 2023 sal-31 ta’ Marzu 2024 meta mqabbel ma’ perjodu ta’ referenza mill-1 ta’ April 2017 sal-31 ta’ Marzu 2022, u għalhekk ikun identiku u proporzjonat għat-tnaqqis previst mir-Regolament attwali. Dan it-tnaqqis ikun jammonta għal 60 bcm li ma jiġux ikkonsmati fil-perjodu mill-1 ta’ April 2023 sal-31 ta’ Marzu 2024.

Fil-Kunsill informali tal-Enerġija tas-27 ta’ Frar 2023, il-ministri għall-enerġija tal-UE ddiskutew it-tħejjija għax-xitwa li jmiss u għax-xhur ta’ wara. Din id-diskussjoni enfasizzat il-fehim wiesa’ tar-riskji persistenti ewlenin fuq il-provvista tal-gass relatati mar-Russja u s-suq globali tal-LNG, possibbilment bi tnaqqis fil-kwantità tal-gass disponibbli minħabba l-irkupru tal-ekonomija Asjatika wara l-COVID. Barra minn hekk, it-theddidiet fuq l-infrastruttura kritika tal-gass għall-provvista tal-UE ma jistgħux jiġu injorati.

Għalhekk, ir-Regolament propost jestendi r-Regolament (UE) 2022/1369 sal-31 ta’ Marzu 2024 u jipprevedi perjodu tat-tnaqqis estiż mill-1 ta’ April 2023 sal-31 ta’ Marzu 2024, biex jiġi żgurat li t-tnaqqis fid-domanda jkompli matul l-istaġun tal-mili tal-ħażniet fis-sajf tal-2023 u matul ix-xitwa tal-2023-2024. Il-perjodu tat-tnaqqis fid-domanda u l-perjodu ta’ referenza ġew aġġustati kif xieraq, kif ukoll id-dati fl-Artikolu 5(5) rigward il-mili żejjed tal-ħażniet u d-data tar-rieżami tal-Artikolu 9, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-perjodu taż-żmien estiż.

L-obbligu tal-monitoraġġ u tar-rapportar tal-konsum tal-gass biex jiġi vvalutat it-tnaqqis fid-domanda miksub skont l-Artikolu 8(1) żdied minn darba kull xahrejn għal darba kull xahar, minħabba l-ħtieġa li jkun hemm ċifri aġġornati sabiex tittieħed deċiżjoni effettiva li tiġi proposta dikjarazzjoni ta’ allert tal-Unjoni. Barra minn hekk, minħabba li d-data disponibbli fil-livell tal-UE mhix granulari biżżejjed biex jiġi ddeterminat kif inkiseb it-tnaqqis fid-domanda, ġie propost li fir-rapportar tiġi inkluża diżaggregazzjoni tal-konsum tal-gass għal kull settur. Din jenħtieġ li tgħin biex tinftiehem in-natura tat-tnaqqis fid-domanda miksub, jiġifieri jekk it-tnaqqis fid-domanda huwiex iffrankar, sostituzzjoni jew qerda tad-domanda, u jippermetti li jsiru rakkomandazzjonijiet iktar immirati bl-għan li tinżamm il-kompetittività tal-industrija tal-UE fix-xena globali.

 •Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

L-istrument propost jistabbilixxi miżuri temporanji, proporzjonati u straordinarji. Jikkomplementa inizjattivi u leġiżlazzjoni rilevanti eżistenti tal-UE, u jiżgura li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jibbenefikaw minn provvisti tal-gass siguri u li l-klijenti jitħarsu minn interruzzjonijiet kbar tal-provvista.

Dan joħroġ loġikament minn inizjattivi eżistenti, bħal “REPowerEU”, il-proposta għal “Pakkett tad-Dekarbonizzazzjoni tas-Suq tal-Idroġenu u tal-Gass”, u l-inizjattiva “Niffrankaw il-Gass għal Xitwa Sikura”. L-inizjattiva proposta tikkomplementa għalkollox il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass, li diġà stabbiliet sett komprensiv ta’ regoli biex iċ-ċittadini u l-kumpaniji jitħarsu aħjar mill-interruzzjonijiet tal-provvista. Ir-Regolament (UE) 2017/1938 introduċa, fost l-oħrajn, pjanijiet ta’ emerġenza li l-Istati Membri jeħtieġ iħejju għal livelli differenti ta’ kriżi, u jippjanaw miżuri li jistgħu jittieħdu f’każ ta’ allert nazzjonali. Dan jissupplimenta wkoll ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2576 li jsaħħaħ is-solidarjetà permezz ta’ koordinazzjoni aħjar tax-xiri tal-gass, skambji transfruntieri tal-gass, u parametri referenzjarji affidabbli tal-prezzijiet. Iddaħħlu fis-seħħ għadd ta’ mekkaniżmi ta’ solidarjetà biex jiżguraw li l-Istati Membri jikkooperaw b’mod transfruntier ħalli jiżguraw li l-enerġija tasal għand il-klijenti fl-iktar reġjuni li jeħtiġuha, f’każ ta’ interruzzjonijiet tal-provvista.

Wara l-invażjoni Russa mhux ġustifikata u mhux provokata fl-Ukrajna, l-UE stabbiliet il-Pjan REPowerEU bl-għan li ttemm id-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili Russi malajr kemm jista’ jkun u sa mhux iktar tard mill-2027. Sabiex jikseb dan, il-Pjan REPowerEU jistabbilixxi miżuri relatati mal-iffrankar enerġetiku u l-effiċjenza enerġetika, u jipproponi introduzzjoni malajr tal-enerġija nadifa biex tieħu post il-fjuwils fossili fid-djar, fl-industrija u fil-ġenerazzjoni tal-enerġija. F’dan il-kuntest, l-inizjattiva proposta hi msejsa fuq l-għodod diġà disponibbli għall-UE u hija konsistenti għalkollox mal-għanijiet stabbiliti fir-REPowerEU.

Ir-Regolament (UE) 2022/1032 introduċa obbligi tal-ħżin bħala rispons għall-invażjoni Russa fl-Ukrajna, li matulha l-iskarsezzi tal-provvista u ż-żidiet qawwija fil-prezzijiet jistgħu jinħolqu mhux biss minħabba xi falliment tal-infrastruttura jew kundizzjonijiet estremi tat-temp, iżda anke minħabba bidliet ġeopolitiċi, li jwasslu għal interruzzjonijiet itwal jew għal għarrieda tal-provvista. L-obbligi tal-mili tal-ħażniet li hemm fir-Regolament (UE) 2022/1032 jikkontribwixxu biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà tal-provvista tal-gass fix-xitwa tal-2022-2023 u fil-perjodi tax-xitwa li jmiss.

Il-Komunikazzjoni “Niffrankaw il-Gass għal Xitwa Sikura” adottata fl-20 ta’ Lulju 2022 tistabbilixxi l-għodod li l-UE diġà għandha għal tnaqqis ikkoordinat fid-domanda, u x’jeħtieġ isir iktar biex l-UE tkun lesta għal interruzzjonijiet sħaħ jew parzjali. L-inizjattiva proposta twieġeb għaż-żieda fir-riskji li jirriżultaw mill-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, u tikkomplementa għalkollox ir-regoli eżistenti dwar is-sigurtà tal-provvista. Testendi r-regoli tar-Regolament (UE) 2022/1369 għal tnaqqis ikkoordinat fid-domanda u testendi d-dispożizzjonijiet għad-dikjarazzjoni ta’ allert tal-Unjoni. Tabilħaqq, filwaqt li diġà hemm il-possibbiltà li l-Kummissjoni tiddikjara emerġenza fil-livell tal-Unjoni, jenħtieġ li tiġi estiża wkoll il-possibbiltà li jiġi ddikjarat allert fil-livell tal-Unjoni. Is-sitwazzjoni attwali turi li allert bħal dan jista’ jkun utli biex jiżgura li l-Istati Membri kollha jieħdu l-miżuri preventivi meħtieġa biex jevitaw emerġenza tal-enerġija.

Għalhekk, din il-proposta għal estensjoni tar-Regolament (UE) 2022/1369 attwali, li jippermetti tħejjija kkoordinata għall-kriżijiet billi jintroduċi regoli ta’ koordinazzjoni aħjar għat-tnaqqis fid-domanda u billi joħloq il-possibbiltà li jiddaħħal tnaqqis obbligatorju fid-domanda għall-gass mal-Unjoni kollha, tikkomplementa d-dispożizzjonijiet eżistenti u l-inizjattivi reċenti fis-settur tal-enerġija, filwaqt li tissalvagwardja s-sigurtà tal-provvista tal-gass u tiżgura l-koordinazzjoni bejn il-miżuri tat-tnaqqis fid-domanda meħuda fl-UE kollha.

•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija miżura straordinarja li għandha tapplika għal żmien limitat u li hi konsistenti ma’ sett usa’ ta’ inizjattivi li jsaħħu r-reżiljenza enerġetika tal-Unjoni u li jħejju għall-possibbiltà ta’ sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, peress li l-proposta testendi r-Regolament (UE) 2022/1369 attwali sal-31 ta’ Marzu 2024. Il-proposta hi wkoll kompatibbli għalkollox mar-regoli tal-kompetizzjoni u tas-suq, peress li swieq tal-enerġija transfruntieri li jiffunzjonaw huma kruċjali biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista f’każ ta’ skarsezzi tal-provvista. Regoli xierqa fil-proposta jiżguraw li l-miżuri nazzjonali ma jxekklux il-kompetizzjoni, jew li ma jikkompromettux l-integrità tas-suq intern. Filwaqt li tipprevedi tnaqqis iktar ikkoordinat fid-domanda, tikkonforma wkoll mal-miri tal-Patt Ekoloġiku tal-Kummissjoni.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għal dan l-istrument hija l-Artikolu 122(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”).

L-iskarsezza attwali u kontinwa fil-provvisti tal-gass tikkostitwixxi diffikultà serja fil-provvista ta’ prodott tal-enerġija skont l-Artikolu 122 tat-TFUE. L-UE għadha ma ssostitwietx għalkollox il-provvista tal-gass mir-Russja u attwalment tiddependi fuq il-gass mir-Russja għal inqas minn 10 % tal-importazzjonijiet mill-pipelines. Waqfien totali ta’ dawk l-importazzjonijiet iwassal għal livelli insuffiċjenti ta’ ħżin f’Novembru u għal eżawriment totali tal-ħażniet tal-UE matul l-istaġun tax-xitwa u għaldaqstant jesponi lill-UE għal riskji serji tas-sigurtà tal-provvista. Barra minn hekk, il-prezzijiet eċċezzjonalment għoljin ta’ bħalissa, li huma d-doppju tal-prezzijiet storiċi, jenfasizzaw il-ħtieġa għal azzjoni urġenti biex ikomplu jitnaqqsu l-prezzijiet tal-gass fl-Ewropa u biex tiġi ppreservata l-kompetittività globali tal-ekonomija tal-UE. Għalhekk, il-mexxejja tal-UE u l-Kummissjoni identifikaw il-ħtieġa urġenti ta’ miżuri kontinwi għal azzjoni iktar ikkoordinata u immedjata, ħalli jkunu ppreparati aħjar għall-possibbiltà ta’ interruzzjonijiet ulterjuri tal-gass matul is-sena. Permezz tal-miżuri li għandhom ikomplu għal perjodu limitat taż-żmien fil-qafas tal-istrument, l-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jippreparaw b’mod ikkoordinat għall-possibbiltà ta’ skarsezzi ulterjuri fil-provvista. Estensjoni limitata fiż-żmien tal-miżuri meħuda skont ir-Regolament (UE) 2022/1369, kif ukoll emendi mmirati għalihom, se jippermettu wkoll lill-UE u lill-Istati Membri jivvalutaw l-effett ta’ dawn il-miżuri kif ukoll jipproponu u jadottaw emendi permanenti għall-qafas ġuridiku ordinarju tas-sigurtà tal-provvista tal-gass kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2017/1938. Għalhekk hu ġġustifikat li l-istrument propost jiġi bbażat fuq l-Artikolu 122(1) tat-TFUE.

•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-miżuri ppjanati li għandhom jitkomplew fil-qafas ta’ din l-inizjattiva jikkonformaw għalkollox mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Minħabba l-iskala u l-effett sinifikanti tat-tnaqqis ulterjuri fil-provvista tal-gass min-naħa tar-Russja, jeħtieġ li tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE. Huwa meħtieġ approċċ ikkoordinat kontinwu permezz ta’ tnaqqis fid-domanda fl-Unjoni kollha, bi spirtu ta’ solidarjetà, ħalli jitnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ interruzzjonijiet kbar potenzjali matul ix-xhur tax-xitwa meta l-konsum tal-gass ikun akbar u meta l-Istati Membri jkollhom jiddependu parzjalment fuq il-gass maħżun fl-istaġun tal-injezzjoni.

Minħabba n-natura bla preċedent tal-kriżi tal-provvista tal-gass u l-effetti transkonfinali tagħha, kif ukoll il-livell ta’ integrazzjoni tas-suq intern tal-enerġija tal-UE, azzjoni fil-livell tal-Unjoni għadha ġġustifikata peress li l-Istati Membri waħedhom ma jistgħux jindirizzaw b’mod effettiv biżżejjed u b’mod ikkoordinat ir-riskju ta’ diffikultajiet ekonomiċi serji li jirriżultaw minn żidiet fil-prezzijiet jew minn interruzzjonijiet sinifikanti tal-provvista. Azzjoni kontinwa tal-UE biss, motivata minn spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, tista’ tiżgura li l-interruzzjonijiet tal-provvista ma jikkawżawx ħsara dejjiema liċ-ċittadini u lill-ekonomija.

Minħabba l-iskala u l-effetti tagħha, il-miżura tista’ titwettaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, u għalhekk l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

•Proporzjonalità

L-inizjattiva tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 122(1) tat-TFUE. L-intervent ta’ politika hu proporzjonali għad-dimensjoni u n-natura tal-problemi definiti u għall-ksib tal-objettivi stabbiliti.

Fid-dawl tas-sitwazzjoni ġeopolitika bla preċedent u t-theddida sinifikanti għaċ-ċittadini u l-ekonomija tal-UE, hemm ħtieġa ċara ta’ azzjoni kkoordinata kontinwa. Għalhekk, il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-istrument attwali. Il-miżuri proposti biex jitkomplew jitqiesu li huma proporzjonati u msejsa kemm jista’ jkun fuq approċċi eżistenti, bħal-livelli ta’ kriżi eżistenti u l-pjanijiet ta’ emerġenza stabbiliti f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/1938.

Din il-proposta tistabbilixxi r-riżultat finali li għandu jinkiseb, fil-forma ta’ proċess għall-istabbiliment ta’ obbligu legalment vinkolanti ta’ tnaqqis fl-użu tal-enerġija għall-Istati Membri, filwaqt li tagħti awtonomija sħiħa lill-Istati Membri biex jagħżlu l-iktar mezzi effettivi biex jissodisfaw dan l-obbligu skont l-ispeċifiċitajiet nazzjonali tagħhom u l-miżuri diġà previsti fil-pjanijiet nazzjonali ta’ emerġenza.

•Għażla tal-istrument

Wara li qieset id-dimensjoni tal-kriżi tal-enerġija u l-iskala tal-impatt soċjali, ekonomiku u finanzjarju tagħha, il-Kummissjoni jidhrilha li jixraq taġixxi permezz ta’ Regolament għax dan ikollu kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u jkun japplika direttament u minnufih. Dan jirriżulta f’mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni rapidu, uniformi u mifrux mal-Unjoni kollha.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Minħabba n-natura politikament sensittiva tal-proposta u l-urġenza li titħejja l-proposta sabiex tkun tista’ tiġi adottata fil-ħin mill-Kunsill, ma setgħetx titwettaq konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Madankollu, il-kwistjoni ġiet diskussa mal-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass, li jinkludi rappreżentanti tal-Istati Membri u assoċjazzjonijiet Ewropej li jirrappreżentaw lill-fornituri, lill-operaturi tal-infrastruttura, lill-kummerċjanti u lill-konsumaturi ewlenin tal-gass. Il-membri tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass, matul il-laqgħa tiegħu tas-16 ta’ Frar, esprimew li jagħrfu l-importanza ta’ tnaqqis kontinwu fid-domanda bħala miżura partikolarment kosteffettiva biex tiġi ppreservata u tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista. Barra minn hekk, il-punt tqajjem matul il-laqgħa informali tal-Kunsill tal-Enerġija tas-27 ta’ Frar 2023, meta l-Istati Membri kkonfermaw l-importanza ta’ tħejjija adegwata fid-dawl tax-xitwa li jmiss tal-2023/24 u r-rwol importanti tat-tnaqqis fid-domanda għall-gass f’dan il-kuntest.

•Drittijiet fundamentali

Ma ġie identifikat l-ebda impatt negattiv fuq id-drittijiet fundamentali. Il-miżuri fil-qafas ta’ dan l-istrument mhux se jaffettwaw id-drittijiet tal-klijenti li huma kkategorizzati bħala protetti skont ir-Regolament (UE) 2017/1938, inkluż il-klijenti domestiċi kollha. L-istrument se jippermetti tnaqqis fir-riskji assoċjati mal-iskarsezza tal-gass, li inkella jkollhom implikazzjonijiet kbar fuq l-ekonomija u s-soċjetà.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din l-inizjattiva ma teħtieġx riżorsi addizzjonali mill-baġit tal-UE.

5.SOMMARJU TAL-BIDLIET LI DDAĦĦLU

Filwaqt li jissejsu fuq is-sejbiet tar-rapport tal-Artikolu 9, il-bidliet proposti huma mmirati u limitati fil-kamp ta’ applikazzjoni biex jestendu t-tnaqqis fid-domanda wara l-iskadenza tal-perjodu tar-Regolament (UE) 2022/1369 sa tmiem ix-xitwa li jmiss:

Fl-Artikolu 2, il-perjodu ta’ referenza li fuqu jitkejjel it-tnaqqis ġie propost li jinbidel mill-1 ta’ Awwissu 2017 sal-31 ta’ Marzu 2022 fir-Regolament (UE) 2022/1369, għall-1 ta’ April 2017 sal-31 ta’ Marzu 2022.

Fl-Artikolu 3, il-perjodu mill-1 ta’ Awwissu 2022 sal-31 ta’ Marzu 2023 biex l-Istati Membri jnaqqsu l-konsum tal-gass tagħhom fuq bażi volontarja huwa sostitwit bil-perjodu mill-1 ta’ April 2023 sal-31 ta’ Marzu 2024.

Fl-Artikolu 5, il-perjodu mill-1 ta’ Awwissu 2022 sal-31 ta’ Marzu 2023 biex l-Istati Membri jnaqqsu l-konsum tal-gass tagħhom fuq bażi obbligatorja waqt allert tal-Unjoni ddikjarat mill-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni huwa sostitwit bil-perjodu mill-1 ta’ April 2023 sal-31 ta’ Marzu 2024.

Fl-Artikolu 8, ir-rapportar ta’ darbtejn kull xahar tat-tnaqqis fid-domanda miksub huwa sostitwit b’rapportar ta’ darba kull xahar tat-tnaqqis fid-domanda tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana, tal-industrija, tal-unitajiet domestiċi u tas-servizzi, skont id-definizzjonijiet u l-konvenzjonijiet eżistenti tal-Eurostat.

Fl-Artikoli 9 u 10, id-data tar-rieżami mill-Kummissjoni u l-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament ġew adattati rispettivament biex jiġu estiżi sal-31 ta’ Marzu 2024. Id-dispożizzjonijiet eżistenti tal-Artikolu 5 li jirrikonoxxu ċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi f’każ ta’ tnaqqis obbligatorju fid-domanda waqt allert tal-Unjoni jibqgħu japplikaw. Dan japplika b’mod partikolari fir-rigward tal-eżenzjonijiet għall-Istati Membri li mhumiex interkonnessi direttament ma’ sistema interkonnessa tal-gass, il-possibbiltà li jitqies il-gass ikkonsmat bħala materja prima fil-perjodu ta’ referenza, il-possibbiltà li jonqos it-tnaqqis f’każ ta’ kapaċità baxxa ta’ esportazzjoni li diġà tkun qed tintuża sal-massimu, u finalment f’każ ta’ riskju ta’ kriżi tal-elettriku, inkluż meta s-sistema tal-elettriku tiġi desinkronizzata minn pajjiż terz.

2023/0087 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2022/1369 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodu tat-tnaqqis fid-domanda għall-miżuri tat-tnaqqis tal-gass, u t-tisħiħ tar-rapportar u tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 122(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369( 3 ) għandu l-għan li jnaqqas b’mod volontarju, u jekk meħtieġ b’mod obbligatorju, id-domanda tal-gass tal-Unjoni, li jiffaċilita l-mili tal-ħażniet u li jiżgura tħejjija aħjar għal kwalunkwe interruzzjoni ulterjuri tal-provvista. Ir-Regolament (UE) 2022/1369 ġie adottat abbażi tal-Artikolu 122 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) fid-dawl tal-kriżi imminenti tal-provvista tal-gass ikkawżata mill-invażjoni Russa mhux provokata u mhux ġustifikata fl-Ukrajna fi Frar 2022 u l-ħtieġa li l-Unjoni tirreaġixxi b’miżuri temporanji fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri.

(2)Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2022/1369, l-Istati Membri kellhom jagħmlu l-aħjar sforzi tagħhom biex inaqqsu l-konsum tal-gass tagħhom bi 15 % minn Awwissu 2022 sa Marzu 2023. F’każ li l-miżuri volontarji tat-tnaqqis fid-domanda ma jkunux biżżejjed biex jindirizzaw ir-riskju ta’ skarsezza serja fil-provvista, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, ingħata s-setgħa li jiddikjara allert tal-Unjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2022/1369, li jiskatta l-obbligu ta’ tnaqqis obbligatorju fid-domanda. F’dawn l-aħħar xhur, l-Istati Membri ħadmu bil-għaqal u adottaw miżuri bl-għan li fi spirtu ta’ solidarjetà jnaqqsu d-domanda rispettiva tagħhom għall-gass bi 15 %. Dan diġà rriżulta fi tnaqqis effettiv ta’ iktar minn 15 % fid-domanda għall-gass madwar l-Unjoni minn Awwissu 2022 sa Jannar 2023.

(3)Madankollu, għad hemm diffikultajiet serji għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. Is-sitwazzjoni globali fis-suq tal-gass ma tjibitx minn Frar 2022 sal-lum, u l-Unjoni għadha tiddependi fuq ċerti volumi ta’ gass Russu biex tissodisfa d-domanda kumplessiva tagħha għall-gass, minkejja t-tnaqqis fid-domanda miksub skont ir-Regolament (UE) 2022/1369. It-tnaqqis fid-domanda għall-enerġija għaċ-ċittadini tal-Unjoni ġie evitat matul is-sena li għaddiet bis-saħħa ta’ miżuri effettivi għall-mili mill-ġdid tal-ħażniet u tnaqqis fid-domanda. Madankollu, 11-il Stat Membru għadhom qed jiddikjaraw twissija bikrija u wieħed minnhom livell ta’ allert f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/1938. Għalhekk, peress li l-prezzijiet tal-gass għadhom eċċezzjonalment għoljin u l-provvista globali ma tjibitx minn Awwissu 2022 meta ġie adottat ir-Regolament (UE) 2022/1369 sal-lum, hemm urġenza biex jiġu estiżi l-miżuri li għenu biex titrażżan il-kriżi, speċjalment it-tnaqqis kontinwu fid-domanda. Kieku kellhom jitwaqqfu l-miżuri tat-tnaqqis fid-domanda, dan il-waqfien jikkawża bidliet fis-sitwazzjoni fraġli iżda stabbli li l-UE rnexxielha żżomm sal-lum, u jnawwar ir-reżiljenza għal żviluppi futuri possibbli, fosthom li jirnexxilha twaqqaf għalkollox l-importazzjonijiet mir-Russja. Għalhekk huwa urġenti li jiġi evitat l-esponiment tal-Unjoni għal skarsezza tal-gass u għal volatilità għolja tal-prezzijiet.

(4)Minħabba t-tnaqqis sinifikanti fl-importazzjonijiet tal-gass Russu mill-pipelines matul is-sena li għaddiet, il-kapaċità tal-Unjoni li terġa’ timla l-ħażniet attwalment naqset b’mod konsiderevoli, anke meta mqabbla mas-sitwazzjoni fis-sajf tal-2022. Filwaqt li l-kriżi tal-enerġija diġà bdiet is-sena li għaddiet, matul l-2022 l-Unjoni setgħet timporta madwar 60 bcm ta’ gass mir-Russja biex timla l-ħażniet, inkluż it-tranżitu mill-pipeline NordStream 1; madankollu, matul is-sajf tal-2022, ir-Russja interrompiet u eventwalment waqqfet għalkollox il-provvisti tal-gass minn dak il-pipeline, li f’Settembru 2022 saritlu ħsara minn atti ta’ sabotaġġ qawwijin tant li attwalment ma jista’ jittrasporta l-ebda gass u mhux se jkun jista’ jagħmel dan fil-futur prevedibbli. Bil-livelli attwali ta’ importazzjonijiet tal-gass mill-pipelines, l-Unjoni se tirċievi biss massimu ta’ 20 bcm ta’ importazzjonijiet mill-pipelines Russi, dejjem jekk dawn l-importazzjonijiet mhux affidabbli ma jiġux interrotti għalkollox. Għalhekk, hemm riskju serju li jkun hemm skarsezzi tal-gass fl-Unjoni matul ix-xitwa li ġejja tal-2023-2024.

(5)Dawn id-diffikultajiet serji huma aggravati minn għadd ta’ riskji addizzjonali u elementi ġodda, inkluż (i) l-irpiljar fid-domanda Asjatika għal-LNG li naqqas id-disponibbiltà tal-gass fis-suq globali tal-gass, (ii) il-kundizzjonijiet tat-temp li reċentement komplew jiddeterjoraw, u b’hekk affettwaw il-ħżin tal-enerġija idroelettrika u l-produzzjoni nukleari minħabba livelli baxxi tal-ilma, (iii) żviluppi tekniċi ġodda li żiedu r-riskji ta’ inċertezzi fir-rigward tad-disponibbiltà tal-produzzjoni nukleari eżistenti u jeħtieġu jirrikorru iktar għall-ġenerazzjoni tal-enerġija li taħdem bil-gass, u (iv) iktar possibbiltà ta’ interruzzjonijiet fil-provvista tal-gass, inkluż il-waqfien totali tal-importazzjonijiet tal-gass mir-Russja.

(6)Dawn id-diffikultajiet serji persistenti u ġodda jaffettwaw l-issodisfar tad-domanda għall-gass tal-Unjoni, b’mod partikolari l-mili fil-ħin u b’mod effiċjenti tal-faċilitajiet tal-ħżin taħt l-art għax-xitwa tal-2023-2024, kif ukoll l-adegwatezza bejn il-provvista u d-domanda matul ix-xitwa li jmiss.

(7)F’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2022/1369, il-Kummissjoni wettqet rieżami ta’ dak ir-Regolament, u r-riżultati tiegħu huma miġbura fil-qosor fir-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill. Ir-rapport janalizza xenarji differenti, b’estensjoni u mingħajr estensjoni tal-isforzi għat-tnaqqis fid-domanda skont ir-Regolament, inkluż estensjoni ta’ seba’ xhur minn April sa Ottubru 2023, estensjoni ta’ tmien xhur minn Awwissu 2023 sa Marzu 2024, u estensjoni ta’ sena minn April 2023 sa Marzu 2024. Ir-rapport jikkonkludi li mingħajr tnaqqis kontinwu fid-domanda, il-livelli tal-ħażniet jilħqu biss 69 bcm sa tmiem Ottubru 2023, ferm taħt il-mira ta’ 90 % (89,4 bcm) għall-1 ta’ Novembru li hemm fir-Regolament (UE) 2017/1938 kif emendat bir-Regolament (UE) 2022/1032 u li l-livelli tal-ħażniet se jiġu eżawriti għalkollox sa Frar 2024.

(8)Fir-rigward tax-xenarji differenti vvalutati fir-rapport, f’każ ta’ estensjoni ta’ seba’ xhur minn April sa Ottubru 2023, il-ħażniet ikunu mtlew biżżejjed sa tmiem is-sajf tal-2023 (95 bcm sa tmiem Ottubru 2023, u b’hekk tintlaħaq il-mira ta’ 90 %). Madankollu, minħabba li d-domanda għall-gass, anke f’xitwa normali, hija d-doppju ta’ dik fis-sajf, il-ħażniet ikunu ġew eżawriti kważi għalkollox sa tmiem ix-xitwa li jmiss (9 bcm sa tmiem Marzu 2024). Dan jimplika tħassib serju ħafna fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista u jagħmilha diffiċli ħafna li l-ħażniet jimtlew biżżejjed għax-xitwa ta’ wara. F’każ ta’ estensjoni ta’ tmien xhur minn Awwissu 2023 sa Marzu 2024, il-ħażniet jimtlew bil-mod wisq, u jilħqu 80 bcm biss sa tmiem Ottubru 2023, ferm inqas mill-mira, u l-livelli tal-ħażniet kieku jonqsu għal inqas minn 30 % sa tmiem ix-xitwa li ġejja (inqas minn 28 bcm), u dan jikkawża tħassib serju fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista u jagħmilha diffiċli li l-ħażniet jimtlew biżżejjed għax-xitwa ta’ wara. Huwa biss f’każ ta’ estensjoni ta’ sena bi tnaqqis kontinwu fid-domanda ta’ 15 % minn April 2023 sa Marzu 2024 li l-livelli tal-ħażniet jistgħu jissodisfaw il-mira tal-ħżin tal-1 ta’ Novembru 90 % u jilħqu d-89,4 bcm sal-1 ta’ Novembru 2023, u l-Istati Membri jistgħu jkunu fit-triq it-tajba għall-mira rispettiva tagħhom tal-1 ta’ Mejju b’43 bcm maħżuna fil-livell tal-UE sa tmiem Marzu 2024.

(9)Fid-dawl ta’ dan, ir-rapport jikkonkludi li huwa meħtieġ tnaqqis kontinwu fid-domanda ta’ 15 % fuq perjodu ta’ 12-il xahar sa tmiem Marzu 2024 sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkonformaw mal-mira tal-ħżin ta’ 90 % stabbilita fir-Regolament (UE) 2017/1938 kif emendat bir-Regolament (UE) 2022/1032, li hija kruċjali għas-sigurtà tal-provvista tal-gass, u biex tiġi evitata kwalunkwe interruzzjoni fil-provvista tax-xitwa ta’ wara.

(10)Filwaqt li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu liema miżuri huma l-iktar xierqa biex jiżguraw li jilħqu l-miri tal-ħżin, dan ma jistax jinkiseb mingħajr miżuri ta’ tnaqqis fid-domanda. Fil-fatt, ir-rapport jikkonkludi li ma jkunx hemm volum biżżejjed ta’ gass fis-suq biex jiġi ssodisfat l-obbligu fl-Istati Membri kollha. Dan ifisser li mhux l-Istati Membri kollha huma fiżikament kapaċi jimlew il-ħażniet għal livelli adegwati, u dan se jirriżulta f’diffikultajiet serji għas-sigurtà tal-provvista fi tmiem ix-xitwa tal-2023-2024.

(11)Ir-rapport jindika wkoll li huwa meħtieġ tnaqqis fil-konsum tal-gass proporzjonat għal dak previst fir-Regolament (UE) 2022/1369 matul il-perjodu mill-1 ta’ April 2023 sal-31 ta’ Marzu 2024. It-tnaqqis estiż meħtieġ ikun jikkorrispondi għal tnaqqis ta’ 15 % għall-perjodu mill-1 ta’ April 2023 sa Marzu 2024 meta mqabbel ma’ perjodu ta’ referenza mill-1 ta’ April 2017 sal-31 ta’ Marzu 2022. L-estensjoni tal-miżuri ta’ tnaqqis fid-domanda u l-estensjoni tal-perjodu tat-tnaqqis jipprovdu wkoll il-flessibbiltà lis-suq biex irażżan il-volatilità tal-prezz tal-gass u jipprevjeni żidiet qawwija fil-prezzijiet bħal dawk osservati fl-2022.

(12)Minħabba l-bilanċ magħfus attwali bejn il-provvista u d-domanda, anke interruzzjoni moderata jista’ jkollha impatt drammatiku fuq is-suq tal-gass. L-obbligu tal-mili tal-ħażniet tal-gass japplika sakemm ma tiġix iddikjarata emerġenza tal-Unjoni jew reġjonali f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/1938. Għalhekk, interruzzjoni f’daqqa ta’ 10 % tal-importazzjonijiet tal-gass mill-pipelines lejn l-Unjoni twassal biex jiġu imposti miżuri iżolati drastiċi mill-Istati Membri biex jikkonformaw mal-obbligu tal-mili tal-ħażniet tagħhom, jew twassal biex tiġi ddikjarata emerġenza tal-Unjoni jew reġjonali, sakemm ma jitkompliex it-tnaqqis ikkoordinat volontarju fid-domanda. Din it-tkomplija tat-tnaqqis ikkoordinat fid-domanda mill-Istati Membri kollha fi spirtu ta’ solidarjetà hija essenzjali għall-mili mill-ġdid tal-kapaċitajiet tal-ħżin, b’mod effiċjenti bi tfixkil minimu fis-suq, li jibqa’ kruċjali għas-sigurtà tal-provvista tal-gass qabel ix-xitwa tal-2023-2024.

(13)L-estensjoni tikkostitwixxi miżura ta’ emerġenza b’rispons għad-diffikultajiet serji persistenti u ġodda fil-provvista tal-enerġija li jirrappreżentaw riskju ta’ kriżi imminenti u li jeħtieġu l-adattament tal-perjodu tat-tnaqqis fid-domanda għall-gass kemm sabiex jiġi estiż it-tnaqqis volontarju fid-domanda għall-gass, kif ukoll sabiex tiġi żgurata l-possibbiltà li jiġi ddikjarat allert tal-Unjoni u jiskatta t-tnaqqis obbligatorju korrispondenti fid-domanda għall-gass wara Marzu 2023.

(14)Din il-kriżi attwali qed tesponi lill-Unjoni kollha għal riskji ta’ skarsezza tal-enerġija u għal prezzijiet għoljin tal-enerġija. Peress li l-Unjoni hija suq uniku, skarsezza tal-gass fi Stat Membru wieħed ikollha konsegwenzi serji fl-Istati Membri l-oħra kollha minħabba l-iskarsezza fiżika fil-provvista tal-gass, il-volatilità tal-prezzijiet jew it-tfixkil tal-ktajjen industrijali li jirriżultaw minn interruzzjonijiet possibbli ta’ industriji speċifiċi fi Stat Membru. Barra minn hekk, fi spirtu ta’ solidarjetà, l-Istati Membri kollha jistgħu jikkontribwixxu biex ikomplu jnaqqsu r-riskji ta’ skarsezza tal-enerġija u jrażżnu l-volatilità tal-prezzijiet tal-gass billi jnaqqsu d-domanda tagħhom ilkoll. L-impatt pożittiv potenzjali ta’ dan l-ispirtu ta’ solidarjetà żdied b’mod konsiderevoli matul is-sena li għaddiet bl-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ interkonnessjoni lejn il-Lvant u kapaċitajiet addizzjonali ta’ importazzjoni tal-LNG li jikkollegaw aħjar lill-Istati Membri mal-faċilitajiet tar-rigassifikazzjoni tal-LNG, fiżikament jew virtwalment.

(15)Il-ħtieġa li tittieħed azzjoni hija urġenti peress li l-istaġun tal-mili tal-ħażniet jibda f’April 2023. Minħabba d-diffikultajiet serji persistenti u ġodda deskritti hawn fuq, in-nuqqas ta’ estensjoni fil-ħin tat-tnaqqis ikkoordinat fid-domanda qabel il-mili tal-ħażniet ikollu effetti immedjati fuq it-trajettorji għall-mili tal-ħażniet u/jew fuq il-kundizzjonijiet tas-suq, li jkollhom impatt fuq is-sigurtà tal-provvista u l-volatilità tal-prezzijiet.

(16)L-Artikolu 122(1) tat-TFUE jippermetti lill-Kunsill jiddeċiedi, fuq proposta tal-Kummissjoni u fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, dwar il-miżuri xierqa għas-sitwazzjoni ekonomika, b’mod partikolari jekk ikun hemm diffikultajiet serji fil-provvista ta’ ċerti prodotti, b’mod partikolari fil-qasam tal-enerġija. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-kriżi attwali fil-provvista tal-gass, prodott tal-enerġija, tikkostitwixxi sitwazzjoni ta’ dan it-tip. Għaldaqstant, estensjoni temporanja tal-miżuri meħuda skont ir-Regolament (UE) 2022/1369 kif ukoll emendi mmirati għalihom huma meħtieġa bħala rispons għas-sitwazzjoni attwali fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri. Għalhekk hu ġġustifikat li l-istrument propost jiġi bbażat fuq l-Artikolu 122(1) tat-TFUE.

(17)Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2022/1369, kull xahrejn l-Istati Membri għandhom jibagħtu rapport lill-Kummissjoni dwar it-tnaqqis fid-domanda miksub, sa mhux iktar tard mill-15 jum tax-xahar ta’ wara, permezz tal-Eurostat. Madankollu, l-esperjenza wriet li perjodu tar-rapportar ta’ xahrejn mhuwiex biżżejjed biex jiġu pprovduti ċifri aġġornati sabiex tittieħed deċiżjoni effettiva dwar il-proposta li jiġi ddikjarat allert tal-Unjoni. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jirrapportaw il-konsum tal-gass tagħhom biex jiġi vvalutat it-tnaqqis fid-domanda miksub kull xahar. Sabiex jiġu mmirati aħjar il-miżuri ta’ tnaqqis fid-domanda, il-monitoraġġ tal-konsum tal-gass fil-livell tal-Istati Membri u tal-Unjoni u l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu jiddependu fuq rapportar li jinkludi diżaggregazzjoni tal-konsum tal-gass għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana, għall-unitajiet domestiċi u għas-servizzi skont id-definizzjonijiet u l-konvenzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) 1099/2008 dwar l-istatistika rigward l-enerġija.

(18)F’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2022/1369, il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami li abbażi tas-sejbiet tiegħu, il-Kummissjoni hija intitolata li tipproponi li jiġi estiż il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Sabiex titqies l-estensjoni proposta issa tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/1369, jenħtieġ li tiġi stabbilita data ġdida tar-rieżami għall-1 ta’ Marzu 2024.

(19)Il-miżuri estiżi u mmodifikati ta’ tnaqqis fid-domanda jenħtieġ li jkunu temporanji u jenħtieġ li jibqgħu fis-seħħ sa tmiem l-istaġun tax-xitwa li jmiss. Abbażi tar-rieżami l-ġdid li għandu jitwettaq sal-1 ta’ Marzu 2024, jekk ikun xieraq, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tipproponi li jittawwal il-perjodu ta’ applikazzjoni tagħhom.

(20)Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2022/1369 japplika sal-31 ta’ Marzu 2024. L-emendi li saru għar-Regolament (UE) 2022/1369 jenħtieġ li jsiru effettivi sal-1 ta’ April 2023 peress li dan huwa meħtieġ sabiex jiġi żgurat tnaqqis kontinwu fid-domanda ta’ 15 % fuq perjodu ta’ 12-il xahar minn April 2023 sa tmiem Marzu 2024 u sabiex l-operaturi ekonomiċi, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jkunu jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jilħqu dak l-objettiv.

(21)Għalhekk, ir-Regolament (UE) 2022/1369 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) 2022/1369

Ir-Regolament (UE) 2022/1369 huwa emendat kif ġej:

(1)fl-Artikolu 2, il-punti (5) u (6) huma sostitwiti b’dan li ġej:

(a)“(5) “konsum tal-gass ta’ referenza” tfisser il-volum tal-konsum medju tal-gass ta’ Stat Membru matul il-perjodu ta’ referenza; għall-Istati Membri li żiedu l-konsum tal-gass b’mill-inqas 8 % fil-perjodu mill-1 ta’ April 2021 sal-31 ta’ Marzu 2022 meta mqabbel mal-konsum medju tal-gass matul il-perjodu ta’ referenza, “il-konsum tal-gass ta’ referenza” tfisser biss il-volum tal-konsum tal-gass fil-perjodu mill-1 ta’ April 2021 sal-31 ta’ Marzu 2022;

(b)“perjodu ta’ referenza” tfisser il-perjodu mill-1 ta’ April 2017 sal-31 ta’ Marzu 2022.

(2)l-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 3

Tnaqqis volontarju fid-domanda

L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex inaqqsu l-konsum tal-gass tagħhom fil-perjodu mill-1 ta’ April 2023 sal-31 ta’ Marzu 2024 b’mill-inqas 15 % meta mqabbel mal-konsum medju tal-gass tagħhom fil-perjodu mill-1 ta’ April 2017 sal-31 ta’ Marzu 2022 (“tnaqqis volontarju fid-domanda”). L-Artikoli 6, 7 u 8 għandhom japplikaw għal dawk il-miżuri ta’ tnaqqis volontarju fid-domanda.

(3)fl-Artikolu 5, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej: “2. Għall-fini tat-tnaqqis obbligatorju fid-domanda, tul il-perjodu meta jiġi ddikjarat l-allert tal-Unjoni, il-konsum tal-gass f’kull Stat Membru fil-perjodu mill-1 ta’ April 2023 sal-31 ta’ Marzu 2024 (“perjodu tat-tnaqqis”) għandu jkun 15 % inqas meta mqabbel mal-konsum tal-gass ta’ referenza tiegħu. Kwalunkwe tnaqqis fid-domanda miksub mill-Istati Membri matul il-perjodu qabel ma ġie ddikjarat l-allert tal-Unjoni għandu jitqies għall-fini tat-tnaqqis obbligatorju fid-domanda.

(4)fl-Artikolu 8, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. L-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru għandha timmonitorja l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ tnaqqis fid-domanda fit-territorju tiegħu. Kull xahar u sa mhux iktar tard mill-15-il jum tax-xahar ta’ wara, l-Istati Membri għandhom jibagħtu rapport lill-Kummissjoni dwar il-konsum tal-gass (f’terajoules, TJ). Fir-rapportar tagħhom, l-Istati Membri għandhom jinkludu diżaggregazzjoni tat-tnaqqis fid-domanda għall-gass għal kull settur, inkluż id-domanda għall-gass għas-setturi li ġejjin:

(a)    l-input għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana;

(b)    il-konsum finali tal-enerġija fl-industrija;

(c)    il-konsum finali tal-enerġija fl-unitajiet domestiċi u fis-servizzi.

Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet u l-konvenzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1099/2008 dwar l-istatistika rigward l-enerġija.

Il-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass għandu jassisti lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tat-tnaqqis volontarju u obbligatorju fid-domanda.”

(5)fl-Artikolu 9, “l-1 ta’ Mejju 2023” huwa sostitwit bi “l-1 ta’ Marzu 2024”;

(6)fl-Artikolu 10, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għandu japplika sal-31 ta’ Marzu 2024”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ April 2023.

Għandu japplika sal-31 ta’ Marzu 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    https://europa.eu/eurobarometer/surveys/detail/2872
(2)    Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill dwar ir-rieżami tar-Regolament (UE) 2022/1369 (COM(2023) 173) u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjah (SWD (2023) 63)
(3)    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2022/1369 tal-5 ta’ Awwissu 2022 dwar miżuri kkoordinati għal tnaqqis fid-domanda għall-gass (ĠU L 206, 8.8.2022, p. 1).
Top