Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0125

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) 2020/2170 fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kwoti tariffarji tal-Unjoni u ta’ kwoti oħra tal-importazzjoni għal ċerti prodotti ttrasferiti lejn l-Irlanda ta’ Fuq

COM/2023/125 final

Brussell, 27.2.2023

COM(2023) 125 final

2023/0063(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2020/2170 fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kwoti tariffarji tal-Unjoni u ta’ kwoti oħra tal-importazzjoni għal ċerti prodotti ttrasferiti lejn l-Irlanda ta’ Fuq


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ir-Renju Unit) ħareġ mill-Unjoni fl-1 ta’ Frar 2020. Il-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq mehmuż mal-Ftehim dwar il-Ħruġ (“il-Protokoll”) japplika minn tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2021.

F’konformità mal-Protokoll, il-leġiżlazzjoni kif definita fil-punt (2) tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tapplika għar-Renju Unit u fih fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.

L-arranġamenti bilaterali bejn l-Unjoni u r-Renju Unit taħt il-Protokoll ma jagħtux lok għal drittijiet u obbligi għall-pajjiżi terzi.

Konsegwentement, kwalunkwe importazzjoni skont il-kwoti tariffarji tal-importazzjoni tal-Unjoni jew kwoti oħra tal-importazzjoni li japplikaw għall-merkanzija li toriġina minn pajjiż terz li tiddaħħal fl-Irlanda ta’ Fuq ma tkunx tista’ tiġi kkalkolata mad-drittijiet ta’ dak il-pajjiż terz fil-konfront tal-Unjoni, sakemm ma jkunx hemm qbil dwar dan mill-pajjiż terz. Din is-sitwazzjoni toħloq riskju għall-funzjonament kif suppost tas-Suq Uniku tal-Unjoni u għall-integrità tal-Politika Kummerċjali Komuni permezz ta’ ċirkomvenzjoni possibbli tal-kwoti tariffarji tal-Unjoni jew ta’ kwoti oħra tal-importazzjoni. Barra minn hekk, kwalunkwe ftehim ma’ pajjiż terz li jipprevedi l-ġestjoni tal-kwoti tariffarji tal-Unjoni jirrikjedi li l-merkanzija tiġi importata fl-Unjoni. Għalhekk, dan il-pajjiż terz jista’ jirrifjuta li joħroġ liċenzji ta’ esportazzjoni għall-importazzjonijiet diretti lejn l-Irlanda ta’ Fuq.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, fis-16 ta’ Diċembru 2020, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE) 2020/2170 dwar l-applikazzjoni ta’ kwoti tariffarji tal-Unjoni u ta’ kwoti oħra tal-importazzjoni 1 . L-Artikolu 1 ta’ dak ir-Regolament jipprevedi fis-sustanza li l-merkanzija importata minn barra l-Unjoni hija eliġibbli għal trattament skont il-kwoti tariffarji tal-importazzjoni tal-Unjoni jew kwoti oħra ta’ importazzjoni biss jekk dik il-merkanzija tiġi rilaxxata f’ċirkolazzjoni libera fit-territorju doganali tal-Unjoni.

Madankollu, kif indikat hawn fuq, filwaqt li l-arranġamenti bilaterali bejn l-Unjoni u r-Renju Unit skont il-Protokoll ma jwasslux għal drittijiet u obbligi għal kwalunkwe pajjiż terz ieħor, dawn jagħtu lok għal drittijiet u obbligi speċifiċi għar-Renju Unit. Dan joħloq sitwazzjoni unika fir-rigward tar-Renju Unit, li hija differenti fis-sustanza mis-sitwazzjoni ta’ pajjiżi oħra meta jesportaw lejn l-UE. Madankollu, l-abbozzar attwali tar-Regolament 2020/2170 ma jagħmilhiex possibbli għall-merkanzija li toriġina mir-Renju Unit li tagħmel użu mill-kwoti tariffarji relatati tal-UE meta tiġi ttrasferita mill-Gran Brittanja għall-Irlanda ta’ Fuq.

Ir-Renju Unit wera l-ħtieġa li ċerti prodotti tal-azzar, jiġifieri l-Pjanċi Kwarto Mhux Illigati u Oħrajn Illigati 2 u Angoli, Forom u Sezzjonijiet tal-Ħadid jew tal-Azzar mhux Illigat 3 (li bħalissa jaqgħu taħt il-kategoriji 7 u 17 rispettivament fil-miżuri ta’ salvagwardja tal-azzar tal-UE) li joriġinaw mir-Renju Unit u li bħalissa huma soġġetti għall-miżuri ta’ salvagwardja skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159, jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Irlanda ta’ Fuq. Ir-Renju Unit ipprovda evidenza li sar trasferiment sostanzjali ta’ dawn il-prodotti tal-azzar bejn partijiet oħra tar-Renju Unit u l-Irlanda ta’ Fuq, u esprima x-xewqa li jitħalla juża l-kwoti tariffarji tal-UE applikabbli għal din il-merkanzija tal-azzar li toriġina mir-Renju Unit li bħalissa hija soġġetta għall-miżuri ta’ salvagwardja, meta tali merkanzija tiġi rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Irlanda ta’ Fuq. Sabiex jiġi limitat ir-riskju ta’ ċirkomvenzjoni, jenħtieġ li dawn il-prodotti jiġu kkonsenjati direttament minn partijiet oħra tar-Renju Unit.

Peress li l-ħtieġa għall-importazzjoni fil-qafas tal-kwoti tariffarji ta’ azzar b’oriġini mir-Renju Unit soġġett għall-miżuri ta’ salvagwardja fl-Irlanda ta’ Fuq tista’ tvarja wkoll maż-żmien, jenħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu xieraq li jippermetti l-aġġustament rapidu tal-lista ta’ tali prodotti tal-azzar. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun awtorizzata tipproċedi biex tagħmel tali aġġustamenti, taħt ċerti kundizzjonijiet, permezz ta’ atti delegati, abbażi tal-proċeduri attwalment fis-seħħ.

Għalhekk huwa xieraq li jiġi emendat ir-Regolament 2020/2170 sabiex ċerti prodotti tal-azzar (Pjanċi Kwarto Mhux Illigati u Oħrajn Illigati, u Angoli, Forom u Sezzjonijiet tal-Ħadid jew tal-Azzar mhux Illigat) li joriġinaw mir-Renju Unit u li bħalissa huma soġġetti għall-miżuri ta’ salvagwardja tal-UE jkunu eliġibbli għal trattament skont il-kwoti tariffarji tal-importazzjoni tal-Unjoni anki jekk jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Irlanda ta’ Fuq.

Bis-saħħa tal-Artikolu 5(3) u (4) tal-Protokoll flimkien mal-Artikolu 13(3) tiegħu, dan ir-Regolament japplika wkoll għar-Renju Unit u fih fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din l-inizjattiva hija konformi mal-ħtieġa li tiġi żgurata l-implimentazzjoni kif suppost tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u l-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq.

•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

L-inizjattiva hija wkoll konsistenti mal-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi ġuridika

L-Artikolu 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-politika kummerċjali komuni hija kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

•Proporzjonalità

Il-miżura prevista hija l-uniku mod kif jiġi żgurat ir-riżultat mixtieq.

•Għażla tal-istrument

Huwa meħtieġ att leġiżlattiv, Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, peress li l-leġiżlazzjoni eżistenti ma tipprevedix għoti ta’ setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-miżuri proposti.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Mhux applikabbli.

•Ġbir u użu tal-għarfien espert

Mhux applikabbli.

•Valutazzjoni tal-impatt

Mhux applikabbli.

•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli.

•Drittijiet fundamentali

Il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq id-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Mhux applikabbli.

5.ELEMENTI OĦRA

•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Mhux applikabbli.

•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament jemenda l-Artikolu 1 tar-Regolament 2020/2170 sabiex jippermetti li l-kwoti tariffarji tal-Unjoni jkunu disponibbli għal ċerti prodotti tal-azzar (il-Pjanċi Kwarto Mhux Illigati u Oħrajn Illigati, u Angoli, Forom u Sezzjonijiet tal-Ħadid jew tal-Azzar mhux Illigat, li bħalissa jaqgħu taħt il-kategoriji 7 u 17 rispettivament fil-miżuri ta’ salvagwardja tal-azzar tal-UE) li joriġinaw mir-Renju Unit u soġġetti għall-miżuri ta’ salvagwardja skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159, meta dawn il-prodotti jiġu ttrasferiti direttament minn partijiet oħra tar-Renju Unit lejn l-Irlanda ta’ Fuq u jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Irlanda ta’ Fuq.

L-Artikolu 1 jipprevedi wkoll il-possibbiltà li l-Kummissjoni taġġusta, permezz ta’ atti delegati, il-lista ta’ prodotti tal-azzar soġġetti għas-salvagwardji li għalihom se jkunu disponibbli, fejn xieraq, il-kwoti tariffarji tal-Unjoni.

2023/0063 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2020/2170 fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kwoti tariffarji tal-Unjoni u ta’ kwoti oħra tal-importazzjoni għal ċerti prodotti ttrasferiti lejn l-Irlanda ta’ Fuq

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)L-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2020/2170 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 jipprevedi li l-merkanzija importata minn barra l-Unjoni hija eliġibbli għal trattament skont il-kwoti tariffarji tal-importazzjoni tal-Unjoni jew kwoti oħra tal-importazzjoni biss jekk tiġi rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera fit-territorji elenkati fih. Din id-dispożizzjoni tindirizza r-riskji għall-funzjonament kif suppost tas-suq intern tal-Unjoni u għall-integrità tal-Politika Kummerċjali Komuni li jirriżultaw miċ-ċirkomvenzjoni possibbli tal-kwoti tariffarji tal-Unjoni jew ta’ kwoti oħra tal-importazzjoni. It-territorji stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni ma jinkludux l-Irlanda ta’ Fuq.

(2)Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni 5 (“FKK”) bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea jipprevedi l-ftuħ mill-Unjoni ta’ kwoti fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mir-Renju Unit. Barra minn hekk, il-FKK jagħti lill-Unjoni d-dritt li tintroduċi kwoti tariffarji jew tal-importazzjoni oħra fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ merkanzija li toriġina mir-Renju Unit taħt ċerti ċirkostanzi, inkluż bħala parti mill-applikazzjoni tal-miżuri multilaterali ta’ salvagwardja f’konformità mal-Ftehim tad-WTO. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġi ċċarat jekk il-merkanzija li toriġina mir-Renju Unit u rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Irlanda ta’ Fuq hijiex eliġibbli għal trattament skont dawn il-kwoti tariffarji jew kwoti oħra tal-importazzjoni.

(3)Ir-Renju Unit huwa marbut bl-arranġamenti stipulati fil-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq (il- “Protokoll”) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”). Għalhekk, ir-relazzjoni legali bejn l-Unjoni u r-Renju Unit fir-rigward tal-merkanzija li toriġina mir-Renju Unit u rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Irlanda ta’ Fuq hija fundamentalment differenti minn dik bejn l-Unjoni u kwalunkwe pajjiż terz ieħor fir-rigward tal-merkanzija li toriġina f’dan il-pajjiż terz u rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Irlanda ta’ Fuq.

(4)Ir-Renju Unit ipprovda evidenza li turi li ċerti prodotti tal-azzar li joriġinaw mir-Renju Unit li bħalissa huma soġġetti għall-miżuri ta’ salvagwardja skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 6  (“il-prodotti kkonċernati”) ġew ittrasferiti fi kwantitajiet sinifikanti lejn l-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit. Sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà ekonomika ta’ dawn it-trasferimenti u fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi fl-Irlanda ta’ Fuq, huwa xieraq li l-prodotti kkonċernati jitħallew jibbenefikaw mill-kwoti tariffarji rispettivi tal-Unjoni meta jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Irlanda ta’ Fuq.

(5)Sabiex jiġi limitat ir-riskju ta’ ċirkomvenzjoni tal-kwoti tariffarji tal-Unjoni applikabbli għall-prodotti kkonċernati mill-importazzjonijiet tal-istess prodotti li joriġinaw minn pajjiżi oħra, jenħtieġ li l-prodotti kkonċernati jiġu kkonsenjati direttament minn partijiet oħra tar-Renju Unit.

(6)Barra minn hekk, ir-Renju Unit ħa impenn li jieħu l-miżuri neċessarji, f’konformità mal-Protokoll, biex jiżgura li t-trasferimenti tal-prodotti kkonċernati bl-użu tal-kwoti tariffarji tal-Unjoni jiġu kkalkolati f’waqthom ma’ dawn il-kwoti, daqslikieku din il-merkanzija ġiet importata fl-Unjoni.

(7)Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2020/2170 jiġi emendat skont dan.

(8)Peress li l-ħtieġa għall-importazzjoni fl-Irlanda ta’ Fuq tal-prodotti kkonċernati tista’ tvarja maż-żmien, sabiex tiġi aġġustata l-lista ta’ prodotti kkonċernati, is-setgħa li jiġu adottati atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-prodotti kkonċernati. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, anki fil-livell ta’ esperti, u li dawn il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċievuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(9)Bis-saħħa tal-Artikolu 5(3) u (4) tal-Protokoll flimkien mal-Artikolu 13(3) tiegħu, dan ir-Regolament japplika wkoll għar-Renju Unit u fih fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.

(10)Sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil potenzjali fit-trasferimenti tal-prodotti kkonċernati minn partijiet oħra tar-Renju Unit lejn l-Irlanda ta’ Fuq, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2020/2170 huwa emendat kif ġej:

(1)Fl-Artikolu 1, jiżdied it-tieni paragrafu li ġej:

“Il-merkanzija elenkata fl-Anness li toriġina mir-Renju Unit u li hija soġġetta għall-miżuri ta’ salvagwardja skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159* u li tiddaħħal fl-Irlanda ta’ Fuq permezz ta’ trasport dirett minn partijiet oħra tar-Renju Unit għandha tkun eliġibbli wkoll għal trattament skont il-kwoti tariffarji tal-importazzjoni tal-Unjoni jekk din il-merkanzija tiġi rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera fit-territorju tal-Irlanda ta’ Fuq.

_______________

*Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 tal-31 ta’ Jannar 2019 li jimponi miżuri definittivi ta’ salvagwardja kontra l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar (ĠU L 31, 1.2.2019, p. 27).”;

(2)jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 1a

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 1b, li jemendaw dan ir-Regolament sabiex mal-lista stabbilita fl-Anness jiżdiedu ċerti kategoriji ta’ merkanzija li toriġina mir-Renju Unit u li hija soġġetta għall-miżuri ta’ salvagwardja skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159, li tiddaħħal fl-Irlanda ta’ Fuq permezz ta’ trasport dirett minn partijiet oħra tar-Renju Unit dment li r-Renju Unit ikun ta prova sodisfaċenti lill-Unjoni tal-ħtieġa li din il-merkanzija tiġi rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Irlanda ta’ Fuq.

Artikolu 1b

1.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati għandha tiġi kkonferita lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin minn [L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet: hawnhekk trid tidħol id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament]. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 1a tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016.

5.Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.Att delegat adottat skont l-Artikolu 1a għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien [xahrejn] min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’[xahrejn] fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”

(3)It-test stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament jiżdied bħala Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    ĠU L432 ta’ 21.12.2020, p. 1
(2)    Kodiċijiet NM: 7208 51 20, 7208 51 91, 7208 51 98, 7208 52 91, 7208 90 20, 7208 90 80, 7210 90 30, 7225 40 12, 7225 40 40, 7225 40 60, 7225 99 00
(3)    Kodiċijiet NM: 7216 31 10, 7216 31 90, 7216 32 11, 7216 39 19, 7216 32 91, 7216 32 99, 7216 33 10, 7216 33 90
(4)    Ir-Regolament (UE) 2020/2170 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar l-applikazzjoni ta’ kwoti tariffarji tal-Unjoni u ta’ kwoti oħra tal-importazzjoni (ĠU L 432, 21.12.2020, p. 1).
(5)    ĠU L 444, 31.12.2020, p.14.
(6)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 tal-31 ta’ Jannar 2019 li jimponi miżuri definittivi ta’ salvagwardja kontra l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar (ĠU L 31, 1.2.2019, p. 27).
Top

Brussell, 27.2.2023

COM(2023) 125 final

ANNESS

tal-

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2020/2170 fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kwoti tariffarji tal-Unjoni u ta’ kwoti oħra tal-importazzjoni għal ċerti prodotti ttrasferiti lejn l-Irlanda ta’ Fuq


ANNESS

“ANNESS

Deskrizzjoni tal-kwota tariffarja

Kodiċijiet NM

Il-kategorija 7 tal-azzar

7208 51 20, 7208 51 91, 7208 51 98, 7208 52 91, 7208 90 20, 7208 90 80, 7210 90 30, 7225 40 12, 7225 40 40, 7225 40 60, 7225 99 00

Il-kategorija 17 tal-azzar

7216 31 10, 7216 31 90, 7216 32 11, 7216 32 19, 7216 32 91, 7216 32 99, 7216 33 10, 
7216 33 90

”

Top