This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52023IR5586
Opinion of the European Committee of the Regions – Towards a Global Green Deal: harmonising global frameworks for climate change, biodiversity and sustainable development (own-initiative opinion)
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Lejn Patt Ekoloġiku Globali: l-armonizzazzjoni tal-oqfsa globali għat-tibdil fil-klima, il-bijodiversità u l-iżvilupp sostenibbli (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Lejn Patt Ekoloġiku Globali: l-armonizzazzjoni tal-oqfsa globali għat-tibdil fil-klima, il-bijodiversità u l-iżvilupp sostenibbli (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
COR 2023/05586
ĠU C, C/2024/5362, 17.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5362/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/5362 |
17.9.2024 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Lejn Patt Ekoloġiku Globali: l-armonizzazzjoni tal-oqfsa globali għat-tibdil fil-klima, il-bijodiversità u l-iżvilupp sostenibbli
(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(C/2024/5362)
Kata TÜTTŐ (HU/PSE), Viċi Sindku ta’ Budapest, l-Ungerija |
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),
Approċċ f’diversi livelli u olistiku biex jiġu indirizzati l-kriżijiet planetarji interkonnessi
|
1. |
jissottolinja li l-għanijiet tal-Konvenzjonijiet ta’ Rio, kif ukoll l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli bis-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tagħha, it-trattat internazzjonali futur dwar il-plastik, u l-Qafas ta’ Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri, huma sostanzjalment interkonnessi u għandhom jiġu indirizzati f’sinerġija biex jiġu ottimizzati l-benefiċċji konġunti; f’dan ir-rigward, jiġbed l-attenzjoni għad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-UNFCCC tal-COP28 dwar il-Klima, in-Natura u l-Popli (1), li għandha l-għan li trawwem sinerġiji, integrazzjoni u allinjament aktar b’saħħithom fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-pjani u l-istrateġiji nazzjonali dwar il-klima, il-bijodiversità u r-restawr tal-art; |
|
2. |
jinsab imħasseb dwar il-fatt li d-dinja mhux qed tagħmel progress biex tilħaq l-SDGs (2), qed tirriskja li taqbeż l-għan ta’ 1,5°C tal-Ftehim ta’ Pariġi (3) u li n-natura qed tonqos globalment b’rati mingħajr preċedent fl-istorja tal-bniedem (4). Għalhekk, hija meħtieġa azzjoni urġenti, aċċellerata, responsabbli u f’diversi livelli biex id-dinja tinżamm fil-limiti planetarji u biex tkompli bil-progress bil-għan li tnaqqas it-tniġġis kif ukoll li tilħaq il-miri tal-bijodiversità, in-newtralità tad-degradazzjoni tal-art, l-objettivi klimatiċi u l-SDGs, b’mod soċjalment u ekonomikament ġust; |
|
3. |
jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol ċentrali fit-tfassil, l-implimentazzjoni, il-finanzjament u l-monitoraġġ ta’ soluzzjonijiet integrati u komprensivi għall-kriżi planetarja interkonnessa, kif muri mill-bliet u r-reġjuni li huma parti mill-Kostitwenza tal-Gvernijiet Lokali u l-Awtoritajiet Muniċipali (LGMA), il-Kumitat Konsultattiv dwar il-Gvernijiet Sottonazzjonali u l-Bijodiversità (AC SNG) u minn networks bħall-Patt tas-Sindki Globali u Ewropew, l-ICLEI, l-Under2 Coalition, ir-Regions4, is-C40 Cities u l-Alleanza kontra t-Tibdil fil-Klima; fl-istess ħin jindika l-ħtieġa li jiġi adottat approċċ komprensiv u inklużiv li jmur lil hinn mill-governanza f’diversi livelli biss u jinkludi governanza multisettorjali, permezz tal-involviment attiv ta’ firxa wiesgħa ta’ atturi, inklużi awtoritajiet lokali u reġjonali, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, setturi industrijali, istituzzjonijiet akkademiċi u professjonisti oħra; |
|
4. |
itenni r-rwol kruċjali tal-bliet u r-reġjuni biex jintlaħqu l-miri globali fl-indirizzar tat-telf tal-bijodiversità, it-tibdil fil-klima, it-tniġġis, id-degradazzjoni tal-art u l-iżvilupp sostenibbli, u r-rwol ċentrali tagħhom biex jagħmlu d-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) aktar aċċessibbli għaċ-ċittadini. L-involviment attiv tagħhom huwa essenzjali biex tiġi xprunata l-bidla fis-soċjetà u jiġi żgurat li l-komunitajiet lokali, u speċjalment in-nisa, it-tfal, iż-żgħażagħ u l-gruppi vulnerabbli u emarġinati, ikunu infurmati bis-sħiħ u impenjati b’mod sinifikanti fil-livelli istituzzjonali, skont il-prinċipju “ħadd ma jitħalla jibqa’ lura”. Il-gvernijiet sottonazzjonali jistgħu jiffaċilitaw approċċ sensittiv għall-ġeneru u reattiv li jindirizza b’mod effettiv il-ħtiġijiet diversi taċ-ċittadini kollha, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli; jistgħu wkoll itejbu l-edukazzjoni ambjentali u s-sensibilizzazzjoni dwar it-tibdil fil-klima, permezz ta’ involviment akbar tal-iskejjel, l-istituzzjonijiet edukattivi u l-media sabiex ixerrdu informazzjoni preċiża u rilevanti dwar l-isfidi klimatiċi u ambjentali u dwar il-miżuri meħtieġa biex dawn jiġu indirizzati; |
|
5. |
jenfasizza li l-mekkaniżmi biex il-gvernijiet sottonazzjonali jiġu inklużi fil-ftehimiet qafas tan-NU għandhom isiru aktar konsistenti, omoġenji u trasparenti biex jiżguraw li l-gvernijiet sottonazzjonali u l-komunitajiet lokali jħossuhom involuti aktar fil-proċessi tan-NU u jkunu jistgħu jqarrbu l-attivitajiet tan-NU lejn iċ-ċittadini; |
|
6. |
jilqa’ n-natura komprensiva tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, li jġib approċċ ta’ politika interkonness għall-UE, li jippermettilha timplimenta wkoll l-impenji internazzjonali dwar il-bijodiversità, il-klima, it-tniġġis, l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli; madankollu, jenfasizza l-ħtieġa urġenti li l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-mekkaniżmi ta’ rappurtar jintrabtu mal-SDGs, il-Konvenzjonijiet ta’ Rio u l-Qafas ta’ Sendai, speċjalment bil-ħsieb li jiżdiedu l-kapaċitajiet ta’ implimentazzjoni biex jintlaħqu l-miri stabbiliti; jappella għal koerenza politika msaħħa fil-politiki kollha tal-UE biex jiġi żgurat li dawn jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-impenji globali tan-NU u jiġi evitat kwalunkwe impatt negattiv fuq il-kapaċità tal-pajjiżi terzi li jiksbuhom; jisħaq li governanza soda, fit-tul u f’diversi livelli għandha tiġi żgurata għall-Patt Ekoloġiku Ewropew sabiex ikunu jistgħu jittejbu l-implimentazzjoni, it-trasparenza u l-approċċ ibbażat fuq il-post tiegħu; |
|
7. |
ifakkar fir-rikonoxximent mill-Assemblea Ġenerali tan-NU u mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tad-dritt universali għal ambjent nadif, san u sostenibbli, u jilqa’ l-inizjattiva tal-abbozzar ta’ Patt Globali għall-Ambjent (5); jappella li tiġi żviluppata strateġija ġenerali u globali biex it-tliet kriżijiet planetarji jiġu indirizzati b’mod komprensiv, f’diversi livelli u inklużiv, billi jiġu promossi l-integrazzjoni tal-għanijiet u l-objettivi derivati mill-Konvenzjonijiet ta’ Rio, l-SDGs, il-Qafas ta’ Sendai, u t-trattat dwar il-plastik u billi jinħoloq qafas biex titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika u biex wieħed jgħix f’armonija man-natura permezz ta’ Patt Ekoloġiku Globali; |
|
8. |
jinnota li l-bliet u r-reġjuni adottaw l-approċċ integrat tal-Patt Ekoloġiku Ewropew permezz ta’ għadd ta’ inizjattivi, inklużi l-Pjani ta’ Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli u l-Klima (SECAPs) bħala parti mill-Patt Ewropew tas-Sindki, il-Patti Ekoloġiċi Lokali bħala parti mill-Isfida tal-Bliet Intelliġenti tal-UE, u l-Kuntratti tal-Bliet Klimatiċi bħala parti mill-Missjoni tal-UE dwar il-Bliet Newtrali għall-Klima u Intelliġenti u l-Pjani Urbani għan-Natura bħala mezz biex tiġi implimentata l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030. Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) jirrimarka li inizjattivi u networks bħal dawn jiżguraw li l-Patt Ekoloġiku Ewropew jissarraf fil-livell lokali u reġjonali u jenfasizza li dawn huma għodod ewlenin biex jiġu implimentati l-SDGs, il-Konvenzjonijiet ta’ Rio u l-Qafas ta’ Sendai; |
|
9. |
iqis li l-UE tagħti l-eżempju fil-livell globali f’termini ta’ azzjoni f’diversi livelli għall-iżvilupp sostenibbli, il-klima u l-bijodiversità, permezz tal-eżistenza ta’ istituzzjoni ddedikata – il-KtR – u inizjattivi mmirati lejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew; madankollu, jenfasizza l-ħtieġa li din l-istrateġija qafas tkompli tissaħħaħ billi jiġu żgurati governanza f’diversi livelli u finanzjament dirett għal-livelli lokali u reġjonali, u jindika r-rakkomandazzjonijiet mir-rapport (6) tal-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima intitolat Towards EU climate neutrality: progress, policy gaps and opportunities (Lejn in-newtralità klimatika tal-UE: progress, lakuni fil-politika u opportunitajiet) sabiex tittejjeb il-konsistenza tal-politika; |
|
10. |
jemmen li Patt Ekoloġiku Ewropew imsaħħaħ li jkun allinjat aħjar mal-għanijiet, il-finanzjament, l-iskedi ta’ żmien għar-rappurtar u r-rekwiżiti tal-Konvenzjonijiet ta’ Rio u l-SDGs u li jipprovdi strutturi mtejba ta’ governanza f’diversi livelli jista’ jkun ta’ ispirazzjoni għal dan l-approċċ komprensiv fil-livell internazzjonali; iqis li Patt Ekoloġiku Globali għandu jirrikonċilja s-sostenibbiltà mal-ħolqien ġust tal-impjieg f’konformità mal-ħtiġijiet lokali u reġjonali; |
|
11. |
jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tivvaluta kif l-Istati Membri tal-UE qed ifasslu strutturi ta’ governanza f’diversi livelli u jikkondividu metodi u sistemi ta’ monitoraġġ fl-istrateġiji tagħhom dwar is-sostenibbiltà, il-klima u l-bijodiversità; jissuġġerixxi li jiġu kkomunikati l-aħjar prattiki fl-Istati Membri kollha tal-UE biex jiġu promossi l-koerenza tal-politiki u l-governanza f’diversi livelli fosthom, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tqis dawn l-aħjar prattiki fir-rieżami tagħha tar-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika (ir-Regolament dwar il-Governanza), sabiex jiġi żgurat li l-partijiet ikkonċernati kollha (organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, setturi ekonomiċi, istituzzjonijiet akkademiċi, eċċ.) ikunu involuti fil-livelli kollha u mhux biss l-istituzzjonijiet rilevanti; |
|
12. |
jirrikonoxxi li d-disparitajiet soċjoekonomiċi jistgħu jiġu aggravati mill-kriżi klimatika. Fl-allinjament tal-oqfsa nazzjonali u globali, huwa kruċjali li dawn l-oqfsa jiġu indirizzati u adattati biex iqisu tali disparitajiet, billi jiġi żgurat li l-komunitajiet u r-reġjuni vulnerabbli jingħataw prijorità; |
Jiġi żgurat li l-Konvenzjonijiet ta’ Rio u l-proċessi tan-NU jirrikonoxxu l-gvernijiet sottonazzjonali bħala kundizzjoni kruċjali biex jintlaħqu l-għanijiet globali
|
13. |
iħeġġeġ lill-UE u l-istati membri kollha tan-NU jistabbilixxu approċċ strutturat, koordinat, sistematiku u armonizzat għall-inklużjoni, il-finanzjament dirett, il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-bini tal-kapaċitajiet tal-gvernijiet sottonazzjonali fil-Konvenzjonijiet ta’ Rio u l-Aġenda 2030 sabiex tiġi żgurata u appoġġjata l-implimentazzjoni fil-livell lokali; f’dan is-sens jilqa’ l-ħidma li qed issir mill-Grupp Konsultattiv tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Gvernijiet Lokali u Reġjonali li qed jipproponi modalitajiet u mezzi għat-tisħiħ ta’ mekkaniżmi istituzzjonali sabiex jissaħħaħ l-involviment tal-gvernijiet lokali u reġjonali fil-proċessi intergovernattivi u jinsab lest jikkoopera sabiex jiġu esplorati aktar l-għażliet differenti li qed jiġu proposti, bil-għan li jinħoloq punt ta’ dħul uniku stabbli għall-involviment permanenti tal-bliet u r-reġjuni; |
|
14. |
ifaħħar l-isforzi li għaddejjin tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) fir-rigward tat-tħejjija tar-Rapport Speċjali tiegħu dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Bliet (7); |
|
15. |
jenfasizza l-għan tal-Konferenza Bern III li jiġu identifikati opportunitajiet biex jiġi promoss approċċ kollaborattiv u jitrawmu sinerġiji fost is-segretarjati tan-NU u l-partijiet li jimplimentaw il-Qafas Globali għall-Bijodiversità; jappella biex jiġi żviluppat proċess simili fost il-Konvenzjonijiet ta’ Rio u ftehimiet ambjentali multilaterali oħra, bħat-tkomplija tal-Grupp ta’ Kollegament Konġunt stabbilit bejn is-segretarjati tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB), il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni, bil-għan li tissaħħaħ il-koordinazzjoni bejn il-konvenzjonijiet; jistieden lill-Partijiet kollha involuti fil-Konferenza ta’ Bern III, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jirrikonoxxu r-rwol importanti li għandhom il-gvernijiet sottonazzjonali biex jistabbilixxu rabtiet bejn l-aġenda tal-bijodiversità, tal-klima u dik soċjali, li permezz tal-oqfsa ta’ politika u l-azzjonijiet tagħhom, għalkemm territorjali fl-skala, għandhom impatt globali; |
|
16. |
jistieden lill-Partijiet kollha għall-Konvenzjonijiet ta’ Rio tan-NU, lill-UE u l-Istati Membri tagħha, jiżguraw sinerġiji meta jiżviluppaw strateġiji bħal kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali (NDCs), pjani ta’ adattament nazzjonali, strateġiji fit-tul, strateġiji nazzjonali għall-iżvilupp sostenibbli, strateġiji u pjani ta’ azzjoni nazzjonali għall-bijodiversità (NBSAPs), pjani nazzjonali ta’ restawr, strateġiji għat-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri, strateġiji u pjani li jindirizzaw il-miri tan-newtralità fir-rigward tad-degradazzjoni tal-art (LDN); iħeġġiġhom jiżguraw tip ta’ governanza f’diversi livelli li tippromovi tali sinerġiji anke fil-livell sottonazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri meta jiżviluppaw il-pjani tagħhom billi jippromovu approċċ kollaborattiv bil-għan ġenerali li joperaw fil-limiti tal-pjaneta tagħna; |
|
17. |
jenfasizza li, minkejja l-approċċ komprensiv meħud mill-gvernijiet sottonazzjonali fl-implimentazzjoni, il-lokalizzazzjoni u l-monitoraġġ tal-SDGs u l-Konvenzjonijiet ta’ Rio, il-finanzjament għal azzjoni sottonazzjonali għadu limitat, ikkumplikat u mifrux peress li d-data turi li, bejn l-2003 u l-2016, inqas minn 10 % tal-finanzjament għall-klima mill-fondi globali għall-klima ntefaq fuq azzjoni lokali (8); jenfasizza li l-appoġġ finanzjarju u l-fondi kkoordinati tal-UE għandhom ikunu faċilment aċċessibbli u mmirati direttament lejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, mingħajr piż amministrattiv eċċessiv; f’dan ir-rigward, jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jirċievu fondi suffiċjenti biex jimplimentaw il-proġetti tal-Patt Ekoloġiku, u għandhom ikunu involuti fl-ippjanar, id-disinjar u l-implimentazzjoni ta’ dawk il-fondi; |
|
18. |
jistieden lill-UE u l-istati membri kollha tan-NU biex jallinjaw il-finanzjament sabiex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi, tal-bijodiversità kif ukoll l-SDGs, għal inqas frammentazzjoni u piż amministrattiv imnaqqas f’diversi programmi ta’ finanzjament u fost il-partijiet ikkonċernati, u biex dawn il-programmi ta’ finanzjament ikunu aktar reattivi għall-ħtiġijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u għall-azzjoni u l-investiment żviluppati lokalment; iħeġġeġ lill-gvernijiet nazzjonali jevalwaw u jivvalutaw il-piż amministrattiv impost u jipproponu li dan jiġi ssemplifikat u awtomatizzat għall-benefiċċju tal-gvernijiet sottoreġjonali. Il-KtR jirrimarka li huwa essenzjali li jingħata aċċess dirett għall-fondi minn istituzzjonijiet finanzjarji, bħall-Fond għall-Ambjent Dinji (GEF), il-Fond ta’ Adattament, il-fondi għat-telf u l-ħsara, u l-banek multilaterali u bilaterali għall-iżvilupp mingħajr ma jiġu imposti restrizzjonijiet ekonomiċi eċċessivi, biex jitrawmu soluzzjonijiet integrati u mmexxija lokalment; |
|
19. |
jirrikonoxxi li l-popolazzjoni globali qed issir dejjem aktar urbanizzata, bil-maġġoranza tagħha issa tgħix fi bliet ta’ diversi daqsijiet, u tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-kriżi klimatika minħabba konċentrazzjonijiet għoljin ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, il-konsum tal-enerġija, u l-produzzjoni tal-iskart. Din ix-xejra ta’ urbanizzazzjoni tenfasizza r-rwol kritiku tal-bliet, b’mod partikolari dawk ta’ daqs medju u kbar, fl-ixprunar tas-sostenibbiltà u l-azzjoni klimatika; jenfasizza l-isfidi distinti li jiffaċċjaw bliet iżgħar, irħula u żoni rurali biex jiżviluppaw pjani komprensivi ta’ azzjoni dwar il-bijodiversità, id-degradazzjoni tal-art, it-tniġġis, ir-reżiljenza tas-sistemi tal-ikel, il-klima u l-iżvilupp sostenibbli, biex jibnu sinerġiji u rabtiet maż-żoni metropolitani u biex jaċċessaw il-finanzjament; jirrimarka li l-komunitajiet f’żoni remoti u rurali huma affettwati b’mod sproporzjonat mit-tibdil fil-klima (9) u jenfasizza l-ħtieġa li dawn iż-żoni, li jipprovdu l-akbar numru ta’ servizzi tal-ekosistema, jiġu appoġġjati b’mod partikolari; |
|
20. |
jenfasizza n-nuqqas ta’ data dwar il-bliet f’ħafna reġjuni tad-dinja u jissottolinja l-ħtieġa għal finanzjament aktar b’saħħtu għar-riċerka u l-innovazzjoni li jappoġġja l-isforzi biex jingħalqu l-lakuni fid-data fir-rigward tal-ġbir ta’ data, statistika u informazzjoni intersezzjonali u diżaggregati skont il-ġeneru (10), li huma kruċjali għall-ħolqien ta’ sistemi ta’ twissija bikrija u b’hekk jiġu evitati t-telf u l-ħsara, u billi r-riżorsi jsiru disponibbli u tiżdied il-kapaċità tal-gvernijiet lokali u l-imsieħba tagħhom; f’dan ir-rigward, jenfasizza l-isforzi li saru mill-Kummissjoni Ewropea biex tinkorpora u taġġorna l-Indiċi tal-Progress Soċjali fil-livell tal-UE, u jitlob li jsiru sforzi simili għaż-żoni urbani ewlenin tal-UE, peress li dawn jospitaw il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni; |
|
21. |
jenfasizza li r-Riżervi tal-Bijosfera, l-Artijiet Mistagħdra ta’ Importanza Internazzjonali ta’ Ramsar, il-Parks Ġeoloġiċi Globali tal-UNESCO, u s-siti ta’ Wirt Dinji naturali, huma alleati b’saħħithom biex jintlaħqu l-miri nazzjonali fl-Istati Membri tal-UE taħt impenji globali; |
|
22. |
iqis li r-rappurtar huwa meħtieġ biex jinżamm rekord tal-progress globali lejn l-għanijiet, biex jiġi appoġġjat it-teħid tad-deċiżjonijiet u biex tiġi rfinuta l-azzjoni; madankollu, jenfasizza li d-differenzi attwali bejn l-oqfsa ta’ rappurtar u l-mekkaniżmi ta’ appoġġ tal-Konvenzjonijiet ta’ Rio u l-SDGs qed joħolqu ostakli u burokrazija żejda; għalhekk, jappella lin-NU biex taħdem lejn qafas ta’ monitoraġġ integrat u interoperabbli għall-konvenzjonijiet tan-NU konnessi, li jibni fuq oqfsa eżistenti ta’ monitoraġġ, bħal dawk tal-Patt Globali tas-Sindki permezz tas-CDP-ICLEI Track, is-CitiesWithNature u r-RegionsWithNature; |
|
23. |
jilqa’ s-Summit tal-Bliet u r-Reġjuni u d-Dikjarazzjoni Ministerjali UNEA-6, li timpenja ruħha li tindirizza b’mod urġenti l-isfidi interkonnessi tal-lum permezz ta’ azzjonijiet effettivi, kosettorjali, inklużivi u sostenibbli bbażati fuq ix-xjenza u bl-involviment tal-atturi u l-imsieħba rilevanti kollha. Il-KtR jenfasizza l-importanza tar-Riżoluzzjoni UNEP/EA.6/L.7 dwar il-promozzjoni ta’ sinerġiji, kooperazzjoni jew kollaborazzjoni biex jiġu implimentati l-ftehimiet ambjentali multilaterali u strumenti ambjentali rilevanti oħra, kif ukoll ir-Riżoluzzjoni UNEP/EA.6/L.9 dwar it-trawwim ta’ azzjoni nazzjonali biex jiġu indirizzati l-isfidi ambjentali globali permezz ta’ aktar kooperazzjoni bejn l-UNEA, l-UNEP u ftehimiet ambjentali multilaterali oħra. Il-KtR jenfasizza wkoll ir-rilevanza tal-UNEA bħala korp globali ta’ tlaqqigħ dwar il-governanza ambjentali taħt l-awspiċi tal-UNEP, u jistenna bil-ħerqa li jikkoopera u jipparteċipa f’laqgħat u avvenimenti sekondarji futuri; |
Il-COP29 tal-UNFCCC, il-COP16 tal-KDB tan-NU, il-COP16 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni u s-Summit tan-NU dwar il-Futur bħala punti ta’ bidla biex jinkisbu l-armonizzazzjoni u l-governanza f’diversi livelli
|
24. |
jenfasizza li l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-COP28 tal-UNFCCC irreferew għall-gvernijiet lokali u reġjonali bħala msieħba ewlenin fil-kisba tal-għanijiet klimatiċi; jiġbed l-attenzjoni għall-konklużjonijiet tiegħu dwar il-COP15 tal-KDB li jenfasizzaw l-importanza li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-gvernijiet sottonazzjonali fil-Qafas Globali għall-Bijodiversità; jappella lill-Kunsill jikkonferma dawn il-pożizzjonijiet fil-konklużjonijiet tiegħu dwar il-COP29 tal-UNFCCC u l-COP16 tal-KDB; |
|
25. |
jilqa’ l-fatt li l-COP28 tal-UNFCCC irrikonoxxiet l-importanza ta’ azzjoni f’diversi livelli u r-rwol tal-gvernijiet sottonazzjonali bit-tnedija tal-Koalizzjoni għal Sħubijiet f’Diversi Livelli ta’ Ambizzjoni Għolja (11) (CHAMP) u l-organizzazzjoni tas-Summit dwar l-Azzjoni Klimatika Lokali (12). Il-KtR jappella lill-Presidenza tal-COP29 biex tibni fuq il-Koalizzjoni u tiżgura l-involviment strutturat tal-Kostitwenza tal-Gvernijiet Lokali u l-Awtoritajiet Muniċipali fin-negozjati u biex tappoġġja l-organizzazzjoni tat-tielet Laqgħa Ministerjali dwar l-Urbanizzazzjoni u t-Tibdil fil-Klima. Il-KtR jistieden lill-Presidenza tal-COP29 u lill-presidenzi futuri biex ikomplu jappoġġjaw iċ-CHAMP u jorganizzaw Summits Lokali dwar l-Azzjoni Klimatika f’edizzjonijiet futuri tal-Konferenza, kif ukoll biex ikomplu d-diskussjonijiet dwar is-sinerġiji għall-klima, in-natura u l-popli, u fl-istess ħin jibnu fuq id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-COP28; |
|
26. |
jilqa’ ż-żieda ta’ 15 % fil-kontenut urban bejn l-ewwel u t-tieni sett ta’ kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali (2016 u 2021) u jenfasizza li 132 minn 157 minn dawn il-kontributi vvalutati mill-UN-HABITAT għandhom kontenut f’żoni urbani. Il-KtR jirrimarka li l-aħħar rapport (13) jirrikonoxxi li l-bliet mad-dinja kollha għandhom potenzjal kbir biex jixprunaw it-tranżizzjoni, iżda li ħafna mis-sottomissjonijiet u l-kontributi nazzjonali ma jirrikonoxxux dan ir-rwol; |
|
27. |
jenfasizza, madankollu, li terz biss tal-pajjiżi li jappoġġjaw iċ-CHAMP għandhom kontenut urban qawwi fl-NDCs tagħhom u l-ekonomiji b’introjtu baxx u medju jinsabu fuq quddiem nett. Il-KtR jirrikonoxxi r-responsabbiltà storika tat-Tramuntana Globali għall-emissjonijiet u l-kriżi klimatika li tirriżulta, u fl-istess ħin iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tal-UE u lill-Kummissjoni Ewropea biex japprovaw uffiċjalment iċ-CHAMP u jimplimentawha fl-UE billi jimplimentaw il-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %” u jirrevedu r-Regolament dwar il-Governanza, li għandu jinvolvi b’mod attiv il-bliet u r-reġjuni fit-tfassil tal-Pjani Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECPs), fost leġiżlazzjoni oħra. Il-KtR jenfasizza wkoll li l-istabbiliment ta’ mira klimatika għall-2040 ibbażata fuq ix-xjenza li tiżgura governanza f’diversi livelli għandu jkun il-bażi tal-kontribut rivedut fil-livell nazzjonali tal-UE, li għandu jiġi ppreżentat ferm qabel il-COP30 tal-UNFCCC. Il-mira klimatika tal-UE għall-2040 għandha tqis iċ-ċirkostanzi soċjoekonomiċi lokali u reġjonali, il-prinċipju tas-sussidjarjetà, u tiżgura appoġġ għas-setturi kollha – speċjalment l-agrikoltura u l-industrija – sabiex jitrawmu t-tranżizzjoni, is-sostenibbiltà u l-kompetittività tal-Ewropa. Il-KtR jenfasizza l-urġenza għal allinjament leġiżlattiv mal-Ftehim ta’ Pariġi, il-Qafas Globali tal-Bijodiversità u l-Aġenda 2030. Bħala parti mit-tranżizzjoni tal-enerġija ġusta tant meħtieġa, jistieden lill-UE telimina gradwalment il-fjuwils fossili kollha, mingħajr ma toħloq spejjeż għoljin b’mod sproporzjonat fuq bliet u reġjuni li jiddependu mill-fjuwils fossili (14) u żżid l-investiment Ewropew fit-teknoloġija ekoloġika, is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika biex tilħaq in-newtralità klimatika sal-2050 mingħajr ma jiddgħajfu l-kompetittività u l-awtonomija strateġika tal-UE; |
|
28. |
jikkunsidra l-“Pjan Direzzjonali għall-Missjoni 1,5°C” u l-istabbiliment tat-“Trojka tal-Presidenzi tal-COP” (15) bħala opportunità ewlenija biex jiġi stabbilit programm ta’ ħidma ta’ sentejn; iħeġġeġ lit-Trojka tal-Presidenzi tal-COP tal-UNFCCC jaħdmu flimkien mal-gvernijiet sottonazzjonali biex jimplimentaw l-inizjattiva CHAMP u jsaħħu l-komponent urban tal-NDCs biex ikun jista’ jintlaħaq l-għan ta’ Pariġi li t-tisħin globali jinżamm taħt 1,5°C; |
|
29. |
iħeġġeġ lill-Partijiet tal-UNFCCC jiżguraw approċċ ta’ governanza u pjanar fuq diversi livelli fit-tfassil tal-impenji tagħhom – billi jibdew mir-reviżjoni tal-NDCs ippjanati mill-COP30 tal-UNFCCC – u billi jinkludu impenji, azzjonijiet u kisbiet sottonazzjonali dwar il-klima fl-NDCs, fl-istrateġiji fit-tul u fil-pjani ta’ adattament nazzjonali u billi jqisu d-distribuzzjoni tas-setgħat fl-implimentazzjoni tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jqisu l-kuntest u l-ispeċifiċitajiet tar-reġjuni u jużaw il-prerogattiva tagħhom biex jiddeterminaw it-taħlita tal-enerġija tagħhom f’konformità mal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika; |
|
30. |
iħeġġeġ lill-Presidenza tal-COP 29 tal-UNFCCC biex tinvolvi ruħha mal-gvernijiet sottonazzjonali matul id-djalogu dwar l-implimentazzjoni tal-eżiti tar-rendikont globali fl-2024-2028, billi tibda mis-CMA6. Il-KtR jenfasizza l-importanza tar-rendikont lokali/dibattiti lokali tal-COP u l-importanza li jiġu inklużi eżiti minn djalogi lokali bħal dawn fid-djalogu annwali dwar ir-rendikont globali, u dan jibda mis-60 sessjoni tal-Korpi Sussidjarji (SB60) (f’Ġunju 2024) biex tiġi ffaċilitata l-kondiviżjoni tal-għarfien u l-prattiki tajbin fil-livell lokali dwar kif l-eżiti tar-rendikont globali qed jikkontribwixxu għat-tħejjija tal-NDCs; |
|
31. |
iħeġġeġ lill-UNFCCC u lill-Partijiet jaqblu dwar għan kollettiv ġdid kwantifikat u ambizzjuż dwar il-finanzjament għall-klima b’limitu minimu ta’ USD 100 biljun fis-sena, u jenfasizza l-ħtieġa kritika għal finanzjament dirett lill-gvernijiet sottonazzjonali, kif ukoll finanzjament internazzjonali għall-klima fir-rigward tal-mitigazzjoni, l-adattament, u t-telf u l-ħsara, b’mod partikolari fin-Nofsinhar Globali; jirrikonoxxi l-kontributi storiċi sinifikanti tal-pajjiżi Ewropej għall-emissjonijiet globali u, konsegwentement, ir-responsabbiltà tagħhom li jaggravaw il-kriżi klimatika f’reġjuni vulnerabbli. F’dan il-kuntest, l-UE jeħtiġilha tonora l-obbligi tagħha skont il-Ftehim ta’ Pariġi billi tipprovdi s-sehem ġust tagħha ta’ finanzjament internazzjonali għall-klima, inkluż li tagħmel wegħdiet sostantivi pluriennali għall-Fond għat-Telf u l-Ħsara l-ġdid. Il-KtR jirrimarka li l-bliet u r-reġjuni jeħtieġu approċċ ta’ programm aktar integrat għall-finanzjament li għandu jżid ukoll is-sinerġiji bejn il-mitigazzjoni, l-adattament, is-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità, kif ukoll l-SDGs, u b’hekk jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura fil-ġlieda globali kontra t-tibdil fil-klima; |
|
32. |
iħeġġeġ lill-UE trawwem Sħubijiet tal-Patt Ekoloġiku mal-partijiet ikkonċernati globali, billi tmexxi Patt Ekoloġiku Globali b’investimenti, aċċess għat-teknoloġija, u kondiviżjoni tal-għarfien espert; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tkun minn ta’ quddiem fl-innovazzjoni teknoloġika u fil-mudelli ekonomiċi għad-dekarbonizzazzjoni, b’mod partikolari billi tiffaċilita l-iskambju tat-teknoloġija man-Nofsinhar Globali, u fl-istess ħin terġa’ tibbilanċja s-sistema globali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali biex tiżgura li n-Nofsinhar Globali jkun jista’ jaċċessa t-teknoloġiji ewlenin, inkluż għas-saħħa u d-dekarbonizzazzjoni; jirrakkomanda li jiġu sfruttati inizjattivi bħall-Global Gateway u s-sħubijiet għal tranżizzjoni tal-enerġija ġusta bħala vetturi ewlenin għall-iżvilupp ekoloġiku u reżiljenti, li għandhom l-għan li jqabblu l-iskala ta’ investiment fit-tranżizzjoni ekoloġika globali mal-isforzi ta’ tranżizzjoni ekoloġika tal-UE stess; |
|
33. |
jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tkun minn ta’ quddiem biex ittaffi l-inugwaljanzi globali, l-inġustizzji klimatiċi u ambjentali marbuta mad-domanda tagħha għar-riżorsi kemm dik relatata mal-estrazzjoni kif ukoll dik tal-ipproċessar tagħhom, u jitlob li tingħata prijorità lis-saħħa tal-komunitajiet lokali, il-popli indiġeni, in-natura u l-bijodiversità f’dawn il-proċessi; |
|
34. |
ifakkar kif l-ekonomija ċirkolari, il-prevenzjoni tal-iskart u l-immaniġġjar sostenibbli tal-iskart huma essenzjali biex jiġi evitat li jaggravaw l-inugwaljanzi globali u l-inġustizzji ambjentali, u jirrimarka l-esportazzjonijiet allarmanti tal-UE ta’ skart lejn pajjiżi mhux tal-UE li, fl-2022, ammontaw għal 32,1 miljun tunnellata; jilqa’ l-ftehim politiku proviżorju reċenti li ntlaħaq mill-koleġiżlaturi biex jiġi aġġornat ir-Regolament dwar il-vjeġġi tal-iskart; iħeġġeġ li tissaħħaħ u tiġi estiża aktar il-projbizzjoni fuq l-Istati Membri li jesportaw skart għar-rimi jew għall-irkupru peress li dan jikkonċerna plastik, u materjal ieħor perikoluż jew mhux perikoluż u b’hekk jiġi segwit approċċ għat-tmiem tal-istatus ta’ skart f’pajjiżi terzi u pajjiżi mhux tal-OECD; |
|
35. |
jilqa’ l-kooperazzjoni b’suċċess mal-Kummissjoni Ewropea u l-koleġiżlaturi waqt il-COP28 tal-UNFCCC u jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jsaħħaħ is-sinerġiji u jippromovi l-involviment tal-gvernijiet lokali u reġjonali tal-UE fil-proċessi tal-UNFCCC; jappella lill-Kummissjoni Ewropea li jmiss tkompli tali kooperazzjoni u lill-Presidenza Belġjana u dik Ungeriża jirrikonoxxu fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tħejjijiet għall-COP29 it-tmexxija tal-bliet u r-reġjuni tal-UE biex jaċċelleraw u jestendu l-azzjoni ta’ mitigazzjoni u adattament għat-tibdil fil-klima; |
|
36. |
jindika d-Deċiżjoni 15/12 mill-COP15 tal-KDB tan-NU dwar l-involviment mal-gvernijiet sottonazzjonali, il-bliet u gvernijiet lokali oħra biex tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-Qafas Globali għall-Bijodiversità ta’ Kunming-Montreal; jenfasizza d-Deċiżjoni 15/6, li titlob li l-Partijiet jirrevedu u jaġġornaw l-istrateġiji u l-pjani tagħhom ta’ azzjoni nazzjonali għall-bijodiversità (NBSAPs) u jallinjawhom mal-Qafas Globali għall-Bijodiversità u l-għanijiet u l-miri tiegħu sal-COP16; jenfasizza li l-livelli kollha tal-gvern huma responsabbli biex jimplimentaw il-Qafas Globali għall-Bijodiversità, u jitlob li jiġi żviluppat l-approċċ propost, jiġifieri dak estiż għall-amministrazzjoni kollha; |
|
37. |
jenfasizza l-importanza tal-COP16 tal-KDB biex tiġi indirizzata l-interkonnettività tat-telf tal-bijodiversità, it-tibdil fil-klima u l-SDGs, speċjalment permezz ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq l-ekosistemi u bbażati fuq in-natura biex tiżdied ir-reżiljenza u biex jitnaqqas it-telf tal-bijodiversità, u jtenni r-rwol li l-gvernijiet sottonazzjonali jista’ jkollhom biex jipprovdu soluzzjonijiet komprensivi u koerenti biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi interkonnessi; |
|
38. |
jenfasizza l-impatt tal-kriżi klimatika fuq is-sigurtà globali tal-ikel, u fl-istess ħin jenfasizza l-ħtieġa għal sistema tal-ikel sostenibbli u reżiljenti biex tappoġġja d-dritt għal ikel tajjeb għas-saħħa u nutrizzjoni adegwata skont Patt Ekoloġiku Globali ġust; iħeġġeġ lill-UE tadotta prattiki agroekoloġiċi u tallinja l-politiki tagħha dwar l-ikel u l-kummerċ mas-sovranità alimentari globali u l-agrikoltura li ma tagħmilx ħsara lill-klima u lill-ambjent; jenfasizza li l-esportazzjonijiet mill-UE ma jridux iħottu s-swieq lokali u l-istrutturi ta’ produzzjoni fil-pajjiżi fid-dinja kollha; |
|
39. |
jenfasizza r-rwol tal-bliet u r-reġjuni, kif rikonoxxut fil-leġiżlazzjoni tal-UE, bħall-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030, għall-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità, bl-inizjattiva tagħha dwar il-Pjani għan-Natura Urbana, il-Ftehim dwar il-Bliet Ekoloġiċi u l-Missjonijiet tal-UE; jieħu nota tal-adozzjoni finali tal-Liġi dwar ir-Restawr tan-Natura u jenfasizza l-ħtieġa li tiġi implimentata sabiex ma jkun hemm l-ebda telf nett fl-ispazji ħodor urbani; itenni l-ħtieġa li jissaħħu l-għarfien espert tekniku u l-kapaċità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil, l-eżekuzzjoni u l-monitoraġġ ta’ azzjonijiet biex tintlaħaq din il-mira; |
|
40. |
jilqa’ l-inizjattivi volontarji tal-bliet u r-reġjuni biex jixprunaw azzjoni ambizzjuża dwar il-bijodiversità biex jitnaqqas id-distakk fil-governanza u l-monitoraġġ f’diversi livelli, bħall-Patt ta’ Berlin dwar in-Natura Urbana li ser jiġi implimentat dalwaqt; |
|
41. |
jistieden lill-UE tistabbilixxi qafas ta’ monitoraġġ u rappurtar li jkun integrat mal-livelli kollha tal-gvern u li jipprovdi lill-bliet b’mekkaniżmi ta’ sforz baxx biex jikkontribwixxu faċilment għall-istruttura ta’ rappurtar tal-Istati Membri tal-UE għall-KDB. Il-KtR jirrikonoxxi lil CitiesWithNature u lil RegionsWithNature bħala pjattaformi stabbiliti approvati mill-KDB għal tali rappurtar semplifikat; |
|
42. |
itenni li hemm lakuni sinifikanti fl-UE f’termini ta’ governanza f’diversi livelli, ippjanar, implimentazzjoni u finanzjament fir-rigward tal-integrazzjoni tal-azzjoni, il-monitoraġġ u r-rappurtar lokali dwar il-bijodiversità mal-NBSAPs; iħeġġeġ lill-Kunsill jimpenja ruħu li jiżgura governanza f’diversi livelli biex il-Qafas Globali għall-Bijodiversità jiġi implimentat bis-sħiħ billi jirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u fl-istess ħin jiġi żgurat li l-fehmiet u l-kontributi tal-gvernijiet lokali u reġjonali jiġu inklużi fl-impenji, fil-kontributi u fir-rapporti fil-livell nazzjonali, tal-UE u internazzjonali; |
|
43. |
jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati mekkaniżmi aktar robusti u trasparenti għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-progress fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima sabiex tkun tista’ ssir valutazzjoni bir-reqqa tal-effettività tal-politiki u l-azzjonijiet adottati, u b’hekk tkun aktar faċli li jiġu ddeterminati fil-ħin fejn l-azzjonijiet għandhom jittieħdu. Barra minn hekk, għandha ssir enfasi biex jitħeġġeġ il-ħolqien ta’ għodod ta’ monitoraġġ aktar aċċessibbli u li jinftiehmu għall-involviment taċ-ċittadini u tal-partijiet ikkonċernati, u b’hekk jitrawmu aktar trasparenza u responsabbiltà fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-klima; |
|
44. |
jistieden lill-UE tipprovdi appoġġ finanzjarju, riżorsi u gwida lill-gvernijiet lokali u reġjonali u tiżviluppa l-kapaċità tagħhom sabiex ikunu jistgħu jfasslu l-appell mill-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 u jimplimentaw pjani għan-natura urbana bħala oqfsa strateġiċi għall-implimentazzjoni ta’ azzjoni ambizzjuża dwar il-bijodiversità; u biex ikunu jistgħu jfasslu strateġiji speċifiċi ta’ adattament għat-tibdil fil-klima fil-livell lokali u reġjonali li jqisu bir-reqqa l-ħtiġijiet, ir-riżorsi u l-vulnerabbiltajiet speċifiċi ta’ kull żona u reġjun, u b’hekk jiġi żgurat li l-miżuri jkunu aktar effettivi u li ż-żoni jkunu aktar reżiljenti; |
|
45. |
iħeġġeġ lill-Parlament Ewropew jimmonitorja l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u jitlob rapporti ta’ monitoraġġ mill-Kummissjoni rigward l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 15/12 dwar il-Qafas Globali għall-Bijodiversità, b’mod partikolari fir-rigward tal-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-finanzjament tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità, il-Liġi dwar ir-Restawr tan-Natura u l-NBSAPs – mhux l-inqas permezz ta’ pjani għan-natura urbana; |
|
46. |
jindika d-Deċiżjoni 5 tal-COP15 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni li tirrigwarda l-parteċipazzjoni u l-involviment mal-gvernijiet lokali u l-parlamentari għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni; jilqa’ d-Deċiżjoni 8 li tistieden lill-Partijiet jesploraw il-komplementarjetajiet fl-implimentazzjoni tal-miri tal-LDN, l-NDCs, l-NBSAPs, kif ukoll il-miri nazzjonali skont il-Qafas ta’ Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri, u l-ippjanar, l-ipprogrammar, ir-rappurtar u l-monitoraġġ relatati sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni; jappella sabiex jissaħħu l-isforzi armonizzati bejn in-newtralità tad-degradazzjoni tal-art, ir-riskju ta’ diżastri, il-bijodiversità u l-miri relatati mat-tibdil fil-klima fil-livell lokali u reġjonali; |
|
47. |
jistieden lis-Summit tan-NU dwar il-Futur li ser isir fl-2024 jikkunsidra r-Riżoluzzjonijiet UNEA-6, speċjalment UNEP/EA.6/L.7, ikompli jibni fuqha biex jiżgura sinerġiji u jagħti lill-awtoritajiet sottonazzjonali rwol prominenti fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjonijiet ta’ Rio, il-ftehimiet ambjentali multilaterali, il-Qafas ta’ Sendai, it-trattat dwar il-plastik u l-SDGs b’mod li jkun komprensiv u li juża s-sinerġiji; |
|
48. |
jilqa’ l-abbozz rivedut tal-Patt għall-Futur (16) u l-impenn li tiġi ttrasformata l-governanza globali tan-NU, tiġi riformata l-governanza tal-arkitettura finanzjarja internazzjonali u jissaħħu n-NU u l-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-NU (Ecosoc) tagħha, kif ukoll l-impenn li jissaħħaħ l-involviment tal-gvernijiet sottonazzjonali fil-korpi intergovernattivi tan-NU u t-talba tal-Partijiet lis-Segretarju Ġenerali biex jipprovdi rakkomandazzjonijiet dwar din l-aħħar kwistjoni. Il-KtR jappella lill-Partijiet u lin-NU jiżguraw li t-test dwar l-involviment tal-gvernijiet sottonazzjonali fil-korpi intergovernattivi tan-NU jiġi rifless fl-eżitu finali tal-Patt għall-Futur sabiex il-gvernijiet sottonazzjonali jkunu jistgħu jaqdu r-rwol tagħhom bħala atturi ewlenin f’salib it-toroq tal-SDGs u tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjonijiet ta’ Rio. Il-parteċipazzjoni sinifikanti u li tħalli impatt tal-awtoritajiet sottonazzjonali fil-proċessi tan-NU għandha tiġi garantita permezz tal-istabbiliment ta’ korp permanenti; |
|
49. |
jappoġġja l-abbozz ta’ Dikjarazzjoni tal-Patt dwar il-Ġenerazzjonijiet Futuri (17) fl-appell għal proċess ta’ governanza globali li ma jikkompromettix il-kapaċità tal-ġenerazzjonijiet futuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom, biex b’mod konxju tiġi evitata ħsara prevedibbli; jappoġġja t-talba biex l-amministrazzjonijiet tal-Istat jiġu mħeġġa jistabbilixxu korpi konsultattivi taż-żgħażagħ b’mandat u riżorsi biex jinvolvu lill-ġenerazzjonijiet żgħażagħ b’mod formali bħala dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet attivi għall-futur tagħhom, u jħeġġeġ lill-amministrazzjonijiet reġjonali u lokali jesploraw perkorsi simili; |
|
50. |
jistieden lill-UE u l-istati membri kollha tan-NU biex jinkludu l-ħtieġa li jiġu allinjati l-pjani ta’ azzjoni għall-bijodiversità, il-klima, it-tniġġis, id-deżertifikazzjoni u l-SDGs u l-mekkaniżmi ta’ appoġġ għall-finanzjament u l-bini tal-kapaċità f’verżjonijiet futuri tal-Patt għall-Futur biex jinħolqu sinerġiji u jiġu identifikati aħjar il-kompromessi. Il-KtR iħeġġiġhom ukoll jinkludu impenn biex jinvolvu lill-gvernijiet sottonazzjonali fil-proċessi nazzjonali ta’ ppjanar, finanzjament u monitoraġġ tal-bijodiversità, il-klima u l-SDGs; |
|
51. |
jenfasizza l-importanza li jiġu riformati s-sħubijiet internazzjonali, il-banek tal-iżvilupp u l-klawżoli żvantaġġużi fil-ftehimiet kummerċjali f’konformità mal-interessi u l-valuri tal-UE li jiffukaw fuq l-SDGs u li tissaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Il-Ftehim ta’ Pariġi, il-Qafas Globali tal-Bijodiversità ta’ Kunming-Montreal, l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, il-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO, il-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-miżuri għat-tneħħija gradwali tal-fjuwils fossili u sussidji oħra li jagħmlu ħsara lill-ambjent għandhom ikunu elementi essenzjali fil-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles tal-UE, u b’hekk il-kummerċ isir parti mill-isforzi biex jiġu limitati l-emissjonijiet, issir bidla għal teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti, u tintemm id-degradazzjoni ambjentali; |
|
52. |
jirrakkomanda li s-Segretarju Ġenerali tan-NU jikkontribwixxi għad-deliberazzjonijiet tal-Istati Membri fit-tħejjija għas-Summit dwar il-Futur sabiex ikunu jistgħu jagħtu pariri dwar strateġija globali tan-NU għall-involviment tal-gvernijiet lokali u reġjonali, inklużi mekkaniżmi istituzzjonali, proċessi intergovernattivi u arranġamenti ta’ sħubija, li jippermettu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jikkontribwixxu aktar għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Aġenda Urbana l-Ġdida. |
Brussell, id-19 ta’ Ġunju 2024
Il-President
tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Vasco ALVES CORDEIRO
(1) Dikjarazzjoni Konġunta tal-COP28 dwar il-Klima, in-Natura u l-Popli (mhux disponibbli bil-Malti).
(2) The Sustainable Development Goals Report (Ir-rapport dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, mhux disponibbli bil-Malti), NU (2023); ir-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU intitolat Progress towards the SDGs: Towards a Rescue Plan for People and Planet (Progress lejn l-SDGs: Lejn Pjan ta’ Salvataġġ għall-Popli u l-Pjaneta, mhux disponibbli bil-Malti) u r-rapport minn UN DESA u UN Women Progress on the Sustainable Development Goals: The gender snapshot 2023 (Progress b’rabta mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli: stampa dwar il-kwistjoni tal-ġeneru, mhux disponibbli bil-Malti).
(3) IPCC (2023): Summary for Policymakers. In: Climate Change 2023: Synthesis Report. (IPCC, 2023: Sommarju għal dawk li jfasslu l-politika. It-Tibdil fil-Klima 2023: Rapport ta’ Sinteżi, mhux disponibbli bil-Malti).
(4) IPBES (2019): Summary for policymakers of the global assessment report on biodiversity and ecosystem services (IPBES (2019) Sommarju għal dawk li jfasslu l-politika tar-rapport ta’ valutazzjoni globali dwar il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema, mhux disponibbli bil-Malti).
(5) Abbozz ta’ Patt Globali għall-Ambjent (mhux disponibbli bil-Malti).
(6) Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima, Towards EU climate neutrality: progress, policy gaps and opportunities (Lejn in-newtralità klimatika tal-UE: progress, lakuni fil-politika u opportunitajiet, mhux disponibbli bil-Malti).
(7) Rapport Speċjali tiegħu dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Bliet.
(8) Dokument ta’ Ħidma tal-IIED; Delivering real change: getting international climate finance to the local level (Inwettqu bidla ġenwina: inwasslu l-finanzjament internazzjonali għall-klima fil-livell lokali, mhux disponibbli bil-Malti).
(9) UN Women explainer: How gender inequality and climate change are interconnected (UN Women, Nota spjegattiva: Kif l-inugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tibdil fil-klima huma interkonnessi, mhux disponibbli bil-Malti).
(10) Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tibdil fil-klima: lejn l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru fil-Patt Ekoloġiku Ewropew (ĠU C 270, 13.7.2022, p. 25).
(11) https://www.cop28.com/en/cop28-uae-coalition-for-high-ambition-multilevel-partnerships-for-climate-action.
(12) https://www.cop28.com/en/lcas.
(13) UN-HABITAT (2024); Local Action for Global Goals: An Opportunity for Enhancing Nationally Determined Contributions (Azzjoni lokali għal għanijiet globali: Opportunità sabiex jissaħħu l-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali, mhux disponibbli bil-Malti).
(14) Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Il-COP28 tal-UNFCCC: ir-rwol tal-awtoritajiet sottonazzjonali biex iżommu l-ambizzjoni klimatika fit-triq it-tajba” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C, C/2023/1323, 22.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1323/oj).
(15) Il-COP28 tniedi “It-Trojka tal-Presidenzi tal-COP” fi sħubija mal-Presidenzi tal-COP29 u tal-COP30.
(16) Bid-data tal-14 ta’ Mejju 2024: https://www.un.org/sites/un2.un.org/files/sotf-pact-for-the-future-rev.1.pdf.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5362/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)