Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023IP0435

P9_TA(2023)0435 — Il-Boxxla Strateġika u l-kapaċitajiet ta’ difiża tal-UE bbażati fl-ispazju — Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Novembru 2023 il-Boxxla Strateġika u l-kapaċitajiet ta’ difiża tal-UE bbażati fl-ispazju (2022/2078(INI))

ĠU C, C/2024/4221, 24.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4221/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4221/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/4221

24.7.2024

P9_TA(2023)0435

Il-Boxxla Strateġika u l-kapaċitajiet ta’ difiża tal-UE bbażati fl-ispazju

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Novembru 2023 il-Boxxla Strateġika u l-kapaċitajiet ta’ difiża tal-UE bbażati fl-ispazju (2022/2078(INI))

(C/2024/4221)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 222 tiegħu,

wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b’mod partikolari l-Artikolu 42(7) tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2023/588 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2023 li jistabbilixxi l-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura għall-perjodu 2023-2027 (1),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2023 bit-titolu “Strateġija Spazjali tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża” (JOIN(2023)0009),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2022/2557 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE (2),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li temenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 u d-Direttiva (UE) 2018/1972, u li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 (Direttiva NIS 2) (3),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2022 li tivvaluta l-progress li sar mill-Istati Membri parteċipanti biex jissodisfaw impenji meħuda fil-qafas tal-kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) (4),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tat-18 ta’ Mejju 2022 bit-titolu “L-Analiżi tad-Diskrepanzi fl-Investimenti fid-Difiża u l-Approċċ Futur” (JOIN(2022)0024),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/697 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/1092 (5),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/698 tat-30 ta’ April 2021 dwar is-sigurtà tas-sistemi u s-servizzi skjerati, operati u użati taħt il-Programm Spazjali tal-Unjoni li jistgħu jaffettwaw is-sigurtà tal-Unjoni, u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/496/PESK (6),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Frar 2022 bit-titolu “u Il-pjan direzzjonali dwar it-teknoloġiji kritiċi għas-sigurtà u d-difiża” (COM(2022)0061),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 912/2010, (UE) Nru 1285/2013 u, (UE) Nru 377/2014 u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE (7),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Frar 2021 bit-titolu “Pjan ta’ Azzjoni għas-sinerġiji bejn l-industriji ċivili, tad-difiża, u spazjali” (COM(2021)0070),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tas-16 ta’ Diċembru 2020 bit-titolu “L-istrateġija tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà għad-Deċennju Diġitali” (JOIN(2020)0018),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/797 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu lill-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha (8),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà) (9),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni (10),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2315 tal-11 ta’ Diċembru 2017 li tistabbilixxi kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) u li tiddetermina l-lista ta’ Stati Membri parteċipanti (11),

wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tat-28 ta’ Ġunju 2016 bit-titolu “Shared Vision, Common Action: A Stronger Europe – A Global Strategy for the European Union’s Foreign and Security Policy” (Viżjoni Komuni, Azzjoni Komuni: Ewropa Aktar b’Saħħitha – Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tas-7 ta’ Frar 2013 bit-titolu “Strateġija ta’ Ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea: Ċiberspazju Miftuħ, Sikur u Sigur” (JOIN(2013)0001),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/401/PESK tas-26 ta’ Ġunju 2014 dwar iċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea u li tħassar l-Azzjoni Konġunta 2001/555/PESK dwar it-twaqqif ta’ Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (12),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO ffirmati fit-8 ta’ Lulju 2014, fl-10 ta’ Lulju 2018 u fl-10 ta’ Jannar 2023,

wara li kkunsidra l-Kunċett Strateġiku 2022 tan-NATO, adottat fid-29 ta’ Ġunju 2022,

wara li kkunsidra l-politika spazjali ġenerali tan-NATO tas-17 ta’ Jannar 2022,

wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar it-tnaqqis tat-theddid spazjali bis-saħħa ta’ normi, regoli u prinċipji ta’ mġiba responsabbli u tar-Riżoluzzjoni 76/231 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-24 ta’ Diċembru 2021 dwaru,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 77/41 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tas-7 ta’ Diċembru 2022 dwar l-ittestjar ta’ missila antisatellitari bi tlugħ dirett u bi skop distruttiv,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 75/36 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tas-7 ta’ Diċembru 2020 dwar it-tnaqqis tat-theddid spazjali bis-saħħa ta’ normi, regoli u prinċipji ta’ mġiba responsabbli,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 62/217 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-22 ta’ Diċembru 2007 dwar il-kooperazzjoni internazzjonali fl-użi paċifiċi tal-ispazju,

wara li kkunsidra t-Trattat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Prinċipji li Jirregolaw l-Attivitajiet tal-Istati fl-Esplorazzjoni u fl-Użu tal-Ispazju Ekstratmosferiku, inkluż il-Qamar u l-Korpi Ċelesti Oħrajn, adottat fl-1499 Assemblea plenarja tad-19 ta’ Diċembru 1966,

wara li kkunsidra l-grupp ta’ ħidma miftuħ tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tnaqqis tat-theddid spazjali bis-saħħa ta’ normi, regoli u prinċipji ta’ mġiba responsabbli, maħluq mir-riżoluzzjoni 76/231 tan-Nazzjonijiet Uniti,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Mejju 2023 dwar teknoloġiji kritiċi għas-sigurtà u d-difiża: is-sitwazzjoni attwali u l-isfidi futuri (13),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Jannar 2023 dwar l-implimentazzjoni tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni – rapport annwali 2022 (14),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Marzu 2021 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/81/KE, rigward l-akkwist pubbliku fl-oqsma tad-difiża u tas-sigurtà, u tad-Direttiva 2009/43/KE, rigward it-trasferiment ta’ prodotti relatati mad-difiża (15),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Ottubru 2021 dwar l-istat tal-kapaċitajiet ta’ difiża ċibernetika tal-UE (16),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Settembru 2018 dwar sistemi ta’ armi awtonomi (17),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Ġunju 2018 dwar iċ-ċiberdifiża (18),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar kapaċitajiet spazjali għas-sigurtà u d-difiża Ewropea (19),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta’ April 2014 dwar l-approċċ komprensiv tal-UE u l-implikazzjonijiet tiegħu għall-koerenza tal-azzjoni esterna tal-UE (20),

wara li kkunsidra t-Trattat li Jipprojbixxi t-Testijiet tal-Armi Nukleari fl-Atmosfera, fl-Ispazju Ekstratmosferiku u Taħt l-Ilma tal-5 ta’ Awwissu 1963,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Użu Militari jew Kwalunkwe Użu Ostili ieħor ta’ Teknika ta’ Modifikazzjoni Ambjentali tal-10 ta’ Diċembru 1976,

wara li kkunsidra l-Pjan Direzzjonali dwar it-Tibdil fil-Klima u d-Difiża tal-UE tad-9 ta’ Novembru 2020,

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0334/2023),

A.

billi l-UE għandha programmi u kapaċitajiet li jagħtuha status ta’ potenza spazjali;

B.

billi l-Programm Spazjali tal-UE u l-programm tal-UE għal konnettività sigura (IRIS2) għandhom rwol importanti fil-kuntest tas-sigurtà u d-difiża Ewropea, billi jagħtu lill-UE l-istatus ta’ attur kredibbli fix-xena internazzjonali;

C.

billi l-attivitajiet spazjali tal-UE jagħtu kontribut importanti għas-sigurtà taċ-ċittadini fl-UE u lil hinn minnha; billi l-ebda Stat Membru individwali ma jista’ jikseb dan waħdu;

D.

billi n-Nazzjonijiet Uniti stabbilew grupp ta’ ħidma miftuħ dwar it-tnaqqis tat-theddid spazjali bis-saħħa ta’ normi, regoli u prinċipji ta’ mġiba responsabbli biex jiġġieled it-theddid mill-istati għas-sistemi spazjali;

E.

billi l-boxxla strateġika u l-istrateġija spazjali tal-UE fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża jagħrfu l-importanza tal-ispazju bħala settur strateġiku li fih jiġu eżerċitati affermazzjonijiet ta’ poter dejjem inqas inibiti u potenzjalment kunflittwali fuq kwistjonijiet ċivili, militari u ekonomiċi;

F.

billi d-Dikjarazzjoni ta’ Versailles tal-10 ul-11 ta’ Marzu 2022 tenfasizza l-ħtieġa ta’ aktar investiment f’faċilitaturi strateġiċi, inklużi ċ-ċibersigurtà u l-konnettività bbażata fl-ispazju, sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ difiża tal-UE u l-kapaċità operazzjonali tal-UE fl-implimentazzjoni ta’ politiki komuni ta’ sigurtà u difiża, kif ukoll politiki oħra tal-Unjoni f’oqsma bħall-azzjoni esterna, il-ġestjoni tal-fruntieri, il-protezzjoni ta’ assi kritiċi, il-ġestjoni tal-kriżijiet, l-għajnuna umanitarja jew l-għajnuna f’każ ta’ diżastru;

G.

billi l-invażjoni tar-Russja fuq skala sħiħa fl-Ukrajna wriet il-ħtieġa essenzjali u l-valur strateġiku ta’ immaġnijiet ġeospazjali u konnettività sikura fl-immanuvrar, fl-immanuvrar u fid-difiża militari, iżda żvelat ukoll l-isfidi li jeħtieġ li jiġu indirizzati minn inizjattivi ta’ governanza internazzjonali li jenfasizzaw fuq kwistjonijiet spazjali u ċibernetiċi, minħabba r-rabtiet mill-qrib li jeżistu bejn id-dominji spazjali u ċibernetiċi;

H.

billi s-sigurtà fl-ispazju hija essenzjali biex tiġi żgurata l-istabbiltà globali u tista’ tgħin biex jittaffa l-impatt tal-kunflitt jew biex jiġi evitat kompletament il-kunflitt;

I.

billi l-kapaċitajiet spazjali tal-UE u tal-Istati Membri tagħha jfornu attivitajiet essenzjali għall-ekonomija, għar-riċerka xjentifika u għall-funzjonament tas-soċjetajiet tagħna;

J.

billi l-assi bbażati fl-ispazju huma b’użu doppju, li jservu skopijiet ċivili filwaqt li huma kruċjali għas-sigurtà u għad-difiża; billi l-kapaċitajiet spazjali saru indispensabbli mhux biss biex ikun hemm awtonomija ta’ valutazzjoni, ta’ deċiżjoni u ta’ azzjoni, iżda wkoll biex l-UE u l-Istati Membri tagħha jwettqu azzjonijiet ċivili u militari;

K.

billi l-UE qed tiffaċċja r-riskju li titlef l-aċċess awtonomu għall-ispazju għall-varar tas-satelliti ċivili u militari tagħha; billi dan it-telf jirriżulta fi sfidi ta’ sigurtà peress li l-UE tkun sfurzata tmexxi l-missjonijiet tagħha minn barra t-territorju tal-UE u tibbaża fuq lanċjaturi mhux Ewropej;

L.

billi żdiedu l-attivitajiet spazjali, kiber ir-riskju ta’ kolliżjonijiet u ta’ residwi spazjali u żdied in-numru ta’ atturi statali u privati; billi qed issir tellieqa fl-ispazju teknoloġika u kummerċjali u l-kompetizzjoni strateġika bejn il-potenzi spazjali ħraxet, u qed jiżdied il-potenzjal ta’ eskalazzjoni;

M.

billi l-iżvilupp malajr tal-kapaċitajiet spazjali privati “spazju ġdid” jippreżenta opportunitajiet għall-innovazzjoni f’kooperazzjoni mal-Istati Membri iżda jippreżenta wkoll sfidi peress li l-isfruttament kummerċjali jista’ jkollu impatt negattiv fuq is-sigurtà spazjali; billi kapaċitajiet privati bħal dawn, pereżempju s-servizzi satellitari ta’ Starlink, intużaw fit-tajjeb u fil-ħażin fil-kuntest tal-gwerra illegali ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna;

N.

billi dan l-adattament għall-użu fil-gwerra jissarraf fl-iżvilupp ta’ mezzi biex tiġi nnewtralizzata, jew saħansitra meqruda, il-vettura spazjali;

O.

billi kiber it-theddid għall-kapaċitajiet spazjali, ċivili jew militari tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, sew jekk aċċidentali jew intenzjonali, attribwibbli u identifikabbli b’diffikultà, u billi żdiedet l-imġiba ostili bbażata fuq l-ambigwità jew l-intimidazzjoni;

P.

billi l-ħolqien deliberat ta’ kampijiet tar-residwi minn atturi malizzjużi, li jużaw pereżempju missili antisatellitari, jista’ jwassal għal kaskata kolliżjonali (sindromu ta’ Kessler), li jipprevjeni aċċess sikur għall-ispazju;

Q.

billi ma teżisti l-ebda viżjoni internazzjonali komuni relatata mal-limiti possibbli ta’ reazzjoni għal atti li jseħħu fl-ispazju; billi dan in-nuqqas jista’ jwassal għal eskalazzjoni aċċidentali jew mhux intenzjonali;

R.

billi dan it-theddid għandu wkoll effetti gravi fuq l-operazzjonijiet umanitarji u tal-ġestjoni tal-kriżijiet, peress li l-kapaċitajiet tas-servizzi spazjali spiss jintużaw biex tingħata assistenza lill-persuni milquta minn sitwazzjonijiet ta’ emerġenza bħal diżastri naturali jew kunflitti armati; billi huwa meħtieġ approċċ kollaborattiv għas-servizzi spazjali biex jiġu mmonitorjati u indirizzati sfidi bħal dawn, inklużi l-effetti tat-tibdil fil-klima;

S.

billi l-kapaċitajiet spazjali Ewropej mhumiex sikuri biżżejjed, b’xi industriji spazjali Ewropej li għadhom jiddependu minn pajjiżi terzi; billi jeżistu disparitajiet fost l-Istati Membri sa liema punt is-sistemi spazjali nazzjonali tagħhom huma protetti u ffinanzjati; billi hemm nuqqas ta’ kapaċità ta’ rispons malajr u effettiv f’każ ta’ kriżi spazjali;

T.

billi l-ispazju huwa settur ekonomiku li qed jikber malajr; billi skont ir-rapport tal-2022 ta’ Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża, id-dominji tal-ispazju u taċ-ċiberspazju jidhru li huma inqas iffinanzjati minn dominji tradizzjonali bħall-ajru, l-art u l-baħar; billi l-infiq annwali aggregat tal-Istati Membri fuq l-operazzjonijiet tal-ispazju ċivili jammonta bejn wieħed u ieħor għal wieħed minn sitta biss tal-infiq tal-Istati Uniti u huwa sostanzjalment inqas mill-infiq taċ-Ċina; billi din id-disparità sinifikanti qed tagħmilha ta’ sfida biex jintlaħaq l-għan tal-UE ta’ awtonomija strateġika miftuħa fl-ispazju;

1.   

Jilqa’ pożittivament ir-riżultati u l-livell għoli ta’ ambizzjoni tar-rakkomandazzjonijiet proposti mill-istrateġija spazjali tal-UE fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża, li jwieġbu għall-aspettattivi b’saħħithom tal-atturi Ewropej tas-settur spazjali; jappella għall-implimentazzjoni malajr u b’mod effikaċi tal-azzjonijiet rakkomandati, f’konformità mal-prinċipju gwida tal-UE ta’ awtonomija strateġika miftuħa;

2.   

Jinnota li l-Pjan Direzzjonali dwar it-Tibdil fil-Klima u d-Difiża tal-UE jirrikonoxxi t-tibdil fil-klima bħala “multiplikatur tat-theddid li fundamentalment jaffettwa s-sigurtà fit-tul tagħna” u jistabbilixxi azzjonijiet konkreti biex tiġi indirizzata r-rabta dejjem aktar importanti bejn il-klima u s-sigurtà; jisħaq fuq l-importanza ta’ monitoraġġ u rapportar mill-qrib dwar it-tibdil fil-klima bl-użu tal-kapaċitajiet spazjali tal-UE minħabba l-konsegwenzi kruċjali tagħha għas-sigurtà tal-UE, l-effett tagħha fuq il-migrazzjoni u l-kunflitti fir-reġjuni ġirien, u l-implikazzjonijiet tagħha għas-sigurtà tal-ikel, għall-produzzjoni tal-enerġija u għall-kummerċ internazzjonali;

Protezzjoni u reżiljenza tas-sistemi u tas-servizzi spazjali

3.

Jirrikonoxxi s-sistemi u s-satelliti spazjali bħala infrastruttura kritika li jeħtieġ li tiġi protetta u msaħħa; jinnota li ż-żieda fir-riskji mir-residwi spazjali, kif ukoll it-theddid fl-ispazju u fis-sistemi spazjali, kemm fuq l-art kif ukoll fl-ispazju, tagħmilha neċessarja li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-infrastruttura, tas-sistemi u tas-servizzi tal-katina tal-provvista spazjali Ewropej;

4.

Jilqa’ pożittivament il-proposta tal-istrateġija biex jitfassal dokument klassifikat annwali ta’ analiżi tat-theddid spazjali b’tali mod li l-UE u l-Istati Membri tagħha jkunu kollettivament konxji mill-portata ta’ dan it-theddid u mill-azzjonijiet li għandhom jittieħdu biex jiġi indirizzat b’mod effikaċi;

5.

Jinnota li 11-il Stat Membru minn 27 diġà introduċew liġijiet spazjali nazzjonali; jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tipproponi leġiżlazzjoni spazjali għall-UE li tistabbilixxi qafas ta’ sigurtà, sikurezza, u sostenibbiltà komuni, armonizzat u koerenti biex isaħħaħ ir-reżiljenza u l-awtonomija strateġika tas-servizzi spazjali tal-UE u tiġi pprevenuta frammentazzjoni eċċessiva tas-suq spazjali globali, filwaqt li jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-industrija spazjali Ewropea billi jistimula l-użu tas-servizzi spazjali f’firxa wiesgħa ta’ politiki tal-UE; jirrimarka li dan il-qafas koerenti u armonizzat tal-UE huwa mistenni bil-ħerqa mill-Istati Membri u mill-industrija spazjali usa’, inklużi l-atturi industrijali ewlenin u l-SMEs; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas regolatorju effettiv għal kumpaniji spazjali ġodda bbażati fl-UE, b’enfasi sinifikanti fuq il-miżuri protettivi u s-sigurtà tal-informazzjoni, f’konformità mal-ħtiġijiet tas-sigurtà tal-Unjoni; jitlob li jiġu stabbiliti miżuri speċifiċi biex jiġi żgurat li l-kumpaniji spazjali privati li jipprovdu servizz jitqiesu, fi żminijiet ta’ kriżi, bħala entitajiet privati b’missjoni ta’ servizz pubbliku sabiex tiġi pprevenuta kwalunkwe sospensjoni jew degradazzjoni tal-aċċess għas-servizzi spazjali, b’mod partikolari l-komunikazzjoni bis-satellita; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi kwistjonijiet ta’ reġistrazzjoni, ta’ responsabbiltà u ta’ standards ambjentali f’leġiżlazzjoni spazjali ġdida;

6.

Jitlob li r-riżorsi regolatorji u ta’ kapaċità internazzjonali għall-immaniġġjar tat-traffiku spazjali (STM) jingħataw spinta u li jiġu stabbiliti limiti komuni ta’ reazzjoni għal atti li jseħħu fl-ispazju, bil-għan li tiġi protetta aħjar l-infrastruttura fl-orbita li tappartjeni għall-UE, għall-Istati Membri u għall-kumpaniji privati; jinsisti li l-UE ma għandhiex tibbaża fuq sistemi ta’ sorveljanza spazjali ta’ partijiet terzi; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, għalhekk, isaħħu l-isforzi tagħhom ta’ sorveljanza tal-ispazju u tat-traċċar tal-oġġetti fl-orbita biex jonqsu r-riskji ta’ kolliżjoni; ifakkar fl-importanza tat-tisħiħ taċ-ċibersigurtà kemm tas-sistemi spazjali kif ukoll tal-infrastruttura bbażata fuq l-art kontra ċ-ċiberattakki; jappella għal aktar kooperazzjoni u koordinazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-immaniġġjar tat-traffiku spazjali u għal tnaqqis fl-impronta ambjentali tas-settur spazjali;

7.

Jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ sensibilizzazzjoni fil-livell tal-UE dwar l-importanza kemm tal-utenti ċivili kif ukoll tal-gvern li jużaw is-Servizz Pubbliku Regolat ta’ Galileo u d-differenzaturi ġodda ta’ Galileo bħas-Servizz b’Akkuratezza Għolja, is-Servizz ta’ Awtentikazzjoni u s-Servizz ta’ Twissija ta’ Emerġenza b’mod sinerġetiku mal-osservazzjoni tad-dinja u komunikazzjonijiet siguri sabiex tissaħħaħ il-kapaċità operazzjonali tal-UE li taġixxi fil-fażijiet kollha tal-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri u tindirizza b’mod effettiv it-theddid li qed jevolvi;

8.

Jesprimi dispjaċir għad-dipendenza qawwija tal-Unjoni minn pajjiżi oħra għad-data dwar is-sorveljanza u l-insegwiment fl-ispazju (SST); iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-investiment fil-kapaċitajiet ta’ kxif tal-SST biex jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ bażi tad-data Ewropea aktar estensiva, f’kooperazzjoni mal-konsorzju tal-SST tal-UE;

9.

Jitlob li l-kostellazzjoni ta’ konnettività sigura ta’ IRIS2 tiġi stabbilita malajr, bil-parteċipazzjoni tas-settur spazjali madwar l-Ewropa, inklużi l-SMEs, u li għandha ssir lesta għall-użu bil-ħsieb li jiġi pprovdut aċċess kostanti għal servizzi ta’ konnettività siguri u sovrani li jissodisfaw il-ħtiġijiet operazzjonali tal-UE u tal-Istati Membri, u għall-komponenti eżistenti tal-Programm Spazjali tal-Unjoni li għandhom jitlestew sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-infrastruttura kritika tal-Istati Membri; iqis li IRIS2 turi l-importanza ta’ konnettività sikura bbażata fuq is-satelliti, inkluż permezz tal-użu ta’ kriptaġġ kwantistiku, u osservazzjoni tad-dinja bbażata fl-ispazju bħala faċilitaturi kritiċi; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza ta’ IRIS2 għall-implimentazzjoni effettiva tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni tal-UE, peress li tipprovdi appoġġ lil missjonijiet u operazzjonijiet barra mill-pajjiż u sservi bħala għodda ewlenija biex tiġi żgurata s-sigurtà ta’ komunikazzjonijiet diġitali sensittivi;

10.

Jilqa’ l-proposta għat-tnedija ta’ programm tal-UE dwar is-servizzi ta’ osservazzjoni tad-dinja għall-użu governattiv, għal applikazzjonijiet sensittivi fl-oqsma tas-sigurtà u d-difiża; jistieden lill-Kummissjoni tikkummissjona studju biex tanalizza l-fattibbiltà ta’ tali servizz u tiżgura finanzjament suffiċjenti għal dan il-għan;

11.

Jenfasizza l-kontribut sinifikanti ta’ Copernicus għal missjonijiet relatati mal-osservazzjoni tad-dinja, inklużi applikazzjonijiet relatati mas-sigurtà;

12.

Jitlob li l-infrastruttura tal-konnettività sigura u multiorbitali tiġi żviluppata f’servizz ġenwinament globali, li jkopri wkoll oqsma li bħalissa għandhom kopertura batuta, bħall-Artiku; jitlob li jiġi żgurat l-aċċess tal-partijiet ikkonċernati tas-sigurtà pubblika u tad-difiża għal servizzi satellitari komuni f’oqsma strateġikament sinifikanti sabiex jiġi appoġġjat l-operat tal-infrastruttura kritika, il-ġestjoni tal-kriżijiet, u l-għarfien tas-sitwazzjoni;

13.

Huwa tal-fehma li, sabiex tinżamm il-kontinwità tas-servizz jekk iseħħ inċident, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li s-satelliti jibqgħu validi għall-futur u li xenarji probabbli ta’ attakk ikunu antiċipati matul l-istadju tal-iżvilupp; jafferma li jrid ikun hemm sistemi tal-art awtonomi biex jipprevjenu kwalunkwe effett negattiv fit-tul li jista’ jirriżulta minn aċċess imnaqqas għall-ispazju u li l-miżuri protettivi jridu jissaħħu billi r-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà jiġu integrati b’mod sistematiku skont id-disinn permezz ta’ kooperazzjoni kostanti mas-settur privat u matul il-ħajja kollha tal-komponenti eżistenti;

14.

Jinnota li l-kapaċitajiet spazjali tal-Unjoni jippermettulha tipproteġi l-infrastruttura spazjali, iżżid ir-reżiljenza tagħha u ttejjeb il-kontribuzzjonijiet magħmula mill-assi spazjali Ewropej għall-kapaċitajiet operazzjonali tad-difiża u s-sigurtà u tiżgura li l-iskoraġġiment u l-isforzi tad-difiża jibqgħu solventi fil-każ li l-attakki jew iċ-ċaħda fl-ispazju jxekklu l-infrastruttura kritika; jinsab imħasseb mir-riskju reali maħluq mill-iżvilupp mhux ikkontrollat ta’ teknoloġiji spazjali ġodda; jitlob, għal dan il-għan, li ssir valutazzjoni u monitoraġġ aktar strett tar-riskji tal-militarizzazzjoni fil-livell Ewropew, inkluż fi kwistjonijiet partikolarment sensittivi bħall-aċċess għall-ispazju jew għall-operazzjonijiet fl-orbita;

15.

Jisħaq li l-kapaċità ta’ aċċess awtonomu għall-ispazju tirrappreżenta element essenzjali tal-politika spazjali Ewropea; jinnota b’dispjaċir in-nuqqas attwali tal-UE ta’ aċċess awtonomu għall-ispazju, li jipperikola missjonijiet relatati mas-sigurtà u d-difiża; huwa tal-fehma, għaldaqstant, li jrid isir sforz partikolari bbażat fuq is-sinerġiji biex tkompli tiġi promossa l-produzzjoni fit-tul ta’ lanċjaturi Ewropej; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex japplikaw il-prinċipju ta’ preferenza Ewropea meta jagħżlu lanċjaturi, sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà ekonomika tas-settur Ewropew tal-illanċjar u titnaqqas id-dipendenza minn lanċjaturi magħmula barra mill-UE, kif ukoll fl-għażla tad-data u s-servizzi spazjali mill-awtoritajiet pubbliċi; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija komprensiva għal politika tal-Unjoni dwar il-lanċjaturi li tagħti prijorità lill-aċċess awtonomu għall-ispazju, għar-ridondanza, għall-użu mill-ġdid u għall-iskalabbiltà, li tkopri t-tipi kollha ta’ missjonijiet, orbiti u tipi ta’ tagħbija utli, u li tibbaża fuq l-għarfien espert tekniku tal-Aġenzija Spazjali Ewropea;

16.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi appoġġjat l-istabbiliment ta’ portijiet spazjali diversifikati mill-aspett ġeografiku u ta’ kumplessi tal-illanċjar fit-territorju tal-UE, biex b’hekk tissaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-UE fid-dominju tal-ispazju; jinnota li l-assi spazjali tal-gvernijiet tal-UE jridu jiġu llanċjati biss mit-territorju ta’ pajjiż terz jew b’servizzi tal-illanċjar mhux tal-UE f’każijiet eċċezzjonali u ġustifikati; jappella għat-trasformazzjoni tal-portijiet spazjali eżistenti u futuri fl-UE f’portijiet spazjali Ewropej ġenwini, b’finanzjament iddedikat tal-UE għall-operazzjonijiet u s-sigurtà tagħhom li għandu jiġi allokat fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss; jappella għall-istabbiliment ta’ pjattaforma komuni ta’ akkwist għas-servizzi tal-illanċjar biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet kemm tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri tagħha;

17.

Jenfasizza l-ħtieġa li jitrawwem l-iżvilupp ta’ sistemi spazjali risponsivi li jistgħu jqiegħdu satelliti żgħar f’diversi tipi ta’ orbita fi żmien qasir sabiex jiġu indirizzati ħtiġijiet operazzjonali speċifiċi u lakuni fil-kapaċità relatati man-nuqqas ta’ assi spazjali eżistenti jew mad-danni lilhom;

18.

Jirrikonoxxi li xi orbiti diġà għandhom konġestjoni b’satelliti u b’residwi li jagħmlu l-iżvilupp futur tal-attivitajiet spazjali aktar riskjuż u aktar kumpless, jisħaq f’dan ir-rigward fuq il-ħtieġa li jiġu mmonitorjati u ġestiti r-residwi spazjali eżistenti u li jinstabu modi kif jitnaqqas l-ammont ta’ skart iġġenerat minn attivitajiet spazjali futuri;

19.

Jilqa’ l-inawgurazzjoni reċenti tal-port spazjali ta’ Esrange fl-Iżvezja, li se jagħmel lill-UE aktar reżiljenti billi joffri t-tieni sit tal-illanċjar fl-Unjoni flimkien mal-port spazjali ta’ Guiana fi Franza; jilqa’ l-investiment reċenti fis-sit tal-illanċjar ta’ Diamant fil-port spazjali ta’ Guiana, li huwa mfassal biex jippermetti li l-illanċjar ta’ lanċjaturi żgħar u ta’ daqs medju, li jiddiversifika l-kapaċitajiet ta’ llanċjar fl-UE;

Risposti għall-attivitajiet malizzjużi jew ostili fl-ispazju

20.

Jinnota li l-intensifikazzjoni tat-theddid fis-settur spazjali tobbliga lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsaħħu l-kapaċitajiet u l-governanza tagħhom biex ikunu jistgħu jidentifikaw, jiddefinixxu, jattribwixxu u jindirizzaw it-theddid malajr kemm jista’ jkun; jilqa’ l-konklużjoni stabbilita fl-istrateġija spazjali li huma meħtieġa kapaċitajiet u servizzi governattivi ġodda għall-osservazzjoni tad-dinja;

21.

Jisħaq li r-rivelazzjonijiet pubbliċi mhux frekwenti dwar l-attivitajiet ostili tal-potenzi spazjali li għandhom l-għan li jimmiraw l-infrastruttura spazjali kritika jikkonfermaw kemm ir-realtà tat-theddida ta’ attivitajiet malizzjużi possibbli kif ukoll id-diffikultajiet relatati mad-determinazzjoni tal-oriġini eżatta ta’ dan it-theddid; ifakkar, f’dan ir-rigward, li fil-15 ta’ Novembru 2021, ir-Russja użat missili antisatellitari diretti biex teqred waħda mis-satelliti antiki u elettroniċi tagħha li jisimgħu, u b’hekk ħolqot ammont kbir ta’ residwu spazjali; iżid jgħid li r-Russja eventwalment ikkonfermat li kienet wettqet din l-operazzjoni bħala test, mingħajr ma tat dettalji dwar ir-riżorsi użati; ifakkar li r-realtà ta’ dan it-theddid hija appoġġjata biżżejjed ukoll biex tifforma l-bażi tal-ħidma mwettqa flimkien mal-Konferenza dwar id-Diżarm f’Ġinevra, wara r-Riżoluzzjoni 76/231 dwar it-tnaqqis tat-theddid spazjali bis-saħħa ta’ normi, regoli u prinċipji ta’ mġiba responsabbli; jappella għall-iżvilupp ta’ salvagwardji biex jiddefendu kontra r-riskju dejjem akbar tal-militarizzazzjoni tal-ispazju;

22.

Jitlob li tintwera viġilanza kbira fir-rigward tal-iżvilupp ta’ teknoloġiji sensittivi minn entitajiet privati żgħar, li huma aktar vulnerabbli għal akkwiżizzjonijiet minn atturi malizzjużi jew ostili u li jistgħu joħolqu riskju ta’ tkabbir mhux ikkontrollat; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, barra minn hekk, jiżguraw li t-tmien kriterji tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK (21) u r-regoli tar-Regolament dwar l-Użu Doppju (22) qed jiġu rispettati b’mod sħiħ f’dak li jirrigwarda l-esportazzjoni ta’ teknoloġija sensittiva relatata mal-ispazju;

23.

Jisħaq li l-għarfien tad-dominju spazjali (SDA) huwa essenzjali biex jidentifika, jirrintraċċa u jattribwixxi theddida u jippermetti lill-Istati Membri jieħdu deċiżjonijiet xierqa f’każ ta’ attakk spazjali; ifakkar li kwalunkwe rispons għal attakk irid ikun proporzjonat man-natura tiegħu, filwaqt li jitqiesu kemm l-azzjonijiet mhux kinetika kif ukoll dawk kinetika u r-reversibbiltà tagħhom; jisħaq li ftit Stati Membri bħalissa għandhom il-kapaċitajiet meħtieġa għal SDA preċiż u għalhekk jinkoraġġixxi bil-qawwa lill-Istati Membri jfornu l-informazzjoni neċessarja għall-attribuzzjoni ta’ mġiba ostili, u dan jirrikjedi l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ta’ komunikazzjoni u ta’ skambju siguri, sodi u affidabbli fil-livell Ewropew; jenfasizza li l-iskambju ta’ informazzjoni għandu jinkludi wkoll skambji frekwenti tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri, bil-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE;

24.

Jilqa’ l-proposta stabbilita fl-istrateġija biex tiġi emendata d-Deċiżjoni (PESK) 2021/698 bil-ħsieb li jiġi attribwit u indirizzat it-theddid għas-servizzi tal-programm spazjali; jitlob aktar risposti konkreti dwar il-mekkaniżmi ta’ solidarjetà li jiġu implimentati fil-livell Ewropew; jitlob li jsir aktar xogħol biex il-klawżola dwar l-assistenza reċiproka (l-Artikolu 42(7) tat-TUE) tkun lesta għall-użu b’mod partikolari fid-dominju spazjali, billi jiġu ttestjati u miftiehma l-modalitajiet għall-identifikazzjoni u għall-attribuzzjoni ta’ attakk, kif ukoll billi jitħejjew il-mekkaniżmi ta’ rispons meħtieġa; jilqa’ l-impenn li jiġi żviluppat sett ta’ għodod dedikat, komplementari għad-diplomazija ċibernetika u għas-settijiet ta’ għodod ibridi, li jgħin biex jiġi indirizzat it-theddid differenti fid-dominju spazjali;

25.

Jisħaq li l-eżerċizzji huma essenzjali biex tiġi ttestjata u vvalidata r-risposta tal-UE għat-theddid spazjali, kif ukoll biex jinbena għarfien kondiviż akbar dwar it-theddid spazjali u kultura strateġika komuni fid-dominju spazjali;

26.

Ifakkar ir-rabta mill-qrib bejn id-dominji spazjali u ċibernetiċi; jenfasizza f’dan ir-rigward li r-risposti u l-inizjattivi tal-UE fl-ispazju għandhom ikunu koerenti, filwaqt li jitqiesu l-isfidi inerenti għaż-żewġ dominji;

27.

Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jadottaw politiki dwar l-ittestjar antisatellitari, speċifikament bl-għan li jiġi pprojbit l-ittestjar distruttiv;

Kompetittività u investimenti

28.

Jitlob lill-UE tadotta politika industrijali ġenwina u tkun tista’ tuża industrija kompetittiva, inkluż permezz tal-ħolqien ta’ Proġetti Importanti ta’ Interess Komuni Ewropew meta meħtieġ; huwa tal-fehma li l-appoġġ tal-UE għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-Istati Membri jrid ikun ta’ benefiċċju għall-atturi industrijali Ewropej, kemm gruppi li ilhom stabbiliti kif ukoll SMEs u negozji ġodda innovattivi; jappoġġja, fl-istess ħin, investiment kbir u ta’ teħid ta’ riskji f’teknoloġiji spazjali u ċibernetiċi ewlenin, inkluż f’teknoloġiji spazjali ta’ tfixkil, bl-għan li titnaqqas id-dipendenza strateġika minn pajjiżi terzi, inkluż permezz ta’ akkwist konġunt ta’ komponenti kritiċi u permezz tal-iżgurar tal-ktajjen kritiċi tal-provvista tal-materja prima; jinnota l-potenzjal tal-Osservatorju tal-Kummissjoni tat-Teknoloġiji Kritiċi li jidentifika u jimmonitorja l-ħolqien ta’ dipendenzi minn pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-allinjament bejn l-att dwar il-materja prima kritika u l-ħtiġijiet meħtieġa tad-dominju spazjali fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża;

29.

Jenfasizza s-sottoutilizzazzjoni tad-data pprovduta minn diversi komponenti tal-Programm Spazjali tal-UE; jappella għal titjib fl-użu tad-data u s-servizzi spazjali tal-UE mill-awtoritajiet pubbliċi, b’mod partikolari fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża;

30.

Jisħaq li, jekk għandhom jiġu żviluppati l-kapaċitajiet spazjali, ir-riżorsi allokati għall-ispazju fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss iridu jiżdiedu b’mod sostanzjali, inkluż b’appoġġ għall-aġenziji tal-UE bħall-Aġenzija tal-UE għall-Programm Spazjali (EUSAPA), iċ-Ċentru Satellitari tal-UE (SatCen) u l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża biex jirrispondu għall-ħtiġijiet dejjem akbar tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha fil-kapaċitajiet u r-reżiljenza spazjali, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-ispazju, l-osservazzjoni tad-dinja, l-għarfien tas-sitwazzjoni fl-ispazju, il-konnettività sigura, il-pożizzjonament, in-navigazzjoni u s-sinkronizzazzjoni (PNT) avvanzati, u s-servizzi relatati tagħhom lill-utenti; jisħaq, b’mod partikolari, fuq il-ħtieġa li jiżdiedu l-finanzjamenti għall-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju u għas-sistemi ta’ sorveljanza u traċċar tal-ispazju bil-għan li titħares l-infrastruttura spazjali tal-UE u jiġi indirizzat it-theddid potenzjali; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li tinkiseb koerenza u tiġi pprovduta viżibbiltà għat-tipi differenti kollha ta’ finanzjament allokati permezz ta’ strumenti għall-politika spazjali Ewropea;

31.

Jitlob aktar koerenza bejn l-istrumenti eżistenti bil-għan li tiġi pprevenuta kull duplikazzjoni inutli fl-investimenti; iqis li huwa essenzjali li l-finanzjament jingħadda b’mod xieraq lejn dawk l-istrumenti, filwaqt li jitqiesu l-kapaċitajiet disponibbli kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell kummerċjali; jappoġġja l-koordinazzjoni konġunta bejn il-Fond Ewropew għad-Difiża, il-Programm Spazjali tal-UE, Orizzont Ewropea u l-proġetti PESCO bil-għan li jitħaffef l-iżvilupp tal-kapaċitajiet rilevanti; jisħaq fuq l-importanza tas-sinerġiji bejn il-programmi ċivili, spazjali u tad-difiża tal-UE u nazzjonali biex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta’ kapaċità;

32.

Jitlob li l-ħiliet tekniċi meħtieġa fl-amministrazzjoni pubblika u fin-negozji jittejbu permezz ta’ aktar investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż fil-qasam tal-aspetti tas-sigurtà u dawk relatati mad-difiża tad-dominju spazjali; jinnota l-importanza ta’ aktar investiment fl-edukazzjoni relatata mal-ispazju fil-livelli edukattivi kollha b’enfasi qawwija fuq ugwaljanza akbar bejn il-ġeneri fil-qasam tal-ispazju, peress li fuq livell internazzjonali 30 % biss tal-forza tax-xogħol hija magħmula minn nisa;

Governanza

33.

Jisħaq li r-reżiljenza tal-UE u tal-Istati Membri u r-rispons tagħhom għal azzjonijiet ostili potenzjali fl-ispazju, b’mod partikolari atti malizzjużi li jheddu l-assi spazjali tal-UE bħall-ittestjar ta’ armi antisatellitari, iridu jkunu sostnuti minn governanza ċara, flessibbli u reattiva, u b’hekk jiġu indirizzati n-nuqqasijiet li jirriżultaw mill-frammentazzjoni attwali tal-kompetenzi fl-approċċ tal-UE għall-ispazju u d-difiża u jissaħħaħ l-obbligu ta’ rendikont għall-atturi kollha involuti fil-komponenti differenti tal-Programm Spazjali tal-UE;

34.

Jemmen li l-governanza hija speċifika għal kull komponent tal-Programm Spazjali; jisħaq li dawk il-komponenti, li għandhom implikazzjonijiet qawwija għas-sigurtà tal-Istati Membri, jirrikjedu governanza armonizzata li tinvolvi lill-Istati Membri u tippermetti l-protezzjoni tal-informazzjoni;

35.

Jilqa’ l-approċċ ta’ governanza ta’ Galileo u tas-Sistema Ewropea ta’ Navigazzjoni b’Kopertura Ġeostazzjonarja, li huwa kruċjali għall-funzjonament tajjeb tal-arkitettura tal-Programm Spazjali tal-UE u għar-robustezza tas-sistema; ifakkar fl-importanza li din il-linja ta’ kmand speċifika tiġi estiża u li l-ħidma tinqasam b’mod ċar mal-komponenti kollha tal-Programm Spazjali tal-UE;

36.

Jisħaq li l-bidliet fis-servizzi Copernicus li jippermettu li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tad-difiża għandhom ikunu soġġetti għal governanza xierqa li tinvolvi mill-qrib lil SatCen; jirrikonoxxi r-rwol essenzjali ta’ SatCen bħala kapaċità kollettiva unika ta’ intelligence ġeospazjali li tikkontribwixxi għall-kapaċità tal-UE u tal-Istati Membri tagħha li jieħdu deċiżjonijiet u azzjonijiet awtonomi;

37.

Jisħaq fuq l-importanza li tiġi żgurata l-koerenza u li jiġu żviluppati aktar il-proġetti PESCO fil-qasam tal-immaġnijiet mill-gvern, tas-sistemi ta’ twissija bikrija tal-missili fl-ispazju, tal-PNT militari u tad-difiża tal-assi spazjali; huwa attent għat-twettiq f’waqtu tal-proġetti ta’ kapaċità PESCO relatati mal-ispazju;

38.

Jirrimarka li l-governanza ma tridx tidduplika mezzi eżistenti jew tevita lill-Istati Membri f’oqsma bħall-attribuzzjoni ta’ theddida, li jibbażaw fil-biċċa l-kbira fuq il-kapaċitajiet nazzjonali; jisħaq, f’dan ir-rigward, li l-esperjenza u l-kompetenza ta’ SatCen u r-relazzjoni ta’ fiduċja tiegħu mal-Istati Membri u mal-industrija jistgħu jkunu sfruttati b’mod siewi f’dan il-qasam; jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied aktar il-finanzjament ta’ SatCen sabiex ikun jista’ jwettaq l-operazzjonijiet tiegħu b’mod effettiv fid-dawl ta’ domanda akbar għall-prodotti tiegħu f’dawn l-aħħar snin;

Kooperazzjoni u sħubijiet

39.

Jinnota li x-xenarju ġeopolitiku li qed jinbidel irid iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jilħqu pożizzjonijiet komuni u kkoordinati sabiex ikunu jistgħu jistabbilixxu standards internazzjonali; jistieden lill-UE tassumi rwol aktar attiv bħala faċilitatur fil-bini internazzjonali tan-normi fl-ispazju; jappoġġja soluzzjonijiet multilaterali, fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti, għall-governanza tal-ispazju; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jkunu proattivi fit-tiftix ta’ ftehimiet multilaterali, inklużi reviżjonijiet potenzjali tat-trattati internazzjonali, b’mod partikolari relatati mal-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju, u biex tiġi affermata mill-ġdid l-applikabbiltà tad-dritt umanitarju internazzjonali; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żviluppat, fil-livell tan-Nazzjonijiet Uniti, qafas effettiv għall-koordinazzjoni tal-għarfien tas-sitwazzjoni fl-ispazju u li jiġu żviluppati normi u prinċipji għat-tneħħija tar-residwi spazjali; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaffermaw mill-ġdid l-impenji għal miżuri ta’ trasparenza u ta’ tisħiħ tal-fiduċja biex javvanzaw miżuri ġodda għas-sigurtà spazjali fid-dawl tat-theddid attwali; jinnota l-ħtieġa ta’ qafas legali internazzjonali li jirregola l-attivitajiet ta’ kumpaniji spazjali ġodda;

40.

Jisħaq fuq l-importanza li tiġi żviluppata l-kooperazzjoni mas-sħab strateġiċi, filwaqt li jiġu żgurati l-awtonomija strateġika tal-UE u l-kapaċità li jiġi indirizzat b’mod awtonomu kwalunkwe theddid għall-assi u l-interessi spazjali tagħha fl-ispazju; jappoġġja t-tkomplija ta’ djalogu msaħħaħ mal-Istati Uniti, filwaqt li jibqa’ viġilanti f’każ ta’ xi riskju ta’ viżjonijiet orjentati jew imposti, standards u regoli li l-Istati Membri ma kinux ħadu sehem fid-definizzjoni tagħhom; jitlob li tiġi stabbilita kooperazzjoni aktar profonda u li jiġu stabbiliti alleanzi ma’ sett usa’ ta’ sħab strateġiċi tal-UE;

41.

Jinnota li n-NATO qed twettaq riflessjonijiet strateġiċi dwar ir-rwol tagħha fid-dominju spazjali; jinnota, madankollu, li l-UE, hija stess u permezz tal-Istati Membri tagħha, diġà għandha programmi, kapaċitajiet u istituzzjonijiet aktar żviluppati li ma jikkompetux man-NATO f’dan id-dominju; jitlob li tiġi mfittxija kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-UE u n-NATO, ibbażata fuq analiżi kondiviża tat-theddid, f’oqsma ta’ interess kondiviż, pereżempju permezz ta’ taħriġ u eżerċizzji konġunti, skambji tal-aħjar prattika u laqgħat bejn il-persunal, filwaqt li jiġi żgurat li r-rwoli, il-kompetenzi u l-awtonomija taż-żewġ organizzazzjonijiet jinżammu u jiġu aġġornati b’mod skrupluż permezz ta’ djalogu u riflessjoni kontinwi; ifakkar li l-UE u n-NATO diġà jiddiskutu kwistjonijiet spazjali bħala parti mid-djalogu strutturat tagħhom dwar ir-reżiljenza;

42.

Jenfasizza r-rwol tal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) bħala aġenzija teknika, li tikkontribwixxi, fost affarijiet oħra, għall-implimentazzjoni tal-politika spazjali tal-UE; ifakkar li l-kooperazzjoni mal-ESA trid titwettaq f’qafas li jissalvagwardja l-interessi essenzjali tal-Unjoni;

43.

Jirrimarka li l-EUSPA, inkarigata mill-forniment ta’ servizzi kummerċjali u governattivi u mill-iżgurar tas-sigurtà operazzjonali tas-sistemi tas-satelliti, għandha tkompli ssaħħaħ ir-rwol tagħha fl-għoti tas-sigurtà tas-sistemi spazjali operattivi, u b’hekk tikkontribwixxi għall-awtonomija strateġika tal-UE;

°

° °

44.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.

(1)   ĠU L 79, 17.3.2023, p. 1.

(2)   ĠU L 333, 27.12.2022, p. 164.

(3)   ĠU L 333, 27.12.2022, p. 80.

(4)   ĠU C 433, 15.11.2022, p. 6.

(5)   ĠU L 170, 12.5.2021, p. 149.

(6)   ĠU L 170, 12.5.2021, p. 178.

(7)   ĠU L 170, 12.5.2021, p. 69.

(8)   ĠU L 129 I, 17.5.2019, p. 13.

(9)   ĠU L 151, 7.6.2019, p. 15.

(10)   ĠU L 79 I, 21.3.2019, p. 1.

(11)   ĠU L 331, 14.12.2017, p. 57.

(12)   ĠU L 188, 27.6.2014, p. 73.

(13)  Testi adottati, P9_TA(2023)0131.

(14)   ĠU C 214, 16.6.2023, p. 26.

(15)   ĠU C 494, 8.12.2021, p. 54.

(16)   ĠU C 132, 24.3.2022, p. 102.

(17)   ĠU C 433, 23.12.2019, p. 86.

(18)   ĠU C 28, 27.1.2020, p. 57.

(19)   ĠU C 86, 6.3.2018, p. 84.

(20)   ĠU C 408, 30.11.2017, p. 21.

(21)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).

(22)  Ir-Regolament (UE) 2021/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, is-senserija, l-assistenza teknika, it-tranżitu u t-trasferiment ta’ oġġetti b’użu doppju (ĠU L 206, 11.6.2021, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4221/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)


Top