Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023IE1665

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-aċċess għall-ilma: nindirizzaw il-faqar tal-ilma u l-implikazzjonijiet tiegħu għall-politika soċjali” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    EESC 2023/01665

    ĠU C 349, 29.9.2023, p. 60–68 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.9.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 349/60


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-aċċess għall-ilma: nindirizzaw il-faqar tal-ilma u l-implikazzjonijiet tiegħu għall-politika soċjali”

    (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (2023/C 349/10)

    Relaturi:

    Kinga JOÓ u Carlos Manuel TRINDADE

    Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

    25.1.2023

    Bażi legali

    Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

     

    Opinjoni fuq inizjattiva proprja

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

    Adozzjoni fis-sezzjoni

    21.6.2023

    Adozzjoni fil-plenarja

    13.7.2023

    Sessjoni plenarja Nru

    580

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    171/19/22

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE japprova bis-sħiħ ir-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti li jaffermaw li l-ilma huwa dritt tal-bniedem (1) u li huwa fundamentali għat-tgawdija sħiħa tal-ħajja u għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem (2). L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU, fl-Għan 6, u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali tal-Unjoni Ewropea, fil-Prinċipju 20, jistabbilixxu l-prinċipji ġenerali tad-dritt għall-aċċess għall-ilma. F’xenarju ta’ tibdil fil-klima, il-faqar tal-ilma jieħu importanza akbar u jeħtieġ politiki pubbliċi biex jindirizzawh. F’sitwazzjoni ta’ skarsezza tal-ilma, hija l-popolazzjoni vulnerabbli li tiġi affettwata aktar.

    1.2.

    Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri japplikaw approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem għall-politiki kollha dwar l-ilma u jindirizzaw in-nuqqas tal-ilma, u b’hekk jallinjaw ruħhom ukoll mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Is-servizzi tal-provvista tal-ilma u tas-sanità għandhom ikunu sostenibbli, ekwi, effettivi, ta’ kwalità għolja u affordabbli għal kulħadd, u għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lill-gruppi soċjali vulnerabbli.

    1.3.

    Il-KESE jemmen li l-aċċess universali għall-ilma tax-xorb u għas-sanità ta’ kwalità għolja bi prezzijiet ġusti għall-popolazzjoni għandu jiġu ttrattat bħala ben pubbliku u mhux biss bħala komodità, u għalhekk ma għandux jiġi mmaniġġjat skont ir-regoli tas-suq uniku.

    1.4.

    Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tippromovi approċċ komuni għall-fehim tal-faqar tal-ilma fil-livell tal-UE u tiżviluppa definizzjoni komprensiva tal-faqar tal-ilma li tippermetti fehim tanġibbli u kondiviż tal-faqar tal-ilma (3), u li abbażi tagħha kull Stat Membru jista’ jiżviluppa d-definizzjoni tiegħu li tiddependi mill-kuntest, f’konformità ma’ dik Ewropea.

    1.5.

    Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida komuni biex timmonitorja l-aċċess għal servizzi tal-provvista tal-ilma u tas-sanità ta’ kwalità tajba u affordabbli (4), u d-disparitajiet spazjali, soċjali u bejn il-ġeneri tagħhom fil-livell tal-Istati Membri u tal-UE, u timmappja s-sitwazzjoni attwali u timmonitorja regolarment l-iżviluppi. Id-data għandha tkun affidabbli, valida u disponibbli għall-pubbliku. Dan huwa meħtieġ ukoll għall-konformità mal-Artikolu 16(a) tad-Direttiva (UE) 2020/2184 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (5) (minn hawn ’il quddiem id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb), u l-KESE jistenna li tiġi adottata l-Proposta tal-Kummissjoni Ewropea għar-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi (6), li tintroduċi l-Artikolu 19 dwar l-aċċess għas-sanità.

    1.6.

    Il-KESE jipproponi lill-Kummissjoni li r-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb għandha tinkludi l-garanzija ta’ aċċess universali għas-servizzi tal-provvista tal-ilma u tas-sanità, kif stabbilit fl-SDG 6 tan-NU. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tadotta linji gwida komuni għall-ipprezzar tas-servizzi tal-provvista tal-ilma u tas-sanità, li permezz tagħhom l-Istati Membri jistgħu jiżviluppaw l-oqfsa regolatorji tagħhom skont il-kuntest. Il-linji gwida għandhom jirrispettaw id-dritt tal-bniedem għall-ilma u l-prinċipju tan-nuqqas ta’ degradazzjoni simili għal dak rakkomandat min-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-aċċess għall-ilma tax-xorb u s-sanità.

    1.7.

    Il-KESE jenfasizza li l-ħlas għas-servizzi tal-provvista tal-ilma u tas-sanità ma għandux jikkomprometti l-issodisfar ta’ ħtiġijiet soċjali oħra. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-miżuri applikati fl-Istati Membri kollha fir-rigward tal-affordabbiltà u b’mod speċifiku dwar il-konsumaturi vulnerabbli. Abbażi ta’ din il-ħarsa ġenerali, nistiednu lill-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida komuni għall-Istati Membri biex jidentifikaw unitajiet domestiċi bi problemi ta’ affordabbiltà, u b’mod aktar speċifiku konsumaturi vulnerabbli, kif ukoll miżuri biex jindirizzawhom. Il-linji gwida għandhom jiżguraw li l-ebda utent f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà ma jkollu l-provvista tal-ilma tiegħu maqtugħa (7). Il-miżuri għandhom ikunu bbażati fuq perspettiva olistika tas-sitwazzjonijiet tal-unitajiet domestiċi affettwati u għandhom japplikaw strumenti ta’ politika soċjali, miżuri ta’ politika tal-akkomodazzjoni, u miżuri speċifiċi li jikkonċernaw is-servizzi tal-provvista tal-ilma u tas-sanità b’mod speċifiku għall-kuntest. Il-prinċipju tas-solidarjetà għandu jitqies fil-finanzjament ta’ tali miżuri; flimkien mal-finanzjament pubbliku, għandhom jiġu esplorati forom innovattivi ta’ finanzjament, eż. l-istabbiliment ta’ fondi ddedikati inkorporati fil-kontijiet tal-ilma.

    1.8.

    Il-KESE jirrakkomanda li l-UE tadotta u ssaħħaħ l-oqfsa regolatorji dwar il-ftehimiet ta’ konċessjoni tal-ilma sabiex l-ilma jiġi mmaniġġjat bħala ben pubbliku, aktar milli bħala komodità li tista’ tiġi kummerċjalizzata. Oqfsa regolatorji bħal dawn għandhom:

    (a)

    ikunu allinjati mad-drittijiet tal-bniedem;

    (b)

    jippromovu s-sostenibbiltà tal-ekosistemi akkwatiċi;

    (c)

    jiġu stabbiliti u implimentati b’mod trasparenti bil-parteċipazzjoni tal-pubbliku;

    (d)

    jikkomplementaw il-qafas tad-drittijiet ta’ konċessjoni ma’ istituzzjonijiet pubbliċi biex jirkupraw id-drittijiet tal-użu tal-ilma bi skambju għal kumpens ġust u tallokahom mill-ġdid matul kriżijiet ta’ nixfa lill-utenti f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

    1.9.

    Il-KESE jinnota li hemm differenza fundamentali bejn il-ġestjoni pubblika u privata tal-ilma u eżempji tajbin u ħżiena jistgħu jinstabu fiż-żewġ tipi ta’ ġestjoni. Madankollu, il-ġestjoni privata, minħabba l-enfasi tagħha fuq il-profitt, jista’ jkollha diffikultà biex tissodisfa r-rekwiżit fundamentali tal-universalità tas-servizz, jiġifieri li taqdi 100 % tal-popolazzjoni. Il-KESE jemmen li l-ġestjoni pubblika tal-ilma tinsab f’pożizzjoni aħjar biex tiggarantixxi aċċess universali għas-sistemi tal-ilma u tad-drenaġġ bi prezz ġust u bi standards ta’ kwalità adegwati u r-restawr u l-protezzjoni tal-ekosistemi.

    1.10.

    Il-KESE jemmen li l-UE u l-Istati Membri kollha għandhom jadottaw viżjoni ambjentali u jiżviluppaw programmi li jiffinanzjaw lid-distributuri tal-ilma biex jiksbu tnaqqis fit-tnixxijiet u t-telf, wieħed mill-akbar flaġelli tal-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw u jappoġġjaw soluzzjonijiet tekniċi ġodda u innovattivi biex jindirizzaw l-iskarsezza tal-ilma, bħal żieda fl-użu tal-ilma griż u tal-ilma mormi trattat, u faċilitajiet deċentralizzati għat-trattament tal-ilma mormi fuq skala żgħira.

    1.11.

    Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu finanzjament pubbliku għall-iżvilupp tal-infrastruttura, b’attenzjoni speċifika għas-sidien ta’ proprjetà b’nuqqas ta’ riżorsi u l-viċinati urbani u rurali soċjalment żvantaġġati bi ħtiġijiet estiżi ta’ rinnovazzjoni tal-infrastruttura. Għandu jiġi kkunsidrat l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-ilma u tas-sanità relatata mal-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni. Barra minn hekk, fil-ġestjoni tat-territorju, għandu jiġi kkunsidrat il-forniment sostenibbli mil-lat ambjentali, ekonomiku u soċjali tas-servizzi tal-provvista tal-ilma u s-sanità.

    1.12.

    Fid-dawl tal-fatt li fl-Ewropa hemm bosta baċiri idrografiċi li jinvolvu diversi Stati Membri, il-KESE jirrakkomanda l-adozzjoni ta’ qafas ta’ governanza politika u teknika u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili għal kull wieħed mill-baċiri eżistenti fl-UE (ara l-punti 6.4 u 6.5). Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tivvaluta l-prestazzjoni tal-ġestjoni tal-baċiri idrografiċi u tintroduċi mekkaniżmi politiċi, tekniċi u parteċipattivi li jtejbuha. Il-Kummissjoni għandha tintroduċi Kunsill tal-Baċiri Idrografiċi li jirrappreżenta lill-partijiet interessati kollha bħala korp biex jassisti lill-Awtorità tal-Baċiri Idrografiċi u jkollu rwol ta’ medjatur f’kunflitti transkonfinali.

    1.13.

    Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni għandha:

    tirregola proġetti agrikoli u industrijali b’intensità għolja ta’ ilma fir-rigward tal-problemi ambjentali u soċjali downstream u, f’xi każijiet, tiżviluppa stadju ta’ eliminazzjoni gradwali għal dawn il-proġetti, u ssib soluzzjonijiet għan-negozji, il-ħaddiema u t-territorji involuti u talloka l-fondi meħtieġa biex jinkiseb bilanċ armonjuż fis-soluzzjoni li tinstab;

    tiżviluppa wkoll leġiżlazzjoni biex tiżgura fluss minimu li jasal sal-baħar;

    tiżgura li l-UE tadotta pjani ta’ emerġenza li jipprijoritizzaw l-aċċess għall-ilma għall-konsum mill-bniedem fi kriżi ta’ skarsezza.

    1.14.

    Il-KESE jissuġġerixxi li l-UE tfassal politiki biex tipproteġi lill-konsumaturi, u tiżgura li kulħadd ikollu aċċess għal ilma tajjeb għax-xorb bi prezz ġust u għal sistemi adegwati tad-drenaġġ. Dawn il-politiki għandhom jinkludu l-parteċipazzjoni tad-diversi partijiet interessati kkonċernati (konsumaturi, ħaddiema, negozji) fil-korpi ta’ konsultazzjoni.

    1.15.

    Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex itejbu l-għarfien tar-residenti tal-UE dwar il-valur tal-ilma, l-importanza tal-aċċess għall-ilma u s-sanità għal kulħadd. Il-potenzjal tal-komunikazzjoni u l-edukazzjoni biex jiżdied l-għarfien għandu jintuża għall-promozzjoni ta’ użu aktar sostenibbli tas-servizzi tal-provvista tal-ilma u tas-sanità (8). It-tfal u ż-żgħażagħ għandhom jitqiesu atturi ewlenin fl-użu sostenibbli tas-servizzi ta’ provvista tal-ilma u tas-sanità fil-futur, madankollu, iż-żieda tal-għarfien għandha tinkludi l-gruppi ta’ età kollha. Fil-każ ta’ unitajiet domestiċi fil-faqar tal-ilma, iż-żieda fl-għarfien għandha tiġi integrata ma’ miżuri oħra biex jittejjeb l-aċċess tal-unitajiet domestiċi għal provvista tal-ilma u sanità ta’ kwalità tajba u affordabbli.

    1.16.

    Il-KESE jenfasizza li l-politiki tal-UE u tal-Istati Membri dwar l-ilma għandhom jiġu akkumpanjati minn stħarriġ sistematiku tar-rekwiżiti tal-persunal fis-settur tal-ilma inklużi l-kwalifiki meħtieġa, l-iżvilupp tal-forza tax-xogħol u l-ġestjoni tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali. Dawn għandhom jitwettqu flimkien mal-imsieħba soċjali fis-settur.

    2.   Introduzzjoni u kamp ta’ applikazzjoni tal-Opinjoni

    2.1.

    L-ilma huwa fundamentali għall-aspetti kollha tal-ħajja. Huwa wkoll parti ewlenija tal-iżvilupp sostenibbli u huwa essenzjali għall-paċi taċ-ċivilizzazzjoni tagħna. It-tibdil fil-klima diġà aggrava l-problemi relatati mal-ilma, u se jkompli jagħmel dan fuq skala saħansitra akbar fil-futur. Il-provvisti inadegwati tal-ilma ħelu qed ipoġġu pressjoni dejjem akbar fuq il-komunitajiet tal-bniedem, speċjalment il-gruppi vulnerabbli.

    2.2.

    Fl-2010 (9), l-Assemblea Ġenerali tan-NU rrikonoxxiet b’mod espliċitu d-dritt tal-bniedem għall-ilma u s-sanità, imsaħħaħ mill-Konferenza tan-NU dwar l-Ilma 2023 (10). In-NU tirrikonoxxi wkoll li l-ilma tax-xorb nadif u s-sanità huma essenzjali għat-twettiq tad-drittijiet tal-bniedem kollha. Is-17-il SDG tan-NU maqbula internazzjonalment jinkludu l-Għan 6 — L-iżgurar tad-disponibbiltà u l-ġestjoni sostenibbli tal-ilma u s-sanità għal kulħadd. Flimkien ma’ dawn l-impenji globali, il-Prinċipju 20 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jgħid li “kulħadd għandu d-dritt li jkollu aċċess għal servizzi essenzjali ta’ kwalità tajba, inklużi l-ilma u l-faċilitaijet sanitarji”.

    2.3.

    L-UE stabbiliet qafas legali u ta’ governanza komprensiv biex tiżgura l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma tagħha, u għamlet progress fl-implimentazzjoni tiegħu (11)(12). Opinjonijiet preċedenti tal-KESE jippromovu r-rabta tal-isfidi assoċjati mal-ilma ma’ miżuri biex jiġi indirizzat il-faqar u l-għan li dan jinqered (13), il-promozzjoni tal-provvista tal-ilma u s-sanità bħala servizzi pubbliċi vitali għal kulħadd (14), u l-iffaċilitar tal-aċċess għall-ilma tax-xorb għal gruppi vulnerabbli u persuni li jgħixu f’postijiet iżolati u f’żoni rurali żvantaġġati jew periferiċi (15).

    2.4.

    Din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tiġbed l-attenzjoni għall-isfidi attwali li jikkonċernaw l-aċċess għall-ilma nadif u għas-sanità. Din tesplora wkoll miżuri li għandhom jittieħdu fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali u r-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata fil-ġlieda kontra l-faqar tal-ilma u l-effetti tiegħu, b’mod partikolari fuq dawk l-aktar vulnerabbli. Fl-aħħar nett, din teżamina modi kif jittaffew l-effetti soċjali, politiċi u ekonomiċi tal-faqar tal-ilma u l-impatt tiegħu fuq is-saħħa tal-bniedem.

    2.5.

    Il-faqar tal-ilma huwa preżenti fl-UE, minkejja l-pożizzjoni relattivament favorevoli tal-UE f’termini globali. In-nuqqas ta’ aċċess għall-ilma u s-sanità ta’ kwalità tajba u affordabbli, sitwazzjoni li tista’ tiġi deskritta bħala faqar tal-ilma, hija esperjenza ta’ kuljum għal miljuni ta’ ċittadini tal-UE. Fi kliem ieħor, miljuni ta’ Ewropej huma mċaħħda mid-dritt li jaċċessaw ilma u sanità affordabbli u ta’ kwalità tajba.

    2.6.

    Madankollu, il-faqar tal-ilma għandu konsegwenzi soċjali, ekonomiċi u ambjentali estensivi, inklużi riskji għas-saħħa fil-livell individwali u komunitarju, nuqqas fil-livell tal-impjegabbiltà, u d-deterjorament tal-ekonomija lokali, l-esklużjoni soċjali, it-tniġġis ambjentali, il-movimenti/migrazzjoni tal-popolazzjoni, u l-instabbiltà politika. Konsegwenzi bħal dawn huma ferm sproporzjonati għas-sehem tal-unitajiet domestiċi fl-użu tal-ilma u l-produzzjoni tal-ilma mormi meta mqabbla mal-industrija u l-agrikoltura. Dan huwa rifless fil-fatt li l-ewwel Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej ta’ suċċess tikkonċerna l-aċċess għall-ilma u għas-sanità, li titlob servizzi tal-provvista tal-ilma u tas-sanità garantiti għal kulħadd fl-UE, li d-drittijiet tal-bniedem jingħataw aktar importanza mill-interessi tas-suq fil-provvista tal-ilma, u li jiżdiedu l-isforzi tal-UE biex jiġi żgurat aċċess universali għall-ilma u għas-sanità (16). L-indirizzar tal-faqar tal-ilma huwa meħtieġ sabiex jinkisbu l-prijoritajiet politiċi tal-KE, speċifikament fir-rigward tal-Patt Ekoloġiku u l-wegħda tiegħu li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura.

    2.7.

    Id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb tistabbilixxi obbligu għall-Istati Membri li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi żgurat l-aċċess għall-ilma tax-xorb għall-gruppi vulnerabbli u emarġinati. Madankollu, tonqos milli tirrikonoxxi d-dritt universali għall-aċċess għall-ilma tax-xorb sikur u s-sanità, kif inkluż fl-SDGs. Il-KESE jistieden lill-KE tinkludi dan ir-rikonoxximent fir-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb.

    2.8.

    Il-KESE jinnota b’dispjaċir li d-data disponibbli hija limitata u frammentata, u dan jagħmilha diffiċli li tinkiseb ħarsa ġenerali komprensiva tal-iskala u l-karatteristiċi tal-fenomenu.

    3.   Aċċess għal ilma u sanità ta’ kwalità tajba

    3.1.

    2,2 % tal-popolazzjoni tal-UE, madwar 9,8 miljun persuna, ma jużawx ilma tax-xorb immaniġġjat b’mod sikur minn sors imtejjeb, aċċessibbli fil-bini tagħhom (17). 2 % oħra, madwar 9,4 miljun persuna, jistgħu jaċċessaw biss servizzi bażiċi tal-ilma tax-xorb barra mill-bini tagħhom (18). Madwar 450 000 persuna residenti fl-UE (19) ma għandhomx aċċess għal servizzi bażiċi tal-ilma tax-xorb. 6,7 miljun persuna fl-UE, 1,5 % tal-popolazzjoni, jgħixu mingħajr faċilitajiet sanitarji, jiġifieri mingħajr banju, doċċa jew tojlit li jifflaxxja fl-unità domestika, u 84,5 miljun persuna, 19 % tal-popolazzjoni, jgħixu mingħajr aċċess għal mill-inqas trattament sekondarju tal-ilma mormi (20).

    3.2.

    Il-faqar tal-ilma jaffettwa b’mod partikolari lill-individwi u lill-unitajiet domestiċi vulnerabbli.

    L-unitajiet domestiċi fil-faqar huma aktar minn tliet darbiet probabbli li jgħixu mingħajr faċilitajiet sanitarji (21).

    In-nuqqas ta’ aċċess għall-ilma, is-sanità u l-iġjene (WASH) għandu impatt sproporzjonat fuq in-nisa b’diversi modi, pereżempju minħabba r-rwol sproporzjonat tagħhom fit-twettiq tax-xogħol tad-dar, u minħabba kwistjonijiet assoċjati mal-ġestjoni tal-iġjene mestrwali.

    It-tfal huma affettwati b’mod sproporzjonat, peress li huma aktar suxxettibbli għall-konsegwenzi ta’ iġjene ħażina.

    Il-persuni li jgħixu b’diżabilità jew bi bżonnijiet speċifiċi jesperjenzaw ukoll żieda fl-esponiment għall-konsegwenzi tal-faqar tal-ilma.

    Il-persuni mingħajr dar, speċjalment dawk li jorqdu barra, jintlaqtu ħażin ħafna min-nuqqas ta’ WASH, minħabba l-faqar estrem tagħhom fl-akkomodazzjoni.

    L-akbar minoranza etnika tal-Ewropa, il-persuni Rom, huma affettwati ħafna minn nuqqas ta’ aċċess għal ilma tax-xorb u sanità sikuri u affordabbli. Persuna Rom minn kull tlieta tgħix f’akkomodazzjoni mingħajr ilma tal-vit (22), u ftit aktar minn nofs għandhom tojlit li jifflaxxja jew doċċa fl-akkomodazzjoni fejn jgħixu (23). Hemm eżempji ta’ komunitajiet emarġinati, li fosthom ir-Rom huma maġġoranza sproporzjonata, li qed jiġu mċaħħda anke minn servizzi bażiċi tax-xorb, minħabba li jingħalqu l-viti pubbliċi (24), u jgħixu f’żoni milquta mill-kontaminazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art minħabba attivitajiet ekonomiċi (25).

    Il-migranti, speċjalment migranti mingħajr dokumenti f’akkomodazzjoni ta’ emerġenza u akkomodazzjoni informali jistgħu jkunu esposti b’mod speċjali għal aċċess fqir għall-provvista tal-ilma u sanità.

    In-nuqqas ta’ aċċess għal ilma u sanità affordabbli jista’ jkollu impatt fuq in-negozji tal-familja tal-unitajiet domestiċi vulnerabbli, u joħloq problemi soċjali u ekonomiċi.

    3.3.

    Id-disparitajiet spazjali fl-infrastruttura tal-ilma u s-sanità huma fattur importanti — għalkemm mhux l-uniku wieħed — fl-aċċess soċjalment inugwali. F’ħafna oqsma, hemm intersezzjoni ta’ problemi infrastrutturali u problemi soċjali. Il-komunitajiet rurali emarġinati jistgħu jkunu f’sitwazzjoni partikolarment żvantaġġata. Barra minn hekk, f’viċinati foqra fir-riżorsi bi ħtiġijiet ta’ rinnovazzjoni fit-tul, infrastruttura ta’ kwalità baxxa tikkontribwixxi għall-faqar tal-ilma u l-problemi ambjentali.

    3.4.

    Sadanittant, il-bidliet demografiċi jaffettwaw id-distribuzzjoni spazjali tad-domanda għas-servizzi tal-provvista tal-ilma u tas-sanità. L-urbanizzazzjoni żżid il-pressjoni fuq is-servizzi tal-provvista tal-ilma u tas-sanità f’ħafna żoni urbani b’densità għolja ta’ popolazzjoni. F’partijiet oħra tal-UE, speċjalment — iżda mhux esklużivament — iż-żoni rurali, it-tnaqqis fil-popolazzjoni joħloq sfidi għat-tħaddim tan-networks.

    3.5.

    Filwaqt li l-problemi msemmija hawn fuq dwar in-nuqqas ta’ aċċess għas-servizzi tal-provvista tal-ilma u tas-sanità jaffettwaw primarjament lill-gruppi soċjali, proporzjon ferm ogħla tal-popolazzjoni tal-UE — medja ta’ 30 % — huwa affettwat minn xi forma ta’ stress idriku, jiġifieri diskrepanza bejn id-domanda u l-provvista tal-ilma (26). In-nies fin-Nofsinhar tal-Ewropa jħabbtu wiċċhom ma’ problemi serji ta’ stress idriku matul is-sena. F’partijiet oħra tal-Ewropa, l-iskarsezzi tal-ilma jseħħu okkażjonalment u f’hotspots speċifiċi. B’kollox, 8 miljun persuna fl-Ewropa jgħixu f’żoni ta’ frekwenza għolja ta’ nixfa jew ta’ stress idriku (27). It-tibdil fil-klima huwa mistenni li jikkawża tnaqqis staġjonali ulterjuri fid-disponibbiltà tal-ilma fil-biċċa l-kbira tal-Ewropa.

    3.6.

    Barra minn hekk, billi jbiddel iċ-ċikli idroloġiċi, ibiddel ix-xejriet tax-xita, u jżid it-temperaturi, it-tibdil fil-klima huwa fattur ewlieni li jaffettwa l-istress idriku, u għandu impatt dirett fuq il-WASH b’diversi modi. In-nixfiet, iż-żieda fit-temperatura u saħansitra x-xita estrema jnaqqsu d-disponibbiltà u l-kwalità tal-ilma, u jagħmlu ħsara lill-infrastruttura, u dan iwassal għal diffikultajiet fiż-żamma tal-imġiba tal-iġjene u tas-sanità. Iż-żieda fil-livell tal-baħar tista’ tnaqqas id-disponibbiltà tal-ilma tax-xorb minħabba l-għargħar u l-intrużjoni tal-melħ. L-evidenza speċifika għall-Ewropa hija skarsa; madankollu, abbażi tax-xejriet globali, jista’ jiġi preżunt b’mod raġonevoli li t-tibdil fil-klima għandu effetti sproporzjonati fuq individwi, unitajiet domestiċi u komunitajiet vulnerabbli (28).

    3.7.

    L-ammont ta’ ilma użat mill-unitajiet domestiċi jvarja b’mod konsiderevoli minn Stat Membru għal ieħor — bejn 77 litru għal 220 litru kuljum per capita (29). Fl-Istati Membri tal-Lvant, il-konsum għandu tendenza li jkun inqas minn dak fl-Istati Membri tal-Punent, u ċerti Stati Membri tan-Nofsinhar huma l-akbar konsumaturi; madankollu, hemm eċċezzjonijiet (30).

    3.8.

    Għalkemm il-kwalità tal-ilma fl-UE hija ġeneralment tajba, għad hemm problemi ta’ kwalità f’xi oqsma, kif muri mill-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mnedija kontra xi Stati Membri abbażi tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ aċċess għall-ilma tax-xorb immaniġġjat b’mod sikur, speċjalment is-servizzi bażiċi tal-ilma, iġib miegħu riskju għoli ta’ użu mhux sikur tal-ilma tax-xorb.

    3.9.

    Is-sodisfazzjon bil-kwalità tal-ilma tax-xorb huwa ġeneralment għoli, għalkemm mhux universali. Id-data tal-istħarriġ min-nofs is-snin 2010 turi li 82 % tar-residenti tal-UE qiesu l-kwalità tal-ilma tax-xorb fiż-żona fejn jgħixu bħala tajba (31), u madwar 7 % ma jaqblux. Il-valutazzjoni ġenerali tal-ilma tax-xorb fl-UE kienet ferm inqas favorevoli, b’ 27 % biss jaqblu mad-dikjarazzjoni li hemm aċċess tajjeb għal ilma nadif u tajjeb għas-saħħa fl-UE b’mod ġenerali.

    3.10.

    Filwaqt li l-maġġoranza kbira tar-residenti tal-UE jużaw l-ilma tal-vit għall-ħasil, l-iġjene personali u t-tisjir, il-proporzjon ta’ nies li jużaw l-ilma tal-vit għax-xorb huwa kemxejn aktar baxx. F’nofs is-snin 2010, aktar minn 90 % rrappurtaw li jużaw l-ilma tal-vit għat-tisjir, filwaqt li 55 % biss qalu li dejjem jużaw l-ilma tal-vit għax-xorb direttament, u 10 % oħra dejjem jixorbu l-ilma tal-vit wara li jiffiltrawh.

    3.11.

    Matul dawn l-aħħar deċennji, l-ilma għadda minn proċess ta’ kommodifikazzjoni, u s-servizzi tal-provvista tal-ilma u tas-sanità għaddew minn proċess ta’ privatizzazzjoni u finanzjalizzazzjoni. F’dawn l-aħħar snin, tqajjem dubju dwar dawn il-proċessi, u diġà hemm eżempji ta’ muniċipalitajiet li ħadu lura f’idejhom il-ġestjoni tas-servizzi tal-ilma. L-ilma huwa essenzjali għall-ħajja, u huwa ben komuni, u dritt tal-bniedem. F’dan il-kuntest, il-KESE jemmen li, bħala servizzi ta’ interess pubbliku, is-servizzi tal-provvista tal-ilma u tas-sanità għandhom ikunu soġġetti għal regolament ċar li jiggarantixxi l-obbligi ta’ servizz, sabiex jiġi żgurat li l-ġestjoni tal-ilma u tal-ilma mormi tinkiseb b’mod universali bi prezz affordabbli u bi kwalità suffiċjenti ta’ servizz. Il-Kummissjoni għandha żżomm eżenzjonijiet għall-ilma u l-ilma mormi fid-Direttiva dwar il-Konċessjonijiet (2014/23/UE) (32) mogħtija bħala riżultat tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej ta’ suċċess “Right2Water”. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni teżenta s-servizzi tal-ilma mir-regoli tas-suq uniku.

    4.   Affordabbiltà

    4.1.

    L-affordabbiltà tas-servizzi tal-provvista tal-ilma u tas-sanità hija ta’ tħassib dejjem akbar għar-residenti tal-UE — fost raġunijiet oħra, minħabba ż-żieda reċenti fil-prezz tal-enerġija — u n-nefqa għal dawn is-servizzi hija mistennija li tiżdied. Għalkemm b’mod ġenerali, il-kostijiet tas-servizzi tal-provvista tal-ilma u tas-sanità ma joħolqux piż eċċessiv fuq l-unitajiet domestiċi, spiss huma ta’ piż eċċessiv għall-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx, u l-għadd ta’ unitajiet domestiċi affettwati x’aktarx li jiżdied. Bl-użu ta’ limitu ta’ 3 %, fi 13-il pajjiż tal-UE, l-ifqar 5 % tal-popolazzjoni jiffaċċjaw problemi ta’ affordabbiltà għall-provvista tal-ilma u s-sanità, u f’ċerti pajjiżi huma affettwati saħansitra l-ifqar 10 % tal-popolazzjoni (33). Sadanittant, tali approċċ għall-kejl tal-problemi ta’ affordabbiltà jista’ jiġi diskuss, jista’ jkun diffiċli li jitkejjel, u jista’ ma jindikax l-iskala sħiħa tal-problema jekk ma jqisx l-unitajiet domestiċi li ma jikkonsmawx biżżejjed, id-differenzi fl-ipprezzar tal-ilma (34) u s-sitwazzjoni relattiva tal-introjtu tal-unitajiet domestiċi.

    4.2.

    Il-prezz tas-servizzi tal-provvista tal-ilma u tas-sanità juri grad għoli ta’ disparità spazjali bejn u fi ħdan il-pajjiżi (35) u, minħabba n-nuqqas ta’ statistika dettaljata, ma tista’ ssir l-ebda ħarsa ġenerali komprensiva. Madankollu, is-sistemi ta’ distribuzzjoni fiż-żoni rurali huma kkaratterizzati minn networks itwal u kostijiet operattivi ogħla, li jwasslu għal tariffi ogħla.

    4.3.

    Minbarra introjtu aktar baxx, l-unitajiet domestiċi vulnerabbli jistgħu jkunu aktar suxxettibbli għal kwistjonijiet ta’ affordabbiltà minħabba tagħmir ta’ kwalità inferjuri, inqas effiċjenti, u aktar ħin imqatta’ d-dar. In-nisa, it-tfal u ż-żgħażagħ emarġinati, kif ukoll il-persuni qiegħda, huma affettwati b’mod sproporzjonat.

    4.4.

    Filwaqt li l-problemi prevalenti ta’ affordabbiltà jirrikjedu miżuri soċjali mmirati u effettivi, bħalissa ma tista’ tinkiseb l-ebda idea komprensiva dwar il-miżuri tal-Istati Membri tal-UE biex jindirizzaw problemi ta’ affordabbiltà, inklużi miżuri li jikkonċernaw konsumaturi vulnerabbli. Barra minn hekk, mhi disponibbli l-ebda idea komprensiva dwar il-possibbiltà — jew in-nuqqas tagħha — ta’ twaqqif tas-servizz, u dwar servizz minimu. Madankollu, hemm informazzjoni parzjali disponibbli għal ċerti pajjiżi (36), li turi varjetà ta’ miżuri bħal dawn biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta’ affordabbiltà.

    4.5.

    Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma approfondiet il-kunċett tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas permezz tal-objettiv tal-irkupru sħiħ tal-ispejjeż biex tiġi ggarantita s-saħħa tal-ekosistemi. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju tikser b’mod sfaċċat il-prinċipju ta’ aċċess universali għal ilma tax-xorb ta’ kwalità għolja bi prezzijiet affordabbli u fil-prattika tipproduċi konsegwenzi soċjali serji, b’mod partikolari żieda fl-inugwaljanzi, peress li l-ifqar popolazzjonijiet jew jiffaċċjaw tariffi proporzjonalment ogħla jew mhumiex soġġetti għall-prinċipju stabbilit hawn fuq. Il-KESE jemmen li l-prinċipju ta’ aċċess universali għal ilma tax-xorb ta’ kwalità għolja bi prezzijiet affordabbli għandu jkun fundamentali u jingħata l-istess importanza daqs il-preokkupazzjonijiet ambjentali, li jinsabu wara l-prinċipji ta’ min iniġġes iħallas u tal-irkupru sħiħ tal-ispejjeż.

    4.6.

    Sabiex tkun konformi mad-dritt tal-bniedem għall-ilma, il-protezzjoni tal-ekosistemi, u t-tħassib soċjali, l-istruttura tariffarja tal-ilma hija lieva importanti għall-affordabbiltà, l-effiċjenza, l-ekwità u l-konservazzjoni tal-ilma. Għal dawn id-diversi għanijiet, jeżistu diversi strutturi tariffarji, inkluża dik proposta mir-Rapporteur Speċjali (37) dwar id-drittijiet tal-bniedem għall-ilma tax-xorb sikur u s-sanità fis-76 Assemblea Ġenerali tan-NU (38).

    5.   Sostenibbiltà

    5.1.

    F’din l-Opinjoni, mhux qed inħarsu lejn il-problemi ambjentali, bħall-intrużjoni tal-melħ jew it-tniġġis, li fl-aħħar mill-aħħar jistgħu jkunu responsabbli għall-problemi soċjali. L-enfasi hija fuq l-attivitajiet tal-bniedem li jwasslu għal sfruttament żejjed u jikkawżaw kunflitti ta’ użu. L-aktar problema simili magħrufa hija meta l-użu tal-ilma proprju tiegħu jipprevjeni l-użu ta’ parti oħra. Il-leġiżlazzjoni tal-UE u dik nazzjonali jippruvaw jittrattaw dan permezz tal-ġestjoni tal-baċiri idrografiċi (39), li kellha livelli differenti ta’ implimentazzjoni u kisba madwar l-Ewropa.

    5.2.

    L-isfruttament żejjed iwassal għal żieda fl-iskarsezza u d-degradazzjoni tal-kwalità tal-ilma u l-kwalità tas-servizz. Madankollu, id-degradazzjoni tal-kwalità tal-ilma żżid ukoll l-iskarsezza, mhux bħala nuqqas tal-ammont tal-ilma nnifsu, iżda billi jitnaqqas l-ammont ta’ ilma adattat għal kwalunkwe skop jew tal-anqas jiżdiedu l-fondi meħtieġa biex dak l-ilma jinġieb lura għal standards aċċettabbli. Biex nindirizzaw il-problema tal-isfruttament żejjed, għandna niffukaw fuq il-kawżi minflok il-konsegwenzi, li ġew diskussi fil-punt preċedenti. L-isfruttament żejjed jikkawża problemi ambjentali, li huma responsabbli għal problemi soċjali, peress li l-attivitajiet tal-bniedem jiddependu mill-ekosistemi, b’mod partikolari dawk b’saħħithom.

    5.3.

    Qed tfeġġ problema partikolari, jiġifieri l-iżvilupp ta’ proġetti agrikoli u industrijali b’intensità għolja ħafna f’żoni li huma fqar fl-ilma; dawn il-proġetti huma possibbli biss bit-trasferiment tal-ilma minn baċiri oħra u mill-isfruttament żejjed tal-ilmijiet tal-wiċċ, li jwassal għal problemi ambjentali u soċjali downstream. Pereżempju, l-isfruttament żejjed ta’ xmara jwassal għal tnaqqis fis-sedimenti u n-nutrijenti li jilħqu l-baħar, iżid id-degradazzjoni taż-żoni kostali u jnaqqas l-istokkijiet tal-ħut. B’mod ġenerali, l-isfruttament żejjed iwassal għall-eżawriment tal-ekosistemi, li jaffettwa l-aktar lill-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli.

    5.4.

    Il-problemi soċjali jirriżultaw mit-tnaqqis fis-sajd u, potenzjalment, minn tnaqqis fit-turiżmu max-xatt tal-baħar. Filwaqt li nistgħu ntaffu l-problemi ta’ degradazzjoni kostali biex insostnu t-turiżmu permezz ta’ investimenti kbar, ma jistax jingħad l-istess għall-istokkijiet tal-ħut. Min-naħa l-oħra, jekk l-UE tilleġiżla sabiex ittemm il-proġetti responsabbli għall-isfruttament żejjed, ikollha tiffaċċja l-qgħad tal-ħaddiema involuti.

    5.5.

    It-tnixxijiet u t-telf (40) ma jinvolvux sfruttament żejjed, iżda jikkostitwixxu użu ineffiċjenti u inaċċettabbli tal-ilma. Madankollu, din hija kwistjoni li teħtieġ viżjoni unika. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ tnixxijiet u telf, il-viżjoni ewlenija tad-distributuri tal-ilma għall-konsum mill-bniedem hija waħda ekonomika (41). It-tnixxijiet u t-telf huma indirizzati sal-punt fejn huwa aktar għali li nkomplu nindirizzawhom milli ngħixu bihom. Tipikament, dan il-punt huwa madwar 15 % tat-tnixxijiet u tat-telf (42). Viżjoni oħra hija possibbli u, illum il-ġurnata, b’żieda fl-iskarsezza, viżjoni bħal din hija wkoll meħtieġa ħafna biex tmur lil hinn minn 15 %.

    6.   Governanza

    6.1.

    Il-KESE jinnota li d-distribuzzjoni tal-ilma u s-sanità madwar id-dinja huma kompetenza muniċipali, b’tipi differenti ta’ distributuri (kumpaniji jew servizzi muniċipali) li jaqdu muniċipalità waħda jew aktar, kif ukoll il-fatt li fl-Unjoni Ewropea u madwar id-dinja l-biċċa l-kbira tan-nies jingħataw is-servizz minn kumpaniji pubbliċi tal-ilma. Flimkien mal-forom differenti tad-distributuri tal-ilma, hemm distinzjoni waħda ewlenija: il-ġestjoni pubblika u privata. Taħt kull wieħed minnhom, nistgħu nsibu tipi differenti ta’ ġestjoni. Nistgħu nsibu wkoll eżempji tajbin u ħżiena ta’ ġestjoni kemm pubblika kif ukoll privata. Madankollu, il-ġestjoni privata, bl-enfasi tagħha fuq il-profitt, jista’ jkollha diffikultajiet biex tissodisfa r-rekwiżiti tal-universalità tas-servizz, dimensjoni li s-servizz pubbliku jinsab f’pożizzjoni aħjar biex jikseb b’mod effiċjenti bi prezz affordabbli u bi kwalità suffiċjenti ta’ servizz. Il-KESE jinnota li din il-konklużjoni hija appoġġjata mill-eżempji ta’ rimuniċipalizzazzjoni tas-servizzi tal-provvista tal-ilma u tas-sanità f’dawn l-aħħar għoxrin sena.

    6.2.

    Sabiex jiġu żgurati l-kwalità tas-servizz, l-affordabbiltà u s-servizzi universali, il-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati kollha, fil-livell maniġerjali u fil-korpi regolatorji, hija l-aħjar mezz biex id-distribuzzjoni tal-ilma u s-sanità jinżammu fit-triq it-tajba biex jikkonformaw mal-SDG 6 f’xenarju ta’ skarsezza dejjem tikber u żieda fil-prezzijiet. Fil-livell tad-distributuri tal-ilma, hemm storja ta’ suċċess f’Córdoba, fejn il-kumpanija muniċipali EMACSA għandha bord kondiviż li jinvolvi l-partijiet interessati, li huwa eżempju ta’ ġestjoni parteċipattiva (43). Il-korpi regolatorji, minflok ma jkunu mmexxija minn persuna waħda, għandu jkollhom bord li jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati, sabiex tiġi żgurata regolamentazzjoni aktar effettiva.

    6.3.

    Ix-xmajjar u l-korpi tal-ilma internazzjonali jistgħu jkunu sors ta’ tensjonijiet u fl-aħħar mill-aħħar kunflitti bejn l-Istati, anke ġewwa l-UE. Il-KESE jqis u jipproponi li l-UE għandha tkun involuta fis-segment tal-governanza tal-baċiri idrografiċi li fih huma involuti diversi Stati Membri, filwaqt li tiddefinixxi prinċipji ġenerali, objettivi tanġibbli u monitoraġġ kwalifikat, bħala l-aħjar mod biex tikkontribwixxi għall-ġestjoni tal-ilma fi żminijiet ta’ skarsezza, li tipprovoka kriżijiet ta’ diversi tipi.

    6.4.

    Bħalissa, il-mudell ta’ governanza tal-ilma (it-tixrid u n-nuqqas ta’ korpi superviżorji ġerarkiċi u l-opaċità burokratika) huwa ineffiċjenti. Hemm ħtieġa urġenti li jinstab mudell ġdid ta’ governanza għall-ekosistemi idrawliċi, b’mod partikolari dawk li jinvolvu diversi Stati Membri. Hemm bosta awtoritajiet fis-settur tal-ilma b’responsabbiltajiet fi stadji differenti taċ-ċiklu tal-ilma, b’viżjonijiet u objettivi konfliġġenti u, xi drabi, b’responsabbiltajiet li jikkoinċidu. Il-KESE jipproponi lill-Kummissjoni li għandu jkun hemm qafas ta’ governanza tal-baċiri tax-xmajjar b’korpi politiċi u tekniċi fil-livell tal-baċiri tax-xmajjar biex jiġu żgurati, bl-akbar effiċjenza, gwida politika ġenerali u ġestjoni teknika, kif ukoll l-involviment tal-partijiet interessati kollha permezz ta’ mekkaniżmi effettivi ta’ parteċipazzjoni.

    6.5.

    B’mod partikolari, il-KESE jipproponi mudell ta’ governanza li huwa kemm politiku kif ukoll tekniku, demokratiku u miftuħ, immirat lejn l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ aċċess universali għall-ilma tax-xorb ta’ kwalità tajba bi prezzijiet affordabbli għall-pubbliku. Il-KESE jipproponi li għandu jkun hemm “kumitati ta’ governanza” magħmula minn membri mill-pajjiżi kollha kkonċernati, bil-kompitu ta’ ġestjoni politika u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe kunflitt ta’ interess bejn il-pajjiżi. Dawn il-kumitati ta’ governanza tal-baċiri idrografiċi għandhom jiġu assistiti minn kumitat tekniku ta’ esperti u jipprovdu l-ġestjoni teknika tal-baċiri idrografiċi. Il-“kumitat ta’ governanza” għandu jistabbilixxi pubblikament u b’mod rigoruż il-ġerarkija tar-responsabbiltajiet bejnu u l-entitajiet differenti li jeżistu fil-pajjiżi involuti fil-baċir idrografiku sabiex ma jkunx hemm inkompatibbiltajiet u l-ebda konfużjoni rigward ir-responsabbiltajiet. Flimkien mal-kumitat ta’ governanza tal-baċiri idrografiċi għandu jopera “kunsill konsultattiv”. Dan il-kunsill ikun magħmul minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari organizzazzjonijiet ambjentali, klimatiċi u tal-konsumatur u l-imsieħba soċjali, u jkollu r-rwol li jkollu djalogu ċivili strutturat mal-“kumitat ta’ governanza” u jgħin biex jiġu solvuti kunflitti potenzjali ta’ interess.

    Brussell, it-13 ta’ Lulju 2023.

    Oliver RÖPKE

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  https://www.ohchr.org/en/water-and-sanitation

    (2)  https://digitallibrary.un.org/record/687002

    (3)  Ara wkoll l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-indirizzar tal-faqar enerġetiku u r-reżiljenza tal-UE: l-isfidi minn perspettiva ekonomika u soċjali” (opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Ċeka) (ĠU C 486, 21.12.2022, p. 88).

    (4)  Li jikkomplementaw il-monitoraġġ stabbilit fid-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb (id-Direttiva (UE) 2020/2184).

    (5)   ĠU L 435, 23.12.2020, p. 1. “Jidentifikaw persuni mingħajr aċċess, jew b’aċċess limitat, għall-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem, inkluż gruppi vulnerabbli u emarġinati, u r-raġunijiet għal tali nuqqas ta’ aċċess” https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:32020L2184

    (6)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trattament tal-ilma mormi urban COM(2022) 541 final, 2022/0345 (COD).

    (7)  Ara wkoll: https://www.aquapublica.eu/article/news/access-water-and-sanitation-must-be-priority-commission-action-plan-implement-pillar

    (8)  Kif enfasizzat ukoll, fost l-oħrajn, fil-messaġġi u r-rakkomandazzjonijiet tal-politika tas-Summit ta’ Budapest dwar l-Ilma tal-2016 (https://www.budapestwatersummit.hu/hu/Vilagtalalkozo/Letoltheto_dokumentumok), u l-Appell ta’ Budapest għas-Summit dwar l-Ilma tal-2019 (https://www.budapestwatersummit.hu/en/Summit/Budapest_Appeal).

    (9)  Riżoluzzjoni 64/292: The human right to water and sanitation (Id-dritt tal-bniedem għall-ilma u s-sanità) (2010), https://www.un.org/waterforlifedecade/human_right_to_water.shtml (mhux disponibbli bil-Malti).

    (10)  https://sdgs.un.org/sites/default/files/2023-03/Closing%20press%20release_waterconference_FINAL_24Mar.pdf.

    (11)  Riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb (2018).

    (12)  Proposta għal reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi (2022).

    (13)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-integrazzjoni tal-politika tal-ilma fil-politiki Ewropej l-oħra” (opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Ungeriża) (ĠU C 248, 25.8.2011, p. 43).

    (14)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Inizjattiva Ewropea taċ-Ċittadini “L-Ilma u s-sanità huma dritt tal-bniedem! L-ilma huwa ġid pubbliku, mhux komodità!”(COM(2014) 177 final) (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 12, 15.1.2015, p. 33).

    (15)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (riformulazzjoni) (COM(2017) 753 final — 2017/0332(COD)) (ĠU C 367, 10.10.2018, p. 107).

    (16)  https://right2water.eu/

    (17)  https://data.worldbank.org/indicator/SH.H2O.SMDW.ZS?locations=EU (sena ta’ referenza: 2020). Il-perċentwal ta’ persuni li ma jużawx l-ilma tax-xorb minn sors imtejjeb li huwa aċċessibbli fuq il-post, disponibbli meta meħtieġ u ħieles mill-kontaminazzjoni fekali u kimika ta’ prijorità. Sorsi tal-ilma mtejba jinkludu ilma bil-pajpijiet, spieri jew tubewells, bjar imħaffra protetti, għejun protetti, u ilma ppakkjat jew ikkonsenjat.

    (18)  https://data.worldbank.org/indicator/SH.H2O.BASW.ZS?locations=EU (sena ta’ referenza: 2020). Dan l-indikatur jinkludi kemm persuni li jużaw servizzi bażiċi tal-ilma kif ukoll dawk li jużaw servizzi tal-ilma ġestiti b’mod sikur. Is-servizzi bażiċi tal-ilma tax-xorb huma definiti bħala ilma tax-xorb minn sors imtejjeb, sakemm il-ħin tal-ġbir ma jkunx aktar minn 30 minuta għal vjaġġ bir-ritorn. Sorsi tal-ilma mtejba jinkludu ilma bil-pajpijiet, spieri jew tubewells, bjar imħaffra protetti, għejun protetti, u ilma ppakkjat jew ikkonsenjat.

    (19)  Eurostat, https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/sdg_06_10/default/table?lang=mt https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/demo_pjan/default/table?lang=en.

    (20)  Eurostat, https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/sdg_06_20/default/table?lang=mt https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/demo_pjan/default/table?lang=en.

    (21)  https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/ilc_mdho05/default/table?lang=mt

    (22)  https://fra.europa.eu/mt/content/fra-opinions-eu-midis-ii-roma

    (23)  https://www.europarl.europa.eu/news/en/headlines/society/20200918STO87401/roma-what-discrimination-do-they-face-and-what-does-eu-do.

    (24)  http://www.errc.org/uploads/upload_en/file/thirsting-for-justice-march-2017.pdf.

    (25)  https://eeb.org/wp-content/uploads/2020/04/Pushed-to-the-Wastelands.pdf.

    (26)  https://www.eea.europa.eu/publications/water-resources-across-europe-confronting

    (27)  L-ewwel seduta dwar “Wasal iż-żmien għal Patt Blu”, 27 ta’ Frar 2023.

    (28)  https://www.preventionweb.net/understanding-disaster-risk/risk-drivers/poverty-inequality

    (29)  Eureau, The governance of water services in Europe (Il-governanza tas-servizzi tal-ilma fl-Ewropa), 2020 (mhux disponibbli bil-Malti) https://www.eureau.org/resources/publications/5268-the-governance-of-water-services-in-europe-2020-edition-2/file.

    (30)  https://smartwatermagazine.com/news/locken/water-ranking-europe-2020

    (31)  https://circabc.europa.eu/sd/a/0070b535-5a6c-4ee4-84ba-6f6eb1682556/Public%20Consultation%20Report.pdf

    (32)  Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1).

    (33)  https://www.eesc.europa.eu/sites/default/files/files/blue_deal_fiasconaro.pdf

    (34)  https://www.oecd-ilibrary.org/sites/e1b8a4b6-en/index.html?itemId=/content/component/e1b8a4b6-en

    (35)  https://www.eureau.org/resources/publications/eureau-publications/5824-europe-s-water-in-figures-2021/file

    (36)  https://www.wareg.org/documents/affordability-in-european-water-systems/, https://www.oecd.org/env/resources/15425332.pdf

    (37)  Ir-Rapporteur Speċjali ppropona tariffa b’diversi stadji: l-ewwel stadju għandu jkun affordabbli, u saħansitra b’xejn f’ċerti ċirkostanzi, b’konformità mad-dritt tal-bniedem għall-ilma; it-tieni stadju għandu jkun tariffa għall-irkupru tal-kost; u t-tielet stadju bi prezzijiet ħafna ogħla, li jiġġenera sussidju trażversali minn lussu għal użi bażiċi u jipprevjeni l-isfruttament żejjed ta’ din ir-riżorsa. Il-KESE jqis li d-definizzjoni tal-valuri ta’ kull stadju għandha tiġi stabbilita minn kull Stat Membru jew saħansitra minn kull servizz tal-ilma u tas-sanità.

    (38)   “Risks and impacts of the commodification and financialisation of water on the human rights to safe drinking water and sanitation” (Ir-riskji u l-impatti tal-kommodifikazzjoni u l-finanzjalizzazzjoni tal-ilma fuq id-drittijiet tal-bniedem għall-ilma tax-xorb sikur u s-sanità), Rapport imressaq quddiem is-76 Assemblea Ġenerali tan-NU mir-Rapporteur Speċjali dwar id-dritt tal-bniedem għall-ilma tax-xorb u s-sanità, Pedro Arrojo Agudo, A/76/159 (mhux disponibbli bil-Malti).

    (39)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1) (Direttiva Qafas dwar l-Ilma).

    (40)  B’mod ġenerali, it-tnixxijiet u t-telf jirreferu għal ilma fiżikament mitluf u ilma mhux iffatturat, u wieħed dejjem għandu jżomm f’moħħu li xi ftit mill-ilma mhux iffatturat huwa madankollu awtorizzat. Għal aktar dettalji, jekk jogħġbok ikkonsulta bilanċ idriku.

    (41)  Hawnhekk, fil-każ ta’ telf, ma aħniex qed nirreferu għall-konsum awtorizzat mhux iffatturat.

    (42)  Dan huwa l-valur ta’ mira tipiku li jintuża fil-Portugall. Pajjiżi oħra tal-UE jista’ jkollhom valuri fil-mira differenti, iżda l-valur innifsu ma għandu l-ebda rilevanza għall-iżvilupp tal-idea tagħna.

    (43)  Enrique Ortega de Miguel u Andrés Sanz Mulas, “Water Management in Córdoba (Spain): A Participative, efficient and Effective Public Model in Reclaiming Public Water” (Il-Ġestjoni tal-Ilma f’Córdoba (Spanja): Mudell Pubbliku Parteċipattiv, Effiċjenti u Effettiv fir-Reklamazzjoni tal-Ilma Pubbliku), TNI ed., 2005 (mhux disponibbli bil-Malti).


    Top