Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023DC0758

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2019/880 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar l-introduzzjoni u l-importazzjoni ta' beni kulturali

COM/2023/758 final

Brussell, 5.12.2023

COM(2023) 758 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2019/880 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar l-introduzzjoni u l-importazzjoni ta' beni kulturali





Werrej

1.    INTRODUZZJONI    

2.    OBJETTIVI LI GĦANDHOM JINTLAĦQU    

3.    L-ARKITETTURA TAL-PROĠETT U L-APPROĊĊ TAL-IPPJANAR    

Fażi 1 – Kunċettwalizzazzjoni:    

Il-Fażi 2 – Żvilupp tas-sistema    

Il-Fażi 3 – Skjerament u Operazzjoni    

4.    ĦARSA ĠENERALI LEJN IL-PROGRESS    

Żvilupp tal-proġett    

Metodoloġija: approċċ użat għall-implimentazzjoni tas-Sistema ICG    

Ippjanar ta’ livell għoli    

Talba għal Bidliet (RfCs)    

Sinerġiji esterni    

Kooperazzjoni Interna    

Ħidma mal-Grupp tal-Proġett dwar id-“Diġitalizzazzjoni ta’ Beni Kulturali”    

5.    RISKJI GĦAD-DEWMIEN    

Riskju 1 – Allokazzjoni tal-persunal    

Riskju 2 – Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-UE għad-Dwana u l-prijoritajiet ġenerali tal-iżvilupp tal-IT doganali    

Azzjonijiet ta’ mitigazzjoni    

6.    KONKLUŻJONIJIET    

Anness I: Ippjanar strateġiku pluriennali    

Anness II: Fażijiet ewlenin tal-proġett u skeda ta’ żmien tal-istadji importanti kritiċi    



GLOSSARJU

Argument għall-Vijabbiltà

Id-dokument li jipprovdi l-ġustifikazzjoni tal-proġett tal-IT u li jiddefinixxi r-rekwiżiti baġitarji tiegħu.

Dokument ta’ Viżjoni

Id-Dokument ta’ Viżjoni jelabora fuq is-suppożizzjonijiet li saru fid-Dokument ta’ Argument għall-Vijabbiltà. Dan jirreġistra s-sħubija bejn is-sid tas-sistema u l-fornitur tas-sistema u l-fehim tas-sistema fil-ħin tal-kitba.

Sistema ICG

Sistema ta’ Importazzjoni ta’ Beni Kulturali - is-sistema elettronika ċentralizzata għall-importazzjoni ta’ beni kulturali.

TRACES

Sistema tal-Kontroll tal-Kummerċ u tal-Esperti veterinarji - il-pjattaforma multilingwi online tal-Kummissjoni Ewropea għaċ-ċertifikazzjoni sanitarja u fitosanitarja.

CSW - CERTEX tal-UE

Sistema ta’ Tieqa Unika Doganali tal-UE għall-Iskambju taċ-Ċertifikati.

QFP

Qafas Finanzjarju Pluriennali: il-baġit fit-tul tal-UE, li jkopri mill-2021 sal-2027.

BPM

Mudell tal-Proċess tan-Negozju - il-Mudell tal-Proċess tan-Negozju fil-livell tal-applikazzjoni jiddeskrivi l-proċess tan-negozju kollu u l-fluss ta’ informazzjoni għal applikazzjoni, filwaqt li jlesti l-Mudell tal-Proċess tan-Negozju tas-Sistema maħluq matul il-fażi tal-“Ispeċifikazzjoni tas-Sistema”, biex jitqiesu l-ħtiġijiet proprji tal-applikazzjoni.

Dokument tal-BAC

Id-dokument tal-Kriterji ta’ Aċċettazzjoni tan-Negozju



1.INTRODUZZJONI

Ir-Regolament (UE) 2019/880 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 1 dwar l-introduzzjoni u l-importazzjoni ta’ beni kulturali (minn hawn “ir-Regolament”) għandu l-għan li jipprevjeni l-kummerċ illeċitu tal-beni kulturali, b’mod partikolari meta jikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ attivitajiet terroristiċi, u li jipprojbixxi l-importazzjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni ta’ beni kulturali esportati illegalment minn pajjiżi terzi.

Ir-Regolament jissuġġetta l-importazzjoni ta’ ċerti beni kulturali li huma meqjusin partikolarment fil-periklu (jiġifieri oġġetti arkeoloġiċi u partijiet minn monumenti li ġew imkissra) għal liċenzji tal-importazzjoni u oħrajn, li huma meqjusa bħala anqas fil-periklu, għal dikjarazzjonijiet tal-importatur, u jiżgura li jgħaddu minn kontrolli uniformi meta jiġu importati fl-Unjoni. Ċerti importazzjonijiet ta’ beni kulturali li huma maħsuba għal użi speċifiċi (edukattivi, xjentifiċi jew relatati mar-riċerka) huma eżentati minn dawn ir-rekwiżiti ta’ dokumentazzjoni.

L-obbligu għall-importaturi li jiksbu liċenzja tal-importazzjoni jew li jfasslu u jissottomettu dikjarazzjoni tal-importatur lid-dwana se jibda japplika biss mill-mument li sistema elettronika ċentralizzata (is-sistema ICG) issir operazzjonali.

Is-sistema ICG ma hijiex se sservi biss bħala mezz għat-twettiq tal-formalitajiet mill-operaturi, iżda wkoll għall-ħażna u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri inkarigati mill-implimentazzjoni tar-Regolament (l-awtoritajiet doganali u kulturali).

Il-funzjonament tas-sistema ICG jiddependi mis-Sistema ta’ Tieqa Unika tal-UE għad-Dwana stabbilita bir-Regolament (UE) 2022/2399 2 , li jipprovdi bażi legali għall-funzjonament tas-Sistema ta’ Tieqa Unika Doganali tal-UE għall-iskambju taċ-Ċertifikati (CSW-CERTEX tal-UE).

Is-CSW-CERTEX tal-UE tirrappreżenta l-komponent ċentrali tat-Tieqa Unika tal-UE u hija żviluppata mill-Kummissjoni biex tgħaqqad l-Ambjenti ta’ Tieqa Unika Nazzjonali għad-dwana mas-sistemi jew mal-bażijiet tad-data tal-Unjoni li jimmaniġġaw rekwiżiti li ma humiex doganali sabiex l-awtoritajiet rilevanti kollha jkunu jistgħu jaċċessaw id-data rilevanti u jikkollaboraw b’mod aktar faċli fuq kontrolli fil-fruntieri.

Kull 12-il xahar mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament u, sakemm is-sistema ICG issir operazzjonali, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar fl-istabbiliment ta’ din is-sistema elettronika.

L-ewwel rapport dwar il-progress annwali tal-Kummissjoni 3 ddeskriva l-azzjoni meħuda mis-servizzi tagħha matul l-ewwel sena wara li r-Regolament daħal fis-seħħ, jiġifieri: (a) il-ħidma preparatorja għall-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni meħtieġa, u (b) il-konsultazzjonijiet mal-Istati Membri permezz tal-Grupp ta’ Esperti għall-kwistjonijiet doganali relatati mal-beni kulturali u l-Grupp tal-Proġett għall-importazzjoni ta’ beni kulturali.

It-tieni rapport ta’ progress annwali tal-Kummissjoni 4 ppreżenta l-progress miksub bl-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1079 5 , kif ukoll it-tnedija tal-Fażi 1 – “Kunċettwalizzazzjoni” tal-proġett ICG, il-ħidma mwettqa mill-Grupp tal-Proġett maħluq għal dan il-għan u l-avvanz tal-Argument għall-Vijabbiltà u d-Dokument ta’ Viżjoni għall-proġett ICG.

It-tielet rapport ta’ progress annwali tal-Kummissjoni 6 kopra:

(a) il-finalizzazzjoni tal-ewwel verżjoni tal-pakkett ta’ Mudelli tal-Proċess tan-Negozju għas-sistema ICG. Se jkunu meħtieġa aġġornamenti addizzjonali tal-pakkett matul il-fażi tal-iżvilupp.

(b) il-finalizzazzjoni tad-dokument tal-Kriterji ta’ Aċċettazzjoni tan-Negozju (BAC), li jiddeskrivi x-xenarji kollha tat-test meħtieġa biex jiġu ttestjati b’mod komprensiv ir-rekwiżiti tan-negozju u r-rekwiżiti funzjonali għas-sistema ICG, sabiex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet tan-negozju identifikati kollha jkunu jistgħu jiġu implimentati minnha.

(c) il-ħolqien ta’ stejjer ta’ utenti u l-allinjament tagħhom mal-BAC, filwaqt li tiġi vverifikata l-informazzjoni meħtieġa għall-iżviluppaturi biex jistmaw u jimplimentaw il-funzjonalitajiet meħtieġa biex jissodisfaw ir-rekwiżiti.

Ir-raba’ rapport annwali tal-progress kurrenti jkopri l-perjodu minn Lulju 2022 sa Ġunju 2023. Għall-finijiet ta’ kompletezza, l-objettivi li għandhom jintlaħqu, l-arkitettura tal-proġett u l-approċċ għall-ippjanar, li huma dettaljati fir-rapporti ta’ progress preċedenti, huma msemmija fil-qosor hawnhekk ukoll. Il-valutazzjoni ġenerali tal-progress li sar u r-riskji identifikati għad-dewmien huma miġbura fil-qosor fit-taqsima tal-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport.

2.OBJETTIVI LI GĦANDHOM JINTLAĦQU

Is-sistema ICG għandha ssir operazzjonali sa mhux aktar tard mit-28 ta’ Ġunju 2025, billi f’dik id-data se jsir obbligatorju għall-operaturi kollha li jiksbu l-liċenzji tal-importazzjoni jew li jissottomettu d-dikjarazzjonijiet tal-importatur lid-dwana permezz ta’ dik is-sistema elettronika, sabiex ikunu jistgħu jimpurtaw 7 legalment kategoriji speċifiċi ta’ beni kulturali fl-Unjoni.

Wara l-adozzjoni f’Ġunju 2021 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1079 u l-approvazzjoni tad-Dokument ta’ Viżjoni, bdiet il-fażi tal-iżvilupp tas-sistema ICG fit-tieni trimestru tal-2022. Din se tkopri madwar sentejn, li fl-aħħar tagħhom, tibda t-tielet fażi. Fit-tielet fażi, is-sistema ICG se tkun interkonnessa mas-CSW-CERTEX tal-UE, biex tippermetti l-iskambju ta’ dokumenti mas-sistemi doganali tal-Istati Membri. B’mod parallel, se jiġu organizzati sessjonijiet ta’ taħriġ biex l-amministrazzjonijiet tagħhom isiru familjari mal-funzjonalitajiet operazzjonali tas-sistema ICG.

Flimkien ma’ attivitajiet oħra tas-servizzi tal-Kummissjoni fil-qasam tad-dwana, il-proġett dwar l-importazzjoni ta’ beni kulturali huwa ppjanat ukoll fid-dettall permezz tal-Pjan Strateġiku Pluriennali għad-Dwana elettronika, ir-reviżjoni tal-2019 8 (MASP-C rev. 2019). Silta mill-ippjanar tal-proġett dwar l-importazzjoni ta’ beni kulturali mill-MASP-C rev. 2019 hija pprovduta fl-Anness I ta’ dan ir-rapport (it-tabella 1). Reviżjoni tal-MASP-C hija mistennija sa tmiem l-2023, u l-fiche tal-proġett se tiġi aġġornata f’dak il-mument biex tirrifletti l-progress attwali fuq il-proġett.

Kif issemma qabel, parti mill-proġett dwar l-importazzjoni ta’ beni kulturali hija żviluppata wkoll fi ħdan l-Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-UE għad-Dwana li tiegħu is-CSW-CERTEX tal-UE, hija komponent ewlieni. Silta mill-ippjanar tas-CSW-CERTEX tal-UE rev. 2019 mill-MASP-C Fiche 1.13 hija pprovduta fl-Anness I ta’ dan ir-rapport (it-tabella 2).

3.L-ARKITETTURA TAL-PROĠETT U L-APPROĊĊ TAL-IPPJANAR

Kif inhu spjegat b’mod analitiku fl-ewwel rapport dwar il-progress annwali, l-Arkitettura tal-Proġett hija bbażata fuq il-metodoloġija prevista fl-MASP-C rev. 2019 u l-Annessi tiegħu, inklużi l-Iskema ta’ Governanza 9 , il-Politika tal-Immudellar tal-Proċess tan-Negozju Doganali tal-UE 10 u l-istrateġija tal-IT 11 . Pjan direzzjonali komprensiv, bil-fażijiet ewlenin tal-proġett u l-istadji importanti kritiċi, huwa spjegat fid-dettall fl-Anness II.

Għalkemm il-proġett se jimxi ’l quddiem fuq diversi livelli fl-istess ħin, dan jista’ jinqasam b’mod figurattiv fi tliet fażijiet:

Fażi 1 – Kunċettwalizzazzjoni: Fil-bidu, jitħejja Argument għall-Vijabbiltà, li jipprovdi l-ġustifikazzjoni tal-proġett u jiddefinixxi r-rekwiżiti baġitarji. Barra minn hekk, jiġu prodotti l-Livell 3 (BPMs tar-rekwiżiti tal-utent) u l-Livell 4 (BPMs tar-rekwiżiti funzjonali), bil-għan li tiġi pprovduta rappreżentazzjoni viżiva tal-proċessi tan-negozju u rekwiżiti funzjonali dettaljati biex jiġi ggarantit li s-sistema tal-IT operazzjonali prevista tiffunzjona kif stabbilit fil-leġiżlazzjoni. Imbagħad jiġi prodott Dokument ta’ Viżjoni, li jipprovdi informazzjoni aktar dettaljata dwar id-definizzjoni tal-proġett f’termini tal-arkitettura, il-kost, iż-żmien, u r-riskju, kif ukoll informazzjoni dwar l-istadji importanti, ir-riżultati u l-organizzazzjoni tal-proġett. Dawn id-dokumenti jirriflettu d-diskussjonijiet, u l-kontenut tal-att ta’ implimentazzjoni li għandu jiġi prodott mill-Kummissjoni.

Il-Fażi 2 – Żvilupp tas-sistema Skont id-dispożizzjonijiet tal-att ta’ implimentazzjoni, ir-rekwiżiti tal-utent u l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali għas-sistema, se jiġu żviluppati speċifikazzjonijiet tekniċi dwar kif se tinbena s-sistema. Dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jinkludu: l-arkitettura li għandha tintuża, il-messaġġi li għandhom jiġu sottomessi mill-operaturi ekonomiċi, l-interfaċċi għal sistemi oħra, il-pjanijiet tal-ittestjar, eċċ.

Ladarba t-tfassil tas-sistema jkun lest mill-perspettiva kunċettwali u jiġu prodotti r-riżultati elenkati fit-Tabella 1, l-Istadji Importanti 1 u 3 (ara l-Anness I), jibda xogħol aktar fil-fond u jitqiesu aktar aspetti tekniċi fl-ispeċifikazzjonijiet tal-Applikazzjoni u tas-Servizz u fid-dokumenti tal-Ispeċifikazzjoni Teknika tas-Sistema, li huma l-konkretizzazzjoni tal-Argument għall-Vijabbiltà (imħejji matul Fażi 1) u d-Dokument ta’ Viżjoni (imħejji matul Fażi 2). L-ICG se tiġi integrata fil-pjattaforma eżistenti TRACES u għalhekk terġa’ tuża sa ċertu punt l-ispeċifikazzjonijiet, l-arkitettura, il-messaġġi u l-interfaċċa eżistenti.

Il-Fażi 3 – Skjerament u Operazzjoni Tibda l-fażi proprja tal-iżvilupp tal-IT (Fażi tal-Kostruzzjoni), li hija segwita minn fażi ta’ Tranżizzjoni fejn il-verżjonijiet bikrin tas-sistema ICG se jiġu introdotti gradwalment għall-gruppi differenti ta’ utenti, u jitwettqu testijiet biex jiġi żgurat li, sat-28 ta’ Ġunju 2025, l-operaturi u l-awtoritajiet kompetenti jkunu kapaċi u mħarrġa sew fl-użu tas-sistema. Wara jkun hemm perjodu ta’ segwitu ta’ 6 xhur, li fih is-sistema tiġi rfinuta biex tissodisfa kwalunkwe ħtieġa operazzjonali li tista’ ssir evidenti biss wara li l-użu ta’ sistema tal-IT issir obbligatorja, u biex ikun żgurat li l-operazzjonijiet ikunu qegħdin jaħdmu mingħajr problemi.

Ta’ min jinnota li s-sistema ICG se tkun interkonnessa mal-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri permezz tas-CSW-CERTEX tal-UE sat-3 ta’ Marzu 2025, wara l-adozzjoni tar-Regolament dwar Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-UE għad-Dwana 12 biex tippermetti kontrolli awtomatizzati min-naħa tad-dwana fuq id-dokumenti maħruġa għall-importazzjoni ta’ beni kulturali. Din l-attività se tirrikjedi Ttestjar tal-Konformità.

4.ĦARSA ĠENERALI LEJN IL-PROGRESS 

Żvilupp tal-proġett

L-attivitajiet tekniċi għamlu progress tajjeb matul il-perjodu ta’ rapportar. Mit-tieni trimestru tal-2022 beda l-iżvilupp tas-sistema ICG, bl-ewwel ħarġiet interni li jindirizzaw l-infrastruttura funzjonali ġenerali (jiġifieri l-entitajiet ta’ appoġġ, id-data ta’ referenza, l-utenti, ir-rwoli, l-indiċijiet tat-tiftix u oħrajn), kif ukoll il-flussi tax-xogħol ewlenin (jiġifieri l-flussi tax-xogħol tar-reġistru/tas-sottomissjoni għall-formoli meħtieġa fl-importazzjoni, il-flussi tax-xogħol ta’ ssejvjar tal-abbozzi, eċċ.).

Minħabba li l-ewwel riżultati diġà huma disponibbli, il-Kummissjoni għamlet tliet dimostrazzjonijiet estensivi lill-Grupp tal-Proġett, li juru s-sistema lill-Istati Membri parteċipanti. Filwaqt li l-isforzi kkonċentraw fuq l-estensjoni tal-funzjonalitajiet ewlenin għall-kapaċitajiet ta’ ġestjoni kompluti, l-enfażi tqiegħdet ukoll fuq id-definizzjoni ta’ kunċetti funzjonali ġodda bħall-faċilitazzjoni sussegwenti tal-importazzjoni, l-applikazzjoni għal liċenzja li tkopri diversi oġġetti, il-qsim tal-applikazzjoni għal liċenzja jew il-karatteristika tal-kompendju tal-liġijiet ta’ pajjiżi terzi tal-ICG.

Barra minn hekk, mill-ewwel trimestru tal-2023, tnedew l-attivitajiet kummerċjali għall-integrazzjoni tas-CSW-CERTEX tal-UE, sabiex il-liċenzji tal-importazzjoni jew id-dikjarazzjonijiet tal-importatur ikunu aċċessibbli għad-dwana permezz tas-CSW-CERTEX tal-UE sal-bidu tal-2025, f’konformità mal-iskeda għad-dħul fis-seħħ tas-sistema ICG.​

Metodoloġija: approċċ użat għall-implimentazzjoni tas-Sistema ICG

L-approċċ metodoloġiku użat għall-implimentazzjoni tal-ICG jirrappreżenta taħlita bejn il-metodoloġiji u l-prattiki differenti tas-servizzi tal-Kummissjoni għall-kunċettwalizzazzjoni, l-assigurazzjoni tal-kwalità, l-iżvilupp u l-użu. F’dan il-kuntest, il-laqgħat interni regolari u s-sessjonijiet ta’ dimostrazzjoni jippermettu li jiġu diskussi u implimentati funzjonalitajiet reali, filwaqt li jiġu evitati skrins mudell elaborati wisq. L-ippjanar adattiv jippermetti rispons aktar rapidu għall-aspettattivi u għall-bidliet b’mod flessibbli. Sabiex jinkiseb feedback xieraq mill-qasam u s-sistema tiġi implimentata kif suppost, l-Istati Membri se jiġu assoċjati fuq bażi volontarja malli jkun hemm verżjoni tat-test. L-ambjent ta’ ttestjar se jkun aċċessibbli minn barra, bl-użu ta’ profili ta’ taħriġ ġeneriċi, mir-raba’ trimestru tal-2023.

Ippjanar ta’ livell għoli

Il-karatteristiċi tal-ICG huma kklassifikati taħt kategoriji differenti kif ippreżentati hawn taħt:

(a) “Karatteristiċi ewlenin tal-ICG b’bażi eżistenti fi TRACES”: karatteristiċi essenzjali fejn se tintuża mill-ġdid il-funzjonalità eżistenti;

(b) “Karatteristiċi ewlenin tal-ICG mingħajr bażi eżistenti fi TRACES”: karatteristiċi essenzjali li għandhom jinbnew mill-bidu nett;

(c) “Karatteristiċi li ma humiex ewlenin tal-ICG”: karatteristiċi importanti iżda li ma humiex essenzjali;

(d) “Konnessjonijiet esterni”: karatteristiċi li jibbażaw fuq inputs esterni;

(e) “Barra mill-kamp ta’ applikazzjoni”: karatteristiċi mhux għall-ewwel verżjoni tas-sistema ICG (eż. l-Intelliġenza Artifiċjali);

Fit-tabella ta’ hawn taħt tingħata stima tad-disponibbiltà skont it-trimestru tas-sena. Bħalissa, l-isforz huwa organizzat fi tmien ħarġiet mit-tieni trimestru tal-2022 sat-tieni trimestru tal-2024, bil-patt u l-kundizzjoni li din l-organizzazzjoni tiġi soġġetta għal irfinar u ottimizzazzjoni aġli kontinwa.

Tabella 1: Ħarsa ġenerali ta’ livell għoli lejn il-miri tad-disponibbiltà

Talba għal Bidliet (RfCs)

Skont il-Proċess ta’ Ġestjoni tat-Tibdil, kull meta tiġi identifikata bidla, din tiġi rreġistrata f’lista ta’ Talba għal Bidliet (RfC). Filwaqt li l-attivitajiet ta’ żvilupp qed jagħmlu progress u għaddejjin diskussjonijiet interni, ġew identifikati diversi bidliet li għandhom jiġu implimentati fil-BPMs tal-ICG tal-Livell 2 sal-Livell 4. Għalhekk, id-dokumenti dwar il-BPMs u l-BAC huma aġġornati biex jirriflettu l-aħħar status meta jitqiesu l-emendi. L-Istati Membri huma infurmati dwar il-bidliet, madankollu s’issa l-modifiki ma għandhom l-ebda impatt fuqhom.

Sinerġiji esterni

Matul il-perjodu ta’ rapportar, il-Kummissjoni kienet qed tikkoordina mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-Kunsill Internazzjonali tal-Mużewijiet (ICOM) biex tiżgura li s-sistema tinkorpora elementi ta’ ġestjoni tar-riskju, b’mod partikolari mil-Listi l-Ħomor tal-ICOM 13 u l-Unesco. Barra minn hekk, għodod oħra użati mill-ICOM biex jiġi protett il-wirt kulturali (jiġifieri Object ID 14 , Observatory 15 , eċċ.) ġew esplorati bl-għan li jiġi miġġieled it-traffikar illeċitu.

Kooperazzjoni Interna

Teżisti kooperazzjoni estensiva bejn is-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għad-dwana u dawk responsabbli għas-saħħa, li huma responsabbli għal għadd ta’ politiki li huma marbutin mill-qrib. Sar qbil fuq il-qafas operazzjonali ta’ kooperazzjoni bejn is-servizzi u kompla jittejjeb matul il-perjodu ta’ rapportar permezz ta’ monitoraġġ kontinwu.

Ħidma mal-Grupp tal-Proġett dwar id-“Diġitalizzazzjoni ta’ Beni Kulturali”

Il-Kummissjoni ħolqot Grupp tal-Proġett Doganali dwar id-Diġitalizzazzjoni ta’ Beni Kulturali 16 li jservi bħala forum ta’ diskussjoni għal esperti mill-amministrazzjonijiet doganali nazzjonali tal-Istati Membri u awtoritajiet (kulturali) kompetenti b’esperjenza fit-twettiq ta’ formalitajiet ta’ liċenzjar fi kwistjonijiet ta’ patrimonju, b’mod partikolari b’mod diġitali. Il-Grupp ipprovda appoġġ fit-tħejjija tal-att ta’ implimentazzjoni, u qiegħed jgħin lis-servizzi tal-Kummissjoni fid-definizzjoni tal-parametri u l-elaborazzjoni tal-kriterji għall-ispeċifikazzjonijiet funzjonali tas-sistema ICG.

Bħalissa, il-Grupp tal-Proġett 17 huwa magħmul minn delegati minn 15-il Stat Membru (AT, BE, BG, DK, DE, EE, EL, ES, FR, HU, IT, LV, NL, PT u RO) u sal-lum iltaqa’ għoxrin darba (sitta matul il-perjodu ta’ rapportar 29.6.2022 - 28.6.2023).

Matul dan il-perjodu ta’ rapportar, il-Grupp tal-Proġett eżamina u pprovda l-għarfien espert u l-informazzjoni intuwittiva tiegħu prinċipalment dwar is-suġġetti li ġejjin:

·Linji gwida għall-awtoritajiet kompetenti għall-validazzjoni tar-reġistrazzjonijiet fis-sistema ICG ta’ entitajiet li jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjonijiet mir-rekwiżiti ta’ liċenzjar jew ta’ dikjarazzjoni għal importazzjonijiet temporanji li għandhom skop edukattiv, xjentifiku jew ta’ riċerka. Il-ħolqien ta’ dokument tal-aħjar prattiki biex jiġi żgurat li l-istess kriterji ta’ evalwazzjoni jintużaw mill-awtoritajiet kompetenti kollha tal-Istati Membri meta jivvalidaw tali reġistrazzjonijiet.

·Il-fehim tal-istruttura amministrattiva tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri u l-armonizzazzjoni tagħha mal-konfigurazzjoni u l-kunċetti tas-sistemi ICG u TRACES, sabiex l-applikazzjonijiet għal-liċenzji jiġu diretti kull darba lill-awtorità kompetenti xierqa.

·Kif għandha tiġi organizzata bl-aħjar mod fis-sistema ICG il-faċilitazzjoni offruta lill-importaturi fil-każ ta’ importazzjoni sussegwenti ta’ oġġett kulturali li qabel kien liċenzjat.

·Bil-għan li tinħoloq karatteristika ta’ librerija tal-liġijiet ta’ pajjiż terz fis-sistema ICG biex tgħin lill-awtoritajiet kompetenti, lid-dwana u lill-importaturi jidentifikaw jekk hemmx rekwiżit ta’ ċertifikazzjoni tal-esportazzjoni jew projbizzjoni tal-esportazzjoni f’pajjiżi terzi, tfassal mudell f’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tal-Grupp tal-Proġett, biex iservi bħala profil ta’ mudell tal-librerija.

·Kif għandhom jiġu ttrattati fis-sistema ICG l-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni li jkopru kunsinni ta’ diversi oġġetti kulturali; abbażi tal-esperjenza prattika tal-awtoritajiet kompetenti fil-kuntest tal-liċenzji tal-esportazzjoni skont ir-Regolament (KE) 116/2009.

·“Brainstorming” dwar l-aktar mod effiċjenti u effettiv biex jiġi organizzat il-fluss tax-xogħol ta’ applikazzjoni għal liċenzja tal-importazzjoni b’diversi oġġetti, fil-każ fejn l-awtorità kompetenti jkollha l-ħsieb li tagħti l-liċenzja għal xi wħud mill-oġġetti iżda tirrifjuta l-applikazzjoni fir-rigward tal-bqija.

·Fil-kuntest tat-tnaqqis tal-kamp b’test liberu fil-mudelli tal-liċenzja tal-importazzjoni u tad-dikjarazzjoni tal-importatur, il-membri ġew ikkonsultati dwar il-ħolqien ta’ listi ta’ valuri biex jittejjeb il-ġbir tad-data statistika.

Barra minn hekk, matul il-perjodu ta’ rapportar u hekk kif inħolqu u żdiedu mas-sistema funzjonalitajiet ġodda, it-tim tal-iżviluppaturi tal-ICG għamel tliet dimostrazzjonijiet lill-Grupp biex jikseb feedback dwar l-implimentazzjoni tal-karatteristiċi l-ġodda.

5.RISKJI GĦAD-DEWMIEN

Riskju 1 – Allokazzjoni tal-persunal

Il-proposta inizjali mill-Kummissjoni ma pprovdietx għall-ħolqien ta’ sistema tal-IT. Għalhekk, ma ġewx allokati riżorsi għal dan. Madankollu, matul in-negozjati u fuq talba tal-koleġiżlaturi, fir-Regolament ġie inkluż il-ħolqien tas-sistema ICG, li rrikjeda riżorsi addizzjonali li f’dak il-punt ma kinux previsti. Il-ħtiġijiet għal dan il-proġett ta’ 6 snin f’termini ta’ persunal għall-iżvilupp tal-IT ġew stmati, fi żmien it-trilogi politiċi finali f’Diċembru 2018, bħala żewġ pożizzjonijiet ta’ Amministratur full-time. Madankollu, Amministratur full-time wieħed biss seta’ jiġi allokat minn nofs Lulju 2020.

Riskju 2 – Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-UE għad-Dwana u l-prijoritajiet ġenerali tal-iżvilupp tal-IT doganali

Is-sistema ICG hija interdipendenti fuq l-implimentazzjoni korretta tas-CSW-CERTEX tal-UE, il-komponent ewlieni tal-Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-UE għad-Dwana, biex tiġi skambjata informazzjoni mal-ambjenti ta’ tieqa unika nazzjonali għad-dwana. Ir-riskji jinsabu l-aktar min-naħa tal-Istati Membri u huma marbuta mar-restrizzjonijiet tar-riżorsi, il-kumplessità tal-proġetti u l-integrazzjoni tagħhom, il-kwistjonijiet kuntrattwali, kif ukoll kwistjonijiet possibbli ta’ akkwist u finanzjament. Dawn ir-riskji jeħtieġ li jitqiesu fil-kuntest tal-attivitajiet ġenerali tal-IT tal-Istati Membri, b’mod partikolari l-proġetti tal-IT tal-KDU (bħas-sistemi tal-importazzjoni) li għandhom impatt indirett fuq l-implimentazzjoni ġenerali tal-ICG. Xi Stati Membri esperjenzaw impatt addizzjonali fuq ir-riżorsi relatat mal-gwerra fl-Ukrajna. Sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta’ finanzjament, COM ippromwoviet l-użu tal-istrumenti rilevanti, inkluż l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (TSI).

Azzjonijiet ta’ mitigazzjoni

Ir-riskji ġew irrappurtati internament.

6.KONKLUŻJONIJIET

L-azzjonijiet ewlenin għall-iżvilupp tas-sistema ICG li twettqu matul il-perjodu kopert mir-raba’ rapport ta’ progress attwali jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

·L-iżvilupp tas-sistema ICG beda u l-ewwel riżultati bażiċi diġà jistgħu jidhru fuq l-iskrin. Il-funzjonijiet ewlenin tal-ICG, bħal pereżempju l-ħolqien ta’ dokumenti, l-issejvjar bħala abbozzi, u s-sottomissjoni jew ir-reġistrazzjoni ta’ dokumenti għat-tipi kollha ta’ oġġetti kulturali, diġà huma operazzjonali.

·L-enfażi issa hija fuq l-estensjoni ta’ dawn il-funzjonalitajiet ewlenin għall-kapaċitajiet ta’ ġestjoni kompluti tas-sistema.​L-isforzi ppjanati taħt it-tmien ħarġiet interni mit-tieni trimestru tal-2022 sat-tieni trimestru tal-2024 jinsabu fit-triq it-tajba, bl-organizzazzjoni tagħhom soġġetta għal adattamenti kontinwi tal-metodu Agile.

·Il-kollaborazzjoni mill-qrib mal-membri tal-Grupp tal-Proġett dwar id-“Diġitalizzazzjoni tal-Beni Kulturali” ippermettiet l-avvanz tal-attivitajiet tekniċi u saru tliet dimostrazzjonijiet tas-sistema ICG fil-kuntest tal-laqgħat regolari tal-Grupp tal-Proġetti.

·Ġew miftiehma u implimentati kunċetti funzjonali ġodda tal-ICG bħall-faċilitazzjoni fil-każ ta’ importazzjoni sussegwenti ta’ oġġetti kulturali li kienu liċenzjati qabel, diversi oġġetti taħt l-istess liċenzja tal-importazzjoni, applikazzjoni għal liċenzja maqsuma, eċċ.

·Inħoloq mudell funzjonali għall-profili tal-liġijiet ta’ pajjiżi terzi. Din il-karatteristika ta’ Librerija tal-liġijiet ta’ pajjiż terz tal-ICG se tgħin lill-amministrazzjonijiet u lill-operaturi jidentifikaw jekk l-esportazzjoni ta’ oġġetti kulturali minn pajjiż terz partikolari hijiex soġġetta għal restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet.

·L-attivitajiet kummerċjali għall-integrazzjoni tas-CSW-CERTEX tal-UE tnedew sabiex id-dokumenti tas-sistema ICG ikunu aċċessibbli għad-dwana sal-bidu tal-2025, f’konformità mad-dħul fis-seħħ tas-sistema tal-liċenzjar elettroniku tal-ICG. Ix-xogħol fuq konnessjonijiet esterni oħra bħal pereżempju mal-EORI qed jagħmel progress.

·Skont l-istadji importanti tal-MASP-C 2019, tnediet il-ħidma dwar l-Ispeċifikazzjonijiet tal-Applikazzjoni u tas-Servizz u l-Ispeċifikazzjonijiet tas-Sistema Teknika.

·S’issa, il-Kummissjoni kienet skont l-iskeda bl-iskadenzi għall-iżvilupp u ma ġie identifikat l-ebda riskju sinifikanti għad-dewmien.



Anness I: Ippjanar strateġiku pluriennali

L-MASP-C jiżgura ġestjoni effettiva u koerenti tal-proġetti tal-IT billi jistabbilixxi kemm qafas strateġiku kif ukoll stadji importanti fi ħdan skadenzi legali stabbiliti fil-leġiżlazzjoni. Dan finalment jiġi approvat mill-Istati Membri fil-Grupp tal-Politika Doganali (CPG) abbażi ta’ parir mogħti mill-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar id-Dwana Elettronika (ECCG) u konsultazzjonijiet mal-kummerċ fil-Grupp ta’ Kuntatt dwar il-Kummerċ (TCG).

L-ippjanar għas-sistema elettronika ġie diskuss u approvat mill-Istati Membri u huwa deskritt fid-dettall fil-Fiche 1.18 tal-MASP-C rev. 2019.

It-Tabella 1 ta’ hawn taħt tipprovdi silta mill-ippjanar tal-proġett dwar l-importazzjoni ta’ beni kulturali mill-MASP-C rev. 2019 Fiche 1.18.

Tabella 1 - Silta mill-MASP-C rev. 2019 Fiche 1.18

Stadji importanti

Data stmata tat-tlestija

1

Analiżi tan-Negozju u Mmudellar tan-Negozju

- Dokument tal-Argument għall-Vijabbiltà

Q4 2020

- Livell 3 (BPM tar-Rekwiżiti tal-Utenti)

Q1 2022

- Livell 4 (BPM dettaljat tar-Rekwiżiti Funzjonali)

Q1 2022

2

Dispożizzjonijiet Legali

- Id-dispożizzjonijiet kurrenti adottati*

Q2 2019

- Id-dispożizzjonijiet futuri adottati **

Q2 2021

3

Fażi tal-Bidu tal-Proġett

- Dokument ta’ Viżjoni

Q2 2021

- Deċiżjoni tal-GO

Q2 2021

4

Proġett tal-IT

- Speċifikazzjonijiet tal-Applikazzjoni u tas-Servizz

Q2 2023

- Speċifikazzjonijiet Tekniċi tas-Sistema

Q2 2023

Fażi tal-Kostruzzjoni

- Implimentazzjoni tas-servizzi ċentrali

Q3 2024

- Integrazzjoni tas-servizz fis-Sistemi Nazzjonali

M/A

- Implimentazzjoni nazzjonali

M/A

Fażi Tranżitorja

- Varar u tnedija

Q4 2024

- Testijiet tal-konformità

Q2 2025

5

Operazzjoni

- Il-Kummissjoni, l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri u l-Kummerċjanti

Q2 2025

- Pajjiżi li ma humiex tal-UE u kummerċjanti li ma humiex tal-UE (jekk ikun meħtieġ)

M/A

6

Appoġġ għall-implimentazzjoni (taħriġ u komunikazzjoni)

- Taħriġ u komunikazzjoni żviluppati b’mod ċentrali

Q4 2024

- Taħriġ u komunikazzjoni nazzjonali

Q4 2024

*Id-dispożizzjonijiet kurrenti jirreferu għar-Regolament (UE) 2019/880

**Id-dispożizzjonijiet futuri jirreferu għad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati skont ir-Regolament (UE) 2019/880



It-Tabella 2 tipprovdi silta mill-proġett CSW-CERTEX tal-UE, b’enfażi fuq il-Komponent 2 tal-proġett CSW CERTEX tal-UE, li jgħaqqad is-sistema ICG.

Tabella 2 - Silta mill-MASP-C rev. 2019 Fiche 1.13 – Komponent 2 “CSW-CERTEX tal-UE”

Stadji importanti

Data stmata tat-tlestija

1

Analiżi tan-Negozju u Mmudellar tan-Negozju

- Dokument tal-Argument għall-Vijabbiltà

Q1 2017

- Anness tal-Argument għall-Vijabbiltà

Q2 2023

- Livell 3 (BPM tar-Rekwiżiti tal-Utenti)

Q1 2024

- Livell 4 (BPM dettaljat tar-Rekwiżiti Funzjonali)

Q1 2024

2

Dispożizzjonijiet Legali

- Id-dispożizzjonijiet kurrenti adottati*

Fis-seħħ

- Id-dispożizzjonijiet futuri adottati**

2021

3

Fażi tal-Bidu tal-Proġett

- Dokument ta’ Viżjoni

Q3 2017

- Anness tad-Dokument ta’ Viżjoni

Q3 2023

- Deċiżjoni tal-GO

Q3 2023

4

Proġett tal-IT

- Speċifikazzjonijiet tal-Applikazzjoni u tas-Servizz

Q2 2024

- Speċifikazzjonijiet Tekniċi tas-Sistema

Q2 2024

Fażi tal-Kostruzzjoni

- Implimentazzjoni tas-servizzi ċentrali

Q3 2024

- Integrazzjoni tas-servizz fis-Sistemi Nazzjonali

Minn Q4 2024 ’il quddiem

- Implimentazzjoni nazzjonali

Minn Q4 2024 ’il quddiem

Fażi Tranżitorja

- Varar u tnedija

Q4 2024

- Testijiet tal-konformità

Minn Q1 2025 ’il quddiem

5

Operazzjoni

- Il-Kummissjoni, l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri u l-Kummerċjanti (NB: Din hija d-data tal-Operazzjonijiet għall-Kummissjoni, l-Istati Membri se jittestjaw għall-konformità minn Q2 2020)

Q2 2025

- Pajjiżi li ma humiex tal-UE u kummerċjanti li ma humiex tal-UE (jekk ikun meħtieġ)

M/A

6

Appoġġ għall-implimentazzjoni (taħriġ u komunikazzjoni)

- Taħriġ u komunikazzjoni żviluppati b’mod ċentrali

M/A

- Taħriġ u komunikazzjoni nazzjonali

M/A

*Id-dispożizzjonijiet kurrenti jirreferu għar-Regolament (UE) 2019/880

**Id-dispożizzjonijiet futuri jirreferu għad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati skont ir-Regolament (UE) 2019/880

Anness II: Fażijiet ewlenin tal-proġett u skeda ta’ żmien tal-istadji importanti kritiċi

(1)

ĠU L 151, 7.6.2019, p. 1–14

(2)

Ir-Regolament (UE) 2022/2399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 li jistabbilixxi l-Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-Unjoni Ewropea għad-Dwana u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 952/2013 ĠU L 317, 9.12.2022, p. 1-23

(3)

  COM(2020) 342 final

(4)

  COM (2021) 358 final

(5)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1079 tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2019/880 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-introduzzjoni u l-importazzjoni ta’ beni kulturali; ĠUUE L 234 ta’ 2.7.2021, p. 67.

(6)

  COM(2022) 580 final

(7)

Ir-Regolament jiddefinixxi bħala “importazzjoni” t-tqegħid ta’ merkanzija taħt il-proċeduri doganali li ġejjin: rilaxx għal ċirkolazzjoni libera; il-ħżin f’imħażen doganali jew f’żoni liberi; id-dħul temporanju; u l-użu aħħari, inkluż proċessar attiv.

(8)

Ara https://ec.europa.eu/taxation_customs/general-information-customs/electronic-customs_en .

(9)

  https://ec.europa.eu/taxation_customs/sites/taxation/files/2019_masp_annex3_en.pdf  

(10)

  https://ec.europa.eu/taxation_customs/sites/taxation/files/2019_masp_annex4_en.pdf  

(11)

  https://ec.europa.eu/taxation_customs/sites/taxation/files/2019_masp_annex5_en.pdf  

(12)

Wara kważi 10 snin ta’ proġetti pilota u kważi 4 snin ta’ tħejjijiet u negozjati, ir-Regolament li jistabbilixxi l-Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-UE għad-Dwana daħal fid-dritt tal-UE f’Diċembru 2022, filwaqt li pprovda qafas legali ġdid biex jittejbu l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni diġitali bejn l-amministrazzjonijiet doganali u awtoritajiet oħra tal-gvern.

(13)

  https://icom.museum/en/resources/red-lists/

(14)

  https://icom.museum/en/resources/standards-guidelines/objectid/  

(15)

  https://www.obs-traffic.museum/  

(16)

Il-Grupp tal-Proġett dwar id-Diġitalizzazzjoni ta’ Beni Kulturali jservi bħala pjattaforma ta’ diskussjoni, fejn esperti mill-amministrazzjonijiet doganali nazzjonali u awtoritajiet (kulturali) kompetenti b’esperjenza fit-twettiq ta’ formalitajiet ta’ liċenzjar fi kwistjonijiet ta’ patrimonju, b’mod partikolari b’mod diġitali, jingħaqdu flimkien biex jipprovdu appoġġ fl-attivitajiet relatati mal-iżvilupp tas-Sistema ICG.

(17)

Għal aktar dettalji dwar il-mandat u l-ħidma tal-Grupp tal-Proġett, jekk jogħġbok ara l-ewwel Rapport ta’ Progress tal-Kummissjoni COM (2020) 342 final .

Top