Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023DC0724

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-attività tal-EURES Lulju 2020 - Ġunju 2022 Sottomess skont l-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2016/589

COM/2023/724 final

Brussell, 28.11.2023

COM(2023) 724 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-attività tal-EURES Lulju 2020 - Ġunju 2022






Sottomess skont l-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2016/589


Werrej

Sommarju eżekuttiv

Akronimi Ewlenin

1Introduzzjoni

2L-attivitajiet ewlenin tan-network tal-EURES: Lulju 2020 – Ġunju 2022

2.1    Attivitajiet fil-pajjiżi tal-EURES    

2.1.1    Servizzi ta’ appoġġ ġenerali għall-ħaddiema u għall-impjegaturi    

2.1.2    Servizzi ta’ appoġġ speċifiċi    

2.1.3    Ir-riżorsi u l-governanza    

2.2    Attivitajiet ta’ appoġġ orizzontali mill-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-EURES    

2.2.1    Appoġġ għall-koordinazzjoni u l-governanza    

2.2.2    L-operat u l-iżvilupp tal-portal tal-EURES u l-appoġġ għall-IT relatat    

2.2.3    It-taħriġ u l-iżvilupp professjonali    

2.2.4    Il-bini ta’ network, l-iskambju ta’ prattika tajba u tagħlim reċiproku    

2.2.5    Attivitajiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni    

2.2.6    Analiżi tal-mobilità ġeografika u okkupazzjonali    

2.2.7    L-iżvilupp ta’ struttura xierqa ta’ kooperazzjoni u awtorizzazzjoni għall-apprendistati u t-traineeships    

2.2.8    Ir-riżorsi finanzjarji    

3IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLAMENT FL-ISTATI MEMBRI

3.1    Il-kompożizzjoni tan-network u kwistjonijiet organizzazzjonali    

3.1.1    Implimentazzjoni    

3.1.2    Sfidi    

3.2    Il-governanza u l-interazzjoni ma’ organizzazzjonijiet barra n-network tal-EURES    

3.2.1    Implimentazzjoni    

3.2.2    Sfidi    

3.3    It-twessigħ tan-network    

3.3.1    Implimentazzjoni    

3.3.2    Sfidi    

3.4    Postijiet tax-xogħol vakanti u skambji ta’ CVs    

3.4.1    Implimentazzjoni    

3.4.2    Sfidi    

3.5    Servizzi ta’ appoġġ    

3.5.1    Implimentazzjoni    

3.5.2    Sfidi    

3.6    Skambju ta’ informazzjoni, programmazzjoni, u kejl tal-prestazzjoni    

3.6.1    Implimentazzjoni    

3.6.2    Sfidi    

3.7    Rakkomandazzjonijiet indirizzati mill-perjodu ta’ rapportar preċedenti    

4L-implimentazzjoni tar-Regolament mill-Kummissjoni Ewropea u l-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni

4.1    Rekwiżiti tar-Regolament    

4.2    Implimentazzjoni    

4.3    Sfidi    

4.4    Rakkomandazzjonijiet indirizzati mill-perjodu ta’ rapportar preċedenti    

5Konklużjonijiet u Rakkomandazzjonijiet

5.1    Konklużjonijiet    

5.2    Rakkomandazzjonijiet lill-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni, ġestit mill-Awtorità Ewropea tax-Xogħol    

5.3    Passi ewlenin għall-Kummissjoni    

Sommarju eżekuttiv

Dan ir-Rapport Biennali jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet imwettqa min-network tal-EURES bejn l-1 ta’ Lulju 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2022 kif ukoll deskrizzjoni tas-sitwazzjoni attwali tal-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-EURES (UE) 2016/589 minn Ġunju 2022 kif previst fl-Artikolu 33 ta’ dan ir-Regolament. Ta’ min jinnota li l-perjodu kopert fir-rapport kien affettwat mill-pandemija tal-COVID-19 li kkawżat l-għeluq tal-fruntieri, diversi lockdowns u vjaġġar ristrett.

Il-EURES, li tnieda fl-1994, huwa network ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea (KE), l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA), is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) nazzjonali u organizzazzjonijiet ammessi oħra fil-pajjiżi kollha tal-UE, fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein, fin-Norveġja, fl-Iżvizzera u, f’partijiet tal-perjodu ta’ referenza, fir-Renju Unit (minn hawn ’il quddiem: il-“pajjiżi tal-EURES”). L-għan ewlieni tan-network tal-EURES huwa l-appoġġ ta’ mobilità tal-forza tax-xogħol ġusta intra-UE. Is-servizzi tal-EURES jitwasslu permezz tal-persunal tal-EURES madwar il-pajjiżi kollha tal-EURES, u l-portal Ewropew dwar il-mobilità fix-xogħol (“il-portal tal-EURES”).

Kif meħtieġ fir-regolament dwar il-EURES, fl-2021 il-Kummissjoni ppubblikat evalwazzjoni ex post tal-attivitajiet tal-EURES u tal-effetti ta’ dan ir-regolament. F’din l-evalwazzjoni ġew identifikati diversi oqsma ta’ titjib, u dan ir-rapport għandu l-għan li jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-progress li sar mit-tieni semestru tal-2020 sal-ewwel semestru tal-2022.

In-network tal-EURES kien attiv ħafna bejn Lulju 2020 u Ġunju 2022. Il-persunal tan-network tal-EURES ittratta u pproċessa 445 206 applikazzjonijiet għal impjieg u 718 168 post tax-xogħol vakanti, u ġew organizzati 18 935 avveniment fin-network kollu.

Fil-livell operazzjonali, l-attivitajiet ewlenin tal-pajjiżi tal-EURES matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni kurrenti ffukaw fuq il-forniment ta’ servizzi ta’ appoġġ ġenerali lill-impjegaturi u lil dawk li qed ifittxu impjieg. Barra minn hekk, servizzi speċifiċi ta’ appoġġ dwar l-apprendistati u t-traineeships, assistenza ta’ wara r-reklutaġġ u skemi ta’ mobilità ġew ipprovduti fin-network kollu. Matul il-perjodu ta’ rapportar, il-funzjoni tal-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni (ECO) tal-EURES ġiet ittrasferita mill-Kummissjoni għall-ELA wara l-ħolqien ta’ dan tal-aħħar. Madankollu, il-Kummissjoni tibqa’ responsabbli għall-aspetti leġiżlattivi u ta’ politika tal-EURES, kif ukoll għall-iskemi ta’ finanzjament fl-ambitu tal-EURES.

Fil-livell regolatorju, ġew irrapportati diversi avvanzi fl-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-EURES mill-pajjiżi tal-EURES, inklużi:

•    Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-EURES għandhom fis-seħħ sistema ta’ ammissjoni għall-Membri u s-Sħab potenzjali l-ġodda biex ikabbru n-networks tagħhom u diġà daħlu diversi Membri u Sħab ġodda. Ir-regolament dwar il-EURES jiftaħ għas-servizzi privati tal-impjiegi u għal servizzi relatati biex ikunu sħab fin-network. Madankollu, il-progress fil-ftuħ tan-network għal sħab oħra għadu limitat.

•    Il-pajjiżi kollha tal-EURES huma konnessi mat-trasferiment ta’ postijiet tax-xogħol vakanti fil-portal tal-EURES, u l-maġġoranza tal-pajjiżi jittrasferixxu CVs mil-livell nazzjonali għall-portal tal-EURES. Madankollu, it-trasferiment ta’ traineeships u apprendistati għall-portal tal-EURES huwa limitat għal nofs il-pajjiżi tal-EURES.

•    Kważi l-pajjiżi kollha tal-EURES irnexxielhom jadottaw il-klassifikazzjoni Ewropea ta’ ħiliet, kompetenzi, kwalifiki u impjiegi (ESCO) 1 jew irnexxielhom jimmappjaw il-klassifikazzjonijiet nazzjonali tagħhom għall-ESCO u xi pajjiżi tal-EURES bdew jittrasferixxu l-postijiet tax-xogħol vakanti u l-applikazzjonijiet għall-impjieg ikkodifikati mal-ESCO lejn il-portal tal-EURES.

Dan ir-rapport janalizza jekk u kif twettqet l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-EURES. Xi sfidi u ostakli diskussi f’dan ir-rapport għad iridu jiġu indirizzati mill-Uffiċċji Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni (NCOs). B’mod partikolari, it-tkabbir tan-network bl-ammissjoni ta’ Membri u Sħab ġodda naqas b’mod sinifikanti minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Għad hemm ukoll lok għal titjib f’dak li għandu x’jaqsam mal-għarfien tal-marka tal-EURES madwar l-Ewropa. Barra minn hekk, hija meħtieġa aktar trażmissjoni (awtomatizzata) ta’ postijiet tax-xogħol vakanti, kif ukoll aktar konformità mas-CVs u mal-applikazzjonijiet għax-xogħol mibgħuta lill-portal tal-EURES mar-rekwiżiti regolatorji stabbiliti mir-Regolament dwar il-EURES.

Fil-futur, biex jilħqu l-objettivi tar-regolament dwar il-EURES u biex jiżguraw ulterjorment mobilità ġusta tal-forza tax-xogħol intra-UE, huwa rrakkomandat li l-pajjiżi tal-EURES isaħħu l-isforzi tagħhom biex idaħħlu Membri u Sħab ġodda. Fid-dawl taż-żieda fid-daqs tan-network tal-EURES, għandha ssir riflessjoni mill-pajjiżi tal-EURES dwar il-governanza interna u l-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni tagħhom biex jappoġġaw in-network li qed jikber. F’perjodu ta’ nuqqas kbir ta’ ħaddiema u ħiliet, il-EURES għadu mhux qed jilħaq il-potenzjal tiegħu li joffri tweġibiet lill-UE għan-nuqqasijiet preżenti f’ħafna setturi u reġjuni. Sabiex ikun jista’ jiġi żgurat tqabbil rilevanti, effettiv u effiċjenti tal-impjiegi transfruntieri, il-pajjiżi tal-EURES jeħtieġ ukoll li jkomplu bl-isforzi tagħhom fir-rigward tal-awtomatizzazzjoni tat-trasferiment tal-postijiet tax-xogħol vakanti u tas-CVs, filwaqt li n-network għandu jżomm bħala prijorità t-tlestija tal-immappjar li għaddej tas-sistemi nazzjonali ta’ klassifikazzjoni għall-ESCO.



Akronimi Ewlenin

Akronimu

Deskrizzjoni

API

Interfaċċa għall-Ipprogrammar tal-Applikazzjonijiet

CBP

Sħubijiet Transfruntieri

CV

Curriculum Vitae

EaSI

Programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali

KE

Kummissjoni Ewropea

ECG

Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-EURES

ECO

Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni

ŻEE

Żona Ekonomika Ewropea

ELA

Awtorità Ewropea tax-Xogħol

EOJD

Jiem Ewropej tal-Impjiegi Online

ESCO

Ħiliet, Kompetenzi u Impjiegi Ewropej

FSE+

Fond Soċjali Ewropew Plus

Portal tal-EURES

Portal Ewropew dwar il-mobilità fix-xogħol

UE

Unjoni Ewropea

FTE

Ekwivalenti għal Full Time

JV

Post tax-Xogħol Vakanti

QFP

Qafas Finanzjarju Pluriennali

NCO

Uffiċċju Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni

PC

Ċiklu ta’ Programmazzjoni

PES

Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi

PMS

Sistema ta’ Kejl tal-Prestazzjoni

SDG

Gateway Diġitali Unika

TMS

Skemi ta’ Mobilità Mmirata

UK

Ir-Renju Unit

YFEJ

L-Ewwel Impjieg EURES Tiegħek

2FA

Awtentikazzjoni b’Żewġ Fatturi

1Introduzzjoni

Dan ir-Rapport Biennali jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet imwettqa min-network tal-EURES bejn Lulju 2020 u Ġunju 2022 kif ukoll deskrizzjoni tas-sitwazzjoni attwali tal-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-EURES (UE) 2016/589 (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament”) abbażi tan-notifiki tal-Istati Membri minn Ġunju 2022 kif previst fl-Artikolu 33 ta’ dan ir-Regolament.

Matul il-perjodu ta’ rapportar, l-operazzjonijiet tal-EURES kienu affettwati b’mod sinifikanti mit-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 u l-partijiet ikkonċernati kellhom iħabbtu wiċċhom ma’ fruntieri magħluqa, lockdowns, ivvjaġġar ristrett matul perjodi estiżi, u dan ikkawża ħafna inċertezza u pressjoni fuqhom kollha. It-tieni, fl-4 ta’ Marzu 2022, wara deċiżjoni unanima mill-Istati Membri, ġiet attivata d-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja għal dawk in-nies li qed jaħarbu mill-invażjoni mhux ġustifikata tar-Russja fl-Ukrajna. Din tat protezzjoni lil miljuni ta’ persuni spostati u pprovditilhom aċċess għas-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-kura tas-saħħa. F’xi pajjiżi tal-EURES, is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) kellhom jagħtu prijorità lill-kompiti relatati mal-akkoljenza ta’ persuni li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna fit-territorju tagħhom. It-tielet, minn perspettiva organizzazzjonali, f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2019/1149, ir-responsabbiltà għall-ġestjoni tal-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-EURES (ECO) ġiet ittrasferita mill-Kummissjoni Ewropea (KE) lill-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA) u t-trasferiment tlesta f’Mejju 2021. Fl-aħħar nett, evalwazzjoni ex post estensiva tal-EURES, kif meħtieġ mir-Regolament, ġiet iffinalizzata mill-Kummissjoni fl-2021 2 , 5 snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament.

Il-EURES, li tnieda fl-1994 huwa network ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea, l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA), is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) nazzjonali u Membri u Sħab oħra, fil-pajjiżi kollha tal-UE, fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein, fin-Norveġja, fl-Iżvizzera u fir-Renju Unit 3 (minn hawn ’il quddiem: il-“pajjiżi tal-EURES”). Il-EURES jiffaċilita l-moviment liberu tal-ħaddiema billi jipprovdi informazzjoni u servizzi ta’ appoġġ għall-impjiegi lill-ħaddiema u lill-impjegaturi, u billi jtejjeb il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet membri tiegħu.

Ir-Regolament (UE) 2016/589 dwar il-EURES ħoloq network akbar u aktar b’saħħtu ta’ servizzi Ewropej tal-impjiegi, kemm pubbliċi kif ukoll privati, sabiex ikun hemm skambju aktar effiċjenti ta’ informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol bejn il-fruntieri b’appoġġ għall-kollokamenti fl-UE/fiż-żona ŻEE. Il-bidliet ewlenin introdotti bir-Regolament il-ġdid dwar il-EURES meta mqabbla mal-bażi legali preċedenti huma marbuta mat-trasparenza mtejba permezz ta’ żieda fl-għadd ta’ impjiegi rreklamati fuq il-Portal tal-EURES, inklużi l-apprendistati u t-traineeships li huma soġġetti għal relazzjoni ta’ impjieg; tqabbil aħjar online tal-postijiet tax-xogħol vakanti u s-CVs; forniment ta’ pakkett minimu miftiehem ta’ servizzi għall-persuni li qed ifittxu impjieg u għall-impjegaturi; u t-tkabbir tan-network. Ir-Regolament huwa appoġġat minn sitt deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni 4 li jiżguraw implimentazzjoni uniformi fil-pajjiżi tal-EURES.

Wara kważi 30 sena ta’ attivitajiet ta’ suċċess, il-EURES jifforma parti essenzjali mill-istruttura ta’ appoġġ tas-suq tax-xogħol li l-UE żviluppat matul dawn l-aħħar deċennji biex tappoġġa l-mobilità ġusta u ttejjeb il-prestazzjoni soċjali u ekonomika tagħha. Is-servizzi tal-EURES jingħataw permezz ta’ żewġ kanali komplementari — in-network uman tal-EURES, li jinkludi l-persunal tal-EURES fin-network kollu, u l-portal Ewropew dwar il-Mobbiltà fix-Xogħol (il-Portal tal-EURES) b’għadd ta’ għodod ta’ servizzi online disponibbli.

Is-servizzi tal-EURES għall-persuni li qed ifittxu impjieg u għall-impjegaturi

·Għajnuna lil min qed ifittex ix-xogħol u lill-impjegaturi biex isibu kandidati mill-Ewropa kollha;

·Tlaqqigħ tal-postijiet tax-xogħol battala mas-CVs fil-portal tal-EURES;

·Informazzjoni, gwida u servizzi oħrajn dwar il-mobilità tax-xogħol għall-ħaddiema u l-impjegaturi;

·Assistenza ta’ wara r-reklutaġġ;

·Aċċess għal informazzjoni dwar aspetti tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u x-xogħol bħat-tassazzjoni, il-pensjonijiet, l-assikurazzjoni tas-saħħa u s-sigurtà soċjali fil-pajjiżi tal- EURES;

·Servizzi ta’ appoġġ speċifiċi għall-ħaddiema transfruntiera u l-impjegaturi f’reġjuni transfruntiera;

·Appoġġ lil gruppi speċifiċi fil-kuntest tal-iskemi tal-mobilità mmirati marbuta mal-EURES;

·Appoġġ lil avvenimenti ta’ reklutaġġ dinamiċi permezz tal-pjattaforma Jiem Ewropej Online tal-Impjiegi (EOJD).

F’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-EURES, in-network tal-EURES huwa magħmul minn:

·L-Uffiċċji Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni (NCOs) maħtura mill-pajjiżi tal-EURES u

ġeneralment marbuta mas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) tagħhom jew mal-Ministeru tax-Xogħol

tagħhom;

·l-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni (ECO), issa ospitat mill-Awtorità Ewropea tax-Xogħol,

jipprovdi appoġġ orizzontali lill-NCOs;

·Membri u Sħab oħra tal-EURES, li, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament dwar il-EURES

huma l-organizzazzjonijiet li jwettqu attivitajiet operazzjonali fin-network tal-EURES

bħas-servizzi privati tal-impjiegi, is-sħab soċjali, u l-universitajiet.

Flimkien, il-Kummissjoni, l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, u l-NCOs jikkostitwixxu l-Grupp Ewropew ta’ Koordinazzjoni (ECG) tan-network tal-EURES, li għandu rwol ta’ koordinazzjoni fir-rigward tal-attivitajiet u l-funzjonament tan-network.

2L-attivitajiet ewlenin tan-network tal-EURES: Lulju 2020 – Ġunju 2022

Din it-taqsima tiddeskrivi l-attivitajiet ewlenin tan-network tal-EURES matul il-perjodu ta’ rapportar.

2.1Attivitajiet fil-pajjiżi tal-EURES

Il-komunikazzjoni mal-impjegaturi u mal-persuni li qed ifittxu impjieg biex jiġu pprovduti b’appoġġ matul u wara l-proċess ta’ reklutaġġ hija attività ewlenija tal-pajjiżi tal-EURES, imqassma f’servizzi ta’ appoġġ ġenerali u speċifiċi.

2.1.1Servizzi ta’ appoġġ ġenerali għall-ħaddiema u għall-impjegaturi

2.1.1.1Attivitajiet ta’ tqabbil u ta’ kollokament

Bejn Lulju 2020 u Ġunju 2022, il-persunal tal-EURES immaniġġa u pproċessa 445 206 applikazzjonijiet għal impjieg u 718 168 post tax-xogħol vakanti, ammont li huwa ferm aktar baxx mill-perjodu ta’ rapportar preċedenti, prinċipalment minħabba t-tnaqqis drammatiku fir-ritmu tal-attivitajiet tal-EURES matul il-pandemija u l-allokazzjoni tal-persunal tal-EURES għal attivitajiet oħra tal-PES. Ġew organizzati 18 935 avveniment fin-network kollu. Minn dawn, 73 % kienu avvenimenti ta’ informazzjoni, 9 % kienu avvenimenti ta’ reklutaġġ u t-18 % li jifdal kienu taħlita ta’ attivitajiet ta’ reklutaġġ u ta’ informazzjoni.

Sa tmiem it-tieni semestru tal-2022, 93 186 persuna li qed ifittxu impjieg u 5 919-il impjegatur ġew irreġistrati fuq il-portal tal-EURES permezz tal-funzjoni ta’ self-service tiegħu. Abbażi ta’ stimi konservattivi 5 , in-network tal-EURES iffaċilita 36 154 kollokament fit-tieni semestru tal-2020, 24 463 kollokament fl-2021 u 25 163 kollokament fl-ewwel semestru tal-2022 6 , kemm permezz tal-portal tal-EURES kif ukoll permezz tan-networks nazzjonali tal-EURES.

2.1.1.2Informazzjoni u gwida

Eżempji ta’ attivitajiet ta’ informazzjoni u gwida għall-persuni li qed ifittxu impjieg u għall-impjegaturi pprovduti mill-persunal tal-EURES jinkludu konsulenza “one-to-one” wiċċ imb wiċċ u virtwali, appoġġ rigward l-abbozzar ta’ postijiet tax-xogħol vakanti, l-organizzazzjoni ta’ workshops u avvenimenti online. B’mod ġenerali, bejn Lulju 2020 u Ġunju 2022 ġew irrapportati 5 516 313-il kuntatt individwali mal-ħaddiema u 372 616 mal-impjegaturi. Fir-rigward tal-kuntatti mal-ħaddiema u mal-impjegaturi, il-biċċa l-kbira tal-kuntatti mill-konsulenti tal-EURES kienu ma’ ħaddiema minn pajjiż ieħor tal-EURES (56 %) u 27 % tal-kuntatti mal-impjegaturi saru minn konsulenti tal-EURES ma’ impjegaturi minn pajjiż ieħor tal-EURES. Is-suġġetti ewlenin diskussi mal-ħaddiema kienu l-kollokamenti (40 % tal-kuntatti), filwaqt li l-informazzjoni ġenerali dwar il-EURES (39 % tal-kuntatti) kienet l-aktar suġġett popolari diskuss mal-impjegaturi.

2.1.2Servizzi ta’ appoġġ speċifiċi 

2.1.2.1Appoġġ f’reġjuni transfruntieri

Bejn l-2020 u l-2022, tmien Sħubijiet Transfruntiera (CBPs) ibbenefikaw mill-appoġġ tal-Programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) 7 . Is-sħubijiet transfruntieri tal-EURES huma raggruppamenti ta’ Membri jew Sħab tal-EURES u, meta rilevanti, partijiet ikkonċernati oħra barra min-network tal-EURES, li jistabbilixxu strutturi reġjonali għall-kooperazzjoni fit-tul f’reġjuni transfruntieri biex joffru servizzi fl-oqsma tal-kollokament, ir-reklutaġġ, u l-informazzjoni għall-ħaddiema transfruntieri.

Fl-2021 tnediet sejħa ġdida għall-proposti, li tippermetti lil seba’ CBPs jirċievu għotjiet mill-fergħa tal-EaSI tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) għall-perjodu bejn l-2022 u l-2024. B’mod globali, is-CBPs tal-EURES irrapportaw 162 160 kuntatt individwali ma’ persuni li qed ifittxu impjieg, li minnhom 39 022 kienu kuntatt matul it-tieni semestru tal-2020, 97 971 kuntatt fl-2021 u 25 167 kuntatt matul l-ewwel semestru tal-2022. B’mod globali, is-CBPs tal-EURES irrapportaw 28 079 kuntatt individwali ma’ impjegaturi, li minnhom 8 096 kuntatt kienu matul it-tieni semestru tal-2020, 16 727 matul l-2021 u 3 256 matul l-ewwel semestru tal-2022. It-tnaqqis fil-kuntatti fl-ewwel nofs tal-2022 huwa dovut għal żewġ proġetti li ntemmu f’Diċembru 2021, u l-proġetti li għadhom kif ingħataw li raw bidu bil-mod ta’ attivitajiet sal-ħarifa tal-2022. Saru aktar minn 11 694 tqabbila bis-saħħa tas-CBPs fil-perjodu kopert minn dan ir-rapport. L-enfasi tal-attivitajiet tas-CBPs kienet l-aktar fuq l-għoti ta’ informazzjoni lil dawk li qed ifittxu impjieg u lill-impjegaturi, u s-suġġetti l-aktar diskussi maż-żewġ gruppi kienu s-sigurtà soċjali, il-kollokamenti, u mistoqsijiet ġenerali dwar il-EURES.

2.1.2.2L-Iskema ta’ Mobilità Mmirata tal-EURES (TMS)

Fl-2019, il-Kummissjoni stabbiliet azzjoni integrata: l-“Iskema ta’ Mobilità Mmirata tal-EURES (TMS)” biex tgħaqqad żewġ skemi ta’ mobilità professjonali intra-UE li għaddejjin bħalissa, “L-ewwel impjieg EURES tiegħek” (YFEJ) u “Reactivate” u tiżgura l-kontinwità u l-iżvilupp ulterjuri tagħhom bħala parti mit-TMS. L-objettiv ġenerali tat-TMS huwa li tgħin lil dawk li qed ifittxu impjieg mill-UE/miż-ŻEE (b’mod partikolari l-persuni qiegħda u l-gruppi vulnerabbli) isibu impjieg, traineeship, apprendistat fi Stat Membru ieħor tal-UE jew f’pajjiż taż-ŻEE, u lill-impjegaturi (speċjalment l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju) jimlew il-postijiet vakanti tagħhom li diffiċli jimtlew billi jirreklutaw ħaddiema minn pajjiżi oħra tal-UE/taż-ŻEE. Bħalissa, l-azzjoni qed titwettaq mill-Iżvezja, mill-Ġermanja u mill-Italja bħala pajjiżi ewlenin 8 . Minħabba l-pandemija tal-COVID-19, l-implimentazzjoni tal-proġetti differenti fl-2020 u fl-2021 kienet naqset 9 .

2.1.2.3L-assistenza ta’ wara r-reklutaġġ

L-assistenza ta’ wara r-reklutaġġ għandha l-għan li tiżgura l-aħjar integrazzjoni possibbli tal-ħaddiema mobbli fil-pożizzjonijiet il-ġodda tagħhom barra mill-pajjiż. Il-pajjiżi tal-EURES iffukaw fuq l-għoti ta’ informazzjoni lill-ħaddiema u lill-impjegaturi qabel ma jiffirmaw kuntratt ta’ impjieg. B’mod ġenerali, 18-il pajjiż tal-EURES irrapportaw li organizzaw attivitajiet ta’ wara r-reklutaġġ fl-2020 u fl-2021 u 24 pajjiż tal-EURES kienu ppjanaw li jwettqu dawn l-attivitajiet fl-2022, abbażi tal-programmi ta’ ħidma tagħhom. Il-biċċa l-kbira tal-attivitajiet kienu jikkonsistu fl-għoti ta’ informazzjoni u gwida dwar kwistjonijiet ta’ taxxa u sigurtà soċjali kif ukoll gwida dwar is-sejbien ta’ akkomodazzjoni, impjiegi għall-konjuġi u edukazzjoni għall-familji tagħhom. Xi pajjiżi tal-EURES imorru saħansitra lil hinn minn dan għall-impjegati ġodda u għandhom l-għan li jżommuhom billi joffrulhom korsijiet tal-lingwa b’xejn kif ukoll apprendiment elettroniku biex isibu impjiegi fit-tul biex jippromwovu l-integrazzjoni tagħhom.

2.1.2.4 Appoġġ għaż-żgħażagħ – apprendistati u traineeships

L-attivitajiet marbuta ma’ apprendistati u traineeships li huma soġġetti għal relazzjoni ta’ impjieg raw żieda meta mqabbla mal-perjodu ta’ rapportar preċedenti. 19-il pajjiż tal-EURES irrapportaw li organizzaw attivitajiet relatati mal-appoġġ ta’ apprendistati u traineeships fl-2020, 16-il pajjiż tal-EURES organizzaw attivitajiet bħal dawn fl-2021, u 21 pajjiż tal-EURES ippjanaw li jorganizzaw dawn l-attivitajiet fl-2022, abbażi tal-programmi ta’ ħidma tagħhom. Ir-raġunijiet għaliex xi pajjiżi tal-EURES ma jipprovdux dan it-tip ta’ attivitajiet huma minħabba li ma jaqgħux fl-ambitu tas-servizzi tal-PES tal-pajjiż u/jew dawn il-prattiki ma humiex komuni f’pajjiżhom.

F’xi pajjiżi, l-offerti ta’ apprendistat u ta’ traineeship jiġu skambjati fuq il-portal tal-EURES, b’total ta’ 212 726 apprendistat u 17 001 internship li ġew offruti matul il-perjodu ta’ referenza.

2.1.3Ir-riżorsi u l-governanza

2.1.3.1Riżorsi umani

Il-persunal tal-EURES jinkludi kemm konsulenti li jaħdmu fuq il-EURES fil-PES nazzjonali jew reġjonali kif ukoll f’organizzazzjonijiet Membri jew Sħab tal-EURES oħra 10 . B’mod ġenerali, l-għadd ta’ membri tal-persunal tal-EURES żdied bi 13 % filwaqt li l-għadd ta’ ekwivalenti full-time (FTE) naqas bi 11 % matul il-perjodu ta’ rapportar, li jindika li ġew allokati aktar konsulenti għall-kompiti tal-EURES iżda li b’mod ġenerali ġew iddedikati inqas riżorsi lill-EURES f’termini ta’ FTEs. Fi tmiem it-tieni semestru tal-2020, in-network tal-EURES kellu 2 122 membru tal-persunal tal-EURES (1 311). Fi tmiem l-2021, l-għadd ta’ membri tal-persunal attivi tal-EURES żdied għal 2 421, iżda l-għadd ta’ FTE naqas għal 1 100. Matul l-ewwel semestru tal-2022, l-għadd ta’ membri tal-persunal attivi tal-EURES naqas bi ftit għal 2 405 u l-għadd ta’ FTE żdied għal 1 163 11 .

2.1.3.2Riżorsi finanzjarji

Il-kompożizzjoni tal-baġit ta’ ħidma tal-NCOs u d-daqs ivarjaw minn pajjiż tal-EURES għal ieħor. Skont l-informazzjoni pprovduta fil-programmi ta’ ħidma tal-NCOs 12 , seba’ pajjiżi tal-EURES qalu li rċevew finanzjament Ewropew, disa’ pajjiżi tal-EURES qalu li rċevew biss finanzjament nazzjonali u erbgħa qalu li rċevew biss tipi “oħra” ta’ finanzjament. Il-bqija tal-pajjiżi tal-EURES qalu li rċevew taħlita ta’ finanzjament minn sorsi differenti.

Barra minn hekk, huma disponibbli wkoll riżorsi finanzjarji għal proġetti mwettqa fil-pajjiżi tal-EURES fl-ambitu tal-Programm EaSI 13  (mill-2021, l-assi tal-EURES sar fergħa fl-ambitu tal-FSE+), bħal fil-każ tat-TMS u s-CBPs.

2.1.3.3L-infrastruttura tal-IT

Il-pandemija tal-COVID-19 sfurzat adozzjoni mifruxa tax-xogħol mill-bogħod li aċċellerat id-diġitalizzazzjoni tal-operazzjonijiet tal-EURES. Minbarra li pprovdew tagħmir tal-IT biex jippermetti lill-persunal tal-EURES iwettaq ix-xogħol tiegħu mill-bogħod, il-pajjiżi tal-EURES żguraw ukoll l-aċċess għal software rilevanti għal laqgħat u avvenimenti online. Il-persuni li qed ifittxu impjieg u l-impjegaturi saru aktar ixaqilbu lejn li jfittxu impjiegi/impjegati online. Għalhekk, ħafna pajjiżi tal-EURES investew fl-aġġornament tal-pjattaformi/siti web nazzjonali tagħhom u fit-titjib tas-servizzi diġitali tagħhom. Dan ġie aċċellerat ukoll mill-istandards ta’ kwalità imposti mir-Regolament dwar il-Gateway Diġitali Unika (SDG) 14 . Dan se jirriżulta f’aktar interoperabbiltà tal-portal tal-EURES mal-pjattaformi nazzjonali tal-EURES.

Fil-qasam tal-interoperabbiltà, il-pajjiżi tal-EURES komplew jaħdmu biex itejbu l-infrastruttura tal-IT tagħhom għat-trasferiment ta’ postijiet tax-xogħol vakanti u CVs għall-portal tal-EURES. Sabiex il-postijiet tax-xogħol vakanti jitqabblu mas-CVs rilevanti, ir-rekwiżiti ta’ mmappjar tal-klassifikazzjoni Ewropea ta’ ħiliet/kompetenzi u impjiegi (ESCO) se jservu bħala faċilitatur. F’xi pajjiżi tal-EURES kienu meħtieġa bidliet ulterjuri fl-infrastruttura tal-IT biex jiġi ffaċilitat it-twessigħ tan-network u biex jiġu allinjati l-infrastrutturi tal-IT ta’ Membri u Sħab ġodda tal-EURES (eż. il-Ġermanja, l-Ungerija, in-Netherlands u l-Portugall).

Sabiex tiżdied is-sigurtà tad-data personali fuq il-portal tal-EURES, f’Jannar 2022 ġiet introdotta sistema obbligatorja ta’ Awtentikazzjoni b’Żewġ Fatturi (2FA). Qabel l-introduzzjoni, kien hemm 151 731 kont irreġistrat fuq il-portal tal-EURES, inklużi dawk li qed ifittxu impjieg, il-maniġers u l-kuntatti tal-kumpaniji, u l-Membri u s-Sħab tal-EURES. Xahrejn wara l-implimentazzjoni tat-2FA obbligatorja, l-għadd ta’ kontijiet reġistrati naqas b’mod sinifikanti. Ġew implimentati diversi miżuri ta’ mitigazzjoni, inkluża kampanja ta’ sensibilizzazzjoni u informazzjoni li damet għaddejja għal diversi xhur mill-ECO. Ħdax-il xahar wara l-introduzzjoni tat-2FA, ir-riżultati għadhom mhux sodisfaċenti. Minkejja żieda ta’ 282 % fl-għadd ta’ kontijiet reġistrati (li laħqu 19 958 fit-tieni semestru tal-2022), dawn għadhom ferm aktar baxxi mill-għadd ta’ kontijiet qabel l-introduzzjoni tat-2FA. Il-persuni li qed ifittxu impjieg, l-impjegaturi u l-membri tal-EURES (prinċipalment il-PES) ma jużawx is-servizzi tal-EURES li jirrikjedu EU Login b’2FA. Bħala miżura ta’ rimedju addizzjonali, bħalissa qed jiġi diskuss jekk għandhiex terġa’ tibda tintuża sistema ta’ Awtentikazzjoni b’Fattur Wieħed.

2.1.3.4Governanza u kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati

L-espansjoni tan-network tal-EURES kienet waħda mill-objettivi strateġiċi ewlenin tan-network, u dan jispjega l-isforzi kontinwi biex partijiet ikkonċernati oħra jiġu mħeġġa jingħaqdu man-network matul il-perjodu ta’ rapportar. Madankollu, il-pandemija tal-COVID-19 għamlitha diffiċli li wieħed iżomm kuntatt u jirrekluta membri u sħab addizzjonali. Għal diversi xhur kien impossibbli li jsiru laqgħat fiżiċi biex jiġu introdotti operazzjonijiet tal-EURES għal partijiet ikkonċernati ġodda u l-prijoritajiet inbidlu fil-PES u għal partijiet ikkonċernati oħra fil-qasam tal-impjiegi biex jiffukaw fuq kompiti oħra li tqiegħdu fuq quddiem nett tal-aġenda biex jiġu indirizzati t-tranżizzjonijiet ewlenin tas-suq tax-xogħol ikkawżati mill-pandemija. Hekk kif il-miżuri tneħħew f’nofs l-2021, sar aktar faċli li jerġa’ jinkiseb kuntatt mal-partijiet ikkonċernati potenzjali.

2.1.3.5Komunikazzjoni fil-pajjiżi tal-EURES

Fil-perjodu ta’ referenza, saru 12 887 avveniment, li laħqu 537 696 persuna. L-avvenimenti informattivi kienu l-aktar tip komuni ta’ avveniment organizzat, segwiti minn avvenimenti mħallta (informazzjoni u reklutaġġ) u avvenimenti purament ta’ reklutaġġ. L-għadd ta’ persuni li ntlaħqu mit-tipi differenti ta’ avvenimenti segwew l-istess xejra. Aktar ma ġew organizzati avvenimenti, aktar intlaħqu nies, ħlief għat-tieni semestru tal-2021 15 .

Xi avvenimenti fil-livell nazzjonali ġew organizzati f’kooperazzjoni ma’ networks oħra tal-UE preżenti fuq il-post 16 . Il-kooperazzjoni ma’ networks oħra kienet mod produttiv kif jinħolqu sinerġiji, eżempju ta’ din il-kollaborazzjoni huma s-sessjonijiet ta’ informazzjoni mmirati lejn l-istudenti organizzati flimkien maċ-ċentri EUROPE DIRECT u EURODESK.

Matul il-perjodu 2020-2022, il-komunikazzjoni twettqet prinċipalment permezz tal-media soċjali (Facebook, Instagram, LinkedIn u Twitter) u l-ilħuq tal-EURES fuq il-media soċjali kiber fuq il-kanali kollha tal-media soċjali fil-perjodu ta’ rapportar 17 . L-attivitajiet ta’ komunikazzjoni mwettqa kienu jinkludu kampanji ta’ informazzjoni ġenerali dwar is-servizzi tal-EURES u sforzi ta’ komunikazzjoni mmirati lejn gruppi jew setturi speċifiċi (pereżempju, in-Norveġja organizzat avvenimenti ta’ informazzjoni għaż-żgħażagħ li qed ifittxu impjieg u r-Rumanija ospitat avvenimenti ta’ informazzjoni għall-ħaddiema staġunali). Fir-rigward tal-kampanji ta’ informazzjoni ġenerali, fl-2021, l-ELA kkoordinat il-kampanja “#Rights4AllSeasons”, fi sħubija mal-Kummissjoni Ewropea, in-network tal-EURES, il-Pjattaforma Ewropea li tindirizza x-xogħol mhux iddikjarat, il-pajjiżi tal-UE u s-sħab soċjali, b’enfasi fuq l-attivitajiet ta’ infurzar u informazzjoni fis-settur agrikolu. Fil-kuntest tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022, l-ECO nieda wkoll kampanja ddedikata għaż-Żgħażagħ biex iqajjem kuxjenza dwar is-servizzi tal-EURES disponibbli għalihom jekk ikunu qed ifittxu impjieg f’pajjiż ieħor tal-UE.

2.1.3.6Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-attivitajiet

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/170 18 introduċiet speċifikazzjonijiet għal approċċ uniformi għall-ġbir u għall-analiżi tad-data għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni tan-network tal-EURES. Is-Sistema ta’ Kejl tal-Prestazzjoni (PMS) tal-EURES introdotta fl-2018 stabbiliet sistema unifikata ta’ programmazzjoni u monitoraġġ fil-livell nazzjonali u ffaċilitat il-ġbir tad-data fil-Membri u s-Sħab kollha tal-EURES. Minn dak iż-żmien ’l hawn, l-NCOs ipprovdew data dwar ħames “indikaturi ewlenin” u 11-il “indikatur tan-network” kull 6 xhur 19 . B’riżultat ta’ dan, minn dak iż-żmien ’l hawn kienu possibbli tqabbil u valutazzjoni komparattiva tal-prestazzjoni fin-network kollu.

Minbarra l-PMS, iċ-Ċiklu ta’ Programmazzjoni (PC, jiġifieri l-Programmi ta’ Ħidma tal-pajjiżi kollha tal-EURES) huwa l-għodda ewlenija ta’ monitoraġġ għall-attivitajiet annwali tal-pajjiżi tal-EURES. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1256 20 introduċiet l-arranġamenti u l-mudelli li għandhom jintużaw fil-PC. Kull NCO jirrapporta dwar ir-riżultati u l-eżiti tan-network nazzjonali tal-EURES tiegħu f’Rapport annwali dwar l-Attività Nazzjonali, meta mqabbla mal-objettivi stabbiliti fil-Programm ta’ Ħidma Nazzjonali tiegħu.

2.2Attivitajiet ta’ appoġġ orizzontali mill-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-EURES

2.2.1Appoġġ għall-koordinazzjoni u l-governanza 

Il-mandat tal-ECO huwa li jissorvelja u jiffaċilita l-istadji differenti tal-PC u li jikkoordina l-ippjanar tal-NCOs. Kif meħtieġ mill-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2019/1149, l-operat tal-ECO ġie ttrasferit mill-Kummissjoni għall-ELA f’Mejju 2021.

Il-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-EURES 21 (ECG) huwa l-istruttura ta’ governanza tal-forum ewlieni li jappoġġa n-network tal-EURES fit-twettiq tal-attivitajiet tiegħu. Huwa jiltaqa’ f’intervalli regolari kif ukoll fuq bażi ad hoc biex imexxi l-attivitajiet tan-network, jiddiskuti s-sitwazzjoni attwali, jippreżenta l-iżviluppi reċenti u jaqsam informazzjoni u prattiki tajba. Dawn il-laqgħat jiġbru flimkien lill-NCOs kollha, lill-Kummissjoni u lill-ECO. Saru seba’ laqgħat tal-ECG matul il-perjodu ta’ referenza.

2.2.2L-operat u l-iżvilupp tal-portal tal-EURES u l-appoġġ għall-IT relatat 

Bit-trasferiment tal-kompetenzi mill-Kummissjoni għall-ELA, din tal-aħħar saret is-sid tas-sistema tal-portal tal-EURES. L-iżvilupp tekniku u l-manutenzjoni tal-portal għadhom ġestiti mill-Kummissjoni, f’konformità mar-Regolament dwar il-EURES.

L-introduzzjoni ta’ funzjoni ta’ tqabbil awtomatizzat fuq il-portal tal-EURES (kif meħtieġ mir-Regolament dwar il-EURES 22 ) għandha, bħala prekundizzjoni, l-adozzjoni tal-ESCO mill-pajjiżi tal-EURES, jew inkella l-immappjar bejn is-sistemi nazzjonali ta’ klassifikazzjoni u l-ESCO. Filwaqt li maġġoranza kbira tal-pajjiżi ffinalizzaw dan l-immappjar, xi wħud għadhom fil-proċess ta’ mmappjar jew adozzjoni. Għalhekk, qed jiġi pprovdut appoġġ mill-Kummissjoni biex tiġi żgurata l-kwalità tal-immappjar.

Barra minn hekk, l-ECO kompla jniedi stħarriġ dwar is-sodisfazzjon fost il-klijenti 23  bħala parti mill-monitoraġġ kontinwu tiegħu tal-esperjenza tal-utenti fuq il-portal. Ġie osservat tnaqqis żgħir fis-sodisfazzjon tal-utenti, peress li 80 % tal-utenti li wieġbu għall-istħarriġ kienu ssodisfati jew issodisfati ħafna bis-servizzi online tal-portal tal-EURES, meta mqabbla ma’ 95 % matul il-perjodu ta’ rapportar preċedenti.

It-titjib tal-faċilità tal-użu tal-portal tal-EURES kienet rakkomandazzjoni ewlenija li saret fl-evalwazzjoni ex post. Matul il-perjodu ta’ rapportar, l-ECO kompla jimplimenta bidliet fil-portal tal-EURES biex jimxi f’din id-direzzjoni (eż. titjib fil-filtri u fil-menu), iżda l-partijiet ikkonċernati jirrikonoxxu li dan jeħtieġ li jiġi segwit ulterjorment.

Mill-2011, l-ECO mexxa l-pjattaforma tal-Jiem Ewropej tal-Impjiegi (Online) (E(O)JD 24 ) u appoġġa l-organizzazzjoni ta’ jiem ta’ impjieg u avvenimenti ta’ reklutaġġ. Matul il-perjodu ta’ rapportar, dawn l-avvenimenti saru l-aktar online minħabba l-pandemija tal-COVID-19, anke jekk xi wħud saru f’format ibridu. L-ELA ħadet f’idejha l-organizzazzjoni tal-E(O)JDs minn April 2021 u allokat EUR 700 000 biex torganizza avvenimenti bejn April u Diċembru 2021. Bejn Jannar 2022 u Ġunju 2022, l-ELA bbaġitjat EUR 400 000 biex tiffinanzja l-E(O)JDs. Ġew organizzati total ta’ 75 avveniment, meta mqabbla mal-65 fil-perjodu ta’ rapportar preċedenti.

2.2.3It-taħriġ u l-iżvilupp professjonali

F’Jannar 2022 tnediet pjattaforma ġdida ta’ apprendiment elettroniku tal-EURES għall-persunal tal-EURES u ġew introdotti korsijiet ġodda ta’ taħriġ biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ġodda għat-taħriġ.

It-taħriġ bażiku kompla jiġi pprovdut fil-livell nazzjonali, li jippermetti li tiġi indirizzata l-perspettiva nazzjonali u b’mod partikolari kif il-EURES huwa strutturat f’kull organizzazzjoni/pajjiż u jipprovdi għarfien bażiku dwar il-EURES u l-għodod disponibbli tiegħu. Dan huwa segwit minn fażi ta’ konsolidazzjoni, li twassal il-perspettiva Ewropea għat-taħriġ, u li tikkonsisti fi tliet komponenti sekwenzjali ta’ apprendiment: għodda ta’ awtovalutazzjoni u motivazzjoni; workshop online/fuq il-post għall-apprendiment u n-networking; moduli virtwali. Fl-aħħar nett, l-Akkademja tal-EURES twessa’ l-għarfien speċifiku tal-persunal tal-EURES permezz ta’ taħriġ kemm virtwali kif ukoll fil-klassi kif ukoll permezz ta’ attivitajiet ta’ networking inklużi avvenimenti u workshops. It-taħriġ ikopri firxa wiesgħa ta’ suġġetti, bħal taħriġ dwar l-immappjar tal-ESCO, is-servizzi għal dawk li qed ifittxu impjieg u għall-impjegaturi, l-għodod ta’ komunikazzjoni u l-portal tal-EURES. B’kollox, minn Lulju 2020 sa Ġunju 2022 ġew organizzati 83 sessjoni ta’ taħriġ li attendew għalihom 2 674 membru tal-persunal tal-EURES.

Kompliet tiġi pprovduta funzjoni ta’ helpdesk għall-utenti kollha tal-portal tal-EURES u s-servizzi tiegħu (jiġifieri l-persuni li qed ifittxu impjieg, l-impjegaturi, il-persunal tal-Membri u s-Sħab tal-EURES, l-NCOs u l-viżitaturi mistiedna). Dan is-servizz jinkludi t-tweġiba għall-mistoqsijiet kollha relatati mas-servizzi pprovduti fuq il-portal tal-EURES, inkluż it-taqsima tal-extranet 25 u l-mobilità professjonali b’mod ġenerali. Il-helpdesk tal-EURES ipproċessa 23 678 mistoqsija mill-utenti matul il-perjodu ta’ rapportar, għadd li huwa ferm aktar baxx milli kien fil-perjodu ta’ rapportar preċedenti li fih ġew ipproċessati 61 779 mistoqsija mill-utenti.

2.2.4Il-bini ta’ network, l-iskambju ta’ prattika tajba u tagħlim reċiproku 

In-networking, it-tagħlim reċiproku u l-iskambju ta’ prattiki tajba komplew jiġu ffaċilitati fin-network tal-EURES. Matul il-perjodu ta’ rapportar ġiet żviluppata verżjoni ġdida tal-extranet tal-EURES 26 . Dan huwa disponibbli għall-membri kollha tal-persunal involuti fin-network tal-EURES. Il-verżjoni l-ġdida tal-extranet fiha bażi ta’ għarfien, repożitorju tad-dokumenti u diversi għodod u utilitajiet prattiċi oħra iżda saret aktar sigura u faċli għall-utent.

Minbarra laqgħat regolari tal-ECG, ġew organizzati avvenimenti ta’ tagħlim reċiproku u gruppi ta’ ħidma 27 ma’ rappreżentanti mill-pajjiżi kollha tal-EURES. Matul il-perjodu ta’ rapportar ġew organizzati ħames avvenimenti ta’ tagħlim reċiproku: waħda dwar l-E(O)JD 28 , tnejn dwar il-PC 29 u tnejn dwar il-PMS 30 .

2.2.5Attivitajiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni 

In-network tal-EURES stabbilixxa strateġija ta’ komunikazzjoni ġdida matul il-perjodu ta’ rapportar, li għaliha l-implimentazzjoni mill-NCOs għadha għaddejja. B’din l-istrateġija l-ġdida, l-għan huwa li jiġu appoġġati s-servizzi tal-EURES permezz ta’ żewġ objettivi ewlenin ta’ komunikazzjoni: (1) jittejbu u jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni u l-perċezzjoni tal-marka tal-EURES, inkluż l-iżvilupp ta’ ktejjeb kummerċjali ġdid li jagħti lill-marka tal-EURES ħarsa u sensazzjoni olistiċi u (2) titħeġġeġ u tiġi ffaċilitata kollaborazzjoni aktar attiva bejn il-Membri u s-Sħab tal-EURES, l-ECO, l-NCOs, il-Kummissjoni, u partijiet ikkonċernati barra min-network. Ġie żviluppat dokument ta’ gwida għall-NCOs biex jappoġġa l-implimentazzjoni tal-istrateġija sħiħa fil-livell nazzjonali, u ġie offrut ukoll appoġġ dirett mit-tim ta’ komunikazzjoni tal-ECO lill-NCOs.

L-ECO jwettaq attivitajiet estensivi ta’ komunikazzjoni, inkluż il-ġestjoni tal-kontijiet tal-media soċjali tal-EURES, bi 316 926 segwaċi fuq Facebook, 42 636 fuq Twitter, 6 390 fuq Instagram (mit-tnedija tiegħu fl-2021), 73 008 fuq LinkedIn kif ukoll 9 000 abbonat u 25 vidjow ippubblikati fuq YouTube. Barra minn hekk, ġew kondiviżi aktar minn 90 artiklu tal-aħbarijiet fuq il-portal tal-EURES matul il-perjodu ta’ rapportar u kull xahar qed jitqassmu bullettini kemm interni kif ukoll esterni.

L-NCOs tal-EURES u l-Membri u s-Sħab ammessi ġew miżjuda mal-mappa tal-“Unjoni Ewropea madwari” 31 ospitata mill-Kummissjoni. Din il-mappa hija għodda biex wieħed isib iċ-ċentri tal-UE attivi f’kull reġjun u biex wieħed isir jaf dwar is-servizzi li jipprovdu. Il-pass li jmiss huwa li jiżdiedu l-punti ta’ servizz lokali, il-konsulenti tal-EURES.

2.2.6Analiżi tal-mobilità ġeografika u okkupazzjonali

Skont l-Artikolu 29 tar-Regolament dwar il-EURES, il-Kummissjoni, bħala parti mill-mandat tagħha biex tanalizza x-xejriet tal-mobilità ġeografika u okkupazzjonali, ippubblikat żewġ rapporti dwar il-mobilità tal-forza tax-xogħol intra-UE (jiġifieri tal-2020 32 u tal-2021 33 ) li fihom informazzjoni ewlenija dwar il-flussi u x-xejriet tal-mobilità tal-forza tax-xogħol fl-UE u fil-pajjiżi tal-EFTA, b’enfasi partikolari fuq is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol tal-ħaddiema mobbli u d-dimensjoni tal-ġeneru. Barra minn hekk, bl-użu tal-informazzjoni pprovduta mill-NCOs u analiżi tal-Istħarriġ Ewropew dwar il-Forza tax-Xogħol, ġew ippubblikati żewġ rapporti ta’ studju dwar l-okkupazzjoni nieqsa mill-ħaddiema u l-okkupazzjoni b’ħaddiema żejda fl-2020 u fl-2021 34 .

2.2.7L-iżvilupp ta’ struttura xierqa ta’ kooperazzjoni u awtorizzazzjoni għall-apprendistati u t-traineeships

Matul il-perjodu ta’ rapportar, l-ECO ma mmobilizza l-ebda sforz addizzjonali biex l-istruttura ta’ kooperazzjoni u approvazzjoni għall-apprendistati u t-traineeships tiġi żviluppata ulterjorment, minkejja li din kienet rakkomandazzjoni li saret fir-rapport preċedenti. Din hija prinċipalment konsegwenza tal-prijoritizzazzjoni tal-kontinwità tal-operat matul it-trasferiment tal-ECO għall-ELA. Barra minn hekk, hemm limitazzjonijiet legali f’ħafna pajjiżi biex jiġi appoġġat l-iżvilupp ulterjuri tal-istruttura tal-awtorizzazzjoni għall-apprendistati u t-traineeships.

2.2.8Ir-riżorsi finanzjarji

Mit-trasferiment tal-funzjoni tal-ECO mill-Kummissjoni lill-ELA, il-finanzjament tal-operazzjonijiet tal-EURES ġie minn flussi ta’ finanzjament differenti u l-appoġġ orizzontali kollu issa huwa parti mill-baġit tal-ELA. Peress li t-trasferiment tal-kompetenzi lill-ELA sar gradwalment, mhux l-attivitajiet kollha kienu diġà ffinanzjati taħt il-baġit tal-ELA fix-xhur bikrin tal-2021. Dan ippermetta lill-ELA talloka baġit relattivament aktar baxx għall-attivitajiet tal-EURES meta mqabbel mal-2022. Fl-2021, din il-linja baġitarja għamlet disponibbli EUR 7,5 miljun, li żdiedu għal EUR 9,9 miljun fl-2022 35 .

3IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLAMENT FL-ISTATI MEMBRI

Dan il-kapitolu jiddeskrivi kif ġew implimentati l-bidliet ewlenin introdotti bir-Regolament il-ġdid dwar il-EURES meta mqabbla mal-bażi ġuridika preċedenti. Il-bidliet kienu relatati fost l-oħrajn mat-trażmissjoni tal-JVs kollha disponibbli għall-pubbliku, is-CVs kollha li għalihom dawk li qed ifittxu impjieg taw il-kunsens tagħhom, il-kodifikazzjoni tal-JVs u s-CVs bil-klassifikazzjoni Ewropea, it-twessigħ tan-network tal-EURES għal membri u sħab ġodda, u t-trażmissjoni ta’ apprendistati u traineeships li huma soġġetti għal relazzjoni ta’ impjieg.

L-analiżi f’din it-taqsima hija bbażata fuq data riċevuta direttament mill-NCOs għal stħarriġ u lista ta’ kontroll imxerrda għall-fini ta’ dan ir-Rapport Biennali u hija kkomplementata minn sorsi oħra ta’ informazzjoni disponibbli mill-ECO. Kull sottotaqsima ta’ hawn taħt tindirizza aspetti differenti tal-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-EURES u tibda b’tabella sommarja 36 li turi r-riżultati mil-lista ta’ kontroll tal-implimentazzjoni mxerrda (ara d-didaskalija hawn taħt). Il-Kummissjoni se tkompli tanalizza l-konformità tal-Istati Membri mar-rekwiżiti kollha tar-Regolament u tieħu miżuri xierqa, jekk jitqies meħtieġ.

Didaskalija tat-tabelli sommarji:

*Id-data hija rrapportata bħala mhux disponibbli

mill-NCO jew ma ġiet irrapportata l-ebda data.

3.1Il-kompożizzjoni tan-network u kwistjonijiet organizzazzjonali

3.1.1Implimentazzjoni

Il-pajjiżi kollha tal-EURES innominaw NCOs u rappreżentanti għall-ECG, u ħatru l-PES bħala Membri tal-EURES. Xi sottoazzjonijiet biss ma jitqisux kompluti bis-sħiħ għall-Kroazja u għall-Iżvizzera fir-rigward tal-Artikolu 10 37 .

3.1.2Sfidi

Ma ġiet irrapportata l-ebda sfida speċifika mill-pajjiżi tal-EURES fir-rigward ta’ dan is-sett ta’ rekwiżiti.

3.2Il-governanza u l-interazzjoni ma’ organizzazzjonijiet barra n-network tal-EURES

 

3.2.1Implimentazzjoni

Bejn l-2020 u l-2022, kważi l-pajjiżi kollha tal-EURES ħadu diversi passi biex isaħħu l-kollaborazzjoni u d-djalogu ma’ bosta organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati, l-awtoritajiet kompetenti u s-servizzi ta’ informazzjoni u konsulenza tal-UE. Madankollu, il-pandemija tal-COVID-19 għamlitha diffiċli biex jinżammu kuntatti regolari mal-partijiet ikkonċernati.

Il-pandemija wriet l-importanza ta’ strutturi u networks ta’ governanza li jiffunzjonaw tajjeb. Matul il-kriżi, il-konsulenti tal-EURES urew reżiljenza u aġilità peress li adattaw malajr għall-mod ta’ ħidma online u l-bidla tal-prijoritajiet fil-kompiti tagħhom, inkluż l-għoti f’waqtu ta’ informazzjoni speċifika dwar il-miżuri tal-COVID-19 lill-impjegaturi u lil dawk li qed ifittxu impjieg, abbażi ta’ informazzjoni li tinbidel b’mod kostanti.

Il-EURES wera wkoll li kien partikolarment utli f’reġjuni transfruntieri fejn l-impjegaturi u dawk li qed ifittxu impjieg kellhom ħtiġijiet urġenti li jżommu ruħhom infurmati dwar il-miżuri tal-COVID-19. Pereżempju, xi konsulenti tal-EURES ingħaqdu ma’ gruppi ta’ ħidma reġjonali dwar kundizzjonijiet tax-xogħol li qed jinbidlu malajr. L-NCOs irrapportaw li, għalkemm dan il-perjodu kien ta’ sfida, ir-rabtiet ma’ partijiet oħra (eż. l-amministrazzjoni, il-kmamar tal-kummerċ, il-ħaddiema, u l-kumpaniji) issaħħew. 

3.2.2Sfidi 

Bħal qabel, l-isfidi ewlenin li l-pajjiżi tal-EURES għadhom jindirizzaw huma ostakli marbuta mal-komunikazzjoni mal-partijiet ikkonċernati esterni, li ġew amplifikati mill-pandemija matul il-perjodu ta’ rapportar (ara t-taqsima hawn fuq).

3.3It-twessigħ tan-network

3.3.1Implimentazzjoni

Sa tmiem il-perjodu ta’ rapportar, 27 pajjiż tal-EURES kienu nnotifikaw lill-Kummissjoni li stabbilew sistema ta’ ammissjoni għall-Membri u s-Sħab, u sebgħa jinsabu fil-proċess li jimplimentawha. Għalkemm il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-EURES komplew jaħdmu fuq it-tkabbir tan-network tal-EURES, xi wħud minnhom ma setgħux jagħmlu dan prijorità matul il-pandemija tal-COVID-19. Fi tmiem dan il-perjodu ta’ rapportar, in-network tal-EURES kien daħħal 26 Membru privat u 62 Sieħeb mit-total ta’ 238 organizzazzjoni pubblika u privata 38 . Minkejja li l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi kienu diġà stabbilew sistemi għall-monitoraġġ tal-konformità tal-Membri u s-Sħab tal-EURES, f’xi pajjiżi xorta kien għad fadal xi xogħol xi jsir 39 . 

3.3.2Sfidi 

Iż-żieda fl-għadd ta’ Membri u Sħab ġodda kienet aktar bil-mod milli mistenni. Din ix-xejra diġà ġiet osservata fir-Rapport Biennali preċedenti u kienet saħansitra aktar importanti fil-perjodu ta’ rapportar kurrenti minħabba l-pandemija tal-COVID-19, li ġiegħlet lill-NCOs jagħtu prijorità lil kompiti oħra. Xi pajjiżi żiedu rekwiżiti addizzjonali biex jiġu aċċettati bħala Membru jew Sieħeb tal-EURES, iżda dawn ir-rekwiżiti jistgħu jipprevjenu t-tkabbir tan-network tal-EURES.

3.4Postijiet tax-xogħol vakanti u skambji ta’ CVs 

 

3.4.1Implimentazzjoni

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament dwar il-EURES jistabbilixxu li l-pajjiżi għandhom jittrasferixxu għall-portal tal-EURES il-postijiet tax-xogħol vakanti kollha disponibbli għall-pubbliku u l-applikazzjonijiet għax-xogħol/CVs kollha fejn il-ħaddiem ikun ta l-kunsens tiegħu biex l-informazzjoni tkun disponibbli wkoll għall-EURES. Sa tmiem il-perjodu ta’ rapportar, il-pajjiżi kollha tal-EURES kienu stabbilew sistemi fil-livell nazzjonali biex jittrasferixxu l-Postijiet tax-Xogħol Vakanti (JVs) għall-portal tal-EURES. Fir-rigward tas-CVs, 28 pajjiż tal-EURES kienu qed jistabbilixxu/stabbilew sistemi fil-livell nazzjonali biex jippermettu t-trasferiment tagħhom għall-portal tal-EURES 40 permezz ta’ kanal ikkoordinat wieħed.

L-adozzjoni jew l-immappjar tal-ESCO għal sistemi ta’ klassifikazzjoni nazzjonali stabbiliti u t-trażmissjoni tas-CVs u l-JVs fil-format miftiehem kienu għaddejjin 41 . Mill-aħħar rapport, il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-EURES kienu għamlu sforzi biex jimmappjaw jew jadottaw l-ESCO. Minn Ġunju 2022, 18-il pajjiż tal-EURES kienu diġà mmappjaw l-ESCO għas-sistemi ta’ klassifikazzjoni nazzjonali tagħhom. Erba’ pajjiżi oħra tal-EURES kienu diġà adottaw l-ESCO. Tliet pajjiżi tal-EURES kienu mmappjaw l-ESCO mal-oqfsa nazzjonali tal-ħiliet tagħhom. Erba’ pajjiżi oħra tal-EURES kienu diġà adottawha.

3.4.2Sfidi 

Fir-rigward tal-eżerċizzji ta’ adozzjoni/immappjar tal-ESCO, mhux il-pajjiżi kollha tal-EURES kienu għadhom kapaċi jissodisfaw l-obbligu legali tagħhom. Għad hemm diffikultajiet fir-rigward tal-konformità mal-istandards tekniċi pprovduti mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2018/1021 għall-ifformattjar tat-tabelli ta’ mmappjar, li huma essenzjali biex jippermettu l-interoperabbiltà fil-pjattaforma komuni tal-IT tal-EURES. Il-kwalità tal-immappjar stabbilit (bejn is-sistemi ta’ klassifikazzjoni nazzjonali u l-ESCO) tvarja bejn il-pajjiżi u se tkun soġġetta għal rieżami. L-użu korrett tar-relazzjonijiet preskritti tal-immappjar huwa element ta’ tħassib f’termini ta’ omoġeneità u konsistenza peress li l-iżgurar ta’ mmappjar ta’ kwalità għolja huwa kruċjali għall-implimentazzjoni b’suċċess tat-tlaqqigħ awtomatizzat fuq il-portal.

Fir-rigward tat-trasferiment tas-CVs għall-portal tal-EURES, l-NCOs li kienu għadhom ma implimentawx dan it-trasferiment enfasizzaw li dan spiss huwa minħabba kwistjonijiet tal-IT fil-livell nazzjonali 42 . Meta jitqies l-għadd ta’ CVs u JVs ittrasferiti għall-portal tal-EURES, jidher li l-volum speċjalment għas-CVs ittrasferiti minn xi wħud mill-NCOs għadu baxx.

3.5Servizzi ta’ appoġġ

3.5.1Implimentazzjoni

Il-pajjiżi kollha tal-EURES irrapportaw l-attivitajiet u l-miżuri meħuda biex jiżguraw il-kontinwità fl-għoti ta’ servizzi ta’ appoġġ għall-persuni li qed ifittxu impjieg u għall-impjegaturi permezz tal-PES nazzjonali tagħhom. Fil-qasam tal-assistenza u l-informazzjoni għall-ħaddiema u l-impjegaturi dwar kif jirreġistraw u jużaw il-portal tal-EURES, il-pajjiżi kollha tal-EURES żguraw li l-organizzazzjonijiet li għadhom kif ġew ammessi fin-network kienu qed jikkonformaw mar-rekwiżiti kull meta ssieħbu man-network. Dan kien ukoll il-każ għall-għoti ta’ informazzjoni bażika dwar il-portal tal-EURES, inkluża l-bażi tad-data tas-CVs, u n-network tal-EURES, inklużi d-dettalji ta’ kuntatt tal-Membri u s-Sħab tal-EURES rilevanti fil-livell nazzjonali.

Is-servizzi ta’ appoġġ fir-reġjuni transfruntiera huma pprovduti wkoll permezz tal-Membri u s-Sħab tal-EURES. Matul il-perjodu ta’ rapportar kurrenti, l-għadd ta’ pajjiżi tal-EURES li jipprovdu informazzjoni lill-ħaddiema transfruntiera żdied minn 14 għal 20, u dan huwa konformi ma’ waħda mir-rakkomandazzjonijiet li saru fl-Evalwazzjoni ex post tal-EURES 43 .

F’konformità mar-regolament dwar il-EURES 44 , 24 pajjiż tal-EURES identifikaw miżuri attivi tas-suq tax-xogħol biex iżidu l-opportunitajiet ta’ impjieg għal dawk li qed ifittxu impjieg, itejbu t-tqabbil bejn il-postijiet tax-xogħol vakanti u dawk li qed ifittxu impjieg u jipprovdu għajnuna għat-tfittix ta’ impjieg lil dawk li qed ifittxu impjieg skont dawn il-miżuri. Xi wħud żguraw ukoll li dawk il-miżuri ma jibqgħux limitati għall-għajnuna għat-tiftix ta’ impjieg fil-livell nazzjonali iżda jistgħu jintużaw ukoll biex jinstab impjieg fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Żewġ pajjiżi oħra tal-EURES kienu għadhom fil-proċess li jippermettu din l-assistenza.

 

3.5.2Sfidi 

Ħafna utenti esperjenzaw diffikultajiet biex jilloggjaw fil-portal (eż. metodi tal-Login bil-kodiċi QR li ma humiex appoġġati f’kull pajjiż) u xi perjodi ta’ qtugħ okkażjonali tal-portal ġew enfasizzati wkoll bħala opportunitajiet ta’ titjib fl-aċċess għall-portal 45 .

3.6Skambju ta’ informazzjoni, programmazzjoni, u kejl tal-prestazzjoni 

 

3.6.1Implimentazzjoni

Fl-istħarriġ, il-pajjiżi tal-EURES kollha minbarra wieħed qalu li qed jiġbru informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol tagħhom (inklużi nuqqasijiet u eċċessi). Il-grad sa fejn titwettaq l-analiżi jvarja minn pajjiż għal ieħor. Il-korpi ewlenin li jwettqu din l-analiżi tas-suq tax-xogħol huma, pereżempju, l-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika jew id-dipartimenti tal-istatistika tal-PES. Il-ġbir tad-data meħtieġa spiss isir bl-użu tal-mudelli u l-formati pprovduti mill-ECO. L-informazzjoni miġbura u analizzata mbagħad tiġi kondiviża b’modi differenti, inkluż billi tittella’ fuq il-portal tal-EURES flimkien mar-rapportar tal-attività.

Fir-rigward tal-informazzjoni dwar l-attivitajiet nazzjonali, l-NCOs jiġbru u jikkondividuha bl-użu tal-PMS kif ukoll tal-Programmi ta’ Ħidma u r-Rapporti tal-Attività tal-PC. Din tinkludi, pereżempju, l-istruttura tal-mudell ta’ governanza tagħhom, il-kwalifiki u l-għadd ta’ membri tal-persunal tal-EURES, kif ukoll l-oqsma ta’ attività tagħhom. L-informazzjoni ta’ Membri u Sħab ġodda hija kondiviża wkoll. Barra minn hekk, diversi pajjiżi tal-EURES qalu li jwettqu stħarriġiet dwar is-sodisfazzjon fost il-klijenti sabiex ikomplu jtejbu s-servizzi u l-avvenimenti tagħhom.

3.6.2Sfidi 

Xi pajjiżi tal-EURES irrapportaw problemi bil-ġbir u r-rapportar tad-data kemm għall-PMS kif ukoll għall-PC, u enfasizzaw l-ammont ta’ xogħol marbut ma’ dawn ir-rapporti. Fil-każ ta’ wħud mill-mekkaniżmi ta’ rapportar, l-NCOs ipprovdew data approssimattiva (eż. l-għadd ta’ kuntatti, l-għadd ta’ kollokamenti effettivi, il-ħin tar-rispons) minħabba d-disponibbiltà limitata tad-data. Madankollu, ittieħdu azzjonijiet biex jittejbu s-sistemi interni tal-IT.

3.7Rakkomandazzjonijiet indirizzati mill-perjodu ta’ rapportar preċedenti

Ir-Rapport Biennali għall-perjodu 2018-2020 identifika xi azzjonijiet 46 bħala prijoritajiet għall-perjodu ta’ rapportar kurrenti. Din it-taqsima tipprovdi dettalji dwar il-punt sa fejn dawn ġew indirizzati matul il-perjodu 2020-2022 u tiddeskrivi fil-qosor il-progress li sar.

Nru 1 Bidu mill-ġdid tal-EURES

Sabiex jinbdew l-attivitajiet tal-EURES wara li tneħħew ir-restrizzjonijiet tal-lockdown, l-NCOs għenu biex titqajjem kuxjenza dwar il-EURES u l-attivitajiet tiegħu permezz tal-kampanja “#EURESmovingforward” żviluppata mill-ECO. Din il-kampanja tnediet f’Diċembru 2020 u kellha l-għan li tqajjem kuxjenza dwar l-eżistenza tal-EURES u l-attivitajiet tiegħu.

Nru 2 Tkabbir tan-network 

Kif intqal fit-Taqsima 3.3.1 , il-pajjiżi kollha ħlief żewġ pajjiżi tal-EURES għamlu x-xogħol meħtieġ biex jistabbilixxu sistema ta’ ammissjoni għal Membri u Sħab ġodda. Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-EURES qed ifittxu b’mod attiv li jkabbru n-network nazzjonali tal-EURES tagħhom.

L-istrateġija l-ġdida ta’ komunikazzjoni kkontribwiet għall-isforzi biex titħaffef l-espansjoni tan-network tal-EURES. Barra minn hekk, l-ECO kkomplementa l-gwida biex jespandi n-network bil-ħsieb li jassisti lill-NCOs fl-isforzi tagħhom.

Nru 3 L-interoperabbiltà u l-iżviluppi fl-IT

Fi tmiem il-perjodu ta’ rapportar f’Ġunju 2022, 22 pajjiż tal-EURES kienu konnessi mal-kanal ikkoordinat uniku u seba’ pajjiżi oħra tal-EURES kienu fil-proċess li jistabbilixxu l-konnessjoni meħtieġa. (11 fl-2020). Fi kliem ieħor, 29 pajjiż tal-EURES kienu lestew il-proċess jew kienu qed jaħdmu fuqu 47 , meta mqabbla ma’ 23 fil-perjodu ta’ rapportar preċedenti 48 .

Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-EURES għamlu sforzi biex jimmappjaw u jadottaw l-ESCO. L-aħħar Rapport Biennali qal li 16-il pajjiż tal-EURES (minbarra r-Renju Unit) kienu konformi mal-att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 17(8) tar-Regolament dwar il-EURES u li ħames pajjiżi oħra tal-EURES kienu parzjalment konformi. Issa, l-għadd ta’ pajjiżi tal-EURES konformi żdied għal 24. Fir-rigward tal-iskambju ta’ CVs u JVs permezz tal-kanal ikkoordinat uniku, l-għadd ta’ CVs skambjati minn xi pajjiżi tal-EURES għadu baxx.

Nru 4 L-iżvilupp tas-servizzi tal-EURES 

Kif issemmi t-Taqsima 3.6.1 , kull wieħed mill-pajjiżi tal-EURES jiġbor informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol tiegħu. Għalkemm il-livell ta’ dettalji u d-data speċifika kondiviża jvarjaw għal kull pajjiż, aktar u aktar pajjiżi qed jikkondividu tali data b’aktar profondità, li għenet biex jiġu sfruttati l-attivitajiet u l-objettivi tal-EURES.

4L-implimentazzjoni tar-Regolament mill-Kummissjoni Ewropea u l-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni 

Din it-taqsima tipprovdi ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni attwali tal-applikazzjoni fil-livell tal-UE tar-Regolament dwar il-EURES kif meħtieġ mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33 tar-Regolament dwar il-EURES, bl-applikazzjoni tal-istess kodiċi bil-kuluri kif użat fit-Taqsima 3.

4.1Rekwiżiti tar-Regolament

Oqsma ta’ attivitajiet tal-ECO

Status

L-għoti ta’ attivitajiet ta’ appoġġ orizzontali għall-benefiċċju tan-Network tal-EURES

V

Tħejjija għall-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-EURES

V

Il-faċilitazzjoni tan-networking, it-tagħlim reċiproku, u l-iskambju tal-aħjar prattiki (Artikolu 8)

V

Attivitajiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni rigward in-network tal-EURES (Artikoli 1 – 8)

V

Il-forniment ta’ programm ta’ taħriġ għall-Membri/Sħab tal-EURES u tal-NCOs (Artikolu 8)

V

Appoġġ għat-twessigħ tan-network u s-sistemi ta’ ammissjoni (Artikoli 3 – 7 – 11)

V

Iċ-ċiklu ta’ programmazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol inkluża analiżi konġunta

V

L-iżvilupp u t-tħaddim tal-portal tal-EURES (inkluża l-funzjoni ta’ helpdesk) u l-pjattaforma tal-interoperabbiltà

V

Il-kejl tal-prestazzjoni u l-monitoraġġ tal-progress

V

Il-ġestjoni u d-djalogu fil-livell tal-UE

V

4.2Implimentazzjoni

Minbarra t-trasferiment tal-ECO mill-Kummissjoni għall-ELA matul il-perjodu ta’ rapportar, l-ECO kompla jipprovdi appoġġ orizzontali lin-network tal-EURES, b’mod partikolari:

·L-għoti tal-gwida meħtieġa għall-implimentazzjoni lill-organizzazzjonijiet tal-EURES fil-livell nazzjonali, pereżempju taħriġ, avvenimenti ta’ apprendiment reċiproku, laqgħat ta’ koordinazzjoni u gruppi ta’ ħidma.

·L-appoġġ għan-networking u l-apprendiment, inkluż l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti ta’ apprendiment reċiproku dwar suġġetti differenti u l-appoġġ lin-networking u d-diskussjonijiet bilaterali matul il-workshops annwali dwar il-PC. Barra minn hekk, l-extranet tal-EURES iġġedded bis-sħiħ sabiex tittejjeb id-disponibbiltà tar-riżorsi ddedikati u jiġi ffaċilitat aktar networking bejn l-NCOs.

·It-twettiq ta’ attivitajiet ta’ taħriġ lill-Membri u lis-Sħab tal-EURES. Il-kontribut mill-NCOs ġie ingranat biex jinħoloq taħriġ imfassal apposta dwar suġġetti li dwarhom riedu jiksbu għarfien addizzjonali.

·Is-sensibilizzazzjoni dwar il-EURES permezz tal-attivitajiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni u bl-għoti ta’ appoġġ għall-komunikazzjoni lill-pajjiżi tal-EURES. L-ECO mexxa l-isforzi ta’ komunikazzjoni u fl-2021 stabbilixxa strateġija ta’ komunikazzjoni ġdida biex itejjeb il-marka u l-viżibbiltà tal-EURES kemm internament kif ukoll esternament (kif irrakkomandat mill-evalwazzjoni ex post).

·L-appoġġ għat-twessigħ tan-network permezz ta’ avvenimenti ta’ tagħlim reċiproku, sessjonijiet ta’ taħriġ, diskussjonijiet fil-laqgħat tal-ECG, kif ukoll l-istabbiliment ta’ grupp ta’ ħidma dwar is-suġġett b’mandat li jipproduċi sett ta’ linji gwida u sett ta’ għodod dwar is-sistema ta’ ammissjoni, il-proċess ta’ ammissjoni, il-ħidma fuq ir-reklutaġġ ta’ Membri u Sħab ġodda u dwar il-ħidma bħala network imkabbar tal-EURES.

·It-titjib tal-portal tal-EURES permezz ta’ aġġornamenti li għandhom l-għan li jżidu l-faċilità tal-użu, is-sigurtà u l-adattabbiltà tiegħu (l-indirizzar ta’ rakkomandazzjoni magħmula fl-evalwazzjoni ex post). Madankollu, l-implimentazzjoni tat-tlaqqigħ awtomatizzat u l-istabbiliment tal-infrastruttura teknika meħtieġa għadhom lura. Dan jeħtieġ li jiġi stabbilit biex il-Membri u s-Sħab tal-EURES ikunu jistgħu jaċċessaw direttament il-JVs u s-CVs tal-EURES permezz tal-pjattaformi tagħhom stess 49 .

·L-għoti ta’ gwida lill-pajjiżi tal-EURES li ttrasferew l-offerti ta’ apprendistati u traineeships fuq il-portal tal-EURES.

4.3Sfidi

Il-proċess gradwali tat-trasferiment tal-kompetenzi tal-ECO mill-Kummissjoni għall-ELA beda b’mod parallel mal-ewwel perjodu ta’ lockdown f’Marzu 2020. Il-lockdown impedixxa lit-timijiet milli jagħmlu t-trasferiment kif ippjanat. Minħabba li l-ebda wieħed mill-membri tal-persunal tal-Kummissjoni mill-ECO ma kien qed jittrasferixxi għall-ELA, kien kruċjali li jiġi organizzat trasferiment bir-reqqa tal-għarfien. Iż-żewġ timijiet kienu ppjanaw li l-membri tal-persunal tal-ELA “isegwu u josservaw” b’mod fiżiku mat-tim li jaħdem fuq l-ECO fil-Kummissjoni għal diversi xhur biex jiżguraw il-kontinwità tal-operat u jiffamiljarizzaw ruħhom mal-kompiti, iżda dan ma kienx possibbli minħabba r-restrizzjonijiet tal-COVID-19. It-timijiet kellhom jorganizzaw ir-reklutaġġ tal-ELA online u l-kumplessità addizzjonali kkawżata mis-sitwazzjoni tal-pandemija u l-impossibbiltà li jinġabru fiżikament kienu jirrikjedu ammont kbir ta’ ħin u riżorsi kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-ELA 50 . Fi tmiem il-perjodu ta’ rapportar, l-ELA ddikjarat li kienet komda fil-funzjonijiet tal-ECO tagħha u li t-trasferiment jista’ jitqies bħala kkompletat b’suċċess.

4.4Rakkomandazzjonijiet indirizzati mill-perjodu ta’ rapportar preċedenti

It-tieni Rapport Biennali 2018-2020 tal-EURES enfasizza xi azzjonijiet bħala prijoritajiet għall-ECO. Ir-rapport jagħmel distinzjoni bejn l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni u l-ELA, skont fejn l-ECO tqiegħed fuq livell organizzattiv. Ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin ġew attribwiti lill-ECO fi ħdan il-Kummissjoni (qabel it-tranżizzjoni) bħala parti mill-perjodu ta’ rapportar preċedenti:

Nru 1 Trasferiment tal-ECO għall-ELA 

Kif imsemmi fit-taqsima tal-implimentazzjoni, it-trasferiment tal-ECO għall-ELA tlesta b’suċċess matul il-perjodu ta’ rapportar, minkejja d-diffikultajiet ikkawżati mill-pandemija.

Nru 2 Appoġġ għall-bidu mill-ġdid tal-attivitajiet tal-EURES 

Sabiex jagħti spinta lill-attivitajiet tal-EURES wara li tneħħew ir-restrizzjonijiet tal-lockdown, l-ECO żviluppa l-kampanja “Moving Forward”. Din il-kampanja saret bejn Diċembru 2020 u Frar 2021 biex titqajjem kuxjenza dwar l-eżistenza tal-EURES u l-attivitajiet tiegħu. Il-kampanja ta’ komunikazzjoni kienet ta’ suċċess. Il-kampanja #EURESmovingforward laħqet 12-il miljun persuna u aktar minn 16 000 utent ipparteċipaw fil-kwiżż tal-EURES “Which European country is right for you?”. Barra minn hekk, ġew prodotti ħames filmati ġodda fuq il-EURES u tnieda l-kanal il-ġdid ta’ Instagram tal-EURES 51 .

Nru 3 It-tisħiħ tal-appoġġ għall-ħaddiema l-aktar affettwati mill-pandemija 

Minbarra l-kampanja ġenerali “Moving Forward”, gruppi speċifiċi ta’ ħaddiema kienu fil-mira ta’ sforzi ta’ komunikazzjoni aktar speċifiċi. Pereżempju, biex jgħin fil-protezzjoni tal-ħaddiema staġunali u jtaffi l-ostakli li ffaċċjaw, in-network tal-EURES ipparteċipa fil-kampanja “Rights4AllSeasons”. Din tnediet fi sħubija mal-Kummissjoni, il-Pjattaforma Ewropea li tindirizza x-xogħol mhux iddikjarat, il-pajjiżi tal-UE u s-sħab soċjali. B’din il-kampanja, in-network tal-EURES għen biex titqajjem kuxjenza dwar id-drittijiet, l-obbligi u s-servizzi ta’ konsulenza eżistenti li jeżistu biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ġusti għar-reklutaġġ staġunali.

Nru 4 Il-promozzjoni u l-appoġġ tal-użu tal-FSE+ għall-finanzjament tal-attivitajiet tal-EURES

Għall-perjodu ta’ programmazzjoni bejn l-2021 u l-2027 tal-FSE+, il-Kummissjoni u l-ECO ppromwovew b’mod estensiv l-użu tal-FSE+ għall-finanzjament tal-attivitajiet tal-EURES.

Nru 5 L-Iżvilupp kontinwu tal-għodod ta’ rapportar

Kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-ECO jirrikonoxxu li r-rekwiżiti ta’ rapportar għall-NCOs u l-Membri u s-Sħab jirrappreżentaw piż għalihom. Madankollu, ir-rapportar dwar l-attivitajiet tal-EURES huwa komponent ewlieni tar-Regolament dwar il-EURES u tqies neċessarju mil-leġiżlatur. Biex jitnaqqas xi ftit minn dan il-piż, ġiet introdotta Għodda tal-IT ġdida li tippermetti lill-NCOs jimlew id-data tagħhom b’mod aktar faċli għall-utent. Għaddejjin ukoll aktar riflessjonijiet dwar is-suġġett (eż. dwar aktar armonizzazzjoni/tħaffif tal-attivitajiet tal-PMS u l-PC).

Nru 6 L-iżvilupp tal-iskambju mifrux ta’ apprendistati u traineeships

Matul il-perjodu ta’ rapportar, ma ttieħdet l-ebda azzjoni speċifika dwar dan is-suġġett peress li ngħata prijorità lit-trasferiment tal-ECO u l-mezzi kollha tal-ECO kienu meħtieġa biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-operat. Għalhekk, ma seta’ jsir l-ebda investiment addizzjonali f’dan is-suġġett matul il-perjodu.

Nru 7 It-titjib ulterjuri tal-portal tal-EURES

Il-Kummissjoni u l-ELA (ladarba l-ECO ġie ttrasferit) komplew jimplimentaw bidliet fil-portal tal-EURES biex itejbu l-faċilità tal-użu tiegħu. Inħoloq ukoll Kumitat ta’ Tmexxija tal-IT bl-għan li jiffaċilita l-koordinazzjoni, l-ippjanar u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mal-portal biex jintlaħaq qbil dwar żviluppi futuri tal-portal tal-EURES.

Ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin ġew attribwiti lill-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni ġestit mill-Awtorità Ewropea tax-Xogħol:

Nru 1 Trasferiment sħiħ tal-ECO

Kif intqal fit-taqsima tal-implimentazzjoni, it-trasferiment tal-ECO għall-ELA tlesta b’suċċess matul il-perjodu ta’ rapportar.

Nru 2 Appoġġ għal mobilità ġusta

L-għan ewlieni tal-attivitajiet tal-EURES huwa li tiżdied il-mobilità ġusta bejn il-pajjiżi tal-EURES. It-trasferiment tal-funzjoni ta’ appoġġ operazzjonali tal-ECO mill-Kummissjoni għall-ELA kien wieħed mill-passi biex jissaħħaħ ulterjorment l-appoġġ offrut lill-pajjiżi tal-EURES, peress li dan jagħmilha aktar faċli għall-ECO biex jaħdem aktar mill-qrib ma’ servizzi importanti oħra ta’ appoġġ għall-pajjiżi u għaċ-ċittadini l-ELA hija responsabbli għalihom. Matul il-perjodu ta’ rapportar, proġetti u avvenimenti differenti organizzati mill-NCOs biex jappoġġaw il-mobilità ġusta rċevew appoġġ mill-ECO meta jkun meħtieġ. L-ECO kkontribwixxa u mexxa wkoll sforzi ewlenin ta’ komunikazzjoni bħall-kampanja “Moving Forward” u kampanji aktar speċifiċi (eż. Drittijiet għall-istaġuni kollha).

Nru 3 Tisħiħ ulterjuri tal-komunikazzjoni tal-EURES

Matul dan il-perjodu ta’ rapportar, it-tisħiħ tal-komunikazzjoni tal-EURES kien wieħed mill-punti ewlenin ta’ żvilupp. Ġiet żviluppata strateġija ta’ komunikazzjoni ġdida, u sar disponibbli finanzjament addizzjonali mill-ELA sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni kemm interna kif ukoll esterna tal-marka u l-attivitajiet tal-EURES.

Nru 4 Allokazzjoni ta’ riżorsi suffiċjenti għall-operazzjonijiet tal-EURES

Peress li t-trasferiment tal-kompetenzi lill-ELA sar gradwalment, mhux l-attivitajiet kollha kienu diġà ffinanzjati taħt il-baġit tal-ELA fix-xhur bikrin tal-2021. Dan wassal biex l-ELA talloka baġit relattivament aktar baxx għall-attivitajiet tal-EURES fl-2021 meta mqabbel mal-2022. Fl-2021, l-ELA investiet EUR 7,5 miljun fl-attivitajiet tal-EURES tagħha, li żdiedu għal EUR 9,9 miljun fl-2022.

5Konklużjonijiet u Rakkomandazzjonijiet

5.1Konklużjonijiet

Sabiex tinkiseb ir-riforma tal-EURES u sabiex tiġi żgurata mobilità ġusta tal-forza tax-xogħol intra-UE, ir-Regolament dwar il-EURES tal-2016 jistabbilixxi diversi rekwiżiti għan-network tal-EURES. Flimkien ma’ dawn ir-rekwiżiti, l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2019/1149 iddefinixxa li l-ECO jkun jeħtieġ li jiġi ttrasferit mill-Kummissjoni għall-ELA qabel Awwissu 2021. Dawn l-objettivi kollha ġew indirizzati matul il-pandemija tal-COVID-19, perjodu ta’ inċertezza kbira minħabba r-restrizzjonijiet tal-lockdown li affettwaw fost l-oħrajn il-kollaborazzjoni u l-ivvjaġġar transfruntier.

It-trasferiment tal-ECO mill-Kummissjoni għall-ELA ġie ffinalizzat f’Mejju 2021 wara kollaborazzjoni intensiva bejniethom it-tnejn. Mit-tlestija, l-ECO fl-ELA sar is-sid tas-sistema tal-portal tal-EURES, filwaqt li l-Kummissjoni tibqa’ responsabbli (minn perspettiva operazzjonali) għall-operat u għall-iżvilupp tekniku tal-Portal tal-EURES u tas-servizzi tal-IT relatati.

Għad fadal xi sfidi li jridu jiġu indirizzati, b’mod partikolari dawk relatati mal-espansjoni tan-network u l-akkoljenza ta’ aktar Membri u Sħab.

5.2 Rakkomandazzjonijiet lill-pajjiżi tal-EURES

Filwaqt li jibni fuq is-sejbiet ewlenin dwar l-istatus ta’ implimentazzjoni u l-isfidi li fadal identifikati f’dan ir-rapport, il-prijoritajiet ewlenin għall-perjodu ta’ rapportar li jmiss huma miġbura fil-qosor kif ġej:

Nru 1 Investiment ulterjuri fit-tkabbir tan-network

It-tkabbir tan-network ilu prijorità għan-network tal-EURES minn mindu daħal fis-seħħ l-aħħar regolament. Peress li t-tkabbir kien aktar bil-mod milli mistenni (il-Membri u s-Sħab potenzjali ma humiex attirati biżżejjed) l-NCOs għandhom jistabbilixxu strateġiji ċari dwar xi tfisser il-kompożizzjoni l-ġdida tan-network tal-EURES għall-mudell tas-servizz u l-operazzjonijiet tagħhom, lil min għandhom javviċinaw u kif jiżguraw li t-tkabbir tan-network jirriżulta f’servizzi aħjar għall-benefiċjarji tal-EURES.

Nru 2 Niddefinixxu b’mod ċar il-kanali ta’ komunikazzjoni

Il-komunikazzjoni hija kruċjali għat-tisħiħ tal-għarfien dwar il-marka tal-EURES. Sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-komunikazzjoni tal-EURES, huwa importanti li wieħed ikun jaf fuq liema mezzi għandha ssir enfasi meta tinxtered l-informazzjoni. L-istrateġija l-ġdida ta’ komunikazzjoni diġà tindirizza dan. Sabiex jinkiseb feedback aktar dettaljat dwar l-effettività tal-kanali ta’ komunikazzjoni differenti, l-istħarriġiet nazzjonali li jintbagħtu lil dawk li qed ifittxu impjieg u lill-impjegaturi jistgħu jinkludu mistoqsija dwar kif semgħu dwar ix-xogħol u s-servizzi tal-EURES. Dan mhux biss jgħin biex jiġu rfinati l-mezzi ta’ komunikazzjoni futuri, iżda jgħin ukoll biex il-komunikazzjoni tiġi ffukata fuq l-udjenza fil-mira.

Nru 3 Finalizzazzjoni tal-implimentazzjoni tal-immappjar tal-ESCO fin-network kollu

L-adozzjoni/l-immappjar tal-ESCO għamlet progress matul il-perjodu ta’ rapportar. Madankollu, hemm xi pajjiżi tal-EURES fejn l-immappjar meħtieġ għadu ma tlestiex. Minħabba l-importanza ta’ dan l-immappjar għat-tqabbil awtomatizzat, l-implimentazzjoni ta’ dan għandha tkun prijorità fix-xhur li ġejjin.

Nru 4 Konsolidazzjoni tal-użu tas-sistema tal-EU Login

Is-sistema tal-EU Login issaħħaħ is-sigurtà fuq il-portal tal-EURES. F’Jannar 2022, l-ECO qassam diversi tfakkiriet, akkumpanjati minn tutorial forma ta’ vidjo gwida biex iħeġġu lill-utenti kollha jaġġornaw il-kontijiet tagħhom wara l-implimentazzjoni teknika tal-EU Login fuq il-portal tal-EURES. Għalhekk, l-NCOs kollha għandhom ikomplu jinkoraġġixxu lill-Membri u lis-Sħab tagħhom biex jagħmlu użu minnu, u jagħmlu t-tutorial disponibbli fuq is-siti web nazzjonali.

Nru 5 Żgurar tat-trasferiment tas-CVs għall-portal tal-EURES

Ir-Regolament dwar il-EURES jirrikjedi li l-Membri u s-Sħab kollha tal-EURES jittrasferixxu l-postijiet tax-xogħol vakanti tagħhom u s-CVs disponibbli pubblikament, bil-kunsens tal-ħaddiema, għall-portal tal-EURES permezz tal-kanal ikkoordinat uniku. Filwaqt li l-postijiet tax-xogħol vakanti qed jittellgħu mill-NCOs fil-portal, jidher li hemm inqas progress fit-trasferiment tas-CVs. Iż-żieda fit-trasferiment tas-CVs mill-pajjiżi għall-portal tal-EURES għandha tkun prijorità.

Nru 6 Żvilupp ulterjuri tal-iskambju mifrux ta’ apprendistati u traineeships

L-attivitajiet marbuta mal-apprendistati u t-traineeships li huma soġġetti għal relazzjoni ta’ impjieg għandhom jiżdiedu ulterjorment kemm permezz tal-attivitajiet tal-konsulenti tal-EURES kif ukoll permezz tas-sottomissjoni ta’ offerti lill-Portal tal-EURES.

5.2Rakkomandazzjonijiet lill-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni, ġestit mill-Awtorità Ewropea tax-Xogħol 

Fid-dawl tal-isfidi msemmija hawn fuq, l-ELA għandha tipprovdi riżorsi finanzjarji u umani adegwati lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni għall-EURES (ECO) fl-ELA, tappoġġa l-attivitajiet tal-ECO u tfittex sinerġiji mal-kompiti l-oħrajn tal-ELA, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ il-governanza indipendenti tal-EURES kif stabbilita mir-Regolament dwar il-EURES tal-2016. L-ECO fl-ELA għandu jagħti prijorità lill-aspetti li ġejjin:

Nru 1 Żgurar tal-konformità mar-regolament dwar il-EURES

Il-konformità sħiħa mal-bażi ġuridika tal-EURES għandha tibqa’ l-ewwel prijorità għall-ECO u dan għandu jiġi rifless fl-attivitajiet u fil-kompiti kollha tagħhom. Żviluppi ulterjuri tal-portal għandhom jibqgħu f’konformità mar-Regolament dwar il-EURES u l-APIs għandhom jiġu żviluppati biex jippermettu lill-Membri u lis-Sħab ikollhom aċċess aħjar għas-CVs u l-postijiet tax-xogħol vakanti, l-appoġġ tal-NCOs fl-immappjar tagħhom tal-ESCO, l-iżvilupp ta’ għodda ta’ tqabbil ibbażata fuq il-ħiliet u eżempji ta’ azzjonijiet għall-ECO biex jipprijoritizzaw f’dan ir-rigward.

Nru 2 Ħidma fuq is-sinerġiji bejn il-EURES u l-Europass

Bl-għan li jitrawmu sinerġiji bejn il-EURES u l-Europass għal servizzi aħjar għall-benefiċjarji tal-EURES, għandu jkun hemm rabtiet u konnessjonijiet aktar mill-qrib bejniethom it-tnejn. L-utenti tal-portal tal-EURES jistgħu jibbenefikaw minn aċċess għall-għodda tal-Europass bħala parti mill-vjaġġ tagħhom bħala utenti tal-EURES; L-utenti tal-Europass għandhom jibbenefikaw mill-opportunitajiet ta’ xogħol fuq il-portal. Fejn possibbli, għandha ssir ħidma fuq sinerġiji addizzjonali mal-Portal Your Europe.

Nru 3 Appoġġ ulterjuri lill-NCOs fl-isforzi tagħhom għat-tkabbir tan-network

It-tkabbir tan-network ilu prijorità ewlenija għan-network tal-EURES sa mill-istabbiliment tiegħu. L-isfidi identifikati fir-Rapport Biennali preċedenti u l-evalwazzjoni ex post jibqgħu, peress li l-NCOs għadhom isibuha diffiċli biex jippreżentaw b’mod ċar il-valur miżjud u l-privileġġi tas-sħubija fl-EURES fid-dawl ta’ ammissjoni possibbli fin-network tal-EURES. Għalhekk, l-ECO għandu jkompli jappoġġa l-NCOs fl-istabbiliment ta’ strateġija dwar kif għandhom jiġu avviċinati Membri u Sħab ġodda possibbli u jkompli jiżviluppa materjal ta’ appoġġ jew avvenimenti ta’ tagħlim reċiproku dwar is-suġġett tal-ammissjoni.

Nru 4 Orjentazzjoni mill-ġdid tar-rapport dwar in-nuqqas u l-eċċess ta’ ħaddiema u żgurar li l-EURES jikkontribwixxi b’mod sistematiku għall-indirizzar tan-nuqqas ta’ ħaddiema

In-nuqqas ta’ ħaddiema qiegħed dejjem aktar jidher fuq quddiem nett tal-aġenda tal-politiki nazzjonali u Ewropej dwar ix-xogħol b’diversi organizzazzjonijiet jirrapportaw regolarment dwar l-aħħar xejriet. L-ECO għandu jfittex sinerġiji ma’ rapporti u inizjattivi prodotti jew promossi mill-Kummissjoni u aġenziji oħra tal-UE biex jiġu evitati duplikazzjonijiet u jikkontribwixxi bl-għarfien espert tiegħu. L-ipprogrammar tal-attivitajiet, pereżempju fil-qasam tal-E(O)JDs, jista’ jkun immirat b’mod sistematiku lejn l-indirizzar tan-nuqqas ta’ ħaddiema.

Nru 5 Żgurar tal-granularità tal-immappjar tal-ESCO

Matul l-aħħar 4 snin, ittieħdu passi sinifikanti biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-klassifikazzjoni tranżnazzjonali tal-ESCO. Madankollu, il-pajjiżi tal-EURES għad għandhom diffikultajiet fl-immappjar għal-livell it-tajjeb ta’ dettall. Peress li dan l-immappjar qed jintuża biex jiġi awtomatizzat it-tqabbil tas-CVs u tal-offerti ta’ impjieg fuq il-portal tal-EURES, huwa essenzjali li l-immappjar ikun fih biżżejjed differenzjazzjoni fil-ħiliet u l-okkupazzjonijiet. Għalhekk, l-ECO flimkien mal-Kummissjoni jeħtieġ li jiżgura li l-immappjar jikkonforma mal-kriterji tal-kwalità identifikati u li l-livell ta’ dettall meħtieġ jiġi inkluż fid-data pprovduta lill-EURES.

Nru 6 Investiment fit-taħriġ tal-persunal tal-EURES

L-ECO għandu jżid l-offerta tiegħu ta’ taħriġ għall-persunal tal-EURES biex jiggarantixxi l-kompetenza kontinwa u l-apprendiment ulterjuri tiegħu. Il-programm ta’ taħriġ għandu jiġi mmonitorjat fuq bażi kontinwa għal skopijiet ta’ kwalità, evalwat, u żviluppat hekk kif il-ħtiġijiet tan-network u s-suq tax-xogħol jinbidlu wkoll fuq bażi kontinwa.

Nru 7 Appoġġ ulterjuri lill-organizzazzjoni tal-Jiem Ewropej tal-Impjiegi (Online)

Anke qabel il-pandemija tal-COVID-19, l-E(O)JDs kienu diġà qed isiru online jew b’mod ibridu. Meta jitqies is-suċċess li dawn il-Jiem tal-Impjiegi baqa’ jkollhom għall-persuni li qed ifittxu impjieg u għall-impjegaturi, l-ECO huwa mistieden ikompli jappoġġa dawn l-avvenimenti u jkompli jibni fuq is-suċċess tagħhom. L-ECO għandu jimmira l-E(O)JDs fuq setturi b’nuqqas ta’ ħaddiema.

Nru 8 Ottimizzazzjoni ulterjuri tal-proċeduri ta’ rapportar

Minkejja l-limitazzjonijiet legali, wieħed mill-iżviluppi li l-NCOs jitolbu l-aktar huwa l-integrazzjoni tal-PC u l-PMS minħabba l-piż amministrattiv li jirrappreżentaw għall-NCOs. Permezz tal-iżvilupp ta’ għodod ġodda tal-IT, l-ECO għandu, meta jkun possibbli, ikompli jappoġġa l-NCOs kif ukoll jiżviluppa modi ġodda biex jiffaċilita r-rapportar.

Nru 9 Viżibbiltà akbar tal-Portal u tal-marka tal-EURES, l-esplorazzjoni ulterjuri ta’ kanali ta’ komunikazzjoni ġodda, l-iżvilupp ta’ KPIs immirati u ż-żieda fil-kooperazzjoni mal-Kummissjoni

L-istrateġija ta’ komunikazzjoni li l-ECO żviluppa hija ta’ għajnuna biex tiżdied il-viżibbiltà tan-network u l-attivitajiet tiegħu. Madankollu, tista’ tinstab strateġija ta’ komunikazzjoni aktar fit-tul, permezz ta’ kampanja ta’ komunikazzjoni pluriennali, sabiex jiġu rfinuti l-koerenza u l-effiċjenza tal-isforzi ta’ promozzjoni, iżda wkoll biex tissaħħaħ l-immaġni tan-network maż-żmien u tiżdied il-viżibbiltà tal-Portal tal-EURES. Il-kampanja tista’ tesplora ulterjorment ukoll il-benefiċċji tal-użu ta’ media soċjali ġdida, speċjalment biex jiġu mmirati ż-żgħażagħ. L-ECO għandu jħeġġeġ l-identifikazzjoni ta’ KPIs tajbin u għandu jkejjel l-ilħuq u l-involviment tal-komunikazzjoni/kampanji f’konformità mal-indikaturi uffiċjali tan-Network tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Peress li l-Kummissjoni qed tippjana kampanja ta’ komunikazzjoni pluriennali akbar, il-EURES u l-messaġġi ewlenin dwar is-servizzi tiegħu jistgħu jiġu inklużi bil-ħsieb li tiżdied il-viżibbiltà tal-EURES fil-livell Ewropew. Pereżempju, din il-kampanja tippjana li tinkludi informazzjoni dwar sinerġiji bejn il-EURES u l-Europass. B’mod partikolari, l-ECO għandu jiffinalizza l-kontribut tiegħu għall-mappa tan-network tal-Kummissjoni f’dawk li huma n-networks ta’ sensibilizzazzjoni tal-UE madwar l-Ewropa u ż-ŻEE 52 .

Nru 10 Konsolidazzjoni tal-użu tas-sistema tal-EU Login

It-tnaqqis fl-għadd ta’ persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg u impjegaturi jirrikjedi miżuri addizzjonali biex jiġi ffaċilitat aċċess aktar faċli għall-portal tal-EURES.

5.3Passi ewlenin għall-Kummissjoni 

Sabiex tindirizza wħud mill-isfidi ta’ implimentazzjoni deskritti hawn fuq, il-Kummissjoni tista’ ssegwi r-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt:

Nru 1 Sinerġiji bejn il-EURES u l-Europass

Il-Kummissjoni għandha tkompli taħdem mill-qrib mal-ECO sabiex tissimplifika l-vjaġġ tal-utenti għall-utenti tal-portal tal-EURES u potenzjalment tibbenefika aktar mis-sinerġiji identifikati mal-Europass (ara r-rakkomandazzjoni Nru 2 lill-ECO hawn fuq).

Nru 2 Kampanja ta’ komunikazzjoni pluriennali

Kif iddikjarat fir-rakkomandazzjoni Nru 10 lill-ECO hawn fuq, tista’ titfittex strateġija ta’ komunikazzjoni fit-tul, permezz ta’ kampanja ta’ komunikazzjoni pluriennali, sabiex jiġu rfinuti l-koerenza u l-effiċjenza tal-isforzi ta’ promozzjoni tal-EURES, iżda wkoll biex jissaħħaħ l-għarfien tan-network. B’mod partikolari, il-EURES għandu jiġi inkluż fil-kampanja ta’ komunikazzjoni pluriennali komprensiva organizzata mill-Kummissjoni sabiex tiżdied il-viżibbiltà tan-Network tal-EURES u tal-Portal tal-EURES u jiġu promossi s-servizzi tiegħu fil-livell Ewropew kif propost mill-Kummissjoni fir-rapport ta’ segwitu tagħha għall-Konferenza tal-Ewropa 53 .

Nru 3 Żieda fil-finanzjament u l-viżibbiltà għat-TMS u s-CBPs

It-TMS u s-CBPs urew li huma partikolarment importanti peress li jrawmu l-inklużjoni u l-moviment liberu tal-ħaddiema fil-pajjiżi tal-EURES, minbarra li jindirizzaw ħtiġijiet speċifiċi tas-suq tax-xogħol. Għalhekk, l-iżgurar ta’ finanzjament futur għal dawn l-iskemi ta’ mobilità jippermetti li dawk il-benefiċċji jkomplu jitgawdew u potenzjalment jiġu implimentati proġetti aktar innovattivi, ambizzjużi u estensivi li jistgħu jgħinu aktar lill-ħaddiema u lill-impjegaturi, b’mod partikolari billi jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħaddiema u l-ostakli għax-xogħol transfruntier.

(1) L-ESCO hija l-klassifikazzjoni multilingwi Ewropea ta’ Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi. Tista’ ssib aktar informazzjoni fuq https://esco.ec.europa.eu/mt .
(2) Għal aktar informazzjoni dwar l-evalwazzjoni ex post tal-EURES: https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=mt&pubId=8370&furtherPubs=yes .
(3) Is-sħubija tar-Renju Unit fil-EURES intemmet fil-31 ta’ Diċembru 2020
(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1255 tal-11 ta’ Lulju 2017 dwar mudell għad-deskrizzjoni tas-sistemi u l-proċeduri nazzjonali biexidaħħlu organizzazzjonijiet bħala Membri u Sħab tal-EURES.Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1256 tal-11 ta’ Lulju 2017 dwar il-mudelli u l-proċeduri għall-iskambju ta’informazzjoni dwar il-programmi ta’ ħidma nazzjonali tan-network tal-EURES fil-livell tal-Unjoni.Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1257 tal-11 ta’ Lulju 2017 dwar l-istandards u l-formati tekniċi meħtieġa għalsistema uniformi li tippermetti t-tqabbil ta’ postijiet tax-xogħol battala ma’ applikazzjonijiet għax-xogħol u CVs fuq il-portal EURES.Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/170 tat-2 ta’ Frar 2018 dwar l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati uniformi għall-ġbir u għall-analiżi tad-datasabiex jiġi mmonitorjat u evalwat il-funzjonament tan-network tal-EURES.Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1020 tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar l-adozzjoni u l-aġġornament tal-lista ta’ ħiliet,kompetenzi u okkupazzjonijiet tal-klassifikazzjoni Ewropea għall-fini tat-tlaqqigħ awtomatizzat permezztal-pjattaforma komuni tal-IT tal-EURESId-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1021 tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar l-adozzjoni ta’ standards u formati tekniċimeħtieġa għall-operazzjoni tat-tlaqqigħ awtomatizzat permezz tal-pjattaforma komuni tal-IT bl-użu tal-klassifikazzjoni Ewropeau l-interoperabbiltà bejn is-sistemi nazzjonali u l-klassifikazzjoni Ewropea.
(5) Il-kombinazzjoni tar-riżultati mis-Sistema ta’ Kejl tal-Prestazzjoni tal-EURES u l-istimi bbażati fuq l-istħarriġ dwar is-sodisfazzjon tal-klijenti.
(6) Ta’ min jinnota li l-ħaddiema/il-kumpaniji mhux dejjem jirrapportaw dwar din id-data.
(7) L-appoġġ finanzjarju għal sħubijiet transfruntieri permezz ta’ sejħiet għal proposti bħal VP/2019/006. EaSI – EURES “Is-sħubijiet transfruntiera u l-appoġġ għall-kooperazzjoni dwar il-mobilità intra-UE għall-pajjiżi taż-ŻEE u s-sħab soċjali huma implimentati mill-Kummissjoni”.
(8) Matul it-tieni semestru tal-2020, il-proġetti kienu mmexxija mill-Iżvezja u mill-Ġermanja u matul l-ewwel semestru tal-2021, kien hemm it-tieni proġett immexxi mill-Ġermanja u proġett ġdid immexxi mill-Italja.
(9) Minn Jannar 2020 sa Ġunju 2020, il-proġetti tat-TMS ippermettew 3 607 kollokamenti, fejn ġew appoġġati 239 intrapriża żgħira u ta’ daqs medju fi 30 pajjiż.
(10)  Data rrapportata mill-pajjiżi tal-EURES bħala parti mill-PMS.
(11) Ta’ min jinnota li mhux il-pajjiżi kollha jipprovdu data tal-FTE.
(12) Kull sena, l-NCOs huma mitluba jipprovdu Programm ta’ Ħidma (WP) li jiddeskrivi l-attivitajiet li qed jippjanaw li jwettqu matul is-sena ta’ wara.
(13) VP/2019/010: EaSI-EURES - Appoġġ għall-inventarji nazzjonali ta’ klassifikazzjoni u servizzi nazzjonali innovattivi online għall-ħaddiema mobbli.
(14) Ir-Regolament (UE) 2018/1724 li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi.
(15) Fit-tieni semestru tal-2020 ġew organizzati 2248 avvenimentu u dawn laħqu lil 131 500 persuna. Fl-ewwel semestru tal-2021 ġew organizzati 2 945 avveniment u dawn laħqu lil 139 800 persuna. Fit-tieni semestru tal-2021 ġew organizzati 3 503 avvenimenti iżda dawn laħqu biss lil 123 929 persuna. Fl-ewwel semestru tal-2022 ġew organizzati 4 191 avveniment u dawn laħqu lil 142 467 persuna.
(16) https://european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt
(17) L-għadd ta’ segwaċi fuq Facebook żdied minn 497 461 fit-tieni semestru tal-2020 għal 651 413 fit-tieni semestru tal-2022. L-għadd ta’ segwaċi fuq Twitter żdied minn 44 659 fit-tieni semestru tal-2020 għal 49 665 fl-ewwel semestru tal-2022. L-għadd ta’ segwaċi fuq LinkedIn żdied minn 156 375 fit-tieni semestru tal-2020 għal 260 872 fl-ewwel semestru tal-2022. L-għadd ta’ segwaċi fuq media soċjali oħra żdied minn 19 195 fit-tieni semestru tal-2020 għal 25638 fl-ewwel semestru tal-2022.
(18)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati uniformi għall-ġbir u għall-analiżi tad-data sabiex jiġi mmonitorjat u evalwat il-funzjonament tan-network tal-EURES.
(19) Kif iddikjarat fl-Artikolu 32 tar-Regolament dwar il-EURES (UE) 2016/ u spjegat fl-Artikolu 1 u fl-anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/170 dwar l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati uniformi għall-ġbir u għall-analiżi tad-data sabiex jiġi mmonitorjat u evalwat il-funzjonament tan-network tal-EURES.
(20) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-mudelli u l-proċeduri għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-programmi ta’ ħidma nazzjonali tan-network EURES fil-livell tal-Unjoni.
(21) Minn Mejju 2021, il-governanza tal-ECG tinsab taħt l-ECO fl-ELA.
(22) Ara l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2016/589 tal-EURES
(23) Dan l-istħarriġ sar matul il-perjodu ta’ rapportar u għadu disponibbli fuq is-server Europa fuq https://ec.europa.eu/eusurvey/trunner/EURESHelpdeskSurvey2022 . Il-link tal-istħarriġ huwa parti mill-firma tal-Helpdesk tal-EURES, inkluża fit-tweġibiet kollha tal-Helpdesk mibgħuta permezz tal-posta elettronika u ċ-chat. Matul il-perjodu ta’ rapportar ta’ 24 xahar, total ta’ 1 188 utent wieġbu għall-istħarriġ, minn 19 808 utenti li rċevew l-istħarriġ.
(24) Il-Jiem Ewropej tal-Impjiegi (Online) hija pjattaforma li tgħin lill-organizzazzjonijiet intermedjarji, bħas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, jorganizzaw avvenimenti ta’ reklutaġġ kemm fuq il-post kif ukoll online – avvenimenti magħrufa bħala “Jiem Ewropej tal-Impjiegi”. Din il-pjattaforma nħolqot fl-2011.
(25) L-extranet hija t-taqsima tal-portal tal-EURES disponibbli biss għall-utenti interni, bħall-konsulenti tal-EURES, il-koordinaturi nazzjonali u l-persunal tal-ECO. Din tiffaċilita l-koordinazzjoni, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kompiti amministrattivi.
(26) L-extranet tal-EURES huwa l-isem użat għall-intranet għan-network kollu tal-EURES.
(27) Skont ir-regolament dwar l-istabbiliment tal-ELA, l-Awtorità għandha l-possibbiltà li tistabbilixxi gruppi ta’ ħidma biex iwettqu kompitu speċifiku jew rigward qasam ta’ politika partikolari. Sal-lum, l-ELA għandha erba’ gruppi ta’ ħidma ddedikati li fihom ir-rappreżentanti mill-Istati Membri, mill-Kummissjoni u mis-sħab soċjali jikkondividu l-għarfien espert tagħhom dwar is-suġġett iddedikat: Grupp ta’ Ħidma dwar l-Informazzjoni, Grupp ta’ Ħidma dwar l-Ispezzjonijiet, Grupp ta’ Ħidma dwar il-Medjazzjoni u l-Pjattaforma Ewropea li tindirizza x-xogħol mhux iddikjarat.
(28) Dan l-avveniment ta’ apprendiment reċiproku sar fit-30 ta’ Settembru 2021.
(29) Dawn iż-żewġ avvenimenti ta’ apprendiment reċiproku saru rispettivament f’Ottubru 2020 u 2021.
(30) Dawn iż-żewġ avvenimenti ta’ apprendiment reċiproku saru rispettivament fis-17 ta’ Settembru 2020 u fl-24 ta’ Frar 2022.
(31) Link: https://european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt .
(32) Annual report on intra-EU labour mobility 2020.
(33) Annual report on intra-EU labour mobility 2021.
(34) Il-Kummissjoni Ewropea, Report on Labour Shortages and Surpluses 2020 and 2021.
(35) Il-baġit huwa ogħla għall-2022, peress li fl-2021 l-ECO kien għadu taħt il-Kummissjoni sas-26 ta’ Mejju 2021.
(36) Meta ma jiġi ċċitat l-ebda sors ieħor, ir-riżultati ppreżentati fit-taqsimiet ta’ hawn taħt huma bbażati fuq id-data mil-listi ta’ kontroll u l-istħarriġiet tal-NCOs imxerrda għall-fini ta’ dan ir-rapport.Jekk jogħġbok innota li azzjoni tikkonsisti f’diversi sottoazzjonijiet li ma humiex indikati fit-tabella. Azzjoni titqies bħala kompluta (ħadra) jekk is-sottoazzjonijiet kollha tagħha jkunu tlestew. Azzjoni titqies bħala mhux kompluta (ħamra) meta l-ebda waħda mis-sottoazzjonijiet tagħha ma tkun tlestiet. Meta s-sottoazzjonijiet la jkunu kollha kompluti u lanqas kollha mhux kompluti, l-azzjoni kollha titqies parzjalment kompluta (oranġjo).
(37)

Ta’ min jinnota li l-Azzjoni 3 “Ħatra tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi rilevanti għall-attivitajiet fin-network tal-EURES bħala Membri tal-EURES (Artikolu 10)” hija kkunsidrata bħala parzjalment kompluta għall-Kroazja u għall-Iżvizzera. Fil-fatt, huma ħatru l-PES tagħhom bħala Membri tal-EURES iżda xi sottoazzjonijiet għadhom ma humiex kompluti.

Fir-rigward tal-Iżvizzera, is-sottoazzjonijiet “innotifikajt lill-ECO dwar il-PES identifikati u pprovdejt spjegazzjonijiet f’każ ta’ bidliet meta mqabbla mas-sitwazzjoni qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament” u “F’każ ta’ bidliet meta mqabbla mas-sitwazzjoni qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament, ikkomunikajt il-bidliet lill-PES li ma għandhomx ikunu involuti aktar u ġbidt l-attenzjoni tagħhom għall-konsegwenzi” tlestew parzjalment.

Fir-rigward tal-Kroazja, is-sottoazzjonijiet “F’każ ta’ bidliet meta mqabbla mas-sitwazzjoni qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament, ikkomunikajt il-bidliet lill-PES li ma għandhomx ikunu involuti iktar u ġbidt l-attenzjoni tagħhom għall-konsegwenzi” u “F’każ ta’ bidliet meta mqabbla mas-sitwazzjoni qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament, ikkomunikajt lill-Helpdesk id-dettalji fir-rigward tal-kontijiet tal-membri tal-persunal fuq il-portal tal-EURES li għandu jingħalaq u minn liema data?” jiġu rrapportati bħala mhux disponibbli.

(38) Il-ħarsa ġenerali sħiħa lejn il-Membri u s-Sħab kollha tal-EURES tista’ tinstab hawnhekk: https://eures.ec.europa.eu/eures-services/eures-your-country_mt .
(39) NCO wieħed qal li l-pandemija kkawżat xi dewmien f’dan il-proċess u li ma għandux ir-riżorsi biex jimmonitorja l-konformità. Xi wħud qalu wkoll li għad ma għandhomx Membri u Sħab.
(40) 30 punt ta’ konnessjoni setgħu jittrasferixxu s-CVs għall-portal. Ta’ min jinnota li jeżistu tliet punti ta’ konnessjoni għall-Belġju (BE Actiris, BE Forem u BE VDAB).
(41) Ta’ min jinnota li l-implimentazzjoni mill-pajjiżi tal-EURES tal-adozzjoni jew l-immappjar tal-ESCO hija obbligu legali li jippermetti l-kondiviżjoni ta’ CVs u JVs fost in-network. Il-Kummissjoni tissorvelja l-konformità tal-pajjiżi tal-EURES u għamlet kuntatt mal-pajjiżi li għadhom ma humiex konformi biex titlob xi kjarifiki.
(42) NCO wieħed għamel referenza għal bidliet fis-sistemi tal-IT tiegħu li naqqsu l-għadd ta’ CVs ittrasferiti minħabba d-diffikultà mġarrba. NCO ieħor semma li għadu qed jaħdem fuq l-interfaċċa teknika biex jippermetti t-trasferiment ta’ CVs, filwaqt li NCO ieħor semma li għad irid jittestja l-interfaċċa tiegħu.
(43) Evalwazzjoni ex post tal-EURES: https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=mt&pubId=8370&furtherPubs=yes , p. 12 .
(44) Ir-Regolament dwar il-EURES, l-Artikolu 28 u l-premessa 46.
(45) Dawn il-perjodi ta’ qtugħ okkażjonali kienu jvarjaw bejn sagħtejn u għaxar sigħat kull darba u dejjem tħabbru ġimgħa minn qabel lill-partijiet ikkonċernati kollha.
(46) Ir-rakkomandazzjonijiet sħaħ jinsabu fir-Rapport Biennali 2018-2020 (ara https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52021DC0046 ).
(47) Ta’ min isemmi li żewġ pajjiżi ma rrapportaw xejn dwar il-konnessjoni tagħhom mal-kanal ikkoordinat uniku.
(48) 11-il pajjiż tal-EURES kienu fil-proċess li jistabbilixxu l-konnessjoni mal-kanal ikkoordinat uniku u 12 kienu konnessi sal-aħħar ta’ Ġunju 2020.
(49) Ara r-Regolament dwar il-EURES, u speċjalment il-Kapitolu III.
(50) Peress li l-iżvilupp u ż-żamma tal-portal tal-EURES jibqgħu taħt il-Kummissjoni wara li l-ECO ġie ttrasferit fl-ELA, ġiet żgurata l-kontinwità f’dan ir-rigward.
(51) Disponibbli fuq: https://www.instagram.com/euresjobs/ .
(52) Mappa tal-“Unjoni Ewropea madwari”. Ara hawn: https://european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt .
(53)   COM/2022/404 final, Naqilbu l-Viżjoni f’Azzjoni Konkreta.
Top