EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023DC0670

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Iċ-ċirkolarità tal-ġestjoni tal-lubrikazzjoni minerali u sintetika u taż-żjut industrijali skartati fl-UE

COM/2023/670 final

Brussell, 26.10.2023

COM(2023) 670 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Iċ-ċirkolarità tal-ġestjoni tal-lubrikazzjoni minerali u sintetika u taż-żjut industrijali skartati fl-UE


1.Introduzzjoni

Dan ir-rapport jippreżenta r-riżultati tal-analiżi tad-data u l-valutazzjoni li saret dwar il-ġestjoni tal-lubrikazzjoni minerali jew sintetika jew taż-żjut industrijali skartati fl-UE bil-ħsieb li titqies il-fattibbiltà tal-adozzjoni ta’ miżuri sabiex jittejjeb ulterjorment it-trattament taż-żjut skartati, inklużi miri kwantitattivi dwar il-ġbir u r-riġenerazzjoni ta’ żjut skartati, li l-Kummissjoni wettqet f’konformità mal-Artikolu 21(4) tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart 1 (WFD). Dan ir-rapport huwa bbażat fuq tliet studji estensivi 2   3   4 mill-Kummissjoni mwettqin bejn is-snin 2019 u 2023.

2.Sfond

Iż-żjut skartati huma ddefiniti fid-WFD bħala “kull lubrikazzjoni minerali jew sintetika jew żjut industrijali li m’għadhomx tajbin għall-użu li għalih kienu maħsuba oriġinarjament, bħal żjut użati tal-magna tal-kombustjoni u żjut tal-gearbox, żjut ta’ lubrikazzjoni, żjut għat-turbini u żjut idrawliċi 5 .

Iż-żjut lubrikanti u industrijali tipikament jikkonsistu fi żjut bażi u f’addittivi. Iż-żjut tal-magni, użati fis-setturi tal-karozzi, tal-baħar u industrijali, jirrappreżentaw sa nofs iż-żjut lubrikanti kollha introdotti fis-suq. Iż-żjut idrawliċi jikklassifikaw it-tieni u jirrappreżentaw 15 % - 20 % tal-volum. Meta dawn iż-żjut isiru skart, jiġu kklassifikati bħala skart perikoluż u jirrappreżentaw l-aktar fluss importanti ta’ skart likwidu perikoluż fl-UE, b’madwar 1,6 miljun tunnellata żjut skartati miġburin fl-2017 6 . Żjut veġetali skartati ġġenerati mill-kċejjen u minn attivitajiet simili ma humiex fl-ambitu ta’ dan ir-rapport, u lanqas ma huma koperti mid-definizzjoni ta’ żejt skartat.

Iż-żjut skartati ilhom regolati fl-UE għal aktar minn 40 sena. Id-Direttiva 75/439/KE 7 dwar ir-rimi ta’ żjut skartati kienet teħtieġ li ż-żjut skartati jinġabru u jintremew mingħajr ma tiġi kkawżata ħsara evitabbli lill-bniedem u lill-ambjent. Fis-sena 1987 8 ġew introdotti emendi kbar li rriżultaw fl-għoti ta’ prijorità lir-riġenerazzjoni taż-żejt skartat meta mqabbla mal-inċinerazzjoni tiegħu għall-irkupru tal-enerġija. Id-WFD tistipula li l-Istati Membri jridu jieħdu miżuri stretti sabiex jiżguraw li ż-żjut skartati jinġabru separatament, jevitaw it-taħlit ma’ skart ieħor u, jekk ikun fattibbli, ma’ tipi oħrajn ta’ żejt u jiġu ġestiti mingħajr ma ssir ħsara lis-saħħa tal-bniedem jew lill-ambjent u jirrispettaw il-ġerarkija tal-iskart.

Kif indikat fil-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew 9 , l-Unjoni Ewropea tistinka biex ikollha ekonomija newtrali għall-klima u ċirkolari, fil-kuntest ta’ ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi li għalih hija meħtieġa aktar azzjoni għall-prevenzjoni tat-tniġġis. Biex jintlaħqu dawn l-objettivi, li huma żviluppati aktar fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari 10 u fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero 11 , il-ġestjoni ambjentalment korretta taż-żjut skartati, b’mod li l-emissjonijiet u l-iskariki jiġu mminimizzati u li bih iż-żjut bażi jiġu fil-biċċa l-kbira rriġenerati, għandha kontribut rilevanti x’tagħti.

3.Ħarsa ġenerali lejn il-ġestjoni taż-żejt skartat fl-UE

Fl-2017, madwar 4,3 miljun tunnellata ta’ żjut lubrikanti u industrijali ġew introdotti fis-suq tal-UE. Il-1,64 miljun tunnellata ta’ żjut skartati miġburin fl-EU-28 fl-2017 jirrappreżentaw 38 % ta’ dan l-ammont u huma 82 % taż-żejt skartat li jista’ jinġabar fit-teorija (~2 miljun tunnellata) 12 . It-telf inevitabbli taż-żejt, stmat li huwa ta’ 2,3 miljun tunnellata, iseħħ waqt l-użu, l-aktar minħabba l-ħruq fil-magni jew billi jintrema ma’ skart ieħor. Huwa stmat li madwar 18 % taż-żjut skartati li jistgħu jinġabru jintilfu minħabba ħruq f’berners żgħar taż-żejt skartat, minħabba l-konverżjoni illegali fi fjuwils u, sa ċertu punt, permezz tar-rilaxxi diretti fl-ambjent. Attivitajiet bħal dawn għandhom impatt dirett u dannuż fuq il-kwalità tal-ilma, tal-ħamrija u tal-arja, huma illegali, imorru kontra l-ġerarkija tal-iskart u jistgħu jirriżultaw f’kompetizzjoni inġusta mal-operaturi legali tal-iskart, u b’hekk jeħtieġu sforzi intensifikati f’termini ta’ ġbir u ta’ infurzar sabiex jiġu evitati.

Il-każ partikolari taż-żjut skartati mill-bastimenti huwa indirizzat mid-Direttiva 2000/59/KE 13 dwar il-faċilitajiet portwarji ta’ akkoljenza li għandha l-għan li tnaqqas b’mod sostanzjali l-iskariki ta’ residwi tal-iskart u tal-merkanzija ġġenerati mill-bastimenti fil-baħar. L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima tipprovdi servizz għall-prevenzjoni tat-tniġġis inklużi servizzi ta’ osservazzjoni tad-dinja bl-użu ta’ immaġni bis-satellita 14 .

L-approċċ meħud għall-ġestjoni taż-żjut skartati jvarja fil-biċċa l-kbira fost l-Istati Membri. L-Iskemi ta’ Responsabbiltà Estiża tal-Produttur (EPR) għaż-żjut lubrikanti skartati huma implimentati fi 11-il Stat Membru 15 .

Huwa rrapportat 16 li madwar 61 % taż-żjut skartati miġburin jiġu rriġenerati fi żjut bażi, filwaqt li 24 % jiġu ttrattati għall-produzzjoni ta’ fjuwils u 11 % jintużaw għall-irkupru dirett tal-enerġija f’impjanti tas-siment, tal-ġir, tal-azzar u tal-enerġija, bil-bqija li jiġu inċinerati bħala skart perikoluż. Fl-2019 kien hemm 27 impjant għar-riġenerazzjoni taż-żejt skartat fl-EU-28 17 , imqassmin f’madwar 11-il Stat Membru, b’kapaċità ta’ madwar 1,5 miljun tunnellata ta’ żjut skartati. B’kollox, madwar 0,95 miljun tunnellata żjut skartati ġew ittrattati f’impjanti għar-riġenerazzjoni fl-UE li rriżultaw f’madwar 0,68 miljun tunnellata żejt bażi riġenerat. Dawn iċ-ċifri juru li ż-żjut bażi rriġenerati jirrappreżentaw madwar 8 % 18 tal-ammont annwali ta’ żejt bażi prodott fl-UE u jindikaw li anke kieku ż-żjut skartati kollha disponibbli għall-ġbir kellhom jinġabru u jiġu rriġenerati lura f’żejt bażi, frazzjoni biss mid-domanda tista’ tiġi koperta mir-riġenerazzjoni.

Illustrazzjoni 1: Il-ġestjoni taż-żejt skartat fl-Istati Membri tal-EU-27 19 .

Minkejja l-inċertezzi fl-istima tal-ammonti ta’ żjut introdotti fis-suq li jistgħu jinġabru, l-evidenza turi li għad hemm lok għal titjib, mhux biss fl-ammont u fil-kwalità taż-żjut skartati miġbura, iżda anke fl-ammont ta’ żjut miġbura li jiġu rriġenerati. It-taqsimiet ta’ hawn taħt jiddeskrivu l-approċċi possibbli biex jinkiseb titjib fiż-żewġ aspetti, filwaqt li jirrikonoxxu li l-punt tat-tluq u l-kuntest assoċjat mal-ġestjoni taż-żejt skartat ivarjaw sew minn Stat Membru għal ieħor.

4.Ġbir taż-żjut skartati

Ir-rati ta’ ġbir taż-żjut skartati jvarjaw ħafna bejn l-Istati Membri. Fl-2018, dawn varjaw bejn 38 u 100 % taż-żjut li setgħu jinġabru 20 . L-informazzjoni limitata dwar il-prattiki illegali li jħallu impatt fuq ir-rati tal-ġbir tissuġġerixxi li l-prattika ewlenija li taffettwa b’mod negattiv il-ġbir taż-żjut skartati hija l-ħruq illegali tagħhom. Ir-rilaxx dirett fl-ambjent jidher li huwa rari u mhux sinifikanti biżżejjed sabiex jispjega d-differenzi fir-rati tal-ġbir.

EPR u skemi ta’ ġbir

L-Istati Membri b’rati għoljin ta’ ġbir mhux neċessarjament japplikaw approċċ komuni 21 . Xi wħud għandhom sistema ta’ EPR fis-seħħ (eż. il-Portugall, l-Italja) filwaqt li oħrajn ma għandhomx (eż. il-Ġermanja, l-Awstrija). B’mod simili, għall-Istati Membri b’rata baxxa ta’ ġbir, ma setgħetx tinstab xejra komuni. Xi wħud għandhom EPR (eż. il-Bulgarija) u oħrajn ma għandhomx (eż. ir-Rumanija). Jekk ma jinbidel xejn, il-prestazzjoni tal-ġbir tidher li hija ogħla f’pajjiżi li għandhom densità għolja tal-popolazzjoni, attività industrijali sinifikanti u kapaċità ta’ riġenerazzjoni jew ta’ rkupru tal-enerġija fil-qrib.

Illustrazzjoni 2: Ir-rati ta’ ġbir taż-żejt skartat fl-2018 (miġbur/li seta’ jinġabar) 22

Skont studju riċenti 23 , ma hemm l-ebda konklużjoni ċara dwar jekk EPR jew dwar skemi ta’ ġbir formalizzati oħrajn (eż. skemi ta’ rifużjoni tad-depożiti) humiex neċessarji sabiex jiġu żgurati rati għoljin ta’ ġbir. Madankollu, jidher ċar li żewġ fatturi ewlenin jixprunaw il-prestazzjoni tal-ġbir taż-żejt skartat:

·il-kost/benefiċċju għad-detenturi tal-iskart: jekk id-detentur tal-iskart jitħallas għaż-żejt skartat, ir-rati tal-ġbir jiżdiedu;

·ir-rieda tad-detenturi tal-iskart li jiġġestixxu l-iskart tagħhom b’mod legali: dan jiddependi ħafna mis-sensibilizzazzjoni fost id-detenturi u mill-infurzar mill-Istati Membri.

Għalhekk, ir-rati ta’ ġbir ikunu għoljin meta l-ġbir ikun profittabbli, jiġifieri meta d-detenturi tal-iskart jirċievu flus għall-iskart tagħhom, il-ġbir ikun mingħajr ħlas jew inkella jkunu lesti jħallsu l-prezz tas-suq għall-ġestjoni tal-iskart tagħhom. Jista’ jkun li ż-żoni ġeografiċi fejn il-kost jaqbeż kemm wieħed huwa lest li jħallas ma jkunux moqdija u dan jista’ jirriżulta f’ġestjoni illegali. Fl-aħħar mill-aħħar, il-karatteristiċi tal-iskema ta’ inċentivi jidhru li għandhom aktar influwenza fuq ir-rati ta’ ġbir milli jekk tkunx fis-seħħ EPR jew le.

Vetturi elettriċi u impatt fuq il-volumi taż-żejt skartat

L-istudju 24 pprovda wkoll projezzjonijiet għall-ġenerazzjoni ta’ żjut skartati fl-EU-27 sas-sena 2050 abbażi ta’ żewġ approċċi ta’ mmudellar, wieħed ibbażat fuq it-tbassir tad-domanda għal-lubrikanti minn McKinsey & Company 25 u t-tieni bbażat fuq l-istess tkabbir fid-domanda u filwaqt li jitqiesu l-miri regolatorji tal-UE sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-vetturi 26 u informazzjoni dwar l-użu tal-lubrikanti fil-vetturi elettriċi 27 . Dawn jassumu li d-domanda għal-lubrikant fil-flotta elettrika u taċ-ċelloli tal-fjuwil tal-UE se tkun 10 % ta’ dik minn flotta konvenzjonali, li tipprevedi tnaqqis fl-użu taż-żjut tal-magni fl-UE. Huwa preżunt li l-ġenerazzjoni taż-żejt skartat mis-settur tal-karozzi, li bħalissa jirrappreżenta madwar 40 % tas-suq taż-żjut lubrikanti, se tonqos gradwalment mil-livell tagħha tal-2035 għal 32,5 % tiegħu fl-2050. Skont l-istudju msemmi, il-ġenerazzjoni totali ta’ żejt skartat tal-EU-27 se tkun bejn 1,7 u 2 miljun tunnellata fl-2050, valur simili għall-ammont ta’ żjut skartati li jistgħu jinġabru rrapportati għall-2017. Dawn il-projezzjonijiet jindikaw li l-ammont kumplessiv taż-żejt skartat disponibbli għat-trattament ma huwiex probabbli li se jinbidel wisq fid-deċennji li ġejjin u jista’ jiġi spjegat mill-istima li t-tnaqqis imsemmi fil-ġenerazzjoni taż-żejt mit-trasport bit-triq se jkun fil-biċċa l-kbira kkumpensat mit-tkabbir minn modi tat-trasport oħrajn u mill-użi industrijali/mhux tat-trasport.

Miżuri sabiex jiżdiedu l-ġbir u l-kwalità taż-żejt skartat

Bħalissa, ir-rata medja ta’ ġbir tal-UE għaż-żjut skartati hija ta’ madwar 82 % 28 iżda tvarja sew fost l-Istati Membri minħabba aspetti nazzjonali u speċifiċi għall-kuntest. Seba’ Stati Membri għandhom miri legalment vinkolanti għall-ġbir taż-żejt skartat fil-leġiżlazzjoni tagħhom 29 . Kif muri mill-analiżi 30 magħmula mir-rapportar li sar mill-Istati Membri għas-sena 2020, l-informazzjoni statistika disponibbli dwar il-ġbir u l-ġestjoni taż-żejt skartat mhijiex robusta biżżejjed biex tistabbilixxi miri obbligatorji tal-UE għall-ġbir. Madankollu, approċċ li jiddependi fuq il-miri nazzjonali jista’ jiġi kkunsidrat mill-Istati Membri.

Approċċ bħal dan jista’ jibbaża fuq żewġ valuri fil-mira għas-sena 2030, stabbiliti għal 80 % u għal 95 % 31 fir-rigward tal-kwantitajiet ta’ żejt skartat li jistgħu jinġabru 32 . L-Istati Membri li għandhom l-aħjar prestazzjoni jistgħu jikkunsidraw li japplikaw il-mira ogħla 33 immedjatament jew, jekk diġà ntlaħqet, jiżguraw li tal-anqas tinżamm. Dawk bi prestazzjoni anqas tajba għandhom jiffokaw l-isforzi tagħhom fuq l-ilħuq tal-mira ta’ ġbir ta’ 80 % sal-2030 u tal-mira ta’ 95 % sal-2035. Dan l-approċċ għandu l-vantaġġ li jindirizza direttament l-objettiv tal-ġbir ta’ aktar żjut skartati filwaqt li jipprovdi xi flessibbiltà lill-Istati Membri.

Abbażi tal-analiżi tas-sistemi eżistenti ta’ ġestjoni taż-żejt skartat u tal-iskemi ta’ ġbir fl-UE (u lil hinn minnha) u tal-aħjar prattiki applikati, u dwar l-informazzjoni limitata dwar il-ġbir u r-riġenerazzjoni taż-żejt skartat fl-Istati Membri tal-UE, jistgħu jitqiesu diversi miżuri sabiex jiżdiedu l-kwantità u l-kwalità taż-żjut skartati miġburin:

a.Il-possibbiltà li l-Istati Membri jistabbilixxu miri obbligatorji ta’ ġbir.

I.80 % taż-żjut skartati ġġenerati (piż xott) għandhom jinġabru sal-2030.

II.95 % taż-żjut skartati ġġenerati (piż xott) għandhom jinġabru sal-2030 għall-Istati Membri li diġà jiġbru aktar minn 80 %.

b.Miżuri possibbli oħrajn biex jiżdied il-ġbir taż-żjut skartati 34  

I.L-introduzzjoni ta’ sussidju għad-detenturi żgħar tal-iskart. Id-detenturi żgħar approvati tal-iskart jistgħu jirċievu sussidju annwali b’rata fissa fuq talba sabiex ikopru l-kostijiet tal-ġbir.

II.Il-projbizzjoni taż-żamma ta’ flus lid-detenturi tal-iskart għall-ġbir (ġbir mingħajr ħlas jew jitħallas min jiġbor l-iskart), potenzjalment soġġetti għal kundizzjonijiet bħall-volum minimu tal-ġbir jew ir-rekwiżiti tal-kwalità.

III.Il-kolletturi taż-żejt skartat jiġu obbligati jipprovdu servizz ta’ ġbir komprensiv u inklużiv spazjalment, u b’hekk jiġi ggarantit il-ġbir f’każijiet anqas profittabbli (żoni remoti, produtturi żgħar ta’ żejt skartat, eċċ.).

IV.L-għoti ta’ aċċess għal faċilitajiet ta’ ġbir muniċipali lid-detenturi żgħar tal-iskart (eż. faċilitajiet għall-iskart goff). Dan ikun jipprovdi servizz konvenjenti għall-produtturi ż-żgħar ta’ żejt skartat, u b’hekk jitnaqqas ir-riskju ta’ rimi illegali.

V.Id-definizzjoni ta’ kriterji speċifiċi sabiex jiġu lliċenzjati l-kolletturi taż-żejt skartat, filwaqt li jiġu ddefiniti r-rekwiżiti minimi eż. fir-rigward tal-kopertura ġeografika tas-servizz, il-kapaċità ta’ ħżin u ta’ kontroll tal-kwalità, eċċ.

c.Miżuri possibbli sabiex tiżdied il-kwalità taż-żejt skartat miġbur 35

I.Id-definizzjoni tal-kontroll tal-kwalità obbligatorju mill-kolletturi tal-iskart (inklużi l-punti ta’ kontroll, il-frekwenza, il-parametri, eċċ.).

II.L-iżgurar ta’ ġbir separat ta’ flussi ta’ skart b’potenzjal ta’ kontaminazzjoni taż-żjut skartati (eż. żejt veġetali u tat-tisjir, fluwidi tal-brejkijiet).

III.Il-ħtieġa li d-detenturi tal-iskart li jikkontaminaw iż-żjut skartati (eż. permezz ta’ segregazzjoni mhux adatta u kontaminazzjoni sussegwenti ta’ lottijiet fi trakk jew f’tank tal-ħażna) iħallsu għat-trattament tiegħu.

IV.L-istabbiliment ta’ linji gwida dettaljati u l-għoti ta’ taħriġ sabiex jiġi ċċarat liema żjut skartati għandhom jinżammu segregati mid-detentur tal-iskart (eż. l-evitar tat-taħlit ma’ żjut tal-poliklorobifenil, ma’ fluwidi tal-brejkijiet, eċċ.).

Ta’ min jinnota li mhux il-miżuri elenkati kollha jistgħu jiġu kkombinati (eż., sussidji għad-detenturi żgħar tal-iskart + ġbir b’xejn/bi ħlas) u li l-aħjar mod kif jiġu implimentati l-miżuri jista’ jkun speċifiku ħafna għall-kuntest nazzjonali inkluż, pereżempju, jekk il-miżuri jiġux adottati bħala parti minn skema ta’ EPR jew b’mod ieħor permezz ta’ dispożizzjonijiet legali speċifiċi, gwida jew mezzi oħrajn 36 . Dawn il-miżuri għandhom jiġu kkomplementati aktar bl-infurzar mill-Istati Membri u b’attivitajiet ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni indirizzati lejn il-produtturi taż-żejt skartat u lejn il-pubbliku ġenerali.

5.Riġenerazzjoni taż-żjut skartati

Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari għandu l-għan li jrawwem u jħeġġeġ ekonomija sostenibbli, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva, li fiha l-valur tal-materjali u tal-prodotti jinżamm fiċ-ċirkolazzjoni għall-itwal żmien possibbli. Minħabba li ż-żjut skartati jistgħu jiġu rriċiklati permezz ta’ proċessi li huma teknikament stabbiliti sew, dawn għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-objettivi tal-ekonomija ċirkolari.

Id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart tiddefinixxi r-riġenerazzjoni taż-żjut skartati (jew “żjut għar-rimi”) bħala “kwalunkwe operazzjoni ta’ riċiklaġġ li biha jistgħu jiġu prodotti żjut bażiċi bir-raffinar ta’ żjut għar-rimi, partikolarment bit-tneħħija tal-kontaminanti, il-prodotti ta’ ossidazzjoni u l-addittivi li jinsabu f’dawn iż-żjut 37 . Tistabbilixxi wkoll ġerarkija tal-iskart li tfassal preferenza għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ fuq l-irkupru tal-enerġija. Għaż-żjut skartati, l-Artikolu 21 jindika prijorità għar-riġenerazzjoni fuq għażliet oħrajn ta’ trattament.

Illustrazzjoni 3: L-użu taż-żejt skartat għal kull trattament 38

Seba’ Stati Membri 39  jirrapportaw rati ta’ riġenerazzjoni ta’ 90 % jew aktar 40 filwaqt li għaxra għandhom rati taħt l-10 %. L-użu fil-fran tas-siment u fl-impjanti tal-enerġija b’mod kumplessiv ma huwiex sinifikanti ħafna, iżda fi tliet Stati Membri 41 jirrappreżenta aktar minn 50 % taż-żjut miġburin. Huwa stmat li minn 5 - 15 % taż-żjut skartati miġburin huma ta’ kwalità baxxa u mhux adattati għar-riġenerazzjoni u, b’hekk, jintużaw b’mod ġenerali fil-fran tas-siment, fil-bojlers industrijali u fl-inċineraturi tal-iskart perikoluż. Dan jimplika limitu massimu konservattiv ta’ 85 % taż-żjut skartati miġburin li jistgħu jiġu rriġġenerati (abbażi tal-eżiti u tat-teknoloġiji attwali tal-ġbir).

Kif irrapportat f’diversi studji 42 , iż-żjut skartati jistgħu jiġu rriġenerati permezz ta’ proċessi differenti: fl-UE, madwar 32 % taż-żjut skartati miġburin jiġu rriġenerati permezz ta’ idrotrattament, 46 % permezz ta’ estrazzjoni likwidu-likwidu u 22 % permezz tad-distillazzjoni. Il-kapaċità ta’ riġenerazzjoni disponibbli fl-UE ma tidhirx li hija fattur ta’ limitazzjoni billi tisboq dik li bħalissa hija ttrattata bir-riġenerazzjoni u ġew identifikati proġetti ġodda ta’ riraffineriji (eż. fil-Portugall). Madankollu, ikunu meħtieġa aktar kapaċitajiet jekk iż-żjut skartati kollha li jinġabru jintbagħtu għar-riġenerazzjoni (u jekk ir-rati ta’ ġbir jiżdiedu).

Ir-raġunijiet ewlenin li jidhru li jispjegaw għaliex frazzjoni sinifikanti ta’ żjut skartati miġburin ma tidħolx fil-perkors ta’ riġenerazzjoni jinkludu: 1) il-firxa mhux uniformi tal-kapaċitajiet ta’ riġenerazzjoni fost l-Istati Membri; 2) in-nuqqas ta’ inċentivi għar-riġenerazzjoni minħabba n-nuqqas f’xi Stati Membri ta’ strumenti speċifiċi li jappoġġaw ir-riġenerazzjoni (appoġġ finanzjarju, miri) 3) id-domanda akbar għal fjuwils b’livell baxx ta’ kubrit, speċjalment għas-suq tal-fjuwils marini u 4) il-varjabbiltà tal-prezzijiet taż-żejt verġni, li tagħmel ir-riġenerazzjoni anqas kompetittiva mill-irkupru tal-enerġija meta l-prezzijiet taż-żejt verġni jkunu f’livelli baxxi.

Tqabbil tar-riġenerazzjoni taż-żejt skartat mal-irkupru tal-enerġija

Dan l-aħħar, il-Kummissjoni kkonkludiet studju ġdid ibbażat fuq iċ-ċiklu tal-ħajja tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku 43 biex tqabbel il-prestazzjoni kumplessiva tat-tliet teknoloġiji ewlenin ta’ riġenerazzjoni taż-żejt skartat 44 ma’ għażliet differenti sabiex tiġi rkuprata l-enerġija miż-żjut skartati 45 . L-analiżi twettqet bl-użu ta’ għodda speċifika ta’ mmudellar ta’ analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja (LCA) 46 li ġiet applikata biex jiġu ssimulati l-attivitajiet u l-proċessi differenti ta’ ġestjoni tal-iskart inklużi f’kull teknoloġija, u sabiex jiġu kkalkolati l-impatti ambjentali potenzjali u l-kostijiet taċ-ċiklu tal-ħajja (LCC) rispettivi 47 . Imbagħad, din l-analiżi ntużat biex jinkiseb għarfien dwar politiki possibbli li jistgħu jiġu stabbiliti sabiex jiżdiedu l-flussi ta’ żejt skartat lejn l-aktar perkorsi ta’ benefiċċju.

L-istudju jiddistingwi żewġ tipi ta’ LCC. It-tip ta’ LCC konvenzjonali jiddeskrivi l-kost finanzjarju bħala s-somma tal-kostijiet u tat-trasferimenti tal-baġits, jiġifieri l-kostijiet interni tal-ġestjoni taż-żjut skartati. Il-kost taċ-ċiklu tal-ħajja soċjetali jgħodd flimkien il-kostijiet interni u esterni, it-tnejn espressi bħala prezzijiet paralleli, biex jiġi kkwantifikat il-kost totali mġarrab mis-soċjetà, u b’hekk tiġi riflessa analiżi kost-benefiċċji soċjali u jiġu inklużi l-prezz parallel speċifiku tas-CO2, emissjonijiet oħrajn u t-tnaqqis tar-riżorsi 48 . L-istudju jinkludi wkoll analiżi sabiex tiġi vverifikata s-sensittività tar-riżultati għal diversi fatturi u valutazzjoni tal-inċertezza fir-riżultati finali billi titwettaq analiżi tad-dixxernibbiltà 49 .

Eżitu tal-valutazzjoni tar-riġenerazzjoni kontra l-irkupru tal-enerġija

Għall-biċċa l-kbira tal-kategoriji tal-impatt individwali, kif ukoll f’termini ta’ kostijiet taċ-ċiklu tal-ħajja soċjetali, it-tliet perkorsi ta’ riġenerazzjoni 50 jmorru l-aħjar fost l-għażliet kollha għat-trattament taż-żejt skartat. B’mod partikolari, ir-riġenerazzjoni tispikka bħala l-perkors ta’ ġestjoni ippreferut meta jitqiesu biss l-impatti fuq it-tisħin globali. Ir-riżultati huma anqas skjetti meta wieħed iħares lejn il-kostijiet taċ-ċiklu tal-ħajja soċjetali totali (jiġifieri l-emissjonijiet ambjentali monetizzati tat-tipi kollha u t-tnaqqis tar-riżorsi), li juru li l-perkors ta’ riġenerazzjoni bl-agħar prestazzjoni (dik ibbażata fuq is-solventi) jiġġenera biss benefiċċju żgħir fuq it-trattament għall-fjuwil (permezz tad-distillazzjoni) u, f’xi kundizzjonijiet, jista’ saħansitra jmur agħar minn dan it-trattament. L-analiżi tad-dixxernibbiltà turi wkoll li f’termini tal-kostijiet taċ-ċiklu tal-ħajja soċjetali, ir-riġenerazzjoni bbażata fuq is-solventi u dik ibbażata fuq id-distillazzjoni ma humiex superjuri b’mod robust għat-trattament tal-fjuwil (għalkemm l-oppost huwa minnu wkoll). Huwa ċar li l-perkorsi ta’ inċinerazzjoni diretta (eż. il-kombustjoni fi fran tas-siment) huma għażliet inferjuri.

Bħala konklużjoni, ir-riġenerazzjoni — skont it-teknoloġija u l-kuntest speċifiċi — hija superjuri jew komparabbli għat-trattament għall-fjuwil u superjuri għall-irkupru dirett tal-enerġija, minn perspettiva tal-kostijiet soċjetali. Din l-analiżi turi li l-Istati Membri għandhom jippromwovu għażliet li jwasslu l-aħjar eżitu ambjentali kumplessiv. Għall-ġestjoni taż-żejt skartat, dan ifisser it-tħeġġiġ tal-iżvilupp ta’ installazzjonijiet li jagħmlu użu mit-teknoloġiji bl-aħjar prestazzjoni u l-aktar avvanzati ta’ riġenerazzjoni, li mhux biss għandhom l-aħjar prestazzjoni ambjentali kumplessiva, iżda li jrendu wkoll żjut bażi tal-ogħla valur 51 .

Miżuri possibbli sabiex tiżdied ir-riġenerazzjoni taż-żjut skartati

Hemm approċċi differenti li jistgħu jiġu implimentati biex jiżdied l-ammont ta’ żjut skartati riġenerati. L-aktar waħda promettenti taqa’ fil-kategorija ta’ miri ta’ riġenerazzjoni jew ta’ strumenti bbażati fuq il-prezzijiet. Il-miri ta’ riġenerazzjoni jistgħu jieħdu l-forma ta’ stabbiliment ta’ perċentwali minimi obbligatorji fil-livell tal-pajjiż ta’ 1) żjut skartati miġburin li jridu jiġu rriġenerati; 2) żjut lubrikanti jew bażi introdotti fis-swieq li jridu jiġu dderivati miż-żjut skartati rriġenerati jew 3) kontenut irriġenerat f’kull prodott lubrikanti. L-ewwel approċċ jirregola l-provvista ta’ żjut skartati rriġenerati u huwa adattat għall-iffissar tal-miri fil-livell tal-Istati Membri, filwaqt li ż-żewġ approċċi l-oħra jaffettwaw id-domanda u jirrappreżentaw ir-rekwiżiti tal-prodott. Fir-rigward tal-istrumenti bbażati fuq il-prezzijiet, l-għażliet li ġew studjati kienu jinkludu l-implimentazzjoni ta’ sussidju fuq ir-riġenerazzjoni ffinanzjat permezz tal-baġit ġenerali jew iffinanzjat permezz ta’ imposta fuq iż-żjut bażi verġni.

Saret valutazzjoni tal-impatti soċjoekonomiċi tal-politiki li jistabbilixxu żewġ rati referenzjarji ta’ riġenerazzjoni taż-żejt skartat, li għandhom jintlaħqu mill-Istati Membri sas-sena 2030:

1)rata ta’ riġenerazzjoni ta’ 70 % taż-żjut skartati miġburin kollha, li tirrappreżenta żieda mir-rata medja kurrenti tal-UE ta’ 61 %.

2)rata ta’ riġenerazzjoni ta’ 85 % taż-żjut skartati miġburin kollha, li tikkorrispondi għal stima konservattiva ta’ dak li jista’ jiġi rriġenerat b’mod realistiku.

L-effetti ambjentali 52 huma, skont id-definizzjoni, l-istess għall-politiki kollha li jilħqu l-istess mira. Billi l-istabbiliment ta’ mira obbligatorja ta’ rata minima ta’ riġenerazzjoni, iddefinita bħala perċentwal taż-żjut skartati miġburin, jirriżulta f’piż finanzjarju li ma huwiex iddefinit u jiddependi l-aktar fuq l-implimentazzjoni speċifika f’kull Stat Membru, il-piż ewlieni taż-żewġ għażliet l-oħrajn, fuq il-bażi tal-istabbiliment ta’ miri minimi għall-użu ta’ żejt skartat riġenerat fi prodotti lubrikanti, inizjalment jaqa’ fuq il-produtturi tal-lubrikanti, u fl-aħħar mill-aħħar fuq il-konsumaturi tal-lubrikanti.

Is-sussidji għar-riġenerazzjoni ffinanzjati jew mill-baġit ġenerali jew permezz ta’ imposta fuq iż-żejt bażi verġni jġibu kostijiet relattivament għoljin, li fil-biċċa l-kbira jisbqu l-iffrankar mistenni fil-kostijiet taċ-ċiklu tal-ħajja soċjetali. Dan minħabba li s-sussidji jkollhom jitħallsu għaż-żejt bażi riġenerat kollu, inkluż għall-frazzjoni l-kbira (61 %) li diġà qiegħda tiġi rriġenerata. Il-valutazzjoni tar-riżultat tat-tliet politiki bbażati fuq il-miri mhix sempliċi minħabba li l-benefiċċji mistennijin f’termini ta’ kostijiet soċjetali evitati huma tal-istess ordni ta’ kobor bħall-kostijiet amministrattivi stmati 53 , u dan iwassal għall-konklużjoni li l-benefiċċji netti wara l-kontabilità għall-kostijiet huma mistennijin ikunu pjuttost żgħar (u f’xi każijiet negattivi) u jistgħu ma jkunux biżżejjed sabiex jiġġustifikaw intervent ta’ politika fil-livell tal-UE, b’mod partikolari fid-dawl tal-inċertezzi involuti.

6.Konklużjonijiet

Ir-riġenerazzjoni hija ġeneralment l-għażla ta’ trattament li tipprovdi l-aħjar prestazzjoni kumplessiva mill-perspettiva ambjentali u soċjoekonomika. Filwaqt li l-Istati Membri għandhom jagħmlu aktar sforzi biex jimplimentaw ir-regoli dwar iż-żjut skartati stabbiliti fid-WFD, ir-raġunament għall-proposta ta’ rekwiżiti addizzjonali fil-livell tal-UE bħalissa huwa limitat. Pereżempju, l-esperjenza fl-Istati Membri turi li jistgħu jinkisbu rati għoljin ta’ ġbir taż-żejt skartat mingħajr skemi obbligatorji ta’ EPR, u għalhekk ma jippermettux li jsir każ ġenerali għall-istabbiliment ta’ sistema obbligatorja ta’ EPR għaż-żjut skartati. Barra minn hekk, hija meħtieġa data aktar robusta dwar il-prestazzjoni ta’ Stati Membri differenti fir-rigward tal-ġenerazzjoni, il-ġbir u t-trattament taż-żejt skartat bil-ħsieb li tittieħed azzjoni leġiżlattiva.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu nota tas-sejbiet deskritti f’dan ir-rapport u biex iqisuhom ħalli jtejbu l-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE dwar iż-żjut skartati fil-livell nazzjonali, jinċentivaw il-ġbir taż-żjut skartati ta’ kwalità ogħla u jippromwovu aktar it-trattament tagħhom, billi jużaw teknoloġiji ta’ riġenerazzjoni bl-aħjar prestazzjoni.

Il-Kummissjoni se ssegwi mill-qrib id-data dwar iż-żjut skartati sottomessa mill-Istati Membri u se tistinka biex tappoġġa t-titjib tagħha. Abbażi ta’ din id-data u ta’ informazzjoni oħra dwar l-implimentazzjoni tad-WFD fir-rigward taż-żjut skartati, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra azzjoni ulterjuri tal-UE fil-futur, pereżempju fir-rigward tal-istabbiliment ta’ miri obbligatorji għall-ġbir jew ir-riġenerazzjoni taż-żejt skartat fl-UE kollha, b’mod partikolari jekk il-miżuri meħuda mill-Istati Membri joħolqu ostakli għas-Suq Uniku.

(1)

 Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi, ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3–30

(2)

 “Study to support the Commission in gathering structured information and defining of reporting obligations on waste oils and other hazardous waste” (2020). https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/73a728bc-72f5-11ea-a07e-01aa75ed71a1/language-mt/format-PDF/source-123020647  

(3)

Environmental and economic sustainability of waste lubricant oil management in the EU. Il-Kummissjoni Ewropea (2023). https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC133752    

(4)

 Study to analyse lubricant and industrial oil EPR systems and waste oil collection schemes in EU Member States to support measures to increase collection rates. Il-Kummissjoni Ewropea (2023). https://data.europa.eu/doi/10.2779/948514  

(5)

 L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2008/98/KE

(6)

 Ċifri tal-ġenerazzjoni u tal-ġbir għall-EU-28 (ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna). Il-Eurostat jirrapporta ċifri ogħla ta’ 4,0 - 4,5 Mt fi statistika aggregata ħafna li ma hijiex sinifikattiva jew komparabbli ħafna.

(7)

 Id-Direttiva tal-Kunsill 75/439/KEE tas-16 ta’ Ġunju 1975 dwar ir-rimi ta’ żejt użat, ĠU L 194, p. 23-25, p. 31-33

(8)

 Id-Direttiva tal-Kunsill 87/101/KEE tat-22 ta’ Diċembru 1986 li temenda d-Direttiva 75/439/KEE dwar ir-rimi ta’ żejt użat, ĠU L 42, 12.2.1987, p. 43–47

(9)

 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, COM(2019) 640 final 

(10)

 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari Għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva, COM(2020) 98 final

(11)

 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Perkors għal Pjaneta b’Saħħitha għal Kulħadd, Pjan ta’ Azzjoni tal-UE: “Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, għall-Ilma u għall-Ħamrija”, COM(2021) 400 final

(12)

 Iċ-ċifri kollha f’dan il-paragrafu huma rrapportati fl-istudju msemmi fin-nota 2 f’qiegħ il-paġna.

(13)

https://eur-lex.europa.eu/eli/dir/2000/59/2019-06-27?locale=mt

(14)

https://www.emsa.europa.eu/csn-menu.html

(15)

 BE, BG, HR, DK, EL, ES, FR, IT, LT, PL, PT.

(16)

 Ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna.

(17)

 L-EU-28, speċifikament fil-BG, DK, fi, FR, DE, EL, IT, PL, PT, ES, UK (dan tal-aħħar ma jidhirx fil-mappa)

(18)

 Madwar 8 Mt/sena ta’ żjut bażi verġni prodotti fl-EU-28 bejn l-2013 u l-2018.

(19)

 Ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna.

(20)

 GEIR (2019). https://www.geir-rerefining.org .

(21)

 Ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna.

(22)

 Ibid

(23)

 Ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna.

(24)

 Ibid.

(25)

https://www.mckinsey.com/industries/oil-and-gas/our-insights/lubes-growth-opportunities-remain-despite-switch-to-electric-vehicles

(26)

It-tieni mudell juża l-istimi tal-kompożizzjoni u tal-evoluzzjoni tal-flotta żviluppati fil-proposta “standards tal-EURO7” (COM(2022) 586 final).

(27)

Shah, Raj, et al. “Recent trends in batteries and lubricants for electric vehicles.” Advances in Mechanical Engineering 13.5 (2021).

(28)

 Ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna.

(29)

 BE, FR, EL, LT, PL, PT u ES.

(30)

 Ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna.

(31)

 Kif deskritt fl-istudju msemmi fin-nota 4 f’qiegħ il-paġna li janalizza l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta’ miżura bħal din.

(32)

 Ir-rata ta’ ġbir iddefinita bħala l-proporzjon bejn iż-żejt skartat miġbur u ż-żejt skartat iġġenerat (li jista’ jinġabar).

(33)

 Mhix proposta mira ta’ ġbir ta’ 100 % minħabba li: a) f’kuntest ta’ xenarju ta’ ġenerazzjoni ta’ żejt skartat mifruxa u b’volum baxx, din tista’ tirriżulta f’kostijiet u f’impatti ambjentali sproporzjonati mill-ġbir taż-żjut skartati prodotti kollha separatament u b) l-inċertezzi fil-fatturi ta’ emissjoni taż-żejt skartat użati biex jiġi stmat l-ammont li jista’ jinġabar ta’ żejt skartat jesiġu l-kawtela.

(34)

 Kwalunkwe miżura trid tiġi implimentata f’konformità mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat kif ukoll mal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas.

(35)

 Kwalità aħjar taż-żejt skartat miġbur jista’ jkollha wkoll impatt pożittiv fuq l-ammont ta’ żejt miġbur li jiġi rriġenerat. 

(36)

 L-istudju msemmi fin-nota 4 f’qiegħ il-paġna jipprovdi analiżi estensiva ta’ kif l-iskemi ta’ EPR u skemi oħrajn ta’ ġbir jiġu applikati fi Stati Membri differenti.

(37)

 L-Artikolu 3(18) tad-Direttiva 2008/98/KE

(38)

 Kif ippubblikata fir-rapport imsemmi fin-nota 3 f’qiegħ il-paġna.

(39)

 DK, EL, LU, IT, NL, BE, FI u BG.

(40)

 Xi pajjiżi jirrapportaw rati ta’ riġenerazzjoni ta’ 100 %. Madankollu, l-evidenza tissuġġerixxi li rati għoljin ta’ riġenerazzjoni bħal dawn jistgħu jkunu artefatti tal-kontabilità, billi xi pajjiżi jirrapportaw is-sediment u l-ilma inizjali b’mod separat miż-żjut skartati xotti u oħrajn jirrapportaw biss ir-riġenerazzjoni taż-żejt skartat ta’ kwalità suffiċjenti.

(41)

 HR, EE u SI.

(42)

 Ara n-noti 2 u 4 f’qiegħ il-paġna

(43)

Ara r-referenza għall-istudju tal-JRC fin-nota 3 f’qiegħ il-paġna.

(44)

 Idrotrattament, estrazzjoni likwidu-likwidu u distillazzjoni.

(45)

Il-fjuwil derivat miż-żejt skartat li jissostitwixxi l-fjuwil marin primarju (WODFa); Il-fjuwil derivat miż-żejt skartat li jissostitwixxi ż-żejt fjuwil ħafif primarju (WODFb); il-kombustjoni fil-forn tas-siment; il-kombustjoni f’inċineratur tal-iskart perikoluż u l-kombustjoni f’bojler industrijali.

(46)

 Software ta’ analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja: EASETECH v3.4.0

(47)

 Ġew analizzati 14-il kategorija tal-impatt

(48)

 Għall-2030 intuża valur prestabbilit ta’ EUR 100/tunnellata CO2 issuġġerit minn CE Delft u mid-DĠ MOVE.

(49)

 L-applikazzjoni ta’ simulazzjonijiet Monte Carlo fuq żewġ xenarji fl-istess ħin, eż. idrotrattament kontra estrazzjoni likwidu-likwidu.

(50)

 Idrotrattament, estrazzjoni likwidu-likwidu u distillazzjoni

(51)

Ġeneralment, żjut li jappartjenu għall-Gruppi II u III tal-API.

(52)

 Dawn iwasslu għall-evitar ta’ 0,6 Mt ta’ ekwivalenti ta’ CO2 f’emissjonijiet sal-2045 għall-mira ta’ 70 % u ta’ 1,7 Mt għall-mira ta’ 85 % (kumulattivi matul il-perjodu ta’ żmien taħt kunsiderazzjoni).

(53)

 Dan jirriżulta f’benefiċċju kumulattiv kkalkolat ta’ EUR 124 miljun bejn l-2024 u l-2045 f’termini ta’ kostijiet soċjetali evitati għall-mira ta’ 70 % u EUR 330 miljun għall-mira ta’ 85 %. Huma stmati kostijiet amministrattivi kumulattivi ta’ bejn EUR 11 u 213-il miljun għall-istess perjodu ta’ żmien 2024-2045.

Top