Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023DC0620

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 tal-Awstrija u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 tal-Awstrija

COM/2023/620 final

Brussell, 24.5.2023

COM(2023) 620 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 tal-Awstrija u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 tal-Awstrija

{SWD(2023) 620 final}


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 tal-Awstrija u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 tal-Awstrija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 , li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, hija tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u soċjali u għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-UE u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal kull Stat Membru bil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ġiet aġġornata fit-30 ta’ Ġunju 2022, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241.

(2)Fit-22 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2023 3 , li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2023 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-istħarriġ madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-23 ta’ Marzu 2023. Fit-22 ta’ Novembru 2022, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2023, li fih ma identifikatx lill-Awstrija bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat mill-iżbilanċi, u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll opinjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tal-2023 tal-Awstrija. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, li l-Kunsill adotta fis-16 ta’ Mejju 2023, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2023 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-Kunsill adotta fit-13 ta’ Marzu 2023.

(3)Filwaqt li l-UE qed turi reżiljenza notevoli, il-kuntest ġeopolitiku għad għandu impatt negattiv. Hekk kif l-UE qed tappoġġa b’mod sod lill-Ukrajna, l-aġenda tal-politika ekonomika u soċjali tal-UE hija ffukata fuq it-tnaqqis tal-impatt negattiv tax-xokkijiet tal-enerġija kemm fuq l-unitajiet domestiċi vulnerabbli kif ukoll fuq il-kumpaniji fuq terminu qasir, u fuq iż-żamma tal-isforzi biex titwettaq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, jiġi appoġġat it-tkabbir sostenibbli u inklużiv, tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà makroekonomika u tiżdied ir-reżiljenza fuq terminu medju. Hija tiffoka ħafna wkoll fuq iż-żieda fil-kompetittività u l-produttività tal-UE.

(4)Fl-1 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni ħarġet il-Komunikazzjoni, Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti 4 biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija b’emissjonijiet żero netti tal-UE u tiġi appoġġata t-tranżizzjoni rapida lejn in-newtralità klimatika. Il-pjan jikkomplementa l-isforzi li għaddejjin bil-Patt Ekoloġiku Ewropew u r-REPowerEU. Huwa għandu l-għan li jipprovdi ambjent aktar ta’ appoġġ biex tiżdied il-kapaċità tal-manifattura tal-UE għat-teknoloġiji u l-prodotti b’emissjonijiet żero netti meħtieġa biex jintlaħqu l-miri klimatiċi ambizzjużi tal-UE, kif ukoll jiġi żgurat l-aċċess għal materja prima kritika rilevanti, inkluż billi jiġi diversifikat l-akkwist, jiġu sfruttati kif xieraq ir-riżorsi ġeoloġiċi fl-Istati Membri u jiġi massimizzat ir-riċiklaġġ tal-materja prima. Il-pjan huwa msejjes fuq erba’ pilastri: ambjent regolatorju prevedibbli u simplifikat, li jħaffef l-aċċess għall-finanzi, itejjeb il-ħiliet, u jiftaħ il-kummerċ għal ktajjen tal-provvista reżiljenti. Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet ukoll il-Komunikazzjoni, Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030 5 , strutturata fuq disa’ muturi li jsaħħu lil xulxin bil-għan li ssir ħidma lejn qafas regolatorju li jsaħħaħ it-tkabbir. Hija tistabbilixxi prijoritajiet ta’ politika mmirati biex jiżguraw b’mod attiv titjib strutturali, investimenti ffukati tajjeb u miżuri regolatorji għall-kompetittività fit-tul tal-UE u l-Istati Membri tagħha. Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt jgħinu biex jiġu indirizzati dawk il-prijoritajiet.

(5)Fl-2023, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż kollha jew subsett sinifikanti minnhom maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020 u l-2022 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(6)Ir-Regolament REPowerEU 6 adottat fis-27 ta’ Frar 2023 għandu l-għan li jelimina malajr id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. Dan se jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jżid l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. Ir-Regolament jippermetti lill-Istati Membri jżidu kapitolu ġdid tar-REPowerEU mal-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex jiffinanzjaw riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU. Dawn se jgħinu wkoll biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija b’emissjonijiet żero netti tal-UE kif deskritt fil-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti u se jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż relatati mal-enerġija maħruġa lill-Istati Membri fl-2022 u, fejn applikabbli, fl-2023. Ir-Regolament REPowerEU jintroduċi kategorija ġdida ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, li ssir disponibbli għall-Istati Membri biex jiffinanzjaw riformi u investimenti ġodda relatati mal-enerġija skont il-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza.

(7)Fit-8 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tipprovdi gwida għall-politika fiskali fl-2024. Hija għandha l-għan li tappoġġa t-tħejjija tal-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza tal-Istati Membri u b’hekk issaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politika 7 . Il-Kummissjoni fakkret li l-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir se tiġi diżattivata fi tmiem l-2023. Hija appellat għal politiki fiskali fl-2023-2024 li jiżguraw is-sostenibbiltà tad-dejn fuq terminu medju kif ukoll iżidu t-tkabbir potenzjali b’mod sostenibbli. L-Istati Membri ġew mistiedna jistabbilixxu fil-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza tagħhom tal-2023 kif il-pjanijiet fiskali tagħhom se jiżguraw li l-valur referenzjarju tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG jiġi rispettat kif ukoll it-tnaqqis plawżibbli u kontinwu tad-dejn, jew biex id-dejn jinżamm f’livelli prudenti, fit-terminu medju. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jeliminaw gradwalment il-miżuri fiskali nazzjonali introdotti biex jipproteġu lill-unitajiet domestiċi u lid-ditti mix-xokk tal-prezz tal-enerġija, u jibdew bl-inqas miżuri mmirati. Hija indikat li, jekk ikun meħtieġ li l-miżuri ta’ appoġġ jiġu estiżi minħabba pressjonijiet tal-prezzijiet tal-enerġija mġedda, jenħtieġ li l-Istati Membri jimmiraw tali miżuri ħafna aħjar milli fil-passat lejn unitajiet domestiċi u ditti vulnerabbli. Il-Kummissjoni pproponiet li r-rakkomandazzjonijiet fiskali jkunu kwantifikati u differenzjati u fformulati fuq il-bażi tan-nefqa primarja netta, kif propost fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE 8 . Hija rrakkomandat li l-Istati Membri kollha jenħtieġ li jkomplu jipproteġu l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali u jiżguraw l-użu effettiv tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u ta’ fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari fid-dawl tal-objettivi tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tar-reżiljenza. Il-Kummissjoni indikat li se tipproponi lill-Kunsill biex jiftaħ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit fir-rebbiegħa tal-2024 fuq il-bażi tad-data tal-eżitu għall-2023, f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti.

(8)Fis-26 ta’ April 2023, il-Kummissjoni ppreżentat proposti leġiżlattivi biex timplimenta riforma komprensiva tar-regoli ta’ governanza ekonomika tal-UE. L-objettiv ċentrali tal-proposti huwa li tissaħħaħ is-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u jiġi promoss it-tkabbir sostenibbli u inklużiv fl-Istati Membri kollha permezz ta’ riformi u investiment. Il-proposti għandhom l-għan jipprovdu lill-Istati Membri aktar kontroll fuq it-tfassil tal-pjanijiet tagħhom fuq terminu medju, u daħħlu fis-seħħ reġim ta’ infurzar aktar strett biex jiżguraw li l-Istati Membri jwettqu l-impenji li jieħdu fil-pjanijiet fiskali-strutturali tagħhom fuq terminu medju. L-objettiv huwa li l-ħidma leġiżlattiva tiġi konkluża fl-2023.

(9)Fit-30 ta’ April 2021, l-Awstrija ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fit-13 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Awstrija 9 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li l-Awstrija ssodisfat l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.

(10)Fis-26 ta’ April 2023 l-Awstrija ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 tagħha, u l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023, f’konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati flimkien. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Awstrija dwar il-progress li sar fil-ksib tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tiegħu.

(11)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2023 għall-Awstrija 10 fl-24 ta’ Mejju 2023. Huwa vvaluta l-progress tal-Awstrija biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2022, u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Awstrija. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Awstrija fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-ksib tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-ksib tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

(12)Fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, 11 id-defiċit tal-gvern estiż tal-Awstrija naqas minn 5,8 % tal-PDG fl-2021 għal 3,2 % fl-2022, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 82,3 % tal-PDG fi tmiem l-2021 għal 78,4 % fi tmiem l-2022. Fl-24 ta’ Mejju 2023, il-Kummissjoni ħarġet rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE 12 ; dan ir-rapport iddiskuta s-sitwazzjoni baġitarja tal-Awstrija, peress li d-defiċit tal-gvern estiż tagħha fl-2022 qabeż it-3 % tal-valur referenzjarju tal-PDG skont it-Trattat. Ir-rapport ikkonkluda li l-kriterju tad-defiċit ġie ssodisfat. F’konformità mal-Komunikazzjoni tat-8 ta’ Marzu 2023, 13 il-Kummissjoni ma pproponietx li tiftaħ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv fir-rebbiegħa tal-2023; min-naħa tagħha l-Kummissjoni indikat li se tipproponi lill-Kunsill biex jiftaħ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit fir-rebbiegħa tal-2024 fuq il-bażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Jenħtieġ li l-Awstrija tqis dan fl-eżekuzzjoni tal-baġit tagħha għall-2023 u fit-tħejjija tal-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju għall-2024.

(13)Il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika ntlaqat mill-miżuri ta’ politika fiskali adottati biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Fl-2022, tali miżuri li jnaqqsu d-dħul kienu jinkludu l-posponiment tal-introduzzjoni ta’ prezz tas-CO2, it-tnaqqis tal-imposti fuq l-enerġija, u r-remissjonijiet tat-taxxa għal min jivvjaġġa; filwaqt li tali miżuri li jżidu n-nefqa kienu jinkludu sussidji għall-ispejjeż tal-enerġija lill-kumpaniji, trasferimenti ta’ somom f’daqqa lill-unitajiet domestiċi, u pagamenti diretti lill-pensjonanti. L-ispiża ta’ dawn il-miżuri kienet parzjalment ikkumpensata minn taxxi ġodda fuq profitti mhux mistennija tal-produtturi u l-fornituri tal-enerġija. Il-Kummissjoni tistma li l-ispiża baġitarja netta ta’ dawn il-miżuri kienet ta’ 1,5 % tal-PDG fl-2022. Il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika ġie affettwat ukoll mill-ispiża baġitarja tal-protezzjoni temporanja għall-persuni spostati mill-Ukrajna, li hija stmata għal 0,2 % tal-PDG fl-2022. Fl-istess ħin, l-ispiża stmata tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza tal-COVID-19 naqset għal 0,8 % tal-PDG fl-2022, minn 4,3 % fl-2021.

(14)Fit-18 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill irrakkomanda li fl-2022 l-Awstrija 14 żżomm pożizzjoni fiskali ta’ appoġġ, inkluż mill-impuls ipprovdut mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u tippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali.

(15)Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 15 fl-2022 kienet waħda ta’ sostenn, - 2,8 % tal-PDG, kif irrakkomanda l-Kunsill. Barra minn hekk, kif irrakkomandat mill-Kunsill, l-Awstrija kompliet tappoġġa l-irkupru b’investimenti ffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE kienet tammonta għal 0,2 % tal-PDG fl-2022 (0,2 % tal-PDG fl-2021). L-investiment iffinanzjat nazzjonalment ipprovda kontribuzzjoni restrittiva ta’ 0,1 punt perċentwali għall-pożizzjoni fiskali 16 . Għalhekk, l-Awstrija ma ppreżervatx l-investiment iffinanzjat nazzjonalment li mhuwiex konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Fl-istess ħin, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata nazzjonalment (netta minn miżuri ġodda ta’ dħul) ipprovdiet kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 1,8 punti perċentwali għall-pożizzjoni fiskali. Din il-kontribuzzjoni espansjonarja sinifikanti kienet tinkludi l-impatt addizzjonali ta’ miżuri biex jimmitigaw l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija (1,5 % tal-PDG) kif ukoll l-ispejjeż biex tingħata protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna (0,2 % tal-PDG). L-Awstrija għalhekk żammet biżżejjed taħt kontroll it-tkabbir fin-nefqa kurrenti ffinanzjata fil-livell nazzjonali.

(16)Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-proġettazzjonijiet baġitarji fil-Programm ta’ Stabbiltà huwa realistiku. Il-Gvern jipproġetta li l-PDG reali jikber b’0,3 % fl-2023 u b’1,8 % fl-2024. B’paragun ma’, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta tkabbir tal-PDG reali aktar għoli ta’ 0,4 % fl-2023 u tkabbir tal-PDG aktar baxx ta’ 1,6 % fl-2024, prinċipalment minħabba kontribuzzjoni għat-tkabbir ogħla mill-konsum privat fl-2023 u kontribuzzjoni għat-tkabbir aktar baxxa mill-konsum pubbliku fl-2024.

(17)Fil-programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2023, il-Gvern jistenna li l-proporzjon tad-defiċit tal-gvern estiż jibqa’ 3,2 % tal-PDG fl-2023. Skont il-Programm, huwa mistenni li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż jonqos minn 78,4 % fl-aħħar tal-2022 għal 77,0 % fl-aħħar tal-2023. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 2,4 % tal-PDG għall-2023. Dan huwa aktar baxx mid-defiċit ipproġettat fil-Programm ta’ Stabbiltà, prinċipalment minħabba differenzi fl-aspettattivi tal-impatt baġitarju ta’ xi miżuri relatati mal-enerġija, speċjalment fir-rigward tas-sussidji tal-enerġija lill-kumpaniji. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon aktar baxx tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG, ta’ 75,4 % fl-aħħar tal-2023. Id-differenza hija dovuta għad-differenza fid-defiċit mistenni tal-gvern.

(18)Huwa mistenni li l-bilanċ tal-gvern fl-2023 ikompli jiġi affettwat mill-miżuri adottati biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Dawn jikkonsistu fil-miżuri li ġew estiżi mill-2022 (b’mod partikolari: il-mitigazzjoni tal-prezz tal-elettriku) u miżuri ġodda bħal skema ġdida għas-sussidji tal-ispejjeż tal-enerġija lill-kumpaniji. L-ispiża ta’ dawn il-miżuri għadha parzjalment ikkumpensata minn taxxi fuq il-profitti mhux mistennija tal-fornituri tal-enerġija. Meta jitqies dan id-dħul, il-kost baġitarju nett tal-miżuri ta’ appoġġ huwa pproġettat fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni għal 1,8 % tal-PDG fl-2023 17 . Jidher li bosta mill-miżuri fl-2023 mhumiex immirati lejn l-aktar unitajiet domestiċi u ditti vulnerabbli, u ma jżommux għal kollox is-sinjal tal-prezz biex tonqos id-domanda u titjieb l-effiċjenza enerġetika. B’riżultat ta’ dan, l-ammont ta’ miżuri ta’ appoġġ immirati, li għandhom jitqiesu fil-valutazzjoni tal-konformità mar-rakkomandazzjoni fiskali għall-2023, huwa stmat fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni għal 0,4 % tal-PDG fl-2023 (meta mqabbel ma’ 0,2 % tal-PDG fl-2022). Fl-aħħar nett, huwa mistenni li l-bilanċ tal-gvern għall-2023 jibbenefika mit-tneħħija gradwali tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza tal-COVID-19 ta’ 0,8 % tal-PDG.

(19)Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda 18 li l-Awstrija tieħu azzjoni biex fl-2023 tiżgura li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali jkun konformi ma’ pożizzjoni ta’ politika newtrali ġenerali 19 , u tqis l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu lill-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Jenħtieġ li l-Awstrija tkun lesta li taġġusta l-infiq attwali f’sitwazzjoni li qed tevolvi. Saret ukoll rakkomandazzjoni biex l-Awstrija tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija u tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tagħmel użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni.

(20)Fl-2023, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni li tkun restrittiva (+ 1,0 % tal-PDG), fil-kuntest ta’ inflazzjoni għolja. Dan isegwi pożizzjoni fiskali espansjonarja fl-2022 (- 2,8 % tal-PDG). Huwa pproġettat li t-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata f’livell nazzjonali (nett minn miżuri diskrezzjonarji ta’ dħul) fl-2023 jipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta’ 0,3 punt perċentwali għall-pożizzjoni fiskali. Dan jinkludi ż-żieda fl-ispiża tal-miżuri ta’ appoġġ immirati lejn l-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija b’0,2 % tal-PDG. Fil-qosor, it-tkabbir ipproġettat tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata f’livell nazzjonali huwa konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Huwa pproġettat li n-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE tammonta għal 0,3 % tal-PDG fl-2023, filwaqt li l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,1 punt perċentwali. Għalhekk, l-Awstrija qed tippjana li tiffinanzja investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, u huwa pproġettat li tippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali 20 . Qed tippjana li tiffinanzja l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħall-parteċipazzjoni fil-proġett internazzjonali ta’ interess Ewropew komuni il-Mikroelettronika u l-Konnettività, id-diġitalizzazzjoni tal-SMEs u tal-amministrazzjoni pubblika kif ukoll is-sostituzzjoni tas-sistemi tat-tisħin, li huma parzjalment iffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE.

(21)Skont il-Programm ta’ Stabbiltà huwa mistenni li d-defiċit tal-gvern estiż jonqos għal 1,6 % tal-PDG fl-2024. It-tnaqqis fl-2024 jirrifletti prinċipalment it-tneħħija gradwali tal-miżuri relatati mal-enerġija. Il-programm jistenna li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG jonqos għal 75,1 % fi tmiem l-2024. Fuq il-bażi tal-miżuri ta’ politika li jkunu magħrufin fid-data tal-għeluq tat-tbassir, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 1,3 % tal-PDG fl-2024. Dan huwa simili għad-defiċit ipproġettat fil-Programm. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon aktar baxx tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG, ta’ 73,3 % fl-aħħar tal-2024.

(22)Il-Programm ta’ Stabbiltà jipprevedi t-tneħħija gradwali ta’ kważi l-miżuri kollha ta’ appoġġ għall-enerġija fl-2024 bis-suppożizzjoni li l-prezzijiet tal-enerġija jibqgħu fi trajettorja ’l isfel. Il-Kummissjoni tassumi wkoll eliminazzjoni gradwali kważi sħiħa tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija (spiża netta ta’ 0,1 % tal-PDG fl-2024). Dawn l-istimi jiddependu fuq is-suppożizzjoni li ma jkunx hemm żidiet ġodda fil-prezzijiet tal-enerġija.

(23)Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 jeżiġi titjib annwali fil-bilanċ tal-baġit strutturali lejn l-objettiv ta’ terminu medju ta’ 0,5 % tal-PDG bħala punt ta’ riferiment 21 . Meta jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet tas-sostenibbiltà fiskali, 22 ikun xieraq li jsir titjib fil-bilanċ strutturali ta’ mill-inqas 0,3 % tal-PDG għall-2024. Sabiex jiġi żgurat tali titjib, it-tkabbir fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali 23 fl-2024 jenħtieġ li ma jaqbiżx l-4,6 %, kif rifless f’din ir-rakkomandazzjoni.

Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija li jifdal (attwalment stmati mill-Kummissjoni għal 1,8 % tal-PDG fl-2023) jitneħħew gradwalment, skont kif jiżviluppa s-suq tal-enerġija u jibdew minn dawk l-inqas immirati, u jenħtieġ li l-iffrankar relatat jintuża biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern. Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, dan iwassal għal tkabbir fin-nefqa primarja netta taħt ir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata għall-2024.

(24)Jekk wieħed jassumi li l-politiki ma jinbidlux, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta li n-nefqa primarja netta ffinanzjata f’livell nazzjonali tikber għal 4,0 % fl-2024, li hija taħt ir-rata ta’ tkabbir rakkomandata. L-aġġustament ipproġettat fit-tbassir tal-Kummissjoni huwa inqas mill-iffrankar mit-tneħħija gradwali sħiħa tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija, minħabba nefqiet li huma dipendenti fuq l-iżviluppi fl-inflazzjoni fl-2023, pereżempju n-nefqiet fuq il-pensjonijiet, il-kumpens tal-impjegati, u xi benefiċċji soċjali kif ukoll minħabba xi miżuri tal-enerġija li għadhom ma ġewx eliminati.

(25)Skont il-Programm, l-investiment tal-Gvern mistenni li jonqos minn 3,5 % tal-PDG fl-2023 għal 3,4 % tal-PDG fl-2024. L-investiment aktar baxx jirrifletti investiment aktar baxx iffinanzjat fil-livell nazzjonali.

(26)Il-Programm ta’ Stabbiltà jiddeskrivi perkors fiskali fuq terminu medju sal-2026. Skont il-Programm, huwa mistenni li d-defiċit tal-gvern estiż jonqos gradwalment għal 1,4 % tal-PDG fl-2025, u għal 1,3 % sal-2026. Għalhekk, id-defiċit tal-gvern estiż hu ppjanat li jibqa’ għal inqas minn 3 % tal-PDG matul il-perjodu tal-Programm. Skont il-Programm, huwa mistenni li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż jonqos minn 75,1 % fl-aħħar tal-2024 għal 71,4 % sal-aħħar tal-2026.

L-Awstrija qed tiffaċċja riskji medji għas-sostenibbiltà fiskali fit-terminu twil, li huma l-aktar minħabba pressjonijiet baġitarji relatati mat-tixjiħ tal-popolazzjoni (b’mod partikolari, dan jinkludi żieda fin-nefqa għall-kura fit-tul u l-kura tas-saħħa), u żieda fid-dejn minħabba miżuri biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-kriżijiet tal-COVID-19 u tal-enerġija. Is-setturi tal-kura fit-tul u tal-kura tas-saħħa qed jiffaċċjaw ukoll nuqqas ta’ ħaddiema, li huma sa ċertu punt marbuta mal-attraenza tax-xogħol f’dawn is-setturi. Pakkett ta’ riforma tal-kura implimentat reċentement biex jindirizza n-nuqqas ta’ ħaddiema, li jgħolli l-pagi u jipprovdi trasferimenti lill-indokraturi f’terminu qasir, huwa pass tajjeb biex il-professjoni ssir aktar attraenti iżda se jżid ukoll l-ispejjeż fiskali. Fl-2021, task force dwar il-kura fit-tul ipproponiet miżuri biex itejbu l-adegwatezza tal-kura filwaqt li jippreservaw is-sostenibbiltà fiskali. Dawn il-miżuri jinkludu l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ kontroll ikkoordinat b’responsabbiltajiet ċari assenjati f’diversi livelli ta’ gvern, li jgħin biex tiżdied il-kwalità u l-komparabbiltà tal-infiq pubbliku, pereżempju, billi jiddefinixxi prinċipji uniformi għat-tariffi. In-negozjati li jinsabu għaddejjin dwar il-qafas fiskali federali jipprovdu opportunità biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni ta’ tali mekkaniżmu.

(27)Is-sistema tal-kura tas-saħħa wriet li kienet reżiljenti matul il-pandemija tal-COVID-19. Madankollu, l-infiq fil-kura tas-saħħa huwa pproġettat li jiżdied b’1,2 punti perċentwali tal-PDG sal-2070. Barra minn hekk, il-miżuri ta’ prevenzjoni u l-kura tas-saħħa primarja outpatient għadhom ma jintużawx biżżejjed, filwaqt li ħafna servizzi tal-kura tas-saħħa għadhom jipprovduhom l-isptarijiet, li huwa mod għali u ineffiċjenti biex tingħata l-kura. Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza se jgħin biex tissaħħaħ il-kura tas-saħħa primarja, b’mod partikolari billi jappoġġa ċentri tal-kura tas-saħħa primarja ġodda u eżistenti fiż-żoni lokali. Madankollu, fid-dawl tat-tħassib dwar is-sostenibbiltà fiskali, se jkun kruċjali li jiġi żgurat li l-pazjenti jkunu ggwidati mis-sistema tas-saħħa b’mod konsistenti, inkluż billi jiġi żgurat li d-disponibbiltà akbar tas-servizzi tal-kura primarja tissarraf f’użu aktar baxx tas-servizzi eżistenti tal-kura speċjalizzata fl-isptar jew fl-ambulatorji. 

(28)Il-qafas fiskali tal-Awstrija bħalissa jiddependi fuq sistema kumplessa ta’ trasferimenti intergovernattivi bejn l-awtoritajiet federali u dawk reġjonali, u l-inċentivi li tipprovdi għal infiq pubbliku effiċjenti huma limitati. In-nuqqas ta’ awtonomija fiskali jagħmel il-finanzjament tal-infiq fil-livelli federali dipendenti ħafna fuq din is-sistema. Fl-2018, 5,4 % biss mid-dħul pubbliku kollu kien dħul proprju tal-istati federali. Fl-istess ħin, is-servizzi essenzjali bħall-kura tas-saħħa, il-kura tat-tfal, u l-investimenti fit-trasport pubbliku jiddependu sa ċertu punt fuq l-infiq mill-istati federali u l-muniċipalitajiet. It-tibdil demografiku u t-tranżizzjoni ekoloġika qed ikomplu jaggravaw il-pressjoni tal-ispejjeż fuq dawn l-entitajiet, filwaqt li d-dħul proprju mhuwiex marbut mad-dinamika tan-nefqa. Il-qafas fiskali attwali huwa suxxettibbli għal ineffiċjenzi u nuqqas ta’ trasparenza peress li jisfoka r-rabta bejn il-piż tat-taxxa u n-nefqa tal-gvern. L-allinjament aħjar tad-dħul minn sorsi proprji mal-infiq subċentrali, it-tisħiħ tat-trasparenza u l-koordinazzjoni huma kruċjali għat-titjib tal-kwalità ġenerali tal-infiq pubbliku. L-iffaċilitar tal-awtonomija fiskali permezz tar-riforma tas-sistema tat-taxxa fuq il-proprjetà jista’ jintuża biex itejjeb il-federaliżmu fiskali u s-sistema tat-taxxa ġenerali. In-negozjati li jinsabu għaddejjin, li bdew lejn l-aħħar tal-2022, jipprovdu opportunità biex isir progress.

(29)Għad hemm lok għat-trasferiment tal-piż tat-taxxa lil hinn mix-xogħol għal sorsi ta’ dħul aktar inklużivi u li jiffavorixxu t-tkabbir. Is-sistema tat-taxxa hija kkaratterizzata minn piż kbir fuq ix-xogħol li jirriżulta mit-taxxi fuq il-pagi u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, bil-piż tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jerfgħuh kemm l-impjegati kif ukoll dawk li jħaddmu. Dan joħloq reżistenza għall-ħolqien tal-impjiegi u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, speċjalment għal dawk b’paga baxxa u t-tieni sors ta’ dħul. Fl-istess ħin, sorsi oħra ta’ dħul li huma inqas detrimentali għat-tkabbir ġust u sostenibbli, bħat-taxxi ambjentali jew fuq il-proprjetà, għadhom mhux utilizzati biżżejjed anki wara li wieħed iqis ir-riformi ta’ dan l-aħħar. Is-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent ixekklu t-tranżizzjoni ekoloġika. Ir-riforma fiskali ekosoċjali reċenti tipprovdi ħelsien mit-taxxa lill-unitajiet domestiċi u lin-negozji u twitti t-triq għall-ipprezzar tal-emissjonijiet tas-CO2. Barra minn hekk, l-indiċjar awtomatiku tat-taxxa fuq l-introjtu personali mal-inflazzjoni huwa riforma importanti li tnaqqas iż-żieda fil-piż tat-taxxa fuq l-introjtu personali tal-kontribwenti permezz tal-inflazzjoni li timbotta s-salarji f’kategoriji tat-taxxa ogħla. Madankollu, għad hemm problemi strutturali u hemm lok li l-piż fuq ix-xogħol jonqos aktar, biex tingħata spinta lill-ħolqien tal-impjiegi u l-provvista tax-xogħol, speċjalment għal dawk b’introjtu baxx. L-użu aħjar ta’ taxxi li jiffavorixxu aktar it-tkabbir jista’ jgħin ukoll biex jinħoloq l-ispazju baġitarju meħtieġ u jissaħħaħ is-sens ta’ ġustizzja fis-sistema tat-taxxa.

(30)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b) u l-Kriterju 2.2 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Il-proċediment rapidu bl-implimentazzjoni tal-pjan huwa essenzjali minħabba n-natura temporanja tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fis-seħħ sal-2026. L-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Awstrija tinsab f’punt tajjeb. L-Awstrija ppreżentat talba waħda għal pagament, li tikkorrispondi għal 44 stadju importanti u mira fil-pjan u li rriżultat fi żborż ġenerali ta’ EUR 700 miljun fl-20 ta’ April 2023. Lil hinn mill-ewwel talba għal pagament, l-implimentazzjoni tal-pjan tinsab fit-triq it-tajba. L-Awstrija mistennija tippreżenta talba biex timmodifika ftit miżuri minħabba ċirkostanzi oġġettivi, bħal żidiet fil-prezzijiet u skarsezzi fil-katina tal-provvista. It-tħejjija ta’ kapitolu ġdid tar-REPowerEU wkoll tinsab f’punt tajjeb u l-awtoritajiet qed jaħdmu mill-qrib mas-servizzi tal-Kummissjoni biex jippreżentawh dalwaqt. L-inklużjoni rapida tal-kapitolu l-ġdid tar-REPowerEU fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza se tippermetti li jiġu ffinanzjati riformi u investimenti addizzjonali b’appoġġ għall-objettivi strateġiċi tal-Awstrija fil-qasam tal-enerġija u t-tranżizzjoni ekoloġika. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tas-sħab soċjali u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ importanti biex tirnexxi l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll ta’ politiki ekonomiċi u tal-impjiegi oħra li jmorru lil hinn mill-pjan, biex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa tal-aġenda ta’ politika ġenerali.

(31)Fl-2022 il-Kummissjoni approvat id-dokumenti kollha ta’ programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni tal-Awstrija. It-tkomplija tal-implimentazzjoni rapida tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni f’komplementarjetà u sinerġija mal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija kruċjali biex tinkiseb it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, tiżdied ir-reżiljenza ekonomika u soċjali kif ukoll jinkiseb żvilupp territorjali bbilanċjat fl-Awstrija.

(32)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, l-Awstrija qed tiffaċċa għadd ta’ sfidi oħra relatati mas-suq tax-xogħol. Is-sistema b’saħħitha tal-protezzjoni soċjali u l-miżuri ta’ politika estensivi tal-Awstrija llimitaw l-impatt soċjali tal-pandemija tal-COVID-19. L-Awstrija għandha prestazzjoni tajba fil-biċċa l-kbira tad-dimensjonijiet tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iżda għad hemm xi problemi. B’mod partikolari, dawn jinkludu l-potenzjal mhux użat biżżejjed tan-nisa, il-ħaddiema bi kwalifiki baxxi, il-ħaddiema akbar fl-età u l-persuni bi sfond ta’ migrazzjoni. Dan huwa partikolarment problematiku fid-dawl tan-nuqqas ta’ ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati. L-isfruttar tal-potenzjal mhux użat ta’ dawn il-gruppi jista’ jnaqqas il-pressjoni fuq is-suq tax-xogħol Awstrijak, li qed jiffaċċa skarsezzi.

(33)Għalkemm ir-rata ta’ impjieg tan-nisa fl-Awstrija hija ogħla mill-medja tal-UE, il-pajjiż għandu t-tieni l-ogħla rata ta’ impjieg part-time tan-nisa. Aktar minn nofs in-nisa Awstrijaċi ħadmu part-time fl-2022 u huma sovrarappreżentati fis-setturi b’pagi baxxi. Dan jindika opportunità sinifikanti biex tiżdied il-parteċipazzjoni full-time tagħhom fis-suq tax-xogħol. Madankollu, il-provvista insuffiċjenti ta’ kura tat-tfal affordabbli u ta’ kwalità għolja, b’mod partikolari fiż-żoni rurali, tagħmilha diffiċli għall-ommijiet biex jipparteċipaw b’mod aktar attiv. L-Awstrija għandha waħda mill-aktar rati baxxi ta’ indukrar formali tat-tfal taħt it-tliet snin fl-UE, bi 28 % biss tat-tfal fl-indukrar formali tat-tfal. Biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet, huwa kruċjali li tiżdied il-provvista ta’ kura tat-tfal ta’ kwalità billi jittejbu l-istandards tal-kwalità, tiġi estiża d-disponibbiltà, u jitħeġġeġ l-impjieg full-time, pereż. permezz ta’ inċentivi fiskali. L-introduzzjoni ta’ aktar nisa f’impjieg full-time tista’ tgħin ukoll biex tingħalaq id-differenza persistentement għolja bejn il-ġeneri fil-pagi tal-Awstrija, kif ukoll id-differenza għolja bejn il-ġeneri fil-pensjonijiet, filwaqt li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fis-suq tax-xogħol.

(34)Għad hemm il-potenzjal li tittejjeb l-integrazzjoni ta’ diversi gruppi żvantaġġati ħafna fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet u dawk bi sfond ta’ migrazzjoni. Madwar 45 % tal-persuni qiegħda fit-tul fl-Awstrija ma lestewx aktar mil-livell skolastiku sekondarju tal-ewwel livell. Il-persuni bi sfond ta’ migrazzjoni għandhom parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ferm aktar baxxa mir-residenti nattivi u l-livelli ta’ introjtu futur għat-tfal fl-Awstrija spiss huma determinati minn dawk tal-ġenituri tagħhom. Għalkemm il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Awstrija jinkludi miżuri li jippromwovu t-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet għall-ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet u għall-persuni qiegħda fit-tul, dawn il-miżuri ma jindirizzawx kompletament il-problema sottostanti tal-parteċipazzjoni għall-persuni bi sfond ta’ migrazzjoni u għall-ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet. Sabiex tinkiser ir-rabta interġenerazzjonali persistenti tal-Awstrija bejn l-eżiti edukattivi tal-ġenituri u dawk tat-tfal tagħhom, se jkun partikolarment kruċjali li tiżdied id-disponibbiltà ta’ edukazzjoni bikrija tat-tfal ta’ kwalità għolja, edukazzjoni matul il-ġurnata kollha u infrastruttura diġitali mtejba. Biex jintegraw migranti reċenti u gruppi żvantaġġati oħra, l-iskejjel jistgħu jipprovdu mentoring individwali aħjar, il-korsijiet tal-lingwa jistgħu jsiru aktar aċċessibbli u s-sistema ta’ apprendistat tal-Awstrija tista’ tintuża b’mod aktar effettiv. Fl-istess ħin, huwa essenzjali li jiġu pprovduti biżżejjed opportunitajiet għat-tagħlim tul il-ħajja biex jiġu mmirati gruppi żvantaġġati fil-gruppi tal-etajiet kollha.

(35)Hemm lok għal titjib fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ ħaddiema akbar fl-età, jiġifieri persuni ta’ bejn il-55 u l-64 sena. Reċentement, ix-xejra fit-tul ta’ żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ ħaddiema akbar fl-età naqset b’mod sinifikanti, filwaqt li r-rata ġenerali ta’ attività ta’ ħaddiema akbar fl-età hija taħt il-medja tal-UE. L-adattament tal-kompiti tal-impjegati għaċ-ċiklu tal-ħajja tax-xogħol tagħhom u l-akkomodazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ individwi li qed jikbru fl-età se jsiru dejjem aktar importanti biex il-popolazzjoni li qed tixjieħ tinżamm fil-forza tax-xogħol aktar fit-tul. Inċentivi aħjar biex tiżdied l-età effettiva tal-irtirar, bħal tassazzjoni tax-xogħol aktar baxxa jew spejjeż tax-xogħol mhux marbuta mal-pagi għal dawk li jaħdmu għal żmien itwal, jgħinu biex jittaffew l-iskarsezzi fis-suq tax-xogħol Awstrijak.

(36)L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja esponiet il-vulnerabbiltà tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Awstrija. Għalkemm l-Awstrija rnexxielha tnaqqas mhux ħażin id-dipendenza tagħha fuq l-importazzjonijiet tal-gass mir-Russja, li niżlu għal 57 % tal-importazzjonijiet totali tal-gass tagħha fl-2022 meta mqabbla ma’ 80 % fl-2021, dawn għadhom ferm ogħla mill-medja tal-UE. Għad-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija tiegħu, il-gvern introduċa inċentivi finanzjarji għall-kumpaniji biex jimportaw gass minn sorsi mhux Russi u stabbilixxa riżerva strateġika tal-gass fl-2022. Madankollu, l-Awstrija għadha qed tiffaċċja sfidi sinifikanti biex tiggarantixxi s-sigurtà tal-enerġija. Il-pajjiż għad ma għandux perkors ta’ terminu qasir definit b’mod ċar biex jillibera kompletament mill-importazzjonijiet tal-gass Russi. Barra minn hekk, għad hemm potenzjal mhux użat biżżejjed fil-produzzjoni u t-trażmissjoni ta’ gassijiet rinnovabbli, bħall-idroġenu, speċjalment għal setturi u reġjuni vulnerabbli għall-interruzzjonijiet fil-provvista.

(37)Fl-2021, is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fl-Awstrija kien ta’ 37 %, li huwa ferm ogħla mill-medja tal-UE. Sabiex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi tal-Awstrija, li jinkludu li jilħaq in-newtralità klimatika sal-2040, il-pajjiż jeħtieġ li jkompli jkabbar dan il-perċentwal. Ir-riforma tal-2021 għall-appoġġ għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli inkluża fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ħolqot il-qafas meħtieġ biex jiżdied is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum tal-elettriku. Ir-riforma għandha l-għan li tikseb kapaċità annwali ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku ta’ 27 TWh minn sorsi rinnovabbli sal-2030, li se tikkontribwixxi għall-mira tal-pajjiż li jilħaq 100 % tal-konsum tal-elettriku rinnovabbli sa dik is-sena, żieda mill-81 % attwali fl-2020. Madankollu, l-espansjoni ulterjuri tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għadha qed tiffaċċja sfidi, bħat-tul tal-ippjanar spazjali u l-proċeduri tal-permessi, diviżjoni kumplessa tas-setgħat bejn il-gvernijiet federali u dawk reġjonali u kwistjonijiet ta’ persunal fl-amministrazzjoni. L-Awstrija ħadet l-ewwel pass biex tintroduċi valutazzjoni tal-impatt ambjentali aktar simplifikata għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Barra minn hekk, l-Awstrija tista’ tallinja aħjar it-tqassim spazjali settorjali mal-għanijiet tagħha ta’ tranżizzjoni ekoloġika, issolvi kwistjonijiet bil-persunal u żżid l-investiment fl-infrastruttura tan-network bħall-ħżin, id-distribuzzjoni u t-trażmissjoni. L-espansjoni tas-sorsi rinnovabbli tibbenefika wkoll mit-twaqqif ta’ żoni ta’ aċċellerazzjoni ddedikati għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (b’mod partikolari għar-riħ) bi proċeduri ta’ permessi partikolarment qosra u sempliċi, u r-rikonoxximent tal-enerġija rinnovabbli bħala interess pubbliku prevalenti, f’konformità mal-miri aktar ambizzjużi tal-enerġija rinnovabbli fil-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %” u l-pjan REPowerEU. Barra minn hekk, sorsi addizzjonali ta’ enerġija rinnovabbli, bħall-enerġija ġeotermali, jistgħu jiġu esplorati aktar.

(38)Il-konsum tal-gass naturali tal-Awstrija naqas b’19 % fil-perjodu bejn Awwissu 2022 u Marzu 2023, meta mqabbel mal-konsum medju tal-gass matul l-istess perjodu fl-aħħar ħames snin, lil hinn mill-mira ta’ tnaqqis ta’ 15 %. L-Awstrija hija mħeġġa tkompli bl-isforzi tagħha biex tnaqqas temporanjament id-domanda għall-gass sal-31 ta’ Marzu 2024 24 . Iż-żieda fil-livell ta’ ambizzjoni għall-effiċjenza enerġetika fis-setturi tal-bini u tal-industrija se tnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili. L-istrateġija ta’ rinnovazzjoni fit-tul tal-Awstrija tistabbilixxi stadji importanti ċari għall-2050 u tfittex li tikseb dekarbonizzazzjoni ta’ 80 % tal-istokk tal-bini tagħha. Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha se jaċċellera l-eliminazzjoni gradwali tal-bojlers tal-fjuwils fossili fis-settur tal-bini u jissostitwihom b’teknoloġija tat-tisħin rinnovabbli jew bit-tisħin distrettwali. Madankollu, il-miri tal-effiċjenza enerġetika tal-Awstrija għall-2030 mhumiex ambizzjużi biżżejjed biex jintlaħqu l-objettivi tal-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %” u tal-pjan REPowerEU. Liġi ġdida dwar l-Effiċjenza Enerġetika, li hija mistennija fl-2023 u li għandha l-għan li tnaqqas il-konsum finali tal-enerġija bi 18 % sal-2030, għandha tindirizza din il-kwistjoni. B’mod ġenerali, se jkun essenzjali li l-Awstrija taċċellera l-investiment fir-rinnovazzjoni profonda tal-bini, is-sostituzzjoni tal-fjuwils fossili b’tisħin rinnovabbli, u l-ġestjoni aħjar tal-konsum tal-enerġija permezz tad-diġitalizzazzjoni tal-utilitajiet (bħal miters intelliġenti u termostati). Barra minn hekk, se jkun kruċjali li jitħaffef il-pass kajman attwali li bih għaddej il-bini fir-rinnovazzjoni termali. L-implimentazzjoni f’waqtha tal-“Liġi dwar it-Tisħin Rinnovabbli”, riforma ewlenija fil-pjan Awstrijak għall-irkupru u r-reżiljenza, se tkun kruċjali biex tiġi indirizzata l-kwistjoni.

(39)Il-bidu tat-tranżizzjoni ekoloġika se jinkludi wkoll it-tnaqqis tal-emissjonijiet f’xi setturi, speċjalment dawk li jirriżultaw mit-trasport, settur b’potenzjal sinifikanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. L-Awstrija attwalment isservi bħala pajjiż ta’ tranżitu sinifikanti għat-trasport tal-merkanzija bir-rotta transalpina. Minkejja għadd ta’ investimenti fit-trasport sostenibbli u fl-ambitu tal-pjan Awstrijak għall-irkupru u r-reżiljenza, it-tnaqqis ulterjuri tal-emissjonijiet relatati mat-trasport, filwaqt li fl-istess ħin jindirizza l-faqar fit-trasport, se jkun essenzjali biex tinkiseb in-newtralità karbonika. L-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet addizzjonali tat-trasport, bħall-konnessjoni tal-“aħħar mil”, u alternattivi għall-użu tal-karozzi, se jkun kruċjali wkoll, speċjalment fiż-żoni rurali.

In-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet fis-setturi u l-okkupazzjonijiet ewlenin għat-tranżizzjoni ekoloġika, inklużi l-manifattura, l-iskjerament u l-manutenzjoni ta’ teknoloġiji ekoloġiċi, qed joħolqu restrizzjonijiet fit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima. Sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja li jirrispondu għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu u miżuri mmirati ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid huma kruċjali biex jitnaqqas in-nuqqas ta’ ħiliet u jiġu promossi l-inklużjoni u r-riallokazzjoni tax-xogħol. Biex tiġi sfruttata l-provvista tax-xogħol mhux sfruttata, dawn il-miżuri jeħtieġ li jkunu aċċessibbli, b’mod partikolari għall-individwi u fis-setturi u r-reġjuni l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika. Fl-2022, ġew irrapportati skarsezzi ta’ ħaddiema fl-Awstrija għal 17-il okkupazzjoni li kienu jeħtieġu ħiliet jew għarfien speċifiċi għat-tranżizzjoni ekoloġika, inklużi tekniċi tal-inġinerija ċivili, saqqafa u inġiniera mekkaniċi. Fl-ambitu tal-“Pjan ewlieni għall-impjiegi ekoloġiċi” tagħha, l-Awstrija introduċiet pjattaforma għall-impjiegi ekoloġiċi biex tgħin tqabbel id-domanda u l-provvista tax-xogħol fis-settur ambjentali, u l-implimentazzjoni tal-pjan se tkun kruċjali biex tiġi żgurata tranżizzjoni f’waqtha lejn l-ekonomija ekoloġika.

(40)Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 u l-opinjoni tiegħu 25 hija riflessa fir-Rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

(41)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex (i) jippreservaw is-sostenibbiltà tad-dejn u joqogħdu lura minn appoġġ fuq bażi wiesgħa għad-domanda aggregata fl-2023, jimmiraw aħjar il-miżuri fiskali meħuda biex itaffu l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija u jirriflettu dwar modi xierqa biex jitnaqqas l-appoġġ hekk kif jonqsu l-pressjonijiet tal-prezzijiet tal-enerġija; (ii) isostnu investiment pubbliku għoli u jippromwovu l-investiment privat biex jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali; (iii) jappoġġaw l-iżviluppi fil-pagi li jtaffu t-telf fil-kapaċità tal-akkwist filwaqt li jillimitaw l-effetti sekondarji fuq l-inflazzjoni, ikomplu jtejbu l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol u jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħiliet; (iv) itejbu l-ambjent tan-negozju u jiżguraw li l-appoġġ għall-enerġija lill-kumpaniji jkun kosteffettiv, temporanju, immirat lejn ditti vijabbli u li jżomm l-inċentivi għat-tranżizzjoni ekoloġika; u (v) jippreservaw l-istabbiltà makrofinanzjarja u jimmonitorjaw ir-riskji filwaqt li jkomplu jaħdmu fuq it-tlestija tal-Unjoni Bankarja. Għall-Awstrija, ir-Rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (4) jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni u t-tielet Rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro. 

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Awstrija tieħu azzjoni fl-2023 u fl-2024 biex:

1.Tnaqqas gradwalment il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija fis-seħħ sa tmiem l-2023 u tuża l-iffrankar relatat biex tnaqqas id-defiċit tal-gvern. Fil-każ li ż-żidiet imġedda fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu jeħtieġu miżuri ta’ appoġġ, tiżgura li dawn ikunu mmirati biex jipproteġu lill-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu sostenibbli għall-baġits pubbliċi u jkomplu jipprovdu inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija.

Tiżgura politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi tillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata f’livell nazzjonali fl-2024 għal mhux aktar minn 4,6 %.

Tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat f’livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet tal-RRF u ta’ fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari biex trawwem it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Wara l-2024, tkompli ssegwi strateġija fiskali fuq terminu medju mmirata lejn konsolidazzjoni gradwali u sostenibbli, flimkien ma’ investimenti u riformi li jwasslu għal tkabbir sostenibbli ogħla, biex tinkiseb pożizzjoni fiskali prudenti fuq terminu medju.

Tiżgura l-adegwatezza u s-sostenibbiltà fiskali tas-sistema tal-kura fit-tul u s-sostenibbiltà fiskali tas-sistema tal-kura tas-saħħa. Tissimplifika u tirrazzjonalizza r-relazzjonijiet fiskali u r-responsabbiltajiet fis-saffi kollha tal-gvern u tallinja r-responsabbiltajiet tal-finanzjament u tal-infiq. Ittejjeb it-taħlita tat-taxxa biex tappoġġa t-tkabbir inklużiv u sostenibbli.

2.Tissokta bl-implimentazzjoni kostanti tal-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza u tiffinalizza malajr il-kapitolu REPowerEU bil-ħsieb li mingħajr dewmien tibda l-implimentazzjoni tiegħu. Tkompli għaddejja bl-implimentazzjoni rapida tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, f’komplementarjetà u sinerġija mill-qrib mal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

3.Tagħti spinta lill-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, inkluż billi ttejjeb is-servizzi ta’ kwalità għall-indukrar tat-tfal, u ta’ ħaddiema akbar fl-età, u ttejjeb l-eżiti tas-suq tax-xogħol għall-gruppi żvantaġġati, bħall-persuni b’livell baxx ta’ ħiliet li qed ifittxu impjieg u persuni bi sfond ta’ migrazzjoni, inkluż billi tgħolli l-livelli ta’ ħiliet bażiċi tagħhom.

4.Tnaqqas id-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili u tiddiversifika s-sorsi tal-provvista tal-gass biex tnaqqas b’mod sinifikanti d-dipendenza fuq ir-Russja. Taċċellera l-użu tal-enerġija rinnovabbli u l-infrastruttura meħtieġa, b’mod partikolari billi tissimplifika l-proċeduri tal-għoti ta’ permessi u tistabbilixxi oqsma ta’ aċċellerazzjoni ddedikati. Ittejjeb l-effiċjenza enerġetika. Tnaqqas l-emissjonijiet, b’mod partikolari fis-settur tat-trasport. Iżżid l-isforzi ta’ politika mmirati lejn il-forniment u l-akkwist tal-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2)    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).
(3)    COM(2022) 780 final.
(4)    COM(2023) 62 final.
(5)    COM(2023) 168 final.
(6)    Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1).
(7)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill: Gwida tal-politika fiskali għall-2024, 8.3.2023, COM(2023) 141 final.
(8)    COM(2022) 583 final.
(9)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Awstrija (ST 10159//2021; ST 10159/2021 ADD 1; ST 10159/2021 COR 1).
(10)    SWD(2023) 620 final.
(11)    Indikaturi tal-euro tal-Eurostat, 47/2023, 21.4.2023
(12)    COM(2023) 631 final, 24.5.2023.
(13)    COM(2023) 141 final, 8.3.2023.
(14)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2021 tal-Awstrija, ĠU C 304, 29.7.2021, p. 93-97.
(15)    Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bil-bidla fin-nefqa primarja (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonali), bl-esklużjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza temporanji relatati mal-kriżi tal-COVID-19 imma bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn sostenn mhux ripagabbli (għotjiet) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħrajn tal-UE, relattivi mat-tkabbir potenzjali fit-terminu medju. Għal aktar dettalji ara l-Kaxxa 1 fit-Tabelli Statistiċi Fiskali.
(16)    Nefqa kapitali oħra ffinanzjata f’livell nazzjonali hija pproġettata li tipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,9 punt perċentwali tal-PDG. Din il-kontribuzzjoni espansjonarja hija xprunata l-aktar mix-xiri ta’ riżerva strateġika tal-gass ta’ madwar 0,8 % tal-PDG.
(17)    Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-ispejjeż baġitarji annwali ta’ dawn il-miżuri, inkluż id-dħul u n-nefqa kurrenti kif ukoll – meta rilevanti – il-miżuri tan-nefqa kapitali.
(18)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Awstrija u li twettaq opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 tal-Awstrija, ĠU C 334, 1.9.2022, p. 162.
(19)    Fuq il-bażi tat-tbassir tal-ħarifa 2023 tal-Kummissjoni, it-tkabbir potenzjali tal-output fuq terminu medju (fuq medja ta’ 10 snin) tal-Awstrija, li jintuża biex titkejjel il-pożizzjoni fiskali, huwa stmat għal 8,6 % f’termini nominali.
(20)    Nefqa kapitali oħra ffinanzjata f’livell nazzjonali hija pproġettata li tipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta’ 0,9 punt perċentwali tal-PDG. Din il-kontribuzzjoni restrittiva hija riżultat tax-xiri ta’ riżerva strateġika tal-gass fl-2022.
(21)    Ara l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, li jirrikjedi wkoll aġġustament ta’ aktar minn 0,5 % tal-PDG għall-Istati Membri b’dejn tal-gvern li jaqbeż is-60 % tal-PDG, jew b’riskji aktar evidenti għas-sostenibbiltà tad-dejn.
(22)    Il-Kummissjoni stmat li l-Awstrija jkollha bżonn żieda annwali medja fil-bilanċ strutturali primarju bħala sehem tal-PDG ta’ 0,15 punt perċentwali biex tikseb tnaqqis plawżibbli tad-dejn jew tiżgura li d-dejn tal-gvern jinżamm f’livelli prudenti fit-terminu medju. Din l-istima kienet ibbażata fuq it-tbassir tal-ħarifa 2022 tal-Kummissjoni. Il-punt tat-tluq għal din l-istima kien id-defiċit u d-dejn ipproġettati tal-gvern għall-2024 li assumew l-irtirar tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija fl-2024.
(23)    In-nefqa primarja netta hija definita bħala nefqa ffinanzjata nazzjonalment netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji u bl-esklużjoni tan-nefqa fuq l-imgħax kif ukoll in-nefqa ċiklika fuq il-qgħad.
(24)     Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369  u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/706
(25)    Skont l-Artikoli 5(2) u 9(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.
Top