IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.5.2023
COM(2023) 610 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2023 ta’ Franza u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà 2023 ta’ Franza
{SWD(2023) 610 final}
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2023 ta’ Franza u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà 2023 ta’ Franza
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi sostenn finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jinvolvi impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u soċjali u għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi għal terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-UE u tappoġġa l-implimentazzjoni kontinwa tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal kull Stat Membru bil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ġiet aġġornata fit-30 ta’ Ġunju 2022 f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241.
(2)Fit-22 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2023, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2023 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-istħarriġ dwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-23 ta’ Marzu 2023. Fl-22 ta’ Novembru 2022, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2023, li fih identifikat lil Franza bħala wieħed mill-Istati Membri li seta’, jew seta’ kien f’riskju, li jintlaqat minn żbilanċi, u li dwaru kien meħtieġ rieżami fil-fond. Fl-istess jum il-Kummissjoni adottat ukoll opinjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tal-2023 ta’ Franza. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, li ġiet adottata fis-16 ta’ Mejju 2023 mill-Kunsill, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2023 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li ġie adottat mill-Kunsill fit-13 ta’ Marzu 2023.
(3)Filwaqt li l-ekonomiji tal-UE qed juru reżiljenza notevoli, il-kuntest ġeopolitiku għad qed iħalli impatt negattiv. Issa li l-UE qed tappoġġa lill-Ukrajna b’mod sod, l-aġenda tal-politika ekonomika u soċjali tal-UE hija ffukata fuq it-tnaqqis tal-impatt negattiv tax-xokkijiet tal-enerġija kemm fuq l-unitajiet domestiċi vulnerabbli kif ukoll fuq il-kumpaniji għal terminu qasir, u biex tissokta l-isforzi favur it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, tappoġġa t-tkabbir sostenibbli u inklużiv, tħares l-istabbiltà makroekonomika u ssaħħaħ ir-reżiljenza fuq terminu medju. Hija ffokata wkoll fuq it-tisħiħ tal-kompetittività u tal-produttività tal-UE.
(4)Fl-1 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni ppubblikat il-Komunikazzjoni Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti biex tagħti spinta lill-kompetittività tal-industrija żero netti tal-UE u tappoġġa t-tranżizzjoni rapida lejn in-newtralità klimatika. Il-pjan jikkomplementa l-isforzi li għaddejjin fl-ambitu tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u r-REPowerEU. Għandu l-għan li jipprovdi ambjent ta’ appoġġ aktar b’saħħtu biex tiżdied il-kapaċità tal-manifattura tal-UE għat-teknoloġiji u l-prodotti b’emissjonijiet żero netti meħtieġa biex jintlaħqu l-miri klimatiċi ambizzjużi tal-UE, kif ukoll jiġi żgurat l-aċċess għal materja prima kritika rilevanti, inkluż permezz tad-diversifikazzjoni tal-akkwist, l-użu xieraq tar-riżorsi ġeoloġiċi fl-Istati Membri u l-aħjar użu mir-riċiklaġġ tal-materja prima. Il-plan jissejjes fuq erba’ pilastri: ambjent regolatorju prevedibbli u simplifikat, li jħaffef l-aċċess għall-finanzi, itejjeb il-ħiliet, u jiftaħ il-kummerċ għal ktajjen tal-provvista reżiljenti. Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet ukoll il-Komunikazzjoni, Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030, strutturat fuq disa’ fatturi li jsaħħu lil xulxin bil-għan li ssir ħidma favur qafas regolatorju li jsaħħaħ it-tkabbir. Tistabbilixxi prijoritajiet ta’ politika mmirati biex jiżguraw b’mod attiv titjib strutturali, investimenti ffukati tajjeb u miżuri regolatorji għall-kompetittività fit-tul tal-UE u l-Istati Membri tagħha. Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt jgħinu fl-indirizzar ta’ dawk il-prijoritajiet.
(5)Fl-2023, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza għadha essenzjali għall-kisba tal-prijoritajiet tal-politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti kollha maħruġa ff’dawn l-aħħar snin, jew subsett sinifikanti tagħhom. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020 u l-2022 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.
(6)Ir-Regolament REPowerEU adottat fis-27 ta’ Frar 2023 għandu l-għan li jelimina malajr id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. Dan se jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jżid l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. Ir-Regolament jippermetti lill-Istati Membri jżidu kapitolu ġdid tar-REPowerEU mal-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza biex jiffinanzjaw riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU. Dawn se jgħinu wkoll biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija żero netti tal-UE kif inhu deskritt fil-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti u se jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż relatati mal-enerġija maħruġa lill-Istati Membri fl-2022 u, fejn applikabbli, fl-2023. Ir-Regolament REPowerEU jintroduċi kategorija ġdida ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, li ssir disponibbli għall-Istati Membri biex jiffinanzjaw riformi u investimenti ġodda relatati mal-enerġija skont il-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza.
(7)Fit-8 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li tipprovdi gwida għall-politika fiskali għall-2024. Għandha l-għan li tappoġġa t-tħejjija tal-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza tal-Istati Membri u b’hekk issaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politika. Il-Kummissjoni fakkret li l-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir se tiġi diżattivata fi tmiem l-2023. Appellat biex il-politiki fiskali fl-2023-2024 li jiżguraw is-sostenibbiltà tad-dejn għal terminu medju minbarra li jżidu t-tkabbir potenzjali b’mod sostenibbli. Fil-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza tagħhom tal-2023, l-Istati Membri ġew mistiedna jistabbilixxu kif il-pjanijiet fiskali tagħhom se jiżguraw li l-valur ta’ referenza tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG se jiġi rispettat kif ukoll it-tnaqqis plawżibbli u kontinwu tad-dejn, jew biex id-dejn jinżamm f’livelli prudenti fit-terminu medju. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jeliminaw gradwalment il-miżuri fiskali nazzjonali introdotti biex jipproteġu lill-unitajiet domestiċi u lid-ditti mix-xokk tal-prezz tal-enerġija, u jibdew bl-inqas miżuri mmirati. Hija indikat li, jekk ikun meħtieġ li l-miżuri ta’ appoġġ jiġu estiżi minħabba pressjonijiet ġodda fuq il-prezzijiet tal-enerġija, jenħtieġ li l-Istati Membri jimmiraw tali miżuri lejn unitajiet domestiċi u ditti vulnerabbli ħafna aħjar milli sar fil-passat. Il-Kummissjoni pproponiet li r-rakkomandazzjonijiet fiskali jkunu kwantifikati u differenzjati u fformulati fuq il-bażi tan-nefqa primarja netta, kif propost fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE. Irrakkomandat li jenħtieġ li l-Istati Membri kollha jkomplu jipproteġu l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali u jiżguraw l-użu effettiv tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari fid-dawl tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u l-objettivi ta’ reżiljenza. Il-Kummissjoni indikat li se tipproponi lill-Kunsill biex jiftaħ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit fir-rebbiegħa tal-2024 fuq il-bażi tad-data tal-eżitu għall-2023, f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti.
(8)Fis-26 ta’ April 2023, il-Kummissjoni ppreżentat proposti leġiżlattivi biex timplimenta riforma komprensiva tar-regoli ta’ governanza ekonomika tal-UE. L-objettiv ċentrali tal-proposti huwa li tissaħħaħ is-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u jiġi promoss it-tkabbir sostenibbli u inklużiv fl-Istati Membri kollha permezz ta’ riformi u investimenti. L-għan tal-proposti jipprovdi lill-Istati Membri b’aktar kontroll fuq it-tfassil tal-pjanijiet tagħhom għal perjodu ta’ żmien medju, filwaqt li jistabbilixxi reġim ta’ infurzar aktar strett biex jiżgura li l-Istati Membri jwettqu l-impenji li jieħdu fil-pjanijiet fiskali-strutturali tagħhom fuq perjodu ta’ żmien medju. L-objettiv huwa li l-ħidma leġiżlattiva tiġi konkluża fl-2023.
(9)Fit-28 ta’ April 2021, Franza ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fit-13 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta’ Franza. Il-ħruġ tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni tal-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li Franza tkun laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.
(10)Fil-11 ta’ Mejju 2023 Franza ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2023, u l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 fil-11 ta’ Mejju 2023, f’konformità mal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati flimkien. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali ta’ Franza dwar il-progress li sar biex jinkiseb il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha.
(11)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2023 għal Franza fl-24 ta’ Mejju 2023. Hija vvalutat il-progress ta’ Franza fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2022, u ħadet kont tal-implimentazzjoni ta’ Franza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Ivvaluta wkoll il-progress ta’ Franza fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.
(12)Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għal Franza u ppubblikat ir-riżultati tagħha fl-24 ta’ Mejju 2023. Il-Kummissjoni kkonkludiet li Franza qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi. B’mod partikolari, il-vulnerabbiltajiet relatati mad-dejn għoli tal-gvern, u l-kompetittività u t-tkabbir baxx tal-produttività, li għandhom rilevanza transfruntiera, għadhom jippersistu iżda wrew xi sinjali ta’ tnaqqis. Id-dejn tal-gvern ilu jonqos mill-irkupru fil-PDG fl-2021, wara żieda matul il-pandemija. Fl-2022 diversi miżuri fiskali taffew l-impatt tal-kriżi tal-enerġija b’mod sinifikanti iżda naqqsu r-ritmu tat-tnaqqis tad-dejn. Id-dejn huwa mbassar li jkompli jonqos din is-sena u dik li jmiss, iżda huwa pprojettat li jerġa’ jaqbad xejriet ta’ żieda fin-nuqqas ta’ azzjoni politika, filwaqt li jibqa’ għoli u ogħla mil-livelli ta’ qabel il-pandemija, u l-isfidi tas-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju jibqgħu għoljin. Il-miżuri ta’ politika li ttieħdu f’dawn l-aħħar snin bil-għan li jsaħħu t-tkabbir potenzjali jistgħu jgħinu biex jikkoreġu ż-żieda pprojettata fid-dejn pubbliku fit-terminu medju. Ġew adottati diversi riformi biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-kostijiet. Diġà jidher effett pożittiv żgħir fuq il-kompetittività, u l-impatt sħiħ tagħhom huwa mistenni li jimmaterjalizza matul is-snin li ġejjin. Bl-istess mod, il-produttività tax-xogħol hija mistennija li tibbenefika mill-implimentazzjoni effettiva tal-investimenti u r-riformi ppjanati. Matul l-aħħar sena l-ekonomija Franċiża wriet reżiljenza billi l-kompetittività tal-kostijiet kienet inqas affettwata minn żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija milli fil-bqija taż-Żona tal-Euro. L-esportazzjonijiet qed jitjiebu minħabba l-irkupru ulterjuri tat-turiżmu transfruntier u tal-industrija tal-inġenji tal-ajru, li kienu affettwati ħafna mill-pandemija. Filwaqt li d-dejn tas-settur privat żdied matul l-agħar tal-pandemija, self korporattiv ogħla mar id f’id ma’ żidiet fl-ekwità u akkumulazzjoni ta’ riżervi ta’ likwidità. Rati tal-imgħax ogħla jistgħu jagħmlu t-tnaqqis tad-dejn pubbliku u privat aktar diffiċli. Ir-rispons ta’ politika kien favorevoli, iżda għad hemm diffikultajiet relatati mal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi. L-mplimentazzjoni effettiva tar-riformi adottati dan l-aħħar għadha fundamentali biex ikomplu jitnaqqsu l-vulnerabbiltajiet, jiġifieri r-riforma tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u l-mekkaniżmu l-ġdid biex jitwettqu evalwazzjonijiet annwali tal-infiq pubbliku. Iż-żewġ azzjonijiet huma kruċjali biex jitkompla jitrażżan l-infiq u jinżamm id-dejn pubbliku fuq xejra ta’ tnaqqis. Barra minn hekk, il-gvern adotta riforma tas-sistema tal-pensjonijiet pubbliċi li mistennija tgħin is-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku.
(13)Fuq il-bażi tad-data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż ta’ Franza naqas minn 6,5 % tal-PDG fl-2021 għal 4,7 % fl-2022, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 112,9 % tal-PDG fi tmiem l-2021 għal 111,6 % fi tmiem l-2022. Fl-24 ta’ Mejju 2023, il-Kummissjoni ppubblikat rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE; ir-rapport eżamina s-sitwazzjoni baġitarja ta’ Franza, billi d-defiċit tal-gvern estiż tagħha fl-2022 qabeż il-valur referenzjarju ta’ 3% tal-PDG stabbilit fit-Trattat, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż tagħha qabeż il-valur referenzjarju ta’ 60 % tal-PDG stabbilit fit-Trattat u ma rrispettax il-valur referenzjali tat-tnaqqis tad-dejn. Ir-rapport ikkonkluda li l-kriterji tad-defiċit u tad-dejn ma ġewx issodisfati. Barra minn hekk, f’konformità mal-Komunikazzjoni tat-8 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ma pproponietx li tiftaħ proċeduri ġodda ta’ defiċit eċċessiv fir-rebbiegħa tal-2023; min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ddikjarat li se tipproponi lill-Kunsill biex jiftaħ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit fir-rebbiegħa 2024 fuq il-bażi tad-data tal-eżitu tal-2023. Franza għandha tqis dan fl-eżekuzzjoni tal-baġit tagħha għall-2023 u fit-tħejjija tal-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju għall-2024.
(14)Il-bilanċ tal-gvern estiż intlaqat mill-miżuri ta’ politika fiskali adottati biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Fl-2022 tali miżuri li jnaqqsu d-dħul kienu jinkludu t-tnaqqis tat-taxxa domestika fuq il-konsum finali tal-elettriku (TICFE); filwaqt li tali miżuri li jżidu n-nefqa kienu jinkludu sussidji diretti li jikkumpensaw lill-fornituri tal-gass u tal-elettriku għal-limitu massimu fuq il-prezzijiet regolati tal-gass u tal-elettriku, sussidji li jillimitaw iż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil għat-trasport bl-imnut u għal intrapriżi intensivi fl-enerġija, kif ukoll trasferimenti lil unitajiet domestiċi b’introjtu baxx. Il-kost ta’ dawn il-miżuri kien ikkumpensat parzjalment minn taxxi ġodda fuq il-profitti mhux mistennija tal-produtturi u l-fornituri tal-enerġija, jiġifieri taxxa ta’ solidarjetà eċċezzjonali fuq il-kumpaniji tal-fjuwils fossili u tar-raffinar u mekkaniżmu biex jiġi limitat id-dħul inframarġinali tas-suq mill-ġenerazzjoni tal-elettriku, kif ukoll dħul indirett mit-taxxa minn u sussidji aktar baxxi lill-produtturi tal-enerġija rinnovabbli, li jirriżultaw mid-distakk pożittiv bejn is-suq u l-prezzijiet tal-elettriku ta’ referenza. Il-Kummissjoni tistma li fl-2022 il-kost baġitarju nett ta’ dawn il-miżuri jkun ta’ 0,9 % tal-PDG. Fl-istess ħin, il-kost stmat tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza tal-COVID-19 naqas għal 0,5 % tal-PDG fl-2022, minn 2,6 % fl-2021.
(15)Fit-18 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill irrakkomanda li fl-2022 Franza tuża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex tiffinanzja investiment addizzjonali b’appoġġ għall-irkupru filwaqt li ssegwi politika fiskali prudenti. Barra minn hekk, jenħtieġ li Franza żżomm l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali.
(16)Skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali fl-2022 kienet waħda ta’ appoġġ, fil-livell ta’ - 2,0 % tal-PDG. Kif ġie irrakkomandat mill-Kunsill, Franza kompliet tappoġġa l-irkupru b’investimenti ffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Fl-2022 in-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE ammontat għal 0,6 % tal-PDG (0,7 % tal-PDG fl-2021). It-tnaqqis marġinali fin-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE fl-2022 kien dovut għall-implimentazzjoni antiċipata tal-pjan matul l-ewwel sentejn tiegħu. L-investiment iffinanzjat nazzjonalment ipprovda kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,1 ta’ punt perċentwali għall-pożizzjoni fiskali. Għalhekk, Franza żammet l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali, kif irrakkomandat mill-Kunsill. Fl-istess ħin, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata nazzjonalment (nett minn miżuri ġodda ta’ dħul) tat kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 1,7 ta’ punt perċentwali għall-pożizzjoni fiskali. Il-kontribut espansjonarju sinifkanti kien jinkludi l-impatt addizzjonali tal-miżuri għall-mitigazzjoni tal-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija (kost baġitarju addizzjonali nett ta’ 0,8 % tal-PDG). Fl-istess ħin, l-indiċjar tal-pensjonijiet, il-benefiċċji soċjali u l-pagi pubbliċi kkontribwixxew ukoll (0,4 % tal-PDG) għat-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja netta. Għalhekk, Franza ma llimitatx it-tkabbir fin-nefqa kurrenti ffinanzjata fil-livell nazzjonali biżżejjed. Il-kontribuzzjoni espansjonarja sinifikanti tan-nefqa kurrenti ffinanzjata fil-livell nazzjonali hija parzjalment minħabba l-miżuri biex jiġi indirizzat l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija kif ukoll l-ispejjeż biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna.
(17)Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji fil-Programm ta’ Stabbiltà huwa favorevoli għall-2023 u għall-perjodu ta’ wara. Il-Gvern jipprojetta li l-PDG reali jikber b’1,0 % fl-2023 u b’1,6 % fl-2024. B’paragun ma’ dan, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipprojetta tkabbir tal-PDG reali aktar baxx ta’ 0,7 % fl-2023 u 1,4 % fl-2024, prinċipalment minħabba kontribuzzjonijiet aktar baxxi għat-tkabbir tad-domanda domestika fl-2023, li jirriżultaw mill-formazzjoni grossa tal-kapital fiss u l-inventarji, u tad-domanda esterna fl-2024.
(18)Fil-Programm ta’ Stabbiltà 2023 tiegħu, il-Gvern jistenna li fl-2023 proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż se jiżdied għal 4,9 % tal-PDG. Iż-żieda fl-2023 tirrifletti prinċipalment it-tnaqqis fir-ritmu tal-attività ekonomika u t-tnaqqis mistenni fid-dħul. Skont il-Programm, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż mistenni li jonqos minn 111,6 % fi tmiem l-2022 għal 109,6 % fi tmiem l-2023. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta’ 4,7 % tal-PDG għall-2023. Dan huwa aktar baxx mid-defiċit previst fil-Programm ta’ Stabbiltà, prinċipalment minħabba elastiċità ogħla tat-taxxa mistennija mill-Kummissjoni, li twassal għal dħul ogħla. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipprojetta proporzjon simili tal-proporzjon tad-dejn għall-PDF tal-gvern estiż ta’ 109,6 % fi tmiem l-2023.
(19)Il-bilanċ tal-gvern fl-2023 mistenni jkompli jintlaqat mill-miżuri ta’ politika fiskali adottati biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Dawn jikkonsistu f’miżuri estiżi mill-2022, b’mod partikolari t-tnaqqis fit-TICFE u s-sussidji diretti biex jikkumpensaw lill-fornituri tal-gass u tal-elettriku għal-limitu massimu fuq il-prezzijiet regolati tal-gass u tal-elettriku, kif ukoll miżuri ġodda bħall-vawċer tal-fjuwil tat-trasport ittestjat skont il-mezzi ('chèque carburant') għal unitajiet domestiċi b’introjtu baxx, li jissostitwixxi r-ribass ġeneralizzat applikat fl-2022, u s-sussidji lill-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju li ma jibbenefikawx minn tariffi regolati tal-elettriku, biex ikopru ż-żieda fil-kont tal-enerġija sa tmiem l-2023. Il-kost ta’ dawn il-miżuri għadu kkumpensat parzjalment minn taxxi ġodda fuq il-profitti mhux mistennija tal-produtturi u l-fornituri tal-enerġija, jiġifieri mekkaniżmu biex jiġi limitatli jillimita d-dħul inframarġinali tas-suq mill-ġenerazzjoni tal-elettriku, kif ukoll dħul indirett mit-taxxa minn u sussidji aktar baxxi lill-produtturi tal-enerġija rinnovabbli, li jirriżultaw mid-distakk pożittiv bejn is-suq u l-prezzijiet tal-elettriku ta’ referenza. Meta jitqies dan id-dħul, fl-2023 il-kost baġitarju nett nett tal-miżuri ta’ appoġġ fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni huwa mbassar li jkun ta’ 1,0 % tal-PDG. Jidher li bosta mill-miżuri tal-2023 mhumiex immirati lejn l-aktar entitajiet domestiċi u ditti vulnerabbli, u ma jħarsux bis-sħiħ is-sinjal tal-prezz biex titnaqqas id-domanda u tittejjeb l-effiċjenza tal-enerġija. B’riżultat ta’ dan, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jistma li l-ammont ta’ miżuri ta’ appoġġ immirati, li għandhom jitqiesu fil-valutazzjoni tal-konformità mar-rakkomandazzjoni fiskali għall-2023, se jkun ta’ 0,2 % tal-PDG fl-2023 (meta mqabbel maż-0,1 % tal-PDG fl-2022). Fl-aħħar nett, il-bilanċ tal-gvern tal-2023 mistenni li jibbenefika mit-tneħħija gradwali tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza tal-COVID-19 ta’ 0,5 % tal-PDG.
(20)Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda li fl-2023 Franza tiżgura politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi tillimita t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata nazzjonalment għal taħt it-tkabbir tal-output potenzjali għal terminu medju, filwaqt li tqis it-tkomplija tal-appoġġ temporanju u mmirat għall-unitajiet domestiċi u għad-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Fl-istess ħin, Franza għandha tkun lesta li taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Franza ġiet irrakkomandata wkoll li tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tagħmel użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni.
(21)Fl-2023, il-pożizzjoni fiskali hija pprojettata fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni li tkun fil-biċċa l-kbira restrittiva (+0,5 % tal-PDG), fil-kuntest ta’ inflazzjoni għolja. Dan isegwi pożizzjoni fiskali espansjonarja fl-2022 (-2,0 % tal-PDG). It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (nett minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonali) fl-2023 huwa pproġettat li jipprovdi kontribut espansiv ta’ 0,6 % tal-GDP għall-pożizzjoni fiskali ġenerali. Dan jinkludi l-kost miżjud tal-miżuri ta’ appoġġ immirati għall-unitajiet domestiċi u għad-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija b’0,1 % tal-PDG. Kollox ma’ kollox, it-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fuq livell nazzjonali huwa pprojettat li jkun konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Fl-2023 in-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE kienet tammonta għal 0,4 % tal-PDG, filwaqt li l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali pprovda kontribuzzjoni newtrali għall-pożizzjoni fiskali. Għaldaqstant, Franza qed tippjana li tiffinanzja investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE u qed tippjana li żżomm l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali. Qed tippjana li tiffinanzja l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħal investimenti skont il-pjan France 2030 biex jitrawwem l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku u fl-isferi diġitali, kif ukoll investimenti fl-enerġija rinnovabbli fis-sistemi tat-tisħin u r-rinnovazzjoni ta’ bini pubbliku u privat, miżuri li jappoġġaw id-dekarbonizzazzjoni tal-industrija, investimenti fit-trasport sostenibbli, is-saħħa u l-edukazzjoni, li huma parzjalment iffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE.
(22)Fil-Programm ta’ Stabbiltà, fl-2024 id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 4,4 % tal-PDG. It-tnaqqis fl-2024 jirrifletti prinċipalment l-irtirar tal-biċċa l-kbira tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija, flimkien ma’ elastiċitajiet ogħla tat-taxxa. Il-programm jistenna li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG jibqa’ fil-biċċa l-kbira stabbli għal 109,5 % fi tmiem l-2024. Fuq il-bażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta' 4,3 % tal-PDG fl-2024. Dan huwa aktar baxx mid-defiċit previst fil-programm, prinċipalment minħabba effett bażi li ġej minn defiċit diġà aktar baxx tbssar mill-Kummissjoni għall-2023. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jbassar proporzjon simili tal-proporzjon tad-dejn għall-PDF tal-gvern estiż ta’ 109,5 % fi tmiem l-2024.
(23)Il-Programm ta’ Stabbiltà jipprevedi t-tneħħija gradwali tal-parti l-kbira tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija fl-2024. Bħalissa l-Kummissjoni tassumi li fl-2024 il-kost nett tal-appoġġ għall-enerġija hija ta’ 0,2 % tal-PDG. Dawn l-istimi jiddependu fuq is-suppożizzjoni li ma jkunx hemm żidiet ġodda fil-prezzijiet tal-enerġija. Il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija li bħalissa huma ppjanati li jibqgħu fis-seħħ fl-2024 ma jidhrux li huma mmirati lejn unitajiet domestiċi jew ditti vulnerabbli. Dawn ma jippreservawx bis-sħiħ is-sinjal tal-prezz biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija u tiżdied l-effiċjenza enerġetika.
(24)Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 jitlob titjib annwali fil-bilanċ tal-baġit strutturali lejn l-objettiv ta’ terminu medju ta’ 0,5 % tal-PDG bħala punt ta’ riferiment. Meta jitqiesu konsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà fiskali, il-ħtieġa li jitnaqqas l-iżbilanċ għal taħt il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PGD, u titjib fl-istruttura ta’ mill-inqas 0,7 % tal-PGD għall-2024 tkun waħda xierqa. Sabiex jiġi żgurat tali titjib, it-tkabbir fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2024 jenħtieġ li ma jaqbiżx it-2,3 %, kif inhu rifless f’din ir-rakkomandazzjoni. Fl-istess ħin, il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija li jifdal (attwalment stmati mill-Kummissjoni għal 1,0 % tal-PDG fl-2023) għandhom jitneħħew gradwalment, skont kif jiżviluppa s-suq tal-enerġija u b’bidu minn dawk l-inqas immirati, u l-iffrankar relatat għandu jintuża biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern. Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, dan iwassal għal tkabbir fin-nefqa primarja netta taħt ir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata għall-2024.
(25)Jekk wieħed jassumi li l-politiki ma jinbidlux, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipprojetta li fl-2024 in-nefqa primarja netta ffinanzjata nazzjonalment tiżdied għal 3,1, li hija ogħla mir-rata ta’ tkabbir rakkomandata. L-aġġustament previst fit-tbassir tal-Kummissjoni huwa anqas mill-iffrankar mit-tneħħija gradwali sħiħa tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija Dan huwa dovut għal żieda fl-investimenti taħt il-programm France 2030 u l-irtirar sħiħ tat-taxxa tal-produzzjoni fuq il-valur miżjud tad-ditti.
(26)Skont il-programm, il-investiment tal-gvern mistenni jibqa’ stabbli għal 3,8 % tal-PDG fl-2023 u fl-2024. Il-programm jirreferi għal riformi u investimenti, li huma mistennija jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà fiskali u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv. Dawn jinkludu riforma tal-governanza tal-finanzi pubbliċi u mekkaniżmu ġdid ta’ rieżami tal-infiq, riformi tas-sistema tal-pensjonijiet u tal-benefiċċji tal-qgħad, kif ukoll investimenti biex jitrawmu t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, li huma wkoll parti mill-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Il-Programm ta’ Stabbiltà jiddeskrivi perkors fiskali għal terminu medju sal-2027. Skont il-programm, id-defiċit tal-gvern estiż mistenni li jonqos gradwalment għal 3,7 % tal-PDG fl-2025, u għal 3,2 % fl-2026 u 2,7 % sal-2027. Għaldaqstant, sal-2027 id-defiċit tal-gvern estiż huwa ppjanat li jiżdied taħt it-3 % tal-PDG. Skont il-programm, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż mistenni li jonqos minn 109,5 % fi tmiem l-2024 għal 108,3 % fi tmiem l-2027.
(27)F’konformità mal-Artikolu 19(3)(b), u l-kriterju 2.2 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi ġabra estensiva ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. L-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta’ Franza tinsab għaddejja. Franza ppreżentat talba għal pagament waħda, li tikkorrispondi għal 38 stadju importanti u miri fil-pjan u li tirriżulta fi żborż ġenerali ta’ EUR 7 400 000. L-istadji importanti jirriflettu l-progress fl-implimentazzjoni tar-riformi fl-oqsma tal-finanzi pubbliċi, l-akkomodazzjoni, il-mobilità, l-impjiegi, il-ħiliet u s-saħħa. Diversi miri jirriflettu investimenti kbar fl-oqsma tar-rinnovazzjoni tal-enerġija tal-bini, id-dekarbonizzazzjoni tal-industrija, il-vetturi nodfa, ir-riċerka, l-impjieg taż-żgħażagħ, u l-edukazzjoni. Franza ppreżentat reviżjoni tal-pjan tagħha f’April 2023, inkluż kapitolu dwar REPowerEU. It-talba ta’ Franza biex timmodifika l-pjan tagħha hija bbażata fuq il-ħtieġa li tqis l-inflazzjoni għolja tal-2022, it-tfixkil fil-katina tal-provvista u r-reviżjoni ’l isfel tal-allokazzjoni massima tal-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-inklużjoni tal-kapitolu l-ġdid tar-REPowerEU fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza se tippermetti l-finanzjament tar-riformi u l-investimenti addizzjonali b’appoġġ għall-objettivi strateġiċi ta’ Franza fil-qasam tal-enerġija u t-tranżizzjoni ekoloġika. L-involviment sistematiku u effettiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tas-sħab soċjali u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra għadu importanti għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, u l-istess jgħodd għall-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi oħra li jmorru lil hinn mill-pjan, biex tiġi żgurata sjieda wiesgħa tal-aġenda ta’ politika ġenerali.
(28)Il-Kummissjoni approvat il-biċċa l-kbira tad-dokumenti ta’ programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni ta’ Franza fl-2022 ħlief għall-programm Saint-Martin, li ġie adottat fl-20 ta’ Marzu 2023. L-issuktar tal-implimentazzjoni rapida tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni f’komplementarjetà u sinerġija mal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija kruċjali biex tinkiseb it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, tiżdied ir-reżiljenza ekonomika u soċjali kif ukoll jinkiseb żvilupp territorjali bbilanċjat fi Franza.
(29)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, Franza qed tiffaċċja għadd ta’ sfidi addizzjonali relatati man-nuqqas ta’ ħiliet u mal-inugwaljanzi fis-sistema edukattiva, mal-politika enerġetika u mat-tranżizzjoni ekoloġika. L-indirizzar ta’ dawk l-isfidi jista’ jgħin biex tingħata spinta lill-ħiliet tal-ħaddiema, tiżdied il-produttività tax-xogħol, in-negozji Franċiżi jsiru aktar effiċjenti fl-enerġija, u b’hekk l-ekonomija Franċiża ssir aktar kompetittiva b’mod ġenerali.
(30)In-nuqqas ta’ ħaddiema qed ikompli jiżdied. Skont l-istħarriġ tal-2023 dwar il-ħtiġijiet tal-forza tax-xogħol (“Pôle Emploi”), fl-2023 61 % ta' min iħaddem jantiċipaw aktar diffikultajiet relatati mal-reklutaġġ, b’mod partikolari għal ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati fil-kostruzzjoni u fl-industrija - żewġ setturi affettwati serjament mit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. F’dawn l-aħħar snin, Franza tat spinta lill-investiment fit-titjib tal-ħiliet u fit-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema, bl-appoġġ parzjali tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Madankollu, l-evalwazzjonijiet juru li għad hemm diversi ostakli għat-titjib tal-ħiliet ta’ dawk b’livell baxx ta’ ħiliet, li jimminaw l-effettività ta’ programmi mmirati bħall-“pjan ta’ investiment fil-ħiliet”. Għalkemm qed tiżdied, il-parteċipazzjoni ta’ ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet fit-taħriġ għadha ħafna aktar baxxa minn dik ta’ ħaddiema oħra, u dawn għandhom it-tendenza li jibbenefikaw inqas minn taħriġ li jwassal għal kwalifika. Dan jissuġġerixxi li t-tnaqqis ulterjuri fl-għadd ta’ żgħażagħ li jidħlu fis-suq tax-xogħol b’ħiliet u kwalifiki bażiċi insuffiċjenti jenħtieġ li jibqa’ prijorità tas-sistema edukattiva.
(31)Minkejja livell ta’ nfiq pubbliku ogħla mill-medja tal-OECD u eżiti tajbin b’mod ġenerali, is-sistema edukattiva Franċiża hija kkaratterizzata minn sehem sinifikanti ta’ dawk li jiksbu riżultati baxxi u l-isfond soċjoekonomiku għadu jipprevedi tajjeb ferm il-prestazzjoni tal-istudenti. In-nuqqas ta’ kisbiet u l-inugwaljanzi fil-ħiliet miksuba fil-matematika għadhom ta’ tħassib partikolari. Skont stħarriġ nazzjonali u internazzjonali, il-prestazzjoni medja fil-matematika fi Franza matul l-aħħar 30 sena naqset b’mod kostanti. Ittieħdu xi passi biex tissaħħaħ il-kisba tal-ħiliet bażiċi, inkluż billi jissaħħaħ it-taħriġ kontinwu tal-għalliema fil-matematika u l-Franċiż li nbeda fl-2019, u mis-sena skolastika 2023/24 żdied modulu ta’ appoġġ ta’ siegħa fil-matematika u l-Franċiż mal-ewwel sena tal-iskola sekondarja. Il-pjan biex id-daqsijiet tal-klassi fil-grad primarju u sekondarju jitnaqqsu bin-nofs fi skejjel pubbliċi preprimarji u primarji żvantaġġati kważi tlesta u l-impatt fit-tul fuq l-eżiti tat-tagħlim tat-300 000 student ikkonċernat qed jiġi vvalutat. Madankollu, sehem sostanzjali ta’ studenti żvantaġġati, barra miż-żoni ta’ prijorità, ma jibbenefikawx minnu. Minkejja l-investimenti u l-progress għad fadal sfidi oħrajn marbuta mal-aċċess tat-tfal tal-iskola u l-istudenti b’diżabilità għas-sistema edukattiva ġenerali.
(32)Fl-2022 Franza kompliet tinvesti fis-sistema ta’ apprendistat, u f’aktar għażliet ta’ tagħlim ibbażati fuq ix-xogħol, bħar-riforma tat-taħriġ vokazzjonali fl-iskejjel sekondarji. Filwaqt li dawn il-miżuri jista’ jkollhom eżitu pożittiv, l-impatt tagħhom għad irid jinħass u jeħtieġ involviment akbar min-naħa tal-professjonisti u tal-għalliema fit-tfassil tal-programmi. Minkejja l-miżuri biex jittejbu l-kundizzjonijiet tat-tagħlim, inkluża żieda fil-pagi tal-għalliema, għad hemm tħassib dwar l-attraenza tal-professjoni tat-tagħlim u s-sehem għoli ta’ persunal kuntrattwali, li spiss ikollu livelli aktar baxxi ta’ kwalifiki u esperjenza mill-persunal permanenti u aċċess insuffiċjenti għal opportunitajiet ta’ taħriġ. B’mod ġenerali, il-proporzjon bejn l-għalliema u l-istudenti għadu fost l-ogħla fl-UE.
(33)It-taħlita tal-enerġija Franċiża hija inqas dipendenti fuq il-fjuwils fossili minn pajjiżi oħra tal-UE għalkemm għadha dipendenti fuq il-fjuwils fossili importati. Fil-perjodu bejn Awwissu 2022 u Marzu 2023, il-konsum tal-gass naturali ta’ Franza naqas b'16 % meta mqabbel mal-konsum medju tal-gass matul l-istess perjodu fil-5 snin ta’ qabel, u qabeż il-mira ta’ tnaqqis ta’ 15 %. Franza tista’ tkompli bl-isforzi tagħha biex tnaqqas temporanjament id-domanda għall-gass sal-31 ta’ Marzu 2024. Is-sitwazzjoni ġeopolitika attwali u l-prezzijiet għoljin tal-enerġija qed iżidu l-urġenza biex Franza tkompli żżid l-isforzi tagħha biex tilħaq il-miri tal-enerġija rinnovabbli stabbiliti fil-pjan nazzjonali tagħha għall-enerġija u l-klima. Bi 19,1 % tal-konsum finali gross tal-enerġija bl-enerġija rinnovabbli, Franza ma laħqitx il-mira tagħha ta’ 23 % ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għall-2020. Lanqas ma tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira tagħha għall-enerġija rinnovabbli għall-2030 u għadha lura fl-użu tal-enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari fil-produzzjoni tal-elettriku u t-tisħin. L-użu rapidu ta’ sorsi rinnovabbli bħall-enerġija solari u mir-riħ jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista ta’ Franza billi jnaqqas l-użu tal-fjuwils fossili. Ir-rata baxxa tal-użu tal-enerġija rinnovabbli tista’ tiġi spjegata permezz ta’ proċeduri amministrattivi kajmani u kkumplikati relatati mal-permessi. Id-dewmien fl-għoti ta’ permessi għat-teknoloġiji kollha (l-enerġija eolika fuq l-art u lil hinn mill-kosta kif ukoll l-enerġija solari) huwa marbut ma’ nuqqas ta’ appoġġ politiku għall-proġetti, ippjanar inadegwat u proċeduri twal u kumplessi fl-għoti ta’ permessi. Hemm ukoll aċċettazzjoni pubblika u sfidi legali li joħolqu inċertezza għall-investituri u l-iżviluppaturi. Il-proċess tal-permessi jista’ jiġi aċċellerat jekk jiġu allokati aktar persunal u riżorsi finanzjarji fl-amministrazzjoni ċentrali fil-livelli reġjonali kif ukoll fl-awtoritajiet rilevanti u l-operaturi tal-grilja. It-titjib tal-proċeduri ta’ ppjanar spazjali u l-applikazzjoni aktar rapida tal-proċeduri tal-offerti wkoll huma kruċjali biex tiġi żgurata l-installazzjoni ta’ proġetti rinnovabbli. Fl-2023 Franza adottat liġi dwar l-aċċellerazzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, li tirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu żviluppati b’mod konsiderevoli s-sħana u l-gass rinnovabbli u jiżdied is-sehem tal-elettriku rinnovabbli sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet dejjem akbar tal-elettrifikazzjoni tal-użu. Jekk tiġi implimentata kif xieraq, il-liġi tista’ twassal l-introduzzjoni aktar mgħaġġla ta’ proġetti rinnovabbli. Dan jista’ jpoġġi lil Franza fit-triq biex tilħaq l-objettivi tal-2030.
(34)Sabiex il-livell ta’ interkonnessjoni tagħha jinġieb għall-mira ta’ 10 % għall-2020 se jkun kruċjali li jigħata aktar appoġġ għall-interkonnetturi tal-elettriku transfruntiera (li qed jiġu żviluppati jew ippjanati) sabiex l-ishma kbar ta’ enerġija rinnovabbli jiġu integrati. Il-frontloading tal-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija, kemm domestika kif ukoll transfruntiera, se jgħin biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u b’mod partikolari l-gass Russu. Qed issir ir-rakkomandazzjoni biex, fejn possibbli, l-investimenti ġodda fl-infrastruttura u fin-network ikunu jgħoddu għall-futur sabiex jiffaċilitaw is-sostenibbiltà fit-tul tagħhom permezz ta’ adattament futur għal fjuwils sostenibbli. L-interkonnessjonijiet huma kruċjali għall-funzjonament effiċjenti tas-suq intern tal-enerġija billi jinġabru flimkien ir-riżorsi biex tinkiseb is-sigurtà ġenerali tal-provvista.
(35)Il-pjan Franċiż għall-irkupru u r-reżiljenza fih proġetti kbar fir-rinnovazzjoni tal-bini, kemm għall-akkomodazzjoni soċjali u individwali, kif ukoll għall-bini pubbliku u għan-negozji iżgħar. Dwar ir-rinnovazzjoni ta’ bini residenzjali, il-biċċa l-kbira tal-proġetti ffukaw fuq xogħlijiet fi stadju wieħed, li wasslu għal rinnovazzjonijiet limitati. Fl-ewwel nofs tal-2022, kien biss 27 % tax-xogħlijiet li kienu jinkludu mill-inqas żewġ stadji ta’ rinnovazzjoni, u 5 % biss kienu rinnovazzjonijiet totali. Rinnovazzjonijiet estensivi jista’ jkollhom impatt kbir fuq it-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija fis-settur tal-bini. Barra minn hekk, jekk isiru sforzi akbar biex l-investiment pubbliku u privat jiġi dirett lejn l-għajnuna lill-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx għar-rinnovazzjoni tal-bini u l-istokk tal-bini bl-agħar rendiment fl-użu tal-enerġija, dan ikun jista’ jgħin biex sal-2030 jitwaqqgħu l-aktar 5,2 miljun abitazzjoni ineffiċjenti fl-enerġija (akkomodazzjoni bi klassifikazzjoni tal-effiċjenza enerġetika ta’ F u G). Il-Liġi tal-2021 dwar il-Klima u r-Reżiljenza introduċiet diversi miżuri biex tinċentiva r-rinnovazzjoni estensiva tal-bini, bħall-projbizzjoni ta’ akkomodazzjoni għall-kiri bi klassifikazzjoni tal-effiċjenza enerġetika ta’ G mill-2025, F mill-2028 u E mill-2034. Biex jitħeġġu kisbiet aktar sinifikanti fl-effiċjenza enerġetika, il-qafas ta’ politika jista’ jittejjeb b’mod li jinċentiva rinnovazzjoni profonda u jgħin lil Franza tkompli żżid l-effiċjenza enerġetika tal-istokk tal-bini tagħha.
(36)Franza tirrappreżenta kważi 11 % tal-investiment totali ta’ kapital ta’ riskju tal-UE f’negozji ġodda u negozji li qed jespandu tat-teknoloġija klimatika. Madankollu, minkejja l-appoġġ pubbliku kbir, 29 % biss tal-kumpaniji Franċiżi żgħar investew aktar minn 1 % tal-fatturat tagħhom biex jużaw ir-riżorsi b’mod aktar effiċjenti (40 % bħala medja fl-UE). Il-promoturi ta’ proġetti ta’ manifattura b’teknoloġija nadifa jiffaċċjaw piż amministrattiv għoli u jiffaċċjaw proċeduri twal u riskji ta’ litigazzjoni. Permess tal-bini, awtorizzazzjoni ambjentali u t-twettiq ta’ investigazzjoni pubblika għal proġett industrijali jdumu medja ta’ 17-il xahar biex jinħarġu. Il-proċedura tinvolvi restrizzjonijiet, fejn sid il-proġett irid jistenna tweġibiet minn entitajiet differenti (qorti amministrattiva, opinjoni tal-awtorità ambjentali, rapport mill-investigatur pubbliku). Barra minn hekk, trid issir konsultazzjoni pubblika għal proġetti industrijali kbar. Dan il-proċess jista’ jdum mill-inqas 6 xhur, li jżid maż-żmien biex jinkiseb il-permess tal-bini, jirċievi awtorizzazzjoni ambjentali u jwettaq l-investigazzjoni pubblika. Il-proġetti ta’ investiment jistgħu jkunu soġġetti wkoll għal proċeduri ta’ litigazzjoni li jistgħu jdumu diversi snin, li jwasslu biex il-proġetti jiġu abbandunati. Filwaqt li l-proċeduri tal-għoti ta’ permessi huma meħtieġa għas-salvgwardja tal-interessi pubbliċi u privati prevalenti, jenħtieġ li dawn jiġu ssimplifikati u jitħaffu għal proġetti ta’ manifattura b’teknoloġija nadifa. It-tnedija ta’ proċeduri amministrattivi b’mod parallel u l-proposta ta’ siti industrijali lesti għall-użu jistgħu jgħinu wkoll biex jiġi ffrankat il-ħin.
(37)In-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet fis-setturi u l-okkupazzjonijiet ewlenin għat-tranżizzjoni ekoloġika, fosthom il-manifattura, l-użu u l-manutenzjoni tat-teknolġiji żero netti, qed joħolqu ostakli fit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima. Biex jitnaqqas in-nuqqas ta’ ħiliet u jiġu promossi l-inklużjoni u r-riallokazzjoni tax-xogħol iridu jinħolqu sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja li jirrispondu għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu u miżuri mmirati ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ. Dawn il-miżuri jeħtieġ li jkunu aċċessibbli, b’mod partikolari għall-individwi u fis-setturi u r-reġjuni l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika, biex tiġi sfruttata l-provvista tax-xogħol mhux sfruttata. Fl-2022 ġew irrapportati nuqqasijiet ta’ ħaddiema fi Franza f’diversi okkupazzjonijiet li kienu jeħtieġu ħiliet jew għarfien speċifiċi għat-tranżizzjoni ekoloġika, inklużi tekniċi tal-inġinerija ċivili, operaturi tal-impjanti tal-produzzjoni tal-enerġija, u professjonisti tal-inġinerija.
(38)Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 u l-opinjoni tiegħu hija riflessa fir-Rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.
(39)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex (i) jippreżervaw is-sostenibbiltà tad-dejn u joqogħdu lura minn appoġġ wiesa’ għad-domanda aggregata fl-2023, jimmiraw aħjar il-miżuri fiskali meħuda biex jittaffa l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija u jirriflettu dwar modi xierqa biex jitnaqqas l-appoġġ hekk kif jonqsu l-pressjonijiet tal-prezzijiet tal-enerġija; (ii) isostnu investiment pubbliku għoli u jippromwovu l-investiment privat biex jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali; (iii) jappoġġaw l-iżviluppi fil-pagi li jtaffu t-telf fil-kapaċità tal-akkwist filwaqt li jillimitaw l-effetti sekondarji fuq l-inflazzjoni, ikomplu jtejbu l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol u jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħiliet; (iv) itejjeb l-ambjent tan-negozju u jiżgura li l-appoġġ għall-enerġija lill-kumpaniji jkun kosteffettiv, temporanju, immirat lejn ditti vijabbli u li jżomm l-inċentivi għat-tranżizzjoni ekoloġika; u (v) jippriżervaw l-istabbiltà u jimmonitorjaw ir-riskji filwaqt li jissoktaw il-ħidma biex jiffinalizzaw l-Unjoni Bankarja. Fir-rigward ta’ Franza, ir-Rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (4) jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba’ rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro.
(40)Fid-dawl tar-rieżami fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 u l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-Rakkomandazzjoni (1) hawn taħt. Il-politiki msemmija fir-Rakkomandazzjoni (1) jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbuta ma’ dejn għoli tal-gvern u kompetittività dgħajfa u tkabbir baxx fil-produttività. Ir-rRkkomandazzjonijiet (2) u (3) jikkontribwixxu għall-indirizzar tar-rakkomandazzjoni 1. Il-politiki msemmija fir-Rakkomandazzjonijiet (1) jikkontribwixxu wkoll għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet għaż-Żona tal-Euro, f’konformità mal-premessa 39.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li Franza tieħu azzjoni fl-2023 u fl-2024 biex:
1.Gradwalment tnaqqas il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija fis-seħħ sa tmiem l-2023, bl-użu tal-iffrankar relatat biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern. Jekk iż-żidiet mġedda fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu jeħtieġu miżuri ta’ appoġġ, tiżgura li dawn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, fiskalment affordabbli, u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija.
Tiżgura politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi tillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata nazzjonalment fl-2024 għal mhux aktar minn 2,3 %.
Iżżomm l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet tal-RRF u fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari biex trawwem it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.
Għall-perjodu ta’ wara l-2024, tkompli ssegwi strateġija fiskali fuq terminu medju ta’ konsolidazzjoni gradwali u sostenibbli, flimkien ma’ investimenti u riformi li jwasslu għal tkabbir sostenibbli ogħla, biex tinkiseb pożizzjoni fiskali prudenti fuq terminu medju.
Tkompli ttejjeb il-kundizzjonijiet ta’ qafas biex jiffaċilitaw l-investiment u l-innovazzjoni.
2.Tipproċedi bl-implimentazzjoni kostanti tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u tiffinalizza mingħajr telf ta’ żmien l-addendum, inkluż il-kapitolu REPowerEU bil-ħsieb li l-implimentazzjoni tiegħu tibda malajr. Tissokkta bl-implimentazzjoni mgħaġġla tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, f’komplementarjetà u sinerġija mill-qrib mal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.
3.Tindirizza n-nuqqas ta’ ħiliet, b’mod partikolari billi tipprovdi għażliet addizzjonali ta’ tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol u żżid is-sehem ta’ persuni b’ħiliet bażiċi. Tadatta r-riżorsi u l-metodi għall-ħtiġijiet tal-istudenti u l-iskejjel żvantaġġati biex is-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ issir aktar ekwa u inklużiva. Ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-taħriġ inizjali u kontinwu għall-għalliema.
4.Tnaqqas id-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili. Taċċellera l-użu tal-enerġiji rinnovabbli, b’enfasi partikolari fuq is-sorsi eoliċi, solari u ġeotermali u l-bijogass, inkluż permezz tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira u l-promozzjoni tal-awtokonsum kollettiv, u jrawmu t-teknoloġiji tal-ħżin relatati permezz ta’ żieda fl-investiment pubbliku, billi jiffaċilitaw l-investiment privat, u billi jindirizzaw l-ostakli. Ittejjeb aktar il-grilji tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku u ż-żieda tal-interkonnessjonijiet transfruntiera tal-elettriku. Tkompli ttejjeb il-qafas ta’ politika biex jinċentiva r-rinnovazzjoni profonda tal-bini u d-dekarbonizzazzjoni tas-sistemi tat-tisħin, b’enfasi partikolari fuq l-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx u fuq l-istokk tal-bini bl-inqas rendiment fl-użu tal-enerġija. Tibni ambjent regolatorju ta’ appoġġ biex iżżid l-investiment fil-manifattura tat-teknoloġija nadifa, inkluż billi tissimplifika u tħaffef il-permessi. Iżżid l-isforzi ta’ politika mmirati lejn il-forniment u l-akkwist tal-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President