Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023DC0518

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL fir-rigward tad-delega ta’ setgħat msemmija fir-Regolament (UE) 2019/833 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral, li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1627 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2115/2005 u (KE) Nru 1386/2007

COM/2023/518 final

Brussell, 11.9.2023

COM(2023) 518 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

fir-rigward tad-delega ta’ setgħat msemmija fir-Regolament (UE) 2019/833 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral, li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1627 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2115/2005 u (KE) Nru 1386/2007


1.INTRODUZZJONI

Ir-Regolament (UE) Nru 2019/833 1 jimplimenta fid-dritt tal-Unjoni miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO).

Sabiex jinkisbu l-objettivi tar-Regolament (UE) 2019/833 u minħabba li ċerti dispożizzjonijiet tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar tan-NAFO jiġu emendati ta’ spiss mill-Partijiet Kontraenti tan-NAFO, il-Kummissjoni għandha setgħat delegati biex tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar għadd ta’ miżuri tekniċi ta’ kontroll, kif speċifikat hawn taħt.

2.BAŻI ĠURIDIKA

Dan ir-rapport huwa meħtieġ skont l-Artikolu 51(2) tar-Regolament (UE) 2019/833. Dan l-artikolu jiddelega s-setgħat ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) 2019/833 għal 5 snin mis-17 ta’ Ġunju 2019. Il-Kummissjoni hija meħtieġa tħejji rapport dwar kif eżerċitat dawn is-setgħat delegati mhux aktar tard minn 9 xhur qabel it-tmiem tal-5 snin. Is-setgħat delegati mbagħad jiġu estiżi b’mod taċitu għal perjodi addizzjonali ta’ 5 snin, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx, skont l-Artikolu 51(3) tar-Regolament 2019/833.

L-Artikolu 50 tar-Regolament 2019/833 jagħti lill-Kummissjoni s-setgħat li tadotta atti delegati fir-rigward ta’ dawn li ġejjin:

a)l-ikkompletar tar-Regolament bid-dispożizzjonijiet u bl-Annessi tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar imsemmija fl-Anness tar-Regolament;

b)il-lista ta’ attivitajiet tal-bastimenti tar-riċerka msemmija fl-Artikolu 4(1);

c)il-miżuri marbutin maż-żoni tas-sajd għall-gamblu tat-Tramuntana previsti fl-Artikolu 9; ir-rapportar rilevanti, il-bidliet fis-sajd, il-fond tas-sajd u r-referenzi għaż-żoni ristretti jew għaż-żoni magħluqin;

d)il-proċeduri li jikkonċernaw bastimenti b’qabda totali abbord ta’ aktar minn 50 tunnellata ta’ piż ħaj, li jidħlu fiż-Żona Regolatorja biex jistadu għall-ħalibatt ta’ Greenland fir-rigward tal-kontenut tan-notifiki previsti fl-Artikolu 10(2)(a) u (b), tal-kundizzjonijiet għall-bidu tas-sajd previsti fl-Artikolu 10(2), il-punt (d) u tad-dispożizzjonijiet dwar il-ħatt l-art u l-ispezzjonijiet għall-ħalibatt ta’ Greenland previsti fl-Artikolu 10(1)(e);

e)il-kontenut tat-trażmissjoni elettronika stabbilit fl-Artikolu 22(5), il-lista tad-dokumenti validi li jridu jinġarru abbord bastiment f’konformità mal-Artikolu 22(8) u l-kontenut tal-pjan ta’ kapaċità deskritt fl-Artikolu 22(10);

f)id-dokumenti li jridu jinġarru abbord il-bastiment mikri f’konformità mal-Artikolu 23(9);

g)id-data tal-VMS li trid tiġi trażmessa b’mod awtomatiku u kontinwu kif stabbilit fl-Artikolu 26(1), kif ukoll dmirijiet marbutin maċ-ĊMS kif stabbilit fl-Artikolu 26(2) u (9);

h)ir-rati perċentwali għall-preżenza ta’ osservatur kif stabbilit fl-Artikolu 27(3), ir-rapportar mill-Istati Membri kif stabbilit fl-Artikolu 27(7), id-dmirijiet ta’ osservatur kif stabbilit fl-Artikolu 27(11), u d-dmirijiet tal-kaptan tal-bastiment kif stabbilit fl-Artikolu 27(12);

i)l-obbligi tal-kaptan tal-bastiment waqt l-ispezzjoni, kif stabbiliti fl-Artikolu 32;

j)id-daqs tal-malji stabbilit fl-Artikolu 13(2);

k)l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-Artikolu 14(2) għall-għeriebel, għall-gradilji u għall-ktajjen bil-kuċinilli li jintużaw fis-sajd għall-gambli tat-Tramuntana kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-għeriebel jew għall-aċċessorji stabbiliti fl-Artikolu 14(3) jew (3a);

l)ir-restrizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18 fuq iż-żoni jew fuq il-perjodi fejn jistgħu jsiru l-attivitajiet tas-sajd tal-qiegħ;

m)il-miżuri ta’ kontroll għall-bakkaljaw fid-Diviżjoni 3M kif previst fl-Artikolu 9a.

3.L-EŻERĊITAR TAD-DELEGA TA’ SETGĦAT

Il-Kummissjoni ppreżentat l-abbozzi tal-atti delegati kollha bbażati fuq is-setgħat inklużi fir-Regolament (UE) 2019/833 lill-Grupp ta’ Esperti għas-Sajd u l-Akkwakultura, li ġie stabbilit biex jipprovdi pariri esperti dwar it-tħejjija ta’ atti delegati. Il-Parlament Ewropew ġie mistieden b’mod sistematiku għal-laqgħat ta’ dan il-Grupp ta’ Esperti. Il-Kummissjoni bagħtet id-dokumenti tal-laqgħa simultanjament kemm lill-Parlament Ewropew kif ukoll lill-Kunsill, kif meħtieġ fil-Fehim Komuni dwar l-atti delegati. Wara l-adozzjoni, hija nnotifikat l-atti delegati kollha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Sal-lum, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ma oġġezzjonaw għall-ebda att delegat adottat mill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2019/833 fi żmien xahrejn, kif previst fl-Artikolu 51(6) tar-Regolament 2019/833. F’xi każijiet, il-Parlament Ewropew talab estensjoni tal-iskadenza għal xahrejn addizzjonali.

4.LISTA TA’ ATTI DELEGATI ADOTTATI SKONT IR-REGOLAMENT (UE) NRU 20198/833

Lista tal-atti delegati kollha adottati mill-Kummissjoni mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2019/833 tinsab hawn taħt. Il-lista tirrifletti s-sitwazzjoni attwali fl-1 ta’ Settembru 2023.

1.Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/124 tal-15 ta’ Ottubru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/833 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral 2 ;

2.Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/989 tas-27 ta’ April 2020 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2020/124 rigward ċerti dispożizzjonijiet u Annessi tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO) 3 ;

3.Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/860 tat-23 ta’ Marzu 2021 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2020/124 fir-rigward tal-Anness tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO) 4 ;

4.Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1281 tal-4 ta’ Marzu 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2019/833 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/124 fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet dwar il-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO) u Annessi tagħhom 5 ;

5.Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1090 tal-24 ta’ Jannar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2019/833 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/124 fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet dwar il-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO) 6 .

5.KONKLUŻJONI

Matul dawn l-aħħar 5 snin, il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħat delegati mogħtija lilha skont ir-Regolament (UE) 2019/833. Il-Kummissjoni tara l-ħtieġa li din is-setgħa tiġi estiża minħabba li l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar tan-NAFO jinbidlu kull sena u l-bidliet sussegwenti jeħtieġ li jiġu implimentati fid-dritt tal-UE.

B’dan ir-rapport, il-Kummissjoni tissodisfa r-rekwiżit ta’ rapportar skont l-Artikolu 51(2) tar-Regolament (UE) 2019/833. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.

(1)

Ir-Regolament (UE) 2019/833 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral, li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1627 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2115/2005 u (KE) Nru 1386/2007 (ĠU L 141, 28.5.2019, p. 1). Kif emendat bir-Regolament (UE) 2021/1231 u bir-Regolament (UE) 2022/2037.

(2)

ĠU L 34, 6.2.2020, p. 1.

(3)

ĠU L 221, 10.7.2020, p. 5.

(4)

ĠU L 190, 31.5.2021, p. 19.

(5)

ĠU L 195, 22.7.2022 p. 21.

(6)

ĠU L 146, 6.6.2023, p. 3.

Top